KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

CRUZ VILLALÓN

ippreżentati fid-29 ta’ April 2014 ( 1 )

Kawża C‑399/12

Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja

vs

Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea

[Rikors għal annullament ippreżentat mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja]

“Organizzazzjonijiet internazzjonali — Proċedura ta’ konklużjoni ta’ ftehim — Determinazzjoni tal-pożizzjonijiet li għandhom jiġu adottati f’isem l-Unjoni f’organu stabbilit minn ftehim — Riżoluzzjonijiet tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tad-Dwieli u l-Inbejjed — Artikolu 218(9) TFUE — Ftehim tal-Istati Membri — Effett legali”

1. 

Matul is-snin, l-Unjoni Ewropea evolviet f’attur rispettat tal-organizzazzjonijiet internazzjonali ( 2 ). Waħda mid-dispożizzjonijiet rilevanti tat-trattati f’dan ir-rigward huwa l-Artikolu 218(9) TFUE, li jinkludi bażi legali proċedurali għall-istabbiliment tal-pożizzjonijiet li għandhom jiġu adottati f’isem l-Unjoni f’organu stabbilit minn ftehim, sa fejn tali organu jadotta atti li għandhom effetti legali. Dan ir-rikors għal annullament iqajjem il-kwistjoni dwar jekk din id-dispożizzjoni tapplikax f’każ li għandu l-karatteristiċi li ġejjin: Minn naħa, il-fatt li ċerti Stati Membri tal-Unjoni jkunu jappartjenu mal-organizzazzjoni, iżda mhux mal-Unjoni nfisha; min-naħa l-oħra, il-fatt li jkun hemm inkwistjoni organizzazzjoni li essenzjalment tadotta “rakkomandazzjonijiet”.

2. 

Il-fatt li ta lok għall-kawża kien il-ftehim bejn l-Unjoni u l-Istati Membri fil-qasam tal-attività tal-organizzazzjoni internazzjonali tad-dwieli u tal-inbejjed (“OIV”), organizzazzjoni intergovernattiva fl-oqsma tad-dwieli, l-inbid, xorb ibbażat fuq inbid, għeneb tal-mejda, żbib u prodotti oħra li joriġinaw mid-dwieli. Diversi Stati Membri tal-Unjoni huma membri tal-organizzazzjoni, iżda madankollu mhux tal-Unjoni nfisha. Fid-19 ta’ Ġunju 2012 il-Kunsill adotta għall-ewwel darba, b’maġġoranza kkwalifikata, abbażi tal-Artikolu 43 flimkien mal-Artikolu 218(9) TFUE, deċiżjoni sabiex tiġi stabbilita l-pożizzjoni li għandha tiġi adottata f’isem l-Unjoni fir-rigward ta’ ċerti riżoluzzjonijiet tal-OIV. Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, li vvutat kontra d-deċiżjoni, ħarġet dikjarazzjoni dwar il-pożizzjoni tagħha u sussegwentement ippreżentat dan ir-rikors għal annullament.

3. 

Minbarra ċ-ċirkustanzi tal-kawża preżenti, il-kwistjonijiet legali li għandhom jiġu kkjarifikati huma ta’ importanza kbira għar-relazzjonijiet bejn l-Unjoni u l-Istati Membri fil-qasam tal-kummerċ estern. Minħabba raġunijiet ta’ dritt internazzjonali, diversi Stati Membri tal-Unjoni huma wkoll membri ta’ organizzazzjonijiet internazzjonali, iżda madankollu mhux l-Unjoni nfisha. Dan huwa ta’ spiss il-każ anki meta l-organizzazzjoni rilevanti taġixxi fil-qasam tal-kompetenza tal-Unjoni. Għal każijiet bħal dawn, il-Qorti tal-Ġustizzja fil-kawża preżenti tista’ tagħmel kjarifiki rilevanti għall-futur.

I – Il-kuntest ġuridiku

A – Id-dritt internazzjonali

4.

Fil-forma attwali tagħha, l-OIV ġiet stabbilita permezz tal-Ftehim tat-3 ta’ April 2001 dwar l-istabbiliment tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tad-Dwieli u tal-Inbejjed (OIV) (iktar ’il quddiem “il-Ftehim”) ( 3 ) bħala l-organizzazzjoni suċċessura tal-Uffiċċju Internazzjonali tad-Dwieli u tal-Inbejjed ( 4 ) li nħoloq fl-1924.

5.

Din għandha l-għan, fost l-oħrajn, li “tikkontribwixxi għall-armonizzazzjoni internazzjonali tal-prattiki u tar-regoli eżistenti, u fejn meħtieġ, għall-iżvilupp tar-regoli internazzjonali ġodda, bil-għan li jittejbu l-kundizzjonijiet ta’ żvilupp u ta’ kummerċjalizzazzjoni tal-prodotti tad-dwieli u tal-inbejjed, u għat-teħid inkunsiderazzjoni tal-interessi tal-konsumaturi” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. (Artikolu 2(1)(c) tal-Ftehim OIV).

6.

Skont l-Artikolu 2(2)(b) tal-Ftehim, l-OIV għandha tieħu dawn l-azzjonijiet li ġejjin sabiex tilħaq dawn l-għanijiet:

“It-tfassil u l-formulazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet u r-reviżjoni tal-applikazzjoni tagħhom flimkien mal-membri tagħha, partikolarment fl-oqsma li ġejjin:

i)

il-kundizzjonijiet għall-produzzjoni tal-inbid,

ii)

il-proċeduri enoloġiċi,

iii)

id-definizzjoni u/jew id-deskrizzjoni tal-prodotti, l-ittikkettar u l-kundizzjonijiet għat-tqegħid fis-suq,

iv)

il-metodi ta’ analiżi u valutazzjoni għall-prodotti tad-dwieli” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

7.

Skont l-Artikolu 8 ta’ dan il-Ftehim ( 5 ):

“Organizzazzjoni intergovernattiva internazzjonali tista’ tipparteċipa fil-ħidma tal-OIV jew issir membru tal-OIV u tikkontribwixxi għall-finanzjament tal-organizzazzjoni taħt il-kundizzjonijiet li għandhom jiġu stabbiliti, każ b’każ, mill-Assemblea Ġenerali fuq proposta tal-Kumitat Eżekuttiv” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

B – Id-dritt tal-Unjoni

1. Id-dritt primarju

8.

L-ewwel sentenza tal-Artikolu 4(3)(1) TUE jipprovdi:

“Skond il-prinċipju tal-koperazzjoni leali, l-Unjoni u l-Istati Membri għandhom, f’rispett reċiproku sħiħ, jgħinu lil xulxin fit-twettiq tal-kompiti li joħorġu mit-Trattati”.

9.

L-Artikolu 218 TFUE jipprovdi:

“(1)   Mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet speċifiċi stabbiliti fl-Artikolu 207, ftehim bejn l-Unjoni u pajjiżi terzi jew organizzazzjonijiet internazzjonali għandhom jiġu negozjati u konklużi skond il-proċedura li ġejja.

[…]

(9)   Il-Kunsill, fuq proposta tal-Kummissjoni jew tar-Rappreżentant Għoli ta’ l-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u ta’ Politika ta’ Sigurtà għandu jadotta deċiżjoni li tissospendi l-applikazzjoni ta’ ftehim u li tistabbilixxi l-pożizzjonijiet li għandhom jiġu adottati f’isem l-Unjoni f’sede [organu] stabbilita fi ftehim, meta dik is-sede [organu] tintalab tadotta atti li jkollhom effetti legali, sakemm dawn ma jkunux atti li jissupplimentaw jew jemendaw il-qafas istituzzjonali tal-ftehim.

[…]

(11)   Stat Membru, il-Parlament Ewropew, il-Kunsill jew il-Kummissjoni jistgħu jiksbu l-opinjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar jekk ftehim maħsub ikunx kompatibbli mat-Trattati.

[…]”

2. Id-dritt sekondarju

10.

Ir-Regolament tal-Kunsill Nru 479/2008 ( 6 ) li daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Awwissu 2008 adotta għall-ewwel darba fid-dritt sekondarju ( 7 ) referenzi dinamiċi għar-riżoluzzjonijiet tal-OIV. Permezz tar-Regolament tal-Kunsill Nru 491/2009 ( 8 ) dawn ir-regoli tal-organizzazzjoni komuni tas-suq tal-inbid ġew inkorporati fir-Regolament tal-Kunsill Nru 1234/2007 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni ta’ swieq agrikoli u dwar dispożizzjonijiet speċifiċi għal ċerti prodotti agrikoli ( 9 ).

11.

L-Artikolu 120f tar-Regolament Waħdieni dwar l-OKS jipprovdi:

“Il-Kummissjoni, meta tawtorizza prattiki enoloġiċi skont il-proċedura msemmija fl-Artikolu 195(4), għandha:

a)

tibbaża fuq il-prattiki enoloġiċi rakkomandati u ppubblikati mill-Organizzazzjoni Internazzjonali tad-Dwieli u tal-Inbejjed (OIV) kif ukoll fuq ir-riżultati tal-użu sperimentali ta’ prattiki enoloġiċi li jkunu għadhom mhux awtorizzati […]”

12.

L-Artikolu 120g ta’ dan ir-regolament jipprovdi:

“Il-metodi ta’ analiżi sabiex tiġi ddeterminata l-kompożizzjoni tal-prodotti tas-settur tal-inbid u r-regoli li permezz tagħhom jista’ jiġi stabbilit jekk dawn il-prodotti jkunux għaddew minn proċessi li jmorru kontra l-prattiki enoloġiċi awtorizzati għandhom ikunu dawk rakkomandati u ppubblikati mill-OIV.

Fejn m’hemmx metodi u regoli rakkomandati u ppubblikati mill-OIV, il-Kummissjoni għandha tadotta metodi u regoli korrispondenti skont il-proċedura msemmija fl-Artikolu 195(4).

Sakemm jiġu adottati tali regoli, il-metodi u r-regoli li għandhom jintużaw għandhom ikunu dawk permessi mill-Istat Membru kkonċernat.”

13.

Skont l-Artikolu 158a(2) tal-istess regolament:

“Għajr fejn previst mod ieħor fi ftehimiet konklużi skont l-Artikolu 300 tat-Trattat, il-prodotti imsemmijin fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu għandhom jiġu prodotti skont il-prattiki enoloġiċi rrakkomandati u ppubblikati mill-OIV jew awtorizzati mill-Komunità skont dan ir-Regolament u l-miżuri implimentattivi tiegħu”.

14.

L-Artikolu 9(1) tar-Regolament Nru 606/2009 ( 10 ) jipprovdi:

“Fejn mhumiex stabbiliti bid-Direttiva tal-Kummissjoni 2008/84/KE (5), l-ispeċifikazzjonijiet ta’ purità u ta’ identifikazzjoni tas-sustanzi użati mill-prattiċi enoloġiċi msemmija fl-Artikolu 32, it-tieni subparagrafu, il-punt e) tar-Regolament (KE) Nru 479/2008, huma dawk stabbiliti u ppubblikati fil-Kodiċi Enoloġiku Internazzjonali tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tad-Dwieli u tal-Inbejjed (OIV)” ( 11 ).

15.

L-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 606/2009:

“Il-Kummissjoni għandha tippubblika, fis-sejre C ta’ Il-Ġurnal Uffiċċjali tal-Unjoni Ewropea, il-lista u d-deskrizzjoni tal-metodi ta’ analiżi msemmija fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 31 tar-Regolament (KE) Nru 479/2008 [li sar l-Artikolu 120g(1), tar-Regolament Waħdieni dwar l-OKS], u deskritti fil-Kompendju tal-Metodi Internazzjonali ta’ Analiżi tal-Inbejjed u l-Mosti (Compendium of International Methods of Analysis of Wines and Musts) tal-OIV, li huma applikabbli għall-kontroll tal-limiti u tar-rekwiżiti stabbiliti fir-regolamentazzjoni Komunitarja għall-produzzjoni tal-prodotti tal-inbid.” ( 12 )

II – Is-suġġett tal-kawża, il-proċedura u t-talbiet

16.

Fit-18 ta’ Ġunju 2012, il-Kunsill adotta b’maġġoranza kkwalifikata, deċiżjoni li tistabbilixxi l-pożizzjoni li għandha tiġi adottata f’isem l-Unjoni Ewropea fir-rigward ta’ ċerti riżoluzzjonijiet li għandhom ikunu adottati fil-qafas tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tad-Dwieli u l-Inbejjed (OIV) ( 13 ). Id-deċiżjoni ttieħdet abbażi tal-Artikolu 43 flimkien mal-Artikolu 218(9) TFUE.

17.

Permezz ta’ att tat-28 ta’ Awwissu 2012, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja ppreżentat rikors għal annullament kontra din id-deċiżjoni. Il-Ġermanja hija tal-fehma li d-deċiżjoni ma kellhiex tkun ibbażata fuq l-Artikolu 218(9) TFUE bħala l-bażi legali proċedurali. Skont il-Ġermanja, ma hemm ebda bażi legali proċedurali oħra għad-deċiżjoni.

18.

Ir-Repubblika Ċeka, il-Gran Dukat tal-Lussemburgu, l-Ungerija, ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi, ir-Repubblika tal-Awstrija u r-Repubblika Slovakka ġew awtorizzati jintervjenu insostenn tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja, filwaqt li l-Kummissjoni ġiet awtorizzata tintervjeni insostenn tal-Kunsill.

19.

Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, sostnuta mill-intervenjenti tagħha, titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha

tannulla d-deċiżjoni tal-Kunsill tat-18 ta’ Ġunju 2012, u

tikkundanna lill-Kunsill għall-ispejjeż.

20.

Il-Kunsill, sostnut mill-Kummissjoni, jitlob lill-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tiċħad ir-rikors bħala infondat fl-intier tiegħu,

sussidjarjament, fil-każ li d-deċiżjoni tiġi annullata, iżżomm l-effetti tagħha,

tikkundanna lir-rikorrent għall-ispejjeż.

21.

Wara t-tmiem tas-sottomissjoni bil-miktub tressqu argumenti orali dwar il-kawża fis-26 ta’ Novembru 2013. Ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ fuq ġew ammessi bħala partijiet intervenjenti oħra f’dan ir-rigward għar-Repubblika Federali tal-Ġermanja.

III – L-argumenti tal-partijiet

22.

Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja tibbaża r-rikors tagħha fuq motiv wieħed: il-Kunsill ma setax jibbaża d-deċiżjoni inkwistjoni fuq l-Artikolu 218(9) TFUE bħala bażi legali proċedurali. F’dan ir-rigward, il-Ġermanja essenzjalment issostni li d-dispożizzjoni ma hijiex applikabbli f’dan il-każ minħabba żewġ raġunijiet. Fil-fatt, hija tqis li, minħabba l-kliem, is-sens, l-oriġini u l-funzjoni tagħha, din id-dispożizzjoni la tapplika għal ftehim tal-Istati Membri, iżda pjuttost għal ftehim internazzjonali tal-Unjoni nfisha, u lanqas ma tapplika wkoll b’analoġija. Il-koordinazzjoni tal-azzjoni tal-Istati Membri f’korpi ta’ organizzazzjonijiet internazzjonali, li kienu ġew stabbiliti bi ftehim internazzjonali tal-Istati Membri, għandha ssir skont il-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali previst fl-Artikolu 4(3) TUE ( 14 ). It-tieni nett, l-Artikolu 218(9) TFUE jinvoka “atti li jkollhom effetti legali” li fil-fehma tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja jfisser li l-att korrispondenti għandu jkun vinkolanti taħt id-dritt internazzjonali. Dan ma huwiex il-każ fir-rigward ta’ riżoluzzjonijiet tal-OIV. Il-Ġermanja ssostni wkoll li l-applikazzjoni tad-dispożizzjoni ma hijiex ta’ natura teknika tal-OIV u barra minn hekk tiggarantixxi rappreżentazzjoni inqas effiċjenti tal-interessi tal-Unjoni.

