KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

KOKOTT

ippreżentati fil-11 ta’ April 2013 ( 1 )

Kawża C-49/12

The Commissioners for Her Majesty’s Revenue & Customs

vs

Sunico ApS,

M & B Holding ApSu

Sunil Kumar Harwani

[talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Østre Landsret (id-Danimarka)]

“Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u r-Renju tad-Danimarka dwar il-ġurisdizzjoni, ir-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali — Artikolu 6 tal-Ftehim — Dritt ta’ qorti Daniża li tressaq talba għal deċiżjoni preliminari — Regolament (KE) Nru 44/2001 — Artikolu 1(1) — Kunċett ta’ materji ċivili u kummerċjali — Azzjoni mibdija minn awtorità pubblika — Kumpens għad-dannu mġarrab minħabba l-parteċipazzjoni f’evażjoni fiskali minn terz li ma huwiex huwa stess il-persuna responsabbli għall-ħlas tat-taxxa”

I – Introduzzjoni

1.

Din it-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-kunċett ta’ “materji ċivili u kummerċjali” fis-sens tal-Artikolu 1(1) tar-Regolament (KE) Nru 44/2001 ( 2 ) (iktar ’il quddiem ir-“Regolament Brussell I”). B’mod iktar partikolari, din it-talba tqajjem il-kwistjoni ta’ jekk azzjoni mibdija minn awtorità pubblika kontra individwu jew impriża privata għall-kisba ta’ kumpens għal dannu li rriżulta mill-parteċipazzjoni ta’ dan l-individwu jew ta’ din l-impriża f’evażjoni fiskali tikkonċernax “materji ċivili jew kummerċjali”. Din il-kwistjoni qamet fir-rigward ta’ jekk eventwali sentenza mogħtija fir-Renju Unit fuq il-bażi ta’ tali azzjoni għandhiex tiġi rrikonoxxuta fir-Renju tad-Danimarka.

2.

Din il-kawża hija kkaratterizzata mill-fatt li r-Regolament Brussell I ma japplikax direttament għad-Danimarka ( 3 ) iżda japplika bħala parti minn ftehim parallel konkluż taħt id-dritt internazzjonali bejn l-Unjoni Ewropea u d-Danimarka ( 4 ). Għaldaqstant, din it-talba għal deċiżjoni preliminari tressaq (għall-ewwel darba) dan il-ftehim parallel għall-interpretazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja u għalhekk tqum il-kwistjoni preliminari ta’ jekk qorti Daniża għandhiex id-dritt li tressaq talba għal deċiżjoni preliminari.

II – Il-kuntest ġuridiku

A – Id-dritt tal-Unjoni

3.

Fil-kawża ineżami, il-kuntest ġuridiku tad-dritt tal-Unjoni huwa kkostitwit mill-Ftehim parallel ( 5 ) konkluż mad-Danimarka fir-rigward tal-applikazzjoni tar-Regolament Brussell I, u għalhekk jinkludi dan ir-regolament innifsu bħala parti minn dan il-ftehim.

1. Il-Ftehim parallel

4.

L-għan tal-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u r-[R]enju tad-[D]animarka, dwar ġurisdizzjoni u rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali ( 6 ) huwa, skont l-Artikolu 1(1) tiegħu, “li japplika d-dispożizzjonijiet tar-Regolament Brussel I u l-miżuri ta’ implimentazzjoni tiegħu għar-relazzjonijiet bejn il-Komunità u d-Danimarka, skond l-Artikolu 2(1) hawnekk”.

5.

L-Artikolu 2, li jikkonċerna “Il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali”, jipprovdi:

“(1)   Id-dispożizzjonijiet tar-Regolament Brussel I, li huwa mehmuż ma’ dan il-Ftehim u jifforma parti minnu, flimkien mal-miżuri ta’ implimentazzjoni tiegħu li ġew adottati skond l-Artikolu 74(2) tar-Regolament u - fil-każ ta’ miżuri ta’ implimentazzjoni adottati wara d-dħul fis-seħħ ta’ dan il-Ftehim - implimentati mid-Danimarka kif jissemma’ fl-Artikolu 4 ta’ dan il-Ftehim, u l-miżuri adottati skond l-Artikolu 74(1) ta’ dan ir-Regolament, taħt il-liġi internazzjonali japplikaw għar-relazzjonijiet bejn il-Komunità u d-Danimarka.

(2)   Minkejja dan, għall-għanijiet ta’ dan il-Ftehim, l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet ta’ dak ir-Regolament għandha tinbidel kif ġej:

a)

L-Artikolu 1(3) m’għandux japplika.

[…]”

6.

L-Artikolu 6 tal-Ftehim, intitolat “Ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Komunitajiet Ewropej rigward l-interpretazzjoni tal-Ftehim”, jipprovdi:

“(1)   Fejn titqajjem mistoqsija dwar il-validità jew l-interpretazzjoni ta’ dan il-Ftehim waqt kawża pendenti quddiem qorti jew tribunal Daniż/a, il-qorti jew tribunal ikkonċernat/a jitlob/titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tagħti deċiżjoni fuq din il-mistoqsija kull meta taħt l-istess ċirkostanzi qorti jew tribunal ta’ Stat Membru ieħor ta’ l-Unjoni Ewropea jkun jeħtieġlu/jeħtiġilha [tkun obbligata/ikun obbligat] li tagħmel dan fir-rigward tar-Regolament Brussel I u tal-miżuri ta’ implimentazzjoni imsemmija fl-Artikolu 2(1) hawnekk.

[…]

(6)   Jekk id-dispożizzjonijiet tat-Trattat li jistabbilixxu l-Komunità Ewropea dwar deċiżjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja jiġu emendati b’tali mod li jkun hemm konsegwenzi fir-rigward ta’ deċiżjonijiet fuq ir-Regolament Brussel I, id-Danimarka tista’ tinnotifika lill-Kummissjoni bid-deċiżjoni tagħha li ma tapplikax l-emendi skond dan il-Ftehim. In-notifika għandha tingħata fid-data ta’ dħul fis-seħħ ta’ l-emendi jew fi żmien 60 jum minn dik id-data.

F’każ bħal dan, dan il-Ftehim jitqies li jkun ġie mitmum. It-tmiem iseħħ tliet xhur wara d-data tan-notifika.

[…]”

2. Ir-Regolament Brussell I

7.

Skont il-premessa 2 tiegħu, ir-Regolament Brussell I għandu l-għan li jintroduċi “[d]isposizzjonijiet biex jiġu unifikati r-regoli ta’ kunflitt ta’ ġurisdizzjoni f’materji ċivili u kummerċjali u sabiex jħaffu l-formalitajiet bl-iskop ta’ għarfien [rikonoxximent] malajr u sempliċi u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi minn Stati Membri marbuta b’dan ir-Regolament”.

8.

Il-premessi 6 u 7 tiegħu huma fformulati b’dan il-mod:

“(6)

Sabiex jintlaħaq l-obbjettiv ta’ moviment liberu ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali, huwa meħtieġ u xieraq li r-regoli li jirregolaw il-ġurisdizzjoni u r-Rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi jkun regolat minn strument legali tal-Komunità li jkun jorbot u direttament applikabbli.

(7)

L-iskop ta’ dan ir-Regolament għandu jkopri il-materji prinċipali ċivili u kummerċjali apparti minn ċerti materji li jkunu ġew definiti.”

