SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (It-Tielet Awla)

11 ta’ Settembru 2014 ( *1 )

“Sussidji — Importazzjonijiet ta’ karta fina miksija li toriġina miċ-Ċina — Metodoloġija — Kalkolu tal-vantaġġ — Żball manifest ta’ evalwazzjoni — Speċifiċità — Perijodu ta’ deprezzament — Trattamenti fiskali preferenzjali — Miżuri kumpensatorji — Dannu — Determinazzjoni tal-marġni ta’ qligħ — Definizzjoni tal-prodott ikkonċernat — Industrija Komunitarja — Rabta kawżali”

Fil-Kawża T‑444/11,

Gold East Paper (Jiangsu) Co. Ltd, stabbilita f’Jiangsu (iċ-Ċina),

Gold Huasheng Paper (Suzhou Industrial Park) Co. Ltd, stabbilita f’Jiangsu,

irrappreżentati minn V. Akritidis, Y. Melin u F. Crespo, avukati,

rikorrenti,

vs

Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, irrappreżentat minn J.-P. Hix, bħala aġent, assistit inizjalment minn G. Berrisch, A. Polcyn, avukati, u minn N. Chesaites, barrister, sussegwentement minn B. O’Connor, solicitor, u minn S. Gubel, avukat,

konvenut,

sostnut minn

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn J.-F. Brakeland, M. França u A. Stobiecka-Kuik, bħala aġenti,

u minn

Cepifine AISBL, stabbilita fi Brussell (il-Belġju),

Sappi Europe SA, stabbilita fi Brussell,

Burgo Group SpA, stabbilita f’Altavilla Vicentina (l-Italja),

Lecta SA, stabbilita fil-Lussemburgu (il-Lussemburgu),

irrappreżentati minn L. Ruessmann u W. Berg, avukati,

intervenjenti,

li għandha bħala suġġett talba għall-annullament tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 452/2011, tas-6 ta’ Mejju 2011, li jimponi dazju definittiv kontra s-sussidji fuq l-importazzjonijiet ta’ karta fina miksija li toriġina mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina (ĠU L 128, p. 18), sa fejn jikkonċerna r-rikorrenti,

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tielet Awla),

komposta minn O. Czúcz, President, I. Labucka (Relatur) u D. Gratsias, Imħallfin,

Reġistratur: S. Spyropoulos, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-12 ta’ Novembru 2013,

tagħti l-preżenti

Sentenza

Il-kuntest ġuridiku

1

L-Artikolu 2(d) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 597/2009, tal-11 ta’ Ġunju 2009, dwar il-protezzjoni kontra importazzjonijiet sussidjati minn pajjiżi li mhumiex membri tal-Komunità Ewropea (iktar ’il quddiem ir-“Regolament bażiku”, jipprovdi li “‘ħsara [dannu]’, sakemm mhux speċifikat mod ieħor, tfisser ħsara materjali lill-industrija tal-Komunità, theddid ta’ ħsara materjali lill-industrija tal-Komunità jew dewmien materjali fit-twaqqif ta’ din l-industrija […]”.

2

L-Artikolu 4 tar-Regolament bażiku, bit-titolu “Sussidji ta’ kumpens”, jipprovdi kif ġej:

“1.   Is-sussidji għandhom ikunu soġġetti għal miżuri ta’ kumpens biss jekk ikunu speċifiċi, kif definiti fil-paragrafi 2, 3 u 4.

2.   Sabiex jiġi stabbilit jekk xi sussidju jkunx speċifiku għal xi intrapriża jew industrija jew grupp ta’ intrapriżi [impriżi] jew industriji (minn hawn ’il quddiem imsejħa ‘ċerti intrapriżi [impriżi]’) fil-ġurisdizzjoni tal-awtorità li tagħtihom, għandhom ikunu applikabbli l-prinċipji li ġejjin:

a)

meta l-awtorità li tagħtihom, jew il-leġislazzjoni li bis-saħħa tagħha l-awtorità li tagħti tkun taħdem, tillimita espliċitament l-aċċess għal sussidju lil ċerti intrapriżi, dan is-sussidju għandu jkun speċifiku;

b)

meta l-awtorità li tagħtihom, jew il-leġislazzjoni li bis-saħħa tagħha l-awtorità li tagħtihom tkun taħdem, tistabbilixxi kriterji jew kondizzjonijiet oġġettivi li jirregolaw l-eliġibilità għal, u l-ammont ta’, sussidju, l-ispeċifikalità m’għandiex teżisti, kemm-il darba dik l-eliġibilità tkun awtomatika u li dawk il-kriterji u l-kondizzjonijiet ikunu osservati bir-reqqa;

c)

jekk, minkejja d-dehra ta’ non-speċifikalità [speċifiċità] li tirriżulta mill-applikazzjoni tal-prinċipji stabbiliti fil-punti(a) u (b), ikun hemm raġunijiet li wieħed jemmen li s-sussidju jista’ fil-fatt ikun speċifiku, jistgħu jiġu kkunsidrati fatturi oħra. Dawn il-fatturi huma: Dawn il-fatturi huma: l-użu ta’ programm ta’ sussidju minn numru limitat ta’ ċerti intrapriżi; l-użu predominanti minn ċerti intrapriżi; l-għoti ta’ ammonti kbar sproporzjonati ta’ sussidju lil ċerti intrapriżi; u l-mod li bih id-diskrezzjoni ġiet eżerċitata mill-awtorità li tagħti, fid-deċiżjoni għall-għoti tas-sussidju. F’dan ir-rigward, l-informazzjoni dwar il-frekwenza li biha l-applikazzjonijiet għal sussidju jkunu miċħuda jew approvati u r-raġunijiet għal dawn id-deċiżjonijiet għandhom, partikolarment, ikunu kkunsidrati.

Għall-iskop [tad-dispożizzjonijiet li jinsabu taħt il]-punt (b), ‘kriterji jew kondizzjonijiet oġġettivi’ tfisser kriterji jew kondizzjonijiet li huma newtrali, li ma jiffavorixxux lil ċerti intrapriżi fuq oħrajn, u li jkunu ekonomiċi fin-natura u orizzontali fl-applikazzjoni tagħhom, bħal ma huma n-numru ta’ impjegati jew id-daqs tal-intrapriża.

Il-kriterji jew il-kondizzjonjiet għandhom jiġu stabbiliti b’mod ċar mill-liġi, regolament, jew xi dokument ieħor uffiċjali, hekk li jkunu jistgħu jiġu vverifikati.

Fl-applikazzjoni tal-punt (c) tas-subparagrafu 1, għandu jittieħed kont tal-ammont ta’ diversifikazzjoni tal-attivitajiet ekonomiċi fil-ġurisdizzjoni tal-awtorità li tagħtihom, kif ukoll it-tul ta’ żmien li matulu l-programm tas-sussidju kien fis-seħħ.

3.   Sussidju li jkun limitat għal ċerti intrapriżi li jinsabu f’reġjun ġeografiku magħżul, fil-ġurisdizzjoni tal-awtorità li tagħtihom, għandu jkun speċifiku. L-iffissar jew it-tibdil fir-rata tat-taxxa ġeneralment applikabbli fil-livelli kollha tal-gvern li huma intitolati li jagħmlu dan, m’għandux jiġi meqjus li jkun sussidju speċifiku għall-iskopijiet ta’ dan ir-Regolament.

4.   Minkejja l-paragrafi 2 u 3, is-sussidji li ġejjin għandhom jitqiesu li huma speċifiċi:

a)

sussidji dipendenti, fil-liġi jew fil-fatt, kemm jekk waħedhom jew bħala waħda minn ħafna kondizzjonijiet oħra, fuq il-prestazzjoni tal-esportazzjoni, inkluż dawk murija fl-Anness I;

b)

sussidji dipendenti, kemm waħedhom jew bħala waħda minn ħafna kondizzjonijiet oħra, fuq l-użu ta’ oġġetti domestiċi fuq dawk importati.

Għall-iskop [tad-dispożizzjonijiet li jinsabu taħt il]-punt (a), is-sussidji għandhom ikunu meqjusa bħala dipendenti fil-fatt fuq il-prestazzjoni tal-esportazzjoni meta l-fatti juru li l-għotja ta’ sussidju, mingħajr ma tkun saret legalment dipendenti fuq il-prestazzjoni tal-esportazzjoni, tkun tassew marbuta mal-esportazzjoni attwali jew antiċipata jew mad-dħul tal-esportazzjoni. Il-fatt biss li sussidju jingħata lil intrapriżi li jesportaw m’għandux, għal dik ir-raġuni biss, jitqies illi huwa sussidju tal-esportazzjoni fit-tifsira ta’ din id-dispożizzjoni.

5.   Kull deċiżjoni ta’ speċifikalità skont id-dispożizzjonijiet ta’ dan l-Artikolu għandhom ikunu sostanzjati b’mod ċar fuq il-bażi ta’ evidenza pożittiva.”

3

L-Artikolu 6 tar-Regolament bażiku, bit-titolu “Kalkolu tal-benefiċċju lill-benefiċjarju”, jipprovdi li ġej:

“F’dak li jirrigwarda l-kalkolu ta’ benefiċċji lill-benefiċjarju, ir-regoli li ġejjin għandhom japplikaw:

a)

għotja minn gvern ta’ equity capital m’għandhiex titqies li tagħti xi benefiċċju, sakemm l-investiment ikun meqjus bħala inkonsistenti mal-prattika ta’ investiment tas-soltu, inkluż għall-għotja ta’ kapital ta’ riskju, ta’ investituri privati fit-territorju tal-pajjiż tal-oriġini u/jew tal-esportazzjoni;

b)

self minn gvern m’għandux jitqies li jagħti xi benefiċċju, sakemm ma jkunx hemm differenza bejn l-ammont li d-ditta li tkun tirċievi s-self tħallas fuq is-self tal-gvern u l-ammont li dik id-ditta jkollha tħallas għal self kummerċjali komparabbli li d-ditta setgħet effettivament tikseb fis-suq. F’dak il-każ, il-benefiċċju għandu jkun id-differenza bejn dawn iż-żewg ammonti;

c)

garanzija ta’ self minn gvern m’għandhiex titqies li tagħti xi benefiċċju, sakemm ma jkunx hemm differenza bejn l-ammont li d-ditta li tirċievi l-garanzija tħallas fuq self garantit mill-gvern u l-ammont li d-ditta jkollha tħallas għal self kummerċjali komparabbli fin-nuqqas tal-garanzija governattiva. F’dan il-każ il-benefiċċju jkun id-differenza bejn dawn iż-żewġ ammonti, b’aġġustament għal xi differenzi fil-miżati;

d)

l-għotja ta’ oġġetti jew servizzi jew xiri ta’ oġġetti mill-gvern m’għandhiex titqies bħala għotja ta’ xi benefiċċju, sakemm l-għotja ssir għal remunerazzjoni li tkun anqas minn dik adegwata jew li x-xiri jsir għal remunerazzjoni li tkun aktar milli adegwata. Jekk remunerazzjoni hijiex adegwata għandha tkun determinata b’referenza għall-kondizzjonijiet tas-suq prevalenti għall-prodott jew servizz in kwistjoni fil-pajjiż tal-għotja jew tax-xiri, inkluż il-prezz, il-kwalità, id-disponibiltà, kemm hu kummerċabbli, it-trasport u kundizzjonijiet oħra tax-xiri jew tal-bejgħ.

Jekk ma hemmx termini u kondizzjonijiet tas-suq li jipprevalu għall-prodott jew is-servizz in kwistjoni fil-pajjiż fejn tingħata l-provvista jew isir ix-xiri, li jistgħu jintużaw bħala valuri indikattivi xierqa, għandhom japplikaw ir-regoli li ġejjin:

i)

it-termini u l-kondizzjonijiet li jipprevalu fil-pajjiż interessat għandhom jiġu aġġustati, fuq il-bażi ta’ spejjeż attwali, prezzijiet u fatturi oħra disponibbli f’dak il-pajjiż, b’ammont xieraq li jirrifletti t-termini u l-kundizzjonijiet normali tas-suq;

ii)

fejn ikun xieraq, għandhom jintużaw it-termini u l-kondizzjonijiet li jeżistu fis-suq ta’ pajjiż ieħor jew fis-suq dinji li huma disponibbli għal min jirċevihom.”

4

L-Artikolu 7(3) tar-Regolament bażiku, taħt it-titolu “Dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-kalkoli”, jipprovdi li:

“Meta s-sussidju jkun jista’ jiġi marbut mal-akkwist jew l-akkwist futur ta’ assi fissi, l-ammont ta’ sussidju ta’ kumpens għandu jkun kalkulat billi s-sussidju jkun mifrux fuq perjodu li jirrifletti d-diprezzament normali ta’ dawn l-assi fl-industrija kkonċernata.

L-ammont hekk kalkulat li jkun attribwit għall-perjodu tal-investigazzjoni, inkluż dak li jiġi mill-assi fissi akkwistati qabel dan il-perjodu, għandhom ikunu allokati kif deskritt fil-paragrafu 2.

Meta l-assi ma jkollhomx deprezzament, is-sussidju għandu jkun stmat bħala self mingħajr imgħax, u jkun trattat skont l-Artikolu 6(b).”

5

L-Artikolu 8 tar-Regolament bażiku, bit-titolu “Deċiżjoni dwar il-ħsara”, jipprovdi li:

“1.   Id-deċiżjoni dwar il-ħsara għandha tkun ibbażata fuq prova pożittiva u għandha tinvolvi eżami oġġettiv ta’:

a)

l-volum tal-importazzjonijiet sussidjati u l-effett tal-importazzjonijiet sussidjati fuq il-prezzijiet fis-suq tal-Komunità għal prodotti simili; u

b)

l-impatt li jirriżulta minn dawk l-importazzjonijiet fuq l-industrija tal-Komunità.

2.   F’dak li għandu x’jaqsam mal-volum tal-importazzjonijiet sussidjati, għandha titqies jekk kienx hemm żieda sinifikanti fl-importazzjonijiet sussidjati, sew f’termini assoluti jew relattivi għall-produzzjoni jew konsum fil-Komunità. F’dak li jirrigwarda l-effett tal-importazzjonijiet sussidjati fuq il-prezzijiet, għandu jiġi meqjus jekk kienx hemm tnaqqis sinifikanti li jwaqqa’ l-prezzijiet permezz tal-importazzjonijiet sussidjati kif imqabbla mal-prezz ta’ prodott simili tal-industrija tal-Komunità, jew jekk l-effett ta’ dawn l-importazzjonijiet ikunx li b’mod ieħor iwaqqa’ l-prezzijiet b’mod sinifikanti jew jipprevjeni ż-żieda fil-prezz illi kieku kienet isseħħ, sa livel sinifikanti. L-ebda wieħed jew aktar minn dawn il-fatturi ma jista neċessarjament jagħti gwida definittiva.

3.   Meta l-importazzjonijiet ta’ prodott minn aktar minn pajjiż wieħed huma fl-istess żmien soġġetti għal investigazzjonijiet ta’ dazju ta’ kumpens, l-effett ta’ din l-importazzjoni għandha tkun kumulattivament stmata biss jekk ikun stabbilit li:

a)

l-ammont ta’ sussidji ta’ kumpens stabbiliti b’relazzjoni mal-importazzjoni minn kull pajjiż ikun aktar milli de minimis kif imfisser fl-Artikolu 14(5) u li l-volum tal-importazzjonijiet minn kull pajjiż ma jkunx negliġibbli; u

b)

stima kumulattiva tal-effetti tal-importazzjonijiet tkun approprjata fid-dawl tal-kondizzjonijiet ta’ kompetizzjoni bejn il-prodotti importati u l-kondizzjonijiet ta’ kompetittività bejn il-prodotti importati u l-prodott simili tal-Komunità.

4.   L-eżami tal-impatt tal-importazzjonijiet sussidjati fuq l-industrija tal-Komunità kkonċernata għandha tinkludi evalwazzjoni tal-fatturi ekonomiċi relevanti kollha u l-indiċi [ekonomiċi rilevanti kollha] li għandhom effett fuq l-istat tal-industrija [ta’ din l-industrija], inkluż: il-fatt li industrija tkun għadha fil-proċess ta’ rkupru mill-effetti ta’ sussidji jew dumping tal-passat, il-kobor tal-ammont ta’ sussidji ta’ kumpens; tnaqqis attwali u potenzjali fil-bejgħ, qliegħ, produzzjoni, sehem mis-suq, produttività, dħul fuq l-investimenti, utilizzar tal-kapaċità; fatturi li jeffettwaw il-prezzijiet tal-Komunità; effetti negattivi attwali jew potenzjali fuq il-likwidità, inventarji, impjiegi, salarji, tkabbir, il-kapaċità li jitkabbar il-kapital jew l-investimenti u, fil-każ tal-agrikoltura, jekk kienx hemm piż akbar fuq il-programmi governattivi ta’ appoġġ. Din il-lista m’hijiex eżawrjenti, l-anqas ma jista’ xi wieħed minn dawn il-fatturi neċessarjament ikun ta’ gwida deċiżiva.

5.   Għandu jintwera, mil-provi relevanti preżentata f’relazzjoni mal-paragrafu 1, li l-importazzjonijiet sussidjati qed joħolqu ħsara. B’mod speċifiku, dan jeħtieġ dimostrazzjoni li l-volum u/jew il-livelli tal-prezzijiet identifikati bis-saħħa tal-paragrafu 2 huma responsabbli għall-impatt fuq l-industrija tal-Komunità kif huwa stabbilit fil-paragrafu 4, u li dan l-impatt jeżisti sal-grad li jġiegħel li jkun klassifikat bħala materjali.

6.   Fatturi magħrufa, minbarra l-importazzjonijiet sussidjati li jkunu qed jagħmlu ħsara lill-industrija tal-Komunità fl-istess żmien, għandhom jiġu eżaminati sabiex jassiguraw li l-ħsara kkawżata minn dawn il-fatturi oħra ma tkunx attribwita għall-importazzjonijiet sussidjati skont il-paragrafu 5. Fatturi li jistgħu jkunu kkunsidrati f’dan ir-rigward jinkludu l-volum u l-prezzijiet tal-importazzjonijiet li ma jkunux sussidjati, nuqqas fit-talba jew tibdil fix-xejra tal-konsum, prattiċi tal-kummerċ restrittivi ta’, u kompetizzjoni bejn, pajjiżi terzi u l-produtturi tal-Komunità, żviluppi fit-teknoloġija u l-prestazzjoni tal-esportazzjoni u l-produttività tal-industrija tal-Komunità.

7.   L-effett tal-importazzjonijiet sussidjati għandu jkun stmat b’relazzjoni mal-produzzjoni tal-industrija tal-Komunità ta’ prodott simili meta data disponibbli tippermetti l-identifikazzjoni separata ta’ dik il-produzzjoni fuq il-bażi ta’ kriterji bħalma hu l-proċess tal-produzzjoni, il-bejgħ u l-qliegħ tal-produtturi. Jekk din l-identifikazzjoni separata ta’ dik il-produzzjoni ma tkunx possibbli, l-effetti tal-importazzjonijiet sussidjati għandhom ikunu stmati billi jsir eżami tal-produzzjoni tal-inqas grupp jew sensiela ta’ prodotti inkluż il-prodott simili, li għalihom tista tingħata l-informazzjoni meħtieġa.

8.   Sejba ta’ theddida ta’ ħsara materjali għandha tkun ibbażata fuq il-fatti u mhux biss fuq allegazzjonijiet, suppożizzjonijiet jew xi possibiltà remota. Il-bidla fiċ-ċirkustanzi li tista’ toħloq xi sitwazzjoni fejn is-sussidju joħloq dannu, għandha tkun tidher ċar bil-quddiem u tkun imminenti.

Meta tittieħed deċiżjoni dwar l-eżistenza ta’ xi theddida ta’ dannu materjali, għandhom jiġu meqjusa, inter alia, fatturi bħal:

a)

in-natura tas-sussidju jew sussidji f’dak il-każ u l-effetti tal-kummerċ li aktarx jirriżultaw minnhom;

b)

iż-żieda sinifikanti tal-importazzjonijiet sussidjati fis-suq tal-Komunità li tindika l-possibiltà ta’ żieda sostanzjali fl-importazzjonijiet;

c)

kapaċità disponibbli b’mod liberu u suffiċjenti għall-esportatur jew żieda sostanzjali imminenti f’din il-kapaċità li tindika l-possibiltà ta’ żieda sostanzjali ta’ esportazzjonijiet sussidjati lejn il-Komunità, waqt li jittieħed kont tad-disponibbilta’ ta’ swieq oħra tal-esportazzjoni biex jassorbu l-esportazzjonijiet addizzjonali;

d)

jekk l-importazzjonijiet humiex qiegħda jiddaħħlu bi prezzijiet li jkunu, sa grad sinifikanti, iwaqqgħu l-prezzijiet jew iżżommu [jimpedixxu] żieda fil-prezzijiet illi kieku kienet isseħħ, u li aktarx iżżid it-talba għal aktar importazzjonijiet; u

e)

l-inventarji tal-prodott li jkun qiegħed jiġi investigat.

L-ebda wieħed mill-fatturi mniżżla hawn fuq ma jista’, waħdu, neċessarjament jagħti gwida deċiżiva imma t-totalità tal-fatturi kkunsidrati għandhom iwasslu għall-konklużjoni illi aktar esportazzjonijiet sussidjati huma imminenti u li, sakemm ma titteħidx azzjoni preventiva, se jseħħ dannu materjali.”

6

L-Artikolu 9(1) tar-Regolament bażiku, taħt it-Titolu “Definizzjoni ta’ industrija tal-Komunità”, jipprovdi li:

“1.   Għall-iskop ta’ dan ir-Regolament, il-frażi “industrija tal-Komunità” għandha tkun interpretata bħala li tirreferi għall-produtturi kollha tal-Komunità li jipproduċu prodotti simili jew għal dawk minnhom li l-produzzjoni kollettiva tagħhom tal-prodotti tikkostitwixxi proporzjon kbir, kif definit fl-Artikolu 10(6), tal-produzzjoni totali tal-Komunità għal dawk il-prodotti, ħlief għal:

a)

meta l-produtturi jkunu relatati mal-esportaturi jew l-importaturi jew ikunu huma stess importaturi tal-prodott li allegatament huwa sussidjat, il-frażi ‘industrija tal-Komunità’ tista’ tkun interpretata bħala li tirreferi għall-kumplament tal-produtturi;

b)

f’ċirkostanzi eċċezzjonali t-territorju tal-Komunità jista’, għall-iskop tal-produzjoni in kwistjoni, ikun maqsum f’żewġt iswieq kompetittivi jew aktar u l-produtturi f’kull suq jistgħu jitqiesu bħala industrija separata jekk:

i)

il-produtturi f’dan is-suq ibiegħu jew kważi jbiegħu il-produzzjoni kollha tal-prodott in kwistjoni f’dak is-suq, u

ii)

id-domanda f’dak is-suq ma tkunx b’mod sostanzjali milħuqa mill-produtturi tal-prodott in kwistjoni li jinsabu x’imkien ieħor fil-Komunità.

F’dawn iċ-ċirkustanzi, id-dannu jista’ jinstab li jeżisti anki meta porzjoni kbira tal-industrija totali tal-Komunità ma tkunx sofriet dannu, kemm-il darba jkun hemm konċentrazzjoni ta’ importazzjonijiet sussidjati f’dak is-suq iżolat u kemm-il darba wkoll li l-importazzjonijiet sussidjati jkunu qed joħolqu dannu lill-produtturi tal-produzzjoni kollha jew kważi kollha fi ħdan dak is-suq.”

7

L-Artikolu 10(6) tar-Regolament bażiku, taħt it-titolu “Il-bidu tal-proċeduri”, jipprovdi li:

“Investigazzjoni m’għandhiex tinbeda taħt il-paragrafu 1 sakemm ma jkunx ġie stabbilit, fuq il-bażi ta’ eżami dwar il-qofol tal-appoġġ għal, jew oppożizzjoni għal, l-ilment magħmul mill-produtturi tal-Komunità ta’ prodott simili, li l-ilment kien magħmul minn jew f’isem l-industrija tal-Komunità. L-ilment għandu jitqies li jkun sar minn jew f’isem l-industrija tal-Komunità jekk ikollu l-appoġġ tal-produtturi tal-Komunità li l-produzzjoni kollettiva tagħhom tikkostitwixxi aktar minn 50 % tal-produzzjoni totali tal-prodott simili, prodott minn dik il-parti tal-industrija tal-Komunità li turi appoġġ jew oppożizzjoni għall-ilment. B’danakollu, l-ebda investigazzjoni m’għandha tinbeda meta l-produtturi tal-Komunità li espressament jappoġġjaw l-ilment jammontaw għal anqas minn 25 % tal-produzzjoni totali tal-prodott simili magħmul mill-industrija tal-Komunità.”

8

L-Artikolu 14(2) tar-Regolament bażiku, taħt it-titolu “Terminazzjoni mingħajr miżuri”, jipprovdi li:

“Meta, wara konsultazzjoni, ma jkunux meħtieġa miżuri protettivi u ma jkun hemm ebda oġġezzjoni mqajma fi ħdan il-Kumitat Konsultattiv, l-investigazzjoni jew il-proċeduri għandhom jiġu mitmuma. Fil-każijiet l-oħrajn kollha, il-Kummissjoni għandha tippreżenta mingħajr dewmien lill-Kunsill rapport dwar ir-riżultati tal-konsultazzjoni, flimkien ma’ proposta sabiex il-proċedura tiġi mitmuma. Il-proċeduri għandhom jitqiesu li ġew mitmuma jekk, fi żmien xahar, il-Kunsill, li jaġixxi b’maġġoranza kwalifikata, ma jkunx iddeċieda mod ieħor.”

9

L-Artikolu 15(1) tar-Regolament bażiku, taħt it-titolu “Impożizzjoni ta’ dazji definittivi”, jipprovdi li:

“Meta l-fatti kif finalment stabbiliti juru l-eżistenza ta’ sussidji ta’ kumpens u ħsara li tiġi kkaġunata bihom, u l-interess Komunitarju jitlob intervent skont l-Artikolu 31, għandu jiġi impost dazju ta’ kumpens definittiv mill-Kunsill, li jaġixxi fuq proposta ppreżentata mill-Kummissjoni wara konsultazzjoni mal-Kumitat Konsultattiv.

Il-proposta għandha tiġi adottata mill-Kunsill kemm-il darba ma jiddeċiedix b’maġġoranza sempliċi li jirrifjuta l-proposta, fi żmien xahar wara li tkun ġiet ippreżentata mill-Kummissjoni.

Meta jkunu fis-seħħ dazji provviżorji, proposta dwar azzjoni definittiva għandha tiġi ppreżentata mhux aktar tard minn xahar qabel l-iskadenza ta’ dawn id-dazji.

M’għandha tiġi imposta l-ebda miżura jekk is-sussidju jew is-sussidji jiġu rtirati jew jintwera li s-sussidji ma għadhomx jagħtu xi benefiċċju lill-esportaturi involuti.

