KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

WAHL

ippreżentati fil-5 ta’ Settembru 2013 ( 1 )

Kawżi magħquda C‑159/12, C‑160/12 u C‑161/12

Alessandra Venturini

vs

A.S.L. Varese et

Maria Rosa Gramegna

vs

A.S.L. Lodi et

Anna Muzzio

vs

A.S.L. Pavia et

[talba għal deċiżjoni preliminari mit-Tribunale Amministrativo Regionale della Lombardia (l-Italja)]

“Libertà ta’ stabbiliment — Ammissibbiltà — Punti ta’ fatt tal-kawża prinċipali limitati għal Stat Membru wieħed — Saħħa pubblika — Leġiżlazzjoni nazzjonali li tillimita l-bejgħ ta’ prodotti mediċinali bir-riċetta biss imħallsa kompletament mill-klijent — Para-spiżeriji”

1. 

A. Venturini, M. R. Gramegna u A. Muzzio – ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem ir-“rikorrenti”) – huma spiżjara kkwalifikati rreġistrati mal-“Ordine dei Farmacisti di Milano” (l-Assoċjazzjoni tal-Ispiżjara ta’ Milan) u sidien ta’ ħwienet li jbiegħu bl-imnut magħrufa bħala “para-spiżeriji”.

2. 

Essenzjalment, ir-rikorrenti jsostnu quddiem it-Tribunale Amministrativo Regionale della Lombardia (it-Tribunal Amministrattiv Reġjonali għal-Lombadia, iktar ’il quddiem it-“TAR Lombardia”) li, peress li jipprekluduhom milli jbiegħu prodotti mediċinali li għalihom hija meħtieġa riċetta, iżda li ma jitħallsux mis-servizz nazzjonali tas-saħħa imma mill-klijent, ir-regolamenti nazzjonali (iktar ’il quddiem il-“leġiżlazzjoni inkwistjoni”) jqiegħdu restrizzjoni inammissibbli fuq il-libertà ta’ istabbiliment skont l-Artikolu 49 TFUE.

3. 

Ir-rikorrenti huma kollha ċittadini Taljani, li huma diġà stabbiliti fl-Italja, u l-kawża tagħhom hija diretta kontra leġiżlazzjoni Taljana. L-ebda waħda minnhom ma tidher li għamlet użu mil-libertajiet tat-Trattat b’konnessjoni mas-sitwazzjoni eżaminata fil-kawża prinċipali.

4. 

Għalhekk, minn perspettiva fattwali, is-sitwazzjoni tar-rikorrenti tidher li hija limitata għal Stat Membru wieħed. Fil-fatt ma jistgħu jiġu identifikati ebda elementi transkonfinali fil-kawża quddiem il-qorti tar-rinviju.

5. 

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha ġurisdizzjoni sabiex tirrispondi għad-domanda magħmula mit-TAR Lombardia għal deċiżjoni preliminari dwar l-interpretazzjoni tal-Artikolu 49 TFUE?

6. 

Din hija, fil-fehma tiegħi, il-kwistjoni kruċjali li toħroġ minn dawn il-proċeduri u, għalhekk, dan huwa l-punt li ser nindirizza l-ewwel f’dawn il-konklużjonijiet. Fit-tieni parti ta’ dawn il-konklużjonijiet, wara li nipproponi bħala konklużjoni provviżorja li t-talba għal deċiżjoni preliminari għandha tiġi ttrattata bħala ammissibbli, ser nagħti r-raġunijiet għalfejn ma naqbilx mar-rikorrenti dwar l-allegata inkompatibbiltà tal-leġiżlazzjoni inkwistjoni mal-Artikolu 49 TFUE.

I – Il-qafas legali

7.

Fl-Italja, il-Liġi Nru 468/1913 iddefiniet il-provvista ta’ prodotti mediċinali bħala “attività primarja tal-Istat” li jistgħu jkunu involuti fiha biss spiżeriji muniċipali jew spiżeriji privati li joperaw skont liċenzja tal-Gvern. Kien ġie stabbilit strument amministrattiv għall-kontroll tal-provvista: il-“pianta organica”, li hija forma ta’ mappa territorjali mfassla sabiex tiżgura d-distribuzzjoni uniformi ta’ prodotti mediċinali fit-territorju nazzjonali. Huwa importanti li d-Digriet Irjali sussegwenti Nru 1265/1934 illimita l-bejgħ tal-prodotti mediċinali esklużivament għall-ispiżeriji (l-Artikolu 122).

8.

Il-Liġi Nru 537/1993 iktar tard ikklassifikat mill-ġdid il-prodotti mediċinali abbażi tal-kategoriji li ġejjin: “Kategorija A” għal prodotti mediċinali essenzjali u prodotti mediċinali għal mard kroniku; “Kategorija B” għal prodotti mediċinali (minbarra dawk li jaqgħu taħt il-“Kategorija A”) ta’ interess terapewtiku sinjifikattiv; u “Kategorija Ċ” għal prodotti mediċinali li ma jaqgħux taħt il-Kategorija A jew il-Kategorija B. Skont l-Artikolu 8(14) tal-Liġi Nru 537/1993, il-prodotti mediċinali li jaqgħu taħt il-Kategorija A jew il-Kategorija B għandhom jitħallsu kompletament mis-“Servizio Sanitario Nazionale” (SSN) (is-servizz nazzjonali tas-saħħa Taljan), filwaqt li l-prodotti mediċinali fil-Kategorija Ċ għandhom jitħallsu kompletament mill-klijent.

9.

Sussegwentement, l-Artikolu 85(1) tal-Liġi Nru 388/2000 neħħa “il-Kategorija B”, filwaqt li l-Artikolu 1 tal-Liġi Nru 311/2004 ħoloq kategorija ġdida ta’ prodotti mediċinali – “Kategorija Ċ-bis” – sabiex tkopri prodotti mediċinali li għalihom ma hijiex meħtieġa riċetta u li, kuntrarjament għall-prodotti li jaqgħu fi ħdan kategoriji oħra, jistgħu jiġu riklamati pubblikament (normalment magħrufa bħala “drogi mingħajr riċetta”). Bħal fil-każ ta’ prodotti mediċinali fil-Kategorija Ċ, il-prodotti mediċinali fil-Kategorija Ċ-bis għandhom jitħallsu mill-klijent.

10.

Id-Digriet Liġi Nru 223/2006, li iktar tard sar il-Liġi Nru 248/2006 (“id-Digriet Bersani”), ippermetta l-ftuħ ta’ ħwienet kummerċjali, distinti minn spiżeriji. Dawn normalment jissejħu “para-spiżeriji” u huma awtorizzati jbiegħu prodotti mediċinali mingħajr riċetta (“Kategorija Ċ-bis”). Iktar reċentement, il-Digriet Liġi Nru 201/2011, li issa sar il-Liġi Nru 214/2011, estenda ulterjorment il-kategoriji ta’ prodotti mediċinali li jistgħu jinbiegħu minn para-spiżeriji, sabiex b’hekk dawn issa jistgħu joffru lill-pubbliku prodotti mediċinali fil-Kategorija Ċ li għalihom ma hijiex meħtieġa riċetta.

II – Il-fatti, il-proċedura u d-domanda preliminari

11.

Fit-30 ta’ Ġunju 2012, kull waħda mir-rikorrenti ppreżentat talba lill-“Azienda Sanitaria Locale” (ASL) (l-awtorità tas-saħħa lokali), kif ukoll lill-muniċipalitajiet rilevanti, lill-“Ministero della Salute” (il-Ministeru tas-Saħħa) u lill-“Agenzia Italiana del Farmaco” (l-Aġenzija Taljana tal-Mediċini), għall-awtorizzazzjoni sabiex tbiegħ lill-pubbliku prodotti mediċinali li għalihom hija meħtieġa riċetta iżda li jitħallsu kompletament mill-klijent, kif ukoll mediċini speċjali bir-riċetta biss għall-użu veterinarju, li jitħallsu kompletament mill-klijent.

12.

Fil-15 u fis-17 ta’ Awwissu 2011, rispettivament, l-ASL ċaħdet dawk it-talbiet kollha għar-raġuni li skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali fis-seħħ, il-prodotti mediċinali rilevanti setgħu jinbiegħu biss mill-ispiżeriji. Ingħataw rifjuti simili mill-Ministeru tas-Saħħa fis-16 u fit-18 ta’ Awwissu 2011, rispettivament. Jien ser nagħmel riferiment għal dawk id-deċiżjonijiet kollha kollettivament bħala “id-deċiżjonijiet inkwistjoni”.

13.

Ir-rikorrenti kkontestaw id-deċiżjonijiet inkwistjoni quddiem it-TAR Lombardia, fejn sostnew li l-leġiżlazzjoni Taljana li fuqha kienu bbażati kienet inkompatibbli mad-dritt tal-UE.

14.

Fil-kuntest ta’ dik il-kawża, il-qorti Taljana, peress li kellha dubji dwar il-kompatibbiltà tal-leġiżlazzjoni inkwistjoni mat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem it-“Trattat”), iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:

“Il-prinċipji ta’ libertà ta’ stabbiliment, ta’ non-diskriminazzjoni u ta’ protezzjoni tal-kompetizzjoni stabbiliti fl-Artikoli 49 TFUE et seq. jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprojbixxi lil spiżjar, ikkwalifikat u rreġistrat mal-assoċjazzjoni professjonali rilevanti iżda li ma huwiex proprjetarju ta’ negozju inkluż fil-pianta organica [mappa tal-ispiżeriji], milli jiddistribwixxi bl-imnut fil-para-spiżerija li tagħha huwa proprjetarju, anki dawk il-mediċini suġġetti għal riċetta medika fuq [magħrufa bħala] “ricetta bianca”, jiġifieri mediċini li ma jiġux addebitati lis-Servizio Sanitario Nazionale u li jitħallsu kompletament miċ-ċittadin, u li tistabbilixxi anki f’dan il-qasam projbizzjoni ta’ bejgħ ta’ ċerti kategoriji ta’ prodotti farmaċewtiċi u kwota numerika ta’ negozji li jistgħu jiġu stabbiliti fit-territorju nazzjonali[?]”

15.

Fil-kawża preżenti ġew ippreżentati sottomissjonijiet bil-miktub minn A. Venturini, minn Federfarma, mill-Gvernijiet tal-Italja, ta’ Spanja u tal-Portugall, u mill-Kummissjoni. Matul is-seduta tal-15 ta’ Mejju 2013, ġew ippreżentati s-sottomissjonijiet orali f’isem A. Venturini, Federfarma, il-Gvern ta’ Spanja u l-Kummissjoni. Sfortunatament, il-Gvern Taljan ma pparteċipax fis-seduta, minkejja l-kumplessità tal-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni u minkejja l-fatt li l-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu kienu partikolarment fil-qosor.

III – Analiżi

A – Ammissibbiltà

16.

Kemm fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha kif ukoll waqt is-seduta, Federfarma kkontestat l-ammissibbiltà ta’ din it-talba għal deċiżjoni preliminari. Din argumentat essenzjalment li, fin-nuqqas ta’ kwalunkwe element transkonfinali, id-domanda magħmula mit-TAR Lombardia ma għandha l-ebda konnessjoni mad-dritt tal-UE u għalhekk hija ipotetika. B’mod partikolari, Federfarma invokat il-konklużjoni li waslet għaliha l-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Sbarigia ( 2 ).

17.

