KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

CRUZ VILLALÓN

ippreżentati fis-27 ta’ Frar 2014 ( 1 )

Kawża C‑374/12

“Valimar” OOD

vs

Nachalnik na Mitnitsa Varna

[talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Varhoven administrativen sad (il-Bulgarija)]

“Politika kummerċjali komuni — Dumping — Regolament (KE) Nru 384/96 — Kejbils tal-ħadid jew tal-azzar li joriġinaw mir-Russja — Regolament (KE) Nru 1601/2001 — Garanziji fuq il-prezz — Reviżjoni interim — Reviżjoni abbażi tal-iskadenza tal-miżuri — Regolament (KE) Nru 1279/2007 — Determinazzjoni tal-prezz tal-esportazzjoni — Affidabbiltà tal-prezzijiet tal-esportazzjoni lejn il-Komunità Ewropea — Teħid inkunsiderazzjoni tal-garanziji fuq il-prezzijiet — Bdil fiċ-ċirkustanzi — Applikazzjoni ta’ metodu differenti minn dak użat fl-investigazzjoni inizjali — Evalwazzjoni tal-validità”

1. 

F’din il-kawża, quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, prinċipalment, qed titressaq talba għal deċiżjoni preliminari li tirrigwarda l-evalwazzjoni tal-validità tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1279/2007, tat‑30 ta’ Ottubru 2007, li jimponi dazju anti-dumping definittiv fuq ċerti ħbula u kejbils tal-ħadid jew tal-azzar li joriġinaw mill-Federazzjoni tar-Russja u li jirrevoka miżuri anti-dumping fuq importazzjonijiet ta’ ċerti ħbula u kejbils tal-ħadid jew tal-azzar li joriġinaw mit-Tajlandja u mit-Turkija ( 2 ).

2. 

Din il-kwistjoni ta’ validità tiddependi essenzjalment fuq l-interpretazzjoni tal-Artikolu 11(9) tar-Regolament tal-Kunsill (KE), Nru 384/96, dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea ( 3 ), li hija dispożizzjoni li l-Qorti tal-Ġustizzja rarament kellha l-okkażjoni tinterpreta u tapplika ( 4 ), b’differenza mill-Qorti Ġenerali ( 5 ).

3. 

B’mod iktar partikolari, il-Qorti tal-Ġustizzja qed tintalab tirrispondi għall-kwistjoni dwar kemm l-istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea jistgħu, fil-kuntest ta’ reviżjoni ta’ miżura antidumping imposta fuq impriża esportatriċi, tuża “metodu” għad-determinazzjoni tal-prezzijiet għall-esportazzjoni differenti minn dak li intuża fil-kuntest tar-Regolament li jistabbilixxi l-miżura inizjali u għaldaqstant, sabiex tiddefinixxi xi tfisser il-“bidla fiċ-ċirkustanzi” prevista fl-Artikolu 11(9) tar-Regolament bażiku.

I – Il-kuntest ġuridiku

A – Id-dritt internazzjonali

4.

Il-ftehim fuq l-implementazzjoni tal-Artikolu VI tal-Ftehim Ġenerali fuq it-Tariffi u l-Kummerċ tal-1994, li jinsab fl-Anness 1A tal-Ftehim li jistabbilixxi l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (iktar ’il quddiem l-“ODK”), iffirmat f’Marrakech fil-15 ta’ April 1994 ( 6 ), ġie approvat permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 94/800/KE, tat-22 ta’ Diċembru 1994, dwar il-konklużjoni f’isem il-Komunità Ewropea, fejn għandhom x’jaqsmu affarijiet fil-kompetenza tagħha, fuq il-ftehim milħuq fil-Laqgħa ta’ negozjati multilaterali fl-Urugwaj (1986-1994) ( 7 ).

5.

Ir-Regolament bażiku għandu b’mod partikolari bħala suġġett, hekk kif jirriżulta mill-premessa 5 tiegħu, li jittrasponi fid-dritt tal-Unjoni, sa fejn huwa possibbli, ir-regoli ġodda u ddettaljati li hemm fil-Kodiċi antidumping tal-1994 ( 8 ), id-dispożizzjonijiet ta’ dan tal-aħħar rilevanti għar-riżoluzzjoni tal-kawża prinċipali ser ikunu ċċitati, sa fejn ikun neċessarju, iktar ’il quddiem.

B – Id-dritt tal-Unjoni

1. Ir-Regolament bażiku

6.

Fid-data tal-fatti fil-kawża prinċipali, ir-regolament applikabbli kien ir-regolament bażiku ( 9 ), u d-dispożizzjonijiet prinċipali rilevanti huma l-Artikolu 2(8) u (9) u l-Artikolu 11(3) u (9) tiegħu.

7.

L-Artikolu 2(8) u (9) tar-regolament bażiku kien jipprovdi:

“8.   Il-prezz fuq l-esportazzjoni għandu jkun il-prezz attwalment imħallas jew li għandu jitħallas għall-prodott meta mibjugħ għall-esportazzjoni mill-pajjiż ta’ l‑esportazzjoni lill-Komunità.

9.   F’każijiet fejn ma hemm ebda prezz ta’ l-esportazzjoni jew fejn jidher li l-prezz ta’ l-esportazzjoni mhux ta’ min joqgħod fuqu minħabba assoċjazzjoni jew arranġament ta’ kumpens bejn l-esportatur u l-importatur jew parti terza, il-prezz ta’ l-esportazzjoni jista jiġi kostrutt fuq il-bażi tal-prezz li bih il-prodotti impurtati huma l-ewwel mibjugħa mill-ġdid lil xerrej indipendenti, jew, jekk il-prodotti mhumiex mibjugħa mill-ġdid lil xerrej indipendenti, jew mhumiex mibjugħin mill-ġdid fil-kundizzjoni li fiha ġew impurtati, fuq kwlaunkwe bażi raġjonevoli.

[...]”

8.

L-Artikolu 11(9) tar-Regolament bażiku kien jiddikjara:

“Fl-investigazzjonijiet kollha ta’ reviżjoni jew ta’ rifużjoni imwettqa skond dan l-Artikolu, il-Kummissjoni għandha, sakemm iċ-ċirkustanzi ma jkunux tbiddlu, tapplika l-istess metodoloġija bħal fl-investigazzjoni li wasslet għad-dazju, waqt li tingħata l-attenzjoni dovuta għall-Artikolu 2, u b’mod partikolari għall-paragrafi 11 u 12 tiegħu, u għall-Artikolu 17.”

9.

Id-dispożizzjonijiet l-oħra rilevanti tar-regolament bażiku ser ikunu ċċitati, sa fejn ikun neċessarju, iktar ’il quddiem.

2. Ir-regolament antidumping inizjali u d-deċiżjoni li taċċetta l-garanziji fuq il-prezzijiet.

10.

Fit-2 ta’ Awwissu 2001, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea adotta r-Regolament (KE) Nru 1601/2001, [dwar] l-impożizzjoni ta’ taxxa definittiva kontra d-dumping u l-ġbir definittiv tat-taxxa provviżorja kontra d-dumping imposta fuq l-importazzjoni ta’ ċertu ħbula u kejbils tal-ħadid jew tal-azzar ġejjin mir-Repubblika Ċeka, mir-Russja, mit-Tajlandja u mit-Turkija ( 10 ). Skont l-Artikolu 1(2) tiegħu, dazju antidumping bir-rata ta’ 50.7 %, ġiet applikata fuq l-importazzjonijiet ta’ ċerti kejbils tal-ħadid jew tal-azzar li joriġinaw mir-Russja.

11.

Il-premessa 87 tar-Regolament Nru 1601/2001 tindika li, meta ma jkunx hemm informazzjoni ġdida dwar il-prezz għall-esportazzjoni, is-sejbiet provviżorji hekk kif inhuma deskritti fil-premessa 107 tar-regolament provviżorju ( 11 ) huma kkonfermati. Dan tal-aħħar kien jispeċifika li, għall-produttur-esportatur li kkoopera, il-prezz għall-esportazzjoni kien ġie stabbilit abbażi tal-prezzijiet li effettivament tħallsu, jew li jridu jitħallsu.

12.

Fis-26 ta’ Lulju 2001, il-Kummissjoni adottat id-Deċiżjoni (KE) 2001/602/KE, dwar l-aċċettazzjoni tal-impriżi offruti in konnessjoni mal-proċedura ta’ kontra r-rimi dwar il-prodotti importati ta’ ċerti ħbula tal-ħadid u tal-azzar u kejbils li joriġinaw fir-Repubblika Ċeka, ir-Repubblika tal-Korea, il-Malasja, ir-Russja, it-Tajlandja u t-Turkija u tterminaw il-proċeduri fir-rigward tal-prodotti importati li joriġinaw mir-Repubblika tal-Korea u mill-Malasja ( 12 ). L-Artikolu 1 ta’ din id-deċiżjoni jippreċiża li l-garanziji fuq il-prezzijiet offruti, b’mod partikolari, Cherepovetsky Staleprokatny Zavod OAO, kumpannija pubblika b’responsabbiltà limitata ( 13 ), ġew aċċettati.

3. Ir-regolament li jistabbilixxi r-reviżjoni tad-dazji antidumping inizjali u d-deċiżjoni li tħassar id-deċiżjoni li taċċetta l-garanziji fuq il-prezzijiet.

13.

Fl-2004, ChSPZ talbet, abbażi tal-Artikolu 11(3) tar-Regolament bażiku, reviżjoni interim parzjali ( 14 ).

14.

Fl-10 ta’ Awwissu 2004, il-Kummissjoni pproċediet għall-ftuħ tal-proċedura ta’ reviżjoni mitluba ( 15 ).

15.

Fl-1 ta’ Jannar 2006, ChSPZ saret Closed Joint Stock Company Severstal-Metiz ( 16 ), li għandha s-sede tagħha f’Cherepovets (Federazzjoni tar-Russja), wara l-amalgamazzjoni tagħha ma’ Open Joint Stock Company Orlovsky Staleprokatny Zavod u SSM ( 17 ).

16.

Fit-3 ta’ Awwissu 2006, il-Kummissjoni fetħet ukoll reviżjoni fir-rigward tal-iskadenza tal-miżuri antidumping stabbiliti bir-Regolament (KE) Nru 1601/2001 ( 18 ).

17.

Fit-30 ta’ Ottubru 2007, il-Kunsill adotta r-Regolament Nru 1279/2007, li għalaq kemm ir-reviżjoni tal-iskadenza tal-miżuri kif ukoll ir-reviżjoni interim parzjali mitluba b’mod partikolari minn SSM. Skont l-Artikolu 1(2) ta’ dan ir-regolament, l-importazzjonijiet fl-Unjoni ta’ ċerti kejbils tal-ħadid jew tal-azzar prodotti minn SSM ġew suġġetti għal dazju antidumping definittiv bir-rata ta’ 9.7 %. L-imsemmi regolament jispeċifika wkoll li l-garanziji fuq il-prezzijiet offerti minn SSM wara n-notifika tas-sejbiet finali, ma kinux aċċettabbli skont l-Artikolu 8(2) tar-regolament bażiku ( 19 ).

