SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (It-Tielet Awla)

19 ta’ Settembru 2012 ( *1 )

“Trade mark Komunitarja — Trade mark Komunitarja figurattiva VR — Assenza ta’ talba għat-tiġdid tat-trade mark — Kanċellazzjoni tat-trade mark wara l-iskadenza tar-reġistrazzjoni — Talba għal restitutio in integrum — Artikolu 81 tar-Regolament (KE) Nru 207/2009”

Fil-Kawża T-267/11,

Video Research USA, Inc., stabbilita f’New York, New York (l-Istati Uniti), irrappreżentata minn B. Brandreth, barrister,

rikorrenti,

vs

L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI), irrappreżentat minn P. Bullock, bħala aġent,

konvenut,

li għandha bħala suġġett rikors ippreżentat kontra d-deċiżjoni tat-Tieni Bord tal-Appell tal-UASI, tat-8 ta’ Marzu 2011 (Każ R 1187/2010-2), fir-rigward ta’ talba għal restitutio in integrum,

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tielet Awla),

komposta minn O. Czúcz (Relatur), President, I. Labucka u D. Gratsias, Imħallfin,

Reġistratur: S. Spyropoulos, Amministratur,

wara li rat ir-rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl-24 ta’ Mejju 2011,

wara li rat ir-risposta ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-2 ta’ Awwissu 2011,

wara s-seduta tas-6 ta’ Marzu 2012,

tagħti l-preżenti

Sentenza

Il-kuntest ġuridiku

1

L-Artikolu 47 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 40/94, tal-20 ta’ Diċembru 1993, dwar it-trade mark Komunitarja (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 146), kif emendat [li sar l-Artikolu 47 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 207/2009, tas-26 ta’ Frar 2009, dwar it-trade mark Komunitarja (ĠU L 78, p. 1)], jipprovdi :

“It-tiġdid

1.   Ir-reġistrazzjoni ta’ trade mark Komunitarja għandha tiġi mġedda fuq talba tal-proprjetarju tat-trade mark jew ta’ kull persuna espressament awtorizzata minnu, sakemm id-drittijiet ikunu tħallsu.

2.   L-Uffiċċju għandu jinforma lill-proprjetarju ta’ trade mark Komunitarja […] li r-reġistrazzjoni tkun waslet biex tiskadi sew qabel ma din tiskadi. […]

3.   It-talba għat-tiġdid għandha tiġi sottomessa fi żmien perjodu ta’ sitt xhur li jagħlaq fl-aħħar jum tax-xagħar ta’ meta tispiċċa l-protezzjoni. Id-drittijiet għandhom jiġu mħallsa wkoll f’dan il-perjodu. Jekk dan ma jseħħx, it-talba tista’ tiġi sottomessa u d-drittijiet jistgħu jiġu mħallsa fi żmien perjodu ieħor ta’ sitt xhur wara l-jum imsemmi fl-ewwel sentenza, sakemm jiġi mħallas dritt f’dan il-perjodu l-ieħor.

[...]”

2

Ir-Regola 30(5) u (6) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2868/95, tat-13 ta’ Diċembru 1995, li jimplementa r-Regolament Nru 40/94 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 189), kif emendat, jipprovdi dan li ġej :

“5.

Meta l-applikazzjoni għat-tiġdid ma ssirx jew issir wara li jiskadi ż-żmien imsemmi fit-tielet sentenza ta’ Artikolu 47(3) tar-Regolament, [jew] jekk il-miżati ma jkunux imħallsa jew ikunu mħallsa biss wara li jkun skada ż-żmien in kwistjoni, […] l-[UASI] għandu jistabbilixxi li r-reġistrazzjoni skadiet u għandu jinforma b’dan lill-propjetarju tat-trade mark tal-Komunità […]

6.

Meta d-deċiżjoni meħudha skon[t] paragrafu 5 issir definittiva, l-[UASI] għandu jħassar [jikkanċella] il-marka mir-reġistru. It-tħassir għandu jkollu [il-kanċellazzjoni għandu jkollha] effett mill-ġurnata ta’ wara l-ġurnata li fiha r-reġistrazzjoni eżistenti tiskadi.”