Waqt is-seduta, A. Venturini rrilevat li, għalkemm ma kien hemm ebda element transkonfinali attwali fil-kawża quddiem il-qorti tar-rinviju, il-leġiżlazzjoni inkwistjoni potenzjalment kellha effetti restrittivi sinjifikattivi fuq il-possibbiltà li operaturi bbażati fi Stati Membri oħra jistabbilixxxu ruħhom fl-Italja. Dan ifisser li d-domanda għandha titqies li hija ammissibbli. Il-Kummissjoni kkontestat ukoll l-argument ta’ Federfarma, billi tagħmel riferiment prinċipalment għad-deċiżjoni fis-sentenza Blanco Pérez ( 3 ), fejn iċ-ċirkustanzi fattwali kienu essenzjalment identiċi għal dawk fil-kawża li preżentement hija pendenti quddiem it-TAR Lombardia u fejn il-Qorti tal-Ġustizzja aċċettat li għandha ġurisdizzjoni.

18.

Jien naqbel mal-Kummissjoni u mar-rikorrenti li, fid-dawl tal-ġurisprudenza konsistenti tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-oġġezzjonijiet ta’ Federfarma għandhom ikunu miċħuda.

19.

Madankollu, għandu jitfakkar ukoll li l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-ammissibbiltà ta’ domandi preliminari mill-qrati nazzjonali f’kawżi fejn l-punti ta’ fatt kollha huma limitati għal Stat Membru wieħed ġiet ikkritikata minn għadd ta’ Avukati Ġenerali ( 4 ), kif ukoll minn akkademiċi legali ( 5 ).

20.

Huwa minnu li xi ftit mill-kritika li saret kontra dik il-ġurisprudenza ma hijiex bla bażi. Jekk tiġi interpretata b’mod wiesgħa ż-żejjed, dik il-ġurisprudenza partikolari tista’ tittieħed li tfisser li prattikament fi kwalunkwe kawża fejn operatur jinvoka d-dispożizzjonijiet tas-suq intern tal-UE quddiem qorti nazzjonali sabiex jikkontesta l-validità ta’ leġiżlazzjoni regolatorja nazzjonali, il-Qorti tal-Ġustizzja trid tagħti deċiżjoni – anki jekk dik il-leġiżlazzjoni setgħet kienet adottata għal għanijiet perfettament leġittimi u l-impatt tagħha fuq il-kummerċ fl-Unjoni jista’ jkun marġinali, insinjifikattiv jew purament ipotetiku.

21.

Tali interpretazzjoni wiesgħa la hija utli u lanqas tenibbli. Tabilħaqq, din iġorr magħha r-riskju li l-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tinterpreta r-regoli tal-UE minkejja li ma jkun hemm ebda theddida għall-applikazzjoni uniformi tad-dritt tal-UE ( 6 ) u tagħti deċiżjoni li tkun għalkollox estranja għall-kuntest fattwali u legali tal-kawża quddiem il-qorti tar-rinviju ( 7 ) u b’hekk testendi d-dritt tal-UE lil hinn mil-limiti stabbiliti fit-Trattat ( 8 ).

22.

Barra minn hekk, l-espansjoni tal-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja b’riżultat tad-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona, flimkien ma’ żieda sostanzjali fl-isħubija tal-Unjoni Ewropea matul l-aħħar għaxar snin, bl-iktar waħda riċenti tal-Kroazja, jistgħu jkollhom impatt sinjifikattiv fuq l-abbiltà tal-Qorti tal-Ġustizzja li taqta’ l-kawżi bil-ħeffa meħtieġa, filwaqt li żżomm l-kwalità tad-deċiżjonijiet tagħha ( 9 ). L-istatistika tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-aħħar snin, fil-fatt, tikkonferma żieda kostanti fin-numru ta’ talbiet għal deċiżjonijiet preliminari ( 10 ).

23.

Jien għalhekk tal-fehma li riflessjoni iktar fil-fond minn din il-Qorti dwar kwistjonijiet li jikkonċernaw l-ammissibbiltà ta’ talbiet għal deċiżjonijiet preliminari tkun, f’dan il-mument, kemm f’waqtha kif ukoll xierqa. Għal dak l-iskop, qabel ma nispjega f’iktar dettall għalfejn jiena nemmen li d-domanda preliminari magħmula mit-TAR Lombardia fil-kawża preżenti hija ammissibbli, ser noffri xi ħsibijiet ġenerali dwar din il-kwistjoni maħsuba bħala kontribut għal tali riflessjoni.

24.

Filwaqt li ma nemminx li l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar dan il-punt għandha tinqaleb jew li l-iskop tagħha jiġi radikalment limitat, jiena konvint mill-bżonn li dik il-ġurisprudenza tiġi interpretata b’mod strett sabiex jiġu evitati r-riskji li jirriżultaw minn espansjoni eċċessiva tal-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja.

25.

Madankollu, wieħed ma għandux jara s-suġġerimenti tiegħi bħala pertinenti biss fir-rigward tal-ammissibbiltà ta’ talbiet għal deċiżjonijiet preliminari li jikkonċernaw leġiżlazzjoni nazzjonali li allegatament tillimita l-kummerċ fi ħdan l-Unjoni. Xejn minn dan. Hemm problema iktar ġenerali li tmur lil hinn mill-madwar 100 kawża li tiġi rrinvijata lill-Qorti tal-Ġustizzja kull sena li jikkonċernaw il-libertajiet fundamentali – u hija problema li tista’ tabilħaqq ikollha implikazzjonijiet fuq it-talbiet kollha għal deċiżjonijiet preliminari.

1. Il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja

26.

Qabelxejn, infakkar li, skont prinċipju stabbilit tad-dritt sostantiv tal-UE, id-dispożizzjonijiet tat-Trattat dwar il-libertajiet fundamentali “ma humiex applikabbli għal attivitajiet li huma limitati f’kull aspett fi Stat Membru wieħed” ( 11 ).

27.

Il-bżonn ta’ element transkonfinali sabiex id-dispożizzjonijiet tat-Trattat dwar il-libertajiet fundamentali jkunu applikabbli huwa konsistenti mal-iskop innifsu ta’ dawk id-dispożizzjonijiet. Sabiex niġbor fil-qosor dak li qal l-Avukat Ġenerali Tesauro fil-kawża Hünermund, dak l-iskop huwa “li jiġi liberalizzat il-kummerċ fi ħdan l-[Unjoni] [u mhux li] jiġi inkoraġġit l-insegwiment bla xkiel tal-kummerċ fl-Istati Membri individwali” ( 12 ). Fl-istess vena, l-Avukat Ġenerali Tizzano enfasizza, fil-kawża CaixaBank France, li interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet tat-Trattat dwar il-libertajiet fundamentali li testendi l-applikabbiltà tagħhom lil hinn mil-limiti tagħhom “tkun tfisser li t-Trattat jingħata skop li ma kienx intiż għalih: jiġifieri, mhux li jinħoloq suq intern fejn il-kundizzjonijiet huma simili għal dawk ta’ suq uniku u fejn l-operaturi jistgħu jiċċaqilqu liberament, imma sabiex jiġi stabbilit suq mingħajr regoli. Jew pjuttost, suq fejn ir-regoli huma pprojbiti bħala kwistjoni ta’ prinċipju, ħlief dawk neċessarji u proporzjonali sabiex jiġu ssodisfatti ħtiġijiet imperattivi fl-interess pubbliku” ( 13 ).

28.

Għalhekk, fejn is-sitwazzjoni fattwali fil-kawża quddiem il-qorti tar-rinviju tkun nieqsa minn kull konnessjoni mal-eżerċizzju ta’ libertà fundamentali, bħala prinċipju, ma huwiex neċessarju li jsir eżami tal-kompatibbiltà tal-leġiżlazzjoni nazzjonali rilevanti mad-dispożizzjonijiet invokati tad-dritt tal-UE sabiex il-qorti nazzjonali tkun tista’ tagħti deċiżjoni. Sa fejn r-regoli tat-Trattat ma japplikawx għall-kawża quddiem qorti ta’ rinviju, risposta għad-domandi preliminari ma hijiex rilevanti għar-riżoluzzjoni tat-tilwima u, konsegwentement, dawk id-domandi għandhom jitqiesu li huma ipotetiċi.

29.

Madankollu, dan il-prinċipju ta’ dritt sostantiv għandu jiġi rrikonċiljat ma’ xi prinċipji ġenerali ta’ natura proċedurali. Bilkemm għandi għalfejn nirrileva li approċċ relattivament “ġeneruż” mill-Qorti tal-Ġustizzja fir-rigward tal-ammissibbiltà ta’ deċiżjonijiet preliminari huwa msejjes b’mod ċar fit-test innifsu tat-Trattat. L-Artikolu 267 TFUE, fil-fatt, jeħtieġ biss li kwistjoni ta’ interpretazzjoni tar-regoli tal-UE “titqajjem quddiem xi qorti jew tribunal ta’ xi Stat Membru”. Imbagħad, bħala kwistjoni ta’ prinċipju, hija dik il-qorti jew tribunal li għandhom jiddeċiedu jekk “ikun jidhrilhom li deċiżjoni fuq dik il-kwistjoni tkun meħtieġa sabiex ikunu jistgħu jagħtu s-sentenza”.

30.

Il-ġurisdizzjoni vasta tal-Qorti tal-Ġustizzja skont l-Artikolu 267 TFUE hija konformi wkoll mal-ispirtu ta’ kollaborazzjoni bejn il-Qorti tal-Ġustizzja u l-qrati nazzjonali, li “għandu jipprevali f’rinviju għal deċiżjoni preliminari” ( 14 ).

31.

Għalhekk, kif iddeċidiet il-Qorti tal-Ġustizzja b’mod konsistenti, hija biss il-qorti nazzjonali, li quddiemha tressqet il-kawża u li għandha tassumi r-responsabbiltà għad-deċiżjoni ġudizzjarja li għandha tittieħed, li għandha tevalwa, fid-dawl taċ-ċirkustanzi partikolari tal-kawża li tinsab quddiemha, kemm il-ħtieġa ta’ deċiżjoni preliminari sabiex tkun f’pożizzjoni li tagħti d-deċiżjoni tagħha kif ukoll ir-rilevanza tad-domandi li hija tressaq quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja. Konsegwentement, fejn id-domandi magħmula jirrigwardaw l-interpretazzjoni tad-dritt tal-UE, il-Qorti tal-Ġustizzja hija, bħala prinċipju, marbuta li tagħti deċiżjoni ( 15 ). Il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tirrifjuta li tagħti deċiżjoni dwar domanda preliminari magħmula minn qorti nazzjonali biss meta jidher b’mod manifest li l-interpretazzjoni tad-dritt tal-UE mitluba ma jkollha ebda rabta mar-realtà jew mas-suġġett tal-kontroversja fil-kawża prinċipali, meta l-problema tkun ta’ natura ipotetika jew inkella meta l-Qorti tal-Ġustizzja ma jkollhiex il-punti ta’ fatt u ta’ liġi meħtieġa sabiex tagħti risposti utli għad-domandi li jkunu sarulha ( 16 ).

32.

Il-bżonn li jiġu rrikonċiljati l-prinċipji ta’ dritt sostantiv hawn fuq imsemmija ma’ dawk il-prinċipji proċedurali, wassal lill-Qorti tal-Ġustizzja, f’għadd ta’ każijiet, sabiex tqis domandi preliminari bħala ammissibbli minkejja li l-punti ta’ fatt kollha tal-kawża prinċipali jkunu limitati fi ħdan Stat Membru wieħed. Għalkemm tali deċiżjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja ma jistgħux jiġu kklassifikati fi gruppi definiti b’mod ċar, fil-fehma tiegħi jistgħu jiġu identifikati tliet linji prinċipali ta’ deċiżjonijiet.

33.

Fl-ewwel linja ta’ deċiżjonijiet, li tibda x’aktarx bis-sentenza Oosthoek ( 17 ), u kkonfermata iktar riċentement fis-sentenza Blanco Pérez (iktar ’il quddiem il-“ġurisprudenza Oosthoek”), il-Qorti tal-Ġustizzja rrilevat li, għalkemm il-fatti tal-kawża kienu limitati għal Stat Membru wieħed, ċerti effetti transkonfinali tal-leġiżlazzjoni nazzjonali kkontestata ma setgħux ikunu esklużi ( 18 ). Konsegwentement, id-domandi magħmula ġew iddikjarati ammissibbli.

