KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

SHARPSTON

ippreżentati fis-26 ta’ Settembru 2013 ( 1 )

Kawża C‑366/12

Finanzamt Dortmund-West

vs

Klinikum Dortmund gGmbH

[talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Bundesfinanzhof (il-Ġermanja)]

“VAT — Provvista ta’ ċitostatiċi għat-trattament ta’ ‘out-patients’ — Eżenzjoni ta’ kura b’soġġorn fi sptar u kura medika u attivitajiet relatati mill-viċin — Jekk ‘attivitajiet relatati mill-viċin’ għandhomx ikunu servizzi — Jekk dawn għandhomx ikunu pprovduti minn persuna li tipprovdi servizzi ta’ kura b’soġġorn fi sptar jew kura medika — Jekk dawn għandhomx ikunu eżenti jekk ikunu relatati mill-viċin mal-provvista ta’ kura medika li ma tingħatax minn sptar jew stabbiliment simili”

1. 

Id-dritt tal-Unjoni Ewropea (“UE”) jipprovdi eżenzjoni mill-VAT, għal, min-naħa l-waħda, “[kura b’soġġorn fi] sptar u kura medika u attivitajiet relatati mill-viċin mmexxija [ipprovduti] minn entitajiet regolati mid-dritt pubbliku” jew, taħt kundizzjonijiet soċjali komparabbli, “minn sptarijiet, ċentri għat-trattament mediku jew dijanjosi u stabbilimenti oħrajn ta’ natura simili debitament rikonoxxuti” u, min-naħa l-oħra, “il-provvista ta’ kura medika fl-eżerċizzju tal-professjonijiet mediċi u paramediċi”.

2. 

F’din it-talba għal deċiżjoni preliminari, il-Bundesfinanzhof Ġermaniż (Qorti Federali tal-Finanzi) tixtieq tkun taf kif tapplika dawk l-eżenzjonijiet meta mediċini tal-kimoterapija jingħataw minn spiżerija tal-isptar u jintużaw matul trattament ta’ “out-patients” ipprovdut fl-isptar iżda minn tobba f’kapaċità indipendenti.

Id-dritt tal-UE rilevanti

3.

Il-każ fil-kawża prinċipali jirrigwarda s-snin fiskali 2005 u 2006, meta s-Sitt Direttiva ( 2 ) kienet il-leġiżlazzjoni tal-UE applikabbli.

4.

Skont l-Artikolu 2(1) tas-Sitt Direttiva, il-“provvista ta’ oġġetti u servizzi magħmula bi ħlas fit-territorju tal-pajjiż minn persuna taxxabbli li taġixxi bħala tali” kienet suġġetta għall-VAT. Skont l-Artikoli 5(1) u 6(1) rispettivament, provvista ta’ oġġetti kienet tfisser “it-trasferiment tad-dritt ta’ sid li jiddisponi minn proprjetà korporali” u provvista ta’ servizzi kienet tfisser “kull operazzjoni li ma tikkostitwix provvista ta’ oġġetti skond it-tifsira ta’ l-Artikolu 5” ( 3 ).

5.

L-Artikolu 12(3)(a) tas-Sitt Direttiva kien jobbliga l-Istati Membri jiffissaw rata standard tal-VAT ta’ mhux inqas minn 15 %. Huma setgħu japplikaw ukoll rata mnaqqsa waħda jew żewġ rati mnaqqsa ta’ mhux inqas minn 5 % għall-provvisti tal-kategoriji ta’ oġġetti u servizzi speċifikati fl-Anness H ( 4 ).

6.

Skont l-Artikolu 13A(1)(b) u (ċ) tas-Sitt Direttiva, l-Istati Membri kellhom jeżentaw (“taħt il-kundizzjonijiet li huma għandhom ifasslu għall-iskop biex jiżguraw l-applikazzjoni korretta u ċara tat-tali eżenzjonijiet u jipprevenu kwalunkwe evażjoni, evitar jew abbuż”)

“(b)

[kura b’soġġorn fi] sptar u kura medika u attivitajiet relatati mill-viċin mmexxija minn entitajiet regolati mid-dritt pubbliku jew, taħt kondizzjonijet soċjali komparabbli għal dawk applikati lill-entitajiet regolati mid-dritt pubbliku, mill-isptarijiet, ċentri għat-trattament mediku jew dijanjosi u stabblimenti oħrajn ta, natura simili rikonoxxuti regolarment;

(ċ)

id-disposizzjonijiet [il-provvista] tal-kura medika fl-eżerċizzju tal-professjonijet mediċi u paramediċi kif definiti mill-Istat Membru konċernat” ( 5 ).

7.

Madankollu, l-Artikolu 13A(2)(b) tal-istess direttiva kien jipprovdi:

“Il-provvista ta’ servizzi jew oġġetti m’għandhomx jagħtu eżenzjoni kif pprovduti f’(1) (b) [...] fuq jekk:

m’huwiex essenzjali għat-transazzjonijiet eżenti,

l-iskop bażiku tiegħu hi li tikseb id-dħul addizzjonali għall-organizzazzjoni billi twettaq transazzjonijet li huma b’kompetizzjoni diretta ma’ dawk l-impriżi responsabbli għat-taxxa fuq il-valur miżjud.” ( 6 )

8.

L-Anness H kien jelenka oġġetti u servizzi li jistgħu jkunu suġġetti għal rati mnaqqsa tal-VAT. Il-kategorija 3 fil-lista kienet tinkludi: “prodotti farmaċewtiċi ta’ tip normalment użati għall-kura tas-saħħa, għall-prevenzjoni tal-mard u għat-trattament ta’ [għal] skopijiet mediċi [...]” ( 7 ).

Id-dritt Ġermaniż rilevanti

9.

Skont l-ewwel frażi tal-punt 1 tal-Artikolu 1(1) tal-Umsatzsteuergesetz (Liġi dwar it-taxxa fuq id-dħul mill-bejgħ) tal-2005 (iktar ’il quddiem l-“UStG”), taxxa fuq id-dħul mill-bejgħ (jiġifieri, VAT) hija dovuta fuq “il-provvisti ta’ oġġetti u servizzi li kummerċjant, matul in-negozju tiegħu, jagħmel b’titolu oneruż ġewwa l-Ġermanja”. L-Artikolu 3(1) jiddefinixxi l-provvisti ta’ oġġetti minn kummerċjant bħala “provvisti li permezz tagħhom huwa jew terza persuna awtorizzata minnu jintitolaw lir-reċipjent jew terza persuna awtorizzata minnu jbiegħ oġġetti għan-nom tiegħu (trasferiment tal-poter li jbiegħ)” u l-Artikolu 3(9) jiddefinixxi servizzi bħala “tranżazzjonijiet li ma jikkostitwixxux provvista ta’ oġġetti”.