L-ammont tad-dazju ta’ kumpens m’għandux jeċċedi l-ammont ta’ sussidji stabbilit iżda għandu jkun inqas mill-ammont totali tas-sussidji ta’ kumpens jekk dan id-dazju inqas ikun adegwat għat-tneħħija tal-ħsara lill-industrija Komunitarja.”

10

L-Artikolu 28 tar-Regolament bażiku, bit-titolu “Nuqqas ta’ koperazzjoni”, jipprovdi li ġej:

“1.   Fil-każijiet fejn parti interessata tiċħad l-aċċess għal, jew b’mod ieħor ma tipprovdix l-informazzjoni meħtieġa fil-limiti ta’ żmien stabbiliti skont id-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament, jew tostakola b’mod sinifikanti l-investigazzjoni, is-sejbiet provviżorji jew finali, fil-pożittiv jew fin-negattiv, jistgħu jittieħdu fuq il-bażi tal-fatti disponibbli.

Fejn jinstab li xi parti interessata tkun forniet informazzjoni falza jew li tqarraq, l-informazzjoni għandha tiġi mwarrba u għandu jsir użu mill-fatti disponibbli.

Il-partijiet interessati għandhom jiġu mwissija bil-konsegwenzi ta’ nuqqas ta’ koperazzjoni.

2.   In-nuqqas li tingħata tweġiba permezz ta’ kompjuter m’għandux ikun meqjus bħala nuqqas ta’ koperazzjoni, sakemm il-parti interessata turi li jekk tippreżenta t-tweġiba kif mitluba jinħoloq piż żejjed mhux raġonevoli jew spejjeż żejda mhux raġonevoli.

3.   Meta l-informazzjoni mogħtija minn xi parti interessata ma tkunx ideali fl-aspetti kollha, din xorta m’għandhiex tiġi mwarrba, kemm-il darba n-nuqqasijiet ma jkunux tali li joħolqu diffikultà żejda sabiex wieħed jasal għas-sejba raġonevolment eżatta u li l-informazzjoni tkun ippreżentata fi żmien tajjeb [utli] u tkun tista’ tiġi verifikata, u li l-parti tkun imxiet bl-aħjar kapaċità tagħha.

4.   Jekk il-provi jew l-informazzjoni ma jiġux aċċettati, il-parti li tkun forniet dawn għandha tiġi mgħarrfa immedjatament bir-raġunijiet u għandha tingħata opportunità li tipprovdi aktar spjegazzjoni fil-limitu ta’ żmien speċifikat. Jekk l-ispjegazzjonijiet ma jitqiesux li huma sodisfaċenti, ir-raġunijiet għaċ-ċaħda ta’ dawn il-provi jew informazzjoni għandhom isiru magħrufa u jingħataw fil-pubblikazzjoni tas-sejbiet.

5.   Jekk id-deċiżjonijiet, inklużi dawk dwar l-ammont ta’ sussidji ta’ kumpens, ikunu bbażati fuq id-dispożizzjonijiet tal-paragrafu 1, inkluża l-informazzjoni mogħtija fl-ilment, għandu, fejn ikun prattikabbli u b’konsiderazzjoni għal-limiti ta’ żmien tal-investigazzjoni, jiġu vverifikati b’referenza għall-informazzjoni minn sorsi oħra indipendenti li jistgħu jkunu disponibbli, bħal ma huma listi ta’ prezzijiet ippubblikati, statistika uffiċjali tal-importazzjoni u prospetti doganali, jew informazzjoni miksuba minn partijiet oħra interessati matul l-investigazzjoni. →1 Din l-informazzjoni tista’ tinkludi data rilevanti li tappartjeni lis-suq dinji jew swieq rappreżentattivi oħra, fejn ikun xieraq.

6.   Jekk xi parti interessata ma tikkooperax, jew tikkopera biss parzjalment, hekk li tiġi miżmuma xi informazzjoni relevanti, ir-riżultat jista’ jkun anqas favorevoli għal dik il-parti milli kieku kienet ikkoperat.”

11

Permezz tal-Komunikazzjoni 98/C 394/04 tagħha (ĠU 1998, C 394, p. 6), il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropew ippubblikat Linji Gwida dwar il-kalkolu tal-ammont tas-sussidji fil-kuntesti ta’ investigazzjonijiet kontra s-sussidji (iktar ’il quddiem il-“Linji Gwida”).

12

Il-Linji Gwida, taħt it-Titolu “F. Perijodu ta’ investigazzjoni għall-kalkolu tas-sussidju: imputazzjoni kontra tqassim”, jipprovdu b’mod partikolari:

“b)

Denominatur użat għall-finijiet tat-tqassim tal-ammont tas-sussidju

Ladarba jiġi stabbilit, l-ammont tas-sussidju imputabbli għall-perijodu ta’ investigazzjoni jinqasam skont denominatur li jista’ jkun il-volum ta’ bejgħ u ta’ esportazzjonijiet tal-prodott inkwistjoni sabiex jinkiseb l-ammont għal kull unità.

[…]”

Il-fatti li wasslu għall-kawża

13

Ir-rikorrenti, Gold East Paper (Jiangsu) Co. Ltd (iktar ’il quddiem “GE”) u Gold Huasheng Paper (Suzhou Industrial Park) Co. Ltd (iktar ’il quddiem “GHS”), huma kumpanniji marbutin tal-grupp Asia Pulp and Paper China (iktar ’il quddiem il-“grupp APP”) li jipproduċu fiċ-Ċina karta fina miksija li huma jesportaw lejn l-Unjoni Ewropea ( 1 ).

Investigazzjoni

14

Il-karta fina miksija kienet is-suġġett ta’ żewġ investigazzjonijiet distinti, li twettqu parallelament. L-ewwel nett, investigazzjoni antidumping wasslet għall-adozzjoni tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 451/2011, tas-6 ta’ Mejju 2011, li jimponi dazju anti-dumping definittiv u jiġbor b’mod definittiv id-dazju provviżorju impost fuq l-importazzjonijiet ta’ karta fina miksija li joriġinaw fir-Repubblika Popolari taċ-Ċina (ĠU L 128, p. 1, iktar ’il quddiem ir-“Regolament li jimponu dazju antidumping definittiv”). It-tieni nett, investigazzjoni kontra s-sussidji wasslet għall-adozzjoni tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 452/2011, tas-6 ta’ Mejju 2011, li jimponi dazju definittiv kontra s-sussidji fuq l-importazzjonijiet ta’ karta fina miksija li toriġina mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina (ĠU L 128, p. 18, iktar ’il quddiem ir-“Regolament ikkontestat”).

15

Fis-17 ta’ April 2010, avviż tal-Kummissjoni dwar it-tnedija ta’ proċedura anti-dumping [kontra s-sussidji] fir-rigward tal-importazzjonijiet ta’ karta fina miksija li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina kien ippubblikat f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (ĠU C 99, p. 30).

16

Fit-8 ta’ Lulju 2010, ir-rikorrenti ppreżentaw ir-risposti tagħhom għall-kwestjonarju kontra s-sussidji li kienet bagħtitilhom il-Kummissjoni. Din tal-aħħar wettqet verifiki fuq il-post ta’ dawn ir-risposti fil-bini tar-rikorrenti, bejn il-15 u l-21 ta’ Settembru 2010.

17

Fit-3 ta’ Frar 2011, il-Kummissjoni bagħtet lir-rikorrenti dokument ta’ informazzjoni li jipprovdi dettalji tal-fatti u tal-kunsiderazzjonijiet essenzjali li fuqhom hija kellha l-intenzjoni li tipproponi lill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea l-impożizzjoni ta’ dazju kumpensatorju definittiv fuq l-esportazzjonijiet tar-rikorrenti lejn l-Unjoni.

18

Permezz ta’ ittra tat-3 ta’ Marzu 2011, ir-rikorrenti kkomunikaw l-osservazzjonijiet tagħhom fuq id-dokument ta’ informazzjoni definittiv.

19

Fl-10 ta’ Marzu 2011, ir-rikorrenti attendew laqgħa mal-persuni responsabbli tal-fajl fil-bini tal-Kummissjoni, fil-preżenza tal-Uffiċjal tas-Seduta.

20

Fis-16 ta’ Marzu 2011, il-Kummissjoni bagħtet ittra lir-rikorrenti, li fiha hija ċċarat ċerti punti tal-konstatazzjonijiet tagħha.

21

Fil-25 ta’ Marzu 2011, il-Kummissjoni għamlet seduta li r-rikorrenti attendew għaliha, fil-preżenza tal-Uffiċjal tas-Seduta.

22

Fit-28 ta’ Marzu 2011, ir-rikorrenti ppreżentaw ittra li kienet tiġbor fil-qosor l-ilmenti esposti waqt is-seduta tal-25 ta’ Marzu 2011 u li kienet tirrispondi għall-osservazzjonijiet ifformulati mill-Kummissjoni kif ukoll għad-domandi magħmula minnha waqt din il-laqgħa.

23

Fid-29 ta’ Marzu 2011, ir-rikorrenti bagħtu ittra lill-Uffiċjal tas-Seduta, li tiġbor fil-qosor il-punti mqajma waqt is-seduta tal-25 ta’ Marzu 2011, b’mod partikolari dwar id-drittijiet tad-difiża tagħhom.

Ir-Regolament ikkontestat

24

Fis-6 ta’ Mejju 2011, ir-Regolament ikkontestat ġie adottat mill-Kunsill.

25

L-Artikolu 1(1) u (2) tar-Regolament ikkontestat impona dazju kumpensatorju definittiv ta’ 12 % fuq l-importazzjonijiet fl-Unjoni ta’ karta fina miksija prodotta mir-rikorrenti.

Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

26

Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-8 ta’ Awwissu 2011, ir-rikorrenti ppreżentaw dan ir-rikors.

27

Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl-10 ta’ Novembru 2011, il-Kummissjoni talbet li tintervjeni f’din il-kawża insostenn tat-talbiet tal-Kunsill.

28

Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl-1 ta’ Diċembru 2011, Cepifine AISBL, assoċjazzjoni Ewropea ta’ produtturi ta’ karta fina, Sappi Europe SA, Burgo Group SA u Lecta SA (iktar ’il quddiem, flimkien, l-“intervenjenti”) talbu li jintervjenu f’din il-kawża insostenn tat-talbiet tal-Kunsill. Fl-osservazzjonijiet tiegħu, ippreżentati fl-24 ta’ Jannar 2012, il-Kunsill ma qajjimx oġġezzjonijiet kontra dan l-intervent.

29

Permezz ta’ digriet tat‑23 ta’ Jannar 2012, il‑President tat‑Tielet Awla tal‑Qorti Ġenerali awtorizza l‑intervent tal‑Kummissjoni. Din tal-aħħar ippreżentat in-nota tagħha fit-terminu stabbilit.

30

Fit-8 ta’ Frar 2012, ir-rikorrenti talbu t-trattament kunfidenzjali fir-rigward tal-intervenjenti privati ta’ ċerti elementi inklużi fin-noti tagħhom u l-annessi rispettivi tagħhom. Huma ppreżentaw verżjoni mhux kunfidenzjali ta’ dawn id-diversi atti proċedurali.

31

Permezz ta’ digriet tat-8 ta’ Marzu 2012, il-President tat-Tielet Awla awtorizza lill-intervenjenti privati sabiex jintervjenu fis-seduta insostenn tat-talbiet tal-Kunsill. Fl-istess digriet, il-President tat-Tielet Awla rriżerva, minn naħa, id-deiċżjoni dwar jekk ir-rikorrenti jirċievux ir-rapport tas-seduta sabiex jidentifikaw l-elementi li jistgħu jitqiesu li huma kunfidenzjali, u, min-naħa l-oħra, id-deċiżjoni dwar jekk l-intervenjenti privati jirċievux verżjoni provviżorja mhux kunfidenzjali sabiex jippreżentaw l-eventwali osservazzjonijiet tagħhom fuq it-talba għal trattament kunfidenzjali.

32

Fuq rapport tal-Imħallef Relatur, il-Qorti Ġenerali (It-Tielet Awla) iddeċidiet li tiftaħ il-proċedura orali.

33

It-trattazzjoni tal-partijiet fil-kawża prinċipali kif ukoll tal-intervenjenti u t-tweġibiet tagħhom għall-mistoqsijiet magħmula mill-Qorti Ġenerali nstemgħu fis-seduta tat-12 ta’ Novembru 2013.

34

Ir-rikorrenti jitolbu li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tannulla r-Regolament ikkontestat, sa fejn jikkonċernahom;

tikkundanna lill-Kunsill għall-ispejjeż.

35

Il-Kunsill jitlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tiċħad ir-rikors;

tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

36

Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tiċħad ir-rikors;

tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

37

L-intervenjenti privati jsostnu t-talbiet tal-Kunsill.

Id-dritt

38

Insostenn tar-rikors tagħhom, ir-rikorrenti essenzjalment jinvokaw għaxar motivi, ibbażati:

l-ewwel, fuq il-ksur tal-Artikolu 15(1) tar-Regolament bażiku;

it-tieni, fuq il-ksur tal-Artikolu 6(d) u tal-Artikolu 28 tar-Regolament bażiku, kif ukoll tal-Artikolu 4 tal-istess regolament;

it-tielet, fuq il-ksur tal-Artikolu 4 tar-Regolament bażiku;

ir-raba’, fuq il-ksur tal-Artikolu 7(3) tar-Regolament bażiku;

il-ħames, fuq il-ksur tal-Artikolu 6(b) tar-Regolament bażiku;

is-sitt, fuq il-ksur tal-Artikolu 14(2) tar-Regolament bażiku;

is-seba’, fuq il-ksur tal-Artikolu 8(1) tar-Regolament bażiku;

it-tmien, fuq il-ksur tal-Artikolu 2(d) u tal-Artikolu 15 tar-Regolament bażiku;

id-disa’, fuq il-ksur tal-Artikolu 8, tal-Artikolu 9(1) u tal-Artikolu 10(6) tar-Regolament bażiku;

l-għaxra, fuq il-ksur tal-Artikolu 8(1) u (6) tar-Regolament bażiku.

Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq l-Artikolu 15(1) tar-Regolament bażiku

39

Mit-titolu ta’ dan il-motiv jirriżulta li r-rikorrenti jinvokaw ksur tal-Artikolu 15(1) tar-Regolament bażiku. Madankollu għandu jiġi kkonstatat li, essenzjalment, huma jqajmu wkoll ksur tal-Artikolu 7(1) u (2) tar-Regolament bażiku. Issa, skont il‑ġurisprudenza, il‑motivi ta’ rikorrent għandhom jiġu interpretati fid‑dawl tas‑sustanza tagħhom pjuttost milli permezz tal‑klassifikazzjoni tagħhom (sentenza tal‑Qorti tal‑Ġustizzja tal‑15 ta’ Diċembru 1961, Fives Lille Cail et vs L‑Awtorità Għolja, 19/60, 21/60, 2/61 u 3/61, Ġabra p. 559).

40

Għaldaqstant, għandu jiġi eżaminat mhux biss l-ilment ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 15(1) tar-Regolament bażiku, iżda wkoll l-ilment ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 7(1) u (2) tal-istess regolament.

41

Il-Qorti Ġenerali tqis xieraq li teżamina, qabel kollox, l-ilment ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 7(1) u (2) tar-Regolament bażiku sa fejn ir-Regolament ikkontestat jinvolvi l-użu ta’ denominatur inadegwat għall-kalkolu tal-ammont tas-sussidju u, sussegwentement, l-ilment ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 15(1) tar-Regolament bażiku, li jirrigwarda l-effett tal-metodoloġija segwita mill-istituzzjonijiet fuq il-perċentwali ta’ sussidju.

42

Ir-rikorrenti jsostnu, fl-ewwel lok, li l-Artikolu 7(1) u (2) tar-Regolament bażiku huwa miksur minħabba l-użu mill-Kunsill ta’ denominatur inadegwat.

43

Il-Kunsill uża b’mod żbaljat id-dħul mill-bejgħ li jirrappreżenta t-total tal-bejgħ tal-impriża bħala denominatur għall-kalkolu tal-ammont tas-sussidju. Huma jallegaw li t-total tas-sussidji li huma bbenefikaw minnu kien espress b’mod żbaljat bħala perċentwali tad-dħul mill-bejgħ tagħhom u mhux bħala riżultat tal-kalkolu tal-ammont ta’ sussidju ta’ kumpens riċevut għal kull unità tal-prodott ikkonċernat, mibdul sussegwentement f’perċentwali tal-prezz CIF (spiża, assigurazzjoni u trasport tal-merkanzija) tal-prodott mibjugħ fl-Unjoni.

44

Qabel kollox, għandu jitfakkar li l-Artikolu 7(2) tar-Regolament bażiku jipprovdi li, “[m]eta s-sussidju ma jingħatax b’referenza għall-kwantitajiet manifatturati, maħduma, esportati jew trasportati, l-ammont tas-sussidju ta’ kumpens għandu jkun stabbilit bl-allokazjoni tal-valur tas-sussidju totali, kif xieraq, fuq il-livell ta’ produzzjoni, bejgħ, jew esportazzjoni tal-prodotti kkonċernati matul il-perjodu tal-investigazzjoni dwar is-sussidjar”.

45

Mid-dispożizzjonijiet li jinsabu taħt it-titolu “b) Denominatur użat għall-finijiet tat-tqassim tal-ammont tas-sussidju”, li huwa stess jinsab taħt it-titolu “F. Perijodu ta’ investigazzjoni għall-kalkolu tas-sussidju: imputazzjoni kontra tqassim” tal-Linji Gwida jirriżulta li, “[l]adarba jiġi stabbilit, l-ammont tas-sussidju imputabbli għall-perijodu ta’ investigazzjoni jinqasam skont denominatur li jista’ jkun il-volum ta’ bejgħ u ta’ esportazzjonijiet tal-prodott inkwistjoni sabiex jinkiseb l-ammont għal kull unità”.

46

Fid-dawl ta’ dak li ntqal preċedentement, hemm lok li jiġu eżaminati l-ilmenti tar-rikorrenti.

47

Fil-premessa 369 tar-Regolament ikkontestat, il-Kunsill ċaħad l-ilment diġà mqajjem mir-rikorrenti waqt l-investigazzjoni billi enfasizza s-segwenti:

“[Ħ]lief għal waħda mill-iskemi tas-sussidju li nstabet li hija kumpensabbli, l-ebda skema oħra ma nstabet li tiddependi mir-rendiment tal-esportazzjoni u ma tingħatax b’referenza għall-kwantitajiet manifatturat, prodotti, esportati jew trasportati. Għalhekk l-ammont tas-sussidju kien allokat fuq il-fatturat totali tal-bejgħ tal-kumpaniji tal-grupp APP f’konformità mal-Artikolu 7(2) tar-Regolament bażiku li jgħid hekk: ‘Meta s-sussidju ma jingħatax b’referenza għall-kwantitajiet manifatturati, maħduma, esportati jew trasportati, l-ammont tas-sussidju kumpensabbli għandu jkun stabbilit bl-allokazjoni tal-valur tas-sussidju totali, kif xieraq, fuq il-livell ta’ produzzjoni, bejgħ, jew esportazzjoni tal-prodotti kkonċernati matul il-perijodu tal-investigazzjoni dwar is-sussidjar’. Billi dan is-sussidju mhux marbut mal-produzzjoni ta’ prodott jew esportazzjonijiet partikolari, il-fatturat ta-bejgħ tal-kumpanija huwa l-aħjar denominatur. F’dan ir-rigward, ta’ min jinnota li l-fatturat relevanti ġie determinat fuq bażi li tiżgura li jiġi rifless kemm jista’ jkun il-valur tal-bejgħ tal-prodotti mibjugħa mill-kumpanija benefiċjarja.”

48

Mill-imsemmija premessa jirriżulta li l-Kunsill ħa inkunsiderazzjoni waħda mis-soluzzjonijiet previsti mill-Artikolu 7(2) tar-Regolament bażiku, jiġifieri l-livell ta’ bejgħ tal-prodott inkwistjoni, u ġġustifika r-raġuni għaliex it-tqassim tal-ammont tas-sussidju fuq id-dħul mill-bejgħ totali, mhux għal prodott uniku, kien adegwat fiċ-ċirkustanzi tal-kawża.

49

Billi jargumentaw li kien xieraq li jitqassam il-valur tas-sussidju fuq id-dħul mill-bejgħ totali tal-bejgħ tal-impriża, ir-rikorrenti jsostnu fir-realtà li l-Kunsill wettaq żball manifest ta’ evalwazzjoni.

50

Rigward l-allegat obbligu li ammont ta’ sussidju jiġi kkalkolat għal kull unità, abbażi tal-Artikolu 7(1) tar-Regolament bażiku, għandu jiġi rrilevat, kif ġustament għamel il-Kunsill, li, l-ewwel nett, ebda wieħed mis-sussidji ta’ kumpens inkwistjoni ma ngħata fuq bażi ta’ kull unità. It-tieni nett, ebda wieħed minn dawn is-sussidji ma kien limitat għall-prodott ikkonċernat. It-tielet, wieħed biss minn dawn is-sussidji, li kien jikkonċerna GHS, kien suġġett għall-prestazzjoni tal-esportazzjoni, f’dan il-każ premju mogħti għaż-żamma taż-żieda, b’marġni ta’ sussidju ta’ 0.05 %.

51

Għaldaqstant, għandu jiġi kkonstatat li kalkolu għal kull unità ma kienx ikun xieraq f’dan il-każ, kuntrarjament għal dak li jallegaw ir-rikorrenti.

52

Rigward l-affermazzjoni tar-rikorrenti li r-rata tad-dazju ad valorem għandha tiġi kkalkolata billi jintuża l-valur CIF tal-esportazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat bħala denominatur, għandu jitfakkar, qabel kollox, li s-sussidji inkwistjoni ngħataw lill-kumpannija kollha kemm hi u ma kinux jinkludu l-esportazzjonijiet lejn l-Unjoni, sussegwentement, li l-prodotti kollha li kienet tipproduċi l-kumpannija kienu ugwalment issussidjati u, fl-aħħar nett, li r-rikorrenti ma jallegax li s-sussidji ta’ kumpens kienu suġġetti għall-esportazzjonijiet jew limitati għall-prodott ikkonċernat.

53

Minn dan jirriżulta li l-valur CIF tal-esportazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat ma kienx ikun denominatur adegwat f’dan il-każ, kuntrarjament għal dak li jsostnu r-rikorrenti.

54

Rigward għall-użu tad-dħul mill-bejgħ, ir-rikorrenti jsostnu, fl-ewwel lok, li ma huwiex denominatur adegwat, fid-dawl tal-fatt li dan id-dħul huwa fil-prinċipju inqas mill-valur CIF, peress li ma jinkludix l-ispejjeż kollha ta’ trasport tal-merkanzija u ta’ assigurazzjoni inklużi fil-prezz CIF. Ir-rikorrenti jżidu li d-dħul mill-bejgħ tagħhom għal bejgħ għall-esportazzjoni huwa baxx ħafna [kunfidenzjali] ( 2 ).

55

Fl-ittra tagħha tas-16 ta’ Marzu 2011, il-Kummissjoni spjegat li hija ma użatx id-dħul mill-bejgħ li jikkorrispondi għall-bejgħ għall-esportazzjoni tar-rikorrenti, kif huwa rrapportat fid-dikjarazzjonijiet finanzjarji tagħhom, iżda d-dħul mill-bejgħ totali tar-rikorrenti, inklużi l-aġġustamenti tad-dħul mill-bejgħ għall-esportazzjoni, “sabiex jiġi żgurat li d-dħul mill-bejgħ jirrifletti l-valur totali tal-bejgħ tal-prodott ikkonċernat (u mhux l-ammont tal-ispejjeż tax-xogħol)”.

56

Għaldaqstant, hemm lok li dan l-ilment jiġi miċħud.

57

Ir-rikorrenti jsostnu, fit-tieni lok, li l-metodoloġija segwita mill-Kummissjoni nefħet artifiċjalment il-perċentwali ta’ sussidju, għaliex id-dħul mill-bejgħ reali tar-rikorrenti, [kunfidenzjali] huwa inqas mill-valur CIF tal-prodotti esportati. Skont ir-rikorrenti, dan huwa ksur tal-Artikolu 15(1) tar-Regolament bażiku.

58

Skont l-Artikolu 15(1) tar-Regolament bażiku, l-ammont tad-dazju kumpensatorju ma għandux jeċċedi l-ammont totali tas-sussidju ta’ kumpens u għandu jkun inqas minn dan l-ammont jekk dan id-dazju inqas ikun adegwat biex jitneħħa d-dannu kkawżat lill-industrija tal-Unjoni, li jikkorrispondi għar-regola msejħa tad-“dazju inqas”.

59

Matul l-investigazzjoni, ir-rikorrenti pproponew il-metodoloġija tagħhom stess. Matul il-proċeduri quddiem il-Qorti Ġenerali, huma tennew l-argument tagħhom f’dan ir-rigward.

60

Mill-premessa 369 tar-Regolament ikkontestat jirriżulta li “il-metodoloġija proposta [mir-rikorrenti] titqies li mhijiex rappreżentattiva billi tħallat il-fatturat [id-dħul mill-bejgħ] u l-unitajiet manifatturati biss għall-prodott ikkonċernat filwaqt li ma tagħtix kas l-unitajiet ta’ prodotti oħra manifatturati”.

61

Għandu jiġi kkonstatat li, f’dan il-każ, ir-rikorrenti ma rrispondewx għall-argumenti tal-Kunsill. Fl-ewwel lok, għandu jiġi rrilevat, f’dan ir-rigward, li r-rikorrenti ma jindirizzawx l-argumenti tal-Kunsill li l-metodoloġija tagħhom tħallat id-data li tirrigwarda d-dħul mill-bejgħ u dik li tirrigwarda l-unitajiet. Fit-tieni lok, huma ma jikkontestawx li l-metodoloġija tagħhom tħallat il-prezzijiet ta’ bejgħ reali (bejgħ fuq is-suq intern) u [kunfidenzjali] (bejgħ tal-esportazzjoni) waqt il-kalkolu tal-parti tad-dħul mill-bejgħ li jikkonċerna l-prodott ikkonċernat. Fit-tielet lok, huma ma jindirizzawx l-argument tal-Kunsill li l-metodoloġija proposta kienet tinvolvi, fil-ħames stadju tagħha, li jitqassam l-ammont artifiċjalment imnaqqas tas-sussidju għall-bejgħ tal-esportazzjoni tal-prodott ikkonċernat [kunfidenzjali], iżda fuq il-prezz CIF li din il-kumpannija ffatturat għall-bejgħ lejn l-Unjoni Ewropea. Fir-raba’ lok, huma ma jindirizzawx l-argument li s-sussidji kellhom jitqassmu fuq il-bejgħ kollu, u mhux biss fuq il-bejgħ tal-prodott ikkonċernat, kif huma jsostnu, sabiex jitqassmu b’mod ġust fuq il-bejgħ tagħhom, peress li s-sussidji ma humiex limitati għall-prodott ikkonċernat.

