KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

SHARPSTON

ippreżentati fid-19 ta’ Settembru 2013 ( 1 )

Kawża C‑355/12

Nintendo Co. Ltd

Nintendo of America Inc.

Nintendo of Europe GmbH

vs

PC Box Srlvs

9Net Srl

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mit-Tribunale di Milano (l-Italja))

“Drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati fis-soċjetà tal-informazzjoni — Protezzjoni ta’ miżuri teknoloġiċi intiżi sabiex jipprekludu jew jirrestrinġu atti li ma humiex awtorizzati mill-proprjetarju tad-drittijiet — Consoles tal-logħob elettroniku li huma magħmula b’tali mod u manjiera li jipprevjenu l-użu ta’ logħob sakemm ma jkunx dak awtorizzat mill-manifattur tal-console — Tagħmir li jista’ jevita miżuri bħal dawn — Rilevanza tal-użu partikolari tal-consoles — Rilevanza tal-portata, tan-natura u tal-importanza tal-possibilitajiet kollha ta’ użu differenti tat-tagħmir”

1. 

L-Artikolu 6 tad-Direttiva 2001/29 ( 2 ) jobbliga lill-Istati Membri sabiex jipprovdu protezzjoni legali adegwata kontra diversi atti jew attivitajiet li jevitaw, jew li huma intiżi li jevitaw, miżuri teknoloġiċi effettivi intiżi sabiex jipprevjenu jew jirrestrinġu atti li ma humiex awtorizzati mill-proprjetarju tad-drittijiet ta’ dritt tal-awtur jew dritt relatat.

2. 

Manifattur tal-logħob elettroniku u tal-consoles li fuqhom isir dan il-logħob, jagħmel dawn iż-żewġ oġġetti b’tali mod u manjiera li jagħrfu lil xulxin billi jagħmlu skambju ta’ informazzjoni kkodifikata sabiex il-logħob ikun jista’ jintlagħab fuq il-consoles. L-intenzjoni ddikjarata hija li tiżgura li huwa biss il-logħob immanifatturat jew li huwa awtorizzat mill-manifattur (li huwa protett taħt id-Direttiva 2001/29) li jista’ jintlagħab fuq dawk il-consoles (li ma huwiex iddikjarat protett taħt din id-Direttiva) u għaldaqstant li tipprevjeni l-użu tal-consoles biex isir logħob b’kopji mhux awtorizzati tal-logħob protett.

3. 

Operatur ieħor jikkumerċjalizza tagħmir li jista’ jintuża sabiex iħaddem logħob ieħor, inkluż logħob li ma huwiex kopja ta’ dak immanifatturat jew awtorizzat mill-manifattur tal-console, fuq il-consoles. Huwa jallega li l-għan tal-manifattur – li jixtieq jipprekludi l-kummerċjalizzazzjoni ta’ dan it-tagħmir – ma huwiex li jipprevjeni l-ikkopjar mhux awtorizzat tal-logħob tiegħu (għan li għandu jiġi protett mill-evitazzjoni skont l-Artikolu 6 tad-Direttiva 2001/29) iżda li jżid il-bejgħ ta’ dan il-logħob (għan li ma għandux bżonn protezzjoni bħal din).

4. 

Fl-isfond ta’ dan, it-Tribunale di Milano (il-Qorti Distrettwali ta’ Milano) jistaqsi essenzjalment, (i) jekk l-Artikolu 6 tad-Direttiva 2001/29 ikoprix tagħmir li kapaċi jirrikonoxxi installat f’hardware (consoles) kif ukoll kodiċijiet ikkodifikati fil-materjal innifsu tad-drittijiet tal-awtur minkejja l-fatt li l-interoperabbiltà bejn it-tagħmir u l-prodotti hija għaldaqstant limitata u (ii) meta jiġi stabbilit jekk tagħmir ieħor għandux skop u użu kummerċjali sinjifikattiv għajr dak tal-evitazzjoni, kemm għandu jagħti importanza lill-użu partikolari tal-consoles u kif għandu jevalwa l-użu differenti li għandu t-tagħmir l-ieħor.

5. 

Il-qorti nazzjonali tillimita d-domandi tagħha għall-interpretazzjoni tad-Direttiva 2001/29. Madankollu, logħob elettroniku sa ċertu punt huwa tip ta’ program tal-kompjuter (minkejja l-fatt li jista’ jinkludi tipi oħra ta’ xogħol intellettwali, kemm narrattiv kif ukoll grafiku), u programmi tal-kompjuters jaqgħu fl-iskop tad-Direttiva 2009/24 ( 3 ).

Sommarju tal-leġiżlazzjoni rilevanti tal-UE

6.

L-aspetti prinċipali rilevanti tad-Direttiva 2001/29 u tad-Direttiva 2009/24 jistgħu jiġu mqassra kif ġej.

Direttiva 2001/29

7.

Il-preambolu tad-Direttiva 2001/29 jirrikonoxxi li miżuri teknoloġiċi ser ikomplu jżidu l-opportunitajiet lill-proprjetarji tad-drittijiet sabiex jipprekludu jew jirrestrinġu atti li huma ma kinux awtorizzaw iżda jesprimi tħassib li ser jiġu żviluppati, bl-istess ritmu, mezzi sabiex jevitaw illegalment dawn il-miżuri. Għalhekk, miżuri stabbiliti mill-proprjetarji tad-drittijiet għandhom jiġu protetti mil-liġi ( 4 ). Din il-protezzjoni legali għandha tiġi pprovduta fir-rigward ta’ miżuri teknoloġiċi li jirrestrinġu effettivament atti mhux awtorizzati minn proprjetarji tad-drittijiet ta’ kull dritt tal-awtur, dritt relatat mad-drittijiet tal-awtur jew id-dritt sui generis f’databases mingħajr, b’danakollu, ma jostakolaw l-operat normali ta’ tagħmir elettroniku u l-iżvilupp teknoloġiku tiegħu. Din il-protezzjoni legali għandha tosserva l-proporzjonalità u ma għandhiex tipprojbixxi tagħmir jew attivitajiet li għandhom skop jew użu kummerċjali sinjifikattiv għajr dak li jevitaw il-protezzjoni teknika ( 5 ). Barra minn hekk, il-protezzjoni legali pprovduta fid-Direttiva 2001/29 ma għandhiex tidħol fil-parametri tal-protezzjoni mogħtija lil miżuri teknoloġiċi użati fir-rigward ta’ programmi tal-kompjuters skont id-Direttiva 2009/24 ( 6 ).

8.

L-Artikolu 1(2)(a) tad-Direttiva 2001/29 għalhekk jispeċifika li d-Direttiva hija bla ħsara u ma għandha bl-ebda mod taffettwa d-dispożizzjonijiet eżistenti tal-UE dwar il-protezzjoni legali ta’ programmi tal-kompjuters.

9.

L-Artikolu 6 tal-istess direttiva huwa intitolat “Obbligi rigward miżuri teknoloġiċi”.

10.

L-Artikolu 6(1) jobbliga lill-Istati Membri sabiex jipprovdu protezzjoni legali adegwata kontra l-evitazzjoni ta’ kull miżura teknoloġika effettiva, li persuna kkonċernata twettaq fl-għarfien, jew bil-probabbiltà kollha li hija taf, li hija qiegħda tilħaq dak il-għan.

11.

L-Artikolu 6(2) jobbliga lill-Istati Membri sabiex jipprovdu protezzjoni legali adegwata kontra l-manifattura, l-importazzjoni, id-distribuzzjoni, il-bejgħ, il-kiri, ir-reklamar għall-bejgħ jew kiri, jew il-pussess għal skopijiet kummerċjali ta’ tagħmir, prodotti jew komponenti jew il-provvista ta’ servizzi li (a) ikunu ppubbliċizzati, irreklamati jew ikkummerċjalizzati għall-iskop ta’ evitazzjoni ta’ kull miżura teknoloġika effettiva jew (b) għandhom biss skop jew użu kummerċjali sinjifikattiv limitat b’żieda ma’ dak li jevitaw miżuri bħal dawn, jew (ċ) ikunu mfassla, immanifatturati, adattati jew attwati primarjament għall-iskop li jippermettu jew li jiffaċilitaw l-evitazzjoni.

12.

L-Artikolu 6(3) jiddefinixxi “miżuri teknoloġiċi” bħala “kull teknoloġija, tagħmir jew komponent li, matul il-kors normali tat-tħaddim tiegħu, ikun iddisinjat li jipprevjeni jew jirrestrinġi atti, rigward xogħlijiet jew suġġett ieħor, li mhumiex awtorizzati mid-detentur [proprjetarju] tad-drittijiet […]”. Dawn huma kkunsidrati “effettivi” fejn l-użu ta’ xogħol protett huwa kkontrollat mill-proprjetarju tad-drittijiet permezz ta’ applikazzjoni ta’ kontroll għal aċċess jew proċess ta’ protezzjoni, bħal kodifikazzjoni, taqlib jew trasformazzjoni oħra tax-xogħol protett jew mekkaniżmu ta’ kontroll ta’ kkopjar li jilħaq l-għan ta’ protezzjoni.

Direttiva 2009/24

13.

