KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

WATHELET

ippreżentati fil-11 ta’ April 2013 ( 1 )

Kawża C‑5/12

Marc Betriu Montull,

vs

Instituto Nacional de la Seguridad Social (INSS)

[talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Juzgado de lo Social Nru 1 de Lleida (Spanja)]

“Politika soċjali — Ugwaljanza fit-trattament bejn ħaddiema rġiel u ħaddiema nisa — Direttiva 76/207/KEE — Artikoli 2 u 5 tad-Direttiva 92/85/KEE — Artikolu 8 — Dritt għal-leave tal-maternità favur ommijiet impjegati — Użu possibbli mill-omm impjegata jew mill-missier impjegat — Omm mhux impjegata — Esklużjoni tad-dritt għal-leave għall-missier impjegat — Direttiva 96/34/KEE — Ftehim qafas fuq il-leave parentali — Drittijiet tal-omm u tal-missier — Missirijiet bijoloġiċi u missirijiet adottivi”

I – Introduzzjoni

1.

Din it-talba għal deċiżjoni preliminari, ippreżentata fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fit-3 ta’ Jannar 2012, tirrigwarda l-interpretazzjoni tad-Direttiva 76/207/KEE tal-Kunsill, tad-9 ta’ Frar 1976, dwar l-implimentazzjoni tal-prinċipju ta’ trattament ugwali għall-irġiel u n-nisa għal dak li għandu x’jaqsam ma’ l-aċċess għall-impjiegi, taħriġ professjonali, promozzjoni, u kondizzjonijiet tax-xogħol ( 2 ) u tad-Direttiva tal-Kunsill 96/34/KE, tal-31 ta’ Ġunju 1996, dwar il-ftehim qafas fuq il-leave tal-ġenituri [leave parentali] konkluż mill-UNICE, CEEP u ta’ ETUC ( 3 ).

2.

Id-domandi magħmulin mill-Juzgado de lo Social Nru 1 de Lleida (Spanja) jidħlu fil-kuntest ta’ kawża bejn M. Betriu Montull u l-Instituto Nacional de la Seguridad Social (iktar ’il quddiem l-“INSS”) dwar l-applikazzjoni kkombinata tal-Artikolu 48(4) tal-Istatut tal-Ħaddiema ( 4 ) u l-Artikolu 133A tal-liġi ġenerali fuq is-sigurtà soċjali ( 5 ). L-Artikolu 48(4) tal-Istatut tal-Ħaddiema ( 6 ) jistabbilixxi leave tal-maternità ta’ sittax-il ġimgħa, fejn l-ewwel sitt ġimgħat wara t-twelid jittieħdu obbligatorjament minn omm it-tarbija. Imbagħad l-omm tista’ tagħżel li tittrasferixxi lill-missier parti jew il-leave tal-maternità kollu li jkun fadal. L-Artikolu 133A tal-liġi ġenerali fuq is-sigurtà soċjali jistabbilixxi allowance tal-maternità għall-perijodi ta’ mistrieħ mogħtija għall-maternità skont l-Artikolu 48(4) tal-Istatut tal-Ħaddiema.

3.

M. Betriu Montull huwa impjegat u msieħeb fis-skema ġenerali tas-sigurtà soċjali Spanjola. M. Macarena Ollé, Procuradora de los Tribunales, hija rreġistrata mal-Mutualidad General de los Procuradores, skema li hija separata minn dik Spanjola ta’ sigurtà soċjali ( 7 ).

4.

Wara t-twelid tat-tifel tagħhom fl-20 ta’ April 2004 f’Leida u, nassumi, bil-kunsens ta’ omm it-tifel, kif tistabbilixxi l-liġi Spanjola, Marc Betriu Montull talab l-allowance tal-maternità għall-perijodu ta’ wara s-sitt ġimgħat ta’ mistrieħ obbligatorju li l-omm trid tieħu immedjatament wara t-twelid. B’deċiżjonijiet tat-28 ta’ Lulju u tat-8 ta’ Awwissu 2004, din it-talba ġiet irrifjutata mill-INSS. Dan qal li billi l-omm ma kienet irreġistrata fl-ebda skema pubblika ta’ sigurtà soċjali u, għaldaqstant, ma kellhiex dritt oriġinali għal-leave u allura għall-allowance li tagħti lok għas-sitwazzjoni protetta mis-sistema ta’ sigurtà soċjali, il-missier, f’każ ta’ maternità bijoloġika, ma għandux dritt tiegħu, awtonomu u indipendenti imma dritt biss li neċessarjament jitnissel minn dak tal-omm.

5.

Fit-13 ta’ Settembru 2004, Marc Betriu Montull ippreżenta quddiem il-qorti tar-rinviju rikors kontra d-deċiżjoni tal-INSS biex jitlob ir-rikonoxximent tad-dritt tiegħu għall-allowance u allega, fost affarijiet oħra, li kien hemm ksur tal-prinċipju tal-ugwaljanza.

6.

Il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk id-dispożizzjonijiet nazzjonali inkwistjoni, li jagħtu lok għad-dritt tal-missier għall-allowance bħala mnissel minn dak tal-omm, jippreġudikawx il-prinċipju ta’ ugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa.

II – Il-kuntest ġuridiku

A – Id-dritt tal-Unjoni

1. Id-Direttiva 76/207

7.

L-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 76/207/KE jgħid li:

“L-iskop ta’ din id-Direttiva huwa li jdaħħal fis-seħħ fl-Istati Membri l-prinċipju tat-trattament ugwali ghall-irġiel u n-nisa għal dak li għandu x’jaqsam ma’ l-aċċess għall-impjieg, inkluża l-promozzjoni, u taħriġ professjonali u għal dak li għandu x’jaqsam ma’ kondizzjonijiet tax-xogħol u, skond il-kondizzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 2, sigurtà soċjali. Minn issa ‘l quddiem dan il-prinċipju jissejjaħ ’il-prinċipju tat-trattament ugwali’.”

8.

L-Artikolu 2 ta’ din id-direttiva jipprovdi:

“1.   Għall-iskopijiet tad-dispożizzjonijiet li ġejjin, il-prinċipju tat-trattament ugwali jfisser li m’għandu jkun hemm l-ebda diskriminazzjoni minħabba sess kemm direttament kif ukoll indirettament, speċjalment billi ssir referenza għall-istat maritali jew tal-familja.

[…]

3.   Din id-Direttiva hija mingħajr preġudizzju għal xi disposizzjonijiet rigward il-ħarsien tan-nisa, speċjalment dwar it-tqala u l-maternità.

4.   Din id-Direttiva hija mingħajr preġudizzju għal xi miżuri li jmexxu ’l quddiem l-opportunitajiet indaqs għall-irġiel u n-nisa, speċjalment billi jneħħu xi inugwaljanzi li jeżistu li jaffettwaw l-opportunitajiet tan-nisa fl-oqsma msemmija fl-Artikolu 1(1).”

9.

Skont l-Artikolu 5 tal-istess direttiva:

“1.   L-applikazzjoni tal-prinċipju tat-trattament ugwali għal dak li għandu x’jaqsam mal-kondizzjonijiet tax-xogħol, inklużi l-kondizzjonijiet li jirregolaw is-sensji, tfisser li l-irġiel u n-nisa għandhom ikunu garantiti l-istess kondizzjonijiet mingħajr diskriminazzjoni minħabba s-sess.

2.   Għal dan il-għan, l-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li:

“a)

il-liġijiet kollha, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi li jmorru kontra l-prinċipju tat-trattament ugwali jitneħħew;

b)

id-dispożizzjonijiet kollha li jmorru kontra l-prinċipju tat-trattament ugwali li huma inklużi fi ftehim kollettiv, kuntratti individwali ta’ xogħol, regoli interni ta’ impriżi jew regoli li jirregolaw ix-xogħol indipendenti u l-professjonijiet huma, jew jistgħu jiġu ddikjarati, nulli u bla effet jew jistgħu jiġu emendati;

c)

dawk il-liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi li jmorru kontra l-prinċipju tat-trattament ugwali meta it-tħassib għall-protezzjoni li oriġinarjament nebbħithom m’għadx għandha bażi soda huma riveduti; u li fejn hemm dispożizzjonijiet bħalhom imdaħħla fi ftehim kollettiv il-ħaddiema u d-direzzjoni għandhom jintalbu jagħmlu r-reviżjoni mixtieqa.”

2. Id-Direttiva 92/85/KEE

10.

Id-Direttiva tal-Kunsill 92/85/KEE, tad-19 ta’ Ottubru 1992, dwar l-introduzzjoni ta’ mizuri biex jinkoraġġixxu t-titjib fis-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol għall-ħaddiema nisa tqal u ħaddiema li welldu reċentement, jew li qed ireddgħu (l-għaxar Direttiva partikolari fis-sens ta l-Artikolu 16(1) tad-Direttiva 89/391/KEE) ( 8 ) skont l-Artikolu 1(1) tagħha, għandha l-għan li timplementa “miżuri li jinkoraġġixxu titjib fis-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol ta’ ħaddiema tqal u ħaddiema li welldu reċentement jew li qegħdin ireddgħu.”

11.

L-Artikolu 8 tad-Direttiva 92/85 intitolat “Leave tal-Maternità”, jipprovdi:

“1.   L-Istati Membri għandhom jieħdu l-passi neċessarji biex jiżguraw li l-ħaddiema fis-sens ta’ l-Artikolu 2 huma intitolati għal żmien kontinwu ta’ leave tal-maternità ta’ mill-inqas 14-il ġimgħa, allokati qabel u/jew wara l-ħlas skond il-liġi u/jew prattika nazzjonali.

2.   Il-leave tal-maternità stipulat fil-paragrafu 1 għandu jinkludi leave tal-maternità obbligatorju ta’ mill-inqas ġimagħtejn qabel u/jew wara l-ħlas skond il-leġislazzjoni u/jew il-prattika nazzjonali.”

3. Id-Direttiva 96/34

12.

Skont l-Artikolu 1 tad-Direttiva 96/34, l-għan tagħha huwa li jiġi implementat il-ftehim qafas dwar il-leave tal-ġenituri [leave parentali] konkluż fl-14 ta’ Diċembru 1995 bejn l-organizzazzjonijiet ta’ natura ġenerali tal-industrija (UNICE, CEEP u ta’ ETUC) u li jidhru fl-anness ta’ din id-direttiva.