62

Konsegwentement, għandu jiġi kkonstatat li r-rikorrenti naqsu milli jipprovdu elementi suffiċjenti sabiex irendu implawsibbli l-evalwazzjonijiet tal-fatti stabbiliti fir-Regolament ikkontestat dwar id-denominatur. Madankollu, tali prova hija meħtieġa sabiex jiġi stabbilit li istituzzjoni tal-Unjoni wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni ta’ natura li jiġi ġġustifikat l-annullament ta’ att (ara, b’analoġija, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-10 ta’ Marzu 2009, Aker Warnow Werft u Kvaerner vs Il-Kummissjoni, T-68/05, Ġabra p. II-355, punt 42, u l-ġurisprudenza ċċitata).

63

Peress li r-rikorrenti ma wrewx li l-Kunsill wettaq żball fil-kalkolu tal-ammont tas-sussidju ta’ kumpens, l-ilment ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 15(1) tar-Regolament ta’ bażi għandu, konsegwentement, jiġi miċħud.

64

Minn dak kollu li ntqal preċedentement jirriżulta li dawn l-ilmenti ma humiex fondati u li l-ewwel motiv għandu jiġi miċħud kollu kemm hu.

Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 6(d), tal-Artikolu 28 u tal-Artikolu 4 tar-Regolament bażiku

65

Dan il-motiv huwa magħmul minn żewġ partijiet.

66

L-ewwel parti tallega ksur tal-Artikolu 6(d) u tal-Artikolu 28 tar-Regolament bażiku sa fejn il-Kummissjoni użat it-Tajwan bħala punt ta’ referenza sabiex jiġi stabbilit jekk l-attribuzzjoni miċ-Ċina ta’ drittijiet dwar l-użu tal-art kinitx tikkonferixxi vantaġġ lir-rikorrenti.

67

It-tieni parti tallega ksur tal-Artikolu 4 tar-Regolament bażiku sa fejn l-istituzzjonijiet tal-Unjoni kellhom jikkonkludu li ma kien ebda element li jipprova l-ispeċifiċità tal-akkwist mir-rikorrenti ta’ drittijiet dwar l-użu tal-art.

Fuq l-ewwel parti, li tirrigwarda l-użu tat-Tajwan bħala referenza xierqa

68

Mill-premessi 260 sa 262 tar-Regolament ikkontestat jirriżulta li l-Kummissjoni kellha tuża referenza esterna, skont l-Artikolu 6(d)(ii) tar-Regolament bażiku, peress li ma kien ebda suq tal-art li jiffunzjona fiċ-Ċina u lanqas ebda referenza privata disponibbli li fir-rigward tagħha hija setgħet tiddetermina l-kundizzjonijiet normali li jipprevalu fuq is-suq tad-drittijiet dwar l-użu tal-art inkwistjoni.

69

Preliminarjament, għandu jiġi osservat li r-rikorrenti ma għadhomx jikkontestaw, f’dan il-każ, l-użu mill-istituzzjonijiet tal-Unjoni ta’ referenza esterna sabiex jiġi stabbilit jekk l-attribuzzjoni ta’ drittijiet dwar l-użu tal-art kinitx tikkonferixxi vantaġġ lir-rikorrenti. Fl-osservazzjonijiet tagħhom fuq id-dokument ta’ informazzjoni finali tal-Kummissjoni tat-3 ta’ Frar 2011 (iktar ’il quddiem id-“dokument ta’ informazzjoni finali”), il-Gvern Ċiniż u r-rikorrenti kienu għadhom tal-opinjoni li kien jeżisti suq għall-art fiċ-Ċina u li l-prezzijiet tal-art Ċiniżi fid-distrett il-ġdid ta’ Zhenjiang u f’Suzhou (iċ-Ċina) kienu jikkostitwixxu referenza xierqa.

70

Il-domanda li tqum hija jekk il-Kummissjoni, billi tqis it-Tajwan bħala punt ta’ referenza, għamlitx għażla manifestament żbaljata.

71

Għandu jitfakkar li, fil-qasam tal-miżuri ta’ protezzjoni tal-kummerċ, l-istituzzjonijiet Komunitarji jgawdu minn setgħa diskrezzjonali wiesgħa minħabba l-kumplessità tas-sitwazzjonijiet ekonomiċi, politiċi u ġuridiċi li huma jkollhom jeżaminaw (sentenzi tal-Qorti Ġenerali tal-5 ta’ Ġunju 1996, NMB France et vs Il-Kummissjoni, T-162/94, Ġabra p. II-427, punt 72; tad-29 ta’ Jannar 1998, Sinochem vs Il-Kunsill, T-97/95, Ġabra p. II-85, punt 51; u tas-17 ta’ Lulju 1998, Thai Bicycle vs Il-Kunsill, T-118/96, Ġabra p. II-2991, punt 32).

72

L-għażla tal-pajjiżi ta’ referenza taqa’ taħt il-kuntest tas-setgħa diskrezzjonali li għandhom l-istituzzjonijiet meta janalizzaw sitwazzjonijiet ekonomiċi kumplessi.

73

Madankollu l-eżerċizzju ta’ din is-setgħa ma huwiex eskluż mill-istħarriġ ġudizzjarju. Fil-fatt, skont ġurisprudenza stabbilita, fil-kuntest ta’ dan l-istħarriġ, il-qorti tal-Unjoni għandha tivverifika l-osservanza tar-regoli proċedurali, l-eżattezza materjali tal-fatti stabbiliti sabiex issir l-għażla kkontestata, l-assenza ta’ żball manifest fl-evalwazzjoni ta’ dawn il-fatti jew l-assenza ta’ użu ħażin ta’ poter (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-7 ta’ Mejju 1987, NTN Toyo Bearing et vs Il-Kunsill, 240/84, Ġabra p. 1809, punt 19; ara s-sentenza Thai Bicycle vs Il-Kunsill, punt 71 iktar ’il fuq, punt 33, u l-ġurisprudenza ċċitata).

74

Rigward, b’mod partikolari, l-għażla tal-pajjiż ta’ referenza, għandu jiġi vverifikat jekk l-istituzzjonijiet naqsux milli jieħdu inkunsiderazzjoni l-elementi essenzjali bil-għan li tiġi stabbilita l-adegwatezza tal-pajjiż magħżul u jekk il-fatti tal-proċess ġewx eżaminati bid-diliġenza dovuta kollha.

75

F’dan il-każ, ir-rikorrenti jsostnu, fl-ewwel lok, li l-istituzzjonijiet ma użawx l-aħjar punt ta’ referenza li kellhom għad-dispożizzjoni tagħhom, jiġifieri l-prezz tal-artijiet fl-Istat Indjan tal-Maharashtra (l-Indja), iżda l-prezz għax-xiri ta’ art libera u franka fit-Tajwan (ara l-premessi 356 u 357 tar-Regolament ikkontestat), li huwa inadegwat għal dak li jikkonċerna l-prezzijiet ta’ drittijiet dwar l-użu tal-art fil-provinċja ta’ Jiangsu matul il-perijodu 1995-2000, perijodu li matulu l-PDG fil-provinċja ta’ Jiangsu kien l-istess bħal dak tal-Afrika Sub-Saħarjan jew fejn it-Tajwan kien ekonomija miftuħa.

76

Il-Kunsill iqis li l-fatt li t-Tajwan huwa ekonomija tas-suq miftuħa huwa, f’dan il-każ, irrilevanti peress li l-Kummissjoni hija meħtieġa tagħżel referenza li tirrifletti l-kundizzjonijiet normali tas-suq u, kif ir-Regolament ikkontestat enfasizza fil-premessa 356, “huwa normali għal ekonomija mhux tas-suq li tkun f’livell inqas avvanzat minn ekonomija tas-suq stabbilita fejn jidħol il-PDG”.

77

It-tieni nett, ir-rikorrenti jsostnu li l-Kummissjoni ma ggarantitx il-komparabbiltà bejn il-provinċja ta’ Jiangsu u t-Tajwan magħżul bħala punt ta’ referenza peress li, billi bbażat ruħha fuq is-sitwazzjoni attwali, hija qieset li Tajwan u l-provinċja ta’ Jiangsu kienu simili, filwaqt li l-Istat ta’ Maharashtra kien inqas żviluppat. Huma jsostnu f’dan ir-rigward li l-Kummissjoni ma eżaminatx l-argument tar-rikorrenti li jipprovdi li punt ta’ referenza adegwat għall-prezz li r-rikorrenti kellhom iħallsu għad-drittijiet ta’ użu tal-art tagħhom kellu jieħu inkunsiderazzjoni l-kundizzjonijiet tas-suq fil-mument tal-għoti tagħhom u mhux il-kundizzjonijiet attwali tas-suq, b’mod partikolari għal dak li jikkonċerna l-infrastrutturi u d-densità tal-popolazzjoni urbana. Insostenn tal-argument tagħhom, ir-rikorrenti jinvokaw ir-rapport tal-Korp tal-Appell tad-WTO tat-18 ta’ Mejju 2011 fil-każ “Komunitajiet Ewropew u ċerti Stati Membri – Miżuri li jaffettwaw il-kummerċ tal-ajruplani ċivili kbar” (WT/DS316/AB/R) (iktar ’il quddiem il-“Każ CE-Airbus”).

78

Il-Kunsill isostni li l-istituzzjonijiet tal-Unjoni evalwaw iż-żewġ kriterji li fuqhom ibbażaw ruħhom ir-rikorrenti sabiex jipproponu l-użu tal-Istat ta’ Maharashtra bħala referenza esterna, jiġifieri d-densità ta’ popolazzjoni u l-PDG, iżda minn dan kien jirriżulta li l-Istat ta’ Maharashtra ma kien komparabbli mal-provinċja ta’ Jiangsu.

79

Il-Kunsill iqis li d-dikjarazzjoni tar-rikorrenti li l-Kummissjoni ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-kundizzjonijiet tas-suq fil-mument meta s-sussidju ngħata matul l-investigazzjoni hija nieqsa minn kull mertu sa fejn il-Kummissjoni użat Tajwan bħala referenza esterna. Huwa jfakkar, l-ewwel nett, li l-Kummissjoni ma setgħetx tibbaża ruħha fuq id-data finanzjarja biss, sussegwentement, li l-PDG u d-densità tal-popolazzjoni ma jistgħux ikunu l-uniċi fatturi deċiżivi u, fl-aħħar nett, li fatturi oħrajn, bħad-distanza u l-assenza ta’ karatteristiċi komuni bejn l-Indja u ċ-Ċina, ittieħdu inkunsiderazzjoni.

80

Il-premessi rilevanti tar-Regolament ikkontestat li jikkonċernaw it-Tajwan jinqraw kif ġej:

“(356)

[…] Il-Kummissjoni tqis lit-Tajwan [...] bħala punt ta’ riferiment estern minħabba t-totalità tal-informazzjoni fil-fajl, jiġifieri (i) il-livell ta’ żvilupp ekonomiku u l-istruttura ekonomika prevalenti fit-Tajwan u l-provinċji Ċiniżi relevanti fejn huma stabbiliti l-produtturi esportaturi, [li kkooperaw] (ii) il-prossimità fiżika ta’ dawn iż-żewġ provinċji Ċiniżi mat-Tajwan, (iii) il-livell għoli ta’ infrastruttura li għandhom kemm it-Tajwan kif ukoll iż-żewġ provinċji Ċiniżi, (iv) ir-rabtiet ekonomiċi b’saħħithom u l-kummerċ transkonfinali bejn it-Tajwan u [iċ-Ċina], (v) id-densità tal-popolazzjoni simili fil-provinċji Ċiniżi kkonċernati u fit-Tajwan, (vi) is-similarità bejn it-tip ta’ art u t-tranżazzjonijiet użati għall-bini tal-punt ta’ riferiment relevanti fit-Tajwan ma’ dawk [fiċ-Ċina] u (vii) il-karatteristiċi demografiċi, lingwistiċi u kulturali komuni fit-Tajwan u [iċ-Ċina]. Barra minn hekk, il-provinċji ta’ Jiangsu u Shandong jitqiesu li huma provinċji ewlenin tal-manifattura [fiċ-Ċina]. Għalhekk il-PDG per capita tat-Tajwan u taż-żewġ provinċji Ċiniżi mhux identiku, il-PDG taż-żewġ provinċji Ċiniż kiber b’mod rapidu f’dawn l-aħħar snin, jiġifieri qed ilaħħqu mat-Tajwan.

Barra minn hekk, dejta riċenti tissuġġerixxi li kemm [iċ-Ċina] kif ukoll it-Tajwan għandhom rati tat-tkabbir tal-PDG reali simili [...]. Madankollu, huwa importanti li wieħed jinnota li t-tqabbil eżatt bejn il-PDG ta’ ekonomija mhux tas-suq ([iċ-Ċina]) u l-PDG ta’ ekonomija tas-suq stabbilita sew (it-Tajwan) mhuwiex fatt deċiżiv billi huwa normali għal ekonomija mhux tas-suq li tkun f’livell inqas avvanzat minn ekonomija tas-suq stabbilita fejn jidħol il-PDG. Barra minn hemm, ħafna fatturi oħra, eż. ir-regoli tal-ippjanar, il-politika ambjentali, eċċ. jistgħu jaffettwaw il-provvista u d-domanda tal-art industrijali. Il-kwistjoni reali hija xi jkunu ‘il-kundizzjonijiet prevalenti [eżistenti] tas-suq’ fir-rigward tad-drittijiet tal-użu tal-art [fiċ-Ċina] li kieku din kienet ekonomija tas-suq operattiva u, fuq il-bażi tal-evidenza kollha, dawn ikun simili ħafna għal dawk fit-Tajwan.

(357)

Abbażi tat-totalità tal-informazzjoni ta’ hawn fuq, huwa meqjus li l-punt ta’ riferiment magħżul huwa konformi mar-rekwiżiti tal-Korp tal-Appelli f’US – Softwood Lumber IV (Para.103) li kkonkluda li ’il-punt ta’ riferiment magħżul għandu, madankollu, jirrelata jew jirreferi, jew ikun marbut ma’, il-kundizzjonijiet tas-suq prevalenti [eżistenti] f’dak il-pajjiż, u għandhom jirriflettu l-prezz, il-kwalità, id-disponibbiltà, il-kummerċjalità, it-trasport u l-kundizzjonijiet l-oħra tax-xiri jew il-bejgħ, kif rikjest mill-Artikolu 14(d)’. Tabilħaqq, it-totalità tal-kundizzjonijiet fit-Tajwan huma marbuta mal-kundizzjonijiet prevalenti [eżistenti] tas-suq fiż-żewġ provinċji Ċiniżi. L-art hija disponibbli f’żoni b’densità simili, il-prossimità fiżika taż-żoni jiżgura li l-kwalità tal-art hija simili filwaqt li l-fatt li kemm it-Tajwan kif ukoll iż-żewġ provinċji Ċiniżi għandhom l-istess lingwa u kultura, għandhom ekonomiji orjentati lejn l-esportazzjoni u setturi importanti tal-manifattura, jikkonferma li l-prezz, il-kwalità, id-disponibbiltà, il-kummerċjalità, it-trasport u l-kundizzjonijiet l-oħra tax-xiri jew il-bejgħ tal-art huma konnessi mill-qrib.”

81

Għandu jiġi osservat, f’dan ir-rigward, li r-rikorrenti la jikkontestaw ir-rilevanza u lanqas l-eżattezza tal-fatturi addizzjonali meħuda inkunsiderazzjoni mill-istituzzjonijiet, fil-premessa 356 tar-Regolament ikkontestat, sabiex jiġi stabbilit li t-Tajwan kien ir-referenza xierqa.

82

Il-premessa li tikkonċerna l-Indja fir-Regolament ikkontestat tinqara kif ġej:

“(361)

Kif diġà deskritt fil-premessa (359) hawn fuq, ma hemmx suq tal-art operattiv fiċ-Ċina. Għalhekk, ma jistgħux jintużaw il-prezzijiet Ċiniżi tal-lum għad-drittijiet tal-użu tal-art bħala punt ta’ riferiment. Il-produtturi esportaturi bbażaw l-istqarrija tagħhom fuq il-fatt li l-prezzijiet tal-art fil-Maharashtra jistgħu jintużaw bħala punt ta’ riferiment għat-tqabbil tal-Istat Indjan ta’ Maharashtra f’termini tal-PGD per capita u d-densità tal-popolazzjoni fil-waqt tax-xiri tad-drittijiet tal-użu tal-art. Kif spjegat hawn fuq, il-Kummissjoni hija tal-fehma li l-PGD per capita u d-densità tal-popolazzjoni ma jistgħux ikunu l-uniċi fatturi deċiżivi fl-għażla ta’ pajjiż/reġjun għall-applikazzjoni ta’ punt ta’ riferiment estern. Fi kwalunkwe każ, il-metodoloġija proposta mill-produtturi esportaturi li kkooperaw mhijiex konsistenti mad-dikjarazzjonijiet tagħhom. Fil-[perijodu ta’ investigazzjoni], Mumbai, il-kapital ta’ [l-Istat ta’] Maharashtra u l-iktar żona żviluppata tal-istat, kellha dħul per capita ta’ USD 2 675 (Rs1. 28 lakh) li fil-fatt huwa inqas mill-medja nazzjonali Ċiniża ta’ USD 3 529 [...], biex ma nsemmux il-PDG per capita [fil-provinċji] żviluppati ferm ta’ Shandong u Jiangsu (USD 5 255 u USD 6 550 rispettivament). Sa fejn hija kkonċernata d-densità tal-popolazzjoni, din mhix fiha nfisha fattur deċiżiv, iżda, madankollu, id-densità tal-popolazzjoni hija 314/km2 [fl-Istat ta’] Maharashtra, 736/ km2 [fil-provinċja ta’] Jiangsu u 600/km2 [fil-provinċja ta’] Shandong, jiġifieri mhux fl-istess livell. Barra minn hekk, fatturi oħra bħall-assenza ta’ prossimità fiżika u karatteristiċi komuni bejn l-Indja u ċ-Ċina jwasslu għall-konklużjoni li l-punt ta’ riferiment [mill-Istat ta’] Maharashtra ma jirrelatax jew ma jirreferix għall-kundizzjonijiet prevalenti [eżistenti] fiċ-Ċina, u mhuwiex marbut magħhom. Għar-raġunijiet spjegati fil-premessa (357), il-Kummissjoni għadha tal-fehma li l-prezzijiet tal-art fit-Tajwan huma ħafna iktar xierqa bħala punt ta’ riferiment estern.”

83

Mill-premessa preċedenti jirriżulta li l-istituzzjonijiet tal-Unjoni wettqu eżami fil-fond tal-proposta alternattiva għall-għażla tat-Tajwan bħala pajjiż ta’ referenza. Fil-fatt, l-istituzzjonijiet tal-Unjoni eżaminaw il-PDG kif ukoll id-densità tal-popolazzjoni fl-Indja, kif kienet proposta mir-rikorrenti. Barra minn hekk, l-istituzzjonijiet tal-Unjoni esponew, b’mod konvinċenti, ir-raġunijiet għaliex l-Indja ma ntgħażlitx bħala pajjiż ta’ referenza.

84

Madankollu, għandu jitfakkar, f’dan ir-rigward, li r-rikorrenti ppreċiżaw sew li l-Kummissjoni ma kinitx eżaminat l-argument tagħhom li punt ta’ referenza adegwat għall-prezz li r-rikorrenti kellhom iħallsu għad-drittijiet ta’ użu tal-art tagħhom kellu jieħu inkunsiderazzjoni l-kundizzjonijiet tas-suq fil-mument tal-għoti tagħhom u mhux il-kundizzjonijiet attwali tas-suq. Insostenn tal-argument tagħhom, ir-rikorrenti jinvokaw ir-rapport tal-Korp tal-Appell tad-WTO fil-każ CE-Airbus.

85

L-ewwel nett, l-argument tar-rikorrenti li jirrigwarda l-applikazzjoni tas-soluzzjoni adottata fil-każ CE-Airbus għal dan il-każ ma jistax jintlaqa’. Għandu jiġi osservat, kif ġustament għamel il-Kunsill, li din il-kawża ma kinitx tikkonċerna l-għażla tar-referenza esterna xierqa sabiex jiġi stabbilit l-ammont tal-vantaġġ ikkonferit.

86

It-tieni nett, għandu jiġi osservat li r-rikorrenti ma jallegawx li l-fatt li l-Kummissjoni ma eżaminatx l-argument tagħhom ċaħħadhom milli jgħarrfu b’mod effettiv il-perspettiva tagħhom u kiser id-drittijiet tad-difiża tagħhom.

87

It-tielet nett, id-dikjarazzjoni li l-Kummissjoni kellha tieħu inkunsiderazzjoni l-kundizzjonijiet tas-suq fil-pajjiż ta’ referenza fil-mument tal-għoti tad-drittijiet ta’ użu tal-art, f’dan il-każ matul il-perijodu bejn is-sena 1995 sas-sena 2000, u mhux il-kundizzjonijiet attwali, fis-seħħ fil-mument tal-investigazzjoni, ma tistax tintlaqa’.

88

Għandu jiġi kkonstatat li r-rikorrenti jikkontestaw, essenzjalment, l-interpretazzjoni magħmula mill-istituzzjonijiet tal-Unjoni tal-kliem “kundizzjonijiet prevalenti [eżistenti]” li jinsabu fl-Artikolu 6(d) tar-Regolament bażiku.

89

Skont l-Artikolu 6(d) tar-Regolament bażiku:

“[…] Jekk remunerazzjoni hijiex adegwata għandha tkun determinata b’referenza għall-kondizzjonijiet tas-suq prevalenti [eżistenti] għall-prodott jew servizz in kwistjoni fil-pajjiż tal-għotja jew tax-xiri, inkluż il-prezz, il-kwalità, id-disponibiltà, kemm hu kummerċabbli, it-trasport u kundizzjonijiet oħra tax-xiri jew tal-bejgħ.

Jekk ma hemmx termini u kondizzjonijiet tas-suq li jipprevalu għall-prodott jew is-servizz in kwistjoni fil-pajjiż fejn tingħata l-provvista jew isir ix-xiri, li jistgħu jintużaw bħala valuri indikattivi xierqa, għandhom japplikaw ir-regoli li ġejjin:

[…]

ii)

fejn ikun xieraq, għandhom jintużaw it-termini u l-kondizzjonijiet li jeżistu fis-suq ta’ pajjiż ieħor jew fis-suq dinji li huma disponibbli għal min jirċevihom.”

90

Mill-kliem ta’ dan l-artikolu jirriżulta li l-Kummissjoni kienet obbligata tieħu inkunsiderazzjoni l-kundizzjonijiet tas-suq fil-pajjiż ta’ referenza fil-mument tal-għoti tad-drittijiet ta’ użu tal-art minflok il-kundizzjonijiet attwali.

91

Konsegwentement, minn dak kollu li ntqal preċedentement jirriżulta li l-ilment, ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 6(d) tar-Regolament bażiku, għandu jiġi miċħud.

92

Rigward l-allegat ksur tal-Artikolu 28 tar-Regolament bażiku, intitolat “Nuqqas ta’ koperazzjoni”, għandu jiġi kkonstatat li dan l-ilment ma humiex, evidentement, sostanzjat. Fil-punt 45 tar-rikors, ir-rikorrenti jsostnu sempliċement li, “billi għażlet it-Tajwan fl-investigazzjoni bħala l-aħjar punt ta’ referenza eżistenti, il-Kummissjoni ma ggarantitx il-komparabbiltà […][b’hekk] tikser l-Artikolu 28 (użu tal-aħajr data disponibbli)”.

93

Għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 21 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea u skont l-Artikolu 44(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, ir-rikors promotur tal-proċeduri għandu jinkludi u sunt tal-motivi invokati. Din l-informazzjoni għandha tkun ċara u preċiża biżżejjed sabiex tippermetti lill-konvenut jipprepara d-difiża tiegħu u lill-Qorti Ġenerali li tiddeċiedi fuq ir-rikors, skont il-każ, mingħajr ebda informazzjoni oħra sabiex issostniha. Ir-rikors għandu, għalhekk, jispjega fiex jikkonsisti l-motiv li fuqu huwa bbażat ir-rikors, b’mod li s-sempliċi dikjarazzjoni astratta tiegħu ma tissodisfax ir-rekwiżiti tar-Regoli tal-Proċedura (sentenzi tal-Qorti Ġenerali tat-12 ta’ Jannar 1995, Viho vs Il-Kummissjoni, T-102/92, Ġabra p. II-17, punt 68, tal-14 ta’ Mejju 1998 Mo och Domsjö vs Il-Kummissjoni, T-352/94, Ġabra p. II-1989, punt 333, u tat-12 ta’ Ottubru 2011, Association belge des consommateurs test-achats vs Il-Kummissjoni, T-224/10, Ġabra p. II-7177, punt 71). Peress li r-rikorrenti bl-ebda mod ma speċifikaw l-ilment tagħhom ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 28 tar-Regolament bażiku, dan l-ilment għandu jiġi ddikjarat inammissibbli.

94

Sussidjarjament, l-Artikolu 28 tar-Regolament bażiku jawtorizza lill-istituzzjonijiet sabiex jużaw id-data disponibbli, mingħajr madankollu ma ġġigħelhom jużaw l-aħjar data disponibbli.

95

Għaldaqstant, l-ewwel parti tat-tieni motiv għandha tiġi miċħuda.

Fuq it-tieni parti, li tirrigwarda l-allegata assenza ta’ element li jipprova l-ispeċifiċità

96

Ir-rikorrenti jqisu, essenzjalment, li ma jeżisti l-ebda element li jipprova l-ispeċifiċità tal-akkwist minnhom stess ta’ drittijiet li jirrigwardaw l-użu tal-art, b’tali mod li l-istituzzjonijiet wettqu żball manifest ta’ evalwazzjoni tal-fatti f’dan il-każ u kisru l-Artikolu 4 tar-Regolament bażiku meta siltu konklużjoni differenti.

