SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (It-Tieni Awla)
25 ta’ April 2012 ( *1 )
“Trade mark Komunitarja — Trade mark Komunitarja verbali BrainLAB — Assenza ta’ talba għat-tiġdid tar-reġistrazzjoni tat-trade mark — Kanċellazzjoni tat-trade mark wara l-iskadenza tar-reġistrazzjoni — Applikazzjoni għal restitutio in integrum — Artikolu 81 tar-Regolament (KE) Nru 207/2009”
Fil-Kawża T‑326/11,
Brainlab AG, stabbilita f’Feldkirchen (il-Ġermanja), irrappreżentata minn J. Bauer, avukat,
rikorrenti,
vs
L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI), irrappreżentat minn R. Manea, bħala aġent,
konvenut,
li għandha bħala suġġett rikors ippreżentat kontra d-deċiżjoni tar-Raba’ Bord tal-Appell tal-UASI tal-15 ta’ April 2011 (Każ R 1596/2010-4), fir-rigward ta’ applikazzjoni għal restitutio in integrum u għat-talba għat-tiġdid tar-reġistrazzjoni tat-trade mark BrainLAB mressqa mir-rikorrenti,
IL-QORTI ĠENERALI (It-Tieni Awla),
komposta minn N. J. Forwood (Relatur), President, F. Dehousse u J. Schwarcz, Imħallfin,
Reġistratur: E. Coulon,
wara li rat ir-rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl-20 ta’ Ġunju 2011,
wara li rat ir-risposta ppreżentata fir-reġistru tal-Qorti Ġenerali fil-21 ta’ Settembru 2011,
wara li rat il-bidla fil-kompożizzjoni tal-awli tal-Qorti Ġenerali,
wara li rat in-nuqqas ta’ talba għall-iffissar ta’ seduta mressqa mill-partijiet f’terminu ta’ xahar li jibda jiddekorri min-notifika lill-parti tal-għeluq tal-proċedura bil-miktub u peress li ddeċidiet, fuq rapport tal-Imħallef relatur u skont l-Artikolu 135a tar-Regoli ta’ Proċedura tal-Qorti Ġenerali, li tiddeċiedi mingħajr fażi orali tal-proċedura,
tagħti l-preżenti
Sentenza
Il-kuntest ġuridiku
1 |
Skont l-Artikolu 46 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 207/2009, tas-26 ta’ Frar 2009, dwar it-trade mark Komunitarja (ĠU L 78, p. 1), it-tul taż-żmien tar-reġistrazzjoni tat-trade mark Komunitarja huwa ta’ għaxar snin mid-data tal-preżentata tal-applikazzjoni. Ir-reġistrazzjoni tista’ tiġi mġedda, skont l-Artikolu 47 ta’ dan l-istess Regolament, għal perijodi oħrajn ta’ għaxar snin. |
2 |
Skont l-Artikolu 47(1) sa (3) tar-Regolament Nru 207/2009: “1. Ir-reġistrazzjoni ta’ trade mark Komunitarja għandha tiġi mġedda fuq talba tal-proprjetarju tat-trade mark jew ta’ kull persuna espressament awtorizzata minnu, sakemm id-drittijiet ikunu tħallsu. 2. L-Uffiċċju għandu jinforma lill-proprjetarju ta’ trade mark Komunitarja, u lil kull persuna li jkollha dritt reġistrat fir-rigward tat-trade mark Komunitarja, li r-reġistrazzjoni tkun waslet biex tiskadi sew qabel ma din tiskadi. Jekk din l-informazzjoni ma tingħatax, dan ma jinvolvix ir-responsabbiltà tal-Uffiċċju. 3. It-talba għat-tiġdid għandha tiġi sottomessa fi żmien perjodu ta’ sitt xhur li jagħlaq fl-aħħar jum tax-xahar ta’ meta tispiċċa l-protezzjoni […]”. |
3 |
Skont l-Artikolu 81(1) tar-Regolament Nru 207/2009, intitolat “Restitutio in integrum”: “L-applikant jew il-proprjetarju ta’ trade mark Komunitarja jew kull parti oħra fi proċedimenti quddiem l-Uffiċċju, li ma jkunux f’pożizzjoni li ikunu konformi mat-terminu ta’ żmien fil-konfront tal-Uffiċċju minkejja li jkunu għamlu dak kollu meħtieġ miċ-ċirkustanzi, għandhom, wara li ssir applikazzjoni, jingħataw lura d-drittijiet tagħhom jekk l-ostaklu għall-konformita jkollha l-konsegwenza diretta, minħabba d-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament, li tikkawża t-telfien ta’ kull dritt jew mezz ta’ rimedju”. |
4 |
Skont ir-Regola 29 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2868/95, tat-13 ta’ Diċembru 1995, li jimplimenta r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 40/94 dwar it-trade mark tal-Komunità (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 189, iktar ’il quddiem “Regolament ta’ Implementazzjoni”), intitolat “Notifika ta’ skadenza”: “Mill-inqas sitt xhur qabel tiskadi r-reġistrazzjoni l-Uffiċċju għandu jinforma lill-proprjetarju tat-trade mark tal-Komunità, u kwalunkwe persuna li jkollha xi jedd reġistrat, inkluża xi liċenzja, fit-trade mark tal-Komunità, li r-reġistrazzjoni qegħda toqrob lejn l-iskadenza. In-nuqqas li tingħata din in-notifika ma għandux jaffettwa l-iskadenza tar-reġistrazzjoni”. |