18.

Il-premessi prinċipali tar-Regolament Nru 1279/2007, rilevanti għas-soluzzjoni tal-kawża prinċipali, li jikkonċernaw il-prezz għall-esportazzjoni ta’ SSM ser ikunu ċċitati, sa fejn ikun neċessarju, iktar ’il quddiem.

19.

Permezz ta’ deċiżjoni li ngħatat fl-istess ġurnata, il-Kummissjoni ħassret id-Deċiżjoni Nru 2001/602 tagħha, li taċċetta l-garanziji fuq il-prezzijiet ta’ SSM ( 20 ).

C – Id-dritt Bulgaru

20.

L-Artikolu 214 tal-liġi doganali (Zakon na Mitnitsite, iktar ’il quddiem iz-“ZM”), li tirregola l-ħlas lura tad-dazji doganali, jipprovdi:

“1)   Ir-rimbors tad-dazji doganali jikkonsisti fil-ħlas lura tal-ammont kollu jew parti minnu tad-dazji doganali mħallsa fuq l-importazzjoni jew l-esportazzjoni.

2)   Ir-rimbors iseħħ meta jiġi kkonstatat li fil-mument li fih seħħ il-ħlas tad-dazji, ma kien jeżisti ebda dejn doganali jew li r-raġuni li wasslet għall-ħlas ma baqgħatx teżisti.”

II – Il-fatti li wasslu għall-kawża prinċipali

21.

“Valimar” OOD ( 21 ) hija kumpannija Bulgara li għandha bħala attività prinċipali l-importazzjoni u l-kummerċ ta’ ħbula, ta’ kejbils u ta’ prodotti tal-azzar minn postijiet differenti, fosthom dawk prodotti minn SSM.

22.

Meta ddaħħlu fil-Bulgarija (f’data mhux magħrufa), taħt is-sistema ta’ rilaxx għal ċirkulazzjoni ħielsa lejn destinazzjoni partikolari, xi kejbils tal-azzar inossidabbli mir-Russja esportati minn SSM, Valimar kellha tħallas, skont ir-Regolament Nru 1279/2007, dazju antidumping definittiv ta’ 9.7 %, għal ammont totali ta’ BGN 2117.01.

23.

Fil-25 ta’ Jannar 2011, Valimar ippreżentat quddiem it-Teritorialno Mitnichesko upravlenie Varna (l-Aġenzija territorjali tad-dwana tal-belt ta’ Varna), talba sabiex jiġi ddikjarat li l-imsemmija dazji antidumping kienu tħallsu indebitament fid-dawl tal-Artikolu 214 taz-ZM Bulgaru u tal-Artikolu 236 tar-Regolament tal-Kunsill (KEE), Nru 2913/92, tat-12 ta’ Ottubru 1992, li jwaqqaf il-Kodiċi Doganali tal-Komunità ( 22 ). Hija sostniet li r-Regolament Nru 1279/2007 ma kienx validu u li d-dazji antidumping li hija kienet ħallset kellhom jiġu rrimborsati lilha.

24.

B’deċiżjoni tal-24 ta’ Frar 2011, in-Nachalnik na Mitnitsa Varna (id-Direttur tad-dwana tal-belt ta’ Varna) ċaħad it-talba bħala infondata u mingħajr ebda skop, deċiżjoni li ġiet ikkonfermata b’deċiżjoni tad-Direttur tal-aġenzija tad-dwana tat-12 ta’ April 2011.

25.

Adit minn Valimar bid-Deċiżjoni tal-24 ta’ Frar 2011, l-Administrativen sad Varna (Tribunal Amministrattiv tal-belt ta’ Varna) ċaħad l-appell tagħha permezz tas-sentenza tat-8 ta’ Novembru 2011.

26.

Konsegwentement, Valimar ippreżentat appell ta’ kassazzjoni quddiem il-Varhoven administrativen sad (il-Qorti Amministrattiva Suprema), billi sostniet, b’mod partikolari, li r-Regolament Nru 1279/2007 kien invalidu sa fejn ġie adottat, b’mod partikolari, bi ksur tal-Artikolu 11(9) tar-regolament bażiku, flimkien mal-Artikolu 2(8) tiegħu. Fil-fatt, il-Kunsill kien, sabiex jiddetermina l-prezzijiet għall-esportazzjoni ta’ SSM, uża metodu differenti minn dak użat fir-Regolament Nru 1601/2001, li jistabbilixxi d-dazju antidumping inizjali, mingħajr ma din id-differenza kienet iġġustifikata b’bidla fiċ-ċirkustanzi fis-sens tal-Artikolu 11(9) tar-regolament bażiku.

III – Id-domandi preliminari u l-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

27.

F’dawn iċ-ċirkustanzi l-Varhoven administrativen sad iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari segwenti:

“1)

L-Artikolu 11(9) u l-ewwel frażi tal-Artikolu 11(10) tar-Regolament [bażiku] għandhom jiġu interpretati, flimkien mal-Artikolu 2(8) u (9) tiegħu, fis-sens li, peress li ma ntweriex li ċ-ċirkustanzi nbidlu fis-sens tal-Artikolu 11(9), dawn id-dispożizzjonijiet jieħdu preċedenża fuq is-setgħa kollha tal-istituzzjonijiet li tista’ tirriżulta mill-Artikolu 11(3) tar-Regolament bażiku fil-kuntest tad-determinazzjoni tal-prezzijiet għall-esportazzjoni, inkluż — pereżempju fil-każ tar-Regolament [...] Nru 1279/2007 [...] — tal-awtorizzazzjoni taċita għall-istituzzjonijiet sabiex jevalwaw iċ-ċertezza futura tal-prezzijiet għall-esportazzjoni ta’ [...] meta dawn il-prezzijiet jiġu pparagunati mal-prezzijiet minimi li jirriżultaw mill-impenn li jittieħed dwar il-prezz, kif ukoll tal-prezzjijiet ipprattikati għall-esportazzjoni lejn pajjiżi terzi? Ir-risposta għal din id-domanda hija influwenzata mill-fatt li, bħal fil-każ ta’ [SSM] u tar-Regolament [...] Nru 1279/2007, l-istituzzjonijiet — meta jeżerċitaw il-prerogattivi ta’ evalwazzjoni tagħhom tat-tul tat-tibdil taċ-ċirkustanzi relatati mal-eżistenza tad-dumping, konformement mal-[imsemmi] Artikolu 11(3) — jiddeċiedu li jbiddlu l-miżura antidumping (billi jnaqqsu r-rata tad-dazju antidumping)?

2)

Mir-risposta għall-ewwel domanda jirriżulta li — fiċ-ċirkustanzi msemmija mill-parti tar-Regolament [...] Nru 1279/20074 dwar id-determinazzjoni tal-prezzijiet għall-esportazzjoni ta’ [SSM] u fid-dawl tal-fatt li dan ir-regolament ma jikkonstatax espressament tibdil [ta’ ċirkustanzi] fis-sens tal-Artikolu 11(9) [tar-regolament bażiku], li jiġġustifika l-applikazzjoni ta’ metodu ġdid — il-Kummissjoni jmissha applikat, sabiex tiddetermina l-prezzijiet għall-esportazzjoni, l-istess metodu li kien ġie applikat waqt l-eżami inizjali, jiġifieri l-metodu msemmi fl-Artikolu 2(8) tar-Regolament bażiku?

3)

Fid-dawl tar-risposti mogħtija għall-ewwel u għat-tieni domanda: għall-parti tagħha li tikkonċerna l-istituzzjoni u impożizzjoni ta’ miżuri antidumping individwali għall-importazzjoni ta’ ħbula u ta’ kejbils tal-azzar iffabbrikati mill-kumpannija [SSM], ir-Regolament [...] Nru 1279/2007 ġie adottat bi ksur tal-Artikolu 11(9) u (10) tar-Regolament bażiku, flimkien mal-Artikolu 2(8) ta’ dan ir-regolament, jiġifieri skont bażi legali invalida, li f’dan il-każ għandu jiġi ddikjarat bħala null għal din il-parti?”

28.

Il-konvenuta fil-kawża prinċipali, il-Gvern Bulgaru kif ukoll il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u l-Kummissjoni Ewropea ppreżentaw xi osservazzjonijiet bil-miktub. Instemgħu wkoll l-osservazzjonijiet orali ta’ Valimar, il-konvenuta fil-kawża prinċipali, il-Gvern Bulgaru kif ukoll il-Kunsill u l-Kummissjoni waqt is-seduta pubblika li seħħet fit‑13 ta’ Novembru 2013.

IV – Fuq l-ammissibbiltà tat-talba preliminari

29.

Il-konvenuta fil-kawża prinċipali kif ukoll il-Gvern Bulgaru jsostnu li t-talba għal domanda preliminari, bl-applikazzjoni tal-ġurisprudenza TWD Textilwerke Deggendorf ( 23 ), hija inammissibbli. Fil-fatt, Valimar hija, fil-kwalità tagħha ta’ importatur esklussiv ta’ SSM, direttament u individwalment ikkonċernata bir-Regolament Nru 1279/2007, fis-sens tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 230 KE, peress li hija kellha tikkontesta direttament il-validità ta’ dan tal-aħħar permezz ta’ rikors għal annullament previst minn din id-dispożizzjoni tal-aħħar, fit-termini stabbiliti fil-ħames paragrafu tal-Artikolu 230 KE. Madankollu, il-qorti tar-rinviju ddeċidiet b’mod differenti, billi enfasizzat b’mod partikolari li Valimar kienet importatur indipendenti mhux marbut ma’ SSM u li ma kinitx ipparteċipat fil-proċedura ta’ adozzjoni tal-imsemmi regolament. La l-Kunsill u lanqas il-Kummissjoni ma qajmu eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà tat-talba.

30.

Waqt is-seduta, Valimar indikat, minn naħa, li, għalkemm hija kienet timporta l-prodotti ta’ SSM fil-Bulgarija, fost oħrajn, min-naħa l-oħra hija ma tistax tiġi kkunsidrata, bħala tali, bħala r-rappreżentant kummerċjali tagħha jew bħala li kkonkludiet kuntratt ta’ rappreżentanza esklussiva magħha. Min-naħa l-oħra, hija ssostni li fid-data tal-ftuħ tal-proċedura ta’ eżami mill-ġdid ( 24 ), ir-Repubblika tal-Bulgarija ma kinitx membru tal-Unjoni ( 25 ) u li hija ma kinitx timporta l-prodotti msemmija, fis-sens li ma setax jiġi kkunsidrat li hija kellha locus standi kontra r-Regolament Nru 1279/2007 fid-data tal-adozzjoni tiegħu.

