KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

KOKOTT

ippreżentati fit-28 ta’ Frar 2013 ( 1 )

Kawża C‑32/12

Soledad Duarte Hueros

vs

Autociba SAu

Automóviles Citroën España SA

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Juzgado de Primera Instancia no 2 de Badajoz, Spanja)

“Protezzjoni tal-konsumatur — Direttiva 1999/44/KE — Artikolu 3 — Drittijiet tal-konsumatur fil-każ ta’ nuqqas ta’ konformità ta’ oġġett — Difett minuri — Esklużjoni tat-tħassir tal-bejgħ — Tnaqqis fil-prezz ex officio”

I – Introduzzjoni

1.

Il-kawża preliminari preżenti tirrigwarda l-interpretazzjoni tad-Direttiva 1999/44/KE ( 2 ). Essenzjalment, din tqajjem il-kwistjoni dwar jekk qorti għandhiex tnaqqas il-prezz tal-bejgħ ta’ oġġett difettuż ex officio (f’dan il-każ, karozza b’saqaf li jista’ jitneħħa li minnu jgħaddi l-ilma) meta t-tħassir tal-kuntratt ikun eskluż minħabba n-natura minuri tad-difett, fil-każ li l-konsumatur ikun talab biss ġudizzjarjament dan it-tħassir.

2.

Fl-isfond tal-kawża hemm id-dispożizzjonijiet Spanjoli fil-qasam tal-proċedura ċivili li, skont l-informazzjoni mogħtija mill-qorti tar-rinviju, jipprekludu, fil-każ preżenti, kundanna għall-ħlas tal-ammont tat-tnaqqis. Għalhekk, il-Qorti tal-Ġustizzja hija mitluba tgħid jekk, f’sitwazzjoni bħal din, id-Direttiva 1999/44 tobbligax lill-qorti li taġixxi ex officio.

3.

Għalhekk, għat-tielet darba, id-Direttiva 1999/44 hija s-suġġett ta’ domanda preliminari ( 3 ). Kuntrarjament għaż-żewġ kawżi l-oħra, il-kawża preżenti ma tirrigwardax l-importanza jew il-portata tad-drittijiet tal-konsumaturi iżda tirrigwarda għall-ewwel darba d-difiża ta’ dawn id-drittijiet quddiem qorti.

II – Il-kuntest ġuridiku

A – Dritt tal-Unjoni

4.

Skont il-Premessa 1 tad-Direttiva 1999/44, din tal-aħħar għandha l-għan li tiżgura livell għoli ta’ protezzjoni tal-konsumaturi. Għalhekk, il-premessa 5 tagħha tipprovdi għall-ħolqien ta’ livell minimu komuni ta’ regoli fil-qasam tal-liġi tal-konsumatur. Skont il-premessa 24, l-Istati Membri għandhom jitħallew jadottaw jew iżommu fis-seħħ dispożizzjonijiet iktar stretti sabiex jiżguraw livell ta’ protezzjoni tal-konsumatur saħansitra iktar għoli.

5.

L-Artikolu 3 tad-Direttiva, li jirregola d-drittijiet tal-konsumatur, jipprovdi:

“1.   Il-bejjiegħ għandu jkun responsabbli għall-konsumatur għal kull nuqqas ta’ konformità li teżisti meta l-oġġetti kienu fornuti.

2.   Fil-każ ta’ nuqqas ta’ konformità, l-konsumatur għandu jkun intitolat li l‑oġġetti jinġiebu f’konformità mingħajr ħlas permezz ta’ tiswija jew tibdil, f’konformità mal-paragrafu 3, jew li jkollu tnaqqis xieraq fil-prezz jew il-kuntratt jitħassar rigward dawn l-oġġetti, f’konformità mal-paragrafi 5 u 6.

[...]

5.   Il-konsumatur jista’ jinħtieġ tnaqqis xieraq tal-prezz jew li jitħassar il-kuntratt:

jekk il-konsumatur m’huwiex intitolat la għat-tiswija u lanqas għal tibdil, jew

jekk il-bejjiegħ ma jkunx lesta r-rimedju fi żmien raġjonevoli, jew –

jekk il-bejjiegħ ma jkunx lest[a] r-rimedju mingħajr inkonvenjent sinifikattiv lill-konsumatur.

6.   Il-konsumatur m’huwiex intitolat li jħassar il-kuntratt jekk in-nuqqas ta’ konformità hija minuri.”

6.

L-Artikolu 8 tad-Direttiva intitolat “Liġi nazzjonali u protezzjoni minima” jipprovdi kif ġej fit-tieni subparagrafu tiegħu:

“L-Istati Membri jistgħu jadottaw jew imantnu fis-seħħ dispożizzjonijiet aktar iebsa, kompatibbli mat-Trattat fil-qasam kopert minn din id-Direttiva, sabiex jiżguraw livell għoli ta’ protezzjoni tal-konsumatur”.

B – Dritt nazzjonali

7.

Spanja ttrasponiet id-Direttiva fid-dritt Spanjol permezz tal-Liġi 23/2003, tal-10 ta’ Lulju 2003, fuq il-garanziji fil-każ ta’ bejgħ ta’ oġġetti għall-konsum (Ley de Garantías en la Venta de Bienes de Consumo ( 4 ), iktar ’il quddiem “il-Liġi 23/2003” ( 5 )).

8.

L-Artikoli 4 sa 8 ta’ din il-liġi jikkorrispondu għall-Artikolu 3 tad-Direttiva 1999/44. L-Artikolu 7 tal-liġi 23/2003 fih id-dispożizzjonijiet dwar it-tnaqqis fil-prezz u t-tħassir tal-kuntratt li jikkorrispondu għall-dawk tal-Artikolu 3(5) u (6) tad-Direttiva.

9.

Il-liġi Spanjola li tifforma kodiċi ta’ proċedura ċivili (Ley de Enjuiciamiento Civil, iktar ’il quddiem il-“LEC” ( 6 )) fiha, b’mod partikolari, test dwar il-prinċipju dispożittiv (Artikolu 216 LEC), li jipprovdi li l-qrati għandhom jiddeċiedu l-kawżi li jinsabu quddiemhom fid-dawl tal-fatti, tal-provi u tat-talbiet ippreżentati mill-partijiet. L-Artikolu 218 LEC jipprovdi għall-prinċipju tal-kongruwenza billi jgħid li d-deċiżjonijiet ġudizzjarji ma għandhomx imorru lil hinn mill-portata tal-att promotur u tat-talbiet l-oħra mqajma mill-partijiet fil-kuntest tal-kawża.

10.

L-Artikolu 400 LEC jipprovdi li meta l-motivi tat-talba jkunu jistgħu jiġu bbażati fuq fatti jew bażijiet legali differenti, dawn għandhom jitqajmu fit-talba meta jkunu magħrufa jew jistgħu jitqajmu fil-mument li din tiġi ppreżentata, mingħajr ma jkun possibbli li wieħed jirriżerva li jqajjimhom fi proċedimenti ulterjuri. Din id-dispożizzjoni fiha wkoll regoli dwar is-saħħa ta’ res judicata peress li din tipprovdi li l-fatti u l-bażijiet ġuridiċi mqajma f’kontroversja sussegwenti għandhom jitqiesu li huma l-istess bħal dawk imressqa fi proċeduri preċedenti jekk dawn setgħu jitqajmu hemmhekk.