10.

L-Artikolu 4 tal-UstG jelenka l-eżenzjonijiet mill-VAT. Matul is-snin inkwistjoni, is-subparagrafu 14 kien jeżenta “tranżazzjonijiet li jirriżultaw mill-prattika tal-professjoni ta’ tabib, dentist, prattikant mediku, fiżjoterapista jew qabla jew minn attività professjonali medika simili [...]”, filwaqt li s-subparagrafu 16 kien jeżenta, taħt ċerti kundizzjonijiet, “tranżazzjonijiet relatati mill-viċin mal-operat ta’ sptarijiet”.

11.

Matul is-snin inkwistjoni, l-Artikolu 116 tal-Ħames Ktieb tas-Sozialgesetzbuch (Kodiċi dwar is-Sigurtà Soċjali), (iktar ’il quddiem “is-SGB V”) kien jipprovdi li tobba tal-isptar (li ma humiex parti minn skema ta’ assigurazzjoni għas-saħħa) li jkunu temmew taħriġ ulterjuri setgħu, bil-kunsens tal-operatur tal-isptar, ikunu awtorizzati jipprovdu kura medika taħt dik l-iskema; u skont l-Artikolu 116a, sptarijiet akkreditati li jispeċjalizzaw fil-qasam rilevanti setgħu jkunu awtorizzati li jużaw tali tobba għall-provvista ta’ kura medika taħt tali skema f’oqsma fejn ikun ġie identifikat nuqqas fil-provvista tal-kura tas-saħħa, sa fejn u sakemm dan kien neċessarju sabiex dan in-nuqqas ikun kopert”.

Il-fatti, il-proċedura u d-domandi magħmula

12.

Klinikum Dortmund gGmbH (iktar ’il quddiem “Klinikum Dortmund”) hija kumpannija b’responsabbiltà limitata, mingħajr skop ta’ lukru, li tamministra sptar. Matul is-snin inkwistjoni, hija kellha awtorizzazzjoni istituzzjonali skont l-Artikolu 116a tas-SGB V, li kienet tawtorizza lill-isptar sabiex jipprovdi kura kemm “in-patient” kif ukoll “out-patient” lill-pazjenti. Il-kura “out-patient” ukoll kienet ipprovduta mit-tobba tal-isptar impjegati minn Klinikum Dortmund li, f’dak il-kuntest, ħadmu bl-awtorizazzjoni individwali skont l-Artikolu 116 tas-SGB V.

13.

Klinikum Dortmund kienet tipprovdi trattament ta’ kimoterapija għal pazjenti tal-kanċer. Il-mediċini użati (ċitostatiċi) kienu jiġu mmanifatturati fl-ispiżerija tal-isptar, abbażi ta’ preskrizzjoni tat-tabib magħmula lil kull pazjent individwali. Fejn iċ-ċitostatiċi ntużaw għal servizzi u kura medika u kura b’soġġorn fi sptar, ma huwiex ikkontestat li l-provvista tagħhom kienet eżentata mill-VAT.

14.

Ċitostatiċi mmanifatturati minn Klinikum Dortmund intużaw ukoll għal kura medika “out-patient” ipprovduta fl-isptar minn tobba f’kapaċità indipendenti, u kienu wkoll preżunti eżentati mill-VAT. Madankollu, l-awtorità tat-taxxa ħadet il-pożizzjoni, abbażi ta’ direttivi amministrattivi ġodda (li ma humiex vinkolanti fil-qrati), li l-għoti ta’ mediċini bi ħlas matul kura “out-patient” għal pazjenti b’tumur kien taxxabbli sa mill-2005. Hija emendat l-istima tal-VAT ta’ Klinikum Dortmund, billi ntaxxat il-VAT fuq l-outputs iżda ppermettiet tnaqqis tat-taxxa tal-input rilevanti. (Ma jidhirx li huwa kkontestat li, f’każ li l-istess mediċini kienu użati mill-istess tobba f’kapaċità indipendenti wkoll iżda f’binjiet privati u mhux fil-kuntest ta’ awtorizzazzjoni individwali skont l-Artikolu 116 tas-SGB V, il-provvista tal-mediċini ma kinitx tkun eżenti mill-VAT).

15.

Billi l-kontestazzjoni ta’ Klinikum Dortmund fuq l-evalwazzjoni l-ġdida kienet milqugħa mill-Qorti tal-Ewwel Istanza, u l-awtorità tat-taxxa appellat fuq punt ta’ liġi quddiem il-qorti tar-rinviju, li talbet deċiżjoni preliminari fuq id-domandi segwenti:

“1.

L-operazzjoni marbuta mill-qrib [relatata mill-viċin] għandha tkun provvista ta’ servizzi b’mod konformi mal-Artikolu 6(1) tas-[Sitt Direttiva]?

2.

Fil-każ ta’ risposta negattiva għall-ewwel domanda: operazzjoni marbuta mill-qrib [relatata mill-viċin] ma’ servizzi ta’ [kura b’soġġorn fi] sptar jew ma’ kura medika teżisti biss meta din l-operazzjoni ssir mill-istess persuna taxxabbli li tipprovdi s-servizzi ta’ [kura b’soġġorn fi] sptar jew il-kura medika?

3.

Fil-każ ta’ risposta negattiva għat-tieni domanda: operazzjoni marbuta mill-qrib [relatata mill-viċin] teżisti wkoll meta l-kura medika ma tkunx eżenti taħt l-Artikolu 13A(1)(b) tas-[Sitt Direttiva] iżda taħt il-punt (ċ) tal-istess dispożizzjoni?”

16.

Klinikum Dortmund, il-Gvern Ġermaniż u l‑Kummissjoni Ewropea lkoll ippreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub. Fis-seduta tat-13 ta’ Ġunju 2013, l-istess partijiet ippreżentaw osservazzjonijiet orali u rrispondew numru ta’ domandi bil-miktub magħmula lilhom mill-Qorti tal-Ġustizzja.

Evalwazzjoni

Domanda 1

17.

Il-partijiet kollha li ppreżentaw osservazzjonijiet jikkunsidraw li l-espressjoni “attivitajiet relatati mill-viċin” fl-Artikolu 13A(1)(b) tas-Sitt Direttiva tinkludi provvisti ta’ oġġetti kif ukoll provvisti ta’ servizzi. Jiena naqbel ma’ din l-opinjoni.