31.

Mis-sentenza TWD Textilwerke Deggendorf, iċċitata iktar ’il fuq, jirriżulta li persuna fiżika jew ġuridika li tqajjem quddiem qorti nazzjonali, permezz ta’ eċċezzjoni, l-illegalità ta’ att tal-Unjoni, għandha tiġi ddikjarata eskluża meta din setgħet tikkontesta l-imsemmi att permezz ta’ rikors dirett għal annullament skont l-Artikolu 263 TFUE u meta naqset milli tagħmel dan fit-termini previsti f’din id-dispożizzjoni. Għaldaqstant, tali domanda preliminari għall-evalwazzjoni ta’ validità fformulata f’tali kuntest għandha tiġi ddikjarata bħala inammissibbli.

32.

Madankollu, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta wkoll li din l-“eċezzjoni ta’ rikors parallel”, ma tista’ tiġi invokata kontra persuna fiżika jew ġuridika ( 26 ) biss meta jkun “manifest” ( 27 ) li r-rikors dirett għal annullament tagħha kien ikun ammissibbli jew sa fejn jiġi stabbilit li hija setgħet “mingħajr ebda dubju”, tippreżenta tali rikors għal annullament ( 28 ) jew ulterjorment li hija kellha d-dritt, b’mod indiskutibbli u li ma jistax jiġi nnegat ( 29 ) tippreżenta tali rikors għal annullament u kienet ġiet informata dwar dan ( 30 ).

33.

F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li impriża importatriċi li hija assoċjata ma’ impriża suġġetta għal dazju antidumping u li l-prezzijiet ta’ bejgħ tal-merkanzija tagħha kienu l-bażi tal-garanziji fuq il-prezzijiet għall-esportazzjoni kkunsidrat mir-regolament li jimponi l-imsemmi dazju, kellha tiġi kkunsidrata bħala direttament u individwalment ikkonċernata b’dan tal-aħħar u kienet tiddisponi “mingħajr ebda dubju”, minn dritt ta’ rikors quddiem il-qorti tal-Unjoni ( 31 ).

34.

Issa, hekk kif jirriżulta kemm mill-osservazzjonijiet orali kif ukoll mill-preċiżazzjonijiet tal-qorti tar-rinviju, Valimar ma hijiex assoċjata ma’ SSM, u l-prezzijiet ta’ bejgħ tagħha ma kinux il-bażi tad-determinazzjoni tal-prezzijiet għall-esportazzjoni ta’ SSM, fis-sens li ma jistax jiġi kkunsidrat li hija kienet tinsab f’sitwazzjoni analoga għal dik tal-impriża inkwistjoni fil-kawża li tat lok għas-sentenza Nachi Europe, iċċitata iktar ’il fuq.

35.

Sa fejn ma jistax jiġi kkunsidrat li r-rikors dirett għall-annullament tar-Regolament Nru 1279/2007 ta’ Valimir kien, mingħajr ebda dubju, ammissibbli, it-talba għal domanda preliminari ma tistax tiġi ddikjarata inammissibbli. F’dan ir-rigward jista’ jingħad ukoll li, fil-sa fejn huwa permezz tal-miżuri nazzjonali ta’ implementazzjoni tar-Regolament Nru 1279/2007 li Valimar sabet ruħha affettwata mid-dispożizzjonijiet tiegħu, hija ma setgħetx tinvoka d-dispożizzjonijiet tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, li kieku kellhom jitqiesu bħala applikabbli, li abbażi tagħhom il-persuni fiżiċi jew ġuridiċi jistgħu jippreżentaw rikors kontra l-atti leġiżlattivi li jikkonċernawha direttament u li ma jinkludux miżuri ta’ implementazzjoni ( 32 ).

V – Osservazzjonijiet preliminari dwar is-suġġett tal-kawża prinċipali u l-formulazzjoni tad-domandi preliminari

36.

Fil-kuntest tat-talba għal deċiżjoni preliminari tagħha, il-qorti tar-rinviju tressaq żewġ domandi għal interpretazzjoni quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja li essenzjalment jikkonċernaw l-interpretazzjoni tal-Artikolu 11(3) u (9) tar-regolament bażiku, u domanda għall-evalwazzjoni tal-validità tar-Regolament Nru 1279/2007 li huma strettament marbuta u ma humiex nieqsa minn ċerta kumplessità. Ġaladarba din il-kumplessità tirriżulta mid-duwalità tar-Regolament Nru 1279/2007, jidher li huwa opportun, qabel ma jiġu kkjarifikati d-domandi, li dan tal-aħħar jitqiegħed fil-kuntest leġiżlattiv li huwa parti minnu.

A – Id-dispożizzjonijiet prinċipali tar-regolament bażiku li jirrigwardaw ir-reviżjoni tal-miżuri antidumping

37.

L-Artikolu 11 tar-regolament bażiku, li jirrigwarda b’mod partikolari t-tul tal-miżuri antidumping u r-reviżjoni tagħhom, jispeċifika fil-paragrafu 1 tiegħu li miżura antidumping tibqa’ biss fis-seħħ fiż-żmien u sa fejn ikun neċessarju sabiex isservi bħala bilanċ għal dumping li jikkawża preġudizzju. Il-paragrafu 2 tiegħu jipprovdi li miżura antidumping, bħala prinċipju, għandha tiskadi ħames snin wara l-impożizzjoni tagħha, filwaqt li huwa speċifikat li miżura li waslet sabiex tiskadi tista’ tiġi suġġetta għal reviżjoni, jew fuq l-inizjattiva tal-Kummissjoni, jew fuq talba jew f’isem il-produtturi tal-Unjoni, fejn din ir-reviżjoni tista’ tirriżulta jew fiż-żamma jew fit-tneħħija tal-miżura.

38.

Barra minn hekk, l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 11(3) tar-regolament bażiku jipprovdi li miżura antidumping tista’, jekk dan ikun iġġustifikat, tkun is-suġġett ta’ reviżjoni qabel l-iskadenza tagħha, jew fuq talba tal-Kummissjoni jew ta’ Stat Membru, jew fuq talba ta’ esportatur, ta’ importatur jew prodotturi tal-Unjoni kkonċernati, sakemm, f’dan il-każ, ikun iddekorra terminu ta’ mill-inqas sena minn meta ġiet stabbilita l-miżura definittiva u t-talba tinkludi provi suffiċjenti dwar il-ħtieġa ta’ reviżjoni interim.

39.

Skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 11(3) tar-regolament bażiku, reviżjoni interim ta’ miżura antidumping definittiva ssir biss jekk it-talba jkun fiha provi biżżejjed li “l-impożizzjoni kontinwa tal-miżura ma għadhiex iktar neċessarja sabiex tirribatti d-dumping” u/jew li “d-dannu huwa improbabbli jew ma jerġax jiġri li kieku l-miżura kellha titneħħa jew tiġi mibdula”, jew li “l-miżura eżistenti ma hijiex, jew ma għadhiex iktar suffiċjenti sabiex tirribatti d-dumping li qiegħed jikkawża d-dannu”.

40.

It-tielet subparagrafu tal-Artikolu 11(3) tar-regolament bażiku jippreċiża li l-Kummissjoni tista’ b’mod partikolari teżamina, waqt l-investigazzjoni ta’ reviżjoni interim, “jekk iċ-ċirkustanzi fejn għandhom x’jaqsmu l-bejgħ taħt il-prezz u l-ħsara, tbiddlux b’mod sinjifikanti” ( 33 ) jew “jekk il-miżuri eżistenti humiex qegħdin jilħqu r-riżultati maħsuba fit-tneħħija tal-ħsara” b’teħid inkunsiderazzjoni tal-provi kollha ( 34 ).

41.

Fl-aħħar nett, l-Artikolu 11(9) tar-regolament bażiku jistabbilixxi r-regola ġenerali li abbażi tagħha l-Kummissjoni għandha tapplika, f’kull investigazzjoni ta’ reviżjoni, “sakemm iċ-ċirkustanzi ma jkunux tbiddlu”, l-istess metodoloġija bħal dik użata fl-investigazzjoni inizjali, billi tieħu inkunsiderazzjoni, b’mod partikolari, id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 2 tal-imsemmi regolament.

B – Il-kumplessità tar-Regolament Nru 1279/2007

42.

Ir-Regolament Nru 1279/2007 jikkostitwixxi, hekk kif jirriżulta mill-preżentazzjoni tal-kuntest ġuridiku iktar ’il fuq, kemm “regolament ta’ reviżjoni interim parzjali” tad-dażju antidumping impost fuq SSM mir-Regolament Nru 1601/2001, li seħħ fuq talba ta’ din tal-aħħar ( 35 ), u “regolament ta’ reviżjoni abbażi tal-iskadenza tal-miżuri definittivi”, stabbiliti mill-istess Regolament Nru 1601/2001, li seħħ fuq talba tal-Kumitat ta’ Kollegament tal-Industriji tal-kejbils tal-metall tal-Unjoni Ewropea ( 36 ).

43.

Konsegwentement, ir-Regolament Nru 1279/2007 ġie adottat fuq il-bażi rispettiva tal-Artikolu 11(3) tar-regolament bażiku, fir-rigward tar-reviżjoni interim parzjali, u tal-Artikolu 11(2) tar-regolament bażiku, fir-rigward tar-reviżjoni abbażi tal-iskadenza tal-miżuri ( 37 ).

44.

Din il-kumplessità tar-Regolament Nru 1279/2007 tispjega, min-naħa tagħha, il-kumplessità tad-domandi tal-qorti tar-rinviju.

45.

F’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat, qabel kollox, li b’differenza mir-reviżjonijiet abbażi tal-iskadenza tal-miżuri, li jippermettu biss it-tneħħija tad-dazju stabbilit jew iż-żamma tiegħu fuq l-istess livell, ir-reviżjonijiet interim jistgħu jwasslu għal bdil fid-dazji ( 38 ). Din id-differenza bejn iż-żewġ proċeduri tikkjarifika parzjalment, kif ser naraw, is-sens u l-portata tal-ewwel domanda preliminari tal-qorti tar-rinviju.

46.

Barra minn hekk, huwa fuq il-bażi tal-istess informazzjoni disponibbli u tal-analiżi tagħha li l-istituzzjonijiet iddeċidew dwar ir-riżultat kemm tar-reviżjoni interim parzjali kif ukoll tar-reviżjoni abbażi tal-iskadenza tal-miżuri adottati fir-Regolament 1601/2001, minkejja l-fatt li l-perijodi koperti mill-investigazzjonijiet rispettivi ma jikkoinċidux.

47.

