6.8.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 232/33


Rikors ippreżentat fil-31 ta’ Mejju 2011 — Carlotti vs Il-Parlament

(Kawża T-276/11)

(2011/C 232/59)

Lingwa tal-kawża: il-Franċiż

Partijiet

Rikorrenti: Marie-Arlette Carlotti (Marseille, Franza) (rappreżentanti: S. Orlandi, A. Coolen, J.-N. Louis, É. Marchal u D. Abreu Caldas, avukati)

Konvenut: Il-Parlament Ewropew

Talbiet

Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tiddikjara u tiddeċiedi,

li d-deċiżjoni meħuda mill-Bureau tal-Parlament Ewropew, fl-1 ta’ April 2009, li temenda s-sistema tal-pensjoni addizzjonali volontarja tad-deputati tal-Parlament Ewropew hija illegali;

li d-deċiżjoni kkontestata hija annullata;

li l-Parlament Ewropew huwa kkundannat għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Dan ir-rikors huwa intiż għall-annullament tad-deċiżjoni tat-28 ta’ Marzu 2011 li ċċaħħad lir-rikorrenti mill-benefiċċju tal-pensjoni addizzjonali tagħha mal-għeluq tas-60 sena (b’effett mix-xahar ta’ Frar 2012), meħuda abbażi tad-deċiżjoni tal-Parlament Ewropew, tal-1 ta’ April 2009, li temenda s-sistema tal-pensjoni addizzjonali volontarja tad-deputati tal-Parlament Ewropew.

Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka ħames motivi bbażati fuq:

ksur ta’ drittijiet kweżiti li jirriżultaw minn atti legali u mill-prinċipju ta’ ċertezza legali;

ksur tal-prinċipji ta’ trattament ugwali u ta’ proporzjonalità, sa fejn id-deċiżjoni tal-1 ta’ April 2009 u d-deċiżjoni kkontestata jwasslu għal żieda ta’ tliet snin mal-età li tagħti lok għad-dritt tal-pensjoni u dan, mingħajr ebda miżura tranżitorja;

ksur tal-Artikolu 29 tar-regoli dwar l-ispejjeż u allowances tad-deputati tal-Parlament Ewropew, li tipprevedi li l-kwesturi u s-segretarju ġenerali għandhom jiżguraw l-interpretazzjoni u l-applikazzjoni sretta ta’ dawn ir-regoli;

żball ta’ evalwazzjoni manifest li jivvizzja d-deċiżjoni tal-Bureau tal-Parlament Ewropew, tal-1 ta’ April 2009, li temenda r-regoli li jservu bħala bażi għad-deċiżjoni kkontestata billi hija tibbaża ruħha fuq evalwazzjoni infondata tas-sitwazzjoni finanzjarja tal-fondi tal-pensjoni;

ksur tal-bona fide fl-eżekuzzjoni ta’ kuntratti u nullità ta’ klawżoli purament fakultattivi.