KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI
BOT
ippreżentati fil-11 ta’ Lulju 2013 ( 1 )
Kawża C‑348/12 P
Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea
vs
Manufacturing Support & Procurement Kala Naft Co., Tehran
“Appell — Politika barranija u ta’ sigurtà komuni (PESK) — Miżuri restrittivi meħuda kontra r-Repubblika Iżlamika tal-Iran bil-għan li tiġi evitata l-proliferazzjoni nukleari — Iffriżar ta’ fondi u tar-riżorsi ekonomiċi — Obbligu ta’ motivazzjoni — Drittijiet tad-difiża — Dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva — Kunċett ta’ appoġġ għall-attivitajiet nukleari tal-Iran li joħolqu riskju ta’ proliferazzjoni jew tal-iżvilupp ta’ sistemi li jwasslu l-armi nukleari”
I – Introduzzjoni
|
1. |
Il-proliferazzjoni nukleari tikkostitwixxi mingħajr dubju waħda mit-theddidiet ewlenin għall-paċi u għas-sigurtà internazzjonali ta’ dan is-seklu. B’mod partikolari hemm fin-nofs l-istabbiltà ta’ reġjuni tant sensittivi bħal-Lvant Nofsani u l-Lvant Imbiegħed. |
|
2. |
Sabiex tiġi miġġielda din it-theddida, il-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti (iktar ’il quddiem il-“Kunsill tas-Sigurtà”) ddeċieda, f’diversi riżoluzzjonijiet ( 2 ), li jagħmel pressjoni fuq ir-Repubblika Iżlamika tal-Iran sabiex din tal-aħħar twaqqaf l-attivitajiet nukleari tagħha li joħolqu riskju ta’ proliferazzjoni u tal-iżvilupp ta’ sistemi li jwasslu l-armi nukleari (iktar ’il quddiem il-“proliferazzjoni nukleari”). |
|
3. |
Il-miżuri restrittivi stabbiliti mill-Kunsill tas-Sigurtà għalhekk għandhom bħala għan kemm li jwasslu lir-Repubblika Iżlamika tal-Iran biex tosserva l-obbligi internazzjonali tagħha, b’mod partikolari biex jikkonvinċu lil dan l-Istat biex jikkoopera mal-Aġenzija Internazzjonali tal-Enerġija Atomika (AIEA) ( 3 ), u sabiex sadanittant, jipprevjenu r-riskju ta’ proliferazzjoni li jfisser l-iżvilupp, minn dan l-Istat, tal-programm nukleari tiegħu. |
|
4. |
L-Unjoni Ewropea ddeċidiet, skont il-politika barranija u ta’ sigurtà komuni (PESK) tagħha, li tissokta din l-azzjoni billi timplementa r-riżoluzzjonijiet suċċessivi tal-Kunsill tas-Sigurtà. Fost il-miżuri adottati mill-Unjoni hemm il-miżuri tal-iffriżar tal-fondi u tar-riżorsi ekonomiċi tal-persuni u tal-entitajiet li jitqiesu li jikkontribwixxu għal-iżvilupp tal-programm nukleari Iranjan ( 4 ). |
|
5. |
Ir-rikorsi ppreżentati mill-persuni u l-entitajiet li huma s-suġġett ta’ dawn il-miżuri bħalissa qed iżidu dejjem iktar il-litigazzjoni quddiem il-qrati tal-Unjoni ( 5 ). |
|
6. |
Matul dawn l-aħħar xhur, dawn ir-rikorsi wasslu kważi sistematikament għall-annullamenti ta’ miżuri ta’ ffriżar tal-fondi kkontestati ( 6 ). Dawn l-annullamenti, b’mod ġenerali, huma bbażati kemm fuq il-konstatazzjoni ta’ ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni suffiċjenti għal dawn il-miżuri, kif ukoll fuq il-fatt li l-Kunsill tal-Unjoni Ewropea ma pprovdiex provi biex isostni l-allegazzjonijiet tiegħu, kif ukoll fuq dawn iż-żewġ elementi. |
|
7. |
Din is-sensiela ta’ annullamenti hija, fil-fehma tiegħi, il-konsegwenza ta’ standard ta’ stħarriġ ġudizzjarju li ma huwiex adatt għall-ispeċifiċità tal-miżuri inkwistjoni. |
|
8. |
Fil-fatt, kif inhu l-każ għal kawżi oħrajn deċiżi reċentement mill-Qorti Ġenerali, ċertu numru ta’ evalwazzjonijiet li għamlet dik il-qorti fis-sentenza tagħha tal-25 ta’ April 2012, Manufacturing Support & Procurement Kala Naft vs Il-Kunsill ( 7 ), jidhirli li jinjoraw ċertu numru ta’ parametri u ta’ elementi kuntestwali, ewlenija fosthom hemm in-natura preventiva tal-miżuri restrittivi adottati kontra r-Repubblika Iżlamika tal-Iran. |
|
9. |
Il-miżuri ta’ iffriżar tal-fondi għandhom bħala għan li jipprekludu li l-persuni jew l-entitajiet indikati jkollhom aċċess għal riżorsi ekonomiċi u finanzjarji li huma jkunu jistgħu jużaw biex isostnu attivitajiet nukleari li joħolqu riskju ta’ proliferazzjoni jew għall-iżvilupp ta’ sistemi li jwasslu l-armi nukleari. |
|
10. |
Għalkemm hija obbligata li tevalwa l-legalità ta’ miżura li għandha bħala għan li jiġi pprevenut riskju, jiġifieri li tiġi prekluża theddida milli sseħħ, il-qorti tal-Unjoni ma tistax teżerċita stħarriġ identiku, fil-metodi u l-intensità tiegħu, għal dak li trid twettaq fuq miżura li trid tirreprimi ksur ikkonstatat. |
|
11. |
Issa, kif turi s-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali qed tapplika metodu ta’ stħarriġ skont metodu li, fil-verità, huwa dak tad-dritt kriminali klassiku. |
|
12. |
Fir-rigward tad-differenza bejn il-prevenzjoni u r-ripressjoni, għandu jiġi enfasizzat li l-ewwel waħda hija totalment differenti mit-tieni waħda billi għandha l-għan mhux li tissanzjona fatt imwettaq, iżda li tevita li jitwettaq fatt futur. Futur, fejn il-fatt ma jistax ikun ħlief wieħed eventwali. Għal din ir-raġuni, li tikkonsisti f’li jiġi evitat dannu, l-applikazzjoni tal-miżura ta’ prevenzjoni ma tistax tiġi ssubordinata fil-prinċipju tagħha għall-prova li l-persuna (fiżika jew ġuridika) hija disposta u x’aktarx deċiża li twettaq att kundannabbli speċifiku jew li diġà wettqet, iżda għall-konstatazzjoni li jeżisti riskju oġġettiv li hija twettqu. |
|
13. |
Għaldaqstant, fl-approċċ tal-Qorti Ġenerali, insibu l-ħtieġa tal-prova li l-entità milquta mill-miżura restrittiva tkun wettqet l-atti li kontrihom din il-miżura tkun ittieħdet biex tipprevenihom. |
|
14. |
Fil-fehma tiegħi, meta l-Qorti Ġenerali għamlet hekk, wettqet żball ta’ liġi meta fehmet ħażin in-natura partikolari tal-PESK kif ukoll il-poteri li għandhom l-istituzzjonijiet tal-Unjoni f’dan il-qasam. |
|
15. |
Għaldaqstant, dan ma jfissirx li l-kompetenza ta’ stħarriġ tal-miżuri restrittivi li hija fdata espressament lill-Qorti tal-Ġustizzja mit-Trattati stess għandha twassal biss għal xi finzjoni. Ċertament li le. |
|
16. |
Għall-kuntrarju, u mingħajr ma dan inaqqas b’xi mod l-awtorità tal-Qorti tal-Ġustizzja u lanqas min-nobbiltà tal-missjoni tagħha, anzi bil-kontra, hija għandha evidentement u skrupolosament tħares li ma tindaħalx fil-prerogattivi tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni fil-qasam tal-PESK. Għaldaqstant, għandha tiġi eżaminata l-essenza stess tal-miżura ta’ prevenzjoni kif ikkonċepita fil-qasam speċifiku tal-PESK. |
|
17. |
Miċ-ċirkustanzi li fihom ġie deċiż li jiġu adottati miżuri restrittivi kontra r-Repubblika Iżlamika tal-Iran jirriżulta li dawn saru fi klima ta’ tensjoni b’mod li, fil-verità, dawn il-miżuri ttieħdu biex tiġi evitata sitwazzjoni ta’ kunflitt potenzjali f’parti mid-dinja. |
|
18. |
Fi kliem ieħor, il-miżuri meħudin f’dan il-qasam jikkostitwixxu alternattiva għall-gwerra jew għat-twettiq ta’ atti ta’ gwerra u, minħabba dan il-fatt, għandhom natura partikolari. |
|
19. |
Jidhirli li huwa assolutament evidenti li, f’dawn is-sitwazzjonijiet, li lanqas biss ma hemm il-ħtieġa li tiġi enfasizzata l-importanza kunsiderevoli tagħhom, l-applikazzjoni tal-kriterji fis-seħħ fid-dritt kriminali klassiku ma tistax tiġi trasposta għall-prevenzjoni ta’ theddida għall-paċi u għas-sigurtà internazzjonali fir-rigward tal-PESK, ħlief jekk wieħed ma jridx jirriskja, kif ġara f’dan il-każ, li jindaħal fl-evalwazzjoni tal-awtoritajiet politiċi kompetenti dwar kemm hija opportuna l-miżura u l-metodi tagħha, li huma ddeterminati minnhom skont in-natura u l-intensità tat-theddida li huma fi ħsiebhom jopponu. |
|
20. |
Jekk fuq il-miżuri inkwistjoni jiġi impost stħarriġ li b’mod ġenerali, ipoġġi fid-dubju, l-applikazzjoni tagħhom u l-effettività tagħhom biex b’hekk jiġi kkunsidrat li l-Istati Membri jew l-istituzzjonijiet tal-Unjoni jkunu għamlu evalwazzjoni eżaġerata tat-theddida jew tal-grad ta’ ġegħil meħtieġ għan-newtralizzazzjoni tagħha, fil-fehma tiegħi, din tkun kwistjoni li mingħajr dubju ta’ xejn taqa’ taħt is-setgħat esklużivi tagħhom. |
|
21. |
F’dawn il-kundizzjonijiet, li wieħed jeħtieġ li l-istituzzjonijiet tal-Unjoni, u allura l-Istati Membri, jagħmlu l-prova li tali entità diġà wettqet l-atti li wieħed irid jipprojbixxi qabel ma jiġu awtorizzati l-miżuri proprji li jipprekluduhom, jidher li jkun partikolarment maqtugħ min-natura stess tal-PESK kif ukoll mir-realtà perikoluża tal-ħajja tad-dinja. |
|
22. |
Iżda hija l-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tivverifika jekk, oġġettivament, il-miżuri meħudin jidħlux sew fil-kamp stabbilit mid-deċiżjonijiet adottati mill-Kunsill fir-rigward tal-PESK u ma jikkostitwixxux, pereżempju, użu ħażin ta’ proċedura. |
|
23. |
Meta jiġi eżerċitat stħarriġ ġudizzjarju adattat għan-natura preventiva tal-miżuri restrittivi dan jeħtieġ mill-qorti tal-Unjoni li tieħu inkunsiderazzjoni l-prinċipju ta’ prekawżjoni. Għaldaqstant, il-funzjoni tagħha tikkonsisti f’li tiżgura ruħha, fl-osservanza tal-marġni ta’ diskrezzjoni li għandu jiġi rrikonoxxut lill-awtorità politika kompetenti u fuq il-bażi tal-elementi tal-proċess u ta’ kuntest li jkollha, li l-evalwazzjoni magħmula minn din l-awtorità dwar l-eżistenza ta’ riskju ma tkunx manifestament żbaljata. |
|
24. |
Għalhekk, fid-dawl tan-natura preventiva tal-miżuri restrittivi, il-funzjoni tal-qorti tal-Unjoni ma tikkonsistix fil-kisba ta’ ċertezza li l-aġir li l-awtorità politika kompetenti tipprova tevita jkun diġà seħħ jew, fi kliem ieħor, li r-riskju li dik l-awtorità tixtieq tipprekludi l-konkretizzazzjoni tiegħu, ikun diġà seħħ. |
|
25. |
Ċertament, huwa normali li l-qorti tal-Unjoni, animata mill-preokkupazzjoni li tiggarantixxi lill-persuni u lill-entitajiet indikati protezzjoni ġudizzjarja effettiva fid-dawl ta’ miżuri li jaffettwawlhom b’mod qawwi d-drittijiet tagħhom u l-libertajiet tagħhom, ma tridx li l-istħarriġ tagħha jkun “qoxra vojta”. |
|
26. |
Madankollu, quddiem għan hekk bażiku, jiġifieri ż-żamma tal-paċi u tas-sigurtà internazzjonali ( 8 ), u fid-dawl tal-kuntest tas-segretezza li fiha r-Repubblika Iżlamika tal-Iran qed tiżviluppa l-programm nukleari tagħha, huwa biss meta tittieħed inkunsiderazzjoni n-natura preventiva tal-miżuri restrittivi, u fir-rifjut li dak li jkun jirraġuna b’loġika ta’ ripressjoni li ma hijiex dik tal-miżuri suġġetti għall-evalwazzjoni tagħha, li l-qorti tal-Unjoni tagħmel stħarriġ kemm kredibbli kif ukoll realistiku. |
|
27. |
L-adattament mill-qorti tal-Unjoni tal-istħarriġ li teżerċita fuq il-miżuri restrittivi adottati kontra r-Repubblika Iżlamika tal-Iran huwa indispensabbli wkoll għall-eżistenza stess tar-rwol li għandha l-Unjoni f’dan il-qasam fix-xena internazzjonali. |
|
28. |
Din il-kawża toffri eżattament lill-Qorti tal-Ġustizzja l-okkażjoni biex tistabbilixxi l-linji gwida tal-istħarriġ ġudizzjarju li għandha teżerċita fuq il-miżuri tal-iffriżar tal-fondi tal-persuni u l-entitajiet ikkunsidrati li jipprovdu appoġġ għall-proliferazzjoni nukleari. |
|
29. |
F’dan ir-rigward nenfasizza li, meta tivverifika jekk l-obbligu ta’ motivazzjoni ġiex osservat, il-qorti tal-Unjoni għandha tevalwa n-natura suffiċjentement preċiża u konkreta ta’ din il-motivazzjoni filwaqt li tieħu inkunsiderazzjoni l-kuntest li fih tidħol il-miżura ta’ ffriżar tal-fondi u tpoġġi l-motivi differenti f’relazzjoni bejniethom mingħajr ma tisseparahom artifiċjalment. |
|
30. |
Ngħid ukoll li ma jistax jiġi lmentat fil-konfront tal-Kunsill li dan kiser id-drittijiet tad-difiża kif ukoll id-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva tal-kumpannija inkwistjoni f’din il-kawża għar-raġuni li ma pprovdilhiex informazzjoni li ma kellux, li tmur lil hinn minn dik li hemm fl-espożizzjoni tal-motivi. |
|
31. |
Fir-rigward tal-evalwazzjoni tal-fondatezza tal-motivazzjoni, ngħid li meta, fuq il-bażi tal-kumpless tal-elementi tal-proċess u tal-kuntest li jkollha f’idejha, il-qorti tal-Unjoni tkun f’pożizzjoni li tikkonstata li r-riskju li toħloq persuna jew entità fir-rigward tal-ġlieda kontra l-proliferazzjoni nukleari huwa stabbilit b’mod suffiċjenti, din il-persuna jew din l-entità tista’, ġustament, titqies li tipprovdi appoġġ għall-proliferazzjoni nukleari u għalhekk tkun milquta minn miżura ta’ ffriżar tal-fondi. |
II – L-appell
|
32. |
Fis-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali annullat id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/413/PESK ( 9 ), ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 668/2010 ( 10 ), id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/644/PESK ( 11 ) u tar-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 961/2010 ( 12 ) (iktar ’il quddiem l-“atti kkontestati”), sa fejn dawn l-atti jikkonċernaw lill-Manufacturing Support & Procurement Kala Naft Co., Tehran (iktar ’il quddiem “Kala Naft”). |
|
33. |
Kala Naft hija kumpannija Iranjana proprjetà tan-National Iranian Oil Company (iktar ’il quddiem l-“NIOC”) u li għandha bħala funzjoni li taġixxi bħala korp ċentrali tal-akkwisti għall-attivitajiet taż-żejt, tal-gass u petrokimiċi tal-grupp tagħha. |
|
34. |
Fil-qafas tal-miżuri restrittivi mmirati kontra r-Repubblika Iżlamika tal-Iran fil-ġlieda kontra l-proliferazzjoni nukleari ( 13 ), Kala Naft kienet is-suġġett ta’ miżura ta’ ffrizar tal-fondi u tar-riżorsi ekonomiċi tagħha. |
|
35. |
L-elenkar ikkonċernat ta’ Kala Naft jirriżulta mill-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni li jimponu l-iffriżar tal-fondi u tar-riżorsi ekonomiċi tal-persuni jew tal-entitajiet li kienu ġew irrikonoxxuti bħala parteċipanti, billi huma direttament assoċjati ma’ jew jipprovdu appoġġ għall-attivitajiet nukleari tar-Repubblika Iżlamika tal-Iran li joħolqu riskju ta’ proliferazzjoni nukleari ( 14 ). |
|
36. |
