KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

WAHL

ippreżentati fit-18 ta’ Settembru 2013 ( 1 )

Kawża C‑425/12

Portgás – Sociedade de Produção e Distribuição de Gás, SA

vs

Ministério da Agricultura, do Mar, do Ambiente e do Ordenamento do Território

[talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mit-Tribunal administrativo e fiscal do Porto (il-Portugall)]

“Proċeduri ta’ għoti ta’ kuntratti pubbliċi fis-setturi tal-ilma, tal-enerġija, tat-trasport u tat-telekomunikazzjonijiet — Direttiva 93/38/KEE — Nuqqas ta’ traspożizzjoni fid-dritt intern — Possibbiltà li awtorità statali tinvoka ċerti dispożizzjonijiet tad-Direttiva 93/38/KEE kontra organu konċessjonarju ta’ servizz pubbliku li għandu kwalità ta’ entità kontraenti”

1. 

Waqt li l-Qorti tal-Ġustizzja tfakkar il-ħamsin anniversarju mis-sentenza stabbilita tagħha van Gend & Loos ( 2 ), id-dibattiti dwar il-konsegwenzi tar-rikonoxximent tal-effett dirett tad-dritt tal-Unjoni għadhom ’il bogħod milli jingħalqu. Dan jgħodd, b’mod partikolari, għall-portata tal-effett dirett tad-direttivi. Dan jirriżulta minn din il-kawża li toffri lill-Qorti tal-Ġustizzja okkażjoni ġdida sabiex tfakkar ir-rekwiżiti tal-invokabbiltà ta’ direttiva li ma hijiex trasposta fid-dritt intern.

2. 

B’mod iktar preċiż, il-kawża tqajjem il-kwistjoni dwar jekk, u jekk ikun il-każ, f’liema ċirkustanzi, l-Istat jista’ jinvoka kontra organu konċessjonarju ta’ servizz pubbliku, li jkollu barra minn hekk kwalità ta’ entità kontraenti, ċertu numru ta’ dispożizzjonijiet tad-Direttiva tal-Kunsill 93/38/KEE, tal-14 ta’ Ġunju 1993, li tikkoordina l-proċeduri ta’ akkwist pubbliku għal entitajiet li joperaw fis-setturi tal-ilma, tal-enerġija, tat-trasport u tat-telekomunikazzjoni ( 3 ), kif emendata bid-Direttiva 98/4/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-16 ta’ Frar 1998 ( 4 ), fin-nuqqas ta’ traspożizzjoni, fit-termini rikjesti, ta’ dan l-att fid-dritt intern.

I – Il-qafas ġuridiku

A – Id-dritt tal-Unjoni

3.

L-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 93/38 huwa fformulat kif ġej:

“Din id-Direttiva għandha tapplika għall-entitajiet kontraenti li:

a)

jkunu awtoritajiet pubbliċi jew intrapriżi pubbliċi u li jeżerċitaw wieħed mix-xogħlijiet li hemm referenza għalihom fil-paragrafu 2;

b)

meta ma jkunux awtoritajiet pubbliċi jew intrapriżi pubbliċi, ikollhom bħala waħda mill-attivitajiet tagħhom kwalunkwe waħda minn dawk li hemm referenza għalihom fil-paragrafu 2 jew xi assoċjazzjoni minnhom u li joperaw fuq il-bażi ta’ drittijiet speċjali jew esklussivi maħruġa minn awtorità kompetenti ta’ Stat Membru”.

4.

Fost l-attivitajiet imsemmija fl-Artikolu 2(2) tad-Direttiva 93/38 hemm il-provvista jew it-tħaddim ta’ netwerks fissi maħsuba biex jipprovdu servizz lill-pubbliku b’konnessjoni mal-produzzjoni, it-trasport jew id-distribuzzjoni tal-gass.

5.

L-Artikolu 4(1) u (2) ta’ din id-direttiva jistipula:

“1.   Meta jagħtu kuntratti ta’ provvista, xogħlijiet jew servizz, jew meta jorganizzaw konkorsi ta’ disinn, l-entitajiet kontraenti għandhom japplikaw il-proċeduri li jkunu addattati għad-dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva.

2.   L-entitajiet kontraenti għandhom jiżguraw li ma jkun hemm l-ebda diskriminazzjoni bejn fornituri, kuntratturi jew fornituri ta’ servizzi differenti.”

6.

Skont l-Artikolu 14(1)(ċ)(i) tal-imsemmija direttiva, din tapplika għal kuntratti mogħtija minn entitajiet kontraenti li jwettqu attivitajiet fil-qasam tat-trasport jew distribuzzjoni tal-gass, sakemm il-valur stmat mingħajr it-taxxa fuq il-valur miżjud (iktar ’il quddiem il-“VAT”) ta’ dawn il-kuntratti ma jkunx inqas minn EUR 400 000.

7.

Skont l-Artikolu 45(2) tad-Direttiva 93/38, ir-Repubblika Portugiża kellha tadotta l-miżuri neċessarji biex tikkonforma ruħha mal-imsemmija direttiva u tapplikahom sa mhux iktar tard mill-1 ta’ Jannar 1998. Fir-rigward tal-emendi magħmula lil din id-direttiva bid-Direttiva 98/4, huma kellhom, skont l-Artikolu 2(2) ta’ din tal-aħħar, jiġu trasposti fl-ordinament ġuridiku intern Portugiż sa mhux iktar tard mis-16 ta’ Frar 2000.

B – Id-dritt Portugiż

8.

Id-Digriet Leġiżlattiv Nru 223/2001, tad-9 ta’ Awwissu 2001 ( 5 ), ittraspona d-Direttiva 93/38 fl-ordinament ġuridiku Portugiż. Skont l-Artikolu 53(1) tiegħu, id-Digriet Leġiżlattiv Nru 223/2001 daħal fis-seħħ 120 jum wara d-data tal-pubblikazzjoni tiegħu.

II – Il-kawża prinċipali, id-domanda preliminari u l-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

9.

Portgás – Sociedade de Produção e Distribuição de Gás, SA (iktar ’il quddiem “Portgás”) hija kumpannija rregolata mid-dritt Portugiż li hija attiva fis-settur tal-produzzjoni u tad-distribuzzjoni tal-gass naturali ( 6 ).

10.

Fis-7 ta’ Lulju 2001, Portgás iffirmat mal-kumpannija Soporgás – Sociedade Portuguesa de Gás Lda kuntratt dwar il-provvista ta’ meters tal-gass. Il-valur ta’ dan il-kuntratt kien ta’ EUR 437 053.20, mingħajr il-VAT (jiġifieri EUR 532 736.92).

11.

Fil-21 ta’ Diċembru 2001, Portgás ippreżentat talba għall-kofinanzjament Komunitarju fil-kuntest tal-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, li ġiet approvata. Il-kuntratt tal-għoti tal-għajnuna finanzjarja intiż sabiex ikopri l-ispejjeż eliġibbli tal-proġett POR/3.2/007/DREN, li minnu kien jifforma parti l-akkwist tal-meters tal-gass, ġie ffirmat fil-11 ta’ Ottubru 2002.