18.

Jiena nirrikonoxxi li jista’ jkun hemm xi dubju lingwistiku. Bosta verżjonijiet lingwistiċi ( 8 ) jużaw kelma li tikkorrispondi ma’ “attivitajiet”, kelma li tista’ tinftiehem li hija faċilment relatata iktar mal-provvista ta’ servizzi milli ta’ oġġetti, filwaqt li l-maġġoranza tal-verżjonijiet lingwistiċi ( 9 ) jużaw kelma li tikkorrispondi ma’ “tranżazzjonijiet”, li tista’ iktar tinftiehem faċilment li tkopri ż-żewġ tipi ta’ provvisti. Madankollu, jekk “attivitajiet” għandhom ikunu eżenti mill-VAT, isegwi li l-kelma tirreferi għal xi ħaġa li altrimenti setgħet kienet suġġetta għaliha. U fil-kuntest tal-formulazzjoni tal-leġiżlazzjoni, tranżazzjonijiet (li jistgħu jkunu provvisti ta’ oġġetti jew servizzi iżda li għandhom ikunu jew waħda jew l-oħra) biss jistgħu jkunu suġġetti għall-VAT.

19.

L-abbozz oriġinali tas-Sitt Direttiva tal-Kummissjoni kien jirreferi, fil-verżjonijiet lingwistiċi kollha, għall-“provvista ta’ servizzi ta’ kura b’soġġorn fi sptar u ta’ kura medika, u provvisti ta’ oġġetti inċidentali għalihom” ( 10 ) [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Ma hemm ebda indikazzjoni li t-tibdil tal-formulazzjoni fil-verżjoni finali adottata mill-Kunsill kien intiż li jeskludi provvisti ta’ oġġetti. Kieku dik kienet l-intenzjoni, żgur li kienet tkun iktar espliċita. Jidher li huwa iktar il-każ li, għall-kuntrarju, l-intenzjoni kienet li jiġu inklużi provvisti ta’ servizzi kif ukoll ta’ oġġetti.

20.

Huwa minnu li tal-inqas il-verżjoni Spanjola tal-Artikolu 13A(1)(b) tas-Sitt Direttiva tinkludi formulazzjoni li hija b’mod ċar iktar restrittiva: “prestaciones de servicios de hospitalización y asistencia sanitaria y las demás relacionadas directamente con las mismas”. Interpretazzjoni stretta ta’ dik il-verżjoni ( 11 ) tista’ tissuġġerixxi li tirrigwarda biss provvisti ta’ servizzi.

21.

Skont ġurisprudenza stabbilita, il-kliem użat f’verżjoni lingwistika waħda ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-UE ma jistax iservi bħala l-unika bażi ta’ interpretazzjoni, jew tipprevali fuq il-verżjonijiet lingwistiċi l-oħra. Fil-każ ta’ diverġenza bejn il-verżjonijiet lingwistiċi differenti, id-dispożizzjoni inkwistjoni għandha tiġi interpretata b’riferiment għall-għan u l-istruttura ġenerali tal-leġiżlazzjoni li tifforma parti minnha ( 12 ). F’dan il-każ, l-Artikolu 13A(1) tas-Sitt Direttiva jistabbilixxi eżenzjonijiet “għal ċertu attivitajiet fl-interess pubbliku”. Jekk inhu fl-interess pubbliku li jiġu eżentati provvisti ta’ servizzi marbuta mill-qrib [relatati mill-viċin] mas-servizzi ta’ kura b’soġġorn fi sptar jew ta’ kura medika, allura huwa wkoll fl-interess pubbliku li jiġu eżentati provvisti ta’ oġġetti li għandhom rabta daqstantieħor mill-viċin. Jidhirli, għalhekk, li l-verżjoni Spanjola ta’ dik id-dispożizzjoni ma tistax tipprevali fuq l-oħrajn.

22.

Id-dubji tal-qorti tar-rinviju jirriżultaw b’mod partikolari minn żewġ sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja — Ygeia ( 13 ) u CopyGene ( 14 ) — li fihom sar riferiment għal “attivitajiet relatati mill-viċin” fl-Artikolu 13A(1)(b) tas-Sitt Direttiva b’tali mod li jissuġġerixxi li dawn għandhom ikunu provvisti ta’ servizzi.

23.

Madankollu, kif ġie nnotat fl-osservazzjonijiet magħmula lill-Qorti tal-Ġustizzja, dawk is-sentenzi kienu jirrigwardaw sitwazzjonijiet fattwali li kienu jinvolvu biss provvisti ta’ servizzi, u dan huwa dak li jispjega l-lingwa użata. Barra minn hekk, f’Il-Kummissjoni vs Ir-Renju Unit ( 15 ), il-Qorti tal-Ġustizzja pproċediet fuq il-bażi ċara li provvisti ta’ oġġetti kienu jikkwalifikaw għal eżenzjoni taħt l-Artikolu 13A(1)(b) tas-Sitt Direttiva, minkejja li l-eżenzjoni tagħhom ma setgħetx tkun iġġustifikata taħt l-Artikolu 13A(1)(ċ).

24.

Għalhekk jiena tal-opinjoni li l-espressjoni “attivitajiet relatati mill-viċin” fl-Artikolu 13A(1)(b) tas-Sitt Direttiva tinkludi provvisti ta’ oġġetti kif ukoll provvisti ta’ servizzi.

Domanda 2

25.

Klinikum Dortmund u l-Kummissjoni jikkunsidraw li, sabiex tibbenefika mill-eżenzjoni għal “attivitajiet relatati mill-viċin” taħt l-Artikolu 13A(1)(b) tas-Sitt Direttiva, ma huwiex essenzjali li provvista ssir mill-persuna li tipprovdi “is-servizz ta’ [kura b’soġġorn fi] sptar jew kura medika”.

26.

Il-Gvern Ġermaniż jieħu l-pożizzjoni kuntrarja. B’riferiment għall-formulazzjoni tad-dispożizzjoni (kura b’soġġorn fi sptar u kura medika u attivitajiet relatati mill-viċin “immexxija [ipprovduti] minn” ċerti fornituri partikolari), u għall-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja fis-sens li eżenzjonijiet mill-VAT għandhom jingħataw interpretazzjoni stretta, huwa jargumenta li kemm il-kura u anki l-attivitajiet relatati għandhom ikunu pprovduti mill-istess persuna.

27.

