KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

BOT

ippreżentati fl-20 ta’ Ġunju 2013 ( 1 )

Kawża C‑309/12

Maria Albertina Gomes Viana Novo,

Ezequiel Martins Dias,

Gabriel Inácio da Silva Fontes,

Marcelino Jorge dos Santos Simões,

Manuel Dourado Eusébio,

Alberto Martins Mineiro,

Armindo Gomes de Faria,

José Fontes Cambas,

Alberto Martins do Alto,

José Manuel Silva Correia,

Marilde Marisa Moreira Marques Moita,

José Rodrigues Salgado Almeida,

Carlos Manuel Sousa Oliveira,

Manuel da Costa Moreira,

Paulo da Costa Moreira,

José Manuel Serra da Fonseca,

Ademar Daniel Lourenço Dias,

Ana Mafalda Azevedo Martins Ferreira

vs

Fundo de Garantia Salarial IP

[talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mit-Tribunal Central Administrativo Norte (il-Portugall)]

“Protezzjoni tal-ħaddiema fil-każ ta’ insolvenza tal-persuna li timpjega — Direttiva 80/987/KEE — Direttiva 2002/74/KE — Artikoli 3 u 4 — Garanzija tal-pretensjonijiet salarjali — Limitazzjoni tal-garanzija ratione temporis — Limitazzjoni tal-pretensjonijiet li saru eżiġibbli fis-sitt xhur preċedenti t-tressiq tat-talba sabiex tiġi kkonstatata l-insolvenza tal-persuna li timpjega — Preżentata minn qabel, mill-ħaddiema, ta’ kawża għall-ħlas u għall-irkupru sfurzat tal-pretensjonijiet mhux imħallsa tagħhom — Effett”

1. 

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikoli 4 u 10 tad-Direttiva tal-Kunsill [80/987/KEE], tal-20 ta’ Ottubru 1980, dwar il-protezzjoni tal-impjegati f’każ tal-insolvenza ta’ min iħaddimhom ( 2 ), fil-verżjoni tagħha kif emendata bid-Direttiva 2002/74/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-23 ta’ Settembru 2002 ( 3 ).

2. 

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża minn M.A. Gomes Viana Novo u 17-il ħaddiem ieħor ta’ persuna li timpjega f’sitwazzjoni ta’ insolvenza kontra Fundo de Garantia Salarial, IP (Fond ta’ garanzija salarjali) ( 4 ), dwar il-pretensjonijiet salarjali li l-ħlas tagħhom kien intalab mingħand il-FGS fuq il-bażi tad-dispożizzjonijiet tad-dritt Portugiż li jittrasponu d-Direttiva 80/987.

3. 

Din id-Direttiva, li tobbliga lill-Istati Membri sabiex jistabbilixxu istituzzjoni ta’ garanzija tal-ħlas tal-pretensjonijiet mhux imħallsa tal-ħaddiema fil-każ ta’ insolvenza tal-persuna li timpjegahom ( 5 ), tawtorizza madankollu lill-Istati Membri li jillimitaw l-obbligu ta’ garanzija ratione temporis jew ratione loci, b’mod alternattiv jew kumulattiv.

4. 

Il-kawża prinċipali tirrigwarda l-possibbiltà li l-garanzija tiġi llimitata ratione temporis. Il-leġiżlatur Portugiż uża din il-possibbiltà billi stabbilixxa perijodu ta’ referenza li jikkorrispondi għas-sitt xhur qabel it-talba sabiex il-persuna li timpjega tkun ġudizzjarjament iddikjarata insolventi ( 6 ) jew it-tressiq ta’ talba ta’ proċedura ta’ konċiljazzjoni.

5. 

Mitlub mill-ħaddiema li għandhom pretensjonijiet li saru eżiġibbli qabel il-perijodu ta’ referenza, it-Tribunal Central Administrativo Norte (il-Portugall) jistaqsi jekk, billi dawn il-ħaddiema ħadu azzjoni ġudizzjarja sabiex jiġi ffissat l-ammont tal-pretensjonijiet salarjali tagħhom u sabiex jottjenu l-irkupru sfurzat, dan il-perijodu għandux jiġi ddeterminat billi tittieħed inkunsiderazzjoni d-data ta’ din l-azzjoni.

6. 

F’dawn il-konklużjonijiet, ser nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja li tiddeċiedi li l-Artikoli 3 u 4 tad-Direttiva 80/987, moqrija flimkien mal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament, għandhom jiġu interpretati fis-sens li huma ma jipprekludux li d-dritt nazzjonali jillimita l-garanzija tal-pretensjonijiet salarjali fil-każ ta’ insolvenza tal-persuna li timpjega għall-pretensjonijiet li saru eżiġibbli fil-perijodu ta’ sitt xhur preċedenti d-data tat-tressiq tat-talba għal ftuħ tal-proċedura ta’ insolvenza sabiex jiġu sodisfatti kollettivament il-pretensjonijiet kontra l-persuna li timpjega, sakemm, fir-rigward tal-ħaddiema li jkunu fetħu minn qabel kawża bil-qorti sabiex jiġu kkonstatati l-pretensjonijiet salarjali tagħhom u fittxew inutilment l-irkupru sfurzat minħabba l-insolvenza tal-persuna li timpjega, dan il-perijodu ta’ referenza jibda jiddekorri mit-talba għall-konstatazzjoni ġudizzjarja tal-pretensjoni.

7. 

Infakkar, barra minn hekk, li għandha tkun il-qorti tar-rinviju li tivverifika jekk tistax tinterpreta d-dritt nazzjonali tagħha f’dan is-sens u, fin-nuqqas, li tiskarta l-applikazzjoni fil-kawża prinċipali.

I ‑ Il-kuntest ġuridiku

A – Id-dritt tal-Unjoni

8.

L-Artikolu 3(1) tal-Direttiva 80/987, fil-verżjoni inizjali tiegħu, kien jipprovdi li l-perijodu ta’ garanzija kellu jkun qabel data li l-Istati Membri setgħu jagħżlu minn fost it-tliet dati enumerati fil-paragrafu 2 tal-imsemmi artikolu.

9.

Iktar preċiżament, dan l-Artikolu 3 kien jipprovdi:

“1.   L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa biex jiżguraw li l-istituzzjonijiet ta’ garanzija jiggarantixxu, skond l-Artikolu 4, il-ħlas tal-pretensjonijiet ta’ l-impjegati li jkunu għadhom ma tħallsux li joħorġu minn kuntratti ta’ xogħol jew relazzjonijiet ta’ xogħol u konnessi mal-paga għall-perjodu li jiġi qabel id-data li tiġi iffissata.

2.   Fuq għażla ta’ l-Istati Membri, id-data imsemmija fil-paragrafu 1 għandha tkun:

jew dik tal-bidu ta’ l-insolvenza ta’ min iħaddem,

jew dik tan-notifika tas-sensja maħruġa lill-impjegat interessat minħabba fl-insolvenza ta’ min iħaddem,

jew dik tal-bidu ta’ l-insolvenza ta’ min iħaddem jew dik li fiha l-kuntratt tax-xogħol jew relazzjoni tax-xogħol ma’ l-impjegat interessat twaqqfet minħabba l-insolvenza ta’ min iħaddem.”

10.

Filwaqt li jieħu inkunsiderazzjoni tat-tliet possibbiltajiet imwettqa mill-Istati Membri, l-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 80/987, fil-verżjoni oriġinali tiegħu, kien jiddetermina l-pretensjonijiet mhux imħallsa li kellhom, f’kull każ, ikunu koperti bl-obbligu ta’ garanzija fl-ipoteżi fejn Stat Membru jkun iddeċieda, b’applikazzjoni ta’ dan l-Artikolu 4(1), li jillimitah ratione temporis.

11.

Skont l-imsemmi Artikolu 4:

“1.   L-Istati Membri għandhom l-għażla li jillimitaw ir-responsabbiltà ta’ l-istituzzjonijiet ta’ garanzija, imsemmija fl-Artikolu 3.

