KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

WATHELET

ippreżentati fil-11 ta’ Lulju 2013 ( 1 )

Kawża C‑391/12

RLvS Verlagsgesellschaft mbH

vs

Stuttgarter Wochenblatt GmbH

[talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Bundesgerichtshof (il-Ġermanja)]

“Protezzjoni tal-konsumaturi — Prattiki kummerċjali żleali — Ommissjonijiet qarrieqa fir-rapporti pubbliċitarji — Leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li tipprojbixxi kull pubblikazzjoni bi ħlas mingħajr ma jissemma “reklam” (‘Anzeige’)”

I – Introduzzjoni

1.

Bir-rinviju preliminari tagħha, il-Bundesgerichtshof (il-Ġermanja) tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-interpretazzjoni tal-Artikolu 7 tad-Direttiva 2005/29/KE ( 2 ) u dwar il-punt 11 tal-Anness I tagħha.

2.

L-imsemmija talba kienet ippreżentata quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja fit-22 ta’ Awwissu 2012, fil-kuntest ta’ kawża bejn RLvS Verlagesgesellschaft mbH (iktar ’il quddiem “RLvS”) u Stuttgarter Wochenblatt GmbH (iktar ’il quddiem “Stuttgarter Wochenblatt”) dwar il-possibbiltà li RLvS tiġi pprojbita, fuq il-bażi tal-Artikolu 10 tal-Land de Bade-Wurtemberg dwar l-istampa (Landespressegesetz Baden-Württemberg), tal-14 ta’ Jannar 1964 (iktar ’il quddiem il-“Liġi Reġjonali dwar l-istampa”), li tinserixxi jew iddaħħal, bi ħlas, f’ġurnal, pubblikazzjonijiet li ma jinkludux il-kelma “reklam” (“Anzeige”).

3.

Permezz ta’ din id-domanda, il-Qorti tal-Ġustizzja hija mistoqsija dwar il-portata tal-armonizzazzjoni mwettqa bid-Direttiva dwar prattiċi kummerċjali inġusti u dwar il-possibbiltà għall-Istati Membri li jieħdu miżuri iktar restrittivi mid-dritt tal-Unjoni meta huma jixtiequ jiżguraw protezzjoni ogħla tal-konsumaturi jew ifittxu għan ieħor ta’ interess ġenerali, pereżempju l-protezzjoni ta’ dritt fundamentali. Din il-kawża, skont il-Gvern tal-Ġermanja, kienet tinvolvi l-protezzjoni tal-libertà u l-pluraliżmu tal-mezzi tal-komunikazzjoni [stabbilita bl-Artikolu 11(2) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea].

II – Il-kuntest ġuridiku

A – Id-dritt tal-Unjoni

4.

Skont l-Artikolu 2(d) tad-Direttiva dwar prattiċi kummerċjali żleali, “prattiċi kummerċjali fin-negozju mal-konsumatur” tfisser “kwalunkwe att, ommissjoni, imġieba jew rappreżentazzjoni, komunikazzjoni kummerċjali in[k]lużi reklamar u kummerċjalizzazzjoni, minn kummerċjant, konnessi direttament mal-promozzjoni jew bejgħ jew fornitura ta’ xi prodott lil konsumaturi”.

5.

Skont l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva dwar prattiċi kummerċjali żleali, din “għandha tapplika għal prattiċi kummerċjali żleali fin-negozju mal-konsumatur, kif stabbilit fl-Artikolu 5, qabel, matul jew wara tranżazzjoni kummerċjali fir-rigward ta’ xi prodott”. Madankollu, skont l-Artikolu 3(5) ta’ din id-Direttiva, “[g]ħal perjodu ta’ sitt snin minn 12 ta’ Ġunju 2007, l-Istati Membri jistgħu jibqgħu japplikaw id-dispożizzjonijiet nazzjonali fil-qasam approssimat minn din id-Direttiva li huma iktar restrittivi jew preskrittivi u jimplimentaw direttivi li fihom klawżoli ta’ armonizzazzjoni minima. Dawn il-miżuri għandhom ikunu essenzjali sabiex jiżguraw li konsumaturi huma mħarsa adegwatament minn prattiċi kummerċjali żleali u għandhom ikunu proporzjonati għal dak li huwa meħtieġ sabiex jintlaħaq dan l-għan. Ir-reviżjoni msemmija fl-Artikolu 18 tista’, jekk hekk jiġi kkunsidrat xieraq, tinkludi proposta sabiex tiġi mtawla din id-deroga għal perjodu ieħor limitat”.

6.

L-Artikolu 3(8) tad-Direttiva dwar prattiċi kummerċjali żleali jipprovdi, min-naħa tiegħu, deroga oħra meta jippreċiża li din id-direttiva tapplika “mingħajr preġudizzju għal kwalunkwe kondizzjonijiet ta’ stabbiliment jew reġimi ta’ awtorizzazzjoni, jew għall-kodiċijiet deontoloġiċi ta’ kondotta jew regoli speċifiċi oħra li jiggvernaw professjonijiet regolati sabiex jinżammu livelli għolja ta’ integrità min-naħa tal-professjonisti, li l-Istati Membri jistgħu, konformement mal-liġi Komunitarja, jimponu fuq il-professjonisti”.

7.

L-Artikolu 4 tal-imsemmija direttiva jipprovdi, min-naħa tiegħu, li: “[l]-Istati Membri la għandhom jirrestrinġu l-libertà tal-provvista tas-servizzi u lanqas għandhom jirrestrinġu l-moviment liberu ta’ merkanzija għal raġunijiet li jaqgħu fil-qasam approssimat minn din id‑Direttiva.”

8.

L-Artikolu 5 tad-Direttiva dwar prattiċi kummerċjali żleali intitolat “Il-Projbizzjoni ta’ Prattiċi Kummerċjali Żleali” jipprovdi

“1.   Il-prattiċi kummerċjali żleali għandhom ikunu pprojbiti.