34.

Fil-fehma tiegħi, ir-raġunament tal-Qorti tal-Ġustizzja huwa korrett, sakemm ma jiġix mifhum li joħloq il-preżunzjoni, jew kważi-preżunzjoni, li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha tagħti deċiżjoni f’kull każ fejn l-effetti fuq il-kummerċ fi ħdan l-Unjoni ma jistgħux jiġu esklużi minn qabel.

35.

Tabilħaqq, ma hemm ebda raġuni għalfejn għandha tiġi limitata l-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja, fil-kuntest ta’ deċiżjonijiet preliminari, għal każijiet li għandhom element transkonfinali attwali u dirett. Sakemm ikun hemm raġunijiet biżżejjed sabiex jitqies li l-leġiżlazzjoni nazzjonali hija kapaċi toħloq effetti transkonfinali li huma rilevanti, pereżempju, skont l-Artikoli 34, 35, 45, 49, 56 jew 63 TFUE, dik il-leġiżlazzjoni tkun taqa’ b’mod ċar fi ħdan l-iskop tad-dawk id-dispożizzjonijiet tat-Trattat.

36.

Barra minn hekk, fil-fehma tiegħi ma jkunx sensibbli li tiġi adottata l-premessa li, sabiex jiġi eżaminat mill-Qorti tal-Ġustizzja, kull ksur possibbli tal-libertajiet fundamentali għandhom neċessarjament jitqajmu fil-kuntest ta’ proċeduri legali minn parti li tkun diġà eżerċitat (jew li qiegħda tipprova teżerċita) waħda minn dawk il-libertajiet. Tali interpretazzjoni stretta tal-prinċipji li jirregolaw l-ammissibbiltà ta’ rinviji għal deċiżjoni preliminari tkun tipprekludi lill-Qorti tal-Ġustizzja milli tiddeċiedi dwar regolamenti nazzjonali li jistgħu jfixklu severament l-aċċess għas-swieq nazzjonali u li, proprju għal dik ir-raġuni, skoraġġew operaturi barranin milli jippruvaw jagħmlu dan. Ħafna drabi huwa iktar faċli għal ċittadini tal-Istat Membru kkonċernat – peress li l-investiment rikjest min-naħa tagħhom huwa iżgħar, dawn ma jkollhomx għalfejn jiffaċċjaw ostakli lingwistiċi u jkunu jafu iktar kemm is-sistema legali nazzjonali u l-prattika amministrattiva lokali – li jikkontestaw regolamenti nazzjonali li huma inkompatibbli mar-regoli dwar is-suq intern. Pereżempju, jista’ jiġi argumentat li, fil-kawża quddiem it-TAR Lombardia, huwa purament każwali li l-punti kollha huma limitati għal Stat Membru wieħed. Ir-rikorrenti setgħu daqstant faċilment kienu ċittadini ta’ Stat Membru ieħor.

37.

Għalhekk jien naqbel mal-Avukat Ġenerali Geelhoed, li argumenta fil-kawża Reisch li “huma n-natura u s-sustanza tal-miżura nazzjonali li jiddeterminaw jekk il-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondix domandi magħmula lilha għal deċiżjoni preliminari, mhux il-fatti fil-kawża prinċipali” ( 19 ).

38.

Evidentement, fejn ikun hemm element transkonfinali attwali fil-kawża prinċipali, l-importanza għall-qorti tar-rinviju tal-interpretazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja tar-regoli tat-Trattat hija immedjatament evidenti. Meta, min-naħa l-oħra, il-fatti huma kollha limitati għal Stat Membru wieħed, l-effetti transkonfinali ma jistgħux jiġu preżunti. Għaldaqstant, sakemm dak l-aspett ma jkunx evidenti mill-proċess, huwa d-dmir tal-qorti tar-rinviju li tispjega lill-Qorti tal-Ġustizzja għalfejn l-applikazzjoni tal-miżura taħt skrutinju potenzjalment hija kapaċi tfixkel l-eżerċizzju ta’ libertà fundamentali minn operaturi ekonomiċi barranin. Fin-nuqqas ta’ spjegazzjonijiet dettaljati dwar dan il-punt, il-Qorti tal-Ġustizzja hija, fil-fehma tiegħi, intitolata li tiddeċiedi li każ huwa ipotetiku, jew li ma hemmx informazzjoni suffiċjenti sabiex hija tkun tista’ tagħti interpretazzjoni tar-regoli tat-Trattat.

39.

Fit-tieni linja ta’ deċiżjonijiet, li jibdew mis-sentenza Guimont ( 20 ), u iktar riċentement ikkonfermata fis-sentenza Blanco Pérez (iktar ’il quddiem il-“ġurisprudenza Guimont”), il-Qorti tal-Ġustizzja qieset id-domandi preliminari kienu ammissibbli, minkejja li l-aspetti kollha tal-kawża prinċipali kienu limitati għal Stat Membru wieħed, sa fejn l-interpretazzjoni tad-dritt tal-UE mitluba dehret li kienet utli għall-qorti tar-rinviju “jekk il-leġiżlazzjoni nazzjonali tiegħu timponi li hija tagħti [lil ċittadin ta’ dak l-Istat Membru] l-istess drittijiet bħal dawk li ċittadin ta’ Stat Membru ieħor kien jikseb mid-dritt tal-UE fl-istess sitwazzjoni” ( 21 ).

40.

Din il-linja ta’ ġurisprudenza, jekk tiġi interpretata kif suppost, hija fil-fehma tiegħi soda. Madankollu, jien nissuġġerixxi li din evolviet xi ftit wisq.

41.

Jiena nsib li r-raġunament sottostanti din il-linja ta’ deċiżjonijiet huwa korrett: sa fejn hemm regola jew prinċipju nazzjonali li tipprojbixxi diskriminazzjoni inversa, u r-regolamenti nazzjonali kkontestati jistgħu japplikaw ukoll għal operaturi barranin, il-qorti nazzjonali jista’ jkollha bżonn assistenza mill-ġudikatura tal-UE sabiex tinterpreta b’mod korrett id-dispożizzjonijiet rilevanti tal-UE. Dan huwa hekk minkejja l-fatt li – strettament – dawk id-dispożizzjonijiet tal-UE ma humiex direttament applikabbli għall-każ ineżami, iżda, forsi, japplikaw biss b’mod indirett ( 22 ), billi jsir riferiment għalihom fil-liġijiet nazzjonali. F’dawk iċ-ċirkustanzi, il-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja hija għalhekk iġġustifikata, peress li, fin-nuqqas ta’ deċiżjoni min-naħa tagħha, il-qorti tar-rinviju effettivament ma tkunx f’pożizzjoni li tagħti sentenza fit-tilwima quddiemha.

42.

Madankollu, l-eżistenza ta’ tali regola dwar diskriminazzjoni inversa u l-applikabbiltà tagħha fil-kawża prinċipali ma tistax, fil-fehma tiegħi, tittieħed bħala fatt, kif il-Qorti tal-Ġustizzja tidher li għamlet f’uħud mid-deċiżjonijiet tagħha dwar dan il-punt ( 23 ). Fil-każ kuntrarju, essenzjalment it-talbiet kollha għal deċiżjoni preliminari dwar il-kompatibbiltà mal-libertajiet fundamentali ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali regolatorja jkunu ammissibbli, indipendentement mill-fatt li l-impatt ta’ dik il-leġiżlazzjoni fuq il-kummerċ fi ħdan l-Unjoni ma huwiex iktar minn possibbiltà astratta, u li l-konnessjoni tagħha mas-sitwazzjonijiet irregolati mir-regoli rilevanti tal-UE hija waħda remota.

43.

Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tiżgura wkoll li l-leġiżlazzjoni nazzjonali kkonċernata tista’ tiġi applikata għal sitwazzjonijiet transkonfinali u li din ma tikkonċernax biss sitwazzjonijiet irregolati bil-ligijiet nazzjonali ( 24 ). Ma hemmx għalfejn ngħidu li ma tista’ tirriżulta ebda diskriminazzjoni fejn il-leġiżlazzjoni kkontestata ma tistax tapplika fl-ebda ċirkustanzi, pereżempju, għal operaturi jew oġġetti barranin.

44.

Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, jien tal-fehma li l-qorti tar-rinviju għandha tindika espliċitament l-eżistenza, fi ħdan is-sistema ġuridika nazzjonali, ta’ tali regola jew prinċipju kontra d-diskriminazzjoni inversa. Il-qorti tar-rinviju għandha tirrileva wkoll li r-regola nazzjonali kkontestata tista’ tiġi applikata għal sitwazzjonijiet transkonfinali, sakemm dan ma jkunx evidenti mill-proċess.

45.

Jiena nemmen li fejn ma jissemma xejn dwar dawn il-punti fid-deċiżjoni tar-rinviju jew, iktar u iktar, fejn ikun ċar li tali regola jew prinċipju kontra diskriminazzjoni inversa ma teżistix fis-sistema ġuridika nazzjonali ( 25 ), jew li l-miżura tista’ tapplika biss għal sitwazzjonijiet purament interni, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tirrinunzja għall-ġurisdizzjoni tagħha, sakemm ma jkunx hemm raġunijiet oħra konvinċenti għalfejn wieħed ma għandux jagħmel dan.

46.

Fl-aħħar nett, hemm it-tielet linja ta’ deċiżjonijiet, li jibdew mis-sentenza Thomasdünger ( 26 ), u li ġiet ikkonfermata reċentement fis-sentenza Allianz (iktar ’il quddiem il-“ġurisprudenza Thomasdünger”), fejn il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat li għandha l-ġurisdizzjoni li tagħti deċiżjonijiet preliminari dwar kwistjonijiet li jikkonċernaw id-dritt tal-UE f’sitwazzjonijiet fejn il-fatti tal-kawżi quddiem il-qrati tar-rinviju jkunu barra mill-iskop dirett tad-dispożizzjonijiet tal-UE, iżda fejn dawk id-dispożizzjonijiet isiru applikabbli bil-leġiżlazzjoni nazzjonali, li adottat, għal sitwazzjonijiet interni, l-istess approċċ bħal dak previst fid-dritt tal-UE ( 27 ).

47.

Din it-tielet linja ta’ deċiżjonijiet, fil-fehma tiegħi, tikkostitwixxi l-korollarju għall-ġurisprudenza Guimont; anki fil-kawżi Guimont, l-applikazzjoni tar-regoli rilevanti tal-UE fil-kawżi quddiem il-qrati tar-rinviju kienet indiretta u kienet tiddependi fuq li jkun hemm riferiment (espliċitu jew impliċitu) għal dawk ir-regoli fil-liġijiet nazzjonali.

48.

Kif ġie enfasizzat ripetutament mill-Qorti tal-Ġustizzja, la l-kliem tal-Artikolu 267 TFUE u lanqas l-għan tal-proċedura stabbilita b’dik id-dispożizzjoni ma jissuġġerixxu li dawk li fasslu t-Trattat kellhom il-ħsieb li jeskludu dawk is-sitwazzjonijiet mill-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja ( 28 ). Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li huwa fl-interess tal-Unjoni Ewropea li, sabiex jiġu evitati differenzi futuri ta’ interpretazzjoni, id-dispożizzjonijiet jew il-kunċetti meħuda mid-dritt tal-Unjoni Ewropea għandhom jiġu interpretati b’mod uniformi, irrispettivament miċ-ċirkustanzi li fihom għandhom japplikaw ( 29 ).

49.