2.   Meta l-Istati Membri jeżerċitaw l-għażla msemmija fil-paragrafu 1, huma għandhom:

fil-każ imsemmi fl-Artikolu 3(2), l-ewwel inċiż, jiżguraw il-ħlas tal-pretensjonijiet kollha li għadhom ma tħallsux fuq il-paga ta’ l-aħħar tliet xhur tal-kuntratt tax-xogħol jew relazzjoni tax-xogħol li jaqgħu fi żmien perjodu ta’ sitt xhur qabel id-data tal-bidu tal-insolvenza ta’ min iħaddem;

fil-każ imsemmi fl-Artikolu 3(2), it-tieni inċiż, jiżguraw li l-ħlas tal-pretensjonijiet li għadhom ma tħallsux fuq il-paga għall-aħħar tliet xhur tal-kuntratt tax-xogħol jew relazzjoni ta’ xogħol qabel id-data tan-notifika tas-sensja maħruġa lill-impjegat minħabba l-insolvenza ta’ min iħaddem,

fil-każ imsemmi fl-Artikolu 3(2), it-tielet inċiż, jiżgura li l-ħlas tal-pretensjonijiet li għadhom ma tħallsux fuq il-paga għall-aħħar 18-il xahar tal-kuntratt tax-xogħol jew relazzjoni ta’ xogħol qabel id-data tal-bidu tal-insolvenza ta’ min iħaddem jew id-data li fiha l-kuntratt tax-xogħol jew relazzjoni ta’ xogħol ma’ l-impjegat twaqqfet minħabba l-insolvenza ta’ min iħaddem. F’dan il-każ, l-Istati Membri jistgħu jillimitaw ir-responsabbilità li jħallsu għall-paga li tikkorrispondi għal perjodu ta’ tmien ġimgħat jew għal numru ta’ perjodi iqsar li kollha flimkien jagħmlu tmien ġimgħat.

[…].”

12.

B’hekk, l-Artikolu 3 tad-Direttiva 80/987 jipprovdi:

“L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa sabiex jiżguraw illi l-istituzzjonijiet ta’ garanzija jiggarantixxu, bla ħsara għall-Artikolu 4, il-ħlas tal-pretensjoniet pendenti [mhux imħallsa, ta’ ħaddiema], li jirriżultaw mill-kuntratti ta’ l-impjieg jew ta’ relazzjonijiet ta’ impjieg, inkluża, fejn ipprovdut bil-liġijiet nazzjonali, paga terminali fi tmiem ir-relazzjonijiet ta’ l-impjieg.

Il-pretensjonijiet li l-kontroll tagħhom jittieħed mill-istituzzjoni [tidħol għalihom l-istituzzjoni] tal-garanzija għandhom ikunu l-pretensjonijiet pendenti tal-ħlasijiet li jkollhom x’jaqsmu mal-perjodu taż-żmien ta’ qabel u/jew, meta japplika, wara data mogħtija stabbilita mill-Istati Membri.”

13.

L-Artikolu 4(1) u (2) tad-Direttiva 80/987 jipprovdi:

“1.   L-Istati Membri għandhom jkollhom il-għażla li jillimitaw ir-responsabbiltà ta’ l-istituzzjonijiet tal-garanzija riferiti fl-Artikolu 3.

2.   Meta l-Istati Membri jeżerċitaw il-għażla riferita fil-paragrafu 1, għandhom jispeċifikaw it-tul tal-perjodu taż-żmien li fih għandhom jiġu sodisfatti l-pretensjonijiet pendenti mill-istituzzjoni tal-garanzija. Madankollu, dan ma jistax ikun iqsar minn perjodu taż-żmien li jkopri l-ħlas ta’ l-aħhħar tliet xhur tar-relazzjoni ta’ l-impjieg qabel u/jew wara d-data riferita fl-Artikolu 3. L-Istati Membri jistgħu jinkludu dan il-perjodu minimu taż-żmien ta’ tliet xhur f’perjodu taż-żmien ta’ referenza ta’ mhux anqas minn sitt xhur.

L-Istati Membri li għandhom perjodu taż-żmien ta’ referenza ta’ mhux anqas minn 18-il xahar jistgħu jillimitaw il-perjodu taż-żmien li fih jiġu sodisfatti l-pretensjonijiet pendenti mill-istituzzjoni tal-garanziji għal tmien ġimgħat. F’dan il-każ, dawk il-perjodi taż-żmien li huma l-aktar favorevoli għall-impjegat jintużaw għall-kalkolu tal-perjodu minimu taż-żmien.”

14.

L-Artikolu 10 tad-Direttiva 80/987 jipprovdi:

“Din id-Direttiva ma taffetwax l-għażla ta’ l-Istati Membri:

a)

li jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jevitaw l-abbużi;

[…]”

B – Id-dritt Portugiż

15.

L-Artikolu 380 tal-Liġi Nru 99/2003, tas-27 ta’ Awwissu 2003, li tadotta l-Kodiċi tax-Xogħol, jipprovdi li l-garanzija li jitħallsu l-pretensjonijiet tal-ħaddiem li jirriżultaw minn kuntratt ta’ xogħol u mill-ksur jew mit-tmiem tiegħu li ma jistgħux jitħallsu mill-persuna li timpjega minħabba insolvenza jew sitwazzjoni finanzjarja diffiċli għandha tiġi żgurata u assunta mill-FGS, skont it-termini stabbiliti f’leġiżlazzjoni speċjali.

16.

L-Artikolu 317 tal-Liġi Nru 35/2004, tad-29 ta’ Lulju 2004, jipprovdi li l-[FGS] għandu jiggarantixxi lill-ħaddiem, fil-każ ta’ nuqqas tal-persuna li timpjega, il-ħlas tal-pretensjonijiet li jirriżultaw mill-kuntratt ta’ xogħol u mill-ksur tiegħu jew mit-tmiem tiegħu skont l-artikoli li ġejjin.

17.

L-Artikolu 318 ta’ din il-liġi, li jippreċiża s-sitwazzjonijiet koperti bil-garanzija, jipprovdi:

“1.   Il-[FGS] għandu jiggarantixxi l-ħlas tal-pretensjonijiet imsemmija fl-Artikolu preċedenti meta l-persuna li timpjega tiġi ġudizzjarjament iddikjarata insolventi.

2.   Il-[FGS] għandu jiggarantixxi wkoll il-ħlas tal-pretensjonijiet imsemmija fil-paragrafu preċedenti fil-każ li tkun ġiet mibdija l-proċedura ta’ konċiljazzjoni stabbilita fid-Digriet Liġi Nru 316/98, tal-20 ta’ Ottubru 1998.

3.   Bla ħsara għall-paragrafu preċedenti, jekk il-proċedura ta’ konċiljazzjoni ma tkunx ġiet kompluta, minħabba rifjut jew tmiem, skont l-Artikoli 4 u 9, rispettivament, tad-Digriet Liġi Nru 316/98, tal-20 ta’ Ottubru 1998, u jekk il-ħaddiema tal-impriża jkunu talbu l-ħlas tal-pretensjonijiet iggarantiti mill-[FGS], dan tal-aħħar għandu jitlob ġudizzjarjament li l-impriża tiġi ddikjarata insolventi.

4.   Għall-finijiet tal-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-paragrafi preċedenti, il-[FGS] għandu jkun innotifikat, meta l-impriżi inkwistjoni jkollhom ħaddiema impjegati magħhom:

a)

mill-qrati, f’dak li jikkonċerna t-talba għal proċedura speċjali ta’ insolvenza u għal dikjarazzjoni ta’ insolvenza;

b)

min-naħa tal-Istitut ta’ appoġġ għall-impriżi żgħar u medji u għall-investiment [Instituto de Apoio às Pequenas e Médias Empresas e ao Investimento (IAPMEI)], f’dak li jikkonċerna l-proċedura ta’ konċiljazzjoni u r-rifjut tagħha jew it-tmiem tal-proċedura.”

18.

L-Artikolu 319 ta’ din l-istess liġi jidentifika l-pretensjonijiet koperti kif ġej:

“1.   Il-[FGS] għandu jiżgura l-ħlas tal-pretensjonijiet previsti fl-Artikolu 317 li saru dovuti fis-sitt xhur preċedenti għall-preżentata tar-rikors jew għat-tressiq tat-talba msemmija fl-artikolu preċedenti.

2.   Jekk ma jkunx hemm pretensjoni li saret dovuta matul il-perijodu ta’ referenza msemmi fil-paragrafu preċedenti, jew jekk l-ammont tagħha huwa inqas mil-limitu massimu msemmi fil-[...] paragrafu [1] tal-artikolu segwenti, il-[FGS] għandu jiggarantixxi l-ħlas sa dan il-limitu tal-pretensjonijiet li saru dovuti wara l-imsemmi perijodu ta’ referenza.

3.   Il-[FGS] għandu jiżgura biss il-ħlas tal-pretensjonijiet magħmula lilu sa mhux iktar tard minn tliet xhur qabel il-preskrizzjoni tagħhom.”

