SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (Il-Ħames Awla)

11 ta’ Diċembru 2014 ( *1 )

“Għajnuna mill-Istat — Elettriku — Għajnuna għall-impriżi li jikkonsmaw livell għoli ta’ enerġija — Liġi Awstrijaka dwar l-elettriku aħdar — Deċiżjoni li tiddikjara l-għajnuna inkompatibbli mas-suq intern — Kunċett ta’ għajnuna mill-Istat — Riżorsi tal-Istat — Imputabbiltà lill-Istat — Natura selettiva — Regolament għal eżenzjoni ġenerali sħiħa — Eċċess ta’ poter — Ugwaljanza fit-trattament”

Fil-Kawża T‑251/11,

Ir-Repubblika tal-Awstrija, irrappreżentata minn C. Pesendorfer u J. Bauer, bħala aġenti, assistiti minn T. Rabl, avocat,

rikorrenti,

sostnuta minn

Ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq, irrappreżentat inizjalment minn S. Behzadi-Spencer u S. Ossowski, sussegwentement minn Behzadi-Spencer u L. Christie, bħala aġenti,

intervenjent,

vs

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata inizjalment minn V. Kreuschitz u T. Maxian Rusche, sussegwentement minn Maxian Rusche u R. Sauer, bħala aġenti,

konvenuta,

li għandha bħala suġġett talba għall-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2011/528/UE, tat-8 ta’ Marzu 2011, dwar miżura ta’ għajnuna mill-Istat C 24/09 (ex N 446/08) — Għajnuna mill-Istat lin-negozji konċentrati fl-enerġija skont l-Att dwar l-Enerġija Ekoloġika fl-Awstrija (ĠU L 235, p. 42),

IL-QORTI ĠENERALI (Il-Ħames Awla),

komposta minn A. Dittrich, President, J. Schwarcz (Relatur) u V. Tomljenović, Imħallfin,

Reġistratur: K. Andová, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas-27 ta’ Frar 2014,

tagħti l-preżenti

Sentenza

Il-fatti li wasslu għall-kawża

1

Skont id-Direttiva 2009/28/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-23 ta’ April 2009, dwar il-promozzjoni tal-użu tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli u li temenda u sussegwentement tħassar id-Direttivi 2001/77/KE u 2003/30/KE (ĠU L 140, p. 16, iktar ’il quddiem, id-“Direttiva dwar is-sorsi ta’ enerġija li jiġġeddu”), l-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea huma mistennija jilħqu sal-2020 miri nazzjonali vinkolanti rigward il-parti tal-enerġija prodotta minn sorsi ta’ enerġija li jiġġeddu fil-konsum finali gross ta’ enerġija. L-imsemmija direttiva tiffissa l-objettiv li għandu jintlaħaq, u l-għażla tal-mezzi sabiex dan jintlaħaq tħalliet fid-diskrezzjoni tal-Istati Membri. Skont l-Anness I ta’ din id-direttiva, intitolat “Miri globali nazzjonali għas-sehem ta’ enerġija minn sorsi rinnovabbli fil-konsum finali ta’ enerġija fl-2020”, kien previst li r-Repubblika tal-Awstrija tilħaq il-mira ta’ 34 %.

2

Bl-Ökostromgesetz, kif emendata fl-2008 (liġi Awstrijaka dwar l-elettriku aħdar, BGBl.I, 114/2008, iktar ’il quddiem, l-“ÖSG emendata”), ir-Repubblika tal-Awstrija ddeċidiet li tilħaq il-mira nazzjonali tagħha. F’dan ir-rigward, ġew adottati żewġ miżuri fundamentali. Fl-ewwel lok, l-ÖSG emendata tipprevedi li tinkoraġġixxi l-produzzjoni tal-elettriku aħdar billi tiggarantixxi lil kull produttur tal-elettriku aħdar ix-xiri bi prezz fiss tal-kwantità totali ta’ dan l-elettriku. Dan ix-xiri jsir minn ċentru ta’ ħlas tal-elettriku aħdar, li l-eżekuzzjoni tal-missjonijiet tiegħu kienet is-suġġett ta’ konċessjoni mogħtija lil kumpannija b’responsabbiltà limitata rregolata mid-dritt privat, jiġifieri l-Abwicklungsstelle für Ökostrom AG (iktar ’il quddiem l-“ÖMAG”). Skont il-liġi, il-prezz iffissat iggarantit, li huwa ogħla mill-prezz tal-elettriku fis-suq, huwa stabbilit kull sena b’mod leġiżlattiv mill-Ministru federali għall-Ekonomija u għall-Impjieg Awstrijak (li sar il-Ministru federali għall-Ekonomija, għall-Familja u għaż-Żgħażagħ Awstrijak u, imbagħad, il-Ministru federali għax-Xjenza, għar-Riċerka u għall-Ekonomija Awstrijak, iktar ’il quddiem il-“Ministru federali Awstrijak kompetenti”.

3

Fit-tieni lok, l-ÖSG emendata tipprevedi trasferiment tal-ispejjeż inkorsi b’dan il-mod fuq il-konsumaturi tal-elettriku. Minn naħa, kull konsumatur finali konness man-netwerk pubbliku jħallas imposta annwali, indipendenti mill-konsum tiegħu, li tista’ tvarja bejn EUR 15 u EUR 15 000 skont il-livell tal-konnessjoni tiegħu man-netwerk, kif previst fl-Artikolu 22(1) u fl-Artikolu 22°(1) tal-ÖSG emendata. Min-naħa l-oħra, id-distributuri tal-elettriku huma marbuta jixtru mill-ÖMAG it-totalità tal-elettriku aħdar fil-pussess tagħha, u dan ukoll bi prezz fiss previst b’mod leġiżlattiv (iktar ’il quddiem, il-“prezz ta’ trasferiment”). L-imsemmija distributuri huma awtorizzati, konsegwentement, jgħaddu fuq il-klijenti tagħhom, fil-kuntest tal-prezz ta’ rifatturazzjoni, l-ispejjeż addizzjonali li huma jinkorru minħabba f’hekk. Madankollu, fis-sens tal-Artikolu 22c tal-ÖSG emendata, li għadha ma daħlitx fis-seħħ, ir-Repubblika tal-Awstrija beħsiebha tipprevedi skema ta’ kumpens speċifiku għall-impriżi li jikkonsmaw livell għoli ta’ enerġija, li tillimita l-pagamenti dovuti minn dawn għal ammont speċifiku, ikkalkolat, għal kull impriża li tibbenefika taħt din l-iskema, skont il-valur tal-produzzjoni annwali netta tagħha (iktar ’il quddiem l-“ammont kumpensatorju”).

4

Fis-27 ta’ Ġunju 2008, ir-Repubblika tal-Awstrija informat lill-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, permezz ta’ notifika minn qabel, bl-intenzjoni tagħha li temenda l-liġi Awstrijaka dwar l-elettriku aħdar, li dak iż-żmien kienet fis-seħħ u li l-Kummissjoni kienet approvat, fil-verżjoni tagħha fiż-żmien rilevanti, b’deċiżjoni tal-4 ta’ Lulju 2006 li tirrigwarda l-kompatibbiltà tagħha mas-suq intern [Għajnuna mill-Istat, Kawżi NN 162a/2003 u N 317a/2006: “Förderung der Elektrizitätserzeugung aus erneuerbaren Energieträgern im Rahmen des österreichischen Ökostromgesetzes (Einspeisetarife)”].

5

Fl-4 ta’ Settembru 2008, ir-Repubblika tal-Awstrija nnotifikat lill-Kummissjoni l-ÖSG emendata kollha. Wara diversi komunikazzjonijiet u laqgħat bejn il-Kummissjoni u l-awtoritajiet Awstrijaċi rigward din in-notifika, mit-28 ta’ Ottubru 2008, kif ukoll wara lment bid-data tad-9 ta’ Lulju 2009 u ppreżentat lill-Kummissjoni mill-Bundesarbeitskammer (Awla Federali Awstrijaka għax-Xogħol), dwar fost l-oħrajn “l-eżenzjoni” prevista mill-ÖSG emendata favur impriżi li jikkonsmaw livell għoli ta’ enerġija, il-Kummissjoni, fit-22 ta’ Lulju 2009, intimat lill-persuni kkonċernati jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom dwar il-miżura inkwistjoni (ĠU C 217, p. 12, iktar ’il quddiem l-“intimazzjoni”).

6

Kif jirriżulta b’mod partikolari mill-paragrafu 78 tal-intimazzjoni, il-Kummissjoni, minn naħa, qieset li l-ÖSG emendata kienet kompatibbli mal-Artikolu 87(3)(c) tat-Trattat KE, f’dak li jirrigwarda l-miżuri previsti favur produtturi ta’ elettriku aħdar. F’dan ir-rigward, filwaqt li qieset li kienu għajnuna mill-Istat, il-Kummissjoni ddeċidiet li dawn kienu kompatibbli mal-Linji gwida Komunitarji dwar l-għajnuna mill-Istat għall-ħarsien tal-ambjent (ĠU 2008, C 82, p. 1, iktar ’il quddiem, il-“Linji gwida”).

7

Min-naħa l-oħra, madankollu, fir-rigward tal-“għajnuna” għall-impriżi li jikkonsmaw livell għoli ta’ enerġija, il-Kummissjoni esprimiet dubji rigward il-kompatibbiltà tagħha mar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat (paragrafu 78 tal-intimazzjoni). Hija qieset, essenzjalment, li, fid-dawl tar-regoli ddettaljati li skonthom l-imsemmija għajnuna kienet inħolqot, hija kellha l-effett li tagħti vantaġġ indebitu lill-imsemmija impriżi. Fil-fehma tagħha, il-miżura inkwistjoni kienet tissodisfa, f’dan ir-rigward, il-kriterji msemmija fl-Artikolu 87(1) tat-Trattat KE u kellha titqies li hija għajnuna mill-Istat, u xejn ma kien jindika eventwali kompatibbiltà tagħha mar-regoli applikabbli għas-suq komuni. B’mod partikolari hija qieset li xejn ma kien jippermetti l-konklużjoni li l-punt 4 tal-Linji gwida kien applikabbli jew li l-kundizzjonijiet kienu osservati sabiex l-għajnuna titqies li hija kompatibbli. Minbarra dan, fil-fehma tagħha, l-evalwazzjoni tal-imsemmija miżura kellha tieħu inkunsiderazzjoni l-effetti negattivi ta’ din fuq l-ambjent, għaliex din kienet tnaqqas il-prezz tal-elettriku għall-konsumaturi l-kbar tal-enerġija.

