KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

CRUZ VILLALÓN

ippreżentati fl-14 ta’ Marzu 2013 ( 1 )

Kawża C-57/12

Fédération des maisons de repos privées de Belgique (Femarbel) ASBL

vs

Commission communautaire commune

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Cour constitutionnelle)

“Direttiva 2006/123/KE — Servizzi fis-suq intern — Artikolu 2(2)(f) u (j) — Kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae — Servizzi ta’ kura tas-saħħa — Servizzi soċjali pprovduti minn entitajiet privati — Ċentri ta’ akkoljenza ta’ matul il-jum għal persuni anzjani — Ċentri ta’ akkoljenza ta’ matul il-lejl għal persuni anzjani”

1. 

F’din il-kawża, il-Cour constitutionnelle Belġjana tagħmel domanda preliminari dwar l-interpretazzjoni tal-Artikolu 2(2) tad-Direttiva 2006/123/KE ( 2 ). Dan l-artikolu jistabbilixxi l-kamp ta’ applikazzjoni materjali tad-Direttiva 2006/123/KE (iktar ’il quddiem id-“Direttiva Servizzi”) billi jeskludi, fost oħrajn, is-servizzi tal-kura tas-saħħa b’mod ġenerali u ċerti servizzi soċjali pprovduti b’diversi modi. Id-domanda tal-Cour constitutionnelle hija intiża sabiex isir magħruf jekk iċ-“ċentri ta’ akkoljenza ta’ matul il-jum” u “ċ-ċentri ta’ akkoljenza ta’ matul il-lejl” għal persuni anzjani, kif inhuma bħalissa regolati fir-regolamenti tal-Commission communautaire commune tar-Reġjun ta’ Bruxelles-Capitale, humiex servizzi ta’ kura tas-saħħa jew soċjali, bil-konsegwenzi previsti fl-Artikolu 2(2) tad-Direttiva Servizzi.

I – Il-kuntest ġuridiku

A – Id-dritt tal-Unjoni

2.

L-Artikolu 2(2)(f) u (j) tad-Direttiva Servizzi jipprovdi kif ġej:

“Din id-Direttiva m’għandhiex tapplika għal dawn l-attivitajiet:

[…]

f)

servizzi tal-kura tas-saħħa, kemm jekk huma pprovduti permezz ta’ faċilitajiet tal-kura tas-saħħa kif ukoll jekk le, u jkunu x’ikunu l-mezzi li permezz tagħhom huma organizzati jew iffinanzjati fuq livell nazzjonali u jekk humiex pubbliċi jew privati;

[…]

j)

servizzi soċjali li għandhom x’jaqsmu ma’ djar b’għan soċjali, kura tat-tfal u appoġġ ta’ familji u persuni bżonnjużi b’mod permanenti jew temporanju li huma pprovduti mill-Istat, minn fornituri li għandhom mandat mill-Istat jew minn karitajiet rikonoxxuti bħala tali mill-Istat”.

B – Id-dritt Belġjan

3.

L-ordinanza tal-24 ta’ April 2008 tal-Commission communautaire commune tar-Reġjun ta’ Bruxelles-Capitale (iktar ’il quddiem “COCOM”), dwar stabbilimenti ta’ akkoljenza u ta’ akkomodazzjoni għal persuni anzjani, jipprevedi, fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 2 tiegħu, lista’ ta’ ċentri suġġetti għal-leġiżlazzjoni. Din il-lista telenka ċ-ċentri li ġejjin:

akkomodazzjoni għal persuni anzjani,

residenza-servizz u kumpless residenzjali li jipprovdi servizzi,

dar tal-anzjani,

ċentru ta’ kura ta’ matul il-jum,

ċentru ta’ akkoljenzja ta’ matul il-jum,

ċentru ta’ residenza għal żmien qasir,

ċentru ta’ akkoljenza għal matul il-lejl.

4.

Il-punti (d), (e) u (g) tal-imsemmi Artikolu 2(4) tal-ordinanza, jiddefinixxu ċ-ċentri ta’ akkoljenza ta’ matul il-jum u ta’ matul il-lejl fit-termini li ġejjin:

“d)

ċentru ta’ kura ta’ matul il-jum: bini jew parti minn bini, irrispettivament mid-denominazzjoni tiegħu, stabbilit f’dar tal-anzjani jew marbut ma’ dar tal-anzjani, li jipprovdi struttura ta’ kura tas-saħħa li jieħu ħsieb, matul il-jum, persuni anzjani dipendenti ħafna li għandhom bżonn ta’ kura u li jipprovdi l-appoġġ meħtieġ għaż-żamma ta’ dawn il-persuni fid-dar tagħhom;

e)

ċentru ta’ matul il-jum: bini jew parti minn bini, irrispettivament mid-denominazzjoni tiegħu, stabbilit f’dar tal-anzjani jew marbut ma’ dar tal-anzjani, li jipprovdi struttura ta’ akkoljenza, matul il-jum, lil persuni anzjani li jgħixu fid-dar tagħhom u li jgawdu fi ħdan iċ-ċentri minn għajnuna u kura xierqa għat-telf tagħhom ta’ awtonomija;

[...]

g)

ċentru ta’ akkoljenza ta’ matul il-lejl: bini jew parti minn bini, irrispettivament mid-denominazzjoni tiegħu, stabbilit f’dar tal-anzjani jew marbut ma’ dar tal-anzjani, li jipprovdi struttura ta’ akkoljenza, matul il-lejl, lil persuni anzjani li, filwaqt li jgħixu fid-dar tagħhom, jirrikjedu bil-lejl superviżjoni, għajnuna u kura tas-saħħa li ma jistgħux jiġu żgurati mill-qraba tagħhom b’mod kontinwu.”

5.

L-ordinanza tipprevedi żewġ strumenti ta’ organizzazzjoni taċ-ċentri, jiġifieri l-“programmazzjoni”, li hija intiża li tirregola l-provvista ta’ akkomodazzjoni u l-“approvazzjoni”, li tirreferi għall-kwalità tal-akkomodazzjoni.

