Opinion of the Advocate-General

Opinion of the Advocate-General

1. Wara d-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u r-rappreżentanti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea jistgħu jadottaw konġuntament deċiżjonijiet (imsejħa “mħalltin” jew “ibridi”) sabiex jieħdu l-miżuri neċessarji fil-kuntest ta’ fażijiet differenti tal-proċedura ta’ negozjar u ta’ konklużjoni ta’ ftehim internazzjonali, kif stabbilit mill-Artikolu 218 TFUE? L-għaqda bejn, minn naħa, att tal‑Unjoni, bħal deċiżjoni tal-Kunsill li, fil-qasam tal-ftehim internazzjonali għandha tkun adottata b’maġġoranza kkwalifikata, u min-naħa l-oħra, att li għandu natura inter-governattiva, li għandu jiġi adottat mill-Istati kkonċernati kollha, hija aċċettata fid-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari f’każ tan-negozjar u tal-konklużjoni ta’ ftehim imħallat? Xi rwol għandhom f’dan il-kuntest, ir-rekwiżit tar-rappreżentanza unitarja tal-Unjoni fuq pjan internazzjonali, id-dmir relatat ta’ kooperazzjoni stretta bejn l-Unjoni u l-Istati Membri, ir-rekwiżit ta’ ċertezza legali fid-dritt internazzjonali għall-partijiet kontraenti tal-ftehim imħallat konkluż mal-Unjoni u l-Istati Membri tagħha, kif ukoll il-prinċipju ta’ awtonomija tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni?

2. Dawn huma, essenzjalment, il-mistoqsijiet li għandha twieġeb il-Qorti tal‑Ġustizzja f’din il-kawża, li fiha l-Kummissjoni Ewropea titlob l-annullament tad-Deċiżjoni 2011/708/UE, adottata fis-16 ta’ Ġunju 2011 mill-Kunsill u r-rappreżentanti tal-Gvernijiet tal-Unjoni Ewropea, imlaqqgħin fi ħdan il-Kunsill (2) (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”), dwar l-iffirmar, f’isem l-Unjoni u l‑applikazzjoni provviżorja mill-Unjoni u l-Istati Membri tagħha ta’ żewġ ftehimiet internazzjonali fis-settur tat-trasport bl-ajru.

3. Għalkemm mal-ewwel daqqa t’għajn din il-kawża tista’ tidher li hi ta’ natura prinċipalment proċedurali, effettivament il-portata tagħha tmur lil hinn minn sempliċi kwistjonijiet ta’ proċedura. Fil-fatt, din il-kawża tirrigwarda kwistjonijiet sensittivi dwar l-eżerċizzju tal-kompetenzi esterni tal-Unjoni. Fis-soluzzjoni li hija għandha tagħti, il-Qorti tal-Ġustizzja ser ikollha għalhekk issib bilanċ bejn ir-rekwiżiti differenti inkwistjoni f’din il-kawża, filwaqt li tieħu inkunsiderazzjoni r-realtà tal‑funzjonament prattiku kemm tal-proċess deċiżjonali kif ukoll tal-azzjoni esterna tal-Unjoni.

I – Il-fatti li wasslu għall-kawża

4. Fil-25 u t-30 ta’ April 2007, il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa, u l-Istati Uniti tal-Amerika, min-naħa l-oħra, iffirmaw Ftehim dwar it-Trasport bl-Ajru (3), sussegwentement emendat permezz ta’ Protokoll iffirmat fil-Lussemburgu fl-24 ta’ Ġunju 2010 (4) (iktar ’il quddiem il-“Ftehim dwar it-Trasport bl-Ajru UE-Stati Uniti”). Dan il-ftehim huwa intiż, b’mod partikolari, sabiex jiffavorixxi l-iżvilupp ta’ trasport bl-ajru internazzjonali billi jiftaħ is‑swieq u jkabbar il-vantaġġi għall-konsumatur, għat-trasportaturi bl-ajru, għall-ħaddiema u għall-popolazzjonijiet taż-żewġ naħat tal-oċean Atlantiku.

5. Peress li l-Ftehim dwar it-Trasport bl-Ajru UE-Stati Uniti jipprovdi l-possibbiltà ta’ adeżjoni ta’ Stati terzi, ir-Repubblika tal-Islanda u r-Renju tan-Norveġja ppreżentaw talba ta’ adeżjoni fl-2007. Għall-finijiet tal-adeżjoni ta’ dawn iż-żewġ Stati, ġew innegozjati żewġ ftehimiet internazzjonali. Minn naħa, l-Unjoni u l-Istati Membri, l-Istati Uniti tal-Amerika, ir-Repubblika tal-Islanda u r-Renju tan-Norveġja nnegozjaw ftehim ta’ adeżjoni intiż li jestendi l-kamp ta’ applikazzjoni tal-Ftehim dwar it-Trasport bl-Ajru UE-Stati Uniti, mutatis mutandis, għal kull wieħed mill-partijiet kontraenti (ĠU 2011, L 283, p. 3, iktar ’il quddiem, il-“Ftehim ta’ Adeżjoni”). il-ftehim anness ġie l-ewwel nett innegozjat bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, bħala l-ewwel parti, l-Islanda, bħala t-tieni parti, u r-Renju tan-Norveġja, bħala t-tielet parti, dwar l-applikazzjoni tal-Ftehim dwar it-Trasport bl-Ajru bejn l-Istati Uniti tal-Amerika, bħala l-ewwel parti, l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, bħala t-tieni parti, l-Islanda, bħala t-tielet parti, u r-Renju tan-Norveġja, bħala r-raba’ parti (ĠU 2011, L 283, p. 16, iktar ’il quddiem il-“Ftehim Anċillari”). Dan il-ftehim huwa intiż li jiggarantixxi ż-żamma tan-natura bilaterali tal-imsemmi Ftehim dwar it-Trasport bl-Ajru UE‑Stati Uniti.

6. Fit-2 ta’ Mejju 2011, il-Kummissjoni adottat proposta ta’ Deċiżjoni tal-Kunsill (COM (2011) 239 finali), dwar l-iffirmar u l-applikazzjoni provviżorja tal-Ftehim dwar it-Trasport bl-Ajru bejn l-Istati Uniti tal-Amerika, bħala l-ewwel parti, l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, bħala t-tieni parti, l-Islanda, bħala t-tielet parti, u r-Renju tan-Norveġja, bħala r-raba’ parti; u dwar l-iffirmar, f’isem l-Unjoni Ewropea, u l-applikazzjoni proviżorja tal-Ftehim Anċillari bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, bħala l-ewwel parti, l-Islanda, bħala t-tieni parti, u r-Renju tan-Norveġja, bħala t-tielet parti, dwar l-applikazzjoni tal-Ftehim dwar it-Trasport bl-Ajru bejn l-Istati Uniti tal-Amerika, bħala l-ewwel parti, l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, bħala t-tieni parti, l-Islanda, bħala t-tielet parti, u r-Renju tan-Norveġja, bħala r-raba’ parti. Din il-proposta kienet tipprovdi deċiżjoni tal-Kunsill waħdu u kienet ibbażata fuq l-Artikolu 100(2) TFUE (5) flimkien mal-Artikolu 218(5) TFUE (6) .

7. Filwaqt li ma adottax l-imsemmija proposta, il-Kunsill adotta d‑deċiżjoni kkontestata fil-forma ta’ deċiżjoni ibrida, jiġifieri deċiżjoni provenjenti fl-istess ħin mill-Kunsill u mir-rappreżentanti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri mlaqqgħin fi ħdan il-Kunsill. Id-deċiżjoni kkontestata kienet ibbażata fuq l-Artikolu 100(2) TFUE, b’rabta mal-Artikolu 218(5) u (8) TFUE (7) .

8. Skont l-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata “[l]-iffirmar tal‑[Ftehim ta’ Adeżjoni] u tal-Ftehim Anċillari […] huwa b’dan awtorizzat f’isem l-Unjoni, soġġett għall-konklużjoni tal-imsemmija Ftehimi”.

9. L-Artikolu 2 ta’ din id-deċiżjoni jistabilixxi li “l-President tal-Kunsill huwa b’dan awtorizzat jaħtar il-persuna/i bis-setgħa li jiffirmaw il-Ftehim ta’ Adeżjoni u l-Ftehim Anċillari f’isem l-Unjoni”.

10. L-Artikolu 3 tal-istess deċiżjoni jistabilixxi li “l-Ftehim ta’ Adeżjoni u l-Ftehim Anċillari għandhom jiġu applikati b’mod proviżorju mid-data tal-iffirmar mill-Unjoni Ewropea u, safejn permess skont il-liġi nazzjonali applikabbli, mill-Istati Membri tagħha u l-Partijiet rilevanti, sa meta jitlestew il-proċeduri għall-konklużjoni tagħhom”.

11. Il-Ftehim ta’ Adeżjoni u l-Ftehim Anċillari ġew iffirmati fil-Lussemburgu u f’Oslo, fis-16 u l-21 ta’ Ġunju 2011.

II – It-talbiet tal-partijiet u l-proċedura quddiem il-Qorti tal‑Ġustizzja

12. Il-Kummissjoni titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tannulla d-deċiżjoni kkontestata, filwaqt li żżomm, għaldaqstant, l-effetti tal-imsemmija deċiżjoni u tikkundanna lill-Kunsill għall-ispejjeż.

13. Il-Kunsill jitlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tiċħad ir-rikors bħala inammissibbli jew infondat, u sussidjarjament, jekk u sa fejn il-Qorti tal-Ġustizzja tannulla d-deċiżjoni kkontestata, tiddikjara li l-effetti ta’ din id-deċiżjoni huma definittivi u tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

14. Permezz ta’ digriet tat-18 ta’ Ġunju 2012, il-President tal-Qorti tal-Ġustizzja aċċetta l-intervent tal-Parlament Ewropew insostenn tat-talbiet tal-Kummissjoni kif ukoll l-intervent tar-Repubblika Ċeka, tar-Renju tad-Danimarka, tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja, tar-Repubblika Ellenika, tar-Repubblika Franċiża, tar-Repubblika Taljana, tar-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi, tar-Repubblika tal-Polonja, tar-Repubblika Portugiża, tar-Repubblika tal-Finlandja, tar-Renju tal-Isvezja u tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq insostenn tat-talbiet tal-Kunsill.

15. Is-seduta quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja nżammet fil-11 ta’ Novembru 2014.

III – Analiżi

16. Fir-rikors tagħha, il-Kummissjoni tikkontesta d-deċiżjoni kkontestata fl-intier tagħha billi tibbaża ruħha fuq tliet motivi. L-ewwel motiv huwa bbażat fuq ksur tal-proċedura u tar-rekwiżiti dwar l-awtorizzazzjoni tal-iffirmar u l-applikazzjoni provviżorja tal-ftehim internazzjonali mill-Unjoni. It-tieni motiv huwa bbażat fuq ksur tar-regoli tal-vot mill-Kunsill u t-tielet motiv huwa bbażat fuq nuqqas ta’ osservanza tal-għanijiet stabbiliti fit-Trattati u fuq in-nuqqas ta’ osservanza tal-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali. Qabel ma nanalizza dawn it-tliet motivi, għandha madankollu ssir analiżi tal-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà mqajma mill-Kunsill.

A – Fuq l-ammissibbiltà

17. Il-Kunsill iressaq tliet motivi ta’ inammissibbiltà tar-rikors tal-Kummissjoni. Fl-ewwel lok, ir-rikors huwa inammissibbli għaliex kellu jsir kontra l-Istati Membri u mhux kontra l-Kunsill. Fil-fatt, il-Kummissjoni tikkontesta l-parteċipazzjoni tal-Istati Membri fid-deċiżjoni kkontestata u mhux aġir sanzjonabbli imputabbli lill-Kunsill. Fit-tieni lok, il-Kunsill isostni li r-rikors huwa inammissibbli għar-raġuni li jirrigwarda deċiżjoni tal-Istati Membri, li tmur lil hinn mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 263 TFUE u għalhekk ma tistax tkun is-suġġett ta’ stħarriġ ġudizzjarju tal-Qorti tal-Ġustizzja. Fit-tielet lok, skont il-Kunsill, il-Kummissjoni ma għandhiex interess ġuridiku għaliex l-annullament mitlub ma għandu ebda konsegwenza legali.

18. Għal dak li jirrigwarda l-ewwel u t-tieni argumenti mressqa mill-Kunsill, għandu qabel kollox jitfakkar li r-rikors għal annullament għandu jkun possibbli fil-konfront tad-dispożizzjonijiet kollha adottati mill-istituzzjonijiet, tkun xi tkun in-natura jew il-forma tagħhom, li huma intiżi sabiex jipproduċu effetti legali (8) .

19. Issa, f’dan il-każ, ir-rikors tal-Kummissjoni jipprevedi att adottat konġuntament mill-Kunsill u r-rappreżentanti tal-Istati Membri, b’mod partikolari abbażi tal-Artikolu 218(5) u (8) TFUE. Kif jirriżulta mill-punti 8 sa 10 ta’ dawn il-konklużjonijiet, dan l-att jawtorizza kemm l-iffirmar u l-applikazzjoni provviżorja tal-ftehim internazzjonali inkwistjoni għal dak li jirrigwarda l-Unjoni kif ukoll l-applikazzjoni provviżorja tal-imsemmi ftehim mill-Istati Membri sa fejn huwa permess mil-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli.

20. Minn dan isegwi, minn naħa, li l-Kunsill ipparteċipa fl-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata u li, konsegwentement, din hija dispożizzjoni meħuda minn din l-istituzzjoni, u min-naħa l-oħra, li d-deċiżjoni kkontestata tikkostitwixxi att li jipproduċi effetti legali li, fihom innifishom, jistgħu jkunu suġġetti għal stħarriġ ġudizzjarju (9) . L-ewwel u t-tieni argumenti tal-Kunsill għandhom għalhekk jiġu miċħuda.

21. Għal dak li jirrigwarda t-tielet argument tal-Kunsill, huwa biżżejjed li jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, l-Artikolu 263(2) TFUE jagħti lill-istituzzjonijiet kollha fih imsemmija u lill-Istati Membri kollha d-dritt li jikkontestaw, permezz ta’ rikors għal annullament, il-legalità ta’ kull att tal-Kunsill li jipproduċi effetti legali, mingħajr ma l-eżerċizzju ta’ dan id-dritt għandu jkun ikkundizzjonat minn ġustifikazzjoni ta’ interess ġuridiku (10) . Sabiex tippreżenta dan ir-rikors, il-Kummissjoni ma għandha għalhekk tipprova ebda interess ġuridiku. It-tielet argument tal-Kunsill għandu għalhekk jiġi miċħud ukoll, u fl-opinjoni tiegħi r-rikors huwa ammissibbli fir-rigward tad-deċiżjoni kkontestata kollha.

B – Fuq il-mertu

1. L-argumenti tal-partijiet

a) Fuq l-ewwel motiv ibbażat fuq il-ksur tal-proċedura u tar-rekwiżiti dwar l-awtorizzazzjoni tal-iffirmar u l-applikazzjoni provviżorja tal-ftehim internazzjonali mill-Unjoni

22. Il-Kummissjoni, sostnuta mill-Parlament, targumenta li, billi adotta d-deċiżjoni kkontestata, il-Kunsill kiser l-ewwel sentenza tal-Artikolu 13(2) TUE (11) flimkien mal-Artikolu 218(2) u (5) TFUE. Skont din l-aħħar dispożizzjoni, il-Kunsill huwa l-uniku istituzzjoni li għandha s-setgħa li tawtorizza l-iffirmar u l-applikazzjoni provviżorja ta’ ftehim internazzjonali mill-Unjoni. Id-deċiżjoni kkontestata kellha għalhekk tiġi adottata mill-Kunsill waħdu, bl-esklużjoni tal-Istati Membri mlaqqgħin fi ħdan il-Kunsill.

23. Bil-parteċipazzjoni tal-Istati Membri, li ddeċidew b’mod kolletti v fi ħdan il-Kunsill, fil-proċess deċiżjonali, il-Kunsill idderoga unilateralment mill-proċedura prevista fl-Artikolu 218 TFUE, filwaqt li mill-ġurisprudenza jirriżulta li huwa ma jistax jevita r-regoli stabbiliti mit-Trattati u jirrikorri għal proċeduri alternattivi għall-adozzjoni tal-atti tal-Unjoni. F’dawn iċ-ċirkustanzi l-Kunsill naqas ukoll mill-obbligu tiegħu li jeżerċita l-kompetenzi tiegħu fil-limiti stabbiliti mill-proċeduri u r-rekwiżiti previsti mit-Trattati, fis-sens tal-ewwel sentenza tal-Artikolu 13(2) TUE.

24. B’mod partikolari, wara d-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona, il-proċeduri tal-Unjoni għandhom ikunu distinti b’mod ċar mill-oqsma li fihom l-Istati Membri żammew il-possibbiltà li jeżerċitaw il-kompetenzi tagħhom. Għalhekk ma huwiex possibbli li att intergovernattiv u att tal-Unjoni jingħaqdu. Il-prassi preċedenti li kienet tirrikorri għal atti ibridi, b’mod partikolari fis-settur tal-avjazzjoni, kienet tiżnatura l-proċeduri tal-Unjoni u ma tistax tiġi aċċettata iktar.

25. In-natura mħallta ta’ ftehim internazzjonali, konkluż mill-Unjoni u kull wieħed mill-Istati Membri, ma jimplikax neċessarjament li d-deċiżjoni tal-Kunsill li tirrigwarda l-iffirmar u l-applikazzjoni provviżorja tiegħu, adottata skont l-Artikolu 218 TFUE, tista’ tkun mibdula billi tiġi magħquda ma’ deċiżjoni intergovernattiva tal-Istati Membri. Tali inklużjoni fil-proċess deċiżjonali tal-Kunsill ma hijiex neċessarja la fir-rigward tal-iffirmar tal-ftehim, u lanqas fir-rigward tal-applikazzjoni provviżorja tiegħu.

26. Il-Kunsill, sostnut mill-Gvernijiet intervenjenti kollha, jikkunsidra għall-kuntrarju li l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata taħt il-forma ta’ deċiżjoni ibrida ma tmur kontra ebda dispożizzjoni tat-Trattati.

27. Qabel kollox, il-Kunsill la dderoga mid-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 218(2) u (5) TFUE u lanqas ma rrikorra għal proċedura alternattiva. Fil-fatt, ir-rappreżentanti tal-Istati Membri mlaqqgħin fi ħdan il-Kunsill adottaw żewġ deċiżjonijiet distinti inklużi fid-deċiżjoni kkontestata. Minn naħa, konformement mal-Artikolu 218 TFUE, fil-kapaċità tagħhom bħala membri tal-Kunsill, huma jistgħu jawtorizzaw l-iffirmar u l-applikazzjoni provviżorja tal-ftehim inkwistjoni mill-Unjoni. Min-naħa l-oħra, fil-kapaċità tagħhom bħala rappreżentanti tal-Istati Membri, huma jistgħu jawtorizzaw l-applikazzjoni provviżorja ta’ dan il-ftehim mill-Istati Membri sa fejn permess mil-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli. Din l-aħħar parti tad-deċiżjoni kkontestata kienet adottata abbażi ta’ proċeduri li ma humiex previsti fit-Trattati. Għalhekk l-Istati Membri ma pparteċipawx fil-proċedura prevista fl-Artikolu 218(2) u (5) TFUE.

28. Konsegwentement, skont il-Kunsill, peress li l-ftehim inkwistjoni huwa ftehim imħallat, l-adozzjoni ta’ deċiżjoni ibrida, li l-Istati Membri huma l-koawturi tagħha, hija koerenti b’mod sħiħ man-natura mħallta tal-ftehim warajha u mal-fatt li l-Istati Membri jeżerċitaw il-kompetenzi tagħhom infushom f’ċerti aspetti. Din l-adozzjoni tikkostitwixxi konsegwenza ammissibbli tal-konklużjoni ta’ ftehim imħallat u taqa’ f’simetrija legali miegħu.

29. L-għażla tal-istrument tad-deċiżjoni ibrida hija fir-realtà l-espressjoni tad-dmir ta’ kooperazzjoni stretta bejn l-Unjoni u l-Istati Membri u tar-rekwiżit ta’ rappreżentanza unitarja tal-Unjoni hekk kif meħtieġ mill-ġurisprudenza. Dan it-tip ta’ deċiżjonijiet jikkostitwixxi l-aħjar mod sabiex tiġi żgurata tali unità fir-rappreżentanza internazzjonali u sabiex jiġi ggarantit approċċ komuni u kkoordinat tal-Unjoni u tal-Istati Membri tagħha. Dan huwa iktar minnu meta, kif kien il-każ tal-ftehim inkwistjoni, il-partijiet tal-ftehim internazzjonali li jaqgħu fil-kompetenza tal-Unjoni huma marbuta b’mod intrinsiku mal-partijiet li jaqgħu fil-kompetenza tal-Istati Membri u meta dawn il-partijiet ma jistgħux jiġu sseparati. It-teżi tal-Kummissjoni li d-deċiżjonijiet tal-Unjoni għandhom isiru fi strument separat minn deċiżjonijiet intergovernattivi tippreġudika l-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri u l-Unjoni u tnaqqas l-effikaċja tal-kuntest istituzzjonali għall-konklużjoni ta’ trattati internazzjonali.

30. Barra minn hekk, skont il-prinċipju ta’ awtonomija tal-istituzzjonijiet, il-Kunsill u l-Istati Membri huma liberi li jiddeterminaw il-forma preċiża tal-organizzazzjoni tax-xogħol tagħhom. Il-fatt li din l-awtorizzazzjoni tkun ikkomunikata f’deċiżjoni waħda ma jneħħi xejn mill-integrità tal-proċedura imposta mill-Artikolu 218(5) TFUE. Fi kwalunkwe każ, l-adozzjoni ta’ deċiżjoni ibrida twassal fil-prattika għall-istess riżultat bħall-adozzjoni ta’ żewġ deċiżjonijiet, waħda mill-Kunsill, u l-oħra mir-rappreżentanti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri mlaqqgħin fi ħdan il-Kunsill, jew bħall-adozzjoni ta’ deċiżjoni waħda tal-Kunsill. Fl-aħħar nett, id-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona ma kellux effett fuq il-legalità tad-deċiżjonijiet ibridi u ma jipprojbixxix l-adozzjoni tagħhom. Għall-kuntrarju, l-adozzjoni ta’ deċiżjonijiet imħallta tikkostitwixxi prassi kkonsolidata, b’mod partikolari fis-settur tat-trasport bl-ajru, anki wara d-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona.

b) Fuq it-tieni motiv ibbażat fuq ksur tar-regoli tal-vot tal-Kunsill

31. Permezz tat-tieni motiv tagħha, il-Kummissjoni, sostnuta mill-Parlament, targumenta li, billi adotta d-deċiżjoni kkontestata, il-Kunsill kiser l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 218(8) TFUE, b’rabta mal-bażi legali materjali għall-adozzjoni ta’ miżuri fil-qasam tat-trasport bl-ajru, jiġifieri l-Artikolu 100(2) TFUE. Fil-fatt, filwaqt li deċiżjoni skont dawn id-dispożizzjonijiet għandha tiġi adottata mill-Kunsill b’maġġoranza kkwalifikata, att intergovernattiv adottat b’mod kollettiv mir-rappreżentanti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri għandu, min-naħa l-oħra, min-natura tiegħu stess, jiġi adottat bi ftehim komuni tal-Istati Membri kollha. Issa l-għaqda ta’ dawn l-atti f’deċiżjoni waħda u l-issuġġettar tagħhom għall-ftehim komuni jirrendi impossibbli b’mod konkret l-applikazzjoni tal-vot b’maġġoranza kkwalifikata billi jirrendi de facto mingħajr effett l-istabbiliment ta’ tali vot mit-Trattat ta’ Lisbona bħala regola ġenerali għall-proċedura ta’ negozjar u konklużjoni ta’ ftehim internazzjonali mill-Unjoni. Hija tneħħi wkoll is-sens tal-proċedura prevista fl-ewwel sentenza tal-Artikolu 218(8) TFUE billi tippreġudika b’mod ġenerali l-effettività tal-proċeduri tal-Unjoni. Barra minn hekk, l-għaqda bejn dawn iż-żewġ atti għandha l-konsegwenza li l-bażi legali indikata fid-deċiżjoni ibrida ma tiddeterminax realment il-proċedura tal-vot fi ħdan il-Kunsill, li tkun b’mod impliċitu, iżda inevitabbli, mibdula minħabba l-kompożizzjoni intergovernattiva tiegħu.

32. Il-Parlament iżid li l-għaqda bejn dawn iż-żewġ tipi ta’ atti timplika wkoll ksur tal-ekwilibriju istituzzjonali fil-proċedura applikabbli għall-konklużjoni ta’ ftehim internazzjonali mill-Unjoni, bi ksur tal-Artikolu 218(6) u (10) TFUE.

33. Il-Kunsill, sostnut mill-Gvernijiet intervenjenti, iqis li ssodisfa r-regoli tal-vot stabbiliti fit-Trattati. Fil-fatt, skont il-Kunsill, id-deċiżjoni kkontestata kellha tiġi adottata b’maġġoranza kkwalifikata fi ħdan il-Kunsill, f’każ ta’ kwistjoni ta’ kompetenzi esklużivi tal-Unjoni, u ta’ ftehim komuni tar-rappreżentanti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri, f’każ li jirrigwarda kompetenzi tal-Istati Membri. Huwa għalhekk ineżatt li jingħad li hija ġiet adottata bl-unanimità jew li r-regola tal-maġġoranza kkwalifikata kienet emendata. Il-fatt li ebda delegazzjoni fi ħdan il-Kunsill ma opponiet id-deċiżjoni kkontestata ma jfissirx li l-vot b’maġġoranza kkwalifikata ma ġiex segwit. Fi kwalunkwe każ, kull deċiżjoni adottata b’unanimità tinkludi neċessarjament maġġoranza kkwalifikata. Barra minn hekk, il-fatt li l-kunsens tal-Istati Membri kien miksub ma jippreġudika l-effettività la tal-azzjoni tal-Unjoni u lanqas tal-proċeduri tagħha.

