KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI
SHARPSTON
ippreżentati fit-30 ta’ Mejju 2013 ( 1 )
Kawża C‑58/12 P
Groupe Gascogne SA
vs
Il-Kummissjoni Ewropea
“Appell — Kompetizzjoni — Kartell — Settur tal-boroż tal-plastik industrijali — Multi — Ksur tad-dritt fundamentali għal smigħ xieraq fi żmien raġonevoli mill-Qorti Ġenerali”
Prefazju
|
1. |
Fis-16 ta’ Novembru 2011, il-Qorti Ġenerali tat tliet sentenzi separati ( 2 ) fejn ċaħdet tliet rikorsi separati fejn intalab l-annullament tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni fil-Każ KOMP/38354-Boroż Industrijali ( 3 ). F’din id-deċiżjoni, il-Kummissjoni kkonkludiet li kien hemm ksur serju u kontinwu ta’ dak li dak iż-żmien kien l-Artikolu 81 KE (li sar l-Artikolu 101 TFEU); u imponiet multi qawwija fuq numru ta’ kumpanniji sussidjarji u l-kumpanniji parent rispettivi tagħhom. Dan huwa wieħed minn dawk l-appelli mill-Qorti Ġenerali ( 4 ). |
|
2. |
Minbarra li qajmu kwistjonijiet ġodda dwar id-dritt tal-kompetizzjoni, dawn l-appelli jinkludu lmenti li l-Qorti Ġenerali kisret l-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali (il-“Karta”) ( 5 ) peress li naqset li tiddeċiedi fi żmien raġonevoli. Għal din ir-raġuni, għalhekk huwa b’mod ċar id-dmir tal-Qorti tal-Ġustizzja li tipprova tittratta l-appelli malajr. Sabiex nakkomoda din il-ħtieġa filwaqt li nirrispetta l-bżonn li jkun hemm żmien xieraq għat-traduzzjoni, jien qsamt il-kwistjonijiet li qiegħed inkopri bejn it-tliet Konklużjonijiet bil-mod kif ġej. |
|
3. |
Id-dispożizzjonijiet leġiżlattivi prinċipali, flimkien ma’ deskrizzjoni tal-kartell, il-proċedura li wasslet għad-deċiżjoni tal-Kummissjoni u l-multi imposti, jinsabu fil-punti 6 sa 34 tal-Konklużjonijiet tiegħi f’Gascogne Sack Deutschland (“GSD”) ( 6 ). Peress li f’kull appell tqajmu punti kemxejn differenti dwar iċ-ċirkustanzi li fihom kumpanniji parent huma, jew ma humiex, responsabbli għall-azzjonijiet tal-kumpanniji sussidjarji li huma kompletament proprjetà tagħhom, din il-kwistjoni tiġi diskussa fit-tliet Konklużjonijiet kollha. L-analiżi tiegħi tal-kwistjonijiet li joħorġu mill-allegazzjoni li l-Qorti tal-Ġustizzja naqset milli tiddeċiedi fi żmien raġonevoli (b’mod partikolari, il-kriterji biex jiġi stabbilit jekk kienx hemm dewmien eċċessiv u r-rimedji possibbli li jistgħu jingħataw jekk dan kien seħħ) hija inkluża fil-punti 70 sa 150 ta’ dawn il-konklużjonijiet. Eżami tal-argumenti ddettaljati mressqa minn kull appellant fir-rigward ta’, pereżempju, il-adegwatezza tal-motivazzjoni fis-sentenzi tal-Qorti Ġenerali wieħed jista’ jsibu, evidentement, fil-konklużjonijiet rispettivi relattivi għal kull appell ( 7 ). |
Introduzzjoni
|
4. |
Fl-appell tiegħu, il-Groupe Gascogne jikkontesta l-interpretazzjoni tal-Qorti Ġenerali ta’ żewġ kunċetti tad-dritt tal-kompetizzjoni: il-kunċett ta’ impriża u l-prinċipju li kumpannija parent hija responsabbli għall-ksur li jsir minn sussidjarja li hija proprjetà tagħha 100 %. Groupe Gascogne jsostni li fejn xi multa dwar tali ksur tiġi imposta abbażi ta’ responsabbiltà in solidum, il-limitu massimu (il-“limitu ta’ 10 %”) ta’ din il-multa għandu jiġi kkalkolat skont l-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003 ( 8 ) billi jitqies id-dħul mill-bejgħ akkumulat tal-kumpannija sussidjarja u tal-kumpannija parent minflok id-dħul mill-bejgħ dinji tal-kumpanniji li jiffurmaw il-grupp kollu ( 9 ). |
Il-kuntest ġuridiku
Id-Direttiva dwar il-kontijiet konsolidati
|
5. |
Wieħed mill-għanijiet tad-Direttiva dwar il-kontijiet konsolidati ( 10 ) huwa li tiġi koordinata l-leġiżlazzjoni nazzjonali li tirregola l-kontijiet annwali ta’ ċerti tipi ta’ kumpanniji, b’mod partikolari l-gruppi ta’ kumpanniji li jinkludu impriża ( 11 ). Għan ieħor ta’ din il-miżura huwa li jiġi żgurat li l-informazzjoni finanzjarja li tikkonċerna dawn l-impriżi tkun disponibbli għall-azzjonisti u għal terzi persuni ( 12 ). L-impriżi suġġetti għall-obbligu li jippreparaw kontijiet konsolidati huma definiti fl-Artikolu 1(1) u (2). Dawn jinkludu kull impriża parent li:
|
|
6. |
L-Artikolu 16 tad-Direttiva dwar il-kontijiet konsolidati jipprovdi fost l-oħrajn: “1. Kontijiet konsolidati għandu jkun fihom il-karta konsolidata tal-bilanċi, il-kont konsolidat tal-qligħ u telf u n-noti tal-kontijiet. […] 3. Kontijiet konsolidati għandhom jagħtu stampa sewwa u xierqa ta’ l-attiv, il-passiv, il-pożizzjoni finanzjarja u l-qligħ jew telf ta’ l-impriżi inklużi fihom meħuda b’mod ġenerali.” |
Sommarju tas-sentenza appellata
|
7. |
Fl-ewwel istanza Groupe Gascogne ( 13 ) talab lill-Qorti Ġenerali biex:
|
|
8. |
Insostenn għat-talba tagħha għall-annullament tad-deċiżjoni Groupe Gascogne ressaq tliet aggravji. L-ewwel nett, Groupe Gascogne jissottometti li l-Kummissjoni kisret l-Artikolu 101 TFUE billi b’mod żbaljat attribwitilha responsabbiltà in solidum għal ksur li sar minn GSD. It-tieni nett, Groupe Gascogne jsostni li l-Kummissjoni wettqet żball ta’ liġi fid-deċiżjoni, għaliex interpretat ħażin il-kelma “impriża” fl-Artikolu 81 KE; b’riżultat ta’ dan kisret l-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003 billi imponiet multa fuq Groupe Gascogne li kienet ikkalkolata abbażi tad-dħul mill-bejgħ dinji ta’ Groupe Gascogne minflok id-dħul mill-bejgħ akkumulat tal-Groupe Gascogne (preżumibbilment billi jitqies id-dħul mill-bejgħ tal-kumpannija holding, Groupe Gascogne iżda mhux dak tas-sussidjarji tagħha) ta’ GSD. It-tielet nett, Groupe Gascogne jissottometti li l-multa imposta fuqu u GSD in solidum tikser il-prinċipju tal-proporzjonalità sa fejn il-Kummissjoni naqset milli tiżgura li kien hemm relazzjoni raġonevoli bejn il-multa imposta u d-dħul mill-bejgħ attwali miksub fis-settur tal-boroż tal-plastik. |
|
9. |
Matul is-seduta, Groupe Gascogne qajjem tliet punti fejn ġie allegat ksur tad-drittijiet fundamentali ggarantiti bil-Karta. L-ewwel, dan allega ksur tad-drittijiet tad-difiża u tal-preżunzjoni ta’ innoċenza ggarantiti bl-Artikolu 48 tal-Karta. It-tieni, dan issottometta li l-motivazzjoni fid-deċiżjoni ma kinitx adegwata u għalhekk xekklet kwalunkwe stħarriġ tal-legalità tagħha. It-tielet, invoka l-Artikoli 47 u 49 tal-Karta u sostna li l-Qorti Ġenerali għandha teżerċita l-ġurisdizzjoni sħiħa tagħha u timponi sanzjoni proporzjonata. |
|
10. |
Fil-punt 31 tas-sentenza appellata il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li l-ewwel punt, li jikkonċerna ksur tad-drittijiet ta’ difiża tal-Groupe Gascogne u l-preżunzjoni ta’ innoċenza, kien jinkludi elementi ġodda u għalhekk kien inammissibbli. |
|
11. |
Il-Qorti Ġenerali sussegwentement ċaħdet it-tliet motivi u għalhekk ir-rikors fl-intier tiegħu. |
L-aggravji
|
12. |
Groupe Gascogne jqajjem erba’ aggravji. |
|
13. |
L-ewwel, Groupe Gascogne jissottometti li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi billi rrifjutat li teżamina l-impatt tat-tibdil fl-ordinament ġuridiku tal-Unjoni Ewropea b’riżultat tad-dħul fis-seħħ, fl-1 ta’ Diċembru 2009, tal-Artikolu 6(1) TUE, b’mod partikolari fir-rigward tal-Artikolu 48 tal-Karta. |
|
14. |
It-tieni, Groupe Gascogne jsostni li l-Qorti Ġenerali kisret l-Artikolu 101 TFUE u l-Artikolu 48 tal-Karta: (i) billi b’mod żbaljat attribwixxiet responsabbiltà in solidum lil Groupe Gascogne għal ksur imwettaq minn GSD mill-1 ta’ Jannar 1994 sas-26 ta’ Ġunju 2002, unikament fuq il-bażi li GSD kienet kumpannija sussidjarja proprjetà 100 % ta’ Groupe Gascogne, u (ii) billi kkonfermat id-deċiżjoni sa fejn ikkunsidrat li l-Groupe Gascogne kien responsabbli in solidum, għall-ħlas tal-multa ta’ EUR 9.9 miljun, imposta fuq GSD. |
|
15. |
It-tielet, sussidjarjament, Groupe Gascogne jissottometti li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta interpretat ħażin il-kunċett ta’ “impriża” u konsegwentement meta stabbilixxiet il-limitu ta’ 10 % għall-multa pagabbli billi jitqies id-dħul mill-bejgħ dinji tal-Groupe Gascogne, minflok ma jsir riferiment għad-dħul mill-bejgħ akkumulat ta’ GSD u tal-kumpannija parent tagħha. |
|
16. |
Ir-raba’, ukoll sussidjarjament, Groupe Gascogne jissottometti li l-Qorti Ġenerali kisret l-Artikolu 47 tal-Karta peress li naqset milli tiddeċiedi dwar il-proċeduri fi żmien raġonevoli. |
L-ewwel u t-tieni aggravji — ksur tad-drittijiet fundamentali u l-inkompatibbiltà tal-preżunzjoni tal-influwenza deċiżiva — l-Artikolu 48 tal-Karta
|
17. |
Permezz tal-ewwel aggravju tiegħu Groupe Gascogne jissottometti li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi sa fejn iddeċidiet li l-argument imressaq matul is-seduta rigward il-bidla fl-istatus tal-Karta wara d-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona huwa inammissibbli. Permezz tat-tieni aggravju tiegħu Groupe Gascogne jissottometti li l-preżunzjoni ta’ influwenza deċiżiva ( 14 ) li abbażi tagħha l-ksur li sar mill-GSD ġie attribwit lilu, hija inkompatibbli mad-dritt fundamentali tiegħu għal smigħ xieraq għaliex dik il-preżunzjoni topera effettivament bħala preżunzjoni ta’ ħtija. |
|
18. |
Jien ser nikkunsidra l-ewwel u t-tieni aggravji flimkien peress li t-tnejn li huma jqajmu kwistjonijiet ta’ drittijiet fundamentali. |
Sommarju tas-sottomissjonijiet
L-appell tal-Groupe Gascogne
|
19. |
Għal dak li jikkonċerna l-ewwel aggravju, Groupe Gascogne jilmenta li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta naqset li tikkunsidra l-effetti tal-istatus ta’ Trattat mogħti lill-Karta wara d-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona. Barra minn hekk, anki jekk il-Qorti Ġenerali hija korretta meta ssostni li d-drittijiet tad-difiża u l-preżunzjoni ta’ innoċenza kienu ggarantiti skont id-dritt tal-Unjoni Ewropea qabel l-1 ta’ Diċembru 2009 bis-saħħa tal-prinċipji ġenerali tad-dritt, dawk il-prinċipji ma għandhomx l-istess valur legali bħat-Trattati. Għalhekk, il-bidla fl-istatus tal-Karta tfisser li d-drittijiet iggarantiti issa għandhom jiġu applikati b’iktar rigorożità mill-qrati tal-Unjoni Ewropea. |
|
20. |
Fir-rigward tat-tieni aggravju, Groupe Gascogne jissottometti li l-Artikolu 48 tal-Karta għandu jiġi interpretat fid-dawl tal-Artikolu 6 tal-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem (“KEDB”). Meta tinterpreta l-Artikolu 48 tal-Karta, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tikkunsidra wkoll il-kostituzzjonijiet u t-tradizzjonijiet legali tal-Istati Membri. L-applikazzjoni tal-preżunzjoni ta’ influwenza deċiżiva topera effettivament bħala preżunzjoni ta’ ħtija u għalhekk hija pprojbita. |
|
21. |
Barra minn hekk hemm ukoll nuqqas ta’ motivazzjoni fis-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li ssostni li fil-fatt Groupe Gascogne eżerċita influwenza deċiżiva fuq il-kumpannija sussidjarja tiegħu, GSD. Groupe Gascogne ma kellu ebda kontroll fuq l-attivitajiet ta’ GSD fis-settur tal-boroż tal-plastik. Għalhekk il-Qorti Ġenerali wettqet żball meta attribwiet il-prattiċi ta’ GSD lill-Groupe Gascogne. |
Ir-risposta tal-Kummissjoni
|
22. |
Il-Kummissjoni tqis li l-ewwel aggravju huwa manifestament infondat. |
|
23. |
Ma saru ebda allegazzjonijiet espliċiti li jikkonċernaw ksur tal-preżunzjoni ta’ innoċenza jew id-drittijiet tad-difiża matul il-proċedura bil-miktub. Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali ma rrifjutatx li teżamina l-impatt tal-bidla fl-istatus tal-Karta. Hija sempliċement waslet għall-konklużjoni li dik il-bidla ma affettwatx il-pożizzjoni legali, peress li l-preżunzjoni ta’ innoċenza u d-drittijiet tad-difiża kienu diġà jiffurmaw parti mill-ordinament ġuridiku tal-Unjoni Ewropea. L-argument li l-prinċipji ġenerali tad-dritt ma għandhomx l-istess valur legali bħat-Trattat huwa ineffettiv. |
|
24. |
Il-Kummissjoni tqis li t-tieni aggravju ta’ Groupe Gascogne huwa fil-prinċipju inammissibbli, tal-inqas ineffettiv u fi kwalunkwe każ infondat. |
|
25. |
It-tieni aggravju huwa inammissibbli sa fejn ikopri kwistjonijiet li ma tqajmux quddiem il-Qorti Ġenerali. L-osservazzjonijiet bil-miktub tal-Groupe Gascogne fl-ewwel istanza ma kienu jagħmlu ebda riferiment għall-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem (“il-Qorti ta’ Strasburgu”) rigward l-Artikolu 6 (“KEDB”) jew għall-ġurisprudenza tal-Conseil Constitutionnel Franċiż (Kunsill Kostituzzjonali). Il-pożizzjoni ta’ Groupe Gascogne hija bbażata fuq interpretazzjoni żbaljata tal-ġurisprudenza li tikkonċerna l-attribuzzjoni tar-responsabbiltà għal ksur li jsir minn kumpannija sussidjarja lill-kumpannija parent tagħha. Il-Kummissjoni tirreferi għall-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Kokott f’Alliance One ( 15 ). |
|
26. |