Il-motivi għall-ġustifikazzjoni ta’ dan l-elenkar huma dawn li ġejjin: “Tagħmel kummerċ ta’ tagħmir għas-settur taż-żejt u l-gass li jista’ jintuża għall-programm nukleari tal-Iran. Ippruvat tipprokura materjal (alloy gates li jifilħu ħafna) li m’għandhomx użu barra l-industrija nukleari. Għandha rabtiet ma’ kumpanniji involuti fil-programm nukleari tal-Iran.” |
|
37. |
Il-partijiet tas-sentenza appellata kkonċernati mill-appell huma dawk fejn il-Qorti Ġenerali:
|
|
38. |
L-appell tal-Kunsill huwa msejjes fuq żewġ aggravji. Fl-ewwel aggravju, il-Kunsill jikkritika r-raġunament tal-Qorti Ġenerali dwar il-fakultà għal estensjonijiet ta’ Stat terz li jinvokaw il-ksur tad-drittijiet fundamentali tagħhom. Fit-tieni aggravju tiegħu, il-Kunsill ipoġġi fid-dubju l-evalwazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali dwar il-motivazzjoni tal-miżura ta’ ffriżar tal-fondi deċiża kontra Kala Naft, id-drittijiet tad-difiża u d-dritt għall-protezzjoni ġudizzjarja effettiva ta’ din il-kumpannija, kif ukoll il-fondatezza tal-motivazzjoni tal-miżura inkwistjoni. |
III – Fuq l-ewwel aggravju dwar il-fakultà għal estensjonijiet ta’ Stati terzi li jinvokaw ksur tad-drittijiet fundamentali tagħhom
|
39. |
Fl-ewwel aggravju tiegħu, il-Kunsill jikkritika r-raġunament tal-Qorti Ġenerali fil-punti 43 sa 46 tas-sentenza appellata, li jgħidu dan li ġej:
|
A – L-argumenti tal-partijiet
|
40. |
Il-Kunsill jikkunsidra li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta kkunsidrat li l-kwistjoni jekk Kala Naft kellhiex id-dritt li tinvoka l-ksur tad-drittijiet fundamentali tagħha ma kinitx tikkonċerna l-ammissibbiltà ta’ dan il-motiv, iżda l-fondatezza tiegħu biss. Huwa tal-fehma li, meta entità li tikkostitwixxi organizzazzjoni governattiva skont l-Artikolu 34 tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, iffirmata f’Ruma fl-4 ta’ Novembru 1950 (iktar ’il quddiem il-“KEDB”), ma tistax tkun benefiċjarja tad-dritt fundamentali għall-protezzjoni tal-proprjetà u lanqas ta’ drittijiet fundamentali oħrajn, hija ma jkollhiex locus standi biex tinvoka ksur allegat ta’ dawn id-drittijiet quddiem il-Qorti Ġenerali. |
|
41. |
Huwa jargumenta mill-Artikolu 34 tal-KEDB, li dan jeskludi organizzazzjoni governattiva u entitajiet simili milli jadixxu l-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, u hemm dispożizzjonijiet paragunabbli oħrajn, bħall-Artikolu 44 tal-Konvenzjoni Amerikana dwar id-drittijiet tal-bniedem ( 15 ). Ir-ratio legis tal-esklużjoni tal-entitajiet governattivi tistrieħ fuq in-natura stess tad-drittijiet fundamentali. Fil-fatt, huwa l-obbligu tal-Istat li jirrispetta d-drittijiet fundamentali tal-persuni fiżiċi u ġuridiċi li qegħdin fil-ġurisdizzjoni tiegħu, iżda l-Istat stess ma jistax ikun il-benefiċjarju ta’ dawn id-drittijiet. Anki għalkemm it-Trattati u l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”) ma fihomx dispożizzjonijiet identiċi għall-Artikolu 34 tal-KEDB, għandu japplika l-istess prinċipju. |
|
42. |
Għalhekk għandu jiġi ddeterminat jekk Kala Naft hijiex entità statali. Jekk iva, dan, skont il-Kunsill, jeskludi l-kwalità tagħha li tkun tista’ tinvoka d-drittijiet fundamentali bħala benefiċjarja. |
|
43. |
F’dan ir-rigward il-Kunsill isemmi:
|
|
44. |
Fir-rigward ta’ Kala Naft, il-Kunsill jgħid li, skont l-Artikolu 3.1 tal-istatuti tagħha, l-uniku għan soċjali tagħha huwa li taġixxi bħala korp ċentrali tal-akkwisti biex tippermetti l-eżekuzzjoni tal-politika deċiża mill-Ministeru taż-Żejt Iranjan. Il-Kunsill jikkonstata wkoll li Kala Naft inħolqot mill-NIOC u hija proprjetà 100 % ta’ din il-kumpannija, li hija kumpannija tal-Istat impoġġija taħt il-kontroll tal-Ministeru taż-Żejt Iranjan. |
|
45. |
Ir-rabtiet tal-NIOC mal-Istat Iranjan kienu ġew ikkonstatati f’diversi deċiżjonijiet. Il-Kunsill jiċċita f’dan ir-rigward, sentenza li fiha l-Cour de cassation Franċiża kkunsidrat li l-NIOC setgħet tgawdi minn immunitajiet ġudizzjarji rrikonoxxuti lill-Istati barranin minħabba mhux biss rabtiet kostituttivi li jeżistu bejnha u l-Istat Iranjan, iżda wkoll il-missjoni tagħha ta’ servizz pubbliku li twettaq l-NIOC ( 19 ). Il-Kunsill jiċċita wkoll sentenza arbitrali fejn it-Tribunal Iranjan u Amerikan għat-Talbiet ikkonstata li l-NIOC kienet qed taġixxi bħala aġent tal-Istat Iranjan ( 20 ). |
|
46. |
Fir-rigward tar-rabtiet strutturali li jeżistu bejn Kala Naft u l-NIOC, l-istatuti ta’ Kala Naft jistabbilixxu li hija taġixxi f’isem u skont ir-regoli preskritti mill-NIOC. Għalhekk hija ma għandha l-ebda indipendenza. Il-Kunsill josserva, f’dan ir-rigward, li l-istatuti ta’ Kala Naft jindikaw f’diversi postijiet li l-organi ta’ Kala Naft jaħdmu skont ir-regoli li jirregolaw lill-NIOC, li l-membri tal-bord tad-diretturi għandhom ikunu għas-servizz tal-NIOC il-ħin kollu (Artikolu 9 tal-istatuti) u li dan l-organu huwa inkarigat milli jaġixxi f’isem l-NIOC (Artikolu 11 tal-istatuti) |
|
47. |
Fir-rigward ta’ dawn l-elementi differenti, għandu jiġi ammess, skont il-Kunsill, li Kala Naft hija estensjoni tal-Istat Iranjan. Din il-kumpannija għandha l-mezzi evidenti biex tgħin l-Istat Iranjan fl-iżvilupp tal-programm nukleari tiegħu, mingħajr ma jkollha l-ebda awtonomija li tippermettilha li ma toqgħodx għat-talbiet tal-Gvern Iranjan. |
|
48. |
Billi Kala Naft taġixxi f’isem l-Istat Iranjan permezz tal-NIOC, hija għandha titqies li hija entità governattiva Iranjana. Għaldaqstant, Kala Naft ma għandhiex locus standi biex tinvoka drittijiet fundamentali. Għalhekk, il-Qorti tal-Ġustizzja kellha tiddikjara inammissibbli r-rikors ta’ Kala Naft. |
|
49. |
Il-Kunsill jirrikonoxxi li l-istituzzjonijiet ma qajmux din l-osservazzjoni ħlief fil-proċedura orali, iżda jsostni li l-kundizzjonijiet ta’ ammissibbiltà ta’ rikors jirrigwardaw eċċezzjonijiet ta’ inammissibbiltà ta’ ordni pubbliku. Huwa jgħid ukoll li din l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà tgħodd fir-rigward tal-aggravji kollha invokati minn Kala Naft. Fil-fatt, billi l-għan tar-rikors kien li jinkiseb l-annullament ta’ deċiżjoni ta’ iffriżar tal-beni, li jikkostitwixxi ndħil fid-dritt tal-proprjetà, ftit li xejn huwa rilevanti li ċerti motivi ma semmewx dan id-dritt. Għalhekk dan ir-rikors kellu jiġi ddikjarat inammissibbli kollu kemm hu. |
|
50. |
Il-Kummissjoni tikkunsidra li l-Qorti Ġenerali kellha tiddikjara r-rikors inammissibbli parzjalment biss. Il-Kummissjoni, li bbażat l-analiżi tagħha fuq distinzjoni bejn id-drittijiet proċedurali, li jistgħu jiġu invokati minn entità statali kif inhi Kala Naft, u d-drittijiet fundamentali, kif inhu d-dritt tal-proprjetà, li dawn ma jistgħux jiġu invokati, il-Kummissjoni ssostni li huwa biss il-motiv ibbażat fuq il-ksur tad-dritt ta’ proprjetà li kellu jiġi ddikjarat inammissibbli. |
|
51. |
Kala Naft tirrispondi għal dawn l-argumenti l-ewwel nett billi tgħid li l-Kunsill qatt ma kkontesta l-ammissibbiltà tar-rikors, iżda biss il-possibbiltà għal Kala Naft li tuża d-drittijiet fundamentali tagħha. Il-Qorti Ġenerali ġustament kienet iddeċidiet li l-motiv kien jirrigwarda l-fondatezza tar-rikors. Il-kundizzjonijiet li għalihom hija suġġetta t-tgawdija ta’ dritt jirrigwardaw kwistjoni ta’ mertu u mhux ta’ ammissibbiltà. F’dawn il-kundizzjonijiet, meta jsostni issa li t-talba ppreżentata minn Kala Naft hija inammissibbli minħabba nuqqas ta’ locus standi, il-Kunsill qed invoka, quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, aggravju ġdid, li għalhekk minnu nnifsu huwa inammissibbli. |
|
52. |
Fit-tieni lok, Kala Naft issostni li l-aggravju dwar il-fondatezza tar-rikors tqajjem għall-ewwel darba matul is-seduta u ma kienx ta’ ordni pubbliku. Għalhekk dan kien aggravju ġdid inammissibbli skont l-Artikolu 48(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali. |
|
53. |
Fit-tielet lok, ma jkunx preċiż li jingħad li Kala Naft ma setgħetx tiġi ammessa tippreżenta rikors quddiem il-Qorti Ġenerali għaliex hija kienet tikkostitwixxi estensjoni tal-Istat Iranjan. Kala Naft issostni li, kuntrarjament għall-Artikolu 34 tal-KEDB, l-ebda dispożizzjoni tat-Trattat FUE ma jipprojbixxi Stat milli jippreżenta rikors quddiem il-qrati tal-Unjoni. Is-sovranità tal-Istat tiġi tradotta f’immunità ġudizzjarja li tippermettilu ma jitħarrikx quddiem qorti, imma dan ma jipprekludix li poter sovran milli jissottometti ruħu volontarjament f’qorti ta’ ħaddieħor. |
|
54. |
Barra minn hekk, Kala Naft tikkontesta li hija estensjoni tal-Istat Iranjan. Il-fatt li hija l-proprjetà sħiħa tal-Istat Iranjan ma jipprekludihiex milli teżerċita attività tagħha u awtonoma. Hija tikkontesta d-deċiżjoni tal-Cour de cassation Franċiża, iċċitata iktar ’il fuq, li skont hi, ma kinitx tirrifletti d-distinzjoni li s-soltu ssir fl-Istati Membri bejn atti magħmulin jure gestionis jew jure imperii. F’dan ir-rigward, hija tiċċita deċiżjoni tal-Bundesverfassungsgericht li kienet aċċettat il-qbid ta’ fondi miżmumin mill-NIOC għar-raġuni li l-fondi ma kinux jikkostitwixxu beni użati għall-finijiet sovrani ( 21 ). |
|
55. |
Fir-raba’ lok, Kala Naft tfakkar fil-premessa 25 tad-Deċiżjoni 2010/413, li tgħid din tirrispetta d-“drittijiet fundamentali u tosserva l-prinċipji rikonoxxuti b’mod partikolari fil-Karta […] u, notevolment, id-dritt għal rimedju effettiv u għal proċess ġust, id-dritt għall-proprjetà u d-dritt għall-protezzjoni tad-data personali. Din id-Deċiżjoni għandha tiġi applikata skont dawn id-drittijiet u prinċipji”, kif ukoll il-paragrafu tal-ittra tal-Kunsill tad-29 ta’ Lulju 2010 li informat lil Kala Naft bl-elenkar tagħha, fejn ingħad li: “[…] your attention is also drawn to the possibility of challenging the Council’s decision before the General Court of the European Union, in accordance with the conditions laid down in Article 275, 2nd paragraph, and Article 263, 4th and 6th paragraphs, of the Treaty on the Functioning of the European Union.” |
|
56. |
Fil-ħames lok, Kala Naft issostni li, jekk hija għandha titqies li hija entità statali, kull miżura restrittiva meħuda kontriha tkun illegali għaliex tmur kontra l-Artikolu 215(2) TFUE li jistabbilixxi miżuri restrittivi biss kontra persuni fiżiċi jew ġuridiċi, gruppi jew entitajiet mhux statali. |
B – Evalwazzjoni
|
57. |
L-argument li jressaq il-Kunsill biex isostni l-ewwel aggravju tiegħu jikkonsisti f’li jenfasizza li Kala Naft, bħala estensjoni tal-Istat Iranjan, ma għandhiex locus standi biex tinvoka quddiem qorti tal-Unjoni l-protezzjonijiet u l-garanziji marbutin mad-drittijiet fundamentali, kemm dawk proċedurali kif ukoll dawk materjali. Billi dik kienet kwistjoni ta’ kundizzjoni ta’ ammissibbiltà tar-rikors ta’ Kala Naft quddiem il-Qorti Ġenerali, li kienet tagħmel parti mill-eċċezzjonijiet ta’ inammissibbiltà ta’ ordni pubbliku, il-Kunsill jilmenta li l-Qorti Ġenerali ttrattat din il-kwistjoni mill-angolu tal-fondatezza tal-motivi mqajmin u mhux minn dak tal-ammissibbiltà tagħhom. Huwa jsostni li l-Qorti Ġenerali kellha tiddikjara r-rikors ta’ Kala Naft inammissibbli kollu kemm hu, waqt li l-Kummissjoni tikkunsidra, min-naħa tagħha, li l-Qorti Ġenerali kellha tiddikjara r-rikors inammissibbli parzjalment biss, sa fejn kien ikkonċernat il-motiv fuq il-ksur tad-dritt tal-proprjetà. |
|
58. |
Fil-fehma tiegħi, il-Qorti Ġenerali ma wettqitx żball ta’ liġi meta rat il-kwistjoni tal-possibbiltà jew le għal estensjoni ta’ Stat terz li jinvoka l-protezzjonijiet u l-garanziji marbutin mad-drittijiet fundamentali bħala kwistjoni dwar il-mertu pjuttost milli bħala kwistjoni ta’ ammissibbiltà. |
|
59. |
Fil-fatt, mill-mument li ma kienx ikkontestat li r-rikors ta’ Kala Naft kien jidħol fil-kuntest tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 275 TFUE, li din il-kumpannija kellha l-locus standi biex tikkontesta l-elenkar tagħha quddiem il-qorti tal-Unjoni, b’din il-miżura tikkonċernaha direttament u individwalment skont ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, u li l-interess ġuridiku tagħha ma kienx ġie kkontestat, il-Qorti Ġenerali setgħet ġustament, tikkunsidra l-possibbiltà jew le għal Kala Naft li tinvoka l-protezzjonijiet u l-garanziji marbutin mad-drittijiet fundamentali kienet kwistjoni li ma taqax fil-kamp tal-eżami tal-kundizzjonijiet ta’ ammissibbiltà tar-rikors u kellha x’taqsam mal-mertu tal-kawża. Fil-fehma tiegħi kienet kwistjoni li, meta tiġi mqajma fil-ħin mill-partijiet matul il-proċedura, jekk ikun il-każ, għandha tkun suġġetta għal evalwazzjoni preliminari fil-qafas tal-eżami tal-fondatezza tal-motivi invokati. |
|
60. |
Billi l-argument tal-Kunsill u tal-Kummissjoni kien tressaq għall-ewwel darba fis-seduta quddiem il-Qorti Ġenerali, mingħajr ma dawn l-istituzzjonijiet kienu invokaw il-fatt li kien ibbażat fuq elementi ta’ dritt jew ta’ fatt li rriżultaw matul il-kawża, huwa kien jikkostitwixxi motiv ġdid skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 48(2) tar-Regoli ta’ Proċedura tal-Qorti Ġenerali u din, ġustament, iddikjaratu inammissibbli. |
|
61. |
