8.2.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 39/5


Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) tal-21 ta’ Novembru 2013 (talba għal deċiżjoni preliminari ta’ Oberlandesgericht Koblenz — il-Ġermanja) — Deutsche Lufthansa AG vs Flughafen Frankfurt-Hahn GmbH

(Kawża C-284/12) (1)

(Għajnuna mill-Istat - Artikoli 107 TFUE u 108 TFUE - Benefiċċji mogħtija minn impriża pubblika li topera ajruport lil kumpannija tal-ajru low cost - Deċiżjoni li tinfetaħ il-proċedura ta’ investigazzjoni formali ta’ din il-miżura - Obbligu tal-qrati tal-Istati Membri li jikkonformaw ruħhom mal-evalwazzjoni tal-Kummissjoni f’din id-deċiżjoni dwar l-eżistenza ta’ għajnuna)

2014/C 39/08

Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż

Qorti tar-rinviju

Oberlandesgericht Koblenz

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: Deutsche Lufthansa AG

Konvenuta: Flughafen Frankfurt-Hahn GmbH

Suġġett

Talba għal deċiżjoni preliminari — Oberlandesgericht Koblenz — Interpretazzjoni tal-Artikoli 107(1) u 108(3) TFUE kif ukoll tal-Artikolu 2(b)(i) tad-Direttiva tal-Kummissjoni 2006/111/KE, tas-16 ta’ Novembru 2006, dwar it-trasparenza tar-relazzjonijiet finanzjarji bejn l-Istati Membri u l-impriżi pubbliċi kif ukoll dwar it-trasparenza finanzjarja fi ħdan ċerti impriżi (ĠU 2008, L 348M, p. 906) — Għajnuna mill-Istat — Benefiċċji mogħtija minn impriża pubblika li topera ajruport lil kumpannija tal-ajru low cost — Deċiżjoni tal-Kummissjoni li twettaq eżami formali ta’ din l-għajnuna — Obbligu eventwali tal-qrati tal-Istati Membri li jikkonformaw mal-evalwazzjoni tal-Kummissjoni dwar in-natura selettiva ta’ din l-għajnuna

Dispożittiv

Meta, skont l-Artikolu 108(3) TFUE, il-Kummissjoni Ewropea tkun fetħet il-proċedura ta’ investigazzjoni formali prevista fil-paragrafu 2 tal-istess artikolu fir-rigward ta’ miżura mhux notifikata li tkun fi stadju ta’ implementazzjoni, qorti nazzjonali, adita b’talba għall-waqfien tal-implementazzjoni ta’ din il-miżura u għall-irkupru tal-ammonti diġà mħallsa, hija marbuta tadotta l-miżuri kollha neċessarji sabiex tiddeduċi l-konsegwenzi ta’ ksur eventwali tal-obbligu ta’ sospensjoni tal-implementazzjoni tal-istess miżura.

Għal dan il-għan, il-qorti nazzjonali tista’ tiddeċiedi li tissospendi l-implementazzjoni tal-miżura inkwistjoni u li tordna l-irkupru tal-ammonti diġà mħallsa. Hija tista’ tiddeċiedi wkoll li tordna miżuri provviżorji sabiex tissalvagwardja, minn naħa, l-interessi tal-partijiet ikkonċernati, u, min-naħa l-oħra, l-effettività tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni Ewropea li tiftaħ il-proċedura ta’ investigazzjoni formali.

Meta l-qorti nazzjonali jkollha dubji fuq il-punt dwar jekk il-miżura inkwistjoni tikkostitwixxix għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE jew fir-rigward tal-validità jew l-interpretazzjoni tad-deċiżjoni li tinfetaħ il-proċedura ta’ investigazzjoni formali, hija tista’, minn naħa, titlob lill-Kummissjoni Ewropea kjarifiki, u, min-naħa l-oħra, hija tista’ jew għandha, skont it-tieni u t-tielet paragrafi tal-Artikolu 267 TFUE, tagħmel domanda preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea.


(1)  ĠU C 273, 08.09.2012