III – Il-fatti u d-domanda preliminari

11.

F’Lulju tal-2004, Soledad Duarte Hueros (iktar ’il quddiem “S. Duarte”) xtrat mill-impriża Autociba S.A. (iktar ’il quddiem “Autociba”) karozza Citroën għall-prezz ta’ EUR 14.320. Din kienet il-mudell “C3 Pluriel 1.4l”, li huwa attrezzat b’saqaf li jislajdja u għalhekk jista’ jiġi mibdul f’karozza b’saqaf li jista’ jitneħħa. Il-vettura ġiet ikkonsenjata lil S. Duarte u rreġistrata f’Awwissu 2004.

12.

Sussegwentement, hija kellha tieħu l-karozza għat-tiswija diversi drabi għaliex, fix-xita, l-ilma kien jidħol mis-saqaf. Minkejja diversi tentattivi ta’ tiswija ( 7 ) id-difett ma setax jiġi eliminat. Għalhekk, S. Duarte eżiġiet il-kunsinna ta’ vettura ġdida. Peress li Autociba rrifjutat li tagħmel dan, finalment, f’Marzu tal-2011, S. Duarte ħarrket lil Autociba u lill-manifattriċi tal-vettura, il-kumpannija Automóviles Citroën España (iktar ’il quddiem “Citroën España”) sabiex tikseb it-tħassir tal-kuntratt tal-bejgħ kif ukoll ir-rimbors tal-prezz.

13.

Skont il-qorti tar-rinviju, it-tħassir tal-kuntratt tal-bejgħ hu eskluż mil-Liġi 23/2003 minħabba n-natura minuri tad-difett. S. Duarte tista’ tippretendi biss tnaqqis fil-prezz, iżda madankollu, ir-regoli Spanjoli fil-qasam tal-proċedura ċivili ma jippermettux li dan jingħatalha peress li din talbet it-tħassir tal-kuntratt u r-rimbors tal-prezz sħiħ u mhux (anki jekk biss sussidjarjament) it-tnaqqis tal-prezz tal-bejgħ. S. Duarte lanqas ma għandha l-possibbiltà li tasserixxi dritt għal tnaqqis tal-prezz f’kontroversja sussegwenti. L-estenzjoni tas-saħħa ta’ res judicata prevista mill-LEC tipprekludiha peress li din tkopri l-pretenzjonijiet kollha li setgħu jiġu, iżda li ma kinux, imqajma fil-kuntest ta’ proċeduri preċedenti.

14.

Għalhekk, b’digriet tat-13 ta’ Jannar 2012, li daħal fir-reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fl-24 ta’ Jannar 2012, il-Juzgado de Primera Instancia no 2 de Badajoz issospendiet il-proċeduri u għamlet id-domanda preliminari segwenti:

“Fl-ipotesi fejn, fin-nuqqas ta’ konformità ta’ beni – peress li, minkejja li kienet intalbet diversi drabi, it-tiswija ma saritx – konsumatur jitlob unikament permezz ta’ azzjoni ġudizzjarja t-tħassir tal-kuntratt, u li dan it-tħassir ma huwiex xieraq, peress li n-nuqqas ta’ konformità huwa żgħir, il-qorti tista’ ex officio tagħti lill-konsumatur tnaqqis xieraq tal-prezz?”

15.

Fil-proċeduri quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, Autociba, il-Kummissjoni u l-Gvern Spanjol ippreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub u orali. S. Duarte, il-Gvern Franċiż, il-Gvern Ungeriż u l-Gvern Pollakk intervjenew ukoll fil-proċedura bil-miktub. Il-Gvern Ġermaniż illimita ruħu li jippreżenta osservazzjonijiet orali.

IV – Analiżi ġuridika

A – Fuq l-ammissibbiltà

16.

Fir-rigward tal-ammissibbiltà tat-talba, għandu jiġi osservat li skont l-Artikolu 267 TFUE, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha ġurisdizzjoni sabiex tinterpreta d-dritt tal-Unjoni. Madankollu, skont il-kliem tad-domanda preliminari, din ma tirrigwardax l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, iżda pjuttost il-kwistjoni dwar jekk, minn perspettiva astratta, qorti nazzjonali tistax tagħti tnaqqis fil-prezz ex officio.

17.

Madankollu, il-kunsiderazzjonijiet żviluppati sussegwentement għad-domanda preliminari jwassluni biex nifhem id-domanda preliminari bħalma għamlu l-Gvern Spanjol u Pollakk, fis-sens li l-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk id-Direttiva 1999/44 tfissirx li qorti għandha tkun tista’ tagħti tnaqqis fil-prezz ex officio meta dan ma jkunx intalab mill-konsumatur fil-kuntest tal-proċeduri, iżda meta jista’ jkun intitolat għalih skont id-Direttiva. Għalhekk, jekk nibdilha b’dan il-mod, id-domanda preliminari hija ammissibbli.

18.

Fil-fehma tiegħi, din id-domanda għandha tiġi mibdula wkoll minn aspett ieħor: il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk id-Direttiva tawtorizzax tnaqqis ex officio, jiġifieri jekk il-qorti tistax tapplika tnaqqis ex officio. Madankollu, sabiex tingħata risposta utli, għandu jiġi determinat pjuttost jekk id-Direttiva teżiġix l-applikazzjoni ta’ tnaqqis ex officio, jiġifieri jekk il-qorti nazzjonali għandhiex tagħti dan it-tnaqqis.

19.

Barra minn hekk, Autociba, Citroën España u l-Ministerio Fiscal ( 8 ) jikkontestaw l-ammissibbiltà tad-domanda preliminari minħabba li l-leġiżlatur Spanjol ittraspona d-Direttiva fid-dritt Spanjol, b’tali mod li l-kawża preżenti tirrigwarda esklussivament kwistjonijiet ta’ dritt nazzjonali. Għalhekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ma hijiex kompetenti biex tagħmel l-interpretazzjoni inkwistjoni.

20.

Madankollu, dan l-argument ma jistax jiġi aċċettat, peress li dan jikkontradixxi l-prinċipju tal-applikazzjoni uniformi tad-dritt tal-Unjoni. Naturalment, il-fatt li Direttiva ġiet trasposta fid-dritt nazzjonali ma jbiddilx il-fatt li d-dispożizzjonijiet inkwistjoni għandhom is-sors primarju tagħhom f’leġiżlazzjoni tad-dritt tal-Unjoni. Għalhekk, sabiex tiġi ggarantita l-uniformità tad-dritt tal-Unjoni, l-interpretazzjoni ta’ dawn id-dispożizzjonijiet li jittrasponu d-direttiva għandha tibqa’ dipendenti fuqha. Din l-interpretazzjoni hija l-prerogattiva esklussiva tal-Qorti tal-Ġustizzja. Għalhekk, it-talba għal deċiżjoni preliminari hija ammissibbli wkoll minn dan il-lat.

21.