13.

Bis-saħħa tal-punt 2 tal-klawżola 1 tal-Ftehim qafas anness mad-Direttiva 96/34, il-“ftehim japplika għall-ħaddiema kollha, rgiel u nisa, li għandhom kuntratt ta’ mpjieg jew relazzjoni ta’ xogħol kif definit mill-liġi, ftehim kollettiv jew prattika fis-seħħ f’kull Stat Membru”.

14.

Il-klawżola 2 tal-Ftehim qafas anness mad-Direttiva 96/34, intiolata “Il-Leave tal-ġenituri” tistabbilixxi:

“1.

Dan il-ftehim jagħti, b’riżerva tal-klawsola 2.2, lill-ħaddiema rġiel u dawk nisa, id-dritt individwali għall-leave tal-ġenituri għar-raġuni tat-twelid jew ta’ l-adozzjoni biex ikunu jistgħu jieħdu ħsieb il-wild, għall-anqas għal tliet xhur, sa’ l-età li tista’ tkun ta’ tmien snin li għandha tiġi definita mill-Istati Membri u/jew l-imsieħba soċjali.

2.

Biex jippromwovu opportunitajiet u trattament ugwali bejn l-irġiel u n-nisa, il-partijiet għal dan il-ftehim jikkunsidraw li d-dritt għall-leave tal-ġenituri previst taħt il-klawsola 2.1 għandu, in prinċipju, jingħata fuq bażi non-trasferibbli.

3.

Il-kondizzjonijiet ta’ l-aċċess u r-regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-leave tal-ġenituri għandhom ikunu definiti mill-liġi u/jew bi ftehim kollettiv fl-Istati Membri, sakemm il-ħtiġiet minimi ta’ dan il-ftehim ikunu mħarsa. [...]”

B – Id-dritt Spanjol

15.

Skont l-Artikolu 1(1) tiegħu, l-Istatut tal-Ħaddiema japplika għall-ħaddiema li jagħtu s-servizzi tagħhom volontarjament b’remunerazzjoni f’isem ħaddieħor fil-qafas tal-organizzazzjoni u taħt id-direzzjoni ta’ persuna fiżika jew legali oħra msejħa l-“persuna li timpjega jew imprenditur”.

16.

Skont l-Artikolu 1(3) tal-Istatut tal-Ħaddiema:

“Dan li ġej għandu jiġi eskluż mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din il-liġi:

[…]

g)

b’mod ġenerali, kull xogħol magħmul fil-qafas ta’ relazzjoni differenti minn dik iddefinita fil-paragrafu 1 ta’ dan l-artikolu […]”.

17.

L-Artikolu 48(4) tal-Istatut tal-Ħaddiema, fil-verżjoni tiegħu applikabbli fiż-żmien tal-fatti inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li jmorru lura għall-2004 ( 9 ), jistabbilixxi li:

“Fil-każ ta’ twelid, il-kuntratt huwa sospiż għal perijodu mhux interrott ta’ sittax-il ġimgħa, […]. Il-perijodu ta’ sospensjoni għandu jitqassam skont l-għażla tal-persuna kkonċernata bil-kundizzjoni li sitt ġimgħat jittieħdu immedjatament wara t-twelid […].

Minkejja d-dispożizzjonijiet preċedenti, u bla ħsara għas-sitt ġimgħat ta’ mistrieħ immedjatament wara t-twelid li obbligatorjament tieħu l-omm, fil-każ fejn iż-żewġ ġenituri jaħdmu, l-omm tista’, fil-bidu tal-perijodu tal-leave tal-maternità, tagħżel li l-ġenitur l-ieħor igawdi parti determinata u mhux interrotta tal-perijodu ta’ mistrieħ wara t-twelid, b’mod simultanju jew suċċessiv għal-leave tagħha, ħlief jekk fil-mument tal-użu tiegħu, ir-ritorn għax-xogħol tal-omm ikun ifisser riskju għal saħħitha.

[…]

Fil-każ ta’ adozzjoni jew ta’ foster care, kemm qabel l-adozzjoni kif ukoll b’mod permanenti, ta’ minuri ta’ inqas minn sitt snin, is-sospensjoni għandha ddum sittax-il ġimgħa mhux interrotti, imtawlin fil-każ ta’ adozzjoni jew ta’ foster care multipli fuq il-bażi ta’ ġimagħtejn kull wild minuri li jibdew mit-tieni wieħed. Din is-sospensjoni tidħol fis-seħħ, skont l-għażla tal-ħaddiem, jew mid-deċiżjoni ġudizzjarja tal-adozzjoni, jew mid-deċiżjoni amministrattiva jew ġudizzjarja tal-foster care, provviżorju jew definittiv. Il-kuntratt għandu jiġi sospiż ukoll, għal sittax-il ġimgħa fl-ipoteżi ta’ adozzjoni jew ta’ foster care ta’ minuri ta’ iktar minn sitt snin meta jkunu minuri b’diżabbiltà jew minuri li, minħabba ċ-ċirkustanzi u l-esperjenzi personali tagħhom jew li, għaliex jiġu minn barra l-pajjiż, għandhom diffikultajiet partikolari biex jintegraw soċjalment u fil-familja kif jiġi debitament stabbilit mis-servizzi soċjali kompetenti. Fil-każ fejn jaħdmu ż-żewġ ġenituri, il-perijodu ta’ sospensjoni jinqasam skont l-għażla tal-persuni kkonċernati, li jistgħu jgawduh b’mod simultanju jew suċċessiv, imma dejjem għal perijodi mhux interrotti u fil-limiti stabbiliti.

Fil-każ li jitgawdew simultajnament perijodi ta’ mistrieħ, it-total taż-żewġ perijodi ma jistax jaqbeż is-sittax-il ġimgħa msemmijin fil-paragrafi preċedenti jew dawk li jikkorrespondu għall-każijiet ta’ twelid, ta’ adozzjoni jew ta’ foster care multipli.

[…]”

18.

L-Artikolu 48(4) tal-Istatut tal-Ħaddiema kien ġie emendat ulterjorment bil-Liġi organika 3/2007 għall-ugwaljanza effettiva bejn in-nisa u l-irġiel (Ley orgánica 3/2007 para la igualdad efectiva de mujeres y hombres), tat-22 ta’ Marzu 2007 (BOE Nru 71, tat-23 ta’ Marzu 2007, p. 12611). Għal dak li jirrigwardana, l-Artikolu 48(4) tal-Istatut tal-Ħaddiema kien ġie emendat biż-żieda tal-paragrafu li ġej:

“Fil-każ fejn l-omm ma jkollhiex id-dritt li tissospendi l-attività professjonali tagħha flimkien ma’ dritt li tirċievi ċerti benefiċċji bis-saħħa ta’ regoli fuq din l-attività, il-ġenitur l-ieħor ikollu d-dritt li jissospendi l-kuntratt tax-xogħol tiegħu matul il-perijodu li kellu jkun dak tal-omm, li huwa kompatibbli mal-eżerċizzju tad-dritt irrikonoxxut fl-artikolu li jmiss [sospensjoni tal-kuntratt tax-xogħol marbut mal-paternità]. […]” ( 10 )

19.

L-Artikolu 133A tal-Liġi Ġenerali fuq is-Sigurtà Soċjali (Ley General de la Seguridad Social), jistabbilixxi li:

“Għall-finijiet tal-allowance tal-maternità, għandhom jiġu kkunsidrati bħala sitwazzjonijiet protetti l-maternità, l-adozzjoni u l-foster care, kemm qabel l-adozzjoni kif ukoll permanenti, għal perijodi ta’ mistrieħ mogħtijin għal dawn is-sitwazzjonijiet, skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 48(4) tat-test ikkodifikat tal-Istatut tal-Ħaddiema, adottat bid-Digriet Rjali Leġiżlattiv 1/1995, tal-24 ta’ Marzu 1995, u d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 30(3) tal-Liġi fuq il-Miżuri adottati għar-Riforma tal-Funzjoni Pubblika tat-2 ta’ Awwissu 1984)”.

III – Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

20.

Minbarra l-fatti deskritti fil-punti 3 sa 5 iktar ’il fuq, għandu jingħad li fl-20 ta’ April 2005, il-qorti tar-rinviju adixxiet lit-Tribunal Constitucional (Qorti Kostituzzjonali) b’domanda fuq il-konformità tal-Artikolu 48(4) tal-Istatut tal-Ħaddiema mal-Kostituzzjoni Spanjola. B’sentenza tad-19 ta’ Mejju 2011, il-Qorti Kostituzzjonali ddeċidiet li d-dispożizzjoni inkwistjoni ma kinitx tikser l-Artikoli 14 (prinċipju tan-nondiskriminazzjoni), 39 (protezzjoni soċjali, ekonomika u legali tal-familja) u 41 (sistema ta’ sigurtà soċjali) tal-Kostituzzjoni.

21.

Madankollu, il-qorti tar-rinviju għandha dubju fuq kemm din id-dispożizzjoni tikkonforma mad-dritt tal-Unjoni, u b’mod partikolari, mal-prinċipju ġenerali ta’ ugwaljanza fit-trattatment.

22.

Il-qorti tar-rinviju tikkonstata li ma hemmx kontestazzjoni fuq il-perijodu ta’ mistrieħ obbligatorju ta’ sitt ġimgħat li l-omm għandha tieħu immedjatament wara t-twelid. Min-naħa l-oħra, għal dak li jirrigwarda l-perijodu ulterjuri ta’ għaxar ġimgħat, hija tikkonstata li sakemm id-dritt tal-missier jitqies bħala dritt imnissel minn dak tal-omm, il-leġiżlazzjoni nazzjonali tittratta b’mod differenti lill-missier u lill-omm impjegati meta s-sitwazzjonijiet tagħhom rispettivi huma paragunabbli.

23.

