11.1.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 9/9


Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) tas-7 ta’ Novembru 2013 (talba għal deċiżjoni preliminari tar-Raad van State — il-Pajjizi l-Baxxi) — C. Demir vs Staatssecretaris van Justitie

(Kawża C-225/12) (1)

(Rinviju għal deċiżjoni preliminari - Ftehim ta’ Assoċjazzjoni KEE-Turkija - Artikolu 13 tad-Deċiżjoni Nru 1/80 tal-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni - Klawżoli ta’ “standstill” - Kunċett ta’ “legalment residenti”)

2014/C 9/13

Lingwa tal-kawża: l-Olandiż

Qorti tar-rinviju

Raad van State

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrent: C. Demir

Konvenut: Staatssecretaris van Justitie

Suġġett

Talba għal deċiżjoni preliminari — Raad van State — Il-Pajjiżi l-Baxxi — Interpretazzjoni tal-Artikolu 13 tad-Deċiżjoni Nru 1/80, tad-19 ta’ Settembru 1980, dwar l-iżvilupp tal-Assoċjazzjoni, adottata mill-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni stabbilit bil-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni bejn il-KEE u t-Turkija — Projbizzjoni għall-Istati Membri milli jintroduċu restrizzjonijiet ġodda għall-aċċess fis-suq tax-xogħol tal-ħaddiema Torok li jinsabu fit-territorju tagħhom f’sitwazzjoni regolari fir-rigward tar-residenza u tal-impjieg — Leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprovdi kundizzjoni fuq il-mertu u/jew ta’ proċedura fil-qasam tal-ewwel dħul fit-territorju nazzjonali taċ-ċittadini Torok — Rekwiżit ta’ pussess ta’ permess ta’ residenza provviżorja qabel id-dħul fil-Pajjiżi l-Baxxi u li jintalab permess ta’ residenza — Punt 85 tas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-Kawżi magħquda C-317/01 (Abatay et) u C-369/01 (Sahin) (Ġabra 2003, p. I-12301)

Dispożittiv

(1)

L-Artikolu 13 tad-Deċiżjoni Nru 1/80, tad-19 ta’ Settembru 1980, dwar l-iżvilupp tal-Assoċjazzjoni, adottata mill-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni imwaqqaf permezz tal-Ftehim li stabbilixxa Assoċjazzjoni bejn il-Komunità Ekonomika Ewropea u t-Turkija, li ġie ffirmat fit-12 ta’ Settembru 1963 f’Ankara mir-Repubblika tat-Turkija, min-naħa, kif ukoll mill-Istati Membri tal-KEE u l-Komunità, min-naħa l-oħra, u li ġie konkluż, approvat u kkonfermat f’isem din tal-aħħar permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 64/732/KEE, tat 23 ta’ Diċembru 1963, għandu jiġi interpretat fis-sens li meta miżura tal-Istat Membru ospitanti tkun intiża sabiex tiddefinixxi l-kriterji ta’ legalità tas-sitwazzjoni taċ-ċittadini Torok, billi tadotta jew temenda l-kundizzjonijiet fuq il-mertu u/jew ta’ proċedura fir-rigward tad-dħul, tar-residenza u, jekk ikun il-każ, tax-xogħol ta’ dawn iċ-ċittadini fit-territorju tiegħu u meta dawn il-kundizzjonijiet ikunu jikkostitwixxu restrizzjoni ġdida għall-eżerċizzju tal-moviment liberu tal-ħaddiema Torok, fis-sens tal-klawżola ta’ “standstill” imsemmija f’dan l-Artikolu, is-sempliċi fatt li l-miżura jkollha l-għan li tipprevjeni, qabel ma tiġi ppreżentata applikazzjoni għal permess ta’ residenza, id-dħul u r-residenza illegali, ma jippermettix li tiġi eskluża l-applikazzjoni ta’ din il-klawżola.

(2)

L-Artikolu 13 tad-Deċiżjoni Nru 1/80 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-pussess ta’ awtorizzazzjoni ta’ residenza provviżorja li hija valida biss sakemm tittieħed deċiżjoni finali fuq id-dritt ta’ residenza tiegħu ma jfissirx li huwa “legalment residenti”.


(1)  ĠU C 243, 11.08.2012.