34. Il-Kunsill u wħud mill-Gvernijiet jargumentaw ukoll li, fil-qasam ta’ ftehim internazzjonali, il-kumulu ta’ numru ta’ regoli tal-vot hija prattika kurrenti konformi mal-ġurisprudenza. Barra minn hekk, skont il-Gvern Finlandiż, il-mod tal-vot magħżul mill-Kunsill kien ibbażat fuq l-Artikolu 293(1) TFUE li jipprovdi li meta l-Kunsill jiddeċiedi fuq proposta tal-Kummissjoni huwa jista’ jemendaha biss b’deċiżjoni unanima. F’dan il-każ, ġaladarba jidher li l-Kunsill emenda l-proposta tal-Kummissjoni fir-rigward tal-Artikolu 3 tad-deċiżjoni kkontestata, huwa missu, fi kwalunkwe każ, ipproċeda b’vot unanimu.

c) Fuq it-tielet motiv, ibbażat fuq in-nuqqas ta’ osservanza tal-għanijiet stabbiliti fit-Trattat u tal-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali

35. Il-Kummissjoni, sostnuta mill-Parlament, tikkritika lill-Kunsill talli kiser l-għanijiet tat-Trattati u l-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali stabbilit fl-Artikolu 13(2) TUE. Billi ppermetta l-intervent tal-Istati Membri fil-proċeduri tal-Unjoni, il-Kunsill, qabel kollox, “żera’ nuqqas ta’ kjarezza” fuq il-personalità indipendenti tal-Unjoni fir-relazzjonijiet internazzjonali. Il-messaġġ mibgħut mill-Kunsill fix-xena internazzjonali huwa li l-Unjoni ma għandhiex tieħu deċiżjoni waħedha. Sussegwentement, billi aġixxa hekk, il-Kunsill ma osservax il-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali għaliex huwa kellu jeżerċita s-setgħat tiegħu b’mod li ma jevitax il-proċeduri tal-Unjoni previsti fl-Artikolu 218 TFUE. Il-Kunsill kiser dan il-prinċipju kemm fir-relazzjonijiet istituzzjonali kif ukoll lejn l-Unjoni kollha kemm hi. Fl-aħħar nett, il-Kunsill dgħajjef il-kuntest istituzzjonali tal-Unjoni billi ta lill-Istati Membri fi ħdan l-Unjoni rwol mhux previst mit-Trattati u, b’mod partikolari, mill-Artikolu 218 TFUE, u b’hekk irriskja li l-interessi tal-Istati Membri jipprevalixxu fuq dawk tal-Unjoni.

36. Il-Kunsill, sostnut mill-Gvernijiet intervenjenti, iqis li d-deċiżjoni kkontestata ma toħloqx l-iċken konfużjoni għal terzi jew għall-Komunità internazzjonali. Fil-kuntest tal-ftehim imħallat, is-sitwazzjoni tkun, għall-kuntrarju, sors ta’ konfużjoni għal terzi jekk dawn jaraw biss deċiżjoni tal-Kunsill, mingħajr deċiżjoni li tassoċja lill-Istati Membri. Id-deċiżjoni kkontestata hija barra minn hekk mhux biss konformi mal-għan tal-unità ta’ rappreżentanza internazzjonali tal-Unjoni, iżda hija tiggarantih, tippromwovih u ssaħħu, billi turi sew il-pożizzjoni komuni tal-Unjoni u tal-Istati Membri tagħha. L-adozzjoni ta’ tali deċiżjoni hija l-espressjoni tal-obbligu ta’ kooperazzjoni stretta u ta’ approċċ komuni tal-Unjoni u tal-Istati Membri. Għall-kuntrarju, l-adozzjoni ta’ deċiżjoni tal-Kunsill waħdu mingħajr l-Istati Membri tista’, minn barra, tagħti stampa ta’ Unjoni mhux magħquda u l-mezz ta’ proċedura intergovernattiva parallela jippreżenta riskji ta’ diverġenzi bejn l-Istati Membri u tardività. Din il-proċedura hija wkoll inqas favorevoli meta mqabbla mal-għanijiet li jridu jintlaħqu mit-Trattat. Fi kwalunkwe każ, deċiżjoni ibrida tikkostitwixxi att intern tal-Unjoni li ma huwiex intiż li jinġieb għall-għarfien tal-Istati terzi u anki li kieku kellu, huwa ferm improbabbli li tingħata importanza dwar min kienu l-awturi tagħha.

2. Analiżi

37. Permezz tar-rikors tagħha, il-Kummissjoni titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tannulla d-deċiżjoni kkontestata, li tirrigwarda, minn naħa, l-iffirmar mill-Unjoni u min-naħa l-oħra, l-applikazzjoni provviżorja mill-Unjoni u mill-Istati Membri tagħha tal-Ftehim ta’ Adeżjoni u tal-Ftehim Anċillari, b’kunsiderazzjoni tal-fatt li din id-deċiżjoni kienet adottata b’mod konġunt mill-Kunsill u mir-rappreżentanti tal-Istati Membri bħala att ibridu li jgħaqqad att tal-Unjoni u att intergovernattiv.

38. Preliminarjament, għandu jiġi rrilevat li l-Kummissjoni ddikjarat b’mod espliċitu li, permezz tar-rikors tagħha, hija ma għandhiex l-intenzjoni li tikkontesta n-natura mħallta taż-żewġ ftehimiet internazzjonali inkwistjoni (12) . Il-portata tar-rikors f’din il-kawża hija għalhekk limitata biss għall-kwistjoni tal-legalità tal-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata bħala deċiżjoni ibrida.

39. Sussegwentement, nirrileva, preliminarjament ukoll li, għalkemm id-deċiżjoni kkontestata tikkostitwixxi, mill-perspettiva formali, att wieħed, fir-realtà hija tinkludi żewġ deċiżjonijiet distinti minn perspettiva materjali, jiġifieri, minn naħa, deċiżjoni tal-Kunsill, dwar l-iffirmar u l-applikazzjoni provviżorja tal-ftehim inkwistjoni mill-Unjoni, u min-naħa l-oħra, att intergovernattiv tar-rappreżentanti tal-Istati Membri, dwar l-applikazzjoni provviżorja tal-imsemmija ftehim minn dawn tal-aħħar. Hija preċiżament il-kwistjoni tal-legalità tal-adozzjoni konġunta ta’ dawn iż-żewġ atti differenti u tal-għaqda tagħhom f’att wieħed li hija s-suġġett tal-kontestazzjoni tal-Kummissjoni.

40. It-tliet motivi mressqa mill-Kummissjoni fir-rikors tagħha, li kollha jipprevedu din il-kwistjoni minn angoli differenti, fl-opinjoni tiegħi jinqasmu f’livelli differenti. Fil-fatt, dan ir-rikors iqajjem, essenzjalment, żewġ tipi ta’ problemi. Minn naħa, fil-parti li tista’ tiġi ddefinita bħala interna, din il-kawża tirrigwarda l-applikazzjoni ta’ dispożizzjonijiet dwar il-proċeduri u r-regoli tal-vot għall-adozzjoni tal-atti tal-Unjoni marbuta mall-innegozjar u l-konklużjoni ta’ ftehim internazzjonali fil-kuntest proċedurali stabbilit mill-Artikolu 218 TFUE. F’dan il-kuntest, tqum ukoll il-kwistjoni tal-portata tal-awtonomija organizzattiva u funzjonali tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni. Min-naħa l-oħra, fil-parti esterna tagħha, din il-kawża tirrigwarda wkoll rekwiżiti dwar l-iżvolġiment konkret tal-azzjoni esterna tal-Unjoni. Fil-fatt, hija tqajjem kwistjonijiet li jikkonċernaw b’mod partikolari r-rekwiżit tar-rappreżentanza unitarja tal-Unjoni fix-xena internazzjonali u l-obbligu konness ta’ kooperazzjoni stretta bejn l-Unjoni u l-Istati Membri fil-kuntest tal-proċedura ta’ negozjar u ta’ konklużjoni ta’ ftehim imħallat. Hija tirrigwarda wkoll l-obbligi tad-dritt internazzjonali li jirriżultaw mill-azzjoni esterna tal-Unjoni lejn il-partijiet kontraenti l-oħra.

41. Is-soluzzjoni għall-problemi legali mqajma f’din il-kawża ma hijiex għalhekk limitata għall-kunsiderazzjoni ta’ kwistjonijiet proċedurali interni, iżda għandha wkoll tieħu inkunsiderazzjoni l-impatt li dawn il-kwistjonijiet għandhom fuq l-azzjoni esterna tal-Unjoni. Għalhekk dan jirrendi neċessarju li ssir evalwazzjoni li tibbilanċja l-prinċipji differenti u rekwiżiti prattiċi inkwistjoni f’din il-kawża. F’dawn iċ-ċirkustanzi, inqis xieraq li t-tliet motivi jiġu analizzati konġuntament, billi nibda bi preżentazzjoni ġenerali tal-kwistjonijiet imqajma f’din il-kawża, sabiex sussegwentement neżamina l-ilmenti mressqa mill-Kummissjoni fir-rikors tagħha fid-dawl tal-prinċipji stabbiliti mill-ġurisprudenza.

a) Fuq il-kuntest proċedurali għall-innegozjar u l-konklużjoni ta’ ftehim internazzjonali mill-Unjoni previsti fl-Artikolu 218 TFUE

42. Għal dak li jirrigwarda l-parti interna tagħha, din il-kawża tqajjem qabel kollox kwistjoni dwar il-konformità tal-proċedura segwita għall-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata mad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 218 TFUE.

43. Mill-Artikolu 218(1) TFUE jirriżulta li dan l-artikolu huwa intiż sabiex jirregola l-proċedura għan-negozjar u l-konklużjoni tal-ftehim bejn l-Unjoni u Stati terzi jew organizzazzjonijiet internazzjonali. Dan l-artikolu, li jinsab fit-Titolu V, intitolat “Ftehim internazzjonali” tal-Ħames parti tat-Trattat FUE li min-naħa tagħha hija intitolata “[L]-azzjoni esterna tal-Unjoni”, jikkostitwixxi dispożizzjoni ta’ natura ġenerali li għandha l-għan li toħloq proċedura unika u magħquda għall-innegozjar u l-konklużjoni tal-imsemmija ftehim mill-Unjoni. Din id-dispożizzjoni hija l-espressjoni, minn naħa, tal-istruttura l-ġdida tal-Unjoni wara t-tneħħija formali tal-pilastri mad-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona (13) u, min-naħa l-oħra, tad-dimensjoni l-ġdida li ssaħħaħ l-azzjoni esterna tal-Unjoni riflessa bl-introduzzjoni tal-Artikoli 21 TUE u 22 TUE kif ukoll bil- Ħames parti tal-imsemmi trattat.

44. Il-proċedura prevista fl-Artikolu 218 TFUE għandha għalhekk il-karatteristika li tapplika għall-ftehim kollu nnegozjat u konkluż mill-Unjoni irrispettivament min-natura u mill-kontenut tiegħu, bl-eċċezzjoni tal-każijiet espressament imsemmija f’dispożizzjonijiet speċifiċi tat-Trattati (14) . Din id-dispożizzjoni tapplika barra minn hekk għall-ftehim konklużi fil-kuntest tal-politika barranija u ta’ sigurtà komuni. B’mod partikolari, xejn ma jindika li dan l-artikolu ma japplikax fil-każ fejn ftehim internazzjonali jkun konkluż taħt il-forma ta’ ftehim imħallat.

45. Peress li l-proċedura li twassal għall-konklużjoni ta’ ftehim internazzjonali hija proċedura bi stadji, l-Artikolu 218 TFUE jippreċiża l-modalitajiet tal-iżvolġiment ta’ dawn l-istadji differenti kif ukoll ir-rwol u s-setgħat rispettivi tal-istituzzjonijiet differenti li jidħlu fl-innegozjar u l-konklużjoni ta’ ftehim internazzjonali mill-Unjoni.

46. B’mod iktar speċifiku, għal dak li jirrigwarda d-dispożizzjonijiet rilevanti għal din il-kawża, mill-Artikolu 218(2) TFUE jirriżulta li l-Kunsill huwa l-istituzzjoni li tawtorizza l-ftuħ tan-negozjar, li tiddeċiedi kif għandu jsir in-negozjar, li tawtorizza l-iffirmar u li tikkonkludi l-ftehim mill-Unjoni. B’hekk, skont il-paragrafu 5 tal-imsemmi artikolu, huwa l-Kunsill li, fuq proposta tan-negozjatur, jadotta deċiżjoni li tawtorizza l-iffirmar tal-ftehim u, jekk ikun il-każ, l-applikazzjoni provviżorja tiegħu qabel id-dħul fis-seħħ tiegħu. Il-paragrafu 6 ta’ dan l-artikolu, minn naħa, jipprovdi li l-Kunsill, fuq proposta tan-negozjatur, jadotta deċiżjoni dwar il-konklużjoni tal-ftehim u, min-naħa l-oħra, jagħti lill-Parlament setgħa ta’ approvazzjoni jew ta’ sempliċi konsultazzjoni, skont is-suġġett tal-ftehim li ser jiġi konkluż Il-paragrafu 8 tal-Artikolu 218 TFUE jistabbilixxi r-regola ġenerali li tipprovdi li, matul il-proċedura kollha, il-Kunsill jiddeċiedi b’maġġoranza kkwalifikata ħlief fil-kuntest tal-eċċezzjonijiet imsemmija fit-tieni subparagrafu ta’ din id-dispożizzjoni.

47. Mill-kuntest li fih jaqa’ l-Artikolu 218 TFUE, kif ukoll mill-formulazzjoni u l-istruttura tiegħu — u, b’mod partikolari, mill-għan tiegħu intiż sabiex jistabbilixxi sistema u regoli proċedurali ta’ natura ġenerali għall-innegozjar u l-konklużjoni ta’ ftehim internazzjonali mill-Unjoni — jirriżulta li, ħlief fil-każ tal-eċċezzjonijiet imsemmija mit-Trattati stess, il-Kunsill ma jistax jevita l-proċeduri previsti fihom billi jirrikorri għal proċeduri alternattivi jew differenti minn dawk previsti fl-imsemmi artikolu fil-fażijiet differenti li jifformaw il-proċedura ta’ negozjar u konklużjoni ta’ ftehim internazzjonali. B’mod partikolari, il-Kunsill ma jistax jadotta atti li ma jikkostitwixxux waħda mid-deċiżjonijiet previsti fi stadju partikolari tal-imsemmija proċedura jew li jiġu adottati f’ċirkustanzi differenti minn dawk meħtieġa mill-Artikolu 218 TFUE nnifsu (15) . L-obbligu tal-Kunsill li jsegwi l-proċeduri imposti mit-Trattati għandu s-sors tiegħu wkoll fl-Artikolu 13(2) TUE li jipprovdi li kull istituzzjoni għandha taġixxi skont il-proċeduri, skont ir-rekwiżiti u skont il-finijiet previsti mit-Trattati.

48. F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat ukoll li, ħlief għal dak li jirrigwarda żewġ kwistjonijiet speċifiċi (16), l-Artikolu 218 TFUE fl-ebda mument ma jipprovdi l-intervent tal-Istati Membri fil-proċedura ta’ negozjar u konklużjoni ta’ ftehim internazzjonali mill-Unjoni (17) . Għalhekk l-Istati Membri, bħala tali, ma għandhom ebda rwol fil-kuntest tal-proċedura fis-sens tal-Artikolu 218 TFUE, li tikkostitwixxi proċedura tal-Unjoni nnifisha.

49. Issa, din il-konstatazzjoni ma hijiex ikkontestata bil-fatt li l-Artikolu 218 TFUE ma japplikax biss għall-ftehim tal-Unjoni nnifisha, iżda wkoll għall-ftehim imħallat. Fil-fatt, fil-każ ta’ ftehim imħallat, l-Artikolu 218 TFUE japplika esklużivament għall-parteċipazzjoni tal-Unjoni fil-ftehim imħallat u mhux għal dik tal-Istati Membri. Il-parteċipazzjoni ta’ dawn tal-aħħar fi ftehim imħallat tkun irregolata, għal dak li jirrigwarda l-parti interna tal-parteċipazzjoni tagħhom, minn kull dritt nazzjonali, u għal dak li jirrigwarda l-parti esterna tal-parteċipazzjoni tagħhom, mid-dritt internazzjonali pubbliku (18) .

b) Fuq il-bażi legali u r-regoli tal-vot

50. L-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata bħala deċiżjoni ibrida li tgħaqqad att tal-Unjoni u att intergovernattiv tqajjem, sussegwentement, kwistjonijiet li jirrigwardaw, minn naħa, il-bażi legali użata u, min-naħa l-oħra, l-osservanza tar-regoli tal-vot previsti mit-Trattati.

51. F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li r-rekwiżit ta’ ċertezza legali jeħtieġ li kull att tal-Unjoni li jkun intiż li joħloq effetti legali jikseb is-saħħa vinkolanti tiegħu minn dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni li għandha tkun espressament indikata bħala l-bażi legali u li tipprovdi l-forma legali li l-att għandu jingħata. Din l-indikazzjoni, l-ewwel nett, hija neċessarja sabiex jiġu ddeterminati l-modalitajiet tal-vot fi ħdan il-Kunsill, it-tieni nett, għandha importanza partikolari sabiex jiġu ppreżervati l-prerogattivi tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni kkonċernati bil-proċedura ta’ adozzjoni ta’ att u, it-tielet nett, tistabbilixxi t-tqassim tal-kompetenzi bejn l-Unjoni u l-Istati Membri, billi tevita konfużjoni dwar in-natura tal-kompetenza tal-Unjoni u ddgħajjef lil din tal-aħħar fid-difiża tal-pożizzjoni tagħha waqt negozjar internazzjonali (19) .

52. Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat ukoll li l-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat, diversi drabi, li r-regoli li jiddeterminaw il-mod kif l-istituzzjonijiet Komunitarji jaslu għad-deċiżjonijiet tagħhom huma stabbiliti mit-Trattat u ma huma għad-dispożizzjoni la tal-Istati Membri u lanqas tal-istituzzjonijiet innifishom (20) . It-Trattati biss jistgħu, f’każijiet partikolari, jawtorizzaw istituzzjoni temenda proċedura deċiżjonali li huma jistabbilixxu. Mill-bqija, il-fatt li tiġi rikonoxxuta lil istituzzjoni l-possibbiltà li tevita proċedura deċiżjonali bħal dik prevista mit-Trattat u tadotta proċedura alternattiva jwassal, minn naħa, li hija tingħata s-setgħa li tidderoga unilateralment mir-regoli previsti mit-Trattat, li ċertament ma huwiex ammissibbli (21), u, min-naħa l-oħra, jippermettilha li timmina l-prinċipju tal-ekwilibriju istituzzjonali, li jimplika li kull istituzzjoni teżerċita l-kompetenzi tagħha fir-rispett ta’ dawk tal-oħrajn (22) .

53. F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat ulterjorment li l-Qorti tal-Ġustizzja adottat approċċ pjuttost suspettuż fir-rigward tal-għaqda ta’ proċeduri differenti għall-adozzjoni ta’ atti tal-Unjoni. B’hekk għal dak li jirrigwarda l-użu ta’ bażi legali doppja, hija ġurisprudenza stabbilita li l-kumulu ta’ żewġ bażi legali huwa eskluż meta l-proċeduri previsti minn bażi legali waħda u l-oħra huma inkompatibbli (23) . Dan kien preċiżament il-każ fil-Kawża msejħa “Diossidu tat-titanju” (24) li l-applikabbiltà tagħha għal din il-kawża kienet is-suġġett ta’ dibattitu twil bejn il-partijiet. F’dik il-kawża, il-Kunsill kienet adotta direttiva (25) b’unanimità abbażi tal-Artikolu 130 S tat-Trattat KEE (26), filwaqt li l-Kummissjoni fir-rikors għal annullament tagħha, argumentat li din id-direttiva jmissha ġiet adottata abbażi tal-Artikolu 100 A tat-Trattat KEE, li jipprevedi li l-Kunsill jiddeċiedi b’maġġoranza kkwalifikata (27) . Il-Qorti tal-Ġustizzja kkonkludiet li, f’każ ta’ kumulu ta’ bażi legali, il-Kunsill kien ikollu l-obbligu, fi kwalunkwe każ, li jivvota b’unanimità, liema fatt kien jikkomprometti element essenzjali tal-proċedura ta’ kooperazzjoni, jiġifieri l-vot bil-maġġoranza kkwalifikata, u b’hekk neħħiet is-sens ta’ din il-proċedura nnifisha (28)(29) .

c) Fuq il-prinċipju ta’ awtonomija tal-istituzzjonijiet

54. Il-Kunsill u wħud mill-Istati Membri jsostnu li l-adozzjoni ta’ deċiżjonijiet ibridi hija l-espressjoni tal-prinċipju ta’ awtonomija tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni li jippermetti lill-Kunsill jagħżel il-forma sabiex jingħataw l-awtorizzazzjonijiet neċessarji fil-proċedura ta’ negozjar u ta’ konklużjoni ta’ ftehim internazzjonali.

55. Fil-fatt, fil-kuntest tal-kompetenzi tagħhom l-istituzzjonijiet tal-Unjoni għandhom is-setgħa li jorganizzaw b’mod liberu l-modalitajiet ta’ funzjonament. Din is-setgħa hija l-espressjoni tal-prinċipju ta’ awtonomija tal-istituzzjonijiet, li għandu s-sors tiegħu fid-dispożizzjonijiet tat-Trattati li jagħtu lill-imsemmija istituzzjonijiet il-kompetenza li jadottaw huma stess ir-regoli interni tagħhom sabiex jiżguraw il-funzjonament tagħhom u dak tad-dipartimenti tagħhom (30) . Dan il-prinċipju, irrikonoxxut diversi drabi mill-Qorti tal-Ġustizzja (31), huwa l-korollarju tal-missjoni proprja mogħtija lill-istituzzjonijiet li jaġixxu fl-interess tal-Unjoni u jikkostitwixxi kundizzjoni essenzjali għall-funzjonament tajjeb tagħhom (32) . B’hekk il-Kunsill adotta r-regolament intern tiegħu nnifsu, li jistabbilixxi r-regoli ta’ funzjonament tiegħu u tal-organizzazzjoni tiegħu (33) .

56. Madankollu, il-prinċipju ta’ awtonomija tal-istituzzjonijiet ma huwiex mingħajr limitu. Din l-awtonomija għandha tiġi eżerċitata, skont l-Artikolu 13(2) TUE “fil-limiti tal-kompetenzi mogħtija lilha mit-Trattat” u “skond il-proċeduri, il-kondizzjonijiet u l-finijiet previsti minnhom”. Għalhekk, filwaqt li kull istituzzjoni hija awtorizzata, bis-setgħa ta’ organizzazzjoni interna mogħtija lilha mid-dispożizzjonijiet tat-Trattat rilevanti, li tadotta l-miżuri xierqa sabiex tiżgura l-funzjonament tajjeb tagħha u l-iżvolġiment tal-proċeduri tagħha (34), dawn il-miżuri jew l-applikazzjoni tagħhom ma jistgħux jidderogaw mill-proċeduri previsti mit-Trattati. Barra minn hekk, is-setgħa ta’ organizzazzjoni interna ma tistax tippreġudika l-ekwilibriju istituzzjonali jew it-tqassim tal-kompetenzi bejn l-Unjoni u l-Istati Membri.

57. Min-naħa l-oħra, il-prinċipju ta’ awtonomija tal-istituzzjonijiet jikkostitwixxi limitu għall-Istati Membri. Fil-fatt, dan il-prinċipju jimplika li l-funzjonament intern u organizzattiv tal-istituzzjonijiet għandu jkun totalment indipendenti mill-Istati Membri (35), li ma għandhomx jintervjenu fl-awtodeterminazzjoni tal-organizzazzjoni, tal-proċeduri u tal-funzjonijiet tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni, fil-limiti stabbiliti mit-Trattati. Dan id-dmir ta’ nuqqas ta’ intervent li għandhom l-Istati Membri huwa, wara kollox, l-espressjoni tal-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali previst fl-Artikolu 4(3) TUE.

d) Fuq ir-rekwiżit ta’ unità ta’ rappreżentanza internazzjonali tal-Unjoni u fuq il-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali

58. Għal dak li jirrigwarda l-parti esterna tagħha, din il-kawża qabel kollox tqajjem kwistjonijiet li jirrigwardaw ir-rappreżentanza tal‑Unjoni fix-xena internazzjonali u l-konfigurazzjoni tar-relazzjonijiet bejn l-Unjoni u l-Istati Membri tagħha f’dan ir-rigward.

59. Il-pożizzjonijiet tal-partijiet dwar dan il-punt huma totalment opposti. Fil-fatt, il-Kummissjoni tqis li l-adozzjoni ta’ deċiżjonijiet ibridi tista’ “tiżra’ nuqqas ta’ kjarezza” fuq il-personalità indipendenti tal-Unjoni fir-relazzjonijiet internazzjonali, filwaqt li l-Kunsill iqis li d-deċiżjonijiet ibridi jikkostitwixxu l-espressjoni massima tal-kooperazzjoni bejn l-Unjoni u l-Istati Membri.

60. F’dan ir-rigward, għandu qabel kollox jitfakkar li t-Trattat jipprovdi b’mod espliċitu dmir ta’ kooperazzjoni leali reċiproka bejn l-Unjoni u l-Istati Membri (Artikolu 4(3) TUE), kif ukoll bejn l-istituzzjonijiet tal-Unjoni (it-tieni sentenza tal-Artikolu 13(2) TUE) (36) . B’mod partikolari, skont it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 4(3) TUE, l-Istati Membri għandhom l-obbligu li jiffaċilitaw it-twettiq mill-Unjoni tal-missjoni tagħha u li jevitaw kwalunkwe miżura li tista’ tqiegħed f’perikolu t-twettiq tal-għanijiet tagħha.

61. Sussegwentement, għandu jiġi rrilevat ukoll li, meta ttrattat kwistjonijiet dwar l-azzjoni esterna tal-Unjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja, ħafna drabi, enfasizzat ir-rekwiżit li l-Unjoni tkun irrappreżentata b’mod unitarju fix-xena internazzjonali (37), kif ukoll il-bżonn li tiġi ggarantita l-unità u l-koerenza tal-azzjoni u tar-rappreżentanza tal-Unjoni fir-relazzjonijiet esterni (38) .

62. Dawn ir-rekwiżiti jsiru iktar pressanti meta s-suġġett ta’ ftehim jew ta’ konvenzjoni jaqa’ parzjalment taħt il-kompetenza tal-Unjoni u parzjalment taħt dik tal-Istati Membri u meta l-ftehim jiġi konkluż bħala ftehim imħallat, bħal fil-każijiet tal-Ftehim ta’ Adeżjoni u tal-Ftehim Anċillari. F’dawn il-każijiet, il-ġurisprudenza insistiet b’mod partikolari fuq il-fatt li l-imsemmija rekwiżiti ta’ rappreżentanza unitarja tal-Unjoni u li tiġi żgurata l-unità u l-koerenza fir-relazzjonijiet esterni tal-Unjoni jimponu li tiġi żgurata kooperazzjoni stretta bejn l-Istati Membri u l-istituzzjonijiet tal-Unjoni kemm fil-proċess tan-negozjar u ta’ konklużjoni kif ukoll fl-implementazzjoni tal-obbligi assunti (39) . Għalhekk teżisti rabta stretta bejn ir-rekwiżit ta’ rappreżentanza unitarja tal-Unjoni fix-xena internazzjonali u d-dmir ta’ kooperazzjoni leali reċiproka meħtieġ bejn l-Unjoni u l-Istati Membri (40) .