19.

Jirriżulta mid-deċiżjoni tar-rinviju li, skont il-ġurisprudenza nazzjonali, meta l-persuna li timpjega tiġi ġudizzjarjament iddikjarata insolventi, il-FGS għandu jiggarantixxi l-pretensjonijiet salarjali li saru eżiġibbli fil-perijodu tas-sitt xhur preċedenti għall-preżentata tal-proċedura ta’ insolvenza jew it-tressiq tat-talba għal proċedura ta’ konċiljazzjoni.

II – Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

20.

Billi l-persuna li timpjega lir-rikorrenti fil-kawża prinċipali kienet waqfet milli tħallashom is-salarju tagħhom, dawn kienu, fil-15 ta’ Settembru 2003, xoljew il-kuntratt ta’ xogħol tagħhom ( 7 ) imbagħad, fl-10 ta’ Frar 2004, talbu lit-tribunal de trabalho ta’ Barcelos (tribunal industrijali ta’ Barcelos, il-Portugall) sabiex jiffissa l-ammont tal-pretensjonijiet salarjali tagħhom kif ukoll l-irkupru sfurzat tagħhom. It-talba kienet ġiet milqugħa.

21.

Billi l-beni li jifformaw il-patrimonju tal-persuna li timpjega ma kinux suffiċjenti sabiex ikopru dawn il-pretensjonijiet, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali kienu, fit-28 ta’ Novembru 2005, ressqu proċedura quddiem it-tribunal de comércio de Vila Nova de Gaia (Qorti tal-Kummerċ ta’ Vila Nova de Gaia) sabiex tiġi kkonstatata l-insolvenza tal-imsemmija persuna li timpjegahom. Wara li ġiet ikkonstatata l-insolvenza, il-pretensjonijiet salarjali kienu ġew irreġistrati.

22.

Fis-26 ta’ Lulju 2006, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali kienu talbu l-ħlas tal-pretensjonijiet tagħhom mingħand il-FGS. B’digriet tal-21 u s-26 ta’ Diċembru 2006, il-president tal-FGS kien ċaħad dawn it-talbiet fuq il-motiv li l-pretensjonijiet inkwistjoni kienu eżiġibbli iktar minn sitt xhur qabel il-preżentata tal-proċedura sabiex tiġi kkonstata l-insolvenza tal-persuna li timpjega, jew f’data qabel il-perijodu ta’ referenza previst fl-Artikolu 319(1) tal-Liġi Nru 35/2004.

23.

Peress li r-rikorrenti għall-kawża prinċipali talbet l-annullament ta’ dawn id-digrieti, it-tribunal administrativo e fiscal do Porto (tribunal amministrattiv u fiskali ta’ Porto, il-Portugall) ċaħad dan ir-rikors permezz ta’ deċiżjoni tat-18 ta’ Marzu 2010.

24.

Ir-rikorrenti għall-kawża prinċipali b’hekk ressqu rikors quddiem it-Tribunal Central Administrativo Norte (il-Portugall) li ddeċieda li jissospendi l-proċeduri quddiemu u jistaqsi d-domanda preliminari li ġejja lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“Id-dritt tal-Unjoni, fil-kuntest konkret tal-garanzija tal-krediti [pretensjonijiet] salarjali fil-każ tal-insolvenza tal-persuna li timpjega, b’mod partikolari l-Artikoli 4 u 10 tad-Direttiva 80/987 [...], għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali li tiggarantixxi biss il-krediti li saru eżiġibbli [fil-perijodu ta’] sitt xhur ta’ qabel il-preżentata ta’ rikors sabiex tiġi kkonstatata l-insolvenza tal-persuna li timpjega anki meta l-ħaddiema jkunu ressqu kawża quddiem it-tribunal industrijali kontra min jimpjegahom sabiex jiksbu l-iffissar ġudizzjarju tal-ammont mhux imħallas u l-irkupru forzat ta’ dan l-ammont?”

III – Analiżi tiegħi

25.

Dak li hemm komuni fl-argumenti tiegħi huma erba’ prinċipji li joħorġu mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-interpretazzjoni tad-Direttiva 80/987.

26.

L-ewwelnett, skont regola ta’ interpretazzjoni klassika, il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat, fid-dawl tan-natura derogatorja tal-każ fejn l-Istati Membri għandhom il-possibbiltà li jillimitaw l-obbligu ta’ ħlas tal-istituzzjonijiet ta’ garanzija għal perijodu stabbilit, li d-dispożizzjonijiet ikkonċernati għandhom jiġu interpretati b’mod strett ( 8 ).

27.

Fil-fatt, huwa importanti li nżommu quddiem għajnejna l-fatt li d-Direttiva 80/987, li għandha l-għan tal-protezzjoni tal-ħaddiema fil-każ ta’ insolvenza tal-persuna li timpjega, tpoġġi bħala prinċipju li l-ħaddiema għandhom id-dritt għall-garanzija tal-ħlas tal-pretensjonijiet salarjali tagħhom mhux imħallsa relattiva għal perijodu li jkun qabel jew, jekk ikun il-każ, wara data stabbilita mill-Istati Membri ( 9 ).

28.

Huwa biss bħala eċċezzjoni li l-Artikolu 4 ta’ din id-Direttiva jippermetti lill-Istati Membri li jirrestrinġu l-perijodu ta’ garanzija u, għaldaqstant, l-obbligu relattiv ta’ ħlas tal-istituzzjonijiet ta’ garanzija, sakemm tiġi żgurata garanzija minima li l-modalitajiet tagħha jiddependu fuq id-data ta’ riferenza li huma jkunu għażlu b’applikazzjoni tal-Artikolu 3 tad-Direttiva msemmija.

29.

It-tieni nett, il-Qorti tal-Ġustizzja llimitat il-marġni ta’ diskrezzjoni tal-Istati Membri sabiex jittieħed inkunsiderazzjoni l-għan soċjali tad-Direttiva 80/987, li huwa dak li jiżgura lill-ħaddiema minimu ta’ protezzjoni fil-livell tal-Unjoni Ewropea fil-każ ta’ insolvenza tal-persuna li timpjega, bla ħsara għad-dispożizzjonijiet iktar favorevoli li jinsabu fil-leġiżlazzjonijiet tal-Istati Membri, bl-introduzzjoni ta’ garanziji minimi għall-ħlas tal-pretensjonijiet mhux imħallsa li jirriżultaw minn kuntratti ta’ xogħol jew relazzjonijiet ta’ xogħol u li jirrigwardaw ir-remunerazzjoni relattiva għal perijodu stabbilit ( 10 ).

30.

Jitnisslu żewġ konsegwenzi essenzjali mill-applikazzjoni ta’ dawn l-ewwel żewġ prinċipji flimkien.

31.

Minn naħa, l-uniċi limitazzjonijiet possibbli fuq id-dritt tal-ħaddiem għal garanzija minima huma dawk espressament previsti fl-Artikolu 4(2) u (3) tad-Direttiva 80/987. Dawn il-limitazzjonijiet jirrigwardaw esklużivament kemm it-tul tal-perijodu li jagħti lok għall-ħlas, kif ukoll l-ammont ta’ tali ħlas, billi jirriżulta li d-Direttiva 80/987 tipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li tissuġġetta l-possibbiltà għall-ħaddiema li l-persuna li timpjegahom tinsab f’sitwazzjoni ta’ insolvenza li jeżerċitaw id-dritt tagħhom għall-ħlas tal-pretensjonijiet salarjali mhux imħallsa kollha kemm huma għall-obbligu li jirreġistraw ruħhom bħala persuni li qegħdin ifittxu x-xogħol ( 11 ).

32.

Min-naħa l-oħra, anki meta l-limitazzjonijiet previsti mid-dritt nazzjonali jaqgħu taħt waħda jew oħra miż-żewġ kategoriji permessi bħala deroga għall-Artikolu 4 tal-Direttiva 80/987, huma ma jistgħux ikollhom l-effett li jillimitaw jew jeskludu l-minimu ta’ protezzjoni ggarantita b’din id-Direttiva.

33.

