18.2.2012 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 49/26 |
Rikors ippreżentat fit-2 ta’ Diċembru 2011 — Sky Deutschland u Sky Deutschland Fernsehen vs Il-Kummissjoni
(Kawża T-626/11)
2012/C 49/47
Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż
Partijiet
Rikorrenti: Sky Deutschland AG (Unterföhring, il-Ġermanja) u Sky Deutschland Fernsehen GmbH & Co. KG (Unterföhring) (rappreżentanti: A. Cordewener, F. Kutt u C. Jehke, avukati)
Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea
Talbiet
Ir-rikorrenti jitolbu li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:
— |
tannulla d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2011) 275, tas-26 ta’ Jannar 2011, dwar l-għajnuna mill-Istat C-7/10 [ex CP 250/09 u NN 5/10] implimentata mill-Ġermanja [(“]Skema għar-riport ta’ telf ta’ taxxa fil-każ tar-ristrutturar ta’ kumpaniji f’diffikultà[”),] “Sanierungsklausel”; |
— |
sussidjarjament, tannulla l-imsemmija deċiżjoni, għall-inqas sa fejn din ma tipprovdi, għall-kumpanniji fis-sitwazzjoni tal-ewwel u tat-tieni rikorrent, ebda eċċezzjoni għall-obbligu li titħallas lura l-għajnuna stabbilita fl-Artikoli 4 u 5, ibbażata fuq il-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi jew, għall-inqas, ebda dispożizzjoni tranżitorja favur tali kumpanniji; |
— |
tikkundanna lill-konvenuta għall-ispejjeż. |
Motivi u argumenti prinċipali
Insostenn tar-rikors tagħhom, ir-rikorrenti essenzjalment jinvokaw il-motivi li ġejjin.
— |
Fid-deċiżjoni kkontestata l-konvenuta tasal b’mod żbaljat għall-konklużjoni li l-klawżola dwar it-trasferiment ta’ telf (iktar ’il quddiem is-“Sanierungsklausel”) tal-Artikolu 8c(1a) tal-Körperschaftsteuergesetz (iktar ’il quddiem il-Liġi Ġermaniża dwar it-taxxa fuq il-kumpanniji, iktar ’il quddiem il-“KStG”) hija għajnuna pprojbita skont l-Artikolu 107(1) TFUE. F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti jsostnu, b’mod partikolari, li l-konvenuta b’mod żbaljat tassumi li s-sistema stabbilita fl-Artikolu 8c(1a) tal-KStG, hija selettiva u tikkostitwixxi eċċezzjoni għall-prinċipju stabbilit fl-Artikolu 8c(1) tal-KStG, li t-telf fiskali ta’ kumpannija fil-każ ta’ bidla fl-azzjonisti tal-kumpannija ma huwiex ikkunsidrat f’ċerti ċirkustanzi. Skont ir-rikorrenti, il-konvenuta indebitament iddeterminat li s-sistema ta’ riferiment applikabbli għall-eżami u għall-għajnuna kien jinsab fl-Artikolu 8c(1a) tal-KStG. |
— |
Is-sistema ta’ riferiment applikabbli hija l-possibbiltà, ġeneralment applikabbli fil-liġi Ġermaniża, li t-telf jiġi ttrasferit bejn is-snin fiskali differenti, li jirriżulta mill-prinċipju msejjaħ prinċipju tal-qligħ jew telf nett. Skont ir-rikorrenti, is-Sanierungsklausel tal-Artikolu 8c(1a) tal-KStG sempliċement tikkonferma din is-sistema ta’ riferiment. Ma’ dan għandu jingħad ukoll li l-Artikolu 8c(1) tal-KStG lanqas ma jista’ jkun is-sistema nazzjonali ta’ riferiment applikabbli minħabba li din id-dispożizzjoni hija antikostituzzjonali skont ir-rekwiżiti tal-liġi fundamentali Ġermaniża. |
— |
Barra minn hekk, is-sistema fl-Artikolu 8c(1a) tal-KStG hija miżura ġenerali, li tibbenefika, fil-prinċipju, lil kull kumpannija li tkun sofriet telf u ma hija ta’ benefiċċju għal ebda grupp partikolari ta’ kumpanniji. Għalhekk ir-rikorrenti jikkonkludu li s-Sanierungsklausel hija nieqsa min-natura ta’ selettività. |
— |
Is-Sanierungsklausel tal-Artikolu 8c(1a) tal-KStG hija ġġustifikata min-natura u l-konfigurazzjoni interna tas-sistema fiskali, peress li din ir-regola tillimita l-effetti tar-restrizzjonijiet dwar it-tnaqqis tat-telf imposti fl-Artikolu 8c(1) tal-KStG. F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti jargumentaw li l-Artikolu 8ċ tat-verżjoni oriġinali tal-KStG kienet sistema intiża sabiex tipprevjeni l-abbużi li kienu rriżultaw wisq komuni u li l-preċiżjoni sussegwenti (u retroattiva) ta’ din id-dispożizzjoni permezz tal-Artikolu 8c(1a) tal-KStG tnaqqas il-kontenut eċċessiv tal-Artikolu 8c(1) tal-KStG u b’hekk terġa tistabbilixxi mill-ġdid l-użu tat-trasferiment tat-telf fuq numru ta’ perijodi fiskali, ġeneralment applikabbli, bħala s-sistema ta’ riferiment applikabbli. |
— |
Fl-aħħar nett, ir-rikorrenti jitolbu l-protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi tagħhom, minħabba li deċiżjoni negattiva min-naħa tal-konvenuta ma kinitx mistennija u minħabba li l-konvenuta ma kinitx oġġezzjonat għad-dispożizzjoni preċedenti tal-Artikolu 8(4) tal-KStG, fil-verżjoni preċedenti tagħha, strutturata b’mod simili, u lanqas fir-rigward ta’ sistemi simili ta’ Stati Membri oħra. |