Jiena ma naqbilx ma’ din il-pożizzjoni tal-aħħar. Il-kliem inkwistjoni jirrikjedi biss li ż-żewġ provvisti jiġu pprovduti minn fornituri li jaqgħu f’ċerta definizzjoni ( 16 ). Dan ma jipprovdix li l-fornitur għandu jkun l-istess fiż-żewġ każijiet. Il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja lanqas ma tiddikjara biss li l-kliem użat għall-ispeċifikazzjoni tal-eżenzjonijiet għandu jkun interpretat b’mod strett. Hija żżid li l-interpretazzjoni għandha tkun konformi mal-għanijiet segwiti mill-eżenzjonijiet u għandha tosserva r-rekwiżiti tal-prinċipju ta’ newtralità fiskali inerenti għas-sistema komuni tal-VAT; interpretazzjoni stretta ma tfissirx li l-frażijiet użati għandhom ikunu interpretati b’mod li l-eżenzjonijiet jiċċaħħdu mill-effetti maħsuba tagħhom ( 17 ). U kif il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat fil-Kummissjoni vs Franza ( 18 ), l-eżenzjoni ta’ attivitajiet relatati mill-viċin ma’ kura b’soġġorn fi sptar u kura medika hija intiża sabiex tiżgura li l-benefiċċji li joħorġu minn tali kura ma jkunux imxekkla minn spiża ikbar sabiex tkun ipprovduta, li tirriżulta jekk hija, jew attivitajiet relatati mill-viċin magħha, kellhom ikunu suġġetti għall-VAT. Ir-rifjut tal-eżenzjoni sempliċement abbażi tal-fatt li l-kura u l-attivitajiet relatati ma kinux ipprovduti mill-istess persuna jmur kontra dak l-għan. Fl-aħħar nett, f’dik l-istess sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja ttrattat it-trażmissjoni ta’ kampjun tad-demm minn laboratorju wieħed għall-ieħor bħala “relatata mill-viċin” mal-analiżi magħmula minn dan tal-aħħar u bħala li teħtieġ l-istess trattament tal-VAT taħt l-Artikolu 13A(1)(b) tas-Sitt Direttiva. Huwa għalhekk ċar li l-Qorti tal-Ġustizzja ma tirrikjedix li l-kura u l-attivitajiet relatati magħha jkunu pprovduti mill-istess persuna sabiex dawn tal-aħħar jibbenefikaw mill-eżenzjoni.

28.

Il-Gvern Ġermaniż jissottometti wkoll li attivitajiet immexxija minn “entitajiet regolati mid-dritt pubbliku jew, taħt kondizzjonijet soċjali komparabbli għal dawk applikati lill-entitajiet regolati mid-dritt pubbliku, mill-isptarijiet, ċentri għat-trattament mediku jew dijanjosi u stabblimenti oħrajn ta, natura simili rikonoxxuti regolarment” biss jistgħu jibbenefikaw mill-eżenzjoni, u li t-tobba inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma jaqgħux f’din id-definizzjoni.

29.

Kif ġustament tinnota l-Kummissjoni, dan il-punt jaqa’ proprju taħt id-domanda segwenti.

Domanda 3

30.

Essenzjalment il-qorti nazzjonali trid tkun taf jekk “attivitajiet relatati mill-viċin” jistgħux jibbenefikaw mill-eżenzjoni taħt l-Artikolu 13A(1)(b) tas-Sitt Direttiva jekk il-kura li magħha huma relatati mill-viċin hija eżenti mhux taħt l-istess dispożizzjoni iżda taħt l-Artikolu 13A(1)(ċ). Klinikum Dortmund tikkunsidra li jistgħu, u l-Gvern Ġermaniż u l-Kummissjoni jikkunsidraw li ma jistgħux.

31.

L-attività inkwistjoni hija l-għoti ta’ mediċini minn Klinikum Dortmund, u l-kura li magħha dan l-għoti huwa relatat hija pprovduta minn tobba waqt prattika indipendenti. Jidher li huwa aċċettat fil-proċeduri nazzjonali, u fl-osservazzjonijiet kollha lill-Qorti tal-Ġustizzja, li l-kura attwali pprovduta minn dawn it-tobba tikkwalifika għal eżenzjoni mill-VAT skont l-Artikolu 13A(1)(ċ) tas-Sitt Direttiva, mhux l-Artikolu 13A(1)(b), u jiena naqbel.

32.

Kif tinnota l-Kummissjoni, dawk id-dispożizzjonijiet jistabbilixxu eżenzjonijiet separati għall-provvista ta’ kura medika. Dawn huma distinti mhux skont in-natura tas-servizz iżda skont iċ-ċirkustanzi li fihom jingħata.

33.

Huwa minnu li l-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat b’mod kostanti f’dak ir-rigward li l-kriterju li jrid jittieħed inkunsiderazzjoni sabiex jiġi stabbilit il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dawn iż-żewġ każijiet ta’ eżenzjoni huwa inqas marbut man-natura tal-provvista milli mal-post fejn din tiġi pprovduta ( 19 ). Madankollu, fl-opinjoni tiegħi dan ma jistax ikun interpretat bħala li jfisser li l-provvista ta’ kura medika għandha taqa’ fl-Artikolu 13A(1)(b) kull meta hija pprovduta fil-post ta’ entità jew stabbiliment iddefinit f’dik id-dispożizzjoni, jekk ma jkunx ipprovdut ukoll minn dik l-entità jew stabbiliment. F’dak il-kuntest, il-kliem “immexxija [ipprovduti] minn” huma ċari u inekwivoċi.

34.

Huwa minnu wkoll li, fiċ-ċirkustanzi simili tal-Artikolu 13A(1)(g) ( 20 ), il-Qorti tal-Ġustizzja sostniet li l-kelmiet “stabbiliment” u “organizzazzjoni” ma jeskludux persuni fiżiċi ( 21 ). Madankollu, l-Artikolu 13A(1)(b) jirreferi għal entitajiet, sptarijiet, ċentri u stabbilimenti, filwaqt li l-Artikolu 13A(1)(ċ) jirreferi għall-eżerċizzju ta’ professjonijiet, li fil-prinċipju kapaċi jagħmluhom il-persuni fiżiċi biss. Dan għall-kuntrarju tal-Artikolu 13A(1)(g), li ma huwiex segwit minn artikolu ekwivalenti għall-Artikolu 13A(1)(ċ). Din id-differenza donna turi li l-Artikolu 13A(1)(b) ma għandux ikun interpretat b’mod wiesa’ daqs l-Artikolu 13A(1)(g). Anki jekk jiġi preżunt li l-Istati Membri jistgħu jirrikonoxxu prattikanti individwali tal-kura medika bħala “stabbilimenti [...] rikonoxxuti regolarment” li jipprovdu servizzi “taħt kondizzjonijet soċjali komparabbli għal dawk applikati lill-entitajiet regolati mid-dritt pubbliku”, fid-digriet tar-rinviju u fl-osservazzjonijiet kollha ma huwiex suġġerit li dan ir-rikonoxximent ġie mogħti lit-tobba inkwistjoni. Fil-fatt, minn dak li ntqal fis-seduta jidher li l-awtorizzazzjoni mogħtija taħt l-Artikolu 116 tas-SGB V kienet tirrigwarda biss il-possibbiltà li jkunu koperti minn skema ta’ assigurazzjoni għas-saħħa u ma kellha ebda effett ieħor fuq l-istatus tat-tobba.