5 |
Skont ir-Regola 30(5) tar-Regolament ta’ Implementazzjoni, fejn it-talba għat-tiġdid hi ffajljata jew hija sottomessa wara l-iskadenza tal-perijodu li għalih hu pprovdut fit-tielet sentenza tal-Artikolu 47(3) tar-Regolament Nru 207/2009, jew fejn l-applikazzjoni ġiet ippreżentata wara li kien skada t-terminu, l-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI) għandu jiddetermina li r-reġistrazzjoni skadiet u għandu jinnotifika b’dan lill-proprjetarju tat-trade mark tal-Komunità. |
6 |
Skont ir-Regola 67(1) tar-Regolament ta’ Implementazzjoni, intitolat “Notifika lir-rappreżentanti”: “Jekk jinħatar rappreżentant […], notifiki għandhom ikunu indirizzati lir-rappreżentant maħtur […]”. |
Il-fatti li wasslu għall-kawża
7 |
Ir-rikorrenti, Brainlab AG, hija l-proprjetarja attwali tat-trade mark Komunitarja verbali BrainLAB, ippreżentata fis-26 ta’ Awwissu 1999 u rreġistrata fl-4 ta’ Diċembru 2000 taħt in-Nru 1290113. Uffiċċju tal-avukati u prokuraturi tal-privattivi ġie maħtur, minħabba din ir-reġistrazzjoni, sabiex jirrappreżenta lill-proprjetarja quddiem l-UASI, skont ir-Regola 67(1) tar-Regolament ta’ Implementazzjoni (iktar ’il quddiem ir-“rappreżentanti maħtura”). |
8 |
Permezz ta’ ittra tat-2 ta’ Diċembru 2008, ir-rappreżentanti maħtura talbu lill-UASI sabiex jirreġistraw fid-database l-bidla fl-indirizz tar-rikorrenti. Permezz ta’ komunikazzjoni tat-18 ta’ Frar 2009, l-UASI kkonferma r-reġistrazzjoni ta’ din il-bidla fl-indirizz tar-rappreżentanti maħtura. |
9 |
Sadanittant, fit-2 ta’ Frar 2009, l-UASI bagħat direttament lir-rikorrenti, minflok lir-rappreżentanti maħtura tagħha, u bi żball uża l-indirizz l-antik, komunikazzjoni skont l-Artikolu 47(2) tar-Regolament Nru 207/2009 u r-Regola 29 tar-Regolament ta’ Implementazzjoni, fejn informaha bl-iskadenza imminenti tar-reġistrazzjoni tat-trade mark inkwistjoni (iktar ’il quddiem “il-komunikazzjoni ta’ tfakkira”). Din il-komunikazzjoni kienet tindika, b’mod partikolari, li t-talba għat-tiġdid tar-reġistrazzjoni u l-ħlas tad-drittijiet għat-tiġdid kellhom isiru qabel il-31 ta’ Awwissu 2009 jew, fuq ħlas addizzjonali, matul terminu supplimentari li kien jiskadi fl-1 ta’ Marzu 2010. |
10 |
Huwa paċifiku li, minkejja dan l-iżball fl-indirizz, il-komunikazzjoni ta’ tfakkira waslet għand ir-rikorrenti fil-ġranet ta’ wara li kienet intbagħtet, grazzi għas-servizz postali li bagħtuha mill-ġdid. |
11 |
L-elementi tal-proċess, b’mod partikolari dikjarazzjoni taħt ġurament ta’ M. W, il-persuna nnominata tar-rikorrenti nkarigata li tieħu ħsieb it-trade mark inkwistjoni, ma jippermettux, min-naħa l-oħra, li jiġi stabbilit li l-imsemmija komunikazzjoni ta’ tfakkira kienet ġiet trażmessa minnu lir-rappreżentanti maħtura. Dawn tal-aħħar jiddikjaraw li dan ma kienx il-każ. Bl-istess mod, fir-risposta tiegħu, l-UASI josserva li ma jeżisti l-ebda element li jiddikjara r-realta’ ta’ din it-trażmizzjoni. Barra minn hekk, il-komunikazzjoni ta’ tfakkira nstabet iktar tard, fil-bini tar-rikorrenti, fil-fajl fejn tinsab il-korrispondenza li kienet saret mar-rappreżentanti maħtura tagħha rigward it-trade mark inkwistjoni. |
12 |
L-ebda talba għat-tiġdid tar-reġistrazzjoni tat-trade mark inkwistjoni fi kwalunkwe każ ma waslet fl-UASI fit-termini preskritti u l-UASI għalhekk ħareġ komunikazzjoni skont ir-Regola 30(5) tar-Regolament ta’ Implementazzjoni, li tikkonstatata l-iskadenza tar-reġistrazzjoni tal-imsemmija trade mark fid-data tat-2 ta’ Marzu 2010. Din il-komunikazzjoni kienet, hija wkoll, intbagħtet direttament lir-rikorrenti, iżda fl-indirizz il-ġdid tagħha, fit-23 ta’ Marzu 2010. |
13 |
Fl-1 ta’ April 2010, ir-rappreżentanti maħtura informaw lill-UASI li kienu saru jafu bil-fatt li l-ħatra tagħhom bħala rappreżentanti tar-rikorrenti kienet ġiet ikkanċellata bi żball mid-database tal-UASI, mingħajr ma huma kienu talbu dan. Huma għamlu talba ġdida bħala rappreżentanti tar-rikorrenti, liema talba kienet ikkonfermata permezz ta’ komunikazzjoni tal-UASI fl-istess ġurnata. |
14 |
