12.3.2011 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 80/32 |
Rikors ippreżentat fl-24 ta’ Jannar 2011 — British Airways vs Il-Kummissjoni
(Kawża T-48/11)
2011/C 80/57
Lingwa tal-kawża: l-Ingliż
Partijiet
Rikorrenti: British Airways plc (Harmondsworth, Ir-Renju Unit) (rappreżentanti: K. Lasok, QC, R. O’Donoghue, Barristers, u B. Louveaux, Solicitor)
Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea
Talbiet tar-rikorrenti
— |
tannulla d-deċiżjoni sa fejn din tistabbilixxi li r-rikorrenti pparteċipat fi ksur li jikkonċerna kummissjonijiet fuq supplimenti u/jew li tirrinvija l-kwistjoni quddiem il-Kummissjoni għall-kunsiderazzjoni mill-ġdid tad-deċiżjoni tagħha fuq dik il-kwistjoni; |
— |
tannulla d-deċiżjoni sa fejn din tistabbilixxi li d-data meta r-rikorrenti bdiet il-ksur kienet it-22 ta’ Jannar 2001 u li tissostitwixxi dik id-data bl-1 ta’ Ottubru 2001 u/jew li tirrinvija l-kwistjoni quddiem il-Kummissjoni għall-kunsiderazzjoni mill-ġdid tad-deċiżjoni tagħha fuq dik il-kwistjoni; |
— |
tannulla d-deċiżjoni sa fejn din tistabbilixxi li kwistjonijiet relatati ma’ Hong Kong, mal-Ġappun, mal-Indja, mat-Tajlandja, ma’ Singapor, mal-Korea u mal-Brażil jiksru l-Artikolu 101 TFUE, l-Artikolu 53 ŻEE u l-Artikolu 8 tal-Ftehim Svizzeru u/jew li tirrinvija l-kwistjoni quddiem il-Kummissjoni għall-kunsiderazzjoni mill-ġdid tad-deċiżjoni tagħha fuq dik il-kwistjoni; |
— |
tannulla jew tnaqqas b’mod sostanzjali l-multa imposta fuq ir-rikorrenti skont id-deċiżjoni b’referenza għall-kull wieħed mill-punti msemmija iktar ’il fuq u/jew għall-ġurisdizzjoni sħiħa tal-Qorti Ġenerali; |
— |
tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż tar-rikorrenti u għal spejjeż oħra relatati ma’ din il-kawża. |
Motivi u argumenti prinċipali
Ir-rikorrenti titlob l-annullament parzjali tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2010) 7694 finali tad-9 ta’ Novembru 2010, relatata ma’ proċedura skont l-Artikolu 101 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Europea, l-Artikou 53 tal-Ftehim dawr iż-ŻEE, u l-Artikolu 8 tal-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Svizzera fuq it-trasport bl-ajru (Każ COMP/39.258 — ġarr ta’ merkanzija bl-ajru) li tikkonċerna l-koordinazzjoni ta’ diversi elementi tal-prezz li għandu jintalab għal servizzi ta’ ġarr ta’ merkanzija bl-ajru fuq: (i) rotot bejn ajruporti fiż-ŻEE; (ii) rotot bejn ajruporti fl-UE u ajruporti barra ż-ŻEE; (iii) rotot bejn ajruporti fil-pajjiżi taż-ŻEE li ma humiex Stati Membri tal-UE u pajjiżi terzi; u rotot bejn ajruporti fl-UE u l-Isvizzera. Il-koordinazzjoni stabbilita fid-deċiżjoni tirrigwarda supplimenti marbuta mal-karburant, supplimenti marbuta mas-sigurtà, u l-ħlas ta’ kummissjoni fuq is-supplimenti lil operaturi tat-trasport.
Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka seba’ motivi.
(1) |
L-ewwel motiv jallega żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni u raġunijiet inadegwati sa fejn il-Kummissjoni ma pprovdietx provi suffiċjentement preċiżi li juru li r-rikorrenti pparteċipat fil-koordinazzjoni tal-ħlas tal-kummissjoni fuq supplimenti, filwaqt li injorat ammont sinjifikanti ta’ provi li hija kellha fil-pussess tagħha li kienu juru l-oppost. |
(2) |
It-tieni motiv jallega żball manifest ta’ evalwazzjoni u ksur tal-obbligu tal-konvenuta li tipprova sal-grad rikjest mil-liġi d-data ta’ meta beda l-ksur mir-rikorrenti. F’dan ir-rigward ir-rikorrenti tissottometti li:
|
(3) |
It-tielet motiv jallega żbalji ta’ liġi u ta’ fatt u żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni abbażi tal-fatt li l-Kummissjoni ma kellhiex ġurisdizzjoni sabiex tapplika l-Artikolu 101 TFUE u/jew l-Artikolu 53 ŻEE fir-rigward tas-sitwazzjoni li tikkonċerna l-leġiżlazzjoni regolatorja tal-avjazzjoni u s-sistemi ta’ amministrazzjoni f’Hong Kong, fil-Ġappun, fl-Indja, fit-Tajlandja, f’Singapor, fil-Korea, u fil-Brażil, u/jew naqset milli teżerċita s-setgħat tagħha skont il-prinċipju ta’ korteżija internazzjoni u/jew naqset milli tieħu kont jew milli tieħu kont adegwat tal-prinċipju ta’ korteżija internazzjonali fl-eżerċizzju tas-setgħat tagħha. |
(4) |
Ir-raba’ motiv jallega l-ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, il-prinċipju li l-multi għandhom jikkorrispondi għall-ksur u l-prinċipju ta’ trattament ugwali, peress li l-multa imposta fuq ir-rikorrenti hija sproporzjonata meta mqabbla mal-gravità tal-ksur. F’dan ir-rigward ir-rikorrenti tissottometti li:
|
(5) |
Il-ħames motiv jallega ksur tal-obbligu li jingħataw raġunijiet adegwati u tal-prinċipju ta’ propozjonalità fir-rigward taż-żieda fl-ammont bażiku tal-multa ta’ ammont addizzjonali ta’ 16 % bħala deterrent. |
(6) |
Is-sitt motiv jallega żball ta’ liġi u ta’ fatt, żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni, u ksur tal-prinċipji ta’ aspettattivi leġittimi u/jew ta’ trattament ugwali u tal-Avviż dwar il-Klemenza, sa fejn il-Kummissjoni kkonċediet lir-rikorrenti l-inqas livell ta’ tnaqqis tal-multa fir-rigward tal-klemenza minkejja li kienet l-ewwel impriża li applikat għal tnaqqis tal-multa taħt l-Avviż dwar il-Klemenza. |
(7) |
Is-seba’motiv jallega żball manifest ta’ evalwazzjoni u ksur tal-prinċipju ta’ trattament ugwali u tal-prinċipju ta’ proporzjonalità billi ma tatx lir-rikorrenti tnaqqis tal-multa bħala mitigazzjoni, sa fejn il-Kummissjoni naqset milli tieħu kont ugwali tal-fatt li r-rikorrenti kellha parteċipazzjoni limitata fil-ksur u ma pparteċipatx fl-elementi kollha tal-ksur. |