35.

Ser nipproċedi għalhekk, fuq il-bażi li l-kura pprovduta mit-tobba, li f’dan il-każ kienu qed jaġixxu b’mod indipendenti mill-isptar għalkemm jipprovdu l-kura fl-isptar, hija eżenti skont l-Artikolu 13A(1)(ċ) tas-Sitt Direttiva.

36.

Mill-formulazzjoni tal-Artikolu 13A(1)(b) tas-Sitt Direttiva huwa ċar li, meta servizz ta’ kura b’soġġorn fi sptar u kura medika tkun eżenti skont dik id-dispożizzjoni, attivitajiet relatati mill-viċin għal dik il-kura jibbenefikaw mill-istess eżenzjoni. Għall-kuntrarju, jista’ jkun dedott li, meta kura medika tkun eżenti skont l-Artikolu 13A(1)(ċ), li ma jsemmi xejn dwar attivitajiet relatati mill-viċin, l-eżenzjoni ma testendix lil hinn mill-provvista tal-kura nnifisha.

37.

F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat f’Il-Kummissjoni vs Ir-Renju Unit ( 22 ) li, “apparti mill-provvista minima ta’ oġġetti li huma strettament neċessarji fil-mument li tiġi pprovduta l-kura, il-provvista ta’ mediċini u oġġetti oħra, bħal nuċċalijiet bil-lenti preskritti minn tabib jew minn persuni awtorizzati oħrajn, huma fiżikament u ekonomikament disassoċjati mill-provvista tas-servizz” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

38.

Dak il-każ kien jirrigwarda b’mod partikolari l-provvista ta’ nuċċalijiet bil-preskrizzjoni, u l-Qorti tal-Ġustizzja qieset il-provvista ta’ mediċini preskritti fl-istess dawl. Fiċ-ċirkustanzi kkunsidrati, l-atti ta’ dijanjosi (flimkien ma’ provvisti ta’ oġġetti minimi u strettament neċessarji — bħal forsi, l-amministrazzjoni ta’ taqtir fl-għajnejn sabiex jitkabbru l-pupilli) u ta’ preskrizzjoni jifformaw provvista waħda li taqa’ taħt l-eżenzjoni tal-Artikolu 13A(1)(ċ) tas-Sitt Direttiva. Huwa preżunt li l-istess japplika għall-provvista ta’ kwalunkwe oġġetti — bħal pereżempju, ingwenti u faxex — essenzjali għal kull trattament magħmul minn prattikant waqt konsulta. Għall-kuntrarju, il-provvista minn xi ottiku jew spiżjar ta’ kwalunkwe ħaġa preskritta minn prattikant hija provvista separata li ma taqax taħt dik l-eżenzjoni.

39.

Li kieku kellu jkun hemm eżenzjoni għall-mediċini mogħtija fiċ-ċirkustanzi ta’ dan il-każ, madankollu, jidhirli li din ikollha testendi għall-mediċini kollha mogħtija fuq preskrizzjoni, peress li l-preskrizzjoni tal-mediċini mit-tobba, li jridu jingħataw mill-ispiżjara, għandha fil-prinċipju dejjem titqies bħala relatata mill-viċin għall-kura medika li t-tobba jipprovdu. Madankollu, dan ma jkunx konsistenti mas-sentenza Il-Kummissjoni vs Ir-Renju Unit. Barra minn hekk huwa ċar li prodotti farmaċewtiċi “użati għal [...] trattament ta’ [għal] finijiet [skopijiet] mediċi” (deskrizzjoni li tidher iktar xierqa għal mediċini preskritti minn tabib milli għal rimedji mogħtija mingħajr preskrizzjoni), huma fil-prinċipju suġġetti għal VAT, għax kieku jkunu elenkati fl-Anness H tas-Sitt Direttiva.

40.

Għalhekk, fil-prinċipju, jidhirli li r-risposta għad-domanda 3 għandha tkun fis-sens li, essenzjalment, provvista ta’ mediċini skont preskrizzjoni magħmula matul il-provvista ta’ kura medika ma tistax tibbenefika mill-eżenzjoni tal-Artikolu 13A(1)(b) tas-Sitt Direttiva jekk il-kura li magħha hija relatata mill-viċin hija fiha nnifisha eżentata mhux taħt l-istess dispożizzjoni iżda taħt l-Artikolu 13A(1)(ċ).

41.

Madankollu, ma huwiex neċessarju, fiċ-ċirkustanzi partikolari tal-każ fil-kawża prinċipali, li l-provvista tal-mediċini ma tistax tkun eżentata taħt l-Artikolu 13A(1)(ċ) stess. Il-provvista tista’ forsi titqies mhux bħala “attività relatata mill-viċin” iżda bħala provvista “li hija strettament neċessarja fil-mument li tiġi pprovduta l-kura” u mhux “fiżikament u ekonomikament disassoċjata mill-provvista tas-servizz”, sabiex nuża l-formulazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja f’Il-Kummissjoni vs Ir-Renju Unit ( 23 ).

42.

Varjant ta’ dik il-possibbiltà jista’ jkun li l-provvista u l-amministrazzjoni tal-mediċini għandhom jitqiesu bħala, mill-ġdid fil-formulazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja, “tant marbuta mill-qrib [relatati mill-viċin] li oġġettivament jifformaw provvista ekonomika waħda indiviżibbli u li jkun artifiċjali li din tinqasam” ( 24 ). Alternattivament, huma għandhom jitqiesu bħala anċillari għas-servizz prinċipali b’tali mod li “mhux [...] jikkostitwixx[u] għan fih[om] [infushom][u] il-mezz li bih wieħed jibbenefika aħjar mis-servizz prinċipali tal-fornitur”; dan jista’ japplika għal “servizzi li jaqgħu loġikament fil-kuntest tal-provvista ta’ servizzi ta’ [kura medika] u li jikkostitwixx[u] pass indispensabbli fil-proċess tal-provvista ta’ dawn is-servizzi sabiex innifsu, iżda meta jkunjintlaħqu l-għanijiet terapewtiċi tagħhom” ( 25 ).