Fid-19 ta’ Mejju 2010, ir-rappreżentanti maħtura ressqu quddiem l-UASI, f’isem u għan-nom tar-rikorrenti, talba għat-tiġdid tar-reġistrazzjoni tat-trade mark inkwistjoni kif ukoll applikazzjoni għal restitutio in integrum, skont l-Artikolu 81 tar-Regolament Nru 207/2009, għal dak li jirrigwarda t-terminu tad-depożitu tat-talba għal tiġdid tal-imsemmija reġistrazzjoni u l-ħlas tad-drittijiet għat-tiġdid. |
15 |
Permezz tad-deċiżjoni tad-29 ta’ Lulju 2010, id-Diviżjonijiet tal-Amministrazzjoni ta’ Trade marks u Diviżjonijiet Legali tal-UASI ċaħdu l-applikazzjoni għal restitutio in integrum minħabba li la r-rikorrenti u lanqas ir-rappreżentanti maħtura tagħha ma kienu ġabu prova rigward id-diliġenza meħtieġa skont l-Artikolu 81(1) tar-Regolament Nru 207/2009. |
16 |
Fis-16 ta’ Awwissu 2010, ir-rikorrenti ppreżentat appell quddiem l-UASI skont l-Artikoli 58 sa 64 tar-Regolament Nru 207/2009, kontra din id-deċiżjoni. Il-motivi invokati insostennn ta’ dan l-appell kienu, sostanzjalment, dawn li ġejjin:
|
17 |
Permezz tad-deċiżjoni tal-15 ta’ April 2011 (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”), ir-Raba’ Bord tal-Appell tal-UASI ċaħad l-applikazzjoni għal restitutio in integrum u kkonstata li t-trade mark inkwistjoni kienet skadiet. |
18 |
Għal kuntrarju tad-Diviżjonijiet tal-Amministrazzjoni ta’ Trade marks u Diviżjonijiet Legali, il-Bord tal-Appell ammetta, fil-punti 13 u 20 tad-deċiżjoni kkontestata, li s-sistema ta’ sorveljanza tat-termini għat-tiġdid tar-reġistrazzjoni tat-trade marks stabbilita mir-rappreżentanti maħtura kienet regolari, li dawn kienu b’mod normali u korrett wettqu l-obbligu tagħhom ta’ sorveljanza, li xi żbalji eċċezzjonali fis-sistema ta’ sorveljanza tagħhom setgħu jiġu kklassifikati bħala skużabbli u li ħadd ma seta’ jipprevedi li l-miżuri kollha ta’ prekawzjoni implementati ma kinux se jaħdmu kollha f’daqqa. |
19 |
Madankollu huwa kkunsidra, fil-punti 14 u 15 tad-deċiżjoni kkontestata, li ma teżistix rabta kawżali bejn il-fatt li din is-sistema ma ħadmitx korrettement, kif ġie osservat fil-każ inkwistjoni, u n-nuqqas ta’ tiġdid tar-reġistrazzjoni tat-trade mark inkwistjoni fit-termini prekritti. F’dan il-każ, fil-fatt, ir-raġuni għan-nuqqas ta’ tiġdid ma hijiex minħabba li s-sistema ta’ sorveljanza tat-termini li kienet stabbilita mir-rappreżentanti maħtura ma ħadmitx korrettement, imma minħabba n-nuqqas ta’ istruzzjonijiet mogħtija mir-rikorrenti u intiżi għat-tiġdid tal-imsemmija reġistrazzjoni, liema nuqqas kien ta’ natura “libera u volontarja”, wara li din kienet irċeviet il-komunikazzjoni ta’ tfakkira. |
20 |
Għal dak li jirrigwarda dan in-nuqqas ta’ reazzjoni, il-Bord tal-Appell l-ewwel nett innota, fil-punt 16 tad-deċiżjoni kkontestata, li d-dikjarazzjoni taħt ġurament ta’ M. W ma kienx fiha l-espożizzjoni tiegħu stess dwar is-suċċessjoni tal-avvenimenti, b’mod partikolari fir-rigward tal-intenzjoni jew deċiżjoni eventwali tar-rikorrenti sabiex isir it-tiġdid tat-trade mark inkwistjoni u fir-rigward tal-kuntatti li eventwalment ikunu saru għal dan il-għan mal-kollaboraturi tar-rappreżentanti maħtura. |
21 |
Il-Bord tal-Appell imbagħad ikkunsidra, fil-punti 16 sa 18 tad-deċiżjoni kkontestata, li anki li kieku r-rappreżentanti maħtura kienu ġew avżati mis-sistema interna ta’ sorveljanza tat-termini tagħha li r-reġistrazzjoni tat-trade mark inkwisjtoni kienet dalwaqt se tiskadi jew li kieku kienu rċevew il-komunikazzjoni ta’ tfakkira, ma kinux ikunu jistgħu jipproċedu huma stess għat-tiġdid tar-reġistrazzjoni, fin-nuqqas ta’ ordni f’dan is-sens mingħand ir-rikorrenti. Għalhekk ma hemmx rabta kawżali bejn dawn l-avvenimenti u n-nuqqas ta’ tiġdid tar-reġistrazzjoni tat-trade mark inkwistjoni, peress li l-unika raġuni għal dan in-nuqqas kienet in-nuqqas ta’ istruzzjoni għat-tiġdid mingħand ir-rikorrenti, anki wara li hija rċeviet il-komunikazzjoni ta’ tfakkira. Il-Bord tal-Appell ikkwalifika dan in-nuqqas ta’ istruzzjoni bħala kuntrarju għall-obbligu li jsir dak kollu meħtieġ. |
22 |
Fil-punt 19 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Bord tal-Appell barra minn hekk irrikonoxxa li effettivament kien bi żball li l-komunikazzjoni ta’ tfakkira kienet ġiet indirizzata mill-UASI, mhux lir-rappreżentanti maħtura, imma direttament lir-rikorrenti. Huwa madankollu kkunsidra li, skont l-Artikolu 47(2) tar-Regolament Nru 207/2009, l-UASI ma setax iħalli li r-responsabbilta’ ta’ dan l-iżball taqa’ fuqu. Fil-fatt huwa fin-natura ta’ tali komunikazzjoni ta’ servizz li persuna ma tkunx tista’ tkun kunfidenti li din il-komunikazzjoni ser tasal. |