Dan ir-rekwiżit huwa rifless, b’mod partikolari, fil-modalitajiet li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni fil-ħlasijiet imwettqa mill-persuna li timpjega matul il-perijodu kopert bil-garanzija. B’hekk ġie deċiż li r-remunerazzjonijiet imħallsa lill-ħaddiema matul dan il-perijodu ma jistgħux jitnaqqsu mil-livell iffissat mill-Istat Membru għall-garanzija tal-pretensjonijiet mhux imħallsa ( 12 ) u li, meta ħaddiem ikollu pretensjonijiet kontra l-persuna li timpjegah relattivi għal perijodi ta’ impjieg preċedenti u pretensjonijiet relattivi għall-perijodu ta’ referenza stess, dawn ir-remunerazzjonijiet għandhom jitħallsu bi preċedenza fuq il-pretensjonijiet preċedenti ( 13 ).

34.

Billi kompliet bl-istess loġika, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet ukoll li għandhom jiġu esklużi mill-kunċett ta’ “relazzjoni ta’ xogħol”, fis-sens tal-Artikoli 3 u 4 tad-Direttiva 80/987, il-perijodi li, min-natura tagħhom stess, ma jistgħux jagħtu lok għall-pretensjonijiet salarjali mhux imħallsa, bħalma huwa perijodu li matulu dik ir-relazzjoni ta’ xogħol hija sospiża minħabba leave tal-ġenituri ( 14 ).

35.

It-tielet nett, il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat li l-kundizzjonijiet sabiex tiskatta l-garanzija prevista mid-Direttiva 80/987 huma distinti mid-determinazzjoni tal-pretensjonijiet mhux imħallsa koperti bil-garanzija ( 15 ). Minn dan isegwi li jekk il-garanzija ma tistax tingħata qabel id-deċiżjoni ta’ ftuħ ta’ proċedura kollettiva bbażata fuq l-insolvenza tal-persuna li timpjega jew, fil-każ ta’ insuffiċjenza tal-assi, il-konstatazzjoni tal-waqfien definittiv tal-impriża, il-perijodu li matulu l-pretensjonijiet salarjali mhux imħallsa huma ggarantiti ma huwiex iddeterminat b’mod obbligatorju li jibda mid-data ta’ din id-deċiżjoni.

36.

Fuq il-bażi ta’ dan il-prinċipju, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li bid-data tal-bidu tal-insolvenza tal-persuna li timpjega, fis-sens tal-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 80/987, fil-verżjoni oriġinali tagħha, ma għandux jiftiehem id-data tad-deċiżjoni dwar it-talba għal ftuħ tal-proċedura ta’ insolvenza imma d-data tat-talba sabiex tinfetaħ din il-proċedura ( 16 ). Hija ġġustifikat dan l-eżitu billi nnotat li d-deċiżjoni ta’ ftuħ tal-proċedura tista’ tkun żmien twil wara l-waqfien tal-perijodi ta’ impjieg li għalihom jirreferu r-remunerazzjonijiet mhux imħallsa, b’mod li l-ħlas ta’ dawn ir-remunerazzjonijiet jistgħu ma jkunu qatt iggarantiti mid-Direttiva 80/987, għal raġunijiet li jistgħu ma jkollhom x’jaqsmu xejn mal-imġiba tal-ħaddiema.

37.

Ir-raba’ nett, il-Qorti tal-Ġustizzja stabbiliet bħala regola li l-possibbiltà rikonoxxuta fid-dritt nazzjonali li jiġu speċifikati l-benefiċċji pagabbli mill-istituzzjoni ta’ garanzija hija suġġetta għall-osservanza tad-drittijiet fundamentali, fosthom b’mod partikolari l-prinċipju ġenerali ta’ ugwaljanza ( 17 ), li jirrikjedi li sitwazzjonijiet komparabbli ma jkunux itrattati b’mod differenti jekk id-differenza ma tkunx iġġustifikata oġġettivament ( 18 ).

38.

Minn dan jirriżulta, b’mod partikolari, li meta, skont leġiżlazzjoni nazzjonali, ħlasijiet legali għal tmiem tal-kuntratt ta’ xogħol, rikonoxxuti b’sentenza, għandhom jitwettqu mill-istituzzjoni ta’ garanzija fil-każ ta’ insolvenza tal-persuna li timpjega, ħlasijiet tal-istess natura, rikonoxxuti fi ftehim bejn ħaddiem u persuna li timpjega mfassal quddiem imħallef u rikonoxxut mill-korp ġudizzjarju, għandhom jiġu trattati bl-istess mod ( 19 ).

39.

Huwa abbażi ta’ dawn il-prinċipji li għandha tiġi rregolata l-interpretazzjoni tad-Direttiva 80/987 li ser infittex li nagħti risposta għad-domanda li saret mill-qorti tar-rinviju.

40.

F’dak li jikkonċerna l-kawża prinċipali, mill-proċess jirriżulta li kienet ġiet irrifjutata t-talba kollha tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali għall-ħlas tas-salarji relattivi għall-aħħar tlett xhur tar-relazzjonijiet tax-xogħol tagħhom minħabba l-fatt li l-pretensjonijiet salarjali tagħhom kienu saru eżiġibbli iktar minn sitt xhur qabel id-data tat-tressiq tat-talba għad-dikjarazzjoni tal-insolvenza tal-persuna li timpjega, li l-leġiżlatur Portugiż adotta bħala t-tmiem tal-perijodu ta’ referenza.

41.

Filwaqt illi d-Direttiva 80/987, fil-verżjoni oriġinali tagħha, kienet tipprovdi l-għażla għall-Istati Membri fost tlett dati biss, enumerati eżawrjentement fl-Artikolu 3(2) ta’ din id-Direttiva, marbuta mal-bidu tal-insolvenza tal-persuna li timpjega jew it-tmiem tar-relazzjoni tax-xogħol, id-Direttiva 2002/74 eliminat ir-referenza għal dawn it-tlett dati u ħalliet lill-Istati Membri libertà totali sabiex jistabbilixxu d-data ta’ referenza, filwaqt li tvarja l-perijodu minimu ta’ garanzija skont it-tul magħżul.

42.

Għalhekk, meta jkunu ser jeżerċitaw il-possibbiltà tagħhom li jillimitaw il-garanzija ratione temporis, l-Istati Membri jistgħu jqegħdu l-garanzija minima ta’ tlett xhur f’perijodu ta’ sitt xhur qabel jew wara d-data ta’ referenza. Huma jistgħu wkoll jipprovdu garanzija minima limitata għal tmien ġimgħat, bil-kundizzjoni li din il-garanzija titqiegħed f’perijodu itwal, ta’ mhux inqas minn tmintax-il xahar.

43.

Ma hemmx dubju li d-Direttiva 80/987 ma tipprekludix li Stat Membru jiffissa bħala l-bidu jew it-tmiem ( 20 ) tal-perijodu ta’ referenza d-data tat-tressiq tat-talba għall-konstatazzjoni tal-insolvenza tal-persuna li timpjega ( 21 ). Jekk l-Istat Membru kkonċernat jagħżel li jeżerċita l-possibbiltà li jillimita l-garanzija ratione temporis, xejn ma jipprekludi, barra minn hekk, li dan jillimita l-perijodu ta’ referenza għal sitt xhur, b’mod illi din għandha tiggarantixxi r-remunerazzjoni tal-aħħar tlett xhur tar-relazzjoni tax-xogħol, kif hemm ipprovdut fid-dritt Portugiż.

44.

Dwar dan is-suġġett, għandu jitfakkar li l-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 80/987 fil-verżjoni inizjali tiegħu, kien espressament jawtorizza lill-Istati Membri li jadottaw bħala t-tmiem tal-perijodu ta’ referenza d-data tal-“bidu tal-insolvenza tal-persuna li timpjega” u li, skont l-interpretazzjoni li ngħatatilha mill-Qorti tal-Ġustizzja, din id-data għandha tiftiehem bħala dik tad-depożitu tat-talba għall-ftuħ tal-proċedura ta’ insolvenza ( 22 ).

45.

Għaldaqstant, il-leġiżlatur tal-Unjoni ppreżerva b’mod wiesa’ l-libertà tal-Istati Membri, billi ppermettielhom li jsibu, tkun xi tkun id-data, il-perijodu ta’ garanzija minima li jkopri l-aħħar tliet xhur tar-relazzjoni tax-xogħol kif ukoll, jekk ikun il-każ, il-perijodu ta’ referenza li fih għandu jidħol dan il-perijodu minimu. Fil-prattika, l-Istati li jistabbilixxu perijodu ta’ referenza jagħmlu dan l-iktar b’rabta mad-data tal-bidu tal-insolvenza tal-persuna li timpjega ( 23 ).

46.