2.   Prattika kummerċjali tkun żleali jekk:

a)

hija kuntrarja għar-rekwiżiti tad-diliġenza professjonali,

u

b)

toħloq distorsjoni sostanzjali jew tista’ toħloq distorsjoni sostanzjali fl-imġieba ekonomika, fir-rigward tal-prodott, tal-konsumatur medju li tilħaq [taffettwa] jew li lilu tkun indirizzata, jew tal-membru medju tal-grupp meta xi prattika kummerċjali tkun diretta lejn grupp partikolari ta’ konsumaturi.

[…]

5.   Fl-Anness I hemm lista ta’ dawk il-prattiki kummerċjali li għandhom f’kull ċirkostanza jitqiesu bħala żleali. L-istess lista waħdanija għandha tapplika fl-Istati Membri kollha u tista tiġi modifikata biss permezz ta’ revizjoni tad-Direttiva.”

9.

L-Artikolu 7 tad-Direttiva dwar prattiċi kummerċjali żleali intitolat “L-Ommissjonijiet qarrieqa” jipprovdi:

“1.   Prattika kummerċjali għandha titqies bħala qarrieqa meta, fil-kuntest fattwali tagħha, b’kont meħud tal-karatteristiċi u ċ-ċirkostanzi kollha tagħha u tal-limitazzjonijiet tal-mezz ta’ komunikazzjoni, tħalli barra tagħrif importanti li l-konsumatur medju għandu bżonn, skond il-kuntest, sabiex jieħu deċiżjoni transazzjonali informata u għaldaqstant tikkawża li l-konsumatur medju jieħu deċiżjoni transazzjonali li ma kienx jieħu f’ċirkostanzi oħra.

2.   Prattika kummerċjali għandha titqies ukoll bħala ommissjoni qarrieqa meta kummerċjant jaħbi jew jipprovdi b’manjiera mhux ċara, mhux intelliġibbli, ambigwa u/jew mhux f’waqtha, dak it-tagħrif importanti msemmi fil-paragrafu 1, b’kont meħud tal-kwistjonijiet deskritti f’dak il-paragrafu, jew jonqos milli jidentifika l-intenzjoni kummerċjali wara l-prattika kummerċjali jekk din ma tkunx diġà apparenti mill-kuntest u fejn, fi kwalunkwe każ, din tikkawża jew x’aktarx tikkawża li l-konsumatur medju jieħu deċiżjoni transazzjonali li ma kienx jieħu f’ċirkostanzi oħra.”

10.

L-Anness I tad-Direttiva 2005/29 dwar prattiċi kummerċjali żleali, intitolat “Prattiċi Kummerċjali li f’kull ċirkostanza huma kkunsidrati żleali” jsemmi bħala “Prattiċi kummerċjali qarrieqa”, il-fatt li “[j]uża kontenut editorjali fil-medja sabiex jippromwovi prodott fejn huwa jkun ħallas għall-promozzjoni tiegħu mingħajr ma jagħmel dan ċar fil-kontenut jew permezz ta’ immaġini u ħsejjes identifikabbli b’mod ċar mill-konsumatur. Dan huwa mingħajr preġudizzju għad-Direttiva tal-Kunsill 89/552/KEE” ( 3 ).

B – Id-dritt Ġermaniż

11.

L-Artikolu 10 tal-Liġi Reġjonali dwar l-istampa jipprovdi:

“Identifikazzjoni ta’ pubblikazzjonijiet bi ħlas

Kull pubblikatur jew persuna responsabbli [fis-sens tar-raba’ sentenza tal-Artikolu 8(2)] li jirċievi jew jitlob ħlas għal pubblikazzjoni, jew jingħata garanzija ta’ tali ħlas, huwa obbligat li jindika dik il-pubblikazzjoni b’mod ċar billi jsemmi ‘Reklam’, sa fejn id-disinn u l-arranġament tagħha ma jippermettux diġà, b’mod ġenerali, li tintgħaraf in-natura pubbliċitarja tagħha.”

12.

L-Artikolu 3 tal-Liġi Federali Ġermaniża kontra l-Kompetizzjoni Żleali (Gesetz gegen den unlauteren Wettbewerb ) jipprovdi

Artikolu 3:

Il-Projbizzjoni ta’ prattiki kummerċjali żleali

(1)   Huma illeċiti l-prattiki kummerċjali żleali li huma ta’ natura li jaffetwaw b’mod sinjifikattiv l-interessi tal-kompetituri, tal-konsumaturi jew tal-atturi l-oħra tas-suq.

(2)   Il-prattiki kummerċjali diretti lill-konsumaturi huma fi kwalunkwe ċirkustanza illeċiti jekk ma jissodisfawx ir-rekwiżit ta’ diliġenza professjonali mitlub mill-kummerċjant u jekk ikunu tali li jbiddlu b’mod sinjifikattiv il-kapaċità tal-konsumatur li jieħu deċiżjoni meta jkun mgħarraf bil-fatti, u li jwassluh li jieħu deċiżjoni kummerċjali li kieku ma kienx jasal sabiex jieħu. Għandu jittieħed bħala riferiment il-konsumatur medju jew, meta prattika kummerċjali hija mmirata lejn grupp partikolari ta’ konsumaturi, il-membru medju ta’ dan il-grupp. […].

(3)   Il-prattiki kummerċjali mmirati lejn il-konsumaturi li jissemmew fl-Anness ma’ din il-liġi dejjem huma illegali.”

B’applikazzjoni tal-punti 3 u 11 tal-Artikolu 4 tal-Liġi Federali kontra l-kompetizzjoni żleali, “[j]aġixxi b’mod żleali, b’mod partikolari, kull min […] jaħbi n-natura pubbliċitarja ta’ prattiki kummerċjali jew […] jikser dispożizzjoni legali intiża sabiex tirregola l-aġir fis-suq fl-interess tal-operaturi.”