43.

Possibbiltà differenti tista’ tkun il-bżonn li l-provvista tingħata l-istess trattament tal-VAT irrispettivament minn jekk il-mediċini ngħatawx matul trattament “in-patient” jew “out-patient”, sabiex ikun osservat il-prinċipju ta’ newtralità fiskali inerenti għas-sistema tal-VAT, li, skont ġurisprudenza stabbilita, jipprekludi li provvisti simili, li jinsabu f’kompetizzjoni, jingħataw trattament differenti għall-finijiet tal-VAT ( 26 ).

44.

Kwalunke evalwazzjoni ta’ dawn il-possibiltajiet għandha tkun ibbażata pjuttost fuq iktar informazzjoni dwar iċ-ċirkustanzi tat-trattament minn dik inkluża fid-digriet tar-rinviju. Kull konstatazzjoni fattwali neċessarja f’dak ir-rigward għandha ovvjament issir mill-qorti nazzjonali kompetenti, iżda fis-seduta l-Qorti tal-Ġustizzja talbet lill-partijiet jikkunsidraw ir-rilevanza ta’ numru ta’ kwistjonijiet, inkluż in-natura preċiża tal-kura medika pprovduta u l-identità tal-fornitur, il-kwistjoni dwar jekk dik il-kura setgħetx tkun ipprovduta mingħajr il-provvista tal-mediċini inkwistjoni u l-identità tal-persuna li ngħatat id-dritt li tiddisponi mill-mediċini bħala proprjetarju (fi kliem ieħor, min irċieva l-provvista).

45.

Mir-risposti tal-partijiet jiena fhimt li hemm qbil li t-trattament inkwistjoni jinkludi serje ta’ attivitajiet marbuta flimkien. Tabib jagħmel dijanjosi tal-kundizzjoni preċiża tal-pazjent u jidentifika formulazzjoni għaċ-ċitostatiċi magħmula apposta għat-trattament ta’ dik il-kundizzjoni individwali; tinbena skeda terapewtika mal-pazjent; iċ-ċitostatiċi jiġu preskritti mit-tabib u magħmula mill-ispiżjar; il-mediċina tiġi vverifikata u mediċini kumplimentari jistgħu jiżdiedu sabiex inaqqsu l-effetti sekondarja (is-side effects); imbagħad tiġi amministrata mill-istaff mediku taħt is-superviżjoni tat-tabib jew bit-tabib jinżamm informat bi kwalunkwe problema li tista’ tirrikjedi l-intervent tiegħu; f’kull stadju jista’ jkun neċessarju li huwa jaġġusta d-doża jew il-kompożizzjoni tal-mediċini amministrati, jew jibdel l-iskeda terapewtika.

46.

Abbażi ta’ dik id-deskrizzjoni huwa ċar li hemm kontinwità terapewtika, li tinkludi kemm “il-provvista ta’ kura medika fl-eżerċizzju tal-professjonijiet mediċi u paramediċi” u l-provvista ta’ mediċini. Huwa ċar ukoll li mingħajr il-provvista ta’ mediċini, il-kura medika fiha nnifisha ma għandha ebda għan; dik il-provvista hija għalhekk, “strettament neċessarja fil-mument li tiġi pprovduta l-kura”.

47.

Madankollu, jiena nsib diffikultà sabiex nikkunsidra, fl-istess waqt, li jew il-provvista tal-mediċini ma hijiex “fiżikament u ekonomikament disassoċjata mill-provvista tal-[kura medika]” jew li hija “tant marbuta mill-qrib [relatati mill-viċin] [mal-kura medika] li oġġettivament jifformaw provvista ekonomika waħda indiviżibbli u li jkun artifiċjali li din tinqasam”.

48.

F’dak ir-rigward, huwa neċessarju li jiġi kkunsidrat minn min, u lil min, hija magħmula l-provvista ta’ mediċini. Din il-kwistjoni kienet indirizzata fis-seduta u, għalkemm kien irrikonoxxut li kważi f’kull każ il-ħlas sar minn entità ta’ assigurazzjoni għas-saħħa privata jew pubblika, kien jidher li hemm qbil li d-“dritt li tiddisponi mill-[mediċini] bħala proprjetarju” huwa miksub mill-pazjent. La t-tabib u lanqas l-assigurazzjoni għas-saħħa ma tista’ tordna lill-pazjent jekk jaċċettax jew le l-amministrazzjoni tal-mediċini. Dan ifisser li huwa impossibbli li jkun ikkunsidrat li t-tabib jgħaddi l-provvista tal-mediċini lill-pazjent, bħala parti integrali mill-kura medika pprovduta. Jidher għalhekk neċessarju li nipproċedi fuq il-bażi li l-pazjent jirċievi iktar minn provvista waħda: kura medika mit-tabib u staff mediku; mediċini mill-ispiżerija tal-isptar.

49.

Fejn provvisti separati jsiru minn persuni separati, jidher li huwa inevitabbli li dawk il-provvisti ma jistgħux “oġġettivament jifformaw provvista ekonomika waħda indiviżibbli u li jkun artifiċjali li din tinqasam”. Huma jistgħu jkunu (fil-fatt jidhru li huma) “relatati mill-viċin” u tali relazzjoni mill-viċin tikkwalifika provvista ta’ mediċini bħala eżenti meta l-provvista ta’ kura medika relatata tkun eżenti taħt l-Artikolu 13A(1)(b) tas-Sitt Direttiva, iżda mhux meta din tkun eżenti taħt l-Artikolu 13A(1)(ċ). F’dak ir-rigward, is-separazzjoni bejn il-persuna li tipprovdi l-mediċini u l-persuna li tipprovdi l-kura medika għandha fl-opinjoni tiegħi tipprekludi lil dawn it-tnejn milli jkunu meqjusa bħala provvista waħda, irrispettivament mill-fatt li l-ebda provvista ma jista’ jkollha għan utli mingħajr l-oħra – għall-kuntrarju ta’, pereżempju, is-sitwazzjoni eżaminata fi Deutsche Bank ( 27 ), fejn żewġ provvisti komparabbli marbuta kienu magħmula mill-istess persuna taxxabbli.

50.