3

L-Artikolu 81 tar-Regolament Nru 207/2009 jipprovdi dan li ġej :

“Restitutio in integrum

1.   L-applikant jew il-proprjetarju ta’ trade mark Komunitarja jew kull parti oħra fi proċedimenti quddiem l-[UASI], li ma jkunux f’pożizzjoni li ikunu konformi mat-terminu ta’ żmien fil-konfront tal-[UASI] minkejja li jkunu għamlu dak kollu meħtieġ miċ-ċirkustanzi, għandhom, wara li ssir applikazzjoni, jingħataw lura d-drittijiet tagħhom jekk l-ostaklu għall-konformita jkollha l-konsegwenza diretta, minħabba d-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament, li tikkawża t-telfien ta’ kull dritt jew mezz ta’ rimedju.”

Il-fatti li wasslu għall-kawża

4

Fit-12 ta’ Jannar 2000, wara applikazzjoni ppreżentata fis-26 ta’ Awwissu 1998 mir-rikorrenti, Video Research USA, Inc, l-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI) irreġistra bħala trade mark Komunitarja s-sinjal figurattiv riprodott hawn taħt:

Image

5

Fit-28 ta’ Jannar 2008, skont l-Artikolu 47(2) tar-Regolament Nru 40/94 [li sar l-Artikolu 47(2) tar-Regolament Nru 207/2009] u r-Regola 29 tar-Regolament Nru 2868/95, l-UASI nnotifika lill-uffiċċju B., ir-rappreżentant tar-rikorrenti quddiem l-UASI (iktar ’il quddiem l-“uffiċċju B.”), li l-perijodu ta’ protezzjoni tat-trade mark kien ser jintemm fis-26 ta’ Awwissu 2008 u li t-talba għat-tiġdid kellha tiġi ppreżentata sal-1 ta’ Settembru 2008. L-UASI enfasizza wkoll li, fil-każ tal-ħlas tat-taxxa addizzjonali għall-ħlas tardiv tal-miżata ta’ tiġdid, it-terminu kien jiġi estiż sat-2 ta’ Marzu 2009.

6

Madankollu, ir-rikorrenti ma ġedditx ir-reġistrazzjoni tagħha.

7

Konsegwentment, fl-1 ta’ April 2009, l-UASI nnotifika lir-rappreżentant tar-rikorrenti bl-iskadenza tar-reġistrazzjoni tat-trade mark Komunitarja u bil-kanċellazzjoni sussegwenti tagħha. Il-kanċellazzjoni daħlet fis-seħħ fis-26 ta’ Awwissu 2008.

8

Fit-2 ta’ Ġunju 2009, ir-rikorrenti ressqet talba għal restitutio in integrum fis-sens tal-Artikolu 81 tar-Regolament Nru 207/2009 fejn spjegat ir-raġunijiet għalfejn hija allegatament ma kinitx f’pożizzjoni li tosserva t-terminu għat-tiġdid tar-reġistrazzjoni tagħha. Insostenn tal-applikazzjoni tagħha, ir-rikorrenti pproduċiet dikjarazzjoni solenni ta’ J. W., fil-kapaċità tiegħu ta’ assoċjat tal-uffiċċju B., tat-2 ta’ Ġunju 2009.