23.

Kuntrarjament, il-Kunsill iqis li l-Artikolu 218(9) TFUE huwa applikabbli. Huwa essenzjalment jargumenta li fi kwistjonijiet li jaqgħu taħt il-kompetenza tal-Unjoni, id-dispożizzjoni tippermetti wkoll id-determinazzjoni ta’ pożizzjoni f’organizzazzjonijiet internazzjonali, li huma membri tagħhom l-Istati Membri biss iżda mhux l-Unjoni. Fir-rigward tar-riżoluzzjonijiet tal-OIV li jaffettwaw id-deċiżjoni kkontestata, il-Kunsill jassumi — għall-kuntrarju tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja — kompetenza esklużiva tal-Unjoni. Rigward l-“effetti legali” tal-atti, il-Kunsill jiffavorixxi — minbarra r-referenza għal ċerti effetti tad-dritt internazzjonali tar-riżoluzzjonijiet minkejja li dawn huma biss rakkomandazzjonijiet — l-adozzjoni tar-riżoluzzjonijiet fid-dritt tal-Unjoni kif prevista fl-Artikolu 158a(2), 120f(a) u 120g tar-Regolament Waħdieni dwar l-OKS tiggarantixxi effett legali suffiċjenti.

24.

Ir-Repubblika Ċeka essenzjalment taqbel mal-osservazzjonijiet tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja u tikkomplementahom fir-rigward tal-interpretazzjoni tal-Artikolu 218(9). Il-Gran Dukat tal-Lussemburgu huwa tal-istess fehma wkoll u jinnota fost affarijiet oħra, li hemm inkwistjoni kompetenza kondiviża u mhux kompetenza esklużiva tal-Unjoni. Dan huwa wkoll enfasizzat mir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi, li barra minn hekk jargumenta li l-Artikolu 218(9) ma jistax jitqies bħala bażi legali minħabba li fil-mument tal-adozzjoni tad-deċiżjoni ma kienx ċar fuq liema riżoluzzjonijiet kienet ser issir votazzjoni. Barra minn hekk, id-deċiżjoni ma kellhiex motivazzjoni, partikolarment fir-rigward tal-kwistjoni dwar ir-raġuni li għalija, minkejja n-nuqqas ta’ sħubija tal-Unjoni jew l-Istat Membri kollha tagħha fl-OIV u minkejja erbgħin sena tal-prattika eżistenti ta’ kooperazzjoni bejn l-Istati Membri f’dan il-qasam fil-qafas tal-OIV u l-organizzazzjoni predeċessura tagħha ( 15 ). Fl-aħħar nett, ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi huwa tal-fehma li l-azzjoni tal-Kunsill tipperikola l-ftehim fl-OIV, u għaldaqstant, l-interessi tal-Unjoni. L-Ungerija taqbel mal-osservazzjonijiet tal-Ġermanja u tinnota wkoll li, sa fejn għandha konoxxenza, il-Parlament Ewropew ma kienx ġie informat bid-deċiżjoni kkontestata, u li għaldaqstant ma ġietx osservata l-proċedura prevista fl-Artikolu 218(10) TFUE, li kellha titqies ex officio mill-Qorti tal-Ġustizzja. Anki l-Awstrija essenzjalment taqbel mal-argumenti tal-Ġermanja. Ir-Repubblika Slovakka taqbel mal-osservazzjonijiet tal-Ġermanja u tinnota, inter alia, li l-Artikolu 218(9) TFUE nnifsu jista’ japplika biss fil-qasam tal-kompetenza esterna esklużiva tal-Unjoni jekk jiġu ssodisfatti l-kundizzjonijiet tiegħu. Ir-Renju Unit josserva li fil-kuntest tal-kwistjoni tal-effett legali, il-ġurisprudenza dwar l-effetti legali fid-dritt tal-Unjoni ma hijiex rilevanti, iżda pjuttost għandu jiġi kkunsidrat li l-Artikolu 218 TFUE jirregola l-konklużjoni tal-ftehim vinkolanti taħt id-dritt internazzjonali mill-Unjoni.

25.

Il-Kummissjoni taqbel mal-opinjoni tal-Kunsill. Barra minn hekk, hija tindika l-importanza fundamentali tal-kawża: l-Unjoni ma hijiex irrappreżentata f’diversi organizzazzjonijiet internazzjonali, minkejja li dawn jaħdmu f’oqsma li minn tal-inqas jaqgħu parzjalment taħt il-kompetenza tal-Unjoni. Il-ġurisprudenza turi li r-rappreżentazzjoni esterna tal-Unjoni fil-qasam tal-kompetenza tagħha f’każijiet bħal dawn hija eżerċitata mill-Istati Membri fl-interess tal-Unjoni. Il-Kummissjoni targumenta b’mod partikolari dwar il-kompetenzi tal-Unjoni ( 16 ). F’dan il-każ, l-Unjoni għandha kompetenza esterna esklużiva. Legalment, l-Istati Membri għalhekk ma humiex awtorizzati jieħdu deċiżjonijiet f’organizzazzjoni li jistgħu jbiddlu d-dritt tal-Unjoni. Madankollu, ir-riżoluzzjonijiet tal-OIV jimplikaw tali bidla. Għaldaqstant, ir-riżoluzzjonijiet jistgħu jiġu adottati biss wara d-determinazzjoni ta’ pożizzjoni komuni tal-Unjoni kif previst fl-Artikolu 218(9) TFUE, li minbarra d-determinazzjoni tal-pożizzjoni jinkludi l-awtorizzazzjoni tal-Istati Membri li jirrappreżentaw il-pożizzjoni tal-Unjoni fil-kompetenza esterna esklużiva tagħha. Huwa biss b’dan il-mod li jkunu ggarantiti l-interessi tal-Istati Membri li ma humiex irrappreżentati fl-OIV. Fil-fatt, dawn huma esposti wkoll għall-effetti tar-riżoluzzjonijiet tal-OIV, peress li r-riżoluzzjonijiet bidlu l-acquis tal-Unjoni li jorbot lill-Istati Membri tal-Unjoni. Fir-rigward tal-interpretazzjoni sistematika tal-Artikolu 218(9) TFUE, il-Kummissjoni tinnota li għandu jitqies li anki l-Artikolu 218(11) TFUE ma jikkonċernax biss ftehim tal-Unjoni nfisha. Barra minn hekk il-Kummissjoni ssostni li għal atti li ma għandhomx effetti legali għandu jkun hemm koordinazzjoni informali fil-Kunsill kif previst fl-Artikolu 16 TFUE.

IV – Evalwazzjoni

26.

Il-partijiet fil-kawża preżenti ma jaqblux essenzjalment ( 17 ) dwar l-applikabbiltà tal-Artikolu 218(9) TFUE bħala bażi legali proċedurali tad-deċiżjoni tal-Kunsill tat-18 ta’ Ġunju 2012 li tistabbilixxi l-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fir-rigward ta’ ċerti riżoluzzjonijiet li jiġu adottati fil-qafas tal-OIV.

27.

Ir-riżoluzzjonijiet tal-OIV inkwistjoni ma humiex huma stess is-suġġett tat-tilwima. Dawn ġew approvati mill-partijiet u l-intervenjenti kollha u adottati fl-OIV bil-voti tar-rikorrenti u l-intervenjenti tagħhom.

A – Kunsiderazzjonijiet preliminari

28.

Qabel ma nittratta l-interpretazzjoni tal-Artikolu 218(9) TFUE, inqis li huwa xieraq li niddeskrivi fid-dettall il-fatti li wasslu għall-kawża u l-isfond leġiżlattiv essenzjali għall-ftehim tar-regola. F’dan il-kuntest, ser neżamina wkoll il-kwistjoni sa fejn il-Kawża CITES ( 18 ) hija importanti għal din il-kawża.

1. Il-fatti li wasslu għall-kawża

29.

Kif diġà ntwera, l-OIV hija organizzazzjoni internazzjonali li fost l-oħrajn, tadotta rakkomandazzjonijiet għas-settur tal-inbid, pereżempju, dwar prattiċi enoloġiċi ( 19 ). Dawn huma normalment adottati fil-laqgħa ġenerali annwali bi proċedura ta’ kunsens ( 20 ).

30.

Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja u 19-il Stat Membru ieħor tal-Unjoni huma membri tal-OIV ( 21 ). Għalkemm l-Unjoni nfisha hija ċertament awtorizzata tissieħeb kif previst fl-Artikolu 8 tal-Ftehim, madankollu, hija għadha ma sseħbitx bħala membru tal-organizzazzjoni u ma kisbet ebda status ta’ osservatur jew ebda status speċjali ieħor ( 22 ). Madankollu, il-Kummissjoni tista’ tattendi u tipparteċipa għall-ħidma tal-gruppi ta’ esperti u l-kummissjonijiet tal-OIV bħala mistiedna ( 23 ).

31.

Sa Ġunju 2010, l-Istati Membri tal-Unjoni kkoordinaw il-pożizzjoni tagħhom fl-OIV bil-parteċipazzjoni tal-Kummissjoni b’referenza għall-Artikolu 4(3) TUE fil-grupp ta’ ħidma “Inbid u Alkoħol” tal-Kunsill mingħajr proposta ta’ pożizzjoni komuni mill-Kummissjoni u b’tali mod li l-Istati Membri u l-Kummissjoni ppreżentaw il-fehmiet tagħhom u l-presidenza ppruvat tifformola pożizzjoni komuni.

32.

Skont is-sottomissjoni tal-Ġermanja waqt is-seduta ta’ smigħ, ir-riżoluzzjonijiet adottati mill-OIV u l-organizzazzjoni preċedenti tagħha, jiġifieri l-organizzazzjonijiet internazzjonali speċjalizzati b’kompetenza xjentifika u teknika għolja, servew mill-1971 bħala punt ta’ riferiment għall-atti legali tal-Unjoni.

33.

Madankollu, permezz tar-Regolament Nru 479/2008 l-Unjoni adottat għall-ewwel darba referenzi dinamiċi għar-riżoluzzjonijiet tal-OIV fl-organizzazzjoni komuni tas-suq tal-inbid ( 24 ).

34.

Ftit wara, f’Settembru 2008, il-Kummissjoni rrakkomandat lill-Kunsill, billi invokat espressament ukoll ir-referenzi għal rakkomandazzjonijiet tal-OIV introdotti bir-regolament iċċitat, sabiex jawtorizza lill-Kummissjoni tinnegozja l-adeżjoni tal-Komunità Ewropea fl-OIV ( 25 ). Madankollu, il-Kunsill ma tax tali awtorizzazzjoni, peress li ma nkisbitx il-maġġoranza meħtieġa għal dan ( 26 ).

35.

Fis-16 ta’ Mejju 2011, il-Kummissjoni ppreżentat lill-Kunsill għall-ewwel darba proposta għal deċiżjoni tal-Kunsill maħsuba għad-disa’ Assemblea Ġenerali tal-OIV li tistabbilixxi l-pożizzjoni komuni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fir-rigward tar-riżoluzzjonijiet li jiġu adottati fil-qafas tal-OIV. Il-Kummissjoni bbażat ruħha fuq il-leġiżlazzjoni proċedurali tal-Artikolu 218(9) TFUE, jiġifieri d-dispożizzjoni li l-Kunsill invoka fid-deċiżjoni kkontestata tal-kawża preżenti. Il-proposta tal-Kummissjoni, madankollu, ma ġietx adottata. Bħala riżultat, il-Kummissjoni kienet tal-fehma li l-Istati Membri ma setgħux jieħdu pożizzjoni minħabba li ma ttiħditx deċiżjoni mill-Kunsill fl-OIV, peress li dan iħalli impatti fuq l-acquis tal-Unjoni, u ppreżentat lista mhux konklużiva ta’ 14-il abbozz ta’ riżoluzzjoni, li l-adozzjoni tagħhom taffettwa l-acquis. Madankollu, wara koordinazzjoni minn qabel bejniethom fl-Assemblea Ġenerali tal-OIV tal-24 ta’ Ġunju 2011, l-Istati Membri rrappreżentati fl-OIV adottaw numru ta’ riżoluzzjonijiet fil-proċedura ta’ kunsens, inklużi dawk li fil-fehma tal-Kummissjoni kellhom impatti fuq l-acquis tal-Unjoni. Konsegwentement, il-Kummissjoni bdiet proċedura ta’ ksur kontra l-Istati Membri inkwistjoni, fost l-oħrajn, kontra r-Repubblika Federali tal-Ġermanja ( 27 )

36.

Fis-27 ta’ April 2012, il-Kummissjoni bagħtet lill-Kunsill proposta għal deċiżjoni li tistabbilixxi l-pożizzjoni li għandha tiġi adottata f’isem l-Unjoni fir-rigward tal-riżoluzzjonijiet, li kellhom jiġu adottati fl-għaxar Assemblea Ġenerali tal-OIV tat-22 ta’ Ġunju 2012 ( 28 ). Taħt il-pressjoni tal-proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu ( 29 ), fil-11 ta’ Ġunju 2012 ġiet adottata l-proposta fil-forma emendata b’maġġoranza kkwalifikata bbażata fuq l-Artikolu 43 kif ukoll l-Artikolu 218(9) TFUE kontra l-Ġermanja, ir-Repubblika Ċeka, l-Awstrija u s-Slovakkja, bl-astensjoni tal-Lussemburgu, mill-Kumitat Speċjali dwar l-Agrikoltura u fit-18 ta’ Ġunju 2012 mill-Kunsill (Agrikoltura u Sajd) ( 30 ). Il-Ġermanja, il-Greċja, il-Pajjiżi l-Baxxi (l-Ungerija u l-Finlandja ssieħbu f’din id-dikjarazzjoni), ir-Rumanija u r-Renju Unit taw dawn id-dikjarazzjonijiet għall-minuti, li fihom iddubitaw dwar l-adegwatezza tal-Artikolu 218(9) bħala bażi legali xierqa ( 31 ).

37.

Id-deċiżjoni inkwistjoni tal-Kunsill, tat-18 ta’ Ġunju 2012, tistabbilixxi pożizzjoni komuni tal-Unjoni fir-rigward tas-27 abbozz ta’ riżoluzzjoni ċċitati fl-Anness dwar metodi ta’ analiżi għad-determinazzjoni tal-kompożizzjoni tal-prodotti tas-settur tal-inbid, il-kriterji tal-purità u l-identifikazzjoni tas-sustanzi użati fil-proċeduri enoloġiċi u l-proċeduri enoloġiċi nfushom. F’dan ir-rigward, dawn jikkonsistu f’riżoluzzjonijiet li fil-fehma tal-Kunsill jaqgħu taħt il-kompetenza tal-Unjoni u għandhom effetti legali ( 32 ). L-Istati Membri li huma membri tal-OIV għandhom jirrappreżentaw il-pożizzjoni komuni fl-Assemblea Ġenerali tagħhom. F’dan ir-rigward, wara l-votazzjoni b’mod partikolari fuq il-post, l-Istati Membri inkwistjoni jistgħu japprovaw bidliet li ma jikkostitwixxux emendi sostantivi għar-riżoluzzjonijiet mingħajr deċiżjoni tal-Kunsill. Meta tiġi ppreżentata informazzjoni xjentifika jew teknika ġdida li tista’ taffettwa l-pożizzjoni li tittieħed, l-Istati Membri inkwistjoni madankollu għandhom jitolbu differiment tal-votazzjoni fl-Assemblea Ġenerali sakemm tiġi stabbilita l-pożizzjoni tal-Unjoni abbażi tal-elementi ġodda.