63. F’dan il-kuntest, il-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet, minn naħa, li huma l-istituzzjonijiet u l-Istati Membri li għandhom jieħdu l-miżuri kollha neċessarji sabiex jiżguraw tali kooperazzjoni bl-aħjar mod (41) . Min-naħa l-oħra, hija rrikonoxxiet li mill-obbligu ta’ kooperazzjoni leali, kif previst fit-tielet subparagrafu tal-Artikolu 4(3) TUE jirriżulta li l-Istati Membri ma għandhomx jintervjenu fl-eżerċizzju tal-prerogattivi tal-Unjoni, peress li dan id-dritt jappartjeni esklużivament lill-istituzzjonijiet tal-Unjoni, u ma għandhomx iqiegħdu inkwistjoni l-kapaċità ta’ azzjoni awtonoma tal-Unjoni fir-relazzjonijiet esterni (42) .

e) Fuq ir-rilevanza tad-deċiżjoni kkontestata għall-Istati terzi

64. Din il-kawża tqajjem ukoll il-kwistjoni dwar ir-rilevanza tad-deċiżjonijiet ibridi għall-Istati Membri kontraenti fil-ftehim internazzjonali. Fil-fatt, il-Kunsill u wħud mill-Gvernijiet jikkwalifikaw id-deċiżjonijiet bħad-deċiżjoni kkontestata bħala atti purament interni. Fl-opinjoni tagħhom, jirriżulta li dawn l-atti ma humiex intiżi li jaslu għall-għarfien tal-Istati terzi u li, għalhekk, dawn ma jagħtux importanza għad-determinazzjoni tal-awturi ta’ dawn l-atti.

65. F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar, minn naħa, li meta l-Unjoni tadotta att, hija marbuta li tosserva d-dritt internazzjonali kollu kemm hu, inkluż id-dritt internazzjonali konswetudinarju li jorbot l-istituzzjonijiet tal-Unjoni (43) . Min-naħa l-oħra, meta l-Unjoni u l-Istati Membri tagħha jikkonkludu ftehim internazzjonali, ikunu jew ma jkunux fil-forma mħallta, huma għandhom josservaw id-dritt internazzjonali, kif ikkodifikat, għal dak li jirrigwarda r-regoli konswetudinarji tad-dritt tat-Trattati, mill-Konvenzjonijiet ta’ Vjenna tal-1969 u 1986 (44) .

66. Issa, ir-regola ġenerali fid-dritt internazzjonali hija dik li l-miżuri li permezz tagħhom parti timplementa, konformement mad-dritt intern tagħha, jew f’każ ta’ organizzazzjoni internazzjonali, mar-regoli organizzattivi interni tagħha, l-obbligi tagħha li jirriżultaw minn trattat internazzjonali ma jirrigwardawx, bħala prinċipju, l-Istati l-oħra partijiet fil-ftehim (45) .

67. Madankollu, minn naħa, id-dritt internazzjonali jirrikonoxxi ċerta rilevanza, għalkemm limitata, lid-dispożizzjonijiet tad-dritt intern li fir-rigward tal-kompetenza sabiex jiġu konklużi trattati, kif ukoll lir-regoli interni ta’ organizzazzjoni internazzjonali (46) . Ir-rilevanza għall-Istati l-oħra kontraenti ta’ deċiżjoni adottata fil-kuntest tal-proċedura prevista fl-Artikolu 218 TFUE ma hijiex għalhekk totalment eskluża fid-dritt internazzjonali.

68. Min-naħa l-oħra, fil-każ fejn il-ftehim konkluż huwa ftehim imħallat u, b’hekk, l-Unjoni u l-Istati Membri tagħha jistgħu jitqiesu li huma partijiet, ċertament marbuta, iżda distinti, tal-ftehim, ir-rekwiżiti ta’ ċertezza legali bejn il-partijiet ta’ ftehim internazzjonali, kif ukoll id-dmir ta’ implementazzjoni in bona fide tat-Trattati (47), jimponu, fl-opinjoni tiegħi, li l-att intern tal-Unjoni li permezz tiegħu hija tapprova ftehim imħallat ma jistax jaħbi l-fatt li l-Unjoni hija parti kontraenti integrali tal-ftehim.

f) Fuq il-legalità tad-deċiżjoni kkontestata

69. F’dan il-każ, huwa fid-dawl tal-prinċipji kollha esposti fil-punti preċedenti u tar-rekwiżiti li ġew enfasizzati li hemm lok li tiġi evalwata l-legalità tad-deċiżjoni kkontestata. Għal dan il-għan, jeħtieġ li wieħed jibda billi titwettaq eżami ta’ din id-deċiżjoni.

70. Qabel kollox, għal dak li jirrigwarda l-awturi tagħha, mit-titolu tad-deċiżjoni kkontestata u mill-indikazzjoni li tinsab qabel l-ewwel premessa tagħha jirriżulta li hija tikkostitwixxi att adottat konġuntament mill-Kunsill u mir-rappreżentanti tal-Istati Membri mlaqqgħin fil-Kunsill. Imbagħad, għal dak li jirrigwarda l-bażi legali li fuqha ġiet adottata d-deċiżjoni kkontestata, għandu jiġi kkonstatat li hija tindika espressament li hija bbażata fuq l-Artikoli 100(2) TFUE flimkien mal-Artikolu 218(5) u l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 218(8) TFUE. Dawn il-bażi legali kollha jipprevedu l-adozzjoni ta’ att b’maġġoranza kkwalifikata. Id-deċiżjoni kkontestata ma ssemmi ebda bażi legali oħra.

71. Sussegwentement, għal dak li jirrigwarda l-kontenut tad-deċiżjoni kkontestata, mill-punti 8 sa 10 u 19 ta’ dawn il-konklużjonijiet, jirriżulta li hija tawtorizza kemm l-iffirmar u l-applikazzjoni provviżorja tal-ftehim internazzjonali inkwistjoni għal dak li jirrigwarda l-Unjoni, kif ukoll l-applikazzjoni provviżorja tal-imsemmija ftehim mill-Istati Membri, sa fejn permess mil-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli. Dan l-att jiġbor dawn l-elementi kollha mingħajr ma jkun possibbli li ssir distinzjoni ċara dwar liema parti hija attribwibbli għad-deċiżjoni (f’sens materjali) tal-Kunsill u liema parti hija attribwibbli għad-deċiżjoni tar-rappreżentanti tal-Istati Membri. Dan jirriżulta b’mod partikolari mill-formulazzjoni tal-Artikolu 3 tad-deċiżjoni kkontestata li f’dispożizzjoni waħda jiġbor l-awtorizzazzjoni tal-applikazzjoni provviżorja tal-ftehim inkwistjoni mill-Unjoni u mill-Istati Membri.

72. Fid-dawl tal-portata tad-deċiżjoni kkontestata kif ukoll tal-mod li bih hija strutturata, għandu jiġi kkonstatat li kemm il-Kunsill kif ukoll ir-rappreżentanti tal-Istati Membri pparteċipaw fl-adozzjoni ta’ din id-deċiżjoni fl-intier tagħha u fl-elementi kollha tagħha. Għalhekk, minn naħa, ir-rappreżentanti tal-Istati Membri pparteċipaw fl-awtorizzazzjoni tal-iffirmar u tal-applikazzjoni provviżorja tal-ftehim inkwistjoni mill-Unjoni u l-Kunsill ipparteċipa fl-awtorizzazzjoni tal-applikazzjoni provviżorja tal-imsemmija ftehim mill-Istati Membri (48) .

73. Din il-konstatazzjoni hija, barra minn hekk, ikkonfermata mill-modalitajiet proċedurali li ntużaw għall-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata li juru li ma hemmx lok għal separazzjoni bejn il-proċedura ta’ adozzjoni tad-deċiżjoni tal-Unjoni u dik tal-att intergovernattiv tal-Istati Membri. Fil-fatt, għalkemm fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħhom ħafna Stati Membri pprevedew il-possibbiltà li ż-żewġ partijiet materjali tad-deċiżjoni kkontestata ġew adottati wara proċeduri ta’ vot distinti, waqt is-seduta quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, il-Kunsill madankollu ppreċiża definittivament li d-deċiżjoni kkontestata kienet adottata f’darba waħda b’kunsens, billi ġiet segwita proċedura sempliċi mingħajr diskussjoni u mingħajr votazzjoni. Għaldaqstant ma ntużawx proċessi deċiżjonali distinti għaż-żewġ partijiet tal-att, iżda proċedura ta’ adozzjoni waħda u unika.

74. Il-konstatazzjonijiet preċedenti jwassluni għall-kunsiderazzjonijiet li ġejjin.

75. Fl-ewwel lok, id-deċiżjoni kkontestata, bħala att ibridu, tikkostitwixxi att li ma huwiex previst mit-Trattati. B’mod iktar partikolari, hija tirrigwarda att li l-Kunsill adotta fil-kuntest ta’ wieħed mill-istadji tal-proċedura ta’ negozjar u ta’ konklużjoni ta’ ftehim internazzjonali mill-Unjoni, iżda li ma huwiex previst fl-Artikolu 218 TFUE. Barra minn hekk dan l-att ġie adottat bl-użu ta’ proċedura li lanqas ma hija prevista mill-imsemmi artikolu. Fil-fatt, kif diġà enfasizzajt fil-punt 48 ta’ dawn il-konklużjonijiet, l-Artikolu 218 TFUE ma jipprovdi ebda rwol għall-Istati Membri, bħala tali, fil-kuntest tal-proċedura ta’ adozzjoni tal-miżuri li l-Unjoni għandha tieħu fl-istadji differenti tal-proċedura prevista fiha. Għalhekk, billi inkluda lill-Istati Membri fl-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kunsill idderoga unilateralment minn din il-proċedura u adotta att mhux previst mit-Trattati.

76. Fit-tieni lok, l-adozzjoni tal-att ibridu f’darba waħda fil-kompożizzjonijiet indissoċjabbli tiegħu kollha kellha l-konsegwenza li ġie segwit proċess deċiżjonali wieħed għall-adozzjoni tiegħu, proċess li fih ġew konfużi l-proċedura prevista fl-Artikolu 218(5) u (8) TFUE għall-adozzjoni ta’ att tal-Unjoni b’maġġoranza kkwalifikata u proċedura barranija għall-kuntest ġuridiku tal-Unjoni, li hija iktar adattata għall-adozzjoni ta’ att mhux previst mit-Trattati, li l-adozzjoni tiegħu teħtieġ ftehim komuni tal-Istati intervenjenti kollha. Barra minn hekk, il-Kunsill u wħud mill-Gvernijiet ammettew huma stess li r-regoli ta’ proċedura ta’ adozzjoni tad-deċiżjoni intergovernattiva jinsabu lil hinn mill-kuntest ġuridiku tat-Trattati.

77. Issa, din l-għaqda kellha l-konsegwenza wkoll li l-bażi legali indikati fid-deċiżjoni kkontestata ma ddeterminawx fir-realtà r-regola tal-vot neċessarja għall-adozzjoni tal-att ibridu. Fil-fatt, filwaqt li dawn il-bażi legali jeħtieġu l-adozzjoni b’maġġoranza kkwalifikata, l-att ibridu, sabiex jiġi adottat f’din il-forma, jeħtieġ il-ftehim komuni minħabba l-konfigurazzjoni tiegħu bħala att li ż-żewġ partijiet materjali tiegħu jikkostitwixxu unità indissoċjabbli. Fl-opinjoni tiegħi, dan kellu neċessarjament il-konsegwenza li tneħħa s-sens tal-proċedura b’maġġoranza kkwalifikata u li r-regola tal-maġġoranza, element essenzjali tal-proċedura prevista fl-Artikolu 218 TFUE, ġiet kompromessa skont il-ġurisprudenza Diossidu tat-titanju (49) .

78. Minn dawn il-kunsiderazzjonijiet jirriżulta li l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata taħt il-forma ta’ att ibridu ma hijiex konformi mal-Artikolu 218 (2), (5) u (8) TFUE u lanqas mar-rekwiżiti espressi fil-ġurisprudenza msemmija fil-punti 47 u 51 sa 53 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

79. Għal dak li jirrigwarda l-osservanza tar-regoli tal-vot, jiena għad irrid nirrileva li hawn hekk ma hijiex kwistjoni li jitqiegħdu f’dubju l-modalitajiet li fihom jiżvolġu l-proċeduri tal-vot fi ħdan il-Kunsill, li l-organizzazzjoni tagħhom taqa’ fl-isfera ta’ awtonomija tiegħu. L-għan ta’ din il-kawża ma huwiex il-legalità tal-proċedura interna tal-vot semplifikat u mingħajr diskussjoni użat għall-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata u li għaliha għamel riferiment il-Kunsill waqt is-seduta. Madankollu, f’dan il-każ, din il-proċedura ssemplifikata ġiet użata għall-adozzjoni ta’ deċiżjoni li għaqqdet att adottat skont proċedura prevista mit-Trattati u att barrani għall-kuntest ġuridiku tal-Unjoni, adottat skont proċeduri barranin ukoll għal dan il-kuntest u li jeħtieġ għall-adozzjoni tiegħu regola ta’ vot differenti minn dik meħtieġa għall-adozzjoni tal-att tal-Unjoni.

80. Issa, jiena naħseb li l-aċċettazzjoni ta’ tali għaqda tista’ tikkostitwixxi, minkejja l-eventwali natura kkonsolidata (50) jew residwa (51) tal-prattika, preċedent perikoluż ta’ kontaminazzjoni tal-proċess deċiżjonali awtonomu tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni li jista’ għalhekk jikkawża preġudizzju għall-awtonomija tal-Unjoni bħala ordinament ġuridiku proprju (52), u dan minkejja li, kif jirriżulta mill-punt 53 ta’ dawn il-konklużjonijiet, il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tadotta approċċ restrittiv anki għal dak li jirrigwarda l-għaqda tal-proċeduri interni tal-Unjoni u l-kumulu ta’ bażi legali (53) .

81. Barra minn hekk, ma naħsibx li jista’ jirnexxi l-argument li, f’dan il-każ, ir-regola tal-vot prevista fl-Artikolu 218 TFUE ma ġietx miksura għaliex l-unanimità dejjem tinkludi maġġoranza kkwalifikata. Qabel kollox, kif irrilevajt fil-punti 76 u 77 ta’ dawn il-konklużjonijiet, id-deċiżjoni kkontestata ma ġietx adottata bl-unanimità skont proċedura prevista — u inkluża — fit-Trattati, iżda skont proċedura u regola tal-vot li jinsabu barra mill-kuntest tat-Trattati. Din il-konstatazzjoni teskludi, barra minn hekk, li l-Kunsill seta’ jirrikorri għall-Artikolu 293(1) TFUE hekk kif inhu sostnut mill-Gvern Finlandiż. Sussegwentement, kif diġà ġie ġustament irrilevat mill-Avukat Ġenerali Sharpston, deċiżjoni li dwarha ma hemmx oppożizzjoni ma hijiex neċessarjament l-istess bħal deċiżjoni li dwarha maġġoranza kkwalifikata mill-parteċipanti tista’ taqbel, sa fejn il-kontenut ta’ deċiżjoni li tista’ tikseb maġġoranza kkwalifikata jista’ jeħtieġlu li jiġi mmitigat sabiex ikun jista’ jiġi approvat unanimament jew mingħajr ebda oppożizzjoni (54) .

82. Dwar l-invokazzjoni tal-prinċipju ta’ awtonomija, mill-kunsiderazzjonijiet magħmula fil-punt 56 ta’ dawn il-konklużjonijiet jirriżulta li dan il-prinċipju ma jistax jiġġustifika deroga mill-proċeduri previsti mit-Trattati. Għalkemm huwa minnu li l-Kunsill huwa liberu li jorganizza l-funzjonament intern tiegħu u l-modalitajiet ta’ adozzjoni tad-deċiżjonijiet tiegħu, huwa ma jistax madankollu jirrikorri għal proċeduri alternattivi jew jibdel ir-regoli tal-vot previsti mit-Trattati. Fir-realtà, fid-dawl ta’ dak li esponejt fil-punt 57 ta’ dawn il-konklużjonijiet, nistaqsi wkoll jekk il-prinċipju ta’ awtonomija tal-istituzzjonijiet ġiex miksur bil-parteċipazzjoni tal-Istati Membri fil-proċess deċiżjonali ta’ istituzzjoni tal-Unjoni.

83. L-adozzjoni ta’ deċiżjoni ibrida hija madankollu konsegwenza neċessarja tan-natura mħallta tal-ftehim internazzjonali warajha? L-adozzjoni ta’ tali deċiżjoni hija neċessarja sabiex tiżgura r-rappreżentanza unitarja tal-Unjoni fix-xena internazzjonali? Ma ninsabx konvint minn dan.

84. Fl-ewwel lok, huwa minnu li l-adozzjoni ta’ deċiżjoni komuni tikkostitwixxi l-forma l-iktar stretta ta’ kooperazzjoni bejn l-Unjoni u l-Istati Membri u li, fil-każ ta’ konklużjoni ta’ ftehim imħallat, il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat b’mod partikolari l-bżonn ta’ tali kooperazzjoni stretta. Madankollu, minn naħa, kif diġà ġie ġustament osservat (55), il-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali, li, kif ġie rrilevat fil-punt 62 ta’ dawn il-konklużjonijiet, jirriżulta mid-dmir ta’ kooperazzjoni stretta, ma jistax jiġi invokat sabiex jiġġustifika ksur tar-regoli ta’ proċedura. Il-kooperazzjoni stretta bejn l-Unjoni u l-Istati Membri tagħha fil-kuntest ta’ ftehim imħallat għandu għalhekk ikollu lok b’osservanza tar-regoli stabbiliti mit-Trattati.

85. L-intervent tal-Istati Membri bħala tali fil-proċedura tal-Unjoni ma hijiex neċessarja la għall-iffirmar ta’ ftehim f’isem l-Unjoni, u lanqas għall-applikazzjoni provviżorja tiegħu mill-Unjoni. Billi ppermetta lill-Istati Membri jintervjenu fid-deċiżjoni tal-Unjoni, il-Kunsill ma ħarisx l-interessi tal-Istati Membri skont l-Artikolu 13(1) TUE kif sostna waqt is-seduta, iżda pjuttost ippermettielhom jintervjenu fl-eżerċizzju tal-prerogattivi tal-Unjoni, billi qiegħed inkwistjoni l-kapaċità ta’ azzjoni awtonoma tal-Unjoni fir-relazzjonijiet esterni, bi ksur tal-ġurisprudenza msemmija fil-punt 63 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

86. Fil-fatt, dan l-intervent jista’ jinftiehem li l-Unjoni ma hijiex kapaċi tieħu waħedha d-deċiżjoni li tiffirma u tapplika provviżorjament ftehim internazzjonali fl-oqsma li fihom hija teżerċita l-kompetenzi tagħha nnifisha mogħtija lilha mill-Istati Membri. Dan l-approċċ, iktar milli jsaħħaħ l-immaġni internazzjonali tal-Unjoni, jista’ fl-opinjoni tiegħi jdgħajjef lill-Unjoni bħala attur sħiħ fix-xena internazzjonali billi jżomm lura l-personalità internazzjonali indipendenti u awtonoma tagħha.

87. Għalhekk, billi aġixxa b’dan il-mod, il-Kunsill, fl-opinjoni tiegħi mar lil hinn mil-limiti tas-setgħat mogħtija lilu mit-Trattati u mar kontra l-għanijiet previsti minnhom bi ksur tal-Artikolu 13(2) TUE (56) .

88. Fit-tieni lok, għandu jiġi rrilevat li l-Kunsill stess ammetta li jeżistu soluzzjonijiet alternattivi għall-adozzjoni ta’ deċiżjoni ibrida, bħall-adozzjoni simultanja ta’ żewġ deċiżjonijiet, waħda tal-Kunsill u l-oħra tar-rappreżentanti tal-Istati Membri (57) . Madankollu, il-Kunsill u l-Istati Membri jargumentaw li din is-soluzzjoni hija ferm inqas preferibbli għaliex hija inqas effettiva, u tista’ toħloq problemi importanti ta’ natura prattika, b’mod partikolari fir-rigward tad-delimitazzjoni tal-kompetenzi meta, bħal ma normalment ikun il-każ ta’ ftehim fis-settur tat-trasport bl-ajru, il-ftehim jifforma entità indiviżibbli b’tali mod li l-kompetenzi tal-Unjoni u dawk tal-Istati Membri huma indissoċjabbli.

89. F’dan ir-rigward, nosserva qabel kollox li raġunijiet ta’ effikaċja jew ta’ konvenjenza ma jistgħux jiġġustifikaw il-ksur tal-proċeduri previsti mit-Trattati. Il-qafas proċedurali għan-negozjar u l-konklużjoni tal-ftehim internazzjonali tal-Unjoni ġie stabbilit mit-Trattat ta’ Lisbona li fost oħrajn, introduċa bħala regola ġenerali r-regola ta’ maġġoranza kkwalifikata. L-Istati Membri approvaw u rratifikaw dan it-trattat, u huma vvinkolati bih. Huma ma jistgħux jevadu jew jinjoraw regoli li huma stess stabbilixxew billi jinvok aw allegati raġunijiet ta’ opportunità jew effikaċja.

90. Issa, il-problema legali li tqum f’din il-kawża ma hijiex, fl-opinjoni tiegħi, marbuta mal-fatt li ż-żewġ deċiżjonijiet ġew adottati b’mod ikkoordinat u lanqas li huma inklużi f’att formalment uniku. Il-problema tirriżulta, fl-opinjoni tiegħi, min-natura ibrida tad-deċiżjoni kkontestata li kellha l-konsegwenza li l-Kunsill ippermetta l-inklużjoni fil-proċedura ta’ adozzjoni ta’ att proprju tal-Unjoni ta’ element estern li żnatura l-istess proċedura u, barra minn hekk, ipparteċipa fl-adozzjoni ta’ att li ma jaqax taħt il-kompetenza tiegħu, jiġifieri deċiżjoni li tawtorizza lill-Istati Membri japplikaw provviżorjament il-ftehim inkwistjoni. Issa, sa fejn jirriżulta b’mod ċar minn deċiżjoni tal-Kunsill adottata skont l-Artikolu 218 TFUE li l-proċeduri tal-Unjoni, b’mod partikolari dawk tal-votazzjoni, ġew osservati u li l-Unjoni, għal dak li jirrigwarda l-kompetenzi tagħha, adottat deċiżjoni li hija għandha tieħu bħala attur sħiħ fix-xena internazzjonali, jiena ma għandi ebda oġġezzjoni li din id-deċiżjoni u deċiżjoni intergovernattiva tal-Istati Membri adottati b’koordinazzjoni waħda mal-oħra jitqiegħdu f’att formalment uniku.

91. Sussegwentement, għal dak li jirrigwarda tal-indissoċjabbiltà tal-kompetenzi, huwa minnu li l-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat li, f’dan it-tip ta’ każ, id-dmir ta’ kooperazzjoni stretta bejn l-Unjoni u l-Istati Membri huwa impost b’mod partikolarment imperattiv (58), il-Kunsill madankollu ma jispjegax għalfejn fil-każ fejn ġew adottati żewġ deċiżjonijiet ikkoordinati — jiġifieri waħda tal-Kunsill dwar l-applikazzjoni provviżorja tal-ftehim imħallat mill-Unjoni, sa fejn l-Unjoni hija kompetenti, u l-oħra tar-rappreżentanti tal-Istati Membri dwar l-applikazzjoni provviżorja tal-istess ftehim imħallat, sa fejn l-oqsma rregolati minn dan il-ftehim jaqgħu fil-kompetenza tagħhom — huwa neċessarju li jiġi speċifikat sistematikament liema partijiet tal-ftehim jaqgħu fil-kompetenza tal-Unjoni u liema partijiet tiegħu f’dik tal-Istati Membri. Barra minn hekk ninnota li tali speċifikazzjoni ma hijiex indikata fid-deċiżjoni ibrida.

92. Fl-aħħar nett, għall-kuntrarju ta’ dak sostnut mill-Kunsill u wħud mill-Gvernijiet, id-deċiżjonijiet adottati skont l-Artikolu 218(5) TFUE ma għandhomx portata esklużivament interna. Il-fatt li jiġu nnotifikati lill-partijiet kontraenti u li jiġu ppubblikati f’ Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea huwa prova li dawn id-deċiżjonijiet huma intiżi li jsiru magħrufa kemm mill-partijiet l-oħra tal-ftehim internazzjonali kif ukoll li jsiru magħrufa mit-terzi b’mod ġenerali. Għalhekk, kif irrilevajt fil-punt 86 ta’ dawn il-konklużjonijiet, sa fejn l-adozzjoni ta’ tali deċiżjonijiet bħala deċiżjonijiet ibridi tista’ żżomm lura l-personalità internazzjonali tal-Unjoni minkejja li hija parti b’mod sħiħ fi ftehim imħallat, din l-adozzjoni fl-opinjoni tiegħi tista’ wkoll tqajjem problemi ta’ ċertezza legali fir-relazzjonijiet bejn il-partijiet fil-ftehim internazzjonali.

g) Konklużjoni

93. Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha jirriżulta li, bl-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata bħala deċiżjoni ibrida, il-Kunsill kiser l-Artikolu 218(2), (5) u (8) TFUE u mar lil hinn mis-setgħat mogħtija lilu mit-Trattati u għalhekk bi ksur tal-Artikolu 13(3) TUE. Għaldaqstant, inqis li d-deċiżjoni kkontestata għandha tiġi annullata.

C – Fuq iż-żamma tal-effetti ratione temporis tad-deċiżjoni annullata

94. Konformement max-xewqa tal-partijiet sabiex tiġi evitata kull konsegwenza negattiva fuq ir-relazzjonijiet bejn l-Unjoni u l-Istati terzi partijiet fil-ftehim li l-iffirmar u l-applikazzjoni provviżorja tagħhom diġà ġew deċiżi permezz tad-deċiżjoni kkontestata, inqis li għandha tintlaqa’ t-talba tal-partijiet li l-Qorti tal-Ġustizzja tuża l-possibbiltà offruta lilha mit-tieni paragrafu tal-Artikolu 264 TFUE, li żżomm l-effetti ratione temporis tad-deċiżjoni annullata sakemm tiġi adottata deċiżjoni ġdida.

IV – Fuq l-ispejjeż

95. Skont l-Artikolu 138(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Peress li l-Kunsill tilef, hemm lok li huwa jiġi ordnat ibati l-ispejjeż kif mitlub mill-Kummissjoni. Skont l-Artikolu 140(1) tar-Regoli tal-Proċedura, li jipprovdi li l-Istati Membri u l-istituzzjonijiet li intervjenew fil-kawża jbatu l-ispejjeż tagħhom, il-partijiet intervenjenti f’din il-kawża għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom.