Għalhekk, il-Qorti tal-Ġustizzja aċċettat li għandha ġurisdizzjoni, pereżempju, f’każijiet fejn ir-regoli nazzjonali tal-kompetizzjoni kienu mfassla b’mod ċar fuq l-Artikoli 101 u 102 TFEU u kienet intalbet interpretazzjoni ta’ dawk id-dispożizzjonijiet sabiex jiġu applikati r-regoli nazzjonali relattivi b’mod konsistenti ( 30 ). Bl-istess mod, dak ir-raġunament kien segwit f’każijiet li kienu jikkonċernaw regoli fiskali li kienu qegħdin jimplementaw dispożizzjoni f’direttiva tal-UE u jestenduh għal sitwazzjonijiet simili u purament interni ( 31 ); jew regoli fiskali li ħadu bħala mudell il-Kodiċi Doganali tal-Komunità sabiex jipprovdi proċedura waħda għal sitwazzjonijiet komparabbli ( 32 ).

50.

Jien inqis li anki din il-linja ta’ deċiżjonijiet hija aċċettabbli, sakemm il-prinċipji sottostanti jiġu applikati b’mod konformi ma’ kundizzjonijiet stretti ħafna: għalkemm ma hemmx għalfejn neċessarjament li r-riferiment għar-regoli pertinenti tal-UE jsir proprju fit-test tal-liġi nazzjonali li għandha tiġi applikata ( 33 ), madankollu dan irid ikun ċar biżżejjed jew, kif il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat xi drabi, “dirett u mingħajr kundizzjonijiet” ( 34 ). Iktar importanti minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha ġurisdizzjoni f’dawk il-każijiet biss fejn ikun ċar li l-interpretazzjoni mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja ser tkun vinkolanti fuq il-qorti nazzjonali; altrimenti l-każ ikun ipotetiku ( 35 ), li jirriżulta f’użu ħażin tal-proċedura stipulata fl-Artikolu 267 TFUE ( 36 ).

51.

Fl-aħħar nett, peress li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha l-ġurisdizzjoni sabiex tikkunsidra biss id-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-UE u mhux ir-regoli nazzjonali li jagħmlu riferiment għal dawk id-dispożizzjonijiet, ir-rwol interpretattiv tagħha ma għandux jeċċedi limiti partikolarment stretti. Pereżempju, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tevalwa l-limiti li liġijiet nazzjonali jistgħu jistabbilixxu għall-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-UE invokati ( 37 ). Bl-istess mod, bħala prinċipju hija l-qorti tar-rinviju li għandha tapplika l-interpretazzjoni mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja għaċ-ċirkustanzi tal-każ li jkollha quddiemha ( 38 ).

52.

Għalhekk huwa d-dmir tal-qorti nazzjonali li tagħmel ir-rinviju li tindika b’mod ċar, fit-talba tagħha għal deċiżjoni preliminari, ir-regoli u l-prinċipji nazzjonali kollha li jippermettu lil din il-Qorti sabiex tiddetermina jekk ikunx neċessarju li tingħata risposta lill-qorti nazzjonali u jekk ir-risposta tagħha tkunx torbot fuq dik il-qorti.

53.

Jiena nikkonkludi li fit-tliet linji ta’ deċiżjonijiet, il-Qorti tal-Ġustizzja aċċettat b’mod korrett il-ġurisdizzjoni tagħha peress li, minkejja li l-punti ta’ fatt rilevanti kienu limitati għal pajjiż wieħed, il-punti ta’ liġi rilevanti ma kinux.

54.

Madankollu, irrid inżid ngħid li, kif intwera iktar ’il fuq, f’xi każijiet il-Qorti tal-Ġustizzja tidher li stabbiliet il-ġurisdizzjoni tagħha abbażi ta’ sempliċi preżunzjonijiet, mingħajr ma jkun sar ebda eżami reali dwar jekk il-kundizzjonijiet rilevanti jkunux ġew sodisfatti.

55.

Jiena nemmen li dak l-approċċ huwa pjuttost problematiku. Il-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja f’sitwazzjonijiet li huma purament interni għal Stat Membru wieħed tikkostitwixxi eċċezzjoni għall-prinċipju ġenerali u, bħala tali, għandha tiġi interpretata b’mod strett.

56.

Jiena nenfasizza li “l-ispirtu ta’ kollaborazzjoni” li jrid jipprevali fil-kuntest tal-proċedura għal deċiżjoni preliminari jaħdem fiż-żewġ direzzjonijiet ( 39 ): il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tagħmel l-aħjar tagħha sabiex tassisti lill-qrati tar-rinviju sabiex jinterpretaw u japplikaw id-dritt tal-UE b’mod korrett, iżda dawk il-qrati wkoll għandhom jagħmlu l-aħjar tagħhom sabiex jassistu lill-Qorti tal-Ġustizzja billi jipprovdulha l-informazzjoni u l-evidenza kollha meħtieġa sabiex jiġi żgurat li hija kapaċi teżerċita l-funzjoni interpretattiva tagħha b’mod konsistenti mal-għan tal-Artikolu 267 TFUE ( 40 ). Dan huwa importanti speċjalment meta l-informazzjoni u l-provi li għandhom jiġu pprovduti mill-qrati tar-rinviju huma neċessarji sabiex il-Qorti tal-Ġustizzja tistabbilixxi li tabilħaqq għandha ġurisdizzjoni.

57.

B’mod iktar ġenerali, il-problemi kkawżati minn deskrizzjoni inadegwata tal-isfond fattwali u legali għad-domandi preliminari ovvjament ma humiex limitati għal każijiet tas-suq intern biss. Tabilħaqq, dawn il-problemi jistgħu jinqalgħu b’konnessjoni ma’ kwalunkwe talba għal deċiżjoni preliminari, irrispettivament mill-qasam tad-dritt tal-UE kkonċernat.

58.

In-nuqqas min-naħa tal-qorti nazzjonali li tipprovdi l-informazzjoni u l-evidenza rilevanti kollha rigward il-kwistjonijiet ewlenin ta’ tilwima jidhirli li ma jissodisfax ir-rekwiżiti stipulati fl-Artikolu 94 tar-Regoli tal-Proċedura ( 41 ), u konsegwentement għandu jwassal lill-Qorti tal-Ġustizzja – bħala regola – li tirrinunzja għall-ġurisdizzjoni tagħha; fejn xieraq, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ wkoll tagħmel dan permezz ta’ digriet motivat skont l-Artikolu 53(2) tar-Regoli tal-Proċedura ( 42 ).

59.

Ċertament, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tiddeċiedi li tipprova timla l-lakuni f’talba għal deċiżjoni preliminari billi tistaqsi għal kjarifiki mill-qorti jew tribunal tar-rinviju – b’mod konformi mal-Artikolu 101 tar-Regoli tal-Proċedura – jew, fejn possibbli, billi tislet l-informazzjoni neċessarja mid-dokumenti annessi mad-digriet ( 43 ) jew mis-sottomissjonijiet tal-partijiet ( 44 ).

60.

Madankollu, dawk ir-“rimedji” għandhom, fil-fehma tiegħi, jitqiesu bħala pjuttost eċċezzjonali, u applikabbli biss sa fejn il-lakuni fit-talba jkunu pjuttost limitati u/jew jikkonċernaw kwistjonijiet li ma humiex essenzjali għal ftehim sħiħ u ċar tal-kwistjonijiet ewlenin. Fil-fehma tiegħi, id-digriet tar-rinviju għandu jkun dokument awtonomu li jinkludi l-informazzjoni kollha rilevanti. Kwalunkwe dokumenti oħra għandhom iservu biss bħala sorsi supplimentari ta’ informazzjoni ( 45 ), u dawk is-sorsi supplimentari ma jistgħux, fil-fehma tiegħi, jissanaw sitwazzjonijiet fejn digriet tar-rinviju ikun nieqes mill-informazzjoni l-iktar bażika.

61.

Sa fejn digriet tar-rinviju ma jkunx komplut jew ċar, id-dritt tal-Istati Membri (u, jekk applikabbli, l-partijiet l-oħra) ( 46 ) li jippreżentaw osservazzjonijiet f’dawk il-proċeduri li fihom jista’ jkollhom interess jirriskja li jkun kompromess. Pereżempju, minkejja l-fatt li l-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru tkun abbozzata b’termini simili, jew li kwistjonijiet legali ekwivalenti jistgħu jqumu fis-sistema ġuridika nazzjonali tiegħu, il-gvern ta’ dak l-Istat Membru jista’ jonqos milli jintervjeni għas-sempliċi raġuni li ma kienx f’pożizzjoni li japprezza għalkollox is-suġġett jew l-iskop tal-proċeduri ( 47 ). Mhux biss dan jista’ jkun ta’ ħsara għal dawk il-partijiet, imma jista’ jfixkel ukoll l-abbiltà tal-Qorti tal-Ġustizzja li teżerċita r-rwol ġudizzjarju tagħha, li huwa li tagħti deċiżjonijiet skont l-Artikolu 267 TFUE fl-isfond tas-sottomissjonijiet informati mill-partijiet kollha interessati ( 48 ).

62.

Barra minn hekk, kull tentattiv mill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tiġbor l-informazzjoni u l-evidenza kollha li tkun nieqsa fit-talba għal deċiżjoni preliminari neċessarjament tinvolvi użu xi ftit jew wisq intensiv tar-riżorsi limitati tal-Qorti tal-Ġustizzja. B’konsegwenza ta’ dan, l-isforzi addizzjonali li jsiru mill-Qorti tal-Ġustizzja mhux biss jinterferixxu fit-trattament korrett u bil-ħeffa ta’ dawk il-kawżi, imma jista’ wkoll, indirettament, ikollhom ċertu impatt fuq it-trattament fil-ħin ta’ kawżi oħra li jkunu pendenti quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja.

63.

Issa li għamilt dawn ir-rimarki ġenerali, ser ngħaddi sabiex nittratta l-ammissibbiltà tad-domanda preliminari magħmula mit-TAR Lombardia.

2. L-ammissibbiltà tad-domanda preliminari

64.

Huwa paċifiku li l-aspetti kollha tal-kawża prinċipali huma limitati għal Stat Membru wieħed.

65.

Fid-dawl tal-informazzjoni fil-proċess, jidher li, filwaqt li l-ġurisprudenza Guimont u Thomasdünger ma hijiex rilevanti għall-kawża ineżami, il-ġurisprudenza Oosthoek hija pertinenti.

66.

Kif aċċennajt iktar ’il fuq, kien ukoll meta applikat il-ġurisprudenza Oosthoek li l-Qorti tal-Ġustizzja aċċettat bħala ammissibbli, fis-sentenza Blanco Pérez, id-domandi preliminari magħmula mill-qorti nazzjonali dwar il-kompatibbiltà tar-regoli li jillimitaw il-ftuħ ta’ spiżeriji fl-Asturias, minkejja l-fatt li l-kwistjoni tal-inkompatibbiltà kienet ġiet imqajma minn żewġ ċittadini Spanjoli li ma kinux għamlu użu mil-libertajiet tat-Trattat. Tabilħaqq, il-Qorti tal-Ġustizzja osservat, fost oħrajn, li “imkien ma huwa eskluż li ċittadini stabbiliti fl-Istati Membri barra r-Renju ta’ Spanja kienu interessati sabiex iħaddmu spiżeriji fil-Komunità Awtonoma ta’ Asturias” ( 49 ).

67.

Jiena nifhem li dan ifisser li, minkejja li l-fatti kollha huma limitati għal Spanja, l-effetti potenzjalment restrittivi fuq sitwazzjonijiet transkonfinali tal-leġiżlazzjoni inkwistjoni f’dak il-każ kienu daqstant manifesti li l-Qorti tal-Ġustizzja setgħet b’mod immedjat tasserixxi l-ġurisdizzjoni tagħha ( 50 ).

68.