Il-premessa 41 tar-Regolament Nru 1279/2007 tipprovdi f’dan ir-rigward li, “[g]ħal raġunijiet ta’ konsistenza”, l-istituzzjonijiet għandhom qabel kollox jeżaminaw jekk kienx hemm dumping waqt il-perijodi ta’ investigazzjoni ta’ reviżjoni u jekk l-iskandenza tal-miżuri tistax twassal għall-kontinwazzjoni tagħhom. Sussegwentement, dawn l-istituzzjonijiet eżaminaw, pajjiż b’pajjiż, “l-implikazzjonijiet possibbli tal-verifiki temporanji [reviżjonijiet interim] dwar is-sejbiet tar-Regolament oriġinali”.

C – L-approċċ tiegħi lejn il-problema mqajma fil-kawża preżenti

48.

Il-preċiżazzjonijiet preċedenti huma indispensabbli sabiex wieħed jifhem is-sens u l-portata tad-domandi magħmula mill-qorti tar-rinviju fid-domanda preliminari tagħha, li wħud minnhom ma humiex nieqsa minn ċerta kumplessità.

49.

L-ewwel domanda fiha żewġ partijiet. Fl-ewwel parti, għalkemm wieħed jitlaq mill-premessa li l-eżistenza ta’ bidla fiċ-ċirkustanzi tiġġustifika bidla fil-metodu ta’ determinazzjoni tal-prezzijiet għall-esportazzjoni fis-sens tal-Artikolu 11(9) tar-Regolament bażiku ma ġietx ipprovata, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk, f’tali sitwazzjoni, id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 11(3) tal-imsemmi regolament, u b’mod partikolari dawk li jikkonċernaw l-affidabbiltà u l-vijabbiltà tal-prezzijiet għall-esportazzjoni humiex applikabbli. Fit-tieni parti, il-qorti tistaqsi jekk, sabiex tingħata risposta għad-domanda preċedenti, huwiex rilevanti li jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li l-istituzzjonijiet emendaw id-dazju antidumping ta’ SSM, u b’mod konkret, naqqsuhom.

50.

It-tieni domanda preliminari tal-qorti tar-rinviju hija miktuba bi kliem li huwa ħafna iktar sempliċi. Din tal-aħħar tistaqsi jekk, b’teħid inkunsiderazzjoni tal-fatt li r-Regolament Nru 1279/2007 ma jikkonstatax espressament bidla fiċ-ċirkustanzi li tiġġustifika bidla fil-metodu tad-determinazzjoni tal-prezzijiet għall-esportazzjoni ta’ SSM, fis-sens tal-Artikolu 11(9) tar-regolament bażiku, l-istituzzjonijiet kellhomx jużaw l-istess metodu li ntuża fil-kuntest tal-investigazzjoni inizjali.

51.

It-tielet domanda hija iktar sempliċi minn hekk, inkwantu tirrigwarda l-konsegwenzi li jirriżultaw mir-risposta għall-ewwel żewġ domandi. Il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk ir-Regolament Nru 1279/2007, sa fejn emenda l-metodu tad-determinazzjoni tal-prezzijiet għall-esportazzjoni ta’ SMM mingħajr ma kkonstata l-eżistenza ta’ bidla fiċ-ċirkustanzi, għandux jiġi parzjalment annullat fis-sens li jitqies li huwa bbażat fuq bażi legali invalida.

52.

Ser nikteb ir-risposta tiegħi għad-domandi fformulati fil-kuntest tad-domanda preliminari preżenti hekk żviluppati bil-mod li ġej. Jeħtieġ li nibda billi nagħti, b’mod dirett ħafna, risposta negattiva għall-ewwel parti tal-ewwel domanda, hekk kif ġiet ifformulata u dan bil-kliem li ġej. Il-kwistjoni dwar jekk ir-regola tal-Artikolu 11(9) tar-Regolament bażiku, li tipprovdi li bidla fil-metodu ta’ determinazzjoni tal-prezzijiet għall-esportazzjoni tista’ sseħħ biss meta jkun hemm bidla fiċ-ċirkustanzi, ġietx irrispettata ma hijiex “preċedenti” għall-kwistjoni dwar jekk kienx hemm bidla fiċ-ċirkustanzi li tiġġustifika t-tneħħija jew l-emenda ta’ miżura antidumping fis-sens tal-Artikolu 11(3) tal-imsemmi regolament. Bil-kontra ta’ dak li tidher li qed tissuġġerixxi l-qorti tar-rinviju permezz tal-ewwel domanda tagħha, ma hijiex l-eżistenza ta’ bidla fiċ-ċirkustanzi prevista fl-Artikolu 11(9) tar-regolament bażiku li tikkundizzjona l-applikabbiltà tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 11(3) ta’ dan ir-regolament. Min-naħa l-oħra, huwa fil-fatt fil-kuntest tal-applikazzjoni tal-Artikolu 11(3) tal-imsemmi regolament li għandha tiġi eżaminata l-kwistjoni tal-applikabbiltà eventwali tal-Artikolu 11(9) tal-istess regolament.

53.

Bil-mod kif ġiet ifformulata, l-ewwel parti tal-ewwel domanda teħtieġ għaldaqstant risposta negattiva: il-konstatazzjoni li ċ-ċirkustanzi ma nbidlux fis-sens tal-Artikolu 11(9) tar-Regolament bażiku ma tfissirx li l-istituzzjonijiet injoraw id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 11(3) tiegħu. B’hekk, u minħabba raġunijiet li ser nispjega iktar ’il quddiem, naħseb li, waħedha, din ir-risposta ma hijiex suffiċjenti.

54.

Fil-fatt, sabiex tingħata risposta utli lill-qorti tar-rinviju, jiena nqis li huwa neċessarju li jiġi eżaminat, fl-ewwel lok, jekk ir-Regolament Nru 1279/2007 huwiex korrett sa fejn jikkonkludi li, sa fejn iċ-ċirkustanzi ma nbidlux b’mod sinjifikanti fis-sens tal-Artikolu 11(3) tar-regolament bażiku ma kienx hemm bżonn li jitneħħew id-dazji antidumping. Jista’ jiġi oġġezzjonat li l-qorti tar-rinviju ma daħlitx inkwistjoni l-forma li abbażi tagħha r-Regolament Nru 1279/2007 analizza prospettivament l-affidabbiltà tal-prezzijiet għall-esportazzjoni ta’ SSM, iżda biss il-bidla fil-metodu tal-kalkolu ta’ dawn id-dazji. Madankollu, jidhirli li huwa indispensabbli li jittieħed inkunsiderazzjoni l-mod kif ir-Regolament Nru 1279/2007 analizza l-affidabbiltà tal-prezzijiet għall-esportazzjoni ta’ SSM sabiex jiġi evalwat b’mod korrett il-mod kif indirizza l-kwistjoni tal-metodu tad-determinazzjoni tal-prezzijiet għall-esportazzjoni.

55.

Għalhekk huwa biss fit-tieni lok, u fuq il-bażi tal-konstatazzjonijiet imwettqa fil-kuntest tad-domanda li għadha kemm ġiet enfasizzata, li ser neżamina x’hemm fil-qalb tal-problema mqajma mill-qorti tar-rinviju, jiġifieri li jsir magħruf jekk il-bidla fil-metodu ta’ determinazzjoni tal-prezzijiet fuq l-esportazzjoni seħħitx f’konformità mal-Artikolu 11(9) tar-regolament bażiku jew le. Fl-aħħar, huwa f’dan il-kuntest li ser neżamina jekk huwiex rilevanti li jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li r-Regolament Nru 1279/2007 naqqas il-miżura imposta fuq SSM u jekk huwiex determinanti li din tal-aħħar ma kkonstatatx espressament bidla fiċ-ċirkustanzi fis-sens tal-Artikolu 11(9) tar-Regolament bażiku. Fir-rigward tar-risposta għat-tielet domanda tal-qorti tar-rinviju, din ser tingħata immedjatament mir-risposta għall-ewwel żewġ domandi.

56.

Fl-aħħar nett, ser ikollha tittieħed inkunsiderazzjoni, fil-kuntest ta’ dan l-eżami, il-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja li abbażi tagħha, l-istituzzjonijiet tal-Unjoni għandhom, fil-qasam tal-politika kummerċjali komuni u b’mod iktar partikolari fir-rigward tal-miżuri ta’ difiża kummerċjali, jiddisponu minn setgħa diskrezzjonali wiesgħa, fid-dawl tal-kumplessità tas-sitwazzjonijiet ekonomiċi, politiċi u ġuridiċi li huma għandhom jeżaminaw ( 39 ), fis-sens li l-qorti tal-Unjoni għandha tillimita l-istħarriġ ġudizzjarju tagħha għall-verifika tal-osservanza tar-regoli tal-proċedura, l-eżattezza materjali tal-fatti meqjusa sabiex jitwettqu l-għażliet ikkontestati, l-assenza ta’ żbalji manifesti fl-evalwazzjoni tal-atti jew l-assenza ta’ użu ħażin ta’ poter ( 40 ).

VI – Fuq l-eżistenza ta ’ bidla sinjifikanti fiċ-ċirkustanzi fis-sens tal-Artikolu 11(3) tar-regolament bażiku

57.

L-impriża esportatriċi kkonċernata b’miżura antidumping u li titlob it-tneħħija tagħha għandha tistabbilixxi l-prova li ċ-ċirkustanzi li jirrigwardaw id-dumping u l-ħsara nbiddlu b’mod sinjifikattiv.

58.

L-istħarriġ li għandha twettaq il-Kummissjoni f’dan ir-rigward jista’ jwassalha sabiex twettaq mhux biss “analiżi retrospettiva” tal-iżvilupp tas-sitwazzjoni, mill-istabbiliment tal-miżura definittiva inizjali, sabiex tevalwa l-ħtieġa taż-żamma tagħha jew tal-emenda tagħha fil-għan li sservi bħala bilanċ għad-dumping li jikkawża preġudizzju, iżda wkoll “analiżi prospettiva” tal-iżvilupp probabbli tas-sitwazzjoni, mill-adozzjoni tal-miżura ta’ reviżjoni, sabiex l-impatt probabbli tat-tneħħija jew ta’ emenda tal-miżura definittiva jiġi evalwat ( 41 ).

59.

F’dan il-każ, l-istituzzjonijiet ikkunsidraw li, sabiex jevalwaw l-opportunità ta’ reviżjoni mitluba minn SSM, huma kellhom, fil-preżenza tal-garanziji fuq il-prezzijiet li hija kienet intrabtet bihom, li jagħtu analiżi b’saħħitha, tal-affidabbiltà u l-vijabbiltà tal-prezzijiet għall-esportazzjoni tagħha. B’hekk, huma eżaminaw jekk il-prezzijiet għall-esportazzjoni ta’ SSM kemm fil-kuntest tal-evalwazzjoni tal-kontinwazzjoni u/jew tar-rikorrenza tad-dumping ( 42 ) kif ukoll fil-kuntest tal-evalwazzjoni tan-natura sostenibbli tal-bidliet fiċ-ċirkustanzi ( 43 ).