Finalment Autociba ssostni li d-dritt għat-tnaqqis u għat-tħassir tal-kuntratt huwa preskritt u dan jagħmel it-talba għal deċiżjoni preliminari inammissibbli. Id-data ta’ preskrizzjoni tad-drittijiet li jirriżultaw mid-Direttiva tiddependi esklużivament mid-dritt nazzjonali, li jrid madankollu josserva t-terminu minimu ta’ sentejn previst fl-Artikolu 5(1) tad-Direttiva. Il-kwistjoni dwar jekk dan it-terminu skadiex verament taqa’ taħt il-ġurisdizzjoni esklużiva tal-qorti nazzjonali. Barra minn hekk, fi proċeduri għal deċiżjoni preliminari, huwa l-kompitu tal-qorti nazzjonali li tinsab adita bil-kontroversja li tevalwa l-ħtieġa ta’ deċiżjoni preliminari sabiex din tkun tista’ tiddeċiedi. Għalhekk, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha normalment tiddeċiedi fuq id-domandi miġjuba quddiemha, jekk dawn jirrigwardaw id-dritt tal-Unjoni ( 9 ). Peress li l-qorti tar-rinviju ma talbitx lill-Qorti tal-Ġustizzja biex tinterpreta l-Artikolu 5(1), il-possibbiltà ta’ preskrizzjoni tad-drittijiet ta’ S. Duarte tibqa’ barra mill-ambitu ta’ dawn il-proċeduri u ma taffettwax l-ammissibbiltà tat-talba għal deċiżjoni preliminari.

B – Fuq l-interpretazzjoni tad-Direttiva 1999/44

22.

Il-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf jekk id-Direttiva 1999/44 teżiġix li qorti tnaqqas ex officio l-prezz ta’ oġġett difettuż meta l-konsumatur ikun talab biss it-tħassir tal-kuntratt, li għalih, madankollu, dan ma jkollux dritt.

23.

Id-dispożizzjonijiet Spanjoli fil-qasam tal-proċedura ċivili jinsabu fl-isfond tad-domanda preliminari. S. Duarte llimitat ruħha li titlob ġudizzjarjament it-tħassir tal-kuntratt u r-rimbors tal-prezz kollu, li għalih din ma għandhiex dritt jekk in-nuqqas ta’ konformità jkun minuri (ara t-tieni sentenza tal-Artikolu 7 tal-Liġi Spanjola 23/2003 jew l-ekwivalenti tagħha fid-Direttiva, jiġifieri l-Artikolu 3(6)). S’intendi, din żgur li għandha dritt għal tnaqqis fil-prezz skont l-ewwel sentenza tal-Artikolu 7 tal-Liġi 23/2003 (li tikkorrispondi għall-Artikolu 3(5) tad-Direttiva). Madankollu, hija ma talbitx dan it-tnaqqis fl-att promotur. Il-qorti tar-rinviju tosserva li, għal din ir-raġuni, minħabba l-prinċipju ta’ kongruwenza ( 10 ), applikabbli fid-dritt Spanjol, din hija pprojbita milli sempliċement takkorda l-ammont korrispondenti għat-tnaqqis fil-prezz minflok tippronunċja t-tħassir tal-kuntratt. Fil-fatt, il-qorti adita hija marbuta bit-talbiet ippreżentati mill-konsumatur ( 11 ). Barra minn hekk, id-dritt tal-proċedura Spanjol jipprojbixxi t-tibdil tar-rikors. Bl-istess mod, rikors ġdid għall-ħlas tal-ammont tat-tnaqqis huwa eskluż minħabba l-estenzjoni tas-saħħa ta’ res judicata tal-ewwel proċeduri b’applikazzjoni tal-Artikolu 400 LEC. Għalhekk, il-qorti tar-rinviju tistaqsi d-domanda dwar jekk dan ir-riżultat huwiex kompatibbli mad-Direttiva 1999/44.

24.

Għalhekk, hekk kif ġustament josserva l-Gvern Spanjol, għandha ssir distinzjoni bejn żewġ kwistjonijiet: l-ewwel nett, id-drittijiet li d-Direttiva tagħti lil S. Duarte, u, it-tieni nett, l-infurzar tagħhom fil-kuntest ta’ kawża. Peress li, skont l-informazzjoni provduta mill-qorti tar-rinviju, S. Duarte għandha bla dubju dritt għal tnaqqis fil-prezz u t-tħassir tal-kuntratt huwa eskluż, din il-kawża tirrigwarda biss it-tieni domanda, li hija dwar kif S. Duarte tista’ tasserixxi d-dritt tagħha quddiem qorti.

25.

Skont il-premessa 1 tad-Direttiva 1999/44, din hija intiża li tiżgura livell għoli ta’ protezzjoni tal-konsumatur ( 12 ). Għal din ir-raġuni l-Artikolu 3 ta’ dik id-direttiva jirrikonoxxi numru ta’ drittijiet lill-konsumatur fil-każ ta’ kunsinna ta’ prodott difettuż u għalhekk ta’ ksur tal-kuntratt. Min-naħa l-oħra, id-Direttiva ma fiha l-ebda dispożizzjoni relattiva għall-asserzjoni gudizzjarja ta’ dawn id-drittijiet ( 13 ).

26.

Skont ġurisprudenza stabbilita, fin-nuqqas ta’ leġiżlazzjoni tal-Unjoni, l-ordinament ġuridiku intern għandu jaħtar il-qrati kompetenti u jirregola l-modalitajiet proċedurali tar-rimedji intiżi li jissalvagwardjaw id-drittijiet li l-individwi jisiltu mid-Direttiva 1999/44 ( 14 ). Madankollu, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li jiġu osservati l-prinċipji ta’ ekwivalenza u ta’ effettività ( 15 ).

27.

Hekk kif osserva l-Gvern Franċiż, l-obbligu ta’ tnaqqis ex officio huwa konċepibbli biss jekk dan huwa previst fid-dritt nazzjonali jew jekk dan ikun neċessarju biex tiġi garantita l-effettività sħiħa tad-dritt tal-Unjoni. Peress li d-dritt Spanjol, hekk kif jirriżulta mill-informazzjoni misjuba fit-talba għal deċiżjoni preliminari, ma jipprovdix għal tnaqqis fil-prezz ex officio, titqajjem il-kwistjoni dwar jekk il-liġi proċedurali Spanjola hijiex konformi mal-prinċipji ta’ ekwivalenza u ta’ effettività.

1. Osservanza tal-prinċipji ta’ ekwivalenza u ta’ effettività

28.

Il-prinċipju ta’ ekwivalenza jeżiġi li l-mezzi proċedurali konkreti sabiex jiġu asseriti ġudizzjarjament drittijiet mogħtija mill-liġi tal-Unjoni ma jkunux inqas favorevoli minn dawk li jirrigwardaw rimedji simili ta’ natura interna ( 16 ). F’dan il-każ xejn ma jwassal biex jiġi kkonstatat ksur tal-prinċipju ta’ ekwivalenza. Minflok, id-dispożizzjonijiet inkwistjoni tad-dritt proċedurali Spanjol japplikaw indipendentement mill-kwistjoni dwar jekk is-suġġett tar-rimedju huwiex dritt mogħti mil-liġi tal-Unjoni jew dritt li jirriżulta mil-liġi nazzjonali.

29.