6.

L-Artikoli 4 u 10 tal-imsemmija ordinanza jagħtu liċ-COCOM is-setgħat neċessarji sabiex isir il-programmazzjoni tal-istabbilimenti kollha jew ta’ parti minnhom għall-persuni anzjani. L-għan tal-programmazzjoni huwa li “jikkontrolla l-iżvilupp tal-provvista ta’ akkoljenza, ta’ akkomodazzjoni jew ta’ kura għall-persuni anzjani, skont l-iżvilupp tal-ħtiġijiet tal-popolazzjoni ta’ Brussell”. Fil-futur, ebda stabbiliment li jaqa’ taħt waħda mill-kategoriji li huma suġġetti għall-programmazzjoni ma jista’ jinfetaħ jew jopera mingħajr awtorizzazzjoni.

7.

L-Artikolu 11 tal-ordinanza, li huwa dwar l-approvazzjoni, essenzjalment, jipprovdi:

“1.   Ebda stabbiliment […] ma jista’ jinfetaħ […] mingħajr ma jkun hemm approvazzjoni minn qabel.

L-approvazzjoni tingħata […] għal perijodu ta’ massimu ta’ sitt snin, li jista’ jiġġedded.

Id-deċiżjoni ta’ approvazzjoni […] tistabbilixxi n-numru massimu ta’ persuni anzjani li jistgħu jiġu akkomodati jew akkolti fl-istabbiliment.

Sabiex tinkiseb l-approvazzjoni […], l-istabbiliment għandu josserva […] r-regoli li Kunsill konġunt jista’ […] jadotta għal kull waħda mill-kartegoriji ta’ stabbilimenti previsti fl-Artikolu 2(4).

Dawn ir-regoli għandhom jikkonċernaw:

1o

id-dħul u l-akkoljenza ta’ persuni anzjani;

2o

ir-rispett tal-persuna anzjana, tad-drittijiet u l-libertajiet kostituzzjonali u legali tagħha, filwaqt li jittieħed inkunsiderazzjoni l-istat ta’ saħħa tagħha u tad-dritt tagħha li tgħix ħajja skont id-dinjità umana, […];

3o

il-proġett ta’ ħajja kif ukoll il-modi ta’ parteċipazzjoni u ta’ informazzjoni għall-persuni anzjani jew għar-rappreżentanti tagħhom;

4o

il-kunsiderazzjoni u t-trattament tal-ilmenti tal-persuni anzjani jew tar-rappreżentant tagħhom;

5o

l-ikel, l-iġjene u l-kura li għandhom jingħataw;

6o

in-numru, il-kwalifika, il-pjan ta’ taħriġ, is-sens etiku u r-rekwiżiti minimi ta’ preżenza ta’ persunal u t-tmexxija u fir-rigward ta’ dan, l-esperjenza neċessarja;

7o

[…] il-livelli [...] arkitettoniċi u ta’ sigurtà speċifiċi għall-istabbilimenti;

8o

[…] il-ftehim ta’ akkoljenza jew ta’ akkomodazzjoni; […]

B’mod partikolari l-ftehim għandu jsemmi b’mod ċar u komprensiv x’inhuwa kompriż fir-rata ta’ jum kif ukoll l-ispejjeż li jistgħu jintalbu kemm b’mod supplimentari kif ukoll bħaal depożiti bil-quddiem lil terzi minbarra l-prezz ta’ jum. [...]

[…]

12o

il-kuntratti ta’ assigurazzjoni [...]”

8.

Ir-regoli dwar l-approvazzjoni ġew implementati permezz ta’ deċiżjoni tat-3 ta’ Diċembru 2009 taċ-COCOM.

II – Il-fatti u l-proċedura quddiem il-qrati nazzjonali

9.

Il-Fédération des maisons de repos privées de Belgique (iktar ’il quddiem “Femarbel”) hija organizzazzjoni professjonali ta’ difiża tal-interessi tal-istabbilimenti privati ta’ akkoljenza ta’ persuni anzjani.

10.

Fil-15 ta’ Frar 2010, Femarbel ippreżentat quddiem il-Conseil d’État rikors għal annullament tad-deċiżjoni tat-3 ta’ Diċembru 2009 taċ-COCOM, li tistabbilixxi r-regoli ta’ awtorizzazzjoni taċ-ċentri għal persuni anzjani. Fil-kuntest ta’ dan ir-rikors, Femarbel qajmet eċċezzjoni ta’ illegalità, peress li kkontestat il-validità tal-Artikoli 11 sa 109 tal-ordinanza taċ-COCOM tal-24 ta’ April 2008, imsemmi qabel.

11.

Il-Conseil d’État qajjem kwistjoni ta’ inkonstituzzjonalità quddiem il-Cour constitutionnelle, peress li kellu dubji differenti dwar jekk l-ordinanza taċ-COCOM tal-24 ta’ April 2008 kinitx konformi mal-Kostituzzjoni Belġjana.

12.

Fil-kuntest tal-imsemmija proċedura, il-Cour constitutionnelle semmiet li seta’ jkun hemm inkonsistenza bejn l-imsemmija leġiżlazzjoni nazzjonali u d-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari mad-Direttiva Servizzi. Fid-dawl tal-karatteristiċi speċifiċi taċ-ċentri inkwistjoni, il-Cour constitutionnelle għamlet lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:

“Is-servizzi ta’ kura tas-saħħa msemmija fl-Artikolu 2(2)(f) [tad-Direttiva Servizzi], u s-servizzi soċjali msemmija fl-Artikolu 2(2)(j) [tal-istess direttiva] għandhom jiġu interpretati b’tali mod li jiġu esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-direttiva, ċ-ċentri ta’ akkoljenza ta’ matul il-jum fis-sens tad-digriet [tal-ordinanza] [taċ-COCOM], inkwantu jipprovdu għajnuna u kura approprjata għat-telf ta’ awtonomija ta’ persuni anzjani, kif ukoll iċ-ċentri ta’ akkoljenza ta’ matul il-lejl fis-sens tal-istess digriet, inkwantu jipprovdu għajnuna u kura tas-saħħa li ma jistgħux jiġu ggarantiti lill-persuni anzjani minn qrabathom b’mod kontinwu?”

III – Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

13.

Fit-3 ta’ Frar 2012 id-domanda preliminari ġiet irreġistrata fir-reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja.

14.

Femarbel, iċ-COCOM, ir-Renju tal-Pajjiżi Baxxi u l-Kummissjoni ppreżentaw osservazzjonijiet.

15.

Fis-seduta li saret fis-17 ta’ Jannar 2013, ir-rappreżentanti ta’ Femarbel u taċ-COCOM, kif ukoll l-aġent tal-Kummissjoni, spjegaw il-pożizzjoni rispettiva tagħhom.

IV – Id-domanda preliminari

16.

Ir-regoli li għandhom jiġu interpretati f’dawn il-proċeduri jinsabu fl-Artikolu 2(2)(f) u (j) tad-Direttiva Servizzi, li jikkonċerna l-kamp ta’ applikazzjoni materjali tal-imsemmija direttiva. Skont dawn id-dispożizzjonijiet, huma esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-direttiva kemm is-servizzi ta’ kura tas-saħħa b’mod ġenerali [punt (f)] kif ukoll ċerti servizzi soċjali [punt (j)]. Sa fejn iċ-ċentri ta’ akkoljenza ta’ matul il-jum u ta’ matul il-lejl għal persuni anzjani jistgħu jaqgħu taħt waħda miż-żewġ ipoteżijiet, il-Cour constitutionnelle Belġjana titlobna sabiex ninterpretaw iż-żewġ dispożizzjonijiet.

17.

Konkretament, id-domanda hija jekk dawn iċ-ċentri ta’ akkoljenza għal persuni anzjani jaqgħux jew le fl-ipoteżi deskritta fil-punt (f) jew fl-imsemmi punt (j). Konsegwentement, ser nanalizza b’mod suċċessiv il-portata ta’ kull waħda minn dawn id-dispożizzjonijiet u l-applikazzjoni tagħhom għall-każ ta’ ċentri ta’ akkoljenza ta’ matul il-jum u ta’ matul il-lejl.

A – Is-servizzi tas-saħħa

18.

L-Artikolu 2(2)(f) jeskludi mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva s-“servizzi tal-kura tas-saħħa, kemm jekk huma pprovduti permezz ta’ faċilitajiet tal-kura tas-saħħa kif ukoll jekk le, u jkunu x’ikunu l-mezzi li permezz tagħhom huma organizzati jew iffinanzjati fuq livell nazzjonali u jekk humiex pubbliċi jew privati”. Fl-osservazzjonijiet ippreżentati f’din il-proċedura, Femarbel, ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi u l-Kummissjoni jsostnu li l-imsemmi punt (f) ma japplikax għaċ-ċentri ta’ akkoljenza ta’ matul il-jum u ta’ matul il-lejl għal persuni anzjani. Fi ftit kliem, huma jsostnu li ċentru ta’ akkoljenza, sa fejn l-attività prinċipali tiegħu ma hijiex il-provvista ta’ servizzi tas-saħħa, għandu jitqies bħala li jaqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva Servizzi.

19.

Għall-kuntrarju, iċ-COCOM jenfasizza r-rabta mill-qrib bejn dawn iċ-ċentri u ċ-ċentri ta’ kura iktar intensiva, kif ukoll iċ-ċentri ta’ kura strettament ta’ saħħa, u dan iwassalha sabiex tikkonkludi li ċ-ċentri ta’ akkoljenza ta’ matul il-jum u ta’ akkoljenza ta’ matul il-lejl huma “servizzi ta’ kura tas-saħħa” u, għaldaqstant, huma esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva Servizzi.

20.

Kif jidher mill-kliem tal-Artikolu 2(2)(f), il-formulazzjoni tiegħu ma ssegwi ebda regola definittiva tal-kunċett ta’ “servizz ta’ kura tas-saħħa”. Madankollu, huwa ċar, fi kwalunkwe każ, li l-esklużjoni hija ġenerali: is-servizzi tal-kura tas-saħħa mingħajr ebda kwalifika oħra, “kemm jekk huma pprovduti permezz ta’ faċilitajiet tal-kura tas-saħħa kif ukoll jekk le, u jkunu x’ikunu l-mezzi li permezz tagħhom huma organizzati jew iffinanzjati fuq livell nazzjonali u jekk humiex pubbliċi jew privati.” Għaldaqstant, taħt din l-eċċezzjoni hemm dak kollu li jista’ jiġi kkwalifikat bħala servizzi ta’ kura tas-saħħa, taħt kwalunkwe forma ta’ organizzazzjoni, ta’ finanzjament jew ta’ intervent pubbliku. Il-kwistjoni hija dwar in-natura ta’ dawn is-servizzi ta’ kura tas-saħħa fid-dawl tal-istruttura ta’ din id-dispożizzjoni.

21.

Il-premessa 22 tal-espożizzjoni tal-motivi tad-Direttiva Servizzi toffri xi elementi ta’ interess. B’hekk, meta tirreferi għall-imsemmi punt (f) l-esklużjoni “tkopri servizzi ta’ kura tas-saħħa u farmaċewtiċi pprovduti minn professjonisti tas-saħħa lil pazjenti biex jivvalutaw, iżommu u jirrestawraw l-istat ta’ saħħa fejn dawk l-attivitajiet huma rriżervati għal professjoni regolata tas-saħħa fl-Istat Membru fejn huma pprovduti s-servizzi.”.

22.