Il-preambolu tad-Direttiva 2009/24 jidher li jiddefinixxi t-terminu “programm tal-kompjuter” bħala li jinkludi programmi li jkunu mdaħħla fil-hardware ( 7 ) u jagħmilha ċara li l-“espressjoni biss ta’ programm tal-kompjuter” hija protetta mhux l-ideat u l-prinċipji sottostanti nnifishom ( 8 ). Hija tispeċifika li “r-riproduzzjoni, traduzzjoni, adattament jew trasformazzjoni mhix awtorizzata tal-forma taċ-ċifrarju [kodiċi] li fih kopja ta’ programm tal-kompjuter tkun saret disponibbli” tikser id-drittijiet esklużivi tal-awtur, iżda tirrikonoxxi li riproduzzjoni u traduzzjoni bħal din tista’ tkun neċessarja, pereżempju, sabiex tikseb l-interoperabbiltà ma’ programmi oħra jew sabiex tippermetti lill-komponenti kollha ta’ sistema tal-kompjuter, inkluż dawk ta’ manifatturi differenti, jaħdmu flimkien. Għal dan l-għan speċifiku, “persuna li għandha d-dritt li tuża’ kopja tal-programm” ma għandhiex ikollha għalfejn tikseb l-awtorizzazzjoni tal-proprjetarju tad-dritt ( 9 ). Protezzjoni bid-drittijiet tal-awtur ta’ programmi tal-kompjuters għandha tkun bla ħsara għall-forom l-oħra ta’ protezzjoni, fejn xieraq. Mandankollu, termini kuntrattwali li jmorru kontra d‑dispożizzjonijiet tad-Direttiva fir-rigward ta’, inter alia, dekumpilazzjoni għandhom ikunu nulli u mingħajr effett ( 10 ).

14.

Għaldaqstant, l-Artikolu 1(1) u (2) jobbliga lill-Istati Membri sabiex jipprovdu protezzjoni bid-drittijiet tal-awtur lill-programmi tal-kompjuters (inkluż l-espressjoni tagħhom f’kull forma iżda mhux l-ideat u l-prinċipji sottostanti tagħhom) bħala xogħlijiet letterarji skont it-tifsira tal-Konvenzjoni ta’ Berne ( 11 ).

15.

Skont l-Artikolu 4(1)(a) u (c), id-drittijiet esklużivi tal-proprjetarju għandhom jinkludu, inter alia, “id-dritt li jagħmlu jew li jawtorizzaw” (a) “ir-riproduzzjoni permanenti jew temporanja ta’ programm tal-kompjuter b’kull mezz u f’kull forma, f’parti jew kollha” u (c) “kull forma ta’ distribuzzjoni lill-pubbliku, inkluż il-kiri, tal-programm oriġinali tal-kompjuter jew kopji tiegħu.”

16.

Madankollu, l-Artikolu 5 jipprovdi għal numru ta’ eċċezzjonijiet għal dawk id-drittijiet esklużivi. B’mod partikolari, kull persuna li għandha legalment fil-pussess tagħha programm tal-kompjuter u li għandha d-dritt li tużah, ma għandhiex bżonn ta’ awtorizzazzjoni għal: riproduzzjoni, fejn meħtieġa għall-użu tal-programm skont il-fini maħsub tagħha, inkluż għall-korrezzjoni ta’ żball; twettiq ta’ kopja ta’ rinforz, sa fejn din tkun meħtieġa għall-użu tal-programm; jew osservazzjoni, studju jew ittestjar tal-funzjonament tal-programm għad-determinazzjoni tal-ideat u l-prinċipji li huma l-bażi ta’ kull element tiegħu, jekk dawn isiru waqt it-twettiq ta’ kull att li l-persuna tkun intitolata li tagħmel.

17.

L-Artikolu 6 tad-Direttiva 2009/24 huwa intitolat “Dekumpilazzjoni”, terminu li ma jingħatax definizzjoni iktar dettaljata. Skont l-Artikolu 6(1), l-awtorizzazzjoni tal-proprjetarju ma għandhiex tkun meħtieġa fejn ir-riproduzzjoni tal-kodiċi u t-traduzzjoni tal-forma tiegħu huma indispensabbli biex tinkiseb l-interoperabbiltà bejn il-programmi tal-kompjuters, kemm-il darba (a) dawn l-atti jitwettqu mill-persuna jew f’isem il-persuna li għandha d-dritt li tuża l-programm (b) li ma kellhiex minn qabel disponibbli l-informazzjoni meħtieġa biex tikseb l-interoperabbiltà u (ċ) dawn l-atti jkunu limitati għall-partijiet tal-programm oriġinali li huma meħtieġa biex jintlaħaq dan il-għan. L-Artikolu 6(2) iżid li informazzjoni miksuba permezz tal-ewwel paragrafu għandha tintuża biss għal dawn l-għanijiet u l-Artikolu 6(3) jistipula li l-interessi leġittimi tal-proprjetarju ma għandhomx jiġu ppreġudikati b’mod irraġonevoli.

18.

L-Artikolu 7 tad-Direttiva 2009/24 jirrigwarda miżuri speċjali ta’ protezzjoni. Huwa jobbliga lill-Istati Membri sabiex jipprovdu rimedji xierqa kontra, essenzjalment, persuni li xjentement iqiegħdu fiċ-ċirkulazzjoni jew għandhom fil-pussess tagħhom għall-finijiet kummerċjali kopja illegali ta’ programm tal-kompjuter jew kull mezz li l-uniku għan intiż tiegħu huwa li jiffaċilita’ t-tneħħija jew l-evitazzjoni mhux awtorizzata ta’ tagħmir tekniku applikat biex jipproteġi programm tal-kompjuter.

Fatti, proċedura u domandi preliminari

19.

Il-proċeduri nazzjonali nbdew minn tliet kumpanniji fil-grupp Nintendo (iktar ’il quddiem “Nintendo”), li jipproduċu logħob elettroniku u consoles, kontra PC Box Srl (iktar ’il quddiem “PC Box”), kumpannija li tikkumerċjalizza chips b’sistema multipla (“mod chips”) u kkopjar ta’ logħob (“game copiers”) (iktar ’il quddiem “tagħmir ta’ PC Box”) permezz tal-websajt tagħha. Iż-żewġ tipi ta’ tagħmir jippermettu li l-logħob elettroniku minbarra dawk immanifatturati minn Nintendo jew minn produtturi indipendenti awtorizzati minn Nintendo (iktar ’il quddiem “logħob ta’ Nintendo u logħob awtorizzat minn Nintendo”) jintlagħab fuq il-consoles ta’ Nintendo. Il-fornitur tal-internet li jospita l-websajt ta’ PC Box huwa wkoll konvenut ( 12 ). Nintendo tixtieq twaqqaf il-bejgħ tat-tagħmir ta’ PC Box.

20.

Il-qorti tar-rinviju tidħol f’ċertu dettall tekniku (u Nintendo pprovdiet anki iktar) rigward kif it-tagħmir ta’ PC Box jippermetti li logħob, minbarra dawk ta’ Nintendo u logħob li huwa awtorizzat minn Nintendo, jintlagħab fuq consoles ta’ Nintendo. Il-parti l-kbira ta’ dan id-dettall ma jidhirlix li huwa rilevanti għall-kwistjonijiet legali mqajma. Huwa biżżejjed li jiġi nnotat dan li ġej.

21.

Il-proċeduri prinċipali jirrigwardaw żewġ tipi ta’ consoles immanifatturati minn Nintendo (“DS” consoles u “Wii” consoles), u l-logħob ta’ Nintendo u logħob li huwa awtorizzat minn Nintendo li huma maħsuba għalihom. Nintendo tiddikjara li hija tipprovdi għajnuna b’xejn lill-produtturi tal-logħob li hija tkun awtorizzat u li tbigħ il-logħob tagħha f’kompetizzjoni ma’ dan il-logħob, mingħajr ma titlob għall-ħlas ta’ drittijiet iżda titlob għall-ħlas tal-cartridges jew DVDs li fihom jiġi rrekordjat il-logħob u li jinkludu diġà l-informazzjoni rilevanti kkodifikata. Il-logħob għad-“DS” consoles jiġi rrekordjat fuq cartridges li jiġu inseriti fil-consoles; logħob għall-“Wii” consoles jiġi rrekordjat fuq DVDs, li jiġu inseriti fil-console. Il-cartridges u d-DVDs jinkludu informazzjoni kkodifikata li trid tiġi skambjata ma’ informazzjoni kkodifikata oħra li tinsab fil-consoles sabiex il-logħob ikun jista’ jintlagħab fuq dawk il-consoles.

22.

Ma huwiex ikkontestat li t-tagħmir ta’ PC Box jista’ jiġi użat sabiex jevita l-effett ta’ bblokkar tal-iskambju meħtieġ ta’ informazzjoni kkodifikata bejn, minn naħa, il-logħob ta’ Nintendo u logħob awtorizzat minn Nintendo u, min-naħa l-oħra, il-consoles ta’ Nintendo. Lanqas ma huwa kkontestat il-fatt li l-effett ta’ bblokkar tal-miżuri ta’ Nintendo jipprekludi logħob, minbarra logħob ta’ Nintendo u logħob awtorizzat minn Nintendo, milli jintlagħab fuq il-consoles ta’ Nintendo u li t-tagħmir ta’ PC Box ser jevita dan l-effett ukoll.