8

Imbagħad, il-Kummissjoni ddeċidiet, skont l-Artikolu 4(4) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 659/1999, tat-22 ta’ Marzu 1999, li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu 93 tat-Trattat tal-KE (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 1, p. 339), li tiftaħ il-proċedura ta’ investigazzjoni formali (paragrafi 83 sa 85 tal-intimazzjoni). Din id-deċiżjoni kienet akkumpanjata bl-istedina magħmula lir-Repubblika tal-Awstrija sabiex tieħu pożizzjoni u sabiex tikkomunikalha l-informazzjoni rilevanti kollha sabiex tiġi evalwata l-miżura inkwistjoni, kif ukoll kopja tal-intimazzjoni lill-benefiċjarji potenzjali tal-miżura inkwistjoni. Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni fakkret lir-Repubblika tal-Awstrija l-effett sospensiv tal-Artikolu 88(3) tat-Trattat KE u rreferiet ukoll għall-Artikolu 14 tar-Regolament Nru 659/1999, filwaqt li enfasizzat li l-għajnuna illegali kollha setgħet tiġi rkuprata mill-benefiċjarji tagħha.

9

B’ittra tat-8 ta’ Ottubru 2009, ir-Repubblika tal-Awstrija ppreżentat l-osservazzjonijiet tagħha dwar id-deċiżjoni li tinfetaħ il-proċedura ta’ investigazzjoni formali. L-awtoritajiet Awstrijaċi kienu tal-fehma li l-miżura inkwistjoni ma kinitx tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat, b’mod partikolari minħabba l-assenza ta’ selettività u ta’ użu ta’ riżorsi tal-Istat. L-imsemmija awtoritajiet enfasizzaw ukoll il-loġika inerenti tal-miżura inkwistjoni, li tippermetti, fil-fehma tagħhom, differenzazzjoni oġġettiva bejn l-impriżi koperti minn din il-miżura u dawk li ma jistgħux jibbenefikaw minnha, filwaqt li enfasizzat li tali differenzazzjoni ma kinitx tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat. B’mod partikolari, huma sostnew li l-imsemmija miżura kellha analoġiji importanti mal-Erneuerbare-Energien-Gesetz (liġi Ġermaniża dwar l-enerġija ħadra, BGBl. 2008, I 2074, iktar ’il quddiem, l-“EEG”).

10

Il-Bundesarbeitskammer ikkomunikat lill-Kummissjoni, b’ittra tas-7 ta’ Ottubru 2009, osservazzjonijiet dwar il-miżura favur l-impriżi li jikkonsmaw livell għoli ta’ enerġija. B’ittra tat-22 ta’ Diċembru 2009, ir-Repubblika tal-Awstrija rrispondiet għat-teħid ta’ pożizzjoni, li kien ġie kkomunikat lilha b’ittra tal-Kummissjoni, bid-data tat-23 ta’ Novembru 2009, u fit-22 ta’ April 2010, hija tat preċiżazzjonijiet addizzjonali dwar il-miżura inkwistjoni.

11

B’ittri tal-21 ta’ Ġunju u, wara laqgħa mal-awtoritajiet Awstrijaċi fid-9 ta’ Lulju, tad-19 ta’ Lulju 2010, il-Kummissjoni stiednet lir-Repubblika tal-Awstrija tikkomunikalha informazzjoni komplementari, u din tal-aħħar ikkonformat ma’ dan fit-13 ta’ Settembru 2010.

12

B’ittra tal-24 ta’ Novembru 2010, indirizzata lill-Kummissjoni, ir-Repubblika tal-Awstrija enfasizzat l-importanza tal-ÖSG emendata u talbet li tiġi adottata deċiżjoni f’din il-kawża qabel il-bidu tax-xahar ta’ Diċembru 2010. Inżammet laqgħa oħra bejn ir-rappreżentanti tal-Kummissjoni u dawk tar-Repubblika tal-Awstrija fid-9 ta’ Diċembru 2010.

13

B’ittra tat-30 ta’ Diċembru 2010, ir-Repubblika tal-Awstrija rrepetiet l-argumenti li kienet ressqet favur il-miżura matul il-proċedura, u talbet lill-Kummissjoni tapprova l-mekkaniżmu ta’ eżenzjoni għall-impriżi li jikkonsmaw livell għoli ta’ enerġija. Din irrispondiet għal din l-ittra fil-25 ta’ Jannar 2011.

14

Fit-8 ta’ Marzu 2011, il-Kummissjoni adottat id-Deċiżjoni 2011/528/UE, dwar miżura ta’ għajnuna mill-Istat C 24/09 (ex N 446/08) — Għajnuna mill-Istat lin-negozji kkonċentrati fl-enerġija skont l-Att dwar l-Enerġija Ekoloġika fl-Awstrija (ĠU L 235, p. 42, iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”). Hija qieset, essenzjalment, li l-mekkaniżmu inkwistjoni kien jikkostitwixxi vantaġġ selettiv, li jikkonsisti fl-eżenzjoni parzjali tal-impriżi li jikkonsmaw livell għoli ta’ enerġija minn oneru li normalment kellhom isostnu. Fil-fehma tagħha, tali mekkaniżmu jimplika telf ta’ riżorsi għall-Istat u huwa imputabbli lilu. Hija qieset ukoll li l-imsemmi mekkaniżmu jista’ joħloq distorsjoni fil-kompetizzjoni kif ukoll fil-kundizzjonijiet tal-kummerċ tali li jmur kontra l-interess komuni. B’dan il-mod, billi qieset li l-miżura inkwistjoni, sa fejn kienet tirrigwarda l-eżenzjoni parzjali prevista favur l-impriżi li jikkonsmaw livell għoli ta’ enerġija, kienet tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat li kienet tnaqqas l-ispejjeż ta’ funzjonament tal-imsemmija impriżi u li ma setgħetx tkun iġġustifikata min-natura u mill-istruttura tas-sistema, hija ddikjaratha inkompatibbli mas-suq intern.

15

Id-dispożittiv tad-deċiżjoni kkontestata jipprevedi dan li ġej:

“Artikolu 1

L-għajnuna mill-Istat fl-għamla ta’ eżenzjoni parzjali mill-obbligu tax-xiri ta’ elettriku ekoloġiku li [r-Repubblika tal-Awstrija] biħsiebha tagħti lin-negozji konċentrati fl-enerġija hija inkompatibbli mas-suq intern.

Għalhekk, l-għajnuna ma tistax tiġi implimentata.

Artikolu 2

[Ir-Repubblika tal-Awstrija] għandha tinforma lill-Kummissjoni, fi żmien xahrejn min-notifikazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni, bil-miżuri li tkun ħadet biex tikkonforma magħha.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Repubblika ta’ l-Awstrija.”

Il-proċedura u t-talbiet

16

Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-18 ta’ Mejju 2011, ir-Repubblika tal-Awstrija ppreżentat dan ir-rikors. Fl-4 ta’ Awwissu 2011, il-Kummissjoni ppreżentat ir-risposta tagħha. Fid-19 ta’ Ottubru 2011, ir-Repubblika tal-Awstrija ppreżentat ir-replika u, fil-5 ta’ Diċembru 2011, il-Kummissjoni ppreżentat il-kontroreplika. Fis-26 ta’ Settembru 2011, ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq ressaq talba għal intervent insostenn tat-talbiet tar-rikorrenti. B’digriet tal-11 ta’ Novembru 2011, il-President tat-Tieni Awla tal-Qorti Ġenerali laqa’ dan l-intervent. Fit-3 ta’ Frar 2012, ir-Renju Unit ppreżenta n-nota ta’ intervent. Il-Kummissjoni ppreżentat l-osservazzjonijiet tagħha fuq din tal-aħħar fit-2 ta’ April 2012.

17

Peress illi kien hemm bidla fil-kompożizzjoni tal-Awli tal-Qorti Ġenerali u l-Imħallef Relatur ġie assenjat lill-Ħames Awla, din il-kawża ġiet għalhekk assenjata lil din l-Awla. Fuq rapport tal-Imħallef Relatur, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li tiftaħ il-proċedura orali u, fil-kuntest tal-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura previsti fl-Artikolu 64 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, għamlet mistoqsijiet bil-miktub lill-partijiet, li għalihom dawn wieġbu fit-terminu previst.

18

Is-sottomissjonijiet orali tal-partijiet u t-tweġibiet tagħhom għall-mistoqsijiet tal-Qorti Ġenerali nstemgħu fis-seduta tat-27 ta’ Frar 2014.

19

Ir-Repubblika tal-Awstrija titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tannulla d-deċiżjoni kkontestata;

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

20

Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tiċħad l-ewwel u t-tieni motivi bħala inammissibbli;

sussidjarjament, tiċħad l-ewwel u t-tieni motivi bħala infondati;

tiċħad it-tielet u r-raba’ motivi bħala infondati;

tikkundanna lir-Repubblika tal-Awstrija għall-ispejjeż.

21

Ir-Renju Unit jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tqis li l-ewwel motiv huwa fondat u, filwaqt li tammetti li huwa ammissibbli, tannulla d-deċiżjoni kkontestata.