60.

Huma qiesu li, minħabba l-garanziji fuq il-prezzijiet li daħlet għalihom SSM, il-prezzijiet għall-esportazzjoni lejn il-Komunità li hija kienet ipprattikat waqt il-perijodu ta’ investigazzjoni tar-reviżjoni interim ( 44 ) kienu artifiċjali, mhux vijabbli u għaldaqstant mhux affidabbli ( 45 ), u li għaldaqstant ma setgħux jgħinu sabiex tiġi ddeterminata l-marġni ta’ dumping tagħha, u li b’hekk kellhom jiġu stabbiliti b’teħid inkunsiderazzjoni tal-prezzijiet tagħha għall-esportazzjoni lejn pajjiżi terzi.

61.

F’dan ir-rigward ġie speċifikat li ttieħdu inkunsiderazzjoni kemm l-aġir fil-passat (analiżi retrospettiva) kif ukoll l-aġir probabbli fil-futur ta’ SSM (analiżi prospettiva) ( 46 ).

62.

Fil-fatt, din il-konklużjoni hija bbażata, minn naħa, fir-rigward tal-passat, fuq il-konstatazzjoni li l-prezzijiet għall-esportazzjoni pprattikati minn SSM fl-Istati Membri tal-Komunità meta kienu 15, marbuta bil-garanziji fuq il-prezzijiet, kienu “inqas” minn dawk applikati, qabel l-adeżjoni tagħhom, fl-għaxar Stati Membri li ngħaqdu mal-Unjoni waqt il-fażi tal-istħarriġ ta’ reviżjoni interim ( 47 ) u “ħafna nqas” minn dawk applikati fl-Istati terzi jew “bħala medja sinjifikattivament inqas” ( 48 ), fejn, barra minn hekk, il-kwantitajiet esportati kienu ħafna ikbar ( 49 ). Ġie ppreċiżat ukoll li, l-investigazzjoni kienet “ippermettiet li jiġi konkluż li l-prodott ikkonċernat inbigħ f’pajjiżi li ma kienux parti mill-Unjoni Ewropea bi prezzijiet li kienu s-suġġett ta’ dumping” ( 50 ).

63.

Min-naħa l-oħra, il-konklużjoni tal-istituzzjonijiet hija bbażata, fir-rigward tal-futur, fuq l-evalwazzjoni prospettiva tal-aġir fil-futur tal-esportazzjonijiet ta’ SSM ( 51 ) u, iktar preċiżament u essenzjalment, fuq il-probabbiltà li, bil-waqfien tal-garanziji fuq il-prezzijiet ( 52 ) u b’teħid inkunsiderazzjoni tal-kapaċità ta’ produzzjoni tagħha, SSM ser tbigħ kwantitajiet kbar tal-prodotti tagħha fis-suq tal-Unjoni Ewropea bi prezzijiet li huma s-suġġett ta’ dumping ( 53 ).

64.

B’hekk mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-istituzzjonijiet ikkonkludew li ma kienx hemm lok li jitneħħew il-miżuri antidumping imposti fuq SSM minħabba n-nuqqas minn din tal-aħħar li tistabbilixxi s-sostenibbiltà ta’ “bidla fiċ-ċirkustanzi”, fis-sens preċiż tal-Artikolu 11(3) tar-regolament bażiku, fir-rigward tal-prezzijiet għall-esportazzjoni ( 54 ), fuq il-bażi li l-konstatazzjoni li l-eżistenza tal-garanziji fuq il-prezzijiet li hija kienet suġġetta għalihom kienet tikkostitwixxi “bidla fiċ-ċirkustanzi” fis-sens speċifiku tal-Artikolu 11(9) tar-Regolament bażiku, li jiġġustifika bidla fil-metodu ta’ determinazzjoni tal-prezzijiet tagħha għall-esportazzjoni għall-finijiet tal-kalkolu tal-marġni ta’ dumping tagħha.

65.

Għandu jiġi kkonstatat li l-elementi essenzjali ta’ din l-analiżi ma ġewx ikkontestati.

66.

B’hekk, assolutament ma ġiex allegat li, billi bbażaw ruħhom fuq din l-informazzjoni, li barra minn hekk ma ġietx ikkontestata, sabiex jikkonstataw l-assenza kemm ta’ affidabbiltà kif ukoll ta’ vijabbiltà tal-prezzijiet għall-esportazzjoni lejn il-Komunità pprattikati minn SSM, l-istituzzjonijiet wettqu żball manifest ta’ evalwazzjoni.

67.

Lanqas ma ġie allegat li l-istituzzjonijiet setgħu, jew saħansitra kellhom, fl-evalwazzjoni tagħhom tal-opportunità għar-reviżjoni mitluba minn SSM, li jagħtu analiżi prospettiva tal-aġir probabbli ta’ din tal-aħħar, fuq il-bażi tal-informazzjoni disponibbli, bl-għan li jevalwaw, b’mod partikolari, il-probabbiltà ta’ kontinwazzjoni jew ta’ rikorrenza ta’ preġudizzju u n-natura sostenibbli tal-bidla allegata, fis-sens tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 11(3) tar-regolament bażiku.

68.

Konsegwentement, u bla ħsara għall-kontroll strett tal-osservanza tar-regoli ta’ proċedura previsti mir-regolament bażiku, li ser tiġi eżaminata iktar ’il quddiem, ma jidhirx li, fiċ-ċirkustanzi fattwali u proċedurali tal-każ u fid-dawl tas-setgħa diskrezzjonali wiesgħa tagħhom, l-istituzzjonijiet wettqu żbalji manifesti.

VII – Fuq l-eżistenza ta ’ bidla fiċ-ċirkustanzi fis-sens tal-Artikolu 11(9) tar-regolament bażiku li tiġġustifika bidla fil-metodu ta ’ determinazzjoni tal-prezzijiet għall-esportazzjoni

69.

Permezz tat-tieni domanda preliminari tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja jekk, fid-dawl tar-risposta mogħtija lill-ewwel domanda tagħha, l-istituzzjonijiet kellhomx, fin-nuqqas ta’ “konstatazzjoni espressa” tal-eżistenza ta’ bidla fiċ-ċirkustanzi fis-sens tal-Artikolu 11(9) tar-Regolament bażiku, japplikaw l-istess metodu għad-determinazzjoni tal-prezzijiet għall-esportazzjoni ta’ SSM fil-kuntest tar-reviżjoni bħal dak użat waqt l-investigazzjoni inizjali, jiġifieri dak previst fl-Artikolu 2(8) fir-Regolament bażiku. Huwa f’dan il-kuntest li tista’ tittieħed inkunsiderazzjoni t-tieni parti tal-ewwel domanda tal-qorti tar-rinviju, li fiha tistaqsi, essenzjalment, jekk huwiex rilevanti li tittieħed inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanza li l-istituzzjonijiet iddeċidew li jnaqqsu r-rata tad-dazju antidumping impost fuq SSM.

70.

Hekk kif enfasizzat il-Qorti tal-Ġustizzja ( 55 ), l-Artikolu 11(9) tar-regolament bażiku għandu, bħala prinċipju, sa fejn jipprovdi deroga mir-regola ġenerali li abbażi tagħha l-Kummissjoni għandha tapplika fl-investigazzjonijiet ta’ reviżjoni kollha l-istess metodu bħal dak użat waqt l-investigazzjoni inizjali, jiġi interpretat b’mod strett ( 56 ), filwaqt li huwa ppreċiżat li dan ir-rekwiżit ma jistax madankollu jippermetti lill-istituzzjonijiet li jinterpretawh u li japplikawh b’mod li ma huwiex kompatibbli mal-kliem u l-għan tiegħu ( 57 ).

71.

Madankollu, ir-regolament bażiku ma jipprovdix iktar spjegazzjonijiet dwar il-ħsieb wara r-regola ġenerali hekk stabbilita mill-Artikolu 11(9) u ma jispeċifikax x’inhu eżattament il-“metodu” li jirreferi għalih jew, ukoll, indikazzjonijiet dwar il-kundizzjonijiet speċifiċi li minnhom wieħed jista’ jidderoga, la dwar in-natura taċ-ċirkustanzi msemmija u lanqas dwar il-portata tal-bidliet meħtieġa.

72.

Konsegwentement, hija l-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tinterpreta din id-dispożizzjoni billi tieħu inkunsiderazzjoni, skont il-ġurisprudenza tagħha, mhux biss il-kliem tagħha iżda wkoll il-kuntest li taqa’ taħtu u l-għanijiet segwiti minnha ( 58 ) billi jittieħdu inkunsiderazzjoni l-ekonomija ġenerali u l-finalità segwita mir-Regolament bażiku ( 59 ). Il-kuntest li oriġinat minnu jista’ wkoll, jekk ikun il-każ, jiżvela xi elementi rilevanti għall-interpretazzjoni tagħha ( 60 ).

73.

F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li r-regola stabbilta fl-Artikolu 11(9) tar-Regolament bażiku dehret fil-leġiżlazzjoni applikabbli għar-reviżjoni tal-miżuri antidumping ( 61 ) bl-adozzjoni tar-Regolament (KE) Nru 3283/94 ( 62 ) u tidher f’verżjoni identika fir-regolamenti sussegwenti kollha ( 63 ).

74.

Madankollu, ix-xogħol preparatorju ma jipprovdi ebda indikazzjoni tali li tiggwida l-interpretazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni, minkejja li l-proposta oriġinali tal-Kummissjoni ( 64 ) ma ġietx emendata sostanzjalment ( 65 ). Jista’ jiġi osservat ukoll li l-kodiċi antidumping tal-GATT tal-1994 ma fihx dispożizzjonijiet ekwivalenti għal dawk tal-Artikolu 11(9) tar-regolament bażiku, fis-sens li r-regola li fih ma tistax tiġi kkunsidrata bħala traspożizzjoni ta’ waħda mir-regoli dettaljati ta’ dan tal-aħħar li għandha tiġi interpretata b’konformità ma’ dan tal-aħħar ( 66 ).

75.

Barra minn hekk, ma jistax jiġi injorat il-fatt li, fil-kuntest tar-reviżjoni tar-Regolament Nru 1225/2009 ( 67 ), il-Kummissjoni pproponiet li tħassar din ir-regola ġenerali, billi ddikjarat li, minn naħa, l-applikazzjoni tagħha ħolqot inċertezza fil-prattika, b’mod partikolari fir-rigward tal-bidla fiċ-ċirkustanzi meħtieġa u, min-naħa l-oħra, li xi drabi wasslet għall-użu ta’ metodoloġiji kjarament skaduti.

76.

Xorta jibqa’ l-fatt li d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 11(9) tar-regolament bażiku, kienu applikabbli fid-data tal-adozzjoni tar-Regolament 1279/2007, jorbtu lill-istituzzjonijiet u għaldaqstant, hija l-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tinterpretahom u tapplikahom fil-kuntest tad-domanda preliminari preżenti.

