Opinion of the Advocate-General

Opinion of the Advocate-General

1. Il-Qorti tal-Ġustizzja hija mistiedna tippronunzja ruħha dwar il-kompatibbiltà, mad-dritt tal-Unjoni, tar-rekwiżit ta’ residenza impost, b’mod partikolari fil-Lussemburgu, fuq it-tfal ta’ ħaddiema transkonfinali sabiex ikunu jistgħu jibbenefikaw minn għajnuna għal taħriġ f’livell terzjarju, u dan ikun il-post fejn bi ħsiebhom jistudjaw.

2. Għalkemm it-tema li tikkonċerna dan ir-rinviju preliminari hija diġà s-suġġett ta’ ġurisprudenza kunsiderevoli, il-partikolarità tal-kawża jinsab fil-fatt li, minn naħa, it-tilwima fil-kawża prinċipali qamet fi Stat Membru li s-suq tax-xogħol tiegħu huwa kkaratterizzat minn preżenza qawwija ta’ ħaddiema transkonfinali u, min-naħa l-oħra, il-kwistjoni tad-dritt għall-finanzjament ta’ taħriġ f’livell terzjarju hija preċiżament konnessa mad-drittijiet mogħtija lill-imsemmija ħaddiema — u mhux lill-istudenti bħala tali — mid-dritt tal-Unjoni.

I – Il-kuntest ġuridiku

A – Id-dritt tal-Unjoni

3. L-Artikolu 7(1) u (2) tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1612/68, tal-15 ta’ Ottubru 1968, dwar il-libertà tal-moviment għall-ħaddiema fi ħdan il-Komunità (2), li kien japplika meta seħħew il-fatti (3), jistabbilixxi:

“1. Ħaddiem ċittadin ta’ xi Stat Membru ma jistax, fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor, ikun trattat b’mod differenti minn ħaddiema nazzjonali minħabba ċ-ċittadinanza tiegħu fir-rigward ta’ kwalunkwe kondizzjoni tal-impjieg u tax-xogħol, partikolarment fir-rigward ta’ paga, tkeċċija u jekk hu jisfa’ mingħajr xogħol, ingaġġ mill-ġdid jew impjieg mill-ġdid.

2. Huwa għandu jgawdi l-istess vantaġġi soċjali u ta’ taxxa bħaċ-ċittadini ta’ dak l-Istat Membru.”

B – Il-liġi Lussemburgiża

1. Is-sistema ta’ għajnuna għal taħriġ f’livell terzjarju fil-Lussemburgu

4. Il-Liġi tas-26 ta’ Lulju 2010 (4) li fuqha hija msejsa s-sistema Lussemburgiża attwali ta’ għajnuna għal taħriġ f’livell terzjarju, emendat diversi punti tas-sistema preċedenti. L-imsemmija għajnuna tista’ tintalab jkun liema jkun l-Istat li fih il-persuna li qed tressaq it-talba tixtieq twettaq it-taħriġ tagħha f’livell terzjarju.

5. Għandu jiġi nnotat li skont il-Liġi tat-22 ta’ Ġunju 2000 (5), kienu biss iċ-ċittadini Lussemburgiżi u persuni residenti fil-Lussemburgu li kienu eleġibbli għall-għajnuna. Oriġinarjament, il-liġi tal-2000 kienet teżiġi li ċittadin Lussemburgiż jipprova n-nazzjonalità tiegħu (6) filwaqt li ċittadin tal-Unjoni mhux Lussemburgiż kellu jkun domiċiljat fil-Lussemburgu u jaqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikoli 7 jew 12 tar-Regolament Nru 1612/68. Permezz ta’ liġi tal-2005 (7) din id-diskriminazzjoni ġiet korretta, bir-rekwiżit li ċ-ċittadini Lussemburgiżi kellhom jiddisponu mid-domiċilju tagħhom fit-territorju Lussemburgiż biex ikunu intitolati għall-benefiċċju tal-għajnuna. Il-ħaddiema transkonfinali li ab initio ma jirrisjedux fil-Lussemburgu, kienu esklużi mill-kamp tal-applikazzjoni l-Liġi tat-22 ta’ Ġunju 2000.

6. Taħt is-sistema tal-Liġi tat-22 ta’ Ġunju 2000, l-għajnuna kienet fil-forma ta’ borża ta’ studju u ta’ self, u l-proporzjon li fih l-għajnuna finanzjarja kienet tingħata kien ivarja “skont, minn naħa, is-sitwazzjoni finanzjarja u soċjali tal-istudent u tal-ġenituri tiegħu kif ukoll, min-naħa l-oħra, l-ispejjeż ta’ reġistrazzjoni li għandhom jitħallsu mill-istudent” (8) . Il-metodi li skonthom kienet tiġi evalwata s-sitwazzjoni finanzjarja u soċjali tal-ġenituri kienu ġew stabbiliti fir-regolament Gran-Dukali tal-5 ta’ Ottubru 2000 (9) li l-Artikolu 5 tiegħu kien jipprovvdi li l-ammont bażiku tal-għajnuna seta’ jiżdied jekk żewġt itfal jew iktar mill-istess unità familjari kienu qed isegwu taħriġ f’livell terzjarju (10) kif ukoll li l-għajnuna setgħet titnaqqas bl-ammont ekwivalenti għal ammonti ta’ allowances annwali tal-familja jekk dawn l-allowances kienu qed jingħataw għall-istudent (11) . Skont il-Liġi tat-22 ta’ Ġunju 2000, l-ammont massimu totali li seta’ jiġi allokat kien ta’ EUR 16 350 għal sena akkademika (12) u dan l-ammont kien jiġi rivedut kull sena skont l-iskala tas-salarji (13) .

7. Il-Liġi tas-26 ta’ Lulju 2010 tikkostitwixxi l-bażi legali tas-sistema attwali ta’ għajnuna. Hija tistabbilixxi li ċ-ċittadini tal-Unjoni li jirrisjedu, skont il-Kapitolu 2 tal-Liġi emendata tad-29 ta’ Awwissu 2008 dwar il-moviment liberu tal-persuni u l-imigrazzjoni fil-Gran Dukat tal-Lussemburgu (14), li ttrasponiet fid-dritt Lussemburgiż id-Direttiva 2004/38/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tad-29 ta’ April 2004, dwar id-drittijiet taċ-ċittadini tal-Unjoni u tal-membri tal-familja tagħhom biex jiċċaqilqu u jgħixu liberament fit-territorju tal-Istati Membri, li temenda r-Regolament (KEE) Nru 1612/68 u tħassar id-Direttivi 64/221/KEE, 68/360/KEE, 72/194/KEE, 73/148/KEE, 75/34/KEE, 75/35/KEE, 90/364/KEE, 90/365/KEE u 93/96/KEE (15), jistgħu jitolbu l-għajnuna għal taħriġ f’livell terzjarju (16) . L-Artikolu 6(1) tal-Liġi emendata tad-29 ta’ Awwissu 2008 jistabbilixxi li ċittadin tal-Unjoni għandu d-dritt li jgħix fit-territorju Lussemburgiż għal perijodu ta’ iktar minn tliet xhur jekk jissodisfa jew ir-rekwiżit li jeżerċita, bħala ħaddiem, attività bħala persuna impjegata jew inkella attività indipendenti, kif ukoll ir-rekwiżit li jkun irreġistrat f’istituzzjoni pubblika jew privata, rikonoxxuta fil-Lussemburgu, biex hemmhekk isegwi prinċipalment l-istudji tiegħu u jekk jiggarantixxi li għandu assigurazzjoni għall-mard u riżorsi suffiċjenti għalih innifsu u għall-membri tal-familja tiegħu biex ma jkunx ta’ piż fuq is-sistema tal-assistenza soċjali (17) .

8. Wara l-adozzjoni tal-Liġi tas-26 ta’ Lulju 2010, il-proporzjon li fih l-għajnuna finanzjarja tingħata taħt forma ta’ borża ta’ studju jew ta’ self ivarja biss skont is-sitwazzjoni finanzjarja u soċjali tal-istudent kif ukoll l-ispejjeż ta’ reġistrazzjoni li jridu jitħallsu minnu (18) . Konsegwentement, ir-Regolament Gran-Dukali tat-12 ta’ Novembru 2010 (19), meħud skont il-Liġi tas-26 ta’ Lulju 2010, emenda r-Regolament Gran-Dukali tal-5 ta’ Ottubru 2000 billi ħassar ir-riferimenti kollha li kien fih għas-sitwazzjoni tal-ġenituri tal-istudent li jitlob l-għajnuna. L-ammont massimu tal-għajnuna huwa ta’ EUR 17 700 għal sena akkademika (20) . Dan l-ammont ma għadux indiċjat (21) .

2. Is-sitwazzjoni tal-ħaddiema transkonfinali fil-qasam tal-finanzjament tat-taħriġ f’livell terzjarju fir-rigward tas-sistema Lussemburgiża

9. Huwa paċifiku li, anki taħt is-sistema tal-Liġi tat-22 ta’ Ġunju 2000, it-tfal tal-ħaddiema transkonfinali ma kinux jissodisfaw ir-rekwiżiti biex jirċievu l-għajnuna għal taħriġ f’livell terzjarju, peress li l-imsemmija liġi kienet teżiġi l-kriterju ta’ residenza fil-Lussemburgu. Madankollu, il-ħaddiema transkonfinali li kienu jaqgħu taħt is-sistema Lussemburgiża tas-sigurtà soċjali, kienu jirċievu “allowances tal-familja” għal kull wild ta’ 18-il sena jew iktar li kien qed isegwi taħriġ f’livell terzjarju fil-Lussemburgu jew barra mil-Lussemburgu (22) . Barra minn hekk, il-benefiċjarji tal-allowances tal-familja kellhom ukoll id-dritt għall-benefiċċju tat-tfal (EUR 76.88 fix-xahar fl-1 ta’ Jannar 2009). L-allowances tal-familja għal taħriġ f’livell terzjarju, jiġifieri dawk li kienu jibqgħu jiġu mħallsa wara li l-wild jagħlaq it-18-il sena, setgħu jitħallsu direttament lil dan tal-aħħar f’każ li jressaq talba f’dan ir-rigward.

10. Madankollu, il-Liġi tas-26 ta’ Lulju 2010 emendat l-istat tal-leġiżlazzjoni fis-seħħ u l-paragrafu tlieta tal-Artikolu 271 tal-Kodiċi tas-sigurtà soċjali, fis-sens li minn dakinhar ’il quddiem, id-dritt tal-allowances tal-familja għal tfal minn 18-il sena ’il fuq kien japplika biss għal tfal li kienu qed jeżegwixxu studji f’livell sekondarju jew sekondarju tekniku (u mhux iktar terzjarju) (23), u dan ikun xi jkun il-post magħżul għall-istudji. Għal dak li jirrigwarda l-benefiċċju tat-tfal, dan jitħallas biss lill-istudenti li jkunu qed jibbenefikaw mill-għajnuna għal taħriġ f’livell terzjarju, li minnha huwa meqjus li jagħmel parti integrali, kemm-il darba l-imsemmija studenti jkunu għadhom marbuta mal-unità familjari tal-ġenituri tagħhom (24) . Id-dritt ta’ moderazzjoni fir-rigward ta’ taxxa, għal tfal li la bbenefikaw mill-benefiċċju tat-tfal u lanqas mill-għajnuna finanzjarja tal-Istat għal taħriġ f’livell terzjarju, jidher madankollu li huwa rrikonoxxut.

II – It-tilwima fil-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

11. E. Giersch J. Hodin kif ukoll J. Taminiaux huma ċittadini Belġjani. Huma jirrisjedu fil-Belġju u għandhom għallinqas wieħed miż-żewġ ġenituri tagħhom li huwa ħaddiem transkonfinali fil-Lussemburgu. B. Stemper huwa ċittadin Ġermaniż, huwa jirrisjedi fil-Ġermanja. Missieru jaħdem il-Lussemburgu, mingħajr madankollu ma jgħix hemmhekk.

12. E. Giersch u J. Hodin kif ukoll J. Taminiaux jixtiequ jsegwu l-istudji tagħhom fil-Belġju, jiġifieri fl-Istat ta’ residenza tagħhom, filwaqt li B. Stemper jixtieq ikompli l-istudji tiegħu fir-Renju Unit. Kull wieħed minn dawn l-erbgħat itfal ta’ ħaddiema transkonfinali fil-Lussemburgu, ressqu talba għall-għajnuna finanzjarja għal taħriġ f’livell terzjarju fix-xhur ta’ Settembru u ta’ Ottubru 2010.

13. Il-ministru Lussemburgiż għall-edukazzjoni terzjarja u għar-riċerka ċaħad it-talbiet tagħhom għar-raġuni li l-imsemmija tfal ma jirrisjedux fil-Lussemburgu, rekwiżit li huwa meħtieġa għall-pretensjoni tal-benefiċċju tal-għajnuna prevista mil-Liġi tas-26 ta’ Lulju 2010.

14. L-imsemmija tfal ilkoll ressqu, prinċiplment jew sussidjarjament, rikorsi għal annullament kontra d-deċiżjonijiet ta’ ċaħda tal-imsemmi ministru quddiem it-Tribunal administratif du Grand-Duché de Luxembourg, li jindika li dawn l-erba’ rikorsi huma eżemplari ta’ xi 600 rikors ieħor simili pendenti.

15. Quddiem il-qorti tar-rinviju, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali jargumentaw li teżisti diskriminazzjoni diretta minħabba l-fatt li l-leġiżlazzjoni Lussemburgiża teżiġi miċ-ċittadini Lussemburgiżi li jkunu domiċiljati fil-Lussemburgu, filwaqt li teżiġi miċ-ċittadini mhux Lussemburgiżi li jkunu jirrisjedu hemmhekk. Sussidjarjament, jikkonkludu li teżisti diskriminazzjoni indiretta mhux ġustifikata, li b’mod partikolari tmur kontra l-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 1612/68, peress li r-rekwiżit ta’ residenza jista’ jiġi sodisfatt iktar faċilment miċ-ċittadini nazzjona li u ġie implementat biss bil-għan li l-ħaddiema transkonfinali jiġu esklużi mill-benefiċċju tal-għajnuna.

16. Dejjem quddiem l-istess tribunal, l-Istat tal-Gran Dukat tal-Lussemburgu jinnega l-eżistenza ta’ kwalunkwe diskriminazzjoni u jsostni li, fis-sens tad-dritt Lussemburgiż, il-kunċetti tad-domiċilju u tar-residenza huma, fl-aħħar mill-aħħar, ekwivalenti. L-Istat tal-Gran Dukat tal-Lussemburgu ma jaqbilx, barra minn hekk, mal-klassifikazzjoni tal-għajnuna mill-Istat għal taħriġ f’livell terzjarju bħala “vantaġġ soċjali”, fis-sens tal-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 1612/68, peress li hija allokata unikament lill-istudenti, meqjusa bħala adulti awtonomi, u mingħajr qies għas-sitwazzjoni personali tal-ġenituri tagħhom. Fi kwalunkwe każ, l-għan imfittex mis-sistema Lussemburgiża ta’ għajnuna għal taħriġ f’livell terzjarju, li huwa dak li jiżdied b’mod sinjifikattiv il-proporzjon ta’ persuni li jirrisjedu fil-Lussemburgu li għandhom edukazzjoni terzjarja — proporzjon li qed jonqos meta mqabbel mal-medja Ewropea — jiġġustifika l-fatt li huma biss ir-residenti li jista’ jkollhom pretensjoni għall-benefiċċju tal-imsemmija għajnuna. Jekk jitneħħa r-rekwiżit ta’ residenza, dan ikollu r-riżultat li kwalunkwe student, mingħajr rabta mas-soċjetà Lussemburgiża, ikun jista’ jibbenefika minnha biex jistudja fi kwalunkwe pajjiż, ikun liema jkun. Dan jinkuraġġixxi, fil-veru sens tal-kelma, it-turiżmu għall-boroż ta’ studju u jista’ jwassal għal piż finanzjarju li mhux sostenibli għall-Istat tal-Gran Dukat tal-Lussemburgu, li jkollu għalhekk iqis mill-ġdid il-prinċipju nnifsu tal-possibbiltà tal-għajnuna.

17. Minn naħa tagħha, il-qorti tar-rinviju tikkonstata li l-għajnuna għal taħriġ f’livell terzjarju tikkostitwixxi “vantaġġ soċjali” fis-sens tal-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 1612/68. L-għajnuna hija waħda ta’ manteniment, mogħtija direttament lill-istudenti li għadhom jiddependu fuq il-ġenituri tagħhom. Irid jingħad li skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-ugwaljanza fit-trattament stabbilita fl-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 1612/68 hija mmirata wkoll għad-dixxendenti li jiddependu fuq ħaddiem immigrant jew transkonfinali (25) .

18. Skont l-argument tal-Istat tal-Gran Dukat tal-Lussemburgu, il-qorti tar-rinviju tiċħad l-eżistenza tad-diskriminazzjoni diretta minħabba l-ekwivalenza, fid-dritt nazzjonali, bejn il-kunċetti tad-domiċilju u tar-residenza, iżda tikkonkludi li s-sistema tal-għajnuna hija msejsa fuq diskriminazzjoni indiretta, ipprojbita mid-dritt tal-Unjoni, peress li r-rekwiżit ta’ residenza huwa fil-fatt, u dejjem skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, iktar faċilment sodisfatt minn individwi nazzjonali. L-imsemmija qorti tesponi għalhekk li tali differenza fit-trattament tista’ madankollu tiġi ġġustifikata jekk tkun imsejsa fuq il-kunsiderazzjonijiet oġġettivi indipendenti tan-nazzjonalità tal-persuni kkonċernati u jekk tkun proporzjonata għall-għan leġittimu imfittex mid-dritt nazzjonali. Il-qorti tar-rinviju qed tistaqsi preċiżament dwar il-leġittimità tar-raġunijiet ta’ ġustifikazzjoni invokati mill-Istat tal-Gran Dukat tal-Lussemburgu.

19. Quddiem din id-diffikultà ta’ interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, it-Tribunal administratif du Grand-Duché de Luxembourg iddeċieda li jissospendi l-proċeduri u permezz ta’deċiżjoni tar-rinviju li waslet fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fis-16 ta’ Jannar 2011, jagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja, abbażi tal-Artikolu 267 TFUE, id-domanda preliminari segwenti:

“Fid-dawl tal-prinċipju Komunitarju ta’ trattament ugwali mħabbar fl-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 1612/68, il-kunsiderazzjonijiet ta’ politika tal-edukazzjoni u ta’ politika baġitarja li saru mill-Istat [tal-Gran Dukat tal-Lussemburgu], jiġifieri li tipprova tiġi nkoraġġuta żieda fil-proporzjon ta’ persuni li għandhom diploma ta’ edukazzjoni ogħla, li attwalment hija insuffiċjenti meta mqabbel ma’ dik internazzjonali għal dak li jirrigwarda l-popolazzjoni residenti fil-Lussemburgu, kunsiderazzjonijiet li jkunu mhedda serjament li kieku l-Istat [tal-Gran Dukat tal-Lussemburgu] kellu jagħti l-għajnuna finanzjarja għal studji terzjarji lill-istudenti kollha, mingħajr ebda konnessjoni mas-soċjetà tal-Gran Dukat, sabiex iwettqu l-istudji terzjarji tagħhom fi kwalunkwe pajjiż fid-dinja, li jwassal għal piż li ma huwiex raġonevoli għall-baġit tal-Istat [tal-Gran Dukat tal-Lussemburgu], jikkostitwixxu kunsiderazzjonijiet, fis-sens tal-ġurisprudenza Komunitarja […] li jistgħu jiġġustifikaw it-trattament differenti li jirriżulta mill-obbligu ta’ residenza impost kemm fuq iċ-ċittadini Lussemburgiżi kif ukoll fuq ċittadini li ġejjin minn Stati Membri oħra sabiex jiksbu għajnuna għall-istudji terzjarji?”

III – Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

20. E. Giersch, E. Hodin, J. Taminiaux, il-Gvernijiet tal-Lussemburgu, tad-Danimarka, tal-Greċja, tal-Awstrija u tal-Isvezja kif ukoll il-Kummissjoni Ewropea ppreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja.

21. Waqt is-seduta tat-28 ta’ Novembru 2012, E. Giersch, J. Hodin, B. Stemper, J. Taminiaux, il-Gvernijiet tal-Lussemburgu, tad-Danimarka, tal-Greċja, tal-Isvezja kif ukoll il-Kummissjoni ttrattaw il-kawża.

IV – Analiżi ġuridika

22. Biex tingħata risposta utli lill-qorti tar-rinviju, nissuġġerixxi li jiġu eżeminata fil-qosor il-klassifikazzjoni tal-għajnuna għal taħriġ f’livell terzjarju bħala “vantaġġ soċjali” fis-sens tal-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 1612/68 u l-fatt li r-rekwiżit ta’ residenza rikjest mit-tfal ta’ ħaddiema transkonfinali tikkostitwixxi diskriminazzjoni indiretta. Sussegwentement ser ngħaddi għat-test klassiku li l-Qorti tal-Ġustizzja tapplika fil-preżenza ta’ differenza fit-trattament u ser nirrispondi għad-domanda magħmula mill-qorti tar-rinviju billi neżamina mhux biss il-kompatibbiltà, mad-dritt tal-Unjoni, tar-raġunijiet ta’ leġittimità invokati mill-Gvern Lussemburgiż, iżda wkoll in-natura xierqa u proporzjonata tal-klawżola tar-residenza.

A – Dwar il-kamp tal-applikazzjoni tal-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru°1612/68 u dwar l-eżistenza ta’ diskriminazzjoni

23. Preliminarjament huwa essenzjali li jingħad li d-domanda magħmula mill-qorti tar-rinviju tirreferi għall-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 1612/68. Dan l-artikolu huwa, fis-sens tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, “l-espressjoni partikolari, fil-qasam speċifiku tal-għoti ta’ vantaġġi soċjali, tar-regola ta’ trattament ugwali stabbilita fl-Artikolu [45(2) TFUE] u għandu jiġi interpretat bl-istess mod bħal din id-dispożizzjoni tal-aħħar” (26) . Il-qorti tar-rinviju għalhekk titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja tanalizza s-sitwazzjoni fil-kawża prinċipali fid-dawl tal-moviment liberu tal-ħaddiema (27) .

1. L-għajnuna għal taħriġ f’livell terzjarju mħallsa lit-tfal ta’ ħaddiema transkonfinali tikkostitwixxi vantaġġ soċjali

24. Quddiem il-qorti tar-rinviju u matul il-proċedura preliminari preżenti, il-Gvern Lussemburgiż poġġa fid-dubju l-fatt li l-għajnuna għal taħriġ f’livell terzjarju konċesssa skont il-modijiet stabbiliti permezz tal-Liġi tas-26 ta’ Lulju 2010 taqa’ fl-ambitu tal-kunċett ta’ “vantaġġ soċjali” fis-sens tal-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 1612/68.

25. Il-qorti tar-rinviju telqet mill-idea li, fid-dawl tal-Artikolu 203 tal-Kodiċi Ċivili Lussemburgiż, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali kellhom jitqiesu bħala dipendenti fuq il-ġenitur transkonfinali tagħhom. Huwa evidenti li hija waslet għal din il-konklużjoni abbażi ta’ żewġ elementi: il-fatt li a) l-imsemmi Artikolu 203 jiddisponi li “[l]-miżżewġin, minħabba l-fatt waħdu taż-żwieġ, jidħlu flimkien għall-obbligu li jitimgħu, imantnu u jrabbu lil uliedhom” u b) skont il-ġurisprudenza nazzjonali, li għalkemm l-obbligu tal-manteniment u tal-edukazzjoni jispiċċa, bħala prinċipju, meta t-tfal ma jibqgħux minuri, il-ġenituri jibqgħu madankollu marbuta li jipprovdulhom, anki wara din l-età, il-mezzi biex isegwu studji intiżi li jħejjuhom għall-professjoni li bi ħsiebhom jipprattikaw, kemm-il darba, madankollu, huma jkunu kapaċi isegwu dawn l-istudji (28) .

26. Mhux possibbli, għall-analiżi segwenti, li wieħed iħaddan a priori din l-idea tal-qorti tar-rinviju peress li, skont il-prinċipji tad-dritt internazzjonali privat, tali kwistjoni għandha tiġi solvuta b’riferiment għal-liġi li tistabbilixxi l-istatus personali tas-suġġett inkwistjoni. Konsegwentement, l-imsemmi Artikolu 203 kif interpretat fil-ġurisprudenza Lussemburgiża jista’ japplika għaċ-ċittadini jew għar-residenti Lussemburgiżi minħabba l-għażla tal-ordinament ġuridiku ta’ dan il-pajjiż magħmula favur il-kriterju taċ-ċittadinanza, tad-domiċilju jew tar-residenza sabiex jiddetermina tali status.

27. Min-naħa l-oħra u b’koerenza ma’ dak li ntqal preċedentement, ma jistax jiġi dedott li r-rikorrenti fil-kawża prinċipali ma humiex dipendenti fuq il-ġenitur ħaddiem transkonfinali tagħhom minħabba l-fatt li l-Liġi tas-26 ta’ Lulju 2010 tistabbilixxi li l-għajnuna titħallas direttament lill-istudenti, li d-dħul tal-ġenituri mhux rilevanti għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-ammont tal-għajnuna u li l-għan imfittex huwa dak li l-adult żagħżugħ isir awtomonu mill-ġenituri tiegħu u jkun l-uniku wieħed li jiddeċiedi dwar il-linja li jrid jaqbad.

28. Minn dan jirriżulta li l-qorti tar-rinviju tista’, b’mod konkret, tkun affaċjata bil-problema li dwarha qed tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja, biss jekk tistabbilixxi mhux biss li l-istudenti inkwistjoni fil-kawża prinċipali jiffurmaw parti mill-unità familjari tal-ħaddiema transkonfinali kkonċernati, iżda wkoll jekk dawn tal-aħħar iqisuhom bħala d-dipendenti tagħhom, billi jkomplu jipprovvdu għall-manteniment tagħhom, billi tivverifika, barra minn hekk, jekk dawn l-istudenti jibbenefikawx, attwalment jew potenzjalment, fil-pajjiż tagħhom ta’ residenza, minn miżura paragunabbli għal dik implementata permezz tal-Liġi tas-26 ta’ Lulju 2010.

29. F’każ li din l-evalwazzjoni, mill-qorti tar-rinviju, twassal biex ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali jitqiesu li huma effettivament dipendenti fuq il-ġenituri ħaddiema transkonfinali tagħhom, fl-ewwel lok, għandu jitfakkar fil-qosor — wara kollox il-pożizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja hija, f’dan ir-rigward, paċifika — li “għajnuna mogħtija għall-manteniment u għat-taħriġ intiża sabiex tiġi segwita l-edukazzjoni universitarja li twassal għal kwalifika professjonali tikkostitwixxi vantaġġ soċjali, fis-sens tal-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 1612/68” (29) u li “l-finanzjament tal-edukazzjoni mogħti minn Stat Membru lill-ulied ta’ ħaddiema jikkostitwixxi, għal ħaddiem migrant, “vantaġġ soċjali” fis-sens tal-imsemmi Artikolu 7(2) fejn dan tal-aħħar ikompli jipprovdi manteniment tal-wild” (30) .

30. Fit-tieni lok, wieħed irid iżomm f’moħħu li għalkemm, skont l-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 1612/68, ħaddiem li huwa ċittadin ta’ Stat Membru ieħor, għajr dak li fih huwa professjonalment okkupat, jibbenefika mill-istess vantaġġi soċjali konċessi lill-ħaddiema nazzjonali, il-kunċett ta’ “ħaddiem” imsemmi f’din id-dispożizzjoni jkopri l-ħaddiema transkonfinali li jistgħu jinvokawhom, bl-istess mod, bħal kwalunkwe ħaddiem ieħor imsemmi f’din id-dispożizzjoni (31) . Fl-interpretazzjoni tagħha tal-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 1612/68, il-Qorti tal-Ġustizzja applikat, mingħajr differenzi, il-kunċetti tal-ħaddiema immigranti u transkonfinali, preċiżament għaliex l-imsemmi regolament, kuntrarjament għal testi oħra tad-dritt sekondarju (32), ma jitrattax b’mod differenti dawn iż-żewġ kategoriji ta’ ħaddiema li jkunu eżerċitaw il-libertà tagħhom ta’ moviment.

31. Fit-tielet lok, iċ-ċirkustanza li l-għajnuna tingħata direttament lill-istudent li huwa wild ta’ ħaddiem transkonfinali, ma taffettwax il-klassifikazzjoni tal-vantaġġ soċjali, peress li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-membri tal-familja ta’ ħaddiem immigrant jew transkonfinali “huma benefiċċjarji indiretti tal-ugwaljanza fit-trattament konċessa lil ħaddiem” kemm-il darba jkunu dipendenti fuqu (33) u li, “peress li l-għoti tal-finanzjament lil wild ta’ ħaddiem immigrant jikkostitwixxi, għall-ħaddiem immigrant, vantaġġ soċjali, il-wild jista’, huwa stess, jinvoka l-Artikolu 7(2), [tar-Regolament Nru 1612/68] biex jikseb dan il-finanzjament jekk, skont id-dritt nazzjonali, dan jingħata direttament lill-istudent” (34) .

32. Huwa għalhekk bir-raġun li l-qorti tar-rinviju qieset li l-għajnuna għal taħriġ f’livell terzjarju tikkostitwixxi “vantaġġ soċjali” fis-sens tal-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 1612/68 u li t-tfal li huma dipendenti fuq il-ħaddiema transkonfinali għandhom id-dritt li jinvokaw, quddiemha, il-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni minnu konċess.

2. Ir-rekwiżit ta’ residenza huwa indirettament diskriminatorju

33. Minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li l-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 1612/68 jipprojbixxi, bħalma jagħmel l-Artikolu 45 TFUE, mhux biss id-diskriminazzjonijiet inekwivoki, imsejsa direttament fuq in-nazzjonalità, iżda wkoll il-forom kollha moħbija ta’ diskriminazzjoni li, bl-applikazzjoni ta’ kriterji oħra ta’ distinzjoni, iwasslu fil-fatt għall-istess riżultat (35) .

34. Ir-rekwiżit ta’ residenza, skont il-qorti tar-rinviju, japplika bl-istess mod għaċ-ċittadini Lussemburgiżi u għaċ-ċittadini ta’ Stati Membri oħra, peress li l-qorti tar-rinviju qieset, fl-interpretazzjoni tad-dritt nazzjonali tagħha, li r-rekwiżiti ta’ domiċilju u ta’ soġġorn kienu, fil-fatt ekwivalenti. F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-rekwiżit, fir-rigward taċ-ċittadini ta’ Stati Membri oħra, ta’ residenza ma huwiex direttament diskriminatorja.

35. Madankollu, dan ir-rekwiżit ta’ residenza huwa ta’ natura “li prinċipalment ikun ta’ detriment għall-ħaddiema migranti u għall-ħaddiema transkonfinali ċittadini ta’ Stati Membri oħra, sa fejn dawk li ma humiex residenti ħafna drabi ma humiex ċittadini” (36) . Huwa “immaterjali jekk il-miżura [inkwistjoni] taffettwax, jekk ikun il-każ, kemm iċ-ċittadini nazzjonali li ma jkunux jistgħu josservaw tali kriterji kif ukoll iċ-ċittadini ta’ Stati Membri oħra” (37) . Fl-aħħar nett, il-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet li, f’dak li jirrigwarda l-aċess għal finanzjament mobbli, is-sitwazzjoni ta’ ħaddiem transkonfinali li jaħdem fl-istat tal-għoti tal-finanzjament, iżda li jirrisjedi fi Stat Membru ieħor tista’ titqabbel ma’ dik ta’ ċittadin tal-istat tal-għoti li jirrisjedi u jaħdem fl-imsemmi Stat (38) .

36. In-nuqqas ta’ ugwaljanza fit-trattament li jirriżulta mill-fatt li r-rekwiżit ta’ residenza huwa impost fuq studenti li huma tfal ta’ ħaddiema transkonfinali, tikkostitwixxi għalhekk diskriminazjoni indiretta, li bħala prinċipju hija pprojbita, sakemm ma tkunx oġġettivament ġustifikata u meħtieġa biex jiġi ggarantit it-twettiq tal-għan inkwistjoni u ma tmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ biex dan l-għan jintlaħaq (39) .

B – Dwar il-leġittimità tal-għan imfittex

37. Minn naħa, il-Gvern Lussemburgiż jinvoka, biex jiġġustifika it-trattament differenti tal-ħaddiema transkonfinali fir-rigward tal-għoti tal-għajnuna għal taħriġ f’livell terzjarju, għan, li huwa jikklassifika bħala “politiku” jew “soċjali”, li huwa dak li jiżdied b’mod sinjifikattiv il-proporzjon ta’ persuni li jirrisjedu fil-Lussemburgu li għandu edukazzjoni terzjarja. Din ir-rata hija attwalment ta’ 28 % (40), jiġifieri ċertament inferjuri għall-perċentwali ta’ individwi li għandhom diplomi simili fi Stati komparabbli. Il-Gvern Lussemburgiż iqis li huwa meħtieġ li jilħaq ir-rata ta’ 66 % ta’ individwi li għandhom edukazzjoni terzjarja fost il-popolazzjoni residenti ta’ bejn it-30 u l-34 sena, peress li dan jippermettilu li jaffaċja r-rekwiżit, li dejjem qiegħed isir iktar urġenti, li jiżgura t-tranżizzjoni tal-ekonomija Lussemburgiża lejn ekonomija tal-għarfien.

38. Iċ-ċirku tal-benefiċjarji tal-għajnuna huwa limitat biss għar-residenti Lussemburgiżi minħabba l-fatt li r-residenti Lussemburgiżi jippreżentaw rabta mas-soċjetà Lussemburgiża, ta’ natura tali li wieħed jista’ jippreżumi li wara li jkunu bbenefikaw mill-possibbiltà offruta mis-sistema Lussemburgiża ta’ għajnuna għall-finanzjament tal-istudji tagħhom, jekk ikun il-każ barra mil-Lussemburgu, imorru lura l-Lussemburgu, fejn l-għarfien miksub ikun jista’ jitqiegħed għall-profitt tal-iżvilupp tal-ekonomija Lussemburgiża fis-sens preċedentement indikat.

39. Min-naħa l-oħra, il-Gvern Lussemburgiż isostni li dan l-għan, b’rabta mal-politika nazzjonali tal-edukazzjoni, ma jistax jitqies b’mod separat mill-għan ekonomiku. Il-fatt li l-benefiċċju tal-għajnuna għal taħriġ f’livell terzjarju huwa limitat biss għal residenti Lussemburgiżi, huwa meħtieġ biex jiġi żgurat il-finanzjament tas-sistema. Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà għarfet il-possibbiltà li Stat Membru jaċċerta ruħu li l-għoti ta’ għajnuna li tkopru l-ispejjeż ta’ manteniment ta’ studenti li ġejjin minn Stati Membri oħra, ma jsarrafx f’piż mhux raġonevoli li jista’ jkollu konsegwenzi fuq il-livell globali tal-għajnuna li tkun tista’ tingħata minn dak l-Istat. Il-Gvern Lussemburgiż jibbaża ruħu fuq is-sentenza Bidar (41) li jqis rilevanti għall-kawża preżenti u jsostni li, li kieku r-rekwiżit ta’ residenza kellu jitneħħa, huwa jkun marbut li jagħti l-għajnuna lil kull student mingħajr l-ebda rabta personali mas-soċjetà Lussemburgiża, u dan iwassal biex ikollu impost fuqu piż mhux raġonevoli.

40. Min-naħa tiegħi ninsab ċert li ż-żewġ għanijiet jistgħu jinftehmu b’mod separat. Ċertament, id-determinazzjoni tal-benefiċjarji ta’ vantaġġ soċjali għandha, loġikament, impatti fuq il-piż ekonomiku impost fuq l-Istat tal-għoti tal-imsemmi vantaġġ. Politika tal-edukazzjoni — peress li din tidher li hija l-kwistjoni — bil-fors li trid tiġi eżegwita permezz tal-implementazzjoni ta’ diversi mezzi, li dejjem hemm prezz marbut magħhom. Madankollu, mhux biżżejjed li jiġi sostnut li hemm prezz kunsiderevoli marbut mat-twettiq tal-politika diskriminatorja. Irid jiġi ppruvat li l-imsemmija politika hija għal kollox meħtieġa u li l-ispiża hija ta’ portata tali li trendi impossibbli t-twettiq tal-imsemmija politika.

1. Dwar l-għan li l-proporzjon ta’ residenti fil-Lussemburgu li għandu edukazzjoni terzjarja jitla’ għal 66%

41. Ninnota li dan l-għan ma huwiex, bħala tali, ikkontestat mill-partijiet interessati intervenuti fil-proċedura preżenti.

42. L-għan li jiżdied in-numru ta’ individwi li għandhom edukazzjoni terzjarja ċertament li huwa ta’ interess ġenerali. L-istituzzjonijiet tal-Unjoni stess ħadu ċertu numru ta’ azzjonijiet f’dan is-sens u spjegaw il-korrelazzjoni bejn il-livell tat-taħriġ tal-individwi, l-aċċess għal impjieg u t-tkabbir ekonomiku tal-Unjoni. Fil-komunikazzjoni tagħha intitolata “Ewropa 2020: Strateġija għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklussiv” (42), il-Kummisjoni stabbilixxiet bħala mira għas-sena 2020, li r-rata ta’ individwi li jitilqu mill-iskola jinżel għal 10 % u l-livell ta’ individwi b’edukazzjoni terzjarja jitla’ għallinqas għal 40 % tal-ġenerazzjonijiet żgħażagħ (43) . Hija kienet qed tipproponi b’mod partikolari li l-Istati Membri jittrasponu dan l-għan bħala għan nazzjonali (44) . It-twettiq ta’ dan l-għan għandu jikkontribwixxi għal modernizzazzjoni tas-swieq tax-xogħol, għal titjib fil-parteċipazzjoni ta’ persuni fis-suq tax-xogħol u biex tiġi stabbilita ekwivalenza aħjar bejn l-offerta u d-domanda tal-impjiegi, temi li huma meqjusa prijoritarji mill-Kummissjoni sabiex l-Unjoni toħroġ mingħajr dewmien u b’mod effikaċi mill-perijodu ta’ kriżi li għaddejja minnu (45) .

43. Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea kien diġà ħaddan dan l-għan fil-kuntest tal-konklużjonijiet tiegħu tat-12 ta’ Mejju 2009 dwar qafas strateġiku għall-kooperazzjoni Ewropea fl-edukazzjoni u t-taħriġ (“Edukazzjoni u taħriġ 2020”) (46), billi ddefenixxa l-livell ta’ referenza għall-prestazzjoni medja Ewropea, għal dak li għandu x’jaqsam ma’ individwi b’diploma fl-edukjazzjoni terzjarja, għal, għallinqas, 40 % tal-persuni ta’ bejn it-30 u l-34 sena (47) .