Id-dritt

22

Insostenn tar-rikors, ir-Repubblika tal-Awstrija tqajjem erba’ motivi. L-ewwel nett, id-deċiżjoni kkontestata tikser l-Artikolu 107(1) TFUE, peress li l-Kummissjoni wettqet żball ta’ liġi meta kkonkludiet li s-sistema prevista fl-Artikolu 22c tal-ÖSG emendata, kienet tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat. It-tieni nett, l-imsemmija deċiżjoni tikser l-istess dispożizzjoni, peress li l-Kummissjoni wettqet żball ta’ liġi meta kkonkludiet li l-miżura msemmija hawn fuq kienet selettiva. It-tielet nett, il-Kummissjoni applikat b’mod żbaljat l-Artikolu 107(3) TFUE u wettqet eċċess ta’ poter. Ir-raba’ nett, il-Kummissjoni ttrattat b’mod inugwali sitwazzjonijiet komparabbli fir-rigward tal-effetti ekonomiċi u kompetittivi tagħhom.

Fuq l-ammissibbiltà tal-ewwel u t-tieni motivi

23

Il-Kummissjoni ssostni li r-Repubblika tal-Awstrija ma teżaminax, fil-kuntest tal-ewwel u t-tieni motivi, il-motivi tad-deċiżjoni kkontestata u lanqas ma ppreċiżat il-premessi li fihom il-Kummissjoni wettqet żball ta’ liġi. Fil-fehma tagħha, ir-Repubblika tal-Awstrija sempliċement esponiet ir-raġunijiet għalfejn is-sistema prevista fl-Artikolu 22c tal-ÖSG emendata ma hijiex għajnuna mill-Istat, billi rrepetiet, essenzjalment, l-allegazzjonijiet imressqa matul il-proċedura amministrattiva. Għaldaqstant, dawn il-motivi għandhom jiġu miċħuda skont l-Artikolu 44(1) tar-Regoli tal-Proċedura bħala inammissibbli. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni tirreferi għas-sentenzi tal-15 ta’ Diċembru 1961, Fives Lille Cail et vs Haute Autorité (19/60, 21/60, 2/61 u 3/61, Ġabra, EU:C:1961:30, punti 617 u 644) u tal-31 ta’ Marzu 1992, Il-Kummissjoni vs Id-Danimarka (C‑52/90, Ġabra, EU:C:1992:151, punt 17). Kull estensjoni tal-argumenti fil-kuntest tar-replika hija wkoll inammissibbli.

24

Fil-kontroreplika, il-Kummissjoni ssostni wkoll li l-fatt li jiġi riprodott, fir-rikors, il-kontenut integrali tal-ilment ma jissodisfax ir-rekwiżiti tal-Artikolu 44(1) tar-Regoli tal-Proċedura. F’dan ir-rigward, hija tirreferi għad-digriet tat-28 ta’ April 1993, De Hoe vs Il-Kummissjoni (T‑85/92, Ġabra, EU:T:1993:39, punt 23), filwaqt li tenfasizza li, fuq il-livell funzjonali, l-ilment fil-qasam tad-dritt tas-servizz pubbliku huwa komparabbli mal-proċedura amministrattiva fid-dritt applikabbli għall-għajnuna mill-Istat.

25

Skont ir-Repubblika tal-Awstrija, fir-rikors jidher biċ-ċar li l-ilment ta’ ksur tat-Trattat FUE huwa bbażat fuq ksur tal-Artikolu 107(1) u (3) TFUE (għall-ewwel, it-tieni u t-tielet motivi) u fuq ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament (għar-raba’ motiv). Fil-fehma tagħha, ikun wisq formalistiku li jintalab li jiġi indikat eżattament fir-rikors jew fis-sunt tal-motivi kontra liema punti tad-deċiżjoni kkontestata l-motivi huma diretti.

26

F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali TFakkar li, skont l-Artikolu 44(1) tar-Regoli tal-Proċedura, ir-rikors promotur għandu jinkludi espożizzjoni sommarja tal-motivi invokati. Din l-espożizzjoni għandha tkun suffiċjentement ċara u preċiża sabiex tippermetti lill-konvenut jipprepara d-difiża tiegħu u lill-Qorti Ġenerali tiddeċiedi fuq ir-rikors, fejn xieraq, mingħajr informazzjoni oħra insostenn tiegħu (sentenza tal-11 ta’ Lulju 2007, Asklepios Kliniken vs Il-Kummissjoni, T‑167/04, Ġabra, EU:T:2007:215, punt 39).

27

Skont ġurisprudenza stabbilita, sabiex tiġi ggarantita ċ-ċertezza legali u l-amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja, huwa meħtieġ, sabiex rikors ikun ammissibbli, li l-punti essenzjali ta’ fatt u ta’ liġi li r-rikors ikun ibbażat fuqhom, jirriżultaw, tal-inqas fil-qosor, iżda b’mod koerenti u li jinftiehmu mit-test tar-rikors stess. Għalkemm it-test tar-rikors jista’ jiġi ssostanzjat u kkompletat, fir-rigward ta’ punti speċifiċi, permezz ta’ riferimenti għal estratti minn dokumenti li jkunu mehmuża miegħu, riferiment globali għal dokumenti oħra, anki jekk ikunu annessi mar-rikors, ma jistax jikkumpensa għall-assenza ta’ elementi essenzjali ta’ argumenti ta’ liġi li, skont id-dispożizzjoni mfakkra hawn fuq, għandhom ikunu jinsabu fir-rikors (ara s-sentenza Asklepios Kliniken vs Il-Kummissjoni, punt 26 iktar ’il fuq, EU:T:2007:215, punt 40 u l-ġurisprudenza ċċitata).

28

Fir-rigward, b’mod iktar partikolari, taż-żewġ motivi li l-Kummissjoni tqis li huma inammissibbli, għandu jiġi osservat, qabel kollox, li mit-test tar-rikors jirriżulta li, fil-kuntest tal-ewwel motiv, ir-Repubblika tal-Awstrija ssostni, billi tibbaża ruħha fuq allegazzjonijiet suffiċjentement preċiżi u komprensibbli, dwar kemm ċirkustanzi fattwali tal-każ inkwistjoni kif ukoll dwar referenzi għall-ġurisprudenza u għad-duttrina, li r-riżorsi użati fil-kuntest tal-mekkaniżmu inkwistjoni ma kellhomx oriġini Statali u li, fil-kuntest tal-imsemmi mekkaniżmu, lanqas ma kien hemm għajnuna imputabbli lill-Istat. L-argument tagħha ppermetta lill-Kummissjoni tipprepara d-difiża tagħha u jippermetti lill-Qorti Ġenerali tiddeċiedi fuq dan ir-rikors, fejn xieraq, mingħajr informazzjoni oħra insostenn tiegħu, b’mod konformi mal-ġurisprudenza Asklepios Kliniken vs Il-Kummissjoni, punt 26 iktar ’il fuq (EU:T:2007:215). Minbarra dan, għandu jiġi kkonstatat li, bil-kontra tal-allegazzjonijiet tal-Kummissjoni, il-parti korrispondenti tal-motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata tista’ tiġi identifikata faċilment.

29

Imbagħad, mit-test tar-rikors jirriżulta li, fil-kuntest tat-tieni motiv, ir-Repubblika tal-Awstrija tikkritika l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni fis-sens li l-miżura inkwistjoni, li teżenta parzjalment lill-impriżi li jikkonsmaw livell għoli ta’ enerġija minn ċerti pagamenti previsti mill-ÖSG emendata, kienet selettiva. Skont ir-Repubblika tal-Awstrija, la kien hemm selettività ta’ fatt u lanqas selettività ta’ liġi. Hija tressaq, f’dan ir-rigward, spjegazzjonijiet suffiċjentement preċiżi dwar in-natura u l-loġika tas-sistema prevista mill-ÖSG emendata, billi tagħmel, b’mod preliminari, il-mistoqsija dwar jekk l-Artikolu 22c ta’ din il-liġi kellux realment jiġi analizzat inkwantu eċċezzjoni meta mqabbel mas-“sistema ta’ referenza”. Imbagħad, hija tressaq allegazzjonijiet suffiċjentement preċiżi fis-sens li, anki jekk jitqies li dan kien il-każ, għandu jiġi deċiż li s-sistema hija ġġustifikata minħabba l-loġika u d-diżinn intern tagħha. Hija tibbaża ruħha wkoll, sabiex tikkontesta l-eżistenza ta’ kwalunkwe tip ta’ selettività, minn naħa, fuq il-formulazzjoni nnifisha tal-ÖSG emendata u, min-naħa l-oħra, fuq elementi konkreti, b’mod partikolari tabelli li minnhom jirriżulta li kull impriża, indipendentement mid-daqs jew mill-qasam ta’ attività tagħha, setgħet tibbenefika mir-regola prevista fid-dispożizzjoni msemmija hawn fuq. B’dan il-mod, hija pprovat manifestament tirrispondi għal ċerti affermazzjonijiet tal-Kummissjoni inklużi fid-deċiżjoni kkontestata, bil-kontra ta’ dak li din tal-aħħar tallega quddiem il-Qorti Ġenerali. Għaldaqstant, għandu jitqies li, fir-rigward tat-tieni motiv, l-argument tar-Repubblika tal-Awstrija, sostnut, minbarra dan, b’ċerti referenzi għall-ġurisprudenza u b’ċerti riferimenti għall-prassi deċiżjonali preċedenti tal-Kummissjoni, kien jippermetti wkoll lil din tal-aħħar tipprepara d-difiża tagħha u jippermetti lill-Qorti Ġenerali tiddeċiedi fuq dan ir-rikors, fejn xieraq, mingħajr informazzjoni oħra insostenn tiegħu.

30

Il-konklużjoni mressqa fil-punti 28 u 29 hawn fuq ma hijiex invalidata bir-riferiment magħmul mill-Kummissjoni għad-digriet De Hoe vs Il-Kummissjoni, punt 24 iktar ’il fuq (EU:T:1993:39). Minn naħa, dan id-digriet jirrigwarda qasam differenti minn dak inkwistjoni f’dan il-każ, jiġifieri d-dritt tas-servizz pubbliku, li l-proċedura amministrattiva ta’ lment tiegħu ma hijiex, bil-kontra tal-allegazzjonijiet tal-Kummissjoni, assimilabbli għall-proċedura prevista għall-evalwazzjoni tal-kompatibbiltà tal-għajnuna mill-Istat mas-suq intern. Min-naħa l-oħra, kif jirriżulta b’mod partikolari mill-punt 23 tal-imsemmi digriet, dan jirrigwarda evalwazzjoni ta’ każ partikolari, li fih il-kontenut integrali ta’ lment kien ġie integrat fit-test innifsu tar-rikors, li kien jixbah lil sempliċi riferiment għal anness. Tali riferiment globali għal dokumenti oħra huwa differenti mill-każ inkwistjoni, fejn ir-Repubblika tal-Awstrija żviluppat, fir-rikors, allegazzjonijiet suffiċjentement preċiżi u komprensibbli (ara l-punti 28 u 29 hawn fuq).