V – Konklużjoni

96. Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi kif ġej:

1) Id-Deċiżjoni 2011/708/UE tal-Kunsill u tar-rappreżentanti tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea, imlaqqgħin fi ħdan il-Kunsill, tas-16 ta’ Ġunju 2011, dwar l-iffirmar, f’isem l‑Unjoni Ewropea, u l-applikazzjoni proviżorja tal-Ftehim dwar it-Trasport bl-Ajru bejn l-Istati Uniti tal-Amerika, bħala l-ewwel parti, l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, bħala t-tieni parti, l-Islanda, bħala t-tielet parti, u r-Renju tan-Norveġja, bħala r-raba’ parti; u dwar l-iffirmar, f’isem l-Unjoni Ewropea, u l-applikazzjoni proviżorja tal-Ftehim Anċillari bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, bħala l-ewwel parti, l-Islanda, bħala t-tieni parti, u r-Renju tan-Norveġja, bħala t-tielet parti, dwar l-applikazzjoni tal-Ftehim dwar it-Trasport bl-Ajru bejn l-Istati Uniti tal-Amerika, bħala l-ewwel parti, l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, bħala t-tieni parti, l-Islanda, bħala t-tielet parti, u r-Renju tan-Norveġja, bħala r-raba’ parti, hija annullata.

2) L-effetti tad-Deċiżjoni 2011/708 huma miżmuma sal-adozzjoni ta’ deċiżjoni ġdida.

3) Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea huwa kkundannat għall-ispejjeż.

4) Ir-Repubblika Ċeka, ir-Renju tad-Danimarka, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, ir-Repubblika Ellenika, ir-Repubblika Franċiża, ir-Repubblika Taljana, ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi, ir-Repubblika tal-Polonja, ir-Repubblika Portugiża, ir-Repubblika tal-Finlandja, ir-Renju tal-Isvezja u r-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq, kif ukoll il-Parlament Ewropew għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom.

(1) .

(2) – Deċiżjoni tal-Kunsill u tar-rappreżentanti tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea, imlaqqgħin fi ħdan il-Kunsill, tas-16 ta’ Ġunju 2011, dwar l-iffirmar, f’isem l‑Unjoni Ewropea, u l-applikazzjoni proviżorja tal-Ftehim dwar it-Trasport bl-Ajru bejn l-Istati Uniti tal-Amerika, bħala l-ewwel parti, l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, bħala t-tieni parti, l-Islanda, bħala t-tielet parti, u r-Renju tan-Norveġja, bħala r-raba’ parti; u dwar l-iffirmar, f’isem l-Unjoni Ewropea, u l-applikazzjoni proviżorja tal-Ftehim Anċillari bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, bħala l-ewwel parti, l-Islanda, bħala t-tieni parti, u r-Renju tan-Norveġja, bħala t-tielet parti, dwar l-applikazzjoni tal-Ftehim dwar it-Trasport bl-Ajru bejn l-Istati Uniti tal-Amerika, bħala l-ewwel parti, l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, bħala t-tieni parti, l-Islanda, bħala t-tielet parti, u r-Renju tan-Norveġja, bħala r-raba’ parti (ĠU L 283, p.1).

(3) – ĠU 2007 L 134, p. 4.

(4) – Protokoll li jemenda l-ftehim dwar it-trasport bl-ajru bejn l-Istati Uniti tal-Amerika, u l-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, ffirmat fil-25 u t-30 ta’ April 2007 (ĠU 2010 L 223, p. 3).

(5) – Skont din id-dispożizzjoni, “[i] Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill, li jaġixxu skond il-proċedura leġislattiva ordinarja, jistgħu jistabbilixxu d-dispożizzjonijiet xierqa għan-navigazzjoni marittima u ta’ l-ajru. […]”.

(6) – Skont din id-dispożizzjoni, “[i]l-Kunsill, fuq proposta min-negozjatur, għandu jadotta deċiżjoni li tawtorizza l-iffirmar tal-ftehim u, jekk meħtieġ, l-applikazzjoni provviżorja tiegħu qabel id-dħul fis-seħħ”.

(7) – Skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 218(8) TFUE, “[il]-Kunsill għandu jaġixxi bil‑maġgoranza kwalifikata tul il-proċedura kollha”.

(8) – Sentenza Il‑Kummissjoni vs Il‑Kunsill (C-114/12, EU:C:2014:2151, punt 39 u l-ġurisprudenza ċċitata).

(9) – Ibidem (punti 40 u 41).

(10) – Ara, f’dan is-sens, Il-Kunsill vs Il-Kummissjoni (C-45/86, EU:C:1987:163, punt 3). B’mod partikolari, it-trattament favorevoli applikat għall-istituzzjonijiet tal-Unjoni huwa bbażat fuq ir-rwol tagħhom ta’ protezzjoni tal-ordinament ġuridiku tal-Unjoni, li minnu jirriżulta li ma għandhomx interess distint minn dak tal-Unjoni nnifisha.

(11) – Skont l-Artikolu 13(2) TUE “[k]ull Istituzzjoni għandha taġixxi fil-limiti tal-kompetenzi mogħtija lilha mit-Trattati, u skond il-proċeduri, il-kondizzjonijiet u l-finijiet previsti minnhom. L-istituzzjonijiet għandhom jipprattikaw bejniethom il-koperazzjoni leali”.

(12) – Fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, il-Kummissjoni spjegat li, peress li ż-żewġ ftehimiet inkwistjoni jirrigwardaw sempliċement l-adeżjoni tar-Repubblika tal-Islanda u tar-Renju tan-Norveġja għall-Ftehim dwar it-Trasport bl-Ajru UE-Stati Uniti li kien diġà konkluż taħt il-forma ta’ ftehim imħallat, hija ma għandhiex intenzjoni li tikkontesta n-natura mħallta ta’ dan il-ftehim, sabiex tevita li toħloq inċertezza legali u politika fir-relazzjonijiet tal-Unjoni mal-Istati Uniti tal-Amerika.

(13) – Qabel, dispożizzjonijiet differenti tat-Trattati kienu jipprovdu regoli proċedurali differenti dwar l-innegozjar u l-konklużjoni tal-ftehim internazzjonali li kienu jipprovdu li dan il-ftehim kien konkluż fil-kuntest tal-ewwel pilastru (Artikolu 300 KE) jew fil-kuntest tat-tieni jew tat-tielet pilastru (Artikoli 24 UE u 38 UE).

(14) – Bħall-Artikolu 207 TFUE jew l-Artikolu 219 TFUE.

(15) – Ara, b’analoġija, is-sentenza Il‑Kummissjoni vs Il‑Kunsill (C-27/04, EU:C:2004:436, punt 81). Fl-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu, il-Kunsill jikkontesta l-applikabbiltà ta’ dik is-sentenza f’din il-kawża sa fejn hija tirrigwarda sitwazzjoni differenti, jiġifieri każ fejn il-Kunsill ma kienx adotta att previst u f’qasam li ma huwiex dak ta’ relazzjonijiet internazzjonali tal-Unjoni. F’dan ir-rigward, jiena nqis, madankollu li d-dikjarazzjonijiet tal-prinċipju magħmula mill-Qorti tal-Ġustizzja fl-imsemmija sentenza għandhom portata ġenerali ladarba, bħal fil-każ tal-Artikolu 218 TFUE, it-Trattati jipprovdu dispożizzjonijiet preċiżi dwar il-proċedura li għandha tkun segwita f’ċerti oqsma.

(16) – Minn naħa, dwar il-ftehim ta’ adeżjoni tal-Unjoni fil-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, iffirmata f’Ruma fl-4 ta’ Novembru 1950, indirizzata fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 218(8) TFUE, u, min-naħa l-oħra, dwar il-possibbiltà li tinkiseb l-opinjoni minn qabel tal-Qorti tal-Ġustizzja, skont il-paragrafu 11 tal-istess artikolu.

(17) – Ara, f’dan l-istess sens, ukoll il-Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Sharpston fil-Kawża Il-Kummissjoni vs Il-Kunsill (C-114/12, EU:C:2014:224, punt 174).

(18) – F’dan l-istess sens ibidem (punt 171).

(19) – Sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Kunsill (C-370/07, EU:C:2009:590, punti 39, 48 u 49).

(20) – Ara s-sentenzi Ir-Renju Unit vs Il-Kunsill (68/86, EU:C:1988:85, punt 38) u Il-Parlament vs Il-Kunsill (C-133/06, EU:C:2008:257, punt 54).

(21) – Ara s-sentenza Il-Parlament vs Il-Kunsill (EU:C:2008:257, punti 55 u 56).

(22) – Ibidem (punt 57) u s-sentenza Il-Parlament vs Il-Kunsill (C‑70/88, EU:C:1990:217, punt 22). Ara, ukoll, l-Artikolu 13(2) TUE.

(23) – Sentenzi Il-Parlament vs Il-Kunsill (C‑164/97 u C-165/97, EU:C:1999:99, punt 14) u Il-Kummissjoni vs Il-Kunsill (C‑338/01, EU:C:2004:253, punt 57) kif ukoll Il-Parlament vs Il-Kunsill (C‑130/10, EU:C:2012:472, punti 45 et seq u l-ġurisprudenza ċċitata).

(24) – Sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Kunsill, imsejħa “Diossidu tat-titanju” (C‑300/89, EU:C:1991:244, b’mod partikolari l-punti 17 sa 21).

(25) – Ara, b’mod partikolari, id-Direttiva tal-Kunsill 89/428/KEE, tal-21 ta’ Ġunju 1989, li tistabilixxi l-metodi ta’ armonizzazzjoni tal-programmi ta’ tnaqqis, u eventwali eliminazzjoni, tat-tniġġis mill-iskart industrijali tad-diossidu tat-titanju (ĠU L 201, p. 56).

(26) – Dan l-artikolu jipprovdi, għall-azzjonijiet fil-qasam tal-ambjent, il-vot b’unanimità fi ħdan il-Kunsill, wara sempliċi konsultazzjoni tal-Parlament.

(27) – Dan l-artikolu, li essenzjalment jikkorrispondi mal-Artikolu 114 TFUE attwali, jipprovdi l-applikazzjoni tal-proċedura ta’ kooperazzjoni mal-Parlament li fil-kuntest tiegħu l-Kunsill jiddeċiedi b’maġġoranza kkwalifikata.

(28) – Ara l-punti 16 sa 20 tal-imsemmija sentenza. Fil-punt 21 tal-istess sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat ukoll li kien hemm ksur tal-prerogattivi tal-Parlament. Madankollu, kif jirriżulta mis-sentenzi ċċitati fin-nota ta’ qiegħ il-paġna segwenti, il-ksur ta’ prerogattivi tal-Parlament ma jikkostitwixxix, fil-ġurisprudenza kundizzjoni neċessarja għall-konstatazzjoni ta’ inkompatibbiltà tal-bażi legali, peress li n-natura irrikonċiljabbli tar-regoli tal-vot hija kundizzjoni suffiċjenti għal dan il-għan.

(29) – F’kawżi oħra, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat li ż-żewġ bażi legali inkwistjoni kienu inkompatibbli sa fejn l-unanimità kienet meħtieġa għall-adozzjoni ta’ att abbażi ta’ wieħed, filwaqt li l-maġġoranza kkwalifikata kienet biżżejjed sabiex att ikun jista’ jiġi adottat b’mod validu abbażi tal-ieħor. Ara s-sentenzi Il-Kummissjoni vs Il-Kunsill (EU:C:2004:253, punt 58) kif ukoll Il-Parlament vs Il-Kunsill (EU:C:2012:472, punti 47 u 48).

(30) – Ara, b’mod partikolari, għal dak li jirrigwarda l-Parlament, l-Artikolu 232 TFUE; għal dak li jirrigwarda l-Kunsill Ewropew, l-Artikolu 235(3) TFUE; għal dak li jirrigwarda l-Kunsill, l-Artikolu 240(3) TFUE; u għal dak li jirrigwarda l-Kummissjoni l-Artikolu 249(1) TFUE.

(31) – Il-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet il-prinċipju ta’ awtonomija tal-istituzzjonijiet fir-rigward ta’ aspetti differenti tal-attivitajiet tagħhom: pereżempju, għal dak li jirrigwarda l-għażla tal-uffiċjali u l-membri tal-persunal tagħhom, ara, inter alia , is-sentenza AB (C‑288/04, EU:C:2005:526, punti 26 u 30) jew fil-kuntest ta’ kumpens għad-danni kkawżati mill-istituzzjonijiet tagħha u mill-membri tal-persunal tagħha fl-eżerċizzju tal-funzjonijiet tagħhom ara s-sentenza Sayag (9/69, EU:C:1969:37, punti 5 u 6).

(32) – Ara, f’dan ir-rigward, ara l-Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Geelhoed fil-Kawża Betriebsrat der Vertretung der Europäischen Kommission in Österreich (C‑165/01, EU:C:2003:224, punt 98) u fil-Kawża AB (C‑288/04, EU:C:2005:262, punt 23).

(33) – Ara r-regolament intern tal-Kunsill, anness mad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2009/937/UE, tal‑1 ta’ Diċembru 2009, dwar l-adozzjoni tar-regolament intern tiegħu (ĠU L 325, p. 36), kif emendat ulterjorment.

(34) – Ara, f’dan is-sens, is-sentenza Il-Lussemburgu vs Il-Parlament (230/81, EU:C:1983:32 punt 38).

(35) – Ara l-Konklużjonijiet Geelhoed fil-Kawża Betriebsrat der Vertretung der Europäischen Kommission in Österreich (EU:C:2003:224, punt 98) u fil-Kawża AB (EU:C:2005:262, punt 23).

(36) – Ara, f’dan ir-rigward, is-sentenza Il-Parlament vs Il-Kunsill (C‑65/93, EU:C:1995:91, punti 23, 27 u 28).

(37) – Ara, inter alia , l-Opinjonijiet 2/91 (EU:C:1993:106, punt 36) u 1/94 (EU:C:1994:384, punt 108), kif ukoll is-sentenza Il-Kummissjoni vs L-Isvezja (C‑246/07, EU:C:2010:203, punt 73 u l-ġurisprudenza ċċitata).

(38) – Sentenzi Il-Kummissjoni vs Il-Lussemburgu (C‑266/03, EU:C:2005:341, punt 60); Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja (C‑433/03, EU:C:2005:462, punt 66); u Il-Kummissjoni vs L-Isvezja (EU:C:2010:203, punt 75).

(39) – Ara, f’dan is-sens, is-sentenza Il-Kummissjoni vs L-Isvezja (EU:C:2010:203, punt 73 u l-ġurisprudenza ċċitata).

(40) – Ara, f’dan ir-rigward, is-sentenzi Il-Kummissjoni vs L-Irlanda (C‑459/03, EU:C:2006:345, punti 173 u 174) kif ukoll Il-Kummissjoni vs L-Isvezja (EU:C:2010:203, punti 69 sa 71 u 73 u l-ġurisprudenza ċċitata).

(41) – Ara, f’dan ir-rigward, l-Opinjoni 2/91 (EU:C:1993:106, punt 38) u s-sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Kunsill (C-25/94, EU:C:1996:114, punt 48).

(42) – Ara, f’dan is-sens, id-Deliberazzjoni 1/78 (Ġabra 1978, p. 2151, punt 33), meta mqabbla mal-Artikolu 192 tat-Trattat KEEA, li t-test tagħha jikkorrispondi essenzjalment għat-tielet subparagrafu tal-Artikolu 4(3) TUE.

(43) – Sentenza Air Transport Association of America et , (C‑366/10, EU:C:2011:864, punt 101 u l-ġurisprudenza ċċitata).

(44) – Konvenzjoni ta’ Vjenna dwar id-dritt tat-Trattati, tat-23 ta’ Mejju 1969 ( Ġabra ta’ Trattati tan-Nazzjonijiet Uniti , Vol. 1155, p. 331), u l-Konvenzjoni ta’ Vjenna dwar id-dritt tat-Trattati bejn Stati u organizzazzjonijiet internazzjonali jew bejn organizzazzjonijiet internazzjonali, tal-21 ta’ Marzu 1986 (A/CONF.129/15).

(45) – Fil-fatt, mill-Artikolu 27 tal-imsemmija Konvenzjonijiet ta’ Vjenna tal-1969 u tal-1986 jirriżulta li parti fi trattat ma tistax tinvoka d-dispożizzjonijiet tad-dritt intern tagħha — jew, fil-każ ta’ organizzazzjoni internazzjonali, ir-regoli tal-organizzazzjoni — bħala ġustifikazzjoni għan-nuqqas ta’ eżekuzzjoni tat-trattat. Din ir-regola hija madankollu mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 46 ta’ dawn iż-żewġ kkonvenzjonijiet (ara n-nota ta’ qiegħ il- paġna segwenti).

(46) – Skont l-Artikolu 46 tal-istess Konvenzjonijiet ta’ Vjenna tal-1969 u tal-1986, ksur tad-dritt intern li jirrigwarda l-kompetenza li jiġi konkluż trattat huwa rilevanti biss jekk ikun hemm ksur manifest tar-regoli inkwistjoni jew jekk il-ksur jirrigwarda regola ta’ importanza fundamentali. Ara, ukoll, l-Artikolu 5 tal-imsemmija konvenzjonijiet.

(47) – Ara l-Artikoli 26 rispettivi tal-Konvenzjonijiet ta’ Vjenna tal-1969 u tal-1986.

(48) – Il-Qorti tal-Ġustizzja interpretat bl-istess mod deċiżjoni ibrida tal-Kunsill u tar-rappreżentanti tal-Istati Membri mlaqqgħin fi ħdan il-Kunsill, fl-analiżi tagħha tal-ammissibbiltà tar-rikors fis-sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Kunsill (EU:C:2014:2151, punt 41).

(49) – Il-Kunsill u wħud mill-Gvernijiet intervenjenti jikkontestaw l-applikabbiltà tal-imsemmija ġurisprudenza Diossidu tat-titanju (EU:C:1991:224) għall-każ inkwistjoni. F’dan ir-rigward, inqis li huwa minnu li l-Kawża Diossidu tat-titanju u din il-kawża huma differenti peress li l-ewwel waħda tittratta l-applikazzjoni ta’ żewġ bażi legali tad-dritt tal-Unjoni, filwaqt li fit-tieni waħda ma hijiex neċessarja bażi legali tad-dritt tal-Unjoni għall-kompożizzjoni intergovernattiva tad-deċiżjoni ibrida. Madankollu, inqis li l-prinċipji ġurisprudenzjali espressi f’din is-sentenza (ara l-punt 53 ta’ dawn il-konklużjonijiet) jistgħu mingħajr dubju japplikaw b’analoġija, u anki a fortiori , f’każ bħal dak preżenti li jittratta l-għaqda mhux ta’ żewġ proċeduri interni tal-Unjoni, iżda ta’ proċedura tal-Unjoni ma’ proċedura barranija għall-kuntest legali tagħha.

(50) – Iċ-ċirkustanza invokata mill-Kunsill li l-adozzjoni ta’ deċiżjonijiet ibridi hija prassi kkonsolidata, b’mod partikolari fis-settur tat-trasport bl-ajru, anki wara d-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona, ma tista’ la tiġġustifika u lanqas tinfluwenza l-legalità tad-deċiżjoni kkontestata sa fejn, skont ġurisprudenza stabbilita, sempliċi prassi tal-Kunsill ma tistax tidderoga mir-regoli tat-Trattat (ara l-Opinjoni 1/08, EU:C:2009:739, punt 172, kif ukoll is-sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Kunsill, EU:C:2009:590, punt 54 u l-ġurisprudenza ċċitata).

(51) – Iċ-ċirkustanza enfasizzata waqt is-seduta, li l-adozzjoni ta’ atti ibridi jikkostitwixxu prassi li għandha natura kważi residwa użata, b’mod partikolari, fis-settur tal-avjazzjoni, meta manifestament ma jkunx hemm nuqqas ta’ qbil bejn is-suġġetti intervenjenti (Stati Membri u istituzzjonijiet) ma tikkostitwixxix ġustifikazzjoni għall-adozzjoni ta’ prassi illegali. Barra minn hekk, huwa ċar mid-dibattitu waqt is-seduta li l-applikazzjoni ta’ din il-prassi ma hijiex neċessarjament limitata għal dawn il-każijiet.

(52) – Dwar l-awtonomija tal-ordinament ġuridiku tal-Unjoni, ara s-sentenza Costa (6/64, EU:C:1964:66, p. 1158) kif ukoll l-Opinjoni 2/13 (EU:C:2014:2454, punti 174, 183 u 201 u l-ġurisprudenza ċċitata).

(53) – F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li l-Kunsill, sostnut minn diversi Stati Membri, isostni li t-taħlit ta’ regoli tal-vot differenti hija komuni fi ħdan il-Kunsill u li l-Qorti tal-Ġustizzja aċċettat it-taħlit ta’ regoli tal-vot differenti fi ħdan il-Kunsill. Il-Kunsill jirreferi għas-sentenzi Kadi u Al Barakaat International Foundation vs Il‑Kunsill u Il-Kummissjoni (C‑402/05 P u C-415/05 P, EU:C:2008:461, punt 211 sa 214) kif ukoll u Il-Parlament vs Il-Kunsill (C‑166/07, EU:C:2009:499, punt 69). Madankollu, din il-ġurisprudenza, li tirrigwarda esklużivament l-użu tal-artikolu tat-Trattat li jikkorrispondi għall-Artikolu 352 TFUE attwali, ma tinvalida ebda prinċipju ġurisprudenzjali espost preċedentement fil-punt 53 ta’ dawn il-konklużjonijiet li l-kumulu ta’ bażi legali huwa eskluż meta l-proċeduri previsti huma inkompatibbli. Issa, f’dan il-każ lanqas ma hija kwistjoni tal-kompatibbiltà bejn żewġ bażi legali differenti fil-kuntest tal-proċeduri tal-Unjoni, iżda hija kwistjoni tal-għaqda bejn att tal-Unjoni u att adottat totalment barra l-proċeduri tal-Unjoni bl-applikazzjoni ta’ regola tal-vot differenti. Għalhekk fl-opinjoni tiegħi l-imsemmi prinċipju ġurisprudenzjali japplika a fortiori f’dan il-każ.

(54) – Ara, f’dan l-istess sens, il-Konklużjonijiet Sharpston fil-Kawża Il-Kummissjoni vs Il-Kunsill (EU:C:2014:224, punt 189).

(55) – F’dan l-istess sens, ibidem (punt 195).

(56) – F’dan ir-rigward, għandi nżid li ma ninsabx konvint mill-possibbiltà, irrakkomandata mill-Kummissjoni, li jiġi stabbilit dmir ta’ kooperazzjoni tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni lejn l-Unjoni nnifisha. Fil-fatt, l-istituzzjonijiet tal-Unjoni jifformaw parti mill-Unjoni u, għalhekk, huma jikkostitwixxu l-Unjoni nnifisha. L-istabbiliment ta’ tali dmir ta’ kooperazzjoni jidhirli li jikkorrispondi għal dikjarazzjoni ta’ dmir li tikkoopera magħha nnifisha. Min-naħa l-oħra jidhirli li l-aġir li, skont il-Kummissjoni jikkostitwixxi ksur tad-dmir ta’ kooperazzjoni tal-Kunsill lejn l-Unjoni jista’ jiġi kkwalifikat aħjar bħala ksur tal-prinċipju ta’ kooperazzjoni bejn l-istituzzjonijiet u/jew ksur tal-obbligu li tittieħed azzjoni fl-interess tal-Unjoni, skont l-għanijiet tal-Artikolu 13(2) TUE.

(57) – Ma jidhirlix neċessarju, għall-finijiet tas-soluzzjoni ta’ din il-kawża, li tiġi indirizzata din il-kwistjoni, għalkemm sensittiva ħafna, imqajma mill-Kummissjoni, dwar il-possibbiltà f’dan il-każ li tiġi żgurata l-applikazzjoni provviżorja tal-ftehim inkwistjoni permezz ta’ deċiżjoni tal-Kunsill waħdu, minkejja n-natura mħallta tal-ftehim warajha. Fil-fatt, fl-opinjoni tiegħi, din il-kwistjoni ma għandhiex effett fuq il-legalità tad-deċiżjoni kkontestata. Madankollu, hija tħalli miftuħa diversi kwistjonijiet legali, li ħarġu b’mod ċar matul il-proċedura. Fl-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu l-Kunsill spjega li huwa qatt ma kellu r-rieda politika li jadotta deċiżjoni li tawtorizza l-Unjoni teżerċita l-kompetenza potenzjali tagħha b’mod sħiħ, u dan lanqas fil-livell tal-applikazzjoni provviżorja tal-ftehim. Għażla bħal din, ta’ natura politika, madankollu inevitabbilment tiġġenera ċertu livell ta’ inċertezza legali fir-rigward tal-possibbiltà li jiġu applikati provviżorjament ftehim internazzjonali fl-Istati Membri fejn l-applikazzjoni provviżorja tat-Trattati internazzjonali ma hijiex kostituzzjonalment ammessa jew fejn hija suġġetta għall-applikazzjoni ta’ regoli tad-dritt intern. Filwaqt li ninsab konxju tas-sensittività ta’ din il-kwistjoni, li tista’ taffettwa l-prerogattivi tal-Parlamenti nazzjonali, nistaqsi madankollu jekk is-soluzzjoni prevista mill-Kummissjoni, — li tikkonsisti f’li tiġi żgurata l-applikazzjoni provviżorja tal-ftehim mill-Unjoni, sa fejn dan jaqa’ fil-kompetenzi tagħha — hijiex preferibbli legalment. Fil-fatt, l-applikazzjoni provviżorja “permezz ta’ rimedju amministrattiv” tal-imsemmija ftehim, li għalihom irreferew il-Kunsill u wħud mill-Istati Membri, li sseħħ fl-Istati Membri fejn l-applikazzjoni provviżorja tal-ftehim internazzjonali hija problematika, donnha tqajjem fi kwalunkwe każ problemi ta’ konformità mar-rekwiżiti kostituzzjonali ta’ dawk l-Istati Membri.

(58) – Ara l-Opinjoni 1/94 (EU:C:1994:384, punt 109).


KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

MENGOZZI

ippreżentati fid-29 ta’ Jannar 2015 ( 1 )

Kawża C‑28/12

Il-Kummissjoni Ewropea

vs

Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea

“Rikors għal annullament — Artikolu 218 TFUE — Deċiżjoni dwar l-iffirmar u l-applikazzjoni provviżorja ta’ ftehim internazzjonali — Deċiżjoni ibrida tal-Kunsill u tar-rappreżentanti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri — Proċedura alternattiva — Regoli tal-vot — Obbligu ta’ kooperazzjoni leali — Prinċipju ta’ awtonomija organizzattiva tal-istituzzjonijiet — Rappreżentanza unitarja tal-Unjoni”

1. 