Huwa veru li, kif indikat il-Kummissjoni, l-isfond legali u fattwali f’dak il-każ huwa pjottost simili għal dak tal-kawża quddiem it-TAR Lombardia. Għalhekk jiena tal-fehma li l-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Blanco Pérez huma, mutatis mutandis, validi bl-istess mod hawnhekk. It-TAR Lombardia jissuġġerixxi, fid-digriet tar-rinviju, li l-leġiżlazzjoni inkwistjoni jista’ jkollha effetti restrittivi li ma humiex limitati għall-Italja, sa fejn din tista’ tiskoraġġixxi ċittadini stabbiliti fi Stati Membri oħra milli jistabbilixxu negozju fl-Italja.

69.

Għalhekk, għad-differenza ta’ Federfarma, jiena nemmen li ċ-ċirkustanzi tal-każ preżenti jista’ jiġu distinti minn dawk fis-sentenza Sbarigia. It-tilwima fi Sbarigia kienet tikkonċerna l-possibbiltà ta’ għotja ta’ eżenzjoni fir-rigward tas-sigħat tal-ftuħ ta’ spiżerija partikolari, li tinsab f’żona speċifika tal-muniċipalità ta’ Ruma. Ma kienx ċar kif id-deċiżjoni f’dak il-każ seta’ jkollha xi effett, dirett jew indirett, attwalment jew potenzjalment, fuq xi operatur ieħor stabbilit fi Stat Membru ieħor ( 51 ). Għalhekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ġustament iddeċidiet li d-domanda preliminari kienet inammissibbli.

70.

Inżid ngħid li s-sentenza Sbarigia hija konformi mal-ġurisprudenza stabbilita. Pereżempju, il-Qorti tal-Ġustizzja kienet waslet għal konklużjoni simili fis-sentenza Woningstichting Sint Servatius ( 52 ), fejn ir-restrizzjoni fuq movimenti tal-kapital kienet tikkonċerna biss kumpannija speċifika, irregolata bil-liġijiet ta’ dak l-Istat Membru, u ma setgħet ikollha ebda effett fuq is-suq intern. Bl-istess mod, fis-sentenza van Buynder ( 53 ), il-Qorti tal-Ġustizzja ma ddeċidietx dwar jekk il-liġi Belġjana li għamlet l-eżerċizzju tal-mediċina veterinarja suġġetta għal għadd ta’ kundizzjonijiet (bħall-pussess ta’ kwalifika legali fil-mediċina veterinarja u d-dħul fir-reġistru tal-kirurgi veterinarji) kinitx kompatibbli mal-Artikolu 49 TFUE, sa fejn il-kwistjoni kienet imqajma fil-kuntest ta’ proċeduri kriminali mressqa kontra ċittadin Belġjan, abbażi li huwa kien wettaq, fil-Belġju, miżuri veterinarji mhux awtorizzati mingħajr ma ssodisfa l-kundizzjonijiet stiputati fil-liġi hawn fuq imsemmija.

71.

F’dawk il-każijiet kollha, il-Qorti tal-Ġustizzja kienet pjuttost korretta li kkonkludiet li l-legalità tal-miżuri kkontestati mir-rikorrenti fil-proċeduri prinċipali ma setgħux jiddependu fuq l-interpretazzjoni tat-Trattat dwar il-libertà tal-moviment, sa fejn l-ebda effett transkonfinali ta’ kwalunkwe tip ma seta’ jiġi identifikat faċilment. Is-sitwazzjoni fil-kawża preżenti hija madankollu differenti. Għar-raġunijiet li spjegajt fil-punt 68 iktar ’il fuq, il-leġiżlazzjoni inkwistjoni taqa’ fi ħdan l-iskop tal-Artikolu 49 TFUE. Għalhekk, jien issa ser inħares fid-dettal lejn il-kwistjonijiet sostantivi li tqajmu fil-kawża quddiem it-TAR Lombardia.

B – Fuq id-domanda preliminari

72.

Permezz tat-talba tagħha għal deċiżjoni preliminari, it-TAR Lombardia qiegħed jistaqsi jekk leġiżlazzjoni nazzjonali li tirriżerva għal spiżeriji l-bejgħ ta’ prodotti mediċinali li għalihom hija meħtieġa riċetta, iżda li ma jitħallsux mill-SSN imma mill-klijent, hijiex kompatibbli mar-regoli tal-UE dwar il-libertà ta’ stabbiliment.

1. L-eżistenza ta’ restrizzjoni

73.

Skont ġurisprudenza kostanti, kull miżura nazzjonali li, anki jekk tapplika mingħajr diskriminazzjoni abbażi tan-nazzjonalità, tista’ tfixkel jew tirrendi inqas attraenti l-eżerċizzju, miċ-ċittadini tal-Unjoni, tal-libertà ta’ stabbiliment iggarantita mit-Trattat tikkostitwixxi restrizzjoni fis-sens tal-Artikolu 49 KE ( 54 ).

74.

Fil-fehma tiegħi, fil-kawża preżenti, prerekwiżit għal kull interpretazzjoni hija l-identifikazzjoni tas-suq li fuqu l-leġiżlazzjoni inkwistjoni allegatament tuża l-effetti restrittivi tagħha billi tostakola l-istabbiliment ta’ operaturi barranin.

75.

Dan l-element ma huwiex evidenti minnu nnifsu. Id-deċiżjoni tar-rinviju ma tantx telabora dwar dan il-punt u A. Venturini tagħmel riferiment biss, b’mod ġenerali, għal xi effetti restrittivi fir-rigward tal-attivitajiet professjonali ta’ spiżjar.

76.

F’dan ir-rigward, nosserva li d-deċiżjonijiet amministrattivi li r-rikorrenti qegħdin jikkontestaw fil-kawża prinċipali ma humiex rifjut ta’ applikazzjonijiet sabiex tinfetaħ spiżerija, imma biss applikazzjonijiet għal awtorizzazzjoni sabiex jinbiegħu ċerti prodotti mediċinali speċifiċi.

77.

Fil-fatt, ir-rikorrenti ma jikkontestawx il-kompatibbiltà mat-Trattat la tal-leġiżlazzjoni nazzjonali li tillimita n-numru ta’ spiżeriji skont il-pianta organica u lanqas tal-leġiżlazzjoni li tirriżerva il-bejgħ ta’ prodotti mediċinali fil-Kategorija A għall-ispiżeriji biss. L-unika leġiżlazzjoni li huma qegħdin jikkontestaw hija r-regola li tipprojbixxihom milli jbiegħu prodotti mediċinali li għalihom hija meħtieġa riċetta, iżda li jitħallsu mill-klijent.

78.

Dan iwassalni sabiex nemmen li l-effetti restrittivi possibbli tal-leġiżlazzjoni Taljana rilevanti fuq il-libertajiet fundamentali li huma rilevanti f’dan il-każ ma humiex dawk relatati mal-ftuħ ta’ spiżeriji fl-Italja, imma dawk relatati mal-ftuħ ta’ ħwienet bl-imnut bħal para-spiżeriji.

79.

Issa li s-suq affettwat ġie identifikat, fil-fehma tiegħi l-pass li jmiss għandu jkun li jiġi kkunsidrat jekk l-effetti restrittivi li toħloq il-leġiżlazzjoni inkwistjoni humiex dawk rilevanti taħt l-Artikolu 49 TFUE. Fi kliem ieħor, huwa neċessarju li jiġi kkunsidrat jekk il-leġiżlazzjoni inkwistjoni tistax tostakola l-istabbiliment ta’ operaturi barranin fis-suq tal-para-spiżeriji.

80.

Fl-osservazzjonijiet tagħha, Federfarma tenfasizza li l-para-spiżeriji huma, essenzjalment ħwienet ordinarji li jbiegħu varjetà ta’ prodotti, u l-projbizzjoni tal-bejgħ ta’ ċerti mediċini mhux probabbli li ser tiskoraġġixxi kwalunkwe operatur barrani milli jistabbilixxi para-spiżeriji ġodda fl-Italja.

81.

Fil-fehma tiegħi, madankollu, jekk il-para-spiżeriji kienu tabilħaqq ħwienet li n-negozju prinċipali tagħhom kien kompletament mhux relatat mal-bejgħ ta’ prodotti mediċinali (bħal supermarkets, petrol stations, eċċ), jien ma jkolli ebda dubju li naqbel ma’ Federfarma u li nikkonkludi li kwalunkwe effett restrittiv li allegatament jinħoloq mil-leġiżlazzjoni inkwistjoni kellu jitqies li huwa “wisq inċert u indirett” ( 55 ) u “purament spekulattiv ( 56 ), jew “insinifikanti u inċerta [inċert] wisq” ( 57 ), u konsegwentement mhux ta’ natura tali li jostakola l-aċċess għas-suq.

82.

Madankollu nosserva li – minkejja li ma humiex għalkollox komparabbli ma’ spiżeriji – para-spiżeriji għandhom numru ta’ fatturi komuni ma’ tal-ewwel. Pereżempju: (i) huma suġġetti għal għadd ta’ kontrolli speċifiċi tas-saħħa u farmaċewtiċi li jsiru mill-awtoritajiet Taljani; (ii) irid ikollhom apparat u faċilitajiet xierqa li jiżguraw konservazzjoni u distribuzzjoni ottimali ta’ prodotti mediċinali; (iii) jixtru prodotti mediċinali mill-istess kanali ta’ distribuzzjoni tal-ispiżeriji; u (iv) iridu jiżguraw it-traċċabbiltà tal-prodotti mediċinali mibjugħa permezz ta’ kodiċi speċifiku li jiġi maħruġ mill-Ministeru tas-Saħħa. Barra minn hekk, kemm fl-ispiżeriji u fil-para-spiżeriji, il-bejgħ ta’ prodotti mediċinali jrid isir dejjem fil-preżenza ta’ spiżjar ikkwalifikat. Barra minn hekk, huwa ċar li n-negozju prinċipali tal-para-spiżeriji jinvolvi prodotti li jikkonċernaw il-benesseri, is-saħħa u, f’sens iktar wiesgħa, it-trattamenti mediċi.

83.

Waqt is-seduta, b’risposta għal domanda diretta, A. Venturini u Federfarma taw stimi pjuttost differenti għar-rigward tal-ammont u tal-valur tal-prodotti mediċinali li għalihom ir-rikorrenti talbu awtorizzazzjoni għal bejgħ. Madankollu, fil-fehma tiegħi l-ebda waħda minn dawk l-istimi ma jippermettulna nikkunsidraw li dak in-negozju huwa ta’ importanza negliġibbli.

84.

F’dawn iċ-ċirkustanzi, ma nara ebda raġuni għalfejn niddubita mill-analiżi li saret mill-qorti nazzjonali, skont liema l-leġiżlazzjoni inkwistjoni tabilħaqq toħloq effetti restrittivi li jistgħu jostakolaw l-istabbiliment fl-Italja ta’ operaturi li huma interessati li jbiegħu dawk il-prodotti mediċinali.

85.

Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, jiena inklinat li nikkonkludi li l-leġiżlazzjoni inkwistjoni tikkostitwixxi restrizzjoni fuq il-libertà ta’ stabbiliment skont l-Artikolu 49 TFUE. Fi kwalunkwe każ, madankollu, din il-kwistjoni ma hijiex kruċjali għat-tweġiba li għandha tingħata lill-qorti nazzjonali peress li, kif ser nispjega issa, il-leġiżlazzjoni inkwistjoni hija ġġustifikata b’raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali.

2. Il-ġustifikazzjoni għar-restrizzjoni

86.

Il-Qorti tal-Ġustizzja sostniet b’mod konsistenti li restrizzjonijiet għal-libertà ta’ stabbiliment, li huma applikabbli mingħajr diskriminazzjoni bbażata fuq in-nazzjonalità, jistgħu jiġi ġġustifikati b’raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali, bil-kundizzjoni li jkunu xierqa sabiex jiggarantixxu t-twettiq tal-għan imfittex u ma jmorrux lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jintlaħaq dan l-għan ( 58 ).

87.