31

Fid-dawl ta’ dak li ntqal hawn fuq, għandhom għaldaqstant jiġu miċħuda bħala infondati l-allegazzjonijiet tal-Kummissjoni dwar in-natura inammissibbli tal-ewwel żewġ motivi.

Fuq il-mertu

Preżentazzjoni preliminari ta’ ċerti punti prinċipali tal-miżura inkwistjoni u tal-pożizzjoni adottata mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata

32

Kif jirriżulta mill-punti 1 sa 3 hawn fuq, ir-Repubblika tal-Awstrija kien beħsiebha, bl-ÖSG emendata, tilħaq il-mira nazzjonali vinkolanti tagħha rigward il-parti ta’ enerġija prodotta minn sorsi ta’ enerġija li jiġġeddu fil-konsum finali gross ta’ enerġija, kif previst permezz tad-Direttiva dwar is-sorsi ta’ enerġija li jiġġeddu. Il-Kummissjoni kienet opponiet ruħha, permezz tad-deċiżjoni kkontestata, biss għall-eżenzjoni prevista, fl-Artikolu 22c ta’ din il-liġi, favur l-impriżi li jikkonsmaw livell għoli ta’ enerġija, li, hija biss, hija s-suġġett ta’ dan ir-rikors. Madankollu, il-Qorti Ġenerali tqis li l-imsemmija dispożizzjoni għandha tiġi analizzata fil-kuntest tagħha, jiġifieri fil-kuntest tal-istruttura ġenerali prevista mill-ÖSG emendata.

33

F’dan ir-rigward, huwa xieraq, qabel l-analiżi tad-diversi motivi tar-Repubblika tal-Awstrija, li jiġu osservati ċerti punti addizzjonali rilevanti tal-istruttura ġenerali prevista mill-ÖSG emendata. L-ewwel nett, filwaqt li, skont it-tielet parti ta’ din il-liġi, ir-Repubblika tal-Awstrija tagħti lil impriża waħda jew lil diversi impriżi konċessjoni għall-eżekuzzjoni tal-missjonijiet li huma imposti fuq iċ-ċentru ta’ ħlas tal-elettriku aħdar, fid-data tad-deċiżjoni kkontestata, l-ÖMAG, kumpannija b’responsabbiltà limitata rregolata mid-dritt privat, kienet l-unika impriża li kienet tibbenefika minn tali konċessjoni ta’ portata nazzjonali mogħtija mill-awtoritajiet Awstrijaċi. Minbarra dan, kif jirriżulta mill-premessa 15 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ma kellha l-ebda element li kien jindika li l-azzjonisti taħt il-kontroll pubbliku, li kellhom 49.6 % mill-ishma tal-ÖMAG, setgħu jeżerċitaw kontroll jew mill-inqas kontroll konġunt fuq din tal-aħħar, peress li l-azzjonisti taħt il-kontroll privat kellhom, min-naħa tagħhom, 50.4 % mill-ishma. Madankollu, jeżisti nuqqas ta’ qbil bejn il-partijiet, kemm waqt il-proċedura amministrattiva kif ukoll quddiem il-Qorti Ġenerali, rigward l-importanza li għandha tingħata lill-fatt li l-ÖMAG taqa’ taħt ċertu kontroll a posteriori min-naħa tal-Istat jew ta’ entitajiet amministrattivi.

34

It-tieni nett, kif issemma bħala introduzzjoni fil-punti 2 u 3 hawn fuq, element fundamentali ieħor tal-mekkaniżmu inkwistjoni, u, b’mod iktar partikolari, tal-eżenzjoni prevista fl-Artikolu 22c tal-ÖSG emendata, jikkonsisti fil-fatt li l-modalitajiet konkreti għall-implementazzjoni, bħall-modalitajiet ta’ distribuzzjoni tal-elettriku lid-distributuri tal-elettriku jew il-prezz li għandu jitħallas mid-distributuri u, konsegwentement, il-kontribuzzjoni tal-konsumaturi finali, huma ffissati bil-quddiem mill-awtoritajiet Awstrijaċi permezz ta’ liġi jew ta’ digriet.

35

It-tielet nett, skont il-punt 3 tal-Artikolu 15(1) tal-ÖSG emendata, il-kwantità totali ta’ elettriku aħdar prodott, li d-distributuri tal-elettriku huma marbuta jixtru mill-ÖMAG, hija mqassma b’tali mod li l-kwota ta’ elettriku aħdar tkun l-istess għad-distributuri kollha fir-rigward tal-kwantità totali ta’ enerġija tal-elettriku li huma għandhom. Huwa stabbilit li l-imsemmija distributuri tal-elettriku huma, bħala regola ġenerali, awtorizzati jgħaddu l-ispejjeż addizzjonali li huma jinkorru minħabba dan il-fatt fuq il-konsumaturi finali, billi jiffatturawhom mill-ġdid spiża tal-elettriku ogħla. Madankollu, l-iskema msemmija hawn fuq, prevista inkwantu prinċipju, ma tapplikax għall-impriżi li jikkonsmaw livell għoli ta’ enerġija li jissodisfaw il-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 22c tal-ÖSG emendata.

36

Ir-raba’ nett, fir-rigward tal-eżenzjoni tal-impriżi li jikkonsmaw livell għoli ta’ enerġija li jissodisfaw il-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 22c tal-ÖSG emendata, għandhom jiġu enfasizzati żewġ elementi prinċipali.

37

L-ewwel element huwa li kull impriża li tissodisfa l-kundizzjonijiet previsti mil-leġiżlazzjoni Awstrijaka hija intitolata li, wara t-talba tagħha, tingħata eżenzjoni mir-regolatur Awstrijak għall-enerġija, u dan tal-aħħar ma għandux, barra minn hekk, setgħa diskrezzjonali f’dan il-qasam. Wara l-għoti tal-eżenzjoni inkwistjoni, l-ÖSG emendata tipprojbixxi lid-distributuri milli jiffatturaw lill-imsemmija impriżi li jikkonsmaw livell għoli ta’ enerġija l-ispejjeż addizzjonali marbuta mal-elettriku aħdar. L-Artikolu 22c(5) ta’ din il-liġi jindika b’mod partikolari li l-kuntratti konklużi bejn id-distributuri tal-elettriku u l-konsumaturi l-kbar tal-elettriku għandhom jipprevedu, b’mod obbligatorju, li, mill-mument li dawn tal-aħħar jibbenefikaw mill-eżenzjoni inkwistjoni, id-distributuri ma jipprovdulhomx elettriku aħdar allokat miċ-ċentru ta’ ħlas tal-elettriku aħdar u ma jiffatturawlhomx spejjeż addizzjonali għall-elettriku aħdar. Kwalunkwe dispożizzjoni li tmur kontra dan titqies li hija nulla.

38

It-tieni element jikkonsisti fil-fatt li kull impriża li tikkonsma livell għoli ta’ enerġija, li tkun ingħatat eżenzjoni mill-obbligu ta’ xiri, għandha, skont l-Artikolu 22c(2) tal-ÖSG emendata, tħallas direttament lill-ÖMAG, u mhux lid-distributuri tal-elettriku, “ammont kumpensatorju” li jikkorrispondi għal 0.5 % tal-valur nett ta’ produzzjoni tas-sena kalendarja preċedenti.

39

Il-ħames nett, minħabba l-importanza partikolari ta’ din il-kunsiderazzjoni fil-loġika li mxiet magħha l-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata, għandu jiġi osservat li fil-premessa 58 tal-imsemmija deċiżjoni din affermat li l-mekkaniżmu inkwistjoni kien iwassal, minn ċertu ammont, għal “stabbiliment ta’ limitu” tal-kontribuzzjoni tal-impriżi li jikkonsmaw livell għoli ta’ enerġija għad-dħul tal-ÖMAG. Fil-fehma tagħha, l-imsemmija impriżi kienu għaldaqstant eżenti minn ħlas li huma normalment kellhom jagħmlu taħt kundizzjonijiet normali tas-suq. Għaldaqstant, skont il-Kummissjoni, l-impriżi li għandhom il-possibbiltà li jibbenefikaw mill-imsemmi mekkaniżmu kienu vantaġġjati.

40

Biex waslet għall-konklużjoni msemmija fil-punt 39 hawn fuq, il-Kummissjoni, wara li rreferiet, għall-premessa 55 tad-deċiżjoni kkontestata, għall-ġurisprudenza dwar il-vantaġġi li jirriżultaw minn eżenzjoni kompleta jew parzjali minn taxxa regolatorja, ipproċediet fil-premessa 56 tal-imsemmija deċiżjoni għall-evalwazzjoni tal-miżura inkwistjoni u qieset li din kienet intiża sabiex jinġabar dħul mill-konsumaturi tal-elettriku bl-għan li tiġi ffinanzjata l-produzzjoni tal-elettriku aħdar. Fil-fehma tagħha, l-impriżi li jikkonsmaw livell għoli ta’ enerġija kienu fl-istess sitwazzjoni legali u fattwali bħall-konsumaturi l-oħra kollha, għax dawn kollha kienu jikkonsmaw l-elettriku li huma kienu jixtru mingħand id-distributuri tal-elettriku, li min-naħa tagħhom kellhom l-obbligu li jixtru ċertu ammont ta’ elettriku aħdar bil-prezz tat-trasferiment. Hija kompliet billi sostniet li, fl-assenza tal-mekkaniżmu inkwistjoni, l-impriżi li jikkonsmaw livell għoli ta’ enerġija jħallsu lid-distributuri tal-elettriku l-ispejjeż addizzjonali għall-elettriku aħdar, u dawn l-ispejjeż jidhru fuq il-fattura tagħhom tal-elettriku. Fil-fatt, hija fakkret li d-distributuri tal-elettriku kienu jgħaddu fuq il-klijenti tagħhom, li ma kellhomx il-possibbiltà li jibbenefikaw mill-eżenzjoni inkwistjoni, l-ispejjeż addizzjonali li kienu jirriżultaw mill-obbligu tagħhom li jixtru l-elettriku aħdar mill-ÖMAG.

Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 107(1) TFUE, minħabba żball ta’ liġi mwettaq mill-Kummissjoni meta kkonkludiet li l-iskema prevista fl-Artikolu 22c tal-ÖSG emendata kienet tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat

41

Dan il-motiv huwa maqsum f’żewġ partijiet. L-ewwel waħda tikkonsisti fl-allegazzjoni li l-fondi implementati għall-finanzjament tal-iskema prevista fl-Artikolu 22c tal-ÖSG emendata ma kinux riżorsi tal-Istat. It-tieni parti tikkonsisti fl-allegazzjoni li, f’kull każ, l-imsemmija fondi ma kinux imputabbli lill-Istat.

– Fuq l-ewwel parti tal-ewwel motiv

42

Ir-Repubblika tal-Awstrija tikkontesta l-fatt li l-iskema ta’ kumpens għall-impriżi li jikkonsmaw livell għoli ta’ enerġija, prevista fl-Artikolu 22c tal-ÖSG emendata, hija ffinanzjata b’riżorsi ta’ oriġini Statali. Hija tqis li l-fatti f’dan il-każ huma komparabbli mal-fatti li taw lok għall-kawża li wasslet għas-sentenza tat-13 ta’ Marzu 2001, PreussenElektra (C‑379/98, Ġabra, EU:C:2001:160). Hija tenfasizza, b’mod partikolari, li, f’din il-kawża msemmija l-aħħar, l-element deċiżiv kien li l-ħlas ta’ fondi kien sar biss bejn impriżi privati, u l-imsemmija fondi qatt ma ħarġu mis-settur privat u qatt ma kienu taħt il-kontroll tal-Istat. Huwa għal dawn ir-raġunijiet li l-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat li l-fatt li ċaqliq ta’ fondi speċifiku ikun ibbażat fuq liġi u jagħti vantaġġi lil ċerti impriżi ma huwiex suffiċjenti sabiex jagħti lil dawn ir-riżorsi natura Statali.

43

F’dan ir-rigward, ir-Repubblika tal-Awstrija ssostni wkoll li, kemm fis-sistema Ġermaniża kif ukoll fis-sistema Awstrijaka ta’ għajnuna għall-elettriku aħdar, operaturi awtorizzati mill-Istat, li ma jkollhomx prerogattivi ta’ awtorità pubblika, jaġixxu bħala punti ta’ riċezzjoni, kif ukoll ta’ pagament, u ta’ bejgħ mill-ġdid tal-elettriku aħdar, u l-ebda waħda miż-żewġ skemi ta’ għajnuna ma tipprevedi li tkopri telf permezz ta’ riżorsi baġitarji. L-obbligi ta’ bejgħ mill-ġdid, ta’ xiri u ta’ pagament huma stabbiliti mil-liġi. B’dan il-mod, skont ir-Repubblika tal-Awstrija, fiż-żewġ sistemi, l-Istat ma jipparteċipax fil-kalkolu, iżda jiffissa biss regoli ta’ applikazzjoni ġenerali, mingħajr ma dan jikkostitwixxi oneru għal baġit pubbliku. F’dan ir-rigward, hija tirreferi għas-sentenzi tas-17 ta’ Marzu 1993, Sloman Neptun (C‑72/91 u C‑73/91, Ġabra, EU:C:1993:97), u tal-15 ta’ Lulju 2004, Pearle et (C‑345/02, Ġabra, EU:C:2004:448, punti 36 et seq).

44

Ir-Renju Unit isostni l-pożizzjoni tar-Repubblika tal-Awstrija, skont liema l-miżura inkwistjoni ma kinitx timplika l-għoti ta’ għajnuna “permezz ta’ riżorsi tal-Istat”. Minn naħa, fil-fehma tiegħu, huwa stabbilit li l-għajnuna tista’ titqies li hija mogħtija permezz ta’ riżorsi tal-Istat meta, minflok ma tingħata direttament mill-Istat, tinġabar u titħallas minn korp inkarigat għad-distribuzzjoni u għall-amministrazzjoni ta’ din l-għajnuna (sentenza tat-22 ta’ Marzu 1977, Steinike & Weinlig, 78/76, Ġabra, EU:C:1977:52, punti 21 u 22). Min-naħa l-oħra, huwa jsostni li l-Qorti tal-Ġustizzja kkonfermat li miżura ma kinitx meqjusa li hija għajnuna mogħtija permezz ta’ riżorsi tal-Istat biss għar-raġuni li l-pagament magħmul lill-benefiċjarju kien preskritt mill-Istat. B’dan il-mod, jekk l-Istat jordna lil terz iwettaq pagament, permezz ta’ riżorsi proprji tiegħu, lill-benefiċjarju, dan il-pagament ma jikkostitwixxix għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE. F’dan ir-rigward, huwa jirreferi għas-sentenzi PreussenElektra, punt 42 iktar ’il fuq, EU:C:2001:160, punti 59 u 61, u tas-17 ta’ Lulju 2008, Essent Netwerk Noord et, C‑206/06, Ġabra, EU:C:2008:413, punti 40, 47, 66, 69, 70, 72 u 74).

45

Ir-Renju Unit josserva, b’mod partikolari, li, jekk il-Qorti tal-Ġustizzja qieset, fis-sentenza Essent Netwerk Noord et, punt 44 iktar ’il fuq (EU:C:2008:413), li r-riżorsi użati setgħu jiġu kklassifikati bħala riżorsi tal-Istat, hija kienet ibbażat ruħha fuq tliet elementi ta’ fatt. L-ewwel nett, is-somom inkwistjoni fil-kawża li wasslet għas-sentenza ċċitata hawn fuq kellhom bħala oriġini suppliment ta’ prezz impost permezz tal-leġiżlazzjoni fuq il-konsumaturi tal-elettriku. L-imsemmi suppliment ta’ prezz huwa miżura fiskali u għaldaqstant, riżors tal-Istat mill-bidu. It-tieni nett, il-korp responsabbli għall-amministrazzjoni tal-fondi miġbura huwa inkarigat għall-operat ta’ servizz ta’ importanza ekonomika ġenerali, indipendentement mid-dritt tiegħu li jżomm parti mid-dħul. It-tielet nett, il-korp inkwistjoni ma għandux id-dritt li juża d-dħul mis-suppliment ta’ prezz għal allokazzjonijiet differenti minn dawk previsti mil-liġi u huwa kkontrollat b’mod strett f’dan il-kompitu. Il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat ukoll li l-fondi inkwistjoni jibqgħu taħt il-kontroll pubbliku u għaldaqstant fid-dispożizzjoni tal-awtoritajiet nazzjonali sad-distribuzzjoni finali tagħhom. Skont ir-Renju Unit, l-ÖSG emendata kollha ma tissodisfax il-kundizzjonijiet imsemmija hawn fuq, u b’mod partikolari l-ewwel u t-tielet kundizzjoni.

46

Il-Qorti Ġenerali tosserva li l-Kummissjoni affermat, fil-premessa 61 tad-deċiżjoni kkontestata, essenzjalment, li l-mekkaniżmu inkwistjoni kien inaqqas id-dħul tal-ÖMAG, peress li d-distributuri tal-elettriku ma kinux obbligati jixtru l-elettriku aħdar għall-impriżi li kienu jibbenefikaw minn eżenzjoni, u l-pagamenti diretti ta’ dawn tal-aħħar lill-ÖMAG kienu iktar baxxi minn dawk li l-ÖMAG kienet tirċievi fl-assenza ta’ eżenzjoni.

47

Imbagħad, fil-premessa 62 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni enfasizzat li, għaldaqstant, hija kellha tistabbilixxi jekk il-fondi kkontrollati mill-ÖMAG, abbażi tal-ÖSG emendata, kinux jikkostitwixxu riżorsi tal-Istat. Fl-affermattiv, il-miżura inkwistjoni twassal, fil-fehma tagħha, għal tnaqqis fid-dħul tal-Istat, u tkun għaldaqstant iffinanzjata minn fondi tal-Istat.

48

F’dan ir-rigward, l-ewwel nett, wara li analizzat is-sentenzi PreussenElektra, punt 42 iktar ’il fuq (EU:C:2001:160), u Essent Netwerk Noord et, punt 44 iktar ’il fuq (EU:C:2008:413), sabiex tiddeduċi konsegwenzi rigward l-evalwazzjoni ta’ din il-kawża, il-Kummissjoni eżaminat, fil-premessa 68 tad-deċiżjoni kkontestata, jekk l-iskema Awstrijaka inkwistjoni kinitx tipprevedi l-eżistenza ta’ taxxa. Hija kkonkludiet li dan kien fil-fatt il-każ, sa fejn l-ÖSG emendata kienet tobbliga lid-distributuri tal-elettriku jixtru ċerta kwantità ta’ elettriku bil-prezz ta’ trasferiment, ogħla minn dak tas-suq u ffissat kull sena mill-Ministru federali Awstrijak kompetenti, u li l-imsemmija liġi kienet sempliċement tindika valuri ta’ referenza. Id-differenza bejn il-prezz tas-suq għall-elettriku u l-prezz ta’ trasferiment, stabbilit b’dan il-mod b’att ta’ awtorità pubblika, kienet tikkostitwixxi, fil-fehma tagħha, “dritt ta’ ħlas għall-elettriku”. Il-Kummissjoni enfasizzat ukoll li, b’mod differenti mill-kawża li wasslet għas-sentenza PreussenElektra, punt 42 iktar ’il fuq (EU:C:2001:160), il-fondi inkwistjoni ma kinux imħallsa f’dan il-każ lil operaturi oħra tas-suq li jeżerċitaw attivitajiet kummerċjali ordinarji, iżda lil korp inkarigat b’mod speċifiku mill-Istat biex jiġbor u jiddistribwixxi l-fondi, u dan biss għal finijiet ta’ interess pubbliku. Fil-premessi 69 sa 71 tad-deċiżjoni kkontestata, hija żiedet li l-ÖMAG kienet tibbenefika minn konċessjoni għall-eżekuzzjoni tal-missjonijiet imposti fuq iċ-ċentru ta’ ħlas tal-enerġija ħadra u li kienet, b’dan il-mod, inkarigata bil-ġestjoni ta’ servizz ta’ importanza ekonomika ġenerali, li jikkonsisti fil-ġbir mid-distributuri kollha tal-elettriku tal-ħlas inkwistjoni.