77.

Minn qari tal-Artikolu 11 kollu tar-regolament bażiku, u b’mod partikolari mis-subparagrafi (1), (3) u (9) tiegħu, fid-dawl tas-sistema stabbilita minnu, jista’ jiġi dedott li l-identità tal-metodu hija, minn naħa, loġikament neċessarja sabiex jiġi ddeterminat jekk id-dumping, hekk kif ġie stabbilit fil-kors tal-investigazzjoni inizjali, għadux għaddej, u jekk il-miżuri adottati inizjalment għandhomx jinżammu, fil-forma eżistenti tagħhom, jew għandhomx jiġu emendati jew posposti ( 68 ). L-identità tal-metodu tiggarantixxi, min-naħa l-oħra, ċerta prevedibbiltà lill-impriżi kkonċernati minn dawn il-miżuri antidumping, u għaldaqstant ċerta ċertezza legali fl-implementazzjoni tal-leġiżlazzjoni antidumping tal-Unjoni.

78.

F’dan il-każ, ma huwiex qed jiġi diskuss il-fatt li l-istituzzjonijiet, fir-Regolament Nru 1279/2007, ma użawx l-istess metodu ta’ determinazzjoni tal-prezzijiet għall-esportazzjoni ta’ SSM li użaw fir-Regolament Nru 1601/2001. Filwaqt li qiesu li l-prezzijiet għall-esportazzjoni lejn il-Komunità ta’ SSM, li intużaw waqt l-investigazzjoni inizjali ma kinux affidabbli u lanqas vijabbli, minħabba l-garanziji fuq il-prezzijiet li rabtet ruħha magħhom, huma kkalkolaw il-prezz għall-esportazzjoni billi kkunsidraw il-prezzijiet għall-esportazzjoni tagħha lejn pajjiżi terzi.

79.

Lanqas ma huwa qed jiġi diskuss li r-Regolament Nru 1279/2007 ma jsemmix espressament l-eżistenza ta’ “bidla fiċ-ċirkustanzi” fis-sens tal-Artikolu 11(9) tar-Regolament bażiku, li jiġġustifika bidla fil-metodu ta’ determinazzjoni tal-prezzijiet għall-esportazzjoni ta’ SSM. Dan il-fatt waħdu, ma huwiex suffiċjenti sabiex jiġi konkluż li l-imsemmi regolament huwa illegali.

80.

Fil-fatt, mill-premessi tar-Regolament Nru 1279/2007 mfakkra iktar ’il fuq, jirriżulta impliċitament iżda b’mod ċar, li hija l-eżistenza tal-garanziji fuq il-prezzijiet li ntrabtet bihom SSM li ġiet ikkunsidrata bħala l-element prinċipali li jikkostitwixxi din il-bidla.

81.

Għaldaqstant, id-domanda hawnhekk hija dik dwar jekk huwiex korrett li jiġi kkunsidrat li l-garanziji fuq il-prezzijiet jirrappreżentaw fihom infushom bidla fiċ-ċirkustanzi fis-sens tal-Artikolu 11(9) tar-regolament bażiku. Mandankollu, jidher li r-Regolament Nru 1279/2007 jitkellem b’mod estensiv f’dan is-sens ( 69 ), billi jispjega fid-dettall li l-prezzijiet għall-esportazzjoni lejn il-Komunità minn SSM ma kinux affidabbli u lanqas sostenibbli minħabba l-fatt, preċiżament, li kien hemm garanziji fuq il-prezzijiet. Fi kliem ieħor, ir-raġunijiet li minħabba fihom ġie kkunsidrat li ċ-ċirkustanzi li jirrigwardaw id-dumping ma nbidlux, fis-sens tal-Artikolu 11(3) tar-Regolament bażiku, huma l-istess bħal dawk li jiġġustifikaw il-ħtieġa li jiġi abbandunat il-metodu ta’ determinazzjoni tal-prezzijiet għall-esportazzjoni użati inizjalment bl-applikazzjoni tal-Artikolu 11(9) tal-imsemmi regolament. Fi kliem iktar sempliċi, huwa l-metodu li ntuża inizjalment li ma baqax affidabbli fil-kuntest tar-reviżjoni. F’tali sitwazzjoni, ma huwiex possibbli li wieħed jasal għal konklużjoni oħra minbarra dik li tikkonsisti fil-konstatazzjoni li l-istituzzjonijiet ma humiex obbligati li japplikaw ir-regola prevista fl-Artikolu 11(9) tar-regolament bażiku li timponilhom l-użu tal-istess metodu.

82.

Għaldaqstant, ir-risposta għat-tieni domanda, hekk kif magħmula mill-qorti tar-rinviju, għandha tkun li l-Artikolu 11(9) tar-Regolament bażiku għandu jiġi interpretat fis-sens li l-Kummissjoni ma hijiex marbuta li tuża, fil-kuntest tar-reviżjoni ta’ miżura antidumping, l-istess metodu ta’ determinazzjoni tal-prezzijiet għall-esportazzjoni bħal dak li ntuża waqt l-investigazzjoni inizjali, peress li ġie legalment ikkonstatat li l-prezzijiet għall-esportazzjoni li segwew dan il-metodu la kienu affidabbli u lanqas sostenibbli u dan speċifikament minħabba l-eżistenza tal-garanziji fuq il-prezzijiet.

83.

Huwa minn hawn li eventwalment titqajjem il-kwistjoni addizzjonali dwar il-legalità tal-metodu speċifiku użat mill-istituzzjonijiet sabiex jiddeterminaw il-prezzijiet għall-esportazzjoni, kwistjoni li tqajjmet mill-qorti tar-rinviju fid-domanda preliminari tagħha minkejja li ma tissemmiex fid-domandi li hija tagħmel ( 70 ) u li għaliha l-Artikolu 11(9) tar-Regolament bażiku ma jipprovdix risposta espressa.

84.

Il-Kunsill qies, fl-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu, li l-istituzzjonijiet ma kinux, f’dan il-każ, applikaw l-Artikolu 2(9) tar-Regolament bażiku, iżda biss l-Artikolu 11(3) tal-imsemmi regolament u li, fid-dawl tal-bidla fiċ-ċirkustanzi li jikkostitwixxi l-garanziji fuq il-prezzijiet, huma għażlu li jużaw il-prezzijiet għall-esportazzjoni pprattikati minn SSM fil-pajjiżi terzi. Huwa żied li l-Artikolu 11(9) tar-regolament bażiku kien joffri marġni ta’ diskrezzjoni lill-istituzzjonijiet fl-għażla tal-metodu tal-istabbiliment tal-prezzijiet għall-esportazzjoni, li skont id-dispożizzjonijiet tal-imsemmi Artikolu 2 tiegħu għandu biss “jittieħdu debitament inkunsiderazzjoni”.

85.

F’dan ir-rigward, għandu qabel kollox jiġi osservat li huwa effettivament korrett li, f’dak li jirrigwarda SSM ( 71 ), ir-Regolament Nru 1279/2007 f’ebda mument ma jirreferi għad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 2(9) tar-Regolament bażiku, la espliċitament u lanqas impliċitament.

86.

Sussegwentement għandu jiġi rrilevat, minn naħa u kif diġà ġie indikat, li l-Artikolu 11 tar-regolament bażiku ma jipprovdix l-iċken indikazzjoni dwar il-metodu li abbażi tiegħu l-prezzijiet għall-esportazzjoni b’mod partikolari, għandhom jiġu ddeterminati fil-kuntest ta’ proċedura ta’ reviżjoni fil-każ ta’ bidla fiċ-ċirkustanzi fis-sens tal-Artikolu 11(9) ( 72 ).

87.

F’dawn iċ-ċirkustanzi, ma jistax jiġi kkunsidrat li l-istituzzjonijiet manifestament qabżu l-limiti tas-setgħa diskrezzjonali wiesgħa tagħhom fil-kuntest tal-implementazzjoni tagħha, sabiex jimlew il-lakuni fir-regolament bażiku.

88.

Min-naħa l-oħra, għalkemm id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 2(9) tar-regolament bażiku jistgħu japplikaw biss fl-istabbiliment inizjali ta’ dazju antidumping, u ma jistgħux jiġu applikati purament u sempliċiment fil-kuntest ta’ reviżjoni, xorta jipprovdu bażi ta’ riferiment. Issa, l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 2(9) tar-regolament bażiku jipprovdi, finalment, li l-prezzijiet għall-esportazzjoni jistgħu, sa fejn il-kundizzjoni li huwa jistabbilixxi jiġu ssodisfatti, jiġu ddeterminati fuq “kwalunkwe bażi raġjonevoli”.

89.

Minn dan jista’ jiġi dedott li, ġaladarba l-istituzzjonijiet setgħu validament jikkonkludu l-assenza ta’ affidabbiltà tal-prezzijiet fuq l-esportazzjoni ta’ SSM u konsekutivament bidla fiċ-ċirkustanzi fis-sens tal-Artikolu 11(9) tar-regolament bażiku, huma setgħu jinjoraw id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 2(8) tal-imsemmi regolament, u jużaw kwalunkwe metodu ta’ determinazzjoni tal-prezzijiet għall-esportazzjoni, sakemm dawn huma raġjonevoli.

90.

Issa, ma jidhirx li, u barra minn hekk, lanqas ma ġie allegat li ma kienx raġjonevoli li l-istituzzjonijiet jistabbilixxu l-prezzijiet għall-esportazzjoni ta’ SSM billi użaw il-prezzijiet tagħha għall-esportazzjoni lejn pajjiżi terzi.

91.

Għandu jittieħed inkunsiderazzjoni wkoll il-fatt li r-Regolament Nru 1279/2007, minflok ma jitlob il-ħtieġa li tinżamm il-miżura antidumping inizjali imposta fuq SSM, b’teħid inkunsiderazzjoni tal-assenza ta’ bidla kunsiderevoli fiċ-ċirkustanzi fis-sens tal-Artikolu 11(3) tar-regolament bażiku u, bil-kontra u b’mod definittiv, inaqqas ir-rata tad-dazju antidumping applikata fuq SSM. Minħabba dan, u b’teħid inkunsiderazzjoni tat-tieni parti tal-ewwel domanda preliminari tal-qorti tar-rinviju, għandu jiġi kkonstatat li r-Regolament Nru 1279/2007 jissodisfa perfettament l-għan fundamentali segwit mir-regolament bażiku, li jipprovdi li l-istabbiliment ta’ dazju antidumping għandu jkun strettament neċessarju għall-eliminazzjoni tad-dumping li jikkawża preġudizzju.

92.