Raġunament simili jwassalni għall-opinjoni li l-provvista tal-mediċini ma tistax titqies bħala “anċillari għa[s-]servizz prinċipali [għax ma] [t]ikkostitwixxi[x] għan fih[a] innif[isha], iżda [hija] mezz li bih wieħed jibbenefika aħjar mis-servizz prinċipali tal-fornitur”. Meta tabib jipprovdi s-servizzi ta’ dijanjosi, preskrizzjoni u superviżjoni deskritti fir-risposta għad-domandi tal-Qorti tal-Ġustizzja, ikun artifiċjali li jingħad li l-mediċini amministrati ġew ipprovduti – minn persuna differenti – bħala “mezz li bih wieħed jibbenefika aħjar mis-servizz prinċipali tal-fornitur”. Il-provvista tal-mediċini hija, loġikament, relatata mill-viċin mas-servizzi tat-tabib iżda żgur li hija separata minnhom u ma hijiex mezz li wieħed jibbenefika aħjar minnhom (jew li wieħed jibbenefika minnhom f’kundizzjonijiet aħjar, b’mod iktar litterali tal-formulazzjoni użata mill-Qorti tal-Ġustizzja bil-Franċiż, il-lingwa tad-deliberazzjoni tagħha). Wieħed jista’ tabilħaqq anki jqis il-provvista tal-mediċini bħala l-aspett prinċipali li jippreokkupa lill-pazjent, u d-dijanjosi, preskrizzjoni u superviżjoni tal-amministrazzjoni bħala mezz li permezz tiegħu jibbenefika minn dik il-provvista taħt l-aħjar kundizzjonijiet possibbli.

51.

Jibqa’ li jiġi kkunsidrat jekk il-prinċipju ta’ newtralità fiskali jwassalx għal konklużjoni differenti.

52.

Jiena naqbel mal-Kummissjoni li dan ma huwiex il-każ.

53.

Fin-nuqqas ta’ dispożizzjoni ċara dan il-prinċipju ma jippermettix li l-kamp ta’ applikazzjoni ta’ eżenzjoni jiġi estiż. Din ma hijiex regola tad-dritt primarju iżda prinċipju ta’ interpretazzjoni, li għandu jiġi applikat b’mod parallel mal-prinċipju li jgħid li l-eżenzjonijiet għandhom jiġu interpretati b’mod strett ( 28 ).

54.

F’dak ir-rigward, il-kliem tal-Artikolu 13A(1)(b) u (ċ) tas-Sitt Direttiva jagħmel distinzjoni ċara bejn kura pprovduta minn entitatjiet irregolati mid-dritt pubbliku jew stabbilimenti debitament rikonoxxuti li joperaw taħt kundizzjonijiet soċjali komparabbli u dik ipprovduta – minn persuni oħra u taħt kundizzjonijiet soċjali oħra – fl-eżerċizzju ta’ professjonijiet mediċi u paramediċi.

55.

Ladarba differenza fit-trattament hija stabbilita b’mod ċar fis-Sitt Direttiva, din ma tistax tinbidel minn prinċipju ta’ interpretazzjoni li ma għandu ebda prevalenza fuq test leġiżlattiv.

56.

Jista’ madankollu jibqa’ possibbli li Stat Membru jikkontrobatti periklu ta’ distorsjoni tal-kompetizzjoni billi juża l-għażla li jistabbilixxi kundizzjonijiet “għal skopijiet [...] tal-prevenzjoni ta’ kwalunkwe [...] abbuż possibbli” taħt l-Artikolu 13A(1) tas-Sitt Direttiva jew jirrifjuta, skont l-Artikolu 13A(2)(b), milli jagħti eżenzjoni lill-provvisti, li jistgħu jkunu eżentati taħt l-Artikolu 13A(1)(b) jekk l-iskop bażiku tagħhom kien “li [jiksbu] dħul addizzjonali [...] billi [jwettqu] transazzjonijet li huma b’kompetizzjoni diretta ma’ dawk l-impriżi responsabbli għat-taxxa fuq il-valur miżjud”. Madankollu, kwalunkwe tali miżura tinvolvi l-limitazzjoni tal-eżenzjoni għal tranżazzjonijiet relatati mill-viċin ma’ servizz ta’ kura b’soġġorn fi sptar u kura medika fis-sens tal-Artikolu 13A(1)(b), u mhux testendiha għal dawk relatati mill-viċin mal-provvista tal-kura medika fl-eżerċizzju tal-professjonijiet mediċi u paramediċi fis-sens tal-Artikolu 13A(1)(ċ). Fi kliem ieħor, din tkun tinvolvi l-impożizzjoni tat-taxxa fejn preżentement ma hijiex imposta, iktar milli estensjoni tal-iskop ta’ x’inhu eżenti mill-VAT.

57.

Nirrikonoxxi illi l-opinjoni li wasalt għaliha – li l-provvista ta’ mediċini tista’ tkun suġġetta għal, jew eżentata mill-VAT skont il-kuntest li fih hija tiġi amministrata – tista’ tidher kontradittorja. Madankollu, li jingħad li l-Artikolu 13A(1)(ċ) huwa intiż, bħall-Artikolu 13A(1)(b), sabiex jinkludi attivitajiet relatati mill-viċin mal-kura deskritta jkun ifisser li jiżdiedu mal-ewwel dispożizzjoni msemmija kliem li fil-fatt ma huwiex hemm. Ċertament bħala konsegwenza jista’ jkun li hemm lakuna fil-leġiżlazzjoni. Jekk inhu hekk, dik hija kompetenza tal-leġiżlatur. Ma jidhirlix, madankollu, li huwa xieraq li r-raġunament tas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja f’Il‑Kummissjoni vs Franza ( 29 ) jiġi estiż għall-każijiet kollha li fihom l-ispejjeż jistgħu jiżdiedu billi jkunu suġġetti għall-VAT, fl-assenza ta’ intenzjoni leġiżlattiva ċara f’dak is-sens.

Konklużjoni

58.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha magħmula hawn fuq, jiena tal-fehma li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha tirrispondi d-domandi magħmula mill-Bundesfinanzhof f’dan is-sens:

1.

Il-frażi “attivitajiet relatati mill-viċin” fl-Artikolu 13A(1)(b) tas-Sitt Direttiva tal-Kunsill 77/388/KEE, tas-17 ta’ Mejju 1977, dwar l-armonizzazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri dwar taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ — Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud: bażi uniformi ta’ stima — tinkludi kemm provvisti ta’ oġġetti kif ukoll provvisti ta’ servizzi.

2.