23.

Skont il-qorti tar-rinviju, Nintendo ssostni li hija inkludiet fil-consoles u fil-logħob tagħha miżuri teknoloġiċi legali sabiex tiżgura li kopji li ma humiex awtorizzati tal-logħob ta’ Nintendo u logħob awtorizzat minn Nintendo, ma jkunux jistgħu jiġu użati bil-consoles tagħha. Hija tiddikjara wkoll li l-għan jew l-użu prinċipali tat-tagħmir tal-PC Box huwa li jevita dawn il-miżuri.

24.

PC Box tistaqsi jekk logħob elettroniku għandux jiġi meqjus bħala programmi tal-kompjuters jew xogħol intellettwali. Fi kwalunkwe każ, hija tissottometti li hija tikkummerċjalizza consoles ta’ Nintendo oriġinali permezz ta’ pakkett tas-“software” li jinkludi applikazzjonijiet li huma maħluqa speċifikament minn produtturi indipendenti għall-użu fuq consoles bħal dawn ( 13 ) flimkien ma’ “mod chips” jew “game copiers” intiżi sabiex iħassru l-mekkaniżmu ta’ bblokkar mibni fil-console. PC Box tqis ukoll li l-għan veru ta’ Nintendo huwa (i) li tipprekludi l-użu ta’ “software” indipendenti li ma huwiex marbut mas-settur tal-kopji illegali tal-logħob elettroniku u (ii) li tikkompartamentalizza s-swieq billi tagħmel inkompatibbli logħob mixtri f’żona ġeografika partikolari ma’ consoles mixtrija f’żona oħra. Hija għaldaqstant tikkontesta l-applikazzjoni minn Nintendo ta’ miżuri teknoloġiċi mhux biss fir-rigward tal-logħob elettroniku iżda wkoll fir-rigward tal-“hardware”, li hija tqis li tmur kontra l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2001/29.

25.

Il-qorti tar-rinviju tqis li, skont il-ġurisprudenza tal-qrati Taljani, logħob elettroniku bħal dak ineżami ma jistax sempliċement jitqies bħala programmi tal-kompjuter iżda huwa xogħol kumpless tal-multimedia li jesprimi kreazzjonijiet narrattivi u grafiċi li huma kunċettwalment awtonomi. Logħob bħal dan għandu għalhekk jitqies bħala xogħol intellettwali li huwa protett bid-drittijiet tal-awtur. Hija tinnota wkoll li l-miżuri teknoloġiċi li installat Nintendo fil-consoles tagħha jikkontribwixxu biss indirettament għall-prevenzjoni ta’ kkopjar mhux awtorizzat tal-logħob, u li l-bżonn li jsir skambju ta’ informazzjoni bejn il-logħba u l-console għandu bħala effett mhux biss li jippermetti li jkun biss il-logħob ta’ Nintendo u logħob awtorizzat minn Nintendo li jintlagħab fuq consoles ta’ Nintendo iżda wkoll li jipprekludi logħob bħal dan milli jintlagħab fuq kwalunkwe console oħra, b’mod li jiġu llimitati l-interoperabbiltà u l-għażla tal-konsumatur.

26.

Għalhekk, it-Tribunale di Milano qed jitlob li tingħata deċiżjoni preliminari dwar id-domandi li ġejjin:

“1)

L-Artikolu 6 tad-Direttiva 2001/29/KE, eżaminat b’mod partikolari fid-dawl tal-premessa 48 tal-preambolu tagħha, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-protezzjoni tal-miżuri teknoloġiċi ta’ protezzjoni għal xogħlijiet jew oġġetti protetti bid-drittijiet tal-awtur tista’ tiġi estiża għal sistema mmanifatturata u kkumerċjalizzata mill-istess impriża, f’liema sistema l-hardware għandu strument li kapaċi jirrikonoxxi, fuq l-apparat separat li fih jinsab ix-xogħol protett (logħba elettronika mmanifatturata mill-istess impriża kif ukoll minn terzi, li huma proprjetarji tax-xogħol protett), kodiċi ta’ rikonoxximent li mingħajru dan ix-xogħol ma jistax jiġi vviżwalizzat u użat fil-kuntest ta’ din is-sistema, li għaldaqstant teskludi, flimkien mal-apparat li jagħmel parti minnha, kull interoperabbiltà ma’ apparati u prodotti kumplementari li ma humiex ġejjin mill-impriża li timmanifattura s-sistema stess?

2)

Meta niġu għall-evalwazzjoni ta’ jekk l-użu ta’ prodott jew ta’ komponent li l-għan tiegħu huwa li jevita l-miżura teknoloġika ta’ protezzjoni għandux ikollu prevalenza jew le fuq għanijiet jew użi kummerċjalment rilevanti oħra, l-Artikolu 6 tad-Direttiva 2001/29/KE, eżaminat b’mod partikolari fid-dawl tal-premessa 48 tal-preambolu tagħha, jista’ jiġi interpretat fis-sens li l-qorti nazzjonali għandha tirrikorri għal kriterji ta’ evalwazzjoni li jagħtu prominenza lill-użu partikolari assenjat mill-proprjetarji tad-drittijiet lill-prodott li fih jinsab il-kontenut protett jew, b’mod alternattiv jew b’mod addizzjonali, tirrikorri għal kriterji kwantitattivi bbażati fuq l-importanza tal-użi pparagunati jew għal kriterji kwalitattivi bbażati fuq in-natura u l-importanza tal-użi stess? ( 14 )”

27.

Nintendo, PC Box, il-Gvern Pollakk u l-Kummissjoni Ewropea ppreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub. Matul is-seduta tat-30 ta’ Mejju 2013, Nintendo, PC Box u l-Kummissjoni ppreżentaw osservazzjonijiet orali.

Analiżi

Rimarki preliminari

28.

L-ewwel nett, ġie ċċarat li t-tilwima bejn il-partijiet fil-proċeduri prinċipali tirrigwarda mhux biss il-liġi dwar id-drittijiet tal-awtur iżda wkoll il-kwistjoni dwar jekk il-miżuri ta’ Nintendo humiex legali fid-dawl tad-dispożizzjoniet tad-dritt tal-kompetizzjoni. Peress li d-domandi tal-qorti nazzjonali huma limitati għall-kwistjonijiet tal-liġi dwar id-drittijiet tal-awtur, ma jidhirlix li huwa opportun li nagħti l-opinjoni tiegħi dwar dan l-aħħar aspett fil-kuntest ta’ din id-domanda preliminari.

29.

It-tieni nett, jidher li l-miżuri teknoloġiċi ta’ Nintendo huma intiżi sabiex jipprekludu jew jirrestrinġu atti li ma humiex awtorizzati fir-rigward mhux biss tal-materjal stess tad-drittijiet tal-awtur ta’ Nintendo (il-logħob tagħha stess) iżda wkoll ta’ materjal tad-drittijiet tal-awtur li huwa proprjetà ta’ produtturi indipendenti awtorizzati ( 15 ). Hemm riferiment mill-qorti tar-rinviju fl-ewwel domanda għall-kwistjoni ta’ jekk, sabiex jibbenefikaw mill-protezzjoni skont l-Artikolu 6 tad-Direttiva 2001/29, miżuri teknoloġiċi għandhomx isiru mill-proprjetarju tad-drittijiet stess, iżda din la tissemma fir-raġunament tagħha u lanqas ma hija indirizzata fis-sottomissjonijiet lil din il-Qorti. Jien mhux ser nagħmel referiment għaliha lanqas.

30.

It-tielet nett, ir-riżultat tal-proċeduri prinċipali jiddependi fuq konstatazzjonijiet fattwali li tista’ tagħmel biss il-qorti nazzjonali (u hawnhekk jien naqbel mal-Kummissjoni li tali konstatazzjonijiet għandhom isiru separatament għal kull tagħmir ta’ PC Box u għal kull tip ta’ console ta’ Nintendo). Din il-qorti, pereżempju, ma tistax tilħaq l-ebda konklużjoni jew tesprimi l-ebda opinjoni dwar kemm huwa minnu li l-għan jew l-intenzjoni ta’ Nintendo hija fil-fatt li tipprekludi kkopjar mhux awtorizzat tal-logħob tagħha u/jew li tikseb vantaġġ kummerċjali billi teskludi l-interoperabbiltà ma’ prodotti oħra. Lanqas ma tista’ tiddeċiedi jekk it-tagħmir ta’ PC Box jissodisfax fil-fatt wieħed jew iktar kriterji msemmija fl-Artikolu 6(2) tad-Direttiva 2001/29. Hija tista’ biss tipprovdi għajnuna rigward liema huma l-fatti li jistgħu jkunu rilevanti meta tiġi applikata l-leġiżlazzjoni nazzjonali li timplementa dan l-artikolu.

Rilevanza tad-Direttiva 2009/24

31.

