KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI
WATHELET
ippreżentati fid-29 ta’ Mejju 2013 ( 1 )
Kawża C‑133/12 P
Stichting Woonlinie
Stichting Allee Wonen
Woningstichting Volksbelang
Stichting WoonInvest
Stichting Woonstede
vs
Il‑Kummissjoni Ewropea
“Appell — Skema ta’ għajnuna mogħtija mir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi favur kumpanniji ta’ akkomodazzjoni soċjali — Deċiżjoni li tagħmel vinkolanti l-impenji meħuda mill-awtoritajiet Olandiżi sabiex jikkonformaw ruħhom mad-dritt tal-Unjoni — Deċiżjoni li tiddikjara l-iskema kompatibbli mas-suq komuni — Ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE — Kunċett ta’ ‘att regolatorju li jirrigwarda direttament lil persuna fiżika jew ġuridika u li ma jinvolvix miżuri ta’ implementazzjoni’”
I – Introduzzjoni
|
1. |
Din il-kawża għandha bħala suġġett appell ippreżentat mill-kumpanniji ta’ akkomodazzjoni (“woningcorporaties”, iktar ’il quddiem il-“wocos”) Stichting Woonlinie, Stichting Allee Wonen, Woningstichting Volksbelang, Stichting WoonInvest u Stichting Woonstede kontra d-digriet tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea, tas-16 ta’ Diċembru 2011, Stichting Woonlinie et vs Il‑Kummissjoni (T‑202/10, iktar ’il quddiem “id-digriet appellat”). |
|
2. |
Permezz tad-digriet appellat, il-Qorti Ġenerali ddikjarat inammissibbli r-rikors tagħhom għall-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2009) 9963 finali, tal-15 ta’ Diċembru 2009, dwar l-għajnuna mill-Istat E 2/2005 u N 642/2009 — Il-Pajjiżi l-Baxxi — Għajnuna eżistenti u għajnuna speċifika għal proġetti favur kumpanniji ta’ akkomodazzjoni soċjali (iktar ’il quddiem, id-“deċiżjoni kkontestata”). Il-Qorti Ġenerali kkunsidrat li sa fejn id-deċiżjoni kkontestata kienet tirrigwarda l-għajnuna eżistenti E 2/2004 (l-unika parti tad-deċiżjoni kkontestata mill-appellanti), din kienet taffettwa lil dawn tal-aħħar bl-istess mod bħal kwalunkwe operatur ekonomiku ieħor li kien jinsab, attwalment jew potenzjalment, f’sitwazzjoni identika u għalhekk, il-kwalità tagħhom ta’ wocos, definita skont kriterji oġġettivi, waħedha ma kinitx biżżejjed biex tistabbilixxi l-interess individwali tagħhom. |
|
3. |
Għalhekk, fid-digriet appellat, il-Qorti Ġenerali llimitat ruħha għall-eżami tal-interess individwali, kif dan kien jeżiġi r-raba’ paragrafu ta’ dak li kien l-Artikolu 230 KE. Wara d-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona (qabel id-deċiżjoni kkontestata), infetħet it-tielet possibbiltà għall-persuni fiżiċi jew għall-persuni ġuridiċi li jixtiequ jressqu azzjoni għal annullament. Minn dak iż-żmien ’il quddiem, l-aħħar parti tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE tawtorizzahom iressqu azzjoni għal annullament kontra l-atti regolatorji li jikkonċernawhom direttament u li ma jinvolvux miżuri ta’ implementazzjoni. |
|
4. |
F’dawn il-konklużjonijiet, peress li l-ammissibbiltà ta’ rikors ippreżentat abbażi tal-Artikolu 263 TFUE hija kwistjoni ta’ ordni pubbliku, ser nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja li teżamina l-applikabbiltà tal-aħħar parti tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE għall-każ preżenti. Barra minn hekk ser insostni li l-Qorti Ġenerali għamlet żball ta’ liġi meta ma wettqitx din l-analiżi. Sussegwentement ser nistieden lill-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi definittivament fuq din il-kwistjoni, tiddikjara l-appell ammissibbli u li tirrinvija l-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali inkwantu l-bqija, sabiex din tiddeċiedi dwar il-mertu ( 2 ). |
II – Il-fatti li taw lok għall-kawża
|
5. |
L-appellanti huma wocos stabbiliti fil-Pajjiżi l-Baxxi. Dawn huma entitajiet mingħajr skop ta’ lukru li għandhom il-funzjoni li jixtru, jibnu u joffru għall-kiri bini residenzjali intiż essenzjalment għal persuni żvantaġġati u għal gruppi soċjalment żvantaġġati. Il-wocos jeżerċitaw ukoll attivitajiet oħra, bħall-bini u l-kiri ta’ appartamenti b’kera ogħla, il-bini ta’ appartamenti intiżi għall-bejgħ, kif ukoll il-bini u l-kiri ta’ proprjetà immobbli ta’ interess ġenerali. |
|
6. |
Fl-2002, l-awtoritajiet Olandiżi nnotifikaw lill-Kummissjoni Ewropea bl-iskema ġenerali ta’ għajnuna mill-Istat intiża għall-wocos. Peress li l-Kummissjoni kkunsidrat li l-miżuri ta’ finanzjament tal-wocos setgħu jiġu kklassifikati bħala għajnuna eżistenti, l-awtoritajiet Olandiżi rtiraw in-notifika tagħhom. |
|
7. |
Madankollu, fl-14 ta’ Lulju 2005, il-Kummissjoni bagħtet ittra lill-awtoritajiet Olandiżi abbażi tal-Artikolu 17 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 659/1999, tat-22 ta’ Marzu 1999, li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu [88 KE] (Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 1, p. 339) fejn esprimiet dubji dwar il-kompatibbiltà tal-għajnuna E 2/2005 mas-suq komuni. Preliminarjament, il-Kummissjoni indikat fl-ittra li l-awtoritajiet Olandiżi kellhom jiddefinixxu mill-ġdid il-funzjoni ta’ servizz pubbliku mogħtija lill-wocos, b’tali mod li l-akkomodazzjoni soċjali tkun irriżervata għal grupp identifikat, iddefinit b’mod ċar, ta’ persuni żvantaġġati jew ta’ gruppi soċjalment żvantaġġati. Hija żiedet li l-attivitajiet kummerċjali kollha tal-wocos kellhom jiġu eżerċitati taħt kundizzjonijiet tas-suq u li dawn ma setgħux jibbenefikaw minn għajnuna mill-Istat. Finalment, skont il-Kummissjoni, l-offerta ta’ akkomodazzjoni soċjali kellha tkun adattata għad-domanda tal-persuni żvantaġġati jew tal-gruppi soċjalment żvantaġġati. |
|
8. |
Wara li ntbagħtet din l-ittra, il-Kummissjoni u l-awtoritajiet Olandiżi bdew negozjati sabiex l-iskema ta’ għajnuna inkwistjoni ssir konformi mal-Artikolu 106(2) TFUE. |
|
9. |
Fis-16 ta’ April 2007, il-Vereniging van Institutionele Beleggers in Vastgoed, Nederland (l-Assoċjazzjoni tal-investituri immobiljari istituzzjonali tar-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi) ressqet ilment quddiem il-Kummissjoni fir-rigward tal-iskema ta’ għajnuna mogħtija lill-wocos. F’Ġunju 2009, Vesteda Groep BV assoċjat ruħha ma’ dan l-ilment. |
|
10. |
B’ittra tat-3 ta’ Diċembru 2009, l-awtoritajiet Olandiżi intrabtu li jemendaw l-iskema ġenerali ta’ għajnuna mill-Istat favur il-wocos u bagħtu lill-Kummissjoni diversi proposti konformi ma’ dawn l-impenji. |
|
11. |
Fuq din il-bażi, huma adottaw regoli ġodda li kienu s-suġġett ta’ digriet ministerjali ġdid u ta’ liġi ġdida fuq l-akkomodazzjoni li d-dħul fis-seħħ tagħhom kien iffissat għall-1 ta’ Jannar 2010 u l-1 ta’ Jannar 2011, rispettivament. |
|
12. |
Fir-rigward tal-kompatibbiltà tal-iskema l-ġdida ta’ finanzjament tal-wocos kif proposta mill-awtoritajiet Olandiżi, il-Kummissjoni kkonkludiet, fil-punt 72 tal-motivi tad-deċiżjoni kkontestata, li “l-għajnuna mogħtija għall-attivitajiet ta’ akkomodazzjoni soċjali, jiġifieri marbuta mal-bini u mal-kiri ta’ bini residenzjali intiż għal individwi, inkluż il-bini u l-manutenzjoni ta’ infrastrutturi awżiljarji, [...] hija kompatibbli mal-Artikolu 106(2) TFUE”. Għalhekk, il-Kummissjoni aċċettat l-impenji meħuda mill-awtoritajiet Olandiżi u adottat id-deċiżjoni kkontestata. |
III – Il-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali u d-digriet appellat
|
13. |
Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fid-29 ta’ April 2010, l-appellanti ppreżentaw rikors abbażi tal-Artikolu 263 TFUE, intiż għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata sa fejn din tirrigwarda l-għajnuna E 2/2005. |
|
14. |
L-appellanti ressqu diversi motivi insostenn tar-rikors tagħhom. Madankollu, il-Kummissjoni kkontestat l-ammissibbiltà tar-rikors tagħhom billi sostniet li l-appellanti ma kinux ikkonċernati individwalment mid-deċiżjoni kkontestata fis-sens tal-Artikolu 263 TFUE. Għaldaqstant il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li l-ewwel tippronunzja ruħha fuq din il-kwistjoni. |