12.

Fid-29 ta’ Ottubru 2009, wara verifika tal-proġett imwettaq mis-servizzi tal-ispezzjoni ġenerali tal-finanzi, l-amministratur ta’ Programa Operacional Norte (Programm Operattiv tat-Tramuntana) ordna l-irkupru tal-għajnuna finanzjarja li kienet ingħatat lil Portgás fil-kuntest tal-proġett POR/3.2/007/DREN, għar-raġuni li, l-imsemmija kumpannija ma osservatx ir-regoli tad-dritt tal-Unjoni dwar l-għoti ta’ kuntratti pubbliċi, u b’hekk l-ispejjeż kollha suġġetti għall-kofinanzjament pubbliku għandhom ikunu kkunsidrati bħala mhux eliġibbli.

13.

Portgás ippreżentat azzjoni amministrattiva speċjali quddiem it-Tribunal administrativo e fiscal do Porto sabiex tikseb dikjarazzjoni ta’ invalidità jew l-annullament ta’ din id-deċiżjoni għar-raġuni li l-Istat Portugiż ma setax jitlob minnha, bħala impriża privata, li tikkonforma mad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 93/38. Peress li din id-direttiva kienet għadha ma ġietx trasposta fl-ordinament ġuridiku Portugiż fil-mument tal-fatti kkontestati, dawn id-dispożizzjonijiet ma seta’ jkollhom ebda effett dirett fir-rigward tagħha.

14.

Il-ministério da Agricultura, do Mar, do Ambiente e do Ordenamento do Território (Ministeru tal-Agrikoltura, Sajd, Ambjent u Żvilupp tat-Territorju, iktar ’il quddiem “il-Ministeru”), il-konvenut fil-kawża prinċipali, min-naħa tiegħu, irrileva quddiem il-qorti tar-rinviju li d-Direttiva 93/38 ma hijiex indirizzata biss lill-Istati Membri, iżda wkoll lill-entitajiet kontraenti kollha, kif iddefiniti minn din id-direttiva. Skont dan il-ministeru, fil-kwalità tagħha ta’ konċessjonarja ta’ servizz pubbliku esklużiv fiż-żona koperta mill-konċessjoni, Portgás kienet suġġetta għall-obbligi tal-imsemmija direttiva.

15.

Minħabba dubji dwar l-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni invokati fil-kawża prinċipali, fis-26 ta’ Ġunju 2012, it-Tribunal administrativo e fiscal do Porto ddeċieda li jissospendi l-proċedura u jressaq lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari segwenti:

“L-Artikolu 4(1) tad-Direttiva [...] 93/38 [...], l-Artikolu 14(1)(ċ)(i) tal-istess direttiva, moqrija fid-dawl tal-emenda introdotta permezz tad-Direttiva 98/04 [...] kif ukoll id-dispożizzjonijiet l-oħra minn dawn id-direttivi jew il-prinċipji ġenerali tad-dritt Komunitarju applikabbli, jistgħu jiġu interpretati fis-sens li joħolqu obbligi għal konċessjonarji speċifiċi ta’ servizzi pubbliċi, [b’mod partikolari, entità rregolata taħt l-Artikolu 2(1)(b) tal-imsemmija Direttiva 93/38] sa fejn din id-direttiva ma ġietx trasposta għall-finijiet tad-dritt intern mill-Istat Portugiż, liema nuqqas ta’ osservanza ta’ dawn l-obbligi jista’ jiġi invokat kontra dik l-entità konċessjonarja speċifika mill-istess Stat Portugiż, permezz tal-att imputabbli lill-ministeri tagħha?”

16.

Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, il-Gvern Portugiż kif ukoll il-Kummissjoni Ewropea ppreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub lill-Qorti tal-Ġustizzja.

17.

Mistoqsijiet bil-miktub u talba għall-konċentrazzjoni tas-sottomissjonijiet orali kienu indirizzati lill-partijiet. Is-seduta għas-sottomissjonijiet orali nżammet fl-4 ta’ Lulju 2013.

III – Analiżi

18.

Infakkar li din it-talba għal deċiżjoni preliminari għandha l-oriġini tagħha f’kawża bejn Portgás u l-Ministeru rigward deċiżjoni li ordnat l-irkupru tal-għajnuna finanzjarja, li kienet ingħatat lill-imsemmija kumpannija fil-kuntest tal-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, għar-raġuni li, waqt l-akkwist ta’ meters tal-gass mingħand kumpannija oħra, Portgás ma osservatx ċertu numru ta’ regoli tad-dritt tal-Unjoni applikabbli fil-qasam tal-kuntratti pubbliċi.

19.

Portgás tikkontesta l-imsemmija deċiżjoni billi tenfasizza li, fid-dawl tal-kwalità ta’ impriża privata tagħha, id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 93/38, li kienet għadha ma ġietx trasposta fid-dritt intern fil-mument tal-fatti, ma jistgħux ikollhom effett dirett vertikali fir-rigward tagħha. Billi qies li d-Direttiva 93/38 għandha bħala destinatarji mhux biss l-Istati Membri, iżda wkoll l-entitajiet kontraenti kollha fis-sens tal-Artikolu 2(1)(b) tal-imsemmija direttiva, il-Ministeru sostna, min-naħa tiegħu, li din timponi obbligi fuq l-entitajiet kollha previsti minn din id-dispożizzjoni, b’mod partikolari dawk li jibbenefikaw minn drittijiet esklużivi mogħtija minn Stat Membru. Dan huwa preċiżament il-każ tal-kumpannija rikorrenti bħala konċessjonarja ta’ servizz pubbliku.

20.

Il-Qorti tal-Ġustizzja hija, essenzjalment, adita mill-kwistjoni dwar jekk u f’liema ċirkustanzi d-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 93/38 jistgħu jkunu invokati kontra konċessjonarja ta’ servizz pubbliku li għandha l-kwalità ta’ entità kontraenti fil-każ fejn din id-direttiva ma ġietx trasposta fid-dritt intern.

21.

Għalkemm, kif jirriżulta minn ġurisprudenza stabbilita sew, il-kwistjoni tal-invokabbiltà ta’ direttiva kontra entità li għandha l-kwalità ta’ konċessjonarja ta’ servizz pubbliku hija ’l bogħod milli tkun mingħajr preċedent, din il-kawża għandha ċerta partikolarità peress li din l-invokabbiltà hija invokata minn awtorità statali.

22.

L-ewwel nett, nirrileva li bl-ebda mod ma hija diskussa l-kwistjoni dwar jekk id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva li l-applikazzjoni tagħhom hija mitluba, jiġifieri l-Artikoli 4(1) u 14(1)(ċ)(i) tad-Direttiva 93/38, jissodisfawx ir-rekwiżiti “tekniċi” ta’ preċiżjoni, ta’ ċarezza u ta’ inkundizzjonalità sabiex jiġu invokati kontra Stat ( 7 ).

