23.11.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 344/22


Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) tal-10 ta’ Ottubru 2013 (talba għal deċiżjoni preliminari tat-Tribunale Amministrativo Regionale per le Marche — l-Italja) — Swm Costruzioni 2 SpA, DI Mannocchi Luigino DI vs Provincia di Fermo

(Kawża C-94/12) (1)

(Kuntratti pubbliċi - Direttiva 2004/18/KE - Stabbiltà ekonomika u finanzjarja - Kapaċitajiet tekniċi u/jew professjonali - Artikoli 47(2) u 48(3) - Possibbiltà għal operatur ekonomiku li jirrikorri għall-kapaċitajiet ta’ entitajiet oħra - Artikolu 52 - Sistema ta’ ċertifikazzjoni - Kuntratti pubbliċi għal xogħlijiet - Leġiżlazzjoni nazzjonali li tirrikjedi l-pussess ta’ ċertifikat ta’ kwalifika li jikkorrispondi għall-kategorija u għall-valur tax-xogħlijiet li huma s-suġġett tal-kuntratt - Projbizzjoni li persuna tirrikorri għaċ-ċertifikati ta’ diversi entitajiet għal xogħlijiet li jaqgħu taħt l-istess kategorija)

2013/C 344/36

Lingwa tal-kawża: it-Taljan

Qorti tar-rinviju

Tribunale Amministrativo Regionale per le Marche

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: Swm Costruzioni 2 SpA, DI Mannocchi Luigino DI

Konvenuta: Provincia di Fermo

Fil-preżenza ta’: Torelli Dottori SpA

Suġġett

Talba għal deċiżjoni preliminari — Tribunale Amministrativo Regionale per le Marche — Interpretazzjoni tal-Artikolu 47(2) tad-Direttiva 2004/18/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-31 ta’ Marzu 2004, fuq kordinazzjoni ta’ proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti għal xogħlijiet pubbliċi, kuntratti għal provvisti pubbliċi u kuntratti għal servizzi pubbliċi (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 7, p. 132) — Kapaċità ekonomika u finanzjarja tal-operatur ekonomiku — Possibbiltà li jiġu invokati l-kapaċitajiet ta’ entitajiet oħra — Leġiżlazzjoni nazzjonali li tillimita din il-possibbiltà għal entità waħda biss għal kull kategorija ta’ kwalifikazzjoni prevista mill-entità ta’ ċertifikazzjoni

Dispożittiv

L-Artikoli 47(2) u 48(3) tad-Direttiva 2004/18 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-31 ta’ Marzu 2004, fuq koordinazzjoni ta’ proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti għal xogħlijiet pubbliċi, kuntratti għal provvisti pubbliċi u kuntratti għal servizzi pubbliċi, moqrija flimkien mal-Artikolu 44(2) ta’ din id-direttiva, għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu dispożizzjoni nazzjonali bħal dik fil-kawża prinċipali, li tipprojbixxi, bħala regola ġenerali, lill-operaturi ekonomiċi li jipparteċipaw fi proċedura għall-għoti ta’ kuntratt pubbliku għal xogħlijiet milli jirrikorru, għall-istess kategorija ta’ kwalifika, għall-kapaċitajiet ta’ diversi impriżi.


(1)  ĠU C 151, 26.5.2012.