Sabiex tikkwalifika għall-eżenzjoni bħala attività relatata mill-viċin ma’ kura b’soġġorn fi sptar jew kura medika skont l-Artikolu 13A(1)(b) tad-Direttiva 77/388/KEE, ma huwiex essenzjali li l-provvista ssir mill-persuna li tipprovdi l-kura inkwistjoni.

3.

Provvisti ta’ oġġetti jew servizzi li huma

(i)

relatata mill-viċin mal-provvista ta’ kura medika fl-eżerċizzju tal-professjonijiet mediċi u paramediċi fis-sens tal-Artikolu 13A(1)(ċ) tad-Direttiva 77/388/KEE,

(ii)

fiżikament u ekonomikament disassoċjati mill-provvista ta’ dik il-kura medika u

(iii)

mhux relatati mill-viċin ma’ kura b’soġġorn fi sptar jew kura medika fis-sens tal-Artikolu 13A(1)(b) tal-istess direttiva

ma jikkwalifikawx għal eżenzjoni taħt waħda minn dawk iż-żewġ dispożizzjonijiet.


( 1 ) Lingwa oriġinali: l-Ingliż.

( 2 ) Is-Sitt Direttiva tal-Kunsill 77/388/KEE, tas-17 ta’ Mejju 1977, fuq l-armonizzazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri dwar taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ - Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud: bażi uniformi ta’ stima (Edizzjoni Speċjali bil-Malti: Kap. 9, Vol. 01, p. 23). Din tħassret u ġiet issostitwita bid-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE, tat-28 ta’ Novembru 2006, dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU L 347, p. 1), li fasslet mill-ġdid l-istruttura u l-formulazzjoni tas-Sitt Direttiva mingħajr ma ġabet bidliet materjali fil-prinċipju (ara l-premessa 3 fil-preambolu).

( 3 ) Ara l-Artikoli 2(1)(a), 14(1) u 24(1) tad-Direttiva 2006/112.

( 4 ) Ara l-Artikoli 96 sa 99 tad-Direttiva 2006/112.

( 5 ) Ara l-Artikolu 132(1)(b) u (ċ) tad-Direttiva 2006/112. Il-verżjoni Ingliża tuża l-frażi “medical care” fiż-żewġ dispożizzjonijiet, waqt li lingwi oħra jużaw frażijiet differenti. Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja sostniet li t-tifsira hija l-istess fit-tnejn li huma: ara s-sentenza tas-6 ta’ Novembru 2013, Dornier (C-45/01 Ġabra p. I-12911, punti 46 sa 50).

( 6 ) Ara l-Artikolu 134 tad-Direttiva 2006/112.

( 7 ) Ara l-punt 3 tal-Anness III tad-Direttiva 2006/112.

( 8 ) Apparti mill-Ingliż, ara pereżempju, il-verżjoni Ungeriża, Maltija u Svediża.

( 9 ) Inkluż il-ħames verżjonijiet lingwistiċi kollha, bl-eċċezzjoni tal-Ingliż, li fihom is-Sitt Direttiva kienet adottata oriġinarjament: Daniż, Olandiż, Franċiż, Ġermaniż u Taljan.

( 10 ) ĠU 1973 C 80, p. 1, l-Artikolu 14(1)(b).

( 11 ) Litteralment, “provvisti ta’ servizzi ta’ kura b’soġġorn fi sptar u kura tas-saħħa u oħrajn [jiġifieri provvisti ta’ servizzi oħrajn] direttament relatati magħhom”.

( 12 ) Ara, pereżempju, is-sentenza tat-3 ta’ Marzu 2011, Il-Kummissjoni vs Il-Pajjiżi l‑Baxxi, (C-41/09, Ġabra p. I-831, punt 44 u l-ġurisprudenza ċċitata). Ara wkoll is-sentenza tat-2 ta’ April 1998, EMU Tabac et (C-296/95, Ġabra p. I-1605, punt 36).

( 13 ) Sentenza tal-1 ta’ Diċembru 2005 (Kawżi magħquda C-394/04 u C-395/04, Ġabra p. I-10373, punt 25).

( 14 ) Sentenza tal-10 ta’ Ġunju 2010 (C-262/08, Ġabra p. I-5053, punt 40).

( 15 ) Sentenza tat-23 ta’ Frar 1988 (C-353/85, Ġabra p. I-817, punti 33 sa 35).

( 16 ) Ara wkoll l-analiżi fit-tabella fil-punt 27 tal-konklużjonijiet tiegħi fil-Kawża CopyGene, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 14.

( 17 ) Ara, għal eżempju reċenti, is-sentenza tal-15 ta’ Novembru 2012, Zimmermann (C‑174/11, punt 22 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 18 ) Sentenza tal-11 ta’ Jannar 2001 (C-76/99, Ġabra p. I-249, punt 23).

( 19 ) Ara, pereżempju, is-sentenza tat-8 ta’ Ġunju 2006, L.u.P. (C‑106.05, Ġabra p. I‑5123, punt 22 u l-ġurisprudenza ċċitata); u s-sentenza CopyGene, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 14, punt 27 u l-ġurisprudenza ċċitata.

( 20 ) Li jeżenta “il-provvediment [provvista] tas-servizzi u ta’ l-oġġetti marbuta mal-komfort [benessere] u x-xogħol tas-sigurtà soċjali, inklużi dawk fornuti mid-djar ta’ l-anzjani, mill-entitajiet irregolati mid-dritt pubbliku jew minn organizazzjonijiet oħrajn rikonoxxuti bħala tal-karità mill-Istat Membru konċernat”.

( 21 ) Ara s-sentenza Zimmermann, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 17, punt 57 u l-ġurisprudenza ċċitata.

( 22 ) Iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 15, punt 33.

( 23 ) Ara l-punt 37 u n-nota ta’ qiegħ il-paġna 22 iktar ’il fuq.

( 24 ) Għal eżempju reċenti ħafna, ara s-sentenza tal-21 ta’ Frar 2013, Žamberk (C‑18/12, punt 28 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 25 ) Ara, pereżempju, CopyGene, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 14, punt 40 u l-ġurisprudenza ċċitata.

( 26 ) Ara, pereżempju, L.u.P., iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 19, punti 24 u 32.

( 27 ) Sentenza tad-19 ta’ Lulju 2012 (C‑44/11, punti 20 sa 29); ara wkoll il-konklużjonijiet tiegħi f’dik il-kawża, punti 26 sa 32.

( 28 ) Ara s-sentenza Deutsche Bank, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 27, punt 45.

( 29 ) Iċċitata fil-punt 27, nota ta’ qiegħ il-paġna 18, iktar ’il fuq.