Huwa ċar mit-talba għal deċiżjoni preliminari li l-qorti nazzjonali kkonstatat ċerti fatti rigward in-natura tal-logħob ta’ Nintendo u logħob awtorizzat minn Nintendo u waslet għal konklużjoni li, kuntrarjament għal argument imressaq minn PC Box, dan il-logħob ma għandux jitqies bħala programmi tal-kompjuter skont id-Direttiva 2009/24 iżda bħala xogħol kumpless tal-multimedia li jaqa’ fl-ambitu tad-Direttiva 2001/29.

32.

Fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, il-Polonja ssuġġerixxiet li dawk il-konstatazzjonijiet jistgħu jiġu kkontestati, għalkemm l-analiżi tagħha stess, li ma hijiex kompletament konklużiva, kienet tidher li timmira fl-istess direzzjoni. Il-Qorti tal-Ġustizzja għaldaqstant staqsiet lill-partijiet preżenti fis-seduta (Nintendo, PC Box u l-Kummissjoni) sabiex jindirizzaw il-kwistjoni rigward l-applikabbiltà tad-Direttiva 2001/29 f’ċirkustanzi bħal dawk tal-kawża prinċipali. Nintendo u l-Kummissjoni qablu mal-approċċ tal-qorti nazzjonali. P.C. Box, minn naħa l-oħra, sostniet li d-Direttiva 2009/24, u mhux id-Direttiva 2001/29, kienet rilevanti għaċ-ċirkustanzi inkwistjoni; hija ddikjarat li d-dekumpilazzjoni li għamlet PC Box kienet limitata għall-partijiet tal-programm li kienu strettament neċessarji sabiex tiżgura l-interoperabbiltà bejn il-consoles ta’ Nintendo u logħob li huwa “homebrew” li ma jiksirx id-drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati.

33.

Fl-opinjoni tiegħi din il-qorti la għandha raġuni u lanqas ġurisdizzjoni sabiex teżamina mill-ġdid il-fatti misjuba mill-qorti tar-rinviju u l-konklużjoni li din l-aħħar qorti tiddeduċi mill-konstatazzjonijiet tagħha f’dan ir-rigward diffiċilment tista’ tiġi kkunsidrata bħala kwistjoni tad-dritt tal-UE.

34.

Id-Direttiva 2009/24 tirrigwarda biss il-programmi tal-kompjuters, filwaqt li d-Direttiva 2001/29 tirrigwarda d-drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati ta’ xogħlijiet intellettwali inġenerali. Din tal-aħħar ma tmissx u bl-ebda mod ma taffettwa dispożizzjonijiet eżistenti tal-UE rigward, inter alia, il-protezzjoni legali tal-programmi tal-kompjuters. Il-Qorti tal-Ġustizzja għaldaqstant iddikjarat li d-Direttiva 2009/24 tikkostitwixxi lex specialis fir-rigward tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2001/29 ( 16 ). Fl-opinjoni tiegħi, din id-dikjarazzjoni għandha tinftiehem fis-sens li d-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2009/24 jieħdu preċedenza fuq dawk tad-Direttiva 2001/29, iżda biss fejn ix-xogħol protett jaqa’ kompletament fi ħdan l-ambitu tal-ewwel Direttiva. Jekk Nintendo u logħob awtorizzat minn Nintendo kienu biss programmi tal-kompjuter u xejn iktar, id-Direttiva 2009/24 kienet għalhekk tapplika, minflok id-Direttiva 2001/29. Fil-fatt, jekk Nintendo applikat miżuri teknoloġiċi separati sabiex tipproteġi l-programmi tal-kompjuters u l-materjal ieħor, id-Direttiva 2009/24 tista’ tapplika għal tal-ewwel u d-Direttiva 2001/29 għal tat-tieni.

35.

Madankollu, il-qorti nazzjonali sabet li Nintendo u logħob awtorizzat minn Nintendo ma jistgħux jiġu ridotti għall-istatus ta’ programmi tal-kompjuters biss. Huma jinkludu wkoll xogħol intellettwali fil-forma narrattiva u grafika, li jidhru li huma inseparabbli mill-programmi nfushom. Il-miżuri ta’ Nintendo jaffettwaw l-aċċess għal-logħob u l-użu inġenerali tiegħu, mhux biss il-komponent tal-programm tal-kompjuter tiegħu. Il-protezzjoni li tipprovdi d-Direttiva 2009/24 kontra atti li ma humiex awtorizzati fir-rigward tal-programmi tal-kompjuters hija ħarira inqas ġeneruża (minħabba fl-eċċezzjonijiet li jissemmew fl-Artikolu 5 u fl-Artikolu 6 ( 17 )) mill-protezzjoni li tipprovdi d-Direttiva 2001/29 kontra l-evitazzjoni tal-miżuri teknoloġiċi li huma intiżi sabiex jipprekludu jew jirrestrinġu atti li ma humiex awtorizzati fir-rigward ta’ xogħlijiet intellettwali inġenerali. Għal dak li jirrigwarda xogħlijiet intellettwali kumplessi li jinkludu kemm programmi tal-kompjuters kif ukoll xogħlijiet oħra – u fejn dawn it-tnejn ma jistgħux jiġu sseparati – fl-opinjoni tiegħi għandha tingħata l-ikbar protezzjoni mhux l-inqas. Li kieku dan ma jkunx il-każ, il-proprjetarji tad-drittijiet ma jirċevux fir-rigward tax-xogħol l-ieħor il-livell ta’ protezzjoni li huma intitolati għalih skont id-Direttiva 2001/29.

36.

Fi kwalunkwe każ, ma jidhirx li l-atti li kienu possibbli permezz tal-użu tat-tagħmir tal-PC Box, u li huma s-suġġett tal-proċedimenti prinċipali, jaqgħu fi ħdan xi eċċezzjoni msemmija fl-Artikolu 5 u fl-Artikolu 6 tad-Direttiva 2009/24, għalkemm hawnhekk ukoll din il-kwistjoni tirrigwarda l-evalwazzjoni tal-fatti tal-qorti nazzjonali.

37.

Fl-aħħar nett, naf li l-Bundesgerichtshof Ġermaniża (il-Qorti tal-Ġustizzja Federali) irreferiet domanda partikolari lil din il-Qorti rigward l-applikabbiltà tad-Direttiva 2009/24 għal logħob elettroniku tat-tip inkwistjoni ( 18 ). Naħseb li l-aħjar huwa li l-Qorti Ġenerali tiddeċiedi din id-domanda fid-dawl tas-sottomissjonijiet iktar kompleti li ser jiġu ppreżentati lilha f’dak il-każ u li tillimita l-evalwazzjoni tagħha f’dan il-każ għall-kwistjonijiet speċifiċi ta’ interpretazzjoni mqajma mill-qorti nazzjonali.

38.

Għalhekk ser nindirizza biss d-domandi preliminari relatati mad-Direttiva 2001/29.

Id-domandi preliminari

39.

It-Tribunale di Milano jagħmel żewġ domandi li, madankollu, ma humiex daqstant ċari daqs kemm mixtieq ( 19 ).

40.

L-ewwel domanda, fl-opinjoni tiegħi, tinkludi żewġ partijiet. L-ewwel parti, il-“miżuri teknoloġiċi” fi ħdan it-tifsira tal-Artikolu 6 tad-Direttiva 2001/29 jinkludu mhux biss dawk li huma fiżikament marbuta max-xogħol protett bid-drittijiet tal-awtur innifsu (hawnhekk, miżuri teknoloġiċi li jagħmlu parti mill-cartridges jew DVDs li fuqhom hemm irreġistrat il-logħob) iżda wkoll dawk li huma marbuta fiżikament mat-tagħmir meħtieġ sabiex jintuża jew jitgawda dak ix-xogħol (hawnhekk, miżuri teknoloġiċi li jinsabu fil-consoles li fuqhom jintlagħab il-logħob)? It-tieni, miżuri bħal dawn jikkwalifikaw għall-protezzjoni li tiġi fornita skont dik id-dispożizzjoni fejn (jew anki jekk) l-effett tagħhom ma huwiex biss li jirrestrinġu r-riproduzzjoni mhux awtorizzata tax-xogħol protett bid-drittijiet tal-awtur iżda wkoll li jipprekludi kwalunkwe użu ta’ dak ix-xogħol b’tagħmir ieħor jew kull użu ta’ kwalunkwe xogħol ieħor b’dak it-tagħmir?

41.

It-tieni domanda tidher li tirrigwarda essenzjalment il-kriterji li għandhom jiġu applikati meta tiġi evalwata, fil-kuntest tal-Artikolu 6(2) tad-Direttiva 2001/29, ir-raġuni jew l-użu tat-tagħmir bħal dak tal-PC Box li jevita jew jista’ fil-fatt jevita miżuri teknoloġiċi li jikkwalifikaw għall-protezzjoni. Il-qorti nazzjonali tirreferi f’dan ir-rigward, minn naħa waħda, għall-“użu partikolari assenjat mill-proprjetarju tad-drittijiet lill-prodott li fih jinsab il-kontenut protett” (hawnhekk, il-consoles ta’ Nintendo) u, min-naħa l-oħra, għall-estent, in-natura u l-importanza tal-użi tat-tagħmir, il-prodott jew il-komponent innifsu (hawnhekk, it-tagħmir tal-PC Box).