Din l-għażla ma hijiex mingħajr diffikultà fil-prinċipju fir-rigward tal-ħtieġa li tiġi osservata d-Direttiva 80/987. Fil-fatt, jekk it-tressiq tat-talba għall-ftuħ tal-proċedura ta’ insolvenza sabiex jiġu sodisfatti kollettivament il-persuni li għandhom pretensjonijiet tkun saret żmien twil qabel it-tmiem tar-relazzjoni tax-xogħol, il-ħaddiema jistgħu jiġu mċaħħda mill-garanzija, anki jekk jiġi stabbilit li n-nuqqas tal-ħlas tar-remunerazzjonijiet huwa marbut mal-istat ta’ insolvenza tal-persuna li timpjega. B’kuntrast, jekk l-operazzjoni tal-impriża baqgħet għaddejja għal ċertu żmien wara t-tressiq tat-talba għall-ftuħ tal-proċedura ta’ insolvenza sabiex jiġu sodisfatti kollettivament il-persuni li għandhom pretensjonijiet, il-pretensjonijiet salarjali mhux imħallsa jistgħu jirreferu għal perijodi ferm wara d-data tat-tressiq tal-imsemmija talba ( 24 ).

47.

Madankollu, il-marġni ta’ diskrezzjoni li jgawdu l-Istati Membri ma huwiex illimitat. Għall-kuntrarju, huwa neċessarjament inkwadrat bir-rekwiżit fundamentali li jikkostitwixxi l-applikazzjoni uniformi tad-dritt tal-Unjoni, bil-ħtieġa li jiġi ppreżervat l-effett utili tad-Direttiva u bir-rekwiżiti li jitnisslu mill-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali, li jorbtu lill-Istati Membri kull fejn huma msejħa sabiex japplikaw id-dritt tal-Unjoni.

48.

Issa, jiena nqis li leġiżlazzjoni nazzjonali bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li teskludi l-garanzija għall-pretensjonijiet salarjali mhux imħallsa li saru dovuti iktar minn sitt xhur qabel il-preżentata tal-proċedura ta’ insolvenza, anki meta l-ħaddiema kienu diliġenti sabiex jakkwistaw il-ħlas, tikkomprometti l-effett utili tad-Direttiva 80/987 u ma hijiex konformi mad-drittijiet fundamentali.

49.

L-ewwelnett, tali leġiżlazzjoni ma hijiex konformi mal-għan soċjali tad-Direttiva 80/987 għaliex, kif issostni l-Kummissjoni, il-limitazzjoni tal-perijodu ta’ referenza għas-sitt xhur preċedenti l-preżentata tal-proċedura ta’ insolvenza tista’ twassal sabiex teskludi l-garanzija għall-pretensjonijiet salarjali kollha mhux imħallsa, minkejja d-diliġenza tal-ħaddiema kkonċernati.

50.

F’dan ir-rigward, huwa importanti li jitfakkar li l-protezzjoni mogħtija lill-pretensjonijiet salarjali tingħata minħabba n-natura essenzjali ta’ dawn il-pretensjonijiet li, ħafna drabi, jippermettu lill-ħaddiem li jiżgura l-għajxien tiegħu u tal-familja tiegħu. Fil-kuntest tal-kriżi ekonomika u finanzjarja li qed tolqot lill-Unjoni inġenerali u lil ċerti Stati Membri b’mod partikolari, jidher li huwa speċjalment importanti li ma tintesiex din il-karatteristika partikolari tal-pretensjonijiet salarjali u li jitqiesu s-sitwazzjonijiet umanament diffiċli li jirriżultaw mill-impossibbiltà għall-ħaddiema li jiksbu l-ħlas dovut lilhom.

51.

Kunsiderazzjoni oħra, ukoll fundamentali, hija determinanti: din tirrigwarda l-osservanza tal-prinċipju tat-trattament ugwali.

52.

Skont l-informazzjoni kkomunikata mill-Gvern tal-Portugall, minn fost il-31 ħaddiem li kienu jaħdmu mal-kumpannija, 18 ma kinux baqgħu jirċievu s-salarju tagħhom wara Marzu 2003, ħaddiem wieħed ma kienx baqa’ jitħallas wara l-1 ta’ April 2004 u t-12 l-oħra ma baqgħux jirċievu s-salarju tagħhom f’diversi dati matul is-snin 2005 u 2006.

53.

Dan il-Gvern kien indika, barra minn hekk, li 17 mit-18-il ħaddiem li ma baqgħux jirċevu r-remunerazzjoni tagħhom f’Marzu 2003 kienu temmew il-kuntratt tagħhom fil-15 ta’ Settembru 2003, filwaqt li l-kuntratt tat-tmintax-il-ħaddiem kien intemm fl-14 ta’ April 2004. Il-ħaddiem li ma baqax jitħallas wara l-1 ta’ April 2004 kien temm il-kuntratt tiegħu fit-30 ta’ Settembru 2004 u l-kuntratt ta’ xogħol tal-ħaddiema l-oħra kien intemm fil-5 ta’ Mejju 2006, wara t-tressiq tat-talba għall-ftuħ tal-proċedura ta’ insolvenza, wara deċiżjoni tal-amministratur minħabba l-għeluq definittiv tal-impriża.

54.

Billi l-perijodu ta’ referenza kien beda jiddekorri mit-28 ta’ Mejju 2005, jiġifieri sitt xhur qabel id-data tat-tressiq tat-talba għad-dikjarazzjoni tal-insolvenza tal-persuna li timpjega, huma biss il-ħaddiema li l-kuntratt ta’ xogħol tagħhom kien għadu ma ġiex xolt f’din id-data li jistgħu jitolbu l-garanzija tar-remunerazzjonijiet mhux imħallsa. Dawk, għal-kuntrarju, bħal M.A. Gomes Viana Novo, li il-kuntratt tagħhom ġie tterminat iktar minn tliet xhur qabel, ma jistgħux jitolbu ebda kumpens.

55.

It-trattament differenti riżultanti ma jidhirx li huwa ġġustifikat minn differenza oġġettiva tas-sitwazzjoni. Ċertament, il-possibbiltà mogħtija lill-Istati Membri bl-Artikolu 4 tal-Direttiva 80/987 li jinkludu l-perijodu ta’ garanzija minima f’perijodu ta’ referenza neċessarjament ser toħloq trattament differenti bejn il-ħaddiema b’rabta mad-data li fiha jinsabu l-aħħar tliet xhur tar-relazzjoni tax-xogħol tagħhom. Madankollu, ma narax għalfejn il-kriterju ratione temporis għandu jipprevali sal-punt li jiġġustifika trattament differenti skont jekk il-ħaddiema kinux ippreżentaw direttament kawża għal dikjarazzjoni ta’ insolvenza jew kinux, minn qabel, daħlu l-qorti sabiex il-pretensjonijiet tagħhom jiġu kkonstatati ġudizzjarjament u jottjenu l-irkupru sfurzat.

56.

Sabiex tintwera l-eżistenza ta’ sitwazzjonijiet perfettament komparabbli, huwa neċessarju li nerġa’ neżamina l-kwistjoni, li ġiet diskussa fis-seduta, tas-sitwazzjoni partikolari tal-ħaddiema kkonċernati u dik tal-persuna li timpjegahom fi tmiem l-2003, fil-mument li fih il-ħaddiema ddeċidew li jitterminaw il-kuntratt tax-xogħol tagħhom.

57.

Mal-ewwel daqqa ta’ għajn, dawn il-ħaddiema kellhom quddiemhom għażla sempliċi: jew li jitolbu l-ħlas tal-pretensjonijiet tagħhom quddiem it-tribunal industrijali jekk il-persuna li timpjegahom kienet solventi jew, f’każ kuntrarju, jitolbu l-ftuħ tal-proċedura ta’ insolvenza quddiem it-tribunal de comércio ta’ Vila Nova de Gaia sabiex jakkwistaw il-garanzija tal-FGS.

58.

Għalkemm hija sempliċi, din il-preżentazzjoni hija totalment falza. Fil-verità, il-kwistjoni jekk il-persuna li timpjega tinsabx f’sitwazzjoni ta’ insolvenza fis-sens tal-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli tippresupponi evalwazzjoni ġuridika li għandha ssir abbażi ta’ informazzjoni kumplessa.

59.