|
15. |
Il-Qorti Ġenerali kkonstatat li l-appellanti ma kinux id-destinatarji tad-deċiżjoni kkontestata sa fejn din tirrigwarda l-għajnuna E 2/2005. F’dan ir-rigward, hija fakkret, fl-ewwel lok, il-ġurisprudenza stabbilita li skontha impriża ma għandhiex locus standi sabiex tikkontesta deċiżjoni tal-Kummissjoni li tipprojbixxi skema ta’ għajnuna settorjali meta din tkun ikkonċernata minn din id-deċiżjoni biss minħabba li tagħmel parti mis-settur inkwistjoni jew minħabba l-kwalità tagħha ta’ benefiċjarja potenzjali tal-imsemmija skema. Fit-tieni lok, il-Qorti Ġenerali kkunsidrat li l-istess kien japplika fir-rigward ta’ rikors għall-annullament ta’ deċiżjoni li biha l-Kummissjoni, filwaqt li tieħu konjizzjoni tal-impenji meħuda mill-awtoritajiet nazzjonali, tiddikjara l-iskema ta’ għajnuna inkwistjoni, kif emendata, kompatibbli mas-suq komuni. |
|
16. |
F’dan il-każ, il-Qorti Ġenerali kkonstatat, minn naħa, fil-punti 29 u 30 tad-digriet appellat, li l-kwalità ta’ wocos kienet tingħata skont kriterji oġġettivi li jistgħu jiġu sodisfatti minn numru indefinit ta’ operaturi. Min-naħa l-oħra, fil-punt 31 tal-imsemmi digriet, hija fakkret li l-wocos setgħu jkunu biss benefiċjarji potenzjali tal-miżuri ta’ għajnuna għaliex l-eżami tal-Kummissjoni “kien jikkostitwixxi eżami preliminari” tal-iskema ta’ għajnuna, kif emendata fid-dawl tal-impenji tal-awtoritajiet nazzjonali. |
|
17. |
Minn dan il-Qorti Ġenerali kkonkludiet li, meħuda waħedha, il-kwalità ta’ wocos ma kinitx tippermetti li dawn l-operaturi jitqiesu li huma kkonċernati individwalment mid-deċiżjoni kkontestata sa fejn din tirrigwarda l-għajnuna E 2/2005, u ddeċidiet li r-rikors kien inammissibbli. |
IV – L-appell
|
18. |
L-appellanti ppreżentaw dan l-appell permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fid-9 ta’ Marzu 2012. Huma jitolbu lill-Qorti tal-Ġustizzja li tannulla, totalment jew parzjalment, id-digriet appellat u li tirrinvija l-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali. Huma jitolbu wkoll li l-Kummissjoni tiġi kkundannata tħallas l-ispejjeż. |
|
19. |
Insostenn tal-appell tagħhom, l-appellanti jinvokaw żewġ aggravji:
|
|
20. |
Fir-risposta tagħhom għad-domandi tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-appellanti jispeċifikaw li, jekk huma ma jistgħux jitqiesu li huma kkonċernati individwalment mid-deċiżjoni kkontestata, huma jistgħu xorta waħda jitolbu l-annullament tagħha peress li din tikkostitwixxi att regolatorju li jikkonċernahom direttament u li ma jinvolvix miżuri ta’ implementazzjoni. |
A – Applikabbiltà tal-aħħar parti tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE
|
21. |
Fl-eżami tagħha tal-ammissibbiltà tar-rikors, il-Qorti Ġenerali llimitat ruħha li tikkonstata li l-appellanti ma kinux id-destinatarji tad-deċiżjoni kkontestata u ma kinux ikkonċernati individwalment minnha. |
|
22. |
Nirrileva li l-Qorti Ġenerali ma vverifikatx jekk id-deċiżjoni kontenzjuża kinitx att regolatorju li kien jikkonċerna direttament lill-appellanti u li ma kienx jinvolvi miżuri ta’ implementazzjoni. Fi kliem ieħor, il-Qorti Ġenerali naqset milli twettaq analiżi tal-aħħar parti tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, inkwantu dan iżid rimedju ġdid. |
|
23. |
Għalkemm huwa minnu li l-appellanti stess ma kinux qajmu l-kwistjoni quddiem il-Qorti Ġenerali (lanqas fir-rikors ta’ appell tagħhom), din taffettwa l-ammissibbiltà ta’ rikors ippreżentat abbażi tal-Artikolu 263 TFUE u hija kwistjoni ta’ ordni pubbliku. F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja trid teżaminaha ex officio ( 3 ), u l-partijiet ġew mistiedna jesprimu ruħhom dwar dan il-punt waqt is-seduta li nżammet fis-17 ta’ April 2013. |
1. It-tielet rimedju mogħti mill-aħħar parti tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE
|
24. |
Ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE jipprovdi li “[k]walunkwe persuna fiżika jew ġuridika tista’, taħt il-kondizzjonijiet previsti fl-ewwel u t-tieni subparagrafi, tressaq appell kontra att indirizzat lilha jew li jirrigwardha direttament u individwalment, kif ukoll kontra att regolatorju li jirrigwardha direttament u li ma jinvolvix miżuri ta’ implimentazzjoni” ( 4 ). |
|
25. |
Għalhekk issa individwu jista’ jressaq rikors għal annullament mingħajr ma jkollu jipprova li huwa affettwat individwalment, iżda bil-kundizzjoni li l-att inkwistjoni jkun att regolatorju li jikkonċernah direttament u li ma jinvolvix miżuri ta’ implementazzjoni. |
a) Att regolatorju
|
26. |
Skont id-digriet tal-Qorti Ġenerali tas-6 ta’ Settembru 2011, Inuit Tapiriit Kanatami et vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill (T-18/10, Ġabra p. II-5599), mhux kwalunkwe att ta’ portata ġenerali jista’ jiġi kklassifikat bħala “att regolatorju” fis-sens tal-Artikolu 263 TFUE. L-atti leġiżlattivi ma jistgħux jiġu kklassifikati b’dan il-mod. |
|
27. |
Il-Qorti Ġenerali telqet minn din il-premessa, u peress li t-Trattat ta’ Lisbona, fl-Artikolu 289(3) TFUE, uża kriterju purament proċedurali biex jiddefinixxi l-atti leġiżlattivi ( 5 ), illimitat l-atti regolatorji biss għal atti ta’ portata ġenerali li ma humiex adottati permezz ta’ proċedura leġiżlattiva. |
|
28. |
L-imsemmi digriet tal-Qorti Ġenerali ġie appellat ( 6 ). Għalkemm il-Qorti tal-Ġustizzja għadha ma ppronunzjatx ruħha, fil-konklużjonijiet tagħha, l-Avukat Ġenerali Kokott tikkonferma l-interpretazzjoni tal-Qorti Ġenerali ( 7 ). |
|
29. |
Għalkemm nista’ naqbel ma’ bosta argumenti ta’ natura storika jew ta’ natura testwali mressqa mill-Avukat Ġenerali Kokott, ma naħsibx li mill-użu tal-kliem “atti leġislattivi” fl-ewwel paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE wieħed jista’ jiddeduċi, fir-rigward ta’ atti ta’ portata ġenerali, sinjifikat kuntrarju għall-espressjoni “att regolatorju” li tinsab fir-raba’ paragrafu ta’ dan l-artikolu. Fil-fatt, l-oppost ta’ att leġiżlattiv ma huwiex neċessarjament att regolatorju iżda huwa x’aktarx l-att ta’ implementazzjoni, liema terminu jintuża espressament fl-Artikolu 291 TFUE ( 8 ). |
|
30. |
Barra minn hekk, biex jikklassifika l-atti li ma humiex leġiżlattivi, it-Trattat FUE ma jużax il-kelma “regolatorju”, iżda, fl-Artikolu 297(2) TFUE, jitkellem dwar “atti mhux leġislattivi”. |
|
31. |
Fi kwalunkwe każ, din l-interpretazzjoni mhux biss ma hijiex sostnuna b’mod unanimu fid-duttrina, iżda ma jidhirlix li twieġeb għall-preokkupazzjonijiet li wasslu biex l-Artikolu 230 KE jiġi emendat. Bla ebda dubju, l-iktar paradoss simboliku f’dan ir-rigward jinsab fil-fatt li, jekk tiġi segwita l-interpretazzjoni restrittiva proposta mill-Qorti Ġenerali, il-kawża Unión de Pequeños Agricultores vs Il‑Kunsill ( 9 ) terġa’ twassal għall-inammissibbiltà tal-appell, minkejja li din ipprovokat ir-riforma. |
|
32. |
Barra minn hekk, wieħed ma jistax jemmen, bħalma jaħsbu ċerti awturi favorevoli għall-interpretazzjoni restrittiva, li d-domanda preliminari dejjem tikkostitwixxi mekkaniżmu suffiċjenti biex tiġi żgurata protezzjoni ġudizzjarja effettiva. Li kieku dan kien il-każ, ma kienx ikun hemm raġuni biex jiġi emendat l-Artikolu 230 KE, li l-problemi tiegħu ser jibqgħu jeżistu mid-definizzjoni tiegħu stess jekk wieħed jikkunsidra li l-atti leġiżlattivi huma esklużi mir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE. |
|
33. |