9

Skont l-imsemmija dikjarazzjoni, l-uffiċju B. juża sistema tal-informatika għall-ġestjoni tal-fajls u tat-tiġdid, imsejħa “Inprotech”, li ġġenerat u bagħtet noti ta’ tfakkir għat-tiġdid lir-rappreżentant legali Amerikan tar-rikorrenti fl-1 ta’ April, fl-1 ta’ Ġunju u fl-1 ta’ Lulju 2008. Sussegwentement, fit-18 ta’ Awwissu 2008, l-uffiċċju B. kien irċieva istruzzjonijiet għat-tiġdid tar-reġistrazzjoni. Madankollu, minħabba żball uman eċċezzjonali, l-amministratur tat-tiġdid ma bagħatx l-imsemmija istruzzjoni lil impjegat responsabbli għat-tiġdid bil-għan li tiġi eżegwita l-istruzzjoni ta’ tiġdid. Barra minn hekk, minħabba ħsara fis-sistema “Inprotech”, din ma ġġeneratx tfakkiriet ta’ tiġdid għal tlieta, erba’ u ħames xhur wara l-iskadenza tat-tiġdid. Għalhekk, ir-reġistrazzjoni msemmija hawn fuq ma ġietx imġedda minħabba żewġ żbalji separati, wieħed li huwa żball uman inspjegabbli u l-ieħor dovut għal problema ta’ pprogrammar informatiku.

10

Permezz tad-deċiżjoni tas-26 ta’ April 2010, id-Diviżjoni “Trade Marks u Reġistru” tal-UASI ċaħdet it-talba għar-restitutio in integrum tar-rikorrenti u kkonfermat il-kanċellazzjoni tar-reġistrazzjoni tat-trade mark Komunitarja.

11

Fil-25 ta’ Ġunju 2010, ir-rikorrenti ppreżentat appell quddiem l-UASI, skont l-Artikoli 58 u 64 tar-Regolament Nru 207/2009, kontra d-deċiżjoni tad-Diviżjoni “Trade Marks u Reġistru”.

12

Permezz ta’ deċiżjoni tat-8 Marzu 2011 (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”), it-Tieni Bord tal-Appell tal-UASI ċaħad l-appell. Fl-ewwel lok, huwa essenzjalment ikkunsidra li d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 81(1) tar-Regolament Nru 207/2009 kellhom jiġu interpretati b’mod strett minħabba li l-osservanza ta’ terminu kienet kwistjoni ta’ ordni pubbliku. Fit-tieni lok, huwa qies li, meta parti tkun għażlet li timpjega rappreżentant legali, id-dmirijiet ta’ diliġenza meħtieġa jestendu għal dan ir-rappreżentant legali debitament awtorizzat. Fit-tielet lok, iċ-ċirkustanzi invokati mir-rikorrenti ma setgħux jiġu kkunsidrati anormali u inevitabbli. L-ewwel nett, l-amministratur tat-tiġdid tal-uffiċċju B. nesa jagħti l-istruzzjonijiet meħtieġa lill-persunal amministrattiv tiegħu. It-tieni nett, ir-rappreżentant Amerikan tar-rikorrenti ma għamilx reazzjoni qabel tmien xhur iktar tard, fit-13 ta’ April 2009, meta skopra minn fuq is-sit tal-internet tal-UASI li r-reġistrazzjoni ma kinitx ġiet imġedda. It-tielet nett, l-uffiċċju B. ibbaża ruħu fuq sistema waħda, jiġifieri “Inprotech”. Ir-raba’ nett, l-uffiċċju B. ma ħax inkunsiderazzjoni l-ittra tal-UASI tat-28 ta’ Jannar 2008 li fiha ngħata żewġ termini għas-sottomissjoni tal-applikazzjoni u għall-ħlas tal-miżati. Fir-raba’ lok, ir-rikorrenti ma rnexxiliex tipprova li hija kienet għamlet “dak kollu meħtieġ miċ-ċirkustanzi”.

Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

13

Fir-rikors tagħha, ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tannulla d-deċiżjoni kkontestata;

tirrinvija l-kawża lill-UASI flimkien ma’ rakkomandazzjoni li għandu jingħata restitutio in integrum;

tikkundanna lill-UASI għall-ispejjeż.

14

Fis-seduta, ir-rikorrenti ddikjarat li kienet qiegħda tirrinunzja għat-tieni kap tat-talbiet tagħha.

15

L-UASI jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tiċħad ir-rikors;

tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

Id-dritt

16

Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka motiv wieħed biss, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 81 tar-Regolament Nru 207/2009 u fuq żball ta’ evalwazzjoni tal-fatti.