F’dawn iċ-ċirkustanzi, ma jidhirx li, billi ddeċidew li jistabbilixxu l-prezzijiet għall-esportazzjoni ta’ SSM billi ħadu inkunsiderazzjoni l-prezzijiet għall-esportazzjoni tagħha lejn pajjiżi terzi, fost oħrajn, l-istituzzjonijiet wettqu għażla manifestament mhux xierqa jew mhux raġjonevoli ( 73 ).

93.

Konsegwentement, għandu jiġi konkluż li l-eżami tad-domandi preliminari mressqa mill-qorti tar-rinviju ma żvela ebda element ta’ natura li jaffettwa l-validità tar-Regolament Nru 1279/2007.

VIII – Konklużjoni

94.

Minħabba r-raġunijiet imsemmija iktar ’il fuq, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tirrispondi għad-domandi preliminari magħmula mill-Varhoven administrativen sad fit-termini li ġejjin:

1)

L-Artikolu 11(9), tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 384/96, tat‑22 ta’ Diċembru 1995, dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-Kummissjoni ma hijiex marbuta li tuża, fil-kuntest ta’ reviżjoni ta’ miżura antidumping, l-istess metodu ta’ determinazzjoni tal-prezzijiet għall-esportazzjoni li ntuża waqt l-investigazzjoni inizjali, peress li ġie legalment ikkonstatat li l-prezzijiet għall-esportazzjoni li segwew dan il-metodu la kienu affidabbli u lanqas sostenibbli u dan speċifikament minħabba l-eżistenza tal-garanziji fuq il-prezzijiet.

2)

L-eżami tad-domandi preliminari mressqa mill-qorti tar-rinviju ma jiżvela ebda element ta’ natura li jaffettwa l-validità tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1279/2007, tat-30 ta’ Ottubru 2007, li jimponi dazju anti-dumping definittiv fuq ċerti ħbula u kejbils tal-ħadid jew tal-azzar li joriġinaw mill-Federazzjoni tar-Russja u li jirrevoka miżuri anti-dumping fuq importazzjonijiet ta’ ċerti ħbula u kejbils tal-ħadid jew tal-azzar li joriġinaw mit-Tajlandja u mit-Turkija.


( 1 ) Lingwa oriġinali: il-Franċiż.

( 2 ) ĠU L 285, p. 1, u r-rettifika ĠU 2009 L 96, 15 ta’ April 2009, p 39; iktar ’il-quddiem, ir- “Regolament Nru 1279/2007”. Dwar dan ir-regolament, ara s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tas-17 ta’ Diċembru 2010, EWRIA et vs Il‑Kummissjoni (T-369/08, Ġabra p. II-6283).

( 3 ) ĠU 1996 L 56, p. 1; iktar ’il quddiem ir-“regolament bażiku”.

( 4 ) Ara s-sentenza tad-19 ta’ Settembru 2013, Dashiqiao Sanqiang Refractory Materials vs Il‑Kunsill (C‑15/12 P).

( 5 ) Fis-sentenza tagħha tat-8 ta’ Lulju 2008, Huvis vs Il‑Kunsill (T‑221/05, punti 38 sa 60), il-Qorti Ġenerali annullat regolament li jimponi dazju definittiv antidumping minħabba l-fatt li l-istituzzjonijiet wettqu ksur tal-Artikolu 11(9) tar-regolament bażiku peress li ma rrnexxielhomx juru li l-bidla fil-metodu ta’ paragun tal-prezzijiet għall-esportazzjoni u tal-valuri normali użati waqt l-investigazzjoni inizzjali u waqt ir-reviżjoni kienet iġġustifikata minħabba bidla fiċ-ċirkustanzi. Permezz tas-sentenza tagħha tas-17 ta’ Novembru 2009, MTZ Polyfilms vs Il-Kunsill (T-143/06, Ġabra p. II-4133), il-Qorti Ġenerali annullat regolament li jwaqqaf ir-reviżjoni ta’ miżura antidumping fil-każ fejn l-istituzzjonijiet iddeterminaw il-prezz għall-esportazzjoni billi injoraw il-metodu stabbilit mill-Artikolu 2(8) u (9) tar-regolament bażiku, filwaqt li ma invokaw l-ebda bidla fiċ-ċirkustanzi fis-sens tal-Artikolu 11(9) tal-imsemmi regolament. Dwar din id-dispożizzjoni, ara wkoll is-sentenzi tal-Qorti Ġenerali tat-8 ta’ Lulju 2003, Euroalliages et vs Il‑Kummissjoni (T-132/01, Ġabra p. II-2359, punti 39 sa 44); tat-18 ta’ Marzu 2009, Shanghai Excell M&E Enterprise u Shanghai Adeptech Precision vs Il‑Kunsill (T-299/05, Ġabra p. II-565, punti 176 sa 178); tas-16 ta’ Diċembru 2011, Dashiqiao Sanqiang Refractory Materials vs Il‑Kunsill (T-423/09, Ġabra p. II-8369, punti 54 sa 65); kif ukoll tas-7 ta’ Frar 2013, Acron vs Il‑Kunsill (T‑118/10) Din is-sentenza kienet is-suġġett ta’ appell, Kawża Acron vs Il‑Kunsill (C‑216/13 P) pendenti quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja.

( 6 ) ĠU 1994, L 336, p, 103, iktar ’il quddiem il-“kodiċi antidumping tal-1994”.

( 7 ) ĠU L 336, p. 1.

( 8 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tad-9 ta’ Jannar 2003, Petrotub u Republica (C-76/00 P, Ġabra p. I-79, punt 56).

( 9 ) Wara, dan ir-regolament ġie ssostitwit bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1225/2009, tat-30 ta’ Novembru 2009, dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea (ĠU L 343, p. 51, u rettifika ĠU 2010, L 7, p. 22). Id-dispożizzjonijiet prinċipali tar-regolament bażiku inkwistjoni fil-kawża preżenti baqgħu l-istess fir-regolament il-ġdid.

( 10 ) ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 11, Vol. 38, p. 62.

( 11 ) Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 230/2001, tat-2 ta’ Frar 2001, li jimponi dazju antidumping provviżorju fuq importazzjoni ta’ ċerti kejbils tal-ħadid jew tal-azzar li ġejjin mir-Repubblika Ċeka, mir-Russja, mit-Tajlandja u mit-Turkija u li jaċċetta garanziji offruti minn ċerti esportaturi fir-Repubblika Ċeka u fit-Turkija (ĠU L 34, p. 4).

( 12 ) ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 11, Vol. 38, p. 81.

( 13 ) Iktar ’il quddiem is-“ChSPZ”.

( 14 ) Ara l-premessi 4 sa 7 tar-Regolament Nru 1279/2007.

( 15 ) Ara l-Avviż ta’ ftuħ ta’ reviżjoni interim parzjali tal-miżuri antidumping applikabbli għall-importazzjonijiet ta’ ċerti kejbils tal-ħadid jew tal-azzar li joriġinaw mir-Russja (ĠU 2004, C 202, p. 12).

( 16 ) Iktar ’il quddiem “SSM”.

( 17 ) Ara l-Avviż dwar il-miżuri antidumping applikabbli fuq l-importazzjonijiet, fil-Komunità, ta’ ċerti kejbils tal-ħadid jew tal-azzar li joriġinaw, fost postijiet oħra, mir-Russja: bdil tal-isem ta’ kumpannija li l-garanzija tagħha ġiet aċċettata (2006/C 51/02) (ĠU 2006, C 51, p. 2).

( 18 ) Avviż ta’ ftuħ ta’ reviżjoni tal-iskadenza tal-miżuri antidumping applikabbli għall-importazzjonijiet ta’ ċerti kejbils tal-ħadid jew tal-azzar li joriġinaw mir-Russja, mit-Tajlandja u mit-Turkija u reviżjoni intermedjarja parzjali tal-miżuri antidumping applikabbli għall-importazzjonijiet ta’ ċerti kejbils tal-ħadid jew tal-azzar li joriġinaw mit-Turkija (ĠU 2006, C 181, p. 15).

( 19 ) Ara l-premessa 202 tar-Regolament Nru 1279/2007.

( 20 ) Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2007/704/KE tat-30 ta’ Ottubru 2007, li tirrevoka d-Deċiżjoni 2001/602/KE (ĠU L 285, p. 52).

( 21 ) Iktar ’il quddiem, “Valimar”.

( 22 ) ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2, Vol. 4, p. 307.

( 23 ) Sentenza tad-9 ta’ Marzu 1994 (C-188/92, Ġabra p. I-833).

( 24 ) F’dan il-każ, dan seħħ fl-10 ta’ Awwissu 2004.

( 25 ) It-Trattat ta’ adeżjoni tar-Repubblika tal-Bulgarija fl-Unjoni Ewropea, iffirmat fil-Lussemburgu fil-25 ta’ April 2005, daħal fis-seħħ, skont l-Artikolu 4 tiegħu, fl-1 ta’ Lulju 2007 (ĠU 2005, L 157, p. 11), l-istess bħall-Att dwar il-kondizzjonijiet tal-adeżjoni tar-Repubblika tal-Bulgarija u tar-Rumanija u l-aġġustamenti lit-Trattati li fuqhom hija stabbilita l-Unjoni Ewropea (ĠU 2005, L. 157, p. 203).

( 26 ) Din l-eċċezzjoni ma tistax tintuża meta t-talba għal evalwazzjoni tal-validità ma tkunx tressqet minn persuna fiżika jew ġuridika iżda titqajjem ex officio mill-qorti tar-rinviju. Ara s-sentenza tal-10 ta’ Jannar 2006, Cassa di Risparmio di Firenze et (C-222/04, Ġabra p. I-289, punti 72 sa 74).

( 27 ) Sentenzi tat-12 ta’ Diċembru 1996, Accrington Beef et (C-241/95, Ġabra p. I-6699, punt 15); tal-11 ta’ Novembru 1997, Eurotunnel et (C-408/95, Ġabra p. I-6315, punt 29), kif ukoll tat-23 ta’ Frar 2006, Atzeni et (C-346/03 u C-529/03, Ġabra p. I-1875, punti 30 sa 34)

( 28 ) Sentenzi tat-30 ta’ Jannar 1997, Wiljo (C-178/95, Ġabra p. I-585, punt 21); tal‑15 ta’ Frar 2001, Nachi Europe (C-239/99, Ġabra p. I-1197, punt 30); tal-20 ta’ Settembru 2001, Banks (C-390/98, Ġabra p. I-6117, punt 111); tat-22 ta’ Ottubru 2002, National Farmers’ Union (C-241/01, Ġabra p. I-9079, punti 35 u 36); tat‑18 ta’ Lulju 2007, Lucchini (C-119/05, Ġabra p. I-6199, punti 54 sa 56); tad‑29 ta’ Ġunju 2010, E u F, C-550/09, Ġabra p. I-6213, punti 46 sa 48); tas-17 ta’ Frar 2011, Bolton Alimentari, C-494/09, Ġabra p. I-647, punti 22 u 23); tad-9 ta’ Ġunju 2011, Comitato “Venezia vuole vivere” et vs Il‑Kummissjoni (C-71/09 P, C-73/09 P u C-76/09 P, Ġabra p. I-4727, punt 58), kif ukoll tas‑27 ta’ Novembru 2012, Pringle (C‑370/12, punti 41 u 42).