Madankollu, xi wħud isostnu li l-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE għamel tajjeb għal-lakuni eżistenti. Dan ma huwiex il-każ. Fil-fatt, dan l-artikolu ma huwa xejn ħlief ir-rikonoxximent formali ta’ prinċipju stabbilit, fl-istess termini, mill-Qorti tal-Ġustizzja stess fis-sentenza tagħha Unión de Pequeños Agricultores vs Il‑Kunsill, iċċitata iktar ’il fuq ( 10 ). Għalhekk, it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE ma żied xejn mal-liġi eżistenti. Mill-ġdid, li kieku dan kien il-każ, l-emenda għal dak li kien l-Artikolu 230 KE kienet tkun inutli. |
|
34. |
Finalment, fil-fehma tiegħi, id-dmir ta’ kooperazzjoni leali ma jistax ikun ta’ tali livell li jimponi fuq l-Istati Membri li joħolqu aċċess għall-qrati nazzjonali meta ma jkunx hemm att statali involut. Barra minn hekk, huwa sorprendenti li wieħed jara li, fost dawk li jinvokaw it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE sabiex jimponu fuq l-Istati l-obbligu li jiżguraw il-protezzjoni ġudizzjarja effettiva tal-individwi, xi wħud ma jeżitawx li jirrilevaw, min-naħa l-oħra, l-assenza ta’ rimedji nazzjonali kontra l-atti leġiżlattivi statali fil-maġġoranza tal-Istati Membri sabiex jiġġustifikaw assenza simili fuq livell tal-Unjoni. Ma huwiex paradossali li titqies ħaġa normali li t-Trattat ma jawtorizzax lill-individwi li jieħdu azzjoni legali kontra l-atti leġiżlattivi tal-Unjoni minħabba li l-maġġoranza tal-Istati ma jawtorizzawx li dan isir fil-konfront tal-liġijiet tagħhom stess, filwaqt li dawn l-Istess Stati jkunu mġiegħla li jagħmlu dan, anki jekk b’mod indirett, fir-rigward tal-atti tal-Unjoni? |
|
35. |
Barra minn hekk, ma jidhirlix li huwa raġonevoli li jiġi kkunsidrat li l-protezzjoni ġudizzjarja ssir effettiva għaliex ikun teoretikament possibbli għal individwu li jistaqsi lill-amministrazzjoni nazzjonali tiegħu dwar l-applikabbiltà ta’ att leġiżlattiv tal-Unjoni għas-sitwazzjoni personali tiegħu, u dan bit-tama li jingħata risposta li jkun jista’ jikkontesta quddiem qorti li, min-naħa tagħha, tkun tista’ tiskatta l-proċedura għal deċiżjoni preliminari. Kif jista’ wieħed ma jiddubitax l-effettività reali ta’ tali kostruzzjonijiet teoretiċi bbażati fuq l-eżistenza ta’ att li jkun jeżisti biss sabiex ikun jista’ jiġi kkontestat u għalhekk jidher li huwa purament artifiċjali? Barra minn hekk, x’jiġri jekk l-awtorità nazzjonali tonqos milli tirrispondi? |
|
36. |
Infakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li protezzjoni ġudizzjarja effettiva ma kinitx garantita meta individwu ma kellu l-ebda għażla oħra ħlief li jikser il-liġi sabiex iwassal lill-awtorità nazzjonali kompetenti sabiex tadotta att ta’ implementazzjoni li jwasslu biex ikollu jiddefendi ruħu quddiem qorti li tkun tista’ tagħmel domanda preliminari ( 11 ). Liema raġunijiet jiġġustifikaw li jiġri mod ieħor meta, bħala regola, l-awtorità nazzjonali ma jkollha tadotta l-ebda att? |
|
37. |
Għalhekk, jidhirli li l-interpretazzjoni tal-aħħar parti tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE li teskludi l-atti leġiżlattivi hija restrittiva wisq u ma tistax tissodisfa r-raġunijiet li mmotivaw l-emenda għar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 230 KE. |
|
38. |
Għaldaqstant din il-konstatazzjoni twassalni biex nippreferi interpretazzjoni oħra ta’ att regolatorju fis-sens tal-aħħar parti tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE. Fil-fehma tiegħi, l-att regolatorju għandu jiġi interpretat bħala att ta’ portata ġenerali, kemm jekk ikun leġiżlattiv kemm jekk le. |
b) Li jikkonċerna direttament lir-rikorrent
|
39. |
Għalkemm tneħħiet il-kundizzjoni li wieħed ikun ikkonċernat individwalment fit-tielet possibbiltà ta’ rikors għal annullament, inżammet dik marbuta mal-interess dirett. Il-portata tagħha ftit li xejn tidher li tqajjem diffikultà: il-kunċett ta’ interess dirett huwa identiku fit-tieni u t-tielet ipoteżijiet previsti fir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE ( 12 ). |
|
40. |
Għalhekk dan ifisser, skont il-ġurisprudenza stabbilita relattiva għar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, li persuna fiżika jew persuna ġuridika tkun ikkonċernata direttament minn att tal-Unjoni jekk dan jipproduċi “direttament effetti fuq is-sitwazzjoni legali ta’ l-individwu u ma [j]ħalli ebda setgħa diskrezzjonali lid-destinatarji tagħha li għandhom jimplementawha, peress li din hija ta’ natura purament awtomatika u tirriżulta biss mil-leġiżlazzjoni Komunitarja, mingħajr applikazzjoni ta’ regoli intermedjarji oħra” ( 13 ). |
|
41. |
F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja kellha wkoll l-opportunità li tispeċifika li l-assenza ta’ marġni ta’ diskrezzjoni tal-Istati Membri telimina l-assenza apparenti ta’ rabta diretta bejn att tal-Unjoni u l-individwu. Fi kliem ieħor, sabiex jimpedixxi l-interess dirett, il-marġni ta’ diskrezzjoni tal-awtur tal-att intermedjarju intiż li jimplementa l-att tal-Unjoni ma jistax ikun purament formali. Dan irid ikun is-sors tal-interess ġuridiku tar-rikorrent ( 14 ). |
c) Li ma jinvolvix miżuri ta’ implementazzjoni
|
42. |
Għalhekk għad trid tiġi determinata l-portata tal-aħħar frażi tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, jiġifieri l-assenza ta’ miżuri ta’ implementazzjoni. Din hija t-tielet kundizzjoni jew sempliċi spjegazzjoni tal-interess dirett? |
|
43. |
Sal-ġurnata tal-lum il-Qorti tal-Ġustizzja għadha ma kellhiex l-opportunità li tippronunzja ruħha. Min-naħa tagħha, il-Qorti Ġenerali kkunsidrat li deċiżjoni tal-Kummissjoni li tiddikjara għajnuna illegali u li tordna l-irkupru tagħha “ma tistax tiġi kklassifikata bħala att li ma jinvolvix miżuri ta’ implementazzjoni [peress li] l-Artikolu 6(2) tad-deċiżjoni kkontestata jsemmi l-eżistenza ta’ ‘miżuri nazzjonali meħuda sabiex tiġi implimentata sakemm l-irkupru tal-għajnuna mogħtija taħt l-iskema [kkontestata] ikun lest”. L-eżistenza stess ta’ dawn il-miżuri ta’ rkupru, li jikkostitwixxu miżuri ta’ implementazzjoni, tiġġustifika li d-deċiżjoni kkontestata tkun ikkunsidrata bħala att li jinvolvi miżuri ta’ implementazzjoni. Fil-fatt, dawn il-miżuri jistgħu jiġu kkontestati quddiem il-qorti nazzjonali mid-destinatarji tagħhom.” ( 15 ) |
|
44. |
Għalhekk, f’din il-kawża, il-Qorti Ġenerali ċaħħdet lill-kumpannija rikorrenti mid-dritt li tieħu azzjoni legali għall-annullament abbażi tat-tkabbir previst fit-Trattat ta’ Lisbona peress li, skont il-Qorti Ġenerali, bilfors kien ser ikun hemm miżuri ta’ implementazzjoni nazzjonali. |
|
45. |
Nikkunsidra li din l-interpretazzjoni tnaqqas eċċessivament l-effetti taż-żieda magħmula mir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE ma’ dak li qabel kien l-Artikolu 230 KE, peress li huwa dejjem possibbli li tiġi immaġinata miżura ta’ implementazzjoni nazzjonali ta’ att regolatorju tal-Unjoni, bħal pubblikazzjoni, notifika, konferma jew nota ta’ tfakkir. Issa jekk wieħed isegwi l-interpretazzjoni tal-Qorti Ġenerali, dawn is-sempliċi formalitajiet, li jistgħu jkunu imprevedibbli jew fakultattivi, għandhom iwasslu biex titwarrab l-applikazzjoni ta’ dan l-artikolu. |
|
46. |
Barra minn hekk, jidhirli li tali interpretazzjoni hija kuntrarja għall-għan li dawk li abbozzaw it-Trattat kienu qed ifittxu li jilħqu. Kif fakkret l-Avukat Ġenerali Kokott fil-kawża Telefónica vs Il‑Kummissjoni, “[i]ż-żieda tal-kliem ‘ma jkunx jinvolvi miżuri ta’ implementazzjoni’, intiża sabiex tillimita l-estensjoni tad-dritt ta’ azzjoni tal-individwi biss għall-każijiet fejn l-individwu ‘għandu l-ewwel jisker id-dritt sabiex wara jkun jista’ jkollu aċċess quddiem qorti” ( 16 ). |
|
47. |
Jiena nerġa’ naqbel mal-opinjoni tal-Avukat Ġenerali Kokott li skontha “[i]l-kundizzjoni meħtieġa li ssemmi l-assenza ta’ miżuri ta’ implementazzjoni ta’ att regolatorju għandha tinftiehem fis-sens li l-att [...] jipproduci l-effetti tiegħu direttament fuq l-individwi mingħajr ma jirrikjedi miżuri ta’ implementazzjoni” ( 17 ). Issa din hija definizzjoni identika għal dik tal-interess dirett ( 18 ). |