Skont il-qorti tar-rinviju, is-sospensjoni tal-kuntratt tax-xogħol maż-żamma tal-impjieg stabbilta fl-Artikolu 48(4) tal-Istatut tal-Ħaddiema, bl-eċċezzjoni tas-sitt ġimgħat li jsegwu t-twelid, għandha tinftiehem bħala leave parentali u miżura ta’ rikonċiljazzjoni tal-ħajja familjari u dik professjonali peress li r-realtà bijoloġika tat-tqala u tat-twelid, li tirrigwarda esklużivament lill-mara, hija determinati biss għall-perijodu ta’ mistrieħ li obbligatorjament tieħu l-omm.

24.

Dik il-qorti b’hekk tikkunsidra li l-leave inkwistjoni fil-kawża prinċipali għandu jiġi użat bla distinzjoni mill-omm jew mill-missier, fejn dawn it-tnejn għandhom il-kundizzjoni ta’ impjegati u minħabba n-natura tagħhom ta’ ġenituri tal-wild.

25.

Skont il-qorti tar-rinviju l-liġi Spanjola inkwistjoni tittratta wkoll b’mod differenti l-missier bijoloġiku u l-missier adottiv. Fil-fatt, fil-każ ta’ adozzjoni, l-Artikolu 48(4) tal-Istatut tal-Ħaddiema jippermetti lill-missier u lill-omm, meta jaħdmu t-tnejn, li jaqsmu bejniethom kif iridu l-perijodu ta’ mistrieħ. F’dan il-każ, id-dritt għal-leave ma huwiex ikkonċepit bħala dritt oriġinali tal-omm, li tista’ tgħaddih lill-missier, imma bħala perijodu ta’ sospensjoni maqsum bi ftehim komuni bejn il-missier u l-omm. Għalhekk, f’każ ta’ adozzjoni, il-missier impjegat imsieħeb fi skema ta’ sistema ta’ sigurtà soċjali jkun jista’ jgawdi mil-leave kollu kemm hu, u jirċievi l-allowance korrispondenti, anki jekk l-omm ma tkunx impjegata msieħba fi skema tas-sistema ta’ sigurtà soċjali, filwaqt li, fl-istess ipoteżi, fil-każ ta’ maternità bijoloġika u ta’ twelid, il-missier ma jkunx jista’ jibbenefika mill-aħħar għaxar ġimgħat tal-perijodu ta’ leave billi dan id-dritt għal-leave huwa kkunsidrat bħala dritt oriġinali tal-omm.

26.

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Juzgado de lo Social Nru 1 de Lleida ddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel id-domandi preliminari li ġejjin lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“1)

Għandha tiġi kkunsidrata bħala li tmur kontra d-Direttiva tal-Kunsill 76/207/KEE u d-Direttiva tal-Kunsill 96/34/KE, dispożizzjoni tal-liġi nazzjonali, f’dan il-każ l-Artikolu 48(4) tal-Estatuto de los Trabajadores [tal-Istatut tal-Ħaddiema], li tistabbilixxi d-dritt għal leave tal-maternità fl-ipotesi ta’ twelid, wara l-perijodu tas-sitt ġimgħat wara t-twelid, u bl-eċċezzjoni tal-każijiet fejn jeżisti periklu għas-saħħa tal-omm, bħala dritt inerenti u awtonomu għall-ommijiet impjegati, u bħala dritt sussidjarju għall-missirijiet impjegati, li jistgħu jgawdu minn dan il-leave ħlief biss jekk l-omm hija wkoll impjegata u tagħżel li ċċedi lill-missier parti speċifika minn dan il-leave?

2)

Għandha tiġi kkunsidrata bħala li tmur kontra l-prinċipju ta’ trattament ugwali li jipprojbixxi diskriminazzjoni bbażata fuq is-sess, liġi nazzjonali, b’mod konkret l-Artikolu 48(4) tal-Estatuto de los Trabajadores [tal-Istatut tal-Ħaddiema], li jirrikonoxxi s-sospensjoni tal-kuntratt ta’ xogħol biż-żamma tal-impjieg, li tieħu inkarigu tagħha s-sigurtà soċjali fl-ipotesi ta’ twelid, bħala dritt inerenti tal-omm u mhux tal-missier, anki wara l-perijodu ta’ sitt ġimgħat li jsegwi t-twelid, ħlief fil-każijiet ta’ periklu għas-saħħa tal-omm, b’mod li l-leave jista’ jingħata biss lill-missier ħaddiem fil-każ li omm il-wild ikollha wkoll l-istatus ta’ ħaddiem impjegat?

3)

Għandha tiġi kkunsidata bħala li tmur kontra l-prinċipju ta’ trattament ugwali li jipprojbixxi kull diskriminazzjoni, liġi nazzjonali, b’mod konkret l-Artikolu 48(4) tal-Estatuto de los Trabajadores [tal-Istatut tal-Ħaddiema], li jirrikonoxxi dritt inerenti għas-sospensjoni tal-kuntratt ta’ xogħol biż-żamma tal-impjieg u li tieħu inkarigu tagħha s-sigurtà soċjali għall-missirijiet ħaddiema impjegati meta huma jadottaw wild, filwaqt li, meta huma jkollhom wild bijoloġiku, din tirrikonoxxilhom biss dritt li huwa sussidjarju għal dak tal-omm u mhux dritt ta’ sospensjoni proprju, awtonomu u indipendenti?”

IV – Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

27.

Ġew ippreżentati osservazzjonijiet bil-miktub mill-INSS, mill-Gvern Spanjol u Pollakk kif ukoll mill-Kummissjoni Ewropea. Dawn għamlu wkoll osservazzjonijiet orali matul is-seduta li saret fil-21 ta’ Frar 2013.

V – Analiżi

A – Fuq l-ammissibbiltà tad-domandi preliminari

28.

Il-Gvern Spanjol jikkunsidra li d-domandi preliminari huma inammissibbli. Huwa jikkunsidra li d-deċiżjoni tar-rinviju ma tesponix ir-raġunijiet preċiżi li jiġġustifikaw ir-rilevanza tad-domandi preliminari u dan juri n-natura purament ipotetika tagħhom. Għalhekk il-qorti tar-rinviju qisha qiegħda titlob parir mingħand il-Qorti tal-Ġustizzja fuq l-interpretazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni flimkien mal-Artikolu 48(4) tal-Istatut tal-Ħaddiema.

29.

Matul is-seduta, l-INSS sostna wkoll li d-domandi preliminari kienu inammissibbli. Fil-fehma tiegħu, peress li l-Artikolu 48(4) tal-Istatut tal-Ħaddiema kien jistabbilixxi leave għal perijodu mhux interrott ta’ sittax-il ġimgħa, id-domandi preliminari magħmula disa’ snin wara t-twelid huma neċessarjment ipotetiċi billi qed isiru f’mument fejn il-possibbiltà li jkun hemm benefiċċju mil-leave hija eskluża.

30.

Skont ġurisprudenza stabbilita, il-proċedura stabbilita mill-Artikolu 267 TFUE hija strument ta’ kooperazzjoni bejn il-Qorti tal-Ġustizzja u l-qrati nazzjonali, li permezz tagħha l-Qorti tal-Ġustizzja tagħti lill-qrati nazzjonali l-elementi ta’ interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni li huma neċessarji għalihom sabiex tkun deċiża l-kawża li tkun tressqet quddiemhom. Fil-kuntest ta’ din il-kooperazzjoni, id-domandi li jirrigwardaw id-dritt tal-Unjoni jibbenefikaw minn preżunzjoni ta’ rilevanza. Ir-rifjut mill-Qorti tal-Ġustizzja ta’ domanda magħmula minn qorti nazzjonali hija possibbli biss fejn huwa pjuttost ovvju li l-interpretazzjoni mitluba tad-dritt tal-Unjoni ma għandha l-ebda relazzjoni man-natura vera jew mas-suġġett tal-kawża prinċipali, meta l-problema hija ta’ natura ipotetika, jew saħansitra meta l-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex quddiemha punti ta’ fatt u ta’ liġi neċessarji sabiex tingħata risposta utli għad-domandi magħmula lilha. Il-funzjoni li ġiet fdata lill-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest tat-talba għal deċiżjoni preliminari fil-fatt tikkonsisti fil-kontribuzzjoni għall-amministrazzjoni tal-ġustizzja fl-Istati Membri u mhux biex tifformula opinjonijiet konsultattivi fuq kwistjonijiet ġenerali jew ipotetiċi ( 11 ).

31.

F’dan il-każ, mid-deċiżjoni tal-qorti tar-rinviju u mid-domandi preliminari magħmula jirriżulta li din tal-aħħar trid issir taf dwar jekk id-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni, jiġifieri d-Direttivi 76/207 u 96/34 jipprekludux regola bħal dik stabbilita fl-Artikolu 48(4) tal-Istatut tal-Ħaddiema. Jekk huwa veru li fil-kawża prinċipali, Marc Betriu Montull talab li jibbenefika mill-“allowance tal-maternità” stabbilita fl-Artikolu 133A tal-liġi ġenerali fuq is-sigurtà soċjali u li din il-liġi ma tiddefinixxix il-kundizzjonijiet li jagħtu dritt għall-allowance inkwistjoni, madankollu din tirreferi b’dan l-Artikolu 133A stess għall-Artikolu 48(4) tal-Istatut tal-Ħaddiema li jiddefinixxi dawn il-kundizzjonijiet.

32.

Fid-dawl tar-rabta diretta prevista espressament mil-leġiżlatur Spanjol bejn dawn iż-żewġ dispożizzjonijiet, ma narax kif id-domandi tal-qorti tar-rinviju huma ta’ natura ġenerali jew ipotetika u lanqas b’liema mod ir-risposta tal-Qorti tal-Ġustizzja għal dawn id-domandi ma għandha l-ebda interess għas-soluzzjoni tal-kawża inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

33.

Barra minn dan, fir-rigward tal-osservazzjonijiet tal-INSS li jidhru fil-punt 29, iktar ’il fuq, nikkunsidra li anki jekk tiġi aċċettata l-impossibbiltà allegata għal M. Betriu Montull li jibbenefika retrospettivament mil-leave inkwistjoni, huwa jista’, minbarra li jitlob l-allowance, isostni d-drittijiet tiegħu għal kumpens fil-konfront tal-INSS u dan tal-aħħar semmih ukoll fis-seduta.

34.

Għalhekk nikkunsidra li d-domandi preliminari huma ammissibbli.