Id-deskrizzjoni mogħtija mill-premessa 22 hija iktar ippreċiżata fil-manwal ta’ traspożizzjoni tad-Direttiva Servizzi ( 3 ), adottat mill-Kummissjoni fl-2007, li huwa test mingħajr ebda valur leġiżlattiv, iżda madankollu huwa illustrattiv. Il-manwal jispeċifika, b’riferiment għall-Artikolu 2(2)(f), li dan “ma jeskludix is-servizzi li ma humiex provduti lil pazjent” lanqas “ma jeskludi l-attivitajiet li ma humiex ddestinati sabiex iżommu, jevalwaw jew jirkupraw l-istat ta’ saħħa tal-pazjenti”. Barra minn hekk, iżid il-manwal, “l-esklużjoni tas-servizzi tas-saħħa tkopri biss attivitajiet li huma rriżervati għall-professjonijiet tas-saħħa regolati fl-Istat Membru li fih ikunu pprovduti”.

23.

Riferiment ieħor utli, għakemm mhux relatat mal-kuntest leġiżlattiv ta’ din il-kawża, huwa d-Direttiva 2011/24/UE ( 4 ) Din id-direttiva ma tirreferix għal-libertà ta’ stabbiliment taċ-ċentri ta’ kura tas-saħħa, iżda fl-Artikolu 3(a) tiddefinixxi l-“kura tas-saħħa” bħala servizzi “pprovduti minn professjonisti tas-saħħa lill-pazjenti biex jivvalutaw, iżommu jew ireġġgħu lura l-istat tas-saħħa tagħhom, inklużi l-preskrizzjoni, l-għoti u l-forniment ta’ prodotti mediċinali u apparati mediċi”.

24.

Kif jista’ jiġi osservat, is-“servizzi ta’ kura tas-saħħa”, kif mifhuma mid-dritt tal-Unjoni, prinċipalment jinkludi l-evalwazzjoni, iż-żamma jew ir-ristabbiliment tas-saħħa tal-persuna. Meta l-attività tikkonsisti fil-provvista ta’ servizzi differenti, li wħud minnhom ma jirrispondux għal dawn il-karatteristiċi, għandu jiġi kkunsidrat is-servizz prinċipali tal-attività. Għaldaqstant, kif jenfasizza l-manwal, ċentru sportiv jew ġinnasju ma jitqiesx bħala ċentru ta’ “servizzi ta’ kura tas-saħħa”, għalkemm uħud mis-servizzi tagħhom huma kjarament iffukati fuq l-evalwazzjoni, iż-żamma jew ir-ristabbiliment tas-saħħa ( 5 ).

25.

Bl-istess mod, is-servizz ta’ kura tas-saħħa għandu jingħata minn professjonista tas-saħħa. La d-Direttiva Servizzi u lanqas it-testi l-oħra msemmija qabel ma jsemmu t-tip speċifiku ta’ kwalifika li dawn il-professjonisti għandu jkollhom, iżda hemm biss riferiment għall-analiżi ta’ kull sitwazzjoni speċifika. Jekk il-professjoni hija regolata, id-dispożizzjonijiet tagħha jikkonfermaw in-natura ta’ saħħa tagħha. Għall-kuntrarju, jekk il-professjoni ma hijiex regolata, għandu jiġi kkunsidrat il-kuntest professjonali tal-Istat inkwistjoni u s-servizzi pprovduti mill-professjonisti, li jirrikjedi analiżi partikolari tal-attività mwettqa mill-professjonista.

26.

Għandu wkoll jiġi enfasizzat li l-professjonista tas-saħħa għandu jintervjeni b’mod determinati u f’mument rilevanti tal-provvista tas-servizz. Dan ifisser li ma huwiex suffiċjenti li jkun hemm il-preskrizzjoni ta’ sempliċi sorveljanza medika, jew l-eżistenza ta’ mezz ta’ ċertifikazzjoni mingħajr impatt kbir fuq il-kontenut jew fuq il-kwalità tas-servizz, sabiex awtomatikament ikun hemm “servizz ta’ kura tas-saħħa”.

27.

Abbażi ta’ dawn il-kriterji, “servizzi ta’ kura tas-saħħa” għandhom ifissru kull servizz jew sett ta’ servizzi, imwettqa jew diretti minn professjonista tas-saħħa, bil-għan ewlieni tal-evalwazzjoni, taż-żamma jew tar-ristabbiliment tas-saħħa tal-persuna. F’dawn iċ-ċirkustanzi, fid-dawl tal-argumenti spjegati qabel, għandhom jiġu analizzati s-servizzi pprovduti miċ-ċentri ta’ akkoljenza ta’ matul il-jum u ta’ matul il-lejl, kif jidhru regolati fl-ordinanza tal-24 ta’ April taċ-COCOM.

28.

Għal dan il-għan, hemm biss il-qafas leġiżlattiv nazzjonali peress li, kif kellu l-okkażjoni jenfasizza r-rappreżentant taċ-COCOM, bħalissa ma hemm l-ebda ċentru b’dawn il-karatteristiċi li qed jopera u li huwa suġġett għal-leġiżlazzjoni hawn ikkontestata. Għaldaqstant, fid-dawl biss tad-deskrizzjoni mogħtija mill-imsemmija ordinanza tal-24 ta’ April 2008, għandha ssir distinzjoni bejn iċ-ċentri ta’ akkoljenza ta’ matul il-jum u ċ-ċentri ta’ akkoljenza ta’ matul il-lejl għal persuni anzjani.

29.

Fil-każ taċ-ċentri ta’ akkoljenza ta’ matul il-jum, l-Artikolu 2(e) tal-imsemmija ordinanza jiddeskrivihom bħala ċentri impjantati fi jew konnessi ma’ residenza għal anzjani, li joffru “struttura ta’ akkoljenza, matul il-jum, lil persuni anzjani li jgħixu fid-dar tagħhom.” Dawn il-persuni jirċievu fiċ-ċentru “għajnuna u kura xierqa għat-telf ta’ awtonomija tagħhom.” Jekk it-tip ta’ akkoljenza li hija pprovduta f’dawn iċ-ċentri titqabbel ma’ dik li tingħata f’ċentri ta’ tip ieħor previsti fl-ordinanza innifisha, iċ-“ċentri ta’ kura”, jidher kif tal-ewwel huma indirizzati għall-anzjani b’telf żgħir ta’ awtonomija, filwaqt li dawn tal-aħħar huma ddestinati għall-persuni bi tnaqqis qawwi ta’ kapaċitajiet ( 6 ).