97

Il-premessi tar-Regolament ikkontestat, li jikkonċernaw l-ispeċifiċità tas-sussidju għal dak li jikkonċerna drittijiet ta’ użu tal-art, jinqraw kif ġej:

“(252)

Il-[Gvern Ċiniż] intalab jipprovdi informazzjoni dwar il-kriterji tal-eliġibilità biex jinkiseb is-sussidju u dwar l-użu tas-sussidju, sabiex ikun iddeterminat kemm l-aċċess għal dan is-sussidju huwa limitat għal ċerti intrapriżi u jekk hux speċifiku skont l-Artikolu 4 tar-Regolament bażiku. Il-[Gvern Ċiniż] ma ta ebda tali informazzjoni. Il-Kummissjoni, konxja tar-rekwiżit tal-Artikolu 4(5) tar-Regolament bażiku li kwalunkwe determinazzjoni tal-ispeċifiċità għandha tkun ‘sostanzjata b’mod ċar’ abbażi ta’ evidenza pożittiva, għalhekk il-Kummissjoni kellha tibbaża s-sejbiet tagħha fuq il-fatti disponibbli skont l-Artikolu 28 tar-Regolament bażiku. Ta’ min jinnota li l-Artikolu 28(6) jiddikajara li ‘[j]ekk xi parti interessata ma tikkooperax, jew tikkoopera biss parzjalment, hekk li tiġi miżmuma xi informazzjoni relevanti, ir-riżultat jista’ jkun anqas favorevoli għal dik il-parti milli kieku kienet ikkooperat’. Il-fatti kkunisdrati inkludew dawn li ġejjin:

(253)

L-evidenza tal-ispeċifiċità sottomessa mill-kwerelanti [lanjanti];

(254)

Is-sejbiet [il-konklużjonijiet] (ara l-premessi (77) u (78)) li s-sussidji speċifiċi jgħaddu lill-industrija tal-manifattura tal-karta peremezz ta’ pjan settarju [settorjali speċifiku], jiġifieri, il-Pjan tal-Manifattura tal-Karta. F’dan ir-rigward wieħed ta’ min jinnota li l-Artikoli 7 sa 11 tal-Pjan imsemmi hawn fuq jistabbilixxi regoli speċifiċi dwar il-layout industrijali billi jsemmi x’tip ta’ industriji tal-manifattura tal-karta għandhom ikunu stabbiliti fir-reġjuni ġeografiċi varji tal-pajjiż;

(255)

L-evidenza (ara l-premessa(76)) li l-industrija tal-manifattura tal-karta hija ‘industrija mħeġġa’ (id-Deċiżjoni Nru 40);

(256)

Is-sejbiet (ara l-premessi minn (260) sa(262)) li juru li m’hemm l-ebda suq tal-art li jiffunzjona fiċ-Ċina;

(257)

Is-sejbiet mill-produtturi esportaturi li kkooperaw, kif kien ikkonfermat fl-investigazzjoni paralela dwar l-anti-dumping, li l-art kienet allokata lilhom fid-dawl tal-proġetti tagħhopm tal-manifattura tal-karta […]

(258)

Fid-dawl ta’ dan hawn fuq, u fin-nuqqas ta’ kwalunkwe kooperazzjoni mill-[Gvern Ċiniż] l-evidenza disponibbli tindika li s-sussidji mogħtija lil kumpaniji fl-industrija tal-karta mhumiex ġeneralment disponibbli u għalhekk huma speċifiċi skont l-Artikolu 4(2)(a) tar-Regolament bażiku.

(259)

Għaldaqstant, dan is-sussidju għandu jitqies bħala kumpensabbli.”

98

F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li r-rikorrenti ma jikkontestawx il-konklużjonijiet li jinsabu fil-premessi 252 sa 259 tar-Regolament ikkontestat li wasslu lill-istituzzjonijiet tal-Unjoni sabiex jikkonkludu li d-drittijiet dwar l-użu tal-art attribwiti mill-Gvern Ċiniżi kienu speċifiċi.

99

Ir-rikorrenti josservaw sempliċement li d-drittijiet dwar l-użu tal-art “huma disponibbli fir-[rigward] tal-kumpanniji kollha fiċ-Ċina, mingħajr distinzjoni […] peress li l-bejgħ [ta’ dawn id-drittijiet] ma humiex intiż, mil-liġi jew fil-prattika, li jagħti vantaġġ lil impriża, industrija jew grupp ta’ impriżi jew ta’ industriji” u li huma “jinbiegħu dejjem lill-ogħla offerent jew, meta ma jkunx hemm biżżejjed offerenti jew meta l-offerti jkunu baxxi wisq, il-bejgħ ma jseħħx”.

100

Dawn ir-rimarki ma humiex ta’ natura li jikkontestaw il-konklużjonijiet tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni.

101

Ir-rikorrenti jsostnu li l-provi li huma ppreżentaw lill-Kummissjoni matul l-investigazzjoni wrew li, “fiċ-Ċina teżisti sistema unika u magħquda li tirregola l-bejgħ u x-xiri ta’ drittijiet dwar l-użu tal-art li jkopru t-territorju Ċiniż kollu u li l-bejgħ kollu jsir skont proċeduri nondiskriminatorji ta’ sejħa għal offerti, ta’ bejgħ bl-irkant jew ta’ iskrizzjoni fuq il-listi”.

102

Barra minn hekk, ir-rikorrenti jqisu li pproduċew il-provi kollha dwar ix-xiri u l-bejgħ tad-drittijiet ta’ użu tal-art fiċ-Ċina, jiġifieri l-mekkaniżmi li jirregolaw id-drittijiet ta’ użu tal-art u r-regoli li jirrigwardaw l-istabbiliment tal-valur applikabbli waqt il-bejgħ.

103

Peress li r-rikorrenti jissottomettu biss permezz ta’ annessi, dawn l-argumenti għandhom jiġu ddikjarati inammissibbli skont l-Artikolu 44(1)(c) tar-Regoli tal-Proċedura. Fil-fatt, għandu jitfakkar f’dan ir-rigward li, filwaqt li l-korp tar-rikors jista’ jiġi kkorroborat u ssupplementat, fuq punti speċifiċi, b’riferimenti għal estratti minn dokumenti li jkunu annessi miegħu, riferiment ġenerali għal skritturi oħrajn, anki jekk annessi mar-rikors, ma jistax jagħmel tajjeb għall-assenza ta’ elementi essenzjali argumentattivi tad-dritt li, għandhom jitniżżlu fir-rikors (digriet tal-Qorti Ġenerali tal-21 ta’ Mejju 1999, Asia Motor France et vs Il-Kummissjoni, T-154/98, Ġabra p. II-1703, punt 49).

104

Ir-rikorrenti jsostnu li d-diskussjoni tal-Kunsill fuq l-ispeċifiċità tas-sussidju ma tissodisfax l-istandards fis-seħħ li jirrigwardaw l-eżami u l-motivazzjoni peress li l-Kummissjoni bbażat l-evalwazzjoni tagħha fuq il-motiv li l-Gvern Ċiniż ma pprovdiex informazzjoni dwar il-kriterji ta’ eliġibbiltà sabiex jinkiseb is-sussidju u dwar l-użu tiegħu (ara l-premessa 252 tar-Regolament ikkontestat), mingħajr madankollu ma jiġi identifikat it-tip ta’ informazzjoni li ma pprovdiex il-gvern Ċiniż.

105

Dan l-argument ma jistax jintlaqa’, peress li l-premessa 248 tar-Regolament ikkontestat, li tirriproduċi l-punt 226 tad-dokument ta’ informazzjoni finali, iddeskriviet il-provi li l-Kummissjoni kienet fittxet, bla suċċess, li tikseb miċ-Ċina.

106

Fil-fatt, mill-imsemmija premessa jirriżulta li:

“L-allegazzjoni fl-ilment kienet li l-[Gvern Ċiniż] kien ipprov[d]a drittijiet tal-użu tal-art lill-esportaturi li kkooperaw għal inqas minn remunerazzjoni adegwata. Bi tweġiba ta’ dan, il-[Gvern Ċiniż] ipprovda [t-test ta] l-Liġi dwar l-Amminitrazzjoni tal-Art u d-Dispożizzjonijiet dwar l-Għoti tad-Driit tal-Użu tal-Art Statali għall-Bini permezz ta’ Sejħa għall-Offerti, Irkant u Stima, Nru 39, datati t-28 ta’ Settembru 2007. Il-[Gvern Ċiniż] irrifjuta jagħti kwalunkwe dejta dwar il-prezzijiet tad-drittijiet tal-użu tal-art attwali, il-valuri indikattivi tal-prezzijiet minimi tal-art li jallegaw li jeżistu, il-mod kif jiġu valutati l-valuri indikattivi tal-prezzijiet minimi tal-art kif ukoll il-metodoloġija segwita meta l-Istat jesproprja l-art minn utenti preċedenti.”

107

Il-premessa 252 tar-Regolament ikkontestat għandha valur ta’ konklużjoni fir-rigward tad-dispożizzjonijiet tar-Regolament ikkontestat intitolati “L-għoti tad-drittijiet tal-użu tal-art”, b’tali mod li ma għandhiex, konsegwentement, tinkludi deskrizzjoni tat-tipi ta’ informazzjoni li ma kienx ipprovda l-Gvern Ċiniż.

108

Ir-rikorrenti jsostnu li l-investigazzjoni ma kinitx tista’ tipprova li s-sitwazzjoni fid-distrett il-ġdid ta’ Zhenjiang u fil-Park Industrijali ta’ Suzhou kienet differenti minn dik li kienet teżisti barra dawn iż-żoni għal dak li jikkonċerna l-għoti u l-ispiża ta’ drittijiet ta’ użu tal-art.

109

F’dan ir-rigward, hemm lok li jiġi rrilevat, kif ġustament għamel il-Kunsill, li l-osservazzjonijiet fuq l-ispeċifiċità reġjonali huma irrilevanti peress li l-istituzzjonijiet tal-Unjoni ma kkonkludewx li l-attribuzzjoni ta’ drittijiet ta’ użu tal-arti kienu speċifiċi għal dawn ir-reġjuni.

110

Minn dan kollu li ntqal preċedentement jirriżulta li t-tieni parti ta’ dan il-motiv għandha tiġi miċħuda.

111

Għaldaqstant, it-tieni motiv għandu jiġi miċħud kollu kemm hu.

Fuq it-tielet motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 4 tar-Regolament bażiku

112

Il-Kunsill ikkonstata, fil-premessa 125 tar-Regolament ikkontestat li:

“L-iskema [ta’ eżenzjoni ta’ dividendi mħallsa lill-impriżi residenti] tikkonċerna intrapriżi residenti fiċ-Ċina li huma azzjonisti f’intrapriżi residenti oħra fiċ-Ċina. Tal-ewwel huma intitolati għal eżenzjoni tat-taxxa tad-dħul minn ċerti dividendi mħallsa minn tal-aħħar.”

113

Mill-premessa 127 tar-Regolament ikkontestat jirriżulta li “[d]in l-iskema tipprovdi benefiċċju lill-kumpaniji residenti kollha li huma azzjonisti f’intrapriżi residenti oħra fiċ-Ċina”.

114

Skont il-premessa 129 tar-Regolament ikkontestat:

“Dwar l-istqarrija tat-taxxa tad-dħul tal-produtturi esportaturi li kkooperaw hemm ammont eżentat mit-taxxa tad-dħul. Dan l-ammont jissemma bħala Dividends, bonuses u dħul ta’ investiment ta’ ekwità ieħor tar-residenti u intrapriżi eliġibbli f’konformità mal-kondizzjonijiet fl-Appendiċi 5 tal-formula tat-taxxa tad-dħul (l-Istqarrija Annwali tal-Preferenzi tat-Taxxa). L-ebda taxxa tad-dħul ma tħallset mill-kumpaniji rilevanti fuq dawn l-ammonti.”

115

Il-Kunsill qies, fl-ewwel lok, li din l-iskema kienet speċifika fis-sens tal-Artikolu 4(2)(a) tar-Regolament bażiku, “meta jitqies li l-leġislazzjoni nnifisha, li skontha topera l-awtorità awtorizzanti, illimitat l-aċċess għal din l-iskema lil ċerti [lill-]intrapriżi residenti fiċ-Ċina biss li jirċievu dħul ta’ dividend minn intrapriżi residenti oħra fiċ-Ċina, għall-kuntrarju ta’ dawk l-intrapriżi li jinvestu f’intrapriżi barranin” (ara l-premessa 132 tar-Regolament ikkontestat).

116

Fit-tieni lok, fil-premessa 133 tar-Regolament ikkontestat, il-Kunsill qies li:

“[P]eress li l-iskemi fiskali kollha hawn fuq skont il-Kapitolu 4 tal-Liġi dwar it-Taxxa tad-Dħul tal-Intrapriżi [taċ-Ċina] huma riżervati esklussivament għal industriji u proġetti importanti appoġġati jew imħeġġa mill-Istat kif hemm miktub fl-Artikolu 25, din l-iskema wkoll hija speċifika minħabba li riżervata biss għal ċerti intrapriżi u industriji kklassifikati bħala mħeġġin, bħalma hija l-industrija tal-karta miksija. Tabilħaqq, skont il-fehim tal-Kummissjoni, il-Kunsill tal-Istat fid-Deċiżjoni 40 tiegħu (l-Artikolu 14) u fil-Katalgu ta’ Gwida tar-Ristrutturar Industrijali joffri l-prinċipji u l-klassifikazzjoni biex intrapriża tkun ikkunsidrata bħala mħeġġa. Barra minn hekk, m’hemm l-ebda kriterji oġġettivi li jillimitaw l-eliġibilità u l-ebda evidenza konklussiva li l-eliġibilità hija awtomatika skont l-Artikolu 4(2)(b) tar-Regolament bażiku. Tabilħaqq, minkejja li nġabru xi regoli amministrattivi matul iż-żjara lill-produtturi esportaturi, in-nuqqas ta’ kooperazzjoni mill-awtoritajiet tal-[Gvern Ċiniż] ma jippermettix l-eżami tal-eżistenza ta’ dawn il-kriterji oġġettivi.”

117

F’dan il-każ, ir-rikorrenti jsostnu, fl-ewwel lok, li l-Kunsill wettaq żball manifest ta’ evalwazzjoni billi qies li l-iskema fiskali Ċiniża kienet speċifika sa fejn l-awtorità kompetenti limitat il-benefiċċju tagħha għall-impriżi residenti fiċ-Ċina li jirċievu dividendi minn impriżi oħrajn residenti fiċ-Ċina, kuntrarju għall-impriżi li jinvestu f’impriżi barranin.

118

Għandu jiġi kkonstatat li r-rikorrenti huma tal-opinjoni li l-istituzzjonijiet wettqu żball manifest ta’ evalwazzjoni fil-kuntest tal-applikazzjoni tal-Artikolu 4(2)(a) tar-Regolament bażiku, li jipprovdi li, “meta l-awtorità li tagħtihom, jew il-leġislazzjoni li bis-saħħa tagħha l-awtorità li tagħti tkun taħdem, tillimita espliċitament l-aċċess għal sussidju lil ċerti intrapriżi, dan is-sussidju għandu jkun speċifiku”.

119

F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti jsostnu li s-sistema fiskali tippermetti l-evitar tat-taxxa doppja fiċ-Ċina sa fejn id-dividendi rċevuti minn kumpannija residenti, jekk jitħallsu minn kumpannija residenti suġġetta wkoll għall-ġurisdizzjoni fiskali taċ-Ċina, jistgħu jiġu dedotti mid-dħul taxxabbli. Min-naħa l-oħra, jekk id-dividendi joriġinaw minn investimenti barranin li ma jaqgħux taħt il-ġurisdizzjoni fiskali taċ-Ċina, dawn id-dividendi ma jistgħux jitnaqqsu mid-dħul taxxabbli.

120

Għal raġunijiet ta’ informazzjoni, għandu jitfakkar li l-Kunsill iddikjara, fil-premessa 338 tar-Regolament ikkontestat, li “[f]ir-rigward tal-argument li din l-inċentiva [fiskali li twassal għall-abbun ta’ dħul pubbliku] timmira għall-evitar tat-tassazzjoni doppja, ta’ min jinnota li għalkemm il-Ftehim SCM għaraf li l-Membri tad-WTO mhumiex ipprojbiti milli jieħdu miżuri biex jevitaw it-tassazzjoni doppja (ara l-Ftehim SCM, l-Anness I, in-nota 59), din id-dispożizzjoni hija ‘difiża affermattiva’ u ma ngħatatx evidenza konkreta biex tikkorrobora l-argument li, eż. id-dividendi minn intrapriżi residenti u mhux residenti jiġu ttrattati b’mod differenti minħabba l-obbligi legali li [ċ-Ċina] ħadet taħt ftehimiet bilaterali relevanti ta’ tassazzjoni doppja ma’ pajjiżi terzi”.

121

F’dan il-każ, għandu jiġi osservat, kif ġustament għamel il-Kunsill, li r-rikorrenti ma jipprovdu, fil-kuntest ta’ dan ir-rikors, ebda prova bil-miktub jew kummentarju li jista’ jsostni l-allegazzjoni tagħhom li “s-sistema fiskali [inkwistjoni] timmira għall-evitar tat-taxxa doppja fiċ-Ċina”.

122

Din l-allegazzjoni għandha għaldaqstant tiġi ddikjarata inammissibbli skont l-Artikolu 44(1)(c) tar-Regoli tal-Proċedura.

123

Sussidjarjament, għandu jiġi rrilevat li l-Artikolu 26 tal-Liġi Ċiniża dwar it-Taxxa tad-Dħul (iktar ’il quddiem il-“LĊTD”) li taqa’ taħt il-Kapitolu 4 tal-imsemmija liġi, tirrigwarda t-trattamenti fiskali preferenzjali. Jekk, kif isostnu r-rikorrenti, is-sistema fiskali inkwistjoni timmira effettivament “għall-evitar tat-taxxa doppja”, huwa madankollu kurjuż li jiġi kkonstatat li l-Artikolu 26 tal-LĊTD ma jinstabx f’kapitolu ieħor tal-imsemmija liġi.

124

Ir-rikorrenti jsostnu, fit-tieni lok, li l-Kunsill ma pprovda ebda spjegazzjoni għal dak li jikkonċerna r-raġuni għaliex huwa kkonkluda li l-iskemi kollha li jaqgħu taħt il-Kapitolu 4 tal-LĊTD kienu rriżervati għall-industriji inkoraġġuti. Huma jżidu li l-Artikolu 26 tal-LĊTD bl-ebda mod ma jeskludi industriji mill-eżenzjoni inkwistjoni u li l-Artikolu 25 tal-imsemmija liġi huwa irrilevanti f’dan il-każ.

125

Il-Kunsill, sostnut mill-Kummissjoni, isostni li r-rikorrenti ma jipprovdu ebda spjegazzjoni, fir-rikors tagħhom, li jikkonċerna r-raġuni għaliex l-Artikolu 26 tal-LĊTD ma għandux jinqara fid-dawl tal-Artikolu 25 tal-LĊTD, iżda sempliċement jirreferi għall-ispjegazzjonijiet ipprovduti mill-Kummissjoni matul l-investigazzjoni.

126

F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li r-rikorrenti jqisu, fir-replika tagħhom, li l-istituzzjonijiet wettqu żball ta’ interpretazzjoni tal-Artikoli 25 u 26 tal-LĊTD. Il-fatt li dawn iż-żewġ artikoli jaqgħu t-tnejn li huma taħt l-istess kapitolu, jiġifieri l-Kapitolu 4, intitolat, “Trattament fiskali preferenzjali”, ma jfissirx, fil-fehma tagħhom, li l-limiti applikabbli għall-iskema preferenzjali tat-taxxa fuq il-dħul skont l-Artikolu 25 tal-LĊTD japplikaw ukoll għall-eżenzjoni prevista mill-Artikolu 26 tal-imsemmija liġi. Huma ppreċiżaw, waqt is-seduta, li l-Artikolu 25 tal-LĊTD ma jservix ta’ artikolu-umbrella fil-Kapitolu 4 msemmi iktar ’il fuq u l-Artikoli 25 u 26 tal-LĊTD għandhom, konsegwentement, jinqraw separatament. Kuntrarjament għal dak li jallega l-Kunsill, huma jsostnu li dan ma huwiex argument ġdid, iżda amplifikazzjoni ta’ argument eżistenti.

127

Għandu jiġi kkonstatat li r-rikorrenti sempliċement jirreferu għall-ispjegazzjonijiet ipprovduti lill-Kummissjoni matul l-investigazzjoni u ma jipprovdu ebda prova insostenn tal-argument tagħhom.

128

Fir-replika tagħhom, ir-rikorrenti jsostnu wkoll li, fil-premessa 133, il-qari tal-Artikolu 26 tal-LĊTD magħmul fir-Regolament ikkontestat huwa bbażat biss fuq l-allegazzjoni li l-awtoritajiet Ċiniżi ma kkooperawx (l-aħħar sentenza tal-premessa 133).

129

Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal preċedentement, għandha tiġi eżaminata r-rabta bejn l-Artikoli 25 u 26 tal-LĊTD magħmula mill-istituzzjonijiet tal-Unjoni, sabiex jiġi ddeterminat jekk huma għamlux qari żbaljat tal-Artikolu 26 tal-LĊTD li jsib l-oriġini tiegħu fl-allegata assenza ta’ kooperazzjoni tal-awtoritajiet Ċiniżi.

130

L-Artikolu 25 tal-LĊTD jipprovdi li “[t]axxa preferenzjali fuq id-dħul tingħata lill-industriji u lill-proġetti importanti li l-iżvilupp tagħhom huwa sostnut u nkoraġġut mill-Istat”.

131

L-Artikolu 26 tal-LĊTD jinqara kif ġej:

“Id-dħul is-segwenti huma eżenti mit-taxxa:

[…]

2)

Dividendi, bonuses u dħul ieħor li jirriżultaw minn investiment ta’ishma f’kumpanniji residenti eliġibbli.”

132

Mill-punt 111 tad-dokument ta’ informazzjoni finali, ikkonfermat fil-premessa 133 tar-Regolament ikkontestat, jirriżulta li l-Kummissjoni spjegat l-analiżi tagħha tar-rabta bejn l-Artikoli 25 u 26 tal-LĊTD bil-kliem segwenti:

“Barra minn hekk, peress li l-iskemi fiskali kollha hawn fuq skont il-Kapitolu 4 tal-Liġi dwar it-Taxxa tad-Dħul tal-Intrapriżi [taċ-Ċina] huma riżervati esklussivament għal industriji u proġetti importanti appoġġati jew imħeġġa mill-Istat kif hemm miktub fl-Artikolu 25, din l-iskema wkoll hija speċifika minħabba li riżervata biss għal ċerti intrapriżi u industriji kklassifikati bħala mħeġġin, bħalma hija l-industrija tal-karta miksija. Tabilħaqq, skont il-fehim tal-Kummissjoni, il-Kunsill tal-Istat fid-Deċiżjoni 40 tiegħu (l-Artikolu 4) u fil-Katalgu ta’ Gwida tar-Ristrutturar Industrijali joffri l-prinċipji u l-klassifikazzjoni biex intrapriża tkun ikkunsidrata bħala mħeġġa. Barra minn hekk, [f’dan il-każ] m’hemm l-ebda kriterji oġġettivi li jillimitaw l-eliġibilità u l-ebda evidenza konklussiva li l-eliġibilità hija awtomatika skont l-Artikolu 4(2)(b) tar-Regolament bażiku. Tabilħaqq, minkejja li nġabru xi regoli amministrattivi matul iż-żjara lill-produtturi esportaturi, in-nuqqas ta’ kooperazzjoni mill-awtoritajiet [tal-Gvern Ċiniż] ma jippermettix l-eżami tal-eżistenza ta’ dawn il-kriterji oġġettivi.”

133

Mill-punt 109 tad-dokument ta’ informazzjoni finali, ikkonfermat fil-premessa 131 tar-Regolament ikkontestat, jirriżulta li l-Gvern Ċiniż ma kkomunikax informazzjoni li tikkonċerna l-kriterji oġġettivi ta’ eliġibbiltà:

“Il-[Gvern Ċiniż] intalab jipprovdi informazzjoni dwar il-kriterji tal-eliġibilità biex jinkiseb dan is-sussidju u dwar l-użu tas-sussidju, sabiex ikun iddeterminat kemm dan l-aċċess għal dan is-sussidju huwa limitat għal ċerti intrapriżi u jekk hux speċifiku skont l-Artikolu 4 tar-Regolament bażiku. Il-[Gvern Ċiniż] ma ta ebda tali informazzjoni. Il-Kummissjoni, konxja mir-rekwiżit tal-Artikolu 4(5) tar-Regolament bażiku li kwalunkwe determinazzjoni tal-ispeċifiċità għandha tkun ‘sostanzjata b’mod ċar’ abbażi ta’ evidenza pożittiva, kellha għalhekk tibbaża s-sejbiet tagħha fuq il-fatti disponibbli, skont l-Artikolu 28 tar-Regolament bażiku.”

134

L-osservazzjonijiet tal-Gvern Ċiniż, tat-3 ta’ Marzu 2011, fuq id-dokument ta’ informazzjoni finali ġew ikkonfermati fil-premessa 339 tar-Regolament ikkontestat.

“Ġie argumentat ukoll li l-iskema hija totalment irrelevanti għall-intrapriżi u l-industriji kklassifikati bħala ‘mħeġġa’ iżda b’definizzjoni tapplika għall-kumpaniji residenti kollha. Il-[Gvern Ċiniż] qal ukoll li l-Artikolu 2(2) tal-Ftehim SCM jipprovdi li l-iffissar ta’ rati tat-taxxi ġeneralment applikabbli ma għandux jitqies bħala sussidju speċifiku. Għalhekk, ġie argumentat li l-kriterji tal-eliġibilità għal din l-iskema huma oġġettivi u definiti fid-dettall, li l-eliġibilità hija awtomatika u għalhekk l-iskema ma tistax titqies speċifika f’konformità mad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 2(1)(b) tal-Ftehim SCM u l-Artikolu 4(2)(b) tar-Regolament bażiku.”

135

Fl-assenza ta’ prova pożittiva insostenn tal-affermazzjonijiet tagħhom magħmula fl-osservazzjonijiet tagħhom tat-3 ta’ Marzu 2011, l-istituzzjonijiet tal-Unjoni ddeċidew, fil-premessa 340 tar-Regolament ikkontestat, il-kwistjoni dwar in-natura speċifika tal-iskema ta’ sussidju, kif ġej:

“Dawk it-talbiet ma kinux aċċettati. F’dan ir-rigward, ta’ min ifakkar li d-dispożizzjonijiet legali li jistpulaw din l-iskema jaqgħu taħt il-Kapitolu 4 ‘Trattamenti Fiskali Preferenzjali’ tal-Liġi tat-Taxxa fuq id-Dħul tal-Intrapriżi li jipprevedi inċentivi fiskali speċifiċi għal industriji importanti u proġetti appoġġati jew imħeġġa mill-Istat. Kif spjegat fuq, dawn il-kundizzjonijiet u l-benefiċċji minn dan il-programm huma speċifiċi skont l-Artikolu 4(2)(a) tar-Regolament bażiku. L-investigazzjoni ma sabitx kriterji oġġettivi biex tillimita l-eliġibilità u evidenza konklussiva biex tikkonkludi li l-eliġibilità hija awtomatika. Fir-rigward tal-argument dwar id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 2(2) tal-Ftehim SCM, ta’ min jinnota li l-iskema preżenti ma tirreferix għall-iffissar ta’ rata tat-taxxa applikabbli b’mod ġenerali iżda għall-eżistenza ta’ eżenzjoni minn taxxa ta’ ċertu tip ta’ dħul li jirriżulta minn ċertu tip ta’ kumpaniji.”

136

Għandu jitfakkar li huma r-rikorrenti li kellhom l-obbligu li jipproduċu provi a contrario. Madankollu, mill-osservazzjonijiet tagħhom fuq id-dokument ta’ informazzjoni finali jirriżulta li r-rikorrenti ma kinux f’pożizzjoni li jipproduċu prova li trendi implawsibbli l-evalwazzjonijiet tal-fatti stabbiliti fir-Regolament ikkontestat.