49

It-tieni nett, il-Kummissjoni indikat, fil-premessi 72 et seq tad-deċiżjoni kkontestata, li l-fondi inkwistjoni kienu intiżi għal għan stabbilit mil-liġi, u dan kien ikkontrollat b’mod strett. Hija enfasizzat li, skont l-Artikolu 23 tal-ÖSG, l-ÖMAG kellha l-obbligu tamministra d-dħul inkwistjoni fuq kont bankarju speċifiku, użat biss għax-xiri tal-elettriku aħdar, u kellha, f’kull mument, tippermetti lill-Ministru federali Awstrijak kompetenti, kif ukoll lill-Qorti tal-Awdituri tal-Awstrija jeżaminaw id-dokumenti kollha relatati ma’ dan il-kont.

50

Fid-dawl ta’ dawn l-elementi kollha, il-Kummissjoni waslet, fil-premessa 74 tad-deċiżjoni kkontestata, għall-konklużjoni li, “[f]’konformità mal-każijiet [li taw lok għas-sentenzi Essent Netwerk Noord et (EU:C:2008:413) u Steinike & Weinlig (EU:C:1977:52), punt 44 iktar ’il fuq], [i]l-fondi miġbura u amministrati mill-ÖMAG jikkostitwixxu riżorsi tal-Istat”.

51

It-tielet nett, konsegwentement, fil-premessi 75 et seq tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ċaħdet l-eżistenza ta’ analoġiji bejn din il-kawża u l-kawża li wasslet għas-sentenza PreussenElektra, punt 42 iktar ’il fuq (EU:C:2001:160). Hija kkonstatat, essenzjalment, li ma kienx rilevanti, f’dan il-każ, li tiġi evalwata l-leġiżlazzjoni Ġermaniża, kemm jekk il-verżjoni preċedenti jew jekk dik attwali, u li, f’kull każ, il-leġiżlazzjoni Awstrijaka tvarja minnha b’mod qawwi. Dan kien il-każ b’mod partikolari, fil-fehma tagħha, peress li l-iskema Ġermaniża, li kienet is-suġġett tal-evalwazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest tal-kawża li wasslet għas-sentenza PreussenElektra, punt 42 iktar ’il fuq (EU:C:2001:160), kienet tikkostitwixxi biss sistema ta’ obbligu ta’ provvista eżistenti bejn impriżi privati li joperaw fis-suq, filwaqt li s-sistema Awstrijaka, li setgħet tiġi deskritta fis-sens li tikkostitwixxi miżura ta’ tassazzjoni fuq l-elettriku, kienet tipprevedi l-preżenza ta’ korp intermedjarju, maħtur mill-Istat u kkontrollat minnu. Skont il-Kummissjoni, l-iskema Awstrijaka setgħet ukoll tippermetti pagamenti diretti mill-Istat lill-ÖMAG (premessa 76 tad-deċiżjoni kkontestata).

52

Ir-raba’ nett, il-Kummissjoni enfasizzat ukoll li ma kienx rilevanti l-fatt li l-ÖMAG huwa korp privat, għaliex kien maħtur biex jiġbor u jamministra taxxa, u l-fondi inkwistjoni huma għaldaqstant Statali (premessi 79 u 80 tad-deċiżjoni kkontestata). Fl-aħħar nett, hija qieset li huwa irrilevanti l-fatt li l-ammont totali mħallas mid-distributuri tal-elettriku lill-ÖMAG ma kienx affettwat mill-mekkaniżmu inkwistjoni, għaliex biss it-tqassim ta’ dan l-ammont bejn id-diversi kategoriji ta’ konsumaturi nbidel. Hija affermat, f’dan ir-rigward, li l-element determinanti kien dak dwar jekk vantaġġ irċevut minn impriża jwassalx għal telf ta’ dħul tal-Istat, li kien effettivament il-każ tal-iskema Awstrijaka inkwistjoni. Fil-fehma tagħha, kien, barra minn hekk, ovvju li, fl-aħħar mill-aħħar, l-Istat kellu jsib sorsi oħra ta’ dħul sabiex jikkumpensa għat-telf inkors b’dan il-mod (premessi 81 sa 85 tad-deċiżjoni kkontestata).

53

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, il-klassifikazzjoni ta’ “għajnuna” fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE teżiġi li l-kundizzjonijiet kollha msemmija f’din id-dispożizzjoni jiġu ssodisfatti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Essent Netwerk Noord et, punt 44 iktar ’il fuq, EU:C:2008:413, punt 63 u l-ġurisprudenza ċċitata). L-ewwel nett, għandu jkun intervent tal-Istat jew permezz tar-riżorsi tal-Istat. It-tieni nett, dan l-intervent għandu jkun ta’ natura li jista’ jaffettwa l-kummerċ bejn l-Istati Membri. It tielet nett, għandu jagħti vantaġġ lill-benefiċjarju tiegħu. Ir-raba’ nett, għandu joħloq distorsjoni jew jhedded li joħloq distorsjoni fil-kompetizzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Essent Netwerk Noord et, punt 44 iktar ’il fuq, EU:C:2008:413, punt 64 u l-ġurisprudenza ċċitata).

54

Fir-rigward tal-ewwel kundizzjoni, għandu jiġi osservat, fl-ewwel lok, li, skont ġurisprudenza stabbilita, huma biss il-vantaġġi mogħtija direttament jew indirettament permezz ta’ riżorsi tal-Istat li għandhom jitqiesu li huma għajnuna fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE. Fil-fatt, mill-kliem innifsu ta’ din id-dispożizzjoni u mir-regoli proċedurali stabbiliti permezz tal-Artikolu 108 TFUE jirriżulta li l-vantaġġi mogħtija permezz ta’ mezzi oħra għajr riżorsi tal-Istat ma jaqgħux taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet inkwistjoni. Id-distinzjoni bejn għajnuna mogħtija mill-Istat u għajnuna mogħtija permezz ta’ riżorsi tal-Istat hija intiża biex tinkludi fil-kunċett ta’ għajnuna mhux biss l-għajnuna mogħtija direttament mill-Istat, iżda wkoll dik mogħtija minn korpi pubbliċi jew privati, maħtura jew stabbiliti mill-Istat (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Steinike & Weinlig, punt 44 iktar ’il fuq, EU:C:1977:52, punt 21, u Sloman Neptun, punt 43 iktar ’il fuq, EU:C:1993:97, punt 19 u l-ġurisprudenza ċċitata). Fil-fatt, id-dritt Komunitarju ma jistax jaċċetta li s-sempliċi fatt li jinħolqu istituzzjonijiet awtonomi inkarigati bid-distribuzzjoni tal-għajnuna jippermetti li jiġu evitati r-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat (sentenza tas-16 ta’ Mejju 2002, Franza vs Il-Kummissjoni, C‑482/99, Ġabra, EU:C:2002:294, punt 23).

55

Fit-tieni lok, għandu jitfakkar li ma huwiex meħtieġ li jiġi stabbilit, fil-każijiet kollha, li kien hemm trasferiment ta’ riżorsi tal-Istat biex il-vantaġġ mogħti lil impriża waħda jew iktar ikun jista’ jitqies li huwa għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE (ara s-sentenza Franza vs Il-Kummissjoni, punt 54 iktar ’il fuq, EU:C:2002:294, punt 36 u l-ġurisprudenza ċċitata).

56

Fit-tielet lok, għandu jiġi enfasizzat li mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja diġà jirriżulta li l-Artikolu 107(1) TFUE jkopri kull mezz pekunjarju li l-awtoritajiet pubbliċi jistgħu effettivament jużaw sabiex isostnu impriżi, mingħajr ma huwa rilevanti jekk dawn il-mezzi jkunux jew le jagħmlu parti b’mod permanenti mill-patrimonju tal-Istat. Għalhekk, anki jekk is-somom li jikkorrispondu għall-miżura inkwistjoni ma humiex fil-pussess tat-Teżor pubbliku b’mod permanenti, il-fatt li jibqgħu kontinwament taħt il-kontroll pubbliku, u għaldaqstant fid-dispożizzjoni tal-awtoritajiet nazzjonali kompetenti, huwa suffiċjenti sabiex jiġu kklassifikati bħala riżorsi tal-Istat (ara s-sentenza Franza vs Il-Kummissjoni, punt 54 iktar ’il fuq, EU:C:2002:294, punt 37 u l-ġurisprudenza ċċitata).

57

F’dan il-każ, ir-Repubblika tal-Awstrija u r-Renju Unit jenfasizzaw li l-flus Statali, fl-ebda mument, ma huma involuti fil-kuntest tal-miżura inkwistjoni. Huma jipprovaw jibbażaw ruħhom, b’mod partikolari, fuq is-sentenza PreussenElektra, punt 42 iktar ’il fuq (EU:C:2001:160). Il-Kummissjoni, bil-kontra, tinvoka, prinċipalment, il-kawżi li wasslu għas-sentenzi Essent Netwerk Noord et, punt 44 iktar ’il fuq (EU:C:2008:413), u Steinike & Weinlig, punt 44 iktar ’il fuq, EU:C:1977:52, punt 21. Minbarra dan, għandu jiġi kkonstatat li, filwaqt li, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni analizzat fid-dettall it-tliet sentenzi msemmija hawn fuq, hija tipprova, min-naħa l-oħra, fil-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali, tagħti iktar valur lis-sentenza Steinike & Weinlig, punt 44 iktar ’il fuq (EU:C:1977:52), inkwantu sentenza “ta’ prinċipju”, peress li qieset li s-sentenzi PreussenElektra, punt 42 iktar ’il fuq (EU:C:2001:160) u Essent Netwerk Noord et, punt 44 iktar ’il fuq (EU:C:2008:413) huma purament deċiżjonijiet “ad hoc” li minnhom ma jistgħux jiġu dedotti kundizzjonijiet ġeneralment applikabbli li għandhom jiġu segwiti sabiex miżura tkun tista’ tiqies li tuża, direttament jew indirettament, riżorsi pubbliċi.

