9.3.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 71/6


Deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla għall-eżami mill-ġdid) tal-11 ta’ Diċembru 2012 li tiġi eżaminata mill-ġdid is-sentenza tal-Qorti Ġenerali (Awla tal-Appell) mogħtija fit-8 ta’ Novembru 2012 fil-Kawża T-268/11 P, Il-Kummissjoni vs Strack

(Kawża C-579/12 RX)

(2013/C 71/10)

Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż

Partijiet fil-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali

Appellanti: Il-Kummissjoni Ewropea

Parti oħra fil-proċedura: Guido Strack

Kwistjonijiet li għandhom ikunu s-suġġett tal-eżami mill-ġdid

L-eżami mill-ġdid għandu jkopri l-kwisjonijiet ta’ jekk, fid-dawl tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar id-dritt għal-leave annwali mħallas bħala prinċipju tad-dritt soċjali tal-Unjoni, dritt li huwa espliċitament rrikonoxxut ukoll fl-Artikolu 31(2) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea u li huwa wieħed mis-suġġetti ttrattati fid-Direttiva 2003/88/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-4 ta’ Novembru 2003, li tikkonċerna ċerti aspetti tal-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol (1), is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tat-8 ta’ Novembru 2012, Il-Kummissjoni vs Strack (T-268/11 P) tmurx kontra l-uniformità u l-koerenza tad-dritt tal-Unjoni sa fejn il-Qorti Ġenerali, bħala qorti tal-appell,

interpretat l-Artikolu 1e(2) tar-Regolamenti tal-Persunal tal-Unjoni Ewropea fis-sens li ma jkoprix id-dispożizzjonijiet dwar l-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol li jinsabu fid-Direttiva 2003/88 u b’mod partikolari l-leave annwali mħallas, u

sussegwentement, interpretat l-Artikolu 4 tal-Anness V tar-Regolamenti tal-Persunal fis-sens li d-dritt li l-leave annwali mhux meħud jinġarr għas-sena ta’ wara, f’numru li jaqbeż il-limitu stabbilit f’din id-dispożizzjoni, jista’ jiġi rikonoxxut biss jekk dan il-leave ma setax jittieħed għal raġunijiet marbuta mal-attivitajiet tal-uffiċjal fit-twettiq tal-kariga tiegħu.

Il-partijiet imsemmija fl-Artikolu 23 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea u l-partijiet fil-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea qegħdin jiġu mistiedna sabiex, f’terminu ta’ xahar min-notifika ta’ din id-deċiżjoni, jippreżentaw noti jew osservazzjonijiet bil-miktub quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea dwar il-kwistjonijiet indikati hawn fuq.


(1)  ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 4, p. 381.