It-talbiet tal-partijiet
23 |
Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:
|
24 |
L-UASI jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:
|
Id-dritt
25 |
Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti invokat motiv wieħed, li huwa bbażat fuq ksur tal-Artikolu 81(1) tar-Regolament Nru 207/2009. |
26 |
Ir-rikorrenti tibda billi tesponi b’mod dettaljat is-sistema ta’ sorveljanza tat-termini għat-tiġdid tar-reġistrazzjoni tat-trade marks stabbilita mir-rappreżentanti maħtura tagħha. Hija tenfasizza li l-Bord tal-Appell ikkonstata, ġustament, li s-sistema ta’ sorveljanza kienet regolari, li kienet twassal għall-konklużjoni li l-iżball imwettaq fil-każ inkwistjoni mill-imsemmija rappreżentanti kien skużabbli. |
27 |
Bħala risposta għall-ilmenti ta’ negliġenza u żball li ma huwiex skużabbli sostnuti mill-Bord tal-Appell kontra r-rikorrenti stess, talli din ma tatx l-istruzzjonijiet lir-rappreżentanti maħtura tagħha wara li hija rċeviet il-komunikazzjoni ta’ tfakkira, il-Bord jesponi li l-imsemmija rappreżentanti jiżguraw ir-rappreżentazzjoni legali tar-rikorrenti, b’mod partikolari quddiem l-UASI, għas-654 trade mark u privattivi nazzjonali, Komunitarji kif ukoll Ewropej kollha, fosthom 16-il trade mark Komunitarja. B’dan il-mod, huma jinformawha sistematikament, bejn tliet xhur u xahar qabel l-iskadenza tat-terminu għat-tiġdid tar-reġistrazzjoni ta’ kull waħda mit-trade marks tagħha, u billi jistiednuha sabiex tagħtihom l-istruzzjoni biex jipproċedu għall-imsemmi tiġdid. Sal-kawża preżenti, ir-rikorrenti kienet dejjem irċeviet kif suppost dawn it-tfakkiriet u hija kienet dejjem ħadet passi b’mod sistematiku. Min-naħa l-oħra, hija qatt ma rċeviet tali tfakkiriet direttament mingħand l-UASI, ħlief preċiżament fil-każ inkwistjoni. Ir-rikorrenti tqis, konsegwentement, li hija setgħet leġittimament tistrieħ fuq il-fatt li r-rappreżentanti maħtura tagħha kienu ser jiġbdu l-attenzjoni tagħha rigward in-neċessità li tiġġedded ir-reġistrazzjoni tat-trade mark inkwistjoni fit-terminu abitwali ta’ tliet xhur. Din ukoll hija r-raġuni għalfejn hija ma kinitx ħadet passi fuq il-komunikazzjoni ta’ tfakkira. |
28 |
Ir-rikorrenti żżid illi ma huwiex l-obbligu tal-proprjetarja ta’ trade mark Komunitarja li tistabbilixxi s-sistema tagħha stess ta’ sorveljanza tat-termini, b’mod parallel għal dak tar-rappreżentanti professjonali tagħha. Kuntrarjament, is-sistema ta’ sorveljanza tat-termini tar-rappreżentanti professjonali waħidha għandha tkun biżżejjed sabiex toffri l-garanziji tal-funzjonament tajjeb [sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-13 ta’ Mejju 2009, Aurelia Finance vs UASI (AURELIA), T-136/08, Ġabra p. II-1361, punt 18]. Dan kien suppost il-każ inkwistjoni. |
29 |
Għal dak li jirrigwarda l-allegat nuqqas tar-rabta kawżali bejn il-fatt li s-sistema ta’ soveljanza għat-termini stabbilita mir-rappreżentanti maħtura tagħha ma ħadmitx korrettement u n-nuqqas ta’ tiġdid tar-reġistrazzjoni tat-trade mark inkwistjoni fit-termini prekritti (ara l-punt 21 iktar ’il fuq), ir-rikorrenti tinsisti fuq il-fatt li l-imsemmija trade mark tikkoinċidi mad-deskrizzjoni kummerċjali tagħha u li din it-trade mark kienet ġiet iddepożitata mill-ġdid bħala trade mark Komunitarja fit-30 ta’ Marzu 2010, jiġifieri ġimgħa biss wara li kienet intbagħtet il-komunikazzjoni dwar il-kanċellazzjoni tagħha mir-reġistru tat-trade marks Komunitarji. L-ipoteżi tal-Bord tal-Appell li tiddikjara li ma hemm xejn li jindika li r-rikorrenti kienet tagħti istruzzjonijiet għal tiġdid tar-reġistrazzjoni tat-trade mark inkwistjoni, li kieku hija kienet ġiet informata dwar l-iskadenza imminenti mir-rappreżentanti maħtura tagħha, hija għalhekk totalment irrealista. Għal kuntrarju, hija ssostni illi, fil-każ ta’ dubju, ir-rappreżentanti maħtura tagħha, li jirrappreżentawha fl-oqsma kollha tal-protezzjoni tal-proprjetà intellettwali, kellhom jaraw li jsir it-tiġdid tar-reġistrazzjoni tat-trade mark inkwistjoni anki fin-nuqqas ta’ struzzjonijiet konkreti f’dan is-sens u kellhom jaġixxu b’mod ieħor biss fil-każ ta’ istruzzjonijiet espressi li jiddikjaraw li ma għandux isir tiġdid. |