Il-prinċipju ta’ effettività jeżiġi li dispożizzjoni proċedurali nazzjonali ma tirrendix prattikament impossibbli jew eċċessivament diffiċli l-eżerċizzju tad-drittijiet mogħtija mid-dritt tal-Unjoni ( 17 ). Madankollu, f’dan ir-rigward, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni, ir-rwol tad-dispożizzjoni fil-kuntest tal-proċeduri kollha, l-iżvolġiment ta’ dawn tal-aħħar u tal-karattersitiċi partikolari tagħhom quddiem id-diversi istanzi nazzjonali ( 18 ), kif ukoll, jekk ikun hemm bżonn, il-prinċipji li jservu ta’ bażi għas-sistema ġudizzjarja nazzjonali, bħalma huma, pereżempju, il-protezzjoni tad-drittijiet tad-difiża, il-prinċipju taċ-ċertezza legali u l-iżvolġiment tajjeb tal-proċeduri ( 19 ).

30.

F’dan il-kuntest, għandu jiġi kkunsidrat, qabel xejn, li normalment S. Duarte setgħet tressaq rikors biex titlob it-tnaqqis fil-prezz ( 20 ). It-tnaqqis seta’ ġie mitlub ukoll b’mod sussidjarju, fl-istess waqt tat-tħassir tal-kuntratt. B’risposta għal domanda li saritlu f’dan ir-rigward, il-Gvern Spanjol iddikjara li talba sussidjarja ma kien ikollha l-ebda impatt negattiv għal-parti rikorrenti, b’mod partikolari mill-aspett ta’ spejjeż ġudizzjarji. Għalhekk, normalment id-dritt tal-proċedura Spanjol ma jeskludix li wieħed jista’ jasserixxi ġudizzjarjament id-drittijiet mogħtija mid-Direttiva. Minflok, il-konsumatur jista’ jieħu azzjoni ġudizzjarja fir-rigward tad-drittijiet kollha li huwa għandu bis-saħħa tad-Direttiva, b’tali mod li jkun possibbli li jeżerċita d-drittijiet mogħtija minn din tal-aħħar.

31.

Madankollu, minħabba l-mod li bih hija organizzata l-liġi tal-proċedura Spanjola, jidhirli li l-eżerċizzju tagħhom huwa eċċessivament diffiċli.

32.

S’intendi, normalment ma hemm xejn ħażin fil-fatt li qorti tkun marbuta mat-talbiet konkreti tal-parti rikorrenti. Dan jippresupponi li din tal-aħħar tippreżenta t-talbiet xierqa jekk din tkun trid tirbaħ. Din ir-regola hija espressjoni tal-prinċipju dispożittiv li japplika fil-proċedura Spanjola u f’dik ta’ ħafna Stati Membri oħra u li jipprovdi li l-partijiet huma d-diriġenti tal-proċeduri u, f’dan il-kuntest, huma jistgħu jieħdu kull inizjattiva. L-għan ta’ dan il-prinċipju huwa li jipproteġi d-drittijiet tad-difiża u li jiżgura l-iżvolġiment tajjeb tal-proċeduri, b’mod partikolari, billi jipproteġihom minn dewmien inerenti għall-evalwazzjoni ta’ motivi ġodda ( 21 ). Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà kkonfermat ripetutament li l-prinċipju dispożittiv huwa minnu nnifsu kompatibbli mal-prinċipju ta’ effettività ( 22 ). Għalhekk, normalment wieħed għandu jistenna li l-konsumatur jasserixxi d-drittijiet tiegħu ġudizzjarjament u jifformola f’dan ir-rigward it-talbiet opportuni, jekk ikun hemm bżonn, b’mod sussidjarju. Dan japplika a fortiori meta, bħal f’dan il-każ, ikun hemm proċedimenti fejn l-avukat ikun obbligatorju.

33.

Madankollu, il-proċedura Spanjola hija magħmula b’tali mod li biżżejjed li jkun hemm żball proċedurali wieħed, bħal preżentazzjoni tat-talbiet żbaljati jew in-non preżentazzjoni tat-talbiet sussidjarji, biex tiġi eskluża definittivament kwalunkwe possibbiltà li jiġi invokat effettivament dritt mogħti mid-Direttiva. Minbarra li dan ir-riżultat huwa ferm obbligatorju u ferm sever, jekk wieħed jikkunsidra, b’mod partikolari, il-fatt li d-Direttiva trid tikkontribwixxi għal livell għoli ta’ protezzjoni tal-konsumatur, dan huwa wkoll sproporzjonat, inkluż ukoll fir-rigward tal-għan imfittex mid-dispożizzjonijiet inkwistjoni.

34.

Minn naħa, id-dritt Spanjol — hekk kif deskritt mill-qorti tar-rinviju — japplika, fil-fatt, perspettiva stretta ħafna tan-natura obbligatorja tat-talbiet tar-rikors, peress li jieħu inkunsiderazzjoni biss it-talba ppreżentata konkretament. Min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-estenzjoni tas-saħħa ta’ res judicata, dan isegwi perspettiva wiesgħa ħafna, li tinkorpora wkoll id-drittijiet kollha li l-konsumatur seta’ jasserixxi u jeskludi ipso facto li dawn jistgħu jitqajmu f’rikors ġdid. Dan diġà huwa biżżejjed biex tiġi kkonstatata diffikultà eċċessiva għall-konsumatur.

35.

Min-naħa l-oħra, id-dispożizzjonijiet inkwistjoni jmorru lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħqu l-għanijiet imfittxa minnhom. L-obbligu li wieħed ikun marbut mat-talbiet konkretament ifformulati huwa intiż li jipproteġi d-drittijiet tad-difiża tal-parti konvenuta u li jiffaċilita r-riżoluzzjoni tal-kontroversja. Madankollu, jekk id-drittijiet tad-difiża tal-parti konvenuta jistgħu jerġgħu jiġu protetti fi stadju ulterjuri, pereżempju billi din tkun intitolata tieħu pożizzjoni fuq bdil fit-talbiet, is-saħħa ta’ res judicata teskludi kull possibbiltà li jiġi protett ir-rikorrent f’dan l-aħħar stadju. S’intendi, id-dispożizzjonijiet tal-LEC jinkoraġġixxu r-riżoluzzjoni tal-kontroversja, iżda, fil-każ preżenti, wieħed ftit li xejn jara li jista’ jkun hemm dewmien sinjifikanti fil-proċeduri. Minflok, il-kwistjoni tat-tnaqqis tirrigwarda l-istess fatti u l-istess partijiet bħat-tħassir tal-kuntratt, b’tali mod li jkun possibbli li wieħed jibbaża ruħu fuq il-provi li jkunu diġà inġabru matul il-proċeduri. Il-miżura drastika li permezz tagħha l-konsumatur jiġi totalment eskluż minn kwalunkwe possibbiltà ta’ rimedju, hija sproporzjonata meta mqabbla mar-riskju, li fl-agħar każ huwa wieħed baxx, li jkun hemm dewmien fil-proċeduri.

36.