Ħafna drabi, il-ħaddiema ma jkunux jafu b’din l-informazzjoni u bis-sitwazzjoni finanzjarja reali tal-persuna li timpjegahom, b’mod li ma jkunux jistgħu jiddeterminaw jekk in-nuqqas ta’ ħlas tas-salarji huwiex dovut għal diffikultà ta’ dħul temporanja jew għal sitwazzjoni finanzjarja mtaqqla serjament u b’mod permanenti.

60.

Barra minn hekk, ikun wara l-fatt, b’mod partikolari meta kawżi għall-ħlas u għall-irkupru sfurzat juru li l-impriża ma hijiex fi stat li tagħmel tajjeb għall-pretensjoni eżiġibbli tagħha, li l-insolvenza tiġi kkonstatata, ta’ sikwit b’mod retroattiv.

61.

Anki jekk id-dritt Portugiż ma jagħmilx l-eżerċizzju ta’ proċedura minn qabel għall-irkupru ta’ pretensjonijiet mhux imħallsa bħala kundizzjoni minn qabel għall-kawża li titlob dikjarazzjoni ta’ insolvenza, ma narax, f’tali ċirkustanzi, kif ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali jistgħu jiġu kkritikati li kienu qabel ippreżentaw kawża għall-ħlas u għall-irkupru sfurzat, li ċertament ikkontribwiet sabiex tiżvela s-sitwazzjoni ta’ insolvenza tal-persuna li timpjegahom, minflok ma aġixxew direttament b’kawża għal dikjarazzjoni ta’ insolvenza, neċessarjament fuq il-bażi ta’ suppożizzjonijiet.

62.

Ninnota, barra minn hekk, li l-bidu ta’ proċedura ta’ insolvenza huwa att serju li jwassal għad-divestiment parzjali jew komplet tal-persuna li timpjega u li, għaldaqstant, il-ħaddiem ma jistax jitlob leġġerment, mingħajr ma jkollu informazzjoni li twasslu sabiex jemmen li l-persuna li qabel kienet timpjegah ma għandhiex beni biżżejjed sabiex tħallsu. Anki jekk huma kienu jafu bis-sitwazzjoni tal-persuna li timpjegahom, il-ħaddiema ma jistgħux jiġu kkritikati talli ppreferew, tal-inqas inizjalment, li jirrikorru għall-mezzi legali komuni sabiex jirkupraw il-pretensjonijiet tagħhom, forsi minħabba preokkupazzjoni leġittima tas-sitwazzjoni tal-ħaddiema l-oħra li s-salarji tagħhom kienu għadhom qed jitħallsu jew tal-possibbiltà ta’ qawmien mill-ġdid tan-negozju tal-impriża.

63.

Ma huwiex faċli li jiġi ġġustifikat il-fatt li l-ħaddiema li kienu l-ewwel li ma baqgħux jitħallsu u fetħu l-kawża biex tiġi ddikjarata l-insolvenza ser ikunu mċaħħda mid-dritt għall-garanzija minima filwaqt li dawk li l-iktar baqgħu jitħallsu u ma fetħux kawża jistgħu jibbenefikaw minnha.

64.

F’dawn il-kundizzjonijiet, naħseb li l-esklużjoni riżultanti mill-Artikolu 319 tal-Liġi Nru 35/2004, kif interpretat mill-qorti nazzjonali, ma huwiex konformi mad-Direttiva 80/987, moqrija flimkien mal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament.

65.

Fil-fehma tiegħi, il-garanzija għandha tapplika meta jiġi stabbilit li l-pretensjonijiet salarjali li tagħhom il-ħaddiema qegħdin jitolbu l-ħlas ma jkunux setgħu jiġi sodisfatti minħabba l-istat ta’ insolvenza tal-persuna li timpjegahom. Naħseb li huwa utili li jiġi preċiżat, f’dan ir-rigward, li jirriżulta b’mod ċar mid-deċiżjoni tar-rinviju li r-rifjut li jitħallsu dawn il-pretensjonijiet kien ġie ġġustifikat bil-fatt biss li l-pretensjonijiet ma kinux jidħlu fil-perijodu ta’ referenza, u mhux bl-assenza ta’ rabta bejn il-pretensjonijiet imsemmija u s-sitwazzjoni ta’ insolvenza tal-persuna li timpjega ( 25 ).

66.

L-iżvilupp ta’ sistema ġdida ta’ protezzjoni tal-pretensjonijiet salarjali, konsistenti fl-assigurazzjoni ta’ dawn il-pretensjonijiet minn istituzzjoni terza fil-każ ta’ insolvenza tal-persuna li timpjega, għandu l-għan li jtaffi n-nuqqasijiet tal-mekkaniżmi ta’ protezzjoni tradizzjonali, bħalma huma l-privileġġi legali, li ma jippermettux lill-ħaddiema li jakkwistaw il-ħlas tas-salarji tagħhom mhux imħallsa f’sitwazzjonijiet ta’ falliment, ikkaratterizzati minn beni realizzabbli fqar, jew anki l-assenza ta’ kull tip ta’ beni ( 26 ). Jekk tiġi miċħuda l-garanzija għal pretensjoni li, għaldaqstant, ma jistax jiġi rkuprat minħabba l-insolvenza tal-persuna li timpjega dan ikun jammonta għall-introduzzjoni ta’ ksur sinjifikattiv f’din il-protezzjoni minima tas-salarji, li xtaq il-leġiżlatur tal-Unjoni.

67.

Qabel ma nispjega b’mod iktar preċiż ir-risposta li nipproponi li tingħata lill-qorti tar-rinviju, xtaqt neżamina, sabiex niċħadhom, iż-żewġ oġġezzjonijiet imqajma rispettivament mill-Gvern tal-Ġermanja u tal-Portugall.

68.

Il-Gvern tal-Ġermanja jippreżenta bħala argument determinanti l-fatt li d-Direttiva 80/987, ikkomparata mal-verżjoni inizjali tagħha, ħalliet saħansitra iktar marġni ta’ diskrezzjoni lill-Istati Membri fl-għażla tal-mezzi ta’ protezzjoni tal-ħaddiema fil-każ ta’ insolvenza tal-persuna li timpjega, għaliex skont it-tieni sentenza tal-Artikolu 3 ta’ din id-direttiva, kif emendata, id-determinazzjoni tad-data li tistabbilixxi l-perijodu ta’ referenza hija, fil-preżent, imħollija fid-diskrezzjoni libera tal-Istati Membri. Ninnota, madankollu, li l-Kummissjoni kienet iġġustifikat din l-emenda esklużivament bix-xewqa ta’ semplifikazzjoni ta’ metodu kkunsidrat bħala “inutilment ikkumplikat” ( 27 ), billi ppreċiżat li redazzjoni iktar sempliċi setgħet “tilħaq l-istess [ ( 28 )] riżultat ta’ protezzjoni tal-ħaddiema” ( 29 ). Għaldaqstant din l-emenda ma tista’ qatt tiġġustifika livell iktar baxx tal-protezzjoni li tingħata lill-ħaddiema fil-każ ta’ insolvenza tal-persuna li timpjegahom. Ninnota, barra minn hekk li d-Direttiva 2002/74 stabbiliet, b’mod parallel, il-possibbiltà li l-garanzija tiġi estiża għall-pretensjonijiet ta’ wara d-data ta’ referenza bil-għan, jekk ikun il-każ, li tkopri s-salarji li jibqgħu dovuti meta l-ġestjoni tal-impriża tkun baqgħet għaddejja waqt il-proċedura ta’ insolvenza ( 30 ).

69.

Min-naħa tiegħu, il-Gvern tal-Portugall jinnota li l-intervent tal-FGS ma jistax jiskatta b’rikors għall-ħlas ippreżentat quddiem it-tribunal industrijali, għaliex tali rikors, jista’ jkun, u jista’ ma jkunx, ibbażat fuq sitwazzjoni ekonomika diffiċli jew insolvenza tal-persuna li timpjega. Madankollu, kif fakkart iktar ’il fuq ( 31 ), il-Qorti tal-Ġustizzja qagħdet attenta li tiddistingwi l-kundizzjonijiet tal-iskattar tal-garanzija prevista bid-Direttiva 80/987 mid-determinazzjoni tal-pretensjonijiet mhux imħallsa koperti bil-garanzija. Jekk, effettivament, l-istituzzjoni ta’ garanzija tista’ tintervjeni biss wara d-deċiżjoni għall-ftuħ tal-proċedura ta’ insolvenza, dan ma jeskludix li din tiggarantixxi, ladarba jseħħ dan l-avveniment, il-ħlas tal-pretensjonijiet salarjali li tagħhom il-ħaddiema jkunu talbu l-irkupru quddiem qorti ta’ ġurisdizzjoni komuni, sakemm, tal-inqas, dik l-impossibbiltà li jiġi ottenut l-irkupru tal-pretensjonijiet tkun marbuta mal-insolvenza tal-persuna li timpjega.

