23.11.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 344/19


Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) tat-3 ta’ Ottubru 2013 (talba għal deċiżjoni preliminari tal-Juzgado de Primera Instancia no 2 de Badajoz — Spanja) — Soledad Duarte Hueros vs Autociba SA, Automóviles Citroen España SA

(Kawża C-32/12) (1)

(Direttiva 1999/44/KE - Drittijiet tal-konsumatur fil-każ ta’ nuqqas ta’ konformità ta’ oġġett - Natura minuri ta’ dan in-nuqqas - Esklużjoni tat-tħassir tal-kuntratt - Ġurisdizzjoni tal-qorti nazzjonali)

2013/C 344/32

Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol

Qorti tar-rinviju

Juzgado de Primera Instancia no 2 de Badajoz

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: Soledad Duarte Hueros

Konvenuta: Autociba SA, Automóviles Citroen España SA

Suġġett

Talba għal deċiżjoni preliminari — Juzgado de Primera Instancia — Badajoz — Interpretazzjoni tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 1999/44/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-25 ta’ Mejju 1999, dwar ċerti aspetti tal-bejgħ ta’ oġġetti tal-konsum u garanziji assoċjati magħhom (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 4, p. 223) — Drittijiet tal-konsumatur — Oġġett li għandu nuqqas minuri — Assenza ta’ tiswija tal-imsemmi oġġett — Talba għal tħassir tal-bejgħ — Inammissibbiltà — Nuqqas ta’ talba sussidjarja intiża għat-tnaqqis xieraq fil-prezz — Possibbiltà għall-qorti nazzjonali li teżamina ex offico l-kwistjoni ta’ tnaqqis xieraq fil-prezz.

Dispożittiv

Id-Direttiva 1999/44/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tad-25 ta’ Mejju 1999, dwar ċerti aspetti tal-bejgħ ta’ oġġetti tal-konsum u garanziji assoċjati magħhom, għandha tiġi interpretata fis-sens li tipprekludi leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li, fejn konsumatur li jkollu dritt għal tnaqqis xieraq fil-prezz ta’ oġġett stabbilit bil-kuntratt ta’ bejgħ jillimita ruħu li jitlob biss, permezz ta’ azzjoni ġudizzjarja, it-tħassir ta’ dan il-kuntratt, meta dan it-tħassir ma jkunx jista’ jinkiseb minħabba n-natura minuri tan-nuqqas ta’ konformità ta’ dan l-oġġett, ma tippermettix lill-qorti nazzjonali li quddiemha titressaq il-kawża li tagħti tali tnaqqis ex officio, u dan minkejja li l-imsemmi konsumatur la jkun awtorizzat li jippreċiża t-talba inizjali tiegħu u lanqas li jippreżenta rikors ġdid għal dan il-għan.


(1)  ĠU C 98, 31.3.2012.