Barra minn hekk, preċiżament f’dak li jirrigwarda kwistjonijiet ta’ fatt, bħalma hija n-natura minuri ta’ nuqqas ta’ konformità, l-eżitu ta’ talba ta’ spiss jiddependi mill-investigazzjoni magħmula matul il-proċeduri u ma jkunx prevedibbli meta jitressaq r-rikors. Il-kawża preżenti turi dan b’mod ċar: S. Duarte talbet it-tħassir tal-kuntratt, għaliex rapport minn espert kien ikkonkluda li d-difett ma setax jitqies minuri. L-investigazzjoni magħmula mill-qorti kompetenti waslet madankollu għal riżultat differenti. Għalhekk, sabiex jiġu sodisfatti l-eżiġenzi tad-dritt proċedurali Spanjol, hekk kif dan jinsab deskritt fit-talba għal deċiżjoni preliminari, konsumatur għandu dejjem jinkludi fit-talbiet tiegħu, tal-inqas sussidjarji, it-talbiet kollha li jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni. F’każ konkret, dan huwa l-unika mezz li bih jista’ jiggarantixxi l-preżervazzjoni tad-drittijiet mogħtija mid-Direttiva, indipendentement mill-iżvolġiment tal-proċeduri. Fid-dawl tal-konsegwenzi possibbli fil-każ ta’ nuqqas li tiġi ppreżentata talba sussidjarja, dan jagħmel l-infurzar tad-drittijiet eċċessivament diffiċli u jikser il-prinċipju ta’ effettività.

2. Konsegwenzi ta’ ksur tal-prinċipju ta’ effettività

37.

Għalhekk, f’din il-kawża, titqajjem ukoll il-kwistjoni tal-implementazzjoni tal-prinċipju ta’ effettività. Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li fil-każ ta’ ksur tal-prinċipju ta’ effettività, il-qorti tar-rinviju għandha, safejn ikun possibbli, tinterpreta r-regoli interni ta’ kompetenza b’tali mod li dawn jikkontribwixxu għall-implementazzjoni tal-għan li tiġi ggarantita protezzjoni ġudizzjarja effettiva tad-drittijiet li persuni jista’ jkollhom mid-dritt tal-Unjoni ( 23 ). Fil-każ li dan ma jkunx possibbli, jekk ikun hemm bżonn, hija ma għandhiex tapplika ex officio kwalunkwe dispożizzjoni nazzjonali konfliġġenti, jiġifieri, f’dan il-każ, ir-regoli nazzjonali ta’ proċedura inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li jeżiġu rabta stretta ħafna mat-talbiet tar-rikors ( 24 ).

38.

Għalhekk, huwa l-kompitu tal-qorti tar-rinvinju li teżamina jekk l-interpretazzjoni tad-dritt proċedurali nazzjonali tħallihiex issib miżuri li jippermettu li tiġi ggarantita l-protezzjoni ġudizzjarja effettiva tal-konsumatur u li jiggarantixxu l-implementazzjoni tad-dritt li dan tal-aħħar inissel mid-Direttiva, anki jekk, f’okkażjoni waħda, dan ikun ippreżenta talbiet żbaljati.

39.

Madankollu, f’dan ir-rigward, għandha tiġi osservata l-awtonomija tal-proċedura tal-Istati Membri. L-għażliet assjoloġiċi li fuqhom hija bbażata l-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni waqt l-interpretazzjoni tad-dritt nazzjonali. Id-dispożizzjoni tad-dritt proċedurali Spanjol għandha bħala l-għan tagħha, b’mod partikolari, il-protezzjoni tad-drittijiet tad-difiża tal-parti l-oħra fil-proċeduri kif ukoll li tiffaċilita r-riżoluzzjoni definittiva tal-kontroversja. Għalhekk, ma huwiex meħtieġ li l-konsumatur ikollu possibbiltajiet illimitati li jbiddel it-talba ġudizzjarja tiegħu meta jrid jew li jippreżenta rikorsi ġodda. Dan ma jkunx kompatibbli mad-drittijiet tad-difiża tal-parti avversa. Minflok, huwa biżżejjed li dan ikun jista’ jirreaġixxi tal-inqas għal darba għall-iżviluppi li jidhru matul il-proċeduri, bħal pereżempju, ir-riżultat tal-investigazzjoni. Barra minn hekk, tali possibbiltà ma toħloq l-ebda riskju għar-riżoluzzjoni definittiva tal-kawża.

40.

Il-qorti tar-rinviju tipproponi li tirrikorri ex officio għal tnaqqis fil-prezz. Din hija ċertament possibbiltà sabiex tiġi ggarantita l-preservazzjoni tad-drittijiet tal-konsumatur. Madankollu, dan jirrestrinġi bil-kbir il-prinċipju dispożittiv li huwa wieħed mill-prinċipji ewlenin applikati mill-Istati Membri fil-qasam tal-proċedura. Jekk wieħed jinjora l-obbligu li tiġi ppreżentata talba konkreta, il-konsumatur jista’ jadotta attitudni passiva fil-proċedimenti u jistenna lill-qorti li tagħtih dak li ħaqqu materjalment. Dan imur lil hinn minn dak li huwa neċessarju għall-protezzjoni tal-konsumatur.

41.

Fil-fatt, id-Direttiva ma teżiġi bl-ebda mod li d-drittijiet tal-konsumatur fis-sens tal-Artikolu 3 jiġu mogħtija lilu mingħajr l-ebda inizjattiva da parti tiegħu. Li kieku riedet dan, din kien ikun fiha dispożizzjonijiet opportuni. Hekk kif ġustament josserva l-Gvern Pollakk, fil-verità id-Direttiva tipprovdi, minn naħa, li l-konsumatur għandu jkollu l-għażla tad-drittijiet previsti mid-Direttiva li jkun biħsiebu jasserixxi (ara l-Artikolu 3(2) u (5) tad-Direttiva). Min-naħa l-oħra, id-Direttiva tistipula li, sabiex jasserixxi d-drittijiet tiegħu, il-konsumatur għandu jkun jista’ jsegwi r-rimedji normali (u jkun marbut li jsegwihom jekk ikun biħsiebu jikseb ir-rikonoxximent tad-drittijiet tiegħu), jekk ikun hemm bżonn, anki bil-kundizzjoni li jiġu osservati ċerti termini ta’ notifikazzjoni ( 25 ). Barra minn hekk, il-prinċipju ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva ma jeżiġi xejn iktar ( 26 ). Għal dan il-għan huwa biżżejjed li l-konsumatur ikun jista’ jasserixxi d-drittijiet tiegħu. Madankollu, dan jimplika, qabel xejn, li dan għandu wkoll jasserixxihom. Għalhekk, id-Direttiva ma fiha l-ebda obbligu ġenerali li jiġi applikat tnaqqis fil-prezz ex officio.

42.

L-obbligu ta’ tnaqqis lanqas ma jirriżulta mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja relattiva għad-Direttiva 1993/13 ( 27 ), hekk kif tipproponi l-Kummissjoni. Fil-fatt, kuntrarjament għal dak li taħseb din tal-aħħar, jiena ma jidhirlix li din il-ġurisprudenza tista’ tiġi trasposta għall-każ preżenti.

43.

S’intendi, iż-żewġ direttivi jixtiebħu peress li dawn ifittxu t-tnejn li huma l-ħarsien tal-konsumatur fir-relazzjonijiet legali billi jikkontemplaw livell għoli ta’ protezzjoni ta’ dan il-konsumatur. Madankollu, minħabba differenzi bejn l-għanijiet leġiżlattivi tagħhom, dawn ma humiex komparabbli sal-punt li wieħed jista’ jittrasponi l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar id-Direttiva 1993/13.