|
48. |
Għalhekk jiena tal-fehma li t-termini “miżuri ta’ implimentazzjoni” użati fl-aħħar parti tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE għandhom jiġu esklużi mill-isfera nazzjonali sabiex jiġu limitati għad-dritt tal-Unjoni jew, minn tal-inqas, li għandhom jiġu esklużi minn dan il-kunċett il-miżuri adottati mill-awtoritajiet nazzjonali mingħajr setgħa diskrezzjonali. Fil-fatt, kif ġie spjegat qabel, l-assenza ta’ marġni ta’ diskrezzjoni tal-Istati Membri telimina l-assenza apparenti ta’ rabta diretta bejn att tal-Unjoni u l-individwu. |
|
49. |
Bħala konklużjoni, fil-fehma tiegħi, il-kundizzjoni marbuta mal-assenza ta’ miżuri ta’ implementazzjoni hija biss repetizzjoni tal-interess dirett ( 19 ). |
|
50. |
Jidhirli li din l-interpretazzjoni hija iktar u iktar rilevanti fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat peress li, skont ġurisprudenza stabbilita, it-tneħħija ta’ għajnuna illegali permezz ta’ rkupru hija l-konsegwenza loġika tal-konstatazzjoni tal-illegalità tagħha ( 20 ). L-uniku motiv ta’ difiża li jista’ jiġi invokat minn Stat Membru kontra rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu ppreżentat mill-Kummissjoni abbażi tal-Artikolu 108(2) TFUE huwa dak ibbażat fuq impossibbiltà assoluta li tiġi implementata korrettament id-deċiżjoni inkwistjoni ( 21 ). Għalhekk, sa ċertu punt, il-miżuri ta’ rkupru meħuda mill-Istat Membru huma biss l-aċċessorji neċessarji tad-deċiżjoni kkontestata. |
|
51. |
Barra minn hekk, l-interpretazzjoni proposta toffri l-vantaġġ li l-kawżi kollha dwar l-għajnuna mill-Istat ikunu jistgħu jiġu ċċentralizzati quddiem il-qrati tal-Unjoni Ewropea. Jidhirli li tali ċentralizzazzjoni hija ta’ benefiċċju għal żewġ raġunijiet. Minn naħa, bit-tneħħija tal-kwistjoni tal-interess individwali u bl-awtorizzazzjoni b’dan il-mod lill-benefiċjarji potenzjali ta’ għajnuna jew lill-kompetituri ta’ impriża li tibbenefika minn għajnuna li jikkontestaw id-deċiżjoni tal-Kummissjoni direttament quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, tiżdied iċ-ċertezza legali. Fil-fatt, din tneħħi l-inċertezza marbuta mal-ġurisprudenza TWD Textilwerke Deggendorf li kienet teżiġi li tiġi riżolta preċedentement il-kwistjoni tal-interess individwali taħt piena li titqajjem l-inammissibbiltà ta’ domanda preliminari sussegwenti ( 22 ). Min naħa l-oħra, din tneħħi l-ħtieġa li jinbdew proċeduri nazzjonali sabiex kwistjoni tkun tista’ tasal quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja permezz ta’ domanda preliminari. Fi kliem ieħor, hija tawtorizza proċedura iktar diretta, u għalhekk iktar effikaċi, iktar veloċi u iktar ekonomika. |
|
52. |
Jiena nistaqsi finalment, b’mod iktar ġenerali, dwar l-utilità li ssir distinzjoni bejn il-kundizzjoni tal-interess dirett u l-preċiżazzjoni dwar l-assenza ta’ miżuri ta’ implementazzjoni. Fil-fatt, kif jista’ wieħed jimmaġina li individwu jista’ jkun ikkonċernat direttament minn att tal-Unjoni jekk dan tal-aħħar ikun verament jeħtieġ miżura ta’ implementazzjoni, kemm jekk din tkun Ewropea kemm jekk nazzjonali, meta, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, sabiex individwu jkun ikkonċernat direttament, l-att tal-Unjoni jrid jipproduċi “direttament effetti fuq is-sitwazzjoni legali ta’ l-individwu [...] [filwaqt li l-implementazzjoni tiegħu] [...] tirriżulta biss mil-leġiżlazzjoni Komunitarja, mingħajr applikazzjoni ta’ regoli intermedjarji oħra” ( 23 )? |
2. Applikazzjoni għal din il-kawża
|
53. |
Id-deċiżjoni kkontestata hija deċiżjoni tal-Kummissjoni li tiddikjara żewġ skemi ta’ għajnuna (skema ta’ għajnuna eżistenti u skema ta’ għajnuna ġdida) kompatibbli mal-Artikolu 106(2) TFUE u mas-suq komuni. |
|
54. |
Fil-parti tad-deċiżjoni kkontestata li hija s-suġġett tar-rikors, il-Kummissjoni eżaminat il-kompatibbiltà tal-għajnuna E 2/2005 relattiva għas-sistema ta’ finanzjament tal-wocos, kif emendata fid-dawl tal-impenji adottati mill-awtoritajiet Olandiżi. |
|
55. |
Għalhekk għandu jiġi determinat, minn naħa, jekk dan l-att, indirizzat mill-Kummissjoni lir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi huwiex att regolatorju u, min-naħa l-oħra, jekk dan jikkonċernax direttament lill-appellanti mingħajr miżuri ta’ implementazzjoni. |
a) Id-deċiżjoni kkontestata hija att regolatorju?
|
56. |
Għalkemm huwa ċert li d-deċiżjoni kkontestata ġiet adottata wara proċedura li ma hijiex leġiżlattiva, il-Kummissjoni tikkontesta l-portata ġenerali tal-att. Peress li dan ġie indirizzat esklużivament lir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi, jista’ jkollu biss portata individwali. |
|
57. |
Il-kwistjoni tal-portata ta’ deċiżjoni li tkun indirizzata lil Stat Membru ġiet eżaminata reċentement, b’mod dettaljat u rilevanti, mill-Avukat Ġenerali Kokott fil-kawża Telefónica vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq ( 24 ). |
|
58. |
Jiena naqbel mal-idea tagħha li deċiżjoni ta’ dan it-tip tikkostitwixxi ċirkustanza partikolari peress li l-Istati Membri jirrappreżentaw ukoll ordinament ġuridiku nazzjonali u d-deċiżjonijiet li jkunu indirizzati lilhom japplikaw għall-organi kollha tagħhom. L-Avukat Ġenerali Kokott speċifikat li “[a]nki jekk huma għandhom destinatarju wieħed biss, id-deċiżjonijiet indirizzati lil Stat Membru jistgħu għalhekk isawru l-ordni ġuridiku nazzjonali u jkollhom b’dan il-mod portata ġenerali” ( 25 ). |
|
59. |
Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja stess diġà rrikonoxxiet li, f’ċerti każijiet, deċiżjonijiet ta’ dan it-tip kellhom portata ġenerali ( 26 ), b’mod partikolari fil-qasam ta’ għajnuna mill-Istat. Skont ġurisprudenza stabbilita, imfakkra barra minn hekk mill-Qorti Ġenerali fid-digriet appellat, deċiżjoni tal-Kummissjoni li tipprojbixxi skema ta’ għajnuna fil-fatt titqies, għall-benefiċjarji potenzjali tal-iskema ta’ għajnuna, bħala miżura ta’ portata ġenerali li tapplika għal sitwazzjonijiet iddeterminati oġġettivament u li tipproduċi effetti legali fil-konfront ta’ kategorija ta’ persuni kkunsidrati b’mod ġenerali u astratt. Għalhekk, id-deċiżjoni tal-Kummissjoni għandha n-natura ta’ miżura ta’ “portata ġenerali” għall-benefiċjarji potenzjali ta’ skema ta’ għajnuna ( 27 ). Din hija preċiżament ir-raġuni għaliex, bħala regola, dawn il-benefiċjarji ma jistgħux jitqiesu li huma kkonċernati individwalment. Fil-każ preżenti, jiena nikkunsidra li l-istess raġunament jista’ jiġi applikat għal deċiżjoni meħuda mill-Kummissjoni abbażi tal-Artikolu 19(1) tar-Regolament Nru 659/1999, li permezz tagħha hija tieħu konjizzjoni tal-impenji meħuda mill-awtoritajiet nazzjonali u tiddikjara l-emendi magħmula għal skema ta’ għajnuna eżistenti, kompatibbli mas-suq komuni. |
|
60. |
Peress li skema ta’ għajnuna mibdula hija intiża li tapplika għal sitwazzjonijiet iddeterminati oġġettivament u tipproduċi effetti legali fil-konfront ta’ kategorija ta’ persuni kkunsidrati b’mod ġenerali u astratt, l-istess japplika għad-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tawtorizzaha. Kuntrarjament għall-opinjoni espressa mill-Kummissjoni, jiena ma narax, f’dan ir-rigward, għaliex għandha ssir distinzjoni bejn id-deċiżjonijiet li jawtorizzaw skema ta’ għajnuna u dawk li jipprojbixxuha. |
|
61. |
Għaldaqstant, kemm jekk wieħed isegwi l-interpretazzjoni wiesgħa jew restrittiva tal-kunċett ta’ att regolatorju, id-deċiżjoni kkontestata, bħala att ta’ portata ġenerali adottat skont proċedura li ma hijiex leġiżlattiva, tissodisfa l-ewwel kundizzjoni stabbilita fl-aħħar parti tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE. |
b) L-appellanti huma milquta direttament, mingħajr miżura ta’ implementazzjoni?