( 29 ) Sentenza E u F, iċċitata iktar ’il fuq (punt 52).

( 30 ) Sentenza Eurotunnel et, iċċitata iktar ’il fuq (punt 28).

( 31 ) Sentenza Nachi Europe, iċċitata iktar ’il fuq (punti 38 sa 40).

( 32 ) Ara, b’analoġija, is-sentenza tad-19 ta’ Diċembru 2013, Telefónica vs Il‑Kummissjoni (C‑274/12 P, punti 36 u 58).

( 33 ) Hawnhekk, għandu jiġi provviżorjament ippreċiżat li l-bidla fiċ-ċirkustanzi hekk prevista fit-tielet subparagrafu tal-Artikolu 11(3) tar-regolament bażiku ma tikkorrispondix neċessarjament mal-bidla fiċ-ċirkustanzi prevista fl-Artikolu 11(9) tal-imsemmi regolament.

( 34 ) Ara t-tielet subparagrafu tal-Artikolu 11(3) tar-Regolament bażiku.

( 35 ) Ara l-premessa 4 tar-Regolament Nru 1279/2007.

( 36 ) Ara l-premessa 13 tar-Regolament Nru 1279/2007.

( 37 ) Ir-Regolament Nru 1279/2007 jsemmi ż-żewġ dispożizzjonijiet tar-Regolament bażiku fil-premessi tiegħu.

( 38 ) Dan jirriżulta b’mod espliċitu mit-tielet subparagrafu tal-Artikolu 11(3), tar-regolament bażiku, li jipprovdi għall-każ fejn il-miżura antidumping eżistenti ma hijiex jew ma għadhiex suffiċjenti sabiex isservi bħala bilanċ għad-dumping li qed jikkawża preġudizzju. Ara, f’dan ir-rigward, is-sentenza tal-11 ta’ Frar 2010, Hoesch Metals and Alloys (C-373/08, Ġabra p. I-951, punti 76 sa 78).

( 39 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal-4 ta’ Ottubru 1983, Fediol vs Il‑Kummissjoni (191/82, Ġabra p. 2913, punt 26), u tas-27 ta’ Settembru 2007, Ikea Wholesale (C-351/04, Ġabra p. I-7723, punt 40).

( 40 ) Ara s-sentenzi tas-7 ta’ Mejju 1987, NTN Toyo Bearing et vs Il‑Kunsill (240/84, Ġabra p. 1809, punt 19), kif ukoll Ikea Wholesale, iċċitata iktar ’il fuq (punt 41).

( 41 ) Fuq dan l-istħarriġ doppju, ara b’mod partikolari, bkp Development, Research & Consulting, Evaluation of the European Union’s Trade Defence Instruments, Final Evaluation Study, 27 ta’ Frar 2012, kuntratt Nru SI2.581682, b’mod partikolari p. 402.

( 42 ) Premessi 41 sa 102 u b’mod iktar partikolari 59 sa 63 tar-Regolament Nru 1279/2007.

( 43 ) Premessi 103 sa 134 u b’mod iktar partikolari 107 sa 112 tar-Regolament Nru 1279/2007.

( 44 ) Il-premessa28 tar-Regolament Nru 1279/2007 tispeċifika li dan il-perijodu kien mill-1 ta’ Lulju 2003 sat-30 ta’ Ġunju 2004.

( 45 ) Ara l-premessa 61 tar-Regolament Nru 1279/2007.

( 46 ) Ara l-premessa 61 tar-Regolament Nru 1279/2007.

( 47 ) It-Trattat ta’ adeżjoni tal-għaxar Stati Membri inkwistjoni mal-Unjoni Ewropea, iffirmat f’Ateni fis-16 ta’ April 2003, daħal fis-seħħ, skont l-Artikolu 2(1) tiegħu, fl-1 ta’ Mejju 2004 (ĠU 2003, L 236, p. 17), l-istess bħall-Att li jirrigwarda l-kondizzjonijiet tal-adeżjoni tar-Repubblika Ċeka, ir-Repubblika tal-Estonja, ir-Repubblika ta’ Ċipru, ir-Repubblika tal-Latvja, ir-Repubblika tal-Litwanja, ir-Repubblika tal-Ungerija, ir-Repubblika ta’ Malta, ir-Repubblika tal-Polonja, ir-Repubblika tas-Slovenja u r-Repubblika tas-Slovakkja u l-aġġustamenti għat-trattati li fuqhom hija stabbilita l-Unjoni Ewropea (ĠU 2003, L 236, p. 33).

( 48 ) Ara l-premessa 63 tar-Regolament Nru 1279/2007.

( 49 ) Ara l-premessa 107 tar-Regolament Nru 1279/2007.

( 50 ) Ara l-premessa 110 tar-Regolament Nru 1279/2007.

( 51 ) Ara l-aħħar sentenza tal-premessa 61, tar-Regolament Nru 1279/2007.

( 52 ) Ara l-premessa 108 du tar-Regolament Nru 1279/2007.

( 53 ) L-istituzzjonijiet wasslu għall-istess deċiżjoni meta jeżaminaw it-tħassir tal-miżuri antidumping. Ara l-premessa 126 tar-Regolament Nru 1279/2007

( 54 ) Ara, b’mod partikolari l-konstatazzjoni fil-premessa 112 tar-Regolament Nru 1279/2007.

( 55 ) Ara s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja Dashiqiao Sanqiang Refractory Materials vs Il‑Kunsill, iċċitata iktar ’il fuq (C‑15/12 P, punt 17).

( 56 ) Ara f’dan is-sens, ukoll, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali, Huvis vs Il‑Kunsill, iċċitata iktar ’il fuq (punt 41)

( 57 ) Ara s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja Dashiqiao Sanqiang Refractory Materials vs Il-Kunsill, iċċitata iktar ’il fuq (C‑15/12 P, punt 19).

( 58 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-1 ta’ April 1993, Findling Wälzlager (C-136/91, Ġabra p. I-1793, punt 11).

( 59 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tas-16 ta’ Settembru 2008, Isle of Wight Council et (C-288/07, Ġabra p. I-7203, punt 25).

( 60 ) Ara s-sentenzi Pringle, iċċitata iktar ’il fuq (punt 135), kif ukoll tat-3 ta’ Ottubru 2013, Inuit Tapiriit Kanatami et vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill (C‑583/11 P, punt 50).

( 61 ) Ir-regolamenti bażiċi preċedenti ma fihomx dispożizzjonijiet ekwivalenti. Ara, b’mod partikolari, l-Artikolu 14 tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2423/88, tal-11 ta’ Lulju 1988, dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma s-suġġett ta’ dumping jew ta’ sussidji minn pajjiżi li ma humiex membri tal-Komunità Ekonomika Ewropea (ĠU L 209, p. 1). Madankollu, regola simili kienet imniżżla fl-Artikolu 16 tal-imsemmi regolament, li jirrigwarda l-ħlas lura tad-dazji mħallsa indebitament.

( 62 ) Ir-Regolament tal-Kunsill, tat-22 ta’ Diċembru 1994, dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea (ĠU L 349, p. 1), Artikolu 11(9).

( 63 ) Ara, minbarra r-regolament bażiku, l-Artikolu 11(9) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1225/2009, tat-30 ta’ Novembru 2009, dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea (ĠU L 343, p. 51), iktar ’il quddiem, ir-“Regolament Nru 1225/2009”.

( 64 ) Ara l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni, tal-5 ta’ April 1994, intitolata “Leġiżlazzjoni ta’ implementazzjoni taċ-ċiklu ta’ Urugwaj” [COM (1994) 414 finali, p. 160 et seq u b’mod partikolari p. 212].

( 65 ) Dwar l-emendi tal-Parlament Ewropew, ara r-riżoluzzjoni leġiżlattiva li tipprovdi l-opinjoni tal-Parlament Ewropew dwar il-proposta ta’ regolament tal-Kunsill dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma s-suġġett ta’ dumping min-naħa ta’ pajjiżi li ma humiex membri tal-Komunità Ewropea (ĠU 1995, C 18, p. 66).

( 66 ) Dwar din il-ħtieġa, ara, b’mod partikolari, is-sentenza Petrotub u Republica, iċċitata iktar ’il fuq (punt 56).

( 67 ) Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew, tal-10 ta’ April 2013, dwar il-modernizzazzjoni tal-istrumenti għad-difiża tan-negozju l-adattament tal-istrumenti għad-difiża tan-negozju għall-ħtiġijiet preżenti tal-ekonomija Ewropea [COM (2013) 191 finali]. L-Artikolu 1(5)(b) tal-Proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda b’mod partikolari r-Regolament Nru 1225/2009, [COM (2013) 192 finali], ippreżentat fl-10 ta’ April 2013, jipproponi konsegwentement it-tħassir pur u sempliċi tal-Artikolu 11(9) tar-regolament bażiku. Il-proċess tal-adozzjoni tar-regolament ġdid għadu għaddej.

( 68 ) Ara, b’mod partikolari, Müller W., Khan, N. u Scharf, T., EC and WTO Anti-Dumping Law, Oxford University Press, 2009, nru 11.41, it-tieni edizzjoni, b’mod partikolari p. 521,

( 69 ) Ara, b’mod partikolari, il-premessi 107 sa 112 tar-Regolament Nru 1279/2007.

( 70 ) Il-qorti tar-rinviju tagħmel riferiment, iżda mingħajr ma tikkwotaha, għas-sentenza Huvis vs Il‑Kunsill, iċċitata iktar ’il fuq. Barra minn hekk, għandu jiġi mfakkar li s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja Dashiqiao Sanqiang Refractory Materials vs Il‑Kunsill, iċċitata iktar ’il fuq, ingħatat f’data sussegwenti għal dik li fiha hija ressqet din id-domanda preliminari quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja.

( 71 ) Min-naħa l-oħra, din id-dispożizzjoni ġiet applikata fir-rigward ta’ impriżi oħra. Ara l-premessi 49, 81 u 87 tar-Regolament Nru 1279/2007.

( 72 ) Peress li l-Kodiċi antidumping tal-1994 ma fihx regola ekwivalenti għal dik tal-Artikolu 11(9) tar-regolament bażiku, loġikament huwa silenzjuż f’dan ir-rigward.

( 73 ) Ara, b’analoġija, is-sentenzi tat-22 ta’ Ottubru 1991, Nölle (C-16/90, Ġabra p. I-5163, punti 11 sa 13), u tad-29 ta’ Mejju 1997, Rotexchemie (C-26/96, Ġabra p. I-2817, punti 9 sa 12).