9.

Il-premessa 19 tirreferi għar-relazzjoni mal-Konvenzjoni ta’ Brussell ( 7 ) u tipprovdi:

“Għandha tiġi żgurata l-kontinwità bejn il-Konvenzjoni ta’ Brussel u dan ir-Regolament, u għandhom jintalbu għal dan il-għan disposizzjonijiet transitorji. L-istess ħtieġa għal kontinwità tapplika għall-interpretazzjoni tal-Konvenzjoni ta’ Brussel mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Komunitajiet Ewropej [...]”

10.

L-Artikolu 1 jiddefinixxi l-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament b’dan il-mod:

“(1)   Dan ir-Regolament għandu japplika f’materji ċivili u kummerċjali independentament min-natura tal-qorti jew tat-tribunal. M’għandux jestendi b’mod partikolari, għal introjtu minn taxxi, dwana jew materji amministrattivi.

[…]

(3)   F’dan ir-Regolament, it-terminu ‘Stat Membru’ jfisser l-Istati Membri bl-eċċezzjoni tad-Danimarka.”

B – Id-dritt Daniż

11.

L-Artikolu 634 tal-Lov om rettens pleje (Liġi Daniża dwar l-amministrazzjoni tal-ġustizzja, iktar ’il quddiem ir-“Retsplejelov”) jipprovdi, b’mod partikolari, li:

“(1)   F’terminu ta’ ġimgħa mit-tressiq ta’ talba għal miżuri kawtelatorji, il-kreditur għandu jiftaħ kawża dwar il-kreditu li fir-rigward tiegħu jkunu ntalbu l-miżuri kawtelatorji, sakemm id-debitur ma jindikax, fil-kuntest ta’ jew sussegwentement għal din it-talba, li ma huwiex ser jikkontesta dan il-kreditu. F’din il-kawża l-kreditur għandu jitlob ukoll, permezz ta’ talba separata, li tiġi kkonstatata l-validità tat-talba għal miżuri kawtelatorji.

[…]

(5)   Meta fir-rigward tal-kreditu inkwistjoni jkun hemm kawża pendenti quddiem qorti barranija, li s-sentenza tagħha jista’ jkollha effetti vinkolanti fid-Danimarka, il-proċeduri f’kull kawża miftuħa skont il-paragrafu 1 għandhom jiġu sospiżi sakemm tingħata sentenza definittiva fil-proċedura quddiem qorti barranija. Madankollu, il-qorti tista’ tiddeċiedi mill-ewwel jekk it-talba għal miżuri kawtelatorji għandhiex tiġi ddikjarata valida.”

III – Il-fatti u d-domanda preliminari

12.

Ir-rikorrenti fil-proċedura quddiem l-Østre Landsret ( 8 ) (il-qorti tar-rinviju) huma The Commissioners for Her Majesty’s Revenue and Customs (iktar ’il quddiem l-“HMRC”), l-awtorità fiskali u doganali tar-Renju Unit. Din l-awtorità ħadet azzjoni, b’mod partikolari, kontra l-kumpanniji Sunico ApS, Sunico Holdings ApS u M&B Holding ApS ( 9 ), li għandhom l-uffiċċju rreġistrat tagħhom fid-Danimarka, kif ukoll kontra żewġ individwi ddomiċiljati fid-Danimarka.

13.

Din l-azzjoni tikkonċerna talba għad-danni (claim for damages) fl-ammont ta’ GBP 40 391 100.01, li jirriżultaw mill-allegat fatt li l-konvenuti pparteċipaw — fis-sens tad-dritt Ingliż — f’assoċjazzjoni illegali u li tagħti lok għal responsabbiltà delittwali intiża li jitwettaq frodi (tortious conspiracy to defraud) permezz tal-evażjoni tat-taxxa fuq il-valur miżjud fir-Renju Unit f’719-il każ li fihom, permezz ta’ katina ta’ tranżazzjonijiet, inbiegħu prodotti minn impriżi fir-Renju Unit mingħajr ma l-impriżi Britanniċi ma għaddew lir-rikorrenti t-taxxa fuq il-valur miżjud miġbura minn dan il-bejgħ ( 10 ).

14.

Għaldaqstant, fis-17 ta’ Mejju 2010, l-HMRC fl-ewwel lok fetħet kawża quddiem il-High Court of Justice (ir-Renju Unit) fejn talbet kumpens għad-danni kkawżati minn dan l-aġir. Il-konvenuti f’din il-kawża huma l-partijiet imsemmija iktar ’il fuq ( 11 ), li l-ebda waħda minnhom ma hija suġġetta għat-taxxa fuq il-valur miżjud fir-Renju Unit. L-HMRC ma ħadet ebda azzjoni kontra l-impriżi involuti fil-katina ta’ tranżazzjonijiet li esportaw il-prodotti barra mir-Renju Unit u li kisbu rimbors tat-taxxa fuq il-valur miżjud. It-talba li tressqet fil-kuntest ta’ din il-kawża kienet ibbażata fuq il-parti tad-dispożizzjonijiet Ingliżi li jikkonċernaw il-kumpens għad-danni kkawżati minħabba delitt (tort) li jikkonċerna l-assoċjazzjoni permezz ta’ mezzi illegali (unlawful means conspiracy). Fid-data meta tressqet it-talba għal deċiżjoni preliminari, il-kawża quddiem il-High Court of Justice kienet għadha pendenti. Il-partijiet jaqblu li l-High Court of Justice għandha ġurisdizzjoni internazzjonali fir-rigward ta’ din il-kawża.

15.

Qabel ma fetħet kawża fid-Danimarka, l-HMRC kienet ipprovat tikseb informazzjoni dwar il-konvenuti mingħand l-awtoritajiet fiskali Daniżi, li għaddewlha din l-informazzjoni inkonformità mar-Regolament tal-Kunsill Nru 1798/2003, tas-7 ta’ Ottubru 2003, dwar il-koperazzjoni amministrattiva fil-qasam tat-taxxa fuq il-valur miżjud ( 12 ).

16.

Fit-tieni lok, ir-rikorrenti, sabiex tiggarantixxi l-kreditu tagħha relatat mal-kumpens għad-danni li kienet qiegħda titlob, ressqet, quddiem il-Fogedret i København ( 13 ), talba għal miżuri kawtelatorji fir-rigward tal-assi tal-konvenuti. Dawn il-miżuri ngħataw fit-18 ta’ Mejju 2010 u, wara appell mill-konvenuti, kienu kkonfermati fit-2 ta’ Lulju 2010 mill-Østre Landsret.

17.

Sussegwentement, fil-25 ta’ Mejju 2010, inkonformità mal-Artikolu 634(1) tar-Retsplejelov u b’osservanza tat-terminu ta’ ġimgħa, l-HMRC fetħet kawża fir-rigward tal-kreditu ggarantit quddiem il-Københavns Byret ( 14 ) fejn reġgħet talbet li l-konvenuti jiġu kkundannati jħallsu l-ammont ta’ GBP 40 391 100.01. Permezz ta’ digriet tat-8 ta’ Settembru 2010, il-Københavns Byret irrinvijat il-kawża quddiem l-Østre Landsret, li issa għandha tiddeċiedi dwar it-talba għall-ħlas u dwar il-validità legali tal-miżuri kawtelatorji.

