12.5.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 142/5


Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (L-Għaxar Awla) tal-20 ta’ Marzu 2014 (talba għal deċiżjoni preliminari tat-Tribunal Supremo – Spanja) – Caixa d’Estalvis i Pensions de Barcelona vs Generalidad de Cataluña

(Kawża C-139/12) (1)

((Rinviju għal deċiżjoni preliminari - Sitt Direttiva tal-VAT - Eżenzjonijiet - Tranżazzjonijiet li jikkonċernaw il-bejgħ ta’ titoli u li jinvolvu t-trasferiment tal-proprjetà ta’ proprjetajiet immobbli - Issuġġettar għal taxxa indiretta separata mill-VAT - Artikoli 49 TFUE u 63 TFUE - Sitwazzjoni purament interna))

2014/C 142/05

Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol

Qorti tar-rinviju

Tribunal Supremo

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: Caixa d’Estalvis i Pensions de Barcelona

Konvenuta: Generalidad de Cataluña

Suġġett

Talba għal deċiżjoni preliminari – Tribunal Supremo – Interpretazzjoni tal-Artikolu 13B(d) tas-Sitt Direttiva tal-Kunsill 77/388/KEE, tas-17 ta’ Mejju 1977, fuq l-armonizzazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri dwar taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ – Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud: bażi uniformi ta’ stima (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 9, Vol. 1, p. 23) – Eżenzjoni tat-tranżazzjonijiet li jikkonċernaw sigurtajiet imsemmija fl-Artikolu 13B(d)(5) – Eċċezzjoni – Tranzazzjonijiet li jikkonċernaw il-bejgħ ta’ titoli u li jinvolvu t-trasferiment tal-proprjetà ta’ proprjetajiet immobbli – Leġiżlazzjoni nazzjonali li tissuġġetta l-akkwist tal-maġġoranza tal-kapital ta’ kumpannija li l-attiv tagħha huwa prinċipalment magħmul minn proprjetajiet immobbli għal taxxa indiretta separata mill-VAT

Dispożittiv

Is-Sitt Direttiva tal-Kunsill 77/388/KEE, tas-17 ta’ Mejju 1977, fuq l-armonizzazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri dwar taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ – Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud: bażi uniformi ta’ stima, kif emendata bid-Direttiva tal-Kunsill 91/680/KEE, tas-16 ta’ Diċembru 1991, għandha tiġi interpretata fis-sens li ma tipprekludix dispożizzjoni nazzjonali, bħall-Artikolu 108 tal-Liġi 24/1988 dwar is-suq tat-titoli (Ley 24/1988 del Mercado de Valores), tat-28 ta’ Lulju 1988, kif emendata bil-Liġi 18/91 dwar it-taxxa fuq id-dħul ta’ persuni fiżiċi (Ley 18/1991 del Impuesto sobre la Renta de las Personas Físicas), tas-6 ta’ Ġunju 1991, li tissuġġetta l-akkwist tal-maġġoranza tal-kapital ta’ kumpannija, li l-attiv tagħha huwa essenzjalment ikkostitwit minn proprjetajiet immobbli, għal taxxa indiretta separata mit-taxxa fuq il-valur miżjud, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali.


(1)  ĠU C 174, 16.06.2012.