44.

Fil-fatt, filwaqt li d-Direttiva 1993/13 għandha l-intenzjoni li tirrettifika s-sitwazzjoni inqas favorevoli tal-konsumatur fil-mument li jidħol f’kuntratt ma’ intraprenditur, id-Direttiva 1999/44 hija marbuta mal-eżekuzzjoni ta’ kuntratt li jkun diġà ġie konkluż. Dawn huma żewġ sitwazzjonijiet ferm differenti.

45.

Fil-fatt, bilanċ sfavorevoli tal-poter fil-mument tal-konklużjoni tal-kuntratt jista’ jiġi biss ibbilanċjat mill-ġdid permezz tal-intervent ta’ terza persuna ( 28 ). Ġeneralment, konsumatur ma huwiex f’pożizzjoni li jevalwa jekk klawżola hijiex abbużiva jew le. Li kieku wieħed jistenna dan mingħandu u li kieku l-Unjoni tobbligah li jasserixxi huwa stess in-nullità tal-klawżola, l-implementazzjoni tad-Direttiva tkun mhedda ( 29 ).

46.

L-għan huwa wkoll li l-kumpanniji jiġu skoraġġiti milli jużaw klawżoli abbużivi. Din id-dissważjoni tista’ tiġi żgurata biss mid-Direttiva 1993/13 jekk it-tentazzjoni li jintużaw klawżoli abbużivi ma tkunx ta’ “vantaġġ” għall-impriża. Bl-istess mod, dan jista’ jiġi ggarantit biss permezz tal-intervent ta’ terza persuna. Inkella, ikun iktar vantaġġuż għal intraprenditur li juża termini inġusti, bit-tama li l-konsumatur jinjora d-drittijiet mogħtija lilu mid-Direttiva 1993/13 u li ma jqajjimhomx matul il-proċedimenti, b’tali mod li l-klawżola abbużiva tibqa’ applikabbli xorta waħda. Għalhekk, mingħajr l-intervent ta’ parti terza, tiġi affettwata l-effettività tad-Direttiva 1993/13.

47.

Madankollu mhux l-istess japplika fil-kuntest tad-Direttiva 1999/44. Minn naħa, id-dissważjoni imfittxa b’intervent ex officio tkun ineffettiva fil-każ tal-eżekuzzjoni tal-kuntratt. Fil-maġġor parti tal-każijiet, in-nuqqas ta’ konformità tas-servizz mogħti fil-kuntest ta’ kuntratt ma tiddependix mir-rieda tal-partijiet, speċjalment meta l-parti kontraenti ma tkunx il-manifattriċi tal-ħaġa mibjugħa, ma jkollha ebda influwenza fuq il-kwalità tagħha u, bħala regola ġenerali, tinjora d-difetti minbarra dawk li jkunu evidenti.

48.

Barra minn hekk, fil-qasam tal-infurzar tal-kuntratt, is-sitwazzjoni tal-konsumatur ma hijiex ta’ dgħjufija komparabbli. Kuntrarjament għan-natura abbużiva ta’ klawżola, ikun tabilħaqq faċli li dan jara jekk l-oġġett mixtri huwiex tal-kwalità miftiehma. Dan jidher fil-każ preżenti, fejn hija tabilħaqq il-konsumatriċi li tasserixxi ġudizzjarjament id-drittijiet tagħha. Madankollu, fis-sentenzi mogħtija fir-rigward tad-Direttiva 1993/13, kienu ġeneralment l-intraprendituri li qajmu d-dritt li huma ppretendew li għandhom minn klawżola abbużiva. Għalhekk, intervent ex offico ma jsaħħaħx il-protezzjoni tal-konsumatur, iżda, għall-kuntrarju, joffrilu motiv ta’ attakk addizzjonali. Għalhekk il-ġurisprudenza relattiva għad-Direttiva 1993/13 lanqas ma twassal għal obbligu ta’ tnaqqis ex officio fil-kuntest tad-Direttiva 1999/44.

49.

Minħabba dan jiena nikkunsidra li sabiex jiġi ggarantit il-prinċipju ta’ effettività, huwa biżżejjed li l-liġi proċedurali nazzjonali tiġi interpretata u applikata b’mod li toffri lill-konsumatur strument li jippermettilu jasserixxi d-drittijiet tiegħu huwa stess. Dan jista’ jsir, pereżempju, billi jiġi intitolat jemenda r-rikors tiegħu, jekk ikun hemm bżonn fuq rakkomandazzjoni tal-qorti kompetenti, jekk dan ikun previst mill-liġi nazzjonali.

50.

Wieħed jista’ jikkunsidra wkoll li t-talbiet tar-rikors jistgħu jiġu interpretati fis-sens li t-talba għat-tnaqqis titqies inkluża fit-talba għat-tħassir tal-kuntratt. Madankollu, il-problema ma hijiex dwar jekk id-dritt sostantiv għat-tnaqqis fil-prezz skont l-ewwel inċiż tal-Artikolu 3(5) tad-Direttiva huwiex inkuż fid-dritt għat-tħassir tal-kuntratt provdut fit-tieni inċiż tal-Artikolu 3(5) tad-Direttiva. Din hija kwistjoni ta’ interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni li ma ġietx imqajma mill-qorti tar-rinviju. Fil-verità, din hija kwistjoni dwar jekk it-talba proċesswali għat-tħassir tal-kuntratt tinkorporax it-talba għal tnaqqis “inkwantu soluzzjoni għal difett”. Il-kwistjoni dwar jekk it-talbiet tar-rikors jistgħux jiġu interpretati b’dan il-mod fid-dawl tad-Direttiva għandha tiġi deċiża mill-qorti nazzjonali, li hija esklussivament kompetenti sabiex tinterpreta d-dritt proċedurali nazzjonali. Madankollu, skont il-Gvern Spanjol, ma hemm xejn li jindika li d-dritt proċedurali Spanjol jipprekludi tali interpretazzjoni ( 30 ). Minflok, il-Gvern Spanjol isostni li d-dispożizzjonijiet korrispondenti tal-LEC għandhom jiġu interpretati fis-sens li t-talba għat-tħassir tal-kuntratt tinkorpora dik ta’ tnaqqis fil-prezz.

51.

Possibbiltà oħra tista’ tkun li d-dispożizzjoni nazzjonali relattiva għall-estensjoni tas-saħħa ta’ res judicata tiġi interpretata b’mod komparattivament stretta jew estensiva bħalma jiġri fir-rigward tal-preżentata tat-talba konkreta u tal-prinċipju ta’ kongruwenza.

52.

Madankollu, jekk l-ebda waħda minn dawn il-miżuri ma għandha tittieħed inkunsiderazzjoni, wieħed jista’ jqis, fl-aħħar lok, tnaqqis ex officio. Fi kwalunkwe każ dan ma huwiex ipprojbit mid-Direttiva. Għall-kuntrarju, mill-premessa 1 u 5 tagħha jirriżulta li l-livell għoli ta’ protezzjoni tal-konsumatur li din tfittex huwa intiż sempliċement biex joħloq livell minimu ta’ drittijiet tal-konsumatur. Għalhekk, l-Artikolu 8(2) tad-Direttiva jħalli lill-Istati Membri d-dritt li jadottaw jew iżommu fis-seħħ dispożizzjonijiet iktar stretti sabiex jiġi żgurat livell ta’ protezzjoni iktar u iktar għoli ( 31 ). Għalhekk, jekk kodiċi ta’ proċedura ta’ Stat Membru jipprovdi għal tnaqqis ex officio jew jekk qorti nazzjonali tappika d-dritt nazzjonali b’dan il-mod, dan ikun kompatibbli mad-Direttiva.