Il-Kummissjoni tissottometti li t-tieni aggravju huwa ineffettiv għaliex, meta ddeċidiet li Groupe Gascogne kien responsabbli in solidum ma’ GSD, il-Kummissjoni ma qagħditx esklużivament fuq il-preżunzjoni tal-influwenza deċiżiva. Il-Qorti Ġenerali eżaminat fil-fond il-provi addizzjonali mressqa mill-Kummissjoni biex turi li Groupe Gascogne kien attwalment eżerċita influwenza deċiżiva fuq l-imġieba ta’ GSD. |
|
27. |
Mis-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja f’Elf Aquitaine ( 16 ) jirriżulta li l-preżunzjoni ta’ influwenza deċiżiva hija kompatibbli mal-preżunzjoni ta’ innoċenza ggarantita fl-Artikolu 48 tal-Karta. Għaldaqstant, it-tieni aggravju huwa infondat. |
Evalwazzjoni
Drittijiet fundamentali — ammissibbiltà fl-ewwel istanza
|
28. |
Mill-Artikolu 44(1)(ċ) moqri flimkien mal-Artikolu 48(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali jirriżulta li l-ilment ta’ Groupe Gascogne li jikkonċerna l-Artikolu 48 tal-Karta, interpretat fid-dawl tal-Artikolu 6 KEDB jista’ jkun ammissibbli biss jekk ikun ibbażat fuq elementi ta’ fatt jew ta’ liġi li saru magħrufa fil-kors tal-proċedura. |
|
29. |
Huwa ċar mit-talba ta’ Groupe Gascogne biex tinfetaħ mill-ġdid il-proċedura bil-miktub (li saret b’ittra datata 20 ta’ Ottubru 2010) għar-raġuni li kien qam punt ta’ liġi ġdid matul il-proċedura li l-konsulenti legali tiegħu kkunsidraw li l-ilment li jikkonċerna d-drittijiet fundamentali qajjem kwistjonijiet ġodda li ma kinux inklużi fir-rikors inizjali. |
|
30. |
Il-konstatazzjoni tal-Qorti Ġenerali fil-punt 27 tas-sentenza appellata tagħmilha ċara li l-ilment ta’ Groupe Gascogne dwar l-Artikolu 48 tal-Karta ma kienx jifforma parti mir-rikors inizjali għall-annullament. Il-Qorti Ġenerali tistqarr: “Fir-rigward tal-ilmenti tar-rikorrenti bbażati fuq ksur tal-prinċipju tal-preżunzjoni ta’ innoċenza u tad-drittijiet tad-difiża, garantiti mill-Artikolu 48 tal-Karta, dawn huma addizzjonali għall-argumenti mressqa fir-rikors u ma għandhomx konnessjoni biżżejjed mill-qrib mal-argumenti mressqa inizjalment sabiex jiġu kkunsidrati bħala li jiffurmaw parti mill-evoluzzjoni normali tad-dibattitu fil-proċeduri quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja. Għalhekk dawk l-ilmenti għandhom ikunu kkunsidrati bħala ilmenti ġodda ( 17 )”. |
|
31. |
Barra minn hekk, il-kontenut tal-ilment kien differenti minn dak dwar l-Artikolu 49 tal-Karta fir-rigward tal-proporzjonalità tas-sanzjoni imposta. Għalhekk, is-sottomissjonijiet ta’ Groupe Gascogne ma kinux suffiċjentement konnessi ma’ dak il-punt biex jikkostitwixxu amplifikazzjoni tal-argumenti li diġà tqajmu. |
|
32. |
Għalhekk, jiena nqis li l-evalwazzjoni tal-Qorti Ġenerali kienet korretta. |
|
33. |
Minn dan isegwi li l-Qorti Ġenerali ma wettqitx żball ta’ liġi meta ddeċidiet li l-ilment ta’ Groupe Gascogne li tqajjem waqt is-seduta rigward ksur tal-Artikolu 48 tal-Karta kien inammissibbli. |
Drittijiet fundamentali — kompatibbiltà tal-preżunzjoni ta’ influwenza deċiżiva mal-Artikolu 48 tal-Karta
|
34. |
L-ilment ta’ Groupe Gascogne huwa maqsum fi tliet partijiet: (i) meta interpretat l-Artikolu 48 tal-Karta, il-Qorti Ġenerali kellha tikkunsidra l-Artikolu 6 KEDB u t-tradizzjonijiet legali tal-Istati Membri; (ii) il-preżunzjoni ta’ influwenza deċiżiva kienet applikata bħala preżunzjoni ta’ ħtija u (iii) il-Qorti Ġenerali naqset milli tipprovdi motivazzjoni suffiċjenti li turi li Groupe Gascogne eżerċita tali influwenza fuq GSD. |
|
35. |
Li Groupe Gascogne jiġi permess iressaq għall-ewwel darba quddiem il-Qorti Ġenerali motivi legali li ma kienx qajjem quddiem il-Qorti Ġenerali, ifisser li jiġi permess iressaq każ usa’ fl-appell minn dak imressaq fl-ewwel istanza. Madankollu, fl-appell, il-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja, bħala regola ġenerali, hija limitata għal stħarriġ tal-evalwazzjoni tal-Qorti Ġenerali tal-motivi mressqa quddiemha ( 18 ). |
|
36. |
Jien diġà osservajt fir-rigward tal-ewwel aggravju li Groupe Gascogne fl-ewwel istanza ma qajjimx ilmenti li jikkonċernaw l-interpretazzjoni tal-Artikolu 48 tal-Karta fid-dawl tal-Artikolu 6 KEDB jew it-tradizzjonijiet legali tal-Istati Membri ( 19 ). B’riżultat ta’ dan sa fejn l-ilment ta’ Groupe Gascogne jkopri kwistjonijiet li tqajmu għall-ewwel darba quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja l-ilment huwa inammissibbli ( 20 ). |
|
37. |
Dawn il-kwistjonijiet setgħu ġew invokati quddiem il-Qorti Ġenerali matul il-proċeduri bil-miktub. L-ewwel, dawn id-drittijiet jikkostitwixxu parti mill-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni Ewropea. It-tieni, għalkemm il-Karta kienet għadha ma hijiex legalment vinkolanti, il-Qorti tal-Ġustizzja ta’ spiss segwiet id-dispożizzjonijiet tagħha meta tat sentenzi qabel id-dħul fis-seħħ tal-Artikolu 6 TFUE ( 21 ). Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li t-Trattat ta’ Lisbona ma jagħmel xejn iktar milli jikkodifika l-Karta ( 22 ). |
|
38. |
Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-preżunzjoni tal-influwenza deċiżiva ma hijiex inkompatibbli mal-Artikolu 48 tal-Karta ( 23 ). Barra dan, kuntrarju għas-sottomissjoni ta’ Groupe Gascogne, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-preżunzjoni ma taħdimx effettivament bħala preżunzjoni ta’ ħtija ( 24 ). |
|
39. |
Kif stqarret il-Qorti Ġenerali fil-punt 73 tas-sentenza appellata, l-argumenti ta’ Groupe Gascogne li l-motivazzjoni tal-Kummissjoni kienet insuffiċjenti, tressqet “[…] essenzjalment, b’sostenn għall-pożizzjoni li r-rikorrenti ma pparteċipatx fl-operazzjonijiet ta’ [GSD] meta xtrat il-kumpannija fl-1994. L-interess kummerċjali tal-akkwist kien essenzjalment fil-ftuħ ta’ ħanut għall-karta prodotta mill-grupp tar-rikorrent. Ma kien hemm l-ebda intenzjoni li jintervjeni fit-tmexxija tan-negozju ta’ [GSD] jew, b’mod partikolari fis-settur tal-boroż tal-plastik industrijali, fejn ir-rikorrenti ma kinitx preżenti u li, fi kwalunkwe każ, kien ta’ importanza ekonomika żgħira ( 25 )”. |
|
40. |
L-obbligu ta’ motivazzjoni tas-sentenzi, impost fuq il-Qorti Ġenerali (skont l-Artikolu 36 u l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 53 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja) ma jeħtieġx li din tagħti espożizzjoni li ssegwi b’mod eżawrjenti, wieħed wieħed, ir-raġunamenti kollha esposti mill-partijiet fil-kawża. Il‑motivazzjoni tista’ għalhekk tkun impliċita bil‑kundizzjoni li tkun tippermetti lill‑partijiet ikkonċernati li jkunu jafu r‑raġunijiet li hija bbażata fuqhom is-sentenza appellata u lill‑Qorti tal‑Ġustizzja li jkollha elementi biżżejjed sabiex teżerċita l‑istħarriġ tagħha fl-appell ( 26 ). |
|
41. |
Il-Qorti Ġenerali għamlet il-konstatazzjonijiet li ġejjin fis-sentenza appellata rigward l-influwenza deċiżiva tal-Groupe Gascogne fuq GSD:
[…]
|
|
42. |
F’dawk il-punti tas-sentenza appellata l-Qorti Ġenerali eżaminat l-evidenza u sabet li Groupe Gascogne kien attivament involut fl-operazzjonijiet ta’ GSD’s sal-punt li l-kumpannija parent effettivament ikkontrollat il-kumpannija sussidjarja tagħha. |
|
43. |
Għalhekk nikkunsidra li t-tieni aggravju ta’ Groupe Gascogne huwa infondat. Il-motivazzjoni tal-Qorti Ġenerali hija suffiċjenti biex tagħmilha possibbli għall-persuni kkonċernati jkunu jafu r-raġunijiet li fuqhom hija bbażata s-sentenza u l-Qorti tal-Ġustizzja jkollha materjal biżżejjed biex teżerċita l-poteri tagħha ta’ stħarriġ fl-ambitu ta’ dan l-appell. Għalhekk, kuntrarjament għal dak li kien allegat minn Groupe Gascogne, dik is-sentenza ma hijiex ivvizzjata b’xi nuqqas ta’ motivazzjoni. |
|
44. |
Minn dak li ntqal jirriżulta li l-ewwel u t-tieni aggravji tal-appell huma inammissibbli. |
It-tielet aggravju: interpretazzjoni tat-terminu “impriża” għall-iskopijiet tal-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003
Sommarju tas-sottomissjonijiet
L-appell ta’ Groupe Gascogne
|
45. |
Groupe Gascogne jsostni li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi fl-interpretazzjoni tagħha tat-terminu “impriża” użat fl-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003. L-iskop ta’ dik id-dispożizzjoni huwa li tiżgura li kwalunkwe multa imposta ma tkunx eċċessiva. Fl-interpretazzjoni tagħha, il-Qorti Ġenerali wettqet żewġ żbalji. L-ewwel, hija ħawdet il-kunċetti ta’ “impriża” u “responsabbiltà personali”. It-terminu “impriża” fid-dritt tal-kompetizzjoni għandu tifsira speċifika ħafna; ma jistax jiġi interpretat bl-istess mod bħal “responsabbiltà personali”. Huwa essenzjali li l-impriża tiġi definita b’riferiment għall-entità li lilha jistgħu jiġu attribwiti l-prattiki antikompetittivi. |
|
46. |
It-tieni, Groupe Gascogne jsostni li l-Qorti Ġenerali żbaljat fil-liġi meta ħawdet il-kunċett ta’ impriża ma’ dak ta’ grupp korporattiv. Skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja huwa biss fejn il-grupp korporattiv jikkostitwixxi impriża waħda li għandu jitqies id-dħul mill-bejgħ dinji tal-grupp sabiex jiġi determinat il-limitu ta’ 10 % biex jiġi stabbilit il-limitu massimu tal-multa għall-iskopijiet tal-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003. Ma hemm l-ebda raġunament fis-sentenza appellata (jew fid-deċiżjoni) li juri l-eżistenza ta’ tali grupp. |
|
47. |
Il-multa imposta fuq GSD fid-deċiżjoni hija ta’ EUR 13.2 miljun, u Groupe Gascogne huwa responsabbli in solidum għal EUR 9.9 miljun minn dak l-ammont. Groupe Gascogne jsostni li l-limitu massimu tal-multa ma għandux ikun ta’ iktar minn EUR 2 070 400, 10 % tad-dħul mill-bejgħ ta’ GSD. Din iċ-ċifra hija proposta fuq il-premessa li t-tieni aggravju ta’ Groupe Gascogne jintlaqa’, jiġifieri li l-ksur imwettaq minn GSD ma jistax jiġi attribwit lilu. |
Ir-risposta tal-Kummissjoni
|
48. |
Il-Kummissjoni ssostni li t-tielet aggravju huwa infondat. Hija ġurisprudenza stabbilita li d-dħul mill-bejgħ ta’ impriża kollu kemm hu jagħti indikazzjoni tal-importanza ekonomika u tal-influwenza tagħha fis-suq. Groupe Gascogne huwa kkunsidrat li huwa responsabbli għal ksur ta’ GSD. Għalhekk il-Kummissjoni kellha dritt tagħmel riferiment għal 10 % tad-dħul mill-bejgħ dinji tal-grupp sabiex tiddetermina l-limitu massimu tal-multa. |
Evalwazzjoni
|
49. |
Kif għandu jiġi determinat il-limitu ta’ 10 % (il-limitu massimu tal-multa) meta kumpannija parent tinżamm responsabbli għal ksur li jkun sar minn kumpannija sussidjarja proprjetà għalkollox tagħha? Groupe Gascogne jikkontesta l-kunċett aċċettat fil-ġurisprudenza stabbilita li f’tali ċirkustanzi l-limitu ta’ 10 % fl-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003 jiġi kkalkolat b’riferiment għad-dħul mill-bejgħ dinji tal-kumpanniji li jiffurmaw il-grupp. Dan jissottometti li fil-kwistjoni preżenti l-limitu ta’ 10 % għandu jiġi stabbilit b’riferiment għad-dħul mill-bejgħ akkumulat ta’ GSD u ta’ Groupe Gascogne. B’riżultat ta’ dan, il-limitu massimu tal-multa jkun iktar baxx, jiġifieri 10 % tad-dħul mill-bejgħ akkumulat ta’ GSD u ta’ Groupe Gascogne (jiġifieri dak tal-kumpannija holding mingħajr ma jitqiesu s-sussidjarji tiegħu) u tiġġenera ċifra iktar baxxa minn 10 % tad-dħul mill-bejgħ dinji tal-grupp kollu. |
|
50. |
Jien ma naqbilx ma’ Groupe Gascogne. |
|
51. |
Il-kelma “impriża” tingħata interpretazzjoni wiesgħa fl-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003. Din tinkludi iktar minn entità waħda li teżerċita attività ekonomika. Liema hija l-entità identifikata bħala impriża għall-iskopijiet ta’ dik id-dispożizzjoni? |
|
52. |
L-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003 jagħmel riferiment għal “[…] kull impriża u assoċjazzjoni ta’ impriżi li jipparteċipaw fil-ksur […]”. |
|
53. |
Il-kunċett ta’ impriża jinkludi kull entità li teżerċita attività ekonomika, indipendentement mill-istatus ġuridiku ta’ din l-entità kif ukoll tal-metodu ta’ finanzjament tagħha. Dan il-kunċett għandu jinftiehem fis-sens li jkopri unità ekonomika, anki jekk, mill-perspettiva ġuridika, din l-unità ekonomika hija magħmula minn diversi persuni fiżiċi jew ġuridiċi. Skont il-prinċipju tar-responsabbiltà personali, meta tali entità tikser ir-regoli tal-kompetizzjoni, hija għandha twieġeb għal dan il-ksur ( 28 ). |
|
54. |
Meta r-responsabbiltà tiġi attribwita lil kumpannija parent hija kkunsidrata li pparteċipat fil-ksur. Għalhekk l-impriża identifikata għall-iskopijiet tal-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003 hija l-kumpannija parent u l-kumpannija sussidjarja. |
|
55. |