|
62. |
Fir-risposta tagħha għad-domanda bil-miktub, il-Kummissjoni tikkunsidra li hemm bżonn miżuri ta’ implementazzjoni biex jagħtu effett lid-deċiżjoni kkontestata. Hija tirreferi mhux biss għad-digriet ministerjali u għall-liġi msemmija fil-punt 41 tal-motivi tad-deċiżjoni kkontestata, iżda tirreferi wkoll għal regolament temporanju tat-3 ta’ Novembru 2010 fuq is-servizzi ta’ interess ekonomiku ġenerali pprovduti mill-kumpanniji ta’ akkomodazzjoni approvati (ippubblikat fin-Nederlandse Staatscourant Nru 17515 tat-8 ta’ Novembru 2010). |
|
63. |
Ma tistax tiġi miċħuda l-eżistenza ta’ miżuri ta’ implementazzjoni. Dawn huma inerenti għall-proċedura dwar l-iskemi ta’ għajnuna eżistenti, kif prevista fir-Regolament Nru 659/1999. Fil-fatt, l-Artikolu 19(1) jispeċifika espressament li meta Stat Membru jaċċetta l-miżuri proposti mill-Kummissjoni, huwa jinformaha b’dan. Din tal-aħħar għandha tieħu konjizzjoni tagħhom u l-Istat Membru jkun għalhekk “marbut bl-aċċettazzjoni tagħha [tiegħu] li jimplimenta l-miżuri xierqa”. |
|
64. |
Madankollu, kif spjegajt qabel, nikkunsidra li l-kundizzjoni marbuta mal-assenza ta’ miżuri ta’ implementazzjoni hija biss repetizzjoni tal-interess dirett u li, sabiex din il-kundizzjoni ma tkunx sodisfatta, il-marġni ta’ diskrezzjoni tal-awtorità li trid tieħu l-miżura ta’ implementazzjoni ma tistax tkun purament formali. |
|
65. |
Issa peress li d-deċiżjoni kkontestata hija bbażata fuq l-Artikolu 19(1) tar-Regolament Nru 659/1999, din ma tħalli l-ebda marġni ta’ diskrezzjoni lir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi. |
|
66. |
Jirriżulta fil-fatt minn dan l-artikolu li l-emendi li jagħmlu l-iskema kompatibbli mad-dritt tal-Unjoni ġew ipprovokati mill-Kummissjoni u ngħataw saħħa vinkolanti minn din tal-aħħar. |
|
67. |
Skont l-Artikolu 19(1) tar-Regolament Nru 659/1999 “[f]ejn l-Istat Membru kkonċernat jaċċetta l-miżuri proposti u jinforma lill-Kummisjsoni dwarhom, il-Kummissjoni għandha tirreġistra dik is-sejba u tinforma lill-Istat Membru dwarha. L-Istat Membru għandu jkun marbut bl-aċċettazzjoni tagħha [tiegħu] li jimplimenta l-miżuri xierqa”. |
|
68. |
Barra minn hekk, in-natura vinkolanti ta’ deċiżjoni bbażata fuq l-Artikolu 19(1) tar-Regolament Nru 659/1999 ġiet ikkonfermata mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tat-18 ta’ Ġunju 2001, Il-Ġermanja vs Il‑Kummissjoni (C-242/00, Ġabra p. I-5603). |
|
69. |
Fl-imsemmija kawża, il-Qorti tal-Ġustizzja fakkret li l-Kummissjoni setgħet, fl-eżerċizzju tal-kompetenzi li hija għandha skont l-Artikoli 87 KE u 88 KE [li saru l-Artikoli 107 TFUE u 108 TFUE], tadotta linji gwida bil-għan li jindikaw il-mod li bih hija kienet biħsiebha teżerċita is-setgħa diskrezzjonali tagħha, skont dawn l-istess artikoli, fir-rigward ta’ għajnuna ġdida jew fir-rigward ta’ skemi ta’ għajnuna eżistenti. Meta dawn il-linji gwida kienu bbażati fuq l-Artikolu 88(1) KE [li sar l-Artikolu 108(1) TFUE], dawn kienu jirrappreżentaw element ta’ kooperazzjoni regolari u perjodika li fil-kuntest tagħha l-Kummissjoni pproċediet, flimkien mal-Istati Membri, għall-eżami permanenti tal-iskemi ta’ għajnuna eżistenti u pproponitilhom il-miżuri xierqa meħtieġa mill-iżvilupp progressiv jew mill-funzjonament tas-suq komuni. Il-Qorti tal-Ġustizzja żiedet ukoll li “[s]a fejn dawn il-proposti ta’ miżuri xierqa jkunu aċċettati minn Stat Membru, dawn ikollhom effett vinkolanti fil-konfront ta’ dak l-Istat Membru [...]” ( 28 ) u kkonstatat li “il-leġiżlatur Komunitarju [kien] inkorpora, min-naħa tiegħu, il-prinċipji stabbiliti mill-ġurisprudenza [...] billi fir-Regolament [Nru 659/1999] daħħal [l-]Artikolu 19(1)” ( 29 ). |
|
70. |
Skont din id-dispożizzjoni, l-emendi li jagħmlu l-iskema kompatibbli mad-dritt tal-Unjoni jsiru vinkolanti biss meta jiġu aċċettati mill-Kummissjoni. Barra minn hekk, fil-punt 74 tal-motivi tad-deċiżjoni kkontestata, din tal-aħħar indikat espressament li hija “[kienet qed] taċċetta l-impenji meħuda mill-awtoritajiet Olandiżi” u li “[s]kont l-Artikolu 19 tar-Regolament Nru [659/1999], [hija kienet irreġistrat] l-impenji meħuda permezz ta’ din id-deċiżjoni u għalhekk [għamlet] l-implementazzjoni tal-miżuri xierqa vinkolanti”. L-affermazzjoni tinsab fid-dispożittiv tad-deċiżjoni (fil-punt 108 tagħha). |
|
71. |
Il-Kummissjoni sostniet ukoll li r-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi żamm marġni ta’ diskrezzjoni wara l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata sa fejn li dan dejjem seta’ jirrinunzja definittivament għall-iskema ta’ għajnuna inkwistjoni. Jiena ma naħsibx li dan huwa l-każ għaliex, fid-dawl tal-fatt li r-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi kien ippropona lill-Kummissjoni l-emendi li għalhekk saru vinkolanti permezz tad-deċiżjoni kkontestata, il-possibbiltà li dan jiddeċiedi li ma jżommx fis-seħħ l-iskema ta’ għajnuna kienet purament teoretika. Għall-kuntrarju, ma kien hemm ebda dubju dwar il-volontà tal-awtoritajiet Olandiżi li japplikaw id-deċiżjoni ( 30 ). |
|
72. |
Barra minn hekk, kuntrarjament għal dak li ssostni l-Kummissjoni, fir-risposta tagħhom għad-domandi bil-miktub, l-appellanti jindikaw li ma teżisti l-ebda miżura li huma jistgħu jikkontestaw quddiem qorti nazzjonali. Din l-affermazzjoni ġiet ripetuta b’mod kategoriku waqt is-seduta, jiġifieri li l-individwu ma għandu l-ebda rimedju fl-ordinament ġuridiku nazzjonali kontra att ta’ portata ġenerali ta’ natura vinkolanti, bħalma huwa l-Artikolu 4 tar-regolament temporanju tat-3 ta’ Novembru 2010 dwar is-servizzi ta’ interess ekonomiku ġenerali pprovduta mill-kumpanniji ta’ akkomodazzjoni approvati. |
|
73. |
Minbarra dan, l-obbligu li 90 % tal-akkomodazzjoni tingħata lil persuni li d-dħul tagħhom ma jaqbiżx ċertu ammont, li jinsab fl-Artikolu 4 tar-regolament nazzjonali msemmi iktar ’il fuq, ma jeħtieġ l-ebda deċiżjoni oħra. Għall-kuntrarju, huwa biss il-ksur ta’ din ir-regola li jista’ jagħti lok għal reazzjoni mill-awtorità, bħal pereżempju, ir-rifjut li tingħata l-għajnuna inkwistjoni. F’dan ir-rigward, ngħid li ma naqbilx mal-affermazzjoni tal-Kummissjoni li bilfors irid ikun hemm riskju ta’ proċeduri kriminali biex wieħed jaqa’ fl-ambitu tal-ġurisprudenza Unibet, iċċitata iktar ’il fuq. Tkun xi tkun is-sanzjoni mġarrba, tali approċċ bl-ebda mod ma jissodisfa r-rekwiżit ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva. |
|
74. |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, jidhirli li ċ-ċaħda tad-dritt li jintalab l-annullament tad-deċiżjoni kkontestata tagħti lok għal assenza ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva għall-appellanti. |
|
75. |
Għaldaqstant nikkunsidra li d-deċiżjoni kkontestata tikkonċerna direttament lill-appellanti u ma tinvolvix miżuri ta’ implementazzjoni fis-sens tal-aħħar parti tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, peress li din tipproduċi effetti direttament fuq is-sitwazzjoni legali tal-appellanti u ma tħalli l-ebda setgħa diskrezzjonali lid-destinatarju inkarigat li jimplementaha, jiġifieri lir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi. |
|
76. |
Għalhekk jidhirli li jinsabu sodisfatti l-kundizzjonijiet stabbiliti mill-aħħar parti tal-imsemmi raba’ paragrafu u għaldaqstant il-Qorti Ġenerali imissha laqgħet ir-rikors tal-appellanti b’applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni. Fil-fehma tiegħi, meta ddikjaratu inammissibbli, din għamlet żball ta’ liġi. |
B – Fuq l-ewwel u t-tieni aggravji, ibbażati fuq il-ħtieġa li wieħed ikun ikkonċernat individwalment mill-att ikkontestat
|
77. |
Kieku l-Qorti tal-Ġustizzja kellha tikkunsidra li l-kundizzjonijiet tal-aħħar parti tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE ma kinux sodisfatti, ikun hemm lok, għalhekk, li jiġu eżaminati l-aggravji mqajma mill-appellanti kontra d-deċiżjoni kkontestata sa fejn din tirrigwarda l-għajnuna E 2/2005. |
|
78. |
Iż-żewġ aggravji jirrigwardaw l-applikazzjoni għall-każ preżenti, mill-Qorti Ġenerali, tal-kundizzjoni li wieħed irid ikun “ikkonċernat individwalment” mid-deċiżjoni kkontestata. Jiena ser neżaminahom flimkien. |
1. Kunċett
|
79. |
Fil-kuntest ta’ rikors għal annullament, il-kundizzjoni tal-interess individwali hija, bla ebda dubju, waħda mill-iktar kunċetti diffiċli biex wieħed jifhem. Wara s-sentenza Plaumann vs Il‑Kummissjoni, ġurisprudenza stabbilita tirrepeti li “persuni li ma humiex id-destinatarji ta’ deċiżjoni jistgħu jallegaw li huma kkonċernati individwalment fil-każ biss li din id-deċiżjoni tolqothom minħabba ċerti kwalitajiet li huma partikolari għalihom jew minħabba sitwazzjoni ta’ fatt li tikkaratterizzahom fil-konfront ta’ kull persuna oħra u, għalhekk, tindividwalizzahom b’mod analogu għall-mod kif huwa individwalizzat id-destinatarju” ( 31 ). |