17

Hija ssostni li l-Bord tal-Appell applika kriterji legali żbaljati u wisq stretti fir-rigward tal-evalwazzjoni tal-viġilanza meħtieġa mill-proprjetarju tat-trade mark jew mir-rappreżentanti tiegħu. Barra minn hekk, ir-rikorrenti tallega li l-Bord tal-Appell għamel konstatazzjonijiet fattwali żbaljati.

18

Mill-Artikolu 81(1) tar-Regolament Nru 207/2009 jirriżulta li r-restitutio in integrum huwa suġġett għal żewġ kundizzjonijiet, l-ewwel waħda hija li l-parti tkun aġixxiet bil-viġilanza meħtieġa fid-dawl taċ-ċirkustanzi u t-tieni li l-ostakolu għall-konformità tal-parti kellu bħala konsegwenza diretta t-telf ta’ dritt jew ta’ mezz ta’ rimedju [digriet tal-Qorti Ġenerali tas-6 ta’ Settembru 2006, Hensotherm vs UASI - Hensel (HENSOTHERM), T-366/04, mhux ippubblikat fil-Ġabra, punt 48, u sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-20 ta’ April 2010, Rodd & Gunn Australia vs UASI (Rappreżentazzjoni ta’ kelb), T-187/08, mhux ippubblikata fil-Ġabra, punt 28].

19

Minn dan l-artikolu jirriżulta wkoll li d-dmir ta’ viġilanza jaqa’, l-ewwel nett, fuq il-proprjetarju tat-trade mark. B’hekk, jekk il-proprjetarju jiddelega l-funzjonijiet amministrattivi relatati mat-tiġdid ta’ trade mark, huwa għandu jiżgura li l-persuna magħżula minnu tippreżenta l-garanziji neċessarji li jippermettu l-preżunzjoni ta’ eżekuzzjoni tajba tal-imsemmija funzjonijiet. Għandu wkoll jitqies li, minħabba d-delegazzjoni ta’ dawn il-funzjonijiet, il-persuna magħżula hija, l-istess bħall-proprjetarju, suġġetta għall-imsemmi dmir ta’ viġilanza. Fil-fatt, billi din tal-aħħar taġixxi f’isem u għall-proprjetarju, l-atti tagħha għandhom jitqiesu bħala li huma dawk tal-proprjetarju [sentenzi tal-Qorti Ġenerali tat-13 ta’ Mejju 2009, Aurelia Finance vs UASI (AURELIA), T-136/08, Ġabra p. II-1361, punti 14 u 15, u s-sentenza ‘Rappreżentazzjoni ta’ kelb’, punt 29].

20

Barra minn hekk, skont il-ġurisprudenza, il-kliem “dak kollu meħtieġ miċ-ċirkustanzi” li jinsab fl-Artikolu 81(1) tar-Regolament Nru 207/2009, jirrikjedi l-implementazzjoni ta’ sistema ta’ kontroll u ta’ sorveljanza interna tat-termini li teskludi ġeneralment in-nuqqas ta’ osservanza involontarja ta’ dawn it-termini, kif previsti mid-direttivi tal-UASI. Minn dan jirriżulta li huma biss l-avvenimenti eċċezzjonali u, għaldaqstant, imprevedibbli abbażi tal-esperjenza li jistgħu jagħtu lok għal restitutio in integrum (sentenza AURELIA, iċċitata iktar ’il fuq, punt 26).

21

F’dan il-każ, ir-rikorrenti, il-proprjetarja tat-trade mark, għażlet rappreżentant legali Amerikan sabiex jirrappreżentaha f’dak li jikkonċerna l-ġestjoni tat-trade mark inkwistjoni, li, min-naħa tiegħu, iddelega l-kompiti amministrattivi dwar it-tiġdid tat-trade mark lill-uffiċċju B. F’dawn iċ-ċirkustanzi, kemm ir-rikorrenti u kif ukoll ir-rappreżentant legali Amerikan tagħha u l-uffiċċju B. kienu suġġetti għal dmir ta’ viġilanza speċifikat mill-ġurisprudenza ċċitata fil-punti 18 sa 20 iktar ’il fuq.