35.

Madankollu għandu jiġi osservat li sa fejn il-qorti tar-rinviju ma spjegatx fid-deċiżjoni tar-rinviju l-kuntest legali nazzjonali fuq il-leave parentali, ma iniex ser neżamina l-kwistjoni jekk id-Direttiva 96/34 tipprekludix miżura bħal dik stabbilita fl-Artikolu 48(4) tal-Istatut tal-Ħaddiema ( 12 ).

B – Fuq il-mertu tad-domandi preliminari

1. Argumenti

36.

Fir-rigward tal-ewwel domanda, l-INSS jikkunsidra li ma hemmx ksur tad-Direttiva 92/85 li ma jiġix awtorizzat it-trasferiment lill-missier tad-dritt li jirċievi l-allowance tal-maternità meta l-omm ma jkollhiex dritt hija stess minħabba r-reġistrazzjoni volontarja tagħha f’korp ta’ previdenza soċjali li ma jirrikonoxxix din il-protezzjoni, għaliex ħadd ma jista’ jittrasferixxi dritt li ma jkollux.

37.

L-INSS josserva li l-leave parentali msemmi fid-Direttiva 96/34 huwa differenti minn dak li huwa s-suġġett tal-kawża prinċipali. Skont l-INSS, id-dritt għal-leave parentali huwa traspost fid-dritt Spanjol bl-Artikolu 46(3) tal-Istatut tal-Ħaddiema li jipprovdi li, “il-ħaddiema għandhom dritt għal perijodu ta’ estensjoni tal-leave li ma jaqbiżx tliet snin sabiex jieħdu ħsieb il-wild, kemm jekk dan ikun naturali, adottat, jew s-suġġett ta’ foster care, permanenti jew ta’ qabel l-adozzjoni, anki jekk ikun foster care temporanju, u dan mid-data tat-twelid tal-wild jew, jekk ikun il-każ, mid-deċiżjoni ġudizzjarja jew amministrattiva”. Dan il-leave għandu bħala għan li jirrikonċilja r-responsabbiltajiet professjonali u familjari tal-ġenituri ħaddiema (kemm jekk huma rġiel kif ukoll nisa) filwaqt li l-leave inkwistjoni fil-kawża prinċipali għandu bħala għan li tiġi mħarsa s-saħħa tal-omm u tar-relazzjonijiet partikolari bejn l-omm u t-tarbija wara t-twelid.

38.

Fir-rigward tat-tieni domanda, l-INSS josserva li M. Betriu Montull ma bbenefikax mil-leave inkwistjoni għaliex M. Macarena Ollé, omm it-tarbija tagħhom, kienet imsieħba, b’għażla tagħha, mal-Mutualidad Gerneral de los Procuradores u mhux mal-iskema ġenerali tas-sigurtà soċjali. Skont l-INSS, id-dritt li tissospendi l-attività professjonali tagħha fl-okkażjoni tal-maternità, flimkien mad-dritt li tirċievi allowance matul il-leave u l-possibbiltà li taqsam dan il-leave imħallas mal-missier tat-tarbija, ma jiddipendix min-natura tal-impjieg tal-omm, imma mill-għażla tagħha li tirreġistra ruħha jew le fil-qafas ta’ protezzjoni tas-sistema ta’ sigurtà soċjali stabbilita mil-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni.

39.

Fir-rigward tat-tielet domanda, l-INSS jikkunsidra li d-differenza fit-trattament bejn il-missirijiet impjegati, skont jekk humiex missirijiet adottivi jew bijoloġiċi, hija ġġustifikata perfettament peress li, fil-każ ta’ relazzjoni bijoloġika, huwa raġonevoli li d-dritt ikun esklużivament stabbilit għall-omm li trid tikseb lura saħħitha wara t-tqala u t-twelid, filwaqt li s-sospensjoni tal-kuntratt għall-adozzjoni jew għall-foster care għandu bħala għan li tiġi ffaċilitata l-integrazzjoni armonjuża tat-tarbija l-ġdida fin-nukleu familjari, ħaġa li tikkonċerna bl-istess mod il-missier u l-omm.

40.

Il-Gvern Spanjol josserva li l-leġiżlatur Spanjol illeġiżla filwaqt li osserva t-test tal-Artikolu 8 tad-Direttiva 92/85 u l-marġni ta’ manuvra mħolli lill-Istati Membri. Skont il-Gvern Spanjol, il-fatt li l-omm tista’ mhux biss tirrinunzja totalment għall-perijodu ta’ wara s-sitt ġimgħat ta’ mistrieħ li hija obbligata tieħu wara t-twelid, imma li taqsam jew tgħaddih ukoll lill-missier, josserva l-kontenut u l-għan tad-Direttiva 92/85 billi l-missier jista’ jiġi involut fil-kompiti tal-familja.

41.

Il-Gvern Spanjol jikkunsidra li l-possibbiltà ta’ sospensjoni tal-kuntratt tax-xogħol maż-żamma tal-post tax-xogħol fil-każ ta’ adozzjoni tikkonforma mad-dispożizzjonijiet tad-Direttivi 96/34 u 76/207. Fil-fehma tiegħu, id-Direttiva 96/34 tirrikonoxxi li t-twelid u l-adozzjoni ta’ tarbija ma humiex każijiet ekwivalenti inkwantu l-punt 3(ċ) tal-kawżola 2 tal-Ftehim qafas anness jindika li l-Istati Membri jistgħu b’mod partikolari jaġġustaw il-kundizzjonijiet ta’ aċċess u l-modalitajiet ta’ applikazzjoni tal-leave parentali għaċ-ċirkustanzi partikolari tal-adozzjoni. Għaldaqstant, jikkunsidra li l-leġiżlatur Ewropew iħalli lill-Istati Membri marġni ta’ diskrezzjoni biex jadattaw il-leave parentali għaċ-ċirkustanzi partikolari tal-adozzjoni.

42.

Skont il-Gvern Pollakk, jekk il-leġiżlatur nazzjonali jippermetti lill-missirijiet impjegati li jibbenefikaw minn parti mil-leave tal-maternità, huwa leġittimu li dan id-dritt jitnissel minn dak tal-omm impjegata. Huwa jirrileva li hija lill-omm u mhux lill-missier tal-wild li d-dritt tal-Unjoni jagħti l-leave tal-maternità. Ladarba akkwistatu, l-omm tista’ ċertament tirrinuzja għal parti minnu u tittrasferih lill-missier, imma dan tal-aħħar ma jistax jippretendi li jieħu ħsieb il-wild u jibbenefika mil-leave tal-maternità minflok l-omm. Soluzzjoni bħal din tmur kontra l-għanijiet tal-leave tal-maternità li jridu jipproteġu l-omm u r-relazzjoni tagħha mal-wild tagħha. Il-Gvern Pollakk jikkunsidra li jekk mara, li ma għandhiex l-istatus ta’ ħaddiem mara, ma tikseb l-ebda dritt għal leave, hija ma tistax a fortiori tittrasferih lill-missier tal-wild. Huwa josserva li hija biss analiżi li tippresupponi n-natura mnissla tad-dritt tal-missier tal-wild biex jibbenefika mil-leave tal-maternità li tippermetti li tiġi mħarsa l-funzjoni fundamentali ta’ dan il-leave u biex tiddistingwih mil-leave parentali.

43.

Skont il-Gvern Pollakk, id-dritt għal-leave tal-adozzjoni u l-kundizzjonijiet għall-eżerċizzju tiegħu ma humiex previsti fid-dritt tal-Unjoni u jibqgħu fil-kompetenza esklużiva tal-leġiżlatur nazzjonali, b’mod li ma jistgħux jiġu evalwati mil-lat tal-prinċipju ġenerali tal-ugwaljanza fit-trattament.

44.

Il-Kummissjoni tosserva li l-leġiżlazzjoni Spanjola ma taqax taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 92/85 peress li ħaddiem (raġel) ma jistax, fi kwalunkwe każ, jibbenefika mil-leave tal-maternità skont din id-direttiva. Skont il-Kummissjoni, l-Artikolu 48(4) tal-Istatut tal-Ħaddiema jistabbilixxi differenza fit-trattament ibbażata fuq is-sess skont l-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 76/207, bejn l-ommijiet li għandhom l-istatus ta’ ħaddiem impjegat u l-missirijiet li għandhom dan l-istess status. Din id-differenza fit-trattament ma tistax tiġi ġġustifikata għal raġunijiet marbutin mal-protezzjoni tat-tqala u tal-maternità, skont l-Artikolu 2(3) tad-Direttiva 76/207.

45.

Il-Kummissjoni tikkunsidra li l-perijodu ta’ sospensjoni tal-kuntratt tax-xogħol ta’ għaxar ġimgħat, inkwistjoni fil-kawża prinċipali, huwa distint mill-perijodi ta’ mistrieħ obbligatorju għall-omm, b’mod partikolari s-sitt ġimgħat li jiġu immedjatament wara t-twelid. Hija ssostni li s-sitt ġimgħat li jiġu immedjatament wara t-twelid jikkostitwixxu perijodu ta’ mistrieħ obbligatorju għall-omm billi dan il-perijodu huwa marbut mal-protezzjoni tal-omm u tar-relazzjonijiet partikolari bejn l-omm u l-wild tagħha matul il-perijodu li jsegwi t-twelid.

46.

Iżda l-Kummissjoni tikkunsidra li filwaqt li l-leġiżlazzjoni Spanjola tippermetti lill-missier perijodu ulterjuri ta’ għaxar ġimgħat, hija ma torbotx dan il-perijodu mal-fatt bijoloġiku tal-maternità. Dan il-perijodu jitqies, fil-leġiżlazzjoni Spanjola, bħala perijodu ddedikat għall-kura u l-attenzjoni tal-wild, li minnu jistgħu jibbenefikaw kemm l-omm kif ukoll il-missier ħaddiema impjegati.

47.