|
80. |
Madankollu, ġiet imnaqqsa l-portata tal-prinċipju. Għaldaqstant, il-fatt li minħabba n-natura u l-portata tagħha, dispożizzjoni jkollha natura ġenerali sa fejn tapplika għall-operaturi ekonomiċi interessati kollha ma jeskludix, madankollu, li din tista’ tikkonċerna individwalment lil xi wħud minnhom. Dan ikun il-każ “meta deċiżjoni tolqot grupp ta’ persuni li kienu identifikati jew setgħu jiġu identifikati fil-mument meta ttieħed dan l-att u abbażi ta’ kriterji partikolari għall-membri ta’ dan il-grupp [...]. [Fil-fatt,] dawn il-persuni jistgħu jkunu kkonċernati individwalment minn dan l-att minħabba li jagħmlu parti minn grupp limitat ta’ operaturi ekonomiċi” ( 32 ). Għall-Qorti tal-Ġustizzja, “dan jista’ jsir, b’mod partikolari, meta d-deċiżjoni tbiddel id-drittijiet miksuba mill-individwu qabel l-adozzjoni tagħha” ( 33 ). |
|
81. |
Bil-maqlub, dan ma jkunx il-każ “meta jkun paċifiku li [l-applikazzjoni ta’ miżura fil-konfront ta’ individwi li n-numru jew l-identità tagħhom jistgħu jiġu determinati ftit jew wisq bi preċiżjoni] ssir skont sitwazzjoni oġġettiva ta’ dritt jew ta’ fatt iddefinita mill-att inkwistjoni” ( 34 ). |
2. Evalwazzjoni
|
82. |
Għalhekk jirriżulta minn din il-ġurisprudenza li l-individwalizzazzjoni fis-sens tal-Artikolu 263 TFUE tiddependi mill-aspett personalizzabbli, jew għall-kuntrarju oġġettiv, tal-kriterju li jippermetti li jiġu ddeterminati l-membri tal-grupp. |
|
83. |
Fid-digriet ikkontestat, il-Qorti Ġenerali kkunsidrat li l-appellanti ma kinux ikkonċernati individwalment minħabba li l-kwalità ta’ wocos kienet tingħata skont kriterji oġġettivi li setgħu jiġu sodisfatti minn numru indeterminat ta’ operaturi bħala benefiċjarji potenzjali tal-għajnuna E 2/2005 prevista fid-deċiżjoni kkontestata. |
|
84. |
Il-Qorti Ġenerali ġustament tirrileva, fil-punt 29 tad-digriet appellat, li “l-attribuzzjoni tal-kwalità ta’ wocos tissodisfa kriterji oġġettivi. Fil-fatt, [...] il-kwalità ta’ wocos tingħata permezz ta’ sistema ta’ approvazzjoni prevista fl-Artikolu 70(1) tal-liġi dwar l-akkomodazzjoni tal-1901 (Woningwet). Din l-approvazzjoni tingħata permezz ta’ digriet irjali lill-istituzzjonijiet li jissodisfaw ċerti kundizzjonijiet oġġettivi: li jkollhom il-forma ġuridika ta’ assoċjazzjoni jew ta’ fondazzjoni, li ma jkollhomx skop ta’ lukru, li jkollhom bħala għan waħdieni attività fil-qasam tal-akkomodazzjoni soċjali u li jużaw l-assi tagħhom fl-interess tal-akkomodazzjoni soċjali. Għalhekk il-wocos jikkostitwixxu kategorija ta’ persuni kkunsidrati b’mod ġenerali u astratt”. |
|
85. |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Qorti Ġenerali kienet legalment korretta li tikkunsidra li l-appellanti kienu kkonċernati mid-deċiżjoni kkontestata, sa fejn din tirrigwarda l-għajnuna E 2/2005, bl-istess mod bħal kwalunkwe operatur ekonomiku ieħor li jinsab, attwalment jew potenzjalment, f’sitwazzjoni identika. |
|
86. |
Għalhekk nikkunsidra li l-ewwel aggravju mqajjem mill-appellanti huwa infondat. |
|
87. |
Min-naħa l-oħra, għandi iktar riżervi fir-rigward tal-evalwazzjoni tal-Qorti Ġenerali relattiva għall-(in)eżistenza ta’ ċirku magħluq ta’ istituzzjonijiet li n-numru tagħhom huwa identifikat jew identifikabbli. Dawn il-kunsiderazzjonijiet huma s-suġġett tat-tieni aggravju. |
|
88. |
Skont il-Qorti Ġenerali, il-ġurisprudenza invokata mill- appellanti ma setgħetx tiġi applikata għal dan il-każ peress li fis-sentenzi Il-Belġju u Forum 187 vs Il‑Kummissjoni u Piraiki-Patraiki et vs Il‑Kummissjoni, iċċitati iktar ’il fuq, ir-rikorrenti kienu jiffurmaw parti minn grupp li ma setax jikber iktar wara l-adozzjoni tad-deċiżjonijiet inkwistjoni. |
|
89. |
Kif fakkart qabel ( 35 ), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li grupp ta’ persuni seta’ jkun ikkonċernat individwalment minn att meta dawn tal-aħħar kienu “identifikati jew setgħu jiġu identifikati fil-mument meta ttieħed dan l-att u abbażi ta’ kriterji partikolari għall-membri ta’ dan il-grupp [...]” ( 36 ). |
|
90. |
Kienet din il-ġurisprudenza li ġiet applikata fis-sentenzi Piraiki-Patraiki et vs Il‑Kummissjoni u Il-Belġju u Forum 187 vs Il‑Kummissjoni, iċċitati iktar ’il fuq ( 37 ). F’din l-aħħar kawża, il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li Forum 187 kellha locus standi għaliex kienet tirrappreżenta ċentri ta’ koordinazzjoni kkonċernati individwalment mill-att ikkontestat. L-att inkwistjoni kien deċiżjoni tal-Kummissjoni li kklassifikat skema fiskali Belġjana bħala għajnuna mill-Istat eżistenti, inkompatibbli mad-dritt tal-Unjoni. Skont il-Qorti tal-Ġustizzja, dan l-att kellu l-effett li jillimita ż-żmien tal-awtorizzazzjoni taċ-ċentri ta’ koordinazzjoni, li kien iġġedded matul is-snin 2001 u 2002. Dawn it-tletin ċentru kienu perfettament identifikabbli fil-mument meta ttieħdet id-deċiżjoni kkontestata. Barra minn hekk, id-deċiżjoni kkontestata ma kinitx ipprevediet miżuri tranżitorji favur ċentri ta’ koordinazzjoni li l-awtorizzazzjoni tagħhom skadiet simultanjament man-notifika ta’ din id-deċiżjoni u li l-applikazzjoni għal awtorizzazzjoni tagħhom kienet pendenti f’din id-data. Għall-Qorti tal-Ġustizzja dawn it-tmien ċentri l-oħra kienu jikkostitwixxu ċirku magħluq partikolarment affettwat mid-deċiżjoni peress li dawn ma setgħux iktar jiksbu tiġdid tal-awtorizzazzjoni ( 38 ). |
|
91. |
Bħal fil-kawża preżenti, din kienet tirrigwarda deċiżjoni tal-Kummissjoni dwar għajnuna mill-Istat eżistenti. Huwa minnu li din imponiet emenda għall-iskema għall-futur mingħajr ma ordnat ħlas lura, filwaqt li d-deċiżjoni kkontestata tikkunsidra l-iskema, kif emendata, konformi mad-dritt tal-Unjoni. Madankollu, ma jidhirlix li din id-differenza fattwali hija determinanti fl-evalwazzjoni tal-ammissibbiltà tar-rikors. |
|
92. |
Fil-fatt, sabiex tikkunsidra r-rikors ippreżentat minn Forum 187 ammissibbli, il-Qorti tal-Ġustizzja ħadet inkunsiderazzjoni, minn naħa, iċ-ċentri ta’ koordinazzjoni li l-awtorizzazzjoni tagħhom kienet ġiet imġedda fl-2001 jew fl-2002 u, min-naħa l-oħra, dawk li l-applikazzjoni tagħhom kienet pendenti meta ġiet innotifikata d-deċiżjoni tal-Kummissjoni. |
|
93. |
Għalkemm jidhru li huma oġġettivi, dawn il-kriterji ġew ikkunsidrati mill-Qorti tal-Ġustizzja bħala personalizzabbli, jiġifieri, skont l-espressjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja “speċifiċi għall-membri tal-grupp ikkonċernat”. Fi kwalunkwe każ, dawn ma humiex fundamentalment differenti minn dawk li jaffettwaw lill-appellanti fil-kawża preżenti. Fil-fatt, fil-mument tal-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, 410 wocos kienu ġew identifikati fid-digriet irjali. Id-deċiżjoni kkontestata, li permezz tagħha l-Kummissjoni tapprova l-proposti għal emenda magħmula mir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi, timplika neċessarjament li l-wocos inkwistjoni, u dawn biss, mhux bilfors ser jibqgħu jibbenefikaw mill-istess vantaġġi bħal dawk miksuba taħt l-iskema l-antika u li kienu ser jispiċċaw (bħat-tneħħija tal-garanzija tas-self). Għalhekk ma jidhirlix li l-fatt li wocos oħra jistgħu jiġu approvati wara l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata għandu effett sinjifikattiv. Kif tfakkar qabel, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà aċċettat li operatur ekonomiku affettwat minn “deċiżjoni [li] tbdiddel id-drittijiet miksuba qabel l-adozzjoni tagħha”, jitqies li jifforma parti minn ċirku ristrett ( 39 ). |
|
94. |
Għaldaqstant nikkunsidra t-tieni aggravju fondat, peress li l-Qorti Ġenerali għamlet żball ta’ liġi meta kkunsidrat li l-appellanti ma kinux jiffurmaw parti minn ċirku magħluq ta’ istituzzjonijiet identifikabbli meta d-deċiżjoni kkontestata ġiet adottata. Għall-kuntrarju, jidhirli li dawn tal-aħħar huma kkonċernati direttament ( 40 ) u individwalment mid-deċiżjoni kkontestata. |
|
95. |
Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tiddikjara ammissibbli r-rikors tal-appellanti u, għalhekk, tannulla d-digriet appellat. Barra minn hekk, nistieden lill-Qorti tal-Ġustizzja li tirrinvija l-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali sabiex din tiddeċiedi fuq il-fondatezza tar-rikors u li tirriżerva l-ispejjeż. |
C – Fuq l-interess ġuridiku tal-appellanti
|
96. |
L-interess ġuridiku jikkorrispondi għall-interess li jinkiseb l-annullament tal-att adottat. Minnu innifsu, dan l-annullament irid ikun jista’ jkollu konsegwenzi ġuridiċi għar-rikorrent ( 41 ), jiġifieri, b’mod iktar preċiż, li jkun jista’ jipprovdilu benefiċċju ( 42 ). |