L-iskop tal-limitu ta’ 10 % huwa li jiġi evitat li jkunu imposti multi li huwa prevedibbli li l-impriżi minħabba d-daqs tagħhom, determinat mid-dħul mill-bejgħ dinji tagħhom, ma jkunux jistgħu jħallsu ( 29 ). Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet meta kkunsidrat l-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17 ( 30 ) li d-deterrent huwa wieħed mill-fatturi li għandu jiġi kkunsidrat meta jiġi kkalkolat l-ammont tal-multa. |
|
56. |
Għalhekk, fil-fehma tiegħi, meta kumpannija parent tinżamm responsabbli in solidum mal-kumpannija sussidjarja tagħha għal ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni, huwa konsistenti mal-kliem u mal-għan tal-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003 li l-limitu ta’ 10 % ta’ kwalunkwe multa jiġi stabbilit b’riferiment għad-dħul mill-bejgħ tal-impriża b’kont meħud tal-grupp korporattiv kollu kemm hu. Ma hemm l-ebda rekwiżit fid-dritt tal-Unjoni Ewropea li l-kumpanniji sussidjarji l-oħra fil-grupp għandhom ikunu attivi fl-istess suq jew li għandhom ikunu konnessi mal-ksur qabel mad-dħul mill-bejgħ tagħhom jista’ jitqies biex tiġi stabbilita l-multa li għandha tiġi imposta. |
|
57. |
Il-Kummissjoni tistieden lill-Qorti tal-Ġustizzja tikkunsidra ċerti miżuri ta’ leġiżlazzjoni sekondarja li tirregola l-kontijiet tal-kumpanniji, b’mod partikolari, id-direttiva dwar il-kontijiet konsolidati. Din is-sottomissjoni saret b’sostenn għall-argument tagħha li l-limitu ta’ 10 % għandu jiġi determinat b’riferiment għad-dħul mill-bejgħ dinji tal-impriża inkwistjoni. Jien ma ħadtx inkunsiderazzjoni dawn il-miżuri fl-evalwazzjoni tiegħi. |
|
58. |
Jiena nqis li d-direttiva dwar il-kontijiet konsolidati ma tipprovdi l-ebda analoġija ċara. It-tifsira ta’ impriża fl-Artikolu 1(1) u (2) ta’ din id-direttiva ma hijiex l-istess bħal dik applikata fid-dritt tal-kompetizzjoni fejn ir-responsabbiltà għal ksur minn kumpannija sussidjarja huwa attribwit lill-kumpannija parent tagħha. Huwa importanti, li t-terminu “kontijiet konsolidati” ma għandux l-istess tifsira mogħtija lit-terminu dħul mill-bejgħ dinji kif spjegat fil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fir-rigward tal-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003. |
|
59. |
Fl-aħħar nett, fir-rigward tal-allegat nuqqas li jingħataw motivazzjonijiet fis-sentenza appellata ( 31 ), nosserva li l-Qorti Ġenerali tistabbilixxi x’kienu l-argumenti ta’ Groupe Gascogne fil-paragrafi 96 sa 104 tas-sentenza appellata. Mill-konstatazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali fil-punti 107 sa 110 jirriżulta li hija ċaħdet dawn l-argumenti. Dan għaliex sabet illi Groupe Gascogne u GSD kienu parti mill-istess impriża u li skont ir-regoli tad-dritt tal-kompetizzjoni l-limitu ta’ 10 % għandu jiġi kkalkolat b’riferiment għad-dħul mill-bejgħ dinji tal-kumpanniji kollha fi ħdan il-grupp Groupe Gascogne. |
|
60. |
Fil-punt 108 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali tistqarr: “[…] il-limitu ta’ 10 % għandu jiġi kkalkolat fuq abbażi tad-dħul mill-bejgħ totali tal-kumpanniji kollha li jikkostitwixxu l-grupp li tiegħu l-kumpannija holding finali hija l-kap, peress li huwa biss id-dħul mill-bejgħ totali tal-kumpanniji komponenti li jista’ jagħti indikazzjoni tad-daqs u tal-poter ekonomiku tal-impriża inkwistjoni (Akzo Nobel et vs Il-Kummissjoni, punt 90[ ( 32 ) ])” ( 33 ). |
|
61. |
Fil-punt 111 il-Qorti Ġenerali spjegat: “[…] il-kunsiderazzjoni taċ-ċifra tad-dħul mill-bejgħ akkumulat tal-kumpannija parent għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-limitu ta’ 10 % tad-dħul mill-bejgħ tal-impriża inkwistjoni ma jirrikjedix li jkun muri li kull kumpannija sussidjarja fil-grupp ma hijex awtonoma fil-mod li bih tiddetermina l-imġiba tagħha fis-suq ( 34 )”. |
|
62. |
Barra minn hekk, fil-punt 112 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali qalet li meta kkonfermat id-determinazzjoni tal-limitu ta’ 10 % b’riferiment għad-dħul mill-bejgħ dinji ma kinitx qiegħda tattribwixxi responsabbiltà għall-ksur lill-kumpanniji sussidjarji għajr għal GSD li tifforma parti mill-grupp Groupe Gascogne. |
|
63. |
Il-Qorti Ġenerali spjegat, fil-punt 113, li meta qieset id-dħul mill-bejgħ dinji tal-kumpannija holding finali (Groupe Gascogne) għall-iskopijiet ta’ kalkolu tal-limitu ta’ 10 %, hija ma kinitx teħtieġ li l-kumpanniji sussidjarji li jiffurmaw il-grupp għandhom ikunu attivi fl-istess suq, u lanqas li l-ksur u l-kumpanniji sussidjarji jkunu konnessi. |
|
64. |
F’dawk il-punti, il-Qorti Ġenerali tagħmilha ċara li hija kkunsidrat li Groupe Gascogne u GSD kienu jiffurmaw parti mill-istess impriża għall-finijiet tal-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003 u li fil-kalkolu tal-limitu ta’ 10 % għandha tqis id-dħul mill-bejgħ tal-partijiet kostitwenti ta’ din l-impriża. Ma kkunsidratx l-imġieba tal-kumpanniji sussidjarji l-oħra fil-grupp bħala rilevanti għall-kwistjoni tad-determinazzjoni tal-multa. Lanqas ma tikkunsidra li dawk il-kumpanniji sussidjarji huma konnessi mal-ksur ( 35 ). |
|
65. |
Peress li dawn il-punti tas-sentenza appellata jagħmluha possibbli għall-persuni kkonċernati li jkunu jafu l-motivazzjoni li fuqha hija bbażata u li l-Qorti tal-Ġustizzja jkollha materjal biżżejjed biex teżerċita l-poteri tagħha ta’ stħarriġ fil-kuntest tal-appell, din is-sentenza ma hijiex ivvizzjata b’xi nuqqas ta’ motivazzjoni. |
|
66. |
Għalhekk jien inqis li t-tielet aggravju huwa infondat. |
|
67. |
Ma’ dan inżid li kieku l-Qorti tal-Ġustizzja kellha tasal għal konklużjoni differenti (jiġifieri li l-limitu ta’ 10 % għandu jkun determinat b’riferiment għad-dħul mill-bejgħ akkumulat, minflok id-dħul mill-bejgħ dinji), iżda tikkunsidra li Groupe Gascogne huwa responsabbli in solidum għall-ħlas ta’ EUR 9.9 miljun mill-multa ta’ GSD, hija jkollha taffronta d-diffikultà li ma hemm ebda informazzjoni quddiemha dwar x’kien d-dħul mill-bejgħ akkumulat taż-żewġ kumpanniji fiż-żmien rilevanti. Għalhekk ma huwiex possibbli li jiġi kkalkolat 10 % ta’ dik is-somma u li jiġi aċċertat jekk din tkunx tirriżulta fi tnaqqis tal-multa pagabbli minn Groupe Gascogne u jekk dan ikun il-każ, b’kemm. Għalhekk il-kwistjoni jkollha tiġi rrinvijata lill-Qorti Ġenerali. |
L-inabbiltà li titħallas il-multa imposta
|
68. |
Bħall-kumpannija sussidjarja tiegħu GSD, Groupe Gascogne waqt is-seduta quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja għamel sottomissjonijiet li jikkonċernaw il-pożizzjoni finanzjarja kurrenti tiegħu, fejn argumenta li ma jistax iħallas il-multa imposta permezz tad-deċiżjoni. Fl-ewwel istanza ma sarux sottomissjonijiet ekwivalenti u l-ebda dispożizzjoni tat-Trattat, tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja jew tar-Regoli tal-Proċedura ma kienu ċċitati insostenn għal dan. |
|
69. |
Jien inqis li s-sottomissjonijiet ta’ Groupe Gascogne rigward l-inabbiltà tiegħu li jħallas huma inammissibbli għall-istess tliet raġunijiet li semmejt fil-punti 121 sa 124 tal-konklużjonijiet tiegħi f’Gascogne Sack Deutschland. |
Nuqqas ta’ deċiżjoni fi żmien raġonevoli
|
70. |
Matul is-snin, id-dewmien tal-ġustizzja pprovda opportunità vasta, għal awturi ta’ novelli biex jużaw il-ħila tagħhom. Għal eżempju pertinenti għall-appelli preżenti, ma nista’ nagħmel xejn aħjar ħlief li nikkwota l-prefazju ta’ Charles Dickens għall-ewwel edizzjoni ta’ Bleak House: “Ftit tax-xhur ilu, waqt okkażjoni pubblika, kien hemm Imħallef tal-Kanċellerija li kellu l-ġentilezza li jgħarrafni, bħala wieħed minn grupp ta’ xi mija u ħamsin raġel li ma kien hemm l-ebda suspett fuqna ta’ ġenn, li l-Qorti tal-Kanċellerija, għalkemm kienet is-suġġett lampanti ta’ ħafna preġudizzji popolari (f’liema punt jiena ħsibt li l-Imħallef kien qiegħed iħares fid-direzzjoni tiegħi), kienet kważi immakulata. Huwa ammetta li kien hemm xi tbajja’ trivjali dwar ir-rata ta’ progress tagħha, iżda din kienet eżaġerata, u kienu dovuta għal kollox għax-‘xeħħa tal-pubbliku’; liema pubbliku ħati, mix-xeħta, kien sa dan l-aħħar inklinat bl-iktar mod determinat li bl-ebda mod ma jkabbar in-numru ta’ imħallfin tal-Kanċellerija appuntati — ikolli ngħid minn Richard II, iżda anki minn kull Re ieħor ukoll”. |
|
71. |
Bir-raba’ aggravju tiegħu, Groupe Gascogne jsostni li l-Qorti Ġenerali kisret l-Artikolu 47 tal-Karta għaliex naqset milli tiddeċiedi l-każ fi żmien raġonevoli. Din ma hijiex l-ewwel darba li l-Qorti tal-Ġustizzja kellha tiddeċiedi dwar il-kwistjoni ta’ x’jikkostitwixxi perijodu ta’ żmien raġonevoli għad-deċiżjoni fi proċeduri ta’ kompetizzjoni ( 36 ). Madankollu, dan il-każ jagħmilha possibbli u jirrikjedi li l-Qorti tal-Ġustizzja tikkjarifika għadd ta’ kwistjonijiet ta’ prinċipju ( 37 ). Meta u quddiem liema qorti (il-Qorti Ġenerali, jew il-Qorti tal-Ġustizzja bħala appell) għandha tressaq ilment dwar dewmien żejjed? Liema huma l-kriterji li għandhom japplikaw meta jiġi determinat x’jikkostitwixxi dewmien “mhux raġonevoli” jew “eċċessiv”? U, jekk jitqies li kien hemm dewmien żejjed, x’inhu r-rimedju xieraq? |
Id-dritt għal smigħ xieraq fi żmien raġonevoli
|
72. |
Il-prinċipju dwar protezzjoni ġudizzjarja effettiva huwa prinċipju ġenerali tad-dritt komunitarju li joriġina minn tradizzjonijiet kostituzzjonali komuni għall-Istati Membri. Dan ġie stabbilit fl-Artikoli 6 u 13 KEDB u riaffermat bl-Artikolu 47 tal-Karta ( 38 ). L-Artikolu 47 jipprovdi li kulħadd għandu dritt għal rimedju effettiv u għal smigħ xieraq fi żmien raġonevoli. Skont l-Artikolu 52(3) tal-Karta, peress li d-drittijiet garantiti bl-Artikolu 47 jikkorrispondu għad-drittijiet garantiti bil-KEDB, it-tifsira u l-iskop tagħhom għandhom ikunu interpretati fid-dawl tal-Artikoli 6(1) u 13 KEDB ( 39 ). Għalhekk il-kriterji żviluppati mill-Qorti ta’ Strasburgu fl-interpretazzjoni ta’ dawn id-dispożizzjonijiet għandhom jiġu applikati fid-determinazzjoni ta’ jekk każ ġiex deċiż fi żmien raġonevoli u ta’ kif għandu jiġi rrimedjat ksur ta’ dak il-prinċipju ( 40 ). Dik il-Qorti ddeċidiet f’Sürmeli ( 41 ) li l-Istati Kontraenti huma suġġetti għall-obbligu li jorganizzaw is-sistemi legali tagħhom b’tali mod li l-qrati tagħhom jkunu jistgħu jissodisfaw ir-rekwiżiti tal-Artikolu 6(1) KEDB, inkluż l-obbligu li jisimgħu l-kawżi fi żmien raġonevoli. |
|
73. |
L-Unjoni Ewropea ma hijiex, ċertament, sa issa, PArti Kontraenti għall-KEDB. Madankollu, billi l-Istati Membri diġà għamlu l-istatus tal-Karta ekwivalenti għal dak tat-Trattati, huma kkommettew irwieħhom li jiżguraw li, fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, id-drittijiet garantiti bil-Karta jkunu rrispettati b’mod effettiv. Barra minn hekk, l-Unjoni Ewropea hija issa kommessa għan-negozjati neċessarji biex teċċedi għall-KEDB. Jien għalhekk nikkunsidra li l-Istati Membri, fil-prinċipju, diġà kkommettew irwieħhom biex jiżguraw li l-istrutturi ġudizzjarji tal-Unjoni Ewropea jkunu kapaċi josservaw l-obbligi tal-Artikolu 47 tal-Karta u tal-Artikolu 6(1) KEDB u jiżguraw smigħ xieraq fi żmien raġonevoli għal kwistjonijiet li jaqgħu fil-ġurisdizzjoni tagħhom. |
Kif jitqajjem ilment dwar dewmien żejjed
|
74. |
Evidentement, l-aħjar mod kif jiġi evitat ksur tad-dritt għal smigħ xieraq fi żmien raġonevoli huwa li jiġi żgurat li, qabel ma d-dewmien fl-ipproċessar ta’ każ isir eċċessiv, tittieħed miżura korrettiva. Naturalment il-proċedura preferuta hija proċessar effettiv tal-kawża. Madankollu, jidhirli li huwa wkoll perfettament xieraq u leġittimu għal parti inkwistjoni li tesprimi l-preokkupazzjoni tagħha li l-proċeduri qegħdin idumu żżejjed, mingħajr ma neċessarjament tistenna li tingħata s-sentenza. Dan jista’, pereżempju, isir billi jiġi kkuntattjat ir-reġistru, wara perijodu twil ta’ nuqqas ta’ attività apparenti, biex wieħed jistaqsi dwar il-progress tal-kawża. Jien ma naħsibx li parti għandha xi dover li tħeġġeġ lil qorti b’dan il-mod; iżda l-vantaġġ li parti tkun proattiva huwa li jista’ jkun possibbli li l-problema tinħasdilha rasha mill-ewwel. Il-qorti tista’ tieħu passi biex tiżgura li l-bqija tal-proċedura titħaffef biex, b’mod ġenerali, id-dritt għal smigħ xieraq fi żmien raġonevoli jkun irrispettat. |
|
75. |
Jekk parti tqajjimx jew le l-kwistjoni quddiem il-Qorti Ġenerali, fil-fehma tiegħi, ma għandu ebda rilevanza fuq id-dritt sussegwenti tagħha li tqajjimha fl-appell quddiem il-Qorti Ġenerali. |
|
76. |
Appell minn deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali huwa limitat għal punti ta’ liġi. L-aggravji jistgħu jinkludu wkoll irregolaritajiet proċedurali li jaffettwaw ħażin lill-appellant ikkonċernat ( 42 ). Hija ġurisprudenza stabbilita li nuqqas li tiddeċiedi fi żmien raġonevoli hija irregolarità proċedurali li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li hija ammissibbli ( 43 ). |
Id-dewmien eċċessiv ta’ proċeduri legali — huwa kunċett li jista’ jitkejjel?