18.

Dan ifisser li, fid-data ta’ meta t-talba għal deċiżjoni preliminari waslet fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja, kien hemm żewġ proċeduri pendenti dwar it-talba għal kumpens għad-danni: il-kawża quddiem il-High Court of Justice fir-Renju Unit u l-kawża quddiem l-Østre Landsret fid-Danimarka.

19.

Tali sitwazzjoni hija rregolata mill-Artikolu 634(5) tar-Retsplejelov, li jipprovdi li, meta fir-rigward tal-kreditu inkwistjoni jkun hemm kawża pendenti quddiem qorti barranija, li s-sentenza tagħha jista’ jkollha effetti vinkolanti fid-Danimarka, il-proċeduri f’kull kawża miftuħa skont il-paragrafu 1, f’dan il-każ il-kawża quddiem l-Østre Landsret, għandhom jiġu sospiżi.

20.

Għaldaqstant, l-Østre Landsret iddeċidiet li teżamina b’mod preliminari l-kwistjoni ta’ jekk kienx hemm lok li tissospendi l-proċeduri quddiemha sakemm tingħata sentenza definittiva mill-High Court of Justice, inkonformità mal-Artikolu 634(5). Dan ikun il-każ jekk is-sentenza tal-High Court of Justice jista’ jkollha effetti vinkolanti fid-Danimarka. Tali sentenza jista’ jkollha tali effetti jekk il-kawża fir-Renju Unit titqies li taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Brussell I. Milli jidher, skont id-dritt awtonomu Daniż, ma jistax jiġi kkunsidrat ir-rikonoxximent tas-sentenza tal-High Court of Justice.

21.

Għaldaqstant, permezz ta’ digriet tat-18 ta’ Jannar 2012, li wasal fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-2 ta’ Frar 2012, l-Østre Landsret issospendiet il-proċeduri quddiemha u għamlet din id-domanda preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja:

L-Artikolu 1 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 44/2001, tat-22 ta’ Diċembru 2000, dwar ġurisdizzjoni u rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament jestendi għal rikors li fil-kuntest tiegħu l-awtoritajiet ta’ Stat Membru jitolbu danni lil impriżi u lil persuni fiżiċi residenti fi Stat Membru ieħor abbażi ta’ allegazzjoni ta’ assoċjazzjoni kriminali b’għan ta’ frodi — skont id-dritt tal-ewwel Stat Membru — li tikkonsisti fil-parteċipazzjoni f’evażjoni tal-VAT dovuta lill-ewwel Stat Membru?

22.

Fil-kuntest tal-proċeduri quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja ġew ippreżentati osservazzjonijiet bil-miktub u orali minn Sunico ApS, mill-Gvern tar-Renju Unit u mill-Kummissjoni. Il-Gvern tal-Konfederazzjoni Svizzera pparteċipa biss fil-proċedura bil-miktub.

IV – Analiżi legali

A – Fuq id-dritt li titressaq talba għal deċiżjoni preliminari

23.

Peress li r-Regolament Brussell I huwa applikabbli fid-Danimarka biss bħala parti minn ftehim parallel konkluż taħt id-dritt internazzjonali ( 15 ), jistgħu jqumu dubji dwar id-dritt tal-Østre Landsret li tressaq talba għal deċiżjoni preliminari. Huwa minnu li l-Ftehim parallel, bħala trattat konkluż mill-Komunità, jagħmel parti mill-ordinament ġuridiku tal-Unjoni u għalhekk jista’ jkun is-suġġett ta’ talba għal deċiżjoni preliminari fis-sens tal-Artikolu 267 TFUE ( 16 ). Madankollu, fid-dawl tas-sitwazzjoni speċifika tad-Danimarka ( 17 ) fir-rigward taż-żona ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja, li minnha tagħmel parti l-kooperazzjoni ġudizzjarja kkunsidrata hawnhekk ( 18 ), għandu jittieħed inkunsiderazzjoni, fl-evalwazzjoni ta’ jekk il-qrati Daniżi għandhomx id-dritt iressqu talba għal deċiżjoni preliminari dwar kwistjonijiet li jikkonċernaw il-Ftehim parallel, l-Artikolu 6 ta’ dan il-ftehim.

24.

L-Artikolu 6(1) tal-Ftehim parallel jipprovdi li qorti Daniża, meta f’kawża pendenti quddiemha titqajjem kwistjoni dwar il-validità jew l-interpretazzjoni ta’ dan il-ftehim, hija għandha tressaq din il-kwistjoni quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tiġi deċiża minnha “meta taħt l-istess ċirkostanzi qorti jew tribunal ta’ Stat Membru ieħor ta’ l-Unjoni Ewropea jkun jeħtieġlu/jeħtiġilha [tkun obbligata/ikun obbligat] li tagħmel dan fir-rigward tar-Regolament Brussel I”.

25.

Skont it-tielet paragrafu tal-Artikolu 267 TFUE, huma obbligati jagħmlu talba għal deċiżjoni preliminari dawk il-qrati tal-Istati Membri li kontra d-deċiżjonijiet tagħhom ma jkun hemm ebda rimedju ġudizzjarju taħt il-liġi nazzjonali. Għaldaqstant, fir-rigward ta’ kwistjonijiet dwar l-interpretazzjoni tal-Ftehim jeżisti fi kwalunkwe każ l-obbligu li titressaq talba għal deċiżjoni preliminari ( 19 ) u għalhekk jeżisti neċessarjament ukoll id-dritt li titressaq talba għal deċiżjoni preliminari tal-qrati Daniżi li jiddeċiedu fl-aħħar istanza.

26.

Bi tweġiba għal mistoqsija tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-Østre Landsret indikat li, fil-kuntest tal-proċedura dwar il-validità (Justifikationssag) ( 20 ), hija ma tiddeċidix bħala qorti tal-aħħar istanza. Fil-fatt, jista’ jiġi ppreżentat appell quddiem il-Højesteret. Madankollu, fil-kawża ineżami, din it-tweġiba ma hijiex indikattiva ħafna. Fil-fatt, id-determinazzjoni tal-pożizzjoni ta’ qorti bħala l-qorti li tiddeċiedi fl-aħħar istanza tiddependi mis-sitwazzjoni proċedurali konkreta ( 21 ). Għaldaqstant, ma huwiex rilevanti jekk id-deċiżjoni tal-Østre Landsret fil-kuntest tal-proċedura dwar il-validità, u għalhekk id-deċiżjoni dwar it-talba għal kumpens għad-danni stess, tistax tkun is-suġġett ta’ appell. Għall-kuntrarju, il-kwistjoni rilevanti hija dik ta’ jekk jistax jiġi ppreżentat appell mid-deċiżjoni, meħuda skont l-Artikolu 634(5) tar-Retsplejelov, li l-proċeduri jiġu sospiżi sal-għoti ta’ sentenza definittiva mill-High Court of Justice.

27.

Huwa minnu li qorti ma tistax titqies li hija qorti li tiddeċiedi fl-aħħar istanza fis-sens tal-Artikolu 267 TFUE fuq il-bażi tal-fatt li tista’ tadotta miżuri proċedurali permezz ta’ digriet li ma jistax ikun is-suġġett ta’ appell. Għall-kuntrarju, id-deċiżjoni interlokutorja li ma tistax tkun is-suġġett ta’ appell għandha tagħlaq proċedura awtonoma jew stadju partikolari tal-proċedura u d-domanda preliminari għandha tikkonċerna preċiżament din il-proċedura jew dan l-istadju tal-proċedura ( 22 ). Dan huwa l-każ fil-kawża ineżami.