Ir-referenza li għamlu l-Kunsill u l-Kummissjoni għall-Artikolu 34 tal-KEDB, li ma jippermettix l-ammissibbiltà tar-rikorsi ppreżentati fil-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem minn organizzazzjonijiet governattivi, hija mingħajr rilevanza. Kif indikat reċentement ( 22 ) il-Qorti Ġenerali, l-Artikolu 34 tal-KEDB huwa dispożizzjoni proċedurali li ma tapplikax għall-proċeduri quddiem qorti tal-Unjoni. Barra minn hekk, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, l-għan ta’ din id-dispożizzjoni huwa sabiex jiġi evitat li Stat li jkun parti fil-KEDB ikun fl-istess ħin rikorrent u konvenut quddiem dik il-Qorti ( 23 ). Raġunament bħal dan ma japplikax għal proċeduri għal annullament fid-dritt tal-Unjoni. Ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE jistabbilixxi kundizzjonijiet ta’ ammissibbiltà tar-rikors għal annullament li jappartjenu lilu u li għandhom loġika differenti minn dik espressa fl-Artikolu 34 tal-KEDB. Ma hijiex kwistjoni li l-ammissibbiltà tar-rikorsi ppreżentati minn estensjonijiet ta’ Stati terzi kontra miżuri restrittivi tiġi suġġetta għal kundizzjoni — negattiva — supplimentari, jiġifieri dik li ma jintużax il-ksur ta’ drittijiet fundamentali. |
|
62. |
Lil hinn minn din il-problema ta’ klassifikazzjoni bejn ammissibbiltà u mertu tar-rikors, l-argument li entità bħal Kala Naft ma tistax tuża quddiem qorti tal-Unjoni l-ksur tad-drittijiet fundamentali tagħha biex tikkontesta miżura restrittiva li hija s-suġġett tagħha, huwa, fil-fehma tiegħi, manifestament żbaljat. |
|
63. |
Kif wera l-Kunsill ( 24 ), Kala Naft għandha mal-NIOC, entità pubblika Iranjana, u għalhekk indirettament mal-Istat Iranjan, ċertu numru ta’ rabtiet strutturali u funzjonali, li jippermettu li titqies li hija estensjoni tal-Istat Iranjan jew, tal-inqas, bħala li taġixxi mhux b’mod awtonomu, iżda f’isem dan l-Istat. Kif jirriżulta, mingħajr ambigwità, mill-Artikolu 3.1 tal-istatuti tagħha, l-għan ta’ dan il-korp ċentrali tal-akkwisti huwa ddedikat għall-eżekuzzjoni tal-politika deċiża mill-Ministeru taż-Żejt Iranjan. |
|
64. |
Madankollu, fil-fehma tiegħi, din il-konstatazzjoni ma tipprekludix li entità bħal din tinvoka quddiem il-qorti tal-Unjoni l-ksur tad-drittijiet fundamentali tagħha biex tikkontesta l-legalità tal-miżura restrittiva li tagħha hija s-suġġett. Għalkemm huwa magħruf li r-rikorsi ppreżentati kontra miżuri restrittivi huma artikolati prinċipalment madwar motivi bbażati fuq il-ksur ta’ drittijiet fundamentali bħad-drittijiet tad-difiża, id-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva kif ukoll id-dritt għall-proprjetà, l-argument tal-Kunsill iwassal purament u sempliċement biex iċaħħad lill-persuni u lill-entitajiet dipendenti taħt titolu jew ieħor ta’ Stat terz mid-dritt tagħhom għal rimedju effettiv. |
|
65. |
Barra minn hekk, diversi dispożizzjonijiet fil-livell tad-dritt primarju jippermettu li faċilment jiġi skartat argument bħal dan. |
|
66. |
L-Artikolu 215 TFUE jikkostitwixxi l-bażi legali li jippermetti lill-Kunsill li jadotta miżuri restrittivi fuq Stati terzi, il-persuni u l-entitajiet li huma marbutin magħhom kif ukoll il-persuni u l-entitajiet mhux statali. |
|
67. |
Meta miżuri restrittivi huma intiżi biex jagħmlu pressjoni fuq Stat terz, bħal f’dan il-każ, azzjoni bħal dik tista’ tinkludi miżuri ta’ ffriżar ta’ fondi li jappartjenu lil persuni jew lil entitajiet li huma assoċjati mar-reġim tal-Istat terz kkonċernat ( 25 ). Xejn ma jindika li dawk il-persuni jew entitajiet, minħabba r-rabtiet tagħhom ma’ Stati terzi milquta mill-azzjoni tal-Unjoni, għandhom jibbenefikaw inqas mill-garanziji legali minn dawk li jistgħu jużaw il-persuni u l-entitajiet li ma għandhomx dawn ir-rabtiet mal-Istat terz. F’dan ir-rigward nikkonstata li meta l-Artikolu 215(3) TFUE jistabbilixxi li l-“atti previsti f’dan l-Artikolu għandhom jinkludu d-dispożizzjonijiet meħtieġa dwar salvagwardji legali”, dak l-artikolu mhux qed jagħmel din id-distinzjoni. Barra minn hekk, id-dikjarazzjoni dwar l-Artikoli 75 u 215 tat-Trattat fuq il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea ( 26 ) tfakkar fil-ħtieġa li jiġu rrispettati d-drittijiet u l-libertajiet fundamentali tal-persuni fiżiċi u tal-entitajiet ikkonċernati mill-miżuri restrittivi mingħajr ma tagħmel distinzjoni skont jekk għandhomx rabtiet ftit jew wisq stretti ma’ Stat terz, anki jekk jagħmlu parti minnu. |
|
68. |
Barra minn hekk ngħid li, l-istess bħall-Qorti Ġenerali fis-sentenzi tagħha ċċitati iktar ’il fuq Bank Mellat vs Il-Kunsill u Bank Saderat Iran vs Il-Kunsill ( 27 ), la l-Karta u lanqas it-Trattati ma jistabbilixxu dispożizzjonijiet li jeskludu l-persuni ġuridiċi li huma estensjonijiet tal-Istati mill-benefiċċju tal-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali. Għall-kuntrarju, id-dispożizzjonijiet tal-Karta li huma rilevanti għall-aggravji mqajmin minn Kala Naft, u b’mod partikolari l-Artikoli 17, 41 u 47 tagħha, jiggarantixxu d-drittijiet ta’ “[k]ull persuna” kliem li jinkludi persuni ġuridiċi bħal dik il-kumpannija. |
|
69. |
L-istess konstatazzjoni tista’ ssir fir-rigward tal-leġiżlazzjoni sekondarja, meta ssir referenza għall-premessa 25 tad-Deċiżjoni 2010/413 li tgħid li hija “[t]osserva l-prinċipji rikonoxxuti b’mod partikolari fil-Karta […] u b’mod partikolari d-dritt għal rimedju effettiv u għal proċess ġust, id-dritt għall-proprjetà u d-dritt għall-protezzjoni tad-data personali. Din id-Deċiżjoni għandha tiġi applikata skont dawn id-drittijiet u prinċipji”. |
|
70. |
L-uniku limitu li nista’ nara għall-possibbiltà jew le għal estensjoni ta’ Stat terz li jinvoka l-protezzjonijiet u l-garanziji marbutin mad-drittijiet fundamentali huwa li dawn tal-aħħar, biex jiġu invokati b’mod utli, għadhom ikunu adattati għan-natura fiżika jew ġuridika tal-persuna li qed tinvokahom. |
|
71. |
Fl-aħħar nett għandu jiġi enfasizzat li l-argument li jiddefendu l-Kunsill u l-Kummissjoni huwa iktar u iktar sorprendenti għaliex imur kontra l-ħtieġa, imniżżla fi-Trattati, ta’ azzjoni tal-Unjoni fuq ix-xena internazzjonali li tirrispetta d-drittijiet fundamentali. Biżżejjed li f’dan ir-rigward nirreferi għall-Artikolu 205 TFUE moqri mal-Artikolu 21 TUE. |
|
72. |
Fid-dawl ta’ dawn l-elementi kollha, argument bħal dak għandu jitwarrab bil-qawwa u l-ewwel aggravju mqajjem mill-Kunsill għandu jiġi miċħud bħala infondat. |
|
73. |
Fil-fehma tiegħi, b’mod iktar ġenerali, huwa opportun li l-Qorti tal-Ġustizzja taħtaf l-okkażjoni f’din il-kawża biex tneħħi l-idea, difiża diversi drabi mill-Kunsill u mill-Kummissjoni fl-okkażjoni ta’ rikorsi oħrajn, u kkunsidrata fis-sentenza tal-Qorti Ġenerali tad-19 ta’ Mejju 2010, Tay Za vs Il-Kunsill ( 28 ), fejn id-drittijiet fundamentali, u partikolarment id-drittijiet tad-difiża, ma japplikawx għall-persuni u għall-entitajiet identifikati fl-anness ta’ regolament li adotta sistema ta’ miżuri restrittivi kontra Stat terz ( 29 ). Dan l-argument huwa s-suġġett tal-punti 86 sa 91 tas-sentenza appellata. Hija bbażata fuq distinzjoni, fil-fehma tiegħi artifiċjali, bejn il-persuni u l-entitajiet milqutin mill-miżuri restrittivi minħabba l-attivitajiet tagħhom stess u dawk li huma milquta minħabba l-appartenenza tagħhom għal kategorija ġenerali ta’ persuni u ta’ entitajiet. Tal-ewwel biss jistgħu jutilizzaw id-drittijiet tad-difiża. |
|
74. |
Għalkemm, fis-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali waslet għal riżultat sodisfaċenti, billi rrikonoxxiet li l-prinċipju tar-rispett tad-drittijiet tad-difiża jista’ jiġi invokat minn Kala Naft, ir-raġunament li għamlet fil-punt 88 ta’ dik is-sentenza ma jidhirlix li huwa korrett. Hija tikkonstata li, b’differenza mill-persuni kkonċernati fil-kawża li wasslet għas-sentenza Tay Za vs Il-Kunsill, iċċitata iktar ’il fuq, Kala Naft “hija milquta minn miżuri restrittivi għaliex ġie ssuspettat li hija stess hija involuta fil-proliferazzjoni nukleari, u mhux għaliex hija tappartjeni għal kategorija ġenerali ta’ persuni u ta’ entitajiet marbuta mar-Repubblika Iżlamika tal-Iran”. Għalhekk tagħti kreditu għall-idea ta’ distinzjoni bejn żewġ kategoriji ta’ persuni u ta’ entitajiet fir-rigward tal-kapaċità tagħhom li jinvokaw d-drittijiet tad-difiża. Issa, din il-kawża turi l-irrilevanza ta’ distinzjoni bħal din. Fil-fatt, kif ser ikolli l-okkażjoni li nelabora, ir-rabtiet strutturali u funzjonali li Kala Naft għandha mal-Istat Iranjan huma preċiżament wieħed mill-elementi li jippermettu l-kunsiderazzjoni li hija tipprovdi appoġġ lill-programm nukleari Iranjan. |
|
75. |
Biex tistabbilixxi r-raġunament tagħha, il-Qorti Ġenerali setgħet toqgħod, għal dak li jirrigwarda d-drittijiet tad-difiża, fuq l-affermazzjoni li distinzjoni bħal dik ma hijiex prevista mil-leġiżlatur tal-Unjoni. Għalhekk ġustament irrilevat, fil-punt 90 tas-sentenza appellata, li “l-Artikolu 24(3) u (4) tad-Deċiżjoni 2010/413, l-Artikolu 15(3) tar-Regolament [(KE)] Nru 423/2007 [ ( 30 )] u l-Artikolu 36(3) u (4) tar-Regolament Nru 961/2010 jistabbilixxu dispożizzjonijiet li jiggarantixxu d-drittijiet tad-difiża tal-entitajiet milquta minn miżuri restrittivi adottati abbażi ta’ dawn it-testi” u li “ir-rispett ta’ dawn id-drittijiet huwa s-suġġett ta’ stħarriġ mill-qorti tal-Unjoni”. |
IV – Fuq it-tieni aggravju dwar il-motivazzjoni tal-miżura restrittiva, dwar id-drittijiet tad-difiża u dwar id-dritt għall-protezzjoni ġudizzjarja effettiva ta’ Kala Naft, kif ukoll dwar il-fondatezza tal-motivazzjoni
|
76. |
Fit-tieni aggravju tiegħu, li fih tliet partijiet, il-Kunsill jikkritika l-punti li ġejjin fis-sentenza appellata. |
|
77. |
Tliet motivi jiġġustifikaw l-impożizzjoni tal-miżuri restrittivi kontra Kala Naft. Fis-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ċaħdet bħala mhux fondat il-motiv dwar ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni sa fejn kien jirrigwarda l-ewwel u t-tieni motivi li ressaq il-Kunsill. Fir-rigward tal-ewwel motiv, ikkunsidrat li l-motivazzjoni mressqa kienet ippermettiet lil Kala Naft tivverifika l-fondatezza tal-atti kkontestati kif ukoll li tiddefendi ruħha quddiem il-Qorti Ġenerali, u lil din tal-aħħar teżerċita l-istħarriġ tagħha ( 31 ). Fir-rigward tat-tieni motiv, il-Qorti Ġenerali kkunsidrat li kien ippermetta lil Kala Naft tikkontesta r-realtà tal-allegat tentattiv ta’ xiri u tallega li x-xatbi tal-liga li jifilħu ħafna użati minnha ma kinux intenzjonati biss għall-industrija nukleari ( 32 ). |
|
78. |
Madankollu laqgħet dan l-istess motiv sa fejn kellu x’jaqsam it-tielet motiv, u tat din l-ispjegazzjoni li ġejja:
|
|
79. |
Għalhekk, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet fil-punt 80 tas-sentenza appellata, li “jiġu annullati l-atti kkontestati f’dak li jikkonċerna t-tielet motiv”. Imbagħad ippreċiżat, fil-punt 81 tas-sentenza appellata, li sa fejn “it-tliet motivi kkonċernati huma awtonomi, din il-konstatazzjoni ma twassalx għall-annullament tal-atti kkontestati inkwantu jistabbilixxu miżuri restrittivi kontra r-rikorrenti. Madankollu, it-tielet motiv ma jistax jittieħed inkunsiderazzjoni meta jiġu eżaminati l-motivi l-oħra tar-rikors, b’mod partikolari t-tmien motiv, li jikkonċerna l-iżball fl-evalwazzjoni tal-fatti”. |
|
80. |
Imbagħad, fil-kuntest tal-eżami tat-tielet motiv dwar il-ksur tad-drittijiet tad-difiża ta’ Kala Naft u tad-dritt tagħha għall-protezzjoni ġudizzjarja effettiva, il-Qorti Ġenerali rrispondiet l-argument fejn din sostniet li ma setax ikollha aċċess għall-elementi u l-informazzjoni fil-fajl tal-Kunsill, minkejja t-talba espressa f’dan is-sens ifformulata fl-ittra tat-12 ta’ Settembru 2010. F’dik l-ittra, Kala Naft essenzjalment talbet, lill-Kunsill li jipprovdilha informazzjoni “b’livell raġonevoli ta’ dettalji”, fuq it-tliet motivi adottati. Wara li kkonstatat li l-Kunsill ma kienx irrisponda għal din it-talba fl-ittra tat-28 ta’ Ottubru 2010, il-Qorti Ġenerali kkonkludiet li l-Kunsill kien kiser id-drittijiet tad-difiża ta’ Kala Naft meta ma rrispondiex it-talba ta’ aċċess għall-fajl, li din tal-aħħar ifformulat fil-ħin ( 33 ). Imbagħad il-Qorti Ġenerali sabet li kien hemm ksur tad-dritt ta’ dik il-kumpannija għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva, li wassalha tilqa’ t-tielet motiv u, għaldaqstant, għall-annullament tal-atti kkontestati sa fejn kienu jikkonċernaw lil Kala Naft. |
|
81. |
Billi rrilevat, skont l-affermazzjonijiet tal-Kunsill, li l-fajl tiegħu ma kienx fih provi jew elementi ta’ informazzjoni għajr dawk riprodotti fil-motivazzjoni tal-atti kkontestati, il-Qorti Ġenerali kkunsidrat li kien opportun, “għall-ekonomija tal-ġudizzju u fl-interess ta’ amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja”, li teżamina s-seba’ u t-tmien motivi dwar rispettivament żball ta’ liġi fuq il-kunċett ta’ implikazzjoni fil-proliferazzjoni nukleari u ta’ żball ta’ evalwazzjoni tal-fatti fuq l-attivitajiet ta’ Kala Naft. |
|
82. |
Fuq is-seba’ motiv dwar żball ta’ liġi fir-rigward tal-kunċett ta’ implikazzjoni fil-proliferazzjoni nukleari, il-Qorti Ġenerali żvolġiet dan ir-raġunament:
|
|
83. |
Fl-aħħar nett, fuq it-tmien motiv dwar żball fl-evalwazzjoni tal-fatti dwar l-attivitajiet tar-rikorrenti, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet kif ġej:
|
A – L-argumenti tal-partijiet
|
84. |
Il-Kunsill isostni li, l-ewwel nett, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta eżaminat b’mod separat u distint, u mill-angolu ta’ motivi ta’ annullament differenti, kull wieħed mit-tliet elementi li mmotivaw l-elenkar ta’ Kala Naft fil-lista. B’mod partikolari, biex tiġi evalwata l-eżistenza ta’ appoġġ għall-proliferazzjoni nukleari, l-ewwel motiv huwa rilevanti fil-kuntest ta’ motivi oħrajn użati biex tiġi indikata Kala Naft. Għalhekk, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta ma ħaditx inkunsiderazzjoni r-relazzjoni tal-ewwel motiv mal-elementi l-oħrajn ta’ motivazzjoni. |
|
85. |