Peress li huwa paċifiku li l-leġiżlazzjoni inkwistjoni tapplika mingħajr diskriminazzjoni abbażi ta’ nazzjonalità, l-eżami tagħna jrid jiffoka, l-ewwel nett, fuq liema huma l-objettivi segwiti mil-leġiżlazzjoni inkwistjoni u, it-tieni nett, fuq jekk ir-restrizzjoni hijiex konsistenti mal-prinċipju ta’ proporzjonalità.

88.

Dwar l-ewwel punt, nosserva mill-bidu nett li l-liġijiet Taljani rilevanti huma pjuttost twal u kumplessi u ma jippermettux faċilment li l-persuna li tinterpretahom tidentifika l-objettiv(i) reali segwiti mil-leġiżlatura. Barra minn hekk, l-osservazzjonijiet bil-miktub tal-Gvern Taljan huma, sfortunatament, partikolarment lakoniċi u jinkludu biss għadd ta’ dikjarazzjonijiet vagi li jagħmlu riferiment għall-objettivi tal-ħarsien tas-saħħa pubblika bil-prevenzjoni tal-konsum żejjed ta’ prodotti mediċinali, u tal-ħarsien tal-fondi pubbliċi bil-prevenzjoni tal-ħela ta’ riżorsi finanzjarji limitati li jistgħu jkunu disponibbli għall-kura tas-saħħa.

89.

Filwaqt li, fit-teorija, dawn l-objettivi ċertament huma kapaċi jikkostitwixxu ġustifikazzjonijiet aċċettabbli ( 59 ), ir-rilevanza tagħhom fil-kawża quddiem il-qorti tar-rinviju tidher pjuttost dubjuża. Tabilħaqq, ta’ min wieħed ifakkar għal darb’oħra li l-leġiżlazzjoni inkwistjoni tikkonċerna biss prodotti mediċinali li jinbiegħu b’riċetti mediċi u li jitħallsu mill-klijent, u mhux mill-SSN, u għalhekk kemm id-domanda kif ukoll il-provvista huma fissi. Għalhekk, jien ma narax kif l-objettivi leġittimi li jsir riferiment għalihom mill-Gvern Taljan jistgħu effettivament jintlaħqu mil-leġiżlazzjoni inkwistjoni.

90.

Madankollu, l-argumenti mressqa mill-partijiet dwar dik il-kwistjoni ma humiex deċiżivi. Tabilħaqq, huwa ferm iktar importanti, fil-fehma tiegħi, li l-Qorti tal-Ġustizzja tkun kapaċi tidentifika l-għanijiet oġġettivi intiżi mil-leġiżlatura, billi tħares lejn it-test innifsu tad-dispożizzjonijiet nazzjonali, kif interpretati u applikati mill-qrati nazzjonali ( 60 ).

91.

F’dan il-każ, il-Qorti tal-Ġustizzja hija assistita f’dan il-kompitu mill-informazzjoni mogħtija fid-digriet tar-rinviju kif ukoll minn xi deċiżjonijiet tal-Qorti Kostituzzjonali Taljana li għalihom l-partijiet għamlu riferiment estensiv fil-kuntest tas-sottomissjonijiet tagħhom bil-miktub u orali.

92.

Fid-digriet tar-rinviju tagħha, it-TAR Lombardia jistqarr li l-għan segwit mil-leġiżlazzjoni Taljana inkwistjoni huwa li tipproteġi s-saħħa pubblika billi tiżgura d-distribuzzjoni ekwa tal-prodotti mediċinali fit-territorju nazzjonali, billi tipprevjeni li l-ispiżeriji jkunu kkonċentrati biss f’żoni kummerċjali iktar attraenti.

93.

Dawn id-dikjarazzjonijiet huma kkonfermati minn għadd ta’ deċiżjonijiet mogħtija mill-Qorti Kostituzzjonali Taljana, li ddeċidiet b’mod konsistenti li l-qafas legali kumpless dwar l-ispiżeriji huwa maħsub sabiex jiżgura u jikkontrolla l-aċċess taċ-ċittadini għall-prodotti mediċinali u b’dan il-mod tiġi żgurata l-protezzjoni tad-dritt fundamentali għas-saħħa ( 61 ). Il-Qorti Kostituzzjonali Taljana ddikjarat ukoll li s-servizzi farmaċewtiċi huma rregolati sabiex tiġi żgurata distribuzzjoni xierqa ta’ prodotti mediċinali ( 62 ). Huwa importanti wkoll il-fatt li, skont il-Qorti Kostituzzjonali, l-għan konkret segwit mil-leġiżlatura huwa li jiġi żgurat li s-servizzi farmaċewtiċi huma affidabbli kemm f’termini territorjali kif ukoll temporali, u li jipprovdu qasam li jiġbed lill-ispiżjara, sabiex jipprevjeni l-għajbien ta’ spiżeriji lokali, li mbagħad jaffettwa b’mod negattiv id-distribuzzjoni bbilanċjata ta’ spiżeriji ġewwa t-territorju nazzjonali ( 63 ).

94.

F’dan ir-rigward, nixtieq nenfasizza li, hekk kif il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet b’mod konsistenti, bis-saħħa tal-Artikolu 52(1) TFUE, il-protezzjoni tas-saħħa pubblika tista’ tiġġustifika restrizzjonijiet fuq il-libertajiet fundamentali ggarantiti bit-Trattat, bħal pereżempju l-libertà ta’ istabbiliment ( 64 ). B’mod partikolari, restrizzjonijiet fuq il-libertà ta’ istabbiliment jistgħu jkunu ġġustifikati bl-objettiv li jiġi żgurat li l-provvista ta’ prodotti mediċinali lill-pubbliku tkun affidabbli u ta’ kwalità tajba ( 65 ).

95.

F’dan l-isfond, il-Qorti tal-Ġustizzja aċċettat fis-sentenza Blanco Pérez li objettiv li jiġi żgurat li d-distribuzzjoni ta’ prodotti mediċinali tilħaq il-bżonnijiet tal-popolazzjoni, permezz ta’ netwerk ta’ spiżeriji mifrux u bbilanċjat b’mod xieraq, li permezz tiegħu tiġi ggarantita preżenza anki f’żoni li huma ekonomikament inqas vantaġġjati, jista’ jikkostitwixxi raġuni imperattiva ta’ interess ġenerali ( 66 ).

96.

Jien ma nara ebda raġuni għalfejn il-konstatazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar dan il-punt fis-sentenza Blanco Pérez ma għandhomx ikunu applikabbli bl-istess mod għall-kawża ineżami. Ċertament, fil-fehma tiegħi huwa inkonċepibbli li, f’żewġ każijiet li sostanzjalment huma identiċi, il-Qorti tal-Ġustizzja tasal għal konklużjonijiet differenti sempliċement għax, f’każ minnhom, l-avukat ipprovda argumentazzjoni legali konvinċenti u ddettaljata u, fl-ieħor, tali argumentazzjoni kienet għalkollox nieqsa. Għalhekk jien nieħu l-pożizzjoni li l-objettivi intiżi mil-leġiżlazzjoni inkwistjoni jistgħu jikkostitwixxu ġustifikazzjoni valida għal restrizzjoni tal-libertà ta’ istabbiliment skont l-Artikolu 49 TFUE.

97.

It-tieni u l-aħħar kwistjoni legali li trid tiġi eżaminata hija, għalhekk, jekk ir-restrizzjoni li tirriżulta mil-leġiżlazzjoni inkwistjoni hijiex konsistenti mal-prinċipju ta’ proporzjonalità. Tabilħaqq, kif semmejt iktar ’il fuq, b’kuntrast mas-sitwazzjoni fis-sentenza Blanco Pérez, ir-rikorrenti ma humiex qegħdin jippruvaw jiftħu spiżeriji ġodda imma li jkunu awtorizzati biss ibiegħu, fil-para-spiżeriji li huma proprjetà tagħhom, ċerti prodotti mediċinali li l-liġi tillimita għall-ispiżeriji.

98.

Madankollu, id-differenza bejn iż-żewġ każijiet ma hijiex, fil-fehma tiegħi, importanti hawnhekk. Tabilħaqq huwa ovvju li s-sistema speċjali li ġiet stabbilita mil-leġiżlatura Taljana għall-ispiżeriji tkun qiegħda tgħaddi mir-riskju li tiġi mdgħajfa, għall-inqas parzjalment, jekk tipi oħra ta’ ħwienet bl-imnut jkunu permessi li joffru prodotti mediċinali li fil-preżent il-bejgħ tagħhom huwa limitat għall-ispiżeriji.

99.

Fis-sistema Taljana, l-ispiżeriji huma fdati bil-provvista ta’ servizz pubbliku u, għal dak l-iskop, huma suġġetti għal numru ta’ obbligi speċifiċi u għandhom id-dmir li josservaw ċerti limitazzjonijiet fir-rigward tal-mod li bih jitwettaq in-negozju tagħhom. Ir-rikorrenti ma jiċħdux li diversi minn dawn l-obbligi u limitazzjonijiet ma jiġux imposti fuq tipi oħra ta’ ħwienet bl-imnut: b’mod partikolari, dawn ma humiex imposti fuq il-para-spiżeriji.

100.

Dawn l-obbligi u limitazzjoniiet jinvolvu spejjeż żejda li huma sinjifikattivi għall-ispiżeriji. Ma jistax jiġi eskluż li tnaqqis sostanzjali tal-monopolju tagħhom fuq prodotti mediċinali jesponi wħud minn dawn l-ispiżeriji għar-riskju li jitilfu l-vijabbiltà ekonomika tagħhom, peress li ċċaħħadhom minn dħul xieraq. Bħal fil-każ tal-ftuħ ta’ spiżeriji ġodda fis-sentenza Blanco Pérez, l-estensjoni tal-firxa tal-prodotti mediċinali offruti mill-para-spiżeriji tista’ taħli riżorsi kunsiderevoli għall-ispiżeriji.

101.

Jekk – u, fil-każ li iva, sa liema punt u taħt liema kundizzjonijiet – il-para-farmaċiji jistgħu jitħallew ibiegħu kategoriji oħra ta’ prodotti mediċinali mingħajr ma s-sistema ta’ distribuzzjoni territorjali tal-ispiżeriji stabbilita mil-leġiżlatura Taljana tkun ipperikolata b’dak il-mod, evidentement ma hijiex kwistjoni li għandha tkun deċiża mill-Qorti tal-Ġustizzja.

102.

F’dan il-kuntest, għandu jiġi mfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet b’mod konsistenti li t-Trattatti tal-UE ma jippreġudikawx il-kompetenza tal-Istati Membri li jorganizzaw is-sistemi tas-sigurtà soċjali tagħhom u li jadottaw, b’mod partikolari, dispożizzjonijiet sabiex jirregolaw l-organizzazzjoni tas-servizzi tas-saħħa bħal pereżempju l-ispiżeriji ( 67 ). Madankollu, fl-eżerċizzju ta’ dik is-setgħa, l-Istati Membri għandhom jikkonformaw mad-dritt tal-UE u, b’mod partikolari, mad-dispożizzjonijiet tat-Trattat dwar il-libertajiet fundamentali peress li dawk id-dispożizzjonijiet jipprojbixxu Stati Membri milli jintroduċu jew iżommu restrizzjonijiet mhux iġġustifikati fuq l-eżerċizzju ta’ dawk il-libertajiet fis-settur tal-kura tas-saħħa ( 68 ).

103.

Meta interpretat dawn il-prinċipji, il-Qorti tal-Ġustizzja rrilevat li, fl-evalwazzjoni tal-osservanza ta’ dan l-obbligu, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li s-saħħa u l-ħajja tal-persuni jokkupaw l-ewwel post fost l-assi u l-interessi protetti mit-Trattat KE u li huma l-Istati Membri li għandhom jiddeċiedu fuq il-livell ta’ protezzjoni li huma jixtiequ jagħtu lill-protezzjoni tas-saħħa pubblika kif ukoll il-mod li bih dan il-livell għandu jintlaħaq. Peress li l-livell jista’ jvarja minn Stat Membru għal ieħor, l-Istati Membri għandha titħallilhom marġni ta’ diskrezzjoni ( 69 ).