Il-Kummissjoni tikkunsidra li l-konklużjonijiet li wasslet għalihom il-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tagħha tat-30 ta’ Settembru 2010 fil-Kawża Roca Álvarez ( 13 ), japplikaw f’din il-kawża. Fil-fehma tal-Kummissjoni, l-Artikoli 2 u 5 tad-Direttiva 76/207, anki f’din il-kawża, għandhom jiġu interpretati bħala li jipprekludu miżura nazzjonali bħal dik li hija s-suġġett tal-kawża prinċipali li rrikonoxxiet lill-ommijiet li jaħdmu bħala impjegati d-dritt għas-sospensjoni tal-kuntratt tax-xogħol fil-każ ta’ twelid, lil hinn mill-ewwel sitt ġimgħat ta’ mistrieħ obbligatorju għall-omm, filwaqt li l-missirijiet li jaħdmu bħala impjegati ma jistgħux jibbenefikaw minn din is-sospensjoni ħlief jekk l-omm ikollha wkoll l-istatus ta’ ħaddiem mara impjegata.

48.

Il-Kummissjoni tikkunsidra li ma għandhiex biżżejjed elementi biex tkun tista’ tikkonkludi li ż-żmien ta’ mistrieħ stabbilit mill-Artikolu 48(4) tal-Istatut tal-Ħaddiema, bl-eċċezzjoni ta’ sitt ġimgħat ta’ mistrieħ obbligatorju għall-omm, jikkostitwixxi leave parentali fis-sens tad-Direttiva 96/34.

2. Analiżi

a) Fuq l-ewwel u t-tieni domanda

49.

Bl-ewwel u t-tieni domanda, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk id-Direttivi 76/207 u 96/34 kif ukoll il-prinċipju tal-ugwaljanza fit-trattament, li jipprojbixxi kull diskriminazzjoni bbażata fuq is-sess, għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali bħal dik fil-kawża prinċipali li tistabbilixxi differenza fit-trattament ibbażata fuq is-sess, sa fejn din tirrikonoxxi lill-ommijiet li jaħdmu bħala impjegati, id-dritt għas-sospensjoni tal-kuntratt ta’ xogħol f’każ ta’ twelid, lil hinn mis-sitt ġimgħat ta’ mistrieħ obbligatorju għall-omm wara t-twelid, u bl-eċċezzjoni tal-każijiet fejn hemm perikolu għas-saħħa, filwaqt li l-missirijiet li jaħdmu bħala impjegati ma jistgħux jibbenefikaw minn din is-sospensjoni ħlief jekk l-omm ukoll ikollha l-istatus ta’ ħaddiem mara impjegata u tagħżel (kif tippermettilha l-leġiżlazzjoni inkwistjoni) li tgħaddi lill-missier parti speċifika ta’ dan il-leave.

50.

Huwa stabbilit li l-Artikolu 48(4) tal-Istatut tal-Ħaddiema jistabbilixxi fil-każ ta’ twelid leave ta’ perijodu mhux interrott ta’ sittax-il ġimgħa, fejn is-sitt ġimgħat wara t-twelid jittieħdu obbligatorjament mill-omm. Barra minn hekk, jirriżulta b’mod ċar mill-kliem ta’ din id-dispożizzjoni u mill-proċess quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja li l-omm tista’ tagħżel li l-missier jibbenefika għal kollox jew parzjalment mill-bqija tal-leave sa massimu ta’ għaxar ġimgħat. Għandu jiġi enfasizzat f’dan ir-rigward li din l-għażla mill-omm fil-kawża prinċipali mhux qed tiġi ddubitata.

51.

Barra minn hekk, il-qorti tar-rinviju ma hijiex qed tagħmel domandi fuq is-sitt ġimgħat ta’ mistrieħ obbligatorji għall-omm wara t-twelid ( 14 ), u hawnhekk ma hawnx kwistjoni ta’ riskju għas-saħħa tal-omm, f’liema każ l-omm tista’ tiddeċiedi biss li l-missier jibbenefika mil-leave li jkun fadal ( 15 ).

52.

Preliminarjament, huwa opportun li l-Artikolu 48(4) tal-Istatut tal-Ħaddiema jiġi pparagunat mal-Artikolu 8 tad-Direttiva 92/85.

53.

Insostni li l-Artikolu 8 tad-Direttiva 92/85 jistabbilixxi li l-ħaddiema nisa jibbenefikaw minn leave tal-maternità ta’ mill-inqas erbatax-il ġimgħa kontinwi. Din id-dispożizzjoni ma tistabbilixxi l-ebda leave għal missier it-tarbija. B’differenza minn dan l-artikolu li l-kamp ta’ applikazzjoni ratione personae tiegħu japplika biss għall-ħaddiema nisa tqal, li welldu reċentement jew qed ireddgħu ( 16 ), il-ħaddiema rġiel, taħt ċerti kundizzjonijiet, jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 48(4) tal-Istatut tal-Ħaddiema.

54.

Madankollu, nikkunsidra li l-kliem stess tal-Artikolu 8 tad-Direttiva 92/85 jippermetti l-adozzjoni mill-Istati Membri ta’ miżuri addizzjonali jew li jmorru lil hinn mir-rekwiżiti minimi previsti minn din id-dispożizzjoni bil-kundizzjoni, naturalment, li r-rekwiżiti minimi jiġu osservati ( 17 ). F’dan ir-rigward nikkunsidra li, bħall-osservazzjonijiet tal-Gvern Spanjol msemmijin fil-punt 40 iktar ’il fuq, l-Artikolu 48(4) tal-Istatut tal-Ħaddiema, meta jippermetti lill-omm li tħalli lill-missier tal-wild jibbenefika mil-leave tal-maternità kollu jew parti minnu, dak l-artikolu jmur lil hinn mir-rekwiżiti minimi stabbiliti bl-Artikolu 8 tad-Direttiva 92/85 u fl-istess ħin tiġi osservata s-sistema obbligatorja li timponi fuq l-Istati Membri.

55.

Fil-fatt, minn naħa, il-leave tal-maternità li l-omm biss għandha tieħu huwa ta’ sitt ġimgħat wara t-twelid, filwaqt li d-Direttiva 92/85 timponi biss tnejn (maqsumin qabel u/jew wara t-twelid) u min-naħa l-oħra, il-possibbiltà għall-omm li l-missier ikun jista’ jibbenefika mill-bqija tal-leave tgħib jekk “fil-mument tal-użu tiegħu, ir-ritorn għax-xogħol tal-omm ikun ifisser riskju għal saħħitha” ( 18 ), u dan jinkwadra fl-għan tad-Direttiva 92/85 li huwa li tippromwovi t-titjib tas-sigurtà u tas-saħħa tal-ħaddiema nisa tqal, li welldu jew li jreddgħu fuq ix-xogħol ( 19 ).

56.

Għandu jiġi enfasizzat, għall-finijiet ta’ kjarifika, li anki jekk l-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 92/85 jistabbilixxi li l-ewwel żewġ ġimgħat (qabel jew wara t-twelid) jikkostitwixxu leave tal-maternità obbligatorju, id-dritt tal-omm tal-wild li tibbenefika mill-erbatax-il ġimgħa ta’ leave tal-maternità stabbiliti fl-Artikolu 8(1) tad-Direttiva 92/85 fl-ebda każ ma jista’ jiġi rtirat fil-konfront tagħha kontra r-rieda tagħha bħall-benefiċċju tal-missier tal-wild ( 20 ).

57.

Għaldaqstant, nikkunsidra li l-possibbiltà għall-missier tat-tarbija li jibbenefika, taħt ċerti kundizzjonijiet u esklużivament bl-inizjattiva tal-omm, minn leave ta’ għaxar ġimgħat bħal fil-kawża prinċipali, tosserva l-Artikolu 8 tad-Direttiva 92/86.

58.

Din il-possibbiltà għandha tiġi eżaminata fid-dawl tad-Direttiva 76/207 ( 21 ). Skont l-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 76/207 din għandha l-għan li timplementa, fl-Istati Membri, il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament għall-irġiel u n-nisa għal dak li jikkonċerna, b’mod partikolari, l-aċċess għall-impjieg, inkluż il-promozzjoni, u t-taħriġ professjonali kif ukoll il-kundizzjonijiet tax-xogħol. Dan il-prinċipju huwa ppreċiżat fl-Artikoli 2 u 5 ta’ din id-direttiva. Dan l-Artikolu 2(1) jgħid li l-prinċipju tat-trattament ugwali jfisser in-nuqqas ta’ diskriminazzjoni bbażata fuq is-sess kemm direttament, kif ukoll indirettament b’riferiment, b’mod partikolari, għall-istat taż-żwieg jew familjari. L‑Artikolu 5(1) tal-imsemmija direttiva jipprovdi illi l-applikazzjoni ta’ dan il‑prinċipju, f’dak li jirrigwarda l-kundizzjonijiet tax-xogħol, tfisser illi għandhom jiġu żgurati l-istess kundizzjonijiet għall-irġiel u għan-nisa, mingħajr diskriminazzjoni bbażata fuq is-sess ( 22 ).

59.

Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta b’mod ċar li lil hinn mis-sitt ġimgħat ta’ mistrieħ wara t-twelid, omm li taħdem bħala impjegata għandha, fil-prinċipju, dritt li tibbenefika minn għaxar ġimgħat supplimentari ta’ leave filwaqt li missier li jaħdem bħala impjegat jista’ jibbenefika minn dawn l-għaxar ġimgħat bil-kunsens tal-omm biss (li ma huwiex ikkontestat fil-kawża prinċipali) u bil-kundizzjoni li ż-żewġ ġenituri għandhom l-istatus ta’ ħaddiem impjegat.

60.

Fil-fatt, din il-miżura hija analoga għal dik inkwistjoni fis-sentenza Roca Álvarez, iċċitata iktar ’il fuq, li tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 2(1), (3) u (4) kif ukoll l-Artikolu 5 tad-Direttiva 76/207 u tidħol fil-kuntest ta’ kawża minn P. Roca Álvarez kontra l-persuna li timpjegah fir-rigward tar-rifjut tagħha li tagħtih leave imsejjaħ “għat-treddigħ”.

61.