|
77. |
Il-Qorti ta’ Strasburgu tevalwa ir-raġonevolezza tat-tul tal-proċeduri fid-dawl taċ-ċirkustanzi partikolari tal-każ quddiemha u tieħu kont tal-erba’ kriterji stipulati fil-ġurisprudenza tagħha: l-importanza tal-każ għar-rikorrent, il-kumplessità tal-każ, l-imġieba tar-rikorrent u l-imġieba tal-awtoritajiet kompetenti ( 44 ). |
|
78. |
Fis-sentenza Baustahlgewebe, il-Qorti Ġenerali kkalkolat it-tul tal-proċeduri fil-Qorti Ġenerali (li hija ddeskriviet bħala “konsiderevoli”) mid-data meta kien ippreżentat ir-rikors għall-annullament sad-data li l-Qorti tal-Ġustizzja tat is-sentenza (f’dak il-każ, bejn wieħed u ieħor ħames snin u sitt xhur) ( 45 ). Għaddew 32 xahar bejn it-tmiem tal-proċedura bil-miktub u d-deċiżjoni li tinfetaħ il-proċedura orali. Matul dan il-perijodu kien hemm id-deċiżjoni proċedurali li jingħaqdu 11-il kawża għall-finijiet tal-proċedura orali. Il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat li dak li jikkostitwixxi żmien raġonevoli għandu jiġi evalwat abbażi ta’ każ b’każ u applikat l-erba’ kriterji li joħorġu mill-ġurisprudenza tal-Qorti ta’ Strasburgu li għadni kif semmejt (“il-kriterji Baustahlgewebe”). Il-Qorti tal-Ġustizzja osservat ukoll ċerti restrizzjonijiet li huma inerenti fil-proċeduri quddiem il-Qrati tal-Unjoni Ewropea. B’mod partikolari, hija ssuġġeriet li r-regoli li jirregolaw il-lingwa tal-proċeduri għandhom ikunu kkunsidrati ( 46 ). |
|
79. |
Fil-kawża Der Grüne Punkt ( 47 ) il-proċeduri damu 5 snin u 10 xhur, inkluż 3 snin u 9 xhur bejn l-aħħar tal-proċedura bil-miktub u l-ftuħ tal-proċeduri orali. Il-Qorti Ġenerali ma ħadet ebda passi proċedurali matul dak iż-żmien. Fl-appell il-Qorti tal-Ġustizzja evalwat il-perijodu bejn meta ġie ppreżentat ir-rikors u meta ngħatat is-sentenza fid-dawl tal-kriterji Baustahlgewebe. |
|
80. |
Kemm f’Baustahlgewebe kif ukoll f’Der Grüne Punkt, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-Qorti Ġenerali kienet naqset milli tiddeċiedi fi żmien raġonevoli. Madankollu, l-approċċ li ttieħed sa issa biex jiġi stabbilit jekk proċeduri jkunux twalu żżejjed kien x’aktarx iktar pragmatiku milli xjentifiku. |
|
81. |
Jiena naħseb li huwa importanti li tiġi rreżistita t-tentazzjoni li wieħed jiġġeneralizza dwar x’inhu “eċċessiv” billi wieħed jiffoka esklużivament fuq it-tul totali tal-proċeduri. Fil-fehma tiegħi, il-punt tat-tluq korrett pjuttost huwa li wieħed iħares fuq fuq lejn x’tagħmel il-Qorti Ġenerali u r-restrizzjonijiet li taħdem fihom, biex wieħed jara l-effett ta’ dawk l-elementi fuq iż-żmien meħud biex tinqata’ kawża u, fuq dik il-bażi, jiġu identifikati b’mod iktar ċar dawk il-perijodi matul l-ipproċessar ta’ kawża li għandhom ikunu suġġetti għal skrutinju partikolari. |
|
82. |
Il-Qorti Ġenerali kellha żieda sinjifikanti fil-ġurisdizzjoni tagħha minn mindu twaqqfet fl-1989 ( 48 ). Indipendentement mill-oqsma tal-liġi li ma humiex is-suġġett ta’ dan l-appell, il-ġurisdizzjoni li din teżerċita fuq id-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni fil-każijiet ta’ kompetizzjoni sempliċement ma tistax tkun imqabbla max-xogħol ta’ tribunal nazzjonali dwar id-dritt tal-kompetizzjoni. Każijiet ta’ kartelli fl-Unjoni Ewropea ħafna drabi jinvolvu impriżi fi Stati Membri differenti, li jippreżentaw rikorsi għal annullament fil-lingwa tal-proċedura tal-għażla tagħhom minn fost it-23 (dalwaqt ser ikunu 24) lingwa uffiċjali għad-dispożizzjoni tagħhom. Ġaladarba jingħalqu s-sottomissjonijiet bil-miktub, dawn iridu jiġu tradotti f’lingwa ta’ ħidma komuni li tippermetti lill-imħallfin u lir-référendaires jibdew ix-xogħol fuq il-proċess. Il-Qorti Ġenerali tuża l-istess direttorat għat-traduzzjoni li tuża l-Qorti tal-Ġustizzja. Ikun hemm talbiet li jikkompetu ma’ xulxin għar-riżorsi tat-traduzzjoni; u ma jkunx realistiku li wieħed jassumi li t-traduzzjonijiet għal kull każ ta’ kompetizzjoni quddiem il-Qorti Ġenerali jista’ (jew għandu) jingħata l-istess prijorità bħal, pereżempju, proċedura għal deċiżjoni preliminari urġenti quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja li tkun tinvolvi rikorrent li jkun f’kustodja. Jekk kien hemm sett sħiħ ta’ sottomissjonijiet bil-miktub (ir-rikors, id-difiża, ir-replika u l-kontro-replika), possibbilment b’estensjonijiet ta’ żmien għal kollha kemm huma ħlief ir-rikors inizjali, u kull wieħed minn dawn id-dokumenti jrid ukoll jiġi tradott, ma huwiex eskluż li jista’ jkunu għaddew madwar 20-22 xahar qabel ma l-proċess ikun jista’, fi kwalunkwe sens utli, jinfetaħ biex jiġi studjat ( 49 ). Il-punt li qiegħed nagħmel huwa li n-natura transkonfinali u multilingwistika tad-dritt tal-kompetizzjoni tal-Unjoni Ewropea għandha t-tendenza li tipproduċi l-effett li ttawwal iż-żmien li jgħaddi qabel ma każ jista’ jibda jiġi eżaminat ( 50 ). |
|
83. |
Madankollu, probabbilment ma hemm ebda tali ħaġa bħal kawża ta’ kompetizzjoni “tip”. Uħud mill-kawżi jistgħu jkunu relattivament sempliċi, ladarba l-argumenti mqajma jkunu ġew identifikati. Oħrajn jistgħu jagħtu lok għal kwistjonijiet diffiċli, kumplessi, u ġodda. F’ċerti każijiet, it-toqol waħdu tad-dokumenti u tax-xhieda teknika li tkun trid tiġi evalwata huwa minnu nnifsu eżerċizzju formidabbli. Meta diversi impriżi jikkontestaw deċiżjoni tal-Kummissjoni li timmultahom talli jkunu pparteċipaw f’kartell, huwa loġiku li l-kawżi tagħhom ikunu ttrattati flimkien. Madankollu, dan ikun ifisser li l-każijiet individwali ma jistgħux jimxu b’mod iktar mgħaġġel mill-pass tal-proċedimenti li jimxu l-iktar bil-mod f’dak il-grupp partikolari. |
|
84. |
Jekk u sal-punt li l-Qorti Ġenerali tħoss li jkun neċessarju, sabiex teżamina kawża kif xieraq, li tinvolvi ruħha b’mod attiv fit-trattament ta’ kawża (billi, pereżempju, issejjaħ konferenza dwar il-ġestjoni ta’ kawża jew billi titlob informazzjoni ulterjuri bil-miktub mill-partijiet), dan iż-żmien evidentement ma għandux jittieħed inkunsiderazzjoni meta jiġi eżaminat kemm tkun damet kawża biex tinstema’. Iż-żmien użat biex ikun żgurat smigħ xieraq huwa żmien użat raġonevolment. |
|
85. |
Xi ngħidu għall-konstatazzjoni li huwa fatt magħruf li l-Qorti Ġenerali hija mgħobbija żżejjed, b’ħafna xogħol b’lura, u li dan inevitabbilment ifisser li l-Qorti Ġenerali ser tieħu ferm iktar biex tipproċessa kważi milli kieku tista’ tagħmel? |
|
86. |
Għalkemm għandi simpatija kunsiderevoli għas-sitwazzjoni kritika tal-Qorti Ġenerali, fil-fehma tiegħi, it-tagħbija eċċessiva ġenerali ma tistax tintuża minnha nnifisha biex tiġġustifika d-dewmien eċċessiv fl-ipproċessar ta’ kawżi li jwassal għal ksur tad-dritt għal smigħ xieraq fi żmien raġonevoli. |
|
87. |
Sal-punt li proċeduri interni riveduti u ġestjoni attiva tal-kawżi jistgħu jwasslu għal użu aħjar tar-riżorsi eżistenti, evidentement dan huwa għan li għandu jkun attivament segwit. Tabilħaqq, il-Qorti Ġenerali fil-preżent qiegħda tirrevedi r-Regoli tal-Proċedura tagħha b’dan l-għan partikolari f’moħħha. Madankollu, it-tfittxija għal ġestjoni ta’ kawżi iktar mgħaġġla ma għandhiex issir għan li jispostja l-oħrajn kollha. Id-dritt għal smigħ xieraq fi żmien raġonevoli huwa dritt li jinkludi żewġ elementi ewlenin. Li tinqata’ akkost ta’ kollox kull kantuniera possibbli fit-tfittxija għal ġestjoni ta’ kawżi b’mod iktar mgħaġġel huwa inkompatibbli ma’ li tinżamm tmexxija ġusta tal-proċedimenti b’mod ġenerali. Lanqas b’mod iktar raġonevoli, ma jkun mod xieraq kif jitmexxa l-proċess ġudizzjarju. Il-kuntest ta’ dawn l-appelli magħquda huwa li l-impriżi kkonċernati ġew suġġetti għal multi sostanzjali minħabba dak li l-Kummissjoni tqis li kien ksur serju tar-regoli tal-kompetizzjoni. Dawn l-impriżi għandhom id-dritt li jressqu l-argumenti tagħhom biex jikkontestaw id-deċiżjoni u li jkunu eżaminati bir-reqqa; u li jħossu li, kemm jekk jitilfu jew jirbħu, li huma kellhom proċess xieraq mill-Qorti Ġenerali fl-istħarriġ tal-każ tagħhom. Kif ġie enfasizzat mill-Qorti tal-Ġustizzja, huwa neċessarju li jsir stħarriġ sħiħ mill-Qorti Ġenerali biex tkun issalvagwardjata l-ġustizzja proċedurali fejn il-Kummissjoni taġixxi bħala awtorità investigattiva, awtorità li tmexxi l-prosekuzzjoni u awtorità li timmulta ( 51 ). Kif diġà indikajt, iż-żmien li jieħu dan l-istħarriġ bir-reqqa ma huwiex żmien “eċċessiv” jew żmien “moħli”. Dan huwa s-sisien li fuqu tistrieħ l-leġittimità tas-sentenzi tal-Qorti Ġenerali. |
|
88. |
Sal-punt li r-riżorsi disponibbli tal-Qorti Ġenerali ma humiex adegwati biex jittrattaw b’mod xieraq l-għadd ta’ kawżi preżenti u mal-għadd ta’ kawżi li huma raġonevolment mistennija fil-futur, din ir-responsabbiltà għandha taqa’ fuq l-Istati Membri. |
|
89. |
Diġà alludejt ( 52 ) għall-obbligu li għandhom l-Istati Kontraenti għall-KEDB biex jiżguraw li l-qrati tagħhom ikunu organizzati b’tali mod li jirrispetta d-dritt għal smigħ xieraq fi żmien raġonevoli. Jien ma nara ebda raġuni konvinċenti biex tiġi applikata loġika differenti għall-qrati tal-Unjoni Ewropea. Il-ġurisdizzjoni tal-Qorti Ġenerali (u magħha, l-ammont ta’ xogħol tal-qorti) żdiedet b’mod sinjifikanti matul is-snin. Huwa fatt magħruf il-problema tax-xogħol b’lura ta’ din il-qorti. Saret talba għal imħallfin addizzjonali ( 53 ) — sa issa, bla ebda riżultat. Anki fi ħdan l-arranġamenti eżistenti, xi kultant ikun hemm diffikultajiet. Reċentement, il-President tal-Qorti Ġenerali ġibed l-attenzjoni pubblikament fuq it-telf fil-produttività tal-Qorti Ġenerali li jirriżulta jekk il-proċess għall-ħatriet il-ġodda ma jimxix sew (suġġett kif xieraq għall-iskrutinju tal-kumitat tal-Artikolu 255) u hemm perijodu ta’ inċertezza saż-żmien tad-data tat-tiġdid ( 54 ). Dan huwa tħassib ġenwin ( 55 ). Persuna fi ħdan il-ġurisdizzjoni ta’ Stat Membru individwali għandha d-dritt li tistenna li dak l-Istat Membru jorganizza s-sistema tal-qrati nazzjonali b’mod xieraq u effiċjenti, li jqiegħed imħallfin ikkwalifikati sew fil-kariga, li jġeddilhom it-terminu tagħhom fil-kariga (jekk wieħed jassumi li huma kompetenti) sabiex tinżamm ġudikatura stabbli u effettiva, u li jiġi pprovdut persunal ta’ appoġġ xieraq. Dawk li l-kawżi tagħhom jiġu quddiem il-qrati tal-Unjoni Ewropea ċertament għandhom id-dritt bl-istess mod għal arranġamenti li jipproteġu d-dritt tagħhom għal smigħ xieraq fi żmien raġonevoli. |
|
90. |
Għalhekk id-diffikultajiet ikkawżati mill-ammont kbir ta’ kawżi, ikunu kemm ikunu reali, ma għandhomx jitqiesu meta jiġi evalwat jekk kienx hemm dewmien eċċessiv fit-trattament ta’ kawża partikolari. |
|
91. |
Jekk niġbor it-truf kollha ta’ dak li għidt sa issa, fil-fehma tiegħi jidhirli li huwa leġittimu l-ewwel nett, li ma jitqiesx iż-żmien mill-preżentazzjoni tar-rikors sa tmiem il-proċedura bil-miktub; it-tieni nett, li jingħata żmien addizzjonali plawżibbli (jien hawnhekk qiegħda nieħu, bħala regola approssimattiva, 4 xhur, imma jista’ jkun perijodu itwal fil-każ ta’ ħafna xogħol jew jekk ikun hemm pressjoni partikolari fuq ir-riżorsi ta’ traduzzjoni f’dak iż-żmien tas-sena) biex tinkiseb it-traduzzjoni tal-aħħar sottomissjonijiet qabel it-tmiem tal-proċedura bil-miktub; u t-tielet nett, biex ma jitqiesux ukoll perijodi ta’ żmien li jistgħu jiġu attribwiti għall-ġestjoni attiva ta’ kawża. Għalhekk l-enfasi għandha tkun fuq l-eżami tal-perijodi ta’ nuqqas ta’ azzjoni apparenti, filwaqt li tingħata konċessjoni raġonevolment ġeneruża għaż-żmien li huwa ġenwinament meħtieġ li jingħata mill-mument meta s-sottomissjonijiet bil-miktub ikunu disponibbli fil-lingwa ta’ ħidma tal-istituzzjoni sal-mument meta l-avviż għas-smigħ jista’ sensibbilment jintbagħat ( 56 ). |
|
92. |
Għalhekk, jiena nerġa’ nenfasizza li ma hemm l-ebda ċifra maġika fir-rigward tat-tul ta’ żmien “ġust” li għandu jgħaddi bejn id-disponibbiltà tal-fajl tradott u l-konvokazzjoni għas-seduta biex jiġi rrispettat id-dritt għal smigħ ġust fi żmien raġonevoli ( 57 ). Kawża raġonevolment sempliċi tista’ tieħu 6 xhur għal dak l-istadju tal-proċedura. Kawża sinjifikament iktar kumplessa (jew, pereżempju, kartell b’diversi appelli interkonnessi) tista’ tirrikjedi d-doppju taż-żmien, forsi anki iktar. F’termini ġenerali — bħala indikazzjoni tal-parametri li qiegħed naħseb dwarhom — jiena nqis li, f’kawża fejn ma jkun hemm ebda ġestjoni attiva tal-kawża, jekk ikunu għaddew iktar minn 18-il xahar bejn il-proċedura bil-miktub (jiġifieri fil-lingwa tal-proċedura) u l-partijiet ikunu għadhom ma ġewx informati bid-data tas-seduta, għandha tibda ddoqq il-qanpiena tal-alarm. Fil-fehma tiegħi tali perijodu ta’ żmien imur lil hinn minn dak li hu plawżibbli bħala n-norma għall-ipproċessar ta’ kawża. |
|
93. |
Minn dan isegwi, li hekk kif ikun inqabeż dan il-punt (ċertament arbitrarju), ikun hemm dewmien eċċessiv? |
|
94. |
Jiena ma nistax naqbel. Fil-fehma tiegħi hemm stadju tranżitorju, li matulu ċertament kien hemm dewmien, imma d-dewmien għadu ma huwiex wieħed “eċċessiv”. Għal darb’oħra, dan jaqa’ fl-isfera tal-ġudizzju suġġettiv iktar minn analiżi oġġettiva. Min-naħa tiegħi, jien inkun lesta li naċċetta li forsi jistgħu jgħaddu sitt xhur oħra qabel ma d-dewmien isir eċċessiv (jew, biex ngħidha b’lingwaġġ popolari, qabel ma d-“dewmien” isir “dewmien inaċċettabbli”). Ħaddieħor jista’ jagħżel numri differenti għal stadji differenti. Iżda ladarba iktar minn sentejn ikunu għaddew mit-tmiem tal-proċedura bil-miktub, mingħajr ebda ġestjoni attiva tal-kawża u l-ebda avviż għas-smigħ lill-partijiet, jiena ntendi li nqis id-dewmien bħala eċċessiv u jkun meħtieġ li niġi konvinta mod ieħor. |
|
95. |
F’dan l-isfond, jien ngħaddi biex nikkunsidra jekk kienx hemm dewmien eċċessiv fil-kawża preżenti. |
Sommarju tas-sottomissjonijiet
|
96. |
Groupe Gascogne jsostni li, meta ppreżenta r-rikors quddiem il-Qorti Ġenerali biex jikkontesta d-deċiżjoni kontestata u l-multa imposta, huwa għamel arranġamenti għal garanzija bankarja biex tkopri l-ħlas ta’ kwalunkwe interessi li jistgħu jakkumulaw fuqha, sal-eżitu tal-proċeduri fl-ewwel istanza. Groupe Gascogne jsostni li t-tul ta’ dawn il-proċeduri (kważi sitt snin) kien eċċessiv ( 58 ). Groupe Gascogne jsostni li l-Qorti Ġenerali kisret l-Artikolu 47 tal-Karta, billi naqset li tiddeċiedi fi żmien raġonevoli. Għalhekk, Groupe Gascogne jitlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tannulla s-sentenza appellata jew, sussidjarjament, li tnaqqas l-ammont tal-multa imposta filwaqt li tieħu inkunsiderazzjoni l-piż finanzjarju li hija sofriet b’riżultat tal-ksur tad-dritt fundamentali. |
|
97. |
Il-Kummissjoni ssostni, l-ewwel nett, li l-ilment ta’ Groupe Gascogne huwa inammissibbli peress li naqas milli jqajjem il-kwistjoni tan-nuqqas ta’ deċiżjoni fi żmien raġonevoli waqt is-seduta quddiem il-Qorti Ġenerali. It-tieni nett, is-sentenza appellata ma għandhiex tiġi annullata fl-intier tagħha peress li Groupe Gascogne ma lmentax li d-drittijiet tad-difiża tiegħu kienu miksura minħabba li l-Qorti Ġenerali naqset milli tiddeċiedi l-kawża ta’ Groupe Gascogne fi żmien raġonevoli. It-tielet nett, anki jekk il-Qorti tal-Ġustizzja tikkonkludi li l-proċeduri quddiem il-Qorti Ġenerali kienu indebitament twal, Groupe Gascogne ma sofra l-ebda telf materjali minħabba t-tul eċċessiv ta’ dawk il-proċeduri. Ir-raba’ nett, ir-rimedju xieraq f’tali ċirkustanzi huwa li Groupe Gascogne jressaq rikors separat għad-danni. Il-ħames nett, u sussidjarjament, jekk il-Qorti tal-Ġustizzja tordna li jingħata kumpens fil-proċeduri tal-appell, tali kumpens għandu jkun simboliku. |
Evalwazzjoni: kien hemm nuqqas ta’ għoti ta’ sentenza fi żmien raġonevoli?