22

Il-Bord tal-Appell irrileva diversi ċirkustanzi li wasslu għan-nuqqas ta’ tiġdid. Għall-ewwel, għandu jiġi eżaminat jekk il-Bord tal-Appell stabbilixxix ġustament li l-uffiċċju B. kiser id-dmir ta’ viġilanza tiegħu.

23

L-ewwel nett, għandu jiġi eżaminat l-iżball uman magħmul mill-amministratur tat-tiġdid tal-uffiċċju B., li jikkonsisti fil-fatt li nesa li jagħti l-istruzzjoni għat-tiġdid lill-impjegat responsabbli għat-tiġdid wara t-talba għat-tiġdid riċevuta mir-rappreżentant legali Amerikan.

24

F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-Qorti Ġenerali diġà ddeċidiet li żbalji umani mwettqa matul il-ġestjoni teknika tat-tiġdid ma jistgħux jiġu kkunsidrati bħala li huma avvenimenti eċċezzjonali jew imprevedibbli skont l-esperjenza (ara, f’dan is-sens, is-sentenza AURELIA, iċċitata iktar ’il fuq, punt 28). Għalhekk, il-Bord tal-Appell iddeċieda ġustament li l-iżball imwettaq mill-amministratur tat-tiġdid tal-uffiċċju B. kien jikkostitwixxi nuqqas ta’ osservanza tad-dmir ta’ viġilanza impost fuqu.

25

It-tieni nett, għandu jiġi eżaminat in-nuqqas tat-trażmissjoni tal-posta elettronika awtomatika lill-amministratur tat-tiġdid, għal tlieta, erba’ u ħames xhur wara l-iskadenza, li jenfasizza l-ħsara fis-sistema “Inprotech”.

26

F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali diġà ddeċidiet li, fil-każ fejn it-tiġdid tat-trade marks ikun ġie fdat f’idejn kumpannija speċjalizzata li tuża sistema tal-informatika ta’ tfakkir tat-termini, il-viġilanza meħtieġa miċ-ċirkustanzi tirrikjedi, b’mod partikolari, li din is-sistema tippermetti li jiġi identifikat u korrett kull żball prevedibbli fil-funzjonament tas-sistema tal-informatika (ara, f’dan is-sens, is-sentenza AURELIA, iċċitata iktar ’il fuq, punt 27). Madankollu, it-“taħsir” jew telf ta’ data li għalih ir-rikorrenti qed tirreferi huwa żball prevedibbli, billi dan ir-riskju huwa inerenti għal kull sistema tal-informatika. Għalhekk, in-nuqqas ta’ korrezzjoni ta’ ħsara fis-sistema tal-informatika, pereżempju permezz ta’ sistema parallela ta’ tfakkir jew permezz ta’ verifiki regolari, jikkostitwixxi wkoll nuqqas ta’ twettiq tad-dmir ta’ viġilanza li huwa r-responsabbiltà tal-uffiċċju B.

27

L-argument tar-rikorrenti dwar każijiet oħra ta’ ħsara fis-software żviluppat mill-kumpannija C huwa irrilevanti. Dak li huwa importanti huwa li s-sistema tal-informatika użata mill-uffiċċju B. Ma kinitx tippermetti li jiġu identifikati u kkoreġuti l-iżbalji kollha prevedibbli fil-funzjonament tagħha, li jfisser li l-imsemmi uffiċċju ma ssodisfax id-dmir ta’ viġilanza tiegħu.