137

Ir-rikorrenti jsostnu, fil-punt 2.3 tal-osservazzjonijiet tagħhom fuq id-dokument ta’ informazzjoni finali, l-elementi li ġejjin:

“Ma teżisti […] ebda ‘prova konkreta u ċerta’ ta’ rabta bejn l-iskema ta’ taxxa inkwistjoni u l-Artikolu 25 li l-assenza ta’ tassazzjoni tad-dividendi ddistribwiti mill-impriżi residenti tingħata esklużivament lill-programmi inkoraġġuti. Bil-kontra, mill-kliem tad-dispożizzjonijiet iċċitati iktar ’il fuq tal-Liġi dwar it-taxxa tad-dħul jirriżulta li l-iskema inkwistjoni hija applikata b’mod ġenerali u mingħajr distinzjoni fiċ-Ċina kollha fuq il-bażi ta’ kriterji oġġettivi, jiġifieri l-oriġini tad-dividendi. Għaldaqstant il-Kummissjoni tiżbalja meta tikklassifika din l-iskema bħala speċifika.”

138

Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal preċedentement, jidher li r-rikorrenti baqgħu ma ppreżentawx elementi suffiċjenti sabiex irendu implawsibbli l-evalwazzjonijiet tal-fatti stabbiliti fir-Regolament ikkontestat dwar ir-rabta bejn l-Artikoli 25 u 26 tal-LTĊP. Għaldaqstant, peress li l-istituzzjonijiet tal-Unjoni ma wettqu ebda żball ta’ evalwazzjoni fil-kuntest tal-applikazzjoni tal-Artikolu 4 tar-Regolament bażiku, dan l-ilment għandu jiġi miċħud.

139

Minn dak kollu li ntqal preċedentement jirriżulta li t-tielet motiv għandu jiġi miċħud kollu kemm hu.

Fuq ir-raba’ motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 7(3) tar-Regolament bażiku

140

Ir-rikorrenti jsostnu li, fid-dawl tal-interpretazzjoni li huma adottaw tal-Artikolu 7(3) tar-Regolament bażiku, l-istituzzjonijiet tal-Unjoni wettqu, essenzjalment, żball manifest ta’ evalwazzjoni meta qiesu li l-perijodu ta’ deprezzament normali fl-industrija kkonċernata kien ta’ 15-il sena, peress li huma ma użawx il-perijodu ta’ deprezzament li jinsab fil-kotba tal-kontijiet tar-rikorrenti u li huma ma kellhom ebda raġuni li jfittxu sorsi oħra sabiex jistabbilixxu l-perijodu ta’ deprezzament billi jirreferu għall-perijodi ta’ deprezzament fis-seħħ fl-industrija tal-Unjoni.

141

F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti rrimarkaw li hija prassi kostanti tal-Kummissjoni li tikkalkola l-perijodu ta’ deprezzament fl-industrija kkonċernata fuq il-bażi tal-perijodu ta’ deprezzament użat mill-esportaturi kkonċernati, iżda mhux billi tirreferi għall-prassi ta’ persuni kkonċernati oħrajn.

142

Għaldaqstant, ir-rikorrenti jsostnu li l-perijodu ta’ deprezzament normali fl-industrija kkonċernata kellu jkun iffissat għal [kunfidenzjali] snin, skont medja aritmetika, u għal [kunfidenzjal] snin, skont medja ponderata. Ir-rikorrenti jikkontestaw il-fatt li medja hija stabbilita bejn il-perijodu ta’ deprezzament fiċ-Ċina u l-perijodu ta’ deprezzament fis-seħħ tal-produtturi tal-Unjoni jew fl-industrija tal-Unjoni.

143

Barra minn hekk, ir-rikorrenti jqisu li, fir-risposta tiegħu, il-Kunsill ta spjegazzjoni differenti minn dik tal-Kummissjoni waqt l-investigazzjoni u li, konsegwentement, kien diffiċli li tiġi ddeterminata r-referenza meħuda inkunsiderazzjoni sabiex jiġi kkalkolat il-perijodu ta’ deprezzament.

144

Il-Kunsill isostni li, sabiex tikkalkola l-perijodu ta’ deprezzament applikabbli għall-industrija tal-karta, il-Kummissjoni użat il-medja aritmetika tal-perijodi ta’ deprezzament irrapportati mill-produtturi li kkooperaw u l-produtturi tal-Unjoni, li rriżulta f’perijodu medju ta’ 15-il sena (ara l-premessa 344 tar-Regolament ikkontestat).

145

Il-Kunsill isostni li r-rikorrenti sempliċement jirriproduċu l-argumenti mressqa matul l-investigazzjoni, li huma ma rrapportawx perijodu ta’ deprezzament ta’ [kunfidenzjali] snin, iżda perijodu li jmur minn [kunfidenzjali] għal [kunfidenzjali] snin u li huma ma wrewx li l-istituzzjonijiet tal-Unjoni segwew prassi kostanti matul perijodi preċedenti, li barra minn hekk, ma toħloqx obbligi legali li jiġu evalwati l-każijiet kollha futuri b’dan il-mod.

146

Għandu jiġi rrilevat li r-rikorrenti jikkontestaw il-bażi tal-kalkolu tal-perijodu ta’ deprezzament, minn naħa, u r-riżultat tal-kalkolu, min-naħa l-oħra.

147

L-ewwel nett, għal dak li jikkonċerna l-bażi tal-kalkolu tal-perijodu ta’ deprezzament, għandu jitfakkar li l-Artikolu 7(3) tar-Regolament bażiku jipprovdi li:

“Meta s-sussidju jkun jista’ jiġi marbut ma’ l-akkwist jew l-akkwist futuri ta’ assi fissi, l-ammont ta’ sussidju ta’ kumpens għandu jkun kalkulat billi s-sussidju jkun mifrux fuq perjodu li jirrifletti d-diprezzament normali ta’ dawn l-assi fl-industrija konċernata.”

148

Minn din id-dispożizzjoni jirriżulta li l-perijodu ta’ deprezzament ta’ oġġetti huwa stabbilit fl-industrija kkonċernata, jiġifieri l-industrija tal-karta fina miksija, li tista’ tiġi rrappreżentata biss mir-rikorrenti.

149

Għaldaqstant kif jirriżulta mill-premessa 344 tar-Regolament ikkontestat:

“Il-perijodu ta’ deprezzament irrappurtat mill-APP jiġi determinat għal skopijiet ta’ kontabilità u skopijiet finanzjarji. Produtturi esportaturi oħra li kkooperaw u l-industrija tal-Unjoni rrappurtaw perijodi ta’ deprezzament differenti. Għalhekk, il-Kummissjoni f’konformità mal-prassi normali tagħha, u mal-Artikolu 7(3) tar-Regolament bażiku, użat il-perijodu ta’ 15-il sena bħala l-ħajja utli tal-makkinarju għall-iskop ta’ dan il-kalkolu, li jitqies bħala l-perijodu ‘normali’ ta’ deprezzament mill-industrija kkonċernata.”

150

F’dan ir-rigward, il-fatt li l-istituzzjonijiet ħadu inkunsiderazzjoni l-industrija tal-Unjoni kif ukoll il-produtturi-esportaturi li kkooperaw ma jistax jiġi kkwalifikat bħala żball manifest ta’ evalwazzjoni tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni.

151

Għandu jitqies li, jekk l-istituzzjonijiet tal-Unjoni kellhom jikkalkolaw il-perijodu ta’ deprezzament normali fuq il-bażi biss tal-informazzjoni ta’ kontabbiltà jew finanzjarja tar-rikorrenti, ir-riżultat ikun li dan il-perijodu jkun għoli meta mqabbel mar-realtà, li jirriżulta fi tnaqqis tal-ammont tas-sussidju.

152

Fir-rigward tal-prassi deċiżjonali tal-Kummissjoni, invokata mir-rikorrenti insostenn tal-argument tagħhom, għandu jiġi rrilevat li din ma sservix bħala qafas ġuridiku sabiex jiġi ddeterminat il-perijodu ta’ deprezzament normali, peress li l-Kummissjoni għandha setgħa diskrezzjonali wiesgħa fil-qasam ta’ miżuri ta’ protezzjoni tal-kummerċ, u meta teżerċitah ma hijiex marbuta bl-evalwazzjonijiet tagħha preċedenti.

153

Madankollu, għandu jiġi enfasizzat li l-Kummissjoni hija marbuta li tosserva l-prinċipji ġenerali tad-dritt, li fosthom jinsab il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament li jimplika li hija ma tistax tittratta sitwazzjonijiet simili b’mod differenti jew sitwazzjonijiet differenti b’mod identiku, sakemm dan it-trattament ma jkunx oġġettivament iġġustifikat (ara, b’analoġija, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-28 ta’ Ġunju 1990, Hoche, C-174/89, Ġabra p. I-2681, punt 25, u l-ġurisprudenza ċċitata).

154

Mill-eżami tal-eżempji pprovduti mir-rikorrenti jirriżulta li l-Kummissjoni setgħet ikkalkolat il-perijodu ta’ deprezzament normali b’modi differenti. Fil-kawża li tat lok għar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1599/1999, tat-12 ta’ Lulju 1999, li jimponi dazju kumpensatorju definittiv u l-ġbir definittiv tad-dazju provviżorju impost fuq wajers tal-istainless steel b’dijametru ta’ 1 mm jew aktar li joriġinaw fl-Indja u jtemm il-proċedura li tikkonċerna l-importazzjonijiet ta’ wajers ta’ l-istainless steel b’dijametru ta’ 1 mm jew iktar li joriġinaw fir-Repubblika tal-Korea (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 11, Vol. 32, p. 31), il-Kummissjoni kkalkolat il-perijodu ta’ deprezzament normali fuq il-bażi tal-produtturi-esportaturi Indjani kollha li kkooperaw (premessa 25). Fil-kawża li tat lok għad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni Nru 842/2002/KEFA, tal-21 ta’ Mejju 2002, li temenda d-Deċiżjoni Nru 284/2000/KEEA li timponi dazju kumpensatorju definittiv fuq l-importazzjonijiet ta’ ċerti prodotti rromblati ċatti, tal-ħadid jew tal-azzar mhux illigat, b’wisa’ ta’ 600 mm jew iktar, mhux miksijin, indurati jew miksija, f’koljaturi, sempliċement irrumblati bis-sħana, li joriġinaw, fost oħrajn, mill-Indja u li tirrigwarda l-aċċettazzjoni ta’ impenn (ĠU L 134, p. 18), il-Kummissjoni kkalkolat il-perijodu ta’ deprezzament normali fuq il-bażi tal-industrija tal-prodott ikkonċernat (premessa 23). Fl-aħħar nett, fil-kawża li tat lok għar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 713/2005, tal-10 ta’ Mejju 2005, li jimponi dazju kumpensatorju definittiv fuq l-importazzjonijiet ta’ ċerti antibijotiċi li gћandhom użu wiesa’ li joriġinaw mill-Indja (ĠU L 352M, 31.12.2008, p. 133), il-perijodu ta’ deprezzament normali ġie kkalkolat fuq il-bażi tas-settur tal-antibijotiċi (premessa 105).

155

Fid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 90/266/KEE, tat-13 ta’ Ġunju 1990, li taċċetta impenn mogħti mill-Gvern Tajlandiż b’konnessjoni mal-proċedura kontra s-sussidji li tikkonċerna l-importazzjonijiet ta’ ball bearings li l-ikbar dijametru estern tagħhom ma jeċċedix it-30 mm, li joriġinaw mit-Tajlandja (ĠU L 152, p. 59), invokata mill-Kunsill bħala eżempju, il-Kummissjoni ċaħdet il-perijodu ta’ deprezzament indikat mill-esportaturi Tajlandiżi u ppreferiet tibbaża ruħha fuq il-perijodu ta’ deprezzament irrapportat mill-produtturi tal-Unjoni (premessa 43).

156

Minn dak kollu li ntqal preċedentement jirriżulta li, fir-realtà, il-prassi tal-Kummissjoni tikkonsisti li tikkalkola l-perijodu ta’ deprezzament normali tal-oġġetti skont diversi referenzi u mhux biss abbażi ta’ elementi prodotti mir-rikorrenti. F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-istituzzjonijiet tal-Unjoni ma wettqux żball manifest ta’ evalwazzjoni meta ħadu inkunsiderazzjoni l-industrija tal-Unjoni.

157

It-tieni nett, għal dak li jikkonċerna r-riżultat tal-kalkolu tal-perijodu ta’ deprezzament tal-oġġetti inkwistjoni, mill-premessa 344 tar-Regolament ikkontestat jirriżulta li l-perijodu ta’ deprezzament normali ġie ffissat għal 15-il sena.

158

Issa, għandu jiġi kkonstatat li r-rikorrenti ma jipprovdu ebda spjegazzjoni insostenn tal-argument tagħhom li l-Kummissjoni wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni fil-kalkolu tal-perijodu ta’ deprezzament tal-oġġetti inkwistjoni.

159

Fil-fatt, ir-rikorrenti sempliċement jallegaw li l-istituzzjonijiet tal-Unjoni wettqu żball manifest ta’ evalwazzjoni peress li huma ffissaw il-perijodu ta’ deprezzament normali għal 15-il sena.

160

Fi kwalunkwe każ, għandu jitqies li qabel kollox dan l-argument jibbaża fuq premessa żbaljata peress li l-Kummissjoni ħadet inkunsiderazzjoni l-produtturi-esportaturi l-oħrajn li kkooperaw kif ukoll l-industrija tal-Unjoni fil-kalkolu tal-perijodu ta’ deprezzament tal-oġġetti inkwistjoni, jiġifieri l-magni u t-tagħmir.

161

Sussegwentement, għandu jitfakkar li l-Kummissjoni għandha marġni ta’ evalwazzjoni fir-rigward tad-determinazzjoni tal-metodu ta’ kalkolu sabiex jiġi ffissat il-perijodu ta’ deprezzament normali għal 15-il sena, li jikkorrispondi f’dan il-każ għall-medja aritmetika.

162

Għandu jiġi ppreċiżat li l-medja aritmetika hija kkalkolata abbażi tan-numru ta’ unitajiet immultiplikat bil-perijodu ta’ deprezzament, u t-total huwa diviż bin-numru totali ta’ unitajiet.

163

Kif irrileva l-Kunsill, għall-magni tagħhom u għat-tagħmir tagħhom, ir-rikorrenti ddikjaraw perijodu ta’ deprezzamant ta’ [kunfidenzjali] u ta’ [kunfidenzjali] snin għal GHS u ta’ [kunfidenzjali] snin għal GE rispettivament.

164

B’paragun, produttur-esportatur ieħor li kkoopera mal-investigazzjoni ddikjara perijodu ta’ deprezzament ta’ 10 snin u ta’ 20 sena.

165

Il-Kunsill ġustament irrileva li l-industrija tal-Unjoni ddikjarat perijodi ta’ deprezzament ta’ 10 snin sa 20 sena għal dak li jikkonċerna l-magni.

166

Għaldaqstant, minn dak li ntqal preċedentement jirriżulta li l-Kummissjoni ma wettqitx żball manifest ta’ evalwazzjoni meta ffissat il-perijodu ta’ deprezzament normali għal 15-il sena, jiġifieri perijodu ogħla mill-medja aritmetika.

167

Fl-aħħar nett, l-argument tar-rikorrenti li l-perijodu medju ta’ deprezzament normali għandu jiġi ffissat għal [kunfidenzjali] snin skont medja aritmetika, u għal [kunfidenzjali] snin, skont medja ponderata huwa żbaljat.

168

Fil-fatt, il-perijodu ta’ deprezzament ma jistax jilħaq [kunfidenzjali] jew [kunfidenzjali] snin peress li, minn naħa, l-istituzzjonijiet tal-Unjoni ħadu inkunsiderazzjoni l-industrija tal-Unjoni li, abbażi ta’ informazzjoni pprovduta matul l-investigazzjoni, iddikjarat perijodi ta’ deprezzament normali ta’ 10 snin sa 20 sena, u min-naħa l-oħra, is-somma ta’ perijodi ta’ deprezzament ta’ magni u ta’ tagħmir prodotti mir-rikorrenti hija inqas mill-perijodu li huma jipprovaw isostnu, li dan tal-aħħar huwa kkalkolat fuq il-bażi ta’ medja aritmetika jew ta’ medja ponderata.

169

Konsegwentement, l-istituzzjonijiet ma wettqux żball manifest ta’ evalwazzjoni meta qiesu li l-perijodu ta’ deprezzament normali kellu jiġi ffissat għal 15-il sena.

170

Għaldaqstant, ir-raba’ motiv għandu jiġi miċħud fit-totalità tiegħu.

Fuq il-ħames motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 6(b) tar-Regolament bażiku

171

Ir-rikorrenti jsostnu li l-istituzzjonijiet tal-Unjoni kisru l-Artikolu 6(b) tar-Regolament bażiku u wettqu żball manifest ta’ evalwazzjoni meta qiesu li r-rikorrenti kienu jibbenefikaw minn self preferenzjali, peress li huma kellhom iqabblu r-rati ta’ interessi imposti mill-banek miżmuma mill-Istat ma’ dawk li r-rikorrenti kienu jiksbu fuq is-suq. F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti jqisu li l-istituzzjonijiet tal-Unjoni ma eżaminaw jekk huma jibbenefikawx minn kwalunkwe garanzija jew minn sostenn mill-Istat b’kundizzjonijiet iktar favorevoli minn dawk tas-suq.

172

Ir-rikorrenti jsostnu li l-istituzzjonijiet tal-Unjoni kienu arbitrarjament applikaw fir-rigward tagħhom in-nota BB, billi użaw l-indiċi tal-aġenzija ta’ klassifikazzjoni finanzjarja Bloomberg, minflok in-nota A1 li kienet attribwita lilhom mill-aġenzija Moody’s. F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti jqisu li l-fatt li huma jibbenefikaw minn solvenza eċċellenti jippermettilhom li jiksbu finanzjamenti b’rati attraenti mingħand banek Ċiniżi.

173

Il-Kunsill isostni li l-parti l-kbira tal-banek Ċiniżi l-kbar huma miżmuma mill-Istat u ma jistgħux jiddeterminaw liberament ir-rati ta’ interess li huma jimponu. Għal dawn ir-raġunijiet, huma ma jwettqux analiżi tar-riskju sistematiku u r-rati ta’ interessi, li l-esportaturi setgħu jiksbu fuq is-suq Ċiniż, ma jistgħux jikkostitwixxu rati ta’ referenza validi sabiex jiġi kkalkolat l-ammont ta’ sussidji mogħti lill-produtturi-esportaturi permezz ta’ dan is-self preferenzjali.

174

Il-Kunsill josserva li l-istituzzjonijiet tal-Unjoni qiesu raġonevoli li jikkostruwixxu rata ta’ referenza xierqa billi japplikaw ir-rati Ċiniżi aġġustati, iżda huma ma użawx dan il-metodu minħabba l-assenza ta’ komunikazzjoni ta’ informazzjoni dwar il-politika ta’ self tal-banek Ċiniżi u l-mod kif is-self kien attribwit lill-produtturi-esportaturi.

175

Il-Kunsill isostni li l-istituzzjonijiet tal-Unjoni applikaw l-indiċi tal-aġenzija Bloomberg billi ħadu inkunsiderazzjoni r-rata ta’ interessi li setgħet tingħata lir-rikorrenti fl-assenza ta’ trattament preferenzjali, filwaqt li l-aġenzija Moody’s stabbilixxiet il-klassifikazzjoni tagħha billi ħadet inkunsiderazzjoni s-sostenn tal-politika tal-awtoritajiet pubbliċi.

176

Preliminarjament hemm lok li jitfakkar li l-Artikolu 6(b) tar-Regolament bażiku jipprovdi:

“F’dak li jirrigwarda l-kalkolu ta’ benefiċċji lill-benefiċjarju, ir-regoli li ġejjin għandhom japplikaw:

[…]

b)

self minn gvern m’għandux jitqies li jagħti xi benefiċċju, sakemm ma jkunx hemm differenza bejn l-ammont li d-ditta li tkun tirċievi s-self tħallas fuq is-self tal-gvern u l-ammont li dik id-ditta jkollha tħallas għal self kummerċjali komparabbli li d-ditta setgħet effettivament tikseb fis-suq. F’dak il-każ, il-benefiċċju għandu jkun id-differenza bejn dawn iż-żewg ammonti.”

177

L-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 28(1) tar-Regolament bażiku jipprovdi:

“Fil-każijiet fejn parti interessata tiċħad l-aċċess għal, jew b’mod ieħor ma tipprovdix l-informazzjoni meħtieġa fil-limiti ta’ żmien stabbiliti skont id-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament, jew tostakola b’mod sinifikanti l-investigazzjoni, is-sejbiet provviżorji jew finali, fil-pożittiv jew fin-negattiv, jistgħu jittieħdu fuq il-bażi tal-fatti disponibbli.”

178

F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li l-Gvern Ċiniż ipprovda informazzjoni limitata fuq l-azzjonisti u l-proprjetà tal-banek fiċ-Ċina, għalkemm is-suq finanzjarju Ċiniż huwa kkaratterizzat mill-intervent tas-setgħat pubbliċi inkwantu l-parti l-kbira tal-banek il-kbar huma miżmuma mill-Istat (ara l-premessa 84 tar-Regolament ikkontestat).

179

Fil-fatt, il-Gvern Ċiniż sempliċement rrefera għar-rapporti annwali tal-banek Ċiniżi, li ma humiex iddettaljati b’mod suffiċjenti għall-investigazzjoni tal-Kummissjoni.

180

Għandu jitfakkar li, f’dan ir-rigward, li wara t-talba tal-Kummissjoni, il-Gvern Ċiniż ma pprovda ebda informazzjoni fuq l-istruttura tal-istħarriġ eżerċitat mis-setgħat pubbliċi fil-banek Ċiniżi (banek strateġiċi jew banek oħrajn) u d-difiża ta’ strateġiji jew ta’ interessi tas-setgħat pubbliċi għal dak li jikkonċerna l-industrija tal-karta (ara l-ewwel u t-tielet subparagrafi tal-premessa 85 tar-Regolament ikkontestat).

181

Għandu jiġi kkonstatat ukoll li, wara t-talba tal-Kummissjoni, il-Gvern Ċiniż ma pprovda ebda spjegazzjoni u lanqas ġustifikazzjoni fuq is-self mogħti mill-banek kummerċjali, irrispettivament jekk jirrigwardax self preferenzjali jew self ieħor speċifiku (ara t-tieni subparagrafu tal-premessa 87 tar-Regolament ikkontestat).

182

Għandu jiġi nnotat li l-Gvern Ċiniż ma kkomunika ebda data fuq is-sistema bankarja Ċiniża (ara l-premessa 88 tar-Regolament ikkontestat).

183

Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li l-Gvern Ċiniż u l-produtturi-esportaturi li kkooperaw ma pprovdew ebda data dwar il-politika ta’ self tal-banek Ċiniżi u lanqas dwar kif is-self kien attribwit lill-produtturi-esportaturi (ara l-premessa 99 tar-Regolament ikkontestat).

184

Għandu jiġi kkonstatat li r-rikorrenti ma jikkontestawx dak li ntqal preċedentement.

185

Ir-rikorrenti lanqas jikkontestaw il-fatt li l-banek Ċiniżi ma jistgħux jiffissaw liberament ir-rati ta’ interessi u ma jwettqux analiżi tar-riskju sistematika tas-suq finanzjarju tagħhom.

186

Fil-fatt, huma sempliċement isostnu li l-istituzzjonijiet kienu wettqu żball manifest ta’ evalwazzjoni peress li huma ma pparagunawx ir-rati imposti mill-banek miżmuma mill-Istat ma’ dawk li r-rikorrenti kienu jiksbu fuq is-suq.

187

Minn dak li ntqal preċedentement jirriżulta li, waqt l-investigazzjoni, il-Kummissjoni bbażat l-evalwazzjoni tagħha abbażi tad-data disponibbli, jiġifieri r-rapporti annwali tal-banek Ċiniżi, studju tal-2006 fuq is-settur bankarju fiċ-Ċina mwettaq mid-Deutsche Bank u xi informazzjoni mibgħuta mill-Gvern Ċiniż, mill-banek Ċiniżi jew mill-produtturi-esportaturi li kkooperaw.

188

Għalhekk, għandu jiġi kkonstatat li l-istituzzjonijiet tal-Unjoni ma wettqux żball manifest ta’ evalwazzjoni għal dak li jikkonċerna l-eżistenza ta’ vantaġġ fuq is-self mogħti mill-banek Ċiniżi, peress li l-imsemmija banek huma kkontrollati mis-setgħat pubbliċi u jeżerċitaw prerogattivi ta’ awtorità pubblika (ara l-premessa 85 tar-Regolament ikkontestat) u li l-Gvern Ċiniż jirregola l-varjabbiltà tar-rati ta’ interessi permezz ta’ regoli speċifiċi (ara l-premessa 87 tar-Regolament ikkontestat).

189

Skont il-premessa 89 tar-Regolament ikkontestat:

“[I]l-Kummissjoni tikkonkludi li, is-suq finanzjarju fiċ-Ċina huwa mbagħbas [distort] mill-interventi tal-gvern u r-rati tal-interessi li jitolbu l-banek li mhux statali u istituzzjonijiet finanzjarji oħra aktarx ikunu allinjati mar-rati tal-gvern. Għalhekk, ir-rati ta’ interess mitluba mill-banek mhux tal-gvern u istituzzjonijiet oħra ma jistgħux jitqiesu bħala valuri indikattivi kummerċjali xierqa fid-determinazzjoni dwar jekk is-self tal-gvern jagħtix benefiċċju jew le.”

190

Barra minn hekk, għandu jiġi kkonstatat li r-rikorrenti ma jipproduċu ebda prova jew argument u sempliċement jallegaw il-fatt li s-self mogħti mill-banek Ċiniżi ma jikkostitwixxix vantaġġ.

191

Għandu jitqies li, abbażi tad-database disponibbli, il-Kummissjoni ma wettqitx żball manifest ta’ evalwazzjoni inkwantu hija rreferiet għan-nota BB tal-aġenzija Bloomberg, li tikkorrispondi għall-obbligi ta’ natura spekulattiva.

192

Fil-fatt, mill-premessa 324 tar-Regolament ikkontestat jirriżulta li “l-informazzjoni [fir-rapporti ta’ klassifikazzjoni ta’ kreditu ppreżentati mill-grupp APP] tikkonferma s-sejbiet tal-Kummissjoni li l-istat finanzjarju kurrenti tal-esportatur ġie stabbilit fis-suq imbagħbas [distort] u għalhekk il-kapaċità li jidħlu fid-dejn [A 1 tal-aġenzija Moody’s] tal-esportaturi Ċiniżi ma setgħetx jittieħed b’mod superfiċali. [ma setax jiġi aċċettat.]”

193

Għandu jiġi kkonstatat li, insostenn tal-motiv tagħhom, ir-rikorrenti ma jipprovawx juru li, fl-assenza ta’ suq distort, huma jikkonservaw is-sitwazzjoni finanzjarja tagħhom.

194

Għaldaqstant, il-ħames motiv għandu jiġi miċħud.