30.

Bl-istess mod, is-servizzi speċifiċi li ċ-ċentri ta’ akkoljenza ta’ matul il-jum huma nkarigati li jipprovdu, skont kif ġew deskritti minn Femarbelt, ma humiex ikkaratterizzati primarjament min-natura medika tagħhom (kuntrarjament għal dak li jiġri fiċ-ċentri hekk imsejħa ta’ kura), iżda mill-funzjoni ta’ akkoljenza, ta’ soċjalizzazzjoni u ta’ superviżjoni bażika. Dawn iċ-ċentri, dejjem fl-opinjoni ta’ Femarbel, li madankollu ma ġiex ikkontestata miċ-COCOM, ma għandhomx infrastruttura kumplessa u huma miftuħa għall-utenti tagħhom sabiex ikunu jistgħu jiġu ffrekwentati fi kwalunkwe ħin matul il-jum, kemm għall-ikel kif ukoll sabiex isiru attivitajiet rikreattivi. Huwa veru li l-ordinanza tal-24 ta’ April 2008 tirrtkjedi l-preżenza ta’ infermier, iżda dan l-obbligu għandu l-għan li jingħataw mediċini preskritti minn tabib meta dan ikun neċessarju.

31.

Jekk issa nikkunsidraw iċ-ċentri ta’ akkoljenza ta’ matul il-lejl, nosservaw differenzi sinjifikattivi minħabba li joperaw matul il-lejl. L-ewwel nett ma jidhirx li hemm id-duwalità bejn ”ċentri ta’ kura” u “ċentri ta’ akkoljenza” li teżisti fil-każ ta’ matul il-jum, li biha jista’ jiġi preżunt li ċ-ċentri “ta’ akkoljenza” ta’ matul il-lejl iwettqu fl-istess ħin il-funzjoni ta’ ċentri ta’ kura.

32.

Fil-fatt, l-Artikolu 190 tal-ordinanza kkontestata jipprovdi li l-istabbilimenti (inklużi ċ-ċentri ta’ matul il-lejl) għandu jkollhom “persunal suffiċjenti ta’ infermiera, ta’ kura u ta’ paramediċi, sabiex jiżguraw superviżjoni u trattament permanenti tal-persuni anzjani”.

33.

Madankollu, il-fatt li l-preżenza ta’ persunal kwalifikat tas-saħħa hija permanenti, fil-prinċipju, ma jfissirx li n-natura taċ-ċentru b’mod ġenerali hija speċifikament medika. Hemm preżenza permanenti ta’ dan it-tip ta’ persunal sa fejn l-utenti ser ikollhom bżonn biss is-servizzi tagħhom fil-pront. Il-funzjoni primarja taċ-ċentru ta’ akkoljenza ta’ matul il-lejl ma hijiex li jiġi pprovdut servizz mediku, iżda s-serħan tal-persuna anzjana.

34.

Kif indikat ġustament il-Kummissjoni, l-eżistenza ta’ servizz ta’ kura tas-saħħa fi ħdan sett globali ta’ attivitajiet imwettqa minn stabbiliment ma’ jagħmlux awtomatikament ċentru ta’ kura tas-saħħa. Il-klassifikazzjoni ta’ attività ekonomika li tista’ tiġi stabbilita fi Stat Membru għandha tkun ibbażata fuq evalwazzjoni globali tal-funzjonijiet tagħha u, b’mod partikolari, tal-funzjonijiet li huma l-iktar karatteristiċi tagħha. B’hekk, ir-riferiment ta’ Femarbel għall-Artikolu 9 tad-Direttiva Servizzi, dispożizzjoni dwar il-libertà ta’ stabbiliment, jikkonferma li l-allegazzjoni tagħha hija biss sempliċement li tikkombatti d-dispożizzjonijiet li jfixklu li tiġi stabbilita b’mod permanenti u mhux il-provvista ta’ servizzi speċifiċi fis-suq.

35.

Fid-dawl tal-premess nikkunsidra li, fl-ewwel lok, fir-rigward taċ-ċentri ta’ akkoljenza ta’ matul il-jum, dawn ma jikkostitwixxux “servizzi ta’ kura tas-saħħa” fis-sens tal-Artikolu 2(2)(f) tad-Direttiva Servizzi. Kemm l-għan tas-servizzi tagħhom kif ukoll it-tip ta’ persunal responsabbli tagħhom jindikaw li ma hemm l-ebda funzjoni ta’ saħħa li hija predominanti, u lanqas hemm preżenza deċiżiva ta’ persunal ta’ kura tas-saħħa għall-provvista tas-servizz.

36.

Huwa differenti l-każ taċ-ċentri ta’ akkoljenza ta’ matul il-lejl għar-raġunijiet spjegati fil-punti 31 sa 33. Issa, jekk dawn l-evalwazzjonijiet jiġi kkonfermati, jiġifieri li l-karatteristiċi speċifiċi ta’ dawn iċ-ċentri ta’ matul il-lejl ma jbiddlux in-natura okkażjonali u inċidentali tal-kura tas-saħħa, li għandhom jiġu evalwati mill-qorti tar- rinviju, il-konklużjoni għandha tkun l- istess.

B – Is-servizzi soċjali

37.