|
98. |
Jiena nqis li Groupe Gascogne ma huwiex eskluż milli jqajjem għall-ewwel darba fl-appell quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja l-kwistjoni dwar jekk il-Qorti Ġenerali naqsitx milli tagħti sentenza fi żmien raġonevoli ( 59 ), għall-istess raġunijiet li jien stipulajt fil-punti 128 sa 130 tal-konklużjonijiet tiegħi f’Gascogne Sack Deutschland. |
|
99. |
Groupe Gascogne jsostni li kien hemm dewmien bejn it-tmiem tal-proċeduri bil-miktub u d-data meta hu rċieva l-avviż tas-seduta ( 60 ). Madankollu, Groupe Gascogne jikkonferma li l-proċeduri mxew malajr wara li l-kawża ġiet assenjata mill-ġdid lil imħallef relatur ġdid f’Settembru 2010 ( 61 ). |
|
100. |
Groupe Gascogne ppreżenta r-rikors tiegħu għal annullament fit-23 ta’ Frar 2006. Il-proċedura bil-miktub intemmet fit-23 ta’ Lulju 2007. Fit-23 ta’ Settembru 2010, ir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali informa lil Groupe Gascogne li l-kawża kienet ġiet assenjata lir-Raba’ Awla (f’dak l-istadju, kien hemm perijodu ta’ inattività ta’ madwar tliet snin u xahrejn). Fl-20 ta’ Ottubru 2010, Groupe Gascogne talab li l-proċedura bil-miktub terġa’ tinfetaħ mill-ġdid ( 62 ). Fl-14 ta’ Diċembru 2010 il-kumpannija ġiet informata li l-kawża kienet imħollija għas-smigħ. Il-kawża nstemgħet mill-Qorti Ġenerali fit-2 ta’ Frar 2011 u s-sentenza ngħatat fis-16 ta’ Novembru ta’ dik is-sena. |
|
101. |
X’inhu magħruf li jista’ jiġġustifika l-perijodu (twil) bejn it-tmiem tal-proċedura bil-miktub u l-konvokazzjoni tad-diversi seduti? |
|
102. |
Sa fejn huma kkonċernati l-kawżi dwar dan il-kartell, tal-inqas sittax-il intimat bid-deċiżjoni kontestata ressqu rikorsi għall-annullament quddiem il-Qorti Ġenerali ( 63 ). Waħda minn dawn il-kawżi kienet irtirata ( 64 ). F’żewġ kawżi oħra s-sentenza ngħatat fit-13 ta’ Settembru 2010 ( 65 ). F’disa’ kawżi oħra (inkluża dik preżenti) is-sentenza ngħatat fis-16 ta’ Novembru 2011. Tliet kawżi baqgħu pendenti quddiem il-Qorti Ġenerali. Apparti minn dan l-appell, Gascogne Sack Deutschland u Kendrion, hemm żewġ appelli oħra li fil-preżent għadhom pendenti quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja ( 66 ). |
|
103. |
Il-kawża ta’ Groupe Gascogne hija konnessa mill-qrib ma’ dik tal-kumpannija sussidjarja tiegħu, GSD. Madankollu, dik il-kawża mxiet bejn wieħed u ieħor bl-istess pass bħal dik tal-kumpannija parent tiegħu u għalhekk ma fixkilx il-proċeduri preżenti. |
|
104. |
Jekk jiġu applikati l-kriterji ta’ Baustahlgewebe, huwa evidenti li peress li Groupe Gascogne huwa responsabbli in solidum għal multa ta’ EUR 9.9 miljun, il-kawża hija ta’ importanza għall-impriża ( 67 ). Huwa ċar ukoll li l-kawża tqajjem kwistjonijiet kumplessi. |
|
105. |
Jien ma nqisx li t-tul ta’ żmien tal-proċeduri jista’ jkun attribwit għall-imġieba ta’ Groupe Gascogne. Huwa veru li fl-20 ta’ Ottubru 2010 Groupe Gascogne talab lill-Qorti Ġenerali biex tiftaħ mill-ġdid il-proċedura bil-miktub biex iqajjem argumenti dwar l-istatus ġdid post-Lisbona tal-Karta (ara l-punti 19 sa 21 iktar ’il fuq). Madankollu, huwa ċar mill-fatt li Groupe Gascogne kien innotifikat fl-14 ta’ Diċembru 2010 li l-kawża tiegħu kienet appuntata għas-smigħ, li dak l-inċident proċedurali ftit li xejn kellu effett jew ma kellu ebda effett fuq it-tul ta’ żmien globali tal-proċeduri. |
|
106. |
Sa fejn nista’ niġġudika jien, ma saret ebda ġestjoni attiva tal-kawża matul il-perijodu apparenti ta’ nuqqas ta’ attività (tliet snin u xahrejn) bejn it-tmiem tal-proċedura bil-miktub u t-talba ta’ Groupe Gascogne biex tinfetaħ mill-ġdid il-proċedura bil-miktub. |
|
107. |
Jien niċħad bħala sempliċi retorika l-argument — imressaq minn Groupe Gascogne — il-fatt li l-kawża tiegħu kienet appuntata għas-smigħ tliet xhur wara l-assenjazzjoni lil imħallef relatur ġdid ifisser li evidentement din setgħet tiġi ttrattata ab initio fi ħdan dak it-terminu ta’ żmien. Minn naħa, huwa illeġittimu kif ukoll inverosimili li jiġi dedott li l-imħallef relatur il-ġdid ġie assenjat proċessi li fuqhom ma sar ebda xogħol mill-predeċessur tiegħu u, min-naħa l-oħra, huwa ċar ħafna li l-Imħallef van der Woude u t-tim tiegħu għamlu sforzi eċċezzjonali biex iġibu l-kawżi dwar il-boroż tal-plastik industrijali għas-smigħ. Ikun għal kollox żbaljat u mhux realistiku li ż-żmien li huma ħadu jiġi użat bħala l-kejl li bih jiġi stabbilit x’kien ikun żmien raġonevoli “normali” għall-ipproċessar ta’ din il-kawża. |
|
108. |
Huwa neċessarju wkoll (kif indikajt iktar ’il fuq) li tingħata konċessjoni dovuta għal kwistjonijiet ta’ traduzzjoni u għall-istudju bir-reqqa ta’ diversi proċessi interkonnessi — motivi u annessi (normalment mhux tradotti) — relatati mal-istess kartell u deċiżjoni kontestata tal-Kummissjoni u li qajmu kwistjonijiet kumplessi ta’ fatt u ta’ liġi. Sa fejn nista’ niddeduċi mill-proċess, ma kien hemm ebda raġunijiet partikolari għalfejn l-appelli dwar dan il-kartell partikolari kellhom mill-bidu jiġu ttrattati b’urġenza speċjali (jew għalfejn, minn dawk 15-il rikors li kkontestaw id-deċiżjoni tal-Kummissjoni, it-3 li wasslu għall-appelli preżenti minn Groupe Gascogne, GSD u Kendrion kellhom ikunu identifikati mill-bidu għal trattament speċjali — ma kienx hemm, pereżempju, rikorsi għal miżuri temporanji li kienu argumentati tajjeb imma li fl-aħħar mill-aħħar ma kellhomx eżitu pożittiv). Fi kliem ieħor: l-appellanti kellhom dritt li jkollhom il-kawżi tagħhom ittrattati fi żmien raġonevoli, xejn iktar, xejn inqas. |
|
109. |
Abbażi ta’ dak l-istandard, u jekk ikunu applikati l-parametri ġenerali li stipulajt fil-punti 2 sa 95 iktar ’il fuq, il-konklużjoni inevitabbli madankollu hija li l-kawża ħadet wisq fit-tul. |
|
110. |
Fil-fehma tiegħi, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tirreżisti t-tentazzjoni li tidentifika, fis-sentenza tagħha, ċifra speċifika waħda ta’ xhur bħala n-norma taż-żmien li għandu jgħaddi bejn il-mument meta tintemm il-proċedura bil-miktub (bil-lingwa tal-proċedura) u l-mument li l-kawża tipika tal-kartell tiġi appuntata għas-smigħ. Filwaqt li jistgħu u għandhom ikunu ffissati miri interni, dawn iċ-ċifri qegħdin hemm bħala gwida. Jista’ jkun hemm raġunijiet perfettament validi biex ma jinżammux f’appell partikolari jew f’serje ta’ appelli. Isegwi — kif diġà indikajt ( 68 ) — li d-dewmien jista’ jiġi evalwat biss abbażi ta’ każ b’każ. |
|
111. |
Fl-istess waqt, nirrikonoxxi li ma huwiex biżżejjed li jingħad “kien hemm dewmien eċċessiv fil-kawża preżenti”. Minn naħa, huwa importanti li tingħata indikazzjoni tal-punt sa fejn id-dritt għal smigħ xieraq fi żmien raġonevoli nkiser. Min-naħa l-oħra, fil-każ li xi wieħed mir-rikorrenti jkollu f’moħħu li jagħmel kawża separata għad-danni ( 69 ), ikun meħtieġ li jiġi kwantifikat il-ksur biex tali talba tkun tista’ tiġi kkunsidrata. |
|
112. |
Ma nistax nenfasizza biżżejjed li l-kwantifikazzjoni tad-dewmien ma hijiex xi xjenza preċiża. Kull evalwazzjoni hija approssimattiva. Ħarsa lejn il-karatteristiċi ta’ dan il-każ, jekk jittieħdu fl-isfond tal-kontestazzjonijiet kollha kontra d-deċiżjoni kkontestata li ssanzjonat il-kartell tal-boroż tal-plastik industrijali, u jekk tiffoka fuq il-perijodu ta’ żmien li għadda bejn it-tmiem tal-proċedura bil-miktub u l-avviż tas-seduta, jiena naħseb li huwa raġonevoli li wieħed jgħid li l-każ seta’ ħa sa sentejn mingħajr ma neċessarjament ikun hemm dewmien li raġonevolment jista’ jiġi kkaratterizzat bħala “eċċessiv”. Minn dan isegwi — f’ċifri tondi — li dan il-każ ħa sena u nofs iktar fl-ewwel istanza fil-Qorti Ġenerali milli kellu jieħu. |
|
113. |
X’għandha tagħmel il-Qorti tal-Ġustizzja fejn il-kwistjoni ta’ nuqqas li tingħata deċiżjoni fi żmien raġonevoli titqajjem fil-kuntest ta’ appell? |
Rimedji
|
114. |
Meta kawża ma tkunx instemgħet fi żmien raġonevoli kwalunkwe rimedju għal dak il-ksur irid ikun effettiv ( 70 ). Fil-kuntest tal-KEDB, il-Qorti ta’ Strasburgu indikat li għandu jkun hemm proċedura speċifika fis-sistema legali tal-Partijiet Kontraenti li tittratta tali pretensjonijiet ( 71 ). |
|
115. |
F’Baustahlgewebe (tnaqqis fil-multa) u Der Grüne Punkt (azzjoni separata għad-danni, il-Qorti tal-Ġustizzja segwiet żewġ approċċi differenti). L-ebda wieħed minnhom ma hu perfett. |
|
116. |
Groupe Gascogne jitlob lill-Qorti tal-Ġustizzja biex tapplika l-approċċ li ttieħed f’Baustahlgewebe ( 72 ). Dan l-approċċ għandu l-vantaġġ ovvju tal-ekonomija proċedurali u għalhekk tal-effiċjenza. Madankollu, kif ser nispjega, jien għandi d-dubji dwar l-adegwatezza tal-bażi legali ta’ dan l-approċċ u sa liema punt jista’ jingħad li dan jipprovdi rimedju effettiv u xieraq ( 73 ). |
|
117. |
Skont l-approċċ f’Der Grüne Punkt, kawża separata għad-danni għandha titressaq quddiem il-Qorti Ġenerali, li għandha tiddetermina jekk ir-rikorrent sostniex dannu u jekk teżistix rabta ta’ kawżalità bejn dan id-dannu u n-nuqqas ta’ teħid ta’ deċiżjoni f’terminu raġonevoli, u wara jiġi kkwantifikat il-kumpens jekk ikun hemm. B’hekk, kull kumpens mogħti għandu jirrifletti d-dannu reali sostnut mir-rikorrent. L-approċċ Baustahlgewebe ma jinkludix tali eżami. Il-Qorti tal-Ġustizzja ma teżaminax it-talbiet dettaljati għal kumpens meta rikorrent jinvoka dewmien mhux dovut fil-kuntest ta’ appell ippreżentat kontra sentenza tal-Qorti Ġenerali li tikkonferma deċiżjoni tal-Kummisjoni li tissanzjona ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni. Min-naħa l-oħra, hija tagħmel stima globali tal-perċentwali tat-tnaqqis li huwa xieraq li jiġi applikat għall-multa inizzjali. Madankollu, l-approċċ Der Grüne Punkt huwa, b’definizzjoni, iktar tqil f’termini ta’ proċedura peress li trid tinbeda kawża oħra differenti. Barra minn hekk, it-talba għal danni għandha titressaq quddiem il-Qorti Ġenerali, li huwa preċiżament il-mod kif dar għall-proċedura fil-mertu li hija s-suġġett ta’ din il-kawża għal danni. Tali kawża tkun konformi mar-rekwiżiti tal-Artikolu 6(1) KEDB? |
|
118. |
Ma jidhirx li hemm rimedju komuni fil-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea għan-nuqqas li tingħata deċiżjoni fi żmien raġonevoli f’kawżi tal-kompetizzjoni. Ċerti Stati Membri jordnaw tnaqqis fil-multa imposta jew jistabbilixxu kundizzjoni inqas restrittivi għall-ħlas tagħha fejn ikun hemm dewmien eċċessiv ( 74 ). Stati Membri oħra jipprovdu kumpens finanzjarju minflok tnaqqis fil-multa. ( 75 ) Uħud adottaw dispożizzjonijiet speċifiċi rigward kumpens għal ksur tad-dritt għal smigħ xieraq fi żmien raġonevoli ( 76 ). Oħrajn jikkunsidraw li sentenza li tikkonstata li kien hemm nuqqas li tingħata deċiżjoni fi żmien raġonevoli hija suffiċjenti bħala rimedju ġust ( 77 ). Tal-inqas fi Stat Membru wieħed ( 78 ), hemm regoli speċifiċi li jirregolaw it-tnaqqis perċentwali fil-multa li għandu jiġi applikat għal nuqqas li tingħata deċiżjoni fi żmien raġonevoli fi kwistjonijiet ta’ kompetizzjoni. |
|
119. |
Il-Qorti tal-Ġustizzja stiednet lis-27 Stat Membru, lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill biex jindikaw bil-miktub il-fehmiet tagħhom dwar l-approċċ li ttieħed, rispettivament, f’Baustahlgewebe u Der Grüne Punkt. Seba’ Stati Membri indikaw preferenza għal tal-ewwel, tlieta kienu favur tal-aħħar u sitt Stati Membri ma esprimew ebda preferenza. Il-Kunsill qabel ma’ Baustahlgewebe, filwaqt li rrikonoxxa li ż-żewġ rimedji jikkoeżistu u l-ebda wieħed minnhom ma hu perfett. Il-Parlament Ewropew jikkunsidra li l-approċċ li ttieħed f’Der Grüne Punkt kien aħjar. |
|
120. |
Il-Qorti ta’ Strasburgu ddikjarat, li sentenza tista’ tikkostitwixxi rimedju xieraq f’kawżi fejn ikun ġie stabbilit li hemm irregolarità proċedurali ( 79 ). Barra minn hekk l-Artikolu 41 KEDB jipprovdi li l-Qorti tista’, fejn ikun xieraq, tagħti kumpens xieraq. Madankollu, ma hemm ebda dispożizzjoni ekwivalenti fid-dritt tal-Unjoni Ewropea li tagħti, espressament, is-setgħa lil din il-Qorti li tagħti “kumpens ġust”, ekwivalenti. |
|
121. |
Jiena nislet il-prinċipji li ġejjin mill-ġurisprudenza ta’ din il-Qorti, mill-KEDB kif interpretata mill-Qorti ta’ Strasburgu u t-tradizzjonijiet legali tal-Istati Membri. L-ewwel, ma hemm ebda approċċ uniformi. It-tieni, kwalunkwe approċċ huwa suxxettibbli li jkun imperfett, fis-sens li ser ikollu kemm vantaġġi u żvantaġġi. It-tielet, kwalunkwe rimedju jrid ikun effettiv biex ikun konformi mal-Artikolu 13 KEDB u l-Artikolu 47 tal-Karta. |