70.

Peress li dawn iż-żewġ oġġezzjonijiet ġew miċħuda, nipproċedi bl-eżami tal-proposta tiegħi ta’ risposta għad-domanda li saret.

71.

Peress li nikkunsidra li Stat Membru li jadotta bħala terminu tal-perijodu ta’ referenza d-data tat-tressiq tat-talba għad-dikjarazzjoni ta’ insolvenza tal-persuna li timpjega ma jistax jeskludi sistematikament mill-garanzija għall-pretensjonijiet li tagħhom il-ħaddiema qagħdu attenti, qabel ma jitolbu l-insolvenza, li jitolbu l-ħlas u l-irkupru sfurzat, ir-risposta, li għandha tirrikonċilja l-limitazzjoni ratione temporis mal-ħtieġa li ma tiġix ridotta fix-xejn il-protezzjoni minima meħtieġa mid-Direttiva 80/987 u r-rekwiżit ta’ ugwaljanza fit-trattament, tista’, teoritikament, tieħu waħda minn żewġ toroq differenti.

72.

Jista’ jitqies li tiġi estiża ratione temporis d-data tal-eżiġibbiltà, billi jiġu assimiliati għall-pretensjonijiet salarjali li saru eżiġibbli matul il-perijodu ta’ referenza dawk li kienu s-suġġett, matul l-istess perijodu, ta’ talba għall-ħlas wara tentattiv inutili ta’ irkupru sfurzat.

73.

Insostenn ta’ din is-soluzzjoni, nista’ ninnota li l-proposta ta’ Direttiva tal-Kunsill dwar it-tqarrib tal-liġijiet tal-Istati Membri dwar il-protezzjoni tal-ħaddiema f’każ ta’ insolvenza ta’ min iħaddimhom, ippreżentata mill-Kummissjoni fit-13 ta’ April 1978 ( 32 ), kienet tobbliga lill-Istati Membri sabiex jiggarantixxu l-pretensjonijiet mhux imħallsa li oriġinaw fit-tnax-il xahar qabel il-bidu tal-waqfien tal-ħlas jew dawk li “kienu s-suġġett, matul dan il-perijodu, ta’ tentattiv inutili ta’ eżekuzzjoni sfurzata” ( 33 ).

74.

Madankollu, din is-soluzzjoni tidher li hija ’il bogħod wisq mit-test finalment adottat, li ma jsemmix il-pretensjonijiet li kienu s-suġġett ta’ tentattiv inutili ta’ irkupru imma jirrikjedi li perijodu ta’ xogħol ikun jinsab fil-perijodu ta’ referenza ( 34 ).

75.

Fil-fehma tiegħi, tidher iktar produttiva soluzzjoni oħra li tiddikjara t-tmiem tal-perijodu ta’ referenza fir-rigward tal-ħaddiema li kienu aġixxew permezz tal-qrati minn qabel sabiex jiġu kkonstatati l-pretensjonijiet salarjali tagħhom u jkunu fittxew għalxejn l-irkupru sfurzat minħabba l-insolvenza tal-persuna li timpjegahom, billi tikkunsidra li, f’dan il-każ, l-imsemmi perijodu jibda jiddekorri mit-talba bil-għan tal-konstatazzjoni ġudizzjarja tal-pretensjoni.

76.

Għandu jitfakkar li, sa fejn possibbli, il-qorti nazzjonali għandha tagħti interpretazzjoni tal-liġi interna b’mod konformi mar-rekwiżiti tad-dritt tal-Unjoni. Fil-fehma tiegħi, tali interpretazzjoni ma tidhirx impossibbli għaliex, mingħajr ma tiġi emendata l-leġiżlazzjoni li tirrikjedi li l-FGS għandu jiggarantixxi l-pretensjonijiet salarjali li saru eżiġibbli fil-perijodu ta’ sitt xhur ta’ qabel il-preżentata tal-proċedura għall-insolvenza quddiem it-tribunal industrijali, huwa biżżejjed li jiġi kkunsidrat li din il-proċedura hija, fir-rigward tal-ħaddiema li jkunu ressqu proċeduri ġudizzjarji quddiem it-tribunal de trabalho ta’ Barcelos sabiex jiksbu l-ħlas tal-pretensjonijiet tagħhom salarjali, meqjusa li ġiet introdotta fid-data tat-talba għall-ħlas.

77.

Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tiddetermina jekk din l-interpretazzjoni hijiex possibbli u, jekk dan ma huwiex il-każ, li tiskarta l-applikazzjoni tal-liġi nazzjonali tagħha.

IV – Konklużjoni

78.

Għal dawn il-motivi nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja li tirrispondi kif ġej għad-domanda preliminari tat-Tribunal Central Administrativo Norte:

L-Artikoli 3 u 4 tal-Direttiva tal-Kunsill [80/987/KEE], tal-20 ta’ Ottubru 1980, dwar il-protezzjoni tal-impjegati f’każ tal-insolvenza ta’ min iħaddimhom, kif emendata bid-Direttiva 2002/74/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-23 ta’ Settembru 2002, moqrija flimkien mal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament, għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jipprekludux li d-dritt nazzjonali jillimita l-garanzija tal-pretensjonijiet salarjali għall-pretensjonijiet li saru eżiġibbli fil-perijodu ta’ sitt xhur qabel id-data tat-tressiq tat-talba għall-ftuħ tal-proċedura ta’ insolvenza, sakemm, fir-rigward tal-ħaddiema li jkunu aġixxew ġudizzjarjament minn qabel sabiex jiġu kkonstatati l-pretensjonijiet salarjali tagħhom u jkunu fittxew għalxejn l-irkupru sfurzat minħabba l-insolvenza tal-persuna li timpjegahom, dan il-perijodu ta’ referenza jibda jiddekorri mit-talba għall-konstatazzjoni ġudizzjarja tal-pretensjoni.

Għandha tkun il-qorti tar-rinviju li tivverifika, billi tieħu inkunsiderazzjoni d-dritt intern kollu, kemm sostantiv kif ukoll proċedurali, jekk hija tistax tasal għal interpretazzjoni tad-dritt nazzjonali tagħha sabiex tirriżolvi t-tilwima fil-kawża prinċipali b’mod konformi mat-test u l-għan tad-Direttiva 80/987 kif emendata bid-Direttiva 2002/74, moqrija flimkien mal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament u, jekk tali interpretazzjoni ma hijiex possibbli, li ma tapplikax, fit-tilwima fil-kawża prinċipali, kull dispożizzjoni nazzjonali kuntrarja.


( 1 ) Lingwa oriġinali: il-Franċiż.

( 2 ) ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 1, p. 217.

( 3 ) ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 4, p. 261, iktar ’il quddiem id-“Direttiva 80/987”. Id-Direttiva 80/987 kienet ġiet ikkodifikata bid-Direttiva 2008/94/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-22 ta’ Ottubru 2008, dwar il-protezzjoni tal-impjegati fil-każ ta’ insolvenza ta’ min iħaddimhom (ĠU L 283, p. 36). Madankollu, din id-Direttiva ma hijiex applikabbli ratione temporis fil-kawża prinċipali.

( 4 ) Iktar ’il quddiem il-“FGS”.

( 5 ) Ir-rapport tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill, tat-28 ta’ Frar 2011, dwar l-implementazzjoni u l-applikazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2008/94 [COM(2011) 84 finali], jagħti indikazzjoni tal-ammont li l-istituzzjonijiet ta’ garanzija ħallsu bejn l-2006 u l-2009 (ara l-anness tekniku).