28.

Id-deċiżjoni li jiġu sospiżi l-proċeduri tagħlaq stadju partikolari tal-proċedura. Barra minn hekk, jista’ jkun il-każ li d-deċiżjoni li jiġu sospiżi l-proċeduri twassal għal sitwazzjoni fejn ma tingħatax deċiżjoni dwar il-mertu mill-Østre Landsret fil-kuntest tal-proċedura dwar il-validità. Id-deċiżjoni dwar is-sospensjoni tiddependi wkoll mir-risposta mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja għad-domanda preliminari. Fl-aħħar nett, din l-interpretazzjoni hija konsistenti wkoll mal-għan tar-Regolament sa fejn tevita sitwazzjoni fejn jista’ jkun hemm deċiżjonijiet kunfliġġenti minn Stati Membri differenti. Għaldaqstant, sabiex jiġi ddeterminat jekk l-Østre Landsret hijiex qorti li tiddeċiedi fl-aħħar istanza, għandu jsir riferiment għad-deċiżjoni tagħha li tissospendi l-proċeduri quddiemha ( 23 ).

29.

Il-kwistjoni ta’ jekk l-Østre Landsret, meta ddeċidiet, permezz ta’ digriet li ma jistax jiġi kkontestat, li tissospendi l-proċedura quddiemha, aġixxietx bħala qorti tal-aħħar istanza, ma tistax tiġi ddeterminata b’mod konklużiv fuq il-bażi tal-informazzjoni li għandha l-Qorti tal-Ġustizzja. Sa fejn f’dan il-kuntest jista’ jiġi evalwat id-dritt proċedurali Daniż, mill-Artikolu 392(2) tar-Retsplejelov jidher li kontra d-deċiżjoni tal-Østre Landsret li tissospendi l-proċedura quddiemha jista’ jiġi ppreżentat appell (Kære) quddiem il-Højesteret biss jekk dan l-appell jiġi awtorizzat mill-Processbevilningsævnet (Kumitat li jawtorizza l-appelli). Għaldaqstant, id-determinazzjoni ta’ jekk f’dan il-każ partikolari l-qorti inkwistjoni aġixxietx bħala qorti tal-aħħar istanza tiddependi mill-kwistjoni ta’ jekk il-Processbevilningsævnet jistax jitqies huwa stess li huwa qorti jew tribunal fis-sens tal-Artikolu 267 TFUE ( 24 ). Madankollu, f’din il-kawża, din il-kwistjoni ma tistax tiġi ddeterminata minħabba li ma għandhiex informazzjoni suffiċjenti f’dan ir-rigward.

30.

Madankollu, anki jekk l-Østre Landsret ma tiddeċidix fl-aħħar istanza, l-Artikolu 6(1) tal-Ftehim parallel ma jipprekludix id-dritt tagħha li tressaq talba għal deċiżjoni preliminari, kif jirriżulta mill-kuntest ta’ din id-dispożizzjoni u mill-formulazzjoni u mill-għanijiet tal-Ftehim.

31.

Il-kuntest tal-Artikolu 6(1) kien il-qafas ġuridiku applikabbli fid-data tad-dħul fis-seħħ tal-Ftehim ( 25 ). Fir-rigward ta’ talbiet għal deċiżjoni preliminari dwar kwistjonijiet li jikkonċernaw il-kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili u kriminali u li jikkonċernaw il-miżuri adottati taħt dan it-titolu, li jinkludu r-Regolament Brussell I, l-Artikolu 68 KE kien jinkludi regoli partikolari fir-rigward tal-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja. B’deroga mill-Artikolu 234 KE, skont din id-dispożizzjoni kienu biss il-qrati li jiddeċiedu fl-aħħar istanza li setgħu jressqu talba għal deċiżjoni preliminari. Sabiex tiġi ggarantita sinkroniċità bejn it-talbiet għal deċiżjoni preliminari dwar l-interpretazzjoni tal-Ftehim parallel u t-talbiet għal deċiżjoni preliminari minn Stati Membri oħra dwar l-interpretazzjoni tar-Regolament Brussell I, l-Artikolu 6(1) u (3) tal-Ftehim kellu jagħti lill-Qorti tal-Ġustizzja l-istess ġurisdizzjoni bħalma kienet tgawdi taħt l-Artikolu 68 KE ( 26 ). Għaldaqstant, dak iż-żmien il-qrati Daniżi li jiddeċiedu dwar il-mertu li ma humiex tal-aħħar istanza ma kellhomx id-dritt li jressqu talba għal deċiżjoni preliminari dwar kwistjonijiet li jikkonċernaw l-interpretazzjoni tal-Ftehim parallel.

32.

Madankollu, bid-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona, l-Artikolu 68 KE tħassar u ma ġiex issostitwit, b’tali mod li issa anki l-qrati li jiddeċiedu dwar il-mertu li ma humiex tal-aħħar istanza għandhom id-dritt li jagħmlu lill-Qorti tal-Ġustizzja domandi preliminari dwar il-kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili. Kif sostnew ġustament l-HMRC quddiem l-Østre Landsret u l-Kummissjoni quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, din il-bidla tapplika wkoll għall-Ftehim parallel.

33.

Huwa minnu li, fil-prinċipju, it-tħassir tal-Artikolu 68 KE ma għandux konsegwenzi awtomatiċi fuq il-Ftehim parallel sa fejn dan il-ftehim, bħala trattat konkluż taħt id-dritt internazzjonali, jista’ jiġi emendat biss mill-partijiet kontraenti ( 27 ). Madankollu, l-Artikolu 6(6) tal-Ftehim jipprovdi li jekk id-dispożizzjonijiet tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea dwar id-deċiżjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja jiġu emendati b’tali mod li jkun hemm konsegwenzi fir-rigward ta’ deċiżjonijiet dwar ir-Regolament Brussell I, dawn l-emendi għandhom japplikaw ukoll għad-Danimarka sakemm din ma tinnotifikax lill-Kummissjoni, f’terminu ta’ sittin jum mid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dawn l-emendi, bid-deċiżjoni tagħha li ma tapplikahomx.

34.

Id-Danimarka ma għamlet ebda tali notifika lill-Kummissjoni ( 28 ). Għaldaqstant, it-tħassir tal-Artikolu 68 KE huwa rilevanti wkoll fir-rigward tad-dritt tal-qrati Daniżi li jressqu talba għal deċiżjoni preliminari u jfisser li l-estensjoni tad-dritt li titressaq talba għal deċiżjoni preliminari sabiex tinkludi wkoll il-qrati li jiddeċiedu dwar il-mertu tapplika wkoll għat-talbiet għal deċiżjoni preliminari mressqa minn qrati Daniżi dwar l-interpretazzjoni tal-Ftehim parallel.

35.

