Kawża T‑524/11

Volvo Trademark Holding AB

vs

L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern

(Trade marks u Disinni) (UASI)

“Trade mark Komunitarja — Proċedimenti ta’ oppożizzjoni — Applikazzjoni għal trade mark Komunitarja figurattiva LOVOL — Trade marks Komunitarji verbali u figurattivi u trademarks nazzjonali figurattivi preċedenti VOLVO — Raġuni relattiva għal rifjut — Vantaġġ indebitu miksub mill-karattru distintiv jew mir-reputazzjoni tat-trade mark preċedenti — Artikolu 8(5) tar-Regolament (KE) Nru 207/2009”

Sommarju — Sentenza tal-Qorti Ġenerali (Id-Disa’ Awla) tat-12 ta’ Novembru 2014

  1. Trade mark Komunitarja – Definizzjoni u kisba tat-trade mark Komunitarja – Raġunijiet relattivi għal rifjut – Oppożizzjoni mill-proprjetarju ta’ trade mark preċedenti identika jew li tixxiebah li għandha reputazzjoni – Protezzjoni tat-trade mark preċedenti li għandha reputazzjoni estiża għal prodotti jew servizzi li ma jixxibhux – Kundizzjonijiet

    (Regolament tal-Kunsill Nru 207/2009, Artikolu 8(5))

  2. Trade mark Komunitarja – Definizzjoni u kisba tat-trade mark Komunitarja – Raġunijiet relattivi għal rifjut – Oppożizzjoni mill-proprjetarju ta’ trade mark preċedenti identika jew li tixxiebah li għandha reputazzjoni – Protezzjoni tat-trade mark preċedenti li għandha reputazzjoni estiża għal prodotti jew servizzi li ma jixxibhux – Xebh bejn it-trade marks ikkonċernati – Kriterji ta’ evalwazzjoni

    (Regolament tal-Kunsill Nru 207/2009, Artikolu 8(1)(b) u (5))

  3. Trade mark Komunitarja – Definizzjoni u kisba tat-trade mark Komunitarja – Raġunijiet relattivi għal rifjut – Oppożizzjoni mill-proprjetarju ta’ trade mark preċedenti identika jew li tixxiebah li għandha reputazzjoni – Protezzjoni tat-trade mark preċedenti li għandha reputazzjoni estiża għal prodotti jew servizzi li ma jixxibhux – Trade mark figurattiva LOVOL – Trade marks verbali u figurattivi VOLVO

    (Regolament tal-Kunsill Nru 207/2009, Artikolu 8(1)(b) u (5))

  1.  Il-ħsara msemmija fl-Artikolu 8(5) tar-Regolament Nru 207/2009 dwar it-trade mark Komunitarja, meta sseħħ, hija l-konsegwenza ta’ ċertu grad ta’ xebh bejn it-trade mark preċedenti u sussegwenti, li minħabba fih il-pubbliku kkonċernat jagħmel konnessjoni bejn dawn iż-żewġ trade marks, jiġifieri jistabbilixxi rabta bejniethom, anki jekk ma jħawwadhomx.

    L-applikazzjoni tal-Artikolu 8(5) tar-Regolament Nru 207/2009, hija suġġetta għal tliet kundizzjonijiet, jiġifieri, l-ewwel nett, l-identiċità jew ix-xebh tat-trade marks kunfliġġenti, it-tieni nett, l-eżistenza ta’ reputazzjoni tat-trade mark preċedenti invokata insostenn tal-oppożizzjoni u, it-tielet nett, l-eżistenza ta’ probabbiltà li l-użu mingħajr dritt tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni jirriżulta f’vantaġġ indebitu mill-karattru distintiv jew mir-reputazzjoni tat-trade mark preċedenti jew jikkawżalhom ħsara. Dawn it-tliet kundizzjonijiet huma kumulattivi u l-assenza ta’ waħda minnhom hija suffiċjenti sabiex tkun inapplikabbli l-imsemmija dispożizzjoni.

    (ara l-punti 17, 18)

  2.  Il-kriterji li għandhom jiġu kkunsidrati fl-evalwazzjoni tax-xebh bejn it-trade marks inkwistjoni huma l-istess fil-każ li jidher fir-reġistrazzjoni rrifjutata ta’ trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni minħabba probabbiltà ta’ konfużjoni, skont l-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009 dwar it-trade mark Komunitarja, u tar-rifjut minħabba ħsara għar-reputazzjoni ta’ trade mark preċedenti, skont l-Artikolu 8(5) ta’ dan ir-regolament. Fil-fatt, f’dawn iż-żewġ sitwazzjonijiet li jippermettu li tiġi rrifjutata r-reġistrazzjoni ta’ trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni, il-kundizzjoni ta’ xebh bejn is-sinjali tippresupponi l-eżistenza, b’mod partikolari, ta’ elementi ta’ xebh viżiv, fonetiku u kunċettwali, b’mod li, mill-perspettiva tal-pubbliku rilevanti, teżisti bejn it-trade marks inkwistjoni ugwaljanza għall-inqas parzjali f’dak li jirrigwarda aspett rilevanti wieħed jew iktar. L-evalwazzjoni tax-xebh viżiv, fonetiku jew kunċettwali tat-trade marks inkwistjoni għandha tkun ibbażata fuq l-impressjoni globali prodotta minnhom, filwaqt li jittieħdu inkunsiderazzjoni, b’mod partikolari, l-elementi distintivi u dominanti tagħhom.

    (ara l-punti 21, 22)

  3.  Ara t-test tad-deċiżjoni.

    (ara l-punti 55-58)