30 |
Skont l-UASI, l-appell huwa manifestament infondat. |
31 |
Għal dak li jirrigwarda l-attitudni tiegħu stess, l-UASI jsostni li, minn naħa, skont l-Artikolu 47(2) tar-Regolament Nru 207/2009 u r-Regola 29 tar-Regolament ta’ Implementazzjoni, huwa obbligat li jinforma lill-proprjetarju nnifsu dwar l-iskadenza imminenti tar-reġistrazzjoni ta’ trade mark Komunitarja. L-ebda waħda minn dawn id-dispożizzjonijiet ma ssemmi l-obbligu li jiġi informat rappreżentant professjonali eventwali. |
32 |
Min-naħa l-oħra, l-UASI ssostni li, skont dawn l-istess dispożizzjonijiet, huwa ma huwa responsabbli la għan-nuqqas ta’ informazzjoni tal-persuna interessata u lanqas, a fortiori, għal “kunsinna fl-indirizz żbaljat”. |
33 |
Għal dak li jirrigwarda l-kwistjoni dwar jekk is-sistema ta’ sorveljanza tat-termini stabbilita mir-rappreżentanti maħtura tikkostitwixxix il-viġilanza meħtieġa skont iċ-ċirkustanzi, l-UASI japprova l-evalwazzjoni tal-Bord tal-Appell li tiddikjara li tali kwistjoni ma għandhiex rilevanza fil-każ inkwistjoni. |
34 |
Għal dak li jikkonċerna l-allegat nuqqas tar-rikorrenti stess li tagħmel dak kollu meħtieġ, l-UASI jaqbel infatti mal-evalwazzjoni tal-Bord tal-Appell li tiddikjara li dan kien, fil-każ inkwistjoni, il-kawża determinanti tal-iskadenza tat-terminu għal tiġdid tar-reġistrazzjoni tat-trade mark inkwistjoni. Fil-fatt, ir-rikorrenti kellha għad-dispożizzjoni tagħha perijodu ta’ kważi 13-il xahar sabiex tipproċedi għal dan it-tiġdid. Matul dan il-perijodu, ir-rikorrenti ma ħadet l-ebda passi quddiem l-UASI u ma tat l-ebda istruzzjonijiet lir-rappreżentanti maħtura tagħha u lanqas biss ikkuntattjathom meta hija kienet ġiet mgħarrfa uffiċjalment, permezz ta’ komunikazzjoni ta’ tfakkira, bl-iskadenza imminenti tal-imsemmija reġistrazzjoni. Dan l-aġir huwa inkompatibbli mal-obbligu li jsir dak kollu meħtieġ skont iċ-ċirkustanzi iktar u iktar meta jiġi kkunsidrat li t-trade mark inkwistjoni kienet il-“house brand” tar-rikorrenti u li hija kellha, għalhekk, tibbenefika minn grad ta’ attenzjoni partikolari. |
35 |
Għal dak li jirrigwarda l-affermazzjoni li tiddikjara li r-rappreżentanti maħtura kellhom, fid-dubju, iġeddu r-reġistrazzjoni tat-trade mark inkwistjoni anki fin-nuqqas tal-istruzzjonijiet tar-rikorrenti f’dan is-sens (ara punt 29 iktar ’il fuq), l-UASI jqis li din ma hijiex rilevanti peress li hija purament spekulattiva. Barra minn hekk, din l-affermazzjoni hija kkontradetta mill-espożizzjoni magħmula fil-punt 44 tar-rikors, li tiddikjara li l-mandat tar-rappreżentanti maħtura ma kienx tahom dritt li jipproċedu, fuq inizjattiva tagħhom stess u mingħajr istruzzjonijiet konkreti min-naħa tar-rikorrenti, għat-tiġdid tar-reġistrazzjoni tat-trade mark. |
36 |
F’dan ir-rigward, mill-Artikolu 81(1) tar-Regolament Nru 207/2009 jirriżulta li r-restitutio in integrum hija suġġetta għal żewġ kundizzjonijiet, l-ewwel waħda hija li l-parti tkun għamlet dak kollu meħtieġ fid-dawl taċ-ċirkustanzi u t-tieni, li l-ostaklu għall-konformità tal-parti kellu bħala konsegwenza diretta t-telf ta’ dritt jew ta’ mezz ta’ rimedju [ara s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-15 ta’ Settembru 2011, Prinz Sobieski zu Schwarzenberg vs UASI — British-American Tobacco Polska (Romuald Prinz Sobieski zu Schwarzenberg), T-271/09, mhux ippubblikata fil-Ġabra, punt 53 u l-ġurisprudenza ċċitata]. |
37 |
Minn din id-dispożizzjoni jirriżulta wkoll li l-obbligu li jsir dak kollu meħtieġ skont iċ-ċirkustanzi jaqa’, l-ewwel nett, fuq il-proprjetarju tat-trade mark. B’hekk, jekk il-proprjetarju jiddelega l-funzjonijiet amministrattivi relatati mat-tiġdid ta’ trade mark, huwa għandu jiżgura li l-persuna magħżula minnu jkollha l-garanziji neċessarji li jippermettu l-preżunzjoni ta’ eżekuzzjoni tajba tal-imsemmija funzjonijiet (sentenza AURELIA, iċċitata iktar ’il fuq, punt 14). |
38 |