13.

Il-punt 11 tal-Anness dwar l-Artikolu 3(3) tal-Liġi Federali kontra l-kompetizzjoni żleali jindika li jitqies illeċitu, fis-sens ta’ dan l-artikolu, “l-użu, iffinanzjat minn kummerċjant, ta’ kontenut editorjali sabiex issir il-promozzjoni lil prodott, meta din ir-rabta ma tirriżultax b’mod ċar mill-kontenut jew il-preżentazzjoni viżwali jew sonora (rapporti pubbliċitarji)”.

III – Il-kuntest fattwali u d-domanda preliminari

14.

Stuttgarter Wochenblatt tippubblika ġurnal ta’ kull ġimgħa bl-istess isem, filwaqt li RLvS, stabbilita fi Stuttgart, tippubblika l-ġurnal ta’ reklami qosra GOOD NEWS. Fl-edizzjoni ta’ Ġunju 2009, din tal-aħħar ippubblikat żewġ artikoli bi sponsorizzar finanzjarju.

15.

L-ewwel wieħed minn dawn iż-żewġ artikoli, ippubblikat f’paġna partikolari taħt it-taqsima “GOOD NEWS Prominent”, jieħu tliet kwarti mill-paġna u huwa intitolat “VfB Vip-Geflüster” (“xnigħat dwar il-personalitajiet preżenti għall-VfB”). Dan l-artikolu, li fih ukoll ritratti, jikkostitwixxi rapport dwar il-personalitajiet preżenti waqt l-aħħar logħba tal-istaġun tal-klabb VfB Stuttgart fil-kuntest tal-kampjonat Ġermaniż tal-futbol. Bejn it-titolu, li jinkludi wkoll introduzzjoni qasira, u l-korp tal-artikolu akkumpanjat minn 19-il ritratt, hemm indikat li l-artikolu kien tħallas minn terzi. Fil-fatt, hemm miktub “Sponsored by” (sponsorizzat minn) segwit mill-isem tal-impriża Scharr, enfasizzat b’mod grafiku. L-aħħar kwart tal-paġna, sitwat taħt l-imsemmi artikolu, huwa meħud minn reklamar indikat bil-kelma “Anzeige” (reklam) u li huwa separat mill-artikolu b’linja. Dan ir-reklam jirrapporta li x-xogħlijiet ta’ rikostruzzjoni tal-istadju Mercedez Benz Arena kienu nbdew u jirreklama l-prodott “Scharr Bio Heizöl” propost mill-isponsor tal-artikolu inkwistjoni.

16.

L-artikolu l-ieħor ippubblikat f’paġna oħra mill-ġurnal bl-isem “GOOD NEWS Wunderscön” jifforma parti minn sensiela ta’ artikoli intitolata “Wohin Stuttgarter Verreisen” (“Destinazzjonijiet tar-residenti ta’ Stuttgart”) u huwa intitolat “Heute: Leipzig” (“Illum: Leipzig”). Dan l-artikolu, li jieħu seba’ partijiet minn tmienja tal-paġna, jikkonsisti minn rapport qasir dwar il-belt ta’ Leipzig. It-titolu tal-artikolu huwa akkompanjat ukoll bil-kliem “sponsored by” segwiti mill-isem tal-impriża li kienet sponsorizzat l-artikolu, f’dan il-każ Germanwings, enfasizzat grafikament. Barra minn hekk, reklam għal Germanwings, li huwa wkoll separat mill-artikolu b’linja u indikat bil-kelma “Anzeige”, jieħu l-parti ta’ taħt tal-lemin tal-paġna. Dan ir-reklam jippromwovi kompetizzjoni li bis-saħħa tagħha l-parteċipanti setgħu b’mod partikolari jirbħu żewġ biljetti tal-ajru għal Leipzig billi jirrispondu korrettement għal mistoqsija dwar il-frekwenza tat-titjiriet operati mill-isponsor bejn il-bliet ta’ Stuttgart u ta’ Leipzig.

17.

Stuttgarter Wochenblatt tqis li, peress li dawn iż-żewġ pubblikazzjonijiet inkwistjoni kienu sponsorizzati finazjarjament, huma jammontaw għal pubblikazzjonijiet bi ħlas fis-sens tal-Artikolu 10 tal-Liġi Reġjonali dwar l-istampa u li, għaldaqstant, huma jiksru dan l-artikolu sa fejn in-natura pubbliċitarja tagħhom ma hijiex indikata b’mod ċar.

18.

Adita minn Stuttgarter Wochenblatt fl-ewwel istanza, il-Landgericht laqgħet it-talba tagħha billi pprojbiet lil RLvS milli tippubblika jew tħalli li jiġu ppubblikati bi ħlas fil-ġurnal GOOD NEWS pubblikazzjonijiet li ma jinkludux l-isem “reklam”, bħaż-żewġ artikoli msemmija iktar ’il fuq fil-ħarġa ta’ Ġunju 2009 u li n-natura pubbliċitarja tagħhom ma tirriżultax b’mod ġenerali mill-arranġament u mid-disinn tagħhom. RLvS ippreżentat appell kontra din is-sentenza, iżda dan ġie miċħud.

19.

Fil-kuntest tal-appell tagħha fl-istadju ta’ “Reviżjoni” quddiem il-qorti tar-rinviju, RLvS sostniet it-talbiet tagħha sabiex il-kawża tiġi miċħuda. Hija sostniet li l-Artikolu 10 tal-Liġi Reġjonali dwar l-istampa jikser id-dritt tal-Unjoni u għalhekk huwa inapplikabbli.

20.

