14.12.2013 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 367/18 |
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) tas-17 ta’ Ottubru 2013 (talba għal deċiżjoni preliminari tal-Bundesgerichtshof — il-Ġermanja) — RLvS Verlagsgesellschaft mbH vs Stuttgarter Wochenblatt GmbH
(Kawża C-391/12) (1)
(Direttiva 2005/29/KE - Prattiki Kummerċjali Żleali - Kamp ta’ applikazzjoni ratione personae - Ommissjonijiet qarrieqa f’rapporti pubbliċitarji - Leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li tipprojbixxi kull pubblikazzjoni bi ħlas mingħajr ma jissemma “reklam” (“Anzeige”) - Armonizzazzjoni kompleta - Miżuri iktar stretti - Libertà tal-istampa)
2013/C 367/31
Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż
Qorti tar-rinviju
Bundesgerichtshof
Partijiet fil-kawża prinċipali
Rikorrenti: RLvS Verlagsgesellschaft mbH
Konvenuta: Stuttgarter Wochenblatt GmbH
Suġġett
Talba għal deċiżjoni preliminari — Bundesgerichtshof — Interpretazzjoni tad-Direttiva 2005/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-11 ta’ Mejju 2005, dwar prattiċi kummerċjali żleali fin-negozju mal-konsumatur fis-suq intern li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 84/450/KEE, id-Direttivi 97/7/KE, 98/27/KE u 2002/65/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u r-Regolament (KE) Nru 2006/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 149, p. 22) u, b’mod partikolari, tal-Artikoli 3(5), 4 u 7(2) tagħha kif ukoll tal-punt 11 tal-Anness I tagħha — Ommissjonijiet qarrieqa f’reklamar fil-forma ta’ rappurtaġġ — Leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li tipprojbixxi l-pubblikazzjonijiet bi ħlas mingħajr l-inklużjoni ta’ indikazzjoni li huwa “reklamar” (“Anzeige”)
Dispożittiv
F’ċirkustanzi bħal dawk fil-kawża prinċipali, id-Direttiva 2005/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-11 ta’ Mejju 2005, dwar prattiċi kummerċjali żleali fin-negozju mal-konsumatur fis-suq intern li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 84/450/KEE, id-Direttivi 97/7/KE, 98/27/KE u 2002/65/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u r-Regolament (KE) Nru 2006/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (“Direttiva dwar Prattiċi Kummerċjali Żleali”), ma hijiex intiża sabiex tintuża kontra edituri tal-istampa, b’mod li, f’dawn iċ-ċirkustanzi, din id-direttiva għandha tiġi interpretata fis-sens li hija ma tipprekludix l-applikazzjoni ta’ dispożizzjoni nazzjonali li permezz tagħha dawn l-edituri huma obbligati li jinkludu referenza speċifika, fil-każ preżenti, il-kelma “reklam” (“Anzeige”), f’kull pubblikazzjoni fil-perjodiċi tagħhom li għalihom jirċievu ħlas, sakemm id-dispożizzjoni jew id-disinn ta’ din il-pubblikazzjoni ma tippermettix, b’mod ġenerali, li tirrikonoxxi n-natura pubbliċitarja tagħha.