|
122. |
Għall-mument ejja mmorru għall-prinċipji bażiċi. |
|
123. |
Impriża tippreżenta rikors quddiem il-Qorti Ġenerali fejn titlob l-annullament ta’ deċiżjoni fil-qasam tal-kompetizzjoni. Jiġu ppreżentati s-soltu sottomissjonijiet bil-miktub; u tingħalaq il-proċedura bil-miktub. Għall-ewwel, dawk li jaġixxu għan-nom tal-impriża huma indifferenti għall-mogħdija taż-żmien: bla dubju l-qorti qiegħda taħdem fuq il-proċess. Wara ftit, isiru mistoqsijiet lir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali dwar kif ikun miexi l-każ. Fin-nuqqas ta’ xi sinjal ta’ ġestjoni attiva tal-kawża, forsi imbagħad tintbagħat xi ittra formali pulita lill-Qorti Ġenerali fejn jiġi espress tħassib dwar it-tul ta’ żmien li jkun diġà għadda, jiġu identifikati l-kapijiet ta’ danni probabbli (spejjeż addizzjonali mhux previsti tal-garanzija bankarja, inċertezza li tagħmel ħsara lill-prezz tal-ishma u li tagħmilha diffiċli li tippjana għall-futur, eċċ.) u li tirriżerva d-dritt tal-klijent li jargumenta li kien hemm dewmien mhux raġonevoli fit-trattament tal-appell u li jew titlob tnaqqis fil-multa oriġinarjament imposta jew li titlob id-danni. Jekk il-Qorti Ġenerali tirreaġixxi billi tħaffef il-proċess, ikun tajjeb — il-problema tinqatgħalha rasha mill-ewwel u ma jkun meħtieġ ebda rimedju ieħor. Madankollu jekk dan ma jseħħx, l-argument dwar dewmien jista’ jerġa’ jsir mill-ġdid waqt is-smigħ quddiem il-Qorti Ġenerali. |
|
124. |
Kif ser jiġi ttrattat dak l-ilment quddiem il-Qorti Ġenerali? Hawnhekk, jien nixtieq niddistingwi b’mod ċar bejn kawżi fejn l-appellant ikun għadu jista’ jeżerċita b’mod sħiħ id-drittijiet tad-difiża tiegħu u dawk il-każijiet — li wieħed jittama li jkunu rari — fejn il-mogħdija taż-żmien tkun għamlitha impossibbli għall-appellant li jkollu smigħ xieraq ( 80 ). F’dawk iċ-ċirkustanzi, l-uniku rimedju effettiv għal ksur tad-dritt għal smigħ xieraq fi żmien raġonevoli jkun tabilħaqq li tiġi annullata d-deċiżjoni kontestata. Imma fit-tliet appelli ma hemm xejn li jissuġġerixxi li Groupe Gascogne, GSD jew Kendrion ġew imfixkla fil-kapaċità tagħhom li jargumentaw l-appelli tagħhom b’mod effettiv. |
|
125. |
Il-multa li qiegħda tiġi kkontestata quddiem il-Qorti Ġenerali kienet imposta minħabba ksur speċifiku tar-regoli tal-kompetizzjoni. Fl-ipoteżi li l-ebda wieħed mill-aggravji sostantivi ma jintlaqa’, x’inhija l-loġika wara t-tnaqqis tal-multa? Jien mhux qiegħda nara li hemm xi loġika. Sa fejn l-impriżi jistgħu jindikaw kapijiet speċifiċi ta’ telf, li huma sofrew minħabba li dik il-parti mill-ħin meħud biex jinqata’ l-appell tagħhom jista’ jitqies li “mhux raġonevoli” jew “eċċessiv”, tista’ ssir talba (separata) għad-danni taħt l-Artikolu 340 TFUE. Iżda dewmien fil-Qorti Ġenerali huwa konċettwalment pjuttost distint mill-imġieba anti-kompetittiva li wasslet lill-Kummissjoni li timponi l-multa fl-ewwel lok. Għal dik ir-raġuni, l-ilment dwar dewmien żejjed quddiem il-Qorti Ġenerali jista’ jkun klassifikat bħala ineffettiv. Anki jekk huwa fondat fil-liġi u korraborat bil-fatti tal-każ, ma jista’ jkollu ebda effett fuq l-eżitu tal-appell ( 81 ). |
|
126. |
Iżda, jekk tali lment huwa ineffettiv quddiem il-Qorti Ġenerali, ċertament bl-istess mod huwa ineffettiv quddiem il-Qorti Ġenerali fl-appell? |
|
127. |
Huwa għal din ir-raġuni li jien ma naqbilx mal-approċċ f’Baustahlgewebe. L-immultar ta’ impriża għal ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni ma jistax jitqabbel ma’ sentenza ta’ kustodja fuq individwu, fejn id-dewmien fil-proċess ġudizzjarju jista’ tabilħaqq jiġi rrimedjat kif xieraq (jekk l-individwu xorta jinstab ħati u li ħaqqu l-priġunerija) permezz ta’ tnaqqis fis-sentenza li għandu jservi. Pjuttost, jekk l-impriża sofriet ħsara minħabba d-dewmien, dik il-ħsara tista’ tinqasam taħt kapijiet ta’ danni finanzjarji li l-kawża tagħhom tista’ tintrabat mal-ħin eċċessiv li jittieħed biex jinqata’ l-appell. Jistgħu jiġi prodotti provi u, meta d-dannu jkun ipprovat, jista’ jingħata kumpens xieraq. Fi ħdan l-ordinament ġuridiku tal-Unjoni Ewropea, hija l-Qorti Ġenerali, iktar milli l-Qorti tal-Ġustizzja, li hija l-ġurisdizzjoni kkonċernata bit-tfittxija dettaljata tal-fatti u l-evalwazzjoni tal-provi. Fil-fehma tiegħi dan jidher li huwa element ieħor favur il-konklużjoni li kawża separata għad-danni quddiem il-Qorti Ġenerali hija preferibbli minflok ma wieħed jipprova jagħti rimedju effettiv billi jnaqqas il-multi fl-appell. |
|
128. |
Lord Chancellor of England tat-18-il seklu darba staqsa, b’mod retoriku, “Qatt stennejt li korporazzjoni jkollha kuxjenza, meta ma għandha ebda ruħ x’tiġi kkundannata, u l-ebda ġisem biex jingħata bis-sieq? ( 82 )” Waħda mill-konsegwenzi tan-nuqqas ta’ tali karatteristiċi hija li din — mhux bħal fil-każ ta’ individwu — ma tistax b’mod plawżibbli titlob kumpens għat-trawma psikoloġika li jkollha proċess imdendel fuq rasha ( 83 ). Jekk ġiet affettwata fis-suq minħabba dewmien eċċessiv, jista’ jkun raġonevolment mistenni li wieħed jipprova jikkwantifika t-telf f’termini monetarji u li tiġi prodotta prova insostenn taċ-ċifri invokati ( 84 ). |
|
129. |
Jien inżid ngħid li l-iskumdità tiegħi bl-approċċ f’Baustahlgewebe hija aggravata b’sens ta’ tħassib dwar il-bażi legali preċiża għat-tnaqqis fil-multa f’ċirkustanzi bħal dawn. Għal darb’oħra jista’ jkun utli hawnhekk li wieħed imur għall-prinċipji bażiċi. |
|
130. |
Meta l-Kummissjoni timponi multa, din għandha diskrezzjoni dwar l-ammont. Ma hemm ebda dispożizzjoni speċifika fir-Regolament Nru 1/2003 li tagħti bażi legali għat-tnaqqis fil-multa li altrimenti kienet timponi minħabba li l-proċeduri ħadu wisq żmien. Madankollu huwa dan li għamlet il-Kummissjoni f’Dutch Beer ( 85 ). Fl-appell, il-Qorti Ġenerali għamlet tnaqqis supplimentari ta’ 5 % fil-multa, minkejja li l-aggravji sostantivi ġew miċħuda. |
|
131. |
Għalija ma huwiex ċar kif l-Artikolu 261 TFUE (li ġie invokat mill-Qorti Ġenerali) jipprovdi bażi sodisfaċenti għal tnaqqis ta’ multa meta ma jkun hemm ebda raġunijiet sostantivi għal tibdil fl-evalwazzjoni tal-Kummissjoni tal-multa li kienet xierqa għall-ksur. Tabilħaqq, l-Artikolu 31 tar-Regolament Nru 1/2003 u l-Artikolu 261 TFUE jagħtu lill-Qorti Ġenerali (u lill-Qorti tal-Ġustizzja fl-appell) “ġurisdizzjoni sħiħa”; iżda din il-ġurisdizzjoni sħiħa hija intimament konnessa mal-adegwatezza (jew le) tal-multa imposta fir-rigward tal-ksur li sar. Id-dewmien fi proċedura — kemm jekk ikun dewmien tal-Kummissjoni matul il-fażi amministrattiva jew dewmien tal-Qorti Ġenerali matul il-fażi ġudizzjarja — ma għandu x’jaqsam xejn mal-imġieba tal-impriża jew il-gravità tal-ksur. |
|
132. |
Jiena konxja li d-dixxiplina ta’ dan l-approċċ ma tikkoinċidix mal-pożizzjoni adottata mill-Qorti Ġenerali meta eżaminat ilmenti dwar dewmien żejjed ( 86 ). Dan l-approċċ lanqas kien adottat minn din il-Qorti f’Baustahlgewebe. Madankollu, fil-fehma tiegħi, il-Qorti tal-Ġustizzja issa tinsab f’punt fejn tista’ u għandha tiddeċiedi dwar liema hija l-aħjar miż-żewġ rotot ta’ rimedju li huma disponibbli fil-preżent. Jiena nifhem li, fil-kuntest ta’ appell, it-tentazzjoni tkun li wieħed imur għall-“effiċjenza u ekonomija proċedurali” li titnaqqas il-multa (b’xi perċentwali mhux speċifikat, ikkalkolat fuq xi bażi mhux magħrufa) ( 87 ). Jiena mhux konvinta mis-sisien intellettwali ta’ tali approċċ (ir-relazzjoni bejn il-multa u l-andament; il-ġurisdizzjoni; it-trasparenza) u fl-agħar ipoteżi, dan l-approċċ għandu l-potenzjal li jsir kważi għal kollox arbitrarju. (Jien inżid li, kieku l-leġiżlatur kellu jiddeċiedi li jintroduċi regoli speċifiċi li jirregolaw x’għandu jiġri għal-livelli ta’ multi jekk ikun hemm dewmien eċċessiv fil-fażi amministrattiva jew fil-fażi ġudizzjarja ta’ kawżi ta’ kompetizzjoni, din tkun kwistjoni għalkollox differenti; iżda sa issa dik it-triq — jidhirli — għadha ma ġietx esplorata). |
Kwantifikazzjoni tad-danni
|
133. |
Groupe Gascogne jsostni li sofra danni minħabba t-tul eċċessiv tal-proċeduri quddiem il-Qorti Ġenerali. Madankollu, ma identifikax, bħala talba għad-danni, it-telf li huwa jattribwixxi għall-ksur tad-dritt tiegħu għal smigħ xieraq fi żmien raġonevoli ( 88 ). Hawnhekk ukoll, jista’ jkun utli li wieħed imur lura għall-prinċipji bażiċi. |
|
134. |
Meta l-Kummissjoni timponi multa minħabba ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni, u l-impriża li tiġi intimata bid-deċiżjoni tiddeċiedi li tikkontesta d-deċiżjoni tal-Kummissjoni quddiem il-Qorti Ġenerali, din l-impriża għandha għażla. Tista’ jew tħallas il-multa jew tikseb garanzija bankarja li tkopri kemm il-multa nnifisha u kemm kwalunkwe responsabbiltà għall-ħlas ta’ interessi li jakkumulaw fuq dik is-somma ( 89 ). Jidher illi hija prattika standard li l-impriżi jieħdu deċiżjoni kummerċjali li jagħmlu din l-aħħar għażla, għaliex normalment jikkunsidraw li huwa fl-interess finanzjarju tagħhom li jagħmlu dan. Fi kwalunkwe każ, dan huwa dak li għamel Groupe Gascogne ( 90 ). |
|
135. |
Appell ma għandux effett sospensiv. Lanqas ma jingħata rimedju provviżorju biex jiġi protett rikorrent minn dannu purament finanzjarju filwaqt li tkun pendenti kawża ( 91 ). Għalhekk, anki fejn impriża tikkontesta b’suċċess deċiżjoni tal-Kummissjoni li timponilha multa u tingħata deċiżjoni li jew tħassar dik id-deċiżjoni kompletament jew tal-inqas tnaqqas il-multa, din xorta jkollha tħallas l-ispejjeż biex tiffinanzja kwalunkwe garanzija bankarja li tkun tat u mbagħad trid tħallas ukoll kemm kwalunkwe multa li tkun għadha pendenti kif ukoll l-interessi li jkunu akkumulaw fuqha. Dawn l-ispejjeż ta’ finanzjament ma humiex rekuperabbli. |
|
136. |
B’kuntrast ma’ dan, jekk impriża tagħżel li tħallas il-multa u mbagħad tikkontesta b’suċċess id-deċiżjoni li timponiha, dik l-impriża tkun intitolata li tirkupra kemm is-somom imħallsa kif ukoll l-interessi fuqhom. L-interessi mħallsa jikkumpensaw għall-fatt li r-rikorrent ma kellux l-użu ta’ dawk il-flus waqt li l-proċeduri kienu pendenti. |
|
137. |
Meta r-rikors quddiem il-Qorti Ġenerali jinstema’ fi żmien raġonevoli, huwa għalhekk aċċettat li impriża li tagħżel li tassigura l-ħlas tal-multa permezz ta’ garanzija bankarja hija responsabbli għall-ispejjeż finanzjarji li jirriżultaw mid-deċiżjoni tagħha li ma tħallasx il-multa mill-ewwel. Meta l-proċeduri quddiem il-Qorti Ġenerali jtawwlu ż-żejjed, dik l-impriża tkun suġġetta għal (i) inċertezza (ii) spejjeż addizzjonali, peress li trid tagħmel tajjeb għall-ispejjeż biex tiffinanzja l-garanzija bankarja tagħha għal iktar milli mistenni. Madankollu, sa fejn ikun hemm telf materjali għall-perijodu li jeċċedi dak li kien ikun “żmien raġonevoli” biex jinstema’ dak l-appell, din tibqa’ kwistjoni separata mill-ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni li jkun sar minn dik l-impriża u l-multa imposta li tippenalizza l-ksur. Kif ser nispjega iktar ’il quddiem, ma jsegwix neċessarjament li tali spejjeż dejjem ikunu ekwivalenti għat-telf materjali, peress li l-impriża għażlet dak il-metodu partikolari biex tissodisfa l-obbligu li tħallas dik il-multa ( 92 ). |
|
138. |
Għalhekk, meta tiġi imposta multa fuq impriża minħabba ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni, it-tul ta’ żmien li jittieħed biex tinstema’ l-kawża tagħha ma għandu ebda rilevanza fuq il-multa nnifisha. |
|
139. |
Qabel ma nikkonkludi b’mod definittiv favur l-approċċ tat-talba separata għad-danni, hemm żewġ żvantaġġi ovvji li neħtieġ li nindirizza. L-ewwel wieħed, f’kuntest fejn diġà inħela biżżejjed żmien, xi ngħidu għaż-żmien addizzjonali li jkun meħtieġ biex titmexxa kawża separata għad-danni? It-tieni wieħed, hemm problemi li jirriżultaw mill-fatt li t-talba għad-danni jkollha titressaq quddiem dik il-qorti stess li qiegħed jingħad li kkawżat ħsara billi naqset milli tisma’ fi żmien raġonevoli l-appell sostantiv tagħha kontra d-deċiżjoni tal-Kummissjoni? |
|
140. |
Sa fejn hija kkonċernata l-ewwel oġġezzjoni, ma hemmx għalfejn wieħed jgħid li l-Qorti Ġenerali jkollha tiżgura li kull kawża għad-danni separata tinstema’ malajr. Sakemm tagħmel dan, jien naħseb li l-ewwel oġġezzjoni potenzjali tista’ tiġi miċħuda. |
|
141. |