42.

Niddeduċi li l-qorti nazzjonali tixtieq tistabbilixxi, fl-ewwel lok, jekk il-miżuri teknoloġiċi ta’ Nintendo jikkwalifikawx għall-protezzjoni peress li huma intiżi sabiex jipprekludu jew jirrestrinġu atti li ma humiex awtorizzati mill-proprejtarju tad-drittijiet, anki jekk dawn jirrestrinġu wkoll l-interoperabbiltà; imbagħad, jekk ir-risposta hija pożittiva, fit-tieni lok u separatament, jekk dik il-protezzjoni għandhiex tkun ipprovduta kontra l-provvista tat-tagħmir tal-PC Box peress li dan jippermetti jew jiffaċilita t-twettiq ta’ atti mhux awtorizzati bħal dawn. Jien inqis, madankollu, li ż-żewġ kwistjonijiet ma jistgħux jiġu sseparati kompletament u li l-elementi msemmija fir-rigward ta’ waħda minnhom jistgħu jkunu rilevanti għas-soluzzjoni tal-oħra.

L-ewwel domanda

43.

L-ewwel parti tad-domanda tista’, fl-opinjoni tiegħi, tiġi ttrattata waħidha u tidher li ma hijiex ser taqla’ diffikultajiet kbar. Ma hemm xejn fil-formulazzjoni tal-Artikolu 6 tad-Direttiva 2001/29 li jeskludi miżuri bħal dawk inkwistjoni, li huma inklużi parzjalment fil-logħob tal-midja u parzjalment fil-consoles, u li jinvolvu interazzjoni bejniethom it-tnejn. Id-definizzjoni fl-Artikolu 6(3) – “kull teknoloġija, tagħmir jew komponent li, matul il-kors normali tat-tħaddim tiegħu, ikun iddisinjat li jipprevjeni jew jirrestrinġi atti, rigward xogħolijiet jew suġġett ieħor, li mhumiex awtorizzati mid-detentur tad-drittijiet” - hija wiesgħa, u tinkludi “applikazzjoni ta’ kontroll għal aċċess jew proċess ta’ protezzjoni, bħal qlib f’ċifrarju [kodifikazzjoni], taqlib jew trasformazzjoni oħra tax-xogħol jew materjal ta’ xogħħol ieħor jew mekkaniżmu ta’ kontroll ta’ ikkupjar”. L-esklużjoni ta’ miżuri li huma, parzjalment, inklużi fit-tagħmir differenti minn dak li jinsab fix-xogħol tad-drittijiet tal-awtur innifsu twassal, probabbilment, għaċ-ċaħda, fil-konfront ta’ firxa wiesgħa ta’ miżuri teknoloġiċi, tal-protezzjoni li d-Direttiva tfittex li tiżgura.

44.

It-tieni parti tad-domanda hija inqas ċara.

45.

Kemm Nintendo kif ukoll il-Kummissjoni ġustament irrimarkaw li, miżura teknoloġika trid tkun effettiva sabiex tibbenefika minn protezzjoni legali skont l-Artikolu 6 tad-Direttiva 2001/29. Għalhekk, skont l-Artikolu 6(3), mhux biss għandha tkun intiża, fil-kors normali tat-tħaddim tagħha, sabiex tipprekludi jew tirrestrinġi atti mhux awtorizzati iżda trid ukoll tippermetti l-użu ta’ xogħol li huwa kkontrollat mill-proprjetarju tad-drittijiet. Barra minn hekk, kif ġustament tissottometti l-Kummissjoni l-atti li hija intiża li tipprekludi jew tirrestrinġi huma dawk li jirrikjedu skont id-Direttiva l-awtorizzazzjoni tal-proprjetarju tad-drittijiet – jiġifieri, ir-riproduzzjoni (Artikolu 2), il-komunikazzjoni lill-pubbliku jew d‑disponibbiltà għall-pubbliku (Artikolu 3) jew id-distribuzzjoni (Artikolu 4) tax-xogħol tal-proprejtarju tad-drittijiet.

46.

Il-Kummissjoni tikkunsidra li l-atti speċifikament inkwistjoni fil-kawża prinċipali huma, fl-ewwel lok, ir-riproduzzjoni u fit-tieni lok (peress li jistgħu jiġu mqassma kopji iktar tard), id-distribuzzjoni ta’ logħob ta’ Nintendo u logħob awtorizzat minn Nintendo. Ma narax għalfejn ma għandix naqbel ma’ din il-pożizzjoni.

47.

Kif enfasizzajt, il-konstatazzjonijiet ta’ fatt huma kwistjoni għall-qorti nazzjonali, iżda l-miżuri teknoloġiċi ta’ Nintendo fl-opinjoni tiegħi jidhru effettivi sabiex, jekk mhux biex jipprekludu, minn tal-inqas jirrestrinġu riproduzzjoni li ma hijiex awtorizzata ta’ logħob ta’ Nintendo u logħob mhux awtorizzat minn Nintendo. Huwa minnu li l-qorti nazzjonali kkonstatat li l-effett tagħhom huwa fil-maġġor parti indirett f’dak ir-rigward (peress li l-effett immedjat huwa li jipprekludu l-użu ta’ kopji mhux awtorizzati tal-consoles ta’ Nintendo) iżda ma nqisx li l-Artikolu 6 tad-Direttiva 2001/29 fih xi kundizzjoni jew jagħmel xi distinzjoni fir-rigward tal-effett dirett. Jekk kopji li ma humiex awtorizzati ma jistgħux jiġu użati (minn tal-inqas consoles ta’ Nintendo), dan il-fatt probabbilment ikollu effetti restrittivi sinjifikattivi fuq il-produzzjoni tagħhom u għaldaqstant id-distribuzzjoni sussegwenti tagħhom. Huwa wkoll probabbli li l-miżuri ser ikollhom dan l-effett “matul il-kors normali tat-tħaddim tagħhom”. Għall-finijiet ta’ dak li ġej, għaldaqstant, ser nassumi li dan huwa minnu.

48.

Jekk dawn huma l-uniċi effetti tagħhom, il-miżuri teknoloġiċi inkwistjoni jaqgħu fi ħdan l-ambitu tal-Artikolu 6 tad-Direttiva 2001/29 u jkunu intitolati li jibbenefikaw mill-protezzjoni legali meħtieġa.

49.

Madankollu, hija suppożizzjoni tad-domanda tal-qorti nazzjonali li dawk il-miżuri jipprekludu jew jirrestrinġu wkoll atti li ma jirrikjedux l-awtorizzazzjoni tal-proprejtarju tad-drittijiet skont id-Direttiva 2001/29 – bħall-użu tal-consoles ta’ Nintendo biex jintlagħab logħob li ma huwiex ta’ Nintendo u logħob mhux awtorizzat minn Nintendo jew kopji tagħhom, jew sabiex jintlagħab logħob ta’ Nintendo u logħob awtorizzat minn Nintendo fuq consoles oħra li ma humiex magħmula minn Nintendo.

50.

Sa fejn jinħolqu dawn l-effetti, id-Direttiva 2001/29 ma tirrikjedix li tingħata protezzjoni legali lil dawn il-miżuri teknoloġiċi. Fil-fatt, ma jidhirx li jkun hemm ġustifikazzjoni għal protezzjoni bħal din, li kieku kellha tingħata.

51.

Id-diffikultà tinsab fil-fatt li l-istess miżuri jipprekludu jew jirrestrinġu atti li jeħtieġu awtorizzazzjoni u dawk li ma għandhomx bżonn ta’ awtorizzazzjoni.

52.

Nintendo tissottometti li l-fatt li miżura teknoloġika tipprekludi jew tirrestrinġi atti li ma jirrikjedux awtorizzazzjoni huwa immaterjali, sakemm effett bħal dan ikun biss okkażjonali jew inċidentali għall-għan prinċipali u għall-effett li tipprekludi jew tirrestrinġi atti li jirrikjedu awtorizzjoni. PC Box, min-naħa l‑oħra, tenfasizza l-prinċipji ta’ proporzjonalità u ta’ interoperabbiltà msemmija fil-premessi 48 u 54 rispettivament, fil-preambolu tad-Direttiva 2001/29: miżuri teknoloġiċi li jmorru lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jipproteġu x-xogħol innifsu protett bid-drittijiet tal-awtur jew li jeskludu l-interoperabbiltà ma għandhomx, għalhekk, jibbenefikaw mill-protezzjoni. Il-Kummissjoni tikkunsidra li, jekk miżuri bħal dawn jipprekludu wkoll atti li ma jirrikjedux awtorizzazzjoni għalhekk, jekk huma setgħu ġew intiżi sabiex jipprekludu biss atti li jirrikjedu awtorizzazzjoni, huma sproporzjonati u ma jikkwalifikawx għall-protezzjoni; mandankollu, jekk il-possibbiltà li jipprekludu wkoll atti li ma jirrikjedux awtorizzazzjoni hija inevitabbli, huma jistgħu ma jkunux sproporzjonati u għalhekk jistgħu jikkwalifikaw għall-protezzjoni; l-evalwazzjoni teħtieġ li l-istat attwali tat-teknoloġija tittieħed inkunsiderazzjoni. Kemm Nintendo kif ukoll il-Gvern Pollakk jissottomettu li l-consoles ta’ Nintendo ma humiex tagħmir ikkompjuterizzat li għandu għan ġenerali; dawn huma intiżi u kkumerċjalizzati għall-għan uniku u espliċitu li jippermettu li l-logħob ta’ Nintendo u l-logħob awtorizzat minn Nintendo jintlagħab fuqhom.