Fit-tieni lok, il-Kunsill isostni li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta ma ħaditx biżżejjed inkunsiderazzjoni, meta eżaminat it-tieni u t-tielet motivi, iċ-ċirkustanza li dawn l-elementi kienu bbażati fuq informazzjoni ġejja minn sorsi kunfidenzjali. Huwa josserva li l-attivitajiet ta’ proliferazzjoni nukleari tar-Repubblika Iżlamika tal-Iran huma sigrieti, li ma kinux ġew iddikjarati lill-AIEA u li kienu twettqu bi ksur tar-riżoluzzjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà. L-attivitajiet li hemm ilment dwarhom fil-konfront ta’ Kala Naft fit-tieni u t-tielet elementi tal-motivazzjoni huma wkoll sigrieti u l-elementi li fuq il-bażi tagħhom ġew ikkonstatati ġejjin minn sorsi kunfidenzjali. |
|
86. |
Issa, ċerti Stati Membri jistgħu joġġezzjonaw għall-komunikazzjoni ta’ informazzjoni ġejja minn sorsi kunfidenzjali sa fejn din tista’ tippermetti l-identifikazzjoni tal-persuni li pprovdew din l-informazzjoni jew li jiżvelaw il-metodu li bih inkisbet l-imsemmija informazzjoni. Għaldaqstant, il-ħajja jew is-sigurtà tal-persuni kkonċernati jistgħu jiġu pperikolati u l-mezz użat biex tinkiseb din l-informazzjoni tirriskja li tiġi kkompromessa. |
|
87. |
Il-Kunsill jindika wkoll li l-informazzjoni setgħet ġiet ipprovduta lil Stat Membru minn Stat terz b’mod kunfidenzjali, b’dan tal-aħħar jirrifjuta li jawtorizza li tiġi kkomunikata. F’ipoteżi bħal din, ikun neċessarju wkoll li tiġi rrispettata l-kunfidenzjalità tal-informazzjoni, għaliex fil-każ kuntrarju l-kooperazzjoni internazzjonali bejn l-Istati Membri u Stati terzi tirriskja li tiġi kompromessa. |
|
88. |
Il-Kunsill jiddeduċi minn dan li, meta Stat Membru jipproponi li jindika persuna jew entità iżda l-provi u l-informazzjoni li jistgħu jissostanzjaw jew jippreċiżaw l-motiv ta’ indikazzjoni jiġu minn sorsi kunfidenzjali, jista’ b’mod leġittimu jagħmel dik l-indikazzjoni fuq il-bażi biss tal-espożizzjoni tal-motivi proposta mill-Istat Membru. Il-Kunsill jippreċiża li din l-espożizzjoni tal-motivi għandha tkun oġġettivament konvinċenti, kif ġara f’dan il-każ. |
|
89. |
Matul is-seduta, sabiex juri n-natura oġġettivament konvinċenti tal-motivi, seħaq fuq iċ-ċirkustanza, enfasizzata fis-sbatax-il kunsiderazzjoni tar-Riżoluzzjoni 1929 (2010) tal-Kunsill tas-Sigurtà li “l-materjal u s-sustanzi użati fil-proċeduri kimiċi tal-industrija petrokimika jixbhu ħafna dawk użati f’ċerti attivitajiet sensittivi taċ-ċiklu tal-kombustjoni nukleari” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. |
|
90. |
Skont il-Kunsill, l-approċċ li jiddefendi jikkonforma mal-prinċipju tal-fiduċja reċiproka li għandha tirrenja bejn l-Istati Membri kif ukoll fost dawn u l-istituzzjonijiet tal-Unjoni, u li huwa ġġustifikat mill-fatt li l-valuri dwar ir-rispett tad-drittijiet fundamentali huma komuni fost l-Istati Membri tal-Unjoni. Barra minn hekk, dik il-konklużjoni tikkonforma wkoll mal-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali, kif previst mill-ewwel paragrafu tal-Artikolu 4(3) TUE. Għalhekk ikun eċċessiv li jkun meħtieġ li Stat Membru jikkomunika provi u informazzjoni anki jekk jiġu minn sorsi kunfidenzjali. |
|
91. |
Barra minn dan, il-Kunsill jiċċita diversi sentenzi tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, dwar l-Artikolu 6(1) tal-KEDB minn fejn jirriżulta li “d-dritt ta’ żvelar tal-provi rilevanti ma huwiex assolut. Fi proċedura kriminali partikolari, jista’ jkun hemm interessi kontra xulxin — bħal dawk tas-sigurtà nazzjonali jew tal-ħtieġa li jiġu protetti x-xhieda li jirriskjaw tpattija jew biex jiġu protetti sigrieti ta’ metodi tal-puliżija għat-tiftix tal-ksur — li għandhom ikunu f’bilanċ mad-drittijiet tal-akkużat” ( 34 ). |
|
92. |
Skont il-Kunsill, din il-konstatazzjoni tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, li għamlet dwar l-akkużi f’affarijiet kriminali għandha tgħodd iktar u iktar sa fejn dawn jikkostitwixxu mhux tant sanzjonijiet kriminali iżda miżuri ta’ natura preventiva ( 35 ). |
|
93. |
Għal dawn ir-raġunijiet kollha, il-Kunsill isostni li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta kkunsidrat li huwa kellu jressaq provi biex isostni t-tieni element tal-motivazzjoni (jiġifieri t-tentattiv ta’ Kala Naft li tixtri xatbi tal-liga li jifilħu ħafna użati esklużivament għall-industrija nukleari) u biex jiġi ppreċiżat iktar it-tielet element ta’ din il-motivazzjoni (jiġifieri li Kala Naft għandha rabtiet mal-kumpanniji li jieħu sehem fil-programm nukleari Iranjan). Il-Kunsill huwa tal-fehma wkoll li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta ddeċidiet li huwa kiser id-drittijiet tad-difiża ta’ Kala Naft meta ma rrispondiex it-talba tagħha li tiġi informata bid-dettalji dwar l-elementi li kien hemm kontriha. |
|
94. |
B’risposta għal dawn l-argumenti, Kala Naft issostni, fl-ewwel lok, li huwa l-Kunsill innifsu li kkunsidra kull element tal-motivazzjoni li jidhru fl-atti kkontestati bħala suffiċjenti, minnu nnifsu, biex jiġġustifika d-deċiżjoni tiegħu. Mhux biss il-Qorti Ġenerali ma wettqitx żball ta’ liġi meta ċaħdet it-tielet motiv, imma l-motiv tal-Kunsill kellu jitqies li huwa ġdid, u għalhekk, inammissibbli. |
|
95. |
Bl-istess raġunament tal-Qorti Ġenerali li hemm fil-punti 114 u 115 tas-sentenza appellata, Kala Naft issostni, fit-tieni lok, li l-ewwel aggravju, intrinsikament ivviżjat, ma jistax ikollu bħala effett li jivvalida t-tielet aggravju. |
|
96. |
Fit-tielet lok, Kala Naft issostni li, anki meta jinqraw flimkien l-ewwel u t-tielet aggravji, dan tal-aħħar jibqa’ ma jinftehimx sew għaliex ma huwiex possibbli li wieħed jifhem għal liema kumpanniji u għal liema rabtiet qed jirreferi l-Kunsill. |
|
97. |
Fir-rigward tal-provi, Kala Naft issostni li l-Kunsill ma invokax il-kunfidenzjalità tal-provi ħlief waqt is-seduta. Għaldaqstant dan huwa motiv ġdid, li l-Artikolu 48(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali jipprojbiha milli teżaminah. |
|
98. |
Filwaqt li tiċċita s-sentenza Kadi u Al Barakaat International Foundation vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, u s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-21 ta’ Marzu 2012, Fulmen vs Il-Kunsill ( 36 ), Kala Naft ssostni li l-qorti tal-Unjoni għandha tkun tista’ tistħarreġ il-legalità u l-fondatezza tal-miżuri ta’ ffriżar tal-fondi, mingħajr ma jista’ jiġi oġġezzjonat fil-konfront tagħha s-sigriet jew il-kunfidenzjalità tal-provi u tal-informazzjoni użati mill-Kunsill. |
|
99. |
Hija tenfasizza li l-Kunsill ma kkomunikalha l-ebda informazzjoni. Kala Naft tfakkar li l-iffriżar tal-fondi huwa mmotivat mill-fatt li hija kienet ippruvat tixtri materjal (xatbi tal-liga li jifilħu ħafna) użati esklużivament mill-industrija nukleari u kellha rabtiet mal-kumpanniji li jieħdu sehem fil-programm nukleari. Kala Naft ma tarax kif l-għoti ta’ informazzjoni f’dan ir-rigward, joħloq riskju għas-sigurtà tal-informaturi tal-Kunsill jew tal-Istati Membri. Hija pjuttost tikkunsidra li din l-allegata kunfidenzjalità taħbi n-nuqqas ta’ elementi tanġibbli u tirrimarka li l-Kunsill ma jipproponi l-ebda miżura prattika li tippermetti li din il-problema tiġi solvuta, bħal komunikazzjoni in camera. |
B – Evalwazzjoni
|
100. |
Ngħid mill-ewwel li ma naqbilx mar-raġunament tal-Qorti Ġenerali u r-riżultat li dan iwassal għalih. Dan in-nuqqas ta’ qbil huwa spjegat fil-biċċa l-kbira mill-fatt li l-Qorti Ġenerali, fil-fehma tiegħi, ma ħaditx biżżejjed inkunsiderazzjoni l-kuntest li fih jidħlu l-miżuri restrittivi meħudin kontra r-Repubblika Iżlamika tal-Iran u n-natura preventiva tagħhom. |
1. Il-kuntest ġenerali li jiġġustifika l-miżuri restrittivi meħudin kontra r-Repubblika Iżlamika tal-Iran
|
101. |
Dan il-kuntest huwa kkaratterizzat minn konstatazzjoni, espressa fir-raba’ kunsiderazzjoni tar-Riżoluzzjoni 1929 (2010) tal-Kunsill tas-Sigurtà, jiġifieri li “kif ġie kkonfermat mir-rapporti tad-Direttut Ġenerali tal-[AIEA] […], l-Iran la ssospenda għal kollox u b’mod permanenti l-attivitajiet kollha marbutin mal-arrikkiment u mar-riproċessar kif ukoll mal-ilma tqil […], u lanqas ma kkoopera mal-AIEA dwar kwistjonijiet pendenti li huma preokkupanti u li għandhom jiġu kkjarifikati biex tiġi eskluża dimensjoni militari eventwali tal-programm nukleari tagħha, u lanqas ma ħa miżuri oħrajn preskritti mill-Kunsill tal-Gvernijiet tal-AIEA, u lanqas ma ssodisfa d-dispożizzjonijiet tar-Riżoluzzjonijiet 1696 (2006), 1737 (2006), 1747 (2007) u 1803 (2008) tal-Kunsill tas-Sigurtà” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Fid-dawl ta’ din il-konstatazzjoni, il-Kunsill tas-Sigurtà ddeċieda, partikolarment fil-punt 5 tar-Riżoluzzjoni 1929 (2010) li, “l-Iran għandu mingħajr dewmien jonora bi sħiħ u mingħajr riżervi l-obbligi li għandu bis-saħħa tal-Ftehim ta’ Garanziji [TNP ( 37 )] li kkonkluda mal-AIEA” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. |
|
102. |
Quddiem ir-rifjut persistenti tar-Repubblika Iżlamika tal-Iran li timplementa dawn ir-riżoluzzjonijiet u li tikkoopera mal-AIEA, il-Kunsill tas-Sigurtà ntalab jagħmel pressjoni fuq dan l-Istat biex jikkonvinċih jikkonforma mal-obbligi internazzjonali tiegħu. Il-miżuri deċiżi għal dan l-iskop huma maħsuba biex jibqgħu sakemm il-Kunsill tas-Sigurtà ma jkollux, minħabba r-rifjut li tikkoopera li esprimiet ir-Repubblika Iżlamika tal-Iran, garanziji li l-programm nukleari ta’ dan l-Istat jiġi żviluppat għal finijiet esklużivament paċifiċi. |
|
103. |
Minbarra li huma intiż biex jagħmlu pressjoni fuq ir-Repubblika Iżlamika tal-Iran biex jixprunawha tirrispetta l-obbligi internazzjonali tagħha, il-miżuri restrittivi deċiżi mill-Kunsill tas-Sigurtà huma intiżi, kif jirriżulta mill-wieħed u għoxrin kunsiderazzjoni tar-Riżoluzzjoni 1929 (2010), biex jostakolaw l-iżvilupp minn dan l-Istat ta’ teknoloġiji li jappoġġaw il-programmi nukleari tiegħu u tal-missili. |
|
104. |
Għalhekk, din ir-riżoluzzjoni, bħal dawk preċedenti, tagħmel enfasi fuq ir-riskju ta’ proliferazzjoni li joħloq il-programm nukleari Iranjan ( 38 ) u l-ħtieġa li dan ir-riskju jiġi pprevenut. |
|
105. |
Fost il-miżuri preventivi previsti mir-Riżoluzzjoni 1929 (2010) hemm, fil-punt 21 tagħha, fuq il-binarju ta’ dak li kien ġie stabbilit fir-riżoluzzjonijiet preċedenti ( 39 ), l-iffriżar ta’ fondi u tar-riżorsi ekonomiċi li fir-rigward tagħhom l-Istati għandhom informazzjoni li tipprovdilhom motivi raġonevoli biex dak li jkun jaħseb li jistgħu jikkontribwixxu għall-attivitajiet nukleari tar-Repubblika Iżlamika tal-Iran u li joħolqu riskju ta’ proliferazzjoni jew tal-iżvilupp ta’ sistemi li jwasslu l-armi nukleari. |
2. In-natura preventiva tal-miżuri restrittivi meħudin kontra r-Repubblika Iżlamika tal-Iran
|
106. |
Il-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet mingħajr ambigwità n-natura preventiva tal-miżuri restrittivi meħudin kontra r-Repubblika Iżlamika tal-Iran. Fis-sentenza tagħha Bank Melli Iran vs Il-Kunsill, iċċitata iktar ’il fuq, hija indikat li “[m]ill-kunsiderazzjonijiet u mid-dispożizzjonijiet kollha [tar-Regolament Nru 423/2007] jirriżulta li l-għan tiegħu huwa li jipprekludi jew li jrażżan il-politika adottata minn dan l-Istat fil-qasam nukleari, fid-dawl tal-perikolu ta’ din il-politika, permezz ta’ miżuri restrittivi fil-qasam ekonomiku” ( 40 ). Hija ppreċiżat li “ma hijiex l-attività ġenerali tal-proliferazzjoni nukleari li hija miġġielda iżda r-riskji partikolari tal-programm Iranjan tal-proliferazzjoni nukleari” ( 41 ). |
|
107. |
Fis-sentenza tal-21 ta’ Diċembru 2011, Afrasiabi et ( 42 ), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li “mill-kliem kemm tar-Riżoluzzjoni 1737 (2006), b’mod partikolari mill-punti 2 u 12, kif ukoll mill-Pożizzjoni Komuni 2007/140/PESK [ ( 43 )], b’mod partikolari mill-premessi wieħed u disa’, jirriżulta ċar li l-miżuri restrittivi adottati kontra l-Iran għandhom għan preventiv fis-sens li huma intiżi li jimpedixxu ‘riskju ta’ proliferazzjoni’ nukleari f’dan l-Istat” ( 44 ). |
|
108. |
Huwa interessanti li jiġi nnotat li l-Qorti tal-Ġustizzja kkonkludiet minn din il-konstatazzjoni konsegwenza diretta fuq l-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ “riżorsi ekonomiċi” fis-sens tal-Artikolu 1(i) tar-Regolament Nru 423/2007. Għalhekk il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li, fid-dawl tan-natura preventiva tal-miżuri restrittivi adottati kontra r-Repubblika Iżlamika tal-Iran il-“kriterju rilevanti, għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-kunċett […], jinsab fil-possibbiltà li l-assi kkonċernati jiġu użati sabiex jinkisbu fondi, beni jew servizzi li jistgħu jikkontribwixxu għall-proliferazzjoni nukleari fl-Iran” ( 45 ). Għall-finijiet tal-interpretazzjoni tal-Artikolu 7(3) tar-Regolament Nru 423/2007, dwar il-projbizzjoni ta’ tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ fondi jew riżorsi ekonomiċi lil persuni u entitajiet elenkati, il-Qorti tal-Ġustizzja ħadet inkunsiderazzjoni l-fatt li assi, fis-sens tal-Artikolu 1(i) ta’ dan l-istess regolament, “iwassal, minnu nnifsu, għal riskju ta’ użu ħażin favur il-proliferazzjoni nukleari fl-Iran” ( 46 ), u enfasizzat il-“potenzjal tal-użu li [forn ta’ tibdil fi ħġieġ bħal dak inkwistjoni] [j]offri għall-manifattura ta’ komponenti ta’ missili nukleari u, għalhekk, sabiex [j]ikkontribbwixxi għall-proliferazzjoni nukleari fl-Iran” ( 47 ). |
|
109. |
Dan l-approċċ, li jikkonforma mal-prinċipju ta’ prekawżjoni, u jikkonsisti, għall-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni dwar l-iffriżar ta’ fondi, li fil-qalba tar-raġunament tagħha tpoġġi l-funzjoni preventiva tal-miżuri restrittivi, jidhirli li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha żżommu. |
|
110. |