It-tieni oġġezzjoni potenzjali hija iżjed serja. Kawżi għad-danni kontra istituzzjoni tal-Unjoni Ewropea jaqgħu esklużivament taħt il-ġurisdizzjoni tal-Qorti Ġenerali. Dik il-qorti jkollha teżamina kwistjonijiet ta’ fatt li jirriżultaw minn tali talba għad-danni, bħal pereżempju jekk kienx hemm telf materjali u/jew mhux pekunjarju li kien ikkawżat mill-ksur tal-Artikolu 47 tal-Karta. (Jekk ma kienx diġà hemm konstatazzjoni mill-Qorti tal-Ġustizzja fl-appell li kien hemm dewmien eċċessiv quddiem il-Qorti Ġenerali, waħda mill-kwistjonijiet ta’ fatt li trid tiġi ddeterminata tkun, jekk, tabilħaqq, kienx hemm dewmien eċċessiv). |
|
142. |
Anki jekk tali proċeduri jkunu ovvjament suġġetti għal reviżjoni mill-Qorti tal-Ġustizzja fl-appell, il-fatt li l-Qorti Ġenerali tkun kemm il-parti li kontriha hemm allegazzjoni ta’ ksur tad-drittijiet fundamentali kif ukoll il-qorti li quddiemha tressqet it-talba, ifisser li din ma tkunx tikkwalifika bħala “tribunal indipendenti u imparzjali” fis-sens tal-Artikolu 6(1) KEDB ( 93 )? |
|
143. |
Il-Qorti ta’ Strasburgu ddeċidiet li l-kunċetti ta’ indipendenza u l-imparzjalità huma konnessi mill-qrib. Il-fatturi li ġejjin huma rilevanti fi kwalunkwe evalwazzjoni dwar l-indipendenza: il-mod ta’ kif issir il-ħatra tal-membri tat-tribunal ikkonċernat, it-tul tal-mandati tagħhom fil-ħatra, jekk hemmx garanzija kontra pressjonijiet esterni u jekk il-korp ikkonċernat għandux dehra ta’ indipendenza. Fir-rigward tal-imparzjalità, il-Qorti ta’ Strasburgu ddeċidiet l-ewwel nett, li l-qorti trid tkun ħielsa suġġettivament minn preġudizzju jew inklinazzjonijiet personali; u t-tieni, li trid tkun imparzjali minn perspettiva oġġettiva, jiġifieri trid toffri garanziji suffiċjenti biex jiġi eskluż kull dubju leġittimu f’dak ir-rigward ( 94 ). |
|
144. |
Mill-Artikolu 252 TFUE u l-Artikoli 2 u 3 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-membri tal-Qorti Ġenerali huma suġġetti għall-obbligi li għandhom l-għan li jiżguraw li jkunu indipendenti u imparzjali. Barra minn hekk huwa ċar li ma huwiex probabbli li l-indipendenza tagħhom titqiegħed fid-dubju fl-evalwazzjoni tat-talbiet għad-danni, għax ma humiex suġġetti għas-sorveljanza ta’ xi istituzzjoni jew korp li jista’ jkollu interess fl-eżitu ta’ tali proċeduri. |
|
145. |
Fil-fehma tiegħi, il-kwistjoni reali hija jekk il-Qorti Ġenerali titqiesx li hija imparzjali meta tiddeċiedi dwar talba għad-danni li toriġina minn allegazzjoni li l-Qorti Ġenerali nnifisha kienet responsabbli għall-ksur tad-drittijiet fundamentali tar-rikorrent. |
|
146. |
Fil-fatt, hemm fatturi adegwati li jimmilitaw favur li jiġi kkunsidrat li l-Qorti Ġenerali tista’ raġonevolment tkun ikkunsidrata li hija suffiċjentement imparzjali. |
|
147. |
L-ewwel nett, kwalunkwe kumpens li jista’ jkun dovut ma jiġix mill-Qorti Ġenerali nnifisha. Dan jiġi mill-baġit tal-Unjoni Ewropea, u b’hekk il-Qorti Ġenerali ma jkollha ebda interess dirett fil-konsegwenzi finanzjarji tal-proċeduri ( 95 ). It-tieni nett, sabiex tilħaq ir-rekwiżit suġġettiv li tkun ħielsa mill-inklinazzjonijiet personali ( 96 ) il-Qorti Ġenerali trid tiżgura li tali kawża għad-danni tinstema’ minn awla ta’ imħallfin differenti minn dik li semgħet il-kwistjoni sostantiva. It-tielet nett, sa fejn l-argument li kien hemm ksur tal-Artikolu 47 tal-Karta huwa probabbli li jitqajjem fl-appell pjuttost milli quddiem il-Qorti Ġenerali, hija l-Qorti tal-Ġustizzja li jkollha tiddeċiedi jekk kienx hemm jew le dewmien eċċessiv. Ir-rwol tal-Qorti Ġenerali jkun limitat għall-eżaminazzjoni tal-provi u għall-valutazzjoni tal-ammont. Ir-raba’ nett, għalkemm is-sitwazzjoni li tkun tat lok għal proċeduri ta’ ksur tal-Artikolu 47 tal-Karta taqa’ fi ħdan l-isfera tal-ġurisdizzjoni tal-Qorti Ġenerali, ikun ir-rwol tal-Kummissjoni, fil-missjoni tagħha li tippromwovi l-interess ġenerali tal-Unjoni Ewropea skont l-Artikolu 17(1) TUE, li tkun il-konvenuta fil-proċeduri quddiem dik il-qorti ( 97 ). Il-ħames nett, kull deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali tkun ċertament suġġetta għal reviżjoni fuq punti ta’ liġi mill-Qorti tal-Ġustizzja. |
|
148. |
Għalhekk, jien nikkonkludi li, sa fejn l-appellant jikkunsidra li sofra telf b’riżultat tan-nuqqas tal-Qorti Ġenerali milli tiddisponi mill-kawża tiegħu fi żmien raġonevoli, kawża għad-danni fil-Qorti Ġenerali tikkostitwixxi rimedju iktar xieraq u effettiv għall-iskopijiet tal-Artikolu 47 tal-Karta, kif interpretat fid-dawl tal-Artikoli 6(1) u 13 KEDB, milli xi tnaqqis fl-ammont tal-multa ( 98 ). Sa fejn ikun xieraq li b’xi mod ikun rikonoxxut espressament il-ksur tal-Qorti Ġenerali indipendentement minn kwalunkwe eventwali kawża għal danni, jien inqis li dikjarazzjoni f’dak is-sens mill-Qorti tal-Ġustizzja tikkostitwixxi rimedju ġust. |
|
149. |
Jeħtieġ li jiġi indirizzat punt wieħed finali: liema jkun “il-fatt li jagħti lok” għar-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni għall-iskopijiet tal-Artikolu 46 tal-Istatut? Fil-fehma tiegħi, dan il-fatt għandu jkun il-konstatazzjoni minn din il-Qorti li kien hemm dewmien eċċessiv quddiem il-Qorti Ġenerali ( 99 ). Għalhekk il-preskrizzjoni ta’ ħames snin li matulhom għandha titressaq kwalunkwe talba għad-danni tibda tiddekorri mid-data tas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja f’dan l-appell. |
|
150. |
Jien għalhekk nissuġġerixxi li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha tagħmel dikjarazzjoni li kien hemm dewmien ta’ bejn wieħed u ieħor 18-il xahar biex inqata’ l-appell ta’ Groupe Gascogne quddiem il-Qorti Ġenerali; u li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha tagħmilha ċara li Groupe Gascogne jista’ jressaq kawża separata għad-danni jekk jagħżel li jagħmel dan. |
L-ispejjeż
|
151. |
Jekk il-Qorti tal-Ġustizzja taqbel mal-evalwazzjoni tiegħi tal-appell, allura, skont l-Artikoli 137, 138, 140 u 184 tar-Regoli tal-Proċedura, moqrija flimkien, Groupe Gascogne, il-parti telliefa fuq l-aggravji sostantivi kollha għandu jiġi kkundannat iħallas l-ispejjeż tal-proċeduri. |
Konklużjoni
|
152. |
Għalhekk nikkunsidra li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha:
|
( 1 ) Lingwa oriġinali: l-Ingliż.
( 2 ) Sentenzi tas-16 ta’ Novembru 2011, Kawża T-54/06, Kendrion vs Il-Kummissjoni, Kawża T-72/06, Groupe Gascogne vs Il-Kummissjoni, u Kawża T‑79/06, Sachsa Verpackung GmbH vs Il-Kummissjoni. Sommarju tat-tliet sentenzi appellati ġie ppubblikat bl-Ingliż. It-test sħiħ tat-tliet sentenzi huwa disponibbli bil-Franċiż fuq is-sit internet tal-Qorti tal-Ġustizzja. It-test sħiħ tas-sentenza Kendrion huwa disponibbli wkoll bl-Olandiż.
( 3 ) Deċiżjoni C(2005) 4634 finali tal-Kummissjoni tat-30 ta’ Novembru 2005 dwar proċedura skont l-Artikolu 81 KE (Każ KOMP/38354‑Boroż Industrijali) (iktar ’il quddiem “id-deċiżjoni”). Ġie ppubblikat sommarju tagħha fil-ĠU 2007 L 282, p. 41.
( 4 ) Kawża C-40/12 P, Gascogne Sack Deutschland vs Il-Kummissjoni, Kawża C-50/12 P, Kendrion vs Il-Kummissjoni, u Kawża C‑58/12 P Groupe Gascogne vs Il-Kummissjoni (il-kwistjoni preżenti). Għall-istampa sħiħa, fir-rigward tar-rikorsi mibdija quddiem il-Qorti Ġenerali kontra deċiżjoni quddiem il-Qorti Ġenerali u dwar l-appelli ppreżentati sussegwentement quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, ara l-punt 102 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
( 5 ) ĠU 2010 C 83, p. 2 (iktar ’il quddiem, il-“Karta”).
( 6 ) Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 4 iktar ’il fuq.
( 7 ) Il-konklużjonijiet fit-tliet appelli ġew ippreżentati fit-30 ta’ Mejju 2013.
( 8 ) Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003 tas-16 ta’ Diċembru 2002 dwar l-implimentazzjoni tar-regoli fuq il-kompetizzjoni mniżżilin fl-Artikoli 81 u 82 tat-Trattat (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 2, p. 205). Ir-Regolament Nru 17 tħassar permezz tal-Artikolu 43(1) tar-Regolament Nru 1/2003. Fil-parti 6 tad-deċiżjoni, il-Kummissjoni ċċitat iż-żewġ regolamenti bħala l-bażi legali għall-multi imposti. Id-dispożizzjonijiet rilevanti tar-Regolamenti Nru 17 huma l-Artikolu 15(2) u l-Artikolu 17. Dawn huma riflessi fl-Artikolu 23(2) u (3) u l-Artikolu 31 tar-Regolament Nru 1/2003. F’dawn il-konklużjonijiet ser nirreferi għad-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 1/2003, li għandhom jiġu interpretati li jkopru wkoll l-Artikoli 15(2) u 17 tar-Regolament Nr 17, peress li dawn ma ġewx mibdula materjalment sa fejn dan hu rilevanti għall-kwistjonijiet imqajma f’dan l-appell.
( 9 ) Kawża C-413/08 P, Lafarge vs Il-Kummissjoni, Ġabra p. I-5361, punt 102. Il-Linji Gwida tal-Kummissjoni għall-kalkolu tal-multi imposti skont l-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17 u tal-Artikolu 65(5) tat-Trattat KE (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 1, p. 3) (iktar ’il quddiem il-“Linji gwida tal-Kummissjoni tal-1998”), jindikaw, huma wkoll, id-dħul mill-bejgħ dinji fir-rigward tal-limitu ta’ 10 % stabbilit mill-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003. Għalhekk ser nuża l-espressjoni “bejgħ dinji” f’dawn il-konklużjonijiet meta nkun qed nirreferi għall-bejgħ tal-grupp kollu.
( 10 ) Is-Seba’ Direttiva tal-Kunsill 83/349/KE, tat-13 ta’ Ġunju 1983, ibbażata fuq l-Artikolu 54(3)(g) tat-Trattat dwar il-kontijiet konsolidati (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 58).
( 11 ) Ara l-ewwel premessa tal-Preambolu tad-Direttiva dwar il-kontijiet konsolidati.
( 12 ) Ara t-tielet premessa tal-Preambolu tad-Direttiva dwar il-kontijiet konsolidati.
( 13 ) Kawża T-72/06, Groupe Gascogne, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 2 (“is-sentenza appellata”).
( 14 ) Skont ġurisprudenza stabbilita l-imġieba ta’ sussidjarja tista’ tkun imputata lill-kumpannija parent tagħha, b’mod partikolari, fejn is-sussidjarja ma tiddeċidix b’mod indipendenti l-politika kummerċjali tagħha. F’tali ċirkustanzi l-kumpannija parent u sussidjarja tagħha jiffurmaw impriża singola għall-għanijiet tal-Artikolu 101 TFUE. Il-Kummissjoni tista’ tindirizza deċiżjoni li timponi multi lill-kumpannija parent mingħajr ma jkollha għalfejn tistabbilixxi l-involviment personali fil-ksur. Meta kumpannija parent tkun proprjetarja ta’ 100 % tal-kapital azzjonarju hemm il-preżunzjoni li hija kapaċi teżerċita influwenza deċiżiva fuq il-kumpannija sussidjarja tagħha u li jkun hemm preżunzjoni konfutabbli li fil-fatt hija teżerċita tali influwenza (“il-preżunzjoni ta’ influwenza deċiżiva”). Ara l-punti 42 sa 46 tas-sentenza li l-Qorti tal-Ġustizzja tat fil-kawżi magħquda C-628/10 u C-14/11 P, Alliance One International and Standard Commercial Tobacco vs Il-Kummissjoni, kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).
( 15 ) Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 14 iktar ’il fuq.
( 16 ) Kawża C-521/09 P, Elf Aquitaine vs Il-Kummissjoni, Ġabra p. I-8947, punti 59 sa 62.
( 17 ) Traduzzjoni tiegħi.
( 18 ) Alliance One, iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 14, punt 111 u l-ġurisprudenza ċċitata.
( 19 ) Ara l-punt 29 iktar ’il fuq.
( 20 ) Ara l-punti 30 sa 32 iktar ’il fuq.
( 21 ) Ara, pereżempju, il-kawżi magħquda C-402/05 P u C-415/05 P, Kadi u Al Barakaat International Foundation vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni, Ġabra 2008, p. I‑6351 iktar ’il quddiem is-sentenza “Kadi”, punt 335).
( 22 ) Kawża C-289/11 P, Legris Industries vs Il-Kummissjoni, punt 36).
( 23 ) Alliance One (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 14, punt 113).
( 24 ) Elf Aquitaine, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 16, punti 59 sa 62.
( 25 ) Traduzzjoni tiegħi.
( 26 ) Alliance One, iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 14, punt 64.
( 27 ) Traduzzjoni tiegħi.
( 28 ) Alliance One, iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 14, punt 42.
( 29 ) Kawżi magħquda C-189/02 P, C-202/02 P, C-205/02 P sa C-208/02 P u C-213/02 P, Dansk Rørindustri et vs Il-Kummissjoni, Ġabra 2005, p. I‑5425, punti 280 u 281.
( 30 ) Il-predeċessur tal-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003.
( 31 ) Il-prinċipji rilevanti fil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja diġà kienu stipulati fil-punt 40 iktar ’il fuq.
( 32 ) Kawża T-112/05, Ġabra 2007, p. II-5049).
( 33 ) Traduzzjoni tiegħi.