38.

Ħlief għal eċċezzjoni waħda ( 33 ), ir-riżoluzzjonijiet ġew adottati mill-Assemblea Ġenerali tal-OIV fit-22 ta’ Ġunju 2012 f’Izmir. Qabel, l-emendi għall-abbozzi ta’ riżoluzzjonijiet ma kinux jitqiesu bħala “sostantivi” fis-seduti għall-koordinazzjoni tal-pożizzjoni tal-Unjoni f’Izmir. Anki r-Repubblika Federali tal-Ġermanja qablet u approvat il-kontenut tekniku tar-riżoluzzjonijiet.

2. L-isfond leġiżlattiv tar-regola

39.

L-eżami tal-isfond leġiżlattiv tad-dispożizzjoni li tistabbilixxi l-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni f’organu stabbilit fi ftehim hija diġà ġġustifikata permezz tal-istatus speċjali tar-regola bħala l-Artikolu 218(9) TFUE. Jista’ jkun kemxejn sorprendenti li dispożizzjoni li tistabbilixxi l-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni f’organu stabbilit fi ftehim tidher fil-kuntest ta’ artikolu li jirregola l-modalitajiet għan-negozjar u l-konklużjoni ta’ ftehim bejn l-Unjoni u pajjiżi terzi jew organizzazzjonijiet internazzjonali. Biex dak li jkun jifhem id-dispożizzjoni li l-portata tagħha hija s-suġġett ta’ din il-kawża, nemmen li huwa neċessarju li tiġi eżaminata l-oriġini tagħha kif ukoll id-dispożizzjonijiet preċedenti tagħha.

a) It-Trattat KEE

40.

It-Trattat KEE ma jinkludi ebda dispożizzjoni li tikkorrispondi mal-Artikolu 218(9) TFUE attwali. Madankollu, l-Artikolu 116 KEE jipprovdi li: “Mit-tmiem tal-perjodu tranżizzjonali ’l quddiem, fil-kwistjonijiet kollha ta’ interess partikolari għas-Suq Komuni l-Istati Membri għandhom jipproċedu b’azzjoni komuni biss fil-qafas tal-organizzazzjonijiet internazzjonali ta’ natura ekonomika. Għal dan il-għan, il-Kummissjoni għandha tissottometti lill-Kunsill il-proposti dwar il-firxa u l-eżekuzzjoni ta’ azzjoni komuni; Il-Kunsill għandu jaġixxi b’maġġoranza kkwalifikata. […]” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

41.

Skont il-Qorti tal-Ġustizzja, id-dispożizzjoni pprovdiet motivazzjoni għal “azzjoni komuni mill-Istati Membri f’organizzazzjonijiet internazzjonali […], li l-Komunità ma hijiex membru tagħhom” ( 34 ). Għalhekk tali regola dak iż-żmien kienet ukoll neċessarja peress li l-organizzazzjonijiet internazzjonali kienu normalment jippermettu ( 35 ) l-adeżjoni ta’ stati biss bħala membru, u dan seta’ jikkawża problemi preċiżament fil-qasam ċentrali tal-kompetenza tal-Unjoni tal-politika kummerċjali. Fil-prattika, id-dispożizzjoni ġiet applikata wkoll lil hinn mill-politika kummerċjali komuni ( 36 ). Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja dehret li nsistiet li d-dispożizzjoni tiġi applikata fuq bażi iktar regolari ( 37 ). L-Istati Membri, madankollu, qiesu d-dispożizzjoni bħala theddida għall-kompetenzi tagħhom ( 38 ).

b) It-Trattat ta’ Maastricht

42.

It-Trattat ta’ Maastricht jħassar, mingħajr ma jissostitwixxi, id-dispożizzjoni tat-Trattat — fil-qasam tal-PESK baqa’ biss obbligu ta’ koordinazzjoni f’organizzazzjonijiet internazzjonali u impenn għall-pożizzjonijiet komuni ( 39 ). Mill-perspettiva tal-Istati Membri, ir-raġuni tista’ titqies bħala interferenza estensiva fir-rigward tas-sovranità tagħhom ( 40 ). Issa, it-trattati ma kienu jinkludu ebda dispożizzjoni li kienet espressament tirregola l-koordinazzjoni tal-imġiba tal-Istati Membri u l-Komunità f’organizzazzjonijiet internazzjonali.

43.

Madankollu, minħabba l-importanza dejjem tikber tal-organizzazzjonijiet internazzjonali f’diversi oqsma u l-kompetenzi estensivi tal-Komunità, f’dak li għandu x’jaqsam mal-kwistjoni tal-bażi legali, li, fil-prattika madankollu, normalment tkun rilevanti biss meta l-korpi tal-Unjoni u l-Istati Membri ma jkunux jistgħu jilħqu ftehim, il-Komunità kellha tkompli taġixxi fir-rigward tal-organizzazzjonijiet internazzjonali.

44.

Fin-negozjati ta’ deċiżjonijiet li jorbtu skont id-dritt internazzjonali f’dan ir-rigward setgħet issir l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet dwar il-konklużjoni tal-ftehim. Kif sostniet il-Qorti tal-Ġustizzja fl-Opinjoni 1/78 tagħha, li f’negozjati fl-organizzazzjonijiet internazzjonali li jaffettwaw “impenji li daħlu għalihom entitajiet suġġetti għad-dritt internazzjonali”, japplikaw id-dispożizzjonijiet dwar in-negozjar u l-konklużjoni ta’ ftehim u mhux l-Artikolu 116 KEE ( 41 )Fl-Opinjoni 2/92 tagħha, il-Qorti tal-Ġustizzja mbagħad ittrattat l-adeżjoni tal-Komunità mat-Tielet Deċiżjoni riveduta tal-Kunsill tal-Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni u l-Iżvilupp Ekonomiku (OECD) tagħhom fit-trattament nazzjonali, li wkoll taqa’ fil-qasam tal-kompetenza tagħha ( 42 )Il-Komunità ma kinitx membru fl-organizzazzjoni. Il-Qorti ddeċidiet li d-deċiżjoni (li torbot legalment) għandha tkun ittrattata bħala ftehim bejn il-Komunità u pajjiżi terziFtehim kif previst fl-Artikolu 228 KE jkopri partikolarment “impenji li daħlu għalihom entitajiet suġġetti għad-dritt internazzjonali” ( 43 )Kien issuġġerit li f’dan ir-rigward il-kunċett tat-teħid ta’ deċiżjonijiet ta’ organizzazzjonijiet internazzjonali jitqies bħala ekwivalenti għall-konklużjoni tal-ftehim ( 44 ).

45.

Fil-verità, imbagħad seta’ jiġi wkoll ikkonstatat li n-nuqqas ta’ bażi legali espliċita għall-koordinazzjoni tal-azzjoni fl-organizzazzjonijiet internazzjonali f’deċiżjonijiet legalment vinkolanti tal-organizzazzjonijiet ġie ssostitwit permezz tar-riferiment b’mod partikolari għall-Artikoli 113 KE (il-politika kummerċjali komuni) u l-Artikolu 228 KE (il-konklużjoni ta’ ftehim internazzjonali) ( 45 ).

c) It-Trattat ta’ Amsterdam

46.

Madankollu, din il-pożizzjoni legali ma kinitx tissodisfa l-ħtiġijiet tal-Unjoni fir-relazzjonijiet esterni tagħha. Il-problemi nħolqu b’mod partikolari mill-ftehim divers imħallat ( 46 ). Għalhekk, matul in-negozjati tat-Trattat ta’ Amsterdam ġie stabbilit li, minkejja t-tqassim tal-kompetenzi eżistenti, il-Komunità kellha titkellem b’vuċi waħda. Dan japplika b’mod partikolari fid-dawl taż-żieda ta’ korpi mħallta li d-deċiżjonijiet tagħhom kellhom effetti legali ( 47 ). Biex tissolva din il-problema ġiet proposta żieda mal-Artikolu 228(2) KE, jiġifieri d-dispożizzjoni dwar il-konklużjoni ta’ ftehim ( 48 ).

47.

Bħala riżultat tan-negozjati (wara r-rinumerazzjoni tal-ex Artikolu 228 KE), it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 300(2) KE kien jipprovdi: “L-istess proċeduri jkunu applikabbli b’deroga mir-regoli tal-paragrafu 3, biex tiġi deċiża sospensjoni ta’ l-applikazzjoni ta’ xi ftehim kif ukoll biex jiġi stabbilit x’pożizzjoni tittieħed f’isem il-Komunità f’korp li jinħoloq minn xi ftehim meta dan il-korp ikollu jadotta deċiżjonijiet li jkollhom effett legali, bl-eċċezzjoni ta’ deċiżjonijiet li jissupplimentaw jew li jimmodifikaw il-qafas istituzzjonali tal-ftehim”.

48.

B’mod partikolari, il-klassifikazzjoni tad-dispożizzjoni hija istruttiva: L-Artikolu 300(1) sa (5) KE kien jirregola l-proċedura fil-konklużjoni ta’ ftehim internazzjonali. Hawnhekk issir id-distinzjoni bejn il-fażi tan-negozjati ta’ ftehim (l-Artikolu 300(1) KE) bl-iffirmar tiegħu, li bih tkun tista’ tittieħed deċiżjoni dwar l-applikazzjoni provviżorja, u l-konklużjoni (is-subparagrafu 1 tal-Artikolu 300(2). Il-parteċipazzjoni tal-Parlament Ewropew fil-proċedura ta’ konklużjoni ta’ ftehim hija msemmija wara dawn id-dispożizzjonijiet fil-paragrafu 3.

49.

It-tieni subparagrafu tal-Artikolu 300(2) KE jinsab fost dawn id-dispożizzjonijiet dwar il-konklużjoni ta’ ftehim u jipprovdi li “l-istess proċeduri jkunu applikabbli b’deroga mir-regoli tal-paragrafu 3” fir-rigward tas-sospensjoni ta’ ftehim, u meta jiġu stabbiliti l-pożizzjonijiet f’organi stabbiliti kif previst fl-Artikolu 310 KE. Il-proċedura dwar il-konklużjoni ta’ kuntratt (jiġifieri l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 300(2) KE) għandha għalhekk tapplika wkoll — b’modifika fir-rigward tal-parteċipazzjoni tal-Parlament — għat-teħid ta’ deċiżjoni fl-organi stabbiliti kif previst fl-Artikolu 310 KE, jiġifieri permezz ta’ ftehim ta’ assoċjazzjoni. Minflok il-parteċipazzjoni tal-Parlament stipulata fil-paragrafu 3 tal-Artikolu 300 KE hawnhekk tingħata biss informazzjoni immedjata u komprensiva skont is-subparagrafu 3 tal-Artikolu 300(2). Il-limitazzjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni tad-dispożizzjoni għad-deċiżjonijiet tal-kunsilli ta’ assoċjazzjoni tista’ tkun spjegata biss permezz tal-pożizzjoni speċjali tad-deċiżjonijiet tal-kunsill ta’ assoċjazzjoni fl-ordinament ġuridiku tal-Unjoni, jiġifieri bħala parti integrali minn dan l-ordinament ( 49 ).

50.

Konsegwentement, minbarra l-kjarifika tal-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet dwar il-konklużjoni ta’ ftehim, l-għan tad-dispożizzjoni kien ukoll il-ħolqien ta’ semplifikazzjoni tal-proċedura ( 50 ), ta’ lex specialis dwar il-proċedura applikabbli f’każ normali li għaliha jiġu stabbiliti l-pożizzjonijiet li għandhom jiġu adottati fil-kunsilli ta’ assoċjazzjoni, jiġifieri f’organi stabbiliti fi ftehim li fihom l-Unjoni minħabba n-natura tagħha hija parti kontraenti (l-Artikolu 310 KE).

d) It-Trattat ta’ Nizza

51.

It-Trattat ta’ Nizza żamm il-kliem tad-dispożizzjoni, iżda fih tneħħiet ir-restrizzjoni fuq l-applikabbiltà tagħha għal sedi stabbiliti fi ftehim kif previst fl-Artikolu 310 KE. Il-kliem tal-parti rilevanti tas-subparagrafu 2 tal-Artikolu 300(2) KE kien għalhekk jipprovdi, b’mod ġenerali: “f’isem il-Komunità f’sede [organu] stabbilita fi ftehim”. Permezz ta’ dan, id-dispożizzjoni tilfet il-limitazzjoni tal-applikazzjoni tagħha għal ftehim speċifiku jew ta’ tip uniku, li biha jinħoloq organu ( 51 ).

e) It-Trattat ta’ Lisbona

52.

Bit-Trattat ta’ Lisbona ġew stabbiliti r-regolamenti dwar il-proċedura ta’ konklużjoni ta’ ftehim, kif ukoll dwar l-istabbiliment ta’ pożizzjoni komuni li għandha tittieħed, fl-Artikolu 218 TFUE. Dan sar ukoll b’għadd ta’ emendi editorjali. B’hekk, ir-referenza għal “din il-proċedura” u n-nota introduttorja dwar deroga mill-paragrafu 3 tħalliet barra. Din ġiet issostitwita permezz tad-deskrizzjoni tal-proċedura. Apparti dan, din l-emenda tat-trattat madankollu ma kienet tinvolvi l-ebda bidla sostantiva essenzjali. Permezz tal-emendi editorjali ma tbiddlitx partikolarment in-natura tad-dispożizzjoni bħala lex specialis, kif diġà jirriżulta mill-fatt li din baqgħet parti mir-regolament tal-proċedura ta’ konklużjoni ta’ ftehim (l-Artikolu 218 TFUE).

3. Il-Kawża CITES

53.

Fl-aħħar nett, għandha tiġi indirizzata l-kwistjoni dwar sa fejn l-Kawża CITES hija importanti, liema kawża ġiet iċċitata diversi drabi mill-partijiet u partikolarment, jekk il-Qorti tal-Ġustizzja, fil-kuntest ta’ din il-kawża, diġà ddeċidietx, minn tal-inqas b’mod impliċitu, dwar id-deċiżjoni tal-kwistjonijiet pendenti.

54.

Anki l-Kawża CITES kienet tirrigwarda l-istabbiliment ta’ pożizzjoni komuni tal-Istati Membri tal-Unjoni fil-qafas ta’ ftehim internazzjonali (partikolarment fl-14-il Konferenza tal-Partijiet ta’ CITES), li l-Unjoni nfisha ma kinitx parti kontraenti tiegħu. L-istess bħal f’dan il-każ, il-Kunsill kien adotta deċiżjoni li tistabbilixxi pożizzjoni komuni li kellha tittieħed fil-konferenza. Għalkemm skont id-dikjarazzjonijiet tiegħu stess, il-Kunsill adotta d-deċiżjoni fil-proċedura kif previst fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 300(2) KE, id-dispożizzjoni li ġiet sostituta bl-Artikolu 218(9) TFUE attwali, fil-verità d-deċiżjoni ma semmiet ebda bażi legali. L-għażla tal-bażi legali rilevanti kienet preċedentement is-suġġett ta’ kontroversji fil-Kunsill. Il-Kummissjoni ressqet rikors għal annullament billi ppreżentat l-argument li d-deċiżjoni kisret l-obbligu ta’ motivazzjoni ( 52 ) minħabba n-nuqqas ta’ riferiment għal bażi legali.