Huwa minnu li, skont il-formulazzjoni tiegħu, l-Artikolu 6(1) tal-Ftehim jirregola biss il-paralleliżmu bejn l-obbligu tal-qrati Daniżi li jressqu talba għal deċiżjoni preliminari u l-istess obbligu tal-qrati tal-Istati Membri l-oħra [ara l-aħħar parti tal-Artikolu 6(1): “kull meta [...] jkun jeħtieġlu/jeħtiġilha [tkun obbligata/ikun obbligat]”]. Madankollu, fid-dawl tas-sens u tal-għan tagħha, il-klawżola ta’ aġġustament li tinsab fl-Artikolu 6(6) ma għandhiex tinftiehem fis-sens li tapplika biss għall-emendi dwar l-obbligu tal-qrati tal-Istati Membri l-oħra li jressqu talba għal deċiżjoni preliminari iżda għandha tinftiehem fis-sens li tapplika wkoll għall-estensjoni tad-dritt li titressaq tali talba għall-qrati li jiddeċiedu dwar il-mertu li ma humiex tal-aħħar istanza permezz tat-Trattat ta’ Lisbona. Fil-fatt, il-Ftehim huwa intiż li jqiegħed lill-Qorti tal-Ġustizzja fl-istess pożizzjoni f’termini ta’ ġurisdizzjoni fir-rigward tad-Danimarka bħalma tinsab fir-rigward tal-Istati Membri l-oħra u li jiżgura applikazzjoni u interpretazzjoni uniformi tar-Regolament Brussell I fl-Istati Membri kollha. Dan ir-rekwiżit ta’ paralleliżmu jirriżulta wkoll mill-preambolu tal-Ftehim parallel ( 29 ).

36.

Sakemm daħal fis-seħħ it-Trattat ta’ Lisbona, dan kien jimplika li kien irregolat biss l-obbligu tal-qrati Daniżi li jressqu talba għal deċiżjoni preliminari. Dak iż-żmien ma kienx meħtieġ li jiġi rregolat id-dritt li titressaq talba għal deċiżjoni preliminari peress li t-Trattat KE ma kienx jipprevedi dritt li titressaq talba għal deċiżjoni preliminari fir-rigward tal-qrati li jiddeċiedu dwar il-mertu li ma humiex tal-aħħar istanza. Kif sostniet ġustament il-Kummissjoni, minn wara d-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona, anki l-qrati Daniżi li jiddeċiedu dwar il-mertu għandhom id-dritt li jagħmlu domandi lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-interpretazzjoni tal-Ftehim parallel permezz ta’ proċedura għal deċiżjoni preliminari.

37.

Għaldaqstant, it-talba għal deċiżjoni preliminari tal-Østre Landsret hija ammissibbli.

B – Fuq id-domanda preliminari

38.

Permezz tad-domanda preliminari tagħha, l-Østre Landsret tixtieq tkun taf jekk il-proċedura pendenti quddiem il-High Court of Justice tikkonċernax materja ċivili jew kummerċjali fis-sens tal-Artikolu 1(1) tar-Regolament Brussell I u jekk għaldaqstant dan ir-regolament, bħala parti mill-Ftehim parallel, huwiex applikabbli għall-kawża li għandha quddiemha.

39.

Din il-kwistjoni hija problematika għaliex il-proċedura inkwistjoni tikkonċerna kawża mressqa minn awtorità pubblika kontra individwi jew kontra impriżi privati intiża sabiex jinkiseb kumpens għad-dannu kkawżat lill-Istat Britanniku minħabba evażjoni fiskali. Fil-fatt, skont it-tieni sentenza tal-Artikolu 1(1) tar-Regolament Brussell I, kwistjonijiet fiskali u kwistjonijiet dwar id-dritt pubbliku huma espliċitament identifikati bħala materji li ma jaqgħux fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-regolament.

40.

Skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-kunċett ta’ “materji ċivili u kummerċjali” għandu jiġi interpretat b’mod awtonomu fuq livell tal-Unjoni filwaqt li jittieħdu inkunsiderazzjoni l-għanijiet iddikjarati u l-istruttura tar-Regolament Brussell I kif ukoll il-prinċipji ġenerali tad-dritt li jirriżultaw mill-ordinamenti ġuridiċi nazzjonali kollha ( 30 ). Huwa minnu li, parzjalment, din il-ġurisprudenza kienet għadha tikkonċerna l-interpretazzjoni tal-Konvenzjoni ta’ Brussell ( 31 ). Madankollu, sa fejn ir-Regolament Brussell I jissostitwixxi l-Konvenzjoni ta’ Brussell fir-rigward tar-relazzjonijiet bejn l-Istati Membri ( 32 ), l-interpretazzjoni mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja tad-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni ta’ Brussell tapplika wkoll għad-dispożizzjonijiet tar-Regolament Brussell I sa fejn id-dispożizzjonijiet hekk interpretati jkunu jistgħu jitqiesu li huma ekwivalenti ( 33 ). Dan huwa l-każ b’mod partikolari fir-rigward tal-Artikolu 1(1) tar-Regolament Brussell I sa fejn din id-dispożizzjoni għandha l-istess pożizzjoni u l-istess funzjoni bħall-Artikolu 1(1) tal-Konvenzjoni ta’ Brussell. Barra minn hekk, iż-żewġ dispożizzjonijiet għandhom l-istess formulazzjoni ( 34 ). Fl-aħħar nett, mill-premessa 19 tar-Regolament jirriżulta wkoll li għandha tiġi żgurata l-kontinwità fl-interpretazzjoni bejn il-Konvenzjoni ta’ Brussell u r-Regolament ( 35 ). Dan ifisser li jista’ jsir riferiment għall-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-Konvenzjoni ta’ Brussell.

41.

Skont din il-ġurisprudenza, deċiżjonijiet ġudizzjarji jistgħu jiġu esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Brussell I minħabba n-natura tar-relazzjoni legali bejn il-partijiet jew minħabba s-suġġett tat-tilwima ( 36 ). Għaldaqstant, sabiex jiġi deċiż jekk proċedura tikkonċernax materja ċivili jew kummerċjali, għandha tiġi identifikata r-relazzjoni legali eżistenti bejn il-partijiet u għandhom jiġu ddeterminati l-bażi tal-azzjoni u l-modalitajiet għat-tressiq tagħha ( 37 ). Fil-kawża ineżami, dan ifisser li t-tilwima taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Brussell I peress li kemm in-natura tar-relazzjoni legali bejn il-partijiet u kif ukoll is-suġġett tat-tilwima jikkonċernaw id-dritt ċivili.

1. In-natura tar-relazzjoni legali

42.

Huwa minnu li waħda mill-partijiet fil-kawża quddiem il-High Court of Justice hija awtorità pubblika. Madankollu, ikkunsidrat waħdu, dan il-fatt ma jeskludix awtomatikament l-applikazzjoni tar-Regolament Brussell I. Fil-fatt, bħala prinċipju, anki proċeduri bejn awtorità pubblika u individwi jistgħu jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament ( 38 ). Il-kwistjoni li hija iktar rilevanti hija dik ta’ jekk l-awtorità pubblika, fil-kawża ineżami, tkunx qiegħda taġixxi fl-eżerċizzju tas-setgħa pubblika ( 39 ), li ma huwiex il-każ fir-rigward tal-kawża quddiem il-High Court of Justice.

43.