104.

Fl-aħħar nett, il-Qorti tal-Ġustizzja rrilevat li meta jkun hemm inċertezzi fir-rigward tal-eżistenza jew tal-iskala tar-riskji għas-saħħa tal-persuni, l-Istat Membru jista’ jadotta l-miżuri ta’ protezzjoni mingħajr ma jistenna sakemm ir-riskji jsiru evidenti għalkollox ( 70 ).

105.

Dan ifisser li, f’sitwazzjoni ta’ inċertezza, Stat Membru jista’ jadotta regolamenti li x’aktarx jevitaw, jew jimminizzaw, kwalunkwe riskju li xi partijiet mit-territorju tiegħu jitħallew b’għadd mhux suffiċjenti ta’ spiżeriji u li, konsegwentement, il-provvista ta’ prodotti mediċinali tista’ tabilħaqq ma tkunx affidabbli u ta’ kwalità tajba kullimkien ( 71 ).

106.

Il-garanzija li l-prodotti mediċinali kollha li huma suġġetti għal riċetta (irrispettivament ta’ min iħallas għalihom) għandhom ikunu offruti biss mill-ispiżeriji, fil-fehma tiegħi tidher li hija mfassla proprju sabiex jiġi evitat kull riskju bħal dan. Xejn ma rriżulta f’dawn il-proċeduri li jissuġġerixxi li jista’ jkun hemm miżura oħra, alternattiva għall-miżura prevista fil-leġiżlazzjoni inkwistjoni, li tista’ toffri l-istess livell ta’ assigurazzjoni lill-Istat fir-rigward tal-kisba tal-objettivi intiżi, filwaqt li tkun inqas restrittiva għall-operaturi ekonomiċi.

107.

Għalhekk jiena tal-fehma li l-leġiżlazzjoni inkwistjoni hija konsistenti mal-prinċipju ta’ proporzjonalità.

IV – Konklużjoni

108.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet iktar ’il fuq, nissuġġerixxi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għad-domandi preliminari magħmula mit-Tribunale Amministrativo Regionale della Lombardia (l-Italja) kif ġej:

“L-Artikolu 49 TFUE għandu jiġi interpretat bħala li ma jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tillimita għall-ispiżeriji l-bejgħ ta’ prodotti mediċinali li għalihom hija meħtieġa riċetta iżda li jitħallsu mill-klijent.”


( 1 ) Lingwa oriġinali: l-Ingliż.

( 2 ) Sentenza tal-1 ta’ Lulju 2010, Sbarigia (C-393/08, Ġabra p. I-6337).

( 3 ) Sentenza tal-1 ta’ Ġunju 2010, Blanco Pérez u Chao Gómez (Kawżi maqgħuda C-570/07 u C-571/07, Ġabra p. I-4629).

( 4 ) Ara, b’mod partikolari, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Darmon tat-3 ta’ Lulju 1990 fil-kawża Dzodzi (Kawżi maqgħuda C-297/88 u C-197/89, Ġabra p. I-3763); il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Tesauro tal-31 ta’ Jannar 1995, Kleinwort Benson (C-346/93, Ġabra p I-615); il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Jacobs tas-17 ta’ Settembru 1996, Leur-Bloem (C-28/95, Ġabra p. I-4161); il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Saggio tad-9 ta’ Marzu 2000, Guimont (C-448/98, Ġabra p. I-10663).

( 5 ) V. Hatzopoulos, ‘De l’arrêt “Foglia-Novello” à l’arrêt “TWD Textilwerke” – La jurisprudence de la Cour de justice relative à la recevabilité des renvois préjudiciels’, Revue du Marché Unique Européen (3)1994, pp. 195 sa 219, f’p. 217; D. Simon, “Questions préjudicielles”, Journal de droit international 118(2) 1991, pp. 455 sa 457, f’p. 457; u N. Fenger, “Article 177”, fi H. Smit u P. Herzog (edit.), The Law of the European Community: a commentary to the EEC Treaty, Matthew Bender & Co., New York: 1997, pp. 5-443 sa 5-470, f’p. 5-466.

( 6 ) Ara l-punt 47 tal-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Jacobs fil-kawża ċċitata iktar ’il fuq Leur-Bloem.

( 7 ) Ara l-punt 34 tal-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Tizzano tad-29 ta’ Marzu 2001, Adam (C-267/99, Ġabra p. I-7467).

( 8 ) Ara l-punti 10 u 11 tal-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Darmon fil-kawża ċċitata iktar ’il fuq Dzodzi.

( 9 ) Ara, pereżempju, l-analiżi li saret mill-House of Lords, European Union Committee, 16th Report of Session 2012-13, “Workload of the Court of Justice of the European Union: Follow-Up Report”, 29 ta’ April 2013, pp. 9 u 24.

( 10 ) Skont ir-Rapporti Annwali tal-Qorti tal-Ġustizzja (ara, pereżempju, ir-rapporti mill-2004, p. 183, u mill-2012, p. 90), kien hemm 224 talba għal deċiżjoni preliminari fl-2000, 249 talba fl-2004, 385 talba fl-2010, u 404 talba fl-2012.

( 11 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tas-16 ta’ Jannar 1997, USSL No 47 di Biella, (C-134/95, Ġabra p. I-195, punt 190); tad-9 ta’ Settembru 1999, RI.SAN (C-108/98, Ġabra p. I-5219, punt 23); tal-21 ta’ Ottubru 1999, Jägerskiöld (C-97/98, Ġabra p. I-7319, punt 42); u tat-22 ta’ Diċembru 2010, Omalet (C-245/09, Ġabra p. I-13771, punt 12).

( 12 ) Ara l-punti 1 u 28 tal-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Tesauro tas-27 ta’ Ottubru 1973, Hünermund et (C-292/92, Ġabra p. I-6787).

( 13 ) Ara l-punt 63 tal-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Tizzano tal-25 ta’ Marzu 2002, CaixaBank France (C-442/02, Ġabra p. I-8961, punt 63). Għalkemm il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Tizzano – bħal dawk tal-Avukat Ġenerali Tesauro, imsemmija fin-nota ta’ qiegħ il-paġna preċedenti – kienu jikkonċernaw il-kunċett ta’ “restrizzjoni” skont id-dispożizzjonijiet tat-Trattat dwar il-libertajiet fundamentali, jiena tal-fehma li l-kunsiderazzjonijiet tagħhom dwar il-punt huma, mutatis mutandis, rilevanti wkoll fir-rigward tal-ammissibbiltà ta’ kawżi li jikkonċernaw il-kompatibbiltà ta’ miżuri domestiċi ma’ dawk id-dispożizzjonijiet tat-Trattat.

( 14 ) Sentenzi tad-19 ta’ Mejju 2009, Zurita García u Choque Cabrera (Kawżi maqgħuda C-261/08 u C-348/08, Ġabra p. I-10143, punt 36) u tat-13 ta’ Diċembru 2012, Kamberaj (C‑571/10, punt 41).

( 15 ) Ara, fost oħrajn, is-sentenzi tal-14 ta’ Settembru 2006, Lucchini (C-119/05, Ġabra p. I-6199, punt 43 u l-ġurisprudenza ċċitata) u tad-29 ta’ Marzu 2011, eDate Advertising u Martinez (Kawżi maqgħuda C-509/09 u C-161/10, Ġabra p. I-10269, punt 32 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 16 ) Ara, fost oħrajn, is-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Lucchini, punt 44 u l-ġurisprudenza ċċitata, u eDate Advertising u Martinez, punt 33 u l-ġurisprudenza ċċitata.

( 17 ) Sentenza tal-15 ta’ Diċembru 1982, Oosthoek’s Uitgeversmaatschappij (286/81, Ġabra p. 4575).

( 18 ) Ara wkoll is-sentenzi tas-7 ta’ Mejju 1997, Pistre et (Kawżi maqgħuda C-321/94 sa C-324/94, Ġabra p. I-2343, punt 45) u tal-14 ta’ Lulju 1998, Smanor (298/87, Ġabra p. 4489, punti 8 sa 10).

( 19 ) Ara l-punt 88 tal-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Geelhoed tal-5 ta’ Marzu 2002 fil-kawża Reisch et (Kawżi maqgħuda C-515/99, C-519/99 sa C-524/99 u C-526/99 sa C-540/99, Ġabra p. I-2157)

( 20 ) Sentenza tal-5 ta’ Diċembru 2000 (C-448/98, Ġabra I-10663).

( 21 ) Sentenza Blanco Pérez, punt 39; sentenzi tat-30 ta’ Marzu 2006, Servizi Ausiliari Dottori Commercialisti (C-451/03, Ġabra p. I-2941, punt 29); u tal-5 ta’ Diċembru 2006, Cipolla et (Kawżi maqgħuda C-94/04 u C-202/04, Ġabra p. I-11421, punt 30). Ara wkoll is-sentenza ċċitata iktar ’il fuq Guimont, punt 23.

( 22 ) Ara r-riferiment għall-applikazzjoni indiretta tad-dispożizzjonijiet tal-UE fis-sentenza ċċitata iktar ’il fuq Leur-Bloem, punt 26, u s-sentenza tas-17 ta’ Lulju 1997, Giloy (C-130/95, Ġabra p. I-4291, punt 22). Ara wkoll il-punti 54 u 55 tal-konklużjonijet tal-Avukat Ġenerali Kokott tat-3 ta’ Lulju 2007 fil-kawża ETI et (C-280/06, Ġabra p. I-10893).

( 23 ) Ara, fost oħrajn, is-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Reisch et, punt 26, u Servizi Ausiliari Dottori Commercialisti, punt 29, kif ukoll is-sentenza tal-11 ta’ Settembru 2003, Anomar et (C-6/01, Ġabra p. I-8621, punt 41).

( 24 ) Ara l-punti 37 u 38 tal-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Jacobs fil-kawża ċċitata iktar ’il fuq Pistre et, u l-punt 14 tal-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Cosmas tat-23 ta’ Marzu 1995 fil-kawża Belgapom (C-63/94, Ġabra p. I-2467).

( 25 ) Sentenza tal-21 ta’ Ġunju, 2012, Susisalo et (C‑84/11, punt 21), u s-sentenza ċċitata iktar ’il fuq, Omalet, punti 16 u 17.

( 26 ) Sentenza tat-30 ta’ Settembru 1985 (166/84, Ġabra p. 3001)

( 27 ) Sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Dzodzi, punti 36 u 37, u Leur-Bloem, punt 25; sentenzi tal-14 ta’ Diċembru 2006, Confederación Española de Empresarios de Estaciones de Servicio (C-217/05, Ġabra p. I-11987, punt 19); tal-14 ta’ Marzu 2013, Allianz Hungária Biztosító et (C‑32/11, punti 17 sa 23); u tas-17 ta’ Diċembru 1998, IP (C-2/97, Ġabra p. I-8597, punt 59).

( 28 ) Sentenza ċċitata iktar ’il fuq ETI et, punt 22 u l-ġurisprudenza ċċitata.

( 29 ) Sentenza Allianz Hungária Biztosító et, punti 17 sa 23. Kummentaturi legali osservaw li d-deċiżjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja f’dawk il-każijiet ikkontribwixxew għall-iżvilupp ta’ “jus communae europeum”; ara T. Tridimas, “Knocking on heaven’s door: Fragmentation, efficiency and defiance in the preliminary reference procedure”, Common Market Law Review (40) 2003, pp. 9 sa 50, f’p. 47.

( 30 ) Ara s-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq ETI et, punti 19 sa 29, u Allianz Hungária Biztosító et.