53.

Indipendentement mill-miżura li ser tiġi adottata mill-qorti nazzjonali, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni żewġ affarijiet: l-ewwel nett, l-ebda miżura ma għandha tittieħed kontra l-volontà tal-parti rikorrenti. Id-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva jinkorpora l-fakultà li wieħed jirrinunzja li jasserixxi d-drittijiet tiegħu. Għaldaqstant hemm lok li tiġi stabbilità l-volontà konkreta tal-konsumatur. F’dan il-każ dan ma għandux joħloq problema għaliex, minn issa ’l quddiem, S. Duarte trid tikseb tnaqqis fil-prezz. It-tieni nett, wieħed ma għandux jinjora d-drittijiet tad-difiża tal-parti avversa, li għandha għalhekk, f’kull każ, ikollha tal-inqas l-opportunità li tesprimi ruħha għall-aħħar darba fuq il-kwistjoni kontroversjali u li terġa tippreżenta talba hija stess jekk ikun hemm bżonn.

Konklużjoni intermedjarja

54.

Fil-qosor, nista’ ngħid li d-Direttiva ma fiha l-ebda obbligu li jsir tnaqqis ex officio. Madankollu, il-qorti nazzjonali għandha todotta l-miżuri opportuni sabiex il-konsumatur ikollu l-opportunità jikkoreġi t-talbiet żbaljati jekk dan ikun l-uniku mezz li bih huwa jista’ jasserixxi d-drittijiet mogħtija lilu mid-Direttiva. Indipendentement mill-miżuri li għandhom jittieħdu, id-drittijiet tad-difiża tal-parti avversa għandhom dejjem jiġu rispettati.

C – In-natura minuri tad-difett

55.

Il-qorti tar-rinviju kkonstatat li t-tħassir tal-kuntratt huwa eskluż għaliex in-nuqqas ta’ konformità tal-vettura huwa minuri. Din il-konstatazzjoni ġiet ikkontestata minn xi wħud mill-intervenjenti fil-proċeduri.

56.

Madankollu, il-qorti tar-rinviju ma talbitx l-interpretazzjoni tal-Artikolu 3(6) tad-Direttiva li jsemmi n-“nuqqas ta’ konformità [...] minuri”. Il-konstatazzjoni tal-fatti u d-deċiżjoni relattiva għad-domandi li għandhom isiru lill-Qorti tal-Ġustizzja jaqgħu taħt il-ġurisdizzjoni esklussiva tal-qorti tar-rinviju.

57.

Madankollu, peress li l-kwistjoni dwar in-natura minuri tad-difett hija kwistjoni ta’ interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, nixtieq inżid din ir-rimarka: sal-ġurnata tal-lum il-Qorti tal-Ġustizzja għadha ma ddeċidietx dwar l-interpretetazzjoni tal-kelma “minuri” misjuba fl-Artikolu 3(6) tad-Direttiva. F’każijiet komparabbli qrati Ewropej oħra, fosthom qrati supremi ( 32 ), iddikjaraw li d-dħul ta’ ilma ma jistax jitqies difett minuri ( 33 ). Dawn id-deċiżjonijiet ma ħadux inkunsiderazzjoni l-fatt — imqajjem fid-domanda għal deċiżjoni preliminari insostenn tal-konstatazzjoni tal-qorti tar-rinviju — li, minkejja d-dħul ta’ ilma l-vettura tibqa’ utilizzabbli bħala mezz ta’ trasport. Huwa minħabba f’hekk li kien ikun utli għall-uniformità tad-dritt tal-Unjoni u għad-deċiżjoni tal-kontroversja li biha tinsab adita l-Juzgado de Primera Instancia no 2 de Badajoz li tistaqsi wkoll lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda dwar in-natura minuri tan-nuqqas ta’ konformità u għalhekk dik dwar l-interpretazzjoni tal-Artikolu 3(6) tad-Direttiva.

V – Konklużjoni

58.

Bħala konklużjoni nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi d-domanda preliminari f’dan is-sens:

Id-Direttiva 1999/44 għandha tiġi interpreta fis-sens li f’sitwazzjoni fejn il-konsumatur jitlob biss it-tħassir tal-kuntratt lill-qorti nazzjonali, għalkemm dan it-tħassir ikun eskluż minħabba li n-nuqqas ta’ konformità jkun minuri, din il-qorti nazzjonali għandha tadotta miżura opportuna sabiex tippermetti lill-konsumatur li jasserixxi d-drittijiet mogħtija lilu mid-Direttiva. Huwa l-kompitu tad-dritt nazzjonali biex jipprovdi liema miżura proċesswali ser tippermetti li jintlaħaq dan il-għan. Madankollu, id-drittijiet tad-difiża tal-parti avversa għandhom jiġu salvagwardjati f’dan il-waqt.


( 1 ) Lingwa oriġinali: il-Ġermaniż.

( 2 ) Direttiva 1999/44/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-25 ta’ Mejju 1999, dwar ċerti aspetti tal-bejgħ ta’ oġġetti tal-konsum u garanziji assoċjati magħhom (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 4, p. 223, iktar ’il quddiem “id-Direttiva 1999/44” jew “id-Direttiva”).

( 3 ) Għaż-żewġ proċeduri preliminari l-oħra marbuta mad-Direttiva 1999/44, ara s-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-16 ta’ Ġunju 2011, Gebr. Weber (C-65/09 u C-87/09, Ġabra p. I-5257) u tas-17 ta’ April 2008, Quelle (C-404/06, Ġabra p. I-2685).

( 4 ) BOE (Boletín Oficial del Estado) Nru 165 tal-11 ta’ Lulju 2003, p. 27160.

( 5 ) Għalkemm din il-liġi tħassret mir-Real Decreto Legislativo 1/2007 tas-16 ta’ Novembru 2007 li tirriforma l-liġi ġenerali fuq il-ħarsien tal-konsumaturi u tal-utilizzaturi u liġijiet oħra komplimentari (Ley General para la Defensa de los Consumidores y Usuarios y otras leyes complementarias, BOE Nru 287, tat-30 ta’ Novembru 2007, p. 49181), din tapplika għall-każ preżenti għaliex il-leġiżlazzjoni l-ġdida daħlet fis-seħħ fil-1 ta’ Diċembru 2007, jiġifieri wara d-data li fiha nxtrat il-vettura inkwistjoni.

( 6 ) Liġi Nru 1/2000 tas-7 ta’ Jannar 2000 fuq il-proċedura ċivili, BOE Nru 7 tat-8 ta’ Jannar 2000, p. 575.

( 7 ) Skont l-informazzjoni fid-deċiżjoni tar-rinviju, il-karozza daħlet għat-tiswija tal-inqas ħames darbiet bejn Novembru 2005 u Lulju 2008.