Fl-ewwel lok, l-awtorità pubblika ma fetħitx l-azzjoni kontra l-persuna responsabbli għall-ħlas tat-taxxa iżda kontra terz. Barra minn hekk, Sunico ApS u l-konvenuti l-oħra kollha għandhom l-uffiċċju rreġistrat jew id-domiċilju tagħhom fid-Danimarka u ma humiex suġġetti għat-taxxa fuq il-valur miżjud fir-Renju Unit, b’tali mod li bejnhom u l-HMRC ma hemm ebda relazzjoni diretta li taqa’ taħt id-dritt pubbliku.

44.

Il-Kummissjoni u r-Renju Unit isostnu wkoll li, fil-kawża ineżami, l-HMRC ma hijiex teżerċita awtorità li tmur lil hinn mir-regoli li japplikaw għar-relazzjonijiet bejn individwi ( 40 ). Għall-kuntrarju, l-HMRC u l-konvenuti qegħdin jaffaċċjaw lil xulxin bħallikieku kienu żewġ individwi. Ir-regoli proċedurali applikabbli huma l-istess bħal dawk li applikaw għal kulħadd u l-proċedura hija rregolata mid-dritt proċedurali ċivili. B’mod partikolari, l-HMRC, b’mod differenti minn kif tista’ normalment tagħmel fil-kuntest tas-setgħat pubbliċi tagħha u b’mod partikolari fil-qasam fiskali, ma tistax tistabbilixxi hija stess il-kreditu u teżegwixxih iżda hija meħtieġa tirrikorri għar-rimedji legali ordinarji sabiex tasserixxi dan il-kreditu.

45.

Huwa minnu li jista’ jkun problematiku l-fatt li l-HMRC, qabel ressqet it-talba għal miżuri kawtelatorji fid-Danimarka, kienet talbet informazzjoni dwar il-konvenuti mingħand l-awtoritajiet Daniżi skont ir-Regolament Nru 1798/2003 ( 41 ). Il-possibbiltà li tintalab informazzjoni hija strument li ma jistax jirrikorri għaliha rikorrent privat. Madankollu, mill-informazzjoni li tinstab quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja ma jistax jiġi ddeterminat jekk jew sa fejn it-talba għal informazzjoni kienet rilevanti wkoll għall-kawża quddiem il-High Court of Justice. L-iktar l-iktar, jekk id-dritt proċedurali nazzjonali jawtorizza lill-HMRC tinvoka quddiem il-High Court of Justice l-informazzjoni u l-provi miksuba permezz tas-setgħat pubbliċi tagħha, f’tali każ l-HMRC ma tkunx tista’ titqies li hija persuna privata fil-konfront tal-konvenuti. Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tevalwa jekk dan kienx il-każ u, fl-affermattiv, sa fejn.

2. Is-suġġett tal-kawża

46.

Lanqas is-suġġett tat-tilwima ma jwassal sabiex din tiġi eskluża mill-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Brussell I. Sabiex jiġi ddeterminat is-suġġett tat-tilwima, għandu jsir riferiment għall-fatti li wasslu għall-pretensjoni inkwistjoni, kif il-Qorti tal-Ġustizzja diġà għamlet fil-kawżi Rüffer u Lechouritou ( 42 ). Huwa biss meta l-pretensjoni invokata jkollha l-oriġini tagħha fl-eżerċizzju ta’ setgħat pubbliċi li s-suġġett tat-tilwima ma jkunx jikkonċerna materja ċivili u kummerċjali ( 43 ). Madankollu, mhux kull konnessjoni mal-eżerċizzju ta’ setgħat pubbliċi hija suffiċjenti f’dan ir-rigward. Dak li huwa importanti, kif jirriżulta mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ( 44 ), huwa li l-att materjali li jagħti lok għall-pretensjoni, ikun l-espressjoni tal-eżerċizzju ta’ setgħat pubbliċi.

47.

Fil-kawża Rüffer, il-pretensjoni invokata kienet tikkonċerna l-ħlas lura tal-ispejjeż inkorsi minħabba t-twettiq ta’ obbligu tas-setgħat pubbliċi ( 45 ) filwaqt li fil-kawża Lechouritou d-danni kienu kkawżati direttament mill-atti mwettqa minn Stat fil-kuntest tas-setgħat pubbliċi tiegħu ( 46 ). Fiż-żewġ kawżi, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li ma kienx hemm tilwima li taqa’ taħt id-dritt ċivili peress li l-att li ta lok għall-pretensjoni kien ikkaratterizzat mill-eżerċizzju ta’ setgħat pubbliċi.

48.

Madankollu, is-sitwazzjoni hija differenti fil-kawża ineżami. Il-fatti li fuqhom hija bbażata l-kawża jikkonċernaw l-allegat aġir frawdolenti tal-konvenuti, li wassal għal responsabbiltà delittwali li l-Istat jiġi kkumpensat għad-danni. L-Istat ma huwiex qiegħed jagħmel din il-pretensjoni ta’ kumpens għad-danni fil-kwalità tiegħu ta’ setgħa pubblika. Għall-kuntrarju, din il-pretensjoni tirriżulta minn allegat ksur min-naħa tal-konvenuti ta’ interess protett mid-dritt u għalhekk minn att li l-vittma tiegħu setgħet tkun, bħala prinċipju, kwalunkwe persuna. Fil-fatt, il-fatt li wieħed ikun vittma ta’ ksur ta’ interess protett mid-dritt ma huwiex att li ġenwinament jikkonċerna s-setgħa pubblika.

49.

L-iktar l-iktar, jista’ jkun hemm konnessjoni mas-setgħa pubblika minħabba l-fatt li d-dannu kkawżat fl-aħħar mill-aħħar jammonta għal kreditu fiskali u għalhekk għal relazzjoni li tikkonċerna s-setgħa pubblika, li hija deċiżiva fir-rigward tal-ammont tal-pretensjoni invokata. Fil-fatt, l-ammont tal-kumpens għad-dannu mitlub jikkorrispondi mat-taxxa fuq il-valur miżjud li ma tħallsitx. Madankollu, għall-finijiet tal-kwistjoni ta’ jekk hijiex involuta materja ċivili jew kriminali, huwa rilevanti biss is-suġġett konkret tat-tilwima ( 47 ) u mhux il-kuntest tagħha.

50.

Dan jgħodd iktar u iktar fid-dawl tal-fatt li, fil-kawża ineżami, il-konnessjoni bejn iż-żewġ pretensjonijiet hija ta’ natura purament fattwali u tikkonċerna esklużivament l-ammont tad-danni. Fil-fatt, fi tweġiba matul is-seduta għas-sottomissjonijiet orali, il-Gvern tar-Renju Unit indika li l-pretensjoni fiskali fil-konfront tal-persuni responsabbli għall-ħlas tat-taxxa ma kinitx ser tkun affettwata jekk eventwalment il-konvenuti jħallsu l-kumpens għad-danni. Għall-kuntrarju, il-pretensjoni fiskali tibqa’ teżisti anki fil-każ ta’ ħlas u tkun tista’ tibqa’ tiġi invokata. Dan ifisser li l-pretensjoni invokata ma hijiex intiża speċifikament sabiex jiġi rkuprat l-ammont tat-taxxa li ma tħallasx iżda sabiex jiġi rrimedjat il-ksur ta’ interess protett mid-dritt.

51.