Fuq is-sitt motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 14(2) tar-Regolament bażiku

195

Fil-kuntest tas-sitt motiv, ir-rikorrenti jsostnu, essenzjalment, li l-impożizzjoni ta’ miżuri kumpensatorji ma kinitx neċessarja peress li s-sussidji kienu diġà ġew paċuti permezz taċ-ċaħda tat-talba tagħhom intiża li tibbenefika mill-istatus ta’ kumpannija li topera fil-kundizzjonijiet ta’ ekonomija tas-suq fil-kuntest ta’ regolament li jimponi dazju antidumping definittiv. Konsegwentement, l-investigazzjoni għandha tingħalaq skont l-Artikolu 14(2) tar-Regolament bażiku.

196

F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti jsostnu, minn naħa, li, jekk ebda dazju kumpensatorju ma kien ġie impost kontrihom, il-livell tad-dazju globali kien jibqa’ l-istess, limitat għal-livell tal-marġni ta’ dannu, u, min-naħa l-oħra, li, skont l-Artikolu 15(1) tar-Regolament bażiku, dwar ir-regola msejħa tad-dazju inqas, l-ammont tad-dazju ta’ 20 % impost skont ir-regolament li jistabbilixxi dazju antidumping definittiv għandu jibqa’ l-istess, irrispettivament jekk id-dazji kumpensatorji kinux imposti jew le. Għalhekk, il-Kummissjoni kellha l-obbligu li tippreżenta proposta ta’ għeluq tal-investigazzjoni kontra s-sussidji lill-Kunsill.

197

Il-Kunsill isostni li l-Artikolu 14(2) tar-Regolament bażiku ma jġiegħelx lill-istituzzjonijiet sabiex jagħżlu bejn il-miżuri antidumping u kontra s-sussidji u ma jistabbilixxi ebda regola rigward il-modalitajiet li jipprovdu li dawn iż-żewġ tipi ta’ miżuri jistgħu jiġu abbinati b’mod xieraq, peress li dawn il-miżuri ma jeċċedux l-ammont totali tad-dumping u ta’ sussidji stabbiliti jew il-marġni ta’ dannu skont l-Artikolu 15(1) tar-Regolament bażiku.

198

F’dan ir-rigward, il-Kunsill isostni li r-rikorrenti jirrikonoxxu li ma hemmx riskju li l-investigazzjonijiet paralleli antidumping u kontra s-sussidji jkollhom effett negattiv fuqhom.

199

L-ewwel nett, rigward l-allegata inammissibbiltà ta’ dan il-motiv, imqajjem mill-Kunsill, għandu jiġi rrilevat li r-rikorrenti ppreċiżaw, kemm fis-suġġett tar-rikors kif ukoll fit-talbiet għal annullament tagħhom, li huma sempliċement jikkontestaw il-legalità tad-dazju definittiv kontra s-sussidji impost sa fejn jikkonċernahom.

200

F’dawn iċ-ċirkustanzi, dan ir-rikors għal annullament għandu jiġi interpretat fis-sens li jkopri biss l-annullament parzjali tar-Regolament ikkontestat, sa fejn jimponi dazju definittiv kontra s-sussidji fuq ir-rikorrenti.

201

Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal preċedentement, għandu jiġi eżaminat is-sitt motiv.

202

Skont il-premessa 6 tar-Regolament ikkontestat:

“L-analiżi tad-dannu mwettqa f’din l-investigazzjoni kontra s-sussidji u l-oħra parallela tal-antidumping huma identiċi, billi d-definizzjoni tal-industrija tal-Unjoni, il-produtturi rappreżentattivi tal-Unjoni u l-perijodu tal-investigazzjoni huma l-istess fiż-żewġ investigazzjonijiet. Għal din ir-raġuni, il-kummenti fuq aspetti ta’ dannu mressqa fi kwalunkwe wieħed miż-żewġ proċedimenti ġew ikkunsidrati fiż-żewġ proċedimenti.”

203

F’dan ir-rigward, għandu jiġi ppreċiżat li ż-żewġ investigazzjonijiet jikkonċernaw l-istess prodott, jiġifieri l-karta fina miksija li toriġina miċ-Ċina.

204

Fil-kuntest tar-Regolament ikkontestat, il-Kunsill impona miżuri kontra s-sussidji (premessa 490 tar-Regolament ikkontestat), li għalihom huwa ħa inkunsiderazzjoni marġni ta’ sussidju stabbiliti u l-ammont tad-dazju meħtieġ sabiex jitneħħa d-dannu mġarrab (premessa 491 tar-Regolament ikkontestat), sabiex jiġu koperti l-ispejjeż ta’ produzzjoni tal-industrija tal-Unjoni u sabiex jinkiseb profitt qabel it-taxxa li l-industrija tal-Unjoni tista’ raġonevolment tikseb f’kundizzjonijiet normali ta’ kompetizzjoni (premessa 492 tar-Regolament ikkontestat).

205

Għal dan il-għan, il-Kunsill qies li l-profitt immirat mil-lanjanti kellu jirrifletti l-bżonnijiet tal-investiment inizjali għoli neċessarju kif ukoll ir-riskji involuti f’din l-industrija b’kapital intensiv u li marġni ta’ qligħ li jikkorrispondi għal 8 % jista’ jitqies li huwa l-minimu li l-industrija tal-Unjoni setgħet tikseb fl-assenza ta’ sussidji li jikkawża dannu (premessa 494 tar-Regolament ikkontestat) u li fuq din il-bażi, prezz li ma jikkawżax dannu għall-prodott simili ġie kkalkolat għall-produtturi tal-Unjoni. Dan il-prezz inkiseb billi ġie miżjud il-marġni ta’ qligħ ta’ 8 % mal-ispiża ta’ produzzjoni (premessa 495 tar-Regolament ikkontestat).

206

Għalhekk, il-Kunsill qies li dazju kumpensatorju definittiv għandu jiġi impost fuq l-importazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat fil-livell tal-marġni l-iżjed baxx (sussidju jew dannu), skont il-regola tad-dazju inqas. F’dan il-każ, ir-rata ta’ dan id-dazju kumpensatorju kellha għaldaqstant tiġi ffissata fil-livell ta’ marġni ta’ sussidju kkonstatat, jiġifieri 12 %, skont l-Artikolu 15(1) tar-Regolament bażiku (premessa 498 tar-Regolament ikkontestat).

207

Il-Kunsill qies ukoll li, fir-rigward ta’ skemi oħra ta’ sussidji, fid-dawl tal-użu tar-regola tad-dazju inqas applikata f’dan il-każ u tal-ammont ta’ sussidju kkonstatat fl-investigazzjoni parallela, ma tqisx neċessarju li jiġi eżaminat iktar jekk, u sa liema punt, l-istess sussidji humiex qed jiġu paċuti darbtejn meta jiġu imposti dazji antidumping u dazji kumpensatorji simultanjament fuq l-istess prodott importat (premessa 500 tar-Regolament ikkontestat).

208

Fil-kuntest tar-Regolament li jimponi dazju antidumping definittiv, il-Kunsill qies li l-ispiża tal-investiment ittieħdet inkunsiderazzjoni b’mod partikolari u qies li l-profitt indikattiv stabbilit fuq din il-bażi tal-aħħar jirrifletti l-bżonnijiet tal-investiment inizjali għoli u r-riskji involuti f’din l-industrija b’kapital intensiv fl-assenza tal-importazzjonijiet li huma s-suġġett ta’ dumping jew ta’ sussidji. Għalhekk, profitt indikattiv ta’ 8 % tqies li huwa l-livell li l-industrija tista’ tikseb fl-assenza tal-importazzjonijiet li huma suġġett ta’ dumping (premessa 158 tar-Regolament ikkontestat).

209

Il-Kunsill iddeċieda li dazju definittiv għandu jiġi impost fuq l-importazzjonijiet fil-livell tal-inqas marġni l-iktar baxx ikkonstatat skont ir-regola tad-dazju inqas, u l-livell tad-dannu għandu jiġi ffissat f’dan il-każ fil-livell tad-dannu kkonstatat (premessa 160 tar-Regolament li jimponi dazju antidumping definittiv).

210

Il-Kunsill fakkar li, skont l-Artikolu 9(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1225/2009, tat-30 ta’ Novembru 2009, dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea (ĠU L 343, p. 51, rettifika ĠU 2010, L 7, p. 22, iktar ’il quddiem ir-“Regolament antidumping bażiku”), kien ġie deċiż neċessarju li jiġi ddeterminat jekk u sa liema punt l-ammonti ta’ sussidji u l-marġni ta’ dumping kinux jirriżultaw mill-istess sitwazzjoni (premessa 161 tar-Regolament li jimponi dazju antidumping definittiv).

211

Il-Kunsill qies li l-livell ta’ eliminazzjoni tad-dannu kien inqas mill-marġni ta’ dumping definittivi, iżda ogħla mill-marġni ta’ sussidji definittivi. Għaldaqstant il-Kunsill qabel li jiġi impost dazju kumpensatorju definittiv li jikkorrispondi għal-livell tal-marġni ta’ sussidji definittivi, u sussegwentement dazju antidumping definittiv sal-livell xieraq ta’ eliminazzjoni tad-dannu (premessa 164 tar-Regolament li jimponi dazju antidumping definittiv).

212

Mistoqsi waqt is-seduta għaliex l-istituzzjonijiet tal-Unjoni kienu għażlu li jikkonċentraw qabel kollox fuq is-sussidju u sussegwentement fuq id-dumping, il-Kunsill ippreċiża li s-sussidji setgħu jkunu fattur ta’ dumping; min-naħa l-oħra d-dumping ma jwassalx għas-sussidju.

213

Il-Kunsill qies li, skont l-Artikolu 14(1) tar-Regolament antidumping bażiku, id-dazju antidumping mhux se jiġi impost sal-punt meħtieġ sabiex jikkonforma mar-regola tad-dazju inqas (premessa 165 tar-Regolament li jimponi dazju antidumping definittiv).

214

L-Artikolu 1(2) tar-Regolament li jimponi dazju antidumping definittiv jipprovdi li r-rata ta’ dan id-dazju tilħaq l-20 %.

215

L-Artikolu 1(3) tar-Regolament li jimponi dazju antidumping definittiv jipprovdi li d-dazju antidumping ma huwiex ser jinġabar fil-livell ta’ 12 % għar-rikorrenti, sa fejn l-ammont korrispondenti jinġabar skont ir-Regolament ikkontestat.

216

L-Artikolu 1(4) tar-Regolament li jimponi dazju antidumping definittiv jipprovdi li r-rata tad-dazju antidumping li għandha tiġi imposta hija 8 %.

217

Fl-ewwel lok, minn dak kollu li ntqal preċedentement jirriżulta li l-Artikolu 14(2) tar-Regolament bażiku ma jeħtieġx lill-istituzzjonijiet li jagħżlu bejn il-miżuri antidumping u l-miżuri kontra s-sussidji u ma jistabbilixxi ebda regola rigward il-modalitajiet li jipprovdu li dawn iż-żewġ tipi ta’ miżuri jistgħu jiġi abbinati b’mod xieraq, kif ġustament isostni l-Kunsill, sostnut mill-Kummissjoni. Madankollu, il-miżuri ma għandhomx jeċċedu l-ammont totali tad-dumping u tas-sussidji stabbiliti jew il-marġni ta’ dannu, skont l-Artikolu 15(1) tar-Regolament bażiku jew tal-Artikolu 9(4) tar-Regolament antidumping bażiku. Barra minn hekk, ma hijiex il-Kummissjoni li għandha tipproponi lill-Kunsill li l-investigazzjoni tingħalaq minħabba li l-impożizzjoni ta’ dazji kumpensatorji kienet indifferenti peress li l-marġni ta’ dannu kien jibqa’ l-istess.

218

Fit-tieni lok, peress li l-marġni totali ta’ sussidju stabbilit għar-rikorrenti kien ta’ 12 %, għal marġni totali ta’ dumping ta’ 43.5 %, u li d-dazji kumpensatorji (12 %) u d-dazji antidumping (8 %) definittivi huma limitati għal-livell tal-marġni ta’ dannu komuni, jiġifieri 20 %, għandu jiġi kkonstatat li l-miżuri imposti ma jeċċedux il-livell ta’ sussidji, tad-dumping jew tad-dannu stabbilit wara l-investigazzjonijiet.

219

Fit-tielet lok, peress li d-differenza bejn il-marġni ta’ dumping u ta’ sussidju (31.5 %) kienet ogħla mill-ammont tad-dazji antidumping (8 %), il-kwistjoni ta’ sovrappożizzjoni bejn id-dazji kumpensatorji u d-dazji antidumping ma tqumx iktar, kuntrarjament għal dak li jallegaw ir-rikorrenti.

220

Għaldaqstant, is-sitt motiv għandu jiġi miċħud bħala infondat.

Fuq is-seba ’ motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 8(1) tar-Regolament bażiku

221

Is-seba’ motiv huwa maqsum f’żewġ partijiet.

222

L-ewwel parti hija bbażata fuq ksur tal-Artikolu 3(2) tar-Regolament antidumping bażiku u tal-Artikolu 8(1) tar-Regolament bażiku sa fejn il-Kummissjoni eskludiet mill-evalwazzjoni tad-dannu wieħed mill-ħames produtturi tal-Unjoni li kienu kkooperaw mal-investigazzjoni, u dan mingħajr ma pprovdiet ebda ġustifikazzjoni.

223

It-tieni parti hija bbażata fuq ksur tal-Artikolu 3(2) tar-Regolament antidumping bażiku tal-Artikolu 8(1) tar-Regolament bażiku sa fejn il-Kummissjoni invokat id-data mibgħuta minn erba’ produtturi rappreżentattivi, u mhux id-data li tikkonċerna l-industrija tal-Unjoni kollha kemm hi, meta hija evalwat dak li għandhom jissejħu l-indikaturi mikroekonomiċi.

224

Preliminarjament, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 8(2) tar-Regolament bażiku, “[i]d-determinazzjoni tal-eżistenza ta’ dannu għandha tkun ibbażata fuq provi pożittivi u għandha tinkludi eżami oġġettiv[, minn naħa,] tal-volum tal-importazzjonijiet li jkunu s-suġġett ta’ dumping jew ta’ sussidji u tal-effett ta’ dawn l-importazzjonijiet fuq il-prezzijiet ta’ prodotti simili fis-suq tal-Komunità u [, min-naħa l-oħra,] tal-impatt ta’ dawn l-importazzjonijiet fuq l-industrija Komunitarja”.

225

Għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, fil-qasam tal-politika kummerċjali komuni u, b’mod partikolari, fil-qasam tal-miżuri ta’ protezzjoni tal-kummerċ, l-istituzzjonijiet tal-Unjoni jgawdu minn setgħa diskrezzjonali wiesgħa minħabba l-kumplessità tas-sitwazzjonijiet ekonomiċi, politiċi u ġuridiċi li huma għandhom jeżaminaw [ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-4 ta’ Ottubru 1983, Fediol vs Il-Kummissjoni, 191/82, Ġabra p. 2913, punt 26; tas-27 ta’ Settembru 2007, Ikea Wholesale, C-351/04, Ġabra p. I-7723, punt 40; tat-3 ta’ Settembru 2009, Moser Baer India vs Il-Kunsill, C-535/06 P, Ġabra p. I-7051, punt 85; u tal-Qorti Ġenerali tat-18 ta’ Settembru 2012, Since Hardware (Guangzhou) vs Il-Kunsill, T‑156/11, punt 134].

226

Skont ġurisprudenza stabbilita, id-determinazzjoni tad-dannu tinvolvi l-evalwazzjoni ta’ kwistjonijiet ekonomiċi kumplessi. F’dan l-eżerċizzju, l-istituzzjonijiet igawdu minn setgħa diskrezzjonali wiesgħa [sentenza tal-Qorti Ġustizzja tas-7 ta’ Mejju 1991, Nakajima vs Il-Kunsill, C-68/89, Ġabra p. I-2069, punt 86; sentenzi tal-Qorti Ġenerali tat-28 ta’ Settembru 1995, Ferchimex vs Il-Kunsill, T-164/94, Ġabra p. II-2681, punt 131; tal-14 ta’ Marzu 2007, Aluminium Silicon Mill Products vs Il-Kunsill, T-107/04, Ġabra p. II-669, punt 43; u Since Hardware (Guangzhou) vs Il-Kunsill, punt 225 iktar ’il fuq, punt 135).

227

Għaldaqstant, il-qorti tal-Unjoni għandha tillimita l-istħarriġ tagħha għall-verifika tal-osservanza tar-regoli proċedurali, tal-eżattezza materjali tal-fatti kkunsidrati sabiex issir l-għażla kkontestata, tal-assenza ta’ żball manifest fl-evalwazzjoni ta’ dawn il‑fatti u tal-assenza ta’ użu ħażin ta’ poter (sentenzi tal-Qorti Ġenerali Ferchimex vs Il-Kunsill, punt 226 iktar ’il fuq, punt 67; tat-28 ta’ Ottubru 1999, EFMA vs Il-Kunsill, T-210/95, Ġabra p. II-3291, punt 57; Aluminium Silicon Mill Products vs Il-Kunsill, punt 26 iktar ’il fuq, punt 43; u Since Hardware (Guangzhou) vs Il-Kunsill, punt 225 iktar ’il fuq, punt 136).

228

Barra minn hekk, huma r-rikorrenti li għandhom jippreżentaw il-provi li jippermettu lill-Qorti Ġenerali tikkonstata li l-Kunsill wettaq żball manifest ta’ evalwazzjoni fl-eżami tad-dannu (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti Ġenerali, tat-28 ta’ Ottubru 2004, Shanghai Teraoka Electronic vs Il-Kunsill, T-35/01, Ġabra p. II-3663, punt 119, u tal-4 ta’ Ottubru 2006, Moser Baer India vs Il-Kunsill, T-300/03, Ġabra p. II-3911, punt 140, u l-ġurisprudenza ċċitata; sentenza Since Hardware (Guangzhou) vs Il-Kunsill, punt 225 iktar ’il fuq, punt 137).

Fuq l-ewwel parti, li tirrigwarda l-allegata assenza ta’ ġustifikazzjoni għall-esklużjoni ta’ produttur Finlandiż għall-finijiet tal-evalwazzjoni tad-dannu

229

Fl-ewwel lok, ir-rikorrenti jsostnu li, għalkemm hija ma ħaditx kampjun, il-Kummissjoni rrestrinġiet l-analiżi ta’ diversi indikaturi ta’ dannu kkatalogati bħala mikroekonomiċi, fis-sens li l-erba’ lanjanti biss kienu ġew ikkontrollati u tqiesu li huma rappreżentattivi tal-industrija tal-Unjoni. F’dan is-sens, il-Kummissjoni ma ġġustifikatx l-esklużjoni ta’ produttur Finlandiż.

230

Ir-rikorrenti jsostnu li, billi ma ħaditx inkunsiderazzjoni fl-evalwazzjoni tad-dannu wieħed mill-produtturi tal-Unjoni li għandu tendenzi pożittivi u billi qieset rappreżentattivi biss l-erba’ produtturi lanjanti, il-Kummissjoni ma wettqitx “eżami objettiv” tal-fatti li kienu ġew ippreżentati lilha fis-sens deskritt mill-Korp tal-Appell tad-WTO.

231

Il-Kunsill isostni li l-Kummissjoni ma injoratx il-kooperazzjoni tal-produtturi Finlandiżi inkwistjoni peress li, għal dak li jikkonċerna l-analiżi tal-indikaturi ta’ dannu mikroekonomiċi, dan il-produttur qatt ma kkomunika d-data neċessarja, u li, għal dak li jikkonċerna l-analiżi tal-indikaturi ta’ dannu makroekonomiċi, id-data li tikkonċerna l-imsemmi produttur kienet koperta mill-informazzjoni kkomunikata minn Cepifine.

232

Il-Kunsill isostni li l-produzzjoni tal-produttur Finlandiż inkwistjoni kienet tirrappreżenta l-iktar 1.4 % tal-produzzjoni tal-industrija tal-Unjoni u li ċ-ċifri kkomunikati, għalkemm kienu jindikaw ċerta tendenza pożittiva, ma setgħux jikkontradixxu l-analiżi tad-dannu fir-rigward tal-produtturi tal-Unjoni kollha.

233

Il-Kunsill iqajjem il-fatt li kampjun seta’ jittieħed biss jekk l-impriżi li kienu għażlu li jikkooperaw huma tant numerużi li ma jkunx possibbli li titwettaq investigazzjoni fuq kull waħda fosthom. Fi kwalunkwe każ, l-impriżi li kkooperaw kienu rappreżentanti tal-industrija tal-Unjoni.

234

Fid-dawl ta’ dak li ntqal preċedentement, għandu jiġi ddeterminat jekk, kif isostnu r-rikorrenti, il-Kummissjoni effettivament wettqitx eżami tal-evalwazzjoni tad-dannu billi bbażat ruħha fuq provi oġġettivi, inkwantu hija eskludiet produttur Finlandiż mill-industrija tal-Unjoni li għandu data pożittiva.

235

F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti jipproduċu ittra, mibgħuta fit-18 ta’ Marzu 2010, li fiha l-Kummissjoni talbet lill-produttur Finlandiż inkwistjoni jippreżenta l-osservazzjonijiet tiegħu u li għaliha dan tal-aħħar irrisponda permezz ta’ ittra tat-30 ta’ April 2010 li minnha jirriżulta li huwa ma ġarrabx dannu. F’dan is-sens, ir-rikorrenti sostnew, waqt l-investigazzjoni, li l-Kummissjoni ma setgħetx tinjora l-kooperazzjoni ta’ dan il-produttur mingħajr motiv raġonevoli.

236

Għandu jiġi rrilevat li, fil-kuntest tal-kawżi kontra sussidji, il-Kunsill u l-Kummissjoni jiddependu fuq il-kooperazzjoni volontarja tal-partijiet sabiex jipprovdulhom l-informazzjoni neċessarja fit-termini stabbiliti (ara, b’analoġija, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali EFMA vs Il-Kunsill, punt 227 iktar ’il fuq, punt 71).

237

Kif jirrilevaw ir-rikorrenti, fil-premessa 13 tar-Regolament ikkontestat jissemma li “[i]r-risposti għall-kwestjonarji u sottomissjonijiet oħrajn waslu minn żewġ gruppi ta’ produtturi esportaturi Ċiniżi, CEPIFINE, l-erba’ produtturi tal-Unjoni kwerelanti [lanjanti] u produttur tal-Unjoni addizzjonali, 13-il importatur u negozjant mhux relatati, ħames (5) utenti u assoċjazzjoni tal-industrija tal-istampar”.

238

Mill-premessa 53 tar-Regolament ikkontestat jirriżulta li erba’ produtturi tal-Unjoni biss ippreżentaw ruħhom fit-termini stabbiliti fl-avviż ta’ ftuħ.

239

Mill-premessa 389 tar-Regolament ikkontestat jirriżulta li “[f]il-preżent l-investigazzjoni tal-industrija tal-Unjoni kienet diefnita [iddefinita] fuq il-livell tal-produtturi tal-Unjoni li jikkostittwixxu l-produzzjoni totali tal-Unjoni [...], irripesttivament jekk il-produtturi jsostnux l-ilment jew ikkooperawx fl-investigazzjoni jew le”.

240

Mill-premessa 372 tar-Regolament ikkontestat jirriżulta li, “[matul il-perijodu ta’ investigazzjoni] il-prodott simili kien manifatturat minn 14-il produttur magħrufa u xi oħrajn żgħar ħafna fl-Unjoni” u li “d-dejta provduta mis-CEPIFINE hija stmata li tkopri 98 % tal-produzzjoni tal-produtturi tal-Unjoni”.

241

Fid-dawl ta’ dak li ntqal preċedentement, is-sitwazzjoni tal-produttur Finlandiż inkwistjoni ttieħdet inkunsiderazzjoni għal dak li jikkonċerna l-indikaturi makroekonomiċi peress li d-data mibgħuta minn Cepifine kienet tirrappreżenta 98 % tal-produzzjoni tal-produtturi-esportaturi tal-Unjoni.

242

Madankollu, għal dak li jikkonċerna l-indikaturi mikroekonomiċi, li jistgħu jiġu evalwati biss meta d-data tintbagħat mill-impriżi individwali, għandu jiġi kkonstatat li l-produttur Finlandiż inkwistjoni ma rrispondiex fit-termini stabbiliti permezz tal-avviż ta’ ftuħ.

243

Għaldaqstant, il-fatt li l-produttur Finlandiż ma rrispondiex ma jistax jikkostitwixxi ommissjoni fil-kuntest ta’ eżami konkret ibbażat fuq provi oġġettivi tal-evalwazzjoni tad-dannu.

244

Għaldaqstant, dan l-ilment għandu jiġi miċħud.

245

Fit-tieni lok, ir-rikorrenti jsostnu li l-istituzzjonijiet ma ssodisfawx ir-rekwiżiti ta’ motivazzjoni fir-rigward tal-Artikolu 296 TFUE u tal-Artikolu 41 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea.

246

Il-Kunsill qies li, għal dak li jikkonċerna n-nuqqas ta’ motivazzjoni tar-Regolament ikkontestat, ir-rikorrenti ma jipproduċu ebda element probatorju.

247

Fid-dawl tal-eżami mwettaq fil-kuntest tal-ewwel ilment tal-ewwel parti, għandu jiġi konkluż li lanqas id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 296 TFUE kif ukoll tal-Artikolu 41 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali ma nkisru.

248

Għaldaqstant, dan l-ilment għandu jiġi miċħud.

249

Konsegwentement, l-ewwel parti tal-ewwel motiv għandha tiġi miċħuda.

Fuq it-tieni parti, li tirrigwarda l-modalitajiet tal-allegata evalwazzjoni tal-indikaturi ta’ dannu mikroekonomiċi bbażata fuq erba’ produtturi rappreżentattivi tal-Unjoni

250

Fl-ewwel lok, ir-rikorrenti jsostnu li l-Kunsill iddefinixxa l-industrija tal-Unjoni bħala li hija kkostitwita minn erbatax-il membru ta’ Cepifine għalkemm, fil-kuntest tal-investigazzjoni tagħha, l-analiżi tal-Kummissjoni ġiet ristretta għall-evalwazzjoni tas-sitwazzjoni tal-erba’ produtturi rappreżentattivi għal dak li jikkonċerna ċerti indikaturi ta’ dannu.

251

Ir-rikorrenti jsostnu li ċerti indikaturi ta’ dannu, jiġifieri l-indikaturi mikroekonomiċi, jikkonċernaw numru limitat ta’ produtturi, jiġifieri l-erba’ lanjanti u l-produttur Finlandiż inkwistjoni, li huma l-uniċi li rrispondew għall-kwestjonarju.

252

Skont ir-rikorrenti, din il-metodoloġija ħolqot immaġni distorta tad-dannu inkwantu la tirrispondi għas-sitwazzjoni ta’ sottogrupp ta’ produtturi, u lanqas għal dik tal-erbatax-il membru ta’ Cepifine. Fil-fatt, il-Kummissjoni ma setgħetx twettaq evalwazzjoni tad-dannu mġarrab mill-industrija tal-Unjoni għal dak li jikkonċerna ċerti indikaturi, minn naħa, u tillimita ruħha għal evalwazzjoni tad-dannu mġarrab minn parti rappreżentattiva biss tal-produtturi għal dak li jikkonċerna indikaturi oħrajn, min-naħa l-oħra.

253

Ir-rikorrenti jqisu li l-kriterji użati mill-Kummissjoni sabiex tikklassifika l-indikaturi ta’ dannu fil-kategoriji makroekonomiċi u mikroekonomiċi ma humiex loġiċi. Barra minn hekk, huma jsostnu li r-Regolament ikkontestat ma jipprovdi ebda raġuni u lanqas ebda spjegazzjoni f’dan ir-rigward.

254

Il-Kunsill isostni li l-industrija tal-Unjoni ġiet iddefinita bħala l-produtturi tal-Unjoni kollha li jirrappreżentaw il-produzzjoni totali tal-Unjoni, li minnha jifformaw parti l-erbatax-il membru ta’ Cepifine.

255

Il-Kunsill isostni li l-Artikolu 8(1) tar-Regolament bażiku ma jipprojbixxix li jiġu analizzati indikaturi ta’ dannu differenti fir-rigward ta’ sotto-gruppi tal-produtturi Unjoni differenti.

256

Il-Kunsill iqis li l-analiżi tissodisfa l-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 8(1) tar-Regolament bażiku, kemm għal dak li jikkonċerna l-indikaturi ta’ dannu mikroekonomiċi kif ukoll għal dak li jikkonċerna l-indikaturi ta’ dannu makroekonomiċi.

257

Il-Kunsill iqis li d-distinzjoni stabbilita bejn il-kriterji ta’ dannu makroekonomiċi u mikroekonomiċi hija loġika u tibbaża fuq kunsiderazzjonijiet prattiċi, b’mod partikolari d-disponibbiltà tad-data.

258

Għandu jiġi rrilevat li, fil-kuntest ta’ dan il-motiv, ir-rikorrenti ma jikkontestawx ir-rilevanza tal-fatturi u tal-indizji ekonomiċi li ġew ikkunsidrati mill-istituzzjonijiet waqt l-investigazzjoni tad-dannu mġarrab mill-industrija tal-Unjoni u lanqas l-analiżi li saret mill-Kummissjoni, kif tirriżulta mill-premessi 389 u 390 tar-Regolament ikkontestat.

259

Għandu jitfakkar li r-rikorrent jikkontestaw il-klassifikazzjoni tal-indikaturi u l-metodoloġija użata mill-Kummissjoni.

260

L-Artikolu 8(4) tar-Regolament bażiku jipprovdi li:

“L-eżami tal-impatt tal-importazzjonijiet sussidjati fuq l-industrija tal-Komunità kkonċernata għandha tinkludi evalwazzjoni tal-fatturi ekonomiċi relevanti kollha u l-indiċi [indizji rilevanti] li għandhom effett fuq l-istat tal-industrija, inkluż: il-fatt li industrija tkun għadha fil-proċess ta’ rkupru mill-effetti ta’ sussidji jew dumping tal-passat, il-kobor tal-ammont ta’ sussidji ta’ kumpens; tnaqqis attwali u potenzjali fil-bejgħ, qliegħ, produzzjoni, sehem mis-suq, produttività, dħul fuq l-investimenti, utilizzar tal-kapaċità; fatturi li jeffettwaw il-prezzijiet tal-Komunità; effetti negattivi attwali jew potenzjali fuq il-likwidità, inventarji, impjiegi, salarji, tkabbir, il-kapaċità li jitkabbar il-kapital jew l-investimenti u, fil-każ tal-agrikoltura, jekk kienx hemm piż akbar fuq il-programmi governattivi ta’ appoġġ. Din il-lista m’hijiex eżawrjenti, l-anqas ma jista’ xi wieħed minn dawn il-fatturi neċessarjament ikun ta’ gwida deċiżiva.”

261

Għal dak li jikkonċerna l-fatturi makroekonomiċi, mill-premessa 389 tar-Regolament ikkontestat jirriżulta li “hija prattika tal-Kummissjoni li tevalwa l-fatturi makroekonomiċi għall-indikazzjoni tal-ħsara m[ġ]arrba fuq il-livell tal-industrija tal-Unjoni bħala ħaġa sħiħa [...], l-industrija tal-Unjoni kienet [iddefinita] fuq il-livell tal-produtturi tal-Unjoni li jikkostittwixxu l-produzzjoni totali tal-Unjoni, [...] irripesttivament jekk il-produtturi jsostnux l-ilment jew ikkooperawx fl-investigazzjoni jew le”.

262

F’dan ir-rigward, mill-premessa 385 tar-Regolament ikkontestat jirriżulta li “[l]-elementi makroekonomiċi (produzzjoni, kapaċità, utilizzazzjoni tal-kapaċità, volum tal-bejgħ, sehem fis-suq, tkabbir u d-daqs tal-marġnijiet tas-sussidju kumpensabbli) ġew ivvaluati fil-livell tal-produzzjoni kollha tal-Unjoni, abbażi tat-tagħrif ipprovdut mis-CEPIFINE”.

263

Għal dak li jikkonċerna l-fatturi mikroekonomiċi, mill-premessa 390 tar-Regolament ikkontestat jirriżulta li dawn il-fatturi “huma analizzati fuq il-livell tal-produtturi rappreżentattivi tal-Unjoni irrispettivament jekk jappoġġawx l-ilment jew le”.

264

F’dan ir-rigward, mill-premessa 386 tar-Regolament ikkontestat jirriżulta li “[l]-analiżi tal-elementi makroekonomiċi twettqet fil-livell tal-produtturi tal-Unjoni (il-prezzijiet medji tal-unità, l-impjieg, il-pagi, il-produttività, il-ħażniet, il-profitt, il-fluss ta’ flus, l-investimenti, ir-redditu fuq l-investimenti, il-kapaċità li jiżdied il-kapital) abbażi tat-tagħrif tagħhom, ivverifikat kif xieraq”.

265

Għandu jitfakkar li, fil-kuntest tal-kawżi kontra sussidju, il-Kunsill u l-Kummissjoni jiddependu fuq il-kooperazzjoni volontarja tal-partijiet sabiex jipprovdulhom informazzjoni neċessarja fit-termini stabbiliti (ara l-punt 236 iktar ’il fuq).

266

Minn dak li ntqal preċedentement jirriżulta li, skont l-Artikolu 8(4) tar-Regolament bażiku, il-Kummissjoni wettqet analiżi tal-kriterji differenti fir-rigward tal-industrija tal-Unjoni, għal dak li jikkonċerna l-indikaturi makroekonomiċi, u fir-rigward tal-impriżi individwali, għal dak li jikkonċerna l-indikaturi mikroekonomiċi.

267

Fil-fatt, l-indikaturi makroekonomiċi ġew evalwati abbażi ta’ informazzjoni mibgħuta minn Cepifine, li tkopri 98 % tal-produzzjoni tal-produtturi tal-Unjoni.

268

Barra minn hekk, l-indikaturi mikroekonomiċi, li jibbażaw fuq id-disponibbiltà ta’ informazzjoni mibgħuta mill-impriżi individwali, ġew evalwati fuq il-bażi tat-trażmissjoni ta’ data mwettqa mill-erba’ produtturi lanjanti rappreżentattivi, bl-esklużjoni tal-produttur Finlandiż inkwistjoni li ppreżentax ruħu fit-termini stabbiliti.

269

Fil-kuntest tas-setgħa diskrezzjonali tagħhom, ebda obbligu li jirriżulta mir-Regolament bażiku ma jimponi, fuq l-istituzzjonijiet tal-Unjoni, klassifikazzjoni tal-kriterji makroekonomiċi u mikroekonomiċi jew projbizzjoni li jikkostitwixxu sottogruppi ta’ produtturi, peress li l-Kummissjoni twettaq eżami oġġettiv ibbażat fuq provi li huma stess oġġettivi, kif twettaq f’dan il-każ.

270

Għaldaqstant, għandu jiġi kkonstatat li r-rikorrenti ma jipproduċu, insostenn tal-ilment tagħhom, ebda element li juri li l-klassifikazzjoni tal-indikaturi ta’ dannu u l-metodoloġija tal-Kummissjoni ma ppermettewx li jitwettaq eżami konkret ibbażat fuq provi oġġettivi.

271

Għaldaqstant, l-ilment għandu jiġi miċħud.

272

Fit-tieni lok, ir-rikorrenti jsostnu li l-Kummissjoni kellha tieħu kampjun.

273

Mill-premessa 28 tar-Regolament bażiku jirriżulta li “[h]uwa essenzjali li ssir dispożizzjoni għat-teħid ta’ kampjuni fil-każijiet fejn in-numru ta’ partijiet jew transazzjonijiet ikun kbir sabiex jippermetti li l-investigazzjonijiet jitlestew fil-limiti ta’ żmien stabbiliti”.

274

Madankollu, kif irrileva l-Kunsill, il-Kummissjoni ma kinitx obbligata f’dan il-każ li tuża l-metodu ta’ teħid ta’ kampjun (ara l-punt 233 iktar ’il fuq).

275

Fil-fatt, skont il-marġni ta’ diskrezzjoni tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni, kif inhu rrikonoxxut mill-ġurisprudenza, il-Kummissjoni ma wettqitx żball manifest ta’ evalwazzjoni peress li erba’ produtturi rappreżentattivi biss ikkontribwixxew għall-investigazzjoni.

276

Għaldaqstant, l-ilment għandu jiġi miċħud.

277

Fit-tielet lok, għandu jiġi kkonstatat li r-rikorrenti sempliċement jinvokaw il-fatt li r-regolament ikkontestat huwa vvizzjat minn nuqqas ta’ motivazzjoni mingħajr madankollu ma jipprovdu kwalunkwe element ta’ natura li jikkaratterizza allegat ksur tal-Artikolu 296 TFUE.

278

Għaldaqstant, l-ilment għandu jiġi miċħud.

279

Għaldaqstant, it-tieni parti għandha tiġi miċħuda.

280

Konsegwentement, is-sitt motiv għandu jiġi miċħud kollu kemm hu.

Fuq it-tmien motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 2(d) u tal-Artikolu 15 tar-Regolament bażiku

281

Fl-ewwel lok, ir-rikorrenti jfakkru lill-Qorti Ġenerali li “huwa biss tard ħafna waqt il-proċedura [li huma] saru jafu bil-metodoloġija li l-Kummissjoni kienet segwit sabiex tasal għal marġni ta’ profitt immirat ta’ 8 %”.

282

Jekk jiġi preżunt li dan huwa argument, ir-rikorrenti ma jurux li din l-allegata tardività kienet ta’ dannu għalihom sabiex juru effettivament il-perspettiva tagħhom u kisret id-drittijiet tad-difiża tagħhom.

283

Għaldaqstant, u sakemm ir-rikorrenti għandhom l-intenzjoni, essenzjalment, li jallegaw ksur tad-drittijiet tad-difiża, dan l-ilment għandu jiġi miċħud.

284

Fit-tieni lok, ir-rikorrenti jsostnu li l-Kummissjoni kisret l-Artikolu 2(d) u l-Artikolu 15 tar-Regolament bażiku peress li hija użat profitt indikattiv ta’ 8 %.

285

Għandu jitfakkar li l-Artikolu 2(d) tar-Regolament bażiku jipprovdi li “’ħsara [dannu]’, sakemm mhux speċifikat mod ieħor, tfisser ħsara materjali lill-industrija tal-Komunità, theddid ta’ ħsara materjali lill-industrija tal-Komunità jew dewmien materjali fit-twaqqif ta’ din l-industrija”.

286

L-Artikolu 15(1) tar-Regolament bażiku jipprovdi li “[l]-ammont tad-dazju ta’ kumpens m’għandux jeċċedi l-ammont ta’ sussidji stabbilit iżda għandu jkun inqas mill-ammont totali tas-sussidji ta’ kumpens jekk dan id-dazju inqas ikun adegwat għat-tneħħija tal-ħsara lill-industrija [tal-Unjoni]”.

287

Mill-qari tal-imsemmija artikoli jirriżulta li l-marġni ta’ qligħ li għandu jintuża mill-Kunsill sabiex jikkalkola l-prezz indikattiv ta’ natura li jneħħi d-dannu inkwistjoni għandu jiġi limitat għall-marġni ta’ qligħ li l-industrija tal-Unjoni tista’ raġonevolment tistenna li tikseb f’kundizzjonijiet ta’ kompetizzjoni, fl-assenza ta’ importazzjonijiet li huma s-suġġett ta’ sussidji (premessa 494 tar-Regolament ikkontestat). Ma jkunx konformi mal-Artikolu 2(d) u mal-Artikolu 15(1) tar-Regolament bażiku li l-industrija tal-Unjoni tingħata marġni ta’ qligħ li hija ma setgħetx tikseb fl-assenza ta’ sussidji (ara, b’analoġija, is-sentenza EFMA vs Il-Kunsill, punt 227 iktar ’il fuq, punt 60).

288

Ir-rikorrenti jsostnu li l-profitt indikattiv ġie kkalkolat abbażi ta’ dak li kien tqies li jikkostitwixxi qligħ xieraq mill-kapital (investit) għall-industrija tal-karta tal-Unjoni pjuttost milli fuq il-marġni li realment seta’ jinkiseb fl-assenza ta’ importazzjoni li hija s-suġġett ta’ sussidji, peress li din tal-aħħar għandha tkun limitata għall-marġni ta’ qligħ li l-industrija tal-Unjoni tista’ raġonevolment tistenna li tikseb f’kundizzjonijiet normali ta’ kompetizzjoni.

289

Il-kwistjoni ma hijiex dwar jekk marġni ta’ qligħ immirat ta’ 8 % huwiex suffiċjenti sabiex ikopri l-investimenti u r-riskji mġarrba, iżda dwar jekk tali marġni ta’ qligħ jistax jinkiseb fl-assenza ta’ importazzjonijiet li huma s-suġġett ta’ sussidji. Dan l-argument għandu jinftiehem fis-sens li jirrigwarda żball manifest ta’ evalwazzjoni fil-kalkolu tal-marġni ta’ qligħ.

290

Il-Kunsill isostni li teżisti rabta bejn il-qligħ xieraq mill-kapital ta’ industrija partikolari u l-profitti li jistgħu jinkisbu f’kundizzjonijiet ta’ suq normali u mhux distorti, sa fejn is-setturi industrijali b’kapital intensiv, li jeħtieġu investimenti inizjali għoljin, jinvestu biss jekk ikunu jistgħu jistennew li jiksbu qligħ suffiċjenti.

291

Kif jirriżulta minn ġurisprudenza stabbilita, fir-rigward tal-evalwazzjoni ta’ sitwazzjoni ekonomika kumplessa, il-Kunsill igawdi minn setgħa diskrezzjonali wiesgħa fid-determinazzjoni tal-marġni ta’ qligħ xieraq. Għaldaqstant, il‑qorti tal-Unjoni għandha tillimita l-istħarriġ tagħha għall-verifika tal-osservanza tar-regoli proċedurali, tal-eżattezza materjali tal-fatti kkunsidrati sabiex issir l-għażla kkontestata, tal-assenza ta’ żball manifest fl‑evalwazzjoni ta’ dawn il‑fatti u tal-assenza ta’ użu ħażin ta’ poter (sentenzi EFMA vs Il-Kunsill, punt 227, iktar ’il fuq, punt 57, u Ferchimex vs Il-Kunsill, punt 226 iktar ’il fuq, punt 67).

292

Fid-dawl ta’ dak li ntqal preċedentement, għandu jiġi eżaminat jekk il-Kunsill wettaqx żball manifest ta’ evalwazzjoni fil-kalkolu tal-marġni ta’ qligħ.

293

Barra minn hekk, huma r-rikorrenti li għandhom jippreżentaw il-provi li jippermettu lill-Qorti Ġenerali tikkonstata li l-Kunsill wettaq żball manifest ta’ evalwazzjoni fl-eżami tad-dannu (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti Ġenerali Shanghai Teraoka Electronic vs Il-Kunsill, punt 228 iktar ’il fuq, punt 119, u Moser Baer India vs Il-Kunsill, punt 228 iktar ’il fuq, punt 140, u l-ġurisprudenza ċċitata; is-sentenza Since Hardware (Guangzhou) vs Il-Kunsill, punt 225 iktar ’il fuq, punt 137).

294

Mill-premessa 494 tar-Regolament ikkontestat jirriżulta li:

“Il-profitt immirat kif suġġerti fl-ilment u t-talba sussegwenti tal-kwerelant [tal-lanjant] ġew eżaminati abbażi tat-tweġibiet tal-kwestjonarju u ż-żjarat ta’ verifika lill-produtturi rappreżentattivi tal-Unjoni. Tqies li l-profitt immirat għandu jirrifletti l-bżonnijiet tal-investiment l-aktar importanti u r-riskju involut f’din l-industrija b’kapital intensiv fl-assenza tal-importazzjonijiet ddampjati jew ssussidjati. Tqies ukoll qed qam l-investiment fil-makkinarju. Huwa meqjus li marġini ta’ qligħ ta’ 8 % fuq il-fatturat jista’ jitqies bħala minimu xieraq li l-produtturi tal-Unjoni setgħu stenniet li tikseb fin-nuqqas ta’ sussidjar ta’ ħsara.”

295

Għandu jiġi kkonstatat li r-rikorrenti jikkontestaw biss il-fatt li, fil-kalkolu tal-marġni ta’ qligħ, il-Kummissjoni inkludiet kunsiderazzjonijiet dwar il-kopertura tal-investimenti u tar-riskji mġarrba.

296

Għandu jiġi rrilevat li, meta huma jużaw il-marġni ta’ diskrezzjoni li jagħtihom ir-Regolament bażiku, l-istituzzjonijiet ma humiex marbuta jispjegaw fid-dettall u bil-quddiem il-kriterji li huma għandhom l-intenzjoni li japplikaw f’kull sitwazzjoni, anki fil-każ fejn huma jimponu għażliet ġodda ta’ prinċipju (sentenza Thai Bicycle vs Il-Kunsill, punt 71 iktar ’il fuq, punt 68; ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-5 ta’ Ottubru 1988, Brother Industries vs Il-Kunsill, 250/85, Ġabra p. 5683, punti 28 u 29; u Nakajima vs Il-Kunsill, punt 226 iktar ’il fuq, punt 118).

297

F’dan il-każ, għandu jiġi rrilevat li l-Kummissjoni ħadet inkunsiderazzjoni diversi kriterji bħar-risposti għall-kwestjonarju, l-ispiża tal-investiment, ir-riskji mġarrba, il-fatt li l-industrija għandha kapital intensiv u l-esklużjoni tal-bejgħ għall-esportazzjoni ta’ kumpannija li tifforma parti minn produttur-esportatur li kkoopera.

298

Kif jirrileva l-Kunsill, ir-rikorrenti “ma jallegawx li wieħed minn dawn il-fatturi huwa vvizzjat minn żball jew mhux affidabbli”.

299

Għandu jiġi kkonstatat li r-rikorrenti ma jikkontestawx id-dikjarazzjoni tal-Kunsill li “teżisti b’mod ċar rabta bejn il-qligħ xieraq mill-kapital ta’ industrija partikolari u l-profitti li jistgħu jinkisbu f’kundizzjonijiet ta’ suq normali u mhux distorti”.

300

Madankollu, huma jsostnu li l-għan tat-tassazzjoni ta’ dazji kontra s-sussidji ma huwiex li jistabbilixxi mill-ġdid prezz għal livell normali u mhux distort, iżda li jistabbilixxih mill-ġdid fil-livell li seta’ jintlaħaq fl-assenza ta’ importazzjonijiet li huma s-suġġett ta’ sussidji.

301

Ebda element ma jippermetti li jiġi konkluż li l-Kummissjoni kienet segwiet l-għan li jiġu imposti dazji kumpensatorji sabiex jiġi stabbilit mill-ġdid prezz f’livell normali u mhux distort.

302

Ir-rikorrenti jsostnu li, fil-punt 356 tal-ilment kontra s-sussidji, Cepifine tafferma li l-produtturi Ewropej fi ħdan l-assoċjazzjoni setgħu jistennew li jiksbu profitt ta’ 5 % fl-assenza ta’ importazzjonijiet li huma s-suġġett ta’ sussidji.

303

Madankollu minn dan l-ilment lanqas ma jirriżulta li l-Kummissjoni imponiet dazji kumpensatorji bil-għan li tistabbilixxi mill-ġdid prezz f’livell normali u mhux distort.

304

Fil-kuntest tas-setgħa diskrezzjonali tagħhom, l-istituzzjonijiet tal-Unjoni qiesu li l-ammont tal-marġni ta’ qligħ, sa 8 %, seta’ jintlaħaq fl-assenza ta’ importazzjonijiet li huma s-suġġett ta’ sussidji.

305

Għaldaqstant, għandu jitqies li l-Kummissjoni stabbilixxiet b’mod ċar li l-profitt indikattiv ta’ 8 % kien meqjus li huwa l-livell li l-industrija setgħet tilħaq fl-assenza ta’ importazzjonijiet li huma s-suġġett ta’ sussidji (ara l-punt 294 iktar ’il fuq).

306

Fi kwalunkwe każ, għandu jiġi kkonstatat li r-rikorrenti jirreferu biss għall-provi li jinsabu fil-fajl amministrattiv tal-kawża u ma jipprovdu ebda element ta’ natura li jikkaratterizza kwalunkwe żball manifest ta’ evalwazzjoni tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni fis-sens li huma kienu imponew dazji kumpensatorji bl-uniku għan li jiġi stabbilit mill-ġdid prezz f’livell normali u mhux distort.

307

Għaldaqstant, l-ilment għandu jiġi miċħud.

308

Fit-tielet lok, insostenn tal-argument tagħhom, ir-rikorrenti jsostnu li, matul is-sena 2005, jiġifieri qabel il-perijodu ta’ investigazzjoni, il-marġni ta’ qligħ medju tal-lanjanti kien ta’ 2 %, filwaqt li l-marġni sabiex jiġi kkalkolat il-profitt indikattiv kien ta’ 2.88 % fl-2009, jiġifieri matul il-perijodu ta’ investigazzjoni.

309

Il-Kunsill isostni li l-istituzzjonijiet tal-Unjoni ma setgħux jibbażaw ruħhom fuq il-profitti miksuba mill-industrija tal-Unjoni matul il-perijodu kkunsidrat, peress li s-settur inkwistjoni wera telf straordinarju minħabba problemi strutturali. Mill-fajl jirriżulta li r-rikorrenti ma kkontestawx dawn il-kunsiderazzjonijiet.

310

Il-premessa 416 tar-Regolament ikkontestat tipprovdi li:

“L-erba’ produtturi rappreżentattivi tal-Unjoni ġarrbu telf fis-snin 2006 sa 2008 u s-sitwazzjoni finanzjarja nqalbet għal waħda pożittiva biss fl-2009 meta l-prezz dinji tal-polpa, il-materja prima ewlenija, naqas eċċezzjonalment b’mod sinifikanti minħabba t-tnaqqis fir-ritmu ekonomiku. It-tnaqqis tal-prezz tal-polpa (20 %) kine [kien] kkunsidrat bħala tnaqqis kbir b’mod mhux normali li direttament ikkontribwixxa għal sitwazzjoni finanzjarja aħjar fil-PI [perijodu ta’ investigazzjoni]. Ta’ min jinnota li mill-PI, il-prezzijiet tal-pola [polpa] ġew lura għal-livelli tagħhom ta’ qabel il-PI.”

311

Il-premessa 457 tar-Regolament ikkontestat tipprovdi li:

“Madankollu, l-investigazzjoni wriet li l-industija tal-Unjoni ġarrbet telf fil-perijodu kkunsidrat, speċjalment fl-2008, minkejja r-ristrutturar tal-produtturi peress li, [...] l-industrija tal-Unjoni xorta ma kinetx kapaċi tgħolli l-prezzijiet tagħha għal-livelli ogħla mill-ispejjeż. Din is-sitwazzjoni kienet prinċipalment ikkawżata mill-pressjoni fuq il-prezzijiet eżerċitata mill-importazzjoni ssussidjati li kienu qed iwaqqgħu l-prezzijiet tal-industrija tal-Unjoni.”

312

Mill-premessa 444 tar-Regolament ikkontestat jirriżulta li “ġie konkluż li ż-żieda f’daqqa tal-importazzjonijiet ssussidjati bi prezz baxx [miċ-Ċina] kellha impatt negattiv konsiderevoli fuq is-sitwazzjoni ekonomika tal-industrija tal-Unjoni”.

313

Fid-dawl ta’ dak li ntqal preċedentement, għandu jitqies li l-ammont tal-marġni ta’ qligħ medju tal-lanjanti, matul is-sena 2005, kif invokat mir-rikorrenti, ma huwiex biżżejjed waħdu sabiex jiġi stabbilit li l-Kunsill wettaq żball manifest ta’ evalwazzjoni fid-determinazzjoni tal-marġni ta’ qligħ fl-assenza tal-importazzjonijiet inkwistjoni qabel il-perijodu ta’ investigazzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza EFMA vs Il-Kunsill, punt 227 iktar ’il fuq, punt 89).

314

Għaldaqstant, l-ilment għandu jiġi miċħud.

315

Minn dak kollu li ntqal preċedentement hemm lok li t-tmien motiv jiġi miċħud.

Fuq id-disa ’ motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 8, tal-Artikolu 9(1) u tal-Artikolu 10(6) tar-Regolament bażiku

316

Preliminarjament, għandu jiġi rrilevat li r-rikorrenti ma jikkontestawx li l-karta fina miksija użata mill-magni għall-istampar sheet-fed ma hijiex interkambjabbli mar-rombli adattati għall-magni tal-istampar web-fed.

317

Għandu wkoll jiġi rrilevat li r-rikorrenti ma jikkontestawx li r-rombli użati mill-magni tal-istampar web-fed ma humiex interkambjabbli mar-rombli għall-magni għall-istampar sheet-fed.

318

Ir-rikorrenti lanqas jikkontestaw li r-rombli adattati għall-magni tal-istampar web-fed jistgħu jintużaw fuq il-magni għall-istampar sheet-fed bit-teknoloġija CutStar.

319

Ir-rikorrenti jikkontestaw id-definizzjoni tal-prodott ikkonċernat sa fejn l-istituzzjonijiet eskludew ir-rombli adattati għall-magni tal-istampar web-fed u kkonkludew li ma kinux interkambjabbli mal-cutters rolls.

320

Il-Kunsill isostni li r-rombli adattati għall-magni tal-istampar web-fed għandhom jiġu esklużi mid-definizzjoni tal-prodott ikkonċernat, għaliex it-tipi differenti ta’ karta jippreżentaw karatteristiċi fiżiċi distinti.

321

Il-Kunsill isostni li t-tipi differenti ta’ karta ma humiex interkambjabbli u li l-istituzzjonijiet tal-Unjoni ddefinixxew il-prodott ikkonċernat bħala li huwa l-karta għal magni għall-istampar sheet-fed, irrispettivament jekk humiex folji ta’ karta jew rombli użati mal-magni CutStar.