( 31 ) Sentenza ċċitata iktar ’il fuq Leur-Bloem, punt 25.

( 32 ) Sentenza tal-11 ta’ Jannar 1999, Kofisa Italia (C-1/99, Ġabra p. I-207, punti 30 sa 32).

( 33 ) Sentenza ċċitata iktar ’il fuq Allianz Hungária Biztosíto et. Ara wkoll il-punt 39 tal-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Kokott fil-kawża ċċitata iktar ’il fuq ETI et.

( 34 ) Sentenzi tal-21 ta’ Diċembru 2011, Cicala (C-482/10, Ġabra p. I-14139, punt 19 u l-ġurisprudenza ċċitata), u tat-18 ta’ Ottubru 2012, Nolan (C–583/10, punt 47).

( 35 ) Ara s-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Kleinwort Benson, punti 16 sa 25, Allianz Hungária Biztosíto et, punti 22 u 23, ETI et, punti 24 sa 26, Leur-Bloem, punt 31, Kofisa Italia, punti 30 u 31, Adam, punti 30 sa 32; u sentenza tas-7 ta’ Jannar 2003, BIAO (C-306/99, Ġabra p. I-1, punt 92).

( 36 ) Ara, f’dan is-sens, l-Opinjoni 1/91 tal-14 ta’ Diċembru 1991 (Ġabra p. I‑6079, punt 61). Ara wkoll il-punt 27 tal-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Tesauro fil-kawża ċċitata iktar ’il fuq Kleinwort Benson.

( 37 ) Sentenza tal-25 ta’ Ġunju 1992, Federconsorzi (C-88/91, Ġabra p. I-4035, punt 10), u s-sentenza ċċitata iktar ’il fuq Dzodzi, punti 41 u 42.

( 38 ) Ara, pereżempju, is-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Allianz Hungária Biztosíto et, punt 29, u ETI et, punt 51.

( 39 ) Sentenza tas-16 ta’ Diċembru 1981, Foglia (244/80, Ġabra p. 3045, punt 20).

( 40 ) Sa mill-1974, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-proċedura għal deċiżjoni preliminari “hija essenzjali għall-preżervazzjoni tal-karattru [tal-Unjoni] tal-liġi stabbilita bit-Trattat u għandha l-għan li tiżgura li fiċ-ċirkostanzi kollha din il-liġi hija l-istess fl-Istati kollha tal-[Unjoni Ewropea]”: ara sentenza tas-16 ta’ Jannar 1974, Rheinmühlen-Düsseldorf (166/73, Ġabra p. 33, punt 2).

( 41 ) Sentenza ċċitata iktar ’il fuq Foglia, punti 17 u 18.

( 42 ) Sentenzi tad-9 ta’ Ottubru 1997, Grado u Bashir (C-291/96, Ġabra p. I-5531, punt 14); tat-23 ta’ Marzu 1995, Saddik (C-458/93, Ġabra p. I-511, punti 18 u 19); u tal-25 ta’ Mejju 1997, Nour (C-361/97, Ġabra p. I-3101, punti 19 u 20).

( 43 ) Sentenzi tat-3 ta’ Marzu 1993, Vaneetveld (C-316/93, Ġabra p. I-763, punt 14), u tas-7 ta’ Diċembru 1995, Gervais et (C-17/94, Ġabra p. I-4353, punt 21).

( 44 ) Sentenza tas-17 ta’ Mejju 1994, Corsica Ferries (C-18/93, Ġabra p. I-1783, punt 13), u Vaneetveld (punt 14).

( 45 ) Ara C. Barnard u E. Sharpston, “The changing face of Article 177 references”, (34)1997 Common Market Law Review, pp. 1113 sa 1171, f’p. 1153.

( 46 ) Dawn il-partijiet fil-fatt jistgħu ma jkunux konxji tal-kontenut tad-dokumenti annessi mad-digriet tar-rinviju, li tipikament ma jkunux tradotti f’lingwi oħra. Lanqas ma għandhom aċċess għas-sottomissjonijiet tal-partijiet fil-kawża prinċipali, sakemm ma jkunux diġà ddeċidew li jippreżentaw osservazzjonijiet fil-proċeduri.

( 47 ) Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà kellha l-opportunità li tenfasizza li “l-informazzjoni pprovduta fid-digrieti tar-rinviju ma sservix biss biex tippermetti l-Qorti tal-Ġustizzja tagħti tweġibiet utli, imma biex tippermetti l-gvernijiet tal-Istati Membri l-oħra jew partijiet interessati oħra li jissottomettu osservazzjonijiet skont l-Artikolu 20 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja KE”, u li “huwa d-dmir tal-Qorti tal-Ġustizzja li tiżgura li dik il-possibbiltà tiġi salvagwardjata, billi wieħed iżomm f’moħħu li, bis-saħħa tal-[Artikolu 20 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja KE] id-digriet tar-rinviju biss jiġi nnotifikat lill-partijiet interessati”. Ara, fost ħafna, id-digriet tat-8 ta’ Ottubru 2002, Viacom (C-190/02, Ġabra p. I-8287, punt 14 u l-ġurisprudenża ċċitata).

( 48 ) C. Barnard u E. Sharpston, iċċitat iktar ’il fuq, p. 1151.

( 49 ) Sentenza ċċitata iktar ’il fuq Blanco Pérez, punt 40.

( 50 ) Sentenza ċċitata iktar ’il fuq Blanco Pérez, punti 54 u 55. Jiena kont inżid ngħid li, f’dak il-każ, kien hemm effetti transkonfinali potenzjali b’riżultat tal-fatt li waħda mid-dispożizzjonijiet tal-liġijiet domestiċi inkwistjoni espliċitament iffavorixxiet spiżjara li kienu segwew l-attivitajiet professjonali tagħhom fi ħdan il-Komunità Awtonoma tal-Asturias, u b’hekk indirettament jiddiskriminaw kontra operaturi minn Stati Membri oħra. Ara l-punt 117 et seq tas-sentenza.

( 51 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenza ċċitata iktar ’il fuq Sbarigia, punti 25 sa 29.

( 52 ) Sentenza tal-11 ta’ Settembru 2009 (C-567/07, Ġabra p. I-9021, punti 40 sa 47).

( 53 ) Sentenza tas-16 ta’ Novembru 1995 (C-152/94, Ġabra p. I-3981).

( 54 ) Sentenzi tal-14 ta’ Ottubru 2004, Il‑Kummissjoni vs Il‑Pajjiżi l-Baxxi (C-299/02, Ġabra p. I-9761, punt 15 u l-ġurisprudenza ċċitata), u tal-21 ta’ April 2005, Il‑Kummissjoni vs Il‑Greċja (C-140/03, Ġabra p. I-3177, punt 27 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 55 ) Sentenzi tas-7 ta’ Mejju 1990, Krantz (C-69/88, Ġabra p. I-583, punt 11); tal-14 ta’ Lulju 1992, Peralta (C-379/92, Ġabra p. I-3453, punt 24); tat-30 ta’ Novembru 1995, Esso Espanola (C-134/94, Ġabra p. I-4223, punt 24); u tat-3 ta’ Diċembru 1998, Bluhme (C-67/97, Ġabra p. I-8033, punt 22).

( 56 ) Sentenza tas-16 ta’ Diċembru 1992, B & Q (C-169/91, Ġabra p. I-6635, punt 15).

( 57 ) Sentenza tas-26 ta’ Mejju 2005, Burmanjer et (C-20/03, Ġabra p. I-4133, punt 31).

( 58 ) Sentenzi tal-10 ta’ Marzu 2009, Hartlauer (C-169/07, Ġabra p. I-1721, punt 44 u l-ġurisprudenza ċċitata), u tad-19 ta’ Mejju 2009, Apothekerkammer des Saarlandes et (Kawżi maqgħuda C-171/07 u C-172/07, Ġabra p. I-4171, punt 25).

( 59 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenza ċċitata iktar ’il fuq Apothekerkammer des Saarlandes et, punt 33, u s-sentenza tad-19 ta’ Mejju 2009, Il‑Kummissjoni vs L‑Italja (C-531/06, Ġabra p. I-4103, punt 57).

( 60 ) Hija ġurisprudenza stabbilita li l-iskop tal-liġijiet, regolamenti jew dispożizzjonijiet amministrattivi nazzjonali irid jiġi evalwat fid-dawl tal-interpretazzjoni mogħtija lilhom mill-qrati nazzjonali. Ara fuq dan il-punt is-sentenzi tad-19 ta’ Diċembru 1992, Katsikas et (Kawżi maqgħuda C-132/91, C-138/91 u C-139/91, Ġabra p. I-6577, punt 39 u l-ġurisprudenza ċċitata), u tat-18 ta’ Lulju 2007, Il‑Kummissjoni vs Il‑Ġermanja (C-490/04, Ġabra p. I-6095, punt 49 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 61 ) Sentenza tal-Corte costituzionale tal-10 ta’ Marzu 2006, Nru 87, punt 3; sentenza tal-Corte costituzionale tal-14 ta’ Diċembru 2007, Nru 430, punt 4.2.1.

( 62 ) Sentenza tal-Corte costituzionale tal-14 ta’ Diċembru 2007, Nru 430, punt 4.2.1.

( 63 ) Sentenza tal-Corte costituzionale tal-4 ta’ Frar 2003, Nru 27, punt 3.2.

( 64 ) Ara, fost oħrajn, is-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Hartlauer, punt 46, u Apothekerkammer des Saarlandes et, punt 27

( 65 ) Sentenza Il‑Kummissjoni vs L‑Italja (C-531/06, Ġabra p. I-4103, punt 52 u l-ġurisprudenza ċċitata) u s-sentenza ċċitata iktar ’il fuq Apothekerkammer des Saarlandes et (punt 28 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 66 ) Sentenza ċċitata iktar ’il fuq Blanco Pérez, punti 70 sa 73 u l-ġurisprudenza ċċitata.

( 67 ) Dan il-prinċipju huwa affermat mill-ġdid ukoll fil-premessa 26 tal-preambolu għad-Direttiva 2005/36/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-7 ta’ Settembru 2005, dwar ir-Rikonoxximent ta’ Kwalifiki Professjonali (ĠU L 255, p. 22), li tistipula: “Din id-Direttiva ma tikkordinax il-kondizzjonijiet kollha għall-aċċess għal attivitajiet fil-qasam tal-farmaċija u l-eżerċizzju ta’ dawn l-attivitajiet. B’mod partikolari, id-distribuzzjoni ġeografika ta’ l-ispiżjeriji u l-monopolju fl-għotja ta’ mediċini jibqgħu kwistjonijiet f’idejn l-Istati Membri. Din id-Direttiva ma tibdilx id-dispożizzjonijiet leġislattivi, regolatorji u amministrattivi ta’ l-Istati Membri li jżommu kumpanniji milli jeżerċitaw ċerti attivitajiet ta’ spiżjara jew li jissoġġettaw l-eżerċizzju ta’ dawn l-attivitajiet għal ċerti kondizzjonijiet.”

( 68 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza Il‑Kummissjoni vs L‑Italja (C‑531/06, punt 35 u l-ġurisprudenza ċċitata) kif ukoll is-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Hartlauer, punt 29, u Apothekerkammer des Saarlandes et, punt 18 u l-ġurisprudenza ċċitata.

( 69 ) Sentenza tal-11 ta’ Settembru 2008, Il‑Kummissjoni vs Il‑Ġermanja (C-141/07, Ġabra p. I-6935, punt 51 u l-ġurisprudenza ċċitata), u s-sentenza ċċitata iktar ’il fuq Apothekerkammer des Saarlandes et, punt 19 u l-ġurisprudenza ċċitata.

( 70 ) Sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Apothekerkammer des Saarlandes et, punt 30, u Blanco Pérez, punt 74.

( 71 ) Sentenza ċċitata iktar ’il fuq Blanco Pérez, punt 75.