( 6 ) Skont il-punt 3 tar-rapport fuq imsemmi, sitt Stati Membri (ir-Repubblika tal-Bulgarija, ir-Repubblika Ċeka, ir-Renju tad-Danimarka, ir-Repubblika Ellenika, ir-Repubblika ta’ Malta u r-Repubblika tal-Awstrija) kienu adottaw soluzzjoni identika, filwaqt li seba’ Stati oħra (l-Irlanda, ir-Repubblika Taljana, ir-Repubblika ta’ Ċipru, ir-Repubblika tal-Latvja, ir-Repubblika tal-Litwanja, ir-Repubblika tal-Polonja, u r-Repubblika Slovakka) stabbilew perijodu ta’ referenza qabel dan it-terminu imma itwal u li r-Repubblika tal-Belġju għażel data ta’ referenza differenti, dik tal-għeluq tal-impriża. Tnax-il stat ieħor (ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, ir-Repubblika tal-Estonja, ir-Renju ta’ Spanja, ir-Repubblika Franċiża, il-Gran Dukat tal-Lussemburgu, ir-Repubblika tal-Ungerija, ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi, ir-Rumanija, ir-Repubblika tas-Slovenja, Ir-Repubblika tal-Finlandja, ir-Renju tal-Isvezja, kif ukoll ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq) ma stabbilixxewx perijodu ta’ referenza. Ara, ukoll, it-tabella komparattiva intitolata “Limitations to the liability of the guarantee institutions (Implementation of Article 4 of Directive 2008/94/EC)” imfassla fix-xahar ta’ Settembru 2011 mill-Kummissjoni fuq il-bażi ta’ studju tax-xahar ta’ Jannar 2007 dwar it-traspożizzjoni tad-Direttiva 80/987 kif ukoll tal-informazzjoni pprovduta sussegwentement mill-Istati Membri.

( 7 ) Ħlief, skont il-Gvern tal-Portugall, A. Martins Ferreira, li l-kuntratt tagħha intemm fl-14 ta’ April 2004.

( 8 ) Ara s-sentenzi tal-14 ta’ Lulju 1998, Regeling (C-125/97, Ġabra p. I-4493, punt 20); tal-11 ta’ Settembru 2003, Walcher (C-201/01, Ġabra p. I-8827, punt 38), u tas-17 ta’ Novembru 2011, van Ardennen (C-435/10, Ġabra p. I-11705, punti 31 u 34).

( 9 ) Ara l-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 80/987.

( 10 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-10 ta’ Lulju 1997, Maso et (C-373/95, Ġabra p. I-4051, punt 56); Regeling, iċċitata iktar ’il fuq (punti 3, 20 u 21); tas-16 ta’ Diċembru 1999, Everson u Barrass (C-198/98, Ġabra p. I-8903, punti 3 u 20); tal-15 ta’ Mejju 2003, Mau (C-160/01, Ġabra p. I-4791, punti 3 u 42); Walcher, iċċitata iktar ’il fuq (punt 38); tal-4 ta’ Marzu 2004, Barsotti et (C-19/01, C-50/01 u C-84/01, Ġabra p. I-2005, punt 35); tas-16 ta’ Lulju 2009, Visciano (C-69/08, Ġabra p. I-6741, punt 27); tal-10 ta’ Frar 2011, Lotta Andersson (C-30/10, Ġabra p. I-513, punt 25), kif ukoll van Ardennen, iċċitata iktar ’il fuq (punti 27 u 34).

( 11 ) Ara s-sentenza van Ardennen, iċċitata iktar ’il fuq (punt 35).

( 12 ) Ara s-sentenza Barsotti et, iċċitata iktar ’il fuq (punt 38).

( 13 ) Ara s-sentenza Regeling, iċċitata iktar ’il fuq (punti 21 u 22).

( 14 ) Ara s-sentenza Mau, iċċitata iktar ’il fuq (punti 39 sa 44 kif ukoll 52 u 53).

( 15 ) Ara s-sentenzi tal-10 ta’ Lulju 1997, Bonifaci et u Berto et (C-94/95 u C-95/95, Ġabra p. I-3969, punt 39), kif ukoll Maso et, iċċitata iktar ’il fuq (punt 49).

( 16 ) Ara s-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Bonifaci et u Berto et (punti 42 u 44); Maso et (punti 52 u 54), kif ukoll Mau (punti 22, 47 u 48).

( 17 ) Ara s-sentenzi tat-12 ta’ Diċembru 2002, Rodríguez Caballero (C-442/00, Ġabra p. I-11915, punti 29 sa 32), u tas-16 ta’ Diċembru 2004, Olaso Valero (C-520/03, Ġabra p. I-12065, punt 34); digriet tat-13 ta’ Diċembru 2005, Guerrero Pecino (C-177/05, Ġabra p. I-10887, punt 26); is-sentenzi tas-7 ta’ Settembru 2006, Cordero Alonso (C-81/05, Ġabra p. I-7569, punt 37); tas-17 ta’ Jannar 2008, Velasco Navarro (C-246/06, Ġabra p. I-105, punt 35), u tal-21 ta’ Frar 2008, Robledillo Núñez (C-498/06, Ġabra p. I-921, punt 30).

( 18 ) Ara s-sentenzi ċċitata iktar ’il fuq Rodríguez Caballero (punt 32), u Olaso Valero (punt 34); digriet Guerrero Pecino, iċċitat iktar ’il fuq (punt 26), kif ukoll is-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Cordero Alonso (punt 37) u Velasco Navarro (punt 36).

( 19 ) Ara s-sentenza Cordero Alonso, iċċitata iktar ’il fuq (punt 42).

( 20 ) L-Artikolu 3(2) ta’ din id-direttiva jawtorizza lill-Istati Membri sabiex jiffissaw il-perijodu ta’ garanzija “qabel u/jew, meta japplika, wara” d-data li huma jkunu stabbilew.

( 21 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-18 ta’ April 2013, Mustafa (C‑247/12), mogħtija dwar leġiżlazzjoni nazzjonali li tirriżerva l-garanzija għall-pretensjonijiet li oriġinaw qabel it-traskrizzjoni fir-reġistru kummerċjali tas-sentenza ta’ ftuħ tal-proċedura ta’ rimedju ġudizzjarju.

( 22 ) Ara l-ġurisprudenza ċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 16.

( 23 ) Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 5.

( 24 ) Ara, f’dan is-sens, M. Estelmann, Europarechtliche Probleme des Drei-Monatszeitraums nach § 183 SGB III’, Zeitschrift für europäisches Sozial- und Arbeitsrecht, 2003, Nru 11-12, p. 460, li jikkwalifika din l-assenza ta’ preċiżjoni ta’ “zentraler Schwachpunkt der Regelung”. Ara wkoll, il-kummentarju tas-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Bonifaci et u Berto et, iċċitata iktar ’il fuq; Maso et iċċitata iktar ’il fuq, kif ukoll tas-sentenza tal-10 ta’ Lulju 1997, Palmisani (C-261/95, Ġabra p. I-4025), minn N. Ayșe Odman, Common Market Law Review, 1998, p. 1395, li jikkunsidra li “the achievement or the purpose of the Directive [80/987] to secure a minimum amount of guarantee to the employees who are in this situation will be seriously endangered with the placement of temporal limits starting from the date of the onset of insolvency, especially if the Member State chooses to apply the minimum period which is six months prior to the date of the onset of insolvency” (p. 1409). Għal dan l-awtur, “[a]s long as the causal link exists between the notice of dismissal or the discontinuation of the contract of employment or the employment relationship and the state of insolvency as described in Artikolu 2(2) [of the Directive 80/987], the guarantee envisaged by [this] Directive should be granted to the employee” (p. 1410).

( 25 ) Fil-punt 3.1, VIII, paragrafu 2 tad-deċiżjoni tar-rinviju, huwa ppreċiżat li “[b]illi l-persuna li timpjega ġiet iddikjarata insolventi, il-kundizzjoni prevista fl-Artikolu 318(1) tal-Liġi Nru 35/2004 […] kienet sodisfatta” (p. 6 tal-verżjoni Franċiża).

( 26 ) Ara, f’dan is-sens, A. S. Bronstein, “La protection des créances salariales en cas d’insolvabilitè de l-employeur: du droit civil à la sécurité sociale”, Revue internationale du travail, 1987, Vol. 126, Nru 6, p. 795.

( 27 ) Ara l-ewwel sentenza tal-punt 4.2 tal-ispjegazzjoni tal-motivi tal-proposta ta’ Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 80/987 [fil-verżjoni inizjali tagħha] [COM(2000) 832 finali, p. 7].

( 28 ) Enfasi miżjud minni.

( 29 ) Ara l-ewwel paragrafu tal-punt 4.2 tal-ispjegazzjoni tal-motivi tal-imsemmija proposta ta’ direttiva.

( 30 ) Ara t-tieni paragrafu tal-punt 4.2 tal-istess spjegazzjoni.

( 31 ) Ara l-punt 35 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 32 ) ĠU C 135, p. 2.

( 33 ) Artikolu 4(b) ta’ din il-proposta ta’ Direttiva.

( 34 ) Ara l-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 80/987.