Għalhekk, jekk il-Qorti tal-Ġustizzja trid tibqa’ koerenti ma’ dak li ddeċidiet fis-sentenza tagħha Afrasiabi et, iċċitata iktar ’il fuq, u tagħti portata lir-riferimenti ripetuti għan-natura preventiva tal-miżuri restrittivi, hija għandha, kif ser ikolli l-okkażjoni li nispjega iktar ’il quddiem, tikkunsidra li din in-natura preventiva tal-miżuri restrittivi teħtieġ min-naħa tagħha adattament tal-istħarriġ tagħha, b’mod partikolari għall-finijiet tal-evalwazzjoni jekk persuna jew entità għandhiex titqies li tipprovdi appoġġ għall-proliferazzjoni nukleari. |
3. Il-kuntest speċifiku li wassal għall-indikazzjoni ta’ Kala Naft
|
111. |
Sabiex jiġi pprevenut ir-riskju ta’ proliferazzjoni li jippreżenta l-programm nukleari Iranjan u tikber il-pressjoni fuq ir-Repubblika Iżlamika tal-Iran, ir-Riżoluzzjoni 1929 (2010) wessgħet il-portata tal-miżuri restrittivi preċedenti u stabbilixxiet miżuri restrittivi supplimentari kontra dak l-Istat. |
|
112. |
Għal dan l-iskop, identifikat diversi setturi ekonomiċi li l-attivitajiet tagħhom jistgħu jikkontribwixxu għal attivitajiet nukleari li joħloqu riskju ta’ proliferazzjoni. Fost dawn is-setturi hemm b’mod partikolari dak tal-enerġija, partikolarment l-industrija tal-gass u taż-żejt. |
|
113. |
Is-sbatax-il kunsiderazzjoni tar-Riżoluzzjoni 1929 (2010) tindika b’mod ċar għaliex huwa milqut dan is-settur. Il-Kunsill tas-Sigurtà jenfasizza, f’din il-kunsiderazzjoni r-“rabta potenzjali bejn id-dħul li [ir-Repubblika Iżlamika tal-]Iran tirċievi mis-settur tagħha tal-enerġija u l-finanzjament tal-attivitajiet nukleari tagħha li joħolqu riskju ta’ proliferazzjoni” u “li l-materjal u s-sustanzi użati fil-proċeduri kimiċi tal-industrija petrokimika jixbħu ħafna dawk użati f’ċerti attivitajiet sensittivi taċ-ċiklu tal-kombustjoni nukleari” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. |
|
114. |
Għalhekk, is-settur enerġetiku tar-Repubblika Iżlamika tal-Iran jagħmel parti mis-setturi milqutin mill-miżuri restrittivi għar-raġuni doppja li jikseb għal dan l-Istat dħul li jista’ jiġi użat għall-finanzjament tal-attivitajiet nukleari li joħolqu riskju ta’ proliferazzjoni, u li l-oġġetti użati mill-industrija petrokimika jistgħu jkunu użati hekk biex jiġi żviluppat il-programm nukleari Iranjan. |
|
115. |
Għalhekk dan is-settur huwa partikolarment milqut mill-miżuri restrittivi minħabba r-riskju li joħloq f’termini ta’ proliferazzjoni nukleari. |
|
116. |
Din it-turija ta’ sitwazzjoni riskjuża tas-settur tal-enerġija Iranjan twasslet mill-Kunsill Ewropew fil-konklużjonijiet tiegħu tas-17 ta’ Ġunju 2010 fejn dan stieden lill-Kunsill li jadotta miżuri li jimplementaw dawk stabbiliti fir-Riżoluzzjoni 1929 (2010) kif ukoll miżuri li jakkumpanjawhom. Fost is-setturi li dawn il-miżuri għandhom jirrigwardaw hemm is-“setturi l-kbar tal-industrija tal-gass u taż-żejt, bil-projbizzjoni ta’ investimenti ġodda, tal-assistenza teknika u tat-trasferimenti ta’ teknoloġiji, ta’ tagħmir u ta’ servizzi marbutin ma’ dawn is-setturi” [traduzzjoni mhux uffiċjali] ( 48 ). |
|
117. |
Skont dawn il-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew, id-Deċiżjoni 2010/413 tistabbilixxi, fl-Artikolu 4(1) tagħha, il-projbizzjoni tal-“bejgħ, il-forniment, jew it-trasferiment ta’ tagħmir u teknoloġija prinċipali għas-setturi prinċipali li ġejjin tal-industrija taż-żejt u l-gass naturali fl-Iran, jew lil intrapriżi Iranjani jew bi sjieda [sidien] Iranjana li huma involuti f’dawk is-setturi barra l-Iran, minn ċittadini tal-Istati Membri, jew mit-territorji tal-Istati Membri, jew bl-użu ta’ bastimenti jew inġenji tal-ajru taħt il-ġurisdizzjoni tal-Istati Membri għandhom ikunu pprojbiti sew jekk joriġinaw fit-territorji tagħhom u sew jekk le”. |
|
118. |
Biex tissupplimenta din il-miżura, id-Deċiżjoni 2010/413 stabbixxiet ukoll miżuri tal-iffriżar ta’ fondi u tar-riżorsi ekonomiċi ta’ persuni u entitajiet oħrajn, kif ukoll restrizzjoni supplimentari għall-iskambji kummerċjali li jirrigwardaw oġġetti u teknoloġiji b’użu doppju. |
|
119. |
Ir-Regolament Nru 961/2010 implementa l-miżuri restrittivi supplimentari stabbiliti bid-Deċiżjoni 2010/413. Għalhekk, fl-Anness VI tiegħu hemm lista ta’ tagħmir u ta’ teknoloġiji ewlenin intiżi għas-setturi essenzjali, enumerati fl-Artikolu 8(2) ta’ dan ir-regolament, tal-industrija taż-żejt u tal-gass naturali fl-Iran. Jippreċiża wkoll il-portata tar-restrizzjonijiet supplimentari għall-iskambji kummerċjali li jirrigwardaw l-oġġetti u t-teknoloġiji b’użu doppju, filwaqt li jirreferi għar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 428/2009, tal-5 ta’ Mejju 2009, li jistabbilixxi reġim Komunitarju għall-kontroll tal-esportazzjonijiet, it-trasferimenti, is-senserija u t-transitu ta’ oġġetti b’użu doppju ( 49 ). |
|
120. |
Barra minn hekk, fir-rigward tat-“theddida mi[r-Repubblika Iżlamika tal]-Iran għall-paċi u s-sigurtà internazzjonali” ( 50 ), il-Kunsill ikkunsidra li kien meħtieġ li jiġu adattati l-listi ta’ ffriżar tal-fondi. |
|
121. |
Dan huwa l-kuntest li fih Kala Naft ġiet elenkata mal-persuni u l-entitajiet li jidhru fl-Anness II tad-Deċiżjoni 2010/413 u tal-Anness VIII tar-Regolament 961/2010. Dan il-kuntest huwa mmarkat minn impenn doppju, jiġifieri minn naħa, dik li ssir pressjoni fuq ir-Repubblika Iżlamika tal-Iran billi jiġi pparalizzat settur strateġiku li għaliha huwa sors importanti ta’ dħul, li jista’ jintuża potenzjalment għall-finijiet ta’ żvilupp tal-programm nukleari tagħha. |
|
122. |
Min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-konstatazzjoni magħmula mill-Kunsill tas-Sigurtà fir-Riżoluzzjoni 1929 (2010) tiegħu ta’ xebh bejn il-materjal u s-sustanzi użati mill-proċessi kimiċi tal-industrija petrokimika u dawk li huma użati f’ċerti attivitajiet sensittivi taċ-ċiklu tal-kombustjoni nukleari, kif ukoll il-ħtieġa li jiġu ristretti l-iskambji kummerċjali li jirrigwardaw l-oġġetti u t-teknoloġiji b’użu doppju, il-leġiżlatur tal-Unjoni xtaq jipprevjeni r-riskju li l-oġġetti u t-teknoloġiji intiżi għal impriżi li jappartjenu lill-industrija taż-żejt u tal-gass, fil-verità, jintużaw ħażin għall-benefiċċju tal-attivitajiet nukleari tar-Repubblika Iżlamika tal-Iran. Dan l-impenn huwa rifless mhux biss fir-restrizzjonijiet għall-iskambji kummerċjali li jirrigwardaw it-tagħmir u t-teknoloġiji ewlenin li jistgħu jiġu użati fl-industrija Iranjana taż-żejt u tal-gass, imma wkoll fl-iffriżar tal-fondi u tar-riżorsi ekonomiċi ta’ entità bħal Kala Naft li l-attività tagħha hija x-xiri ta’ oġġetti għall-benefiċċju ta’ impriżi attivi f’dan is-settur. |
|
123. |
F’dan ir-rigward infakkar li Kala Naft għandha bħala għan li taġixxi bħala korp ċentrali tal-akkwisti għall-attivitajiet taż-żejt, tal-gass u petrokimiċi tal-grupp tal-NIOC. |
|
124. |
Fis-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali żvolġiet raġunament li jinjora dawn l-elementi ta’ kuntest u li ma tiħux inkunsiderazzjoni x’għandha tevalwa fil-legalità ta’ miżura ta’ natura preventiva u mhux ripressiva. In-nuqqas ta’ teħid inkunsiderazzjoni ta’ dan l-isfond wassal lill-Qorti Ġenerali biex twettaq diversi żbalji ta’ liġi. |
4. L-iżbalji ta’ liġi mwettqa mill-Qorti Ġenerali
a) Fuq l-obbligu tal-motivazzjoni
|
125. |
L-obbligu li l-persuna jew l-entità elenkata tingħata l-motivi għall-elenkar tagħha fil-lista huwa espressament stabbilit fl-Artikolu 24(3) tad-Deċiżjoni 2010/413, l-Artikolu 15(3) tar-Regolament Nru 423/2007, u l-Artikolu 36(3) tar-Regolament Nru 961/2010. |
|
126. |
Fir-rigward tal-verifika dwar jekk ir-raġunijiet ikkomunikati lill-persuna jew l-entità elenkata kinux suffiċjenti jew le, għandu jsir riferiment għall-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-obbligu ta’ motivazzjoni tal-atti tal-Unjoni ( 51 ). Essenzjalment, l-espożizzjoni tal-motivi għandha tippermetti lill-persuna kkonċernata li tkun taf il-ġustifikazzjonijiet wara l-miżuri meħuda u lill-qorti kompetenti li teżerċita l-istħarriġ tagħha. L-espożizzjoni tal-motivi għandha tindika r-raġunijiet speċifiċi u konkreti għaliex l-awtorità kompetenti tkun ikkunsidrat li l-parti kkonċernata kellha tkun suġġetta għal miżura restrittiva, b’tali mod li permezz ta’ dik l-espożizzjoni l-parti kkonċernata tkun tista’ tifhem dak li qed tiġi akkużat bih u tkun tista’ tiddefendi ruħha b’mod effettiv billi tikkontesta r-raġunijiet invokati. L-osservanza tal-obbligu ta’ motivazzjoni għandha tippermetti lill-persuna kkonċernata li tuża b’mod utli l-mezzi ta’ rimedji għad-dispożizzjoni tagħha biex tikkontesta l-legalità tad-deċiżjoni tal-elenkar. |
|
127. |
Ir-rekwiżit ta’ motivazzjoni jvarja skont in-natura tal-att inkwistjoni u l-kuntest li fih ikun ġie adottat. Dan ir-rekwiżit għandu jiġi evalwat abbażi taċ-ċirkustanzi tal-każ, b’mod partikolari tal-kontenut tal-att, tan-natura tar-raġunijiet invokati u tal-interess li d-destinatarji tal-att jew persuni oħra kkonċernati direttament u individwalment mill-att jista’ jkollhom sabiex jirċievu spjegazzjonijiet. Ma huwiex mitlub li l-motivazzjoni tispeċifika l-punti ta’ fatt u ta’ liġi rilevanti kollha sa fejn in-natura suffiċjenti ta’ motivazzjoni għandha tiġi evalwata fid-dawl mhux biss tal-formulazzjoni tagħha, iżda anki fid-dawl tal-kuntest tagħha u tar-regoli ġuridiċi kollha li jirregolaw il-qasam ikkonċernat ( 52 ). B’mod partikolari, att li jikkawża preġudizzju jkun motivat b’mod suffiċjenti jekk jiġi adottat f’kuntest magħruf mill-persuna kkonċernata li permezz tiegħu tkun tista’ tifhem il-portata tal-miżura meħuda fir-rigward tagħha ( 53 ). |
|
128. |
Wara li rreferiet għal din il-ġurisprudenza, il-Qorti Ġenerali, billi l-Kunsill invoka tliet motivi awtonomi, għamlet eżami separat ta’ kull wieħed minnhom. Skont dan l-eżami, hija ddeċidiet li kien hemm natura suffiċjenti tal-ewwel żewġ motivi, imma kkunsidrat li t-tielet wieħed kellu natura insuffiċjenti |
|
129. |
Għaldaqstant, fil-punt 80 tas-sentenza appellata, iddeċidiet li “għandu jintlaqa’ [il-motiv fuq il-ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni] u għaldaqstant, jiġu annullati l-atti kkontestati f’dak li jikkonċerna t-tielet motiv”. Imbagħad ippreċiżat, fil-punt 81 tas-sentenza appellata li “[s]a fejn it-tliet motivi kkonċernati huma awtonomi, din il-konstatazzjoni ma twassalx għall-annullament tal-atti kkontestati inkwantu jistabbilixxu miżuri restrittivi kontra r-rikorrenti”, qabel ma indikat li “[m]adankollu it-tielet motiv ma jistax jittieħed inkunsiderazzjoni meta jiġu eżaminati l-motivi l-oħra tar-rikors, b’mod partikolari t-tmien motiv, li jikkonċerna l-iżball fl-evalwazzjoni tal-fatti”. |
|
130. |
Nara li hemm kontradizzjoni bejn il-punt 80 u 81 tas-sentenza appellata, fejn il-Qorti Ġenerali ddeċidiet, fl-ewwel punt, li tannulla l-atti kkontestati sa fejn huwa kkonċernat it-tielet motiv qabel ma marret minnufih fuq din il-konklużjoni fit-tieni punt. |
|
131. |
Anki għalkemm ikkwalifikat mill-punt 81 tas-sentenza appellata, il-punt 80 tagħha jista’ jiġi kkritikat peress li jindika li l-konstatazzjoni li motiv minn tlieta ma huwiex suffiċjentement preċiż u konkret jikkostitwixxi ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni. Din il-konklużjoni hija, fil-fehma tiegħi, żbaljata. Għall-kuntrarju, hemm bżonn li tinftiehem il-motivazzjoni fl-intier tagħha u li jiġi kkunsidrat li, meta tal-inqas element wieħed tal-motivazzjoni jista’ jitqies li huwa suffiċjentement preċiż u konkret, l-obbligu ta’ motivazzjoni jkun ġie osservat. |
|
132. |
Fil-fatt, il-motivazzjoni għandha titqies li għandha natura suffiċjenti meta tpoġġi lill-persuna jew l-entità kkonċernata f’pożizzjoni li tifhem ir-raġunijiet tal-elenkar tagħha fil-lista u li tikkontesta dawn ir-raġunijiet. Fid-dawl tan-natura preventiva tal-miżuri inkwistjoni, dawk ir-raġunijiet għandhom jirriflettu kif attività, aġir jew rabtiet mal-persuna jew mal-entità indikata huma ta’ natura li jikkontribwixxu għall-iżvilupp ta’ programm nukleari Iranjan. Barra minn hekk, il-motivi għandhom jinftiehmu fid-dawl tal-kuntest li fih jidħlu l-miżuri restrittivi. F’dan ir-rigward, għandha tittieħed inkunsiderazzjoni, fil-qafas tal-evalwazzjoni tan-natura suffiċjenti tal-motivazzjoni, iċ-ċirkustanza li dan il-kuntest huwa, jekk ikun il-każ, magħruf mill-persuna jew l-entità indikata. |
|
133. |
Mill-mument li l-motivazzjoni ta’ miżura restrittiva, ikkunsidrata fil-kuntest li fih tidħol din il-miżura, tidentifika b’mod preċiż u konkret ir-riskju li joħolqu l-attività, l-aġir jew ir-rabtiet ta’ persuna jew ta’ entità indikata f’termini ta’ proliferazzjoni nukleari, il-ħtieġa ta’ motivazzjoni għandha titqies li ġiet sodisfatta. |
|
134. |
Barra minn hekk, nesprimi r-riżervi tiegħi fuq il-metodu li jikkonsisti fl-eżami b’mod separat tal-motivi tal-miżuri restrittivi mingħajr ma dak li jkun jirrelatahom ma’ xulxin. Dan il-metodu jista’ jwassal għal riżultat ippreġudikat u artifiċjali. Filwaqt li wieħed jammetti li t-tielet motiv ma huwiex mudell ta’ preċiżjoni, jidhirli li l-evalwazzjoni b’mod iżolat jew f’relazzjoni mal-motivi oħrajn tista’ timmodifika l-analiżi. Barra minn dan, hemmhekk ukoll il-Qorti Ġenerali kellha tieħu inkunsiderazzjoni l-kuntest li fih jidħol l-iffriżar tal-fondi u tar-riżorsi ekonomiċi ta’ Kala Naft. |
|
135. |