322

Għalhekk, għandu jiġi eżaminat, sabiex tiġi kkaratterizzata l-interkambjabbiltà tal-prodotti, jekk ir-rombli adattati għall-magni tal-istampar web-fed jistgħux intużaw fuq il-magni għall-istampar sheet-fed bit-teknoloġija CutStar u jekk ir-rombli għall-magni għall-istampar sheet-fed jistgħux jintużaw fl-istampar web-fed.

323

Mill-premessa 19 tar-Regolament ikkontestat jirriżulta li r-rikorrenti sostnew li “r-rombli web-fed u dawk inklużi fl-ambitu ta’ din l-investigazzjoni (cutter rolls u folji) kellhom l-istess karatteristiċi tekniċi u fiżiċi bażiċi u ma [kienx] hemmx distinzjoni bejniethom”.

324

F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti jsostnu li pproduċew fl-anness tar-rikors “provi konklużivi li minnhom jirriżulta li l-magni għall-istampar mgħammra bis-sistema CutStar jistgħu użaw iż-żewġ tipi ta’ rombli”.

325

Skont il-premessa 17 tar-regolament ikkontestat:

“Il-[karta fina miksija] hija karta u kartonċin ta’ kwalità għolja li normalment jintużaw għall-istampar ta’ materjal għall-qari bħar-rivisti, il-katalgi, ir-rapporti annwali u l-pubblikazzjonijiet annwali. Il-prodott ikkonċernat jinkludi kemm folji kif ukoll rombli adatti għall-użu f’magni tal-istampar sheet-fed (‘cut star’). Ir-rombli adatti għall-użu f’magni tal-istampar sheet-fed (‘cutter rolls’) huma ddisinjati sabiex jinqatgħu f’biċċiet qabel l-istampar, u b’hekk huma kkunsidrati li jistgħu jiġu sostitwiti u direttament kompetittivi mal-folji.”

326

Il-premessa 18 tar-Regolament ikkontestat issemmi li r-rombli adattati għall-magni tal-istampar web-fed, esklużi mill-prodott ikkonċernat, “normalment jiddaħħlu direttament fil-magni għall-istampar u ma jinqatgħux minn qabel”.

327

Għandu jiġi kkonstatat li r-rikorrenti jallegaw biss li l-istituzzjonijiet tal-Unjoni wettqu żball manifest ta’ evalwazzjoni fid-definizzjoni tal-prodott ikkonċernat mingħajr madankollu ma ppreżentaw ebda element insostenn tal-argument tagħhom.

328

Fil-fatt, ir-rikorrenti ma jippreżentaw ebda element ta’ natura li juri li l-karta fina miksija mir-rombli tista’ tintuża fuq il-magni għall-istampar web-fed, irrispettivament jekk tirrigwardax karatteristiċi fiżiċi jew tekniċi, bħar-reżistenza għall-picking, jew l-interkambjabbiltà mill-perspettiva ekonomika.

329

Skont ġurisprudenza stabbilita, id-definizzjoni tal-prodott ikkonċernat fil-kuntest ta’ investigazzjoni kontra s-sussidji għandha bħala għan li tgħin fit-tfassil ta’ lista tal-prodotti li, skont il-każ, ikunu s-suġġett għall-impożizzjoni tad-dazji kumpensatorji. Għall-finijiet tad-definizzjoni tal-prodott ikkonċernat, l-istituzzjonijiet tal-Unjoni jistgħu jikkunsidraw bosta fatturi, bħal, b’mod partikolari, il-karatteristiċi fiżiċi, tekniċi u kimiċi tal-prodotti, l-użu tagħhom, l-interkambjabbiltà tagħhom, il-perċezzjoni li l-konsumaturi għandhom tagħhom, il-mezzi ta’ distribuzzjoni, il-proċess tal-manifattura, l-ispejjeż tal-produzzjoni u l-kwalità [ara, b’analoġija, is-sentenzi tal-Qorti Ġenerali tat-13 ta’ Settembru 2010, Whirlpool Europe vs Il-Kunsill, T-314/06, Ġabra p. II-5005, punt 138; tas-17 ta’ Diċembru 2010, EWRIA et vs Il-Kummissjoni, T-369/08, Ġabra p. II-6283, punt 82; u tal-10 ta’ Ottubru 2012, Gem-Year u Jinn-Well Auto-Parts (Zhejiang) vs Il-Kunsill, T‑172/09, punt 59).

330

Skont il-premessa 20 tar-Regolament ikkontestat:

“[L]-investigazzjoni kkonfermat li tassew hemm karatteristiċi tekniċi u fiżiċi distinti bħall-umdità u l-ebusija bejn il-karta użata għall-istampar web-fed u dik użata għall-istampar sheet-fed. L-investigazzjoni kkonfermat ukoll li l-karatteristiċi tekniċi elenkati fil-premessa (18)[kienu] uniċi għar-rombli adattati għall-użu f’magni tal-istampar web-fed. Minħabba dawn id-differenzi l-karta użata għall-istampar web-fed jew dik użata għall-istampar sheet-fed ma tistax tintuża fl-istess tip ta’ magna għall-istampar u b’hekk il-karti ma jistgħux jintużaw flok xulxin. Huwa nnutat li l-partijiet kollha qablu li ż-żewġ tipi ta’ karta huma distinti fir-rigward tas-saħħa tal-wiċċ u s-saħħa tensili tagħhom.”

331

Issa, mill-premessa 35 tar-Regolament ikkontestat jirriżulta li “il-premessi (18) u (20) ta’ hawn fuq jistabbilixxu l-kriterji addizzjonali li ma kinux kkontestati mill-produttur esportatur ikkonċernat”.

332

Għandu jiġi rrilevat li d-determinazzjoni tal-prodott simili ma hijiex ikkontestata.

333

Għaldaqstant, id-dispożizzjonijiet tar-Regolament bażiku dwar id-definizzjoni tal-prodott ikkonċernat ma nkisrux, b’tali mod li dan l-ilment għandu jiġi miċħud.

334

Għal dak li jikkonċerna l-industrija tal-Unjoni u l-locus standi fil-proċeduri kontra s-sussidji, ir-rikorrenti jsostnu li d-definizzjoni żbaljata tal-prodott ikkonċernat intużat sabiex tiġi ddefinita l-industrija tal-Unjoni li tipproduċi l-prodott simili u sabiex jiġi evalwat id-dannu mġarrab minn din l-industrija.

335

Skont il-premessa 374 tar-Regolament ikkontestat:

“Kif jissemma fil-premessa (19) hawn fuq, parti interessata waħda stqarret li [l-karta fina miksija] xierqa għall-istampar web-fed missha ġiet inkluża fl-ambitu tal-investigazzjoni preżenti. Abbażi ta’ dan, l-istess parti argumentat li l-industrija kwerelanti tal-Unjoni ma kienx ikollha biżżejjed saħħa fil-proċedimenti preżenti. Madankollu, abbażi tal-konklużjonijiet imsemmija fil-premessi (22) u (25), jiġifieri, [il-karta fina miksija] adatta għall-istampar web-fed u [dik] għall-istampar sheet-fed huma żewġ prodotti differenti, u għalhekk, l-istqarrija kellha tiġi miċħuda.”

336

Kif irrileva l-Kunsill, il-motiv jistħoqqlu li jiġi eżaminat biss jekk id-definizzjoni tal-prodott ikkonċernat kienet żbaljata.

337

Minn dak li ntqal preċedentement jirriżulta li l-istituzzjonijiet tal-Unjoni ma wettqux żball manifest ta’ evalwazzjoni fid-definizzjoni tal-prodott ikkonċernat.

338

Għaldaqstant, dan l-ilment huwa nieqes mill-premessa tiegħu.

339

Barra minn hekk, għandu jiġi kkonstatat li r-rikorrent jallegaw biss li l-istituzzjonijiet tal-Unjoni kisru l-Artikolu 9(1), l-Artikolu 10 u l-Artikolu 6(4) tar-Regolament bażiku, mingħajr madankollu ma ppreżentaw elementi insostenn tal-argument tagħhom.

340

Għaldaqstant, dan l-ilment għandu jiġi miċħud.

341

Għal dak li jikkonċerna l-ksur tal-Artikolu 296 TFUE, ir-rikorrenti jsostnu li l-istituzzjonijiet tal-Unjoni ma ssodisfawx l-obbligu tagħhom ta’ motivazzjoni tar-Regolament ikkontestat peress li s-silenzju tal-imsemmija istituzzjonijiet fuq l-interkambjabbiltà taż-żewġ prodotti inkwistjoni, meta huma jintużaw fuq magni b’tagħmir tat-tip CutStar, ipprekluda lir-rikorrenti milli jiddefendu effikaċjament, quddiem il-Qorti Ġenerali, l-allegazzjoni tagħhom li s-sistema CutStar trendi inkambjabbli r-rombli adatti għall-użu f’magni tal-istampar web-fed u l-cutter rolls u li jikkontestaw deċiżjoni li kellha effett kunsiderevoli fuq il-locus standi u fuq l-evalwazzjoni tad-dannu kif ukoll fuq ir-riżultat tal-investigazzjoni.

342

Jeħtieġ li jitfakkar li l-motivazzjoni rikjesta mill-Artikolu 296 TFUE għandha tiġi adattata għan-natura tal-att inkwistjoni u għandha turi b’mod ċar u inekwivoku r-raġunament tal-istituzzjoni, l-awtriċi tal-att, b’mod li jippermetti lill-partijiet ikkonċernati jagħrfu r-raġunijiet wara l-miżura meħuda u lill-qorti kompetenti teżerċita l-istħarriġ tagħha (ara s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-29 ta’ Settembru 2011, Elf Aquitaine vs Il-Kummissjoni, C-521/09 P, Ġabra p. I-8947, punt 147, u l-ġurisprudenza ċċitata).

343

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-obbligu ta’ motivazzjoni jikkostitwixxi rekwiżit proċedurali li għandu jiġi distint mill-kwistjoni tal-fondatezza tal-motivazzjoni, li taqa’ taħt il-legalità fuq il-mertu tal-att kontenzjuż (ara s-sentenza Elf Aquitaine vs Il-Kummissjoni, punt 342 iktar ’il fuq, punt 146, u l-ġurisprudenza ċċitata).

344

Għalhekk, fil-kuntest tad-deċiżjonijiet individwali, minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li l-obbligu li tiġi mmotivata deċiżjoni individwali għandu l-għan, minbarra li jippermetti stħarriġ ġudizzjarju, li jipprovdi lill-persuna kkonċernata indikazzjoni suffiċjenti sabiex tkun taf jekk id-deċiżjoni hijiex eventwalment ivvizzjata bi żball li jippermetti l-kontestazzjoni tal-validità tagħha (ara s-sentenza Elf Aquitaine vs Il-Kummissjoni, punt 342 iktar ’il fuq, punt 148, u l-ġurisprudenza ċċitata).

345

Għandu jitqies li l-ilment ibbażat fuq il-fatt li r-Regolament ikkontestat ma huwiex immotivat jew ma huwiex suffiċjentement immotivat minħabba l-eventwali silenzju tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni fuq l-interkambjabbiltà tal-prodotti inkwistjoni ma huwiex fondat.

346

Fil-fatt, l-istituzzjonijiet tal-Unjoni eżaminaw il-fatt li l-karta fina miksija f’karti jew f’rombli użati għall-magni tal-istampar sheet-fed u r-rombli adattati għall-użu f’magni tal-istampar web-fed kienu jikkostitwixxu gruppi differenti u ma kinux interkambjabbli (premessa 20 tar-Regolament ikkontestat), kemm mill-perspettiva tal-karatteristiċi fiżiċi u tekniċi, peress li l-premessa 20 tar-Regolament ikkontestat tikkonferma l-premessa 18 tar-Regolament ikkontestat, b’mod partikolari għal dak li jikkonċerna r-reżistenza għall-picking kif ukoll ir-riġidità bħala kriterji distintivi rilevanti (premessi 18, 35 u 40 tar-Regolament ikkontestat), kif ukoll mill-perspettiva ekonomika (premessa 22 tar-Regolament ikkontestat).

347

Għaldaqstant, l-istituzzjonijiet tal-Unjoni ma kisrux l-Artikolu 296 TFUE sa fejn ir-rikorrenti setgħu jidentifikaw b’mod ċar l-elementi meħuda inkunsiderazzjoni fir-Regolament ikkontestat sabiex jiġi konkluż in-nuqqas ta’ interkambjabbiltà tal-cutter-rolls għall-magni għall-istampar sheet-fed u għar-rombli adattati għall-magni tal-istampar web-fed.

348

Għaldaqstant, l-ilment għandu jiġi miċħud.

349

Konsegwentement, minn dak kollu li ntqal preċedentement jirriżulta li d-disa’ motiv għandu jiġi miċħud.

Fuq l-għaxar motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 8(1) u (6) tar-Regolament bażiku

350

L-ewwel nett, ir-rikorrenti jsostnu li, skont il-prinċipju ta’ nuqqas ta’ imputazzjoni, ir-Regolament ikkontestat huwa vvizzjat minn nuqqas ta’ motivazzjoni peress li l-istituzzjonijiet tal-Unjoni ma pprovdewx spjegazzjonijiet rilevanti, u lanqas motivazzjoni suffiċjenti għal dak li jikkonċerna l-fatt li l-prezz mhux dannuż ma kienx jeċċedi dak li kien neċessarju sabiex jitneħħa d-dannu kkawżat mill-importazzjonijiet li huma s-suġġett ta’ sussidji u/jew ta’ dumping.

351

Issa, għandu jiġi rrilevat li l-istituzzjonijiet tal-Unjoni mmotivaw b’mod ċar ir-riżultat tat-test ta’ nuqqas ta’ imputazzjoni peress li huma wettqu l-evalwazzjoni tal-effett ta’ fatturi oħrajn fuq id-dannu, bħall-iżvilupp tal-konsum fuq is-suq tal-Unjoni (premessi 445 sa 448 tar-Regolament ikkontestat), tal-prezz tal-materja prima (premessi 449 sa 451 tar-Regolament ikkontestat), tal-prestazzjoni tal-esportazzjoni tal-industrija tal-Unjoni (premessi 452 u 453 tar-Regolament ikkontestat), tal-importazzjonijiet li joriġinaw minn pajjiżi terzi oħrajn (premessi 454 sa 456 tar-Regolament ikkontestat), kif ukoll l-eċċess ta’ kapaċità strutturali (premessi 457 u 458 tar-Regolament ikkontestat).

352

Għaldaqstant, għandu jiġi kkunsidrat li l-istituzzjonijiet tal-Unjoni mmotivaw b’mod ċar il-fatt li l-fatturi l-oħrajn ma setgħux jiġu imputati d-dannu kkawżat mill-importazzjonijiet li huma s-suġġett ta’ sussidji u/jew ta’ dumping u li, konsegwentement, il-prezz mhux dannuż kien ġie ddeterminat sabiex ma jeċċedix dak li kien neċessarju sabiex jitneħħa d-dannu kkawżat minn dawn l-importazzjonijiet.

353

Ir-rikorrenti jsostnu wkoll li l-istituzzjonijiet tal-Unjoni ma żgurawx ruħhom li d-dannu imputabbli għal fatturi oħrajn li ma humiex id-dumping u s-sussidji ma tteħidx inkunsiderazzjoni fid-determinazzjoni tal-livell tad-dazju impost kontra l-importazzjonijiet tagħhom, filwaqt li huma l-imsemmija istituzzjonijiet li għandhom juru li huma wettqu analiżi ta’ nuqqas ta’ imputazzjoni.

354

Għandu jiġi kkonstatat li r-rikorrenti sempliċement josservaw li l-livell tad-dazji imposti huwa ta’ 20 % u li l-prezz mhux dannuż li abbażi tiegħu din ir-rata ġiet ikkalkolata nkiseb billi żdied marġni ta’ qligħ ta’ 8 % mal-ispejjeż ta’ produzzjoni.

355

Kif jirrileva l-Kunsill, ir-rikorrenti ma jikkontestawx fil-prinċipju tiegħu l-approċċ adottat mill-istituzzjonijiet tal-Unjoni li jikkonċerna l-profitt indikattiv u lanqas jikkontestaw li dan tal-aħħar huwa ffissat fil-livell li l-industrija tal-Unjoni tista’ tikseb fl-assenza ta’ importazzjonijiet li huma s-suġġett ta’ sussidji.

356

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li r-rikorrenti ma jikkontestawx l-affidabbiltà ta’ dawn l-elementi.

357

Għalhekk għandu jiġi rrilevat li r-rikorrenti ma jikkontestawx il-livell tad-dazji imposti peress li huma sempliċement ifakkru l-kalkolu tal-marġni ta’ dannu kif imsemmi fil-premessa 499 tar-Regolament ikkontestat.

358

Fi kwalunkwe każ, għandu jitfakkar li l-istituzzjonijiet tal-Unjoni, skont l-Artikolu 8(6) tar-Regolament bażiku, eżaminaw l-effett ta’ fatturi magħrufa oħrajn li setgħu kkawżaw dannu lill-industrija tal-Unjoni u kkonstataw li ebda wieħed fosthom ma kien ta’ natura li jikser ir-rabta kawżali stabbilita bejn l-importazzjonijiet li joriġinaw miċ-Ċina li huma s-suġġett ta’ dumping u d-dannu mġarrab mill-industrija tal-Unjoni (premessi 445 sa 458 tar-Regolament ikkontestat). Għalhekk, l-istituzzjonijiet tal-Unjoni ssodisfaw il-kundizzjonijiet neċessarji sabiex jadottaw il-miżuri inkwistjoni.

359

Għaldaqstant, dan l-ilment għandu jiġi miċħud.

360

It-tieni nett, ir-rikorrenti jsostnu li l-istituzzjonijiet tal-Unjoni fil-qosor ċaħdu l-kawżi kollha li ħolqu d-dannu li ġew ippreżentati lilhom waqt l-investigazzjoni u minbarra l-importazzjonijiet li huma s-suġġett ta’ sussidji.

361

F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti sempliċement isostnu, bħala eżempju, li d-dannu mġarrab ma jistax jiġi imputat kollu kemm hu lill-importazzjonijiet li joriġinaw miċ-Ċina peress li, fil-preżenza ta’ telf ta’ parti tas-suq ta’ 5 % matul il-perijodu ta’ investigazzjoni, l-importazzjonijiet Ċiniżi żdiedu biss bi 3%, dan ifisser li kompetitur ieħor rebaħ il-parti tas-suq li l-industrija tal-Unjoni tilfet sa 2 %. Għalhekk, ir-rikorrenti ma humiex l-uniċi responsabbli tat-telf ta’ parti tas-suq u tad-dannu li jirriżulta minn dan.

362

Sa fejn jirrigwarda argument tar-rikorrenti, għandu jitfakkar li, skont il-ġurisprudenza, il-Kunsill u l-Kummissjoni għandhom l-obbligu li jeżaminaw jekk id-dannu li huma għandhom l-intenzjoni li jikkunsidraw, jirriżultax effettivament mill-importazzjonijiet li kienu s-suġġett ta’ sussidji u jeskludu kull dannu li jirriżulta minn fatturi oħrajn (ara, b’analoġija, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-11 ta’ Ġunju 1992, Extramet Industrie vs Il-Kunsill, C-358/89, Ġabra p. I-3813, punt 16, u s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-25 ta’ Ottubru 2011, CHEMK u KF vs Il-Kunsill, T-190/08, Ġabra p. II-7359, punt 188).

363

Għandu jitfakkar ukoll li l-kwistjoni dwar jekk fatturi oħrajn minbarra l-importazzjonijiet li huma s-suġġett ta’ sussidji kkontribwixxewx għad-dannu mġarrab mill-industrija tal-Unjoni tinvolvix l-evalwazzjoni ta’ kwistjonijiet ekonomiċi kumplessi li għalihom l-istituzzjonijiet tal-Unjoni jgawdu setgħa diskrezzjonali wiesgħa, li jimplika li l-qorti tal-Unjoni tista’ teżerċita biss stħarriġ limitat fuq din l-evalwazzjoni (ara, b’analoġija, is-sentenza CHEMK u KF vs Il-Kunsill, punt 363 iktar ’il fuq, punt 189).

364

Barra minn hekk, huma r-rikorrenti li għandhom jipproduċu l-provi li jippermettu lill-Qorti Ġenerali tikkonstata li l-Kunsill wettaq żball manifest ta’ evalwazzjoni meta evalwa d-dannu [ara s-sentenzi Shangai Teraoka Electronic vs Il-Kunsill, punt 228 iktar ’il fuq, punt 119; Moser Baer India vs Il-Kunsill, punt 228 iktar ’il fuq, punt 140, u l-ġurisprudenza ċċitata, u Since Hardware (Guangzhou) vs Il-Kunsill, punt 225 iktar ’il fuq, punt 137].

365

Hemm lok li jiġi dedott minn din il-ġurisprudenza li l-evalwazzjoni tad-dannu tieħu inkunsiderazzjoni l-kundizzjonijiet kollha sabiex jiġi ddeterminat l-imsemmi dannu, ir-rabta kawżali inkluża.

366

Issa, ir-rikorrenti jillimitaw ruħhom li jifformulaw sempliċi allegazzjonijiet, barra minn hekk bħala eżempju.

367

Għandu jiġi kkonstatat li r-rikorrenti ma jipproduċu ebda prova insostenn tal-argument tagħhom sabiex juru li l-istituzzjonijiet tal-Unjoni kienu wettqu żball ta’ evalwazzjoni fid-determinazzjoni tar-rabta kawżali.

368

Għall-finijiet ta’ kompletezza, kif jirrileva l-Kunsill, għandu jiġi kkonstatat li r-rikorrenti ma jikkontestawx il-konklużjonijiet ibbażati fuq il-premessi 454 sa 455 tar-Regolament ikkontestat li jipprovdu li l-importazzjonijiet li joriġinaw minn pajjiżi terzi oħrajn ma kkontribwixxewx għad-dannu sostanzjali mġarrab mill-industrija tal-Unjoni.

369

It-tielet nett, għal dak li jikkonċerna d-degradazzjoni tal-prestazzjoni tal-esportazzjoni tal-industrija tal-Unjoni, ir-rikorrenti jikkontestaw l-affermazzjoni tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni li tipprovdi li din id-degradazzjoni ma hijiex il-kawża prinċipali tad-dannu mġarrab mill-produtturi u, konsegwentement, ma tiksirx ir-rabta kawżali.

370

Kif jirrileva l-Kunsill, il-prestazzjoni tal-esportazzjoni tal-industrija tal-Unjoni naqset l-effetti dannużi tal-importazzjonijiet li huma s-suġġett ta’ sussidji.

371

Fil-fatt, il-premessa 452 tar-Regolament ikkontestat tipprovdi b’mod partikolari li:

“Peress li l-esportazzjonijiet għandhom is-sehem importanti li jżommu l-utilizzazzjoni tal-kapaċità għolja biex ikopru l-ispejjeż fissi għolja tal-investimenti f’makkinarju, ġie meqjus li minkejja li l-prestazzjoni tal-esportazzjoni kienet qed tonqos, din ġeneralment kellha effett pożittiv. Għalhekk, ġie meqjus li anki jekk it-tnaqqis fl-attivitajiet ta’ esportazzjoni setgħu kkontribwew għad-deterjorament ġenerali tal-qagħda tal-industrija tal-Unjoni, dawn min-naħa l-oħra kienu qed itaffu t-telf imġarrab fis-suq tal-Unjoni u b’hekk ma kinux tali li kisru r-rabta kawżali stabbilita bejn l-importazzjonijiet issussidjati [miċ-Ċina] u l-ħsara li ġarrbet l-industrija tal-Unjoni.”

372

F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li r-rikorrenti ma jipproduċu ebda prova li turi li l-istituzzjonijiet tal-Unjoni kienu wettqu żball ta’ evalwazzjoni fid-determinazzjoni tar-rabta kawżali.

373

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, hemm lok li d-disa’ motiv jiġi miċħud kollu kemm hu.

374

Minn dan isegwi li r-rikors għandu jiġi miċħud fit-totalità tiegħu.

Fuq l-ispejjeż

375

Skont l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Peress li r-rikorrenti tilfu, hemm lok li jiġu ordnati jbatu l-ispejjeż tagħhom kif ukoll dawk sostnuti mill-Kunsill, Cepinfine, Sappi Europe, Burgo Group u Lecta, skont it-talbiet ta’ dawn tal-aħħar.

376

Skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 87(4) tar-Regoli tal-Proċedura, il-Kummissjoni għandha tbati l-ispejjeż tagħha.

 

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tielet Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

Ir-rikors huwa miċħud.

 

2)

Gold East Paper (Jiangsu) Co. Ltd u Gold Huasheng Paper (Suzhou Industrial Park) Co. Ltd għandhom ibatu, minbarra l-ispejjeż tagħhom, dawk sostnuti mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, Cepifine AISBL, Sappi Europe SA, Burgo Group SpA u Lecta SA.

 

3)

Il-Kummissjoni Ewropea għandha tbati l-ispejjeż tagħha.

 

Czúcz

Labucka

Gratsias

Firem

Werrej

 

Il-kuntest ġuridiku

 

Il-fatti li wasslu għall-kawża

 

Investigazzjoni

 

Ir-Regolament ikkontestat

 

Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

 

Id-dritt

 

Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq l-Artikolu 15(1) tar-Regolament bażiku

 

Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 6(d), tal-Artikolu 28 u tal-Artikolu 4 tar-Regolament bażiku

 

Fuq l-ewwel parti, li tirrigwarda l-użu tat-Tajwan bħala referenza xierqa

 

Fuq it-tieni parti, li tirrigwarda l-allegata assenza ta’ element li jipprova l-ispeċifiċità

 

Fuq it-tielet motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 4 tar-Regolament bażiku

 

Fuq ir-raba’ motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 7(3) tar-Regolament bażiku

 

Fuq il-ħames motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 6(b) tar-Regolament bażiku

 

Fuq is-sitt motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 14(2) tar-Regolament bażiku

 

Fuq is-seba’ motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 8(1) tar-Regolament bażiku

 

Fuq l-ewwel parti, li tirrigwarda l-allegata assenza ta’ ġustifikazzjoni għall-esklużjoni ta’ produttur Finlandiż għall-finijiet tal-evalwazzjoni tad-dannu

 

Fuq it-tieni parti, li tirrigwarda l-modalitajiet tal-allegata evalwazzjoni tal-indikaturi ta’ dannu mikroekonomiċi bbażata fuq erba’ produtturi rappreżentattivi tal-Unjoni

 

Fuq it-tmien motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 2(d) u tal-Artikolu 15 tar-Regolament bażiku

 

Fuq id-disa’ motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 8, tal-Artikolu 9(1) u tal-Artikolu 10(6) tar-Regolament bażiku

 

Fuq l-għaxar motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 8(1) u (6) tar-Regolament bażiku

 

Fuq l-ispejjeż


( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.

( 1 ) Għandha titħassar kull parti li ssemmi l-atti proċedurali.

( 2 ) Data kunfidenzjali mneħħija.