44. Minn dakinhar, il-Kunsill ma waqafx ifakkar l-importanza ta’ dan l-għan. Fl-2010, innota li, “biex ikun hemm aspirazzjonijiet ogħla u żieda fl-aċċess għall-edukazzjoni għolja għal studenti minn ambjenti żvantaġġati jeħtieġ it-tisħiħ tal-iskemi ta’ appoġġ finanzjarju u inċentivi oħra, u t-titjib tat-tfassil [...] [tas-] self lill-istudenti li huwa abbordabbli, aċċessibbli, adegwat u portabbli kif ukoll għotjiet skont il-mezz jistgħu jżidu b’suċċess ir-rati ta’ parteċipazzjoni għal dawk li ma jistgħux iħallsu l-ispejjeż tal-edukazzjoni għolja” (48) . B’anteċipazzjoni tal-evoluzzjoni fis-suq tax-xogħol fil-livell tal-Unjoni, il-Kunsill enfasizza, barra minn hekk, li, “[f]is-snin li ġejjin għadd dejjem akbar ta’ impjiegi ser jeħtieġu livell għoli ta’ kwalifiki, madankollu l-UE għandha perċentwali aktar baxxa ta’ persuni b’livell ta’ kwalifiki terzjarju” (49) . Kien għamel din id-dikjarazzjoni fir-rigward tal-Istati Membri kollha, jiġifieri kemm fir-rigward ta’ dawk li s-suq tax-xogħol tagħhom huwa kkaratterizzat minn preżenza qawwija ta’ ħaddiema transkonfinali kif ukoll fir-rigward ta’ stati oħra. Fl-aħħar nett, il-Kunsill iddefinixxa, fl-aġenda Ewropea tiegħu fil-qasam tal-edukazzjoni u tat-taħriġ tal-adulti li tistabbilixxi l-oqsma prijoritajri għall-perijodu 2012-2014, l-isforzi li jridu jagħmlu l-Istati Membri “biex tingħata spinta sabiex il-proporzjon ta’ żgħażagħ bi kwalifiki ta’ edukazzjoni terzjarja u dawk ekwivalenti jiżdied għal 40 %” (50) .

45. L-azzjoni li għadni kif iddeskrivejt favur aċċess iktar ġeneralizzat għall-edukazzjoni terzjarja, taqa, fi kwalunkwe każ, biss taħt il-kompetenza ta’ appoġġ li l-Unjoni għandha fil-qasam tal-edukazzjoni u t-taħriġ professjonali (51) . Fi kliem ieħor, fin-nuqqas ta’ armonizzazzjoni fil-livell Ewropew, għandu jiġi rrikonoxxut marġni wiesa’ ta’ manuvra lill-Istati Membri biex jiġu ddefiniti l-għanijiet imfittxa mil-politika tagħhom dwar l-edukazzjoni u biex jorganizzaw il-kundizzjonijiet li fihom tingħata l-għajnuna għal taħriġ f’livell terzjarju (52) .

46. Fl-opinjoni tiegħi, il-qabża lejn ekonomija bbażata fuq l-għarfien, invokata mill-Gvern Lussemburgiż fl-osservazzjonijiet tiegħu bil-miktub (53), tikkostitwixxi wieħed mill-għanijiet imħollija għad-diskrezzjoni tal-Istati Membri. Is-sitwazzjoni ekonomika fil-Lussemburgu hija storikament atipika. Minn ekonomija bbażata fuq l-industriji tal-minjieri u tal-azzar, il-Lussemburgu, wara l-għejbien ta’ dawn tal-aħħar, għadda minn bidla, lejn direzzjoni ta’ żvilupp ta’ xogħol fis-settur bankarju u finanzjarju; sussegwentement, dan is-settur, anki qabel il-kriżi finanzjarja, għadda — u għadu għaddej — minn sfidi kbar, minħabba l-azzjoni li ttieħdet fil-livell tal-Unjoni biex titnaqqas drastikament il-pożizzjoni vantaġġjuża li kienet tgawdi s-sistema bankarja Lussemburgiża meta mqabbla mas-sistemi bankarji tal-Istati Membri l-oħra. Huwa għal kollox komprensibbli li Stat Membru jimplementa politika ta’ edukazzjoni li għandha l-għan li tkabbar il-livell tal-kwalifiki tar-riżorsi umani disponibbli, b’mira raġjonevolment prevedibbli biex jikkontribwixxi għar-rikonverżjoni tal-ekonomija nazzjonali, bl-għan li jattira u joffri forom iktar diversi ta’ servizzi fit-territorju tiegħu.

47. Ma hemmx dubju għalhekk li azzjoni meħuda minn Stat Membru sabiex jiġi żgurat livell għoli ta’ taħriġ tal-popolazzjoni tiegħu residenti, tikkostitwixxi għan leġittimu li jista’ jitqies bħala raġuni imperattiva ta’ interess ġenerali.

2. Dwar l-għan li jiġi evitat piż mhux raġonevoli, b’konsegwenzi fuq il-livell globali tal-għajnuna għal taħriġ f’livell terzjarju

48. Dwar l-għan ekonomiku, f’dak li jirrigwarda l-ġustifikazzjoni parallela bbażata fuq it-tpoġġija fil-periklu tal-kapaċitajiet ta’ finanzjament tas-sistema, irid jingħad li dan huwa argument li ġie invokat mill-Istati Membri bosta drabi quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja. Barra minn hekk, l-invokazzjoni tas-sentenza Bidar, iċċitata iktar ’il fuq, ma hijiex ta’ natura konvinċenti.

49. Infakkar biss, fil-fatt, li s-sitwazzjoni fil-kawża prinċipali hija eżaminata hawnhekk fid-dawl tal-moviment liberu tal-ħaddiema u l-kwistjoni hija li jiġi ddeterminat jekk il-leġiżlazzjoni nazzjonali tippreġudikax id-drittijiet li d-dritt tal-Unjoni jagħti lill-ħaddiema transkonfinali. Fil-kawża Bidar, iċċitata iktar ’il fuq, il-Qorti tal-Ġustizzja kienet ġiet mistiedna tieħu pożizzjoni dwar il-kompatibbiltà ta’ rekwiżit ta’ residenza impost fuq ċittadini Ewropej, li ekonomikamnent ma humiex attivi, biex ikunu jistgħu jibbenefikaw minn għajnuna għal taħriġ. Hija differenza ċkejkna fundamentali li l-Qorti tal-Ġustizzja ma naqsitx li tenfasizza fis-sentenza tagħha Il-Kummissjoni vs Il-Pajjiżi l-Baxxi (54) .

50. Fil-fatt, meta l-Qorti tal-Ġustizzja analizzat ir-raġunijiet ta’ ġustifikazzjoni invokati mir-renju tal-Pajjiżi l-Baxxi, ikkonfermat fl-ewwel lok li “għalkemm kunsiderazzjonijiet baġitarji jistgħu jkunu l-bażi għall-għażliet ta’ politika soċjali ta’ Stat Membru u jinfluwenzaw in-natura jew il-portata tal-protezzjoni soċjali miżuri ta’ protezzjoni soċjali li huwa jkun jixtieq li jadotta, huma madankollu ma humiex fihom infushom l-għan ta’ din il-politika u, għalhekk ma jistgħux jiġġustifikaw diskriminazzjoni” (55) . Madankollu hija kompliet l-eżami tagħha abbażi tal-għan li jiġi evitat piż mhux raġonevoli (għan ekonomiku). Il-konvenut ħaseb, huwa wkoll, li mis-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Bidar u Förster seta’ jiddeduċi l-possibbiltà, għall-Istati Membri, li jeżiġu, b’mod leġittimu, mill-benefiċjarji tal-għajnuna għal taħriġ f’livell terzjarju, il-prova ta’ “ċertu livell ta’ integrazzjoni”. Madankollu l-Qorti tal-Ġustizzja ħasset l-importanza li tenfasizza d-differenza fundamentali bejn il-kawżi Bidar u Förster u l-kawża Il-Kummissjoni vs Il-Pajjiżi l-Baxxi, iċċitata iktar ’il fuq, differenza msejsa fuq il-fatt li l-ewwel każ kien jikkonċerna ċittadini li ekonomikament ma kinux attivi u ma kinux membri tal-familja tal-ħaddiema fis-sens tad-dritt tal-Unjoni, filwaqt li fit-tieni każ, is-sitwazzjoni kienet analizzata mill-perspettiva tal-ħaddiem immigrant jew transkonfinali li kellu wild li xtaq jitħarreġ f’livell terzjarju u li kien dipendenti fuqu, wild li kien għamel talba biex jibbenefika minn għajnuna għal taħriġ f’livell terzjarju konċessa mill-Istat ta’ impjieg tal-ġenitur tiegħu.

51. Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, “[g]ħalkemm il-fakultà li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrikonoxxi lill-Istati Membri, bla ħsara għal ċerti kundizzjonijiet, li jeżiġu minn ċittadini ta’ Stati Membri oħra ċertu livell ta’ integrazzjoni fis-soċjetajiet tagħhom sabiex ikunu jistgħu jibbenefikaw mill-vantaġġi soċjali, bħal għajnuna finanzjarja għall-edukazzjoni, ma hijiex limitata għas-sitwazzjonijiet fejn l-applikanti tal-għajnuna kkonċernata huma ċittadini ekonomikament inattivi, ir-rekwiżit ta’ residenza [ta’ tliet snin mis-sitta li jippreċedu t-talba għall-għajnuna għal taħriġ f’livell terzjarju] sabiex turi l-integrazzjoni meħtieġa ma hijiex , bħala prinċipju, adegwata fil-każ ta’ ħaddiema migranti u transkonfinali” (56) . Fir-rigward ta’ dawn tal-aħħar, “il-fatt li jkunu daħlu fis-suq tax-xogħol ta’ Stat Membru joħloq, bħala prinċipju , il-konnessjoni ta’ integrazzjoni suffiċjenti fis-soċjetà ta’ dan l-Istat li tippermettilhom li jibbenefikaw mill-prinċipju ta’ ugwaljanza ta’ trattament imqabbla ma’ ħaddiema nazzjonali inkwantu għall-vantaġġi soċjali” (57) . Il-Qorti tal-Ġustizzja kkonkludiet li l-għan li jiġi evitat piż mhux raġonevoli, invokat b’konnessjoni mal-għoti ta’ vantaġġ soċjali lil ħaddiema transkonfinali, ma jistax jikkostitwixxi għan leġittimu.

52. Għal din ir-raġuni, l-għan baġitarju invokat mil-Lussemburgu, ma huwiex, fih innifsu, ta’ natura li jsejjes raġuni leġittima, li tista’ tiġġustifika nuqqas ta’ ugwaljanza fit-trattament bejn il-ħaddiema Lussemburgiżi u l-ħaddiema ta’ Stati Membri oħra. Fi kwalunkwe każ, kif huwa indikat fil-punt 38 ta’ dawn il-konklużjonijiet, il-problema ma hijiex dik li d-diskriminazzjoni invokata mir-rikorrenti fil-kawża prinċipali tiġi ġġustifikata minħabba l-ispiża kunsiderevoli li jkun jimplika t-tħassir tar-rekwiżit diskriminatorju, iżda li jiġi vverifikat li l-għan ekonomiku imfittex, it-tranżizzjoni lejn ekonomija tal-għarfien, li għalih l-Istat tal-Gran Dukat tal-Lussemburgu stabbilixxa l-imsemmija prattika diskriminatorja, huwa mhux biss serjament iżda wkoll effettivament imfittex u li l-ispejjeż biex tiġi evitata l-imsemmija prattika huma ta’ piż tali li jrendu impossibbli t-twettiq tiegħu. Bla dubju, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika ħaġa u oħra biex tistabbilixxi, jekk meħtieġ, l-eżistenza ta’ element li jsaħħaħ b’mod ulterjuri l-kawża ġustifikattiva kkostitwita mill-għan soċjali mfittex.

C – Dwar in-natura xierqa u proporzjonata tar-rekwiżit ta’ residenza

53. Miżura li hija ta’ natura li tirristrinġi l-moviment liberu tal-ħaddiema, kif stabbilit mill-Artikolu 45 TFUE u implementat mill-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 1612/68, tista’ tiġi validament ġustifikata biss jekk tkun xierqa biex tiggarantixxi t-twettiq tal-għan leġittimu imfittex u ma tmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ biex dan jintlaħaq (58), li huwa dak li jrid jiġi vverifikat.

54. It-test tan-natura xierqa u proporzjonata tal-kriterju użat mill-Gvern Lussemburgiż biex jilħaq l-għan imfittex, huwa l-iktar delikat biex jiġi applikat. F’dan ir-rigward, hemm żewġ serje ta’ problemi li jqumu f’din il-kawża. Minn naħa, id-diversi partijiet intervenuti fil-proċedura preżenti waslu għal konklużjonijiet differenti minn dawk tas-sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Pajjiżi l-Baxxi, iċċitata iktar ’il fuq, b’mod partikolari f’dak li jirrigwarda l-livell ta’ integrazzjoni li l-Istati Membri jixtiequ jew ma jixtiqux jeżiġu mill-benefiċjarji ta’ għajnuna għal taħriġ f’livell terzjarju. Nixtieq għalhekk nikkjarifika din is-sentenza dwar dan il-punt. Min-naħa l-oħra, ċerta informazzjoni li fl-opinjoni tiegħi hija essenzjali, hija nieqsa mill-proċess, tant li l-Qorti tal-Ġustizzja ser issib diffikultà, fl-opinjoni tiegħi, biex tippronunċja ruħha b’mod definittiv dwar in-natura xierqa u proporzjonata tal-leġiżlazzjoni nazzjonali. Hemm ċertu numru ta’ elementi, fil-kuntest tal-kawża preżenti u preċiżament biex jittieħdu inkunsiderazzjoni l-partikolaritajiet tas-sistema — u speċjalment tas-suq tax-xogħol — Lussemburgiża, li jixirqilhom li jiġu approfonditi. Huwa għalhekk importanti li tinġibed l-attenzjoni tal-qorti tar-rinviju dwar dan il-punt.

1. Dwar is-sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Pajjiżi l-Baxxi

55. Meta, fis-sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Pajjiżi l-Baxxi, iċċitata iktar ’il fuq, il-Qorti tal-Ġustizja pproċediet biex teżamina r-raġuni ta’ leġittimità msejħa “soċjali”, li oriġinat mill-għan li tiġi promossa l-mobbiltà tal-istudenti, effettivament qisitha li tikkostitwixxi raġuni imperattiva ta’ interess ġenerali (59) . Sussegwentement il-konvenut għamel tentattiv biex jipprova n-natura xierqa u proporzjonata tar-rekwiżit ta’ residenza ta’ tliet snin mis-sitta ta’ qabel it-talba, imposta biex jiġi ggarantit li mill-finanzjament jibbenefikaw biss studenti li l-mobbiltà tagħhom kellha tiġi ppreferuta: l-Istat tal-għoti tal-għajnuna kien qed jistenna li l-istudenti li jibbenefikaw mill-imsemmija għajnuna jmorru lura biex jistabbilixxu ruħhom hemmhekk u wara li jkunu spiċċaw l-istudji tagħhom, jgħixu u jaħdmu hemmhekk(60) . Il-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet għalhekk li dawn l-elementi “għandhom tendenza li jirriflettu s-sitwazzjoni tal-maġġoranza tal-istudenti” (61) u b’hekk iddeċidiet li r-rekwiżit ta’ residenza ta’ tliet snin mis-sitta ta’ qabel it-talba kien xierqa, fid-dawl tat-twettiq tal-għan tal-promozzjoni tal-mobbiltà tal-istudenti (62) . Madankollu, dan l-istess rekwiżit biex wieħed ikun eleġibbli għall-għajnuna fir-rigward ta’ taħriġ fil-livell terzjarju mogħtija mill-Pajjiżi l-Baxxi, kien jippreżenta, skont il-Qorti tal-Ġustizzja, “natura wisq esklużiva” u ddeċidiet li, “billi timponi perijodi speċifiċi ta’ residenza fit-territorju tal-Istat Membru kkonċernat, [ir-rekwiżit ta’ residenza ta’ tliet snin mis-sitta ta’ qabel it-talba] tiffavorixxi element li ma huwiex neċessarjament l-uniku rappreżentattiv tal-grad effettiv ta’ konnessjoni bejn il-persuna kkonċernata u l-Istat Membru” (63) . Il-Qorti tal-Ġustizzja kkonkludiet li ma kienx minnu li r-regola inkwistjoni ma kinitx tmur lil hinn minn dak li kien meħtieġ biex jintlaħaq l-għan imfittex.

56. B’hekk meta wieħed jaqra b’ċerta attenzjoni din is-sentenza jirriżulta li l-Qorti tal-Ġustizzja tikkonċepixxi b’mod differenti l-evalwazzjoni tal-kriterju ta’ “ċertu grad ta’ integrazzjoni”, skont jekk din titwettaqx fir-rigward ta’ għan leġittimu ta’ natura ekonomika jew fir-rigward ta’ għan leġittimu ta’ natura soċjali (64) .

57. Fil-fatt, meta l-kwistjoni hija waħda ta’ restrizzjoni tal-benefiċjarji ta’ għajnuna għal taħriġ f’livell terzjarju għal raġunijiet ekonomiċi, billi tinvoka n-natura sostenibbli tal-finanzjament tal-imsemmija għajnuna, il-Qorti tal-Ġustizzja ssejjes l-analiżi tagħha fuq il-kunċett tal-ħaddiema immigranti jew transkonfinali hija tikkonstata li min-natura tagħhom stess dawn huma, minħabba l-fatt fih innifsu li daħlu fis-suq tax-xogħol tal-Istat tal-għoti tal-għajnuna, ekonomikament integrati fis-soċjetà ta’ dak l-Istat, li jipparteċipaw fil-finanzjament tal-politiki soċjali tiegħu u li konsegwentement l-impożizzjoni tar-rekwiżit ta’ residenza ta’ tliet snin, biex ikunu jistgħu jibbenefikaw minn vantaġġ ta’ tip soċjali, ma hijiex xierqa.

58. Min-naħa l-oħra, meta l-kwistjoni hija waħda tar-restrizzjoni taċ-ċirku tal-benefiċjarji ta’ għajnuna għal taħriġ f’livell terzjarju, għal raġunijiet ta’ natura pjuttost soċjali, il-Qorti tal-Ġustizzja tanalizza s-sitwazzjoni billi tieħu bħala punt ta’ referenza, mhux iktar il-ħaddiem li lilu tkun ġiet rikonoxxuta, l-istess bħalma tkun ġiet rikonoxxuta lill-familja tiegħu, l-ugwaljanza fit-trattament f’dak li jirrigwarda l-għoti tal-vantaġġi soċjali, iżda l-istudent innifsu. Fi kliem ieħor, l-integrazzjoni ekonomika tal-ġenitur ħaddiem transkonfinali mhux bilfors tissarraf, awtomatikament, fl-integrazzjoni soċjali tal-membri tal-familja tiegħu. Barra minn hekk, il-vokabularju użat mill-Qorti tal-Ġustizzja mhux l-istess, hija ma titkellimx dwar “ċertu grad ta’ integrazzjoni” (65) biex tinvoka “grad effettiv ta’ konnessjoni” (66) . Il-priżma tal-analiżi ma jibqax il-ħaddiem u r-rabtiet li għandu mas-soċjetà tal-Istat tal-impjieg, iżda l-istudent innifsu. Fil-fatt, għalkemm ir-rekwiżit ta’ residenza ta’ tliet snin ma ġiex meqjus bħala wieħed xierqa biex tiġi vverifikata l-integrazzjoni ekonomika tal-ħaddiem transkonfinali, dan l-istess rekwiżit tqies bħala xierqa mill-Qorti tal-Ġustizzja biex tiġi stabbilita l-konnessjoni soċjali tal-istudent. Il-Qorti tal-Ġustizzja tidher ukoll li rrikonoxxiet li l-benefiċċju tal-għanjuna seta’ jiġi rriżervat favur l-istudenti li x’aktarx imorru lura biex jistabbilixxu ruħhom fl-Istat tal-għoti tal-għajnuna u b’hekk irrikonoxxiet ir-rabta bejn ir-residenza tal-istudent fil-mument li ssir it-talba għall-għanjuna u l-aspettattiva tar-“ritorn” kif ippreżentata. Madankollu, fl-aħħar nett, hija qieset li r-rekwiżit ta’ residenza ta’ tliet snin kien imur kontra d-dritt tal-Unjoni inkwantu kien sproporzjonat, preċiżament għaliex ir-residenza ta’ tliet snin mis-sitta ta’ qabel it-talba — u xejn iktar — kien rekwiżit riġidu wisq biex jiġi stabbilit grad reali ta’ konnessjoni.