F’dan ir-rigward, kif spjegajt fl-argumenti preċedenti, ma huwiex ikkontestat li Kala Naft hija strutturalment u funzjonalment marbuta mal-impriża pubblika l-NIOC, fejn din hija taħt il-kontroll tal-Istat Iranjan u li tieħu ħsieb taġixxi bħala korp ċentrali tal-akkwisti għall-attivitajiet taż-żejt, tal-gass u petrokimiċi tal-grupp tal-NIOC. Barra minn hekk, il-Kunsill tas-Sigurtà semma r-rabta potenzjali bejn id-dħul tar-Repubblika Iżlamika tal-Iran mis-settur tal-enerġija u l-finanzjament tal-attivitajiet nukleari li joħolqu riskju ta’ proliferazzjoni, u wissa lill-Istati dwar il-fatt li l-materjal u s-sustanzi użati mill-proċessi tal-industrija petrokimika jixbħu ħafna dawk użati f’ċerti attivitajiet sensittivi taċ-ċiklu tal-kombustjoni nukleari. |
|
136. |
Fil-fehma tiegħi, huwa fid-dawl ta’ dan il-kuntest kif ukoll ta’ elementi oħrajn tal-motivazzjoni li għandha tiġi evalwata n-natura suffiċjenti tal-allegazzjoni li Kala Naft għandha rabtiet mal-kumpanniji li jieħdu sehem fil-programm nukleari tal-Iran. |
|
137. |
Fid-dawl ta’ dawn l-elementi, nikkonkludi mingħajr riżerva fuq in-natura suffiċjenti tal-motivazzjoni tal-atti kkontestati, billi din ippermettiet lil Kala Naft tifhem, fid-dawl ta’ kuntest li ma setgħetx tippretendi li ma tafx, kif l-attività tagħha, l-aġir tagħha u r-rabtiet allegati setgħu jikkontribwixxu għall-iżvilupp tal-programm nukleari Iranjan, u għalhekk li setgħu joħolqu riskju f’termini ta’ proliferazzjoni nukleari. |
|
138. |
Għalhekk, il-Qorti Ġenerali kkonstatat ħażin, fil-punt 80 tas-sentenza appellata, li kien hemm ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni. |
b) Fuq id-drittijiet tad-difiża u d-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva
|
139. |
Fil-punt 101 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali kkunsidrat li l-Kunsill kien kiser id-drittijiet tad-difiża ta’ Kala Naft meta ma rrispondiex għat-talba ta’ aċċess għall-fajl li kienet għamlet. Sa fejn dan il-fatt seta’ a priori jaffettwa d-difiża ta’ din il-kumpannija quddiem il-Qorti Ġenerali, hija, għaldaqstant, skont hi, ittrasformat ksur tad-dritt tagħha f’protezzjoni ġudizzjarja effettiva. Għal din ir-raġuni, il-Qorti Ġenerali b’hekk annullat l-atti kkontestati fir-rigward ta’ Kala Naft. |
|
140. |
Jiena ma naqbilx ma’ din l-analiżi. |
|
141. |
Fl-ittra tagħha tat-12 ta’ Settembru 2010, Kala Naft talbet lill-Kunsill biex jinfurmaha “b’livell raġonevoli ta’ dettalji” fuq it-tliet motivi li kien hemm kontriha. Kala Naft għalhekk talbet lill-Kunsill informazzjoni supplimentari insostenn ta’ dawn il-motivi, informazzjoni li l-Kunsill ma pprovdiex fl-ittra tat-28 ta’ Ottubru 2010. |
|
142. |
Issa jirriżulta mill-punt 110 tas-sentenza appellata li, fid-dokumenti tiegħu quddiem il-Qorti Ġenerali, il-Kunsill kien ikkonferma li l-fajl tiegħu ma kienx fih provi jew elementi ta’ informazzjoni barra minn dawk riprodotti fil-motivazzjoni tal-atti kkontestati, li għandha għalhekk titqies li hija suffiċjentement preċiża u konkreta. F’dawn il-kundizzjonijiet, ma jistax jiġi lmentat fil-konfront tiegħu li kiser id-drittijiet tad-difiża u d-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva ta’ Kala Naft meta ma kkommunikalhiex, minbarra l-espożizzjoni tal-motivi, l-informazzjoni li ma kellux ( 54 ). |
|
143. |
Issa niġi għall-kwistjoni jekk il-Kunsill setax ġustament joqgħod fuq l-elementi li kellu biss, jiġifieri l-espożizzjoni tal-motivi, moqrija fid-dawl tal-kuntest li fih il-miżura restrittiva inkwistjoni kienet deċiża, kif ukoll l-osservazzjonijiet ta’ Kala Naft, għall-adozzjoni u mbagħad għad-deċiżjoni taż-żamma ta’ din il-miżura. Il-Qorti Ġenerali kkunsidrat li dan ma kienx il-każ. Jiena ma naqbilx mal-analiżi tagħha. |
c) Fuq il-fondatezza tal-motivazzjoni
|
144. |
Għandu jiġi mfakkar fil-qosor ir-raġunament li għamlet il-Qorti Ġenerali. |
|
145. |
Fl-ewwel lok, il-Qorti Ġenerali kkunsidrat li l-ewwel motiv, ibbażat fuq il-fatt li Kala Naft tikkummerċjalizza tagħmir għas-settur taż-żejt u tal-gass li jista’ jintuża għall-programm nukleari Iranjan, ma jirriflettix l-eżistenza ta’ appoġġ għall-proliferazzjoni nukleari, skont l-Artikolu 20(1) tad-Deċiżjoni 2010/413, l-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 423/2007 u l-Artikolu 16(2)(a) tar-Regolament Nru 961/2010. Fil-fatt skont din, “[i]l-kliem użat mil-leġiżlatur ifisser li l-adozzjoni ta’ miżuri restrittivi kontra ta’ entità, minħabba l-appoġġ li allegatament tat lill-proliferazzjoni nukleari, jippresupponi li din tkun adottat aġir li jikkorrispondi għal dan il-kriterju. Min-naħa l-oħra, fin-nuqqas ta’ dan l-aġir effettiv, is-sempliċi riskju li l-entità kkonċernata ta[għ]ti appoġġ għall-proliferazzjoni nukleari fil-futur ma huwiex suffiċjenti” ( 55 ). |
|
146. |
Meta ddeċidiet hekk, il-Qorti Ġenerali essenzjalment ivvalidat l-argument li Kala Naft ressqet fl-ewwel istanza, jiġifieri, sabiex titqies li tikkostitwixxi appoġġ għall-proliferazzjoni nukleari, il-parteċipazzjoni ta’ persuna jew ta’ entità fil-programm nukleari għandha tkun “effettiva u kkonstatata, u mhux biss eventwali jew possibbli” ( 56 ). |
|
147. |
Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali rrifjutat li tieħu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanza li l-Kunsill għandu s-setgħa, skont l-Artikolu 215(1) TFUE li jinterrompi totalment ir-relazzjonijiet ekonomiċi u finanzjarji ma’ Stat terz jew jadotta miżuri restrittivi settorjali fir-rigward ta’ dan tal-aħħar. |
|
148. |
Il-Qorti Ġenerali kkonkludiet li hemm lok li jiġu annullati l-atti kkontestati sa fejn kellu x’jaqsam l-ewwel motiv. |
|
149. |
Billi l-ewwel motiv ma tqiesx, mill-angolu tal-klassifikazzjoni ġuridika tal-fatti, li huwa fondat mill-Qorti Ġenerali, huwa biss fir-rigward tat-tieni motiv dwar li Kala Naft kienet ippruvat tixtri materjal (xatbi tal-liga li jifilħu ħafna) użati esklużivament mill-industrija nukleari, li l-Qorti Ġenerali għamlet eżami tal-preċiżjoni materjali tal-fatti. |
|
150. |
Biex tkun tista’ tagħmel dan, implementat standard ta’ stħarriġ ġudizzjarju u fakkret fil-parametri u l-intensità tiegħu. Għalhekk, skont hi, jirriżulta mill-ġurisprudenza li “l-istħarriġ ġudizzjarju tal-legalità ta’ att li bih ikunu ġew adottati miżuri restrittivi fir-rigward ta’ entità jestendi għall-evalwazzjoni tal-fatti u taċ-ċirkustanzi invokati sabiex jiġġustifikawh, kif ukoll għall-verifika tal-provi u tal-informazzjoni li tkun ibbażata fuqhom din l-evalwazzjoni. F’każ ta’ kontestazzjoni, huwa l-Kunsill li għandu jippreżenta dawn il-provi bil-għan li jiġu vverifikati mill-qorti tal-Unjoni” ( 57 ). |
|
151. |
Fl-applikazzjoni ta’ dan l-istandard ta’ kontroll, il-Qorti Ġenerali kkonkludiet li, sa fejn il-Kunsill ma kienx ġab il-prova tal-allegazzjonijiet invokati fil-kuntest tat-tieni motiv, kien hemm lok li jiġu annullati l-atti kkontestati għal dak li jirrigwarda dan l-istess motiv. |
|
152. |
B’raġunament ta’ dan it-tip, il-Qorti Ġenerali fil-fehma tiegħi, għamlet evalwazzjoni żbaljata tal-fondatezza tal-motivazzjoni tal-atti kkontestati. |
|
153. |
L-ewwel nett, mil-lat strett tal-metodu, il-Qorti Ġenerali waslet għal din l-evalwazzjoni f’żewġ stadji, f’ordni kemmxejn sorprendenti. L-ewwel nett eżaminat is-seba’ motiv dwar żball ta’ liġi fuq il-kunċett ta’ implikazzjoni fil-proliferazzjoni nukleari, qabel ma eżaminat it-tmien motiv dwar żball ta’ evalwazzjoni tal-fatti tal-attivitajiet ta’ Kala Naft. Meta għamlet hekk, il-Qorti Ġenerali għaddiet għal eżami tad-klassifikazzjoni ġuridika tal-fatti qabel dak tal-preċiżjoni materjali tal-fatti, li fil-fehma tiegħi ma jidhirx li hija l-ordni loġika u tradizzjonali ta’ eżami tal-motivi fil-kuntest ta’ rikors għal annullament. |
|
154. |
Dan il-mod ta’ kif ipproċediet huwa iktar u iktar kritikabbli għaliex kellu impatt dirett fuq l-evalwazzjoni magħmula mill-Qorti Ġenerali tal-fondatezza tal-motivazzjoni. Fil-fatt, dan wassal lill-Qorti Ġenerali li taqsam artifiċjalment l-elementi differenti tal-motivazzjoni, biex finalment iżżomm biss it-tieni waħda fil-qafas tal-eżami tagħha tal-preċiżjoni materjali tal-fatti. Il-Qorti Ġenerali għalhekk ippruvat tivverifika l-veraċità tal-allegazzjoni dwar tentattiv ta’ xiri ta’ xatbi tal-liga li jifilħu ħafna użati esklużivament mill-industrija nukleari, mentri eżami tal-materjalità tal-fatti ffokat biss fuq dak it-tentattiv ta’ bejgħ fil-verità ma kienx xieraq, billi r-riskju maħluq minn Kala Naft f’termini ta’ proliferazzjoni nukleari kien jistrieħ fuq elementi oħrajn ta’ fatt, bħall-attività stess ta’ Kala Naft. Il-metodu li użat il-Qorti Ġenerali b’hekk wassal għal riżultat ippreġudikat. |
|
155. |
Imbagħad, u b’mod iktar fundamentali, l-evalwazzjonijiet li għamlet il-Qorti Ġenerali dwar l-eżattezza materjali u l-klassifikazzjoni ġuridika tal-fatti jidhirli li huma żbaljati billi ma jqisu xejn in-natura preventiva tal-miżura ta’ ffriżar tal-fondi meħuda kontra Kala Naft u tal-kuntest li fih saret din il-miżura. |
|
156. |
Għall-verifika tal-fondatezza tal-motivazzjoni, jiġifieri jekk din kinitx ta’ natura li tiġġustifika l-miżura restrittiva meħuda kontra Kala Naft, il-Qorti Ġenerali kellha, f’approċċ kemm prammatiku kif ukoll li josserva l-prinċipju ta’ prekawzjoni, tieħu inkunsiderazzjoni l-parametri u l-elementi ta’ kuntest li ġejjin. |
|
157. |
Fl-ewwel lok, u fid-dawl tan-natura preventiva tal-miżuri ta’ ffriżar tal-fondi, il-qorti tal-Unjoni għandha tadatta l-karatteristiċi u l-intensità tal-istħarriġ li teżerċita fuq il-legalità interna ta’ dawn il-miżuri, partikolarment għal dak li jirrigwarda l-preċiżjoni materjali u l-klassifikazzjoni ġuridika tal-fatti. |
|
158. |
Il-miżuri preventivi bħall-miżuri tal-iffriżar ta’ fondi inkwistjoni f’din il-kawża għandhom bħala għan li jipprekludu l-persuni jew l-entitajiet indikati milli jkollhom aċċess għal riżorsi ekonomiċi jew finanzjarji li huma jistgħu jużaw għas-sostenn tal-attivitajiet nukleari li joħolqu riskju ta’ proliferazzjoni jew għall-iżvilupp ta’ sistemi li jwasslu l-armi nukleari. |
|
159. |
Skont dak li hemm previst fil-punt 21 tar-Riżoluzzjoni 1929 (2010), dawn il-miżuri jistgħu jiġu adottati meta l-awtoritajiet kompetenti jkollhom informazzjoni li tipprovdilhom motivi raġonevoli biex wieħed jaħseb li r-riżorsi ekonomiċi jew finanzjarji jistgħu jikkontribwixxu għal dawn l-attivitajiet nukleari. |
|
160. |
Fuq il-bażi ta’ indizji li għandhom f’idejhom, l-awtoritajiet kompetenti għalhekk huma msejħin biex jieħdu miżuri li jidhrulhom meħtieġa biex jevitaw li jseħħ riskju, bir-riskju jkun f’dan il-każ ikkostitwit mill-użu potenzjali ta’ riżorsi ekonomiċi jew finanzjarji għall-benefiċċju tal-programm nukleari Iranjan. |
|
161. |
Dawn il-miżuri bl-ebda mod ma għandhom bħala għan li jissanzjonaw aġir fejn jiġi ppruvat, fuq bażi ta’ provi, li jikkontribwixxi effettivament għall-appoġġ ta’ dan il-programm. Fi kliem ieħor, l-adozzjoni ta’ miżuri preventivi ma teħtieġx il-prova li riżorsi ekonomiċi u finanzjarji jkunu użati fil-fatt għall-benefiċċju tal-programm nukleari Iranjan. Huwa suffiċjenti li l-awtorità kompetenti jkollha indizji suffiċjenti li juru li riskju bħal dak jeżisti. |
|
162. |
Għalhekk, il-miżura ta’ ffriżar tal-fondi u tar-riżorsi ekonomiċi meħuda kontra Kala Naft ma għandhiex bħala għan li tirrestrinġi xiri konkret ta’ oġġetti fejn jiġi ppruvat li dawn kienu effettivament intużaw għall-finijiet tal-proliferazzjoni nukleari, iżda li jiġi pprevenut dan ix-xiri. |
|
163. |
Għalhekk, il-prevenzjoni ta’ riskju ma tistax tiġi assimilata mar-ripressjoni ta’ ksur imwettaq. Għaldaqstant, il-qorti tal-Unjoni għandha tadatta l-istħarriġ tagħha skont jekk qegħdiex tintalab tevalwa l-legalità ta’ miżuri li jappartjenu lil kategorija waħda jew oħra. |
|
164. |
Din id-differenza ewlenija bejn il-miżuri preventivi u l-miżuri ripressivi għandha għalhekk tiġi riflessa fl-istandard ta’ stħarriġ tal-qorti tal-Unjoni u fl-evalwazzjoni li tagħmel fuq il-kontribuzzjoni ta’ persuna jew ta’ entità għall-programm nukleari Iranjan. |
|
165. |
Il-konstatazzjoni li l-miżuri restrittivi jaffettwaw bil-qawwa d-drittijiet u l-libertajiet tal-persuni jew tal-entitajiet ikkonċernati ( 58 ), fil-fehma tiegħi, ma tiġġustifikax li l-istħarriġ ġudizzjarju tal-miżuri preventivi jkun allinjat ma’ dak tal-miżuri ripressivi, għaliex dak sempliċement jipprekludi, kif turi l-ġurisprudenza reċenti tal-Qorti Ġenerali, l-adozzjoni ta’ miżura bħal dik inkwistjoni f’din il-kawża. |
|
166. |
Għall-kuntrarju, konstatazzjoni bħal din teħtieġ li l-eżistenza ta’ riskju tkun ippruvata biżżejjed mill-awtorità kompetenti. Madankollu din il-prova ma tfissirx li jiġi ppruvat l-użu effettiv tar-riżorsi ekonomiċi jew finanzjarji għall-benefiċċju tal-programm nukleari Iranjan. L-eżistenza ta’ riskju tista’ fil-fatt, kif jidher ċar f’din il-kawża, tirriżulta minn sensiela ta’ elementi oġġettivi li, meħudin flimkien, jirrendu dan ir-riskju perċettibbli biżżejjed. |
|
167. |
Fi-tieni lok, biex tiġi evalwata l-fondatezza ta’ miżura restrittiva bħal dik inkwistjoni f’din il-kawża, il-qorti tal-Unjoni għandha tieħu inkunsiderazzjoni l-kuntest li fih kienet ġiet adottata. |
|
168. |
Infakkar li, f’din il-kawża, dan il-kuntest huwa mmarkat mill-impenn tal-Kunsill tas-Sigurtà, li għadda għand il-Kunsill Ewropew imbagħad lill-Kunsill, li tikber il-pressjoni fuq ir-Repubblika Iżlamika tal-Iran billi jiġu pparalizzati r-riżorsi finanzjarji li jipprovdilha s-settur tal-enerġija tagħha u biex jiġi evitat li l-oġġetti intiżi għall-industrija petrokimika jintużaw ħażin għall-benefiċċju tal-programm nukleari Iranjan. |
|
169. |
Dawn l-elementi kuntestwali huma qabelxejn l-espressjoni ta’ għażla politika, jiġifieri dik li tikkonsisti f’li tolqot b’mod partikolari, f’mument partikolari, is-settur Iranjan tal-enerġija, għaliex l-awtoritajiet politiċi jikkunsidraw li s-settur joħloq riskju partikolari fil-kuntest tal-ġlieda kontra l-proliferazzjoni nukleari. |