Il-leġiżlazzjoni Spanjola inkwistjoni f’din il-kawża fil-prinċipju rriżervat id-dritt għal-leave imsejjaħ “għat-treddigħ” għall-ommijiet tat-trabi, billi l-missier ma jistax jibbenefika minn dan il-leave ħlief bil-kundizzjoni li ż-żewġ ġenituri jkollhom l-istatus ta’ ħaddiem impjegat. Għaldaqstant, il-kwalità ta’ ġenitur ma hijiex biżżejjed sabiex tippermetti lill-irġiel li għandhom l-istatus ta’ impjegat jibbenefikaw mil-leave filwaqt li din hija biżżejjed għan-nisa li għandhom l-istess status ( 23 ).

62.

Il-Qorti tal-Ġustizzja, wara li fakkret il-ġurisprudenza tagħha li s-“sitwazzjonijiet ta’ ħaddiem raġel jew ta’ ħaddiema mara, li huma rispettivament, missier u omm ta’ tfal ta’ età żgħira, huma komparabbli fir-rigward tal-ħtieġa li jistgħu jsibu ruħhom fiha li jnaqqsu l-ħin tax‑xogħol ta’ kuljum tagħhom sabiex jieħdu ħsieb dawn it-tfal” ( 24 ), iddeċidiet li l-leġiżlazzjoni inkwistjoni kienet tistabbilixxi “trattament differenti bbażat fuq is-sess skont l-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 76/207, bejn l-ommijiet li għandhom l-istatus ta’ impjegat u l-missirijiet li għandhom l-istess status” ( 25 ).

63.

Imbagħad il-Qorti tal-Ġustizzja eżaminat jekk din id-differenza fit-trattament kinitx iġġustifikata skont l-Artikolu 2(3) u (4) tad-Direttiva 76/207 li jispeċifika illi din ma tipprekludix dispożizzjonijiet dwar il-protezzjoni tal-mara, b’mod partikolari f’dak li jirrigwarda t-tqala u l-maternità, u lanqas miżuri intiżi sabiex jippromwovu opportunitajiet indaqs għal irġiel u nisa, b’mod partikolari billi jirrimedjaw l-inugwaljanzi li jaffettwaw l-opportunitajiet tan-nisa inkwantu l-kundizzjonijiet tax-xogħol.

64.

Skont il-Qorti tal-Ġustizzja, il-fatt li l-leave imsejjaħ “għat-treddigħ” inkwistjoni jista’, skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali, jittieħed immaterjalment mill-missier impjegat jew mill-omm impjegata jfisser li l-ikel u l-ħin għall-attenzjoni għall-wild jistgħu jiġu żgurati bl-istess mod kemm mill-missier kif ukoll mill-omm.

65.

Għaldaqstant, din il-leġiżlazzjoni tista’ tiġi kkunsidrata bħala li tippermetti li tiġi żgurata l-protezzjoni tal-kundizzjoni bijoloġika tal-mara wara t-tqala tagħha jew il-protezzjoni tar-relazzjonijiet partikolari bejn l-omm u l-wild tagħha skont l-Artikolu 2(3) tad-Direttiva 76/207. Fil-fatt, il-leġiżlazzjoni nazzjonali ma torbotx l-għoti tal-leave imsejjaħ “għat-treddigħ” mal-fatt bijoloġiku tat-treddigħ bir-riżultat li ma kienx kopert bl-eċċezzjoni stabbilita fl-Artikolu 2(3) tad-Direttiva 76/207.

66.

Il-Qorti tal-Ġustizzja għalhekk iddeċidiet f’dik is-sentenza li l-fatt li hija biss l-omm li jkollha status ta’ ħaddiem impjegat ikollha d-dritt li tibbenefika mil-leave imsejjaħ “għat-treddigħ” filwaqt li l-missier li jkollu l-istess status jista’ jibbenefika biss minn dan id-dritt mingħajr ma jkun detentur tiegħu, kien jipperpetwa taqsim tradizzjonali tar-rwoli bejn l-irġiel u n-nisa filwaqt li l-irġiel jibqgħu f’rwol sussidjarju għal dak tan-nisa fir-rigward tal-eżerċizzju tal-funzjoni ta’ ġenitur. Imbagħad il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-fatt tar-rifjut tal-benefiċċju tal-leave lill-missirijiet li għandhom status ta’ ħaddiem impjegat, minħabba l-fatt biss li omm il-wild ma għandhiex dan l-istatus, jista’ jkollu bħala effett li mara li kienet ħaddiema indipendenti, tkun kostretta tillimita l-attività professjonali tagħha u waħedha ġġor il-piż li jirriżulta mit-twelid tat-tarbija tagħha, mingħajr ma tkun tista’ tirċievi għajnuna mill-missier tal-wild. Skont il-Qorti tal-Ġustizzja, il-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni ma tistax tiġi kkunsidrata bħala miżura li għandha l-effett li telimina jew li tnaqqas l-inugwaljanzi fattwali li jistgħu jeżistu għan-nisa, fir-realtà tal-ħajja soċjali, skont l-Artikolu 2(4) tad-Direttiva 76/207, u lanqas bħala “miżura intiża sabiex twassal għal ugwaljanza sostanzjali u mhux formali billi tnaqqas l-inugwaljanzi fattwali li jistgħu jeżistu fil-ħajja soċjali u, b’hekk, tipprevjeni jew tikkumpensa, skont l-Artikolu 157(4) TFUE, għal żvantaġġi fil-karriera professjonali tal‑persuni kkonċernati” ( 26 ).

67.

Billi jintuża r-raġunament tal-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Roca Álvarez, iċċitata iktar ’il fuq, jidher ċar li l-miżura inkwistjoni fil-kawża prinċipali tistabbilixxi fir-rigward tal-perijodi ta’ mistrieħ inkwistjoni fil-kawża prinċipali differenza fit-trattament ibbażata fuq is-sess skont l-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 76/207, bejn l-ommijiet li għandhom status ta’ ħaddiema impjegati u l-missirijiet li għandhom l-istess status.

68.

Kif iddeċidiet l-Qorti tal-Ġustizzja fil-punt 24 tas-sentenza Roca Álvarez iċċitata iktar ’il fuq, is-sitwazzjonijiet ta’ ħaddiem raġel u ta’ ħaddiem mara, rispettivament missier u omm ta’ tfal ta’ età żgħir, huma komparabbli fir-rigward tal-ħtieġa li dawn jistgħu jsibu ruħhom fiha li jkollhom inaqqsu l-ħin tax-xogħol ta’ kuljum tagħhom sabiex jieħdu ħsieb dan il-wild.

69.

Imbagħad, għandu jiġi eżaminat jekk din id-diskriminazzjoni li tmur kontra l-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 76/207 tistax tiġi ġġustifikata skont l-Artikolu 2(3) u (4) tagħha liema paragrafi jippermettu li jkun hemm deroga mill-prinċipju tal-ugwaljanza fit-trattament.

70.

Fl-ewwel lok, għal dak li jirrigwarda l-protezzjoni tat-tqala u tal-maternità, hija ġurisprudenza stabbilita li, billi jħalli lill-Istati Membri d-dritt li jżommu jew jintroduċu dispożizzjonijiet intiżi biex jiżguraw din il-protezzjoni, l-Artikolu 2(3) tad-Direttiva 76/207 jirrikonoxxi l-leġittimità, fir-rigward tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament bejn is-sessi, minn naħa, il-protezzjoni tal-kundizzjoni bijoloġika tal-mara waqt it-tqala, u wara l-ħlas, u min-naħa l-oħra, il-protezzjoni tar-relazzjonijiet partikolari bejn il-mara u t-tarbija tagħha matul il-perijodu wara l-ħlas ( 27 ).

71.

Madankollu, b’differenza mis-sitt ġimgħat ta’ mistrieħ li jiġu immedjatament wara t-twelid li, sabiex tiġi protetta l-kundizzjoni bijoloġika tagħha, għandhom jittieħdu obbligatorjament mill-omm, il-leave ta’ għaxar ġimgħat inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma jirrigwardax il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 2(3) tad-Direttiva 76/207. Fil-fatt, meta stabbilixxa li l-omm tista’, fil-bidu tal-perijodu tal-leave tal-maternità, tagħżel li lil hinn mill-ewwel sitt ġimgħat il-ġenitur l-ieħor igawdi minn parti speċifika u mhux interrotta tal-għaxar ġimgħat li jiġu wara l-mistrieħ, il-leġiżlatur Spanjol ma rabatx dawn l-għaxar ġimgħat tal-leave mal-kundizzjoni bijoloġika tal-omm u, għaldaqstant, mal-għan tal-Artikolu 2(3) tad-Direttiva 76/207. Għalhekk isegwi li dan il-leave ma jirrigwardax il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni ( 28 ).

72.

Barra minn hekk, iċ-ċirkustanzi tal-kawża prinċipali għandhom jiġu distinti minn dawk inkwistjoni fil-Kawża Hofmann . Fil-fatt, skont din is-sentenza, il-leave tal-maternità inkwistjoni f’dik il-kawża kien irriżervat għal kollox għall-omm, bl-esklużjoni ta’ kull persuna oħra, u marbut strettament mal-protezzjoni tal-kundizzjoni bijoloġika tal-omm ( 29 ).

73.

Minn dak li ntqal iktar ’il fuq jirriżulta li, bħal-leave imsejjaħ “għat-treddigħ” inkwistjoni fis-sentenza Roca Álvarez, iċċitata iktar ’il fuq, il-leave ta’ għaxar ġimgħat f’dan il-każ jingħata lill-ħaddiema biss fil-kwalità tagħhom ta’ ġenituri tal-wild u ma huwiex marbut mal-protezzjoni tal-kundizzjoni bijoloġika tal-mara wara t-tqala tagħha jew tar-relazzjonijiet partikolari bejnha u l-wild tagħha ( 30 ).

74.