2. Dwar in-natura xierqa tar-rekwiżit ta’ residenza

59. Il-kwistjoni għalhekk hija waħda li jiġi stabbilit, fid-dawl tal-argumenti preċedenti, jekk ir-rekwiżit ta’ residenza rikjest mit-tfal ta’ ħaddiema transkonfinali mill-Istat tal-Gran Dukat tal-Lussemburgu, għall-pretensjoni tal-benefiċċju ta’ għajnuna għal taħriġ f’livell terzjarju, huwiex xieraq biex tiġi stabbilita l-eżistenza tal-probabbiltà raġonevoli tar-ritorn, li l-imsemmi Stat qies bħala meħtieġa għat-twettiq tal-għan leġittimu mfittex.

60. Ir-risposta tinsab fir-redazzjoni stess tal-għan. Jekk il-Qorti tal-Ġustizzja tirrikonoxxi — kif diġà stedintha li tagħmel — li-Istat Lussemburgiż jista’, b’mod leġittimu, jieħu miżuri ta’ natura li jiffavorixxu l-aċċess, lill-popolazzjoni residenti għall-edukazzjoni terzjarja, bl-aspettattiva li din il-popolazzjoni, iktar minn kwalunkwe popolazzjoni oħra, x’aktarx tintegra is-suq tax-xogħol Lussemburgiż ladarba l-istudji jkunu ġew finalizzati u b’hekk irendu l-istess suq iktar għani, hija għandha wkoll tirrikonoxxi, b’mod korollarju, li r-rekwiżit ta’ residenza huwa xieraq biex jiġi ggarantit l-imsemmi għan, inkwantu jirriżerva l-benefiċċju tal-għajnuna unikament lir-residenti Lussemburgiżi.

3. Dwar in-natura proporzjonata tar-rekwiżit ta’ residenza

61. Ir-rekwiżit ta’ residenza, inkwistjoni fil-kawża Il-Kummissjoni vs Il-Pajjiżi l-Baxxi, iċċitata iktar ’il fuq, li kien impost biss fid-dawl tal-finanzjament għal taħriġ f’livell terzjarju barra mill-Pajjiżi l-Baxxi (67), kien jitqies bħala sodisfatt kemm-il darba l-persuna li kienet qed tressaq it-talba setgħet tipprova residenza kontinwa ta’ tliet snin mis-sitt snin li kienu jippreċedu t-talba. Kif indikajt, mis-sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Pajjiżi l-Baxxi, iċċitata iktar ’il fuq, jirriżulta li l-Qorti tal-Ġustizzja ma xtaqitx teżenta lit-tfal tal-ħaddiema transkonfinali mill-obbligu li jippruvaw rabta ta’ konnessjoni mas-soċjetà tal-Istat tal-impjieg tal-ġenitur tagħhom, meta l-imsemmija tfal jagħmlu talba, f’dan l-Istat, għal għajnuna mobbli relatata mal-edukazzjoni terzjarja. Madankollu, hija kkonfermat b’mod ċar li r-rekwiżit ta’ residenza ta’ tliet snin ma għandux jitqies mill-Istati bħala l- uniku element li jirrapreżenta din ir-rabta.

62. Għaldqastant, ir-rekwiżit ta’ residenza impost mill-Gran Dukat tal-Lussemburgu jrid jiġi eżaminata fid-dawl ta’ din l-evalwazzjoni. Il-kwistjoni ċentrali hija dik li jiġi stabbilit jekk huwiex biss rekwiżit tar-residenza minn qabel li jista’ jiżgura lill-Istat tal-Gran Dukat tal-Lussemburgu il-minimu tar-“ritorn fuq l-investiment”, jekk tippermettuli din il-frażi, probabbiltà raġonevoli li l-benefiċċjarji tal-għajnuna jmorru jistabbilixxu ruħhom fil-Lussemburgu u jpoġġu lilhom infushom għad-dispożizzjoni tas-suq tax-xogħol tiegħu, biex jikkontribwixxu għad-dinamika ekonomika ġdida tal-pajjiż. Għall-finijiet ta’ din l-evalwazzjoni, inqis li jkun utli li wieħed jindika lill-Qorti tar-rinviju żewġ serje ta’ analiżi.

63. L-ewwel analiżi li għandha titwettaq mill-qorti tar-rinviju tikkonsisti fil-verifika li t-test eżegwit mill-awtoritajiet nazzjonali meta dawn jiddeċiedu dwar talba għar-residenza, fin-nuqqas tal-impożizzjoni ta’ perijodu minimu, huwa ta’ natura mhux purament formali iżda huwa suffiċjenti biex jistabbilixxi l-eżistenza tal-probabbiltà raġonevoli tad-disponibbiltà tal-persuna li tkun qed tagħmel it-talba li tinserixxi ruħha fil-ħajja ekonomika u soċjali Lussemburgiża.

64. It-tieni analiżi li nissuġġerixxi lill-qorti tar-rinviju li tagħmel hija marbuta mal-fatt li l-għajnuna għal taħriġ f’livell terzjarju, prevista mil-leġiżlazzjoni Lusemburgiża, hija għajnuna mobbli u li bħala tali, tista’ tintuża barra mill-pajjiż tal-għoti, bil-konsegwenza li l-istudenti li jibbenefikaw minnha jistgħu jiġu attirati mis-suq tax-xogħol tal-pajjiż fejn jeżegwixxu l-istudji tagħhom. Dan l-element jimplika li l-fatt li wieħed ikun residenti fil-mument meta jagħmel it-talba għall-għanjuna għal taħriġ f’livell terzjarju, meqjus biss fih innifsu, ma jikkostitwixxix probabbiltà suffiċjenti u raġonevoli tar-ritorn tiegħu fl-Istat li jkun għamel l-għotja. Biex l-użu tal-kriterju inkwistjoni jitqies bħala wieħed proporzjonat għall-għan imfittex, irid jiġi vverifikat jekk l-għan tat-trasformazzjoni tal-ekonomija Lussemburgiża f’ekonomija tal-għarfien — jiġifieri ekonomija li tipproponi servizzi estiżi f’sens l-iktar wiesa’ — kienx effettivament akkumpanjat minn azzjonijiet pubbliċi intiżi għall-iżvilupp konkret ta’ prospetti ġodda ta’ xogħol f’dan is-sens, u dan mhux biss fis-setturi li fihom il-Gran Dukat tal-Lussemburgu joffri possibbiltajiet ta’ taħriġ f’livell terzjarju, iżda wkoll f’setturi oħra, u dan minħabba l-fatt li, biex jiġi stabbilit li l-kriterju tal-proporzjonalità ġie sodisfatt, mhux biżżejjed li jiġu vverifikati l-karatteristiċi tal-miżura speċifika u tal-għan imfittex, iżda għandu wkoll jiġi eżaminat il-mod konkret ta’ kif wieħed qed jaġixxi biex iwettaq dan tal-aħħar.

65. Għalhekk, għar-raġunijiet kollha esposti iktar ’il fuq, inqis li hija l-qorti tar-rinviju li għandha tiddikjara, wara li tkun evalwat l-elementi kollha meħtieġa rilevanti, li attwalment ma humiex għad-dispożizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja, in-natura xierqa u proporzjonata tar-rekwiżit ta’ residenza impost permezz tal-Liġi tas-26 ta’ Lulju 2010 fuq it-tfal tal-ħaddiema transkonfinali li jkunu qed jagħmlu talba ta’ għajnuna għal taħriġ f’livell terzjarju.

V – Konklużjoni

66. Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nissuġġerixxi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi kif ġej għad-domanda magħmula mit-Tribunal administratif du Grand-Duché de Luxembourg:

L-għan li jiżdied il-proporzjon ta’ persuni residenti li għandhom edukazzjoni terzjarja, jikkostitwixxi għan leġittimu li jista’ jiġġustifika, fid-dawl tal-Artikolu 7(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1612/68, tal-15 ta’ Ottubru 1968, dwar il-libertà tal-moviment għall-ħaddiema fi ħdan il-Komunità, u l-Artikolu 45 TFUE, diskriminazzjoni indiretta. Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika, wara li tkun evalwat l-elementi kollha meħtieġa rilevanti għal dan il-għan, u b’mod partikolari dawk li dwarhom inġibditilha l-attenzjoni iktar ’il fuq, li r-rekwiżit ta’ residenza impost permezz tal-Liġi tas-26 ta’ Lulju 2010, fuq it-tfal tal-ħaddiema transkonfinali li jagħmlu talba ta’ għajnuna għal taħriġ f’livell terzjarju, huwa xierqa u ma jmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ biex jintlaħaq l-għan imfittex.

(1) .

(2)  – ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 1, p. 15.

(3)  – Ir-Regolament Nru 1612/68 ġie mħassar permezz tar-Regolament (UE) Nru 492/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-5 ta’ April 2011, dwar il-moviment liberu tal-ħaddiema fi ħdan l-Unjoni (ĠU L 141, p. 1). L-Artikolu 7(1) u (2) tar-Regolament Nru 492/2011 irriproduċa, fil-liġi preżenti, il-kontenut tal-Artikolu 7(1) u (2) tar-Regolament Nru 1612/68.

(4)  – Mémorial A 2010, p. 2040.

(5)  – Mémorial A 2000, p. 1106.

(6)  – L-Artikolu 2(a) tal-Liġi tat-22 ta’ Ġunju 2000.

(7)  – Ara l-Artikolu uniku tal-Liġi tal-4 ta’ April 2005 li jemenda l-Liġi tat-22 ta’ Ġunju 2000 dwar l-għajnuna finanzjarja tal-Istat għal taħriġ f’livell terzjarju (Mémorial A 2005).

(8)  – L-Artikolu 4 tal-Liġi tat-22 ta’ Ġunju 2000.

(9)  – Mémorial A 2000, p. 2548.

(10)  – L-ewwel inċiż tal-Artikolu 5(4) tar-Regolament Gran-Dukali tal-5 ta’ Ottubru 2000.

(11)  – It-tieni inċiż tal-Artikolu 5(4) tar-Regolament Gran-Dukali tal-5 ta’ Ottubru 2000.

(12)  – L-Artikolu 3 tal-Liġi tat-22 ta’ Ġunju 2000. Dan l-ammont jinkludi għajnuna f’forma ta’ self.

(13)  – L-Artikolu 5(3) tar-Regolament Gran-Dukali tal-5 ta’ Ottubru 2000.

(14)  – Mémorial A 2008, p. 2024 (għat-test dettaljat, ara Mémorial A 2012, p. 874).

(15)  – ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 5, p. 46.

(16)  – L-Artikolu 2 tal-Liġi tas-26 ta’ Lulju 2010.

(17)  – Ara l-Artikolu 6(1), punti 1 u 3, tal-Liġi tad-29 ta’ Awwissu 2008.

(18)  – L-Artikolu 4 tal-Liġi tas-26 ta’ Lulju 2010.

(19)  – Mémorial A 2010, p. 3430.

(20)  – Artikolu 3 tal-Liġi tat-22 ta’ Ġunju 2000, kif emendat bil-Liġi tas-26 ta’ Lulju 2010. Dan l-ammont jinkludi għajnuna f’forma ta’ self.

(21)  – L-Artikolu 4 tar-Regolament Gran-Dukali tat-12 ta’ Novembru 2010, ħassar l-Artikolu 5 tar-Regolament Gran-Dukali tal-5 ta’ Ottubru 2000.

(22)  – Ara l-Artikolu 3(2) tal-Liġi tad-19 ta’ Ġunju 1985 dwar l-allowances tal-familja u li jistabbilixxi l-fond nazzjonali għall-benefiċċji tal-familja (Mémorial A 1985, p. 680).

(23)  – Ara l-Artikolu V(2) tal-Liġi tas-26 ta’ Lulju 2010. L-ammont tal-allowance tal-familja għal wild hija ta’ EUR 234.12 fix-xahar, jiġifieri EUR 2 809.44 fis-sena [ara l-Artikolu 272(1)(a) u l-Artikolu 272(2) tal-Kodiċi tas-sigurtà soċjali].

(24)  – L-Artikolu II(1) tal-Liġi tas-26 ta’ Lulju 2010.

(25) – Il-qorti tar-rinviju tinvoka b’mod partikolari s-sentenza tas-26 ta’ Frar 1992, Bernini (C-3/90, Ġabra p. I-1071).

(26)  – Ara s-sentenza tal-11 ta’ Settembru 2007, Hendrix (C-287/05, Ġabra p. I-6909, punt 53 u l-ġurisprudenza ċċitata).

(27)  – Għal din ir-raġuni, il-kawża preżenti tiddistingwi ruħha b’mod ċar mis-sitwazzjoni inkwistjoni fil-kawżi Bidar [sentenza tal-15 ta’ Marzu 2005 (C-209/03, Ġabra p. I-2119)] u Förster [sentenza tat-18 ta’ Novembru 2008 (C-158/07, Ġabra p. I-8507)] peress li hemmhekk kellhom jiġu ddeterminati d-drittijiet ta’ ċittadini li ma humiex attivi ekonomikament.

(28)  – Ara l-punt 3 tal-kummentarju taħt l-Artikolu 203 tal-Kodiċi Ċivili Lussemburgiż.

(29)  – Sentenza tal-14 ta’ Ġunju 2012, Il-Kummissjoni vs Il-Pajjiżi l-Baxxi (C-542/09, punt 34 u l-ġurisprudenza ċċitata).

(30)  – Is-sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Pajjiżi l-Baxxi, iċċitata iktar ’il fuq (punt 35 u l-ġurisprudenza ċċitata).

(31)  – Sentenza Hendrix, iċċitata iktar ’il fuq (punt 47 u l-ġurisprudenza ċċitata). Ara wkoll ir-raba’ premessa tar-Regolament Nru 1612/68.

(32)  – Ara, b’mod partikolari, ir-Regolament (KE) Nru 883/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tad-29 ta’ April 2004, dwar il-kordinazzjoni ta’ sistemi ta’ sigurtà soċjali (Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 5, p. 72).

(33)  – Is-sentenza Bernini, iċċitata iktar ’il fuq (punt 26).

(34)  – Sentenzi Bernini, iċċitata iktar ’il fuq (punt 26); tat-8 ta’ Ġunju 1999, Meeusen (C-337/97, Ġabra p. I-3289, punt 22), kif ukoll tal-5 ta’ Mejju 2011, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja (C-206/10, Ġabra p. I-3573, punt 36).

(35)  – Is-sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Pajjiżi il-Baxxi, iċċitata iktar ’il fuq (punt 37 u l-ġurisprudenza ċċitata).

(36)  – Ibidem (punt 38).

(37)  – Idem (punt 38).

(38)  – Ibidem (punt 44).

(39)  – Ibidem (punt 55).

(40)  – Fl-osservazzjonijiet tiegħu bil-miktub, il-Gvern Lussemburgiż jippreżenta ċ-ċifra ta’ 39.5 % ta’ persuni li għandhom bejn l-24 u 29 sena (ir-rata ta’ persuni li għandhom edukazzjoni terzjarja fost iċ-ċittadini Lussemburgiżi hija ta’ madwar 22 %, l-etajiet kollha meħuda flimkien).

(41)  – Sentenza tal-15 ta’ Marzu 2005 (C-209/03, Ġabra p. I-2119, punt 56).

(42)  – COM(2010) 2020 finali, tat-3 ta’ Marzu 2010.

(43)  – Ibidem (p. 5 u 12).

(44)  – Ibidem (p. 5).

(45)  – Komunikazzjoni tal-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq (p. 5). Ara wkoll il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni “Aġenda għall-ħiliet ġodda u l-impjiegi: Kontribut Ewropew lejn livell massimu ta’ impjiegi” [COM(2010) 682 finali tat-23 ta’ Novembru 2010].

(46)  – ĠU 119, p. 2.

(47)  – Ibidem (Anness I).

(48)  – Konklużjonijiet tal-Kunsill tal-11 ta’ Mejju 2010 dwar id-dimensjoni soċjali tal-edukazzjoni u t-taħriġ (ĠU C 135, p. 2).

(49)  – Konklużjonijiet tal-Kunsill tad-19 ta’ Novembru 2010 dwar l-inizjattiva Żgħażagħ f’Moviment – approċċ integrat bi tweġiba għall-isfidi li jiffaċċjaw iż-żgħażagħ (ĠU C 326, p. 9).

(50)  – Ara l-Anness tar-Riżoluzzjoni tal-Kunsill dwar aġenda Ewropea mġedda għat-tagħlim għall-adulti (ĠU C 372, p. 1).

(51)  – L-Artikoli 6 TFUE u 165 TFUE.

(52)  – Fl-istess sens, ara l-punt 139 tal-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Sharpston fil-kawża li tat lok għas-sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Pajjiżi l-Baxxi, iċċitata iktar ’il fuq.

(53)  – Punt 28 tal-imsemmija osservazzjonijiet.

(54)  – Sentenza ċċitata iktar ’il fuq (punti 60 et seq ).

(55)  – Ibidem (punt 57 u l-ġurisprudenza ċċitata).

(56)  – Ibidem (punt 63). Korsiv miżjud minni.

(57)  – Ibidem (punt 65). Korsiv miżjud minni.

(58)  – Ibidem (punt 73).

(59)  – Ibidem (punti 70 et seq ).

(60)  – Ibidem (punti 76 u 77).

(61)  – Ibidem (punt 78).

(62)  – Ibidem (punt 79).

(63)  – Ibidem (punt 86). Korsiv miżjud minni.

(64)  – Ara l-punti 50 et seq ta’ dawn il-konklużjonijiet.

(65)  – Jew ċertu livell ta’ integrazzjoni (ara l-punti 61 u 63 tas-sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Pajjiżi l-Baxxi, iċċitata iktar ’il fuq).

(66)  – Is-sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Pajjiżi l-Baxxi, iċċitata iktar ’il fuq (punt 86).

(67)  – Ara l-punt 14 tal-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Sharpston fil-kawża li tat lok għas-sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Pajjiżi l-Baxxi, iċċitata iktar ’il fuq.


KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

MENGOZZI

ppreżentati fis-7 ta’ Frar 2013 ( 1 )

Kawża C-20/12

Elodie Giersch

Benjamin Marco Stemper

Julien Taminiaux

Xavier Renaud Hodin

Joëlle Hodin

vs

Il-Gran Dukat tal-Lussemburgu

[talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mit-Tribunal administratif du Grand-Duché de Luxembourg (il-Lussemburgu)]

“Moviment liberu tal-ħaddiema — Ugwaljanza fit-trattament — Vantaġġi soċjali — Għajnuna finanzjarja għal taħriġ f’livell terzjarju — Rekwiżit ta’ residenza — Diskriminazzjoni indiretta — Għan li jiżdied il-proporzjon ta’ persuni li għandhom diploma ta’ edukazzjoni terzjarja — Natura xierqa u proporzjonata tar-rekwiżit ta’ residenza”

1. 