|
170. |
Fit-tielet lok, il-qorti tal-Unjoni Ewropea għandha tieħu inkunsiderazzjoni d-definizzjoni tal-kategoriji ta’ persuni u ta’ entitajiet milqutin minn dawn il-miżuri restrittivi riżultanti minn din l-għażla politika. Għalhekk għandha tiġi rrikonoxxuta lill-Kunsill setgħa diskrezzjonali kbira fl-evalwazzjoni li jagħmel, fuq il-bażi ta’ motivi li jagħtih l-Istat Membru li jkun ippropona l-elenkar jew mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà ( 59 ), dwar l-eżistenza ta’ riskju suffiċjenti. |
|
171. |
Dan il-marġni kbir ta’ diskrezzjoni li minnu jibbenefika l-Kunsill jistrieħ fuq in-natura kemm politika kif ukoll kumplessa tal-evalwazzjoni tar-riskju ta’ proliferazzjoni nukleari, li għandha ssir fl-osservanza tal-prinċipju ta’ prekawzjoni. Fil-fehma tiegħi, dan il-marġni ta’ diskrezzjoni għandu jiġi rifless fi stħarriġ adattat min-naħa tal-qorti tal-Unjoni għal dak li jirrigwarda l-preċiżjoni materjali u d-deskrizzjoni legali tal-fatti. |
|
172. |
Il-qorti tal-Unjoni għalhekk għandha, meta tagħmel l-istħarriġ tagħha, toqgħod attenta li ma taqbiżx il-limitu li jwassalha, prinċipalment minħabba rekwiżiti ta’ provi stretti wisq, li tissostitwixxi l-evalwazzjoni tagħha għal dik tal-awtorità kompetenti. |
|
173. |
B’mod konkret, il-qorti tal-Unjoni għandha tagħmel l-istħarriġ tagħha tal-legalità ta’ miżura ta’ ffriżar tal-fondi bħal dik inkwistjoni f’din il-kawża, fuq il-bażi tal-elementi kollha li jkollha, jiġifieri l-espożizzjoni tal-motivi tal-elenkar u, jekk ikun il-każ, l-osservazzjonijiet tal-persuna jew tal-entità elenkata kif ukoll dawk ipprovduti b’risposta mill-Kunsill. Mill-aspett prammatiku, għandha wkoll tieħu inkunsiderazzjoni l-elementi ta’ informazzjoni pprovduti matul il-proċedura ġudizzjarja u li jistgħu jikkontribwixxu sabiex tifhem aħjar ir-riskju identifikat u għalhekk l-evalwazzjoni tagħha tan-natura adegwata tal-miżura. |
|
174. |
Sabiex tieħu inkunsiderazzjoni l-marġni wiesa’ ta’ diskrezzjoni li għandu l-Kunsill, u f’approċċ li josserva l-prinċipju ta’ prekawzjoni, il-qorti tal-Unjoni għandha tivverifika, fid-dawl tal-argumenti mressqin matul il-proċedura amministrattiva mbagħad ġudizzjarja, jekk l-evalwazzjoni magħmula mill-Kunsill dwar l-eżistenza ta’ riskju hijiex manifestament żbaljata. Fil-fehma tiegħi, huwa biss meta l-qorti tal-Unjoni, fuq il-bażi tal-elementi li jkollha f’idejha, tikkunsidra li riskju huwa manifestament eskluż li l-miżura restrittiva suġġetta għall-evalwazzjoni tagħha tista’ titpoġġa fid-dubju. Pereżempju, jista’ jkun hekk meta matul id-dibattiti li jsiru tul il-proċedura amministrattiva u/jew ġudizzjarja jirriżulta li konstatazzjoni fattwali li fuqha tistrieħ il-miżura restrittiva kienet materjalment żbaljata. |
|
175. |
Huwa meta tieħu inkunsiderazzjoni n-natura preventiva ta’ ffriżar tal-fondi meħud kontra Kala Naft u tal-kuntest li fih ittieħdet din il-miżura, bil-konsegwenzi li jirriżultaw fir-rigward tal-karatteristiċi u l-intensità tal-istħarriġ ġudizzjarju tagħha li l-Qorti Ġenerali kellha tevalwa sew il-fondatezza tal-motivazzjoni ta’ dik il-miżura. Meta wieħed iżomm f’moħħu dawn l-elementi, hija kellha tagħmel dawn iż-żewġ domandi li ġejjin. |
|
176. |
L-ewwel nett, fid-dawl tal-elementi li kellha f’idejha l-Qorti Ġenerali, jiġifieri l-espożizzjoni tal-motivi, l-osservazzjonijiet ta’ Kala Naft li hemm fl-ittra tagħha tat-12 ta’ Settembru 2010, ir-risposta tal-Kummissjoni li hemm fl-ittra tagħha tat-28 ta’ Ottubru 2010, kif ukoll l-iskambji li saru matul il-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali, din setgħet tkun f’pożizzjoni li tikkonstata li r-riskju maħluq minn Kala Naft f’termini ta’ proliferazzjoni nukleari ġiex stabbilit suffiċjentement? |
|
177. |
Fit-tieni lok, fil-każ ta’ risposta affermattiva għall-ewwel domanda, Kala Naft setgħet titqies li tipprovdi appoġġ għall-proliferazzjoni nukleari fis-sens tad-dispożizzjonijiet rilevanti tal-atti kkontestati? |
|
178. |
Fuq l-ewwel domanda, il-Qorti Ġenerali kellha elementi ta’ fatt li ma kinux ġew ikkontestati, jiġifieri l-eżistenza ta’ rabtiet strutturali u funzjonali bejn Kala Naft u l-NIOC, billi l-għan stess tal-attività ta’ Kala Naft jikkonsisti, infakkar, f’li taġixxi bħala korp ċentrali tal-akkwisti għall-attivitajiet taż-żejt, tal-gass u petrokimiċi tal-grupp tal-NIOC. Barra minn hekk, kif jirriżulta mill-punt 77 tas-sentenza kkontestata, iċ-ċirkustanza li l-oġġetti akkwistati minn Kala Naft li jirrigwardaw is-setturi tal-gass, taż-żejt u petrokimiċi jistgħu jintużaw għall-finijiet tal-proliferazzjoni nukleari kienet magħrufa minn din il-kumpannija u ammessa espliċitament minnha fid-dokumenti tagħha. |
|
179. |
Barra minn hekk, fir-rigward iktar speċifikament tax-xiri ta’ xatbi tal-liga li jifilħu ħafna, Kala Naft sostniet, kif juri l-punt 121 tas-sentenza appellata, li, “kuntrarjament għal dak li sostna l-Kunsill fil-motivazzjoni tal-atti kkontestati, ix-xatbi li akkwistat ma humiex użati esklużivament mill-industrija nukleari, iżda wkoll mill-industriji tal-gass, żejt u petrokimiċi”. Għalhekk, jekk Kala Naft tikkontesta, fil-konfront tal-allegazzjonijiet tal-Kunsill, l-użu esklużiv ta’ dawn ix-xatbi għall-industrija nukleari, hija ma tikkontestax, madankollu, il-possibbiltà ta’ użu bħal dan. Għall-kuntrarju, hija tammettih dan, kif jixhdu l-punti 77 u 121 tas-sentenza appellata moqrijin flimkien. Barra minn dan, ammettiet, b’ordni għall-oġġetti bħala appoġġ, li xtrat regolarment dawn it-tipi ta’ xatbi. |
|
180. |
Billi r-riskju maħluq minn Kala Naft fir-rigward tal-ġlieda kontra l-proliferazzjoni nukleari kien, fuq il-bażi tal-elementi kollha, stabbilit biżżejjed, il-Qorti Ġenerali kellha tiċħad bħala infondat it-tmien aggravju dwar żball ta’ evalwazzjoni tal-fatti fir-rigward tal-attivitajiet ta’ Kala Naft, u dan anki għalkemm il-Kunsill ma kienx ġab il-prova li hija ppruvat takkwista xatbi tal-liga li jifilħu ħafna użati esklużivament mill-industrija nukleari. |
|
181. |
Fir-rigward tat-tieni domanda fuq id-deskrizzjoni ġuridika tal-fatti, jien nikkunsidra li l-Qorti Ġenerali tat definizzjoni restrittiva wisq tal-kunċett ta’ appoġġ għall-proliferazzjoni nukleari, skont l-Artikolu 20(1)(b) tad-Deċiżjoni 2010/413, l-Artikolu 7(2)(a), tar-Regolament Nru 423/2007 u l-Artikolu 16(2)(a) tar-Regolament Nru 961/2010. |
|
182. |
Fil-fatt, il-Qorti Ġenerali kkunsidrat li ma kienx biżżejjed, biex jingħad li kien jeżisti appoġġ għall-proliferazzjoni nukleari, li Kala Naft toħloq riskju partikolari u tkun implikata minħabba l-pożizzjoni tagħha bħala punt ċentrali għal xiri tal-grupp tal-NIOC. |
|
183. |
Għall-interpretazzjoni ta’ dan il-kunċett, il-Qorti Ġenerali kellha tieħu inkunsiderazzjoni t-test u l-għan tar-riżoluzzjonijiet rilevanti tal-Kunsill tas-Sigurtà, b’mod partikolari r-Riżoluzzjoni 1929 (2010) ( 60 ). Kif indikajt preċedentement, sa fejn din ir-riżoluzzjoni hija intiża, bħal dawk preċedenti, biex tipprevjeni r-riskju ta’ proliferazzjoni nukleari, il-kunċett ta’ appoġġ għall-proliferazzjoni nukleari għandu jiġi interpretat skont dan l-iskop. Dan il-kunċett ta’ appoġġ huwa fuq kollox suffiċjentement wiesa’ biex jiġi interpretat skont dan l-għan ta’ prevenzjoni tar-riskju ta’ proliferazzjoni nukleari. |
|
184. |
Biex jiġi evitat li jseħħ riskju bħal dak, hemm bżonn li jiġu newtralizzati l-attivitajiet, l-aġir u r-relazzjonijiet tal-persuni u tal-entitajiet li l-Istati jkollhom motivi raġonevoli biex jaħsbu li jistgħu, fin-nuqqas ta’ miżuri restrittivi, jikkontribwixxu għall-iżvilupp tal-programm nukleari Iranjan. |
|
185. |
F’din il-perspettiva, sabiex persuna jew entità tkun tista’ tiġi rrikonoxxuta li tipprovdi appoġġ għall-proliferazzjoni nukleari, biżżejjed li, minħabba l-attività tagħha, l-aġir tagħha u/jew ir-rabtiet tagħha, din il-persuna jew din l-entità tkun tista’ tikkontribwixxi għall-programm nukleari Iranjan. |
|
186. |
Fi kliem ieħor, meta l-Kunsill ikollu motivi raġonevoli biex jaħseb, fuq il-bażi ta’ allegazzjonijiet suffiċjentement preċiżi u konkreti, li persuna jew entità toħloq riskju fir-rigward tal-ġlieda kontra l-proliferazzjoni nukleari, jista’ jikkunsidra li din il-persuna jew din l-entità tipprovdi appoġġ għall-proliferazzjoni nukleari fis-sens tad-dispożizzjonijiet rilevanti tal-atti kkontestati. |
|
187. |
F’dan il-każ partikolari, il-possibbiltà li tirriżulta minn fatturi oġġettivi u ammessi minn Kala Naft, li l-oġġetti li tixtri, partikolarment ix-xatbi tal-liga li jifilħu ħafna, jintużaw għall-finijiet tal-proliferazzjoni nukleari hija suffiċjenti biex turi l-eżistenza ta’ appoġġ għaliha. |
|
188. |
Bħala korp ċentrali tal-akkwisti tal-NIOC, Kala Naft tixtri oġġetti meħtieġa għall-industriji taż-żejt, tal-gass u petrokimiċi. Il-miżura restrittiva trid li fil-konfront ta’ din il-kumpannija tipprevjeni preċiżament ix-xiri ta’ oġġetti li huma użati fl-industriji, għaliex dawn l-oġġetti jistgħu potenzjalment jiġu użati fil-qafas tal-programm nukleari Iranjan. Barra minn hekk, Kala Naft la għandha l-kontroll u lanqas l-għarfien tad-destinazzjoni finali jew l-użu li jsir minn dawn l-oġġetti. |
|
189. |
Ir-rekwiżit li l-Qorti Ġenerali tagħmel fil-punti 113 u 115 tas-sentenza appellata ta’ aġir konkret ta’ Kala Naft imur kontra l-funzjoni preventiva tal-miżuri ta’ ffriżar tal-fondi. Fil-fatt, jekk insegwu r-raġunament tal-Qorti Ġenerali, u dak li tressaq din il-kumpannija kemm quddiem il-Qorti Ġenerali kif ukoll quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, essenzjalment hemm bżonn, sabiex tiġi rrikonoxxuta li tipprovdi appoġġ għall-proliferazzjoni nukleari, li ssir il-prova li hija xtrat xatbi li effettivament intużaw mill-industrija nukleari Iranjana. |
|
190. |
Jiena kontra, bil-qawwa, argument bħal dan għaliex iwassal għar-riżultat assurd li l-adozzjoni ta’ miżura preventiva bħal dik inkwistjoni f’din il-kawża, fejn infakkar li għandha bħala għan li jiġi evitat li riżorsi ekonomiċi jew finanzjarji jistgħu jikkontribwixxu għall-attivitajiet nukleari tar-Repubblika Iżlamika tal-Iran, għandha tkun suġġetta għall-prova li effettivament seħħet din il-kontribuzzjoni. |
|
191. |
Barra minn hekk, fid-dawl tan-natura sigrieta tal-programm nukleari żviluppat mir-Repubblika Iżlamika tal-Iran, ma jkunx realistiku li jkun meħtieġ min-naħa tal-Kunsill li jressaq il-prova li x-xatbi mixtrijin minn Kala Naft kienu effettivament intużaw mill-industrija nukleari Iranjana, filwaqt li, fl-istess ħin u kif ikkonfermat quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, Kala Naft stess hija fl-impossibbiltà li tivverifika l-użu finali li jsir minn dawn ix-xatbi. |
|
192. |
Minbarra d-diffikultà, jekk mhux l-impossibbiltà, li ġġib din il-prova f’dan il-kuntest ta’ segretezza, u mingħajr ma jitqajmu l-problemi li toħloq ir-rikonċiljazzjoni delikata bejn il-preservazzjoni tal-kunfidenzjalità neċessarja tal-informazzjoni u t-tmexxija ta’ proċedura ġudizzjarja li tosserva l-prinċipju tal-kontradittorju, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tindaga wkoll fuq in-natura opportuna ta’ rekwiżit ta’ prova bħal dan. |
|
193. |
Fil-fatt, kif indikajt fl-argumenti preċedenti tiegħi, il-kawża ta’ miżuri restrittivi li qed nitkellem dwarhom qiegħda fir-rifjut tar-Repubblika Iżlamika tal-Iran li tikkoopera mal-AIEA, u f’sens usa’, li tosserva l-obbligi internazzjonali tagħha fir-rigward tan-non-proliferazzjoni nukleari tagħha. Il-kuntest ta’ segretezza li jirriżulta joħroġ prinċipalment mill-oppożizzjoni espressa minn dan l-Istat kontra li l-ispetturi tal-AIEA jagħmlu verifiki li jippermettu l-konferma tal-iskop esklużivament paċifiku tal-programm nukleari Iranjan. Is-sigriet b’hekk miżmum fuq il-karatteristiċi u d-daqs ta’ dan il-programm huwa għalhekk frott ta’ għażla magħmula mir-Repubblika Iżlamika tal-Iran. |
|
194. |
Meta wieħed jitlaq minn din il-konstatazzjoni, jista’ dak li jkun jistaqsi jekk f’termini ta’ reċiproċità, tistax tintalab mill-Kunsill informazzjoni terġa’ iktar iddettaljata meta, fl-istess ħin, ir-Repubblika Iżlamika tal-Iran toġġezzjona għat-talbiet għal informazzjoni ripetuti tal-Kunsill tas-Sigurtà u tal-AIEA? Barra minn hekk, huwa raġonevoli li jiġi impost fuq il-Kunsill, u allura fuq l-Istati Membri, permezz tar-rekwiżit ta’ livell għoli ta’ prova, li jiżvela sorsi u metodi ta’ informazzjoni, meta dak ikun l-uniku mezz li għandhom l-Istati Membri biex ineħħu n-nuqqas ta’ trasparenza li fih tiżviluppa l-programm nukleari tagħha r-Repubblika Iżlamika tal-Iran u biex tiġi pprevenuta t-theddida li din tikkostitwixxi? |
|
195. |
Fil-kunsiderazzjoni ta’ dawn ir-riflessjonijiet u fuq il-bażi tal-elementi kollha preċedenti nistieden lill-Qorti tal-Ġustizzja tannulla s-sentenza appellata. |
|
196. |
Jekk il-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi li taqta’ hija stess ir-rikors għal annullament ta’ Kala Naft, nistidinha, għar-raġunijiet li fformulajt, li tiddikjara bħala infondati l-aggravji fuq il-ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni, ta’ ksur tad-drittijiet tad-difiża ta’ Kala Naft u d-dritt tagħha għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva, ta’ żball ta’ evalwazzjoni tal-fatti fuq l-attivitajiet ta’ din il-kumpannija u ta’ żball ta’ liġi dwar il-kunċett ta’ appoġġ għall-proliferazzjoni nukleari. Għaldaqstant, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tiċħad ir-rikors. |
V – Konklużjoni
|
197. |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:
|
( 1 ) Lingwa oriġinali: il-Franċiż.