Fit-tieni lok, fir-rigward tal-eċċezzjoni stabbilita fl-Artikolu 2(4) tad-Direttiva 76/207, li tippermetti deroga għall-prinċipju tan-nondiskriminazzjoni previst fl-Artikolu 2(1) ta’ din id-direttiva, sabiex tippromwovi l-ugwaljanza tal-opportunitajiet bejn l-irġiel u n-nisa u jitnaqqsu l-inugwaljanzi eżistenti li jaffettwaw l-opportunitajiet tan-nisa fil-qasam tal-kundizzjonijiet tax-xogħol, hija ġurisprudenza stabbilita li din id-dispożizzjoni għandha “l-għan preċiż u limitat li [t]awtorizza miżuri li, minkejja li jidhru li huma diskriminatorji, huma effettivament intiżi sabiex jeliminaw jew inaqqsu l‑inugwaljanzi fattwali li jistgħu jeżistu fir-realtà tal-ħajja soċjali. Din id-dispożizzjoni tawtorizza miżuri nazzjonali fil-qasam tal-aċċess għax-xogħol, inkluż il-promozzjoni, li, billi jiffavorixxu b’mod speċjali lin-nisa, għandhom l-għan li jtejbu l-kapaċità tagħhom li jikkompetu fis-suq tax-xogħol u li jkollhom karriera taħt l-istess kundizzjonijiet bħall-irġiel. L-għan tal-imsemmi Artikolu 2(4) huwa li jwassal għal ugwaljanza sostanzjali u mhux formali billi jnaqqas l-inugwaljanzi fattwali li jistgħu jeżistu fil-ħajja soċjali u, b’hekk, sabiex, skont l-Artikolu 157(4) TFUE, jipprevjeni jew jikkumpensa għal żvantaġġi fil-karriera professjonali tal-persuni kkonċernati [...]” ( 31 ).

75.

Il-Gvern Spanjol josserva li, meta awtorizza t-trasferiment tal-perijodu volontarju lill-missier, pjuttost milli jtellfu l-benefiċċju fil-każ ta’ rinunzja, il-leġiżlazzjoni inkwistjoni trid tikkoreġi t-taqsim tradizzjonali tar-rwoli bejn l-irġiel u n-nisa li jżommu lill-irġiel f’rwol sussidjarju fl-eżerċizzju tal-funzjonijiet tal-ġenituri.

76.

Fil-fehma tiegħi, għalkemm għan simili, li tiġi promossa l-korrezzjoni tal-effetti li jistgħu jikkontribwixxu biex jitkompla t-taqsim tradizzjonali tar-rwoli bejn l-irġiel u n-nisa, huwa ta’ min ifaħħru u għandu jiġi mħeġġeġ, biżżejjed wieħed jiftakar li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet fil-punt 36 tas-sentenza Roca Álvarez, iċċitata iktar ’il fuq, li l-fatt li l-omm biss li għandha status ta’ ħaddiem impjegata hija detentriċi tad-dritt li tibbenefika mil-leave inkwistjoni f’din il-kawża, filwaqt li l-missier li għandu l-istess status jista’ jgawdi dan id-dritt biss mingħajr ma jkun detentur tiegħu, kien pjuttost ta’ natura li jipperpetwa taqsim tradizzjonali tar-rwoli bejn l-irġiel u n-nisa filwaqt li l-irġiel jinżammu fi rwol sussidjarju għal dak tan-nisa għal dak li jirrigwarda l-eżerċizzju tal-funzjoni tagħhom ta’ ġenituri. Il-Qorti tal-Ġustizzja żiedet tgħid li l-esklużjoni mill-benefiċċju tal-leave tal-missier li jaħdem bħala impjegat, għar-raġuni biss li l-omm tal-wild ma għandhiex dan l-istatus, jista’ jkollu preċiżament l-effett li mara tiġi kostretta tillimita l-attività professjonali tagħha u ġġorr waħedha l-piż li jirriżulta mit-twelid tat-tarbija, mingħajr ma tkun tista’ tirċevi għajnuna minn missier it-tarbija ( 32 ). Dan ir-raġunament huwa applikabbli mutatis mutandis għal miżura bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali. Jirriżulta li d-differenza fit-trattament stabbilit minn miżura bħal dik inkwistjoni ma tistax tkun iġġustifikata skont l-Artikolu 2(4) tad-Direttiva 76/207.

77.

Fl-ewwel domanda preliminari tagħha, il-qorti tar-rinviju tirreferi wkoll għad-Direttiva 96/34 li timplementa l-ftehim qafas fuq il-leave parentali.

78.

Għandu jiġi osservat li l-qorti tar-rinviju ma fissritx, fid-deċiżjoni tar-rinviju, il-qafas legali nazzjonali dwar il-leave parentali. B’mod iżjed partikolari, il-qorti tar-rinviju ma indikatx ir-rilevanza, f’dan ir-rigward, tal-Artikolu 46(3) tal-Istatut tal-Ħaddiema u r-relazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni mal-Artikolu 48(4) ta’ dak l-istatut. Għaldaqstant, nikkunsidra li, fin-nuqqas ta’ deskrizzjoni fil-proċess tal-kontenut tal-leġiżlazzjoni Spanjola dwar il-leave parentali, ma hemmx lok li tiġi eżaminata l-kwistjoni jekk id-Direttiva 96/34 tmurx kontra miżura bħal dik stabbilita mill-Artikolu 48(4) tal-Istatut tal-Ħaddiema.

79.

Fi kwalunkwe każ, billi jiena nikkunsidra li l-Artikolu 2(1), (3) u (4) kif ukoll l-Artikolu 5 tad-Direttiva 76/207 jipprekludu miżura nazzjonali bħal dik stabbilita fl-Artikolu 48(4) tal-Istatut tal-Ħaddiema, ma huwiex meħtieġ li tiġi eżaminata din l-aħħar dispożizzjoni fid-dawl tad-Direttiva 96/34.

80.

Fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq, nissuġġerixxi lill-Qorti tal-Ġustizzja, b’risposta għall-ewwel u t-tieni domandi preliminari, li tiddeċiedi li l-Artikolu 2(1), (3) u (4) kif ukoll l-Artikolu 5 tad-Direttiva 76/207 għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu miżura nazzjonali bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tistabbilixxi differenza fit-trattament ibbażata fuq is-sess, sa fejn din tirrikonoxxi lill-ommijiet li jaħdmu bħala impjegati, lil hinn mis-sitt ġimgħat ta’ mistrieħ obbligatorju għaliha wara t-twelid, id-dritt għas-sospensjoni tal-kuntratt tax-xogħol fil-każ ta’ twelid filwaqt li l-missirijiet li jaħdmu bħala impjegati ma jkunux jistgħu jibbenefikaw minn din is-sospensjoni ħlief jekk l-omm, li tagħżel li tgħaddi lill-missier parti speċifika minn dan il-leave, ikollha wkoll l-istatus ta’ ħaddiem mara impjegata ( 33 ).

b) Fuq it-tielet domanda

81.

Ir-risposti li nipproponi għall-ewwel żewġ domandi preliminari jistgħu jeliminaw il-ħtieġa li tingħata risposta għat-tielet domanda li tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-kompatibbiltà mal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament ta’ dispożizzjoni nazzjonali bħall-Artikolu 48(4) tal-Istatut tal-Ħaddiema li jirrikonoxxi dritt oriġinali għas-sospensjoni tal-kuntratt tax-xogħol u li jiġu assistiti mis-sistema ta’ sigurtà soċjali l-missirijiet ħaddiema rġiel impjegati meta jadottaw tarbija jew meta jkollhom tarbija bijoloġika, id-dritt li jiġi rrikonoxxut fil-konfront tagħhom ma huwiex ħlief dritt mnissel minn dak tal-omm.

82.

Madankollu nixtieq nosserva li għalkemm, skont il-proċess li qiegħed quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, l-Artikolu 48(4) tal-Istatut tal-Ħaddiema jagħmel diskriminazzjoni netta u manifesta bejn missirijiet adottivi u l-missirijiet bijoloġiċi għad-detriment ta’ dawn tal-aħħar, id-dritt tal-Unjoni ma fih l-ebda dispożizzjoni li tipproteġi direttament missier bijoloġiku li jisfa’ vittma ta’ diskriminazzjoni simili. Diskriminazzjoni simili ma hija koperta la mit-Trattat FUE u lanqas minn ebda direttiva oħra u partikolarment id-Direttiva tal-Kunsill 2000/78/KE, tas-27 ta’ Novembru 2000, li tistabbilixxi qafas ġenerali għall-ugwaljanza fit-trattament fl-impjieg u fix-xogħol ( 34 ) u li f’dan il-qasam tikkumbatti diskriminazzjoni fuq bażi ta’ reliġjon jew twemmin, diżabilità, età jew orjentazzjoni sesswali ( 35 ).

83.

Barra minn dan, kif inhu indikat fil-punt 53 iktar ’il fuq, il-ħaddiema (rġiel) ma jidħlux fil-kamp ta’ applikazzjoni ratione personae tad-Direttiva 92/85 li huwa intiż biss għall-ħaddiema nisa tqal, li welldu riċentement jew li qed ireddgħu. L-intervent tal-leġiżlatur tal-Unjoni jkun meħtieġ sabiex jestendi l-kamp ta’ applikazzjoni tagħha lill-ħaddiema rġiel u tiġi eliminata r-rabta inevitabbli bejn il-leave tal-maternità stabbilit minn din id-direttiva u l-kundizzjoni bijoloġika ta’ ħaddiema mara tqila, li welldet reċentement jew li qed tredda’.

84.

Fl-aħħar nett, id-differenza fit-trattament inkwistjoni lanqas ma taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 76/207 li tirrigwarda biss id-diskriminazzjoni bejn l-irġiel u n-nisa. F’dan il-każ, id-differenza fit-trattament ssir bejn ħaddiema tas-sess maskil.

85.

Wieħed jista’ l-iktar jistaqsi dwar jekk diskriminazzjoni bħal dik inkwistjoni tikkonformax jew le mal-klawżola 2 tal-Ftehim qafas anness mad-Direttiva 96/34 li, fil-paragrafu 1 ma tagħmel l-ebda differenza bejn it-twelid jew l-adozzjoni ta’ tarbija għall-għoti ta’ dritt individwali għal leave parentali u fil-paragrafu 3 tagħha tippermetti lill-Istati Membri, b’osservanza tar-rekwiżiti minimi tad-direttiva, li jiddefinixxu l-kundizzjonijiet ta’ aċċess u modalitajiet ta’ applikazzjoni tal-leave parentali. Ikolli ngħid li differenza ta’ trattament hekk netta bejn missirijiet adottivi u missirijiet bijoloġiċi, meta l-paragrafu 1 tal-klawżola 2 tal-Ftehim qafas anness mad-Direttiva 96/34 ma jagħmel l-ebda differenza bejn it-twelid u l-adozzjoni, tmur lil hinn mill-osservanza tar-rekwiżiti minimi li jeħtieġ il-paragrafu 3 tal-klawżola 2 ta’ dan il-ftehim qafas.