23.

Barra minn hekk, jidhirli li huwa diffiċli li jkun hemm dubju li dawn id-dispożizzjonijiet jissodisfaw il-kriterji meħtieġa. Fil-fatt, fir-rigward tal-kuntratti ta’ provvista u ta’ servizzi li l-valur stmat tagħhom, mingħajr il-VAT ma jkunx inqas minn EUR 400 000, dawn id-dispożizzjonijiet jimponu, b’mod partikolari, fuq l-entitajiet kontraenti li jeżerċitaw attivitajiet fis-setturi tat-trasport jew tad-distribuzzjoni tal-gass obbligu preċiż u inkundizzjonali, li l-għoti tal-imsemmija kuntratti għandu jkun konformi mad-dispożizzjonijiet u proċeduri previsti mid-Direttiva 93/38 u għandhom jitwettqu mingħajr ma jkun hemm diskriminazzjoni bejn il-fornituri, imprendituri jew fornituri ta’ servizzi. Ebda miżura partikolari ta’ implementazzjoni ma tidher li hija neċessarja sabiex tiżgura l-osservanza ta’ dawn ir-rekwiżiti. Fl-opinjoni tiegħi, din l-evalwazzjoni ssib sostenn solidu fil-ġurisprudenza dwar dispożizzjonijiet komparabbli fil-qasam tal-għoti ta’ kuntratti pubbliċi ( 8 ).

24.

Min-naħa l-oħra, huwa diskuss il-punt dwar jekk Portgás tistax tkun prekluża mill-imsemmija dispożizzjonijiet unikament minħabba l-kwalità tagħha ta’ konċessjonarja ta’ servizz pubbliku li għandha l-kwalità ta’ entità kontraenti fis-sens tal-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 93/38. Bl-istess mod, tqum il-kwistjoni dwar jekk, irrispettivament mill-possibbiltà li Portgás tkun ikkunsidrata bħala li toriġina mill-Istat fis-sens tal-ġurisprudenza, huwiex possibbli li awtorità statali tinvoka l-applikazzjoni ta’ ċertu numru ta’ dispożizzjonijiet ta’ din id-direttiva.

25.

F’dan il-każ, nikkunsidra għalhekk li, sabiex nirrispondi għad-domanda mressqa, għandu fl-ewwel lok, ikun iddeterminat jekk Portgás tistax tkun prekluża, unikament minħabba l-kwalità tagħha ta’ konċessjonarja ta’ servizz pubbliku, mid-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 93/38 u, fl-affermattiv, li nistaqsu dwar il-punt jekk l-awtoritajiet amministrattivi ta’ Stat Membru jistgħux jinvokaw l-applikazzjoni kontra tagħha ta’ dispożizzjonijiet tal-imsemmija direttiva li, fid-data tal-fatti kkontestati, ma kinitx ġiet trasposta fl-ordinament ġuridiku.

26.

Fi kliem ieħor, ladarba tkun solvuta l-kwistjoni dwar fil-konfront ta’ min tista’ tkun invokata l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva li ma hijiex trasposta jew hija trasposta b’mod ħażin, jibqa’ li jkun iddeterminat min jista’ jipprevali mill-imsemmija dispożizzjonijiet u, jekk ikun il-każ, taħt liema titolu.

A – Dwar il-possibbiltà li jkunu invokati d-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 93/38 kontra Portgás unikament minħabba l-kwalità tagħha ta ’ konċessjonarja ta ’ servizz pubbliku u entità kontraenti fis-sens tal-Artikolu 2 tal-imsemmija direttiva

27.

F’dan il-każ hemm żewġ perċezzjonijiet opposti.

28.

Min-naħa, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali targumenta, essenzjalment li peress li d-Direttiva 93/38 kienet għadha ma ġietx trasposta fid-dritt intern fid-data tal-iffirmar tal-kuntratt ta’ provvista inkwistjoni, l-awtoritajiet amministrattivi Portugiżi ma jistgħux jinvokaw kontriha d-dispożizzjonijiet tal-imsemmija direttiva. Hija tfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, id-direttivi mhux trasposti ma joħolqux obbligi għall-individwi. Issa, hija għandha preċiżament il-kwalità ta’ individwu, minkejja l-fatt li hija għandha l-kwalità ta’ konċessjonarja ta’ servizzi pubbliku. Hija ssostni, f’dan ir-rigward li hija ma għandha ebda prerogattiva eżorbitanti tad-dritt komuni.

29.

Min-naħa l-oħra, il-Gvern Portugiż u l-Kummissjoni jsostnu, essenzjalment li Portgás, fil-kwalità tagħha ta’ konċessjonarja esklużiva ta’ servizz pubbliku u entità kontraenti fis-sens tal-Artikolu 2(1)(b) tad-Direttiva 93/38, għandha tikkonforma ruħha mad-dispożizzjonijiet ta’ din id-direttiva, u dan anki jekk dan l-att kien għadu ma ġiex traspost fid-dritt intern fid-data tal-iffirmar tal-kuntratt ta’ provvista kkontestat.

30.

Jidhirli li huwa importanti li jitfakkar li r-rikonoxximent tal-effett dirett tad-direttivi huwa bbażat, fl-aħħar mill-aħħar, fuq żewġ għanijiet kumplimentari: in-neċessità li tkun iggarantita l-effiċjenza tad-drittijiet li l-individwi jista’ jkollhom minn dawn l-atti kif ukoll ix-xewqa li jkunu ssanzjonati l-awtoritajiet nazzjonali li ma osservawx l-effett obbligatorju u naqsu milli jiżguraw applikazzjoni effettiva tagħhom ( 9 ).

31.

Minn dan l-angolu u kif il-Qorti tal-Ġustizzja fakkret b’mod kostanti, in-natura vinkolanti ta’ direttiva li fuqha hija bbażata l-possibbiltà li tkun invokata quddiem qorti nazzjonali jeżisti biss fir-rigward ta’ “l-Istati Membri destinatarji kollha”. Minn dan isegwi li direttiva ma tistax, fiha nnifisha, toħloq obbligi fil-konfront ta’ individwu u li dispożizzjoni ta’ direttiva ma tistax għalhekk tkun invokata bħala tali kontra dik il-persuna ( 10 ). Awtorità nazzjonali ma tistax tipprevalixxi ruħha, kontra individwu, minn dispożizzjoni ta’ direttiva li t-traspożizzjoni neċessarja tagħha fid-dritt nazzjonali għadha ma seħħitx ( 11 ).

32.

Fi kliem ieħor, u minkejja d-dubji li jistgħu, b’mod leġittimu, iqumu f’dan ir-rigward ( 12 ), l-effett dirett tad-direttivi jista’ jkun biss ta’ natura “vertikali” u “axxendenti”, fis-sens li huwa japplika biss fil-każ ta’ rikors ippreżentat minn individwu kontra awtorità statali. Din ir-regola għandha bħala anċillari li l-obbligu tal-qorti nazzjonali li tinterpreta r-regoli tad-dritt nazzjonali b’konformità mad-dispożizzjonijiet ta’ direttiva huwa limitat sa fejn din l-interpretazzjoni twassal għall-impożizzjoni fuq individwu ta’ obbligu previst minn direttiva li ma hijiex trasposta ( 13 ).