55.

Il-kawża hija rilevanti għall-każ preżenti għal żewġ raġunijiet. L-ewwel nett, il-Qorti tal-Ġustizzja fir-rigward tal-Kummissjoni ddeċidiet li d-deċiżjoni għandha tiddikjara l-bażi legali tagħha, li tistabbilixxi l-pożizzjoni tal-Unjoni f’oqsma li jaqgħu taħt il-kompetenza tagħha, u li għandha tittieħed mill-Istati Membri li jaġixxu fl-interess tal-Unjoni fil-konferenza tal-partijiet kontraenti ta’ ftehim mhux irrattifikat mill-Unjoni fuq livell internazzjonali ( 53 ).

56.

Minn din il-perspettiva, il-każ preżenti jirrappreżenta l-konsegwenza tal-Kawża CITES. Issa, il-Kunsill ipprovda bażi legali b’mod konformi mal-obbligu tiegħu. Ir-rikorrent u l-intervenjenti tiegħu, madankollu, ma jikkunsidrawhomx bħala rilevanti.

57.

It-tieni raġuni, li għaliha l-Kawża CITES hija partikolarment importanti, hija li l-bażi legali, li r-rilevanza tagħha hija kkontestata f’din il-kawża, issemmiet ukoll fil-Kawża CITES. Il-Kunsill u l-Kummissjoni huma tal-fehma li f’din id-diskussjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonfermat minn tal-inqas b’mod impliċitu li din il-bażi legali hija applikabbli f’każijiet bħal dan preżenti.

58.

Fil-fehma tiegħi, din id-dikjarazzjoni ma tistax tiġi dedotta mis-sentenza. Għalkemm il-Qorti tal-Ġustizzja nnutat li l-“Kunsill adotta deċiżjoni b’mod konformi mat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 300(2) KE ( 54 ), din kienet madankollu deskrizzjoni tal-fatti biss ( 55 ). Il-Qorti tal-Ġustizzja ma tistabbilixxi mkien li d-dispożizzjoni ċċitata għad-determinazzjoni tal-pożizzjonijiet f’organi internazzjonali, li l-Unjoni ma hijiex membru tagħhom, fil-verità tikkostitwixxi bażi legali xierqa.

59.

Anki l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Kokott ma jinkludux tali konstatazzjoni. L-Avukat Ġenerali pjuttost targumenta li l-bażi legali tad-deċiżjoni ma tistax tiġi dedotta mingħajr ma tissemma’ b’mod ċar fl-att legali, minħabba li ma huwiex ċar jekk it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 300(2) KE japplikax fi ftehim internazzjonali li ma hijiex parti kontraenti tagħhom il-Komunità. Għalkemm interpretazzjoni sistematika tikkontradixxi tali applikazzjoni, interpretazzjoni teleoloġika, madankollu, hija favoriha ( 56 ). L-Avukat Ġenerali ma kellhiex għalfejn tagħti l-opinjoni tagħha dwar l-applikabbiltà tad-dispożizzjoni u fil-verità ma tatx tali opinjoni.

60.

B’hekk, fil-Kawża CITES, il-Qorti tal-Ġustizzja la ħadet deċiżjoni u lanqas ħadet deċiżjoni impliċita fuq waħda mill-kwistjonijiet ippreżentati hawnhekk. Il-problema baqgħet ma ġietx solvuta.

B – Analiżi

1. Interpretazzjoni tal-Artikolu 218(9) TFUE

61.

Insostenn tal-pożizzjoni tagħha, il-Ġermanja ppreżentat żewġ argumenti sostantivi: li r-regola li għandha tiġi interpretata hawnhekk tirriżulta mill-premessa li l-Unjoni nfisha hija membru tal-organizzazzjoni internazzjonali inkwistjoni, li fil-kawża preżenti ma kienx il-każ, u li d-determinazzjoni tal-pożizzjoni li għandha tiġi adottata f’isem l-Unjoni skont ir-regola tiddependi minn kundizzjoni oħra, li ma ġietx issodisfatta, b’mod partikolari li l-organizzazzjoni internazzjonali għandha tadotta atti “legalment effettivi”, jiġifieri vinkolanti taħt id-dritt internazzjonali, li ma huwiex ukoll il-każ hawnhekk. Għalhekk, fil-kawża preżenti għandu jiġi eżaminat jekk fil-verità, bħala parti mill-kontenut normattiv tiegħu, l-Artikolu 218(9) TFUE jeżiġix li l-Unjoni, l-ewwel nett, tkun membru tal-organizzazzjoni internazzjonali inkwistjoni, u t-tieni nett, li l-atti li għandhom jadottaw l-organi rilevanti, jew mill-inqas xi wħud minn dawn l-atti, ikunu vinkolanti taħt id-dritt internazzjonali.

a) Sħubija

62.

L-ewwel nett, għandha tiġi eżaminata l-kwistjoni dwar jekk l-Artikolu 218(9) TFUE jistax jiġi applikat ukoll sabiex tiġi stabbilita l-pożizzjoni li għandha tiġi adottata f’isem l-Unjoni minn organu stabbilit fi ftehim, meta l-Unjoni stess ma tkunx parti kontraenti tal-ftehim, iżda biss uħud mill-Istati Membri.

63.

L-Artikolu 218(9) TFUE jikkonkludi: “Il-Kunsill, fuq proposta tal-Kummissjoni jew tar-Rappreżentant Għoli ta’ l-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u ta’ Politika ta’ Sigurtà għandu jadotta deċiżjoni li tissospendi l-applikazzjoni ta’ ftehim u li tistabbilixxi l-pożizzjonijiet li għandhom jiġu adottati f’isem l-Unjoni f’sede [organu] stabbilita fi ftehim, meta dik is-sede [organu] tintalab tadotta atti li jkollhom effetti legali, sakemm dawn ma jkunux atti li jissupplimentaw jew jemendaw il-qafas istituzzjonali tal-ftehim”.

64.

Konsegwentement, f’sentenza waħda, jiġu assoċjati żewġ regoli li a priori jidhru li huma kompletament differenti. L-ewwel, id-dispożizzjoni tikkonċerna l-adozzjoni ta’ “deċiżjoni li tissospendi l-applikazzjoni ta’ ftehim”. Din id-dispożizzjoni ġiet adottata skont il-fehma kompletament prevalenti minħabba l-fatt li l-ftehim kummerċjali u ta’ kooperazzjoni konkluż mill-Unjoni mid-disgħinijiet jinkludi iktar klawżoli tad-drittijiet tal-bniedem, li l-ksur tagħhom għandu jwassal għas-sospensjoni jew għat-terminazzjoni tal-ftehim ( 57 ). Ir-regola ħolqot ċarezza rigward il-proċedura applikabbli f’dan ir-rigward u b’hekk ippermettiet intervent rapidu mill-Unjoni ( 58 ).

65.

Imbagħad id-dispożizzjoni inkludiet bażi legali li tistabbilixxi l-pożizzjonijiet f’organizzazzjonijiet internazzjonali. Dan huwa s-suġġett tal-kawża preżenti.

i) Il-kontenut

66.

Il-punt inizjali ta’ interpretazzjoni grammatikali għandu jkun id-determinazzjoni li ġenerikament ir-regolament inizjalment jirreferi għal “ftehim” ( 59 ), mingħajr ma jagħmel distinzjoni espliċita bejn il-każijiet, li fihom l-Unjoni hija parti kontraenti għal tali ftehim u l-każijiet fejn dan mhux il-każ. Minn dan in-nuqqas ta’ regolamentazzjoni, madankollu, ma tistax tittieħed konklużjoni prematura, kif jipproponi finalment il-Kunsill, peress li fejn il-liġi ma tagħmilx distinzjoni, lanqas il-korp li japplika l-liġi ma jista’ jagħmel din id-distinzjoni ( 60 ).

67.

Fil-fatt, għandu l-ewwel nett jiġi kkunsidrat, li fid-dispożizzjoni tintuża diversi drabi l-istess kelma “ftehim” fl-istess kuntest u partikolarment fir-rigward ta’ żewġ każijiet differenti: L-ewwel hemm regolamentazzjoni dwar is-sospensjoni tal-“[a]pplikazzjoni ta’ ftehim” imbagħad l-istabbiliment ta’ pożizzjonijiet għal korp li jinħoloq minn xi ftehim. Taħt dawn iċ-ċirkustanzi huwa madankollu preżunt li l-istess kelma għandu jkollha wkoll l-istess tifsira. Huwa ċar li l-ewwel każ jista’ jikkonċerna biss ftehim tal-Unjoni. B’hekk ukoll fit-tieni każ il-kelma “ftehim” għandu jkollha din it-tifsira, jiġifieri, li din tirreferi wkoll għal ftehim tal-Unjoni ( 61 ).

68.

L-argument tal-Ġermanja nqisu li huwa inqas konvinċenti li jittieħed bħala bażi l-kunċett “f’isem l-Unjoni”. Il-Ġermanja targumenta li minħabba l-fatt li l-pożizzjonijiet għandhom jiġu adottati “f’isem l-Unjoni f’sede [organu] stabbilit fi ftehim” ( 62 ) jirriżulta li l-Unjoni għandha tkun membru tal-organizzazzjoni ( 63 ). Madankollu, mir-raġunijiet iċċitati iktar ’il quddiem ma naħsibx li l-użu ta’ dan it-terminu awtomatikament jimplika li l-Unjoni nfisha għandha tkun parti kontraenti tal-ftehim.

69.

Jekk l-Unjoni nfisha tkun parti kontraenti tal-ftehim, jiġifieri jekk tkun membru tal-organizzazzjoni internazzjonali, ma għandha bżonn l-ebda Stat Membru li jirrappreżentaha sabiex jitkellem f’isimha, iżda jkollha bżonn biss mandatarju kif previst f’paragrafu ieħor tal-Artikolu ( 64 ). Fil-kuntest tal-każ inkwistjoni, il-kunċett jista’ għalhekk jitqies fis-sens metaforiku jew figurattiv, jiġifieri, b’tali mod li l-Istati Membri jippreżentaw il-pożizzjoni tagħhom fl-interess tal-Unjoni, mingħajr b’dan il-mod ma jaġixxu espliċitament f’isem terzi wkoll.

70.

F’dan ir-rigward, il-Kunsill ġustament josserva li l-kompetenzi esterni esklużivi tal-Unjoni jridu jiġu eżerċitati ta’ spiss minn Stati Membri filwaqt li jaġixxu b’azzjoni konġunta fl-interess tal-Komunità. Dan ikun partikolarment il-każ, meta l-Unjoni stess tkun miċħuda s-sħubija f’organizzazzjoni internazzjonali għal raġunijiet legali internazzjonali ( 65 ). F’każ bħal dan, l-Istati Membri jirrappreżentaw il-pożizzjoni tal-Unjoni u, kif innutat il-Kummissjoni, huma obbligati jiżguraw rappreżentazzjoni effettiva ta’ din il-pożizzjoni.

71.

Għalhekk, fid-dawl ta’ dak li ntqal, jiena tal-fehma li l-kelma “ftehim” kif tintuża fl-Artikolu 218(9) TFUE, tirreferi għal ftehim li l-Unjoni hija parti kontraenti tagħhom.

ii) Struttura

72.

Fir-rigward tal-istruttura tad-dispożizzjoni jistgħu jittieħdu konklużjonijiet kemm mit-titolu li taħtu tinsab ir-regola kif ukoll mill-artikolu nnifsu.

73.

Id-dispożizzjoni li għandha tiġi interpretata hija parti mit-Titolu V dwar “Ftehim Internazzjonali” tal-Ħames Parti (L-Azzjoni Esterna tal-Unjoni) tat-TFUE. Kif juri l-paragrafu introduttorju tat-titolu, l-Artikolu 216 TFUE dwar il-kompetenza għall-konklużjoni ta’ ftehim, it-titolu jikkonċerna ftehim tal-Unjoni. Dan jikkonferma l-kontenut tad-dispożizzjonijiet l-oħra tat-titolu.

74.

Bl-istess mod, l-Artikolu 218 innifsu jagħti tali interpretazzjoni sistematika. L-Artikolu 218(1) jispeċifika b’mod partikolari li, mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 207 TFUE, “ftehim bejn l-Unjoni u pajjiżi terzi jew organizzazzjonijiet internazzjonali għandhom jiġu negozjati u konklużi skond il-proċedura li ġejja”. It-teħid ta’ deċiżjoni li tistabbilixxi pożizzjoni f’sede [organu] stabbilit fi ftehim li għandha tadotta atti legalment effettivi, hija tip partikolari ta’ konklużjoni ta’ ftehim, kif stabilixxew il-kunsiderazzjonijiet storiċi għall-finijiet tat-trattat. L-Artikolu 218(1) TFUE jillimita l-applikabbiltà tal-paragrafu 9 tad-dispożizzjoni b’mod ċar għal ftehim “bejn l-Unjoni u pajjiżi terzi jew organizzazzjonijiet internazzjonali”.

75.

L-interpretazzjoni hija kkonfermata wkoll mill-fatt li d-dispożizzjoni ma tapplikax espressament, għal atti “li jissupplimentaw jew jemendaw il-qafas istituzzjonali tal-ftehim”. Din il-limitazzjoni tal-portata tad-dispożizzjoni fl-opinjoni tiegħi turi biċ-ċar il-karattru tagħha bħala lex specialis sabiex jiġu stabbiliti l-pożizzjonijiet f’organizzazzjonijiet internazzjonali li għandhom jistabbilixxu proċess ta’ simplifikazzjoni fir-rigward tal-proċedura ta’ konklużjoni ta’ ftehim iktar ikkumplikata. F’ċerti deċiżjonijiet ta’ importanza partikolari din il-proċedura ta’ simplifikazzjoni, jiġifieri l-limitazzjoni tal-parteċipazzjoni tal-Parlament, ma għandhiex tapplika. Lex specialis għas-simplifikazzjoni tal-proċedura ta’ konklużjoni ta’ ftehim madankollu ma għandhiex tapplika għal ftehim li għalihom xorta waħda ma tapplikax il-proċedura tal-konklużjoni ta’ ftehim tal-Unjoni. Peress li l-proċedura ta’ konklużjoni ta’ ftehim tapplika għal ftehim tal-Unjoni, il-proċedura kif prevista fl-Artikolu 218(9) TFUE tista’ tapplika wkoll għal ftehim tal-Unjoni biss.

76.

Il-Kunsill u l-Kummissjoni jikkontestaw dan l-argument peress li anki l-Artikolu 218(11) TFUE japplika għal ftehim konkluż mil-Istati Membri mingħajr il-parteċipazzjoni tal-Unjoni, b’mod li d-dispożizzjonijiet kollha tal-Artikolu 218 TFUE ma japplikawx biss għall-ftehim tal-Unjoni.

77.