53.

Għalhekk, hemm fil-fatt qbil ġenerali bejn dawk li jissottomettu osservazzjonijiet (u jien naqbel ukoll) li t-test ta’ proporzjonalità, il-prinċipju li jsir riferiment għalih fil-premessa 48 tad-Direttiva 2001/29, għandu jiġi applikat. Nintendo u PC Box, madankollu, iħarsu lejn dan it-test minn punt tat-tluq oppost u jargumentaw riżultati opposti.

54.

Jien naqbel mal-Kummissjoni li huwa neċessarju għall-qorti nazzjonali sabiex teżamina jekk, fl-istat attwali tat-teknoloġija, l-effett mixtieq ta’ prevenzjoni jew restrizzjoni ta’ atti li jirrikjedu l-awtorizzazzjoni tal-proprejtarju tad-drittijiet jistax jintlaħaq mingħajr ma jkunu preklużi jew ristretti wkoll atti li ma jirrikjedux awtorizzazzjoni bħal din. Fi kliem ieħor, setgħet Nintendo tipproteġi l-logħob tagħha stess jew il-logħob awtorizzat mingħajr ma tipprekludi jew tirrestrinġi wkoll l-użu tal-consoles tagħha sabiex jintlagħab logħob “homebrew”?

55.

Naqbel ukoll mal-mod kawt u sottili li bih tesprimi ruħha l-Kummissjoni. It-test tal-proporzjonalità ma jistax jiġi ridott għal dikjarazzjoni biss li interferenza mal-attività leġittima ma hijiex rilevanti sakemm tkun biss inċidentali (Nintendo) jew li kwalunkwe restrizzjoni fuq l-interoperabbiltà hija neċessarjament sproporzjonata (PC Box).

56.

Fil-forma klassiku tiegħu, kif applikata mill-Qorti tal-Ġustizzja, dak it-test jinvolvi li jiġi stabbilit jekk miżura għandhiex għan leġittimu, jekk hijiex adattata sabiex tilħaq dak l-għan u jekk il-miżura tmurx lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex tilħaq l-għan.

57.

Fir-rigward tal-ewwel element tat-test, l-għan li jiġu preklużi jew ristretti atti li ma humiex awtorizzati mill-proprejtarju huwa inerenti fi kwalunkwe sistema tad-drittijiet tal-awtur u huwa speċifikament inkoraġġut mill-protezzjoni legali meħtieġa skont l-Artikolu 6 tad-Direttiva 2001/29.

58.

Sa fejn il-miżuri teknoloġiċi ta’ Nintendo għandhom biss dan l-għan leġittimu, il-kwistjoni dwar jekk humiex adattati sabiex jintlaħaq dak l-għan hija marbuta mal-effettività tagħhom, li jien indirizzajt fil-punti 45 sa 47 iktar ’il fuq. Il-qorti nazzjonali għandha tiddeċiedi, abbażi tal-provi ppreżentata lilha, liema miżuri teknoloġiċi, fost dawk disponibbli bħalissa, jistgħu joffru protezzjoni effettiva minn riproduzzjoni mhux awtorizzata tal-logħob ta’ Nintendo u tal-logħob awtorizzat minn Nintendo. Naħseb li ma hemm l-ebda miżura li tiżgura l-prevenzjoni totali ta’ tali atti. Madankollu, miżuri differenti jistgħu jwasslu għal livelli differenti ta’ restrizzjoni. Il-qorti nazzjonali trid tiddetermina jekk il-livell ta’ restrizzjoni milħuq mill-miżura teknoloġika inkwistjoni jipprovdix protezzjoni effettiva kontra atti li ma humiex awtorizzati.

59.

Jekk, min-naħa l-oħra, il-qorti nazzjonali ssib li Nintendo kienet qed tipprova tilħaq ukoll kwalunkwe għan ieħor li ma huwiex iġġustifikat fil-kuntest ta’ dik id-direttiva, l-estent ta’ kemm in-natura tal-miżuri teknoloġiċi kienet stabbilita minn dan l-aħħar għan irid ikollu jittieħed inkunsiderazzjoni meta jiġi eżaminat jekk dawk il-miżuri kinux adattati sabiex jiksbu l-għan leġittimu ta’ prevenzjoni jew restrizzjoni ta’ atti li ma humiex awtorizzati.

60.

Id-domanda finali hija jekk il-miżuri jmorrux lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħaq l-għan ta’ prevenzjoni jew restrizzjoni ta’ riproduzzjoni mhux awtorizzata ta’ logħob ta’ Nintendo u logħob awtorizzat minn Nintendo.

61.

F’dan ir-rigward, il-qorti nazzjonali għandha tħares lejn il-livell tar-restrizzjoni tal-atti li ma jirrikjedux l-awtorizzazzjoni tal-proprejtarju tad-drittijiet. Liema huma l-kategoriji ta’ atti fil-fatt preklużi jew ristretti fejn il-miżuri teknoloġiċi inkwistjoni huma applikati u ma humiex evitati? Kemm huwa importanti li ma jkunx hemm prevenzjoni jew restrizzjoni ta’ tali atti?

62.

Tkun xi tkun l-evalwazzjoni tal-livell tal-interferenza kkawżata mill-miżuri teknoloġiċi inkwistjoni, ikun neċessarju li jiġi deċiż jekk miżuri oħra kinux jistgħu jikkawżaw inqas interferenza waqt li xorta waħda jipprovdu protezzjoni ekwivalenti tad-drittijiet tal-proprjetarju tad-drittijiet. F’dan ir-rigward, jista’ jkun rilevanti li jittieħdu inkunsiderazzjoni l-ispejjeż relattivi tat-tipi differenti ta’ miżuri teknoloġiċi, flimkien ma’ fatturi oħra li jistgħu jinfluwenzaw jew jistabbilixxu l-għażla bejniethom.

63.

Huwa fuq il-bażi ta’ kunsiderazzjonijiet bħal dawk li jien (mingħajr ma nkun eżawrjenti) spjegajt iktar ’il fuq li l-qorti nazzjonali għandha tiddeċiedi jekk il-miżuri teknoloġiċi inkwistjoni fil-proċedimenti prinċipali humiex proporzjonati sabiex jiksbu l-għan ta’ protezzjoni minn atti li ma humiex awtorizzati, kif imsemmi fl-Artikolu 6 tad-Direttiva 2001/29, u għalhekk jikkwalifikaw għall‑protezzjoni legali meħtieġa minn dik id-dispożizzjoni, jew jekk dawn imorrux lil hinn minn dak li huwa neċessarju għal dak l-għan u għalhekk ma jikkwalifikawx għal protezzjoni bħal din.

64.

Madankollu, l-analiżi ma tistax tkun kompluta mingħajr ma tiġi kkunsidrata l-protezzjoni wkoll fid-dawl tat-tagħmir, prodotti, komponenti jew servizzi li għalihom qiegħda tintalab tali protezzjoni, li hija s-suġġett tat-tieni domanda.

It-tieni domanda

65.

Il-qorti nazzjonali tfittex għajnuna rigward ir-rilevanza tal-“użu partikolari assenjat mill-proprjetarju tad-drittijiet lill-prodott li fih jinsab il-kontenut protett” (il-consoles ta’ Nintendo) u tal-estent, in-natura u l-importanza tal-użi tat-tagħmir li kontra l-użu tiegħu qiegħda tintalab il-protezzjoni (il-“mod chips” tal-PC Box u l-“game copiers”).

66.

Fir-rigward tal-ewwel element, il-qorti nazzjonali tirriferi għal ġurisprudenza tal-qrati kriminali Taljani li jqisu li, apparentement, il-mod kif il-consoles huma ppreżentati lill-pubbliku u l-fatt li huma intiżi sabiex jintlagħab il-logħob elettroniku jistgħu jwasslu għall-konklużjoni li l-użu tal-“mod chips” għandu bħala għan prinċipali li jevita l-miżuri teknoloġiċi fis-seħħ. Il-qorti tar-rinviju, madankollu, tistaqsi jekk dak ir-raġunament huwiex adegwat, partikolarment fi proċeduri bħal dawn li hemm quddiemha. Fl-osservazzjonijiet tagħhom, Nintendo u l-Kummissjoni t-tnejn li huma jikkunsidraw li l-intenzjoni tal-manifattur fir-rigward tal-użu tal-consoles ma hijiex kriterju rilevanti meta qiegħed jiġi evalwat l-għan tal-“mod chips” jew tal-“game copiers”. Impliċitament, PC Box tidher, fl-osservazzjonijiet verament qosra tagħha rigward din id-domanda, li hija tal-istess opinjoni, filwaqt li l-Gvern Pollakk iqis li l-użu partikolari huwa element li jista’ jittieħed inkunsiderazzjoni mingħajr ma jkun deċiżiv.