33.

Din il-limitazzjoni hija madankollu bbilanċjata mill-fatt li l-entitajiet li fil-konfront tagħhom jistgħu jkunu applikati d-dispożizzjonijiet inkundizzjonali u suffiċjentement preċiżi ta’ direttiva Ewropea għandhom forom u kwalitajiet diversi. Fil-fatt, huwa aċċettat li l-kunċett ta’ “Stat Membru” li kontrih jistgħu jkunu invokati d-dispożizzjonijiet ta’ direttiva huwa pperċepit b’mod funzjonali u fl-istess waqt estensiv.

34.

Huwa jkopri, qabel xejn, l-organi ta’ amministrazzjoni pubblika kollha, li jinkludu l-awtoritajiet diċentralizzati ( 14 ). Barra minn hekk, meta l-individwi huma f’pożizzjoni li jipprevalu minn direttiva fir-rigward tal-Istat, huma jistgħu jagħmlu dan, tkun xi tkun il‑kwalità li fiha huma jaġixxu, il-persuna li timpjega jew awtorità pubblika. Fil-fatt fi kwalunkwe każ, għandu jiġi evitat li l-Istat jista’ jieħu vantaġġ mill-ksur tiegħu tad-dritt tal-Unjoni ( 15 ).

35.

Dan il-kunċett jinkludi, b’mod iktar wiesa’, persuni pubbliċi jew privati li għandhom rabtiet partikolari mal-Istat, jiġifieri, sabiex tintuża l-formula stabbilita mis-sentenza Foster et ( 16 ), u sussegwentement imfakkra bosta drabi ( 17 ), il-korpi u impriżi li, tkun xi tkun il-forma ġuridika tagħhom, ikunu ġew inkarigati bis-saħħa ta’ att tal-awtorità pubblika li jwettaq, taħt il-kontroll tagħha, servizz ta’ interess pubbliku u li jkollhom, għal dan il-għan, setgħat eżorbitanti fid-dawl tar-regoli applikabbli fir-relazzjonijiet bejn l-individwi.

36.

Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet ukoll li persuna ġuridika rregolata mid-dritt privat tista’ tkun suġġetta għad-dispożizzjonijiet ta’ direttiva li jista’ jkollhom effett dirett meta l-Istat jafda lil din il-persuna ġuridika b’missjoni speċifika u li huwa jikkontrolla direttament jew indirettament din il-persuna ġuridika ( 18 ).

37.

Min-naħa l-oħra ma jidhirlix li mill-ġurisprudenza jirriżulta li l-fatt biss li entità jkollha kwalità ta’ entità kontraenti, fis-sens tal-leġiżlazzjonijiet Ewropej, jimplika li hija kkunsidrata bħala parti mill-Istat.

38.

Jekk, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, id-dispożizzjonijiet ta’ direttiva jistgħu jipproduċu effett dirett fir-rigward ta’ korp inkarigat li jwettaq, taħt il-kontroll tal-Istat, servizz ta’ interess pubbliku, xorta jibqa’ l-fatt li din l-entità għandu jkollha setgħat eżorbitanti fid-dawl ta’ dak li jirriżulta mir-regoli applikabbli fir-relazzjonijiet bejn l-individwi.

39.

Madankollu, jekk kif semmiet il-Kummissjoni, il-kwalità ta’ entità kontraenti hija, skont l-Artikolu 2(1)(b) tad-Direttiva 93/38, rikonoxxuta biss lill-entitajiet privati “li joperaw fuq il-bażi ta’ drittijiet speċjali jew esklussivi maħruġa minn awtorità kompetenti ta’ Stat Membru”, din il-kwalità ma timplikax neċessarjament li l-imsemmija entitajiet għandhom “setgħat eżorbitanti” fis-sens tal-ġurisprudenza Foster et, iċċitata iktar ’il fuq, kif ippreċiżat, b’mod partikolari, mis-sentenzi Collino u Chiappero ( 19 ) u kif ukoll Rieser Internationale Transporte ( 20 ).

40.

Madankollu, jiena m’inix konvint li l-invokabbiltà tad-direttivi għandha tkun estiża għall-effett dirett kontra tali entità.

41.

Qabel xejn, għandu jkun enfasizzat li, b’mod ġenerali, il-fatt li entità taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni ratione personae ta’ direttiva ma huwiex element determinanti sabiex jiġu applikati fil-konfront tagħha d-dispożizzjonijiet mhux trasposti tal-imsemmija direttiva ( 21 ), peress li dak li huwa importanti huwa li, skont it-tielet paragrafu tal-Artikolu 288 TFUE, l-Istati Membri biss huma destinatarji tagħha. Għalhekk, għalkemm Portgás tagħmel parti mill-entitajiet espressament previsti mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva kkontestata, minħabba l-kwalità tagħha ta’ kumpannija konċessjonarja ta’ servizz pubbliku li ġie fdat lilha b’mod esklużiv mill-Istat, huwa diffiċli li jkun sostnut li hija għandha tikkonforma mad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 93/38 qabel id-dħul fis-seħħ tal-att leġiżlattiv ta’ traspożizzjoni.

42.

Għaldaqstant, minkejja r-rikonċiljazzjonijiet li jistgħu jkunu stabbiliti b’mod leġittimu, il-kunċett ta’ “entità kontraenti” ma għandux l-istess portata bħal kunċett ta’ “Stat” fis-sens funzjonali tat-terminu li kontra tiegħu l-individwu jista’ jinvoka l-effett dirett ta’ direttiva ( 22 ).

43.

Bl-istess mod, il-fatt li impriża privata hija inkarigata milli twettaq, bħala konċessjonarja esklużiva, servizz ta’ interess pubbliku ma huwiex biżżejjed sabiex jiġu applikati fil-konfront tagħha d-dispożizzjonijiet ta’ direttiva li ma humiex trasposti fl-ordinament intern. Għandu jkun ikkonstatat li l-imsemmija impriża għandha setgħat eżorbitanti u li hija suġġetta għall-kontroll tal-awtoritajiet pubbliċi ( 23 ).

44.

Sabiex nirritorna għall-kawża prinċipali, mill-ewwel daqqa t’għajn lejn il-provi prodotti quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja ( 24 ) jirriżulta li r-relazzjoni li tgħaqqad lil Portgás u l-awtoritajiet statali Portugiżi ma hijiex daqshekk mill-qrib bħal dik fil-kawża li tat lok għas-sentenza Foster et, iċċitata iktar ’il fuq, li kienet torbot l-entità inkwistjoni mal-awtoritajiet Brittaniċi. Il-prerogattivi ta’ kontroll li l-awtoritajiet Portugiżi għandhom fir-rigward ta’ Portgás jidhirli li huma ħafna iktar limitati ( 25 ).