Il-Qorti tal-Ġustizzja hija mistiedna tippronunzja ruħha dwar il-kompatibbiltà, mad-dritt tal-Unjoni, tar-rekwiżit ta’ residenza impost, b’mod partikolari fil-Lussemburgu, fuq it-tfal ta’ ħaddiema transkonfinali sabiex ikunu jistgħu jibbenefikaw minn għajnuna għal taħriġ f’livell terzjarju, u dan ikun il-post fejn bi ħsiebhom jistudjaw.

2. 

Għalkemm it-tema li tikkonċerna dan ir-rinviju preliminari hija diġà s-suġġett ta’ ġurisprudenza kunsiderevoli, il-partikolarità tal-kawża jinsab fil-fatt li, minn naħa, it-tilwima fil-kawża prinċipali qamet fi Stat Membru li s-suq tax-xogħol tiegħu huwa kkaratterizzat minn preżenza qawwija ta’ ħaddiema transkonfinali u, min-naħa l-oħra, il-kwistjoni tad-dritt għall-finanzjament ta’ taħriġ f’livell terzjarju hija preċiżament konnessa mad-drittijiet mogħtija lill-imsemmija ħaddiema — u mhux lill-istudenti bħala tali — mid-dritt tal-Unjoni.

I – Il-kuntest ġuridiku

A – Id-dritt tal-Unjoni

3.

L-Artikolu 7(1) u (2) tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1612/68, tal-15 ta’ Ottubru 1968, dwar il-libertà tal-moviment għall-ħaddiema fi ħdan il-Komunità ( 2 ), li kien japplika meta seħħew il-fatti ( 3 ), jistabbilixxi:

“1.   Ħaddiem ċittadin ta’ xi Stat Membru ma jistax, fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor, ikun trattat b’mod differenti minn ħaddiema nazzjonali minħabba ċ-ċittadinanza tiegħu fir-rigward ta’ kwalunkwe kondizzjoni tal-impjieg u tax-xogħol, partikolarment fir-rigward ta’ paga, tkeċċija u jekk hu jisfa’ mingħajr xogħol, ingaġġ mill-ġdid jew impjieg mill-ġdid.

2.   Huwa għandu jgawdi l-istess vantaġġi soċjali u ta’ taxxa bħaċ-ċittadini ta’ dak l-Istat Membru.”

B – Il-liġi Lussemburgiża

1. Is-sistema ta’ għajnuna għal taħriġ f’livell terzjarju fil-Lussemburgu

4.

Il-Liġi tas-26 ta’ Lulju 2010 ( 4 ) li fuqha hija msejsa s-sistema Lussemburgiża attwali ta’ għajnuna għal taħriġ f’livell terzjarju, emendat diversi punti tas-sistema preċedenti. L-imsemmija għajnuna tista’ tintalab jkun liema jkun l-Istat li fih il-persuna li qed tressaq it-talba tixtieq twettaq it-taħriġ tagħha f’livell terzjarju.

5.

Għandu jiġi nnotat li skont il-Liġi tat-22 ta’ Ġunju 2000 ( 5 ), kienu biss iċ-ċittadini Lussemburgiżi u persuni residenti fil-Lussemburgu li kienu eleġibbli għall-għajnuna. Oriġinarjament, il-liġi tal-2000 kienet teżiġi li ċittadin Lussemburgiż jipprova n-nazzjonalità tiegħu ( 6 ) filwaqt li ċittadin tal-Unjoni mhux Lussemburgiż kellu jkun domiċiljat fil-Lussemburgu u jaqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikoli 7 jew 12 tar-Regolament Nru 1612/68. Permezz ta’ liġi tal-2005 ( 7 ) din id-diskriminazzjoni ġiet korretta, bir-rekwiżit li ċ-ċittadini Lussemburgiżi kellhom jiddisponu mid-domiċilju tagħhom fit-territorju Lussemburgiż biex ikunu intitolati għall-benefiċċju tal-għajnuna. Il-ħaddiema transkonfinali li ab initio ma jirrisjedux fil-Lussemburgu, kienu esklużi mill-kamp tal-applikazzjoni l-Liġi tat-22 ta’ Ġunju 2000.

6.

Taħt is-sistema tal-Liġi tat-22 ta’ Ġunju 2000, l-għajnuna kienet fil-forma ta’ borża ta’ studju u ta’ self, u l-proporzjon li fih l-għajnuna finanzjarja kienet tingħata kien ivarja “skont, minn naħa, is-sitwazzjoni finanzjarja u soċjali tal-istudent u tal-ġenituri tiegħu kif ukoll, min-naħa l-oħra, l-ispejjeż ta’ reġistrazzjoni li għandhom jitħallsu mill-istudent” ( 8 ). Il-metodi li skonthom kienet tiġi evalwata s-sitwazzjoni finanzjarja u soċjali tal-ġenituri kienu ġew stabbiliti fir-regolament Gran-Dukali tal-5 ta’ Ottubru 2000 ( 9 ) li l-Artikolu 5 tiegħu kien jipprovvdi li l-ammont bażiku tal-għajnuna seta’ jiżdied jekk żewġt itfal jew iktar mill-istess unità familjari kienu qed isegwu taħriġ f’livell terzjarju ( 10 ) kif ukoll li l-għajnuna setgħet titnaqqas bl-ammont ekwivalenti għal ammonti ta’ allowances annwali tal-familja jekk dawn l-allowances kienu qed jingħataw għall-istudent ( 11 ). Skont il-Liġi tat-22 ta’ Ġunju 2000, l-ammont massimu totali li seta’ jiġi allokat kien ta’ EUR 16 350 għal sena akkademika ( 12 ) u dan l-ammont kien jiġi rivedut kull sena skont l-iskala tas-salarji ( 13 ).

7.

Il-Liġi tas-26 ta’ Lulju 2010 tikkostitwixxi l-bażi legali tas-sistema attwali ta’ għajnuna. Hija tistabbilixxi li ċ-ċittadini tal-Unjoni li jirrisjedu, skont il-Kapitolu 2 tal-Liġi emendata tad-29 ta’ Awwissu 2008 dwar il-moviment liberu tal-persuni u l-imigrazzjoni fil-Gran Dukat tal-Lussemburgu ( 14 ), li ttrasponiet fid-dritt Lussemburgiż id-Direttiva 2004/38/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tad-29 ta’ April 2004, dwar id-drittijiet taċ-ċittadini tal-Unjoni u tal-membri tal-familja tagħhom biex jiċċaqilqu u jgħixu liberament fit-territorju tal-Istati Membri, li temenda r-Regolament (KEE) Nru 1612/68 u tħassar id-Direttivi 64/221/KEE, 68/360/KEE, 72/194/KEE, 73/148/KEE, 75/34/KEE, 75/35/KEE, 90/364/KEE, 90/365/KEE u 93/96/KEE ( 15 ), jistgħu jitolbu l-għajnuna għal taħriġ f’livell terzjarju ( 16 ). L-Artikolu 6(1) tal-Liġi emendata tad-29 ta’ Awwissu 2008 jistabbilixxi li ċittadin tal-Unjoni għandu d-dritt li jgħix fit-territorju Lussemburgiż għal perijodu ta’ iktar minn tliet xhur jekk jissodisfa jew ir-rekwiżit li jeżerċita, bħala ħaddiem, attività bħala persuna impjegata jew inkella attività indipendenti, kif ukoll ir-rekwiżit li jkun irreġistrat f’istituzzjoni pubblika jew privata, rikonoxxuta fil-Lussemburgu, biex hemmhekk isegwi prinċipalment l-istudji tiegħu u jekk jiggarantixxi li għandu assigurazzjoni għall-mard u riżorsi suffiċjenti għalih innifsu u għall-membri tal-familja tiegħu biex ma jkunx ta’ piż fuq is-sistema tal-assistenza soċjali ( 17 ).

8.

Wara l-adozzjoni tal-Liġi tas-26 ta’ Lulju 2010, il-proporzjon li fih l-għajnuna finanzjarja tingħata taħt forma ta’ borża ta’ studju jew ta’ self ivarja biss skont is-sitwazzjoni finanzjarja u soċjali tal-istudent kif ukoll l-ispejjeż ta’ reġistrazzjoni li jridu jitħallsu minnu ( 18 ). Konsegwentement, ir-Regolament Gran-Dukali tat-12 ta’ Novembru 2010 ( 19 ), meħud skont il-Liġi tas-26 ta’ Lulju 2010, emenda r-Regolament Gran-Dukali tal-5 ta’ Ottubru 2000 billi ħassar ir-riferimenti kollha li kien fih għas-sitwazzjoni tal-ġenituri tal-istudent li jitlob l-għajnuna. L-ammont massimu tal-għajnuna huwa ta’ EUR 17 700 għal sena akkademika ( 20 ). Dan l-ammont ma għadux indiċjat ( 21 ).

2. Is-sitwazzjoni tal-ħaddiema transkonfinali fil-qasam tal-finanzjament tat-taħriġ f’livell terzjarju fir-rigward tas-sistema Lussemburgiża

9.

Huwa paċifiku li, anki taħt is-sistema tal-Liġi tat-22 ta’ Ġunju 2000, it-tfal tal-ħaddiema transkonfinali ma kinux jissodisfaw ir-rekwiżiti biex jirċievu l-għajnuna għal taħriġ f’livell terzjarju, peress li l-imsemmija liġi kienet teżiġi l-kriterju ta’ residenza fil-Lussemburgu. Madankollu, il-ħaddiema transkonfinali li kienu jaqgħu taħt is-sistema Lussemburgiża tas-sigurtà soċjali, kienu jirċievu “allowances tal-familja” għal kull wild ta’ 18-il sena jew iktar li kien qed isegwi taħriġ f’livell terzjarju fil-Lussemburgu jew barra mil-Lussemburgu ( 22 ). Barra minn hekk, il-benefiċjarji tal-allowances tal-familja kellhom ukoll id-dritt għall-benefiċċju tat-tfal (EUR 76.88 fix-xahar fl-1 ta’ Jannar 2009). L-allowances tal-familja għal taħriġ f’livell terzjarju, jiġifieri dawk li kienu jibqgħu jiġu mħallsa wara li l-wild jagħlaq it-18-il sena, setgħu jitħallsu direttament lil dan tal-aħħar f’każ li jressaq talba f’dan ir-rigward.

10.

Madankollu, il-Liġi tas-26 ta’ Lulju 2010 emendat l-istat tal-leġiżlazzjoni fis-seħħ u l-paragrafu tlieta tal-Artikolu 271 tal-Kodiċi tas-sigurtà soċjali, fis-sens li minn dakinhar ’il quddiem, id-dritt tal-allowances tal-familja għal tfal minn 18-il sena ’il fuq kien japplika biss għal tfal li kienu qed jeżegwixxu studji f’livell sekondarju jew sekondarju tekniku (u mhux iktar terzjarju) ( 23 ), u dan ikun xi jkun il-post magħżul għall-istudji. Għal dak li jirrigwarda l-benefiċċju tat-tfal, dan jitħallas biss lill-istudenti li jkunu qed jibbenefikaw mill-għajnuna għal taħriġ f’livell terzjarju, li minnha huwa meqjus li jagħmel parti integrali, kemm-il darba l-imsemmija studenti jkunu għadhom marbuta mal-unità familjari tal-ġenituri tagħhom ( 24 ). Id-dritt ta’ moderazzjoni fir-rigward ta’ taxxa, għal tfal li la bbenefikaw mill-benefiċċju tat-tfal u lanqas mill-għajnuna finanzjarja tal-Istat għal taħriġ f’livell terzjarju, jidher madankollu li huwa rrikonoxxut.

II – It-tilwima fil-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

11.

E. Giersch J. Hodin kif ukoll J. Taminiaux huma ċittadini Belġjani. Huma jirrisjedu fil-Belġju u għandhom għallinqas wieħed miż-żewġ ġenituri tagħhom li huwa ħaddiem transkonfinali fil-Lussemburgu. B. Stemper huwa ċittadin Ġermaniż, huwa jirrisjedi fil-Ġermanja. Missieru jaħdem il-Lussemburgu, mingħajr madankollu ma jgħix hemmhekk.

12.

E. Giersch u J. Hodin kif ukoll J. Taminiaux jixtiequ jsegwu l-istudji tagħhom fil-Belġju, jiġifieri fl-Istat ta’ residenza tagħhom, filwaqt li B. Stemper jixtieq ikompli l-istudji tiegħu fir-Renju Unit. Kull wieħed minn dawn l-erbgħat itfal ta’ ħaddiema transkonfinali fil-Lussemburgu, ressqu talba għall-għajnuna finanzjarja għal taħriġ f’livell terzjarju fix-xhur ta’ Settembru u ta’ Ottubru 2010.

13.

Il-ministru Lussemburgiż għall-edukazzjoni terzjarja u għar-riċerka ċaħad it-talbiet tagħhom għar-raġuni li l-imsemmija tfal ma jirrisjedux fil-Lussemburgu, rekwiżit li huwa meħtieġa għall-pretensjoni tal-benefiċċju tal-għajnuna prevista mil-Liġi tas-26 ta’ Lulju 2010.

14.

L-imsemmija tfal ilkoll ressqu, prinċiplment jew sussidjarjament, rikorsi għal annullament kontra d-deċiżjonijiet ta’ ċaħda tal-imsemmi ministru quddiem it-Tribunal administratif du Grand-Duché de Luxembourg, li jindika li dawn l-erba’ rikorsi huma eżemplari ta’ xi 600 rikors ieħor simili pendenti.

15.

Quddiem il-qorti tar-rinviju, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali jargumentaw li teżisti diskriminazzjoni diretta minħabba l-fatt li l-leġiżlazzjoni Lussemburgiża teżiġi miċ-ċittadini Lussemburgiżi li jkunu domiċiljati fil-Lussemburgu, filwaqt li teżiġi miċ-ċittadini mhux Lussemburgiżi li jkunu jirrisjedu hemmhekk. Sussidjarjament, jikkonkludu li teżisti diskriminazzjoni indiretta mhux ġustifikata, li b’mod partikolari tmur kontra l-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 1612/68, peress li r-rekwiżit ta’ residenza jista’ jiġi sodisfatt iktar faċilment miċ-ċittadini nazzjonali u ġie implementat biss bil-għan li l-ħaddiema transkonfinali jiġu esklużi mill-benefiċċju tal-għajnuna.

16.

Dejjem quddiem l-istess tribunal, l-Istat tal-Gran Dukat tal-Lussemburgu jinnega l-eżistenza ta’ kwalunkwe diskriminazzjoni u jsostni li, fis-sens tad-dritt Lussemburgiż, il-kunċetti tad-domiċilju u tar-residenza huma, fl-aħħar mill-aħħar, ekwivalenti. L-Istat tal-Gran Dukat tal-Lussemburgu ma jaqbilx, barra minn hekk, mal-klassifikazzjoni tal-għajnuna mill-Istat għal taħriġ f’livell terzjarju bħala “vantaġġ soċjali”, fis-sens tal-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 1612/68, peress li hija allokata unikament lill-istudenti, meqjusa bħala adulti awtonomi, u mingħajr qies għas-sitwazzjoni personali tal-ġenituri tagħhom. Fi kwalunkwe każ, l-għan imfittex mis-sistema Lussemburgiża ta’ għajnuna għal taħriġ f’livell terzjarju, li huwa dak li jiżdied b’mod sinjifikattiv il-proporzjon ta’ persuni li jirrisjedu fil-Lussemburgu li għandhom edukazzjoni terzjarja — proporzjon li qed jonqos meta mqabbel mal-medja Ewropea — jiġġustifika l-fatt li huma biss ir-residenti li jista’ jkollhom pretensjoni għall-benefiċċju tal-imsemmija għajnuna. Jekk jitneħħa r-rekwiżit ta’ residenza, dan ikollu r-riżultat li kwalunkwe student, mingħajr rabta mas-soċjetà Lussemburgiża, ikun jista’ jibbenefika minnha biex jistudja fi kwalunkwe pajjiż, ikun liema jkun. Dan jinkuraġġixxi, fil-veru sens tal-kelma, it-turiżmu għall-boroż ta’ studju u jista’ jwassal għal piż finanzjarju li mhux sostenibli għall-Istat tal-Gran Dukat tal-Lussemburgu, li jkollu għalhekk iqis mill-ġdid il-prinċipju nnifsu tal-possibbiltà tal-għajnuna.

17.

Minn naħa tagħha, il-qorti tar-rinviju tikkonstata li l-għajnuna għal taħriġ f’livell terzjarju tikkostitwixxi “vantaġġ soċjali” fis-sens tal-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 1612/68. L-għajnuna hija waħda ta’ manteniment, mogħtija direttament lill-istudenti li għadhom jiddependu fuq il-ġenituri tagħhom. Irid jingħad li skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-ugwaljanza fit-trattament stabbilita fl-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 1612/68 hija mmirata wkoll għad-dixxendenti li jiddependu fuq ħaddiem immigrant jew transkonfinali ( 25 ).

18.

Skont l-argument tal-Istat tal-Gran Dukat tal-Lussemburgu, il-qorti tar-rinviju tiċħad l-eżistenza tad-diskriminazzjoni diretta minħabba l-ekwivalenza, fid-dritt nazzjonali, bejn il-kunċetti tad-domiċilju u tar-residenza, iżda tikkonkludi li s-sistema tal-għajnuna hija msejsa fuq diskriminazzjoni indiretta, ipprojbita mid-dritt tal-Unjoni, peress li r-rekwiżit ta’ residenza huwa fil-fatt, u dejjem skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, iktar faċilment sodisfatt minn individwi nazzjonali. L-imsemmija qorti tesponi għalhekk li tali differenza fit-trattament tista’ madankollu tiġi ġġustifikata jekk tkun imsejsa fuq il-kunsiderazzjonijiet oġġettivi indipendenti tan-nazzjonalità tal-persuni kkonċernati u jekk tkun proporzjonata għall-għan leġittimu imfittex mid-dritt nazzjonali. Il-qorti tar-rinviju qed tistaqsi preċiżament dwar il-leġittimità tar-raġunijiet ta’ ġustifikazzjoni invokati mill-Istat tal-Gran Dukat tal-Lussemburgu.

19.

Quddiem din id-diffikultà ta’ interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, it-Tribunal administratif du Grand-Duché de Luxembourg iddeċieda li jissospendi l-proċeduri u permezz ta’deċiżjoni tar-rinviju li waslet fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fis-16 ta’ Jannar 2011, jagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja, abbażi tal-Artikolu 267 TFUE, id-domanda preliminari segwenti:

“Fid-dawl tal-prinċipju Komunitarju ta’ trattament ugwali mħabbar fl-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 1612/68, il-kunsiderazzjonijiet ta’ politika tal-edukazzjoni u ta’ politika baġitarja li saru mill-Istat [tal-Gran Dukat tal-Lussemburgu], jiġifieri li tipprova tiġi nkoraġġuta żieda fil-proporzjon ta’ persuni li għandhom diploma ta’ edukazzjoni ogħla, li attwalment hija insuffiċjenti meta mqabbel ma’ dik internazzjonali għal dak li jirrigwarda l-popolazzjoni residenti fil-Lussemburgu, kunsiderazzjonijiet li jkunu mhedda serjament li kieku l-Istat [tal-Gran Dukat tal-Lussemburgu] kellu jagħti l-għajnuna finanzjarja għal studji terzjarji lill-istudenti kollha, mingħajr ebda konnessjoni mas-soċjetà tal-Gran Dukat, sabiex iwettqu l-istudji terzjarji tagħhom fi kwalunkwe pajjiż fid-dinja, li jwassal għal piż li ma huwiex raġonevoli għall-baġit tal-Istat [tal-Gran Dukat tal-Lussemburgu], jikkostitwixxu kunsiderazzjonijiet, fis-sens tal-ġurisprudenza Komunitarja […] li jistgħu jiġġustifikaw it-trattament differenti li jirriżulta mill-obbligu ta’ residenza impost kemm fuq iċ-ċittadini Lussemburgiżi kif ukoll fuq ċittadini li ġejjin minn Stati Membri oħra sabiex jiksbu għajnuna għall-istudji terzjarji?”

III – Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

20.

E. Giersch, E. Hodin, J. Taminiaux, il-Gvernijiet tal-Lussemburgu, tad-Danimarka, tal-Greċja, tal-Awstrija u tal-Isvezja kif ukoll il-Kummissjoni Ewropea ppreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja.

21.

Waqt is-seduta tat-28 ta’ Novembru 2012, E. Giersch, J. Hodin, B. Stemper, J. Taminiaux, il-Gvernijiet tal-Lussemburgu, tad-Danimarka, tal-Greċja, tal-Isvezja kif ukoll il-Kummissjoni ttrattaw il-kawża.

IV – Analiżi ġuridika

22.

Biex tingħata risposta utli lill-qorti tar-rinviju, nissuġġerixxi li jiġu eżeminata fil-qosor il-klassifikazzjoni tal-għajnuna għal taħriġ f’livell terzjarju bħala “vantaġġ soċjali” fis-sens tal-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 1612/68 u l-fatt li r-rekwiżit ta’ residenza rikjest mit-tfal ta’ ħaddiema transkonfinali tikkostitwixxi diskriminazzjoni indiretta. Sussegwentement ser ngħaddi għat-test klassiku li l-Qorti tal-Ġustizzja tapplika fil-preżenza ta’ differenza fit-trattament u ser nirrispondi għad-domanda magħmula mill-qorti tar-rinviju billi neżamina mhux biss il-kompatibbiltà, mad-dritt tal-Unjoni, tar-raġunijiet ta’ leġittimità invokati mill-Gvern Lussemburgiż, iżda wkoll in-natura xierqa u proporzjonata tal-klawżola tar-residenza.

A – Dwar il-kamp tal-applikazzjoni tal-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru°1612/68 u dwar l-eżistenza ta’ diskriminazzjoni

23.

Preliminarjament huwa essenzjali li jingħad li d-domanda magħmula mill-qorti tar-rinviju tirreferi għall-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 1612/68. Dan l-artikolu huwa, fis-sens tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, “l-espressjoni partikolari, fil-qasam speċifiku tal-għoti ta’ vantaġġi soċjali, tar-regola ta’ trattament ugwali stabbilita fl-Artikolu [45(2) TFUE] u għandu jiġi interpretat bl-istess mod bħal din id-dispożizzjoni tal-aħħar” ( 26 ). Il-qorti tar-rinviju għalhekk titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja tanalizza s-sitwazzjoni fil-kawża prinċipali fid-dawl tal-moviment liberu tal-ħaddiema ( 27 ).

1. L-għajnuna għal taħriġ f’livell terzjarju mħallsa lit-tfal ta’ ħaddiema transkonfinali tikkostitwixxi vantaġġ soċjali

24.

Quddiem il-qorti tar-rinviju u matul il-proċedura preliminari preżenti, il-Gvern Lussemburgiż poġġa fid-dubju l-fatt li l-għajnuna għal taħriġ f’livell terzjarju konċesssa skont il-modijiet stabbiliti permezz tal-Liġi tas-26 ta’ Lulju 2010 taqa’ fl-ambitu tal-kunċett ta’ “vantaġġ soċjali” fis-sens tal-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 1612/68.

25.

Il-qorti tar-rinviju telqet mill-idea li, fid-dawl tal-Artikolu 203 tal-Kodiċi Ċivili Lussemburgiż, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali kellhom jitqiesu bħala dipendenti fuq il-ġenitur transkonfinali tagħhom. Huwa evidenti li hija waslet għal din il-konklużjoni abbażi ta’ żewġ elementi: il-fatt li a) l-imsemmi Artikolu 203 jiddisponi li “[l]-miżżewġin, minħabba l-fatt waħdu taż-żwieġ, jidħlu flimkien għall-obbligu li jitimgħu, imantnu u jrabbu lil uliedhom” u b) skont il-ġurisprudenza nazzjonali, li għalkemm l-obbligu tal-manteniment u tal-edukazzjoni jispiċċa, bħala prinċipju, meta t-tfal ma jibqgħux minuri, il-ġenituri jibqgħu madankollu marbuta li jipprovdulhom, anki wara din l-età, il-mezzi biex isegwu studji intiżi li jħejjuhom għall-professjoni li bi ħsiebhom jipprattikaw, kemm-il darba, madankollu, huma jkunu kapaċi isegwu dawn l-istudji ( 28 ).

26.

Mhux possibbli, għall-analiżi segwenti, li wieħed iħaddan a priori din l-idea tal-qorti tar-rinviju peress li, skont il-prinċipji tad-dritt internazzjonali privat, tali kwistjoni għandha tiġi solvuta b’riferiment għal-liġi li tistabbilixxi l-istatus personali tas-suġġett inkwistjoni. Konsegwentement, l-imsemmi Artikolu 203 kif interpretat fil-ġurisprudenza Lussemburgiża jista’ japplika għaċ-ċittadini jew għar-residenti Lussemburgiżi minħabba l-għażla tal-ordinament ġuridiku ta’ dan il-pajjiż magħmula favur il-kriterju taċ-ċittadinanza, tad-domiċilju jew tar-residenza sabiex jiddetermina tali status.

27.

Min-naħa l-oħra u b’koerenza ma’ dak li ntqal preċedentement, ma jistax jiġi dedott li r-rikorrenti fil-kawża prinċipali ma humiex dipendenti fuq il-ġenitur ħaddiem transkonfinali tagħhom minħabba l-fatt li l-Liġi tas-26 ta’ Lulju 2010 tistabbilixxi li l-għajnuna titħallas direttament lill-istudenti, li d-dħul tal-ġenituri mhux rilevanti għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-ammont tal-għajnuna u li l-għan imfittex huwa dak li l-adult żagħżugħ isir awtomonu mill-ġenituri tiegħu u jkun l-uniku wieħed li jiddeċiedi dwar il-linja li jrid jaqbad.

28.

Minn dan jirriżulta li l-qorti tar-rinviju tista’, b’mod konkret, tkun affaċjata bil-problema li dwarha qed tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja, biss jekk tistabbilixxi mhux biss li l-istudenti inkwistjoni fil-kawża prinċipali jiffurmaw parti mill-unità familjari tal-ħaddiema transkonfinali kkonċernati, iżda wkoll jekk dawn tal-aħħar iqisuhom bħala d-dipendenti tagħhom, billi jkomplu jipprovvdu għall-manteniment tagħhom, billi tivverifika, barra minn hekk, jekk dawn l-istudenti jibbenefikawx, attwalment jew potenzjalment, fil-pajjiż tagħhom ta’ residenza, minn miżura paragunabbli għal dik implementata permezz tal-Liġi tas-26 ta’ Lulju 2010.

29.

F’każ li din l-evalwazzjoni, mill-qorti tar-rinviju, twassal biex ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali jitqiesu li huma effettivament dipendenti fuq il-ġenituri ħaddiema transkonfinali tagħhom, fl-ewwel lok, għandu jitfakkar fil-qosor — wara kollox il-pożizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja hija, f’dan ir-rigward, paċifika — li “għajnuna mogħtija għall-manteniment u għat-taħriġ intiża sabiex tiġi segwita l-edukazzjoni universitarja li twassal għal kwalifika professjonali tikkostitwixxi vantaġġ soċjali, fis-sens tal-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 1612/68” ( 29 ) u li “l-finanzjament tal-edukazzjoni mogħti minn Stat Membru lill-ulied ta’ ħaddiema jikkostitwixxi, għal ħaddiem migrant, “vantaġġ soċjali” fis-sens tal-imsemmi Artikolu 7(2) fejn dan tal-aħħar ikompli jipprovdi manteniment tal-wild” ( 30 ).

30.

Fit-tieni lok, wieħed irid iżomm f’moħħu li għalkemm, skont l-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 1612/68, ħaddiem li huwa ċittadin ta’ Stat Membru ieħor, għajr dak li fih huwa professjonalment okkupat, jibbenefika mill-istess vantaġġi soċjali konċessi lill-ħaddiema nazzjonali, il-kunċett ta’ “ħaddiem” imsemmi f’din id-dispożizzjoni jkopri l-ħaddiema transkonfinali li jistgħu jinvokawhom, bl-istess mod, bħal kwalunkwe ħaddiem ieħor imsemmi f’din id-dispożizzjoni ( 31 ). Fl-interpretazzjoni tagħha tal-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 1612/68, il-Qorti tal-Ġustizzja applikat, mingħajr differenzi, il-kunċetti tal-ħaddiema immigranti u transkonfinali, preċiżament għaliex l-imsemmi regolament, kuntrarjament għal testi oħra tad-dritt sekondarju ( 32 ), ma jitrattax b’mod differenti dawn iż-żewġ kategoriji ta’ ħaddiema li jkunu eżerċitaw il-libertà tagħhom ta’ moviment.

31.

Fit-tielet lok, iċ-ċirkustanza li l-għajnuna tingħata direttament lill-istudent li huwa wild ta’ ħaddiem transkonfinali, ma taffettwax il-klassifikazzjoni tal-vantaġġ soċjali, peress li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-membri tal-familja ta’ ħaddiem immigrant jew transkonfinali “huma benefiċċjarji indiretti tal-ugwaljanza fit-trattament konċessa lil ħaddiem” kemm-il darba jkunu dipendenti fuqu ( 33 ) u li, “peress li l-għoti tal-finanzjament lil wild ta’ ħaddiem immigrant jikkostitwixxi, għall-ħaddiem immigrant, vantaġġ soċjali, il-wild jista’, huwa stess, jinvoka l-Artikolu 7(2), [tar-Regolament Nru 1612/68] biex jikseb dan il-finanzjament jekk, skont id-dritt nazzjonali, dan jingħata direttament lill-istudent” ( 34 ).

32.

Huwa għalhekk bir-raġun li l-qorti tar-rinviju qieset li l-għajnuna għal taħriġ f’livell terzjarju tikkostitwixxi “vantaġġ soċjali” fis-sens tal-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 1612/68 u li t-tfal li huma dipendenti fuq il-ħaddiema transkonfinali għandhom id-dritt li jinvokaw, quddiemha, il-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni minnu konċess.

2. Ir-rekwiżit ta’ residenza huwa indirettament diskriminatorju

33.

Minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li l-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 1612/68 jipprojbixxi, bħalma jagħmel l-Artikolu 45 TFUE, mhux biss id-diskriminazzjonijiet inekwivoki, imsejsa direttament fuq in-nazzjonalità, iżda wkoll il-forom kollha moħbija ta’ diskriminazzjoni li, bl-applikazzjoni ta’ kriterji oħra ta’ distinzjoni, iwasslu fil-fatt għall-istess riżultat ( 35 ).

34.

Ir-rekwiżit ta’ residenza, skont il-qorti tar-rinviju, japplika bl-istess mod għaċ-ċittadini Lussemburgiżi u għaċ-ċittadini ta’ Stati Membri oħra, peress li l-qorti tar-rinviju qieset, fl-interpretazzjoni tad-dritt nazzjonali tagħha, li r-rekwiżiti ta’ domiċilju u ta’ soġġorn kienu, fil-fatt ekwivalenti. F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-rekwiżit, fir-rigward taċ-ċittadini ta’ Stati Membri oħra, ta’ residenza ma huwiex direttament diskriminatorja.

35.

Madankollu, dan ir-rekwiżit ta’ residenza huwa ta’ natura “li prinċipalment ikun ta’ detriment għall-ħaddiema migranti u għall-ħaddiema transkonfinali ċittadini ta’ Stati Membri oħra, sa fejn dawk li ma humiex residenti ħafna drabi ma humiex ċittadini” ( 36 ). Huwa “immaterjali jekk il-miżura [inkwistjoni] taffettwax, jekk ikun il-każ, kemm iċ-ċittadini nazzjonali li ma jkunux jistgħu josservaw tali kriterji kif ukoll iċ-ċittadini ta’ Stati Membri oħra” ( 37 ). Fl-aħħar nett, il-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet li, f’dak li jirrigwarda l-aċess għal finanzjament mobbli, is-sitwazzjoni ta’ ħaddiem transkonfinali li jaħdem fl-istat tal-għoti tal-finanzjament, iżda li jirrisjedi fi Stat Membru ieħor tista’ titqabbel ma’ dik ta’ ċittadin tal-istat tal-għoti li jirrisjedi u jaħdem fl-imsemmi Stat ( 38 ).

36.

In-nuqqas ta’ ugwaljanza fit-trattament li jirriżulta mill-fatt li r-rekwiżit ta’ residenza huwa impost fuq studenti li huma tfal ta’ ħaddiema transkonfinali, tikkostitwixxi għalhekk diskriminazjoni indiretta, li bħala prinċipju hija pprojbita, sakemm ma tkunx oġġettivament ġustifikata u meħtieġa biex jiġi ggarantit it-twettiq tal-għan inkwistjoni u ma tmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ biex dan l-għan jintlaħaq ( 39 ).

B – Dwar il-leġittimità tal-għan imfittex

37.

Minn naħa, il-Gvern Lussemburgiż jinvoka, biex jiġġustifika it-trattament differenti tal-ħaddiema transkonfinali fir-rigward tal-għoti tal-għajnuna għal taħriġ f’livell terzjarju, għan, li huwa jikklassifika bħala “politiku” jew “soċjali”, li huwa dak li jiżdied b’mod sinjifikattiv il-proporzjon ta’ persuni li jirrisjedu fil-Lussemburgu li għandu edukazzjoni terzjarja. Din ir-rata hija attwalment ta’ 28 % ( 40 ), jiġifieri ċertament inferjuri għall-perċentwali ta’ individwi li għandhom diplomi simili fi Stati komparabbli. Il-Gvern Lussemburgiż iqis li huwa meħtieġ li jilħaq ir-rata ta’ 66 % ta’ individwi li għandhom edukazzjoni terzjarja fost il-popolazzjoni residenti ta’ bejn it-30 u l-34 sena, peress li dan jippermettilu li jaffaċja r-rekwiżit, li dejjem qiegħed isir iktar urġenti, li jiżgura t-tranżizzjoni tal-ekonomija Lussemburgiża lejn ekonomija tal-għarfien.

38.

Iċ-ċirku tal-benefiċjarji tal-għajnuna huwa limitat biss għar-residenti Lussemburgiżi minħabba l-fatt li r-residenti Lussemburgiżi jippreżentaw rabta mas-soċjetà Lussemburgiża, ta’ natura tali li wieħed jista’ jippreżumi li wara li jkunu bbenefikaw mill-possibbiltà offruta mis-sistema Lussemburgiża ta’ għajnuna għall-finanzjament tal-istudji tagħhom, jekk ikun il-każ barra mil-Lussemburgu, imorru lura l-Lussemburgu, fejn l-għarfien miksub ikun jista’ jitqiegħed għall-profitt tal-iżvilupp tal-ekonomija Lussemburgiża fis-sens preċedentement indikat.

39.

Min-naħa l-oħra, il-Gvern Lussemburgiż isostni li dan l-għan, b’rabta mal-politika nazzjonali tal-edukazzjoni, ma jistax jitqies b’mod separat mill-għan ekonomiku. Il-fatt li l-benefiċċju tal-għajnuna għal taħriġ f’livell terzjarju huwa limitat biss għal residenti Lussemburgiżi, huwa meħtieġ biex jiġi żgurat il-finanzjament tas-sistema. Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà għarfet il-possibbiltà li Stat Membru jaċċerta ruħu li l-għoti ta’ għajnuna li tkopru l-ispejjeż ta’ manteniment ta’ studenti li ġejjin minn Stati Membri oħra, ma jsarrafx f’piż mhux raġonevoli li jista’ jkollu konsegwenzi fuq il-livell globali tal-għajnuna li tkun tista’ tingħata minn dak l-Istat. Il-Gvern Lussemburgiż jibbaża ruħu fuq is-sentenza Bidar ( 41 ) li jqis rilevanti għall-kawża preżenti u jsostni li, li kieku r-rekwiżit ta’ residenza kellu jitneħħa, huwa jkun marbut li jagħti l-għajnuna lil kull student mingħajr l-ebda rabta personali mas-soċjetà Lussemburgiża, u dan iwassal biex ikollu impost fuqu piż mhux raġonevoli.

40.

Min-naħa tiegħi ninsab ċert li ż-żewġ għanijiet jistgħu jinftehmu b’mod separat. Ċertament, id-determinazzjoni tal-benefiċjarji ta’ vantaġġ soċjali għandha, loġikament, impatti fuq il-piż ekonomiku impost fuq l-Istat tal-għoti tal-imsemmi vantaġġ. Politika tal-edukazzjoni — peress li din tidher li hija l-kwistjoni — bil-fors li trid tiġi eżegwita permezz tal-implementazzjoni ta’ diversi mezzi, li dejjem hemm prezz marbut magħhom. Madankollu, mhux biżżejjed li jiġi sostnut li hemm prezz kunsiderevoli marbut mat-twettiq tal-politika diskriminatorja. Irid jiġi ppruvat li l-imsemmija politika hija għal kollox meħtieġa u li l-ispiża hija ta’ portata tali li trendi impossibbli t-twettiq tal-imsemmija politika.

1. Dwar l-għan li l-proporzjon ta’ residenti fil-Lussemburgu li għandu edukazzjoni terzjarja jitla’ għal 66%

41.

Ninnota li dan l-għan ma huwiex, bħala tali, ikkontestat mill-partijiet interessati intervenuti fil-proċedura preżenti.

42.

L-għan li jiżdied in-numru ta’ individwi li għandhom edukazzjoni terzjarja ċertament li huwa ta’ interess ġenerali. L-istituzzjonijiet tal-Unjoni stess ħadu ċertu numru ta’ azzjonijiet f’dan is-sens u spjegaw il-korrelazzjoni bejn il-livell tat-taħriġ tal-individwi, l-aċċess għal impjieg u t-tkabbir ekonomiku tal-Unjoni. Fil-komunikazzjoni tagħha intitolata “Ewropa 2020: Strateġija għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklussiv” ( 42 ), il-Kummisjoni stabbilixxiet bħala mira għas-sena 2020, li r-rata ta’ individwi li jitilqu mill-iskola jinżel għal 10 % u l-livell ta’ individwi b’edukazzjoni terzjarja jitla’ għallinqas għal 40 % tal-ġenerazzjonijiet żgħażagħ ( 43 ). Hija kienet qed tipproponi b’mod partikolari li l-Istati Membri jittrasponu dan l-għan bħala għan nazzjonali ( 44 ). It-twettiq ta’ dan l-għan għandu jikkontribwixxi għal modernizzazzjoni tas-swieq tax-xogħol, għal titjib fil-parteċipazzjoni ta’ persuni fis-suq tax-xogħol u biex tiġi stabbilita ekwivalenza aħjar bejn l-offerta u d-domanda tal-impjiegi, temi li huma meqjusa prijoritarji mill-Kummissjoni sabiex l-Unjoni toħroġ mingħajr dewmien u b’mod effikaċi mill-perijodu ta’ kriżi li għaddejja minnu ( 45 ).

43.

Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea kien diġà ħaddan dan l-għan fil-kuntest tal-konklużjonijiet tiegħu tat-12 ta’ Mejju 2009 dwar qafas strateġiku għall-kooperazzjoni Ewropea fl-edukazzjoni u t-taħriġ (“Edukazzjoni u taħriġ 2020”) ( 46 ), billi ddefenixxa l-livell ta’ referenza għall-prestazzjoni medja Ewropea, għal dak li għandu x’jaqsam ma’ individwi b’diploma fl-edukjazzjoni terzjarja, għal, għallinqas, 40 % tal-persuni ta’ bejn it-30 u l-34 sena ( 47 ).

44.

Minn dakinhar, il-Kunsill ma waqafx ifakkar l-importanza ta’ dan l-għan. Fl-2010, innota li, “biex ikun hemm aspirazzjonijiet ogħla u żieda fl-aċċess għall-edukazzjoni għolja għal studenti minn ambjenti żvantaġġati jeħtieġ it-tisħiħ tal-iskemi ta’ appoġġ finanzjarju u inċentivi oħra, u t-titjib tat-tfassil [...] [tas-] self lill-istudenti li huwa abbordabbli, aċċessibbli, adegwat u portabbli kif ukoll għotjiet skont il-mezz jistgħu jżidu b’suċċess ir-rati ta’ parteċipazzjoni għal dawk li ma jistgħux iħallsu l-ispejjeż tal-edukazzjoni għolja” ( 48 ). B’anteċipazzjoni tal-evoluzzjoni fis-suq tax-xogħol fil-livell tal-Unjoni, il-Kunsill enfasizza, barra minn hekk, li, “[f]is-snin li ġejjin għadd dejjem akbar ta’ impjiegi ser jeħtieġu livell għoli ta’ kwalifiki, madankollu l-UE għandha perċentwali aktar baxxa ta’ persuni b’livell ta’ kwalifiki terzjarju” ( 49 ). Kien għamel din id-dikjarazzjoni fir-rigward tal-Istati Membri kollha, jiġifieri kemm fir-rigward ta’ dawk li s-suq tax-xogħol tagħhom huwa kkaratterizzat minn preżenza qawwija ta’ ħaddiema transkonfinali kif ukoll fir-rigward ta’ stati oħra. Fl-aħħar nett, il-Kunsill iddefinixxa, fl-aġenda Ewropea tiegħu fil-qasam tal-edukazzjoni u tat-taħriġ tal-adulti li tistabbilixxi l-oqsma prijoritajri għall-perijodu 2012-2014, l-isforzi li jridu jagħmlu l-Istati Membri “biex tingħata spinta sabiex il-proporzjon ta’ żgħażagħ bi kwalifiki ta’ edukazzjoni terzjarja u dawk ekwivalenti jiżdied għal 40 %” ( 50 ).

45.

L-azzjoni li għadni kif iddeskrivejt favur aċċess iktar ġeneralizzat għall-edukazzjoni terzjarja, taqa, fi kwalunkwe każ, biss taħt il-kompetenza ta’ appoġġ li l-Unjoni għandha fil-qasam tal-edukazzjoni u t-taħriġ professjonali ( 51 ). Fi kliem ieħor, fin-nuqqas ta’ armonizzazzjoni fil-livell Ewropew, għandu jiġi rrikonoxxut marġni wiesa’ ta’ manuvra lill-Istati Membri biex jiġu ddefiniti l-għanijiet imfittxa mil-politika tagħhom dwar l-edukazzjoni u biex jorganizzaw il-kundizzjonijiet li fihom tingħata l-għajnuna għal taħriġ f’livell terzjarju ( 52 ).

46.

Fl-opinjoni tiegħi, il-qabża lejn ekonomija bbażata fuq l-għarfien, invokata mill-Gvern Lussemburgiż fl-osservazzjonijiet tiegħu bil-miktub ( 53 ), tikkostitwixxi wieħed mill-għanijiet imħollija għad-diskrezzjoni tal-Istati Membri. Is-sitwazzjoni ekonomika fil-Lussemburgu hija storikament atipika. Minn ekonomija bbażata fuq l-industriji tal-minjieri u tal-azzar, il-Lussemburgu, wara l-għejbien ta’ dawn tal-aħħar, għadda minn bidla, lejn direzzjoni ta’ żvilupp ta’ xogħol fis-settur bankarju u finanzjarju; sussegwentement, dan is-settur, anki qabel il-kriżi finanzjarja, għadda — u għadu għaddej — minn sfidi kbar, minħabba l-azzjoni li ttieħdet fil-livell tal-Unjoni biex titnaqqas drastikament il-pożizzjoni vantaġġjuża li kienet tgawdi s-sistema bankarja Lussemburgiża meta mqabbla mas-sistemi bankarji tal-Istati Membri l-oħra. Huwa għal kollox komprensibbli li Stat Membru jimplementa politika ta’ edukazzjoni li għandha l-għan li tkabbar il-livell tal-kwalifiki tar-riżorsi umani disponibbli, b’mira raġjonevolment prevedibbli biex jikkontribwixxi għar-rikonverżjoni tal-ekonomija nazzjonali, bl-għan li jattira u joffri forom iktar diversi ta’ servizzi fit-territorju tiegħu.

47.

Ma hemmx dubju għalhekk li azzjoni meħuda minn Stat Membru sabiex jiġi żgurat livell għoli ta’ taħriġ tal-popolazzjoni tiegħu residenti, tikkostitwixxi għan leġittimu li jista’ jitqies bħala raġuni imperattiva ta’ interess ġenerali.

2. Dwar l-għan li jiġi evitat piż mhux raġonevoli, b’konsegwenzi fuq il-livell globali tal-għajnuna għal taħriġ f’livell terzjarju

48.

Dwar l-għan ekonomiku, f’dak li jirrigwarda l-ġustifikazzjoni parallela bbażata fuq it-tpoġġija fil-periklu tal-kapaċitajiet ta’ finanzjament tas-sistema, irid jingħad li dan huwa argument li ġie invokat mill-Istati Membri bosta drabi quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja. Barra minn hekk, l-invokazzjoni tas-sentenza Bidar, iċċitata iktar ’il fuq, ma hijiex ta’ natura konvinċenti.

49.

Infakkar biss, fil-fatt, li s-sitwazzjoni fil-kawża prinċipali hija eżaminata hawnhekk fid-dawl tal-moviment liberu tal-ħaddiema u l-kwistjoni hija li jiġi ddeterminat jekk il-leġiżlazzjoni nazzjonali tippreġudikax id-drittijiet li d-dritt tal-Unjoni jagħti lill-ħaddiema transkonfinali. Fil-kawża Bidar, iċċitata iktar ’il fuq, il-Qorti tal-Ġustizzja kienet ġiet mistiedna tieħu pożizzjoni dwar il-kompatibbiltà ta’ rekwiżit ta’ residenza impost fuq ċittadini Ewropej, li ekonomikamnent ma humiex attivi, biex ikunu jistgħu jibbenefikaw minn għajnuna għal taħriġ. Hija differenza ċkejkna fundamentali li l-Qorti tal-Ġustizzja ma naqsitx li tenfasizza fis-sentenza tagħha Il-Kummissjoni vs Il-Pajjiżi l-Baxxi ( 54 ).

50.

Fil-fatt, meta l-Qorti tal-Ġustizzja analizzat ir-raġunijiet ta’ ġustifikazzjoni invokati mir-renju tal-Pajjiżi l-Baxxi, ikkonfermat fl-ewwel lok li “għalkemm kunsiderazzjonijiet baġitarji jistgħu jkunu l-bażi għall-għażliet ta’ politika soċjali ta’ Stat Membru u jinfluwenzaw in-natura jew il-portata tal-protezzjoni soċjali miżuri ta’ protezzjoni soċjali li huwa jkun jixtieq li jadotta, huma madankollu ma humiex fihom infushom l-għan ta’ din il-politika u, għalhekk ma jistgħux jiġġustifikaw diskriminazzjoni” ( 55 ). Madankollu hija kompliet l-eżami tagħha abbażi tal-għan li jiġi evitat piż mhux raġonevoli (għan ekonomiku). Il-konvenut ħaseb, huwa wkoll, li mis-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Bidar u Förster seta’ jiddeduċi l-possibbiltà, għall-Istati Membri, li jeżiġu, b’mod leġittimu, mill-benefiċjarji tal-għajnuna għal taħriġ f’livell terzjarju, il-prova ta’ “ċertu livell ta’ integrazzjoni”. Madankollu l-Qorti tal-Ġustizzja ħasset l-importanza li tenfasizza d-differenza fundamentali bejn il-kawżi Bidar u Förster u l-kawża Il-Kummissjoni vs Il-Pajjiżi l-Baxxi, iċċitata iktar ’il fuq, differenza msejsa fuq il-fatt li l-ewwel każ kien jikkonċerna ċittadini li ekonomikament ma kinux attivi u ma kinux membri tal-familja tal-ħaddiema fis-sens tad-dritt tal-Unjoni, filwaqt li fit-tieni każ, is-sitwazzjoni kienet analizzata mill-perspettiva tal-ħaddiem immigrant jew transkonfinali li kellu wild li xtaq jitħarreġ f’livell terzjarju u li kien dipendenti fuqu, wild li kien għamel talba biex jibbenefika minn għajnuna għal taħriġ f’livell terzjarju konċessa mill-Istat ta’ impjieg tal-ġenitur tiegħu.

51.

Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, “[g]ħalkemm il-fakultà li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrikonoxxi lill-Istati Membri, bla ħsara għal ċerti kundizzjonijiet, li jeżiġu minn ċittadini ta’ Stati Membri oħra ċertu livell ta’ integrazzjoni fis-soċjetajiet tagħhom sabiex ikunu jistgħu jibbenefikaw mill-vantaġġi soċjali, bħal għajnuna finanzjarja għall-edukazzjoni, ma hijiex limitata għas-sitwazzjonijiet fejn l-applikanti tal-għajnuna kkonċernata huma ċittadini ekonomikament inattivi, ir-rekwiżit ta’ residenza [ta’ tliet snin mis-sitta li jippreċedu t-talba għall-għajnuna għal taħriġ f’livell terzjarju] sabiex turi l-integrazzjoni meħtieġa ma hijiex, bħala prinċipju, adegwata fil-każ ta’ ħaddiema migranti u transkonfinali” ( 56 ). Fir-rigward ta’ dawn tal-aħħar, “il-fatt li jkunu daħlu fis-suq tax-xogħol ta’ Stat Membru joħloq, bħala prinċipju, il-konnessjoni ta’ integrazzjoni suffiċjenti fis-soċjetà ta’ dan l-Istat li tippermettilhom li jibbenefikaw mill-prinċipju ta’ ugwaljanza ta’ trattament imqabbla ma’ ħaddiema nazzjonali inkwantu għall-vantaġġi soċjali” ( 57 ). Il-Qorti tal-Ġustizzja kkonkludiet li l-għan li jiġi evitat piż mhux raġonevoli, invokat b’konnessjoni mal-għoti ta’ vantaġġ soċjali lil ħaddiema transkonfinali, ma jistax jikkostitwixxi għan leġittimu.

52.

Għal din ir-raġuni, l-għan baġitarju invokat mil-Lussemburgu, ma huwiex, fih innifsu, ta’ natura li jsejjes raġuni leġittima, li tista’ tiġġustifika nuqqas ta’ ugwaljanza fit-trattament bejn il-ħaddiema Lussemburgiżi u l-ħaddiema ta’ Stati Membri oħra. Fi kwalunkwe każ, kif huwa indikat fil-punt 38 ta’ dawn il-konklużjonijiet, il-problema ma hijiex dik li d-diskriminazzjoni invokata mir-rikorrenti fil-kawża prinċipali tiġi ġġustifikata minħabba l-ispiża kunsiderevoli li jkun jimplika t-tħassir tar-rekwiżit diskriminatorju, iżda li jiġi vverifikat li l-għan ekonomiku imfittex, it-tranżizzjoni lejn ekonomija tal-għarfien, li għalih l-Istat tal-Gran Dukat tal-Lussemburgu stabbilixxa l-imsemmija prattika diskriminatorja, huwa mhux biss serjament iżda wkoll effettivament imfittex u li l-ispejjeż biex tiġi evitata l-imsemmija prattika huma ta’ piż tali li jrendu impossibbli t-twettiq tiegħu. Bla dubju, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika ħaġa u oħra biex tistabbilixxi, jekk meħtieġ, l-eżistenza ta’ element li jsaħħaħ b’mod ulterjuri l-kawża ġustifikattiva kkostitwita mill-għan soċjali mfittex.

C – Dwar in-natura xierqa u proporzjonata tar-rekwiżit ta’ residenza

53.

Miżura li hija ta’ natura li tirristrinġi l-moviment liberu tal-ħaddiema, kif stabbilit mill-Artikolu 45 TFUE u implementat mill-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 1612/68, tista’ tiġi validament ġustifikata biss jekk tkun xierqa biex tiggarantixxi t-twettiq tal-għan leġittimu imfittex u ma tmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ biex dan jintlaħaq ( 58 ), li huwa dak li jrid jiġi vverifikat.

54.

It-test tan-natura xierqa u proporzjonata tal-kriterju użat mill-Gvern Lussemburgiż biex jilħaq l-għan imfittex, huwa l-iktar delikat biex jiġi applikat. F’dan ir-rigward, hemm żewġ serje ta’ problemi li jqumu f’din il-kawża. Minn naħa, id-diversi partijiet intervenuti fil-proċedura preżenti waslu għal konklużjonijiet differenti minn dawk tas-sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Pajjiżi l-Baxxi, iċċitata iktar ’il fuq, b’mod partikolari f’dak li jirrigwarda l-livell ta’ integrazzjoni li l-Istati Membri jixtiequ jew ma jixtiqux jeżiġu mill-benefiċjarji ta’ għajnuna għal taħriġ f’livell terzjarju. Nixtieq għalhekk nikkjarifika din is-sentenza dwar dan il-punt. Min-naħa l-oħra, ċerta informazzjoni li fl-opinjoni tiegħi hija essenzjali, hija nieqsa mill-proċess, tant li l-Qorti tal-Ġustizzja ser issib diffikultà, fl-opinjoni tiegħi, biex tippronunċja ruħha b’mod definittiv dwar in-natura xierqa u proporzjonata tal-leġiżlazzjoni nazzjonali. Hemm ċertu numru ta’ elementi, fil-kuntest tal-kawża preżenti u preċiżament biex jittieħdu inkunsiderazzjoni l-partikolaritajiet tas-sistema — u speċjalment tas-suq tax-xogħol — Lussemburgiża, li jixirqilhom li jiġu approfonditi. Huwa għalhekk importanti li tinġibed l-attenzjoni tal-qorti tar-rinviju dwar dan il-punt.

1. Dwar is-sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Pajjiżi l-Baxxi

55.

Meta, fis-sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Pajjiżi l-Baxxi, iċċitata iktar ’il fuq, il-Qorti tal-Ġustizja pproċediet biex teżamina r-raġuni ta’ leġittimità msejħa “soċjali”, li oriġinat mill-għan li tiġi promossa l-mobbiltà tal-istudenti, effettivament qisitha li tikkostitwixxi raġuni imperattiva ta’ interess ġenerali ( 59 ). Sussegwentement il-konvenut għamel tentattiv biex jipprova n-natura xierqa u proporzjonata tar-rekwiżit ta’ residenza ta’ tliet snin mis-sitta ta’ qabel it-talba, imposta biex jiġi ggarantit li mill-finanzjament jibbenefikaw biss studenti li l-mobbiltà tagħhom kellha tiġi ppreferuta: l-Istat tal-għoti tal-għajnuna kien qed jistenna li l-istudenti li jibbenefikaw mill-imsemmija għajnuna jmorru lura biex jistabbilixxu ruħhom hemmhekk u wara li jkunu spiċċaw l-istudji tagħhom, jgħixu u jaħdmu hemmhekk ( 60 ). Il-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet għalhekk li dawn l-elementi “għandhom tendenza li jirriflettu s-sitwazzjoni tal-maġġoranza tal-istudenti” ( 61 ) u b’hekk iddeċidiet li r-rekwiżit ta’ residenza ta’ tliet snin mis-sitta ta’ qabel it-talba kien xierqa, fid-dawl tat-twettiq tal-għan tal-promozzjoni tal-mobbiltà tal-istudenti ( 62 ). Madankollu, dan l-istess rekwiżit biex wieħed ikun eleġibbli għall-għajnuna fir-rigward ta’ taħriġ fil-livell terzjarju mogħtija mill-Pajjiżi l-Baxxi, kien jippreżenta, skont il-Qorti tal-Ġustizzja, “natura wisq esklużiva” u ddeċidiet li, “billi timponi perijodi speċifiċi ta’ residenza fit-territorju tal-Istat Membru kkonċernat, [ir-rekwiżit ta’ residenza ta’ tliet snin mis-sitta ta’ qabel it-talba] tiffavorixxi element li ma huwiex neċessarjament l-uniku rappreżentattiv tal-grad effettiv ta’ konnessjoni bejn il-persuna kkonċernata u l-Istat Membru” ( 63 ). Il-Qorti tal-Ġustizzja kkonkludiet li ma kienx minnu li r-regola inkwistjoni ma kinitx tmur lil hinn minn dak li kien meħtieġ biex jintlaħaq l-għan imfittex.

56.

B’hekk meta wieħed jaqra b’ċerta attenzjoni din is-sentenza jirriżulta li l-Qorti tal-Ġustizzja tikkonċepixxi b’mod differenti l-evalwazzjoni tal-kriterju ta’ “ċertu grad ta’ integrazzjoni”, skont jekk din titwettaqx fir-rigward ta’ għan leġittimu ta’ natura ekonomika jew fir-rigward ta’ għan leġittimu ta’ natura soċjali ( 64 ).

57.

Fil-fatt, meta l-kwistjoni hija waħda ta’ restrizzjoni tal-benefiċjarji ta’ għajnuna għal taħriġ f’livell terzjarju għal raġunijiet ekonomiċi, billi tinvoka n-natura sostenibbli tal-finanzjament tal-imsemmija għajnuna, il-Qorti tal-Ġustizzja ssejjes l-analiżi tagħha fuq il-kunċett tal-ħaddiema immigranti jew transkonfinali hija tikkonstata li min-natura tagħhom stess dawn huma, minħabba l-fatt fih innifsu li daħlu fis-suq tax-xogħol tal-Istat tal-għoti tal-għajnuna, ekonomikament integrati fis-soċjetà ta’ dak l-Istat, li jipparteċipaw fil-finanzjament tal-politiki soċjali tiegħu u li konsegwentement l-impożizzjoni tar-rekwiżit ta’ residenza ta’ tliet snin, biex ikunu jistgħu jibbenefikaw minn vantaġġ ta’ tip soċjali, ma hijiex xierqa.

58.