|
97. |
Fid-digriet appellat, il-Qorti Ġenerali ma eżaminatx din il-kundizzjoni. Madankollu, l-interess ġuridiku huwa kundizzjoni essenzjali u ewlenija ta’ kwalunkwe azzjoni ġudizzjarja ( 43 ). L-assenza tiegħu tikkostitwixxi eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà ta’ ordni pubbliku li tista’ titqajjem ex officio mill-Qorti tal-Ġustizzja ( 44 ). Għalhekk, jekk il-Qorti tal-Ġustizzja taqbel mal-konklużjonijiet tiegħi dwar il-kawżi l-oħra possibbli ta’ inammissibbiltà, nikkunsidra li jkun meħtieġ li din il-kwistjoni tiġi eżaminata. Barra minn hekk, il-partijiet kienu ġew mistiedna jesprimu l-opinjoni tagħhom dwar dan is-suġġett waqt is-seduta li nżammet fis-17 ta’ April 2013. |
|
98. |
Fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kkunsidrat li għalkemm l-iskema Olandiża ta’ finanzjament tal-akkomodazzjoni soċjali ġiet emendata, din kienet għajnuna mill-Istat eżistenti. Wara li eżaminat il-portata tal-emendi li saru mill-Gvern Olandiż, din ikkonkludiet li “l-għajnuna mogħtija għall-attivitajiet ta’ akkomodazzjoni soċjali, jiġifieri marbuta mal-bini u mal-kiri ta’ bini residenzjali intiż għal individwi, inklużi l-kostruzzjoni u l-manutenzjoni ta’ infrastrutturi awżiljarji, [kienet] kompatibbli mal-Artikolu 106(2) TFUE” ( 45 ). |
|
99. |
Skont l-ittra mibgħuta fit-3 ta’ Diċembru 2009 mir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi lill-Kummissjoni, ir-regoli l-ġodda kellhom jiġu introdotti permezz ta’ digriet ministerjali u liġi ġdida fuq l-akkomodazzjoni, li daħlu fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 2010 u fl-1 ta’ Jannar 2011, rispettivament. Barra minn hekk, ir-regoli l-ġodda kienu japplikaw biss għall-attivitajiet fil-futur. |
|
100. |
Għalhekk, eżami preliminari tal-proċedura jista’ jagħti lil wieħed x’jaħseb li l-annullament tad-deċiżjoni kkontestata ma jagħti l-ebda benefiċċju lill-appellanti peress li dan ma jistax ikollu l-effett li jħassar it-testi l-ġodda ta’ liġi u digriet adottati mill-awtoritajiet Olandiżi. |
|
101. |
Kif irrilevajt qabel, jirriżulta madankollu mill-Artikolu 19(1) tar-Regolament Nru 659/1999 li l-emendi li jagħmlu l-iskema kompatibbli mad-dritt tal-Unjoni ġew instigati mill-Kummissjoni u saru vinkolanti minnha. F’dan ir-rigward, nirreferi għall-iżviluppi ddedikati għal din il-kwistjoni fl-eżami dwar l-assenza ta’ miżuri ta’ implementazzjoni fis-sens tal-aħħar parti tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE ( 46 ) u nfakkar biss li l-Kummissjoni indikat espressament fil-punt 74 tal-motivi tad-deċiżjoni kkontestata li, “[g]ħalhekk, il-Kummissjoni taċċetta l-impenji meħuda mill-awtoritajiet Olandiżi” u li, “[s]kond l-Artikolu 19 tar-Regolament [Nru 659/1999], il-Kummissjoni tirreġistra l-impenji permezz ta’ din id-deċiżjoni u b’hekk tagħmel vinkolanti l-implementazzjoni tal-miżuri xierqa”. |
|
102. |
Għalhekk nikkunsidra li, fil-kuntest tal-eżami limitat tal-interess ġuridiku, l-appellanti jistgħu jippretendu li jibbenefikaw mill-annullament tad-deċiżjoni kkontestata. Fil-fatt, naħseb li “[ma hemmx għalfejn] ikun hemm rekwiżiti eżaġerati sabiex jissussisti [l-]benefiċċju [li jirriżulta mill-annullament tal-att ikkontestat] meta l-kundizzjonijiet ristretti tat-tieni jew tat-tielet każ tar-raba’ paragrafu tal-artikolu 263 TFUE jkunu diġà ssodisfatti” ( 47 ). F’dan il-każ, jekk ikollha tiġi annullata d-deċiżjoni kkontestata, ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi jkun jista’ jerġa’ jikseb l-awtonomija fl-adozzjoni tal-miżuri li jridu jittieħdu sabiex l-iskema ssir kompatibbli mad-dritt tal-Unjoni. B’dan il-mod, l-annullament tad-deċiżjoni kkontestata tagħti lok għal benefiċċju għall-appellanti. F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-appellanti juru li għandhom interess ġuridiku li jitolbu l-annullament tad-deċiżjoni kkontestata sa fejn din tirrigwarda l-għajnuna E 2/2005. |
V – Sinteżi
|
103. |
Qabel kwalunkwe kwistjoni oħra, nikkunsidra li l-appellanti għandhom interess ġuridiku li jitolbu l-annullament. |
|
104. |
Sussegwentement nikkunsidra li l-Qorti Ġenerali għamlet żball ta’ liġi meta ma eżaminatx l-applikabbiltà tal-aħħar parti tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE għal dan il-każ. Għaldaqstant, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tilqa’ l-appell. |
|
105. |
F’dan ir-rigward, mill-ewwel paragrafu tal-Artikolu 61 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li, meta l-appell ikun fondat, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ jew tiddeċiedi definittivament il-kawża hija stess, meta din tkun fi stat li tiġi deċiża, jew tirrinvija l-kwistjoni quddiem il-Qorti Ġenerali sabiex tagħti deċiżjoni din tal-aħħar. |
|
106. |
F’dan il-każ, nikkunsidra li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha l-elementi meħtieġa biex tiddeċiedi definittivament dwar il-kwistjoni tal-ammissibbiltà |
|
107. |
F’dan ir-rigward, nirrileva li l-kundizzjonijiet stabbiliti biex jintalab l-annullament fuq din il-bażi, jiġifieri l-eżistenza ta’ att regolatorju li jikkonċerna direttament lir-rikorrenti u li ma jinvolvix miżuri ta’ implementazzjoni, jinsabu sodisfatti. |
|
108. |
Kieku l-Qorti tal-Ġustizzja kellha ma taqbilx mal-opinjoni tiegħi, allura naħseb li l-Qorti Ġenerali għamlet żball ta’ liġi fl-evalwazzjoni tal-kundizzjoni dwar l-interess individwali. Nikkunsidra li din tal-aħħar tinsab sodisfatta fir-rigward tal-appellanti. Għaldaqstant, ir-rikors tal-appellanti kien imissu ġie ddikjarat ammissibbli mill-Qorti Ġenerali u l-appell tagħhom għandu jintlaqa’, peress li t-tieni aggravju huwa fondat. |
|
109. |
Min-naħa l-oħra, naħseb li l-Qorti tal-Ġustizzja ma hijiex f’pożizzjoni li tiddeċiedi dwar il-mertu tar-rikors ippreżentat mill-appellanti peress li l-evalwazzjoni magħmula mill-Qorti Ġenerali tirrigwarda esklużivament l-ammissibbiltà tar-rikors, mingħajr ma teżamina l-mertu. |
|
110. |
Għaldaqstant il-kawża għandha tiġi rrinvijata quddiem il-Qorti Ġenerali sabiex din tiddeċiedi dwar it-talbiet tal-appellanti għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata inkwantu din tirrigwarda l-għajnuna E 2/2005. |
VI – Fuq l-ispejjeż
|
111. |
Peress li l-kawża ġiet irrinvijata quddiem il-Qorti Ġenerali, hemm lok li l-ispejjeż ta’ dawn il-proċeduri ta’ appell jiġu rriżervati. |
VII – Konklużjoni
|
112. |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi kif ġej:
|
( 1 ) Lingwa oriġinali: il-Franċiż.
( 2 ) Għal kawża fejn il-Qorti tal-Ġustizzja pproċediet b’dan il-mod, ara s-sentenza tat-13 ta’ Ottubru 2011, Deutsche Post u Il-Ġermanja vs Il‑Kummissjoni (C-463/10 P u C-475/10 P, Ġabra p. I-9639, punti 77 sa 82).
( 3 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tat-23 ta’ April 2009, Sahlstedt et vs Il‑Kummissjoni (C-362/06 P, Ġabra p. I-2903, punt 22).
( 4 ) Enfasi miżjuda minni.
( 5 ) Skont l-Artikolu 289(3) TFUE: “L-atti legali adottati bil-proċedura leġislattiva jikkostitwixxu atti leġislattivi”.
( 6 ) Kawża Inuit Tapiriit Kanatami et vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill (C‑583/11 P), pendenti quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja.
( 7 ) Konklużjonijiet ippreżentati mill-Avukat Ġenerali Kokott fis-17 ta’ Jannar 2013 fil-kuntest tal-appell mid-digriet Inuit Tapiriit Kanatami et vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill, iċċitat iktar ’il fuq.
( 8 ) Skont l-Artikolu 291(1) TFUE, “[l]-Istati Membri għandhom jadottaw il-miżuri kollha tad-dritt nazzjonali meħtieġa għall-implimentazzjoni ta’ l-atti ta’ l-Unjoni legalment vinkolanti”. Min-naħa tiegħu, l-Artikolu 291(2) TFUE jipprovdi li “[m]eta jkun hemm bżonn ta’ kondizzjonijiet uniformi għall-implimentazzjoni ta’ l-atti ta’ l- Unjoni legalment vinkolanti, dawn l-atti jistgħu jagħtu l-kompetenzi ta’ implimentazzjoni lill-Kummmissjoni jew, fil-każijiet speċifiċi [...] lill-Kunsill”. Fi kwalunkwe każ, l-Artikolu 291(4) TFUE jeżiġi li “[i]l-kelma ‘implimentazzjoni’ għandha tiddaħħal fl-atti ta’ l-implimentazzjoni”.
( 9 ) Sentenza tal-25 ta’ Lulju 2002 (C-50/00 P, Ġabra p. I-6677).
( 10 ) Fil-punt 41 tal-imsemmija sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja tispeċifika:
“Għaldaqstant, huma l-Istati Membri li għandhom jistabbilixxu sistema ta’ rimedji legali u proċeduri li jippermettu li jiġi assigurat ir-rispett tad-dritt għal protezzjoni ġurdika effettiva”.
( 11 ) Sentenza tat-13 ta’ Marzu 2007, Unibet (C-432/05, Ġabra p. I-2271, punt 64).