Il-Bundesgerichtshof tistaqsi jekk l-applikazzjoni sħiħa u integra tal-Artikolu 10 tal-Liġi Reġjonali dwar l-istampa, fil-kuntest tal-punt 11 tal-Artikolu 4 tal-Liġi Federali kontra l-kompetizzjoni żleali, hijiex konformi mad-dritt tal-Unjoni, meħud kont b’mod partikolari tal-armonizzazzjoni kompleta, bid-Direttiva 2005/29 dwar prattiċi kummerċjali żleali, tar-regoli dwar l-imsemmija prattiki kummerċjali żleali tal-impriżi fil-konfront tal-konsumaturi.

21.

Sa fejn, fil-kawża prinċipali, iż-żewġ qrati tal-ewwel istanza laqgħu r-rikors ta’ Stuttgarter Wochenblatt fuq il-bażi tal-punt 11 tal-Artikolu 4 tal-Liġi Federali kontra l-kompetizzjoni żleali, u tal-Artikolu 10 tal-Liġi Reġjonali dwar l-istampa, il-Bundesgerichtshof tixtieq tħalli sospiża l-mistoqsija jekk il-pubblikazzjonijiet kontenzjużi ma jiksrux, barra minn hekk, l-Artikolu 3(3) tal-Liġi Federali kontra l-kompetizzjoni żleali, moqri flimkien mal-punt 11 tal-Anness għal dan l-artikolu, kif ukoll mal-punt 3 tal-Artikolu 4 tal-Liġi Federali kontra l-kompetizzjoni żleali, dispożizzjonijiet li essenzjalment jikkorrispondu għall-Artikolu 5(5) tad-Direttiva dwar prattiċi kummerċjali żleali, moqri flimkien mal-punt 11 tal-Anness I tagħha, u l-Artikolu 7(2) tal-istess direttiva.

22.

Il-Bundesgerichtshof tispeċifika ż-żewġ għanijiet imfittxija mill-Artikolu 10 tal-Liġi Reġjonali dwar l-istampa, li jirregola l-aġir tal-operaturi fis-suq fis-sens tal-punt 11 tal-Artikolu 4 tal-Liġi Federali kontra l-kompetizzjoni żleali u li huwa kważi identiku fi kważi l-liġijiet reġjonali Ġermaniżi kollha dwar l-istampa u dwar il-mezzi ta’ komunikazzjoni tal-massa. Minn naħa, hemm l-għan li jipprevjeni li l-qarrej tal-ġurnal jiġi żgwidat, billi ħafna drabi l-konsumaturi jkunu inqas kritiċi fil-konfront ta’ miżuri pubbliċitarji ppreżentati bħala editorjal milli fil-konfront ta’ reklami ppreżentati bħala tali. Min-naħa l-oħra, l-obbligu li r-reklamar jiġi sseparat mill-editorjali huwa intiż sabiex jiggarantixxi l-oġġettività u n-newtralità tal-istampa, billi jevita r-riskju ta’ influwenza esterna fuq l-istampa, inkluż barra mill-qasam kummerċjali. Dan l-obbligu ta’ separazzjoni, previst mid-dritt dwar l-istampa u l-mezzi tal-komunikazzjoni tal-massa, għandu l-iskop essenzjali li jipproteġi l-oġġettività u n-newtralità tal-istampa u tal-mezzi tax-xandir, billi huwa mifhum li dan l-iskop ma jistax jiġi ggarantit sempliċement bil-projbizzjoni tal-pubbliċità editorjali fil-kuntest tar-regoli dwar il-kompetizzjoni żleali.

23.

Huwa f’dawn il-kundizzjonijiet li l-Bundesgerichtshof ddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:

“L-Artikolu 7(2) tad-[direttiva dwar prattiċi kummerċjali żleali] kif ukoll il-punt 11 tal-Anness I ta’ din id-direttiva, moqrija flimkien mal-Artikoli 4 u 3(5) tal-istess direttiva, jipprekludu l-applikazzjoni ta’ dispożizzjoni nazzjonali (f’dan il-każ l-Artikolu 10 tal-Liġi Reġjonali [...] ta’ Baden-Württemberg dwar l-istampa [...]) li hija intiża mhux biss għall-protezzjoni tal-konsumaturi kontra l-qerq, iżda wkoll sabiex tiggarantixxi l-indipendenza tal-istampa u li tipprojbixxi, irrispettivament mill-għan imfittex u b’kuntrast mal-Artikolu 7(2) tad-[Direttiva dwar prattiċi kummerċjali żleali ] kif ukoll mal-punt 11 tal-Anness I ta’ din id-direttiva, kull pubblikazzjoni bi ħlas mingħajr l-inklużjoni ta’ indikazzjoni li hija “reklamar”, sakemm l-arranġament u d-disinn tal-pubblikazzjoni ma jindikawx minnhom infushom li din il-pubblikazzjoni hija reklam?”

IV – Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

24.

It-talba għal deċiżjoni preliminari waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-22 ta’ Awwissu 2012. Ippreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub Stuttgarter Wochenblatt, il-Gvernijiet tal-Ġermanja, tar-Repubblika Ċeka u tal-Polonja, kif ukoll il-Kummissjoni Ewropea. Saret seduta fit-12 ta’ Ġunju 2013 li għaliha attendew ir-rappreżentanti ta’ TLvS u ta’ Stuttgarter Wochenblatt, tal-Gvern tal-Ġermanja u tal-Kummissjoni.

V – Analiżi

A – Kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva dwar prattiċi kummerċjali żleali

25.

Sabiex tingħata risposta għad-domanda li saret, jinħtieġ qabel xejn li jiġi ddeterminat jekk il-prattiki li huma s-suġġett tal-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali u li jikkonsistu filli jsiru pubblikazzjonijiet bi ħlas, jikkostitwixxux prattiki kummerċjali fis-sens tal-Artikolu 2(d) tad-Direttiva 2005/29 u humiex, għaldaqstant, suġġetti għar-regoli stabbiliti minnha.

26.

L-Artikolu 2(d), iċċitat iktar ’il fuq, jiddefinixxi l-“prattiċi kummerċjali fin-negozju mal-konsumaturi” bħala “kwalunkwe att, ommissjoni, imġieba jew rappreżentazzjoni, komunikazzjoni kummerċjali in[k]lużi reklamar u kummerċjalizzazzjoni, minn kummerċjant, konnessi direttament mal-promozzjoni jew bejgħ jew fornitura ta’ xi prodott lil konsumaturi”.

27.

Min-naħa tiegħu, l-Artikolu 10 tal-Liġi Reġjonali dwar l-istampa ma fih l-ebda riferiment għal xi aġir ekonomiku jew kummerċjali, kemm minn min jippubblika kif ukoll mill-qarrej. L-Artikolu 10 ta’ din il-liġi huwa applikabbli għal kull komunikazzjoni, kemm jekk ta’ natura kummerċjali u kemm jekk le.

28.

Ippreċiżat dan il-punt, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, id-Direttiva fuq prattiċi kummerċjali żleali hija kkaratterizzata minn kamp ta’ applikazzjoni rationae materiae wiesa’ ħafna ( 4 ). Skont il-kliem tal-premessa 6, u b’armonija mal-ispirtu tal-premessa 8 ta’ din id-direttiva, “la tkopri u lanqas tolqot il-liġijiet nazzjonali dwar prattiċi kummerċjali żleali li jagħmlu ħsara [‘unikament’’] [, jiġifieri esklużivament,] [ ] ( 5 ) lill-interessi ekonomiċi ta’ kompetituri jew li huma konnessi ma’ xi tranżazzjoni bejn kummerċjanti” ( 6 ).

29.

Fi kliem ieħor, sabiex taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva dwar prattiċi kummerċjali inġusti, id-dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali kontenzjuża għandha jkollha l-għan tal-protezzjoni tal-konsumaturi ( 7 ). Issa, skont il-qorti tar-rinviju, “[l]-Artikolu 10 tal-Liġi Reġjonali [...] dwar l-istampa, li jinsab f’verżjoni kważi identika fil-liġijiet reġjonali kollha tal-Ġermanja dwar l-istampa u l-mezzi tal-komunikazzjoni tal-massa, jirregola l-aġir tal-operaturi fis-suq fis-sens tal-punt 11 tal-Artikolu 4 tal-Liġi Federali [...] kontra l-kompetizzjoni żleali. Huwa jfittex żewġ għanijiet ta’ importanza ugwali: jaħseb, minn naħa, sabiex jipprevjeni li l-qarrejja jiġu żgwidati, billi ħafna drabi l-konsumaturi jkunu inqas kritiċi fil-konfront ta’ miżuri pubbliċitarji ppreżentati bħala editorjal milli fil-konfront ta’ reklami ppreżentati bħala tali […]. Min-naħa l-oħra, l-obbligu li r-reklamar jiġi sseparat mill-editorjali huwa intiż sabiex jiggarantixxi l-oġġettività u n-newtralità tal-istampa” ( 8 ).

30.

Għaldaqstant, skont il-qorti tar-rinviju, l-Artikolu 10 tal-Liġi Reġjonali dwar l-istampa għandu l-għan doppju li jiggarantixxi l-oġġettività u n-newtralità tal-istampa kif ukoll li jipproteġi lill-konsumaturi ( 9 ).

31.

Min-naħa tiegħu, il-Gvern tal-Ġermanja jsostni li l-Artikolu 10, u b’mod iktar ġenerali l-liġijiet reġjonali kollha dwar l-istampa, jirregola l-protezzjoni tal-konsumaturi. Skont it-termini użati mill-Gvern tal-Ġermanja fl-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu, u mtennija fis-seduta tat-12 ta’ Ġunju 2013, għalkemm l-Artikolu 10 tal-Liġi Reġjonali dwar l-istampa finalment jaħseb għall-protezzjoni tal-konsumaturi, dan huwa biss “effett rifless” li jimponi l-obbligu ta’ separazzjoni tal-kontenut editorjali mill-kontenut pubbliċitarju.

32.

Madankollu għandu jitfakkar li ma għandhiex tkun il-Qorti tal-Ġustizzja li tinterpreta d-dritt nazzjonali. Hija għandha tikkunsidra fuq il-bażi tal-kuntest fattwali u leġiżlattiv li fih taqa’ d-domanda preliminari, kif iddefinit mill-qorti tar-rinviju ( 10 ). Barra minn hekk, fir-rigward tad-Direttiva dwar prattiċi kummerċjali żleali, il-Qorti tal-Ġustizzja fakkret espressament li hija l-qorti tar-rinviju, u mhux il-Qorti tal-Ġustizzja, li għandha “tistabilixxi jekk id-dispożizzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali effettivament tfittixx għanijiet marbuta mal-protezzjoni tal-konsumaturi sabiex tivverifika jekk tali dispożizzjoni tistax taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva dwar il-prattiki kummerċjali żleali” ( 11 ).

33.

Għaldaqstant, sal-punt li, skont il-Bundesgerichtshof, id-dispożizzjoni kontenzjuża inkwistjoni fil-kawża prinċipali taħseb, għall-inqas parzjalment, sabiex tipproteġi lill-konsumaturi, jiena nikkunsidra li hija taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva dwar prattiċi kummerċjali żleali.

34.

Madankollu, kif innutajt diġà, l-Artikolu 10 tal-Liġi Reġjonali dwar l-istampa ma fih l-ebda riferiment għal xi aġir ekonomiku, kemm minn min jippubblika kif ukoll mill-qarrej. Billi huwa japplika għal kull komunikazzjoni, kemm jekk ta’ natura kummerċjali kif ukoll kemm jekk le, inħoss li għandha ssir distinzjoni.

35.

Fil-fatt, bil-kuntrarju għall-Artikolu 7(2) tad-Direttiva dwar prattiċi kummerċjali żleali, il-Liġi Reġjonali dwar l-istampa ma tippresupponix li l-pubblikazzjoni tkun saret b’intenzjoni kummerċjali, lanqas li hija tista’ twassal lill-konsumatur sabiex jieħu deċiżjoni kummerċjali fis-sens tal-imsemmi artikolu. Hekk ukoll, il-pubblikazzjoni ma għandhiex neċessarjament tippromwovi prodotti, kuntrarjament għal dak li huwa rikjest fil-punt 11 tal-Anness I ta’ din id-direttiva, moqri flimkien mal-Artikolu 5(5) tal-istess direttiva.

36.

F’dan ir-rigward, jiena naqbel mal-fehma tal-Kummissjoni meta din tinnota li, skont l-Artikolu 3(1) tagħha, id-Direttiva dwar prattiċi kummerċjali żleali tapplika biss għall-prattiki kummerċjali żleali tal-impriżi mmirati fir-rigward tal-konsumaturi, kif iddefiniti fl-Artikolu 5. Dan ifisser li l-prattika kummerċjali tkun żleali biss meta hija tbiddel jew tista’ tbiddel b’mod sostanzjali, fir-rigward tal-prodott ikkonċernat, l-aġir ekonomiku tal-konsumatur medju li lilu tolqot jew li lejh tkun indirizzata.

37.

Sal-punt li l-Artikolu 10 tal-Liġi Reġjonali dwar l-istampa ma jippresupponix li l-pubblikazzjoni tkun saret bi skop kummerċjali, lanqas li hija tkun tista’ twassal lill-konsumatur sabiex jieħu deċiżjoni kummerċjali fis-sens tal-Artikolu 5 tad-direttiva, huwa jolqot fatti li mhux dejjem jidħlu fil-kamp ta’ applikazzjoni rationae materiae ta’ din id-direttiva. Dawn jinkludu wkoll, pereżempju, pubblikazzjonijiet iffinanzjati minn partiti politiċi, minn assoċjazzjonijiet ta’ interess ġenerali u ta’ organizzazzjonijiet oħra simili li ma għandhomx skop kummerċjali. L-imsmemija direttiva ma tapplikax għal każijiet bħal dawn u l-leġiżlatur nazzjonali jibqagħlu għalhekk il-libertà ta’ azzjoni fir-rigward tagħhom.

B – Portata tal-armonizzazzjoni mwettqa mid-Direttiva dwar prattiċi kummerċjali żleali

38.

Kif korrettement innotat il-qorti tar-rinviju, id-Direttiva dwar prattiċi kummerċjali żleali wettqet armonizzazzjoni sħiħa tar-regoli dwar il-prattiki kummerċjali. Skont l-Artikolu 4 ta’ din id-direttiva, l-Istati Membri ma jistgħux jadottaw miżuri iktar restrittivi minn dawk stabbiliti mid-direttiva, anki meta l-għan tagħhom ikun dak li jiggarantixxu livell ogħla ta’ protezzjoni tal-konsumaturi ( 12 ).

39.

Dwar il-prattiki inkwistjoni fil-proċess prodott quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, il-leġiżlatur Ewropew qies li rapport pubbliċitarju ma kienx jikkwalifika biħala prattika żleali fis-sens tad-Direttiva dwar prattiċi kummerċjali inġusti jekk il-finanzjament partikolari ta’ dan it-tip ta’ pubblikazzjoni jkun indikat b’mod ċar fil-kontenut tiegħu jew bl-għajnuna ta’ stampi jew ta’ ħsejjes identifikabbli b’mod ċar mill-konsumatur ( 13 ). Min-naħa tiegħu, l-Artikolu 10 tal-Liġi Reġjonali dwar l-istampa jimponi fuq kull pubblikatur ta’ perjodiku li jirċievi jew jitlob kumpens bi ħlas għal pubblikazzjoni (jew jirċievi garanzija ta’ tali kumpens) li jindika b’mod ċar dik il-pubblikazzjoni permezz tal-indikazzjoni ‘reklam’ (ħlief jekk l-arranġament u d-disinn tal-pubblikazzjoni inkwistjoni jippermettu diġà, b’mod ġenerali, li ssir magħrufa n-natura pubbliċitarja tagħha).

40.

Minn dan il-paragun jirriżulta li, fejn il-leġiżlatur Ewropew ma jimponix kelma speċifika, id-dispożizzjoni reġjonali Ġermaniża tirrikjedi bħala regola ġenerali l-użu preċiż tat-terminu “reklam”. Il-fatt li huwa possibbli li dan ma jsirx f’ċerti każijiet – jiġifieri meta l-arranġament u d-disinn tal-pubblikazzjoni jippermettu, b’mod ġenerali, li tkun magħrufa n-natura pubbliċitarja tagħha – xejn ma jnaqqas mill-fatt li din id-dispożizzjoni tirrestrinġi l-azzjoni tal-pubblikatur b’mod iktar strett, u għalhekk hija iktar restrittiva mid-Direttiva 2005/29. Fil-fatt, skont il-punt 11 tal-Anness I ta’ din id-direttiva, rapport pubbliċitarju jikkostitwixxi prattika kummerċjali żleali biss fil-każ li n-negozjant li jkun iffinanzja l-pubblikazzjoni ma jkunx indikat fil-kontenut jew bl-għajnuna ta’ stampi jew ta’ ħsejjes li huma identifikabbli b’mod ċar mill-konsumatur. Jidhirli li din il-limitazzjoni tkopri l-istess sitwazzjoni bħal dik imsemmija mill-Artikolu 10 tal-Liġi Reġjonali dwar l-istampa.

41.

Il-fatt li l-miżura inkwistjoni hija motivata wkoll bix-xewqa li jiġu ggarantiti l-oġġettività u n-newtralità tal-istampa lanqas ma jidhirli li jbiddel dan ir-raġunament u l-konklużjoni tiegħu.

42.

Ċertament, il-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet li l-pluraliżmu tal-istampa jista’ jikkostitwixxi rekwiżit imperattiv taħt l-Artikolu 36 TFUE, li jista’ jiġġustifika restrizzjoni fuq il-moviment liberu tal-merkanzija ( 14 ). Madankollu, hija ppreċiżat ukoll li, “anki jekk huwa minnu li d-dispożizzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali tħaddan essenzjalment iż-żamma tal-pluraliżmu tal-istampa […], huwa importanti li jiġi osservat li l-possibbiltà, għall-Istati Membri, li jżommu jew jistabbilixxu fit-territorji tagħhom miżuri li għandhom bħala għan jew bħala effett li jikklassifikaw prattiki kummerċjali bħala żleali għal raġunijiet relatati maż-żamma tal-pluraliżmu tal-istampa ma tinsabx fost id-derogi tal-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva [fuq prattiċi kummerċjali żleali] msemmija fil-premessi 6 u 9 kif ukoll fl-Artikolu 3 tagħha” ( 15 ).

43.

Jidhirli li din il-konklużjoni hija applikabbli iktar u iktar għaliex bir-rekwiżit ta’ indikazzjoni obbligatorja li ma hijiex riprodotta fil-punt 11 tal-Anness I tad-Direttiva dwar prattiċi kummerċjali żleali, il-leġiżlatur nazzjonali emenda b’xi mod il-lista tal-prattiki li huma meqjusa żleali f’kull ċirkustanza, ħaġa li huwa pprojbit milli jagħmel. Fil-fatt, skont l-Artikolu 5(5) ta’ din id-direttiva, il-lista tal-prattiki kummerċjali li hemm fl-Anness I tista’ tiġi emendata biss permezz ta’ reviżjoni tad-direttiva nnifisha. Fi kliem ieħor, din id-direttiva nnifisha tipprojbixxi espressament lill-Istati Membri milli unilateralment iżidu mal-lista tal-Anness I tagħha ( 16 ).

44.

Id-Direttiva 2005/29 dwar prattiċi kummerċjali żleali għandha għaldaqstant tiġi interpretata fis-sens li hija tipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, sa fejn din hija applikabbli għal pubblikazzjonijiet li jikkostitwixxu prattiki kummerċjali żleali fis-sens tal-Artikolu 5 tal-imsemmija direttiva.

C – Effett tal-Artikolu 3(5) tad-Direttiva dwar prattiċi kummerċjali żleali

45.

Fid-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tinvoka wkoll l-Artikolu 3(5) tad-Direttiva dwar prattiċi kummerċjali żleali li jipprovdi li “[g]ħal perjodu ta’ sitt snin minn 12 ta’ Ġunju 2007, l-Istati Membri jistgħu jibqgħu japplikaw id-dispożizzjonijiet nazzjonali fil-qasam approssimat minn din id-Direttiva li huma iktar restrittivi jew preskrittivi u jimplimentaw direttivi li fihom klawżoli ta’ armonizzazzjoni minima. Dawn il-miżuri għandhom ikunu essenzjali sabiex jiżguraw li konsumaturi huma mħarsa adegwatament minn prattiċi kummerċjali żleali u għandhom ikunu proporzjonati għal dak li huwa meħtieġ sabiex jintlaħaq dan l-għan […]”.

46.

Din id-dispożizzjoni ma hijiex applikabbli, mill-inqas sat-12 ta’ Ġunju 2013, għall-Artikolu 10 tal-Liġi Reġjonali dwar l-istampa? Jien ma naħsibx li dan huwa l-każ.

47.

Kif sostniet l-Avukat Ġenerali Trstenjak fil-konklużjonijiet tagħha fil-kawża Mediaprint Zeitungs-und Zeitschriftenverlag iċċitati iktar ’il fuq, l-Artikolu 3(5) tad-Direttiva 2005/29 dwar prattiċi kummerċjali żleali jillimita din l-eċċezzjoni għad-dispożizzjonijiet nazzjonali li “jimplimenta[w] id-direttivi inkluż il-klawżoli ta’ armonizzazzjoni minima” ( 17 ).

48.

F’dan ir-rigward, waqt is-seduta l-partijiet kollha kkonfermaw li l-liġi reġjonali inkwistjoni ma taħsibx sabiex tittrasponi xi direttiva, u dan jeskludi l-applikazzjoni tal-imsemmi Artikolu 3(5).

49.

Min-naħa tiegħi, inżid li l-Artikolu 10 tal-liġi reġjonali dwar l-istampa, li ma jaħsibx sabiex jittrasponi xi waħda mid-dispożizzjonijiet tad-Direttiva dwar prattiċi kummerċjali żleali, lanqas ma jikkonċerna xi qasam – ir-rapport pubbliċitarju – li huwa rregolat bil-punt 11 tal-Annes I ta’ din id-direttiva. Għaldaqstant jidhirli li dan il-qasam huwa suġġett għall-armonizzazzjoni sħiħa mwettqa bl-imsemmija Direttiva u għalhekk eskluż, anki minħabba f’hekk, mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 3(5) tal-istess direttiva.

D – Effett tal-Artikolu 3(8) tad-Direttiva dwar prattiċi kummerċjali żleali

50.

Fl-osservazzjonijiet tiegħu, il-Gvern tal-Polonja jinvoka l-possibbiltà li d-dispożizzjonijiet tal-liġi reġjonali dwar l-istampa jiġu kkunsidrati bħala regoli li l-Istati Membri jistgħu jimponu fuq il-kummerċjanti, skont l-Artikolu 3(8) tad-Direttiva dwar prattiċi kummerċjali żleali sabiex jiżguraw li dawn ikollhom livell għoli ta’ integrità.