Id-Direttiva Servizzi lanqas ma tapplika għas-“servizzi soċjali li għandhom x’jaqsmu ma’ djar b’għan soċjali, kura tat-tfal u appoġġ ta’ familji u persuni bżonnjużi b’mod permanenti jew temporanju li huma pprovduti mill-Istat, minn fornituri li għandhom mandat mill-Istat jew minn karitajiet rikonoxxuti bħala tali mill-Istat”. Din l-esklużjoni hija permessa mill-Artikolu 2(2)(j) tad-Direttiva Servizzi, u ċ-COCOM invokaha sabiex isostni li din id-direttiva ma tapplikax għaċ-ċentri ta’ akkoljenza ta’ matul il-jum u għaċ-ċentri ta’ akkoljenza ta’ matul il-lejl. Min-naħa tagħhom, Femarbel, ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi u l-Kummissjoni jikkunsidraw li dawn iċ-ċentri ma jikkostitwixxux “servizzi soċjali” fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni msemmija, u għaldaqstant huma suġġetti għad-dispożizzjonijiet li jinsabu fid-Direttiva.

38.

L-Artikolu 2(2)(j) tad-Direttiva Servizzi jirreferi għal servizzi soċjali ta’ natura ekonomika. Dan jirriżulta mill-punt (a) ta’ din id-dispożizzjoni, li jeskludi mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva Servizzi s-servizzi mhux ekonomiċi ta’ interess ġenerali. Ġaladarba jkunu mwarrba s-servizzi mhux ekonomiċi, l-esklużjonijiet suċċessivi relatati mas-servizzi ta’ interess ġenerali għandhom jirrelataw, naturalment, ma’ dawk ta’ natura ekonomika.

39.

Ma hemm ebda dubju li ċ-ċentri ta’ akkoljenza ta’ matul il-jum u ta’ matul il-lejl huma attivitajiet ekonomiċi, sa fejn il-funzjoni tagħhom tikkonsiti f’li jipprovdu servizzi f’suq regolat minn prinċipju ta’ kompetizzjoni ħielsa ( 7 ). Għaldaqstant, id-diffikultà li tqajjem din il-kawża ma hijiex dwar l-għażla bejn il-punt (a) jew il-punt (j), minħabba li huwa ċar li qed nirreferu għat-tieni wieħed.

40.

Il-problemi ta’ interpretazzjoni jidhru mill-qari tal-istess punt (j), li permezz tiegħu tirriżulta eċċezzjoni doppjament speċifika, b’kuntrast ma’ dak li kien il-każ tal-punt (f).

41.

Fl-ewwel lok, mill-perspettiva tal-kontenut tas-servizz, il-punt (j) jipprovdi biss firxa ta’ servizzi soċjali li għalihom tapplika l-esklużjoni, fost oħrajn “l-appoġġ ta’ familji u persuni bżonnjużi b’mod permanenti jew temporanju”. Dan huwa l-każ, kif huwa paċifiku, ta’ ċentri ta’ akkoljenza ta’ matul il-jum u ta’ matul il-lejl.

42.

Fit-tieni lok, u b’kuntrast għal darb’oħra mal-każ tal-eċċezzjoni ta’ “kura tas-saħħa” tal-punt (f), l-imsemmi punt (j) jillimita l-eċċezzjoni għal dawk is-servizzi soċjali “pprovduti mill-Istat, minn fornituri li għandhom mandat mill-Istat jew minn karitajiet rikonoxxuti bħala tali mill-Istat”. Konsegwentement, l-eċċezzjoni tirrigwarda tliet tipi speċifiċi tal-provvista tas-servizz. L-ewwel jikkonsisti fil-provvista diretta mill-Istat permezz tal-awtoritajiet pubbliċi. It-tieni jirreferi għal provvista indiretta permezz ta’ individwi, sakemm ikun hemm “mandat” mill-Istat. It-tielet jirrifletti l-possibbiltà, għal darb’oħra, ta’ provvista diretta, iżda permezz ta’ assoċjazzjonijiet ta’ karità rikonoxxuti mill-Istat. Peress li ma ġewx ikkontestati l-ewwel u t-tielet tip ta’ servizz, l-anliżi tiegħi hija limitata għall-portata tat-tieni, jiġifieri, is-servizzi pprovduti “li għandhom mandat” mill-Istat.

43.

B’differenza mill-ewwel u t-tielet tip ta’ organizzazzjoni, il-provvista tas-servizz minn individwu li għandu “mandat” mill-Istat jirrikjedi preċiżament dan tal-aħħar: “mandat”. Huwa l-portata ta’ din l-espressjoni li tirrikjedi preċiżjoni, peress li mhux kull attività ta’ individwu, li hija ftit jew wisq ikkundizzjonata mill-Istat, li tikkostitwixxi “mandat”. Kieku dan ma kienx il-każ, kwalunkwe attività sempliċement taħt superviżjoni jew suġġetta għal regoli statali tista’ tiġi kkunsidrata bħala li taqa’ taħt il-“mandat” indirizzat lill-impriża li tipprovdi s-servizz.

44.

Id-Direttiva Servizzi ma tipprovdix iktar indikjazzjonijiet sabiex tippreċiża l-portata tal-frażi “fornituri li għandhom mandat mill-Istat”. It-tqabbil tal-verżjonijiet lingwistiċi differenti lanqas ma jgħinna. Filwaqt li l-verżjoni Franċiża jew dik Ingliża jirreferu, rispettivament, għal individwi “mandatés” jew “mandated” mill-Istat, il-verżjoni Taljana u Spanjola rispettivament jużaw it-terminu “incaricati” u “encargadas”. Id-differenza fl-użu tat-termini ma tidhirx determinanti mill-perspettiva tal-interpretazzjoni tar-regola.

45.

Għaldaqstant, l-eżami tal-verżjonijiet lingwistiċi għandu jwassalna għal interpretazzjoni awtonoma tal-terminu “mandat mill-Istat”, li huwa rifless fl-eżistenza ta’ obbligu ta’ provvista ta’ servizz soċjali, marbut b’mod suffiċjenti mal-interess ġenerali sabiex jibbenefika mill-eċċezzjoni prevista fl-Artikolu 2(2)(j) tad-Direttiva Servizzi. Għal dan il-għan, ser nanalizza l-istruttura tal-imsemmija regola u wara nipproponi interpretazzjoni tagħha li tkun konformi man-natura tagħha ta’ eċċezzjoni, iżda konsistenti mal-għanijiet tad-Direttiva Servizzi.