Min-naħa l-oħra, meta l-kwistjoni hija waħda tar-restrizzjoni taċ-ċirku tal-benefiċjarji ta’ għajnuna għal taħriġ f’livell terzjarju, għal raġunijiet ta’ natura pjuttost soċjali, il-Qorti tal-Ġustizzja tanalizza s-sitwazzjoni billi tieħu bħala punt ta’ referenza, mhux iktar il-ħaddiem li lilu tkun ġiet rikonoxxuta, l-istess bħalma tkun ġiet rikonoxxuta lill-familja tiegħu, l-ugwaljanza fit-trattament f’dak li jirrigwarda l-għoti tal-vantaġġi soċjali, iżda l-istudent innifsu. Fi kliem ieħor, l-integrazzjoni ekonomika tal-ġenitur ħaddiem transkonfinali mhux bilfors tissarraf, awtomatikament, fl-integrazzjoni soċjali tal-membri tal-familja tiegħu. Barra minn hekk, il-vokabularju użat mill-Qorti tal-Ġustizzja mhux l-istess, hija ma titkellimx dwar “ċertu grad ta’ integrazzjoni” ( 65 ) biex tinvoka “grad effettiv ta’ konnessjoni” ( 66 ). Il-priżma tal-analiżi ma jibqax il-ħaddiem u r-rabtiet li għandu mas-soċjetà tal-Istat tal-impjieg, iżda l-istudent innifsu. Fil-fatt, għalkemm ir-rekwiżit ta’ residenza ta’ tliet snin ma ġiex meqjus bħala wieħed xierqa biex tiġi vverifikata l-integrazzjoni ekonomika tal-ħaddiem transkonfinali, dan l-istess rekwiżit tqies bħala xierqa mill-Qorti tal-Ġustizzja biex tiġi stabbilita l-konnessjoni soċjali tal-istudent. Il-Qorti tal-Ġustizzja tidher ukoll li rrikonoxxiet li l-benefiċċju tal-għanjuna seta’ jiġi rriżervat favur l-istudenti li x’aktarx imorru lura biex jistabbilixxu ruħhom fl-Istat tal-għoti tal-għajnuna u b’hekk irrikonoxxiet ir-rabta bejn ir-residenza tal-istudent fil-mument li ssir it-talba għall-għanjuna u l-aspettattiva tar-“ritorn” kif ippreżentata. Madankollu, fl-aħħar nett, hija qieset li r-rekwiżit ta’ residenza ta’ tliet snin kien imur kontra d-dritt tal-Unjoni inkwantu kien sproporzjonat, preċiżament għaliex ir-residenza ta’ tliet snin mis-sitta ta’ qabel it-talba — u xejn iktar — kien rekwiżit riġidu wisq biex jiġi stabbilit grad reali ta’ konnessjoni.

2. Dwar in-natura xierqa tar-rekwiżit ta’ residenza

59.

Il-kwistjoni għalhekk hija waħda li jiġi stabbilit, fid-dawl tal-argumenti preċedenti, jekk ir-rekwiżit ta’ residenza rikjest mit-tfal ta’ ħaddiema transkonfinali mill-Istat tal-Gran Dukat tal-Lussemburgu, għall-pretensjoni tal-benefiċċju ta’ għajnuna għal taħriġ f’livell terzjarju, huwiex xieraq biex tiġi stabbilita l-eżistenza tal-probabbiltà raġonevoli tar-ritorn, li l-imsemmi Stat qies bħala meħtieġa għat-twettiq tal-għan leġittimu mfittex.

60.

Ir-risposta tinsab fir-redazzjoni stess tal-għan. Jekk il-Qorti tal-Ġustizzja tirrikonoxxi — kif diġà stedintha li tagħmel — li-Istat Lussemburgiż jista’, b’mod leġittimu, jieħu miżuri ta’ natura li jiffavorixxu l-aċċess, lill-popolazzjoni residenti għall-edukazzjoni terzjarja, bl-aspettattiva li din il-popolazzjoni, iktar minn kwalunkwe popolazzjoni oħra, x’aktarx tintegra is-suq tax-xogħol Lussemburgiż ladarba l-istudji jkunu ġew finalizzati u b’hekk irendu l-istess suq iktar għani, hija għandha wkoll tirrikonoxxi, b’mod korollarju, li r-rekwiżit ta’ residenza huwa xieraq biex jiġi ggarantit l-imsemmi għan, inkwantu jirriżerva l-benefiċċju tal-għajnuna unikament lir-residenti Lussemburgiżi.

3. Dwar in-natura proporzjonata tar-rekwiżit ta’ residenza

61.

Ir-rekwiżit ta’ residenza, inkwistjoni fil-kawża Il-Kummissjoni vs Il-Pajjiżi l-Baxxi, iċċitata iktar ’il fuq, li kien impost biss fid-dawl tal-finanzjament għal taħriġ f’livell terzjarju barra mill-Pajjiżi l-Baxxi ( 67 ), kien jitqies bħala sodisfatt kemm-il darba l-persuna li kienet qed tressaq it-talba setgħet tipprova residenza kontinwa ta’ tliet snin mis-sitt snin li kienu jippreċedu t-talba. Kif indikajt, mis-sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Pajjiżi l-Baxxi, iċċitata iktar ’il fuq, jirriżulta li l-Qorti tal-Ġustizzja ma xtaqitx teżenta lit-tfal tal-ħaddiema transkonfinali mill-obbligu li jippruvaw rabta ta’ konnessjoni mas-soċjetà tal-Istat tal-impjieg tal-ġenitur tagħhom, meta l-imsemmija tfal jagħmlu talba, f’dan l-Istat, għal għajnuna mobbli relatata mal-edukazzjoni terzjarja. Madankollu, hija kkonfermat b’mod ċar li r-rekwiżit ta’ residenza ta’ tliet snin ma għandux jitqies mill-Istati bħala l-uniku element li jirrapreżenta din ir-rabta.

62.

Għaldqastant, ir-rekwiżit ta’ residenza impost mill-Gran Dukat tal-Lussemburgu jrid jiġi eżaminata fid-dawl ta’ din l-evalwazzjoni. Il-kwistjoni ċentrali hija dik li jiġi stabbilit jekk huwiex biss rekwiżit tar-residenza minn qabel li jista’ jiżgura lill-Istat tal-Gran Dukat tal-Lussemburgu il-minimu tar-“ritorn fuq l-investiment”, jekk tippermettuli din il-frażi, probabbiltà raġonevoli li l-benefiċċjarji tal-għajnuna jmorru jistabbilixxu ruħhom fil-Lussemburgu u jpoġġu lilhom infushom għad-dispożizzjoni tas-suq tax-xogħol tiegħu, biex jikkontribwixxu għad-dinamika ekonomika ġdida tal-pajjiż. Għall-finijiet ta’ din l-evalwazzjoni, inqis li jkun utli li wieħed jindika lill-Qorti tar-rinviju żewġ serje ta’ analiżi.

63.

L-ewwel analiżi li għandha titwettaq mill-qorti tar-rinviju tikkonsisti fil-verifika li t-test eżegwit mill-awtoritajiet nazzjonali meta dawn jiddeċiedu dwar talba għar-residenza, fin-nuqqas tal-impożizzjoni ta’ perijodu minimu, huwa ta’ natura mhux purament formali iżda huwa suffiċjenti biex jistabbilixxi l-eżistenza tal-probabbiltà raġonevoli tad-disponibbiltà tal-persuna li tkun qed tagħmel it-talba li tinserixxi ruħha fil-ħajja ekonomika u soċjali Lussemburgiża.

64.

It-tieni analiżi li nissuġġerixxi lill-qorti tar-rinviju li tagħmel hija marbuta mal-fatt li l-għajnuna għal taħriġ f’livell terzjarju, prevista mil-leġiżlazzjoni Lusemburgiża, hija għajnuna mobbli u li bħala tali, tista’ tintuża barra mill-pajjiż tal-għoti, bil-konsegwenza li l-istudenti li jibbenefikaw minnha jistgħu jiġu attirati mis-suq tax-xogħol tal-pajjiż fejn jeżegwixxu l-istudji tagħhom. Dan l-element jimplika li l-fatt li wieħed ikun residenti fil-mument meta jagħmel it-talba għall-għanjuna għal taħriġ f’livell terzjarju, meqjus biss fih innifsu, ma jikkostitwixxix probabbiltà suffiċjenti u raġonevoli tar-ritorn tiegħu fl-Istat li jkun għamel l-għotja. Biex l-użu tal-kriterju inkwistjoni jitqies bħala wieħed proporzjonat għall-għan imfittex, irid jiġi vverifikat jekk l-għan tat-trasformazzjoni tal-ekonomija Lussemburgiża f’ekonomija tal-għarfien — jiġifieri ekonomija li tipproponi servizzi estiżi f’sens l-iktar wiesa’ — kienx effettivament akkumpanjat minn azzjonijiet pubbliċi intiżi għall-iżvilupp konkret ta’ prospetti ġodda ta’ xogħol f’dan is-sens, u dan mhux biss fis-setturi li fihom il-Gran Dukat tal-Lussemburgu joffri possibbiltajiet ta’ taħriġ f’livell terzjarju, iżda wkoll f’setturi oħra, u dan minħabba l-fatt li, biex jiġi stabbilit li l-kriterju tal-proporzjonalità ġie sodisfatt, mhux biżżejjed li jiġu vverifikati l-karatteristiċi tal-miżura speċifika u tal-għan imfittex, iżda għandu wkoll jiġi eżaminat il-mod konkret ta’ kif wieħed qed jaġixxi biex iwettaq dan tal-aħħar.

65.

Għalhekk, għar-raġunijiet kollha esposti iktar ’il fuq, inqis li hija l-qorti tar-rinviju li għandha tiddikjara, wara li tkun evalwat l-elementi kollha meħtieġa rilevanti, li attwalment ma humiex għad-dispożizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja, in-natura xierqa u proporzjonata tar-rekwiżit ta’ residenza impost permezz tal-Liġi tas-26 ta’ Lulju 2010 fuq it-tfal tal-ħaddiema transkonfinali li jkunu qed jagħmlu talba ta’ għajnuna għal taħriġ f’livell terzjarju.

V – Konklużjoni

66.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nissuġġerixxi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi kif ġej għad-domanda magħmula mit-Tribunal administratif du Grand-Duché de Luxembourg:

L-għan li jiżdied il-proporzjon ta’ persuni residenti li għandhom edukazzjoni terzjarja, jikkostitwixxi għan leġittimu li jista’ jiġġustifika, fid-dawl tal-Artikolu 7(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1612/68, tal-15 ta’ Ottubru 1968, dwar il-libertà tal-moviment għall-ħaddiema fi ħdan il-Komunità, u l-Artikolu 45 TFUE, diskriminazzjoni indiretta. Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika, wara li tkun evalwat l-elementi kollha meħtieġa rilevanti għal dan il-għan, u b’mod partikolari dawk li dwarhom inġibditilha l-attenzjoni iktar ’il fuq, li r-rekwiżit ta’ residenza impost permezz tal-Liġi tas-26 ta’ Lulju 2010, fuq it-tfal tal-ħaddiema transkonfinali li jagħmlu talba ta’ għajnuna għal taħriġ f’livell terzjarju, huwa xierqa u ma jmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ biex jintlaħaq l-għan imfittex.


( 1 ) Lingwa oriġinali: il-Franċiż.

( 2 ) ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 1, p. 15.

( 3 ) Ir-Regolament Nru 1612/68 ġie mħassar permezz tar-Regolament (UE) Nru 492/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-5 ta’ April 2011, dwar il-moviment liberu tal-ħaddiema fi ħdan l-Unjoni (ĠU L 141, p. 1). L-Artikolu 7(1) u (2) tar-Regolament Nru 492/2011 irriproduċa, fil-liġi preżenti, il-kontenut tal-Artikolu 7(1) u (2) tar-Regolament Nru 1612/68.

( 4 ) Mémorial A 2010, p. 2040.

( 5 ) Mémorial A 2000, p. 1106.

( 6 ) L-Artikolu 2(a) tal-Liġi tat-22 ta’ Ġunju 2000.

( 7 ) Ara l-Artikolu uniku tal-Liġi tal-4 ta’ April 2005 li jemenda l-Liġi tat-22 ta’ Ġunju 2000 dwar l-għajnuna finanzjarja tal-Istat għal taħriġ f’livell terzjarju (Mémorial A 2005).

( 8 ) L-Artikolu 4 tal-Liġi tat-22 ta’ Ġunju 2000.

( 9 ) Mémorial A 2000, p. 2548.

( 10 ) L-ewwel inċiż tal-Artikolu 5(4) tar-Regolament Gran-Dukali tal-5 ta’ Ottubru 2000.

( 11 ) It-tieni inċiż tal-Artikolu 5(4) tar-Regolament Gran-Dukali tal-5 ta’ Ottubru 2000.

( 12 ) L-Artikolu 3 tal-Liġi tat-22 ta’ Ġunju 2000. Dan l-ammont jinkludi għajnuna f’forma ta’ self.

( 13 ) L-Artikolu 5(3) tar-Regolament Gran-Dukali tal-5 ta’ Ottubru 2000.

( 14 ) Mémorial A 2008, p. 2024 (għat-test dettaljat, ara Mémorial A 2012, p. 874).

( 15 ) ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 5, p. 46.

( 16 ) L-Artikolu 2 tal-Liġi tas-26 ta’ Lulju 2010.

( 17 ) Ara l-Artikolu 6(1), punti 1 u 3, tal-Liġi tad-29 ta’ Awwissu 2008.

( 18 ) L-Artikolu 4 tal-Liġi tas-26 ta’ Lulju 2010.

( 19 ) Mémorial A 2010, p. 3430.

( 20 ) Artikolu 3 tal-Liġi tat-22 ta’ Ġunju 2000, kif emendat bil-Liġi tas-26 ta’ Lulju 2010. Dan l-ammont jinkludi għajnuna f’forma ta’ self.

( 21 ) L-Artikolu 4 tar-Regolament Gran-Dukali tat-12 ta’ Novembru 2010, ħassar l-Artikolu 5 tar-Regolament Gran-Dukali tal-5 ta’ Ottubru 2000.

( 22 ) Ara l-Artikolu 3(2) tal-Liġi tad-19 ta’ Ġunju 1985 dwar l-allowances tal-familja u li jistabbilixxi l-fond nazzjonali għall-benefiċċji tal-familja (Mémorial A 1985, p. 680).

( 23 ) Ara l-Artikolu V(2) tal-Liġi tas-26 ta’ Lulju 2010. L-ammont tal-allowance tal-familja għal wild hija ta’ EUR 234.12 fix-xahar, jiġifieri EUR 2 809.44 fis-sena [ara l-Artikolu 272(1)(a) u l-Artikolu 272(2) tal-Kodiċi tas-sigurtà soċjali].

( 24 ) L-Artikolu II(1) tal-Liġi tas-26 ta’ Lulju 2010.

( 25 ) Il-qorti tar-rinviju tinvoka b’mod partikolari s-sentenza tas-26 ta’ Frar 1992, Bernini (C-3/90, Ġabra p. I-1071).

( 26 ) Ara s-sentenza tal-11 ta’ Settembru 2007, Hendrix (C-287/05, Ġabra p. I-6909, punt 53 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 27 ) Għal din ir-raġuni, il-kawża preżenti tiddistingwi ruħha b’mod ċar mis-sitwazzjoni inkwistjoni fil-kawżi Bidar [sentenza tal-15 ta’ Marzu 2005 (C-209/03, Ġabra p. I-2119)] u Förster [sentenza tat-18 ta’ Novembru 2008 (C-158/07, Ġabra p. I-8507)] peress li hemmhekk kellhom jiġu ddeterminati d-drittijiet ta’ ċittadini li ma humiex attivi ekonomikament.

( 28 ) Ara l-punt 3 tal-kummentarju taħt l-Artikolu 203 tal-Kodiċi Ċivili Lussemburgiż.

( 29 ) Sentenza tal-14 ta’ Ġunju 2012, Il-Kummissjoni vs Il-Pajjiżi l-Baxxi (C-542/09, punt 34 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 30 ) Is-sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Pajjiżi l-Baxxi, iċċitata iktar ’il fuq (punt 35 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 31 ) Sentenza Hendrix, iċċitata iktar ’il fuq (punt 47 u l-ġurisprudenza ċċitata). Ara wkoll ir-raba’ premessa tar-Regolament Nru 1612/68.

( 32 ) Ara, b’mod partikolari, ir-Regolament (KE) Nru 883/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tad-29 ta’ April 2004, dwar il-kordinazzjoni ta’ sistemi ta’ sigurtà soċjali (Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 5, p. 72).

( 33 ) Is-sentenza Bernini, iċċitata iktar ’il fuq (punt 26).

( 34 ) Sentenzi Bernini, iċċitata iktar ’il fuq (punt 26); tat-8 ta’ Ġunju 1999, Meeusen (C-337/97, Ġabra p. I-3289, punt 22), kif ukoll tal-5 ta’ Mejju 2011, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja (C-206/10, Ġabra p. I-3573, punt 36).

( 35 ) Is-sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Pajjiżi il-Baxxi, iċċitata iktar ’il fuq (punt 37 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 36 ) Ibidem (punt 38).

( 37 ) Idem (punt 38).

( 38 ) Ibidem (punt 44).

( 39 ) Ibidem (punt 55).

( 40 ) Fl-osservazzjonijiet tiegħu bil-miktub, il-Gvern Lussemburgiż jippreżenta ċ-ċifra ta’ 39.5 % ta’ persuni li għandhom bejn l-24 u 29 sena (ir-rata ta’ persuni li għandhom edukazzjoni terzjarja fost iċ-ċittadini Lussemburgiżi hija ta’ madwar 22 %, l-etajiet kollha meħuda flimkien).

( 41 ) Sentenza tal-15 ta’ Marzu 2005 (C-209/03, Ġabra p. I-2119, punt 56).

( 42 ) COM(2010) 2020 finali, tat-3 ta’ Marzu 2010.

( 43 ) Ibidem (p. 5 u 12).

( 44 ) Ibidem (p. 5).

( 45 ) Komunikazzjoni tal-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq (p. 5). Ara wkoll il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni “Aġenda għall-ħiliet ġodda u l-impjiegi: Kontribut Ewropew lejn livell massimu ta’ impjiegi” [COM(2010) 682 finali tat-23 ta’ Novembru 2010].

( 46 ) ĠU 119, p. 2.

( 47 ) Ibidem (Anness I).

( 48 ) Konklużjonijiet tal-Kunsill tal-11 ta’ Mejju 2010 dwar id-dimensjoni soċjali tal-edukazzjoni u t-taħriġ (ĠU C 135, p. 2).

( 49 ) Konklużjonijiet tal-Kunsill tad-19 ta’ Novembru 2010 dwar l-inizjattiva Żgħażagħ f’Moviment – approċċ integrat bi tweġiba għall-isfidi li jiffaċċjaw iż-żgħażagħ (ĠU C 326, p. 9).

( 50 ) Ara l-Anness tar-Riżoluzzjoni tal-Kunsill dwar aġenda Ewropea mġedda għat-tagħlim għall-adulti (ĠU C 372, p. 1).

( 51 ) L-Artikoli 6 TFUE u 165 TFUE.

( 52 ) Fl-istess sens, ara l-punt 139 tal-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Sharpston fil-kawża li tat lok għas-sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Pajjiżi l-Baxxi, iċċitata iktar ’il fuq.

( 53 ) Punt 28 tal-imsemmija osservazzjonijiet.

( 54 ) Sentenza ċċitata iktar ’il fuq (punti 60 et seq).

( 55 ) Ibidem (punt 57 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 56 ) Ibidem (punt 63). Korsiv miżjud minni.

( 57 ) Ibidem (punt 65). Korsiv miżjud minni.

( 58 ) Ibidem (punt 73).

( 59 ) Ibidem (punti 70 et seq).

( 60 ) Ibidem (punti 76 u 77).

( 61 ) Ibidem (punt 78).

( 62 ) Ibidem (punt 79).

( 63 ) Ibidem (punt 86). Korsiv miżjud minni.

( 64 ) Ara l-punti 50 et seq ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 65 ) Jew ċertu livell ta’ integrazzjoni (ara l-punti 61 u 63 tas-sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Pajjiżi l-Baxxi, iċċitata iktar ’il fuq).

( 66 ) Is-sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Pajjiżi l-Baxxi, iċċitata iktar ’il fuq (punt 86).

( 67 ) Ara l-punt 14 tal-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Sharpston fil-kawża li tat lok għas-sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Pajjiżi l-Baxxi, iċċitata iktar ’il fuq.