Wara d-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u r-rappreżentanti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea jistgħu jadottaw konġuntament deċiżjonijiet (imsejħa “mħalltin” jew “ibridi”) sabiex jieħdu l-miżuri neċessarji fil-kuntest ta’ fażijiet differenti tal-proċedura ta’ negozjar u ta’ konklużjoni ta’ ftehim internazzjonali, kif stabbilit mill-Artikolu 218 TFUE? L-għaqda bejn, minn naħa, att tal‑Unjoni, bħal deċiżjoni tal-Kunsill li, fil-qasam tal-ftehim internazzjonali għandha tkun adottata b’maġġoranza kkwalifikata, u min-naħa l-oħra, att li għandu natura inter-governattiva, li għandu jiġi adottat mill-Istati kkonċernati kollha, hija aċċettata fid-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari f’każ tan-negozjar u tal-konklużjoni ta’ ftehim imħallat? Xi rwol għandhom f’dan il-kuntest, ir-rekwiżit tar-rappreżentanza unitarja tal-Unjoni fuq pjan internazzjonali, id-dmir relatat ta’ kooperazzjoni stretta bejn l-Unjoni u l-Istati Membri, ir-rekwiżit ta’ ċertezza legali fid-dritt internazzjonali għall-partijiet kontraenti tal-ftehim imħallat konkluż mal-Unjoni u l-Istati Membri tagħha, kif ukoll il-prinċipju ta’ awtonomija tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni?

2. 

Dawn huma, essenzjalment, il-mistoqsijiet li għandha twieġeb il-Qorti tal‑Ġustizzja f’din il-kawża, li fiha l-Kummissjoni Ewropea titlob l-annullament tad-Deċiżjoni 2011/708/UE, adottata fis-16 ta’ Ġunju 2011 mill-Kunsill u r-rappreżentanti tal-Gvernijiet tal-Unjoni Ewropea, imlaqqgħin fi ħdan il-Kunsill ( 2 ) (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”), dwar l-iffirmar, f’isem l-Unjoni u l‑applikazzjoni provviżorja mill-Unjoni u l-Istati Membri tagħha ta’ żewġ ftehimiet internazzjonali fis-settur tat-trasport bl-ajru.

3. 

Għalkemm mal-ewwel daqqa t’għajn din il-kawża tista’ tidher li hi ta’ natura prinċipalment proċedurali, effettivament il-portata tagħha tmur lil hinn minn sempliċi kwistjonijiet ta’ proċedura. Fil-fatt, din il-kawża tirrigwarda kwistjonijiet sensittivi dwar l-eżerċizzju tal-kompetenzi esterni tal-Unjoni. Fis-soluzzjoni li hija għandha tagħti, il-Qorti tal-Ġustizzja ser ikollha għalhekk issib bilanċ bejn ir-rekwiżiti differenti inkwistjoni f’din il-kawża, filwaqt li tieħu inkunsiderazzjoni r-realtà tal‑funzjonament prattiku kemm tal-proċess deċiżjonali kif ukoll tal-azzjoni esterna tal-Unjoni.

I – Il-fatti li wasslu għall-kawża

4.

Fil-25 u t-30 ta’ April 2007, il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa, u l-Istati Uniti tal-Amerika, min-naħa l-oħra, iffirmaw Ftehim dwar it-Trasport bl-Ajru ( 3 ), sussegwentement emendat permezz ta’ Protokoll iffirmat fil-Lussemburgu fl-24 ta’ Ġunju 2010 ( 4 ) (iktar ’il quddiem il-“Ftehim dwar it-Trasport bl-Ajru UE-Stati Uniti”). Dan il-ftehim huwa intiż, b’mod partikolari, sabiex jiffavorixxi l-iżvilupp ta’ trasport bl-ajru internazzjonali billi jiftaħ is‑swieq u jkabbar il-vantaġġi għall-konsumatur, għat-trasportaturi bl-ajru, għall-ħaddiema u għall-popolazzjonijiet taż-żewġ naħat tal-oċean Atlantiku.

5.

Peress li l-Ftehim dwar it-Trasport bl-Ajru UE-Stati Uniti jipprovdi l-possibbiltà ta’ adeżjoni ta’ Stati terzi, ir-Repubblika tal-Islanda u r-Renju tan-Norveġja ppreżentaw talba ta’ adeżjoni fl-2007. Għall-finijiet tal-adeżjoni ta’ dawn iż-żewġ Stati, ġew innegozjati żewġ ftehimiet internazzjonali. Minn naħa, l-Unjoni u l-Istati Membri, l-Istati Uniti tal-Amerika, ir-Repubblika tal-Islanda u r-Renju tan-Norveġja nnegozjaw ftehim ta’ adeżjoni intiż li jestendi l-kamp ta’ applikazzjoni tal-Ftehim dwar it-Trasport bl-Ajru UE-Stati Uniti, mutatis mutandis, għal kull wieħed mill-partijiet kontraenti (ĠU 2011, L 283, p. 3, iktar ’il quddiem, il-“Ftehim ta’ Adeżjoni”). il-ftehim anness ġie l-ewwel nett innegozjat bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, bħala l-ewwel parti, l-Islanda, bħala t-tieni parti, u r-Renju tan-Norveġja, bħala t-tielet parti, dwar l-applikazzjoni tal-Ftehim dwar it-Trasport bl-Ajru bejn l-Istati Uniti tal-Amerika, bħala l-ewwel parti, l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, bħala t-tieni parti, l-Islanda, bħala t-tielet parti, u r-Renju tan-Norveġja, bħala r-raba’ parti (ĠU 2011, L 283, p. 16, iktar ’il quddiem il-“Ftehim Anċillari”). Dan il-ftehim huwa intiż li jiggarantixxi ż-żamma tan-natura bilaterali tal-imsemmi Ftehim dwar it-Trasport bl-Ajru UE‑Stati Uniti.

6.

Fit-2 ta’ Mejju 2011, il-Kummissjoni adottat proposta ta’ Deċiżjoni tal-Kunsill (COM (2011) 239 finali), dwar l-iffirmar u l-applikazzjoni provviżorja tal-Ftehim dwar it-Trasport bl-Ajru bejn l-Istati Uniti tal-Amerika, bħala l-ewwel parti, l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, bħala t-tieni parti, l-Islanda, bħala t-tielet parti, u r-Renju tan-Norveġja, bħala r-raba’ parti; u dwar l-iffirmar, f’isem l-Unjoni Ewropea, u l-applikazzjoni proviżorja tal-Ftehim Anċillari bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, bħala l-ewwel parti, l-Islanda, bħala t-tieni parti, u r-Renju tan-Norveġja, bħala t-tielet parti, dwar l-applikazzjoni tal-Ftehim dwar it-Trasport bl-Ajru bejn l-Istati Uniti tal-Amerika, bħala l-ewwel parti, l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, bħala t-tieni parti, l-Islanda, bħala t-tielet parti, u r-Renju tan-Norveġja, bħala r-raba’ parti. Din il-proposta kienet tipprovdi deċiżjoni tal-Kunsill waħdu u kienet ibbażata fuq l-Artikolu 100(2) TFUE ( 5 ) flimkien mal-Artikolu 218(5) TFUE ( 6 ).

7.

Filwaqt li ma adottax l-imsemmija proposta, il-Kunsill adotta d‑deċiżjoni kkontestata fil-forma ta’ deċiżjoni ibrida, jiġifieri deċiżjoni provenjenti fl-istess ħin mill-Kunsill u mir-rappreżentanti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri mlaqqgħin fi ħdan il-Kunsill. Id-deċiżjoni kkontestata kienet ibbażata fuq l-Artikolu 100(2) TFUE, b’rabta mal-Artikolu 218(5) u (8) TFUE ( 7 ).

8.

Skont l-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata “[l]-iffirmar tal‑[Ftehim ta’ Adeżjoni] u tal-Ftehim Anċillari […] huwa b’dan awtorizzat f’isem l-Unjoni, soġġett għall-konklużjoni tal-imsemmija Ftehimi”.

9.

L-Artikolu 2 ta’ din id-deċiżjoni jistabilixxi li “l-President tal-Kunsill huwa b’dan awtorizzat jaħtar il-persuna/i bis-setgħa li jiffirmaw il-Ftehim ta’ Adeżjoni u l-Ftehim Anċillari f’isem l-Unjoni”.

10.

L-Artikolu 3 tal-istess deċiżjoni jistabilixxi li “l-Ftehim ta’ Adeżjoni u l-Ftehim Anċillari għandhom jiġu applikati b’mod proviżorju mid-data tal-iffirmar mill-Unjoni Ewropea u, safejn permess skont il-liġi nazzjonali applikabbli, mill-Istati Membri tagħha u l-Partijiet rilevanti, sa meta jitlestew il-proċeduri għall-konklużjoni tagħhom”.

11.

Il-Ftehim ta’ Adeżjoni u l-Ftehim Anċillari ġew iffirmati fil-Lussemburgu u f’Oslo, fis-16 u l-21 ta’ Ġunju 2011.

II – It-talbiet tal-partijiet u l-proċedura quddiem il-Qorti tal‑Ġustizzja

12.

Il-Kummissjoni titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tannulla d-deċiżjoni kkontestata, filwaqt li żżomm, għaldaqstant, l-effetti tal-imsemmija deċiżjoni u tikkundanna lill-Kunsill għall-ispejjeż.

13.

Il-Kunsill jitlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tiċħad ir-rikors bħala inammissibbli jew infondat, u sussidjarjament, jekk u sa fejn il-Qorti tal-Ġustizzja tannulla d-deċiżjoni kkontestata, tiddikjara li l-effetti ta’ din id-deċiżjoni huma definittivi u tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

14.

Permezz ta’ digriet tat-18 ta’ Ġunju 2012, il-President tal-Qorti tal-Ġustizzja aċċetta l-intervent tal-Parlament Ewropew insostenn tat-talbiet tal-Kummissjoni kif ukoll l-intervent tar-Repubblika Ċeka, tar-Renju tad-Danimarka, tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja, tar-Repubblika Ellenika, tar-Repubblika Franċiża, tar-Repubblika Taljana, tar-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi, tar-Repubblika tal-Polonja, tar-Repubblika Portugiża, tar-Repubblika tal-Finlandja, tar-Renju tal-Isvezja u tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq insostenn tat-talbiet tal-Kunsill.

15.

Is-seduta quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja nżammet fil-11 ta’ Novembru 2014.

III – Analiżi

16.

Fir-rikors tagħha, il-Kummissjoni tikkontesta d-deċiżjoni kkontestata fl-intier tagħha billi tibbaża ruħha fuq tliet motivi. L-ewwel motiv huwa bbażat fuq ksur tal-proċedura u tar-rekwiżiti dwar l-awtorizzazzjoni tal-iffirmar u l-applikazzjoni provviżorja tal-ftehim internazzjonali mill-Unjoni. It-tieni motiv huwa bbażat fuq ksur tar-regoli tal-vot mill-Kunsill u t-tielet motiv huwa bbażat fuq nuqqas ta’ osservanza tal-għanijiet stabbiliti fit-Trattati u fuq in-nuqqas ta’ osservanza tal-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali. Qabel ma nanalizza dawn it-tliet motivi, għandha madankollu ssir analiżi tal-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà mqajma mill-Kunsill.

A – Fuq l-ammissibbiltà

17.

Il-Kunsill iressaq tliet motivi ta’ inammissibbiltà tar-rikors tal-Kummissjoni. Fl-ewwel lok, ir-rikors huwa inammissibbli għaliex kellu jsir kontra l-Istati Membri u mhux kontra l-Kunsill. Fil-fatt, il-Kummissjoni tikkontesta l-parteċipazzjoni tal-Istati Membri fid-deċiżjoni kkontestata u mhux aġir sanzjonabbli imputabbli lill-Kunsill. Fit-tieni lok, il-Kunsill isostni li r-rikors huwa inammissibbli għar-raġuni li jirrigwarda deċiżjoni tal-Istati Membri, li tmur lil hinn mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 263 TFUE u għalhekk ma tistax tkun is-suġġett ta’ stħarriġ ġudizzjarju tal-Qorti tal-Ġustizzja. Fit-tielet lok, skont il-Kunsill, il-Kummissjoni ma għandhiex interess ġuridiku għaliex l-annullament mitlub ma għandu ebda konsegwenza legali.

18.

Għal dak li jirrigwarda l-ewwel u t-tieni argumenti mressqa mill-Kunsill, għandu qabel kollox jitfakkar li r-rikors għal annullament għandu jkun possibbli fil-konfront tad-dispożizzjonijiet kollha adottati mill-istituzzjonijiet, tkun xi tkun in-natura jew il-forma tagħhom, li huma intiżi sabiex jipproduċu effetti legali ( 8 ).

19.

Issa, f’dan il-każ, ir-rikors tal-Kummissjoni jipprevedi att adottat konġuntament mill-Kunsill u r-rappreżentanti tal-Istati Membri, b’mod partikolari abbażi tal-Artikolu 218(5) u (8) TFUE. Kif jirriżulta mill-punti 8 sa 10 ta’ dawn il-konklużjonijiet, dan l-att jawtorizza kemm l-iffirmar u l-applikazzjoni provviżorja tal-ftehim internazzjonali inkwistjoni għal dak li jirrigwarda l-Unjoni kif ukoll l-applikazzjoni provviżorja tal-imsemmi ftehim mill-Istati Membri sa fejn huwa permess mil-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli.

20.

Minn dan isegwi, minn naħa, li l-Kunsill ipparteċipa fl-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata u li, konsegwentement, din hija dispożizzjoni meħuda minn din l-istituzzjoni, u min-naħa l-oħra, li d-deċiżjoni kkontestata tikkostitwixxi att li jipproduċi effetti legali li, fihom innifishom, jistgħu jkunu suġġetti għal stħarriġ ġudizzjarju ( 9 ). L-ewwel u t-tieni argumenti tal-Kunsill għandhom għalhekk jiġu miċħuda.

21.

Għal dak li jirrigwarda t-tielet argument tal-Kunsill, huwa biżżejjed li jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, l-Artikolu 263(2) TFUE jagħti lill-istituzzjonijiet kollha fih imsemmija u lill-Istati Membri kollha d-dritt li jikkontestaw, permezz ta’ rikors għal annullament, il-legalità ta’ kull att tal-Kunsill li jipproduċi effetti legali, mingħajr ma l-eżerċizzju ta’ dan id-dritt għandu jkun ikkundizzjonat minn ġustifikazzjoni ta’ interess ġuridiku ( 10 ). Sabiex tippreżenta dan ir-rikors, il-Kummissjoni ma għandha għalhekk tipprova ebda interess ġuridiku. It-tielet argument tal-Kunsill għandu għalhekk jiġi miċħud ukoll, u fl-opinjoni tiegħi r-rikors huwa ammissibbli fir-rigward tad-deċiżjoni kkontestata kollha.

B – Fuq il-mertu

1. L-argumenti tal-partijiet

a) Fuq l-ewwel motiv ibbażat fuq il-ksur tal-proċedura u tar-rekwiżiti dwar l-awtorizzazzjoni tal-iffirmar u l-applikazzjoni provviżorja tal-ftehim internazzjonali mill-Unjoni

22.

Il-Kummissjoni, sostnuta mill-Parlament, targumenta li, billi adotta d-deċiżjoni kkontestata, il-Kunsill kiser l-ewwel sentenza tal-Artikolu 13(2) TUE ( 11 ) flimkien mal-Artikolu 218(2) u (5) TFUE. Skont din l-aħħar dispożizzjoni, il-Kunsill huwa l-uniku istituzzjoni li għandha s-setgħa li tawtorizza l-iffirmar u l-applikazzjoni provviżorja ta’ ftehim internazzjonali mill-Unjoni. Id-deċiżjoni kkontestata kellha għalhekk tiġi adottata mill-Kunsill waħdu, bl-esklużjoni tal-Istati Membri mlaqqgħin fi ħdan il-Kunsill.

23.

Bil-parteċipazzjoni tal-Istati Membri, li ddeċidew b’mod kollettiv fi ħdan il-Kunsill, fil-proċess deċiżjonali, il-Kunsill idderoga unilateralment mill-proċedura prevista fl-Artikolu 218 TFUE, filwaqt li mill-ġurisprudenza jirriżulta li huwa ma jistax jevita r-regoli stabbiliti mit-Trattati u jirrikorri għal proċeduri alternattivi għall-adozzjoni tal-atti tal-Unjoni. F’dawn iċ-ċirkustanzi l-Kunsill naqas ukoll mill-obbligu tiegħu li jeżerċita l-kompetenzi tiegħu fil-limiti stabbiliti mill-proċeduri u r-rekwiżiti previsti mit-Trattati, fis-sens tal-ewwel sentenza tal-Artikolu 13(2) TUE.

24.

B’mod partikolari, wara d-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona, il-proċeduri tal-Unjoni għandhom ikunu distinti b’mod ċar mill-oqsma li fihom l-Istati Membri żammew il-possibbiltà li jeżerċitaw il-kompetenzi tagħhom. Għalhekk ma huwiex possibbli li att intergovernattiv u att tal-Unjoni jingħaqdu. Il-prassi preċedenti li kienet tirrikorri għal atti ibridi, b’mod partikolari fis-settur tal-avjazzjoni, kienet tiżnatura l-proċeduri tal-Unjoni u ma tistax tiġi aċċettata iktar.

25.

In-natura mħallta ta’ ftehim internazzjonali, konkluż mill-Unjoni u kull wieħed mill-Istati Membri, ma jimplikax neċessarjament li d-deċiżjoni tal-Kunsill li tirrigwarda l-iffirmar u l-applikazzjoni provviżorja tiegħu, adottata skont l-Artikolu 218 TFUE, tista’ tkun mibdula billi tiġi magħquda ma’ deċiżjoni intergovernattiva tal-Istati Membri. Tali inklużjoni fil-proċess deċiżjonali tal-Kunsill ma hijiex neċessarja la fir-rigward tal-iffirmar tal-ftehim, u lanqas fir-rigward tal-applikazzjoni provviżorja tiegħu.

26.

Il-Kunsill, sostnut mill-Gvernijiet intervenjenti kollha, jikkunsidra għall-kuntrarju li l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata taħt il-forma ta’ deċiżjoni ibrida ma tmur kontra ebda dispożizzjoni tat-Trattati.

27.

Qabel kollox, il-Kunsill la dderoga mid-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 218(2) u (5) TFUE u lanqas ma rrikorra għal proċedura alternattiva. Fil-fatt, ir-rappreżentanti tal-Istati Membri mlaqqgħin fi ħdan il-Kunsill adottaw żewġ deċiżjonijiet distinti inklużi fid-deċiżjoni kkontestata. Minn naħa, konformement mal-Artikolu 218 TFUE, fil-kapaċità tagħhom bħala membri tal-Kunsill, huma jistgħu jawtorizzaw l-iffirmar u l-applikazzjoni provviżorja tal-ftehim inkwistjoni mill-Unjoni. Min-naħa l-oħra, fil-kapaċità tagħhom bħala rappreżentanti tal-Istati Membri, huma jistgħu jawtorizzaw l-applikazzjoni provviżorja ta’ dan il-ftehim mill-Istati Membri sa fejn permess mil-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli. Din l-aħħar parti tad-deċiżjoni kkontestata kienet adottata abbażi ta’ proċeduri li ma humiex previsti fit-Trattati. Għalhekk l-Istati Membri ma pparteċipawx fil-proċedura prevista fl-Artikolu 218(2) u (5) TFUE.

28.

Konsegwentement, skont il-Kunsill, peress li l-ftehim inkwistjoni huwa ftehim imħallat, l-adozzjoni ta’ deċiżjoni ibrida, li l-Istati Membri huma l-koawturi tagħha, hija koerenti b’mod sħiħ man-natura mħallta tal-ftehim warajha u mal-fatt li l-Istati Membri jeżerċitaw il-kompetenzi tagħhom infushom f’ċerti aspetti. Din l-adozzjoni tikkostitwixxi konsegwenza ammissibbli tal-konklużjoni ta’ ftehim imħallat u taqa’ f’simetrija legali miegħu.

29.

L-għażla tal-istrument tad-deċiżjoni ibrida hija fir-realtà l-espressjoni tad-dmir ta’ kooperazzjoni stretta bejn l-Unjoni u l-Istati Membri u tar-rekwiżit ta’ rappreżentanza unitarja tal-Unjoni hekk kif meħtieġ mill-ġurisprudenza. Dan it-tip ta’ deċiżjonijiet jikkostitwixxi l-aħjar mod sabiex tiġi żgurata tali unità fir-rappreżentanza internazzjonali u sabiex jiġi ggarantit approċċ komuni u kkoordinat tal-Unjoni u tal-Istati Membri tagħha. Dan huwa iktar minnu meta, kif kien il-każ tal-ftehim inkwistjoni, il-partijiet tal-ftehim internazzjonali li jaqgħu fil-kompetenza tal-Unjoni huma marbuta b’mod intrinsiku mal-partijiet li jaqgħu fil-kompetenza tal-Istati Membri u meta dawn il-partijiet ma jistgħux jiġu sseparati. It-teżi tal-Kummissjoni li d-deċiżjonijiet tal-Unjoni għandhom isiru fi strument separat minn deċiżjonijiet intergovernattivi tippreġudika l-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri u l-Unjoni u tnaqqas l-effikaċja tal-kuntest istituzzjonali għall-konklużjoni ta’ trattati internazzjonali.

30.

Barra minn hekk, skont il-prinċipju ta’ awtonomija tal-istituzzjonijiet, il-Kunsill u l-Istati Membri huma liberi li jiddeterminaw il-forma preċiża tal-organizzazzjoni tax-xogħol tagħhom. Il-fatt li din l-awtorizzazzjoni tkun ikkomunikata f’deċiżjoni waħda ma jneħħi xejn mill-integrità tal-proċedura imposta mill-Artikolu 218(5) TFUE. Fi kwalunkwe każ, l-adozzjoni ta’ deċiżjoni ibrida twassal fil-prattika għall-istess riżultat bħall-adozzjoni ta’ żewġ deċiżjonijiet, waħda mill-Kunsill, u l-oħra mir-rappreżentanti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri mlaqqgħin fi ħdan il-Kunsill, jew bħall-adozzjoni ta’ deċiżjoni waħda tal-Kunsill. Fl-aħħar nett, id-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona ma kellux effett fuq il-legalità tad-deċiżjonijiet ibridi u ma jipprojbixxix l-adozzjoni tagħhom. Għall-kuntrarju, l-adozzjoni ta’ deċiżjonijiet imħallta tikkostitwixxi prassi kkonsolidata, b’mod partikolari fis-settur tat-trasport bl-ajru, anki wara d-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona.

b) Fuq it-tieni motiv ibbażat fuq ksur tar-regoli tal-vot tal-Kunsill

31.

Permezz tat-tieni motiv tagħha, il-Kummissjoni, sostnuta mill-Parlament, targumenta li, billi adotta d-deċiżjoni kkontestata, il-Kunsill kiser l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 218(8) TFUE, b’rabta mal-bażi legali materjali għall-adozzjoni ta’ miżuri fil-qasam tat-trasport bl-ajru, jiġifieri l-Artikolu 100(2) TFUE. Fil-fatt, filwaqt li deċiżjoni skont dawn id-dispożizzjonijiet għandha tiġi adottata mill-Kunsill b’maġġoranza kkwalifikata, att intergovernattiv adottat b’mod kollettiv mir-rappreżentanti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri għandu, min-naħa l-oħra, min-natura tiegħu stess, jiġi adottat bi ftehim komuni tal-Istati Membri kollha. Issa l-għaqda ta’ dawn l-atti f’deċiżjoni waħda u l-issuġġettar tagħhom għall-ftehim komuni jirrendi impossibbli b’mod konkret l-applikazzjoni tal-vot b’maġġoranza kkwalifikata billi jirrendi de facto mingħajr effett l-istabbiliment ta’ tali vot mit-Trattat ta’ Lisbona bħala regola ġenerali għall-proċedura ta’ negozjar u konklużjoni ta’ ftehim internazzjonali mill-Unjoni. Hija tneħħi wkoll is-sens tal-proċedura prevista fl-ewwel sentenza tal-Artikolu 218(8) TFUE billi tippreġudika b’mod ġenerali l-effettività tal-proċeduri tal-Unjoni. Barra minn hekk, l-għaqda bejn dawn iż-żewġ atti għandha l-konsegwenza li l-bażi legali indikata fid-deċiżjoni ibrida ma tiddeterminax realment il-proċedura tal-vot fi ħdan il-Kunsill, li tkun b’mod impliċitu, iżda inevitabbli, mibdula minħabba l-kompożizzjoni intergovernattiva tiegħu.

32.

Il-Parlament iżid li l-għaqda bejn dawn iż-żewġ tipi ta’ atti timplika wkoll ksur tal-ekwilibriju istituzzjonali fil-proċedura applikabbli għall-konklużjoni ta’ ftehim internazzjonali mill-Unjoni, bi ksur tal-Artikolu 218(6) u (10) TFUE.

33.

Il-Kunsill, sostnut mill-Gvernijiet intervenjenti, iqis li ssodisfa r-regoli tal-vot stabbiliti fit-Trattati. Fil-fatt, skont il-Kunsill, id-deċiżjoni kkontestata kellha tiġi adottata b’maġġoranza kkwalifikata fi ħdan il-Kunsill, f’każ ta’ kwistjoni ta’ kompetenzi esklużivi tal-Unjoni, u ta’ ftehim komuni tar-rappreżentanti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri, f’każ li jirrigwarda kompetenzi tal-Istati Membri. Huwa għalhekk ineżatt li jingħad li hija ġiet adottata bl-unanimità jew li r-regola tal-maġġoranza kkwalifikata kienet emendata. Il-fatt li ebda delegazzjoni fi ħdan il-Kunsill ma opponiet id-deċiżjoni kkontestata ma jfissirx li l-vot b’maġġoranza kkwalifikata ma ġiex segwit. Fi kwalunkwe każ, kull deċiżjoni adottata b’unanimità tinkludi neċessarjament maġġoranza kkwalifikata. Barra minn hekk, il-fatt li l-kunsens tal-Istati Membri kien miksub ma jippreġudika l-effettività la tal-azzjoni tal-Unjoni u lanqas tal-proċeduri tagħha.

34.