28

It-tielet nett, ir-rikorrenti ssostni li l-Bord tal-Appell wettaq żball fl-evalwazzjoni tal-fatti meta kkonstata, fil-punt 26 tad-deċiżjoni kkontestata, li r-rappreżentant tagħha, l-uffiċċju B “ma [ħax] inkunsiderazzjoni l-ittra tal-[UASI] trażmessa fit-28 ta’ Jannar 2008, li fiha ngħata żewġ termini għas-sottomissjoni tal-applikazzjoni u għall-ħlas tal-miżati” u li “[li kieku] dawn it-termini importanti ddaħħlu fis-sistema tal-informatika tar-rappreżentant, [...] l-ommissjoni tal-amministratur responsabbli għat-tiġdid kienet tiġi kkonstata, anki b’sistema tal-informatika ta’ tiġdid bil-ħsara”.

29

Anki jekk jiġi preżunt li dan l-argument tar-rikorrenti huwa rilevanti f’termini ta’ evalwazzjoni tar-responsabbiltà tar-rappreżentant tagħha, l-uffiċċju B., huwa ċar li, bi tweġiba għall-mistoqsija bil-miktub tal-Qorti Ġenerali, ir-rikorrenti speċifikat li t-tfakkiriet awtomatiċi ta’ tiġdid tas-sistema “Inprotech” ġew iġġenerati abbażi ta’ data mdaħħla waqt ir-reġistrazzjoni tat-trade mark inkwistjoni, fid-29 ta’ Frar 2000. Barra minn hekk, id-dokument “Renewals department procedures” (proċeduri tad-dipartiment tat-tiġdid) li jispeċifika l-proċeduri fi ħdan l-uffiċċju B. ma jipprovdi l-ebda dħul tad-data wara li tasal it-tfakkira mibgħuta mill-UASI skont l-Artikolu 47(2) tar-Regolament Nru 207/2009 u r-Regola 29 tar-Regolament Nru 2868/95.

30

Għalhekk, ir-rikorrenti ma pproduċiet ebda prova li titfa’ dubju fuq il-validità tad-dikjarazzjoni magħmula fil-paragrafu 26 tad-deċiżjoni kkontestata, u b’hekk dan l-argument għandu jiġi miċħud.

31

Ir-raba’ nett, fis-seduta, ir-rikorrenti argumentat li ma setax ikun antiċipat b’mod raġonevoli li żball magħmul minn impjegat ta’ esperjenza u t-taħsir tas-sistema tal-informatika jiġru waqt il-proċess tat-tiġdid tal-istess trade mark. Għalhekk, dan kien avveniment kumpless imprevedibbli.

32

F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, f’dan il-każ, ir-raġuni għaliex dan l-iżball uman seta’ kellu rwol fin-nuqqas ta’ tiġdid tat-trade mark kienet li l-ħsara fis-sistema “Inprotech” ġrat wara li ġew gġenerati t-tfakkiriet tal-1 ta’ April, tal-1 ta’ Ġunju u tal-1 ta’ Lulju 2008 li għalihom ir-rappreżentant legali Amerikan tar-rikorrenti rreaġixxa billi ta l-istruzzjoni għat-tiġdid. L-imsemmi żball uman ma seħħx fil-kuntest ta’ mekkaniżmu ta’ monitoraġġ jew ta’ verifika tas-sistema tal-informatika tar-rikorrenti, stabbilit sabiex jipprovdi livell ta’ redondanza bil-għan li jiġu identifikati l-ħsarat fis-sistema tal-informatika jew it-telf ta’ data u li jiġu rrimedjati. Madankollu, kif ġie kkonstatat fil-punt 26 iktar ’il fuq, in-nuqqas ta’ tali mekkaniżmu jista’ jikkostitwixxi fih innifsu nuqqas tat-twettiq tad-dmir ta’ viġilanza li huwa r-responsabbiltà tal-proprjetarju tat-trade mark jew tar-rappreżentant tiegħu, meta dan jirriżulta fil-kanċellazzjoni definittiva tat-trade mark.

33

Għalhekk, għandha tiġi kkonfermata l-konklużjoni tal-Bord tal-Appell li r-rikorrenti ma pprovatx li l-uffiċċju B. kien irnexxielu jipprova li kien għamel “dak kollu meħtieġ miċ-ċirkustanzi”, kif mitlub mill-Artikolu 81(1) tar-Regolament Nru 207/2009, bil-għan li tipproċedi għal restitutio in integrum.