Għandu wkoll jitqies li, minħabba d-delega ta’ dawn il-funzjonijiet, il-persuna magħżula hija, l-istess bħall-proprjetarju, suġġetta għall-imsemmi obbligu li jsir dak kollu meħtieġ skont iċ-ċirkustanzi. Fil-fatt, billi din tal-aħħar taġixxi f’isem u għan-nom tal-proprjetarju, l-atti tagħha għandhom jitqiesu bħala li huma dawk tal-proprjetarju (sentenzi AURELIA, iċċitata iktar ’il fuq, punt 15, u Romuald Prinz Sobieski zu Schwarzenberg, iċċitata iktar ’il fuq, punt 54). |
39 |
Fil-każ inkwistjoni, meta jittieħdu inkunsiderazzjoni l-avvenimenti spjegati iktar ’il fuq, il-Qorti Ġenerali tikkonstata li n-nuqqas ta’ tiġdid tar-reġistrazzjoni tat-trade mark inkwistjoni fit-termini preskritti huwa kkawżat mill-fatt li l-Bord tal-Appell iddeskriva, wara d-Diviżjonijiet tal-Amministrazzjoni ta’ Trade marks u Diviżjonijiet Legali, bħala “katina ta’ numru kunsiderevoli ta’ ċirkustanzi sfortunati” (punt 20 tad-deċiżjoni kkontestata). Jaqbel li tiġi approvata mingħajr kundizzjoni, f’dan il-kuntest, l-evalwazzjoni tal-ordni ġenerali tal-Bord tal-Appell li tgħid li “ir-restitutio in integrum huwa ġustament previst għal tali każijiet”. |
40 |
Fost, iċ-“ċirkustanzi sfortunati” inkwistjoni, għandhom jiġu kkunsidrati tlieta, kif ser jiġi spjegat iktar ’il quddiem, bħala li kkontribwixxew b’mod determinati għal dan in-nuqqas ta’ tiġdid, jiġifieri: i) il-fatt li, mingħajr spjegazzjoni ta’ xejn, l-ewwel żewġ “pilastri tal-awditjar” interni għas-sistema ta’ sorveljanza tat-termini stabbilita mir-rappreżentanti maħtura, ma ħadmux; ii) il-kanċellazzjoni għal għarrieda u mhux rikjesta tal-isem tar-rappreżentanti maħtura, bħala rappreżentanti tar-rikorrenti, mid-database tal-UASI (ara punt 13 iktar ’il fuq), li kellha l-konsegwenza li l-UASI bagħat il-komunikazzjoni ta’ tfakkira lir-rikorrenti fl-indirizz l-antik tagħha, minflok lir-rappreżentanti maħtura tagħha; iii) ir-reazzjoni konfuża u mhux xierqa ta’ M W għal din il-komunikazzjoni, li kellha l-konsegwenza li r-rappreżentanti maħtura ma rċevew l-ebda istruzzjoni spontanja għat-tiġdid ta’ reġistrazzjoni min-naħa tar-rikorrenti. |
41 |
Għal dak li jirrigwarda l-ewwel “ċirkustanzi sfortunati”, għandu jiġi mfakkar li, skont il-ġurisprudenza, it-termini “minkejja li jkunu għamlu dak kollu meħtieġ miċ-ċirkustanzi” li jidhru fl-Artikolu 81(1) tar-Regolament Nru 207/2009 jeħtieġu, fil-każ ta’ mandatarju speċjalizzat, it-twaqqif ta’ sistema interna ta’ verifika u sorveljanza għat-termini li teskludi ġeneralment in-nuqqas ta’ osservanza volontarja ta’ dawn it-termini, kif ukoll li tavża dwar id-direttivi rigward il-proċeduri quddiem l-UASI. Minn dan isegwi li huma biss avvenimenti ta’ natura eċċezzjonali u, għalhekk, imprevedibbli skont l-esperjenza li jistgħu jagħtu lok għal restitutio in integrum (sentenza AURELIA, iċċitata iktar ’il fuq, punt 26). |
42 |
Dawn il-kundizzjonijiet kienu ġew manifestament sodisfatti fil-każ inkwistjoni, hekk kif joħroġ mill-konstatazzjonijiet magħmula mill-Bord tal-Appell u mill-ispjegazzjonijiet addizzjonali ċirkustanzjati miġjuba mir-rikorrenti, liema konstatazzjonijiet ma humiex ikkontestati mill-UASI. |
43 |
Ir-rikorrenti għalhekk għandha tiġi kkunsidrata bħala li aġixxiet, a priori, skont dak kollu meħtieġ skont iċ-ċirkustanzi ppreżentati billi għażlet, sabiex jirrappreżentawha fil-kuntest tar-relazzjonijiet tagħha mal-UASI, uffiċċju tal-avukati u prokuraturi tal-privattivi bħal dak tar-rappreżentanti maħtura, mgħammar b’sistema interna ta’ sorveljanza għat-termini doppja li l-UASI ammetta, kemm fid-deċiżjoni kkontestata tagħha kif ukoll fir-risposta tagħha, li hija kienet regolari. |
44 |
L-istess konklużjoni tirriżulta għal dak li jirrigwarda r-rappreżentanti maħtura, peress li l-Bord tal-Appell irrikonoxxa, fil-punt 13 tad-deċiżjoni kkontestata, li żbalji eċċezzjonali li jeffettwaw is-sistema interna ta’ sorveljanza tat-termini tagħhom kienu skużabbli. |
45 |
Għal dak li jirrigwarda ż-żewġ “ċirkustanzi sfortunati” msemmija fil-punt 40 iktar ’il fuq, huwa xieraq li jiġi nnotat mill-bidu nett li n-nuqqas li jsir dak kollu meħtieġ skont iċ-ċirkustanzi li forsi kien wera M W, il-persuna nnominata mir-rikorrenti, meta huwa ma għamilx kuntatt mal-UASI jew mar-rappreżentanti maħtura, hekk kif kien irċieva l-komunikazzjoni ta’ tfakkira, ma setax ikollu konsegwenzi fuq in-nuqqas ta’ tiġdid tar-reġistrazzjoni tat-trade mark inkwistjoni peress li dan in-nuqqas li jsir dak kollu meħtieġ skont iċ-ċirkustanzi seħħ minħabba żball minn qabel min-naħa tal-UASI meta dan ikkanċella fuq inizjattiva tiegħu stess l-isem tar-rappreżentanti maħtura mid-database u meta minħabba f’hekk ma kienx innotifikahom bil-komunikazzjoni ta’ tfakkira. |