67.

Jien ukoll tal-fehma li l-użu partikolari intiż minn Nintendo għall-consoles tagħha ma huwiex rilevanti għall-evalwazzjoni ta’ jekk protezzjoni għandhiex tkun ipprovduta kontra l-provvista tat-tagħmir ta’ PC Box. Dak li huwa importanti huwa jekk dan tal-aħħar jaqax fl-ambitu tal-Artikolu 6(2) tad-Direttiva 2001/29, u għalhekk huwa t-tieni element tad-domanda – l-estent, in-natura u l-importanza tal-użu tat-tagħmir ta’ PC Box – li għandu jiġi indirizzat.

68.

Kif il-Kummissjoni ddikjarat, fejn miżura teknoloġika tikkwalifika għall-protezzjoni skont l-Artikolu 6(2) tad-Direttiva 2001/29, dik il-protezzjoni għandha tiġi pprovduta kontra l-manifattura, l-importazzjoni, id-distribuzzjoni, il-bejgħ, il-kiri, ir-reklamar għall-bejgħ jew għall-kiri, jew il-pussess għal skopijiet kummerċjali ta’ tagħmir li (a) ikun ippubbliċizzat, irreklamat jew ikkummerċjalizzat għall-iskop ta’ evitazzjoni tal-miżura teknoloġika inkwistjoni, jew (b) għandu biss skop jew użu kummerċjali sinjifikattiv limitat b’żieda ma’ dak li jevita l-miżura teknoloġika, jew (ċ) ikun imfassal, immanifatturat jew adattat prinċipalment għall-iskop li jippermetti jew jiffaċilita l-evitazzjoni tal-miżura teknoloġika. Fejn l-ebda waħda minn dawn il-kriterji ma hija ssodisfatta, ma hemm l-ebda protezzjoni skont dawk id-dispożizzjonijiet; min-naħa l-oħra, huwa suffiċjenti li kriterju wieħed ikun issodisfatt sabiex tkun meħtieġa l-protezzjoni.

69.

Il-preokkupazzjoni tal-qorti nazzjonali fid-domanda tagħha hija apparentement inqas fir-rigward ta’ (a) jew (ċ), jiġifieri, għanijiet li għalihom it-tagħmir huwa kkumerċjalizzat jew intiż, milli fir-rigward ta’ (b), jiġifieri, l-użi kummerċjali sinjifikattivi tat-tagħmir inkwistjoni. X’inhuma l-kriterji, hija tixtieq tkun taf – kwantitattivi u/jew kwalitattivi – li għandhom jiġu użati sabiex jiġi evalwat jekk il-“mod chips” jew “game copiers” ta’ PC Box “għandhom[x] biss skop jew użu limitat kummerċjali sinjifikanti [minbarra dak tal-evitazzjoni]” tal-miżura teknoloġika ta’ Nintendo?

70.

Ir-riferiment għall-kriterji kwantitattivi fid-domanda jidher li jindika li l-qorti nazzjonali tixtieq teżamina provi dwar, pereżempju, kemm-il darba t-tagħmir ta’ PC Box huwa fil-fatt użat sabiex jippermetti kopji mhux awtorizzati ta’ logħob ta’ Nintendo u ta’ logħob mhux awtorizzat minn Nintendo biex jintlagħbu fuq il-consoles ta’ Nintendo u kemm-il darba dan huwa użat sabiex jippermetti li jintlagħab logħob li ma jiksirx id-drittijiet tal-awtur fil-logħob ta’ Nintendo u l-logħob awtorizzat minn Nintendo.

71.

Dan, fl-opinjoni ta’ Nintendo, huwa interpretazzjoni żbaljata: ma huwiex importanti jekk hemmx skop jew użu kummerċjali sinjifikattiv ieħor minbarra dak li jiffaċilita l-ksur tad-drittijiet esklużivi protetti mill-miżuri teknoloġiċi iżda dak li huwa importanti huwa biss jekk hemmx skopijiet jew użi kummerċjali sinjifikattivi oħra minbarra dak li jevita dawk il-miżuri, ikun xi jkun it-tip ta’ att jew attività li hija għaldaqstant iffaċilitata.

72.

Madankollu, il-Kummissjoni waqt is-seduta enfasizzat li d-Direttiva 2001/29 ma tippruvax toħloq drittijiet oħra minbarra dawk speċifikati fl-Artikoli 2, 3 u 4 (essenzjalment, li tagħti jew tirrifjuta l-awtorizzazzjoni għar-riproduzzjoni, il-komunikazzjoni jew id-distribuzzjoni ta’ xogħol protett). Protezzjoni legali skont l-Artikolu 6 hija meħtieġa biss kontra l-evitazzjoni li tikser dawk id-drittijiet speċifiċi ( 20 ). Konsegwentement, huwa rilevanti li jiġu kkunsidrati l-iskopijiet jew l-użi aħħarija tat-tagħmir ta’ PC Box u mhux biss il-kwistjoni dwar jekk hemmx skopijiet jew użi kummerċjali sinjifikattivi oħra minbarra l-evitazzjoni tal-miżuri teknoloġiċi ta’ Nintendo.

73.

Hawnhekk jien naqbel mal-Kummissjoni, u nżid li l-istess elementi huma rilevanti għall-evalwazzjoni tal-miżuri teknoloġiċi nnifishom ta’ Nintendo.

74.

Huwa fatt inkontestabbli li l-miżuri teknoloġiċi ta’ Nintendo jibblokkaw kemm atti li ma humiex awtorizzati (l-użu ta’ kopji mhux awtorizzati ta’ logħob ta’ Nintendo u ta’ logħob awtorizzat minn Nintendo) kif ukoll atti li ma jirrikjedux awtorizzazzjoni (l-użu ta’ logħob ieħor), u li t-tagħmir ta’ PC Box jevita dan l-ibblokkar fiż-żewġ każijiet. L-ibblokkar u l-evitazzjoni huma għalhekk koestensivi, huma żewġ naħat tal-istess munita.

75.

L-estent li fih it-tagħmir ta’ PC Box jista’ fil-fatt jintuża għal skopijiet oħra minbarra li jippermetti l-ksur tad-drittijiet esklużivi huwa element li għalhekk irid jittieħed inkunsiderazzjoni meta qiegħed jiġi deċiż mhux biss jekk dan it-tagħmir jaqax fi ħdan l-Artikolu 6(2) tad-Direttiva 2001/29 iżda wkoll jekk il-miżuri teknoloġiċi ta’ Nintendo jissodisfawx it-test tal-proporzjonalità. Jekk jista’ jiġi stabbilit li dan huwa użat prinċipalment għal dawn l-iskopijiet l-oħra (u jekk proposta bħal din tistax tiġi stabbilita huwa l-kompitu tal-qorti nazzjonali li tiddeċiedi), dan mhux biss ikun użat b’tali mod u manjiera li ma jikser l-ebda dritt esklużiv iggarantit mid-Direttiva 2001/29, iżda jkun hemm ukoll indikazzjoni b’saħħitha li l-miżuri teknoloġiċi huma sproporzjonati. Min-naħa l-oħra, jekk jista’ jiġi stabbilit li t-tagħmir huwa prinċipalment użat b’mod li jikser id-drittijiet esklużivi, ikun hemm indikazzjoni b’saħħitha li l-miżuri huma proporzjonati. Konsegwentement, jekk possibbli, evalwazzjoni kwantitattiva tal-iskopijiet aħħarija li għalihom il-miżuri teknoloġiċi jiġu evitati permezz tat-tagħmir tkun rilevanti kemm għad-determinazzjoni ta’ jekk il-miżuri teknoloġiċi ta’ Nintendo jikkwalifikawx inġenerali għall-protezzjoni legali u kif ukoll għad-determinazzjoni ta’ jekk għandhiex tingħata protezzjoni kontra l-kummerċjalizzazzjoni tat-tagħmir ta’ PC Box.

76.

Il-kwistjoni dwar il-kriterji kwalitattivi, imqajma mill-qorti nazzjonali, ftit li xejn ġiet indirizzata fl-osservazzjonjiet lill-Qorti tal-Ġustizzja. Mit-talba għal deċiżjoni preliminari jidher li l-qorti nazzjonali kienet qiegħda tikkunsidra li l-importanza tal-fatt li l-consoles ta’ Nintendo jitħallew jiġu użati għal skopijiet li ma jiksru ebda dritt esklużiv tista’ tkun ikbar mill-importanza tal-prevenzjoni jew ir-restrizzjoni ta’ atti li ma humiex awtorizzati.

77.

Iktar ’il fuq ( 21 ) indikajt li kunsiderazzjonijiet bħal dawn jistgħu jkunu rilevanti meta jiġi applikat it-test tal-proporzjonalità għal miżuri teknoloġiċi ta’ Nintendo. Huma jistgħu wkoll, fl-opinjoni tiegħi, ikunu rilevanti għall-kwistjoni ta’ jekk protezzjoni għandhiex tingħata kontra l-kummerċjalizzazzjoni tat-tagħmir ta’ PC Box.