86.

Dan premess, fid-dawl tar-risposta tiegħi fil-punt 78 iktar ’il fuq, u fin-nuqqas ta’ deskrizzjoni fil-proċess tal-kontenut tal-leġiżlazzjoni Spanjola fuq il-leave parentali, ma huwiex possibbli li tingħata risposta utli għat-tielet domanda.

VI – Konklużjoni

87.

Fid-dawl taċ-ċirkustanzi kollha preċedenti, jiena nissuġġerixxi li l-Qorti tal-Ġustizzja tagħti r-risposta li ġejja għad-domandi preliminari magħmula mill-Juzgado de lo Social Nru 1 de Lleida:

L-Artikolu 2(1), (3) u (4) kif ukoll l-Artikolu 5 tad-Direttiva 76/207/KEE tal-Kunsill, tad-9 ta’ Frar 1976, dwar l-implimentazzjoni tal-prinċipju ta’ trattament ugwali għall-irġiel u n-nisa għal dak li għandu x’jaqsam mal-aċċess għall-impjiegi, taħriġ professjonali, promozzjoni, u kondizzjonijiet tax-xogħol għandhom jiġu interpretati, fis-sens li jipprekludu li miżura nazzjonali bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali li tistabbilixxi differenza fit-trattament ibbażata fuq is-sess, sa fejn din tirrikonoxxi lill-ommijiet li jaħdmu bħala impjegati, lil hinn mis-sitt ġimgħat ta’ mistrieħ obbligatorju għaliha wara t-twelid, id-dritt għas-sospensjoni tal-kuntratt tax-xogħol fil-każ ta’ twelid filwaqt li l-missirijiet li jaħdmu bħala impjegati ma jkunux jistgħu jibbenefikaw minn din is-sospensjoni ħlief jekk l-omm, li tagħżel li tgħaddi lill-missier parti speċifika minn dan il-leave, ikollha wkoll l-istatus ta’ ħaddiem mara impjegata.


( 1 ) Lingwa oriġinali: il-Franċiż.

( 2 ) ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 1, p. 187.

( 3 ) ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 2, p. 285.

( 4 ) It-test ikkonsolidat tal-liġi fuq l-Istatut tal-Ħaddiema (Texto refundido de la Ley del Estatuto de los Trabajadores), adottat bid-Digriet Leġiżlattiv Rjali 1/1995, tal-24 ta’ Marzu 1995 (BOE Nru 75, tad-29 ta’ Marzu 1995, p. 9654), kif emendat bil-Liġi 39/1999, tal-5 ta’ Novembru 1999 (BOE tas-6 ta’ Novembru 1999), intiża biex tippromwovi r-rikonċiljazzjoni tal-ħajja familjari u l-ħajja professjonali tal-ħaddiema (Ley 39/1999 para promover la conciliación de la vida familiar y laboral de las personas trabajadoras), tal-5 ta’ Novembru 1999 (BOE Nru 266, tas-6 ta’ Novembru 1999, p. 38934, iktar ’il quddiem l-“Istatut tal-Ħaddiema”), japplika fil-kawża prinċipali.

( 5 ) Ley General de la Seguridad Social, adottata b’digriet Leġiżlattiv Irjali 1/1994, tal-20 ta’ Ġunju 1994 (BOE Nru 154, tad-29 ta’ Ġunju 1994, p. 20658), fil-verżjoni tagħha li tirriżulta mil-Liġi 39/1999 (iktar ’il quddiem il-“liġi ġenerali tas-sigurtà soċjali”).

( 6 ) Fil-verżjoni applikabbli fiż-żmien tal-fatti inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

( 7 ) Skont il-proċess quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, s-sistema Spanjola ta’ sigurtà soċjali hija komposta minn skema ġenerali u skemi speċjali. Procurador de los Tribunales fi Spanja jista’ jagħżel li jissieħeb, kemm mas-skema speċjali ta’ ħaddiema indipendenti, li tagħmel parti mis-sistema Spanjola ta’ sigurtà soċjali, kif ukoll mal-Mutualidad General de los Procuradores, entità privata ta’ previdenza soċjali professjonali maħsuba għall-Procuradores de los Tribunales. Is-sħubija mal-Mutualidad General de los Procuradores tista’ b’hekk ikollha natura kumplimentari mas-sistema Spanjola ta’ sigurtà soċjali.

( 8 ) ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 2, p.110.

( 9 ) Ara l-punti 3 sa 5 iktar ’il fuq.

( 10 ) Skont il-proċess quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja u t-test tal-Artikolu 48(4) tal-Istatut tal-Ħaddiema wara l-emenda bil-Liġi organika 3/2007, jekk din il-verżjoni emendata kienet fis-seħħ fiż-żmien tal-fatti ta’ dan il-każ, il-kawża prinċipali ma kinitx teżisti għaliex il-missier seta’ jissospendi l-kuntratt tiegħu u jibbenefika minn allowance indipendentement mill-fatt jekk l-omm hijiex irreġistrata jew le fi skema tas-sistema ta’ sigurtà soċjali. L-INSS u l-Gvern Spanjol ikkonfermaw din l-interpretazzjoni matul is-seduta.

( 11 ) Sentenza tal-15 ta’ Settembru 2011, Unió de Pagesos de Catalunya (C-197/10, Ġabra p. I-8495, punti 16 sa 18 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 12 ) Ara l-punti 78 u 86 iktar ’il fuq.

( 13 ) C-104/09, Ġabra p. I-8661.

( 14 ) Id-deċiżjoni tar-rinviju tgħid li “ma hemmx kwistjonijiet fuq dan il-perijodu.”

( 15 ) Ara l-Artikolu 48(4) tal-Istatut tal-Ħaddiema.

( 16 ) Artikolu 1(1) u (2) tad-Direttiva 92/85.

( 17 ) Ara, f’dan ir-rigward, l-użu li sar darbtejn tal-kliem “mill-inqas” fid-dispożizzjoni inkwistjoni. Din l-interpretazzjoni hija, fil-fehma tiegħi, ikkorroborata mill-ewwel premessa tad-Direttiva 92/85 li tagħmel referenza għall-bażi legali tagħha, jiġifieri l-Artikolu 118 A tat-Trattat KEE li jistabbilixxi li l-Kunsill għandu jadotta, permezz ta’ Direttivi, “ħtiġiet minimi” sabiex jinkoraġġixxu titjib, speċjalment fl-ambjent tax-xogħol, biex jiggarantixxu livell aħjar ta’ protezzjoni tas-sigurtà u tas-saħħa tal-ħaddiema. Ara wkoll f’dan is-sens l-Artikolu 153 TFUE.

( 18 ) Artikolu 48(4) tal-Istatut tal-Ħaddiema.

( 19 ) Sentenza tal-11 ta’ Ottubru 2007, Paquay (C-460/06, Ġabra p. I-8511, punt 27).

( 20 ) Fil-punt 58 tas-sentenza tas-27 ta’ Ottubru 1998, Boyle (C-411/96, Ġabra p. I-6401) il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet “[…] li l-Istati Membri għandhom, bis-saħħa tal-Artikolu 8 tad-Direttiva 92/85, jieħdu l-miżuri meħtieġa sabiex il-ħaddiema nisa jibbenefikaw minn leave tal-maternità ta’ mill-inqas erbatax-il ġimgħa, għal dawn tal-aħħar huwa dritt li huma jistgħu jirrinunzjaw, ħlief għall-ġimagħtejn ta’ leave tal-maternità obbligatorju, stabbilit fil-paragrafu 2, […]”..

( 21 ) L-Artikolu 48(4) tal-Istatut tal-Ħaddiema, meta jistabbilixxi perijodu ta’ sospensjoni tal-kuntratt tax-xogħol, jaffettwa l-kundizzjonijiet tax-xogħol fis-sens tal-Artikolu 5 tad-Direttiva 76/207.

( 22 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-30 ta’ Settembru 2010, Roca Álvarez, (C-104/09, Ġabra p. I-8661, punti 19 u 20).

( 23 ) Ibidem (punti 22 u 23).

( 24 ) Ara, is-sentenza Roca Álvarez, iċċitata iktar ’il fuq (punt 24); sentenza tad-29 ta’ Novembru 2001, Griesmar (C-366/99, Ġabra p. I-9383, punt 56), u tad-19 ta’ Marzu 2002, Lommers (C-476/99, Ġabra p. I-2891, punt 30).

( 25 ) Ibidem (punt 25).

( 26 ) Ibidem (punti 36 sa 38).

( 27 ) Sentenzi Roca Álvarez, iċċitata iktar ’il fuq (punt 27); tat-12 ta’ Lulju 1984, Hofmann, (184/83, Ġabra p. 3407 punt 25); tal-14 ta’ Lulju 1994, Webb (C-32/93, Ġabra p. I-3567, punt 20); tat-30 ta’ Ġunju 1998, Brown (C-394/96, Ġabra p. I-4185, punt 17), u tal-1 ta’ Frar 2005, Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej vs Ir-Repubblika tal-Awstrija (C-203/03, Ġabra p. I-935, punt 43).

( 28 ) Sentenza tad-19 ta’ Novembru 1998, Høj Pedersen et (C-66/96, Ġabra, p. I-7327, punti 54 sa 56).

( 29 ) Sentenza Hofmann, iċċitata iktar ’il fuq (punti 25 u 26).

( 30 ) Ara, b’analoġija, is-sentenza Roca Álvarez, iċċitata iktar ’il fuq (punt 31).

( 31 ) Ibidem (punti 33 u 34).

( 32 ) Ibidem (punt 37).

( 33 ) Fir-rigward tat-tielet domanda preliminari, jirriżulta mill-proċess quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja li l-Artikolu 48(4) tal-Istatut tal-Ħaddiema jagħmel differenza netta bejn il-missirijiet adottivi u l-missirijiet bijoloġiċi għad-detriment ta’ dawn tal-aħħar.

( 34 ) ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 4, p. 79.

( 35 ) Ara l-Artikolu 1.