Għaldaqstant, lanqas jista’ jingħad li hemm relazzjoni aċċessorja bejn il-pretensjoni fiskali u t-talba għal kumpens għad-danni, bħalma kien il-każ fil-kawża TIARD ( 48 ) fir-rigward tar-relazzjoni bejn garanzija u l-kreditu ggarantit b’din il-miżura. Madankollu, anki f’tali każ ta’ relazzjoni legalment aċċessorja, il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li l-kawża kontra l-miżura kawtelatorja kienet tikkonċerna materja tad-dritt ċivili, minkejja li l-pretensjoni prinċipali kienet taqa’ taħt id-dritt pubbliku ( 49 ). Madankollu, jekk dan jgħodd anki fil-każ fejn il-pretensjoni invokata tkun legalment aċċessorja għal pretensjoni tad-dritt pubbliku, dan għandu jkun il-każ ukoll fir-rigward ta’ każ bħal dak ineżami f’din il-kawża.

52.

Għaldaqstant, għal HMRC ma japplikawx, la fir-rigward tal-bażi legali tal-pretensjoni u lanqas fir-rigward tal-modalitajiet proċedurali, regoli differenti minn dawk li japplikaw għal individwi ( 50 ), u għalhekk, il-proċedura quddiem il-High Court of Justice ma tikkonċernax tilwima relatata mal-eżerċizzju ta’ setgħat pubbliċi iżda tikkonċerna materja ċivili u kummerċjali fis-sens tal-Artikolu 1(1) tar-Regolament Brussell I.

V – Konklużjoni

53.

Għaldaqstant, jiena nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi d-domanda preliminari b’dan il-mod:

L-Artikolu 1(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 44/2001, tat-22 ta’ Diċembru 2000, dwar ġurisdizzjoni u rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu jkopri kawża mressqa mill-awtoritajiet ta’ Stat Membru kontra impriżi jew persuni fiżiċi stabbiliti fi Stat Membru ieħor, li fiha dawn l-awtoritajiet iressqu talba għad-danni li hija ta’ natura ġenerali u tista’ titressaq anki minn individwi, fuq il-bażi — fis-sens tad-dritt tal-ewwel Stat Membru — ta’ allegata assoċjazzjoni illegali u li tagħti lok għal responsabbiltà delittwali intiża li jitwettaq frodi permezz tal-parteċipazzjoni fl-evażjoni tat-taxxa fuq il-valur miżjud dovuta lill-ewwel Stat Membru.


( 1 ) Lingwa oriġinali: il-Ġermaniż.

( 2 ) Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 44/2001, tat-22 ta’ Diċembru 2000, dwar ġurisdizzjoni u rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 4, p. 42).

( 3 ) Ara l-Artikolu 1(3) tar-Regolament Nru 44/2001 kif ukoll l-Artikoli 1 u 2 tal-Protokoll Nru 22 tat-TFUE dwar il-pożizzjoni tad-Danimarka (ĠU C 326, 26.10.2012, p. 299).

( 4 ) Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u r-[R]enju tad-[D]animarka, dwar ġurisdizzjoni u rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali (ĠU L 173M, 27.6.2006, p. 128; iktar ’il quddiem il-“Ftehim parallel”). Dan il-ftehim daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Lulju 2007 (ĠU L 4M, 8.1.2008, p. 324).

( 5 ) Iċċitat fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 4.

( 6 ) Iċċitat fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 4.

( 7 ) Konvenzjoni tas-27 ta’ Settembru 1968 dwar il-ġurisdizzjoni u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali (ĠU 1972, L 299, p. 32; iktar ’il quddiem il-“Konvenzjoni ta’ Brussell”).

( 8 ) Qorti reġjonali tal-Lvant.

( 9 ) Li kienu Sunico A/S, Sunico Holdings A/S u M & B Holding A/S.

( 10 ) Spjegazzjoni fid-dettall tal-frodi msejjaħ “karużell” tinsab fil-punt 7 tal-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Poiares Maduro tas-16 ta’ Frar 2005, Optigen et (sentenza tat-12 ta’ Jannar 2006, C-354/03, C-355/03 u C-484/03, Ġabra p. I-483), li għalihom il-Gvern tar-Renju Unit jagħmel riferiment fl-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu.

( 11 ) Ara l-punt 12 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 12 ) Regolament tal-Kunsill Nru 1798/2003, tas-7 ta’ Ottubru 2003, dwar il-koperazzjoni amministrattiva fil-qasam tat-taxxa fuq il-valur miżjud u li jħassar ir-Regolament (KEE) Nru 218/92 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 9, Vol. 1, p. 392).

( 13 ) Qorti eżekutorja ta’ Kopenħagen.

( 14 ) Qorti tal-ewwel istanza ta’ Kopenħagen.

( 15 ) Ara l-Artikolu 2(1) tal-Ftehim parallel, iċċitat fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 4. Skont dan l-artikolu, ir-Regolament Brussell I jagħmel parti sħiħa minn dan il-ftehim u japplika, skont id-dritt internazzjonali, għar-relazzjonijiet bejn il-Komunità u d-Danimarka. Ara wkoll in-nota ta’ qiegħ il-paġna 3.

( 16 ) Sentenza tal-4 ta’ Mejju 2010, TNT Express Nederland (C-533/08, Ġabra p. I-4107, punt 60 u l-ġurisprudenza hemmhekk iċċitata).

( 17 ) F’dan ir-rigward ara wkoll il-preambolu tal-Ftehim parallel: “WAQT LI JIRREFERU għall-ġurisdizzjoni mogħtija lill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Komunitajiet Ewropej [...] li tagħti deċiżjonijiet dwar mistoqsijiet preliminari rigward il-validità u l-interpretazzjoni ta’ atti ta’ l-istituzzjoniiet tal-Komunità bbażati fuq it-Titolu IV tat-Trattat [KE], inkluża l-validità u l-interpretazzjoni ta’ dan il-Ftehim, u [għaċ]-ċirkostanza li din id-dispożizzjoni ma torbotx lil u mhijiex applikabbli għad-Danimarka, kif jirriżulta mill-Protokoll dwar il-pożizzjoni tad-Danimarka”.

( 18 ) Ara l-Artikolu 2 tal-Protokoll Nru 22, iċċitat fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 3, li jirreferi għall-Parti III tat-Titolu V tat-TFUE.

( 19 ) Dan jirriżulta b’mod ċar mill-użu tal-kelma “ebenfalls” fil-verżjoni Ġermaniża (“dies ebenfalls tun müsste”) u mill-formulazzjoni tal-verżjoni Ingliża “[…] that court or tribunal shall request the Court of Justice to give a ruling thereon whenever under the same circumstances a court or tribunal of another Member State of the European Union would be required to do so […]” (enfażi miżjuda).

( 20 ) Din hija l-proċedura msemmija fl-Artikolu 634(1) tar-Retsplejelov u għalhekk il-proċedura li fil-kuntest tagħha jiġi deċiż dwar il-kreditu marbut mal-kumpens għad-danni.

( 21 ) Ara l-punti 15 et seq tal-konklużjonijiet tiegħi tat-2 ta’ Settembru 2010 fil-kawża Weryński (sentenza tas-17 ta’ Frar 2011, C-283/09, Ġabra p. I-601) u l-punti 21 u 22 tal-konklużjonijiet tiegħi tat-18 ta’ Lulju 2007 fil-kawża Tedesco (digriet tas-27 ta’ Settembru 2007, C-175/06, Ġabra p. I-7929) , u l-ġurisprudenza hemmhekk iċċitata.