78.

Naqbel li jista’ jkun importanti f’xi każijiet (iżda inqas importanti f’oħrajn) li l-implementazzjoni ta’ miżuri teknoloġiċi li jipproteġu drittijiet esklużivi ma għandhomx jinterferixxu mad-drittijiet tal-utenti sabiex iwettqu atti li ma jeħtieġu l-ebda awtorizzazzjoni. Mandankollu, sa fejn dawn tal-aħħar ma humiex drittijiet fundamentali, l-importanza li jiġu protetti d-drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati għandha wkoll tingħata r-rikonoxximent dovut. Madankollu, kriterji kwalitattivi bħal dawn għandhom jitqiesu fid-dawl tal-kriterji kwantitattivi li ġew diġà diskussi, jiġifieri, l-estent u l-frekwenza relattivi tal-użi li jiksru d-drittijiet esklużivi u ta’ dawk li ma jiksruhomx.

Konklużjoni

79.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet imressqa iktar ’il fuq, jiena tal-opinjoni li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha tirrispondi d-domandi magħmula mit-Tribunale di Milano f’dan is-sens:

“(1)

Fuq interpretazzjoni korretta tad-Direttiva 2001/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-22 ta’ Mejju 2001, dwar l-armonizzazzjoni ta’ ċerti aspetti ta’ drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati fis-soċjetà tal-informazzjoni (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p.230), “miżuri teknoloġiċi” skont l-Artikolu 6 tad-Direttiva jistgħu jinkludu miżuri li jagħmlu parti mhux biss mix-xogħlijiet protetti nfushom iżda wkoll mit-tagħmir intiż sabiex jippermetti l-aċċess għal dawn ix-xogħlijiet.

(2)

Fid-determinazzjoni ta’ jekk miżuri ta’ dan it-tip jikkwalifikawx għall-protezzjoni skont l-Artikolu 6 tad-Direttiva 2001/29/KE fejn dawn għandhom l-effett li jipprekludu jew jirrestrinġu mhux biss atti li jirrikjedu l-awtorizzazzjoni tal-proprjetarju tad-drittijiet skont din id-direttiva iżda wkoll atti li ma jirrikjedux tali awtorizzazzjoni, qorti nazzjonali għandha tivverifika jekk l-applikazzjoni tal-miżuri tkunx konformi mal-prinċipju ta’ proporzjonalità u, b’mod partikolari, għandha tikkunsidra jekk, fl-istat attwali tat-teknoloġija, l-ewwel effett jistax jintlaħaq mingħajr ma jipproduċi t-tieni effett jew jipproduċih fi skala iżgħar.

(3)

Fid-determinazzjoni ta’ jekk għandhiex tingħata protezzjoni kontra kwalunkwe provvista ta’ tagħmir, prodotti, komponenti jew servizzi skont l-Artikolu 6(2) tad-Direttiva 2001/29, ma huwiex neċessarju li jiġi kkunsidrat l-użu partikolari assenjat mill-proprjetarju tad-drittijiet lit-tagħmir intiż sabiex jippermetti l-aċċess għal xogħlijiet protetti. Min-naħa l-oħra, l-estent li fih it-tagħmir, il-prodotti, il-komponenti jew is-servizzi, li kontrihom tintalab protezzjoni, huma jew jistgħu jkunu użati għal għanijiet leġittimi minbarra dak li jkunu permessi atti li jirrikjedu l-awtorizzazzjoni tal-proprjetarju tad-drittijiet hija kunsiderazzjoni rilevanti.”


( 1 ) Lingwa oriġinali: l-Ingliż.

( 2 ) Direttiva 2001/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-22 ta’ Mejju 2001, dwar l-armonizzazzjoni ta’ ċerti aspetti ta’ drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati fis-soċjetà tal-informazzjoni (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 230).

( 3 ) Direttiva 2009/24/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-23 ta’ April 2009, dwar il-protezzjoni legali ta’ programmi tal-kompjuter (Verżjoni kkodifikata) (ĠU 2009, L 111, p. 16). Id-Direttiva 2009/24 ħassret u ssostitwixxiet id-Direttiva tal-Kunsill 91/250/KEE, tal-14 ta’ Mejju 1991, dwar il-protezzjoni legali ta’ programmi tal-kompjuter (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 114).

( 4 ) Ara premessa 47.

( 5 ) Ara premessa 48.

( 6 ) Ara premessa 50. Ir-riferiment oriġinali kien għad-Direttiva tal-Kunsill 91/250/KEE, tal-14 ta’ Mejju 1991, dwar il-protezzjoni legali ta’ programmi tal-kompjuter (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 114), li ġiet imħassra u ssostitwita permezz tad-Direttiva 2009/24 (ara l-Artikolu 10 ta’ din tal-aħħar).

( 7 ) Ara l-premessa 7. Definizzjoni ta’ terminu fil-preambolu hija teknika leġiżlattiva mhux komuni. Linja gwida 14 tal-Gwida Prattika Komuni tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni għal persuni involuti fl-abbozzat tal-leġiżlazzjoni fl-istituzzjonijiet tal-Komunità tistipula li fejn termini jkunu ambigwi dawn “għandhom jiġu ddefiniti flimkien f’Artikolu wieħed fil-bidu tal-att”. Ara wkoll Kawża C‑136/04 Deutsches Milch-Kontor tal-24 ta’ Novembry 2005, (Ġabra I‑10095, paragrafu 32), u, iktar reċentement, l-Opinjoni tal-Avukat Ġenerali Jarabo-Colomer fil-Kawża C‑192/08 TeliaSonera Finland tat-12 ta’ Novembry 2009,(Ġabra I‑10717, b’mod partikolari fil-punt 89).

( 8 ) Ara l-premessa 11.

( 9 ) Ara l-premess 15.

( 10 ) Ara l-premessa 16.

( 11 ) Il-Konvenzjoni ta’ Berne għall-Protezzjoni ta’ Xogħlijiet Letterarji u Artistiċi (1886), kif emendata reċentement fl-1979. L-Istati Membri kollha huma parti mill-Konvenzjoni ta’ Berne.

( 12 ) Din id-domanda għal deċiżjoni preliminari ma tirrigwardax l-parteċipazzjoni tal-fornitur tal-internet (9Net Srl).

( 13 ) Logħob elettroniku mmanifatturat indipendentement, intiż għall-użu fuq “hardware” proprjetà ta’ xi ħadd bħal pereżempju consoles ta’ Nintendo, huwa magħruf bħala “homebrew” (“magħmul id-dar”).

( 14 ) Għalkemm il-formulazzjoni attwali tat-tieni domanda tista’ tqajjem dubji, huwa ċar mir-raġunament li sar fit-talba għal deċiżjoni preliminari li l-“użu” msemmi fir-rigward tal-kriterji kwantitattivi u kwalitattivi huwa dak tal-“prodott jew komponent” li għandu jiġi evalwat (jiġifieri, il-“mod chip” jew il-“game copier”), u mhux dawk tal-“prodott li fih jinsab il-kontenut protett” (il-console).

( 15 ) Ara l-punt 21 u n-nota ta’ qiegħ il-paġna iktar ’il fuq.

( 16 ) Kawża C‑128/11 UsedSoft tat-33 ta’ Lulju2012 (C-128/11, punt 51).

( 17 ) Ara l-punti 16 u 17 iktar ’il fuq.

( 18 ) Kawża C-458/13, Grund u Nintendo.

( 19 ) Nintendo kkwotat lil kummentatur magħruf li qal li: “Huwa diffiċli li tinftiehem it-tifsira ta’ dawn id-domandi kumplessi. (Il-Qorti tal-Ġustizzja għandha mnejn ikollha tirreferi dawn id-domandi lura għal spjegazzjoni preliminari mill-Qorti ta’ Milan jew minn kumitat ta’ lingwisti.)” Dan jidher li huwa xi ftit jew wisq esaġerat, iżda l-formulazzjoni tagħhom fil-fatt ma hijiex sempliċi.

( 20 ) Il-Kummissjoni spjegat li, fil-proposta u fil-proposta emendata tagħha għad-Direttiva 2001/29, l-Artikolu 6(1) u (2) jispeċifikaw li huma jirrigwardaw “l-evitazzjoni mingħajr awtorità ta’ kull miżura teknoloġika effettiva ddisinjata li tipproteġi kull dritt tal-awtur jew drittijiet relatati mad-drittijiet tal-awtur...” u li kien biss sabiex “tissimplifika l-abbozzar” [traduzzjoni mhux uffiċjali] li l-Kunsill neħħiet dik l-ispeċifikazzjoni (ara l-Pożizzjoni Komuni (KE) Nru. 48/2000, tat-28 ta’ Settembru 2000, adottata mill-Kunsill, skont il-proċedura tal-Artikolu 251 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, bl-intenzjoni li tiġi adottata d-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-armonizzazzjoni ta’ ċerti aspetti ta’ drittijiet tal-awtur u drittijieet relatati fis-soċjetà tal-informazzjoni, ĠU 2000 C 344, p. 1).

( 21 ) Ara l-punt 61.