( 12 ) Din hija l-interpretazzjoni tal-Qorti Ġenerali. Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali, tal-25 ta’ Ottubru 2011, Microban International u Microban (Europe) vs Il‑Kummissjoni (T-262/10, Ġabra p. II-7697, punt 32). Din hija wkoll l-opinjoni sostnuta mill-Avukat Ġenerali Kokott fil-kawżi Inuit Tapiriit Kanatami et vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill, iċċitata iktar ’il fuq (punt 69) u Telefónica vs Il‑Kummissjoni (C‑274/12 P, punt 59), pendenti quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja. Fid-duttrina ara, fost l-oħrajn, A. Albors-Llorens, “Sealing the fate of private parties in annulment proceedings? The General Court and the new standing test in article 263(4) TFEU”, The Cambridge Law Journal, 2012, Vol. 71, p. 52 sa 55, u C. Werkmeister, St. Pötters, u J. Traut, “Regulatory Acts within Article 263(4) TFEU – A dissonant Extension of Locus Standi for Private Applicants”, Cambridge yearbook of European legal studies, Vol. 13, 2010-2011, p. 311 sa 332 speċjalment p. 329.
( 13 ) Sentenza tat-13 ta’ Marzu 2008, Il‑Kummissjoni vs Infront WM (C-125/06 P, Ġabra p. I-1451, punt 47).
( 14 ) Għal applikazzjoni tal-prinċipju, ara, pereżempju, is-sentenza tas-17 ta’ Settembru 2009, Il-Kummissjoni vs Koninklijke FrieslandCampina (C-519/07 P, Ġabra p. I-8495, punti 48 u 49).
( 15 ) Sentenza tal-Qorti Ġenerali, tat-8 ta’ Marzu 2012, Iberdrola vs Il‑Kummissjoni (T‑221/10, punt 46). Ara wkoll id-digriet tal-Qorti Ġenerali, tal-21 ta’ Marzu 2012, Telefónica vs Il-Kummissjoni (T-228/10, punt 42). Appell minn dan id-digriet jinsab attwalment pendenti (Kawża C‑274/12 P, iċċitata iktar ’il fuq).
( 16 ) C-274/12 P (punt 40).
( 17 ) Ibidem (punt 41).
( 18 ) Ara d-definizzjoni ta’ interess dirett mogħtija mill-Avukat Ġenerali Kokott fil-punt 59 tal-konklużjonijiet tagħha fil-kawża Telefónica vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq.
( 19 ) Ara d-definizzjoni ta’ interess dirett mogħtija fil-punt 40 ta’ dawn il-konklużjonijiet. Ara, f’dan is-sens, A. Creus “Commentaire des décisions du Tribunal dans les affaires T‑18/10-Inuit u T‑262/10-Microban”, Cahiers de droit européen, 2011, p. 659, speċjalment p. 677, kif ukoll S. Peers u M. Costa “Judicial review of EU Acts after the Treaty of Lisbon; Order of 6 September 2011, Case T‑18/10 Inuit Tapiriit Kanatami and Others v. Kummissjoni & Judgment of 25 October 2011, Case T‑262/10 Microban v. Commission”, European Constitutional Law Review, 2012, Vol. 8, p. 82 sa 104, speċjalment p. 96.
( 20 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal-14 ta’ April 2011, Il‑Kummissjoni vs Il-Polonja (C-331/09, Ġabra p. I-2933, punt 54).
( 21 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tat-22 ta’ Diċembru 2010, Il‑Kummissjoni vs L-Italja (C-304/09, Ġabra p. I-13903, punt 35).
( 22 ) Sentenza tad-9 ta’ Marzu 1994, (C-188/92, Ġabra p. I-833). Fil-punt 17 ta’ din is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li “ir-rekwiżiti ta’ ċertezza legali jwasslu biex tiġi eskluża l-possibbiltà, għall-benefiċjarju ta’ għajnuna li hija s-suġġett ta’ deċiżjoni tal-Kummissjoni adottata abbażi tal-Artikolu 93 tat-Trattat, li seta’ jikkontesta din id-deċiżjoni u li ħalla jiskadi t-terminu obbligatorju previst f’dan ir-rigward fit-tielet paragrafu tal-Artikolu 173 tat-Trattat, li jikkontesta l-legalità tagħha quddiem il-qrati nazzjonali permezz ta’ rikors dirett kontra l-miżuri ta’ implementazzjoni ta’ din id-deċiżjoni, meħuda mill-awtoritajiet nazzjonali” [traduzzjoni mhux uffiċjali].
( 23 ) Sentenza Il‑Kummissjoni vs Infront WM, iċċitata iktar ’il fuq (punt 47 u l-ġurisprudenza ċċitata).
( 24 ) Ibidem (punti 21 sa 29).
( 25 ) Ibidem (punt 25).
( 26 ) Ara s-sentenza tas-7 ta’ Ġunju 2007, Carp (C-80/06, Ġabra p. I-4473, punt 21), u d-digriet tat-8 ta’ April 2008, Saint-Gobain Glass Deutschland vs Il‑Kummissjoni (C-503/07 P, Ġabra p. I-2217, punt 71).
( 27 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tad-29 ta’ April 2004, L-Italja vs Il‑Kummissjoni (C-298/00 P, Ġabra p. I-4087, punt 37).
( 28 ) Sentenza Il-Ġermanja vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq (punt 28).
( 29 ) Ibidem (punt 29). Il-Qorti Ġenerali applikat reċentement din il-ġurisprudenza:
“[...] għandu jiġi miċħud l-approċċ sostnut, essenzjalment, mill-Kummissjoni u li jikkonsisti, abbażi tal-qari tal-Artikolu 19(1) b’mod iżolat u letterali, imsemmi hawn fuq, li jallega li hija ma tieħu l-ebda deċiżjoni f’każ ta’ proċedura ta’ eżami ta’ għajnuna eżistenti li twassal għall-aċċettazzjoni mill-Istat Membru tal-miżuri xierqa proposti [...]. Fir-rigward tal-effetti legali vinkolanti tad-deċiżjoni kkontestata [adottata mill-Kummissjoni abbażi tal-aħħar parti tal-Artikolu 19(1) tar-Regolament Nru 659/1999], huwa biżżejjed li jiġi rrilevat li, skont [dan l-artikolu], l-Istat Membru kkonċernat, li, matul il-pubblikazzjoni prevista fl-Artikolu 26(1) tar-Regolament Nru 659/1999, aċċetta neċessarjament il-miżuri xierqa, huwa ‘marbut [...] li jimplimenta’ dawn il-miżuri” (sentenza tal-11 ta’ Marzu 2009, TF1 vs Il-Kummissjoni, T-354/05, Ġabra p. II-471, punti 68 u 73 u l-ġurisprudenza ċċitata).
( 30 ) Għal evalwazzjoni simili tal-Qorti tal-Ġustizzja fir-rigward ta’ talba għal miżuri ta’ salvagwardja ppreżentata mir-Repubblika Franċiża (kwota fuq l-importazzjoni), ara s-sentenza tal-1 ta’ Jannar 1985, Piraiki-Patraiki et vs Il‑Kummissjoni (11/82, Ġabra p. 207, punt 9).
( 31 ) Sentenza tal-15 ta’ Lulju 1963, Plaumann vs Il‑Kummissjoni (25/62, Ġabra p. 197, 223). Iktar reċentement, ara s-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Il‑Kummissjoni vs Infront WM (punt 70) u Sahlstedt et vs Il‑Kummissjoni (punt 26).
( 32 ) Sentenza Sahlstedt et vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq (punt 30). Enfażi magħmula minni. Ara wkoll is-sentenza tat-22 ta’ Ġunju 2006, Il-Belġju u Forum 187 vs Il‑Kummissjoni (C-182/03 u C-217/03, Ġabra p. I-5479, punt 60). Fis-sentenza tat-18 ta’ Novembru 1975, CAM vs Il‑KEE (104/74, Ġabra p. 1393, punt 18), il-Qorti tal-Ġustizzja kienet iddeċidiet li l-att ikkontestat kien jirrigwarda “numru determinat ta’ operaturi identifikati minħabba aġir individwali” li kellhom jew li ġie kkunsidrat li kellhom (enfasi magħmula minni).
( 33 ) Sentenza Il‑Kummissjoni vs Infront WM, iċċitata iktar ’il fuq (punt 72 u l-ġurisprudenza ċċitata).
( 34 ) Ibidem (punt 31 u l-ġurisprudenza ċċitata). Enfasi magħmula minni.
( 35 ) Ara l-punt 80 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
( 36 ) Sentenza Sahlstedt et vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq (punt 30).
( 37 ) Ara l-punt 31 tas-sentenza Piraiki-Patraiki et vs Il‑Kummissjoni u l-punt 60 tas-sentenza Il-Belġju u Forum 187 vs Il‑Kummissjoni.
( 38 ) Ara s-sentenza Il-Belġju u Forum 187 vs Il‑Kummissjoni (punti 61 sa 63).
( 39 ) Sentenza Il‑Kummissjoni vs Infront WM, iċċitata iktar ’il fuq (punt 72 u l-ġurisprudenza ċċitata).
( 40 ) Ara l-iżviluppi msemmija iktar ’il fuq dwar l-interess dirett fil-kuntest tal-eżami tal-aħħar parti tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu l-ġdid 263 TFUE.
( 41 ) Sentenza tal-24 ta’ Ġunju 1986, AKZO Chemie u AKZO Chemie UK vs Il‑Kummissjoni (53/85, Ġabra p. 1965, punt 21).
( 42 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tat-28 ta’ Frar 2008, Neirinck vs Il‑Kummissjoni (C‑17/07 P, punt 45), u Deutsche Post u Il-Ġermanja vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq (punt 37).
( 43 ) Digriet tal-31 ta’ Lulju 1989, S. vs Il‑Kummissjoni (C-206/89 R, Ġabra p. 2841, punt 8).
( 44 ) Digriet tas-7 ta’ Ottubru 1987, d. M. vs Il‑Kunsill u Il‑Kumitat Ekonomiku u Soċjali (108/86, Ġabra p. 3933, punt 10).
( 45 ) Punt 72 tal-motivi tad-deċiżjoni kkontestata.
( 46 ) Ara l-punti 65 sa 70 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
( 47 ) Fuq dan is-suġġett, ara l-punt 86 tal-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Kokott fil-kawża Telefónica vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq.