18.6.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 179/17


Rikors ippreżentat fil-11 ta’ April 2011 — LTTE vs Il-Kunsill

(Kawża T-208/11)

2011/C 179/30

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Rikorrenti: Liberation Tigers of Tamil Eelam (LTTE) (Herning, id-Danimarka) (rappreżentant: V. Koppe, avukat)

Konvenut: Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea

Talbiet

tannulla r-Regolament ta’ Implementazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 83/2011 (1) sa fejn dan jikkonċerna lir-rikorrenti;

tistabbilixxi li r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2580/2011 (2) ma japplikax għar-rikorrenti;

tikkundanna lill-konvenut għall-ispejjeż

Motivi u argumenti prinċipali

F’din il-kawża r-rikorrenti titlob l-annullament parzjali tar-Regolament ta’ Implementazzjoni (UE) Nru 83/2011 sa fejn l-isem tar-rikorrenti nżamm fuq il-lista ta’ persuni fiżiċi jew ġuridiċi, entitajiet u gruppi li l-fondi u r-riżorsi ekonomiċi tagħhom huma ffriżati skont din il-leġiżlazzjoni.

Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka sitt motivi.

(1)

L-ewwel motiv jallega li r-Regolament ta’ Implementazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 83/2011 huwa null sa fejn dan jikkonerna lir-rikorrenti u/jew li r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2580/2001 huwa inapplikabbli minħabba nuqqas ta’ teħid in kunsiderazzjoni tal-liġi dwar il-kunflitt armat.

(2)

It-tieni motiv jallega li r-Regolament ta’ Implementazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 83/2011 huwa null sa fejn dan jikkonċerna lir-rikorrenti peress li r-rikorrenti ma tistax tiġi kklassifikata bħala organizzazzjoni terroristika kif iddefinita fl-Artikolu 1(3) tal-Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill 2001/931/PESK (3). F’dan ir-rigward ir-rikorrenti tissottometti li l-attivitajiet tagħha ma jammontawx għal reati taħt id-dritt umanitarju internazzjonali u taħt id-dritt kriminali nazzjonali, li ma japplikax għal sitwazzjonijiet ta’ kunflitt armat.

(3)

It-tielet motiv jallega li Regolament ta’ Implementazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 83/2011 huwa null sa fejn dan jikkonċerna lir-rikorrenti peress li ma ttieħdet ebda deċiżjoni minn awtorità kompetenti, kif meħtieġ mill-Artikolu 1(4) tal-Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill 2001/931/PESK.

(4)

Ir-raba’ motiv jallega li Regolament ta’ Implementazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 83/2011 huwa null sa fejn dan jikkonċerna lir-rikorrenti peress li l-Kunsill ma wettaqx reviżjoni kif meħtieġ mill-Artikolu 1(6) tal-Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill 2001/931/PESK. Ir-rikorrenti tikkontendi li, peress li hija ma għadhiex tuża mezzi militari sabiex tilħaq l-għanijiet tagħha u ma hijiex iktar direttament attiva fis-Sri Lanka, tali reviżjoni kienet twassal għall-konklużjoni li hija għandha titneħħa mil-lista.

(5)

Il-ħames motiv jallega li Regolament ta’ Implementazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 83/2011 huwa null sa fejn dan jikkonċerna lir-rikorrenti peress li dan ma jissodisfax l-obbligu li jiġu ddikjarati r-raġunijiet bi ksur tal-Artikolu 296 TFUE.

(6)

Is-sitt motiv jallega li Regolament ta’ Implementazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 83/2011 huwa null sa fejn dan jikkonċerna lir-rikorrenti peress li jikser id-dritt tad-difiża tar-rikorrenti u d-dritt tar-rikorrenti għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva.


(1)  Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 83/2011, tal- 31 ta’ Jannar 2011, li jimplimenta l-Artikolu 2(3) tar-Regolament (KE) Nru 2580/2001 dwar miżuri restrittivi speċifiċi diretti kontra ċerti persuni u entitajiet bil-għan li jiġi miġġieled it-terroriżmu u li jħassar ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 610/2010 (ĠU L 28, p. 14).

(2)  Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2580/2001, tas-27 ta’ Diċembru 2001, dwar miżuri restrittivi speċifiċi diretti kontra ċerti persuni u entitajiet bil-għan li jiġi miġġieled it-terroriżmu (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 18, Vol 1, p. 207).

(3)  Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill, tas-27 ta’ Diċembru 2001, dwar l-applikazzjoni ta’ miżuri speċifiki fil-ġlieda kontra t-terroriżmu (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 18, Vol. 1, p. 217).