46 |
Ċertament, parti trid tagħti prova li għamlet dak kollu meħtieġ skont iċ-ċirkustanzi meta jiġi kkunsidrat it-tiġdid fiż-żmien utli għar-reġistrazzjoni tat-trade mark Komunitarja tagħha, li bħala prinċipju jimplika li hija tirreaġixxi fil-waqt u b’mod adegwat għall-wasla tal-komunikazzjoni li jibgħatilha direttament l-UASI skont ir-Regola 29 tar-Regolament ta’ Implementazzjoni. |
47 |
Xorta jibqa’ l-fatt li, meta tali parti tkun fdat l-amministrazzjoni tas-sorveljanza tat-trade mark Komunitarja tagħha lil rappreżentant professjonali u li hija tkun informat b’dan, kif suppost, lill-UASI, dan tal-aħħar huwa wkoll obbligat li josserva din l-għażla billi jindirizza l-komunikazzjonijiet uffiċjali ta’ servizz tiegħu lill-imsemmi rappreżentant maħtur, b’mod li dan ikun jista’ jiddefendi l-interessi tal-mandant tiegħu bi grad ta’ viġilanza superjuri li huwa mistenni li jeżerċita fir-rwol tiegħu ta’ professjonist ikkwalifikat (ara, f’dan ir-rigward, id-direttivi rigward il-proċedimenti quddiem l-UASI, parti A, Kapitolu 6, punt 6.2.3). |
48 |
F’dan ir-rigward, l-UASI ma jistax jibbaża ruħu fuq l-Artikolu 47(2) tar-Regolament Nru 207/2009 u r-Regola 29 tar-Regolament ta’ Implementazzjoni, billi jsostni li dawn id-dispożizzjonijiet jobbligawh li jinforma lill-proprjetarja ta’ trade mark Komunitarja, iżda mhux lir-rappreżentant professjonali tagħha, bl-iskadenza imminenti tar-reġistrazzjoni ta’ din it-trade mark (ara l-punt 31 iktar ’il fuq). |
49 |
Fil-fatt, dan l-argument jinterpreta b’mod ħażin, ir-Regola 67 tar-Regolament ta’ Implementazzjoni li tgħid li, jekk kien inħatar rappreżentant, in-notifiki kollha għandhom jintbagħtu lilu. Barra minn dan, il-Bord tal-Appell irrikonoxxa, fil-punt 19 tad-deċiżjoni kkontestata, li kien “effettivament bi żball” li l-komunikazzjoni ta’ tfakkira kienet ġiet trażmessa mhux lir-rappreżentanti maħtura, iżda direttament lir-rikorrenti. |
50 |
F’dan il-każ, ir-rikorrenti u r-rappreżentanti maħtura tagħha kellhom għalhekk id-dritt li jistennew li, skont ir-Regola 67 tar-Regolament ta’ Implementazzjoni, in-notifiki kollha tal-UASI rigward it-trade mark inkwistjoni u, b’mod iktar partikolari, il-komunikazzjoni ta’ tfakkira, prevista mir-Regola 29 tal-imsemmi regolament, jintbagħtu lir-rappreżentanti maħtura, liema rappreżentanti jkunu jistgħu jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa sabiex isir it-tiġdid tar-reġistrazzjoni tat-trade mark inkwistjoni, anki fil-każ li l-ewwel żewġ pilastri tal-awditjar intern tas-sistema ta’ sorveljanza tat-termini tagħhom ma jkunux ħadmu. |
51 |
Fir-rigward tal-konsegwenzi tal-iżball imwettaq fil-każ inkwistjoni mill-UASI, huwa xieraq li jiġi ammess li, fin-nuqqas ta’ dan l-iżball, ir-rappreżentanti maħtura kieku kienu jirċievu direttament il-komunikazzjoni ta’ tfakkira, li kienet għalhekk tinvolvi l-attivazzjoni tat-tielet “pilastru tal-awditjar” tas-sistema ta’ sorveljanza tagħhom tat-termini u kienet ittihom il-ħin kollu sabiex jikkuntattjaw lir-rikorrenti, biex jiksbu mingħandha l-istruzzjonijiet bil-għan li jġeddu r-reġistrazzjoni tat-trade mark inkwistjoni. |
52 |
F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali tikkunsidra wkoll li, meta tittieħed inkunsiderazzjoni, b’mod partikolari, l-importanza tat-trade mark inkwistjoni għar-rikorrenti (din it-trade mark tikkoinċidi mal-isem kummerċjali tagħha), in-nuqqas ta’ istruzzjoni għat-tiġdid minn din tal-aħħar lir-rappreżentanti maħtura tagħha ġejja minn interpretazzjoni żbaljata jew minn inċident u ma hijiex fi kwalunkwe każ ir-riżultat ta’ “deċiżjoni libera u volontarja”, kif il-Bord tal-Appell jidher li kkunsidra fil-punt 15 tad-deċiżjoni kkontestata. Huwa għalhekk ukoll żbaljat li jiġi kkunsidrat li n-nuqqas ta’ tali struzzjoni kienet l-unika kawża jew il-kawża determinanti għan-nuqqas ta’ tiġdid tar-reġistrazzjoni tat-trade mark inkwistjoni. |
53 |