46.

Kif indikat fil-motivi tad-Direttiva Servizzi, l-esklużjoni ta’ ċerti servizzi soċjali ta’ natura ekonomika għandha l-għan li “jiggarantixxu d-drittijiet fundamentali lid-dinjità umana u lill-integrità [umana]” sal-punt li huma “manifestazzjoni tal-prinċipji tal-koeżjoni soċjali u solidarjetà”. Għalhekk, l-Istati Membri għandhom setgħa diskrezzjonali wiesgħa sabiex jorganizzaw is-sistemi tas-sigurtà soċjali tagħhom, kif il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat f’diversi okkażjonijiet ( 8 ). Issa, huwa kull Stat Membru li għandu jiddetermina liema minn dawn il-kundizzjonijiet u liema metodu organizzattiv għandu juża, peress li dawn l-aspetti ma humiex deċiżi mid-dritt tal-Unjoni, inkluż id-Direttiva Servizzi. Fil-fatt, id-Direttiva Servizzi tikkonferma l-marġni organizzattiv li għandhom l-Istati Membri meta tirreferi fl-Artikolu 2(2)(j) għal dawk is-servizzi soċjali, iżda biss dawk “li huma pprovduti mill-Istat” jew ipprovduti “minn karitajiet”.

47.

Issa, skont kriterju interpretattiv applikat b’mod ripetut mill-Qorti tal-Ġustizzja, l-eċċezzjonijiet għar-regoli ġenerali għandhom jiġu interpretati b’mod restrittiv. Dan huwa l-każ, ovvjament, tal-esklużjonijiet mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva Servizzi elenkati fl-Artikolu 2 tagħha. Għaldaqstant, l-esklużjoni dwar is-servizzi soċjali tirrikjedi interpretazzjoni restrittiva, u dan iwassal għar-riflessjoni li ġejja.

48.

Minħabba n-natura pubblika tagħha, id-disponibbiltà ġenerali tas-servizzi soċjali li tissemma fl-Artikolu 2(2)(j) tad-Direttiva Servizzi tirriżulta fl-eżistenza ta’ obbligu tal-awtorità pubblika li tipprovdi dan is-servizz ( 9 ). Dan l-obbligu ta’ servizz pubbliku huwa preċiżament dak li jifforma parti mill-“mandat” imsemmi fl-Artikolu 2(2)(j) tad-Direttiva Servizzi meta jinkludi fl-esklużjoni s-servizzi soċjali mogħtija minn individwu, iżda fuq ordni tal-awtorità pubblika.

49.

Fil-każ li s-servizzi soċjali msemmija f’dak il-punt (j) huma pprovduti minn individwu, dan jista’ jibqa’ suġġett għal sistema ta’ dritt privat, iżda n-natura tas-servizz hija intrinsikament marbuta mal-obbligu ta’ servizz pubbliku li jiġġustifika l-provvista. F’dawn il-każijiet, il-“mandat” li jsir lil min jipprovdi s-servizz ma huwiex sempliċement relazzjoni ta’ obbligi, iżda mandat ibbażat fuq servizz soċjali rrikonoxxut mil-liġi, iggarantit mill-kostituzzjoni ta’ dritt suġġettiv soċjali u pprovdut b’mod ġenerali lil dawk li jissodisfaw ċerti kundizzjonijiet oġġettivi marbuta mas-sitwazzjoni personali tagħhom.

50.

Għaldaqstant, il-“mandat” msemmi fl-Artikolu 2(2)(j) tad-Direttiva Servizzi ma jirreferix għal obbligu ġuridiku sempliċi impost fuq fornitur privat ta’ servizz soċjali, iżda d-delega ta’ servizz pubbliku, bil-karatteristiċi stabbiliti hawn fuq, li biha l-fornitur privat ikun jinsab f’sitwazzjoni ta’ dipendenza fuq l-Istat, li huwa differenti minn dak li normalment iseħħ fil-kuntest ta’ servizz ipprovdut permezz ta’ konċessjoni pubblika jew ta’ formula kuntrattwali simili. Il-kuntest li fih jinsab il-fornitur huwa dak ta’ rabta speċjali regolata minn obbligi ta’ servizz pubbliku u b’għan ta’ protezzjoni soċjali speċifika. Dan huwa t-tip ta’ “mandat” li għandna nfittixu meta ssir l-analiżi tar-relazzjoni eżistenti bejn is-sid taċ-ċentri ta’ akkoljenza ta’ matul il-jum u ta’ akkoljenza ta’ matul il-lejl u l-Istat.

51.

Kif spjegat miċ-COCOM, l-individwi jistgħu joħolqu ċentri ta’ akkoljenza ta’ matul il-jum u ta’ akkoljenza ta’ matul il-lejl suġġetti li tiġi stabbilita programmazzjoni u li jkun hemm approvazzjoni, li jikkostitwixxu żewġ stadji distinti li bihom l-awtorità pubblika tippermetti li ċentru jibda jopera u fl-istess ħin tintroduċi kundizzjonijiet għall-provvista tas-servizz. Skont dak li ċ-COCOM ikkonferma fis-seduta, iċ-ċentri jikkompetu bejniethom permezz ta’ politika tal-prezzijiet u skont il-kwalità tas-servizz, għalkemm l-ewwel element huwa kkundizzjonat minn rata ta’ tariffi li tistabbilixxi prezzijiet massimi.

52.