Il-Kunsill u wħud mill-Gvernijiet jargumentaw ukoll li, fil-qasam ta’ ftehim internazzjonali, il-kumulu ta’ numru ta’ regoli tal-vot hija prattika kurrenti konformi mal-ġurisprudenza. Barra minn hekk, skont il-Gvern Finlandiż, il-mod tal-vot magħżul mill-Kunsill kien ibbażat fuq l-Artikolu 293(1) TFUE li jipprovdi li meta l-Kunsill jiddeċiedi fuq proposta tal-Kummissjoni huwa jista’ jemendaha biss b’deċiżjoni unanima. F’dan il-każ, ġaladarba jidher li l-Kunsill emenda l-proposta tal-Kummissjoni fir-rigward tal-Artikolu 3 tad-deċiżjoni kkontestata, huwa missu, fi kwalunkwe każ, ipproċeda b’vot unanimu.

c) Fuq it-tielet motiv, ibbażat fuq in-nuqqas ta’ osservanza tal-għanijiet stabbiliti fit-Trattat u tal-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali

35.

Il-Kummissjoni, sostnuta mill-Parlament, tikkritika lill-Kunsill talli kiser l-għanijiet tat-Trattati u l-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali stabbilit fl-Artikolu 13(2) TUE. Billi ppermetta l-intervent tal-Istati Membri fil-proċeduri tal-Unjoni, il-Kunsill, qabel kollox, “żera’ nuqqas ta’ kjarezza” fuq il-personalità indipendenti tal-Unjoni fir-relazzjonijiet internazzjonali. Il-messaġġ mibgħut mill-Kunsill fix-xena internazzjonali huwa li l-Unjoni ma għandhiex tieħu deċiżjoni waħedha. Sussegwentement, billi aġixxa hekk, il-Kunsill ma osservax il-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali għaliex huwa kellu jeżerċita s-setgħat tiegħu b’mod li ma jevitax il-proċeduri tal-Unjoni previsti fl-Artikolu 218 TFUE. Il-Kunsill kiser dan il-prinċipju kemm fir-relazzjonijiet istituzzjonali kif ukoll lejn l-Unjoni kollha kemm hi. Fl-aħħar nett, il-Kunsill dgħajjef il-kuntest istituzzjonali tal-Unjoni billi ta lill-Istati Membri fi ħdan l-Unjoni rwol mhux previst mit-Trattati u, b’mod partikolari, mill-Artikolu 218 TFUE, u b’hekk irriskja li l-interessi tal-Istati Membri jipprevalixxu fuq dawk tal-Unjoni.

36.

Il-Kunsill, sostnut mill-Gvernijiet intervenjenti, iqis li d-deċiżjoni kkontestata ma toħloqx l-iċken konfużjoni għal terzi jew għall-Komunità internazzjonali. Fil-kuntest tal-ftehim imħallat, is-sitwazzjoni tkun, għall-kuntrarju, sors ta’ konfużjoni għal terzi jekk dawn jaraw biss deċiżjoni tal-Kunsill, mingħajr deċiżjoni li tassoċja lill-Istati Membri. Id-deċiżjoni kkontestata hija barra minn hekk mhux biss konformi mal-għan tal-unità ta’ rappreżentanza internazzjonali tal-Unjoni, iżda hija tiggarantih, tippromwovih u ssaħħu, billi turi sew il-pożizzjoni komuni tal-Unjoni u tal-Istati Membri tagħha. L-adozzjoni ta’ tali deċiżjoni hija l-espressjoni tal-obbligu ta’ kooperazzjoni stretta u ta’ approċċ komuni tal-Unjoni u tal-Istati Membri. Għall-kuntrarju, l-adozzjoni ta’ deċiżjoni tal-Kunsill waħdu mingħajr l-Istati Membri tista’, minn barra, tagħti stampa ta’ Unjoni mhux magħquda u l-mezz ta’ proċedura intergovernattiva parallela jippreżenta riskji ta’ diverġenzi bejn l-Istati Membri u tardività. Din il-proċedura hija wkoll inqas favorevoli meta mqabbla mal-għanijiet li jridu jintlaħqu mit-Trattat. Fi kwalunkwe każ, deċiżjoni ibrida tikkostitwixxi att intern tal-Unjoni li ma huwiex intiż li jinġieb għall-għarfien tal-Istati terzi u anki li kieku kellu, huwa ferm improbabbli li tingħata importanza dwar min kienu l-awturi tagħha.

2. Analiżi

37.

Permezz tar-rikors tagħha, il-Kummissjoni titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tannulla d-deċiżjoni kkontestata, li tirrigwarda, minn naħa, l-iffirmar mill-Unjoni u min-naħa l-oħra, l-applikazzjoni provviżorja mill-Unjoni u mill-Istati Membri tagħha tal-Ftehim ta’ Adeżjoni u tal-Ftehim Anċillari, b’kunsiderazzjoni tal-fatt li din id-deċiżjoni kienet adottata b’mod konġunt mill-Kunsill u mir-rappreżentanti tal-Istati Membri bħala att ibridu li jgħaqqad att tal-Unjoni u att intergovernattiv.

38.

Preliminarjament, għandu jiġi rrilevat li l-Kummissjoni ddikjarat b’mod espliċitu li, permezz tar-rikors tagħha, hija ma għandhiex l-intenzjoni li tikkontesta n-natura mħallta taż-żewġ ftehimiet internazzjonali inkwistjoni ( 12 ). Il-portata tar-rikors f’din il-kawża hija għalhekk limitata biss għall-kwistjoni tal-legalità tal-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata bħala deċiżjoni ibrida.

39.

Sussegwentement, nirrileva, preliminarjament ukoll li, għalkemm id-deċiżjoni kkontestata tikkostitwixxi, mill-perspettiva formali, att wieħed, fir-realtà hija tinkludi żewġ deċiżjonijiet distinti minn perspettiva materjali, jiġifieri, minn naħa, deċiżjoni tal-Kunsill, dwar l-iffirmar u l-applikazzjoni provviżorja tal-ftehim inkwistjoni mill-Unjoni, u min-naħa l-oħra, att intergovernattiv tar-rappreżentanti tal-Istati Membri, dwar l-applikazzjoni provviżorja tal-imsemmija ftehim minn dawn tal-aħħar. Hija preċiżament il-kwistjoni tal-legalità tal-adozzjoni konġunta ta’ dawn iż-żewġ atti differenti u tal-għaqda tagħhom f’att wieħed li hija s-suġġett tal-kontestazzjoni tal-Kummissjoni.

40.

It-tliet motivi mressqa mill-Kummissjoni fir-rikors tagħha, li kollha jipprevedu din il-kwistjoni minn angoli differenti, fl-opinjoni tiegħi jinqasmu f’livelli differenti. Fil-fatt, dan ir-rikors iqajjem, essenzjalment, żewġ tipi ta’ problemi. Minn naħa, fil-parti li tista’ tiġi ddefinita bħala interna, din il-kawża tirrigwarda l-applikazzjoni ta’ dispożizzjonijiet dwar il-proċeduri u r-regoli tal-vot għall-adozzjoni tal-atti tal-Unjoni marbuta mall-innegozjar u l-konklużjoni ta’ ftehim internazzjonali fil-kuntest proċedurali stabbilit mill-Artikolu 218 TFUE. F’dan il-kuntest, tqum ukoll il-kwistjoni tal-portata tal-awtonomija organizzattiva u funzjonali tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni. Min-naħa l-oħra, fil-parti esterna tagħha, din il-kawża tirrigwarda wkoll rekwiżiti dwar l-iżvolġiment konkret tal-azzjoni esterna tal-Unjoni. Fil-fatt, hija tqajjem kwistjonijiet li jikkonċernaw b’mod partikolari r-rekwiżit tar-rappreżentanza unitarja tal-Unjoni fix-xena internazzjonali u l-obbligu konness ta’ kooperazzjoni stretta bejn l-Unjoni u l-Istati Membri fil-kuntest tal-proċedura ta’ negozjar u ta’ konklużjoni ta’ ftehim imħallat. Hija tirrigwarda wkoll l-obbligi tad-dritt internazzjonali li jirriżultaw mill-azzjoni esterna tal-Unjoni lejn il-partijiet kontraenti l-oħra.

41.

Is-soluzzjoni għall-problemi legali mqajma f’din il-kawża ma hijiex għalhekk limitata għall-kunsiderazzjoni ta’ kwistjonijiet proċedurali interni, iżda għandha wkoll tieħu inkunsiderazzjoni l-impatt li dawn il-kwistjonijiet għandhom fuq l-azzjoni esterna tal-Unjoni. Għalhekk dan jirrendi neċessarju li ssir evalwazzjoni li tibbilanċja l-prinċipji differenti u rekwiżiti prattiċi inkwistjoni f’din il-kawża. F’dawn iċ-ċirkustanzi, inqis xieraq li t-tliet motivi jiġu analizzati konġuntament, billi nibda bi preżentazzjoni ġenerali tal-kwistjonijiet imqajma f’din il-kawża, sabiex sussegwentement neżamina l-ilmenti mressqa mill-Kummissjoni fir-rikors tagħha fid-dawl tal-prinċipji stabbiliti mill-ġurisprudenza.

a) Fuq il-kuntest proċedurali għall-innegozjar u l-konklużjoni ta’ ftehim internazzjonali mill-Unjoni previsti fl-Artikolu 218 TFUE

42.

Għal dak li jirrigwarda l-parti interna tagħha, din il-kawża tqajjem qabel kollox kwistjoni dwar il-konformità tal-proċedura segwita għall-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata mad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 218 TFUE.

43.

Mill-Artikolu 218(1) TFUE jirriżulta li dan l-artikolu huwa intiż sabiex jirregola l-proċedura għan-negozjar u l-konklużjoni tal-ftehim bejn l-Unjoni u Stati terzi jew organizzazzjonijiet internazzjonali. Dan l-artikolu, li jinsab fit-Titolu V, intitolat “Ftehim internazzjonali” tal-Ħames parti tat-Trattat FUE li min-naħa tagħha hija intitolata “[L]-azzjoni esterna tal-Unjoni”, jikkostitwixxi dispożizzjoni ta’ natura ġenerali li għandha l-għan li toħloq proċedura unika u magħquda għall-innegozjar u l-konklużjoni tal-imsemmija ftehim mill-Unjoni. Din id-dispożizzjoni hija l-espressjoni, minn naħa, tal-istruttura l-ġdida tal-Unjoni wara t-tneħħija formali tal-pilastri mad-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona ( 13 ) u, min-naħa l-oħra, tad-dimensjoni l-ġdida li ssaħħaħ l-azzjoni esterna tal-Unjoni riflessa bl-introduzzjoni tal-Artikoli 21 TUE u 22 TUE kif ukoll bil- Ħames parti tal-imsemmi trattat.

44.

Il-proċedura prevista fl-Artikolu 218 TFUE għandha għalhekk il-karatteristika li tapplika għall-ftehim kollu nnegozjat u konkluż mill-Unjoni irrispettivament min-natura u mill-kontenut tiegħu, bl-eċċezzjoni tal-każijiet espressament imsemmija f’dispożizzjonijiet speċifiċi tat-Trattati ( 14 ). Din id-dispożizzjoni tapplika barra minn hekk għall-ftehim konklużi fil-kuntest tal-politika barranija u ta’ sigurtà komuni. B’mod partikolari, xejn ma jindika li dan l-artikolu ma japplikax fil-każ fejn ftehim internazzjonali jkun konkluż taħt il-forma ta’ ftehim imħallat.

45.

Peress li l-proċedura li twassal għall-konklużjoni ta’ ftehim internazzjonali hija proċedura bi stadji, l-Artikolu 218 TFUE jippreċiża l-modalitajiet tal-iżvolġiment ta’ dawn l-istadji differenti kif ukoll ir-rwol u s-setgħat rispettivi tal-istituzzjonijiet differenti li jidħlu fl-innegozjar u l-konklużjoni ta’ ftehim internazzjonali mill-Unjoni.

46.

B’mod iktar speċifiku, għal dak li jirrigwarda d-dispożizzjonijiet rilevanti għal din il-kawża, mill-Artikolu 218(2) TFUE jirriżulta li l-Kunsill huwa l-istituzzjoni li tawtorizza l-ftuħ tan-negozjar, li tiddeċiedi kif għandu jsir in-negozjar, li tawtorizza l-iffirmar u li tikkonkludi l-ftehim mill-Unjoni. B’hekk, skont il-paragrafu 5 tal-imsemmi artikolu, huwa l-Kunsill li, fuq proposta tan-negozjatur, jadotta deċiżjoni li tawtorizza l-iffirmar tal-ftehim u, jekk ikun il-każ, l-applikazzjoni provviżorja tiegħu qabel id-dħul fis-seħħ tiegħu. Il-paragrafu 6 ta’ dan l-artikolu, minn naħa, jipprovdi li l-Kunsill, fuq proposta tan-negozjatur, jadotta deċiżjoni dwar il-konklużjoni tal-ftehim u, min-naħa l-oħra, jagħti lill-Parlament setgħa ta’ approvazzjoni jew ta’ sempliċi konsultazzjoni, skont is-suġġett tal-ftehim li ser jiġi konkluż Il-paragrafu 8 tal-Artikolu 218 TFUE jistabbilixxi r-regola ġenerali li tipprovdi li, matul il-proċedura kollha, il-Kunsill jiddeċiedi b’maġġoranza kkwalifikata ħlief fil-kuntest tal-eċċezzjonijiet imsemmija fit-tieni subparagrafu ta’ din id-dispożizzjoni.

47.

Mill-kuntest li fih jaqa’ l-Artikolu 218 TFUE, kif ukoll mill-formulazzjoni u l-istruttura tiegħu — u, b’mod partikolari, mill-għan tiegħu intiż sabiex jistabbilixxi sistema u regoli proċedurali ta’ natura ġenerali għall-innegozjar u l-konklużjoni ta’ ftehim internazzjonali mill-Unjoni — jirriżulta li, ħlief fil-każ tal-eċċezzjonijiet imsemmija mit-Trattati stess, il-Kunsill ma jistax jevita l-proċeduri previsti fihom billi jirrikorri għal proċeduri alternattivi jew differenti minn dawk previsti fl-imsemmi artikolu fil-fażijiet differenti li jifformaw il-proċedura ta’ negozjar u konklużjoni ta’ ftehim internazzjonali. B’mod partikolari, il-Kunsill ma jistax jadotta atti li ma jikkostitwixxux waħda mid-deċiżjonijiet previsti fi stadju partikolari tal-imsemmija proċedura jew li jiġu adottati f’ċirkustanzi differenti minn dawk meħtieġa mill-Artikolu 218 TFUE nnifsu ( 15 ). L-obbligu tal-Kunsill li jsegwi l-proċeduri imposti mit-Trattati għandu s-sors tiegħu wkoll fl-Artikolu 13(2) TUE li jipprovdi li kull istituzzjoni għandha taġixxi skont il-proċeduri, skont ir-rekwiżiti u skont il-finijiet previsti mit-Trattati.

48.

F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat ukoll li, ħlief għal dak li jirrigwarda żewġ kwistjonijiet speċifiċi ( 16 ), l-Artikolu 218 TFUE fl-ebda mument ma jipprovdi l-intervent tal-Istati Membri fil-proċedura ta’ negozjar u konklużjoni ta’ ftehim internazzjonali mill-Unjoni ( 17 ). Għalhekk l-Istati Membri, bħala tali, ma għandhom ebda rwol fil-kuntest tal-proċedura fis-sens tal-Artikolu 218 TFUE, li tikkostitwixxi proċedura tal-Unjoni nnifisha.

49.

Issa, din il-konstatazzjoni ma hijiex ikkontestata bil-fatt li l-Artikolu 218 TFUE ma japplikax biss għall-ftehim tal-Unjoni nnifisha, iżda wkoll għall-ftehim imħallat. Fil-fatt, fil-każ ta’ ftehim imħallat, l-Artikolu 218 TFUE japplika esklużivament għall-parteċipazzjoni tal-Unjoni fil-ftehim imħallat u mhux għal dik tal-Istati Membri. Il-parteċipazzjoni ta’ dawn tal-aħħar fi ftehim imħallat tkun irregolata, għal dak li jirrigwarda l-parti interna tal-parteċipazzjoni tagħhom, minn kull dritt nazzjonali, u għal dak li jirrigwarda l-parti esterna tal-parteċipazzjoni tagħhom, mid-dritt internazzjonali pubbliku ( 18 ).

b) Fuq il-bażi legali u r-regoli tal-vot

50.

L-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata bħala deċiżjoni ibrida li tgħaqqad att tal-Unjoni u att intergovernattiv tqajjem, sussegwentement, kwistjonijiet li jirrigwardaw, minn naħa, il-bażi legali użata u, min-naħa l-oħra, l-osservanza tar-regoli tal-vot previsti mit-Trattati.

51.

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li r-rekwiżit ta’ ċertezza legali jeħtieġ li kull att tal-Unjoni li jkun intiż li joħloq effetti legali jikseb is-saħħa vinkolanti tiegħu minn dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni li għandha tkun espressament indikata bħala l-bażi legali u li tipprovdi l-forma legali li l-att għandu jingħata. Din l-indikazzjoni, l-ewwel nett, hija neċessarja sabiex jiġu ddeterminati l-modalitajiet tal-vot fi ħdan il-Kunsill, it-tieni nett, għandha importanza partikolari sabiex jiġu ppreżervati l-prerogattivi tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni kkonċernati bil-proċedura ta’ adozzjoni ta’ att u, it-tielet nett, tistabbilixxi t-tqassim tal-kompetenzi bejn l-Unjoni u l-Istati Membri, billi tevita konfużjoni dwar in-natura tal-kompetenza tal-Unjoni u ddgħajjef lil din tal-aħħar fid-difiża tal-pożizzjoni tagħha waqt negozjar internazzjonali ( 19 ).

52.

Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat ukoll li l-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat, diversi drabi, li r-regoli li jiddeterminaw il-mod kif l-istituzzjonijiet Komunitarji jaslu għad-deċiżjonijiet tagħhom huma stabbiliti mit-Trattat u ma huma għad-dispożizzjoni la tal-Istati Membri u lanqas tal-istituzzjonijiet innifishom ( 20 ). It-Trattati biss jistgħu, f’każijiet partikolari, jawtorizzaw istituzzjoni temenda proċedura deċiżjonali li huma jistabbilixxu. Mill-bqija, il-fatt li tiġi rikonoxxuta lil istituzzjoni l-possibbiltà li tevita proċedura deċiżjonali bħal dik prevista mit-Trattat u tadotta proċedura alternattiva jwassal, minn naħa, li hija tingħata s-setgħa li tidderoga unilateralment mir-regoli previsti mit-Trattat, li ċertament ma huwiex ammissibbli ( 21 ), u, min-naħa l-oħra, jippermettilha li timmina l-prinċipju tal-ekwilibriju istituzzjonali, li jimplika li kull istituzzjoni teżerċita l-kompetenzi tagħha fir-rispett ta’ dawk tal-oħrajn ( 22 ).

53.

F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat ulterjorment li l-Qorti tal-Ġustizzja adottat approċċ pjuttost suspettuż fir-rigward tal-għaqda ta’ proċeduri differenti għall-adozzjoni ta’ atti tal-Unjoni. B’hekk għal dak li jirrigwarda l-użu ta’ bażi legali doppja, hija ġurisprudenza stabbilita li l-kumulu ta’ żewġ bażi legali huwa eskluż meta l-proċeduri previsti minn bażi legali waħda u l-oħra huma inkompatibbli ( 23 ). Dan kien preċiżament il-każ fil-Kawża msejħa “Diossidu tat-titanju” ( 24 ) li l-applikabbiltà tagħha għal din il-kawża kienet is-suġġett ta’ dibattitu twil bejn il-partijiet. F’dik il-kawża, il-Kunsill kienet adotta direttiva ( 25 ) b’unanimità abbażi tal-Artikolu 130 S tat-Trattat KEE ( 26 ), filwaqt li l-Kummissjoni fir-rikors għal annullament tagħha, argumentat li din id-direttiva jmissha ġiet adottata abbażi tal-Artikolu 100 A tat-Trattat KEE, li jipprevedi li l-Kunsill jiddeċiedi b’maġġoranza kkwalifikata ( 27 ). Il-Qorti tal-Ġustizzja kkonkludiet li, f’każ ta’ kumulu ta’ bażi legali, il-Kunsill kien ikollu l-obbligu, fi kwalunkwe każ, li jivvota b’unanimità, liema fatt kien jikkomprometti element essenzjali tal-proċedura ta’ kooperazzjoni, jiġifieri l-vot bil-maġġoranza kkwalifikata, u b’hekk neħħiet is-sens ta’ din il-proċedura nnifisha ( 28 ) ( 29 ).

c) Fuq il-prinċipju ta’ awtonomija tal-istituzzjonijiet

54.

Il-Kunsill u wħud mill-Istati Membri jsostnu li l-adozzjoni ta’ deċiżjonijiet ibridi hija l-espressjoni tal-prinċipju ta’ awtonomija tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni li jippermetti lill-Kunsill jagħżel il-forma sabiex jingħataw l-awtorizzazzjonijiet neċessarji fil-proċedura ta’ negozjar u ta’ konklużjoni ta’ ftehim internazzjonali.

55.

Fil-fatt, fil-kuntest tal-kompetenzi tagħhom l-istituzzjonijiet tal-Unjoni għandhom is-setgħa li jorganizzaw b’mod liberu l-modalitajiet ta’ funzjonament. Din is-setgħa hija l-espressjoni tal-prinċipju ta’ awtonomija tal-istituzzjonijiet, li għandu s-sors tiegħu fid-dispożizzjonijiet tat-Trattati li jagħtu lill-imsemmija istituzzjonijiet il-kompetenza li jadottaw huma stess ir-regoli interni tagħhom sabiex jiżguraw il-funzjonament tagħhom u dak tad-dipartimenti tagħhom ( 30 ). Dan il-prinċipju, irrikonoxxut diversi drabi mill-Qorti tal-Ġustizzja ( 31 ), huwa l-korollarju tal-missjoni proprja mogħtija lill-istituzzjonijiet li jaġixxu fl-interess tal-Unjoni u jikkostitwixxi kundizzjoni essenzjali għall-funzjonament tajjeb tagħhom ( 32 ). B’hekk il-Kunsill adotta r-regolament intern tiegħu nnifsu, li jistabbilixxi r-regoli ta’ funzjonament tiegħu u tal-organizzazzjoni tiegħu ( 33 ).

56.

Madankollu, il-prinċipju ta’ awtonomija tal-istituzzjonijiet ma huwiex mingħajr limitu. Din l-awtonomija għandha tiġi eżerċitata, skont l-Artikolu 13(2) TUE “fil-limiti tal-kompetenzi mogħtija lilha mit-Trattat” u “skond il-proċeduri, il-kondizzjonijiet u l-finijiet previsti minnhom”. Għalhekk, filwaqt li kull istituzzjoni hija awtorizzata, bis-setgħa ta’ organizzazzjoni interna mogħtija lilha mid-dispożizzjonijiet tat-Trattat rilevanti, li tadotta l-miżuri xierqa sabiex tiżgura l-funzjonament tajjeb tagħha u l-iżvolġiment tal-proċeduri tagħha ( 34 ), dawn il-miżuri jew l-applikazzjoni tagħhom ma jistgħux jidderogaw mill-proċeduri previsti mit-Trattati. Barra minn hekk, is-setgħa ta’ organizzazzjoni interna ma tistax tippreġudika l-ekwilibriju istituzzjonali jew it-tqassim tal-kompetenzi bejn l-Unjoni u l-Istati Membri.

57.

Min-naħa l-oħra, il-prinċipju ta’ awtonomija tal-istituzzjonijiet jikkostitwixxi limitu għall-Istati Membri. Fil-fatt, dan il-prinċipju jimplika li l-funzjonament intern u organizzattiv tal-istituzzjonijiet għandu jkun totalment indipendenti mill-Istati Membri ( 35 ), li ma għandhomx jintervjenu fl-awtodeterminazzjoni tal-organizzazzjoni, tal-proċeduri u tal-funzjonijiet tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni, fil-limiti stabbiliti mit-Trattati. Dan id-dmir ta’ nuqqas ta’ intervent li għandhom l-Istati Membri huwa, wara kollox, l-espressjoni tal-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali previst fl-Artikolu 4(3) TUE.

d) Fuq ir-rekwiżit ta’ unità ta’ rappreżentanza internazzjonali tal-Unjoni u fuq il-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali

58.

Għal dak li jirrigwarda l-parti esterna tagħha, din il-kawża qabel kollox tqajjem kwistjonijiet li jirrigwardaw ir-rappreżentanza tal‑Unjoni fix-xena internazzjonali u l-konfigurazzjoni tar-relazzjonijiet bejn l-Unjoni u l-Istati Membri tagħha f’dan ir-rigward.

59.

Il-pożizzjonijiet tal-partijiet dwar dan il-punt huma totalment opposti. Fil-fatt, il-Kummissjoni tqis li l-adozzjoni ta’ deċiżjonijiet ibridi tista’ “tiżra’ nuqqas ta’ kjarezza” fuq il-personalità indipendenti tal-Unjoni fir-relazzjonijiet internazzjonali, filwaqt li l-Kunsill iqis li d-deċiżjonijiet ibridi jikkostitwixxu l-espressjoni massima tal-kooperazzjoni bejn l-Unjoni u l-Istati Membri.

60.

F’dan ir-rigward, għandu qabel kollox jitfakkar li t-Trattat jipprovdi b’mod espliċitu dmir ta’ kooperazzjoni leali reċiproka bejn l-Unjoni u l-Istati Membri (Artikolu 4(3) TUE), kif ukoll bejn l-istituzzjonijiet tal-Unjoni (it-tieni sentenza tal-Artikolu 13(2) TUE) ( 36 ). B’mod partikolari, skont it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 4(3) TUE, l-Istati Membri għandhom l-obbligu li jiffaċilitaw it-twettiq mill-Unjoni tal-missjoni tagħha u li jevitaw kwalunkwe miżura li tista’ tqiegħed f’perikolu t-twettiq tal-għanijiet tagħha.

61.

Sussegwentement, għandu jiġi rrilevat ukoll li, meta ttrattat kwistjonijiet dwar l-azzjoni esterna tal-Unjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja, ħafna drabi, enfasizzat ir-rekwiżit li l-Unjoni tkun irrappreżentata b’mod unitarju fix-xena internazzjonali ( 37 ), kif ukoll il-bżonn li tiġi ggarantita l-unità u l-koerenza tal-azzjoni u tar-rappreżentanza tal-Unjoni fir-relazzjonijiet esterni ( 38 ).

62.