45.

Madankollu, peress li l-qorti tar-rinviju ma pprovdietx informazzjoni biżżejjed rigward Portgás sabiex ikun iddeterminat jekk l-imsemmija impriża kellhiex, fil-mument tal-fatti kkontestati, setgħat eżorbitanti u jekk kinitx suġġetta għall-kontroll tal-awtoritajiet pubbliċi, skont ir-regola stabbilita fis-sentenza Foster et ( 26 ) u l-approċċ tradizzjonalment adottat mill-Qorti tal-Ġustizzja f’kawżi simili ( 27 ), għandha tkun din il-qorti li teżamina jekk dawn il-kundizzjonijiet ġewx sodisfatti fir-rigward tas-sitwazzjoni ta’ Portgás fil-mument tal-fatti kkontestati.

46.

Fin-nuqqas ta’ provi li juru li Portgás għandha tkun assimilata mal-Istat, l-invokabbiltà tad-Direttiva għandha tkun eskluża, għaliex anki kif jirriżulta minn ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja mfakkra iktar ’il fuq, ma jinħolqux obbligi fil-konfront ta’ individwu u ma humiex applikati kontra tiegħu d-dispożizzjonijiet ta’ direttiva li ma ġietx trasposta.

47.

Jekk jiġi deċiż mod ieħor jingħata effett dirett dixxendenti lid-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 93/38 u, barra minn hekk, jippermetti lill-Istat, b’mod unitarju, li jipprevali min-nuqqas tiegħu fil-konfront tal-individwi.

48.

Mill-banda l-oħra, fil-każ fejn Portgás tkun assimilata mal-impriża li għandha prerogattivi ta’ awtorità pubblika, u għalhekk li taqa’ fil-kunċett funzjonali tal-Istat — jew li toriġina minnu — diskussa iktar kmieni, xorta jrid jiġi ddeterminat jekk il-Ministeru f’dan il-każ huwiex f’pożizzjoni li jipprevali mill-applikazzjoni tad-Direttiva li ma ġietx trasposta.

B – Dwar il-kwistjoni jekk id-dispożizzjonijiet tad-direttiva kkontestata jistgħux ikunu invokati minn awtorità statali kontra entità li tikkwalifika bħala li “toriġina mill-Istat”

49.

Kif iddiskutejt iktar kmieni, ma jidhirlix li hemm dubju li d-dispożizzjonijiet ta’ direttivi ma jistgħux ikunu invokati permezz tal-effett dirett kontra l-individwi, peress li d-direttivi joħolqu biss obbligi fuq l-Istati Membri destinatarji.

50.

Din hija preċiżament il-mistoqsija li tqum. Għandu jiġi eskluż f’kull każ li l-Istat jista’ jipprevali mid-dispożizzjonijiet mhux trasposti, jew din il-limitazzjoni tapplika biss fil-każ fejn l-invokabbiltà tad-dispożizzjonijiet tad-direttiva mhux trasposti hija invokata kontra individwu? F’dan il-każ, jekk għandu jiġi kkunsidrat li Portgás għandha tkun assimilata bħala li “toriġina mill-Istati” li kontra tagħha d-dispożizzjonijiet tad-direttiva huma opponibbli, għandu, madankollu, jiġi eskluż li l-Ministeru jista’ jipprevali mill-imsemmija direttiva?

51.

Jiena tal-opinjoni li għandha tingħata risposta negattiva għal din id-domanda.

52.

Madankollu, għar-raġunijiet li ser nesponi iktar ’il quddiem, f’dan il-każ ipotetiku, il-possibbiltà li awtorità statali tipprevali kontra oħra separata mill-Istat min-nuqqas ta’ osservanza tad-dispożizzjonijiet ta’ direttiva jidhirli li tqajjem kwistjoni barranija għad-diskussjoni tradizzjonali dwar l-effett dirett vertikali — u a fortiori orizzontali — tad-direttivi, iżda ssib is-sors tagħha fl-obbligu tal-awtoritajiet statali kollha li jikkonformaw mad-dispożizzjonijiet tad-direttivi (it-tielet paragrafu tal-Artikolu 288 TFUE) kif ukoll li tikkoopera b’mod leali u li tiżgura eżekuzzjoni sħiħa tal-obbligi li jirriżultaw mit-trattati jew mill-atti tal-istituzzjonijiet (Artikolu 4(3) TUE).

53.

Fl-ewwel lok, il-kwistjoni ma jidhirlix li għandha rabta diretta mal-ġurisprudenza dwar l-intensità tal-effett dirett li għandu jkun rikonoxxut lid-dispożizzjonijiet tad-direttivi.

54.

Fil-fatt, mit-termini tal-ġurisprudenza u mill-qari li minn dakinhar saret mid-dottrina jirriżulta li “żewġ polari tar-relazzjoni vertikali karatteristiċi tal-effett dirett tad-direttivi” ( 28 ) jikkonsistu, kif diġà semmejt iktar ’il fuq, f’dawn il-konklużjonijiet, min-naħa minn “Stat Membru” — jew minn wieħed mill-membri tiegħu jew li joriġina minnu — li kontra tiegħu jistgħu jiġu invokati d-dispożizzjonijiet ta’ direttiva li ma hijiex trasposta jew li ġiet trasposta b’mod ħażin, u min-naħa l-oħra, minn “individwu”, li jista’ jipprevali minn dawn id-dispożizzjonijiet biss, ladarba jiskadi t-terminu ta’ traspożizzjoni ( 29 ).

55.

Jekk huwa minnu li l-Qorti tal-Ġustizzja aċċettat li awtoritajiet pubbliċi, a priori assimilati bħala membri tal-Istat, jistgħu eventwalment jipprevalu mid-dispożizzjonijiet preċiżi u inkundizzjonali ta’ direttiva li ma ġietx trasposta permezz tal-effett dirett tad-direttivi, dawn l-imsemmija awtoritajiet jew entitajiet għandhom ikunu kkunsidrati preċiżament bħala individwi fir-rigward tad-direttiva inkwistjoni. B’hekk, fil-kawża li tat lok għas-sentenza Comune di Carpaneto Piacentino et, il-Qorti tal-Ġustizzja kienet enfasizzat li “[l]-organi rregolati mid-dritt pubbliku, li, f’dan il-kuntest, għandhom ikunu assimilati mal-individwi, għandhom għalhekk jipprevalu mir-regola ta’ eżenzjoni għall-attivitajiet li huma jwettqu bħala awtoritajiet pubbliċi u li ma jinsabux fl-Anness D tad-Direttiva ( 30 )”.

56.