( 34 ) Traduzzjoni tiegħi.
( 35 ) Ara l-punt 56 iktar ’il fuq.
( 36 ) Kawża C-185/95 P, Baustahlgewebe vs Il-Kummissjoni, Ġabra 1998, p. I‑8417 (“Baustahlgewebe”), Kawża C-385/07 P,, Der Grüne Punkt Duales System Deutschland GmbH vs Il-Kummissjoni, Ġabra 2009, p. I‑6155 (“Der Grüne Punkt”) u Kawża C-110/10 P, Solvay SA vs Il-Kummissjoni, Ġabra p. I-10439 (“Solvay”). F’din l-aħħar kawża, kien ġie kkontestat, lill-Kummissjoni, li ma kinitx għalqet il-proċedura amministrattiva fi żmien raġonevoli, u, lill-Qorti Ġenerali, li ma kinitx qagħtet il-kawża mressqa quddiemha fi żmien raġonevoli.
( 37 ) Ara wkoll il-konklużjonijiet tiegħi f’Gascogne Sack Deutschland, punti 124 sa 140, u f’Kendrion, punti 108 sa 134.
( 38 ) Kadi, iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 21, punt 335.
( 39 ) L-Artikolu 47 tal-Karta jinkludi dawn iż-żewġ drittijiet. B’mod speċifiku, l-Artikolu 47(1) jiggarantixxi d-dritt għal rimedju effettiv; l-Artikolu 47(2) id-dritt għal smigħ xieraq u pubbliku fi żmien raġonevoli.
( 40 ) Kawża C-334/12 RX, Arango Jaramillo et vs Bank Ewropew għall-Investiment (BEI) (“Jaramillo”), punt 28.
( 41 ) Sürmeli vs Il-Ġermanja [GC], Nru 75529/01, punt 137, KEDB 2006‑VII.
( 42 ) L-Artikolu 58 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja.
( 43 ) Baustahlgewebe, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 36 iktar ’il fuq, punt 19, u Der Grüne Punkt, iċċitati fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 36 iktar ’il fuq, punt 176.
( 44 ) Pélissier u Sassi vs Franza [GC], Nru 25444/94, punt 67, KEDB 1999‑II.
( 45 ) Baustahlgewebe, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 36 iktar ’il fuq, punti 28 u 29.
( 46 ) Baustahlgewebe, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 36 iktar ’il fuq, punti 43. Ara wkoll l-Artikoli 36 u 37 tar-Regoli tal-Proċedura li jikkonċernaw id-determinazzjoni tal-lingwa ta’ kawża.
( 47 ) Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 36 iktar ’il fuq.
( 48 ) Għal sunt utli, ara r-Rapport Annwali tal-Qorti Ġenerali, proċedimenti tal-Qorti Ġenerali u Statistika dwar l-attività ġudizzjarja tal-Qorti Ġenerali disponibbli fuq http:/curia.europa.eu/jcms/jcmsJ02_7000/.
( 49 ) Jien hawnhekk qiegħed nibbaża ruħi fuq dik li tidher li hija l-prattika normali għal proċeduri bil-miktub f’kawżi ta’ kompetizzjoni quddiem il-Qorti Ġenerali b’mod ġenerali. Ċertament ikun possibbli li s-sistema tkun ristrutturata biex il-kawżi tal-kompetizzjoni jiġu ttrattati pjuttost b’mod differenti matul il-proċess ġudizzjarju. Madankollu nenfasizza, li l-kwistjoni f’dan l-appell (bħal f’Kendrion u f’GSD u l-Kawża C-578/11 P Deltafina (li għadha pendenti u preżentement sospiża)), tikkonċerna jekk kienx hemm dewmien eċċessiv biex tiġi ttrattata kawża partikolari, mhux jekk tkunx idea tajba li jsir tibdil radikali fis-sistema eżistenti.
( 50 ) Dan huwa, bla preġudizzju għall-osservazzjoni li għamilt fin-nota ta’qiegħ il-paġna preċedenti: anki f’sistema ddisinjata mill-ġdid, ir-realtà ta’ kartelli fi Stati Membri differenti u n-natura multilingwi tal-UE, fil-fehma tiegħi ser tagħmilha diffiċli li kawżi tal-kompetizzjoni tal-UE jiġu ttrattati bl-istess ħeffa bħal kawża tal-kompetizzjoni domestika.
( 51 ) Kawża C‑272/09 P, KME Germany et vs Il-Kummissjoni, Ġabra p. I-12789, punti 102 sa 106, kif ukoll il-ġurisprudenza iċċitata; ara wkoll il-punti 68 u 69 tal-konklużjonijiet li ppreżentajt f’din il-kawża u l-ġurisprudenza li kkwotajt.
( 52 ) Ara l-punt 72 iktar ’il fuq.
( 53 ) Ara Parti II ta’ http://curia.europa.eu/jcms/upload/docs/application/pdf/2011-04/projet_en.pdf.
( 54 ) Ittra mill-President Jaeger lill-Presidenza Irlandiża, datata 12 ta’ Marzu 2013, ippubblikata fuq http://register.consilium.europa.eu/pdf/en/13/st07/st07758.en13.pdf. Fit-23 ta’ Mejju 2012, il-President Jaeger kien kiteb lill-Kunsill biex jiġu identifikati l-imħallfin li t-terminu tagħhom fil-kariga ser jiskadi fil-31 ta’ Awwissu 2013 u biex issir talba lill-gvernijiet ikkonċernati biex jippreżentaw il-proposti tagħhom qabel il-15 ta’ Novembru 2012: http://www.parlament.gv.at/PAKT/EU/XXIV/EU/08/82/EU_88277/imfname_10037088.pdf. Ara wkoll il-House of Lords European Union Committee, 16th Report of Session 2012-13, “Workload of the Court of Justice of the European Union: Follow-up Report”, b’mod partikolari l-paragrafi 59 u 67, http://www.publications.parliament.uk/pa/ld201213/ldselect/ldeucom/163/163.pdf. Ara wkoll l-ittra tas-26 ta’ Marzu 2013 mis-CCBE lill-President tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-ħatra tal-Imħallfin fil-Qorti tal-Ġustizzja tal-UE http://www.ccbe.eu/fileadmin/user_upload/NTCdocument/260313_EN__EU_Repsp1_1364893059.pdf..
( 55 ) Fiż-żmien tat-tħejjija ta’ dawn il-konklużjonijiet, jidher li x’aktarx (sakemm il-proċessi tal-ħatra jitlestew fil-ħin) ser ikun hemm sa disa’ mħallfin ġodda meta l-kompożizzjoni tal-Qorti Ġenerali tiġi parzjalment rinnovata f’Settembru 2013. Peress li ser ikun hemm imħallfin addizzjonali kemm fil-Qorti Ġenerali kif ukoll fil-Qorti tal-Ġustizzja mal-adeżjoni tal-Kroazja fl-UE fl-1 ta’ Lulju 2013, dan ser ifisser li iktar minn terz tal-membri tal-Qorti Ġenerali ser ikunu mbagħad ġodda fil-kariga.
( 56 ) Dak huwa l-approċċ li ġie adottat mill-Qorti ta’ Strasburgu; ara pereżempju, Findlay vs Ir-Renju Unit, 25 ta’ Frar 1997, punti 73 u 74, Rapporti tas-Sentenzi u Deċiżjonijiet 1997‑I.
( 57 ) Sentenza Jaramillo, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 40 iktar ’il fuq, punti 43 u 44.
( 58 ) Ir-rikors għal annullament kien ippreżentat fit-23 ta’ Frar 2006 u s-sentenza ngħatat fis-16 ta’ Novembru 2011.
( 59 ) Ara l-punt 75 iktar ’il fuq.
( 60 ) Dan hu fattur komuni fit-tliet appelli; ara wkoll Gascogne Sack Deutschland u Kendrion.
( 61 ) GSD u Kendrion ukoll jistqarru li l-kawżi tagħhom imxew malajr wara li kienu allokati lil imħallef relatur ġdid.
( 62 ) Ara l-punt 17 iktar ’il fuq.
( 63 ) Kien hemm sitt lingwi tal-proċedura differenti matul il-ħmistax-il kawża.
( 64 ) Digriet tas-6 ta’ Lulju 2006, Kawża T-43/06, Cofira Sac SA vs Il-Kummissjoni; it-test sħiħ tad-digriet tal-Qorti Ġenerali jista’ jiġi kkonsultat bil-Franċiż u bit-Taljan fuq is-sit internet tal-Qorti tal-Ġustizzja.
( 65 ) (i) Sentenza tat-13 ta’ Settembru 2010, Kawża T-26/06, Trioplast Wittenheim SA vs Il-Kummissjoni, Ġabra 2010, p. II‑188. It-test sħiħ huwa disponibbli bil-Franċiż u bl-Isvediż fuq is-sit internet tal-Qorti Ġenerali. (ii) Kawża T‑40/06, Trioplast Industrier vs Il-Kummissjoni, Ġabra 2010, p. II‑4893.
( 66 ) Kawża C‑35/12 P, Plásticos Españoles SA (ASPLA) vs Il-Kummissjoni, u Kawża C‑36/12 P, Armando Álvarez SA vs Il-Kummissjoni. Dawn iż-żewġ kawżi ġew sospiżi sakemm tingħata s-sentenza fil-kawżi Groupe Gascogne, Gascogne Sack Deutschland u Kendrion.
( 67 ) Il-multa imposta fuq GSD hija ta’ EUR 13.2 miljun. Groupe Gascogne hija responsabbli in solidum għal EUR 9.9 miljun mill-multa tal-kumpannija sussidjarja proprjetà kompletament tiegħu.
( 68 ) Ara l-punti 81 sa 84 iktar ’il fuq.
( 69 ) Ara l-punti 133 et seq iktar ’il quddiem.
( 70 ) Kudła vs Il-Polonja [GC], Nru 30210/96, punt 156, ECHR 2000‑XI.
( 71 ) Kudła vs Il-Polonja, iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 70, punt 157.
( 72 ) Ir-rikorrenti f’Gascogne Sack Deutschland u Kendrion adottaw approċċ simili.
( 73 ) Ara punti 130 u 131 iktar ’il quddiem.
( 74 ) L-Awstrija, il-Belġju, Franza, il-Ġermanja, il-Finlandja, il-Pajjiżi l-Baxxi, Spanja u r-Renju Unit.
( 75 ) Franza, l-Italja, il-Polonja u r-Rumanija.
( 76 ) Il-Ġermanja, il-Finlandja, l-Italja u l-Polonja.
( 77 ) Il-Ġermanja u l-Greċja.
( 78 ) Ir-regoli li ġejjin ġew żviluppati fil-ġurisprudenza tal-qrati tal-Pajjiżi l-Baxxi dwar affarijiet ta’ kompetizzjoni. It-tul tal-proċeduri huwa kkunsidrat li ma huwiex raġonevoli fejn it-tul kombinat tal-fażi amministrattiva u tal-fażi ġudizzjarja ikun ta’ iktar minn ħames snin u sitt xhur. Fejn il-perijodu li jaqbeż dak iż-żmien ikun inqas minn sitt xhur, il-multa tista’ titnaqqas sa 5 %. It-tnaqqis ikun sa 10 % (suġġett għal limitu ta’ EUR 10 000) fejn it-tul eċċessiv tal-proċeduri huwa ta’ bejn sitta u tnax-il xahar. Għal perijodi li jaqbżu t-12-il xahar il-qorti jkollha d-diskrezzjoni li tistabbilixxi l-ammont li bih għandha titnaqqas il-multa.
( 79 ) Hauschildt vs Id-Danimarka, 24 ta’ Mejju 1989, punt 58, Serjr A, Nru 154.
( 80 ) Forsi dan huwa iktar probabbli li jseħħ ma’ individwu milli ma’ impriża; iżda l-possibbiltà li xhud prinċipali għall-impriża jista’ jmut jew isir intraċċabbli matul il-kors ta’ proċeduri li jtawwlu ħafna ma tistax tiġi eskluża.
( 81 ) Kawża C‑46/98 P, EFMA vs Il-Kunsill, Ġabra 2000, p. I‑7079, punt 38, u iktar reċentement Kawża C‑520/09 P, Arkema vs Il-Kummissjoni,Ġabra p. I-8901, punt 31.
( 82 ) Edward, First Baron Thurlow Lord Chancellor of England 1778‑1783 u 1783‑1792, ikkwotat f’John Poynder, Literary Extracts (1844), Vol. 1, p. 268.
( 83 ) Il-Qorti ta’ Strasburgu akkordat xi kultant danni mhux pekunjarji meta tikkunsidra li r-rikorrent ikun sofra tbatija jew frustrazzjoni attribwibbli għad-dewmien biex tinqata’ l-kawża: ara, pereżempju, Barry vs L-Irlanda, Nru 18273/04 (15 ta’ Diċembru 2005), punt 61, u l-ġurisprudenza ċċitata. Madankollu, fejn ma jkun hemm ebda evidenza ta’ danni attribwibbli għad-dewmien, dik il-Qorti ma takkordax danni: ara, pereżempju, Hauschildt vs Id-Danimarka, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 79 iktar ’il fuq, punt 58.
( 84 ) Sal-punt li din setgħet ibbenefikat pożittivament mid-dewmien, din trid tagħti kredtu għal dak il-benefiċċju meta tikkwantifika t-telf globali.
( 85 ) Kawża T-235/07, Bavaria vs Il-Kummissjoni, Ġabra 2011, p. II‑3229 (“Dutch Beer”).
( 86 ) Ara, minbarra Dutch Beer iċċitata fin-nota tal-qiegħ il-paġna 85, Kawża T-18/03, CD-Contact Data vs Il-Kummissjoni, Ġabra 2009, p. II‑1021, u Kawża T-214/06, Imperial Chemical Industries vs Il-Kummissjoni).
( 87 ) Jien konxja, li fil-konklużjonijiet tagħha f’Solvay iċċitati fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 36 iktar ’il fuq, punt 198, l-Avukat Ġenerali Kokott issuġġeriet li jista’ jkun xieraq li titnaqqas il-multa imposta f’dak il-każ b’50%. Jekk mhux qiegħda niżbalja hija ma resqitx raġunijiet preċiżi għalfejn dak ikun il-perċentwal xieraq — jista’ jkun li tabilħaqq ħadet l-approċċ li, “fiċ-ċirkostanzi kollha tal-każ, iċ-ċifra korretta hija X”. Għar-raġunijiet li jien tajt, jiena ma nħossnix komda b’tali approċċ.
( 88 ) Il-pożizzjoni hija l-istess fil-każ ta’ GSD u Kendrion.
( 89 ) Ara l-ittra tal-Kummissjoni lil Groupe Gascogne datata 13 ta’ Diċembru 2005 (Anness 3 għar-rikors għall-annullament tad-deċiżjoni ta’ Groupe Gascogne quddiem il-Qorti Ġenerali).
( 90 ) Kif għamlu GSD u Kendrion.
( 91 ) Ara, pereżempju, id-digriet tal-President tal-Qorti Ġenerali tat-2 ta’ Marzu 2011, Kawża T-392/09 R 1. garantovaná vs Il-Kummissjoni.
( 92 ) Ara l-punti 134 sa 138.
( 93 ) Fi żmien Baustahlgewebe l-Avukat Ġenerali Léger kien ippropona li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha tisma’ tali kawżi. Madankollu, dan ma għadux iktar possibbli minħabba t-tibdil fir-regoli li jikkonċernaw il-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja wara t-Trattat ta’ Nice. Ara l-punt 321 tal-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Bot fil-Kawża Der Grüne Punkt, iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 36.
( 94 ) Findlay, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 55, punt 73.
( 95 ) Il-multi jiġu allokati għar-riżorsi tal-Unjoni Ewropea stess.
( 96 ) Ara l-punti 143 u 144 iktar ’il fuq.
( 97 ) Ara wkoll l-Artikolu 335 TFUE.
( 98 ) L-ilment preżenti ta’ Groupe Gascogne li qiegħed jitlob tnaqqis fil-multa fil-fehma tiegħi hija bbażata b’mod ċar fuq Baustahlgewebe: ma kinitx ippreżentata bħala talba separata għal telf materjali u/jew danni mhux pekunjarji, u din il-qorti lanqas ma għandha ġurisdizzjoni li tittratta tali talba.
( 99 ) Jekk il-“fatt” kien il-punt li fih ġestjoni raġonevoli ta’ kawża spiċċa f’dewmien eċċessiv, (a) ikun hemm inċertezza legali kunsiderevoli rigward il-mument minn meta bdiet tiddekorri l-preskrizzjoni ta’ ħames snin; u (b) dewmien verament eċċessiv quddiem il-Qorti Ġenerali jista’ wkoll iwassal biex talba tiġi preskritta qabel ma l-Qorti Ġenerali tat is-sentenza. Dan ma jistax ikun korrett.