Huwa minnu li skont il-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-possibbiltà prevista fl-Artikolu 218(11) TFUE għall-ksib ta’ opinjoni dwar il-kompatibbiltà ta’ ftehim maħsub mat-Trattati, hija wkoll possibbli għal ftehim li għandu jiġi konkluż mhux mill-Unjoni nfisha iżda mill-Istati Membri ( 66 ). Madankollu, hawnhekk il-Qorti tal-Ġustizzja tikkonċernaha partikolarment il-kwistjoni tad-definizzjoni tal-kompetenza għall-konklużjoni ta’ ftehim bejn l-Unjoni u l-Istati Membri ( 67 ), u mhux il-verifika ġenerali ta’ ftehim tal-Istati Membri. Fil-fehma tiegħi, din il-ġurisprudenza hija speċifika ħafna fir-rigward tal-proċedura tal-opinjoni u ma tistax tintuża bħala argument għall-interpretazzjoni ta’ dispożizzjonijiet oħra tal-Artikolu 218 TFUE, partikolarment tal-paragrafu li għandu jiġi interpretat hawnhekk.

78.

L-interpretazzjoni sistematika għalhekk hija favur il-pożizzjoni tar-rikorrent ( 68 ).

iii) It-teleoloġija

79.

Fil-qafas tal-interpretazzjoni teleoloġika, għandu l-ewwel nett jiġi ddeterminat l-għan tar-regola. Dan jista’ jiġi ddeterminat, minn naħa, permezz ta’ interpretazzjoni tal-kuntest u tal-korrelazzjoni, u min-naħa l-oħra, permezz tal-għan li segwa l-leġiżlatur permezz tar-regola u fl-aħħar mill-aħħar l-għan tal-ftehim ikun jista’ jittieħed kollu kemm hu bħala bażi ( 69 ).

80.

Hawnhekk, l-isfond leġiżlattiv tar-regola l-ewwel nett juri l-għan segwit minnha. Ir-rikors għall-proċedura ta’ konklużjoni ta’ ftehim għad-determinazzjoni tal-pożizzjonijiet f’organizzazzjonijiet internazzjonali fir-rigward tad-deċiżjonijiet vinkolanti taħt id-dritt internazzjonali għall-Unjoni li minħabba fihom it-Trattat ta’ Maastricht kien kostrett, ma tantx kien jirrifletti r-realtajiet. It-Trattat ta’ Amsterdam ħoloq proċess issimplifikat li inizjalment kien biss applikat għall-Kunsilli ta’ Assoċjazzjoni, li l-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu madankollu, ġie estiż iktar tard. L-Artikolu 218(9) TFUE kellu joħloq f’dan ir-rigward lex specialis fir-rigward tal-proċedura ġenerali ta’ konklużjoni ta’ ftehim għall-proċess tat-teħid ta’ deċiżjonijiet intern tal-Unjoni fl-adozzjoni ta’ deċiżjonijiet legalment effettivi f’sedi internazzjonali. Għalhekk, ir-regola għandha, skont il-Kummissjoni fis-sottomissjoni tagħha bħala intervenjenti, tippermetti “li fil-qafas ta’ ftehim internazzjonali jkunu jistgħu jiġu adottati atti, li fil-livell Ewropew jistgħu jkunu suġġetti għal proċedura simplifikata u b’hekk rapida, mingħajr ma jiġi mfixkel il-bilanċ istituzzjonali.”

81.

Il-kuntest tar-regola juri li minkejja l-estensjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni tagħha fit-Trattat ta’ Nizza, li anki minħabba l-emendi minimi fit-test saħansitra ma kellha ssir l-ebda estensjoni għal ftehim anki tal-Istati Membri, u minkejja l-emendi li saru permezz tat-Trattat ta’ Lisbona dan kellu jibqa’ jservi l-għan oriġinali tagħha. Sal-lum, din partikolarment tagħmel parti mill-artikolu, li jittratta n-negozjar u l-konklużjoni ta’ ftehim tal-Unjoni, sabiex b’hekk għandha tibqa’ tikkostitwixxi lex specialis fil-kuntest tal-proċedura tal-konklużjoni ta’ ftehim.

82.

Madankollu l-proċedura ta’ konklużjoni ta’ ftehim hija proċedura għall-konklużjoni ta’ ftehim bejn l-Unjoni u pajjiżi terzi jew organizzazzjonijiet internazzjonali (l-Artikolu 218(1) TFUE). Jekk il-proċedura prevista fl-Artikolu 218(9) TFUE hawnhekk tikkostitwixxi lex specialis, anki l-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din ir-regola għandu jkun limitat għal ftehim li l-Unjoni hija parti kontraenti tagħhom.

iv) Konklużjonijiet intermedjarji

83.

Minn dak kollu ċċitat hawn fuq jirriżulta li l-Artikolu 218(9) TFUE jieħu bħala bażi l-premessa li l-Unjoni għandha tkun parti kontraenti tal-ftehim, li jistabbilixxi l-organu ċċitat mir-regola.

b) Atti li jkollhom effetti legali

84.

Il-kwistjoni dwar it-tifsira tal-kriterju tal-“effett legali”, it-tieni kwistjoni legali mqajma f’din il-kawża, tirriżulta fl-isfond ta’ żewġ ċirkustanzi partikolari. Fuq naħa waħda, ir-riżoluzzjonijiet tal-OIV li kkonċernaw id-deċiżjoni kkontestata, partikolarment jinkludu rakkomandazzjonijiet li sa issa ma ġewx ikkontestati, u li għall-inqas fis-sens tad-dritt internazzjonali klassiku, ma humiex vinkolanti ( 70 ), irrispettivament minn jekk fl-aħħar mill-aħħar ir-riżoluzzjonijiet tal-OIV jistgħux jorbtu lill-Unjoni li ma hijiex membru ( 71 ).

85.

Min-naħa l-oħra, fil-leġiżlazzjoni sekondarja tal-Unjoni sa mill-2008 hemm ukoll referenzi dinamiċi għal dawn l-istess riżoluzzjonijiet tal-OIV li wkoll ma humiex ikkontestati. Għalhekk, fl-awtorizzazzjoni ta’ proċeduri enoloġiċi, il-Kummissjoni tieħu bħala bażi l-proċeduri rrakkomandati mill-OIV (l-Artikolu 120f tar-Regolament Waħdieni dwar l-OKS). Barra minn hekk, il-metodi ta’ analiżi li permezz tagħhom ġiet iddeterminata l-kompożizzjoni tal-prodotti tas-settur tal-inbid u r-regoli li permezz tagħhom jiġi ddeterminat jekk dawn il-prodotti jkunux ġew suġġetti għal proċeduri enoloġiċi mhux approvati, il-metodi u r-regolamenti rrakkomandati u ppubblikati mill-OIV (l-Artikolu 120g tar-Regolament Waħdieni dwar l-OKS), skont l-Artikolu 15(2) tar-Regolament 606/2009 jiġu ppubblikati anki mill-Kummissjoni. Fl-aħħar nett, il-proċeduri enoloġiċi rrakkomandati mill-OIV huma rilevanti anki direttament għall-importazzjoni tal-inbid (it-tieni paragrafu tal-Artikolu 158a tar-Regolament Waħdieni dwar l-OKS). Mill-inqas fl-aħħar żewġ każijiet, ir-riżoluzzjonijiet tal-OIV dwar ir-referenza dinamika fid-dritt tal-Unjoni huma trasposti fil-leġiżlazzjoni sekondarja. Fil-fehma tar-rikorrenti r-riżoluzzjonijiet ikkontestati affettwaw ukoll il-metodi previsti fl-Artikoli 120f, 120g u 158a(2) tar-Regolament Waħdieni dwar l-OKS.

86.

Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja u l-partijiet intervenjenti tagħha sostnew li d-deċiżjonijiet vinkolanti taħt id-dritt internazzjonali ta’ organizzazzjoni internazzjonali jistgħu jiġu kkunsidrati bħala atti “legalment effettivi”.

87.

Min-naħa l-oħra l-Kunsill u l-Kummissjoni huma tal-fehma li anki deċiżjonijiet ta’ organizzazzjoni internazzjonali integrati fid-dritt tal-Unjoni permezz tar-referenza dinamika huma legalment effettivi fis-sens tar-regola. Dawn komplew isostnu li anki l-effetti legali internazzjonali dgħajfa ta’ deċiżjoni mhux vinkolanti huma biżżejjed biex jiġi rikonoxxut l-effett legali tad-deċiżjoni.

88.

Iktar ’il quddiem ser neżamina l-kontenut, il-klassifikazzjoni u t-teleoloġija tar-regola, sabiex niddetermina x’inhi t-tifsira tat-terminu tal-effett legali.

i) Il-kontenut

89.

Mal-ewwel daqqa t’għajn lejn il-kontenut tad-dispożizzjoni jirriżulta li t-terminu użat fid-dispożizzjoni tal-“effett legali” kif argumentat mill-Kummissjoni jmur lil hinn min-natura vinkolanti tad-dritt internazzjonali. Dan japplika wkoll fil-verżjonijiet lingwistiċi l-oħra ( 72 ), li evidentement it-termini użati fihom jieħdu iktar bħala bażi l-effetti legali tal-att u b’hekk ma jagħmlu l-ebda determinazzjoni dwar liema tip ta’ effetti għandhom ikunu.

90.

Analiżi iktar iddettaljata turi, madankollu, li l-kliem tad-dispożizzjoni jmur kontra s-suppożizzjoni tal-Kunsill, li hija bbażata fuq referenzi dinamiċi fid-dritt tal-Unjoni: id-dispożizzjoni tittratta l-atti legalment effettivi li “għandhom jiġu adottati” f’sede [organu] stabbilit fi ftehim ( 73 ). Din il-formulazzjoni tad-dispożizzjoni tispjega r-relazzjoni mill-qrib bejn l-azzjoni tal-organu u r-riżultat tagħha. Imbagħad l-organu kellu jadotta atti li ab origine“jkollhom effetti legali”. Id-dispożizzjoni għalhekk ma tittrattax każijiet li fihom atti mingħajr effett legali jiksbu effett legali kważi retroattivament bid-dritt nazzjonali ta’ parti kontraenti (fil-każ tagħna tal-Unjoni), anki jekk dan isir b’mod awtomatiku permezz ta’ referenza dinamika, jew pjuttost każijiet li fihom atti li oriġinarjament kienu ta’ din in-natura (u għalhekk skont l-ordinament ġuridiku tal-organu stess, jiġifieri d-dritt internazzjonali). Hija proprju f’din il-karatteristika tal-effett legali dirett li probabbilment tidher ir-raġuni għall-ħtieġa tal-adozzjoni ta’ pożizzjoni komuni. Għalhekk id-dispożizzjoni tikkonċerna l-fatt li mill-pożizzjoni tal-korp tinħoloq ukoll rabta legali tal-Unjoni.

ii) Klassifikazzjoni

91.

Interpretazzjoni sistematika ma tantx hija indikattiva. Minn naħa, l-Artikolu 216(2) TFUE juża t-terminu “jorbot” b’rabta ma’ ftehim internazzjonali ( 74 ), li jista’ jissuġġerixxi li t-terminu “effett legali” għandu jingħata tifsira differenti. Min-naħa l-oħra, minkejja dan, fid-dispożizzjoni dwar ir-rikors għal annullament (l-Artikolu 263 TFUE) minbarra t-terminu “effetti legali” hemm terminu li huwa simili għall-“effettività legali”, li huwa partikolarment espress fil-verżjonijiet lingwistiċi l-oħra ( 75 ), u jirreferi għall-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, li skontha rikors għal annullament huwa ammissibbli biss kontra miżuri li jipproduċu “effetti legali vinkolanti” ( 76 ), li jistgħu jissuġġerixxu hawnhekk it-terminu tal-effettività fis-sens tan-natura vinkolanti (fil-każ tagħna, in-natura tad-dritt internazzjonali). Fl-aħħar nett, il-fatt li għal atti mhux vinkolanti taħt id-dritt internazzjonali f’kuntesti oħrajn il-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet in-natura rilevanti ( 77 ), hawnhekk ma jippermettix li jittieħdu konklużjonijiet dwar din il-kwistjoni importanti ta’ interpretazzjoni.

iii) It-teleoloġija

92.

Kif diġà spjegat, l-għan ta’ din ir-regola hu li tinħoloq lex specialis fir-rigward tal-proċedura ta’ konklużjoni ta’ ftehim għall-proċedura tat-teħid ta’ deċiżjonijiet interna tal-Unjoni fl-adozzjoni ta’ deċiżjonijiet legalment effettivi f’organi internazzjonali. Fil-fehma tiegħi dan l-għan jissuġġerixxi żewġ raġunijiet għall-interpretazzjoni tal-“effettività” fis-sens tan-natura vinkolanti tad-dritt internazzjonali.

93.

L-ewwel nett, id-distinzjoni għandha tissepara atti evidentement rilevanti minn dawk mhux rilevanti skont l-impatt tal-att. Fir-rigward ta’ atti legalment effettivi, l-effetti legali ta’ att jiġġustifikaw approċċ differenti għad-determinazzjoni ta’ pożizzjoni komuni minn dik f’każ ta’ atti mhux legalment effettivi. Id-distinzjoni għaldaqstant hija relatata ma’ kwalità li hija parti integrali mill-atti nfushom mill-bidu, jiġifieri l-fatt li dawn jorbtu lill-Unjoni fid-dritt internazzjonali. Għalkemm minħabba referenza dinamika fid-dritt tal-Unjoni atti mhux vinkolanti bid-dritt internazzjonali jistgħu jirriżultaw fl-adozzjoni ta’ effetti legali fid-dritt tal-UE, dawn madankollu huma bbażati fuq il-volontà ħielsa tal-Unjoni. Fir-rigward tat-tali effetti legali, dawn ma jikkonċernawx in-natura tal-att innifsu.

94.

It-tieni nett, l-isfond leġiżlattiv ta’ din ir-regola juri li bil-validità tat-Trattat ta’ Maastricht għal deċiżjonijiet vinkolanti taħt id-dritt internazzjonali kellha ssir referenza għall-proċedura ta’ konklużjoni ta’ ftehim. Il-kunċett ta’ ftehim internazzjonali ġie ddefinit b’mod wiesa’ f’dan ir-rigward, jiġifieri, kif spjegat, bħala “impenji li daħlu għalihom entitajiet suġġetti għad-dritt internazzjonali” ( 78 ). F’dan is-sens jidher loġiku li r-regola lex specialis għal din il-proċedura adottata bit-Trattat ta’ Amsterdam tirreferi wkoll għal deċiżjonijiet vinkolanti taħt id-dritt internazzjonali.

95.

Tali interpretazzjoni tipprovdi wkoll il-livell meħtieġ ta’ ċertezza tad-dritt fid-deċiżjoni dwar l-applikabbiltà tal-Artikolu 218(9) TFUE fl-interess tal-korpi involuti fil-proċess. Dan ma huwiex ipprovdut fil-kriterji proposti mill-konvenut.

96.

Sakemm il-Kunsill jista’ jippermetti li l-effettività legali għall-applikazzjoni tal-Artikolu 218(9) TFUE permezz ta’ referenza dinamika tkun biżżejjed, huwa jħalli l-applikazzjoni tal-proċedura għad-diskrezzjoni tal-leġiżlatur. L-introduzzjoni ta’ referenza dinamika aktarx tistabbilixxi l-kamp ta’ applikazzjoni tad-dispożizzjoni, li s-sostituzzjoni tagħha permezz ta’ adozzjoni sempliċi tal-atti internazzjonali rilevanti fil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni terġa’ teskludi l-applikazzjoni tad-dispożizzjoni. Jiena naħseb li tali kriterju huwa wisq arbitrarju sabiex tittieħed deċiżjoni dwar l-applikazzjoni ta’ regola daqshekk importanti bħal bażi legali proċedurali possibbli ( 79 ).

97.

L-effetti dgħajfa tad-dritt internazzjonali ta’ deċiżjoni mhux vinkolanti bħala kriterju għall-applikazzjoni ta’ bażi legali proċedurali ċċitati mill-Kunsill u l-Kummissjoni huma saħansitra inqas xierqa. Dak li jkun jista’ jitħajjar jindika f’dan ir-rigward li t-teorija tas-sors legali tad-dritt internazzjonali fl-aħħar snin dejjem qiegħda taspira li tfassal ukoll atti bl-intestatura ta’ “soft law” li għalkemm legalment ma jkunux vinkolanti, madankollu permezz ta’ referenzi, iċ-ċitazzjoni tagħhom għall-interpretazzjoni ta’ dritt vinkolanti jew l-effikaċja reali tagħhom għandha ċerta rilevanza ( 80 ).

98.

Biex jispjega din ir-rilevanza ċerta fil-kawża preżenti, jiġifieri għar-riżoluzzjonijiet tal-OIV ikkontestati, il-Kunsill hawnhekk ġustament innota li dawn ir-riżoluzzjonijiet huma kklassifikati bħala regoli tekniċi internazzjonali previsti fl-Artikoli 2.4, 2.5 tal-Ftehim dwar l-OTK tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ ( 81 ). Stat li jadotta regolamenti tekniċi li jikkonformaw ma’ dawn ir-regoli, ikollu vantaġġ f’każ li fl-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ dawn l-istess regolamenti tekniċi huma ttrattati bħala ostakolu għall-kummerċ: Teżisti preżunzjoni li tista’ tiġi miċħuda li regolamenti tekniċi interni konformi mar-regoli internazzjonali rilevanti ma joħolqux ostakolu mhux meħtieġ għall-kummerċ internazzjonali ( 82 ). Fil-fehma tiegħi il-kategorija tas-“soft law” madankollu, la hija kategorija legalment rilevanti tal-atti, u lanqas waħda li tista’ tiġi limitata b’mod ċar. Bħala kriterju għall-applikazzjoni ta’ bażi legali proċedurali għaldaqstant ma hijiex adattata.

iv) Konklużjonijiet intermedjarji

99.

Il-kunċett ta’ effett legali fl-Artikolu 218(9) TFUE huwa mmirat lejn in-natura vinkolanti taħt id-dritt internazzjonali tal-att.

c) Riżultat tal-interpretazzjoni tal-Artikolu 218(9) TFUE.

100.

B’hekk essenzjalment jintwera li fir-rigward tat-test, il-klassifikazzjoni u l-għan u l-oġġettivi tal-Artikolu 218(9) TFUE, dan ma huwiex maħsub sabiex jiġi applikat għal każijiet bħal dan preżenti. Madankollu l-analiżi tal-każ preżenti ma tistax tintemm b’dan ir-riżultat.

2. Applikazzjoni analoga

101.

Il-Kunsill u l-Kummissjoni b’mod partikolari ressqu argumenti li fiċ-ċirkustanzi jistgħu jiġġustifikaw applikazzjoni analoga tar-regola, għalkemm iż-żewġ kundizzjonijiet eżaminati hawnhekk għall-applikabbiltà tar-regola ma ġewx issodisfatti. Fil-fehma tagħhom, l-applikazzjoni tal-Artikolu 218(9) TFUE hija meħtieġa ladarba l-ħidma tal-organu stabbilit fi ftehim taħt id-dritt internazzjonali jaqa’ taħt il-kompetenza tal-Unjoni, partikolarment meta din tikkonċerna kompetenza esklużiva tal-Unjoni ( 83 ). Hekk biss tista’ tiġi żgurata l-kapaċità legali tal-Unjoni u l-Istati Membri tagħha fil-qasam tal-kompetenza tagħhom.

102.

Il-ħtieġa għall-applikazzjoni analoga tar-regola tista’ għalhekk tirriżulta mill-fatt li f’każ tal-attività (mhux legalment effettiva) ta’ organizzazzjoni internazzjonali mingħajr il-parteċipazzjoni tal-Unjoni fil-qasam tal-kompetenza tal-Unjoni b’mod kuntrarju għall-għan imfittex mit-trattati ma tkun ipprovduta l-ebda proċedura interna tal-Unjoni, li l-Unjoni tista’ tapplika sabiex tiżgura l-eżerċizzju effiċjenti tal-kompetenza esterna tagħha mill-Istati Membri u li l-interessi huma paragunabbli mal-interessi tal-każ tal-applikazzjoni normali tal-Artikolu 218(9) TFUE.

103.

L-analoġija hija parti mill-istrumenti tad-dritt tal-Unjoni ( 84 ). Din, minbarra lakuna legali li tmur kontra l-għan imfittex ( 85 ) timplika anki l-paragunabbiltà tal-interess bejn il-każ eżaminat u dak irregolat. Is-severità tal-eżaminazzjoni ta’ dawn il-kundizzjonijiet tiddependi f’dan ir-rigward fuq il-kwistjoni li fir-rigward tagħha tiġi kkunsidrata l-applikazzjoni analoga. B’hekk, fil-liġi kriminali analoġija hija sempliċiment eskluża ( 86 ). Fil-qasam tal-kompetenzi sostantivi tal-Unjoni, min-naħa tiegħu analoġija fid-dawl tal-prinċipju tal-għoti tal-kompetenzi hija estremament diffiċli ( 87 ). F’oqsma oħra, madankollu, bħal pereżempju fir-rigward tal-leġiżlazzjoni sekondarja fil-qasam tal-moviment u r-residenza, tista’ tiġi ssuġġerita konklużjoni b’analoġija ( 88 ).

104.

Fir-rigward tal-kawża preżenti, għandu jiġi primarjament innutat li fil-qasam tal-bażi legali proċedurali, li hija attribwita għal din il-kawża, analoġija ma hijiex eskluża, fid-dawl tal-kompetenzi tal-korpi tal-Unjoni li għandhom jiġu ssalvagwardjati, madankollu, il-kundizzjonijiet għandhom jiġu eżaminati bir-reqqa. Barra minn hekk, ma tapplikax analoġija, jekk regola tkun inħolqot bħala lex specialis għal każ speċjali ( 89 ). Fil-prinċipju mbagħad ir-rikors għal analoġija jinvolvi kunsiderazzjoni eżawrjenti tar-raġunijiet li jistgħu jiġġustifikaw l-applikazzjoni tagħhom.

a) Distinzjoni bejn żewġ gruppi ta’ każijiet

105.

Il-ftehim joriġina mill-premessa li l-kompetenzi tal-Unjoni huma ggarantiti mill-korpi tal-Unjoni ( 90 ). Jekk organizzazzjoni internazzjonali taġixxi fil-qasam tal-kompetenza tal-Unjoni, il-loġika tas-sistema inizjalment tidher li teżiġi li l-Unjoni nfisha għandha taġixxi bħala membru tal-organizzazzjoni. F’ħafna każijiet, l-Unjoni madankollu ma tkunx membru tal-organizzazzjoni.

106.

Hawnhekk, fil-fehma tiegħi għandha ssir distinzjoni taż-żewġ gruppi ta’ każijiet għas-soluzzjoni tal-kawża preżenti. Għalhekk, l-ewwel nett hemm sensiela ta’ każijiet li fihom għal raġunijiet tad-dritt internazzjonali l-Unjoni ma tistax tkun membru ta’ organizzazzjoni internazzjonali. Każ bħal dan japplika meta l-organizzazzjoni internazzjonali ma tippermettix sħubija ta’ organizzazzjonijiet supranazzjonali jew inkella meta l-applikazzjoni tal-Unjoni għas-sħubija fl-organizzazzjoni tkun ġiet miċħuda, għal kwalunkwe raġuni. F’każ bħal dan, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-kompetenza esterna tal-Unjoni tiġi eżerċitata permezz tal-Istati Membri, li jaġixxu b’mod konġunt fl-interess tal-Unjoni ( 91 ).

107.

Iċ-ċirkustanzi huma rrappreżentati b’mod differenti jekk l-Unjoni tkun permessa tissieħeb fl-organizzazzjoni internazzjonali inkwistjoni u sa dan il-punt ma tkunx ġiet irrifjutata applikazzjoni għal sħubija fl-organizzazzjoni. F’każ bħal dan, l-adeżjoni tal-Unjoni huwa l-mod l-iktar naturali għall-eżerċizzju effettiv tal-kompetenzi tal-Unjoni.

108.

Il-kawża preżenti hija attribwibbli għal dan it-tieni grupp ta’ każijiet. Fil-ftehim tat-3 ta’ April 2001 kif espressament previst fl-Artikolu 8 l-OIV tippermetti l-adeżjoni ta’ “organizzazzjoni[jiet] internazzjonali, interstatali u għalhekk anki l-Unjoni” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Fl-2008, il-Kummissjoni għalhekk ħarġet rakkomandazzjoni sabiex tawtorizza n-negozjati tal-adeżjoni, billi invokat referenzi dinamiċi li ġew introdotti ftit qabel għal riżoluzzjonijiet tal-OIV fid-dritt tal-Unjoni ( 92 ). Din l-awtorizzazzjoni, madankollu, ma ngħatatx għal raġunijiet interni tal-Unjoni, jiġifieri n-nuqqas tal-maġġoranza meħtieġa fil-Kunsill.

109.

F’dawn iċ-ċirkustanzi, ser nillimita l-kunsiderazzjonijiet tiegħi li ġejjin dwar il-kwistjoni tal-applikazzjoni b’analoġija tal-Artikolu 218(9) TFUE għat-tieni grupp ta’ każijiet. Għaldaqstant, mhux ser nikkunsidra l-kwistjoni sa liema punt tista’ tiġi ġġustifikata analoġija mad-dispożizzjoni f’każ ta’ ftehim li s-suġġett tagħhom jaqa’ taħt il-kompetenza tal-Unjoni li fihom din madankollu “għadha” ma tistax tkun membru minħabba l-istruttura tal-ftehim internazzjonali ( 93 ).

b) Applikazzjoni analoga fil-qafas tal-grupp ta’ każijiet rilevanti

110.

Fil-fehma tiegħi, applikazzjoni analoga tad-dispożizzjoni f’dan ir-rigward għandha tiġi rrifjutata.

111.

L-ewwel nett l-interpretazzjoni proposta mill-konvenut tal-Artikolu 218(9) TFUE prattikament tfisser pjuttost ritorn għall-Artikolu 116 KEE. Din id-dispożizzjoni, madankollu, tneħħiet deliberatament u ma reġgħetx ġiet introdotta. Barra minn hekk, din kienet tirreferi għal kuntest kompletament differenti. L-intenzjoni evidenti tal-awturi tat-Trattat qed tiġi injorata.

112.

It-tieni nett, applikazzjoni analoga bħal din ma tikkunsidrax żewġ żviluppi importanti fil-liġi. L-ewwel nett, l-attività ta’ iktar u iktar organizzazzjonijiet internazzjonali qed taqa’ taħt il-kompetenza tal-Unjoni. It-tieni nett, u fuq kollox, ġew jew qed jiġu mneħħija dejjem iktar l-ostakoli tad-dritt internazzjonali għas-sħubija tal-Unjoni fl-organizzazzjonijiet internazzjonali. Bħala regola fil-qasam tal-eżerċizzju ta’ kompetenzi esklużivi tal-Unjoni, l-Unjoni għandha tissieħeb mal-organizzazzjoni internazzjonali. Skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, fil-kompetenza esklużiva tal-Unjoni hemm l-obbligu tal-korpi tal-UE u tal-Istati Membri li jużaw il-mezzi legali u politiċi kollha sabiex jiżguraw il-parteċipazzjoni tal-Unjoni fil-ftehim ( 94 ). Jekk tiġi segwita l-fehma tal-Kunsill, fil-futur l-Unjoni tkun libera tagħżel jekk tkunx trid tissieħeb f’organizzazzjoni internazzjonali jew mingħajr ma tissieħeb tkunx trid tiddetermina l-pożizzjonijiet bl-istess mod bħal wara li tkun issieħbet. Kieku mill-effetti ta’ referenzi dinamiċi f’dan ir-rigward dak li jkun kellu jsegwi l-kunċett tal-Kunsill, bl-implementazzjoni ta’ tali referenza l-Unjoni nnifisha tkun tista’ tapplika l-Artikolu 218(9) TFUE, u b’hekk tagħmel l-adeżjoni għall-organizzazzjoni internazzjonali indispensabbli.

113.

Fl-aħħar nett, l-applikazzjoni b’analoġija tal-Artikolu 218(9) TFUE f’dan il-każ tevita l-kompetenzi tal-Parlament Ewropew. L-Artikolu 218 TFUE essenzjalment jipprovdi l-parteċipazzjoni tal-Parlament fil-qafas tal-konklużjoni ta’ ftehim. Dan japplika wkoll fl-adeżjoni tal-Unjoni f’organizzazzjoni internazzjonali bħal, skont kif iċċitat iktar ’il fuq, fl-adozzjoni ta’ deċiżjoni legalment effettiva f’organizzazzjonijiet taħt id-dritt internazzjonali. Fil-kuntest tal-Artikolu 218(9) TFUE, ir-rwol tal-Parlament huwa, madankollu, imnaqqas għall-għoti ta’ informazzjoni immedjata u komprensiva. L-estensjoni tal-Artikolu 218(9) TFUE anki għal ftehim tal-Istati Membri tillimita kunsiderevolment id-drittijiet tal-parteċipazzjoni tal-Parlament. Madankollu, l-għażla tal-bażi legali korretta għandha sservi wkoll għas-salvagwardja tad-drittijiet tal-istituzzjonijiet tal-Komunità affettwati ( 95 ).

114.

Kunsiderazzjoni bir-reqqa tar-raġunijiet favur u kontra l-applikazzjoni b’analoġija tal-Artikolu 218(9) TFUE ma hijiex favur l-applikazzjoni b’analoġija.

C – Konklużjoni

115.

B’hekk l-Artikolu 218(9) TFUE ma jipprovdi ebda bażi legali għad-deċiżjoni preżenti hawnhekk. Fid-dawl tal-osservazzjonijiet tiegħi iktar ’il fuq, dan ma huwiex żball purament formali ( 96 ). Id-deċiżjoni kkontestata għandha tiġi annullata.

D – Ilmenti oħra

116.

Meta titqies il-pożizzjoni tiegħi, ma nieħu l-ebda pożizzjoni fir-rigward tal-ilmenti addizzjonali ppreżentati mill-intervenjenti, anki fir-rigward tal-ammissibbiltà tagħhom, partikolarment il-motivazzjoni dgħajfa mressqa mill-Pajjiżi l-Baxxi tad-deċiżjoni kkontestata u l-ilment ippreżentat mill-Ungerija dwar in-nuqqas ta’ parteċipazzjoni tal-Parlament.

E – Il-limitazzjoni tal-effetti tal-annullament

117.

Għall-każ tal-annullament tad-deċiżjoni, il-Kunsill talab iż-żamma tal-effetti tagħha. Ir-rikorrent ikkontesta din it-talba.

118.

Skont l-Artikolu 264 TFUE, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tindika, jekk tqis li huwa neċessarju, l-effetti ta’ att annullat li għandhom jinżammu.

119.

Bid-deċiżjoni kkontestata ġiet stabbilita pożizzjoni tal-Unjoni, li għandha tkun irrappreżentata mill-Istati Membri tal-Unjoni, li huma l-partijiet kontraenti tal-OIV, u fil-fatt hekk sar. F’dan ir-rigward, is-sitwazzjoni tidher li taqbel ma’ dik li fiha l-Qorti tal-Ġustizzja żammet l-effetti tad-deċiżjoni kkontestata fil-Kawża CITES ( 97 ).

120.

Madankollu, il-każ preżenti diġà jvarja mill-Kawża CITES minħabba l-fatt li r-rikorrent f’dak il-każ ma oġġezzjonax għaż-żamma. F’dan il-każ, ir-rikorrent ma qabilx mal-argument tal-konsegwenzi possibbli fil-kuntest tal-proċeduri tal-ksur tal-ftehim.

121.

Kif il-gvern Slovakk jindika b’mod ġustifikat, fil-każ preżenti ma huwiex evidenti liema ċertezza tad-dritt kienet tkun ipperikolata mill-annullament. Ir-riżoluzzjonijiet tal-OIV ikkontestati ġew adottati u ma humiex affettwati fl-effettività tagħhom bit-tneħħija tad-deċiżjoni. Għaldaqstant, fil-fehma tiegħi, din it-talba sussidjarja ma għandhiex tintlaqa’.

F – Spejjeż

122.

Skont l-Artikolu 138(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Skont is-soluzzjoni li pproponejt, għandha tiġi aċċettata t-talba tar-rikorrent. Għalhekk, il-Kunsill għandu jbati l-ispejjeż. L-intervenjenti skont l-Artikolu 140(1) tar-Regoli tal-Proċedura għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom stess.

V – Konklużjoni

123.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, jiena nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi kif ġej:

1.

Id-Deċiżjoni tal-Kunsill tad-19 ta’ Ġunju 2012 li tistabbilixxi pożizzjoni li għandha tiġi adottata f’isem l-Unjoni fir-rigward ta’ ċerti riżoluzzjonijiet li għandhom jiġu adottati fil-qafas tal-OIV hija annullata.

2.

Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea huwa kkundannat għall-ispejjeż.

3.

Ir-Repubblika Ċeka, il-Gran Dukat tal-Lussemburgu, l-Ungerija, ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi, ir-Repubblika tal-Awstrija, ir-Repubblika Slovakka, ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ fuq u l-Kummissjoni huma kkundannati jbatu l-ispejjeż tagħhom stess.


( 1 ) Lingwa oriġinali: il-Ġermaniż.

( 2 ) Hoffmeister, F., Outsider or Frontrunner? Recent Developments under International and European Law on the Status of the European Union in International Organizations and Treaty Bodies, CMLR 44 (2007), 41, 68.

( 3 ) Il-Ftehim li jistabbilixxi l-Istitut Internazzjonali tal-Inbejjed f’Pariġi, tad-29 ta’ Novembru 1924. It-test tal-ftehim huwa disponibbli fis-sit tal-OIV: http://www.oiv.int/oiv/info/frhistorique. L‑organizzazzjoni ilha tissejjaħ l-“Organizzazzjoni Internazzjonali tad-Dwieli u tal-Inbejjed” sa mill-4 ta’ Settembru 1958.

( 4 ) It-test huwa disponibbli fis-sit tal-OIV: http://www.oiv.int/oiv/info/frtextesfondamentaux. Il-Gazzetta tal-Liġi Federali, Parti II 2002, 2733. Il-Ftehim skont l-Artikolu 19 tiegħu huwa ugwalment awtentiku bil-Franċiż, bl-Ispanjol u bl-Ingliż.

( 5 ) L-organizzazzjoni preċedenti kienet apparentament taċċetta stati biss bħala membri fid-dawl tal-fatt li l-Artikolu 6 tal-Ftehim li jistabbilixxi l-Istitut Internazzjonali tal-Inbejjed f’Pariġi kien jispeċifika li: “L-Istati kollha li ma ffirmawx il-Ftehim, jistgħu jissieħbu mal-istess […]”.

( 6 ) Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 479/2008, tad-29 ta’ April 2008, dwar l-organizzazzjoni komuni tas-suq tal-inbid, li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 1493/1999, (KE) Nru 1782/2003, (KE) Nru 1290/2005, (KE) Nru 3/2008 u li jħassar ir-Regolamenti (KEE) Nru 2392/86 u (KE) Nru 1493/1999 (ĠU L 148, p. 1).

( 7 ) Wara d-diskussjoni tal-Ġermanja fis-seduta ta’ smigħ, ir-Riżoluzzjonijiet tal-OIV u tal-organizzazzjoni preċedenti tagħha sa mill-1971 jservu bħala punti ta’ referenza. L-OIV issemmiet ukoll qabel l-2008 fl-atti legali korrispondenti, bħal fir-raba’ premessa tar-Regolament (KE) tal-Kunsill Nru 2165/2005 tal-20 ta’ Diċembru 2005, li jħassar ir-Regolament Nru 1493/1999 (ĠU L 345, p. 1), fl-ewwel premessa tar-Regolament (KE) tal-Kummissjoni Nru 1507/2006 tal-11 ta’ Ottubru 2006, li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1622/2000, ir-Regolament (KE) Nru 884/2001 u r-Regolament (KE) Nru 753/2002 (ĠU L 280, p. 9). Ara wkoll it-tieni premessa tar-Regolament (KE) tal-Kunsill Nru 519/2007 tas-7 ta’ Mejju 2007 (ĠU L 123, p. 3).

( 8 ) Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 491/2009, tal-25 ta’ Mejju 2009 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1234/2007 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni ta’ swieq agrikoli u dwar dispożizzjonijiet speċifiċi għal ċerti prodotti agrikoli (Regolament Waħdieni dwar l-OKS) (ĠU L 154, p. 1).

( 9 ) Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1234/2007, tat-22 ta’ Ottubru 2007 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1234/2007 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni ta’ swieq agrikoli u dwar dispożizzjonijiet speċifiċi għal ċerti prodotti agrikoli (Ir-Regolament Waħdieni dwar l-OKS) (ĠU 2008 L 121, p. 1), emendat diversi drabi. Ara t-tielet premessa tar-Regolament Nru 491/2009.

( 10 ) Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 606/2009 tal-10 ta’ Lulju 2009 li jistabbilixxi regoli ddettaljati għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 479/2008 fir-rigward tal-kategoriji tal-prodotti tad-dwieli, il-prattiċi enoloġiċi u r-restrizzjonijiet applikabbli (ĠU L 193, p. 1).

( 11 ) Hawnhekk mingħajr in-noti ta’ qiegħ il-paġna li jinsabu fit-test iċċitat.

( 12 ) Enfasi fl-oriġinal.

( 13 ) Dokument tal-Kunsill 11436/12.

( 14 ) Fis-seduta ta’ smigħ il-Ġermanja hawnhekk għamlet distinzjoni bejn żewġ kwistjonijiet: Jekk l-Unjoni għandhiex tkun membru tal-OIV sabiex tapplika d-dispożizzjoni u jekk jistgħux jiġu adottati riżoluzzjonijiet fl-OIV “f’isem l-Unjoni”. Fil-fehma tiegħi, it-tieni kwistjoni tittratta biss aspett tal-ewwel kwistjoni.

( 15 ) Ir-rikorrent jaqbel espressament ma’ dan l-ilment.

( 16 ) Il-Kunsill qabel ma’ dan l-argument.

( 17 ) L-intervenjenti insostenn tal-Ġermanja ppreżentaw argumenti addizzjonali li fir-rigward tagħhom il-Ġermanja qablet parzjalment.

( 18 ) Sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Kunsill (“CITES”, C–370/07, EU:C:2009:590). CITES hija l-Konvenzjoni dwar il-Kummerċ Internazzjonali fl-Ispeċijiet ta’ Fawna u Flora Selvaġġi fil-Periklu, Washington, 3 ta’ Marzu 1973, UNTS 993, p. 243.

( 19 ) L-Artikoli 1 u 2 tal-Ftehim jiddikjaraw l-għanijiet u l-kompiti tal-OIV.

( 20 ) Ara l-Artikolu 5(1) kif ukoll paragrafu 3 tal-Ftehim. Huma possibbli eċċezzjonijiet għall-proċedura ta’ kunsens, iżda jistgħu jiġu evitati billi ssir referenza għall-periklu għall-interessi nazzjonali fundamentali. Il-proċess għat-tħejjija ta’ riżoluzzjonijiet huwa deskritt fil-Kapitolu 5 tar-Regoli tal-Proċedura tal-OIV.

( 21 ) Fid-19 ta’ Ġunju 2012. Illum 21 mill-45 Stat Membru tal-OIV huma Stati Membri tal-UE: Il-Belġju, il-Bulgarija, il-Ġermanja, il-Finlandja, Franza, il-Greċja, l-Italja, il-Kroazja, il-Lussemburgu, Malta, l-Olanda, l-Awstrija, il-Portugall, ir-Rumanija, l-Isvezja, is-Slovakkja, is-Slovenja, Spanja, ir-Repubblika Ċeka, l-Ungerija u Ċipru.

( 22 ) L-Artikoli 3 u 4 tar-Regoli tal-Proċedura tal-OIV.

( 23 ) Kif previst fl-Artikolu 5(2) u (3) tar-Regoli ta’ Proċedura tal-OIV bi qbil mal-kumitat eżekuttiv. Id-definizzjonijiet taż-żewġ termini jinsabu fl-Anness 2 tar-Regoli ta’ Proċedura tal-OIV.

( 24 ) L-Artikoli 30(a), 31, 82(2) tar-Regolament li attwalment huma l-Artikoli 120f (a), 120g u 158a(2) tar-Regolament Waħdieni dwar l-OKS. Referenzi għall-OIV jinsabu diġà f’atti legali preċedenti, ara nota ta’ qiegħ il-paġna 7.

( 25 ) COM(2008) 577 finali.

( 26 ) Fis-seduta orali l-Kummissjoni ppreżentat żewġ raġunijiet dwar dan: min-naħa waħda, fid-dawl tal-piż tal-voti relatati ma’ dan l-Istati Membri tal-Unjoni setgħu jaffettwaw il-bilanċ fl-OIV, min-naħa l-oħra l-Istati Membri riedu jżommu pożizzjoni indipendenti.

( 27 ) Proċedura Numru 2011/2121. Skont id-dikjarazzjoni tal-Kummissjoni fis-seduta ta’ smigħ, il-proċeduri kienu sospiżi sakemm tingħata deċiżjoni fil-kawża preżenti.

( 28 ) COM(2012) 192 finali. Bejn id-9 u l-10 Assemblea Ġenerali tal-OIV, l-organizzazzjoni organizzat żewġ laqgħat ġenerali straordinarji. Għall-ewwel waħda minn dawn il-laqgħat ġie ppreżentat abbozz għal deċiżjoni abbażi tal-Artikolu 218(9) TFUE, iżda ma kienx aċċettat. Ir-riżoluzzjonijiet adottati mill-OIV, madankollu, ma kinux ikklassifikati bħala rilevanti għall-acquis tal-Unjoni. Fir-rigward tat-tieni laqgħa, minħabba li ma kienx hemm biżżejjed ħin ma setax jiġi ppreżentat abbozz għal deċiżjoni u ma setgħetx issir koordinazzjoni fi ħdan l-Unjoni.

( 29 ) Il-Ġermanja u r-Repubblika Ċeka jsostnu li l-Kummissjoni wegħdet li ma tkomplix għaddejja bil-proċedura ta’ ksur jekk l-Istati Membri japprovaw id-deċiżjoni. Il-Kummissjoni ammettiet waqt is-seduta ta’ smigħ li l-maġġoranza ma nkisibtx taħt il-pressjoni tal-proċedura ta’ ksur.

( 30 ) Dokument tal-Kunsill 11436/12.

( 31 ) Id-dikjarazzjoni tar-Rumanija ma semmiex id-dispożizzjoni, iżda madankollu tagħmilha ċara li l-imġiba tal-votazzjoni tar-Rumanija ma għandhiex titqies bħala preċedent għal każijiet simili u li l-Kummissjoni u l-Istati Membri għandhom jiċċaraw it-tqassim tar-responsabbiltajiet.

( 32 ) Abbozzi ta’ riżoluzzjonijiet oħra, madankollu, kienu s-suġġett ta’ koordinazzjoni informali fil-korpi preparatorji tal-Kunsill skont l-obbligu ta’ kooperazzjoni leali (l-Artikolu 4(3) TUE).

( 33 ) Skont id-dikjarazzjonijiet tal-Kunsill ir-riżoluzzjoni OENO-SPECIF 10-452 ma tressqitx għall-votazzjoni b’konformità mad-deċiżjoni tal-Kumitat Tekniku tal-Assemblea Ġenerali.

( 34 ) L-Opinjoni 1/78 (EU:C:1979:224, punt 50); Enfasi hawnhekk biss.

( 35 ) Ara f’dan ir-rigward il-paġna li tittratta d-dritt internazzjonali P. Kuijper, fost l-oħrajn (Hrsg.), The Law of EU External Relations, Oxford, OUP, 2013, p. 201. Dwar it-tema ġenerali: P. Eeckhout, EU External Relations Law, Oxford, OUP, it-tieni edizzjoni 2012, p. 222 sa 231.

( 36 ) Sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Kunsill (“AETR”, 22/70, EU:C:1971:32, punti 76 u 77).

( 37 ) Sentenza Kramer et. (3/76, 4/76 u 6/76, EU:C:1976:114, punti 42 u 43), ara f’dan ir-rigward V. Constantinesco, et (Hrsg.), Traité instituant la CEE, Paris, Economica, 1992, Artikolu 116, punti 6 u 16.

( 38 ) Għalhekk ġie kkritikat li skont id-dispożizzjoni, il-Komunità setgħet tieħu deċiżjonijiet b’maġġoranza ta’ voti, li l-Kunsill seta’ jadotta internament b’unanimità biss u li d-deċiżjonijiet setgħu jittieħdu fl-oqsma ta’ responsabbiltà esklużivi tal-Istati Membri. CONF/3870/96

( 39 ) It-tielet paragrafu tal-Artikolu J.2 TUE, issa l-Artikolu 34(1) TUE, b’obbligu li tittieħed il-pożizzjonijiet tal-Unjoni, fejn “pożizzjoni” ma għandhiex tinftiehem fis-sens strett. Dwar dan, ara R. Geiger, f’: Geiger, R., et (Hrsg.), EUV/AEUV, München, C.H. Beck, il-ħames edizzjoni 2010, l-Artikolu 34 TUE, punt 1.

( 40 ) J. Sack, Les relations extérieures de l’Union européenne sous l’angle institutionnel, Revue des affaires européennes 2001-2002, 29, 33.

( 41 ) L-Opinjoni 1/78 (EU:C:1979:224, punt 51), ara wkoll l-Opinjoni 1/75 (EU:C:1975:145).

( 42 ) Id-deċiżjoni espressament ippermettiet l-adeżjoni tal-Komunità, l-Artikolu 7 tat-Tielet Deċiżjoni Riveduta tal-Kunsill tal-Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni Ekonomika u l-Iżvilupp dwar it-trattament nazzjonali.

( 43 ) L-Opinjoni 2/92 (EU:C:1995:83, punt 8);

( 44 ) Ara wkoll C. Vedder, Die auswärtige Gewalt des Europa der Neun, Göttingen, Otto Schwartz&Co., 1980, p. 155 sa 157.

( 45 ) J. Sack, Die Europäische Gemeinschaft als Mitglied Internationaler Organisationen, CMLR 32 (1995), 1227, 1252; K. Schmalenbach, fi: C. Calliess u M. Ruffert, (Hrsg.), Kommentar zu EU-Vertrag und EG-Vertrag, Neuwied, Luchterhand, 1999, Artikolu 300, punt 49.

( 46 ) F’dan ir-rigward u rigward il-kompetenza tal-Komunità, li ssir membru ta’ organizzazzjoni internazzjonali, ara l-Opinjoni 1/76 (EU:C:1977:63, punt 5); l-Opinjoni 1/94 (EU:C:1994:384); C. Hillion u P. Koutrakos, (Hrsg.), Mixed Agreements Revisited, Oxford, Hart, 2010.

( 47 ) CONF/3870/96, partikolarment p. 5. F’dan ir-rigward kien intlaħaq ftehim mhux ippubblikat fi stadju bikri bejn il-Kunsill u l-Kummissjoni b’rabta mal-każ dwar il-Ftehim dwar il-Materja Prima u l-FAO. J. Sack, Die Europäische Gemeinschaft als Mitglied Internationaler Organisationen, f’: A. Randelzhofer, et. (Hrsg.), Gedächtnisschrift für Eberhard Grabitz, München, C.H.Beck, 1995, p. 655 sa 659.

( 48 ) CONF/3822/96; CONF/3870/96.

( 49 ) Sentenzi Sevince (C‑192/89, EU:C:1990:322, punt 9) u Il-Greċja vs Il-Kummissjoni (30/88, EU:C:1989:422, punt 13).

( 50 ) K. Schmalenbach, f’: C. Calliess, u M. Ruffert, (Hrsg.), Kommentar zu EU-Vertrag und EG-Vertrag, Neuwied, Luchterhand, 1999‚ l-Artikolu 300, punt 45.

( 51 ) Sedi oħra, pereżempju, li ġew stabbiliti fi ftehim ta’ kooperazzjoni, issa ġew koperti wkoll. Conference of the Representatives of the Governments of the Member States, The Legal Adviser, dokument SN 2705/00 tal-10 ta’ Mejju 2000. Ara Rehulka, fi: H. Mayer, u K. Stöger, Kommentar zu EUV und AEUV, Wien, Manzsche Verlags- und Universitätsbuchhandlung, 2011, l-Artikolu 218 TFUE punt 3; Terhechte f’: J. Schwarze, (Hrsg.), EU-Kommentar, Baden-Baden, Nomos, it-tieni edizzjoni 2009, l-Artikolu 218 TFUE, punti 11 sa 14.

( 52 ) Sentenza “CITES” (EU:C:2009:590, punti 19, 58 u 59).

( 53 ) Sentenza “CITES” (EU:C:2009:590, punti 43, 45, 61 u 62).

( 54 ) Sentenza “CITES” (EU:C:2009:590, punti 51).

( 55 ) Sentenza “CITES” (EU:C:2009:590, punt 59).

( 56 ) Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Kokott fil-Kawża “CITES” (C–370/07, EU:C:2009:249, Nri 75 sa 77).

( 57 ) Ara l-Artikoli 57 u 60 tal-Konvenzjoni ta’ Vjenna dwar il-Liġi tat-Trattati B. Brandtner u A. Rosas, Human Rights and the External Relations of the European Community, EJIL 9 (1998), 468; L. Bartels, Human Rights Conditionality in the EU’s International Agreements, Oxford, OUP, 2005; ara COM(95) 216 finali.

( 58 ) F’dan ir-rigward b’mod konsistenti: G. Zagel, f’: H. Smit, H., et (Hrsg.), Smit & Herzog on the Law of the European Union, Danvers, LexisNexis, 2013, Article 218.04[3][c]; K. Schmalenbach, f’: C. Calliess u M. Ruffert, (Hrsg.), EUV/AEUV, München, C.H. Beck, ir-raba’ edizzjoni 2011, l-Artikolu 218, punti 23 sa 24.

( 59 ) It-terminu “ftehim” issostitwixxa dak ta’ “konvenzjoni”, li ntuża fid-dispożizzjoni predeċessura tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 300(2) TKE. Dan, madankollu, ma hu relatat mal-ebda bidla sostantiva. Huwa jibqa’ jirreferi għal “kwalunkwe obbligu vinkolanti taħt id-dritt internazzjonali irrispettivament mill-forma tiegħu”. Ara l-Opinjoni 1/75 (EU:C:1975:145), ara wkoll l-Opinjoni 2/92 (“OECD”, EU:C:1995:83, punt 8); Sentenza Franza vs Il-Kummissjoni (C‑233/02, EU:C:2004:173, punt 45).

( 60 ) Skont Maxime Ubi lex non distinguit, nec nos distinguere debemus (Glosse Pretium zu Dig. 6.2.8). Anki l-argument tal-Kunsill inqis li huwa żbaljat li f’każ ta’ interpretazzjoni ċara tal-kliem u jekk ma jkunx hemm differenzi f’verżjonijiet lingwistiċi oħra ma ssirx iktar referenza għall-metodi oħra ta’ interpretazzjoni. Il-Qorti tal-Ġustizzja espressament innutat li fl-interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni “għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni mhux biss il-kliem tagħha, iżda wkoll il-kuntest tagħha u l-għanijiet imfittxija mil-leġiżlazzjoni li minnha tagħmel parti”. Sentenzi Sturgeon et (C‑402/07 u C‑432/07, EU:C:2009:716, punt 41); SGAE (C‑306/05, EU:C:2006:764, punt 34); u Wendelboe et (19/83, EU:C:1985:54, punti 13 sa 15).

( 61 ) Bħala riżultat ara wkoll S. Lorenzmeier, fi: E. Grabitz, et. (Hrsg.), Das Recht der Europäischen Union, München, C.H. Beck, 51. Suppliment 2013, l-Artikolu 218, punt 8. Fuq l-użu tat-terminu fl-Artikolu 218(11) TFUE nagħmel referenza għad-dikjarazzjoni tiegħi dwar l-interpretazzjoni sistematika tad-dispożizzjoni.

( 62 ) Enfasi hawnhekk biss.

( 63 ) Il-Ġermanja argumentat li preżentazzjoni “f’isem” parti li ma tkunx membru ta’ organizzazzjoni internazzjonali hija inammissibbli u l-Istati Membri tal-OIV li ma humiex membri tal-Unjoni jirrifjutaw il-preżentazzjoni tal-pożizzjoni “f’isem l-Unjoni” u dan ma jiġix aċċettat mill-President tal-laqgħa.

( 64 ) L-Artikolu 218(7) TFUE juża t-terminu “f’ isem l-Unjoni” fis-sens ta’ rappreżentazzjoni organizzattiva. “Meta jikkonkludi ftehim, il-Kunsill jista’, […] jawtorizza lin-negozjatur sabiex japprova f’isem l-Unjoni emendi għall-ftehim […]”. L-enfasi tidher hawnhekk biss.

( 65 ) L-Opinjoni 2/91 (EU:C:1993:106, punt 5); Sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Greċja (C‑45/07, EU:C:2009:81, punt 31). Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 91 iktar ’il quddiem.

( 66 ) L-Opinjoni 2/91 (EU:C:1993:106, punt 5).

( 67 ) L-Opinjoni 2/91 (EU:C:1993:106, punti 3u 4);

( 68 ) Ara l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Kokott fil-Kawża “CITES” (EU:C:2009:249, punt 75).

( 69 ) Ara, bħala test fundamentali: D. Simon, L’Interprétation judiciaire des traités d’organisations internationales, Paris, Pedone, 1981, p. 391 sa 398. Ara wkoll R. Lecourt, L’Europe des juges, Bruxelles, Bruylant, 1976, p. 235 sa 247.

( 70 ) Għalkemm l-OIV tirrevedi l-applikazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet (l-Artikolu 2(2)(b) tal-ftehim), madankollu din ir-reviżjoni ma tikkostitwixxix kontroll ta’ implementazzjoni mandatorja.

( 71 ) Ara f’dan ir-rigward Intertanko et (C‑308/06, EU:C:2008:312, punti 47 sa 50) Air Transport Association of America et. (C‑366/10, EU:C:2011:864, punti 52, 60 sa 71).

( 72 ) “when that body is called upon to adopt acts having legal effects” bl-Ingliż, “lorsque cette instance est appelée à adopter des actes ayant des effets juridiques” bil-Franċiż, “cuando dicho organismo deba adoptar actos que surtan efectos jurídicos” bl-Ispanjol u “se tale organo deve adottare atti che hanno effetti giuridici” bit-Taljan.

( 73 ) Rigward il-verżjonijiet f’lingwi l-oħra ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 72.

( 74 ) Fil-verżjoni bl-Ingliż: “binding”, bil-Franċiż: “lient”, bl-Ispanjol: “vincularán”, bit-Taljan: “vincolano”.

( 75 ) Bil-Ġermaniż it-test jaqra kif ġej: “mit Rechtswirkung gegenüber Dritten”, fil-verżjoni bl-Ingliż: “intended to produce legal effects vis-à-vis third parties” (enfasi fl-oriġinal), bil-Franċiż: “destinés à produre des effets juridiques à l’egard des tiers”, bl-Ispanjol: “destinados a producir efectos jurídicos frente a terceros”, bit-Taljan: “destinati a produrre effetti giuridici nei confronti di terzi”.

( 76 ) Sentenzi Eurocoton et vs Il-Kunsill (C‑76/01 P, EU:C:2003:511, punt 54), L-Olanda vs Il-Kummissjoni (C‑147/96, EU:C:2000:335, punt 25), Les Verts vs Il-Parlament (294/83, EU:C:1986:166, punti 24 sa 27), IBM vs Il-Kummissjoni (60/81, EU:C:1981:264, punt 9) u “AETR” (EU:C:1971:32, punti 38 sa 55). Ara wkoll is-sentenza Inuit Tapiriit Kanatami et vs II-Parlament u Il-Kunsill (C‑583/11 P, EU:C:2013:625, punt 56).

( 77 ) Bħal fis-sentenzi Deutsche Shell (C‑188/91, EU:C:1992:24, punti 16 sa 18), Il-Kummissjoni vs Il-Greċja (EU:C:2008:642, punti 19 sa 23).

( 78 ) Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 59 iktar ’il fuq.

( 79 ) Bħall-Kunsill, madankollu, jiena tal-fehma li din ma hijiex kwistjoni tal-estensjoni tal-kompetenzi sostantivi tal-Unjoni iżda għall-kuntrarju tikkonċerna fil-prinċipju l-għoti tal-kompetenzi.

( 80 ) Ara P. M. Dupuy, Droit international public, Paris, Dalloz, l-għaxar edizzjoni 2010, p 433 ; P. Malanczuk, Akehurst’s Modern Introduction to International Law, London, Routledge, is-seba’ edizzjoni 1997, p 54.

( 81 ) Ftehim dwar l-ostakoli tekniċi għall-kummerċ (“Ftehim dwar l-OTK”), Anness 1A tal-Ftehim li jistabbilixxi l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (ĠU L 366 tal-1994, p. 86 sa 99) tal-Kunsill approvat fid-Deċiżjoni tal-Kunsill 94/800/KE tat-22 ta’ Diċembru 1994 (ĠU L 336, p. 1).

( 82 ) Ara f’dan ir-rigward L. Tamiotti, Art. 2 TBT Agreement, f’: R. Wolfrum, et (Hrsg.), Max Planck Commentaries on World Trade Law: Technical Barriers and SPS Measures, Leiden, Brill, 2007, p. 226.

( 83 ) Hawnhekk ma kellix għalfejn niddeċiedi jekk fil-kawża attwali fil-verità hemmx kompetenza esklużiva sostantiva tal-Unjoni.

( 84 ) Ara s-sentenza reċenti O (C‑456/12, EU:C:2014:135, punt 50); Ara wkoll is-sentenzi Ziebell (li qabel kienet Örnek) (C‑371/08, EU:C:2011:809, punt 58) u Winner Wetten (C‑409/06, EU:C:2010:503, punt 64).

( 85 ) Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Trstenjak f’Sapir et (C‑645/11, EU:C:2012:757, punt 118), konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Alber fil-kawża Il-Kunsill vs Busacca et (C‑434/98 P, EU:C:2000:298, punt 26).

( 86 ) L-Artikolu 49 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, l-Artikolu 7 KEDB, QEDB, K.A. und A.D. v. Belgien, Nri 42758/98 u 45558/99, 17 ta’ Frar 2005, Nru 51.

( 87 ) Ara C. Calliess, f’: C. Calliess u M. Ruffert, (Hrsg.), EUV/AEUV, München, C.H. Beck, ir-raba’ edizzjoni 2011, l-Artikolu 5 TUE, punt 9.

( 88 ) Ara s-sentenzi Eind (C‑291/05, EU:C:2007:771, punti 43 u 45), kif ukoll O (C‑456/12, EU:C:2014:135, punt 50).

( 89 ) Sentenza Haneberg (C‑28/91, EU:C:1992:285, punti 21 sa 25).

( 90 ) K. Schmalenbach, f’: C. Calliess, u M. Ruffert, Kommentar zu EU-Vertrag und EG-Vertrag, Neuwied, Luchterhand, it-2 edizzjoni 2002, l-Artikolu 300, punt 74.

( 91 ) L-Opinjoni 2/91 (EU:C:1993:106, punt 5); Sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Greċja (EU:C:2009:81, punt 31), konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Bot fil-Kawża Il-Kummissjoni vs Il-Greċja (C‑45/07, EU:C:2008:642, punt 47). Breiter: Sentenza AETR (EU:C:1971:32, punti 81 sa 90) (b’rabta mal-bidliet tal-kompetenzi tal-Komunità), Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Tizzano fil-Kawża Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja (C‑433/03, EU:C:2005/153, Nru 87). Ara, inġenerali M. Cremona, Member States as Trustees of the Community Interest: Participating in International Agreements on Behalf of the European Community, EUI Working Papers 2009/17.

( 92 ) Punt 33 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 93 ) Dwar din il-kwistjoni fil-qasam tal-interpretazzjoni teleoloġika ara l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Kokott fil-Kawża “CITES” (EU:C:2009:249, Nru 76). Għal applikazzjoni anologa tar-regola: S. Lorenzmeier, F’E. Grabitz, et (Hrsg.), Das Recht der Europäischen Union, München, C.H. Beck, 51. Suppliment 2013, l-Artikolu 218, punti 64 sa 66.

( 94 ) Sentenza Kramer et (EU:C:1976:114, punti 44 sa 45). Ara Hoffmeister, ara iktar ’il fuq, in-nota ta’ qiegħ il-paġna 2, p. 59.

( 95 ) Sentenza “CITES” (EU:C:2009:590, punt 48).

( 96 ) Ara s-sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Kunsill (165/87, EU:C:1988:458, punt 19).

( 97 ) Sentenza “CITES” (EU:C:2009:590, punti 63 sa 66).