Fit-tieni lok, jidhirli importanti li jiġi ppreċiżat li l-argument ispirat mill-prinċipju “estoppel” jew mir-regola “nemo auditur propriam turpitudinem allegans” ma għandux l-istess effett fil-każ fejn hija entità statali li tipprevali mid-dispożizzjonijiet ta’ direttiva kontra entità statali oħra jew ta’ membru ieħor tal-Istat. Dan l-argument għandu sens meta l-Istat jixtieq jopponi kontra l-individwi n-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligi imposti minn direttiva Ewropea, sabiex jevita li l-Istat ikun jista’ jieħu kwalunkwe vantaġġ mill-obbligu ta’ traspożizzjoni tiegħu, iżda ma huwiex l-istess fil-każ fejn il-kawża ssir bejn żewġ membri tal-Istat.

57.

Għalhekk, sabiex nirritorna għall-kawża prinċipali, jekk jiġi preżunt li Portgás għandha tkun assimilata bħala li toriġina mill-Istat fis-sens tal-ġurisprudenza Foster et, iċċitata iktar ’il fuq, inkunu, fl-aħħar mill-aħħar, ikkonfrontati minn żewġ nuqqasijiet: minn naħa, l-Istat ma osservax l-obbligu tiegħu previst mill-Artikolu 288 TFUE li jittrasponi d-Direttiva 93/38, iżda, min-naħa l-oħra, Portgás ser tkun akkużata li bħala entità kontraenti naqset milli tosserva d-dispożizzjonijiet tal-imsemmija direttiva.

58.

F’dawn iċ-ċirkustanzi, jiena tal-opinjoni li din il-kwistjoni ma hijiex marbuta ma’ kwalunkwe diskussjoni dwar il-portata u l-intensità tal-effett dirett li għandu jkun rikonoxxut lid-dispożizzjonijiet preċiżi u inkundizzjonali tad-direttivi, iżda jaqa’ fil-kuntest tal-obbligi imposti fuq l-awtoritajiet statali permezz tad-dmir tagħhom ta’ kooperazzjoni legali u tal-obbligu tagħhom li jiżguraw eżekuzzjoni sħiħa tal-obbligi li jirriżultaw mid-dritt tal-Unjoni.

59.

Jidhirli li huwa importanti li jiġi enfasizzat, f’dan ir-rigward, li jekk l-ewwel obbligu li għandhom l-Istati Membri b’rabta mal-implementazzjoni tad-direttivi jikkonsisti, b’mod li jistax ikun injorat, f’li jikkonformaw id-dritt nazzjonali magħhom permezz tal-adozzjoni, fit-termini rikjesti, ta’ miżuri ta’ traspożizzjoni konformi kemm mat-termini kif ukoll tal-għanijiet li jridu jintlaħqu, ma huwiex limitat għal dan. L-effett obbligatorju rikonoxxut lid-direttivi jimplika, li, lil hinn anki mill-obbligu tat-traspożizzjoni, l-awtoritajiet u membri kollha tal-Istat jiggarantixxu l-implementazzjoni effettiva ta’ dawn l-atti.

60.

Skont il-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali, l-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri ġenerali jew partikolari kollha sabiex jiżguraw l-eżekuzzjoni tal-obbligi tagħhom skont id-dritt tal-Unjoni. Kif ippreċiżat ukoll il-Qorti tal-Ġustizzja, l-obbligu tal-Istati Membri, li jirriżulta minn direttiva, li jilħqu r-riżultat previst minnha, kif ukoll l-obbligu, impost fuqhom mit-Trattati li jadottaw id-dispożizzjonijiet ġenerali jew partikolari intiżi sabiex jiżguraw it-twettiq ta’ dan l-obbligu, japplikaw għall-awtoritajiet kollha tal-Istati Membri ( 31 ).

61.

Il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat ukoll li, barra l-awtoritajiet statali ċentrali, l-awtoritajiet diċentralizzati huma suġġetti għall-obbligu li jieħdu l-miżuri kollha sabiex jiżguraw l-eżekuzzjoni tad-direttivi, ikun x’ikun il-livell ta’ awtonomija tagħhom, u kif ukoll l-entitajiet ġudizzjarji.

62.

Jiena tal-opinjoni li ma hawnx lok li l-impożizzjoni ta’ dan l-obbligu ta’ eżekuzzjoni jkun limitat biss għal dawn l-awtoritajiet, u li għall-konsistenza għandu jkun estiż għall-organi u entitajiet kollha li jissodisfaw il-kundizzjonijiet sabiex jikkwalifikaw bħala li joriġinaw mill-Istat fis-sens funzjonali tat-terminu, kwalifikazzjoni li ġiet ippreċiżata fis-sentenza Foster et iċċitata iktar ’il fuq.

63.

B’hekk, sabiex nirritornaw għall-każ lili sottomess, jekk ser ikun ikkunsidrat li entità, bħal ma hi Portgás, konċessjonarja ta’ servizz pubbliku, li għandha wkoll il-kwalità ta’ entità kontraenti, hija assimilata mal-Istat, jiena ma nara ebda ostakolu sabiex jiġu applikati fil-konfront tagħha d-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 93/38. Għall-kuntrarju, mhux biss dawn id-dispożizzjonijiet huma applikabbli għaliha, iżda hija għandha, barra minn hekk, fil-kwalità tagħha ta’ membru tal-Istat, l-obbligu li tieħu l-miżuri neċessarji kollha għall-eżekuzzjoni ta’ dawn id-dispożizzjonijiet, irrispettivament għalhekk mill-punt dwar jekk dawn jissodisfawx il-kundizzjonijiet tekniċi ta’ invokabbiltà permezz tal-effett dirett. F’dan il-każ, għandu jkun konkluż li Portgás hija suġġetta għall-obbligi previsti minn din id-direttiva wara l-1 ta’ Jannar 1998 u hija setgħet minn dakinhar kienet issanzjonata għal nuqqas ta’ twettiq tagħhom, kemm permezz ta’ deċiżjoni tal-awtorità ta’ tutela kompetenti, kif ukoll b’deċiżjoni ta’ qrati nazzjonali fuq talba ta’ terzi ppreġudikati minn dan in-nuqqas ta’ twettiq. Tali sanzjonijiet jikkostitwixxu miżuri adegwati għall-eżekuzzjoni tad-direttiva kkonċernata għaliex huma għandhom preċiżament l-għan li jiffavorixxu l-adozzjoni ta’ deċiżjonijiet jew ta’ proċeduri konformi mal-imsemmija direttiva.

64.

Barra minn hekk, billi jipprevali mir-rikonoxximent ta’ ċerti dispożizzjonijiet tad-Direttiva 93/38 inkwistjoni għall-Portgás, il-Ministeru, fil-kwalità tiegħu ta’ awtorità ta’ tutela, jikkonforma biss mal-obbligu tiegħu ta’ implementazzjoni u kooperazzjoni legali, irrispettivament mit-traspożizzjoni tal-imsemmija direttiva. Minn din il-perspettiva ma jistax ikun akkużat li ħa xi vantaġġ mis-sitwazzjoni ta’ nuqqas ta’ traspożizzjoni.

65.