( 2 ) Riżoluzzjonijiet 1696 (2006), 1737 (2006), 1747 (2007), 1803 (2008), 1835 (2008) u 1929 (2010).
( 3 ) L-AIEA hija organizzazzjoni internazzjonali awtonoma li għandha bħala rwol partikolari li tħeġġeġ u tiffaċilita, fid-dinja kollha, l-iżvilupp u l-użu prattiku tal-enerġija atomika għal finijiet paċifiċi u r-riċerka f’dan il-qasam. Skont l-Artikolu III B(4) tal-istatuti tagħha, hija tindirizza rapporti annwali fuq ix-xogħol tagħha lill-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti u, meta jkun xieraq, lill-Kunsill tas-Sigurtà. L-AIEA għandha rwol essenzjali fil-prevenzjoni tar-riskji ta’ proliferazzjoni nukleari. Din l-aġenzija għalhekk tara li jkollha idea ċara tal-attivitajiet nukleari tal-Istati u tiżgura ruħha li dawn l-attivitajiet ma joħolqux riskju f’termini ta’ proliferazzjoni tal-armi nukleari.
( 4 ) Iktar ’il quddiem il-“miżuri ta’ ffriżar tal-fondi”.
( 5 ) Insemmi li xejn inqas minn 50 rikors huma bħalissa pendenti quddiem il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea, fil-qasam biss tal-miżuri restrittivi meħudin kontra r-Repubblika Iżlamika tal-Iran.
( 6 ) Fost is-sentenzi reċenti tal-Qorti Ġenerali ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tas-26 ta’ Ottubru 2012, CF Sharp Shipping Agencies vs Il-Kunsill (T‑53/12), u Oil Turbo Compressor vs Il-Kunsill (T‑63/12); tal-5 ta’ Diċembru 2012, Qualitest vs Il-Kunsill (T‑421/11); tal-11 ta’ Diċembru 2012, Sina Bank vs Il-Kunsill (T‑15/11); tad-29 ta’ Jannar 2013, Bank Mellat vs Il-Kunsill (T‑496/10); tal-5 ta’ Frar 2013, Bank Saderat Iran vs Il-Kunsill (T‑494/10); tal-20 ta’ Marzu 2013, Bank Saderat vs Il-Kunsill (T‑495/10); tas-17 ta’ April 2013, TCMFG vs Il-Kunsill (T‑404/11); tas-16 ta’ Mejju 2013, Iran Transfo vs Il-Kunsill (T‑392/11), u tat-12 ta’ Ġunju 2013, HTTS vs Il-Kunsill (T‑128/12 u T‑182/12).
( 7 ) T‑509/10, iktar ’il quddiem is-“sentenza appellata”.
( 8 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tat-13 ta’ Marzu 2012, Melli Bank vs Il-Kunsill (C‑380/09 P, punt 61).
( 9 ) Deċiżjoni, tas-26 ta’ Lulju 2010, dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran u li tħassar il-Pożizzjoni Komuni 2007/140/PESK (ĠU L 195, p. 39).
( 10 ) Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 668/2010, tas-26 ta’ Lulju 2010, li jimplementa l-Artikolu 7(2) tar-Regolament (KE) Nru 423/2007 dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran (ĠU L 195, p. 25).
( 11 ) Deċiżjoni tal-25 ta’ Ottubru 2010, li timmodifika d-Deċiżjoni 2010/413 (ĠU L 281, p. 81).
( 12 ) Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 961/2010, tal-25 ta’ Ottubru 2010, dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 423/2007 (ĠU L 281, p. 1).
( 13 ) Ara, għal deskrizzjoni ġenerali, il-punti 2 sa 12 tas-sentenza appellata.
( 14 ) Ara, għal deskrizzjoni iktar preċiża tal-miżuri ristrettivi li jolqtu lil Kala Naft, il-punti 13 sa 22 tas-sentenza appellata.
( 15 ) Konvenzjoni adottata f’San José, Costa Rica, fit-22 ta’ Novembru 1969, fil-Konferenza Speċjalizzata Inter-Amerikana fuq id-Drittijiet tal-Bniedem.
( 16 ) Abbozz ta’ artikoli fuq l-immunitjajiet ġudizzjarji tal-Istati u tal-beni tagħhom u kummentarji relattivi fuqhom, huwa disponibbli fl-indirizz tal-Internet li ġej: http://legal.un.org/ilc/texts/instruments/francais/commentaires/4_1_1991_francais.pdf, kif ukoll fl-Annwal tal-Kummissjoni tad-Dritt Internazzjonali, 1991, vol. II(2), p. 13.
( 17 ) Konvenzjoni adottata mill-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti tat-2 ta’ Diċembru 2004.
( 18 ) Sentenza tas-16 ta’ Mejju 2002, Franza vs Il-Kummissjoni (C-482/99, Ġabra p. I-4397, punt 55).
( 19 ) Sentenza tad-29 ta’ Mejju 1990, disponibbli fl-indirizz tal-Internet li ġej: http://www.juricaf.org/arret/FRANCE-COURDECASSATION-19900529-8716788.
( 20 ) Sentenza parzjali Nru 425-39-2, tad-29 ta’ Ġunju 1989, Iran-US CTR, vol. 21, p. 106.
( 21 ) Sentenza tat-12 ta’ April 1983, National Iranian Oil company revenues from Oil Sales (ILR 215,243).
( 22 ) Ara s-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Bank Mellat vs Il-Kunsill (punt 38) u Bank Saderat Iran vs Il-Kunsill (punt 36).
( 23 ) Ara, f’dan is-sens, il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, sentenza Kumpannija tan-Navigazzjoni tar-Repubblika Iżlamika tal-Iran vs It-Turkija tat-13 ta’ Diċembru 2007, Ġabra ta’ sentenzi u deċiżjonijiet 2007‑V, § 81.
( 24 ) Ara l-punti 44 u 46 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
( 25 ) Sentenza tas-16 ta’ Novembru 2011, Bank Melli Iran vs Il-Kunsill (C-548/09 P, Ġabra p. I-11381, punt 69). Kif ukoll l-Avukat Ġenerali Mengozzi sostna dan fil-konklużjonijiet li ppreżenta fil-kawża li wasslet għal dik is-sentenza li “l-politiki pubbliċi huma, ċertament u dejjem iktar, appoġġati mill-azzjoni u mis-sostenn ta’ persuni u ta’ entitajiet li għandhom personalità distinta minn dik tal-Istat innifsu, iżda li għandhom rabta suffiċjenti fir-rigward tal-Istat u tal-politiki pubbliċi li jmexxi sabiex ikunu jistgħu jkunu fil-mira tal-miżuri restrittivi li jikkonċernaw, fil-fatt, il-pajjiż terz innifsu” (punt 67). Ara, ukoll, is-sentenza tat-13 ta’ Marzu 2012, Tay Za vs Il-Kunsill (C‑376/10 P), fejn jingħad li l-“kunċett ta’ “pajjiż terz”, fis-sens tal-Artikoli 60 KE u 301 KE, jista’ jinkludi l-mexxejja ta’ tali pajjiż kif ukoll individwi u entitajiet li huma assoċjati ma’ dawn il-mexxejja jew li huma kkontrollati direttament jew indirettament minn dawn tal-aħħar” (punt 43 u l-ġurisprudenza ċċitata).
( 26 ) Dikjarazzjoni Nru 25 annessa mal-att finali tal-Konferenza Intergovernattiva li adottat it-Trattat ta’ Lisbona, iffirmata fit-13 ta’ Diċembru 2007 (ĠU 2008, C 115, p. 346, u ĠU 2012, C 326, p. 348).
( 27 ) Rispettivament il-punti 36 u 34.
( 28 ) T-181/08, Ġabra p. II-1965, punti 121 sa 123.
( 29 ) Fuq dan is-suġġett, naqbel mal-analiżi li għamel l-Avukat Ġenerali Mengozzi fil-punti 55 sa 58 tal-konklużjonijiet li ppreżenta fil-kawża li tat lok għas-sentenza, Tay Za vs Il-Kunsill, iċċitata iktar ’il fuq.
( 30 ) Regolament tal-Kunsill, tad-19 ta’ April 2007, dwar l-adozzjoni ta’ miżuri restrittivi kontra l-Iran (ĠU L 335M, p. 969).
( 31 ) Punt 77 tas-sentenza appellata.
( 32 ) Punt 78 tas-sentenza appellata.
( 33 ) Punti 98 sa 101 tas-sentenza appellata.
( 34 ) Ara l-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem fis-sentenzi Jasper vs Ir-Renju Unit tas-16 ta’ Frar 2000, Ġabra tas-sentenzi u d-deċiżjonijiet 2000‑II, § 52; Rowe et Davis vs Ir-Renju Unit, tas-16 ta’ Frar 2000, Ġabra tas-sentenzi u d-deċiżjonijiet 2000‑II, § 61; Fitt vs Ir-Renju Unit, tas-16 ta’ Frar 2000, Ġabra tas-sentenzi u d-deċiżjonijiet 2000‑II, § 45, u V. vs Il-Finlandja, tal-24 ta’ April 2007, § 75.
( 35 ) F’dan ir-rigward il-Kunsill jirriferi għas-sentenza tat-3 ta’ Settembru 2008, Kadi u Al Barakaat International Foundation vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni (C-402/05 P u C-415/05 P, Ġabra p. I-6351, punt 358).
( 36 ) T‑439/10 u T‑440/10.
( 37 ) Ftehim bejn l-Iran u l-AIEA dwar l-applikazzjoni ta’ garanziji fil-kuntest tat-Trattat fuq in-Non-Proliferazzjoni tal-Armi Nukleari (INFCIRC/214), li daħal fis-seħħ fil-15 ta’ Mejju 1974.
( 38 ) Ara, b’mod partikolari, is-sittax, is-sbatax u t-tnejn u għoxrin premessa tar-Riżoluzzjoni 1929 (2010).
( 39 ) Ara, b’mod partikolari, il-punt 12 tar-Riżoluzzjoni 1737 (2006).
( 40 ) Punt 68.
( 41 ) Idem.
( 42 ) C-72/11, Ġabra p. I-14285.
( 43 ) Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill, tas-27 ta’ Frar 2007, dwar l-adozzjoni ta’ miżuri restrittivi kontra l-Iran (ĠU L 61, p. 49).
( 44 ) Sentenza Afrasiabi et, iċċitata iktar ’il fuq (punt 44).
( 45 ) Ibidem (punt 46). Enfasi miżjuda minni.
( 46 ) Ibidem (punt 47). Enfasi miżjuda minni.
( 47 ) Ibidem (punt 48). Enfasi miżjuda minni.
( 48 ) Punt 4 tal-Anness II tal-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew.
( 49 ) ĠU L 134, p. 1.
( 50 ) Ara l-premessa 15 tar-Regolament Nru 961/2010.
( 51 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal-15 ta’ Novembru 2012, Al-Aqsa vs Il-Kunsill u Il-Pajjiżi l-Baxxi vs Al-Aqsa (C‑539/10 P u C‑550/10 P, punti 138 et seq), kif ukoll Il-Kunsill vs Bamba (C‑417/11 P, punt 49 et seq).
( 52 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Al-Aqsa vs Il-Kunsill u Il-Pajjiżi l-Baxxi vs Al-Aqsa (punti 139 u 140) kif ukoll Il-Kunsill vs Bamba (punt 53).
( 53 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenza Il-Kunsill vs Bamba, iċċitata iktar ’il fuq (punt 54).
( 54 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti Ġenerali tal-20 ta’ Frar 2013, Melli Bank vs Il-Kunsill (T‑492/10, punt 90), u Bank Saderat vs Il-Kunsill, iċċitata iktar ’il fuq (punt 98).
( 55 ) Punt 115 tas-sentenza appellata.
( 56 ) Punt 107 tar-rikors promotur fil-kawża li tat lok għas-sentenza appellata.
( 57 ) Punt 123 tas-sentenza appellata.
( 58 ) Ara b’mod partikolari, f’dan is-sens, is-sentenza tas-6 ta’ Ġunju 2013, Ayadi vs Il-Kummissjoni (C‑183/12 P, punt 68).
( 59 ) Ara l-Artikolu 23(2) tad-Deċiżjoni 2010/413.
( 60 ) Ara b’mod partikolari, f’dan is-sens, is-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Afrasiabi et (punt 43) kif ukoll tat-13 ta’ Marzu 2012, Melli Bank vs Il-Kunsill (punt 55).