58

Għandu jiġi kkonstatat, fir-rigward tas-sentenzi PreussenElektra, punt 42 iktar ’il fuq (EU:C:2001:160) u Essent Netwerk Noord et, punt 44 iktar ’il fuq (EU:C:2008:413) li dawn ma jistgħux jiġu analizzati fis-sens li l-konklużjonijiet adottati fis-sentenza l-iktar reċenti jirrendu s-soluzzjonijiet żviluppati f’dik ta’ qabel skaduti. Bil-kontra, huma għandhom jinqraw fis-sens li jirrispondu għal ċirkustanzi fattwali differenti (ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza tad-19 ta’ Diċembru 2013, Vent De Colère et, C‑262/12, Ġabra, EU:C:2013:851, punti 34 u 35).

59

Fir-rigward tas-sentenza PreussenElektra, punt 42 iktar ’il fuq (EU:C:2001:160), għandu jiġi osservat li, sabiex tiġi eskluża l-klassifikazzjoni ta’ għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 87(1) KE [li sar l-Artikolu 107(1) TFUE], il-Qorti tal-Ġustizzja bbażat ruħha, essenzjalment, fuq il-fatt li l-leġiżlazzjoni Ġermaniża, inkwistjoni fl-imsemmija kawża, li, minn naħa, kienet timponi fuq l-impriżi privati ta’ provvista ta’ elettriku li jixtru l-elettriku prodott minn sorsi ta’ enerġija li jiġġeddu bi prezzijiet minimi ogħla mill-valur ekonomiku tiegħu, u, min-naħa l-oħra, kienet tqassam l-oneru finanzjarju li jirriżulta minn dan bejn l-impriżi ta’ provvista tal-elettriku u l-operaturi privati tan-netwerk ta’ elettriku upstream, ma kellhiex elementi li minnhom seta’ jiġi dedott li kien hemm trasferiment dirett jew indirett ta’ riżorsi tal-Istat. F’tali ċirkustanzi, hija qieset li l-fatt li l-imsemmija leġiżlazzjoni kienet tagħti vantaġġ inkontestabbli lill-impriżi li jipproduċu l-elettriku miksub minn sorsi li jiġġeddu u li tali vantaġġ kien il-konsegwenza tal-intervent tal-awtoritajiet pubbliċi ma kienx suffiċjenti sabiex il-miżura inkwistjoni tiġi kklassifikata bħala għajnuna. Minbarra dan, hija qieset bħala wieħed mill-elementi essenzjali l-fatt li l-persuni li huma responsabbli għall-ħlas tal-oneri addizzjonali imposti permezz tal-liġi Ġermaniża kienu ta’ natura privata (ara d-dispożittiv tas-sentenza, kif ukoll il-punti 55 u 56 ta’ din). Mill-analiżi tal-kuntest fattwali tal-kawża li tat lok għas-sentenza msemmija hawn fuq jirriżulta wkoll li, bil-kontra tal-miżura Awstrijaka li hija s-suġġett ta’ din il-proċedura, il-mekkaniżmu previst mil-liġi Ġermaniża ma kienx jipprevedi l-intervent ta’ intermedjarji, inkarigati bil-ġbir jew bl-amministrazzjoni tas-somom li jikkostitwixxu l-għajnuna, u għaldaqstant, ma kienx jipprevedi entitajiet komparabbli, fl-istruttura tagħhom jew fl-irwol tagħhom, għall-ÖMAG. Għalhekk, bil-kontra tal-każ inkwistjoni, il-vantaġġ analizzat mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza PreussenElektra, punt 42 iktar ’il fuq (EU:C:2001:160), li jikkonsisti kemm fil-garanzija, favur l-impriżi benefiċjarji, tal-possibbiltà tal-bejgħ mill-ġdid tal-enerġija kollha prodotta minn sorsi li jiġġeddu, kif ukoll fil-fatt li l-prezz tal-bejgħ kien jaqbeż il-prezz tas-suq, kien mogħti fil-mument innifsu tal-konklużjoni tal-kuntratti ta’ provvista u tal-pagament tal-korrispettiv.

60

Min-naħa l-oħra, dwar il-kawża li tat lok għas-sentenza Essent Netwerk Noord et, punt 44 iktar ’il fuq (EU:C:2008:413), li kienet tirrigwarda miżura li tikkonsisti f’leġiżlazzjoni nazzjonali li tippermetti l-ġbir ta’ suppliment fuq il-prezz tat-trasport tal-elettriku bi profitt għal kumpannija indikata mil-liġi (iktar ’il quddiem, is-“SEP”), marbuta tħallas spejjeż imsejħa “irrekuperabbli”, għandu jitfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja kkonkludiet li kien jeżisti użu minn riżorsi tal-Istat, fis-sens tal-Artikolu 87(1) KE. F’dan ir-rigward, kif jirriżulta mill-punti 65 et seq tal-imsemmija sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja kienet ibbażat ruħha, l-ewwel nett, fuq il-konstatazzjoni li l-ammonti finanzjarji inkwistjoni, attribwiti lis-SEP, kellhom bħala oriġini suppliment ta’ prezz impost mill-Istat fuq ix-xerrejja tal-elettriku skont il-liġi, u li kien ġie stabbilit li kienet taxxa. Fil-fehma tagħha, l-imsemmija ammonti ma kellhomx għaldaqstant bħala oriġini riżorsi tal-Istat.

61

It-tieni nett, kif jirriżulta mill-punti 67 sa 69 tas-sentenza Essent Netwerk Noord et, punt 44 iktar ’il fuq (EU:C:2008:413), il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat li t-taxxa inkwistjoni kienet titħallas mill-amministraturi tan-netwerk jew minn dawk li kienu fil-pussess ta’ awtorizzazzjonijiet li kellhom jittrasferixxuha lis-SEP, li kienet iżżomm ammont previst mil-liġi [400 miljun Fjorin Olandiż (NLG)] u li kienet tittrasferixxi l-bqija lill-ministru kompetenti fil-Pajjiżi l-Baxxi. Hija affermat ukoll li s-SEP, li l-kapital tagħha kien kollu miżmum mill-impriżi produttriċi tal-elettriku, kienet inkarigata, fiż-żmien rilevanti, mil-liġi bl-amministrazzjoni ta’ servizz ekonomiku ta’ importanza ġenerali. Minbarra dan, is-SEP ma kellha l-ebda possibbiltà tuża d-dħul mit-taxxa għal allokazzjonijiet oħra għajr dawk previsti mil-liġi u hija kienet ukoll ikkontrollata b’mod strett f’dan il-kompitu, għaliex il-liġi kienet tobbligaha tqabbad accountant jiċċertifika r-rapport finanzjarju tas-somom irċevuti u ttrasferiti.

62

It-tielet nett, kif jirriżulta mill-punt 70 tas-sentenza Essent Netwerk Noord et, punt 44 iktar ’il fuq (EU:C:2008:413), il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat li “ma huwiex rilevanti li din il-kumpannija nnominata tkun fl-istess waqt l-uffiċċju ċentrali tat-taxxa miġbura, l-amministratur tal-fondi miġbura u l-benefiċjarju ta’ parti minn dawn il-fondi [; f]il-fatt, il-mekkaniżmi previsti mil-liġi u, b’mod iktar partikolari, ir-rapporti finanzjarji iċċertifikati minn accountant, [kienu] jippermettu li ssir distinzjoni bejn dawn id-diversi rwoli u li jiġi kkontrollat l-użu tal-fondi [; m]inn dan [kien] jirriżulta li, sakemm din il-kumpannija nnominata ma ngħatatx l-ammont ta’ 400 miljun NLG, il-waqt li fih hija [kellha] d-dispożizzjoni libera tiegħu, dan l-ammont [baqa’] taħt il-kontroll pubbliku, u għaldaqstant fid-dispożizzjoni tal-awtoritajiet nazzjonali; dan [kien] biżżejjed sabiex jiġi deskritt bħala riżorsi tal-Istat”.

63

Fil-punt 71 tas-sentenza Essent Netwerk Noord et, punt 44 iktar ’il fuq (EU:C:2008:413), il-Qorti tal-Ġustizzja reġgħet enfasizzat l-għan tal-liġi inkwistjoni, li kien jidher li huwa dak li l-impriżi li jipproduċu l-elettriku jiġu permessi, bl-intermedjarju tas-sussidjarja tagħhom, is-SEP, jirkupraw ċertu nfiq li ma huwiex konformi mas-suq, li huma kienu sostnew fil-passat.

64

Għal dawn ir-raġunijiet, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonkludiet ukoll, fil-punti 72 u 73 tas-sentenza Essent Netwerk Noord et, punt 44 iktar ’il fuq (EU:C:2008:413), li l-kawża li wasslet għal din is-sentenza kienet differenti mill-miżura inkwistjoni fis-sentenza Pearle et, punt 43 iktar ’il fuq (EU:C:2004:448). Hija enfasizzat li fil-kawża li wasslet għas-sentenza msemmija l-aħħar, il-fondi użati għal kampanja pubbliċitarja, kienu nġabru minn korp professjonali, fost dawk li huma affiljati miegħu u li huma benefiċjarji tal-kampanja, permezz ta’ kontribuzzjonijiet allokati b’mod obbligatorju għall-organizzazzjoni ta’ din il-kampanja. Fil-fehma tagħha, huma la kienu piż fuq l-Istat u lanqas fondi li baqgħu taħt il-kontroll tal-Istat. Hija enfasizzat ukoll il-fatt li l-kampanja pubbliċitarja kienet organizzata minn assoċjazzjoni privata ta’ ottiċi, kellha għan purament kummerċjali u bl-ebda mod ma kienet tidħol fil-kuntest ta’ politika ddefinita mill-awtoritajiet, bil-kontra tal-każ fil-kawża prinċipali li wasslet għas-sentenza Essent Netwerk Noord et, punt 44 iktar ’il fuq (EU:C:2008:413), fejn l-attribuzzjoni tal-ammont finanzjarju inkwistjoni lill-kumpannija maħtura kienet ġiet deċiża mil-leġiżlatur nazzjonali.