( 22 ) Ara l-punt 26 tal-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Tedesco (iċċitati fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 21).

( 23 ) Ara, għal darba oħra, il-punt 15 et seq tal-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Weryński (iċċitati fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 21).

( 24 ) F’dan ir-rigward ara s-sentenza tal-4 ta’ Ġunju 2002, Lyckeskog (C-99/00, Ġabra p. I-4839, punti 16 u 17), li fiha l-Qorti tal-Ġustizzja, li kienet meħtieġa tiddeċiedi jekk qorti Svediża li s-sentenzi tagħha setgħu jiġu appellati biss jekk l-appell kien iddikjarat ammissibbli kellhiex in-natura ta’ qorti li tiddeċiedi fl-aħħar istanza, ibbażat ruħha fuq il-kwistjoni ta’ jekk l-awtorità li tiddeċiedi dwar l-ammissibbiltà tal-appell kinitx qorti jew tribunal fis-sens tal-Artikolu 267 TFUE.

( 25 ) Il-Ftehim daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Lulju 2007, ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 4.

( 26 ) Ara l-preambolu tal-Ftehim parallel: “WARA LI KKUNSIDRAW li l-Qorti tal-Ġustizzja tal-Komunitajiet Ewropej għandu jkollha ġurisdizzjoni taħt l-istess kundizzjonijiet sabiex tagħti deċiżjonijiet preliminari fuq mistoqsijiet dwar il-validità u l-interpretazzjoni ta’ dan il-Ftehim imqajma minn qorti jew tribunal Daniż/a, u li għaldaqstant il-qrati jew it-tribunali Daniżi għandhom jitolbu li jingħataw deċiżjonijiet preliminari taħt l-istess kundizzjonijiet bħall-qrati u t-tribunali ta’ Stati Membri oħra rigward l-interpretazzjoni tar-Regolament Brussel I u l-miżuri tal-implimentazzjoni tiegħu”, kif ukoll Jayme/Kohler, Iprax 2005, Europäisches Kollisionsrecht 2005, p. 485 et seq, 486.

( 27 ) Ara, bħala analoġija, l-Artikolu 11(2) tal-Ftehim, dwar it-tmiem ta’ dan il-ftehim.

( 28 ) Altrimenti, skont it-tielet sentenza tal-Artikolu 6(6), il-Ftehim kien jintemm.

( 29 ) Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 26.

( 30 ) Ara s-sentenzi tal-14 ta’ Ottubru 1976, LTU (29/76, Ġabra p. 1541, punt 3); tas-16 ta’ Diċembru 1980, Rüffer (814/79, Ġabra p. 3807, punt 7); tal-21 ta’ April 1993, Sonntag (C-172/91, Ġabra p. I-1963, punt 18); tal-14 ta’ Novembru 2002, Baten (C-271/00, Ġabra p. I-10489, punt 28); tal-15 ta’ Mejju 2003, Préservatrice foncière TIARD (C-266/01, Ġabra p. I-4867, iktar ’il-quddiem “TIARD”, punt 20); tal-15 ta’ Jannar 2004, Blijdenstein (C-433/01, Ġabra p. I-981, punt 24); tal-15 ta’ Frar 2007, Lechouritou et (C-292/05, Ġabra p. I-1519, punt 29); u tat-28 ta’ April 2009, Apostolides (C-420/07, Ġabra p. I-3571, punt 41).

( 31 ) Iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 7.

( 32 ) Ara l-Artikolu 68(1) tar-Regolament Brussell I.

( 33 ) Sentenzi tat-23 ta’ April 2009, Draka NK Cables et (C-167/08, Ġabra p. I-3477, punt 20); tat-2 ta’ Lulju 2009, SCT Industri (C-111/08, Ġabra p. I-5655, punt 22); tal-10 ta’ Settembru 2009, German Graphics Graphische Maschinen (C-292/08, Ġabra p. I-8421, punt 27), u tat-18 ta’ Ottubru 2011, Realchemie Nederland (C-406/09, Ġabra p. I-9773, punt 38).

( 34 ) Ara, f’dan is-sens, fir-rigward tal-Artikolu 1(2)(b), is-sentenza SCT Industri (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 33, punt 23).

( 35 ) Ara s-sentenzi Draka NK Cables et (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 33, punt 20); SCT Industri (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 33, punt 22); German Graphics Graphische Maschinen (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 33, punt 27), u Realchemie Nederland BV (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 33, punt 38).

( 36 ) Ara s-sentenzi LTU (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 30, punt 4); Baten (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 30, punt 29); TIARD (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 30, punt 21); Lechouritou (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 30, punt 30); Apostolides (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 30, punt 42), u Realchemie Nederland BV (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 33, punt 39).

( 37 ) Sentenzi Baten (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 30, punt 31); TIARD (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 30, punt 23), u s-sentenza tal-5 ta’ Frar 2004, Frahuil (C-265/02, Ġabra p. I-1543, punt 20).

( 38 ) Sentenzi LTU (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 30, punt 4); Rüffer (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 30, punt 8), u Baten (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 30, punt 30).

( 39 ) Sentenzi LTU (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 30, punt 4); Rüffer (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 30, punt 8); Baten (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 30, punt 30); TIARD (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 30, punt 22), u Lechouritou (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 30, punt 31).

( 40 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi LTU (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 30, punt 4); Sonntag (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 30, punt 22); TIARD (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 30, punt 30); Lechouritou (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 30, punt 34), u Apostolides (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 30, punt 44).

( 41 ) Iċċitat fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 12.

( 42 ) Iċċitati, it-tnejn li huma, fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 30.

( 43 ) Sentenzi Rüffer (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 30, punt 15) u Lechouritou (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 30, punt 41).

( 44 ) Ara s-sentenzi LTU (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 30, punt 4); Rüffer (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 30, punt 15), u Lechouritou (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 30, punt 41).

( 45 ) B’mod iktar preċiż, minħabba t-tneħħija ta’ fdalijiet ta’ vapur minn passaġġ ta’ ilma pubbliku.

( 46 ) L-aġir tal-forzi armati fil-kuntest ta’ intervent militari.

( 47 ) Ara s-sentenza TIARD (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 30, punt 42).

( 48 ) Iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 30. F’dik il-kawża kienet involuta garanzija taħt id-dritt privat intiża sabiex jiġi ggarantit il-ħlas ta’ dejn doganali.

( 49 ) Ara, għal darba oħra, is-sentenza TIARD (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 30, punt 36). Il-fatt li garanzija tikkostitwixxi obbligu assunt b’mod liberu ma għandu ebda effett fuq l-evalwazzjoni tal-fatti ineżami. Għall-kuntrarju, ir-Regolament Brussell I ikopri wkoll il-qasam delittwali: ara l-Artikolu 5(3). In-natura volontarja tal-obbligu u l-eżistenza ta’ dikjarazzjoni ta’ volontà ma humiex deċiżivi. Fil-kawża TIARD, il-Qorti tal-Ġustizzja kienet invokat dan il-kriterju sempliċement sabiex tagħmel distinzjoni fil-konfront tad-determinazzjoni unilaterali tal-kontenut tal-kuntratt mill-Istat Olandiż, li kienet tikkostitwixxi att li jaqa’ taħt is-setgħa pubblika.

( 50 ) Ara s-sentenza TIARD (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 30, punt 23).