51.

Mistoqsija fuq dan is-suġġett mill-Imħallef Relatur, il-partijet kollha preżenti qiesu li l-Artikolu 3(8) tad-Direttiva dwar prattiċi kummerċjali żleali ma huwiex applikabbli għall-ġurnalisti. Jiena wkoll tal-fehma li d-dispożizzjoni inkwistjoni ma tistax tiġi kkunsidrata bħala dispożizzjoni speċifika li tapplika għal professjoni rregolata fis-sens tal-Artikolu 2(l) ta’ din id-direttiva.

VI – Konklużjoni

52.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tirrispondi kif ġej għad-domanda preliminari magħmula mill-Bundesgerichtshof:

Id-Direttiva 2005/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-11 ta’ Mejju 2005, dwar prattiċi kummerċjali żleali fin-negozju mal-konsumatur fis-suq intern li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 84/450/KEE, id-Direttivi 97/7/KE, 98/27/KE u 2002/65/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u r-Regolament (KE) Nru 2006/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (“Direttiva dwar Prattiċi kummerċjali żleali”) għandha tiġi interpretata fis-sens li hija topponi dispożizzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li, safejn tapplika għal pubblikazzjonijiet li jikkostitwixxu prattiki kummerċjali żleali fis-sens tal-Artikolu 5 ta’ din id-direttiva, timponi fuq kull pubblikatur ta’ perjodiku li jirċievi jew jitlob kumpens bi ħlas għal pubblikazzjoni kummerċjali, jew jirċievi l-garanzija ta’ tali kumpens, li jindika dik il-publikazzjoni b’mod ċar permezz tal-indikazzjoni “reklam”, sakemm l-arranġament tagħha u d-disinn tagħha ma jippermettux diġà, b’mod ġenerali, li tkun magħrufa n-natura pubbliċitarja tagħha u li mhux biss taħseb sabiex tipproteġi lill-konsumaturi, imma tfittex ukoll għanijiet oħra.


( 1 ) Lingwa oriġinali: il-Franċiż.

( 2 ) Direttiva 2005/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-11 ta’ Mejju 2005, dwar prattiċi kummerċjali żleali fin-negozju mal-konsumatur fis-suq intern u li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 84/450/KEE, id-Direttivi 97/7/KE, 98/27/KE u 2002/65/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u r-Regolament (KE) Nru 2006/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (“Direttiva dwar Prattiċi Kummerċjali Żleali”) ĠU L 149, 11.6.2005 p. 22.

( 3 ) Direttiva tal-Kunsill 3/298/KEE, tat-23 ta’ Ottubru 1989, dwar il-koordinazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet stabbiliti bil-liġi, b’regolament jew b’azzjoni amministrattiva fi Stati Membri dwar it-twettiq ta’ attivitajiet ta’ xandir bit-televiżjoni (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 1, p. 224).

( 4 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-14 ta’ Jannar 2010, Plus Warenhandelsgesellschaft (C-304/08, Ġabra p. I-217, punt 39), u tad-9 ta’ Novembru 2010, Mediaprint Zeitungs-und Zeitschriftenverlag (C-540/08, Ġabra p. I-10909, punt 21).

( 5 ) Ara, f’dan is-sens, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Trstenjak fil-kawża li tat lok għas-sentenza Mediaprint Zeitungs-und Zeitschriftenverlag iċċitata iktar ’il fuq.

( 6 ) Is-sentenzi Plus Warenhandelsgesellschaft (punt 39) u Mediaprint Zeitungs-und Zeitschriftenverlag (punt 21).

( 7 ) Ara, f’dan is-sens, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Trstenjak fil-kawża Mediaprint Zeitungs-und Zeitschriftenverlag iċċitata iktar ’il fuq (punt 42).

( 8 ) Punt 10 tas-sentenza tar-rinviju.

( 9 ) Ibidem (punt 14).

( 10 ) Ara, b’mod partikolari, f’dan is-sens, is-sentenza tas-17 ta’ Lulju 2008, ASM Brescia (C-347/06, Ġabra p. I-5641, punt 28).

( 11 ) Digriet tal-Qorti tal-Ġustizzja, tat-30 ta’ Mejju 2011, Wamo (C-288/10, Ġabra p. I-5835, punt 28).

( 12 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-23 ta’ April 2009, VTB-VAB u Galatea (C-261/07 u C-299/07, Ġabra p. I-2949, punt 52); Plus Warenhandelsgesellschaft, iċċitata iktar ’il fuq (punt 41), kif ukoll Mediaprint Zeitungs-und Zeitschriftenverlag, iċċitata iktar ’il fuq (punt 30).

( 13 ) Punt 11 tal-Anness I tal-imsemmija Direttiva.

( 14 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-26 ta’ Ġunju 1997, Familiapress (C-368/95, Ġabra p. I-3689, punt 18).

( 15 ) Ara s-sentenza Mediaprint Zeitungs-und Zeitschriftenverlag, iċċitata iktar ’il fuq (punt 26).

( 16 ) Ara, f’dan is-sens, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Trstenjak fil-kawża Mediaprint Zeitungs-und Zeitschriftenverlag, iċċitati iktar ’il fuq (punt 115).

( 17 ) Ara, f’dan is-sens, u għal eżempji ta’ direttivi li jinkludu klawżola ta’ armonizzazzjoni minima fis-sens tal-Artikolu 3(5) tad-Direttiva dwar prattiċi kummerċjali żleali, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Trstenjak fil-kawża Mediaprint Zeitungs-und Zeitschriftenverlag, iċċitati iktar ’il fuq (punt 64 u n-nota ta’ qiegħ il-paġna 44).