19.10.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 304/3


Digriet tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tmien Awla) tal-11 ta’ Lulju 2013 (talba għal deċiżjoni preliminari tal-Curtea de Apel Bacău — ir-Rumanija) — Elena Luca vs Casa de Asigurări de Sănătate Bacău

(Kawża C-430/12) (1)

(Artikolu 99 tar-Regoli tal-Proċedura - Sigurtà soċjali - Libertà li jiġu pprovduti servizzi - Regolament (KEE) Nru 1408/71 - Artikolu 22 - Assigurazzjoni għall-mard - Kura fl-isptar mogħtija fi Stat Membru ieħor - Awtorizzazzjoni minn qabel - Ammont irrimborsat lill-persuna assigurata)

2013/C 304/04

Lingwa tal-kawża: ir-Rumen

Qorti tar-rinviju

Curtea de Apel Bacău

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: Elena Luca

Konvenuta: Casa de Asigurări de Sănătate Bacău

Suġġett

Talba għal deċiżjoni preliminari — Curtea de Apel Bacau — Interpretazzjoni tal-Artikolu 56 TFUE u tal-Artikolu 22 tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1408/71, tal-14 ta’ Ġunju 1971, dwar l-applikazzjoni tal-iskemi tas-siġurtà soċjali għall-persuni impjegati u l-familja tagħhom li jiċċaqilqu ġewwa l-Komunità, (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 1, p. 35) kif emendat — Leġiżlazzjoni nazzjonali li teżiġi awtorizzazzjoni minn qabel għar-rimbors tal-ammont totali ta’ spejjeż għal kura medika barra mill-pajjiż — Determinazzjoni tal-ammont ta’ rimbors ta’ spejjeż sostnuti fi Stat Membru ieħor, fl-assenza ta’ awtorizzazzjoni minn qabel, skont il-kriterji tal-Istat ta’ affiljazzjoni

Dispożittiv

(1)

L-Artikolu 49 KE u l-Artikolu 22 Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1408/71,tal-14 ta’ Ġunju 1971, dwar l-applikazzjoni tal-iskemi tas-siġurtà soċjali għall-persuni impjegati u l-familja tagħhom li jiċċaqilqu ġewwa l-Komunità, fil-verżjoni tiegħu emendata u aġġornata bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 118/97, tat-2 ta’ Diċembru 1996, kif emendat bir-Regolament (KE) Nru 592/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-17 ta’ Ġunju 2008, ma jipprekludix, fil-prinċipju, leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li tissuġġetta t-teħid tar-responsabbiltà sħiħa għall-kura fi sptarijiet mogħtija fi Stat Membru ieħor għal awtorizzazzjoni minn qabel. Għall-kuntrarju, dawn l-istess artikoli jipprekludu li din il-leġiżlazzjoni tiġi interpretata fis-sens li teskludi, fi kwalunkwe każ, it-teħid ta’ responsabbiltà, mill-istituzzjoni kompetenti, għal tali kura mogħtija mingħajr awtorizzazzjoni minn qabel.

(2)

Meta r-rifjut tar-rimbors tal-ispejjeż, unikament minħabba l-assenza ta’ awtorizzazzjoni minn qabel, għall-kura pprovduta fi isptarijiet fi Stat Membru ieħor u mħallsin minn persuna assigurata ma jkunx, fid-dawl taċ-ċirkostanzi partikolari, fondat,l-imsemmija spejjeż għall-kura għandhom jiġu rrimborsati lill-imsemmija persuna assigurata mill-istituzzjoni kompetenti sal-ammont iddeterminat mil-leġiżlazzjoni ta’ dan l-Istat Membru. Jekk dan l-ammont ikun inqas minn dak li jirriżulta mill-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni fis-seħħ fl-Istat Membru ta’ residenza f’każ ta’ ospitalizzazzjoni f’dan tal-aħħar, l-istutuzzjoni kompetenti għandha, barra minn dan, tagħti rimbors addizzjonali li jikkorrispondi għad-differenza bejn dawn iż-żewġ ammonti, fil-limitu tal-ispejjeż realment sostnuti.

(3)

Meta dan ir-rifjut ikun fondat, il-persuna assigurata tista’ titlob, skont l-Artikolu 49 KE, rimbors tal-ispejjeż għall-kura fl-isptar biss sal-limitu tal-kopertura ggarantita mis-sistema ta’ assigurazzjoni għall-mard li fiha jkun affiljat.


(1)  ĠU C 399, 22.12.2012.