( 8 ) Prokuratur Pubbliku.

( 9 ) Sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-8 ta’ Settembru 2010, Winner Wetten (C-409/06, Ġabra p. I-8015, punt 36) u tas-27 ta’ Ottubru 2009, ČEZ (C-115/08, Ġabra p. I-10265, punt 57), flimkien mal-ġurisprudenza ċċitata fihom.

( 10 ) Artikolu 218 LEC.

( 11 ) Artikolu 216 LEC.

( 12 ) Ara l-punt 36 tas-sentenza Quelle, iċċitat iktar ’il fuq fin-nota 3.

( 13 ) Hekk kif ġustament osserva l-Gvern Ungeriż, mhux l-istess japplika, pereżempju, fil-kuntest tad-Direttiva tal-Kunsill 1993/13/KEE, tal-5 ta’ April 1993, dwar klawżoli inġusti f’kuntratti mal-konsumatur (Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 3, p. 288), li l-Artikolu 7(1) tagħha jobbliga espressament lill-Istati Membri li jiżguraw li jiddaħħlu fis-seħħ miżuri adegwati u effettivi sabiex jitwaqqaf l-użu ta’ dawn il-klawżoli.

( 14 ) Ara s-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-18 ta’ Marzu 2010, Alassini et (C-317/08 sa C-320/08, Ġabra p. I-2213, punt 47); tal-15 ta’ April 2008, Impact (C-268/06, Ġabra p. I-2483, punt 44, flimkien mal-ġurisprudenza ċċitata); tat-13 ta’ Marzu 2007, Unibet (C-432/05, Ġabra p. I-2271, punt 39); tas-26 ta’ Ottubru 2006, Mostaza Claro (C-168/05, Ġabra p. I-10421, punt 24); tas-16 ta’ Diċembru 1976, Rewe (33/76, Ġabra p. 1989, punt 5); u tas-16 ta’ Diċembru 1976, Comet (45/76, Ġabra p. 2043, punt 13).

( 15 ) Ara s-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-8 ta’ Settembru 2011, Rosado Santana (C-177/10, Ġabra p. I-7907, punt 89); tas-6 ta’ Ottubru 2009, Asturcom Telecomunicaciones (C-40/08, Ġabra p. I-9579, punt 38); tas-7 ta’ Ġunju 2007, van der Weerd et (C-222/05 sa C-225/05, Ġabra p. I-4233, punt 28); tas-26 ta’ Ottubru 2006, Mostaza Claro (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota 14, punt 24); tas-16 ta’ Mejju 2000, Preston et (C-78/98, Ġabra p. I-3201, punt 31); u tal-14 ta’ Diċembru 1995, van Schijndel u van Veen (C-430/93 u C-431/93, Ġabra p. I-4705, punt 17).

( 16 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi Impact (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota 14, punt 44), van der Weerd et (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota 15, punt 28), tal-14 ta’ Diċembru 1995, Peterbroeck (C-312/93, Ġabra p. I-4599, punt 12) u Rewe (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota 14, punt 5).

( 17 ) Ara s-sentenza tal-14 ta’ Diċembru 1995, van Schijndel u van Veen (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota 15, punt 19).

( 18 ) Ara s-sentenza tal-14 ta’ Diċembru 1995, van Schijndel u van Veen (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota 15, punt 19).

( 19 ) Ara s-sentenzi Asturcom Telecomunicaciones (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota 15, punt 39); tat-3 ta’ Settembru 2009, Fallimento Olimpiclub (C 2/08, Ġabra p. I-7501, punt 27); u Peterbroeck (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota 16, punt 14).

( 20 ) Ara f’dan ir-rigward l-Artikolu 216 LEC, li jipprovdi li l-qrati għandhom jiddeċiedu l-kawżi li bihom dawn ikunu aditi fir-rigward tal-argumenti ta’ fatt, tal-provi u tat-talbiet ippreżentati mill-partijiet.

( 21 ) Ara s-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-17 ta’ Diċembru 2009, Martín Martín (C-227/08, Ġabra p. I-1939, punt 20), van der Weerd et (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota 15, punt 35) u van Schijndel u van Veen (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota 15, punt 21).

( 22 ) Ara s-sentenzi van der Weerd (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota 15, punti 36 u 41) u van Schijndel u van Veen (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota 15, punt 22).

( 23 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi Impact (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota 14, punt 54) u Unibet (C-432/05, Ġabra p. I-2271, punt 44).

( 24 ) Ara s-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-20 ta’ Ottubru 2011, Interedil (C-396/09, Ġabra p. I-9915, punt 38) u tal-5 ta’ Ottubru 2010, Elchinov (C-173/09, Ġabra p. I-8889, punt 31).

( 25 ) Ara l-Artikolu 5(2) tad-Direttiva, li jippermetti lill-Istati Membri li jeżiġu li l-konsumatur jinforma l-venditur bl-intenzjoni tiegħu li jasserixxi d-drittijiet mogħtija lilu mid-Direttiva f’terminu ta’ xahrejn mid-data li fiha dan jikkonstata n-nuqqas ta’ konformità.

( 26 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-15 ta’ April 2010, E. Friz (C-215/08, Ġabra p. I-2947, punt 44) u tat-3 ta’ Settembru 2009, Messner (C-489/07, Ġabra p. I-7315, punt 25), li fihom il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-protezzjoni tal-konsumatur lanqas ma huwa prinċipju ta’ natura assoluta u li d-direttivi korrispondenti ma għandhomx l-għan li jagħtuh drittijiet li jmorru lil hinn min dak li huwa neċessarju għall-ksib tal-għanijiet imfittxa fil-każ preżenti.

( 27 ) Iċċitata iktar ’il fuq fin-nota 13.

( 28 ) Ara s-sentenza tas-27 ta’ Ġunju 2000, Océano Grupo Editorial u Salvat Editores (C-240/98 sa C-244/98, Ġabra p. I-4941, punti 27 u 29).

( 29 ) Ara s-sentenza Océano Grupo Editorial (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota 28, punt 26).

( 30 ) Il-Kummissjoni taqbel ma’ din il-pożizzjoni fl-osservazzjonijiet tagħha. Din tirreferi, b’mod partikolari, għas-sentenza tat-Tribunal Supremo Spanjol tas-27 ta’ Settembru 2011, STS 7744/2011, p. 14 u 15, li fiha din il-qorti rrelativizzat il-prinċipju ta’ kongruwenza provdut fl-Artikolu 218 LEC abbażi tal-prinċipju ta’ jura novit curia.

( 31 ) Ara l-premessa Nru 24 tad-Direttiva.

( 32 ) Ara, pereżempju, is-sentenza tal-Bundesgerichtshof tal-5 ta’ Novembru 2008, VIII ZR 166/07.

( 33 ) Fir-rigward tal-portata eżatta tan-nuqqas ta’ konformità tal-vettura ta’ S. Duarte, ma teżistix biżżejjed informazzjoni, b’tali mod li hawnhekk ikun impossibbli li tiġi evalwata l-komparabbilità reali tal-fatti inkwistjoni f’dawn il-kawżi differenti. Madankollu, mhux l-istess japplika għall-argument ġuridiku dwar l-evalwazzjoni tan-nuqqas ta’ konformità.