1.6.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 156/16


Digriet tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tmien Awla) tal-21 ta’ Marzu 2013 (talba għal deċiżjoni preliminari tal-Administrativen sad — Varna — il-Bulgarija) — Sani Treyd EOOD vs Direktor na Direktsia “Obzhalvane I upravlenie na izpalnenieto” — Varna pri Tsentralno upravlenie na Natsionalnata agentsia za prihodite

(Kawża C-153/12) (1)

(Artikolu 99 tar-Regoli tal-Proċedura - VAT - Direttiva 2006/112/KE - Artikoli 62, 63, 65, 73 u 80 - Kostituzzjoni ta’ dritt ta’ superfiċi minn persuni fiżiċi mhux taxxabbli u li ma għandhomx iħallsu t-taxxa għall-benefiċċju ta’ kumpannija inkambju għall-kostruzzjoni ta’ proprjetà immobbli minn din il-kumpannija għal dawn il-persuni fiżiċi - Kuntratt ta’ tpartit - VAT fuq is-servizzi relatati mal-kostruzzjoni ta’ proprjetà immobbli - Avveniment li jagħti lok għal ħlas - Eżiġibbiltà - Ħlas antiċipat tal-korrispettiv kollu - Akkont - Valur taxxabbli fil-każ ta’ korrispettiv ikkostitwit minn beni jew servizzi)

2013/C 156/26

Lingwa tal-kawża: il-Bulgaru

Qorti tar-rinviju

Administrativen sad — Varna

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: Sani Treyd EOOD

Konvenut: Direktor na Direktsia “Obzhalvane I upravlenie na izpalnenieto” — Varna pri Tsentralno upravlenie na Natsionalnata agentsia za prihodite

Suġġett

Talba għal deċiżjoni preliminari — Administrativen sad — Varna — Interpretazzjoni tal-Artikoli 62(1), 63, 73 u 80 tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE, tat-28 ta’ Novembru 2006, dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU L 347, p. 1) — Leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprovdi li kull provvista jew servizz b’korrispettiv li jkun kompletament jew parzjalment ikkostitwit minn merkanzija jew servizzi hija kkunsidrata bħala żewġ provvisti jew servizzi korrelattivi — Leġiżlazzjoni li tistabbilixxi bħala d-data tal-avveniment li jagħti lok għall-ħlas tal-VAT għall-operazzjonijiet korrelattivi ta’ skambju, id-data tal-avveniment li jagħti lok għal ħlas ta’ taxxa tal-provvista li tkun saret l-ewwel u dan anki jekk il-korrispettiv għal din il-provvista jkun għadu ma ngħatax — Persuni fiżiċi li jkunu kkostitwixxew dritt ta’ superfiċi favur kumpannija għall-finijiet ta’ kostruzzjoni ta’ proprjetà immobbli ta’ abitazzjoni, inkambju għall-obbligu tal-kumpannija li tibni bil-mezzi tagħha stess u li tittrasferixxi lill-kostitwenti l-proprjetà ta’ 25 % tas-superfiċi mibnija kollha f’terminu ta’ 12-il xahar dekorribbli mill-ħruġ tal-permess tal-bini — Determinazzjoni tal-valur taxxabbli — Applikabbiltà tal-kunċett ta’ avveniment li jagħti lok għal ħlas ta’ taxxa għall-operazzjonijiet eżentati, anki jekk dawn jitwettqu minn persuna li la għandha l-kwalità ta’ persuna taxxabbli u lanqas dik ta’ persuna responsabbli għall-ħlas

Dispożittiv

(1)

L-Artikoli 63 u 65 tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE, tat-28 ta’ Novembru 2006, dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud, għandhom jiġu interpretati fis-sens li, f’ċirkustanzi bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, meta jiġi kkostitwit dritt ta’ superfiċi favur kumpannija għall-kostruzzjoni ta’ binja li fir-rigward tagħha għandha ssir proprjetarja sa 75 % tas-superfiċi totali mibnija, b’korrispettiv tal-kostruzzjoni tal-25 % li jifdal, li din il-kumpannija timpenja ruħha li tforni fi stat ta’ tlestija kompleta lill-persuni li kkostitwixxew dan id-dritt ta’ superfiċi, dawn ma jipprekludux li t-taxxa fuq il-valur miżjud fuq il-provvista ta’ servizzi ta’ kostruzzjoni ssir eżiġibbli mill-mument meta jiġi kkostitwit id-dritt ta’ superfiċi, jiġifieri qabel ma ssir din il-provvista ta’ servizzi, sa fejn, meta jiġi kkostitwit dan id-dritt, l-elementi rilevanti kollha ta’ din il-provvista ta’ servizzi futura jkunu diġà magħrufa u għaldaqstant, b’mod partikolari, is-servizzi inkwistjoni jkunu indikati bi preċiżjoni, u l-valur tal-imsemmi dritt ikun jista’ jiġi espress fi flus, liema fatt għandu jiġi vverifikat mill-qorti ta’ rinviju. F’dan ir-rigward huwa ineffettiv il-fatt li l-kostituzzjoni tal-imsemmi dritt ta’ superfiċi tkun operazzjoni eżentata mwettqa minn persuni li ma humiex persuni taxxabbli jew li ma għandhomx iħallsu t-taxxa fis-sens tal-imsemmija direttiva.

(2)

F’ċirkustanzi bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li fihom l-operazzjoni ma twettqitx bejn partijiet marbuta fis-sens tal-Artikolu 80(1) tad-Direttiva 2006/112, liema fatt għandu madankollu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju, l-Artikoli 73 u 80 ta’ din id-direttiva għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu dispożizzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li skontha, meta l-korrispettiv ta’ provvista ta’ beni jew ta’ servizzi jkun kollu kemm hu kkostitwit minn beni jew servizzi, il-valur taxxabbli tal-provvista jew tas-servizz ikun, fi kwalunkwe każ, ikkostitwit mill-valur normali tal-beni jew tas-servizzi pprovduti.


(1)  ĠU C 165, 9.6.2012