Għal kuntrarju, hemm lok li jiġi kkunsidrat bi grad ta’ probabbiltà kważi tilħaq il-grad ta’ ċertezza li, kieku r-rappreżentanti maħtura setgħu jikkuntattjaw lir-rikorrenti, u ma hemm xejn li jagħti lok li wieħed jissupponi li ma kinux jikkuntattjawha li kieku l-komunikazzjoni ta’ tfakkira kienet ġiet indirizzata lilhom, il-mandat tagħhom kien jagħtihom l-istruzzjoni sabiex jitolbu għat-tiġdid tar-reġistrazzjoni tat-trade mark inkwistjoni. It-tieni kundizzjoni għall-applikazzjoni tal-Artikolu 81(1) tar-Regolament Nru 207/2009, kif stabbilit fil-punt 36 iktar ’il fuq, hija għalhekk sodisfatta wkoll. |
54 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, definittivament, l-iżball jew in-negliġenza ta’ M W, il-persuna nnominata tar-rikorrenti, anki jekk kienet preżenti, jidher li huwa element puntwali u fortuwitu, li ma kienx possibbli li jseħħ u li għalhekk ma kellux il-konsegwenzi dannużi għaliha ħlief għall-iżball preċedenti tal-UASI, peress li dawn iż-żewġ ċirkustanzi kkontribwixxew b’mod determinanti, flimkien mal-fatt li l-ewwel żewġ “pilastri tal-awditjar” interni għas-sistema ta’ sorveljanza tat-termini stabbilita mir-rappreżentanti maħtura, ma ħadmux, għan-nuqqas ta’ tiġdid fi żmien xieraq għar-reġistrazzjoni tat-trade mark inkwistjoni. |
55 |
Huwa għalhekk veru li, kif innota l-Bord tal-Appell fil-punt 19 tad-deċiżjoni kkontestata, skont l-Artikolu 47(2) tar-Regolament Nru 207/2009 u r-Regola 29 tar-Regolament ta’ Implementazzjoni, l-iżball inkwistjoni tal-UASI, li jikkonsisti fil-kanċellazzjoni tal-isem tar-rappreżentanti maħtura mid-database u fin-nuqqas konsekuttiv milli jibgħat il-komunikazzjoni ta’ tfakkira lil dawn ir-rappreżentanti, ma jfissirx li l-UASI huwa responsabbli u ma għandu l-ebda effett fuq l-iskadenza tar-reġistrazzjoni tat-trade mark inkwistjoni. |
56 |
Xorta jibqa’ l-fatt li huwa indispensabbli li l-Bord tal-Appell għandu jieħu inkunsiderazzjoni dan l-iżball u l-konsegwenzi tiegħu fl-evalwazzjoni tal-mertu tal-applikazzjoni għar-restitutio in integrum, liema applikazzjoni, fiha nnifisha, ma timplika l-ebda rikonoxximent tar-responsabbiltà tal-UASI. Fil-fatt, il-grad ta’ viġilanza li jridu jipprovaw il-partijiet sabiex ikunu jistgħu jerġgħu jiksbu d-drittijiet tagħhom għandu jiġi evalwat fir-rigward taċ-ċirkustanzi rilevanti kollha, li jinkludu wkoll fil-każ inkwistjoni, kif diġà ġie spjegat iktar ’il fuq, l-imsemmi żball u l-konsegwenzi tiegħu. |
57 |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjoni kollha preċedenti, il-Qorti Ġenerali tikkunsidra li l-Bord tal-Appell kien żbaljat meta ma ħax inkunsiderazzjoni l-iżball imwettaq mill-UASI, meta dan l-iżball kien wieħed mit-tliet ċirkustanzi rilevanti, fil-każ inkwistjoni, għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-Artikolu 81(1) tar-Regolament Nru 207/2009. |
58 |
Minn dan tirriżulta applikazzjoni żbaljata ta’ din id-dispożizzjoni mill-Bord tal-Appell. |
59 |
Għaldaqstant, hemm lok li tiġi rrikonoxxuta l-leġittimita’ tal-motiv uniku tar-rikors u li tiġi annullata d-deċiżjoni kkontestata. |
60 |
Għall-bqija, skont l-Artikolu 65(6) tar-Regolament Nru 207/2009, l-UASI huwa meħtieġ li jieħu l-miżuri neċessarji sabiex jimplementa s-sentenza attwali. Ma hemmx lok, f’dawn iċ-ċirkustanzi, li tittieħed deċiżjoni b’mod awtonomu fuq it-tieni kap tat-talbiet tar-rikorrenti. |
Fuq l-ispejjeż
61 |
Skont l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-parti li titlef għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. |
62 |
Skont l-Artikolu 136(1) tar-Regoli tal-Proċedura, madankollu, meta jsir rikors kontra deċiżjoni tal-Bord tal-Appell, il-Qorti Ġenerali tista’ tordna li l-UASI għandu jbati biss l-ispejjeż tiegħu stess. |
63 |
F’din il-kawża, peress li r-rikorrenti kkontribwixxiet, kemm bl-aġir tagħha stess kif ukoll tar-rappreżentanti maħtura tagħha, għall-bidu ta’ din il-kawża, dawn id-dispożizzjonijiet għandhom jiġu ġustament applikati billi jiġi deċiż illi kull parti għandha tbati l-ispejjeż tagħha stess. |
Għal dawn il-motivi, IL-QORTI ĠENERALI (It-Tieni Awla) taqta’ u tiddeċiedi: |
|
|
Forwood Dehousse Schwarcz Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fil-25 ta’ April 2012. Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.