Dan l-obbligu ta’ kooperazzjoni legali u ta’ konformità jidhirli, għalhekk, li huwa msaħħaħ fil-każ fejn, kif bħal fil-kawża prinċipali, l-awtorità statali inkwistjoni hija, bħala awtorità ta’ tutela, responsabbli sabiex tiżgura l-amministrazzjoni tajba u l-konformità tat-tranżazzjonijiet li huma s-suġġett ta’ finanzjament minn Fondi Strutturali. Kif enfasizzat il-Kummissjoni fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, l-awtoritajiet ta’ amministrazzjoni intiżi mill-Istati Membri sabiex jirregolaw l-assistenza permezz ta’ dawn il-Fondi għandhom responsabbiltà partikolari, peress li huma għandhom jiżguraw espressament li dawn ikunu konformi mad-dispożizzjonijiet tat-Trattat u tal-atti tad-dritt derivat, fosthom dawk li japplikaw fil-qasam tal-għoti tal-kuntratti pubbliċi ( 32 ).

66.

Għalhekk, jekk ser jiġi konkluż li Portgás hija assimilata mal-Istat, jiena ma nara ebda ostakolu li d-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 93/38 huma applikabbli fil-konfront tagħha, u dan anki jekk dawn huma invokati minn awtorità oħra tal-Istat. Huwa minnu li l-ġurisprudenza taċċetta l-effett dirett tad-direttivi mhux trasposti biss meta dawn huma invokati minn individwu kontra l-Istat jew organu li jista’ jkun assimilat miegħu, u teskludih b’mod espliċitu meta huwa invokat mill-Istat kontra individwu. Madankollu, dan jimplika biss li d-dispożizzjonijiet ta’ direttiva ma jistgħux jiġu invokati f’kawża bejn l-Istat u organu marbut miegħu. Ma għadhiex kwistjoni ta’ effett dirett, iżda ta’ ħtieġa ta’ implementazzjoni ta’ direttiva fir-rigward tal-obbligu ta’ eżekuzzjoni tal-obbligi li jirriżultaw mid-dritt tal-Unjoni u ta’ kooperazzjoni leali imposti fuq l-awtoritajiet u l-membri tal-Istat kollha.

IV – Konklużjoni

67.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, jiena nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha tirrispondi għad-domanda preliminari mressqa mit-Tribunal administrativo e fiscal do Porto bil-mod segwenti:

L-Artikoli 4(1) u 14(1)(ċ)(i) tad-Direttiva tal-Kunsill 93/38/KEE, tal-14 ta’ Ġunju 1993, li tikkoordina l-proċeduri ta’ akkwist pubbliku għal entitajiet li joperaw fis-setturi tal-ilma, tal-enerġija, tat-trasport u tat-telekomunikazzjoni, kif emendata bid-Direttiva 98/4/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-16 ta’ Frar 1998, ma jistgħux ikunu invokati mill-awtoritajiet ta’ Stat Membru kontra impriża privata, minħabba l-fatt biss li hija taġixxi bħala konċessjonarja esklużiva ta’ servizz ta’ interess pubbliku li taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni ratione personae ta’ din id-direttiva, minkejja li l-imsemmija direttiva għadha ma ġietx trasposta fl-ordinament intern tal-imsemmi Stat Membru. Għandha tkun il-qorti nazzjonali li tidentifika li, barra l-kwalità tagħha ta’ konċessjonarja ta’ servizz pubbliku, l-impriża inkwistjoni għandha prerogattivi eżorbitanti.


( 1 ) Lingwa oriġinali: il-Franċiż.

( 2 ) Sentenza tal-5 ta’ Frar 1963, 26/62, Ġabra p. 1.

( 3 ) ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 2, p. 194.

( 4 ) ĠU L 101, p. 1.

( 5 ) Diário da República I, Serje A, Nru 184, tad-9 ta’ Awwissu 2001, p. 5002.

( 6 ) Skont l-informazzjoni pprovduta mir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, wara l-kostituzzjoni tagħha, din kienet fil-parti l-kbira fil-pussess ta’ azzjonisti privati.

( 7 ) Skont ġurisprudenza stabbilita sew, fil-każijiet kollha fejn id-dispożizzjonijiet ta’ direttiva jidhru, mill-perspettiva tal-kontenut tagħhom, inkundizzjonali u suffiċjentement preċiżi, l-individwi jistgħu jinvokawhom quddiem il-qrati nazzjonali kontra l-Istat Membru, meta dan ikun naqas milli jittrasponi d-direttiva fid-dritt nazzjonali fit-termini previsti jew meta dan jittrasponiha b’mod inkorrett [ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tad-19 ta’ Jannar 1982, Becker (8/81, Ġabra p. 53, punt 25), u tal-24 ta’ Jannar 2012, Dominguez (C‑282/10, punt 33 u l-ġurisprudenza ċċitata)].

( 8 ) Ara b’mod partikolari, is-sentenzi tal-20 ta’ Settembru 1988, Beentjes (31/87, Ġabra p. 4635, punti 40 sa 44); tat-22 ta’ Ġunju 1989, Costanzo (103/88, Ġabra p. 1839, punti 29 sa 31); tal-24 ta’ Settembru 1998, Tögel (C-76/97, Ġabra p. I-5357, punti 42 sa 47); tal-4 ta’ Marzu 1999, HI (C-258/97, Ġabra p. I-1405, punti 34 sa 39); tas-16 ta’ Settembru 1999, Fracasso u Leitschutz (C-27/98, Ġabra p. I-5697, punti 36 u 37); u tat-18 ta’ Ottubru 2001, SIAC Construction (C-19/00, Ġabra p. I-7725, punti 35 sa 45).

( 9 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tas-26 ta’ Frar 1986, Marshall (152/84, Ġabra p. 723, punt 47).

( 10 ) Sentenzi Marshall, iċċitata iktar ’il fuq (punt 48); tat-8 ta’ Ottubru 1987, Kolpinghuis Nijmegen (80/86, Ġabra p. 3969, punt 9); u tas-26 ta’ Settembru 1996, Arcaro (C-168/95, Ġabra p. I-4705, punt 36).

( 11 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenza Kolpinghuis Nijmegen, iċċitata iktar ’il fuq (punt 10).

( 12 ) Ma huwiex possibbli li hawn hekk jiġu identifikati l-kummenti numerużi tal-ġurisprudenza u l-kontribuzzjonijiet dottrinali li ġew iddedikati għall-kundizzjoni tal-invokabbiltà tad-direttivi, b’mod partikolari fil-kawżi orizzontali. Ser nillimita ruħi f’dan ir-rigward, li nagħmel riferiment għar-referenzi msemmija mill-Avukat Ġenerali Cruz Villalón fil-punt 75 (nota ta’ qiegħ il-paġna 32) tal-konklużjonijiet reċenti tiegħu fil-kawża Association de médiation sociale (C‑176/12).

( 13 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenza Arcaro, iċċitata iktar ’il fuq (punt 42).

( 14 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenza Costanzo, iċċitata iktar ’il fuq (punt 32).

( 15 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenza Marshall, iċċitata iktar ’il fuq (punt 49).