34

L-argumenti l-oħra tar-rikorrenti ma humiex tali li jqiegħdu fid-dubju din il-konstatazzjoni.

35

L-ewwel nett, fir-rigward tal-użu, fid-deċiżjoni kkontestata, ta’ termini meħuda mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-istabbiliment ta’ każ ta’ forza maġġuri, huwa biżżejjed li jiġi osservat li, kif jirriżulta mill-kontenut tal-punti 23 sa 26 iktar ’il fuq, il-Bord tal-Appell stabbilixxa suffiċjentement skont il-liġi n-nuqqas ta’ viġilanza meħtieġa mill-uffiċċju B. Għalhekk, l-argumenti tar-rikorrenti diretti kontra l-partijiet interpretattivi astratti li jinsabu fir-raġunament tal-Bord tal-Appell huma ineffettivi. Fi kwalunkwe każ, il-Bord tal-Appell ġustament ikkunsidra li l-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni tal-Artikolu 81(1) tar-Regolament Nru 207/2009 għandhom jiġu interpretati b’mod strett. Fil-fatt, l-osservanza tat-termini hija kwistjoni ta’ ordni pubbliku u r-restitutio in integrum ta’ reġistrazzjoni wara l-kanċellazzjoni tagħha tista’ taffettwa ċ-ċertezza legali.

36

It-tieni nett, ir-rikorrenti ssostni li d-deċiżjoni tad-Diviżjoni “Trade Marks u Reġistru” tal-UASI titlob illegalment mir-rappreżentant legali professjonali grad ta’ viġilanza ogħla minn dak ta’ parti b’mod ġenerali.

37

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 65(1) tar-Regolament Nru 207/2009, is-suġġett tar-rikors quddiem il-Qorti Ġenerali huwa li din tiddeċiedi dwar id-deċiżjonijiet tal-Bordijiet tal-Appell. Iżda ma jirriżultax mid-deċiżjoni kkontestata li l-Bord tal-Appell ikkonferma l-approċċ meħud fid-deċiżjoni tad-Diviżjoni “Trade Marks u Reġistru”. Fil-fatt, fil-paragrafu 15 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Bord tal-Appell iddikjara li “[f]ejn parti [...] tagħżel li timpjega rappreżentant legali professjonali, id-dmirijiet ta’ diliġenza meħtieġa [...] jestendu għar-rappreżentant legali debitament awtorizzat” u għalhekk ma għamilx distinzjoni bejn il-livell ta’ diliġenza meħtieġ mill-proprjetarju tat-trade mark u dak meħtieġ mir-rappreżentant legali tagħha. Fi kwalunkwe każ, billi l-Bord tal-Appell stabbilixxa suffiċjentement skont il-liġi n-nuqqas tal-viġilanza meħtieġa mill-uffiċċju B, dan l-argument tar-rikorrenti għandu jiġi miċħud bħala ineffettiv (ara wkoll il-punt 35 iktar ’il fuq).

38

It-tielet nett, ir-rikorrenti tikkritika d-dikjarazzjoni li tissemma fil-punt 24 tad-deċiżjoni kkontestata fis-sens li r-rappreżentant Amerikan “kellu jirreaġixxi iktar kmieni” mit-13 ta’ April 2009 fin-nuqqas ta’ tiġdid. Hija ssostni li, billi għażlet uffiċċju ta’ avukati ta’ reputazzjoni u esperjenza li jispeċjalizzaw fid-dritt tat-trade marks u billi kkomunikat it-talba tagħha għat-tiġdid lill-amministratur ta’ dak l-uffiċċju responsabbli għat-tiġdid, hija pproduċiet prova tad-diliġenza meħtieġa.