Mill-proċess jirriżulta wkoll li ċ-ċentri ta’ akkoljenza ta’ matul il-jum u ta’ akkoljenza ta’ matul il-lejl jikkostitwixxu attivitajiet strettament ekonomiċi pprovduti minn individwi, inklużi persuni ġuridiċi għall-profitt. Dawn huma attivitajiet ekonomiċi peress li jikkonsistu fit-tqegħid fis-suq ta’ servizz, b’remunerazzjoni f’kundizzjonijiet iktar tipiċi ta’ attività kummerċjali. Fil-fatt, il-kundizzjonijiet elenkati fl-approvazzjoni, speċjalment fl-applikazzjoni tagħha għal ċentri ta’ matul il-jum u dawk ta’ matul il-lejl, jindikaw li huma rekwiżiti ta’ provvista tas-servizz u mhux obbligi ta’ servizz pubbliku.

53.

Kif jirriżulta mill-proċess, u mingħajr preġudizzju għall-evalwazzjoni li għandha tagħmel il-qorti tar-rinviju, l-approvazzjoni ma tinvolvix l-assunzjoni ta’ obbligi li huma parti mill-qafas ta’ sistema kumplessa ta’ finanzjament mill-awtorità pubblika, bħal fil-każ tal-obbligi ta’ servizz pubbliku. Il-kundizzjonijiet elenkati fl-Artikolu 11 tal-ordinanza tal-24 ta’ Apri 2008 taċ-COCOM jirriflettu pjuttost relazzjoni ta’ rekwiżiti ordinarji inforzabbli ta’ servizz, iżda mhux ir-rekwiżiti proprji li jkunu jikkaratterizzaw il-provvista ta’ servizz pubbliku, kif iddefinita fil-punti 48 sa 49 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

54.

Għaldaqstant, u mingħajr preġudizzju għall-evalwazzjoni tal-qorti nazzjonali ta’ rinviju, nikkunsidra li ċ-ċentri ta’ akkoljenza ta’ matul il-jum u ta’ akkoljenza ta’ matul il-lejl, hekk kif irregolati mill-ordinanza taċ-COCOM tal-24 ta’ April 2008, ma humiex suġġetti għat-tieni disposizzjoni tal-Artikolu 2(2)(j) tad-Direttiva Servizzi, jiġifieri, bħala “fornituri li għandhom mandat mill-Istat”.

V – Konklużjoni

55.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet premessi, nissuġġerixxi lill-Qorti tal-Ġustizzja li tirrispondi għad-domanda preliminari li saret mill-Cour constitutionnelle kif ġej:

“1.

L-Artikolu 2(2)(f) tad-Direttiva 2006/123/KE, tal-Parlament Ewropea u tal-Kunsill, tat-12 ta’ Diċembru 2006, dwar is-servizzi fis-suq intern, għandu jiġi interpretat fis-sens li:

iċ-ċentri ta’ akkoljenza ta’ matul il-jum għal persuni anzjani, fit-termini tal-ordinanza tal-24 ta’ April 2008 taċ-Commission communautaire commune tar-Reġjun ta’ Bruxelles-Capitale, ma jikkostitwixxux “servizzi ta’ kura tas-saħħa”.

iċ-ċentri ta’ akkoljenza ta’ matul il-lejl għal persuni anzjani, fit-termini ta’ din l-ordinanza, ma jikkostitwixxux “servizzi ta’ kura tas-saħħa” meta l-qorti nazzjonali tasal għall-konklużjoni li l-missjoni ċentrali taċ-ċentru tikkonsiti f’li jiġi ggarantit is-serħan tal-persuni anzjani u mhux il-provvista ta’ servizzi ta’ kura tas-saħħa.

2.

L-Artikolu 2(2)(j) tad-Direttiva 2006/123, għandu jiġi interpretat fis-sens li ċ-ċentri ta’ akkoljenza ta’ matul il-jum u ta’ matul il-lejl għal persuni anzjani, fit-termini stabbiliti fl-ordinanza tal-24 ta’ April 2008 taċ- Commission communautaire commune tar-Reġjun ta’ Bruxelles-Capitale, ma jikkostitwixxux “servizzi soċjali” pprovduti minn fornituri “li għandhom mandat mill-Istat”.


( 1 ) Lingwa oriġinali: l-Ispanjol.

( 2 ) Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-12 ta’ Diċembru 2006, dwar is-servizzi fis-suq intern (ĠU L 376, p. 36).

( 3 ) Manwal dwar it-traspożizzjoni tad-Direttiva Servizzi”, Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet tal-Komunitajiet Ewropej, 2007.

( 4 ) “Direttiva 2011/24/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tad-9 ta’ Marzu 2011, dwar l-applikazzjoni tad-drittijiet tal-pazjenti fil-qasam tal-kura tas-saħħa transkonfinali (ĠU L 88, p. 45).

( 5 ) Manwal, iċċitat iktar ’il fuq, p. 12.

( 6 ) Ara, rigward iċ-ċentri ta’ kura, l-Artikolu 2(d) tar-Reglament taċ-COCOM, tal-24 ta’ April 2008,, dwar iċ-ċentri ta’ kura.

( 7 ) Ara, fost oħrajn, is-sentenzi tat-23 ta’ April 1991, Höfner u Elser (C-41/90, Ġabra p. I-1979, punt 21), u tas-16 ta’ Marzu 2004, AOK Bundesverband et (C-264/01, C-306/01, C-354/01 u C-355/01, Ġabra p. I-2493, punt 46).

( 8 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tas-16 ta’ Mejju 2006, Watts (C-372/04, Ġabra p. I-4325, punt 92 u l-ġurisprudenza ċċitata); tad-19 ta’ April 2007, Stamatelaki (C-444/05, Ġabra p. I-3185, punt 23), u tal-15 ta’ Ġunju 2010, Il-Kummissjoni vs Spanja (C-211/08, Ġabra p. I-5267, punt 53).

( 9 ) Dwar it-tipi ta’ miżuri amministrattivi u l-metodi tekniċi differenti ta’ organizzazzjoni tal-politika soċjali, ara J.M. Rodríguez de Santiago, La Administración del Estado Social, ed. Marcial Pons, Madrid, 2007, p. 115 et seq.