24.9.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 282/27


Appell ippreżentat fil-5 ta’ Lulju 2011 minn AO kontra d-digriet tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tal-4 ta’ April 2011 fil-Kawża F-45/10 — AO vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-365/11 P)

2011/C 282/56

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Appellant: AO (Brussell, il-Belġju) (rappreżentant: P. Lewisch, avukat)

Appellata: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet tal-appellant

L-appellant jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tannulla d-digriet tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tal-4 ta’ April 2011 fil-Kawża F-45/10, AO vs Il-Kummissjoni;

fl-eventwalità li l-Qorti Ġenerali tkun f’pożizzjoni fejn tkun tista’ tiddeċiedi l-kawża fuq il-mertu tagħha, tilqa’ t-talbiet magħmula fl-ewwel istanza u jiġifieri:

tannulla d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni Ewropea CMS 07/046, tat-23 ta’ Lulju 2009, minħabba fastidju, amministrazzjoni ħażina u abbuż tad-dritt fundamentali għal smigħ;

tannulla d-deċiżjonijiet kollha meħuda mill-Awtorità tal-Ħatra fil-konfront tal-appellant bejn il-perijodu ta’ Settembru 2003 u t-tneħħija tiegħu mill-pożizzjoni li kien jokkupa minħabba fastidju u amministrazzjoni ħażina, flimkien mal-allegazzjoni ta’ abbuż tad-dritt tal-appellant għal smigħ;

tordna li l-appellant jinstema’ skont l-Artikoli 7(1) u 24 tar-Regolamenti tal-Persunal (1) u tirreferi, f’dan ir-rigward, għat-talbiet magħmula fi Frar 2008 u f’Marzu 2008;

tagħti kumpens simboliku ta’ EUR 1 (wieħed) lill-appellant bħala kumpens għad-dannu morali u professjonali mġarrab kif spjegat fir-rikors, u dan sa fejn l-ilment tiegħu ma għandux motivi finanzjarji iżda huwa intiż li jiġu rikonoxxuti d-dinjità u r-reputazzjoni professjonali tal-appellant; u

tordna lill-appellant ibati l-ispejjeż.

Aggravji u argumenti prinċipali

Insostenn tal-appell tiegħu, l-appellant jinvoka tliet aggravji.

(1)

L-ewwel aggravju, ibbażat fuq l-allegazzjoni li l-kundizzjonijiet sabiex id-deċiżjoni tingħata permezz ta’ digriet, skont l-Artikolu 76 tar-Regoli tal-Proċedura tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, ma kinux sodisfatti u li r-rikors ma kienx manifestament inammissibbli u/jew infondat, sa fejn:

It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku ma ħax inkunsiderazzjoni diversi allegazzjonijiet magħmula u provi ppreżentati fir-rigward tal-fastidju li ġarrab l-appellant;

L-appellant ma ngħatax terminu sabiex jirregolarizza r-rikors tiegħu, skont l-Artikolu 36 tar-Regoli tal-Proċedura tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, fir-rigward ta’ żewġ deċiżjonijiet tal-Awtorità tal-Ħatra msemmija mill-appellant fir-rikors tiegħu.

(2)

It-tieni aggravju, ibbażat fuq l-allegazzjoni li d-digriet fil-Kawża F-45/10 jikser id-dritt tal-Unjoni Ewropea kif deskritt taħt l-Artikolu 11(1) tal-Anness I tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, sa fejn l-appellant huwa intitolat għal kumpens ladarba seħħ il-fastidju.

(3)

It-tielet aggravju, ibbażat fuq l-allegazzjoni li t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku ma rrispettax id-dritt tal-appellant għal smigħ, kif stabbilit fl-Artikolu 6(1) tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, kif ukoll fl-Artikolu 47(2) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea.


(1)  Regolament Nru 31 (KEE), Nru 11 (KEEA), li jistabbilixxi r-Regolamenti tal-persunal għall-uffiċjali u l-kondizzjonijiet tal-impjieg ta’ impjegati oħra tal-Komunità Ekonomika Ewropea u tal-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, kif emendat (ĠU 45, 14.06.1962, p. 1385)