39

F’dan ir-rigward, huwa biżżejjed li wieħed jirrileva li d-deċiżjoni kkontestata hija prinċipalment ibbażata fuq in-nuqqas tat-twettiq tad-dmir ta’ viġilanza impost fuq l-uffiċċju B., kif jirriżulta mill-punt 29 tad-deċiżjoni kkontestata. Ċertament, talba ġdida għat-tiġdid jew tfakkira mir-rikorrenti jew mir-rappreżentant Amerikan tagħha, mibgħuta fl-uffiċċju B tempestivament, setgħu jegħlbu l-iżbalji magħmula minnu u b’hekk setgħet tiġi evitata l-kanċellazzjoni definittiva tat-trade mark.

40

Madankollu, għandu jitfakkar li skont il-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 19 iktar ’il fuq, peress li r-rappreżentanti tal-proprjetarju tat-trade mark jaġixxu f’isem u għan-nom tal-proprjetarju, l-azzjonijiet tagħhom għandhom jiġu kkunsidrati bħala dawk tal-proprjetarju. Bl-istess mod u b’analoġija, kif il-Qorti Ġenerali diġà kkonstatat fir-rigward tar-remissjoni ta’ dazji doganali, in-nuqqas ta’ diliġenza tar-rappreżentant għandha tittieħed inkunsiderazzjoni bħallikieku hija dik tal-persuna kkonċernata (sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-30 ta’ Novembru 2006, Heuschen & Schrouff Oriëntal Foods vs Il-Kummissjoni, T-382/04, mhux ippubblikata fil-Ġabra, punt 94). Minn dan isegwi li r-rikorrenti, ir-rappreżentant legali Amerikan tagħha u l-uffiċċju B., ir-rappreżentant quddiem l-UASI, jidhru bħala entità waħda mill-perspettiva tal-proċedimenti quddiem l-UASI u n-nuqqas tat-twettiq tad-dmir ta’ viġilanza tar-rappreżentanti għandu jiġi kkunsidrat bħallikieku nuqqas tal-proprjetarju mill-perspettiva tal-imsemmija proċedimenti. Għalhekk, il-kwistjoni ta’ jekk ir-rikorrenti jew ir-rappreżentant legali Amerikan tagħha irnexxilhomx jippruvaw grad suffiċjenti ta’ diliġenza hija rilevanti biss mill-perspettiva tar-relazzjonijiet kuntrattwali tagħhom mal-uffiċċju B. u mill-perspettiva tal-istabbiliment tar-responsabilità għad-danni eventwali subiti mir-rikorrenti, iżda ma tistax taffettwa l-pożizzjoni legali tagħha fir-rigward tal-UASI.

41

Għalhekk, peress li n-nuqqas ta’ viġilanza tal-uffiċċju B. ġie stabbilit bħala l-kawża diretta tan-nuqqas ta’ tiġdid, il-kwistjoni dwar jekk ir-rikorrenti jew ir-rappreżentant legali Amerikan tagħha irnexxilhomx jippruvaw id-diliġenza meħtieġa sabiex jingħelbu l-iżbalji tal-uffiċċju B. ma hijiex irrilevanti mill-perspettiva tal-legalità tad-deċiżjoni kkontestata, b’tali mod li argumenti tar-rikorrenti mressqa f’dan ir-rigward għandhom jiġu miċħuda bħala ineffettivi.

42

Konsegwentement, peress li l-Bord tal-Appell ikkunsidra ġustament li ma hemmx lok li jiġi ordnat ir-restitutio in integrum, hemm lok li jiġi miċħud l-uniku motiv tar-rikorrenti u, għaldaqstant, ir-rikors kollu kemm hu.

Fuq l-ispejjeż

43

Skont l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, il-parti li titlef għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Peress li r-rikorrenti tilfet, hemm lok li hija tiġi ordnata tbati, minbarra l-ispejjeż tagħha, l-ispejjeż sostnuti mill-UASI, kif mitlub minn dan tal-aħħar.

 

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tielet Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

Ir-rikors huwa miċħud.

 

2)

Video Research USA, Inc. hija kkundannata għall-ispejjeż.

 

Czúcz

Labucka

Gratsias

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fid-19 ta’ Settembru 2012 .

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.