Dawn ir-rekwiżiti jsiru iktar pressanti meta s-suġġett ta’ ftehim jew ta’ konvenzjoni jaqa’ parzjalment taħt il-kompetenza tal-Unjoni u parzjalment taħt dik tal-Istati Membri u meta l-ftehim jiġi konkluż bħala ftehim imħallat, bħal fil-każijiet tal-Ftehim ta’ Adeżjoni u tal-Ftehim Anċillari. F’dawn il-każijiet, il-ġurisprudenza insistiet b’mod partikolari fuq il-fatt li l-imsemmija rekwiżiti ta’ rappreżentanza unitarja tal-Unjoni u li tiġi żgurata l-unità u l-koerenza fir-relazzjonijiet esterni tal-Unjoni jimponu li tiġi żgurata kooperazzjoni stretta bejn l-Istati Membri u l-istituzzjonijiet tal-Unjoni kemm fil-proċess tan-negozjar u ta’ konklużjoni kif ukoll fl-implementazzjoni tal-obbligi assunti ( 39 ). Għalhekk teżisti rabta stretta bejn ir-rekwiżit ta’ rappreżentanza unitarja tal-Unjoni fix-xena internazzjonali u d-dmir ta’ kooperazzjoni leali reċiproka meħtieġ bejn l-Unjoni u l-Istati Membri ( 40 ).

63.

F’dan il-kuntest, il-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet, minn naħa, li huma l-istituzzjonijiet u l-Istati Membri li għandhom jieħdu l-miżuri kollha neċessarji sabiex jiżguraw tali kooperazzjoni bl-aħjar mod ( 41 ). Min-naħa l-oħra, hija rrikonoxxiet li mill-obbligu ta’ kooperazzjoni leali, kif previst fit-tielet subparagrafu tal-Artikolu 4(3) TUE jirriżulta li l-Istati Membri ma għandhomx jintervjenu fl-eżerċizzju tal-prerogattivi tal-Unjoni, peress li dan id-dritt jappartjeni esklużivament lill-istituzzjonijiet tal-Unjoni, u ma għandhomx iqiegħdu inkwistjoni l-kapaċità ta’ azzjoni awtonoma tal-Unjoni fir-relazzjonijiet esterni ( 42 ).

e) Fuq ir-rilevanza tad-deċiżjoni kkontestata għall-Istati terzi

64.

Din il-kawża tqajjem ukoll il-kwistjoni dwar ir-rilevanza tad-deċiżjonijiet ibridi għall-Istati Membri kontraenti fil-ftehim internazzjonali. Fil-fatt, il-Kunsill u wħud mill-Gvernijiet jikkwalifikaw id-deċiżjonijiet bħad-deċiżjoni kkontestata bħala atti purament interni. Fl-opinjoni tagħhom, jirriżulta li dawn l-atti ma humiex intiżi li jaslu għall-għarfien tal-Istati terzi u li, għalhekk, dawn ma jagħtux importanza għad-determinazzjoni tal-awturi ta’ dawn l-atti.

65.

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar, minn naħa, li meta l-Unjoni tadotta att, hija marbuta li tosserva d-dritt internazzjonali kollu kemm hu, inkluż id-dritt internazzjonali konswetudinarju li jorbot l-istituzzjonijiet tal-Unjoni ( 43 ). Min-naħa l-oħra, meta l-Unjoni u l-Istati Membri tagħha jikkonkludu ftehim internazzjonali, ikunu jew ma jkunux fil-forma mħallta, huma għandhom josservaw id-dritt internazzjonali, kif ikkodifikat, għal dak li jirrigwarda r-regoli konswetudinarji tad-dritt tat-Trattati, mill-Konvenzjonijiet ta’ Vjenna tal-1969 u 1986 ( 44 ).

66.

Issa, ir-regola ġenerali fid-dritt internazzjonali hija dik li l-miżuri li permezz tagħhom parti timplementa, konformement mad-dritt intern tagħha, jew f’każ ta’ organizzazzjoni internazzjonali, mar-regoli organizzattivi interni tagħha, l-obbligi tagħha li jirriżultaw minn trattat internazzjonali ma jirrigwardawx, bħala prinċipju, l-Istati l-oħra partijiet fil-ftehim ( 45 ).

67.

Madankollu, minn naħa, id-dritt internazzjonali jirrikonoxxi ċerta rilevanza, għalkemm limitata, lid-dispożizzjonijiet tad-dritt intern li fir-rigward tal-kompetenza sabiex jiġu konklużi trattati, kif ukoll lir-regoli interni ta’ organizzazzjoni internazzjonali ( 46 ). Ir-rilevanza għall-Istati l-oħra kontraenti ta’ deċiżjoni adottata fil-kuntest tal-proċedura prevista fl-Artikolu 218 TFUE ma hijiex għalhekk totalment eskluża fid-dritt internazzjonali.

68.

Min-naħa l-oħra, fil-każ fejn il-ftehim konkluż huwa ftehim imħallat u, b’hekk, l-Unjoni u l-Istati Membri tagħha jistgħu jitqiesu li huma partijiet, ċertament marbuta, iżda distinti, tal-ftehim, ir-rekwiżiti ta’ ċertezza legali bejn il-partijiet ta’ ftehim internazzjonali, kif ukoll id-dmir ta’ implementazzjoni in bona fide tat-Trattati ( 47 ), jimponu, fl-opinjoni tiegħi, li l-att intern tal-Unjoni li permezz tiegħu hija tapprova ftehim imħallat ma jistax jaħbi l-fatt li l-Unjoni hija parti kontraenti integrali tal-ftehim.

f) Fuq il-legalità tad-deċiżjoni kkontestata

69.

F’dan il-każ, huwa fid-dawl tal-prinċipji kollha esposti fil-punti preċedenti u tar-rekwiżiti li ġew enfasizzati li hemm lok li tiġi evalwata l-legalità tad-deċiżjoni kkontestata. Għal dan il-għan, jeħtieġ li wieħed jibda billi titwettaq eżami ta’ din id-deċiżjoni.

70.

Qabel kollox, għal dak li jirrigwarda l-awturi tagħha, mit-titolu tad-deċiżjoni kkontestata u mill-indikazzjoni li tinsab qabel l-ewwel premessa tagħha jirriżulta li hija tikkostitwixxi att adottat konġuntament mill-Kunsill u mir-rappreżentanti tal-Istati Membri mlaqqgħin fil-Kunsill. Imbagħad, għal dak li jirrigwarda l-bażi legali li fuqha ġiet adottata d-deċiżjoni kkontestata, għandu jiġi kkonstatat li hija tindika espressament li hija bbażata fuq l-Artikoli 100(2) TFUE flimkien mal-Artikolu 218(5) u l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 218(8) TFUE. Dawn il-bażi legali kollha jipprevedu l-adozzjoni ta’ att b’maġġoranza kkwalifikata. Id-deċiżjoni kkontestata ma ssemmi ebda bażi legali oħra.

71.

Sussegwentement, għal dak li jirrigwarda l-kontenut tad-deċiżjoni kkontestata, mill-punti 8 sa 10 u 19 ta’ dawn il-konklużjonijiet, jirriżulta li hija tawtorizza kemm l-iffirmar u l-applikazzjoni provviżorja tal-ftehim internazzjonali inkwistjoni għal dak li jirrigwarda l-Unjoni, kif ukoll l-applikazzjoni provviżorja tal-imsemmija ftehim mill-Istati Membri, sa fejn permess mil-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli. Dan l-att jiġbor dawn l-elementi kollha mingħajr ma jkun possibbli li ssir distinzjoni ċara dwar liema parti hija attribwibbli għad-deċiżjoni (f’sens materjali) tal-Kunsill u liema parti hija attribwibbli għad-deċiżjoni tar-rappreżentanti tal-Istati Membri. Dan jirriżulta b’mod partikolari mill-formulazzjoni tal-Artikolu 3 tad-deċiżjoni kkontestata li f’dispożizzjoni waħda jiġbor l-awtorizzazzjoni tal-applikazzjoni provviżorja tal-ftehim inkwistjoni mill-Unjoni u mill-Istati Membri.

72.

Fid-dawl tal-portata tad-deċiżjoni kkontestata kif ukoll tal-mod li bih hija strutturata, għandu jiġi kkonstatat li kemm il-Kunsill kif ukoll ir-rappreżentanti tal-Istati Membri pparteċipaw fl-adozzjoni ta’ din id-deċiżjoni fl-intier tagħha u fl-elementi kollha tagħha. Għalhekk, minn naħa, ir-rappreżentanti tal-Istati Membri pparteċipaw fl-awtorizzazzjoni tal-iffirmar u tal-applikazzjoni provviżorja tal-ftehim inkwistjoni mill-Unjoni u l-Kunsill ipparteċipa fl-awtorizzazzjoni tal-applikazzjoni provviżorja tal-imsemmija ftehim mill-Istati Membri ( 48 ).

73.

Din il-konstatazzjoni hija, barra minn hekk, ikkonfermata mill-modalitajiet proċedurali li ntużaw għall-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata li juru li ma hemmx lok għal separazzjoni bejn il-proċedura ta’ adozzjoni tad-deċiżjoni tal-Unjoni u dik tal-att intergovernattiv tal-Istati Membri. Fil-fatt, għalkemm fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħhom ħafna Stati Membri pprevedew il-possibbiltà li ż-żewġ partijiet materjali tad-deċiżjoni kkontestata ġew adottati wara proċeduri ta’ vot distinti, waqt is-seduta quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, il-Kunsill madankollu ppreċiża definittivament li d-deċiżjoni kkontestata kienet adottata f’darba waħda b’kunsens, billi ġiet segwita proċedura sempliċi mingħajr diskussjoni u mingħajr votazzjoni. Għaldaqstant ma ntużawx proċessi deċiżjonali distinti għaż-żewġ partijiet tal-att, iżda proċedura ta’ adozzjoni waħda u unika.

74.

Il-konstatazzjonijiet preċedenti jwassluni għall-kunsiderazzjonijiet li ġejjin.

75.

Fl-ewwel lok, id-deċiżjoni kkontestata, bħala att ibridu, tikkostitwixxi att li ma huwiex previst mit-Trattati. B’mod iktar partikolari, hija tirrigwarda att li l-Kunsill adotta fil-kuntest ta’ wieħed mill-istadji tal-proċedura ta’ negozjar u ta’ konklużjoni ta’ ftehim internazzjonali mill-Unjoni, iżda li ma huwiex previst fl-Artikolu 218 TFUE. Barra minn hekk dan l-att ġie adottat bl-użu ta’ proċedura li lanqas ma hija prevista mill-imsemmi artikolu. Fil-fatt, kif diġà enfasizzajt fil-punt 48 ta’ dawn il-konklużjonijiet, l-Artikolu 218 TFUE ma jipprovdi ebda rwol għall-Istati Membri, bħala tali, fil-kuntest tal-proċedura ta’ adozzjoni tal-miżuri li l-Unjoni għandha tieħu fl-istadji differenti tal-proċedura prevista fiha. Għalhekk, billi inkluda lill-Istati Membri fl-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kunsill idderoga unilateralment minn din il-proċedura u adotta att mhux previst mit-Trattati.

76.

Fit-tieni lok, l-adozzjoni tal-att ibridu f’darba waħda fil-kompożizzjonijiet indissoċjabbli tiegħu kollha kellha l-konsegwenza li ġie segwit proċess deċiżjonali wieħed għall-adozzjoni tiegħu, proċess li fih ġew konfużi l-proċedura prevista fl-Artikolu 218(5) u (8) TFUE għall-adozzjoni ta’ att tal-Unjoni b’maġġoranza kkwalifikata u proċedura barranija għall-kuntest ġuridiku tal-Unjoni, li hija iktar adattata għall-adozzjoni ta’ att mhux previst mit-Trattati, li l-adozzjoni tiegħu teħtieġ ftehim komuni tal-Istati intervenjenti kollha. Barra minn hekk, il-Kunsill u wħud mill-Gvernijiet ammettew huma stess li r-regoli ta’ proċedura ta’ adozzjoni tad-deċiżjoni intergovernattiva jinsabu lil hinn mill-kuntest ġuridiku tat-Trattati.

77.

Issa, din l-għaqda kellha l-konsegwenza wkoll li l-bażi legali indikati fid-deċiżjoni kkontestata ma ddeterminawx fir-realtà r-regola tal-vot neċessarja għall-adozzjoni tal-att ibridu. Fil-fatt, filwaqt li dawn il-bażi legali jeħtieġu l-adozzjoni b’maġġoranza kkwalifikata, l-att ibridu, sabiex jiġi adottat f’din il-forma, jeħtieġ il-ftehim komuni minħabba l-konfigurazzjoni tiegħu bħala att li ż-żewġ partijiet materjali tiegħu jikkostitwixxu unità indissoċjabbli. Fl-opinjoni tiegħi, dan kellu neċessarjament il-konsegwenza li tneħħa s-sens tal-proċedura b’maġġoranza kkwalifikata u li r-regola tal-maġġoranza, element essenzjali tal-proċedura prevista fl-Artikolu 218 TFUE, ġiet kompromessa skont il-ġurisprudenza Diossidu tat-titanju ( 49 ).

78.

Minn dawn il-kunsiderazzjonijiet jirriżulta li l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata taħt il-forma ta’ att ibridu ma hijiex konformi mal-Artikolu 218 (2), (5) u (8) TFUE u lanqas mar-rekwiżiti espressi fil-ġurisprudenza msemmija fil-punti 47 u 51 sa 53 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

79.

Għal dak li jirrigwarda l-osservanza tar-regoli tal-vot, jiena għad irrid nirrileva li hawn hekk ma hijiex kwistjoni li jitqiegħdu f’dubju l-modalitajiet li fihom jiżvolġu l-proċeduri tal-vot fi ħdan il-Kunsill, li l-organizzazzjoni tagħhom taqa’ fl-isfera ta’ awtonomija tiegħu. L-għan ta’ din il-kawża ma huwiex il-legalità tal-proċedura interna tal-vot semplifikat u mingħajr diskussjoni użat għall-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata u li għaliha għamel riferiment il-Kunsill waqt is-seduta. Madankollu, f’dan il-każ, din il-proċedura ssemplifikata ġiet użata għall-adozzjoni ta’ deċiżjoni li għaqqdet att adottat skont proċedura prevista mit-Trattati u att barrani għall-kuntest ġuridiku tal-Unjoni, adottat skont proċeduri barranin ukoll għal dan il-kuntest u li jeħtieġ għall-adozzjoni tiegħu regola ta’ vot differenti minn dik meħtieġa għall-adozzjoni tal-att tal-Unjoni.

80.

Issa, jiena naħseb li l-aċċettazzjoni ta’ tali għaqda tista’ tikkostitwixxi, minkejja l-eventwali natura kkonsolidata ( 50 ) jew residwa ( 51 ) tal-prattika, preċedent perikoluż ta’ kontaminazzjoni tal-proċess deċiżjonali awtonomu tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni li jista’ għalhekk jikkawża preġudizzju għall-awtonomija tal-Unjoni bħala ordinament ġuridiku proprju ( 52 ), u dan minkejja li, kif jirriżulta mill-punt 53 ta’ dawn il-konklużjonijiet, il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tadotta approċċ restrittiv anki għal dak li jirrigwarda l-għaqda tal-proċeduri interni tal-Unjoni u l-kumulu ta’ bażi legali ( 53 ).

81.

Barra minn hekk, ma naħsibx li jista’ jirnexxi l-argument li, f’dan il-każ, ir-regola tal-vot prevista fl-Artikolu 218 TFUE ma ġietx miksura għaliex l-unanimità dejjem tinkludi maġġoranza kkwalifikata. Qabel kollox, kif irrilevajt fil-punti 76 u 77 ta’ dawn il-konklużjonijiet, id-deċiżjoni kkontestata ma ġietx adottata bl-unanimità skont proċedura prevista — u inkluża — fit-Trattati, iżda skont proċedura u regola tal-vot li jinsabu barra mill-kuntest tat-Trattati. Din il-konstatazzjoni teskludi, barra minn hekk, li l-Kunsill seta’ jirrikorri għall-Artikolu 293(1) TFUE hekk kif inhu sostnut mill-Gvern Finlandiż. Sussegwentement, kif diġà ġie ġustament irrilevat mill-Avukat Ġenerali Sharpston, deċiżjoni li dwarha ma hemmx oppożizzjoni ma hijiex neċessarjament l-istess bħal deċiżjoni li dwarha maġġoranza kkwalifikata mill-parteċipanti tista’ taqbel, sa fejn il-kontenut ta’ deċiżjoni li tista’ tikseb maġġoranza kkwalifikata jista’ jeħtieġlu li jiġi mmitigat sabiex ikun jista’ jiġi approvat unanimament jew mingħajr ebda oppożizzjoni ( 54 ).

82.

Dwar l-invokazzjoni tal-prinċipju ta’ awtonomija, mill-kunsiderazzjonijiet magħmula fil-punt 56 ta’ dawn il-konklużjonijiet jirriżulta li dan il-prinċipju ma jistax jiġġustifika deroga mill-proċeduri previsti mit-Trattati. Għalkemm huwa minnu li l-Kunsill huwa liberu li jorganizza l-funzjonament intern tiegħu u l-modalitajiet ta’ adozzjoni tad-deċiżjonijiet tiegħu, huwa ma jistax madankollu jirrikorri għal proċeduri alternattivi jew jibdel ir-regoli tal-vot previsti mit-Trattati. Fir-realtà, fid-dawl ta’ dak li esponejt fil-punt 57 ta’ dawn il-konklużjonijiet, nistaqsi wkoll jekk il-prinċipju ta’ awtonomija tal-istituzzjonijiet ġiex miksur bil-parteċipazzjoni tal-Istati Membri fil-proċess deċiżjonali ta’ istituzzjoni tal-Unjoni.

83.

L-adozzjoni ta’ deċiżjoni ibrida hija madankollu konsegwenza neċessarja tan-natura mħallta tal-ftehim internazzjonali warajha? L-adozzjoni ta’ tali deċiżjoni hija neċessarja sabiex tiżgura r-rappreżentanza unitarja tal-Unjoni fix-xena internazzjonali? Ma ninsabx konvint minn dan.

84.

Fl-ewwel lok, huwa minnu li l-adozzjoni ta’ deċiżjoni komuni tikkostitwixxi l-forma l-iktar stretta ta’ kooperazzjoni bejn l-Unjoni u l-Istati Membri u li, fil-każ ta’ konklużjoni ta’ ftehim imħallat, il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat b’mod partikolari l-bżonn ta’ tali kooperazzjoni stretta. Madankollu, minn naħa, kif diġà ġie ġustament osservat ( 55 ), il-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali, li, kif ġie rrilevat fil-punt 62 ta’ dawn il-konklużjonijiet, jirriżulta mid-dmir ta’ kooperazzjoni stretta, ma jistax jiġi invokat sabiex jiġġustifika ksur tar-regoli ta’ proċedura. Il-kooperazzjoni stretta bejn l-Unjoni u l-Istati Membri tagħha fil-kuntest ta’ ftehim imħallat għandu għalhekk ikollu lok b’osservanza tar-regoli stabbiliti mit-Trattati.

85.

L-intervent tal-Istati Membri bħala tali fil-proċedura tal-Unjoni ma hijiex neċessarja la għall-iffirmar ta’ ftehim f’isem l-Unjoni, u lanqas għall-applikazzjoni provviżorja tiegħu mill-Unjoni. Billi ppermetta lill-Istati Membri jintervjenu fid-deċiżjoni tal-Unjoni, il-Kunsill ma ħarisx l-interessi tal-Istati Membri skont l-Artikolu 13(1) TUE kif sostna waqt is-seduta, iżda pjuttost ippermettielhom jintervjenu fl-eżerċizzju tal-prerogattivi tal-Unjoni, billi qiegħed inkwistjoni l-kapaċità ta’ azzjoni awtonoma tal-Unjoni fir-relazzjonijiet esterni, bi ksur tal-ġurisprudenza msemmija fil-punt 63 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

86.

Fil-fatt, dan l-intervent jista’ jinftiehem li l-Unjoni ma hijiex kapaċi tieħu waħedha d-deċiżjoni li tiffirma u tapplika provviżorjament ftehim internazzjonali fl-oqsma li fihom hija teżerċita l-kompetenzi tagħha nnifisha mogħtija lilha mill-Istati Membri. Dan l-approċċ, iktar milli jsaħħaħ l-immaġni internazzjonali tal-Unjoni, jista’ fl-opinjoni tiegħi jdgħajjef lill-Unjoni bħala attur sħiħ fix-xena internazzjonali billi jżomm lura l-personalità internazzjonali indipendenti u awtonoma tagħha.

87.

Għalhekk, billi aġixxa b’dan il-mod, il-Kunsill, fl-opinjoni tiegħi mar lil hinn mil-limiti tas-setgħat mogħtija lilu mit-Trattati u mar kontra l-għanijiet previsti minnhom bi ksur tal-Artikolu 13(2) TUE ( 56 ).

88.

Fit-tieni lok, għandu jiġi rrilevat li l-Kunsill stess ammetta li jeżistu soluzzjonijiet alternattivi għall-adozzjoni ta’ deċiżjoni ibrida, bħall-adozzjoni simultanja ta’ żewġ deċiżjonijiet, waħda tal-Kunsill u l-oħra tar-rappreżentanti tal-Istati Membri ( 57 ). Madankollu, il-Kunsill u l-Istati Membri jargumentaw li din is-soluzzjoni hija ferm inqas preferibbli għaliex hija inqas effettiva, u tista’ toħloq problemi importanti ta’ natura prattika, b’mod partikolari fir-rigward tad-delimitazzjoni tal-kompetenzi meta, bħal ma normalment ikun il-każ ta’ ftehim fis-settur tat-trasport bl-ajru, il-ftehim jifforma entità indiviżibbli b’tali mod li l-kompetenzi tal-Unjoni u dawk tal-Istati Membri huma indissoċjabbli.

89.

F’dan ir-rigward, nosserva qabel kollox li raġunijiet ta’ effikaċja jew ta’ konvenjenza ma jistgħux jiġġustifikaw il-ksur tal-proċeduri previsti mit-Trattati. Il-qafas proċedurali għan-negozjar u l-konklużjoni tal-ftehim internazzjonali tal-Unjoni ġie stabbilit mit-Trattat ta’ Lisbona li fost oħrajn, introduċa bħala regola ġenerali r-regola ta’ maġġoranza kkwalifikata. L-Istati Membri approvaw u rratifikaw dan it-trattat, u huma vvinkolati bih. Huma ma jistgħux jevadu jew jinjoraw regoli li huma stess stabbilixxew billi jinvokaw allegati raġunijiet ta’ opportunità jew effikaċja.

90.

Issa, il-problema legali li tqum f’din il-kawża ma hijiex, fl-opinjoni tiegħi, marbuta mal-fatt li ż-żewġ deċiżjonijiet ġew adottati b’mod ikkoordinat u lanqas li huma inklużi f’att formalment uniku. Il-problema tirriżulta, fl-opinjoni tiegħi, min-natura ibrida tad-deċiżjoni kkontestata li kellha l-konsegwenza li l-Kunsill ippermetta l-inklużjoni fil-proċedura ta’ adozzjoni ta’ att proprju tal-Unjoni ta’ element estern li żnatura l-istess proċedura u, barra minn hekk, ipparteċipa fl-adozzjoni ta’ att li ma jaqax taħt il-kompetenza tiegħu, jiġifieri deċiżjoni li tawtorizza lill-Istati Membri japplikaw provviżorjament il-ftehim inkwistjoni. Issa, sa fejn jirriżulta b’mod ċar minn deċiżjoni tal-Kunsill adottata skont l-Artikolu 218 TFUE li l-proċeduri tal-Unjoni, b’mod partikolari dawk tal-votazzjoni, ġew osservati u li l-Unjoni, għal dak li jirrigwarda l-kompetenzi tagħha, adottat deċiżjoni li hija għandha tieħu bħala attur sħiħ fix-xena internazzjonali, jiena ma għandi ebda oġġezzjoni li din id-deċiżjoni u deċiżjoni intergovernattiva tal-Istati Membri adottati b’koordinazzjoni waħda mal-oħra jitqiegħdu f’att formalment uniku.

91.

Sussegwentement, għal dak li jirrigwarda tal-indissoċjabbiltà tal-kompetenzi, huwa minnu li l-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat li, f’dan it-tip ta’ każ, id-dmir ta’ kooperazzjoni stretta bejn l-Unjoni u l-Istati Membri huwa impost b’mod partikolarment imperattiv ( 58 ), il-Kunsill madankollu ma jispjegax għalfejn fil-każ fejn ġew adottati żewġ deċiżjonijiet ikkoordinati — jiġifieri waħda tal-Kunsill dwar l-applikazzjoni provviżorja tal-ftehim imħallat mill-Unjoni, sa fejn l-Unjoni hija kompetenti, u l-oħra tar-rappreżentanti tal-Istati Membri dwar l-applikazzjoni provviżorja tal-istess ftehim imħallat, sa fejn l-oqsma rregolati minn dan il-ftehim jaqgħu fil-kompetenza tagħhom — huwa neċessarju li jiġi speċifikat sistematikament liema partijiet tal-ftehim jaqgħu fil-kompetenza tal-Unjoni u liema partijiet tiegħu f’dik tal-Istati Membri. Barra minn hekk ninnota li tali speċifikazzjoni ma hijiex indikata fid-deċiżjoni ibrida.

92.

Fl-aħħar nett, għall-kuntrarju ta’ dak sostnut mill-Kunsill u wħud mill-Gvernijiet, id-deċiżjonijiet adottati skont l-Artikolu 218(5) TFUE ma għandhomx portata esklużivament interna. Il-fatt li jiġu nnotifikati lill-partijiet kontraenti u li jiġu ppubblikati f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea huwa prova li dawn id-deċiżjonijiet huma intiżi li jsiru magħrufa kemm mill-partijiet l-oħra tal-ftehim internazzjonali kif ukoll li jsiru magħrufa mit-terzi b’mod ġenerali. Għalhekk, kif irrilevajt fil-punt 86 ta’ dawn il-konklużjonijiet, sa fejn l-adozzjoni ta’ tali deċiżjonijiet bħala deċiżjonijiet ibridi tista’ żżomm lura l-personalità internazzjonali tal-Unjoni minkejja li hija parti b’mod sħiħ fi ftehim imħallat, din l-adozzjoni fl-opinjoni tiegħi tista’ wkoll tqajjem problemi ta’ ċertezza legali fir-relazzjonijiet bejn il-partijiet fil-ftehim internazzjonali.

g) Konklużjoni

93.

Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha jirriżulta li, bl-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata bħala deċiżjoni ibrida, il-Kunsill kiser l-Artikolu 218(2), (5) u (8) TFUE u mar lil hinn mis-setgħat mogħtija lilu mit-Trattati u għalhekk bi ksur tal-Artikolu 13(3) TUE. Għaldaqstant, inqis li d-deċiżjoni kkontestata għandha tiġi annullata.

C – Fuq iż-żamma tal-effetti ratione temporis tad-deċiżjoni annullata

94.