( 16 ) Ara s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-12 ta’ Lulju 1990, Foster et (C‑188/89), Ġabra p. I‑3313, punt 20).

( 17 ) Sentenzi tal-14 ta’ Settembru 2000, Collino u Chiappero (C-343/98, Ġabra p. I-6659, punt 23); tal-5 ta’ Frar 2004, Rieser Internationale Transporte (C-157/02, Ġabra p. I-1477, punt 24); tad-19 ta’ April 2007, Farrell (C-356/05, Ġabra p. I-3067, punt 40); u Dominguez, iċċitatat iktar ’il fuq (punt 39).

( 18 ) Ara s-sentenza Rieser Internationale Transporte, iċċitata iktar ’il fuq (punt 29).

( 19 ) Ara s-sentenza Collino u Chiappero, iċċitata iktar ’il fuq (punt 23).

( 20 ) Ara l-punti 25 sa 27 tas-sentenza. Sabiex jiġi konkluż li Asfinag setgħet tkun suġġetta għad-dispożizzjonijiet ta’ direttiva li jista’ jkollhom effett dirett, il-Qorti tal-Ġustizzja, preliminarjament, ikkonstatat li dan il-korp, barra li kien inkarigat minn servizz ta’ interess pubbliku permezz ta’ att ta’ awtorità pubblika taħt il-kontroll ta’ din l-aħħar, kellu setgħat eżorbitanti.

( 21 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal-14 ta’ Lulju 1994, Faccini Dori (C-91/92, Ġabra p. I-3325), fir-rigward tad-Direttiva tal-Kunsill 85/577/KEE, tal-20 ta’ Diċembru 1985, biex tħares lill-konsumatur rigward kuntratti nnegozjati barra mill-lok tan-negozju (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 1, p. 262), u tat-12 ta’ Diċembru 1996, X (C-74/95 u C-129/95, Ġabra p. I-6609) fir-rigward ta’ persuni li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva tal-Kunsill 90/270/KEE, tad-29 ta’ Mejju 1990, dwar il-ħtiġijiet minimi ta’ saħħa u sigurtà għax-xogħol b’tagħmir li għandu display screen (il-ħames Direttiva individwali fi ħdan it-tifsira tal-Artikolu 16(1) tad-Direttiva 87/391/KEE) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 1, p. 391).

( 22 ) Kif semma’ l-Avukat Ġenerali Alber fil-konklużjonijiet tiegħu fil-kawża li tat lok għas-sentenza Rieser Internationale Transporte, iċċitata iktar ’il fuq (punt 35), “[i]t-terminu awtorità kontraenti ma għandux neċessarjament ikollu l-istess sinjifikattiv tat-terminu Stat fis-sens funzjonali li kontra tiegħu l-individwu jista’ jinvoka l-effett dirett ta’ direttiva”.

( 23 ) Kif enfażizza l-Avukat Ġenerali Van Gerven fil-konklużjonijiet tiegħu fil-kawża Foster et, iċċitata iktar ’il fuq (punt 22), l-impriża li kontra tagħha tista’ tkun invokata dispożizzjoni inkundizzjonata u suffiċjentement preċiża hija dik li fir-rigward tagħha l-Istat “jassumi responsabbiltà li tpoġġih f’pożizzjoni li jinfluwenza b’mod determinanti u bi kwalunkwe mod (ħlief permezz tal-eżerċizzju ta’ kompetenzi leġiżlattivi ġenerali) l-aġir ta’ din il-persuna jew dan l-organu, u dan fir-rigward tal-qasam li fih id-dispożizzjoni kkonċernata tad-Direttiva timponi obbligu li l-Istat Membru naqas milli jittrasponi fid-dritt nazzjonali tiegħu”.

( 24 ) Dawn il-provi jikkonsistu, b’mod partikolari, fid-Digriet Leġiżlattiv 33/91 (Diário da República, serje A, Nru 13 tas-16 ta’ Jannar 1991, p. 235) u fil-kuntratt ta’ konċessjoni ta’ distribuzzjoni tal-gass iffirmat, f’Diċembru 1993, bejn Portgás u l-Istat Portugiż.

( 25 ) F’dan is-sens, jidher li l-Istat ma għandux setgħa ta’ nominazzjoni tad-diriġenti tal-kumpannija, tal-possibbiltà li jindirizza direttivi ġenerali — u f’ċerti każijiet struzzjonijiet obbligatorji — dwar kwistjonijiet differenti jew anki setgħa li jordna d-destinazzjoni ta’ ċerti fondi, b’tali mod li jeżerċita pressjoni fuq id-direzzjoni tal-impriża inkwistjoni.

( 26 ) Kif jirriżulta wkoll mill-punt 15 tas-sentenza Foster et, iċċitata iktar ’il fuq, jekk il-Qorti tal-Ġustizzja hija kompetenti sabiex tiddetermina, preliminarjament, il-kategoriji tas-suġġetti tad-dritt li kontra tagħhom id-dispożizzjonijiet ta’ direttiva jistgħu jkunu invokati, għandhom mill-banda l-oħra jkunu l-qrati nazzjonali li jiddeċiedu jekk parti mill-kawża li ġiet suġġetta għalihom taqax fil-kategoriji hekk iddefiniti.

( 27 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Collino u Chiappero (punt 24); Farrell (punt 41); kif ukoll Dominguez (punt 40).

( 28 ) Ara D. Simon, La directive européenne, Dalloz, 1997, p. 73.

( 29 ) Jekk wieħed jieħu għalhekk il-formula oriġinali użata mill-qorti tal-Unjoni, “it-tħaris tal-individwi kkonċernati għas-salvagwardja tad-drittijiet tagħhom” huwa l-bażi tal-istabbiliment tal-effett dirett (ara s-sentenza van Gend & Loos, iċċitata iktar ’il fuq).

( 30 ) Sentenza tas-17 ta’ Ottubru 1989, Comune di Carpaneto Piacentino et (231/87 u 129/88, Ġabra p. 3233, punt 31).

( 31 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal-10 ta’ April 1984, von Colson u Kamann (14/83, Ġabra p. 1891), u Kolpinghuis Nijmegen, iċċitata iktar ’il fuq (punt 12).

( 32 ) Ara, b’mod partikolari, l-Artikoli 12 u 38 tar-Regolament tal-Kunsill KE Nru 1260/1999, tal-21 ta’ Ġunju 1999, li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-Fondi Strutturali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 14, Vol. 1, p. 31), applikabbli għall-fatti previsti fil-kawża prinċipali. F’dan il-każ, jista’ jkun ta’ sorpriża li d-dibattitu kien iffokat fuq il-kwistjoni tal-invokabbiltà tad-Direttiva 93/38, minkejja li, fi kwalunkwe każ, l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti kienu obbligati li jiżguraw osservanza sħiħa tad-dispożizzjonijiet tar-Regolament Ewropew, li jirreferu għar-regoli applikabbli fil-qasam tal-kuntratti pubbliċi, li ma hemm ebda dubju dwar in-natura obbligatorja u direttament applikabbli tagħhom.