Konformement max-xewqa tal-partijiet sabiex tiġi evitata kull konsegwenza negattiva fuq ir-relazzjonijiet bejn l-Unjoni u l-Istati terzi partijiet fil-ftehim li l-iffirmar u l-applikazzjoni provviżorja tagħhom diġà ġew deċiżi permezz tad-deċiżjoni kkontestata, inqis li għandha tintlaqa’ t-talba tal-partijiet li l-Qorti tal-Ġustizzja tuża l-possibbiltà offruta lilha mit-tieni paragrafu tal-Artikolu 264 TFUE, li żżomm l-effetti ratione temporis tad-deċiżjoni annullata sakemm tiġi adottata deċiżjoni ġdida.

IV – Fuq l-ispejjeż

95.

Skont l-Artikolu 138(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Peress li l-Kunsill tilef, hemm lok li huwa jiġi ordnat ibati l-ispejjeż kif mitlub mill-Kummissjoni. Skont l-Artikolu 140(1) tar-Regoli tal-Proċedura, li jipprovdi li l-Istati Membri u l-istituzzjonijiet li intervjenew fil-kawża jbatu l-ispejjeż tagħhom, il-partijiet intervenjenti f’din il-kawża għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom.

V – Konklużjoni

96.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi kif ġej:

1)

Id-Deċiżjoni 2011/708/UE tal-Kunsill u tar-rappreżentanti tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea, imlaqqgħin fi ħdan il-Kunsill, tas-16 ta’ Ġunju 2011, dwar l-iffirmar, f’isem l‑Unjoni Ewropea, u l-applikazzjoni proviżorja tal-Ftehim dwar it-Trasport bl-Ajru bejn l-Istati Uniti tal-Amerika, bħala l-ewwel parti, l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, bħala t-tieni parti, l-Islanda, bħala t-tielet parti, u r-Renju tan-Norveġja, bħala r-raba’ parti; u dwar l-iffirmar, f’isem l-Unjoni Ewropea, u l-applikazzjoni proviżorja tal-Ftehim Anċillari bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, bħala l-ewwel parti, l-Islanda, bħala t-tieni parti, u r-Renju tan-Norveġja, bħala t-tielet parti, dwar l-applikazzjoni tal-Ftehim dwar it-Trasport bl-Ajru bejn l-Istati Uniti tal-Amerika, bħala l-ewwel parti, l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, bħala t-tieni parti, l-Islanda, bħala t-tielet parti, u r-Renju tan-Norveġja, bħala r-raba’ parti, hija annullata.

2)

L-effetti tad-Deċiżjoni 2011/708 huma miżmuma sal-adozzjoni ta’ deċiżjoni ġdida.

3)

Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea huwa kkundannat għall-ispejjeż.

4)

Ir-Repubblika Ċeka, ir-Renju tad-Danimarka, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, ir-Repubblika Ellenika, ir-Repubblika Franċiża, ir-Repubblika Taljana, ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi, ir-Repubblika tal-Polonja, ir-Repubblika Portugiża, ir-Repubblika tal-Finlandja, ir-Renju tal-Isvezja u r-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq, kif ukoll il-Parlament Ewropew għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom.


( 1 ) Lingwa oriġinali: il-Franċiż.

( 2 ) Deċiżjoni tal-Kunsill u tar-rappreżentanti tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea, imlaqqgħin fi ħdan il-Kunsill, tas-16 ta’ Ġunju 2011, dwar l-iffirmar, f’isem l‑Unjoni Ewropea, u l-applikazzjoni proviżorja tal-Ftehim dwar it-Trasport bl-Ajru bejn l-Istati Uniti tal-Amerika, bħala l-ewwel parti, l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, bħala t-tieni parti, l-Islanda, bħala t-tielet parti, u r-Renju tan-Norveġja, bħala r-raba’ parti; u dwar l-iffirmar, f’isem l-Unjoni Ewropea, u l-applikazzjoni proviżorja tal-Ftehim Anċillari bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, bħala l-ewwel parti, l-Islanda, bħala t-tieni parti, u r-Renju tan-Norveġja, bħala t-tielet parti, dwar l-applikazzjoni tal-Ftehim dwar it-Trasport bl-Ajru bejn l-Istati Uniti tal-Amerika, bħala l-ewwel parti, l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, bħala t-tieni parti, l-Islanda, bħala t-tielet parti, u r-Renju tan-Norveġja, bħala r-raba’ parti (ĠU L 283, p.1).

( 3 ) ĠU 2007 L 134, p. 4.

( 4 ) Protokoll li jemenda l-ftehim dwar it-trasport bl-ajru bejn l-Istati Uniti tal-Amerika, u l-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, ffirmat fil-25 u t-30 ta’ April 2007 (ĠU 2010 L 223, p. 3).

( 5 ) Skont din id-dispożizzjoni, “[i] Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill, li jaġixxu skond il-proċedura leġislattiva ordinarja, jistgħu jistabbilixxu d-dispożizzjonijiet xierqa għan-navigazzjoni marittima u ta’ l-ajru. […]”.

( 6 ) Skont din id-dispożizzjoni, “[i]l-Kunsill, fuq proposta min-negozjatur, għandu jadotta deċiżjoni li tawtorizza l-iffirmar tal-ftehim u, jekk meħtieġ, l-applikazzjoni provviżorja tiegħu qabel id-dħul fis-seħħ”.

( 7 ) Skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 218(8) TFUE, “[il]-Kunsill għandu jaġixxi bil‑maġgoranza kwalifikata tul il-proċedura kollha”.

( 8 ) Sentenza Il‑Kummissjoni vs Il‑Kunsill (C-114/12, EU:C:2014:2151, punt 39 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 9 ) Ibidem (punti 40 u 41).

( 10 ) Ara, f’dan is-sens, Il-Kunsill vs Il-Kummissjoni (C-45/86, EU:C:1987:163, punt 3). B’mod partikolari, it-trattament favorevoli applikat għall-istituzzjonijiet tal-Unjoni huwa bbażat fuq ir-rwol tagħhom ta’ protezzjoni tal-ordinament ġuridiku tal-Unjoni, li minnu jirriżulta li ma għandhomx interess distint minn dak tal-Unjoni nnifisha.

( 11 ) Skont l-Artikolu 13(2) TUE “[k]ull Istituzzjoni għandha taġixxi fil-limiti tal-kompetenzi mogħtija lilha mit-Trattati, u skond il-proċeduri, il-kondizzjonijiet u l-finijiet previsti minnhom. L-istituzzjonijiet għandhom jipprattikaw bejniethom il-koperazzjoni leali”.

( 12 ) Fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, il-Kummissjoni spjegat li, peress li ż-żewġ ftehimiet inkwistjoni jirrigwardaw sempliċement l-adeżjoni tar-Repubblika tal-Islanda u tar-Renju tan-Norveġja għall-Ftehim dwar it-Trasport bl-Ajru UE-Stati Uniti li kien diġà konkluż taħt il-forma ta’ ftehim imħallat, hija ma għandhiex intenzjoni li tikkontesta n-natura mħallta ta’ dan il-ftehim, sabiex tevita li toħloq inċertezza legali u politika fir-relazzjonijiet tal-Unjoni mal-Istati Uniti tal-Amerika.

( 13 ) Qabel, dispożizzjonijiet differenti tat-Trattati kienu jipprovdu regoli proċedurali differenti dwar l-innegozjar u l-konklużjoni tal-ftehim internazzjonali li kienu jipprovdu li dan il-ftehim kien konkluż fil-kuntest tal-ewwel pilastru (Artikolu 300 KE) jew fil-kuntest tat-tieni jew tat-tielet pilastru (Artikoli 24 UE u 38 UE).

( 14 ) Bħall-Artikolu 207 TFUE jew l-Artikolu 219 TFUE.

( 15 ) Ara, b’analoġija, is-sentenza Il‑Kummissjoni vs Il‑Kunsill (C-27/04, EU:C:2004:436, punt 81). Fl-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu, il-Kunsill jikkontesta l-applikabbiltà ta’ dik is-sentenza f’din il-kawża sa fejn hija tirrigwarda sitwazzjoni differenti, jiġifieri każ fejn il-Kunsill ma kienx adotta att previst u f’qasam li ma huwiex dak ta’ relazzjonijiet internazzjonali tal-Unjoni. F’dan ir-rigward, jiena nqis, madankollu li d-dikjarazzjonijiet tal-prinċipju magħmula mill-Qorti tal-Ġustizzja fl-imsemmija sentenza għandhom portata ġenerali ladarba, bħal fil-każ tal-Artikolu 218 TFUE, it-Trattati jipprovdu dispożizzjonijiet preċiżi dwar il-proċedura li għandha tkun segwita f’ċerti oqsma.

( 16 ) Minn naħa, dwar il-ftehim ta’ adeżjoni tal-Unjoni fil-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, iffirmata f’Ruma fl-4 ta’ Novembru 1950, indirizzata fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 218(8) TFUE, u, min-naħa l-oħra, dwar il-possibbiltà li tinkiseb l-opinjoni minn qabel tal-Qorti tal-Ġustizzja, skont il-paragrafu 11 tal-istess artikolu.

( 17 ) Ara, f’dan l-istess sens, ukoll il-Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Sharpston fil-Kawża Il-Kummissjoni vs Il-Kunsill (C-114/12, EU:C:2014:224, punt 174).

( 18 ) F’dan l-istess sens ibidem (punt 171).

( 19 ) Sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Kunsill (C-370/07, EU:C:2009:590, punti 39, 48 u 49).

( 20 ) Ara s-sentenzi Ir-Renju Unit vs Il-Kunsill (68/86, EU:C:1988:85, punt 38) u Il-Parlament vs Il-Kunsill (C-133/06, EU:C:2008:257, punt 54).

( 21 ) Ara s-sentenza Il-Parlament vs Il-Kunsill (EU:C:2008:257, punti 55 u 56).

( 22 ) Ibidem (punt 57) u s-sentenza Il-Parlament vs Il-Kunsill (C‑70/88, EU:C:1990:217, punt 22). Ara, ukoll, l-Artikolu 13(2) TUE.

( 23 ) Sentenzi Il-Parlament vs Il-Kunsill (C‑164/97 u C-165/97, EU:C:1999:99, punt 14) u Il-Kummissjoni vs Il-Kunsill (C‑338/01, EU:C:2004:253, punt 57) kif ukoll Il-Parlament vs Il-Kunsill (C‑130/10, EU:C:2012:472, punti 45 et seq u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 24 ) Sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Kunsill, imsejħa “Diossidu tat-titanju” (C‑300/89, EU:C:1991:244, b’mod partikolari l-punti 17 sa 21).

( 25 ) Ara, b’mod partikolari, id-Direttiva tal-Kunsill 89/428/KEE, tal-21 ta’ Ġunju 1989, li tistabilixxi l-metodi ta’ armonizzazzjoni tal-programmi ta’ tnaqqis, u eventwali eliminazzjoni, tat-tniġġis mill-iskart industrijali tad-diossidu tat-titanju (ĠU L 201, p. 56).

( 26 ) Dan l-artikolu jipprovdi, għall-azzjonijiet fil-qasam tal-ambjent, il-vot b’unanimità fi ħdan il-Kunsill, wara sempliċi konsultazzjoni tal-Parlament.

( 27 ) Dan l-artikolu, li essenzjalment jikkorrispondi mal-Artikolu 114 TFUE attwali, jipprovdi l-applikazzjoni tal-proċedura ta’ kooperazzjoni mal-Parlament li fil-kuntest tiegħu l-Kunsill jiddeċiedi b’maġġoranza kkwalifikata.

( 28 ) Ara l-punti 16 sa 20 tal-imsemmija sentenza. Fil-punt 21 tal-istess sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat ukoll li kien hemm ksur tal-prerogattivi tal-Parlament. Madankollu, kif jirriżulta mis-sentenzi ċċitati fin-nota ta’ qiegħ il-paġna segwenti, il-ksur ta’ prerogattivi tal-Parlament ma jikkostitwixxix, fil-ġurisprudenza kundizzjoni neċessarja għall-konstatazzjoni ta’ inkompatibbiltà tal-bażi legali, peress li n-natura irrikonċiljabbli tar-regoli tal-vot hija kundizzjoni suffiċjenti għal dan il-għan.

( 29 ) F’kawżi oħra, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat li ż-żewġ bażi legali inkwistjoni kienu inkompatibbli sa fejn l-unanimità kienet meħtieġa għall-adozzjoni ta’ att abbażi ta’ wieħed, filwaqt li l-maġġoranza kkwalifikata kienet biżżejjed sabiex att ikun jista’ jiġi adottat b’mod validu abbażi tal-ieħor. Ara s-sentenzi Il-Kummissjoni vs Il-Kunsill (EU:C:2004:253, punt 58) kif ukoll Il-Parlament vs Il-Kunsill (EU:C:2012:472, punti 47 u 48).

( 30 ) Ara, b’mod partikolari, għal dak li jirrigwarda l-Parlament, l-Artikolu 232 TFUE; għal dak li jirrigwarda l-Kunsill Ewropew, l-Artikolu 235(3) TFUE; għal dak li jirrigwarda l-Kunsill, l-Artikolu 240(3) TFUE; u għal dak li jirrigwarda l-Kummissjoni l-Artikolu 249(1) TFUE.

( 31 ) Il-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet il-prinċipju ta’ awtonomija tal-istituzzjonijiet fir-rigward ta’ aspetti differenti tal-attivitajiet tagħhom: pereżempju, għal dak li jirrigwarda l-għażla tal-uffiċjali u l-membri tal-persunal tagħhom, ara, inter alia, is-sentenza AB (C‑288/04, EU:C:2005:526, punti 26 u 30) jew fil-kuntest ta’ kumpens għad-danni kkawżati mill-istituzzjonijiet tagħha u mill-membri tal-persunal tagħha fl-eżerċizzju tal-funzjonijiet tagħhom ara s-sentenza Sayag (9/69, EU:C:1969:37, punti 5 u 6).

( 32 ) Ara, f’dan ir-rigward, ara l-Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Geelhoed fil-Kawża Betriebsrat der Vertretung der Europäischen Kommission in Österreich (C‑165/01, EU:C:2003:224, punt 98) u fil-Kawża AB (C‑288/04, EU:C:2005:262, punt 23).

( 33 ) Ara r-regolament intern tal-Kunsill, anness mad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2009/937/UE, tal‑1 ta’ Diċembru 2009, dwar l-adozzjoni tar-regolament intern tiegħu (ĠU L 325, p. 36), kif emendat ulterjorment.

( 34 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza Il-Lussemburgu vs Il-Parlament (230/81, EU:C:1983:32 punt 38).

( 35 ) Ara l-Konklużjonijiet Geelhoed fil-Kawża Betriebsrat der Vertretung der Europäischen Kommission in Österreich (EU:C:2003:224, punt 98) u fil-Kawża AB (EU:C:2005:262, punt 23).

( 36 ) Ara, f’dan ir-rigward, is-sentenza Il-Parlament vs Il-Kunsill (C‑65/93, EU:C:1995:91, punti 23, 27 u 28).

( 37 ) Ara, inter alia, l-Opinjonijiet 2/91 (EU:C:1993:106, punt 36) u 1/94 (EU:C:1994:384, punt 108), kif ukoll is-sentenza Il-Kummissjoni vs L-Isvezja (C‑246/07, EU:C:2010:203, punt 73 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 38 ) Sentenzi Il-Kummissjoni vs Il-Lussemburgu (C‑266/03, EU:C:2005:341, punt 60); Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja (C‑433/03, EU:C:2005:462, punt 66); u Il-Kummissjoni vs L-Isvezja (EU:C:2010:203, punt 75).

( 39 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza Il-Kummissjoni vs L-Isvezja (EU:C:2010:203, punt 73 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 40 ) Ara, f’dan ir-rigward, is-sentenzi Il-Kummissjoni vs L-Irlanda (C‑459/03, EU:C:2006:345, punti 173 u 174) kif ukoll Il-Kummissjoni vs L-Isvezja (EU:C:2010:203, punti 69 sa 71 u 73 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 41 ) Ara, f’dan ir-rigward, l-Opinjoni 2/91 (EU:C:1993:106, punt 38) u s-sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Kunsill (C-25/94, EU:C:1996:114, punt 48).

( 42 ) Ara, f’dan is-sens, id-Deliberazzjoni 1/78 (Ġabra 1978, p. 2151, punt 33), meta mqabbla mal-Artikolu 192 tat-Trattat KEEA, li t-test tagħha jikkorrispondi essenzjalment għat-tielet subparagrafu tal-Artikolu 4(3) TUE.

( 43 ) Sentenza Air Transport Association of America et, (C‑366/10, EU:C:2011:864, punt 101 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 44 ) Konvenzjoni ta’ Vjenna dwar id-dritt tat-Trattati, tat-23 ta’ Mejju 1969 (Ġabra ta’ Trattati tan-Nazzjonijiet Uniti, Vol. 1155, p. 331), u l-Konvenzjoni ta’ Vjenna dwar id-dritt tat-Trattati bejn Stati u organizzazzjonijiet internazzjonali jew bejn organizzazzjonijiet internazzjonali, tal-21 ta’ Marzu 1986 (A/CONF.129/15).

( 45 ) Fil-fatt, mill-Artikolu 27 tal-imsemmija Konvenzjonijiet ta’ Vjenna tal-1969 u tal-1986 jirriżulta li parti fi trattat ma tistax tinvoka d-dispożizzjonijiet tad-dritt intern tagħha — jew, fil-każ ta’ organizzazzjoni internazzjonali, ir-regoli tal-organizzazzjoni — bħala ġustifikazzjoni għan-nuqqas ta’ eżekuzzjoni tat-trattat. Din ir-regola hija madankollu mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 46 ta’ dawn iż-żewġ kkonvenzjonijiet (ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna segwenti).

( 46 ) Skont l-Artikolu 46 tal-istess Konvenzjonijiet ta’ Vjenna tal-1969 u tal-1986, ksur tad-dritt intern li jirrigwarda l-kompetenza li jiġi konkluż trattat huwa rilevanti biss jekk ikun hemm ksur manifest tar-regoli inkwistjoni jew jekk il-ksur jirrigwarda regola ta’ importanza fundamentali. Ara, ukoll, l-Artikolu 5 tal-imsemmija konvenzjonijiet.

( 47 ) Ara l-Artikoli 26 rispettivi tal-Konvenzjonijiet ta’ Vjenna tal-1969 u tal-1986.

( 48 ) Il-Qorti tal-Ġustizzja interpretat bl-istess mod deċiżjoni ibrida tal-Kunsill u tar-rappreżentanti tal-Istati Membri mlaqqgħin fi ħdan il-Kunsill, fl-analiżi tagħha tal-ammissibbiltà tar-rikors fis-sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Kunsill (EU:C:2014:2151, punt 41).

( 49 ) Il-Kunsill u wħud mill-Gvernijiet intervenjenti jikkontestaw l-applikabbiltà tal-imsemmija ġurisprudenza Diossidu tat-titanju (EU:C:1991:224) għall-każ inkwistjoni. F’dan ir-rigward, inqis li huwa minnu li l-Kawża Diossidu tat-titanju u din il-kawża huma differenti peress li l-ewwel waħda tittratta l-applikazzjoni ta’ żewġ bażi legali tad-dritt tal-Unjoni, filwaqt li fit-tieni waħda ma hijiex neċessarja bażi legali tad-dritt tal-Unjoni għall-kompożizzjoni intergovernattiva tad-deċiżjoni ibrida. Madankollu, inqis li l-prinċipji ġurisprudenzjali espressi f’din is-sentenza (ara l-punt 53 ta’ dawn il-konklużjonijiet) jistgħu mingħajr dubju japplikaw b’analoġija, u anki a fortiori, f’każ bħal dak preżenti li jittratta l-għaqda mhux ta’ żewġ proċeduri interni tal-Unjoni, iżda ta’ proċedura tal-Unjoni ma’ proċedura barranija għall-kuntest legali tagħha.

( 50 ) Iċ-ċirkustanza invokata mill-Kunsill li l-adozzjoni ta’ deċiżjonijiet ibridi hija prassi kkonsolidata, b’mod partikolari fis-settur tat-trasport bl-ajru, anki wara d-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona, ma tista’ la tiġġustifika u lanqas tinfluwenza l-legalità tad-deċiżjoni kkontestata sa fejn, skont ġurisprudenza stabbilita, sempliċi prassi tal-Kunsill ma tistax tidderoga mir-regoli tat-Trattat (ara l-Opinjoni 1/08, EU:C:2009:739, punt 172, kif ukoll is-sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Kunsill, EU:C:2009:590, punt 54 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 51 ) Iċ-ċirkustanza enfasizzata waqt is-seduta, li l-adozzjoni ta’ atti ibridi jikkostitwixxu prassi li għandha natura kważi residwa użata, b’mod partikolari, fis-settur tal-avjazzjoni, meta manifestament ma jkunx hemm nuqqas ta’ qbil bejn is-suġġetti intervenjenti (Stati Membri u istituzzjonijiet) ma tikkostitwixxix ġustifikazzjoni għall-adozzjoni ta’ prassi illegali. Barra minn hekk, huwa ċar mid-dibattitu waqt is-seduta li l-applikazzjoni ta’ din il-prassi ma hijiex neċessarjament limitata għal dawn il-każijiet.

( 52 ) Dwar l-awtonomija tal-ordinament ġuridiku tal-Unjoni, ara s-sentenza Costa (6/64, EU:C:1964:66, p. 1158) kif ukoll l-Opinjoni 2/13 (EU:C:2014:2454, punti 174, 183 u 201 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 53 ) F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li l-Kunsill, sostnut minn diversi Stati Membri, isostni li t-taħlit ta’ regoli tal-vot differenti hija komuni fi ħdan il-Kunsill u li l-Qorti tal-Ġustizzja aċċettat it-taħlit ta’ regoli tal-vot differenti fi ħdan il-Kunsill. Il-Kunsill jirreferi għas-sentenzi Kadi u Al Barakaat International Foundation vs Il‑Kunsill u Il-Kummissjoni (C‑402/05 P u C-415/05 P, EU:C:2008:461, punt 211 sa 214) kif ukoll u Il-Parlament vs Il-Kunsill (C‑166/07, EU:C:2009:499, punt 69). Madankollu, din il-ġurisprudenza, li tirrigwarda esklużivament l-użu tal-artikolu tat-Trattat li jikkorrispondi għall-Artikolu 352 TFUE attwali, ma tinvalida ebda prinċipju ġurisprudenzjali espost preċedentement fil-punt 53 ta’ dawn il-konklużjonijiet li l-kumulu ta’ bażi legali huwa eskluż meta l-proċeduri previsti huma inkompatibbli. Issa, f’dan il-każ lanqas ma hija kwistjoni tal-kompatibbiltà bejn żewġ bażi legali differenti fil-kuntest tal-proċeduri tal-Unjoni, iżda hija kwistjoni tal-għaqda bejn att tal-Unjoni u att adottat totalment barra l-proċeduri tal-Unjoni bl-applikazzjoni ta’ regola tal-vot differenti. Għalhekk fl-opinjoni tiegħi l-imsemmi prinċipju ġurisprudenzjali japplika a fortiori f’dan il-każ.

( 54 ) Ara, f’dan l-istess sens, il-Konklużjonijiet Sharpston fil-Kawża Il-Kummissjoni vs Il-Kunsill (EU:C:2014:224, punt 189).

( 55 ) F’dan l-istess sens, ibidem (punt 195).

( 56 ) F’dan ir-rigward, għandi nżid li ma ninsabx konvint mill-possibbiltà, irrakkomandata mill-Kummissjoni, li jiġi stabbilit dmir ta’ kooperazzjoni tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni lejn l-Unjoni nnifisha. Fil-fatt, l-istituzzjonijiet tal-Unjoni jifformaw parti mill-Unjoni u, għalhekk, huma jikkostitwixxu l-Unjoni nnifisha. L-istabbiliment ta’ tali dmir ta’ kooperazzjoni jidhirli li jikkorrispondi għal dikjarazzjoni ta’ dmir li tikkoopera magħha nnifisha. Min-naħa l-oħra jidhirli li l-aġir li, skont il-Kummissjoni jikkostitwixxi ksur tad-dmir ta’ kooperazzjoni tal-Kunsill lejn l-Unjoni jista’ jiġi kkwalifikat aħjar bħala ksur tal-prinċipju ta’ kooperazzjoni bejn l-istituzzjonijiet u/jew ksur tal-obbligu li tittieħed azzjoni fl-interess tal-Unjoni, skont l-għanijiet tal-Artikolu 13(2) TUE.

( 57 ) Ma jidhirlix neċessarju, għall-finijiet tas-soluzzjoni ta’ din il-kawża, li tiġi indirizzata din il-kwistjoni, għalkemm sensittiva ħafna, imqajma mill-Kummissjoni, dwar il-possibbiltà f’dan il-każ li tiġi żgurata l-applikazzjoni provviżorja tal-ftehim inkwistjoni permezz ta’ deċiżjoni tal-Kunsill waħdu, minkejja n-natura mħallta tal-ftehim warajha. Fil-fatt, fl-opinjoni tiegħi, din il-kwistjoni ma għandhiex effett fuq il-legalità tad-deċiżjoni kkontestata. Madankollu, hija tħalli miftuħa diversi kwistjonijiet legali, li ħarġu b’mod ċar matul il-proċedura. Fl-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu l-Kunsill spjega li huwa qatt ma kellu r-rieda politika li jadotta deċiżjoni li tawtorizza l-Unjoni teżerċita l-kompetenza potenzjali tagħha b’mod sħiħ, u dan lanqas fil-livell tal-applikazzjoni provviżorja tal-ftehim. Għażla bħal din, ta’ natura politika, madankollu inevitabbilment tiġġenera ċertu livell ta’ inċertezza legali fir-rigward tal-possibbiltà li jiġu applikati provviżorjament ftehim internazzjonali fl-Istati Membri fejn l-applikazzjoni provviżorja tat-Trattati internazzjonali ma hijiex kostituzzjonalment ammessa jew fejn hija suġġetta għall-applikazzjoni ta’ regoli tad-dritt intern. Filwaqt li ninsab konxju tas-sensittività ta’ din il-kwistjoni, li tista’ taffettwa l-prerogattivi tal-Parlamenti nazzjonali, nistaqsi madankollu jekk is-soluzzjoni prevista mill-Kummissjoni, — li tikkonsisti f’li tiġi żgurata l-applikazzjoni provviżorja tal-ftehim mill-Unjoni, sa fejn dan jaqa’ fil-kompetenzi tagħha — hijiex preferibbli legalment. Fil-fatt, l-applikazzjoni provviżorja “permezz ta’ rimedju amministrattiv” tal-imsemmija ftehim, li għalihom irreferew il-Kunsill u wħud mill-Istati Membri, li sseħħ fl-Istati Membri fejn l-applikazzjoni provviżorja tal-ftehim internazzjonali hija problematika, donnha tqajjem fi kwalunkwe każ problemi ta’ konformità mar-rekwiżiti kostituzzjonali ta’ dawk l-Istati Membri.

( 58 ) Ara l-Opinjoni 1/94 (EU:C:1994:384, punt 109).