65

Fl-aħħar nett, fil-punt 74 tas-sentenza Essent Netwerk Noord et, punt 44 iktar ’il fuq (EU:C:2008:413), il-Qorti tal-Ġustizzja ddifferenzjat b’mod espliċitu l-miżura analizzata minn dik inkwistjoni fis-sentenza PreussenElektra, punt 42 iktar ’il fuq (EU:C:2001:160), filwaqt li enfasizzat li, f’din il-kawża msemmija l-aħħar, ma kienx hemm trasferiment dirett jew indirett ta’ riżorsi tal-Istat lill-impriżi li jipproduċu l-elettriku minn sorsi ta’ enerġija li jiġġeddu, iżda sempliċement kien ġie stabbilit obbligu ta’ provvista ta’ tali elettriku, bi prezzijiet minimi. Hija enfasizzat il-fatt li, f’dan il-każ imsemmi l-aħħar, l-impriżi ma ġewx imqabbda mill-Istat sabiex jamministraw riżorsi tal-Istat, iżda kienu marbuta b’obbligu ta’ xiri permezz tar-riżorsi finanzjarji tagħhom.

66

Bil-kontra tal-allegazzjonijiet tar-Repubblika tal-Awstrija u tar-Renju Unit, l-ÖSG emendata għandha elementi li jqarrbuha ħafna għall-miżura li kienet is-suġġett tal-kawża li wasslet għas-sentenza Essent Netwerk Noord et, punt 44 iktar ’il fuq (EU:C:2008:413).

67

Fil-fatt, fl-ewwel lok, għandu jiġi osservat li, bħas-sitwazzjoni tas-SEP fil-kawża li wasslet għas-sentenza Essent Netwerk Noord et, punt 44 iktar ’il fuq (EU:C:2008:413), l-ÖMAG hija inkarigata, f’dan il-każ, permezz tal-ÖSG emendata li tamministra s-sistema tal-għajnuna għall-produzzjoni tal-elettriku minn sorsi ta’ enerġija li jiġġeddu. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni tirreferi, ġustament, għall-fatt li l-ÖMAG kienet inħolqot fl-2006 bl-għan espliċitu li titlob konċessjoni għall-eżekuzzjoni tal-missjonijiet imposti fuq iċ-ċentru ta’ ħlas tal-elettriku aħdar b’mod konformi mal-Artikoli 14 sa 14e tal-imsemmija liġi. Kif issostni l-Kummissjoni, is-sistema prevista minn din il-liġi tista’ tiġi ddefinita fis-sens li tikkostitwixxi konċessjoni Statali, peress li l-fondi inkwistjoni jitħallsu esklużivament għal finijiet ta’ interess pubbliku, iddefiniti mil-leġiżlatur Awstrijak. L-imsemmija fondi, li jikkonsistu fl-ispejjeż addizzjonali mħallsa mid-distributuri tal-elettriku lill-ÖMAG għall-elettriku aħdar, li l-prezz tiegħu jaqbeż dak tal-elettriku mixtri fuq is-suq, ma jiġux ittrasferiti direttament mill-impriżi li jħallsu lill-produtturi tal-elettriku aħdar, jiġifieri lil operaturi oħra tas-suq li jeżerċitaw attivitajiet kummerċjali ordinarji, iżda jeħtieġu l-intervent ta’ intermedjarju, inkarigat bil-ġbir u bl-amministrazzjoni tagħhom. Bil-kontra taċ-ċirkustanzi tal-kawża li wasslet għas-sentenza PreussenElektra, punt 42 iktar ’il fuq (EU:C:2001:160), ma tistax tkun kwistjoni ta’ sempliċi obbligu ta’ xiri, stabbilit mil-liġi, fejn il-vantaġġ mogħti jingħata awtomatikament fil-mument tal-konklużjoni tal-kuntratti ta’ provvista u waqt il-pagament tal-korrispettiv.

68

Fit-tieni lok, għandu jiġi kkonstatat li, bħal fil-kawża li wasslet għas-sentenza Essent Netwerk Noord et, punt 44 iktar ’il fuq (EU:C:2008:413), din il-kawża tirrigwarda riżorsi tal-Istat intiżi għall-finanzjament tal-miżura inkwistjoni li jinkisbu permezz ta’ oneri imposti fuq individwi privati permezz tal-ÖSG emendata, u din tipprevedi suppliment ta’ prezz obbligatorju marbut max-xiri tal-elettriku aħdar. B’analoġija mal-punti 43 sa 47 tas-sentenza Essent Netwerk Noord et, punt 44 iktar ’il fuq (EU:C:2008:413), għandu jitqies li l-imsemmi suppliment ta’ prezz jew infiq addizzjonali huwa assimilabbli għal taxxa, parafiskali, fuq l-elettriku fl-Awstrija, li hija stabbilita minn awtorità pubblika, u dan għal finijiet ta’ interess pubbliku u skont kriterju oġġettiv, skont l-ammont ta’ kilowatt-sigħat (kWh) ta’ elettriku trasportati. Kif tenfasizza l-Kummissjoni fil-premessa 68 tad-deċiżjoni kkontestata, kemm il-kwantità ta’ elettriku aħdar li għandu jinxtara kif ukoll il-prezz huma previsti mil-liġi, u l-Artikolu 22b tal-ÖSG emendata jispeċifika li l-livell tal-prezz ta’ trasferiment huwa ffissat annwalment kull sena mill-Ministru federali Awstrijak kompetenti. Minbarra dan, ma ġiex sostnut mir-Repubblika tal-Awstrija jew mir-Renju Unit u lanqas ma hemm indikazzjoni f’dan is-sens fil-proċess li l-inizjattiva ta’ impożizzjoni, permezz tal-miżura inkwistjoni, ġejja minn entitajiet taxxabbli, u lanqas li l-ÖMAG kienet taġixxi biss bħala strument fi skema li huma nfushom pprevedew jew li huma nfushom iddeċidew mill-użu tar-riżorsi finanzjarji. Għaldaqstant, u b’mod analogu għall-punt 66 tas-sentenza Essent Netwerk Noord et, punt 44 iktar ’il fuq (EU:C:2008:413), l-ammonti inkwistjoni jistgħu jiġu kklassifikati bħala fondi li għandhom bħala oriġini riżorsi tal-Istat, assimilabbli għal taxxa parafiskali. Fir-rigward tal-kwistjoni partikolari tal-eżistenza ta’ vantaġġ li jirriżulta mill-għajnuna fil-forma ta’ eżenzjonijiet minn pagamenti ta’ taxxa parafiskali kif ukoll tas-selettività ta’ tali vantaġġ (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-7 ta’ Marzu 2012, British Aggregates vs Il-Kummissjoni, T‑210/02 RENV, Ġabra, EU:T:2012:110, punti 46 sa 49 u l-ġurisprudenza ċċitata), din ser tiġi evalwata fil-kuntest tal-eżami tat-tieni motiv tar-Repubblika tal-Awstrija (ara l-punti 94 et seq iktar ’il quddiem).

69

Fit-tielet lok, minkejja li huwa stabbilit li l-ÖMAG hija kumpannija b’responsabbiltà limitata rregolata mid-dritt privat, u mhux korp pubbliku, u li l-azzjonisti tal-ÖMAG li jinsabu taħt il-kontroll pubbliku għandhom inqas min-nofs tal-ishma u ma jistgħux jeżerċitaw kontroll jew lanqas kontroll konġunt fuq din (ara l-punti 33 u 45 hawn fuq), dan ma jistax jitqies li huwa suffiċjenti, fiċ-ċirkustanzi f’dan il-każ, sabiex tiġi eskluża l-konklużjoni tal-preżenza ta’ riżorsi tal-Istat fil-kuntest tal-miżura inkwistjoni.

70

Fil-fatt, kif ġie osservat fil-punti 67 u 68 hawn fuq, l-ÖMAG hija inkarigata li tamministra s-sistema ta’ għajnuna għall-produzzjoni tal-elettriku minn sorsi li jiġġeddu, u hija, minbarra dan, ikkontrollata bir-reqqa f’dan il-kompitu, kif tenfasizza l-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata u fin-noti tagħha quddiem il-Qorti Ġenerali, b’tali mod li hija ma tistax tuża l-fondi rċevuti fil-kuntest tal-miżura inkwistjoni, li jingħataw lilha b’mod obbligatorju mill-impriżi koperti minn din tal-aħħar, għal finijiet oħra ħlief għal dawk previsti mil-leġiżlatur Awstrijak. F’tali ċirkustanzi, minkejja li huwa minnu li l-ÖMAG hija korp li jieħu l-forma ta’ kumpannija b’responsabbiltà limitata rregolata mid-dritt privat, għandu madankollu jiġi kkonstatat li, fil-kuntest tal-konċessjoni għall-eżekuzzjoni tal-missjonijiet imposti fuq iċ-ċentru tal-ħlas tal-elettriku aħdar, l-azzjoni ta’ dan il-korp ma hijiex dik ta’ entità ekonomika li taġixxi liberament fis-suq sabiex tikseb qligħ, iżda azzjoni delimitata mil-leġiżlatur Awstrijak li llimitaha fir-rigward tal-eżekuzzjoni tal-konċessjoni inkwistjoni.

71

F’dan ir-rigward, għandu jingħad ukoll li l-ÖMAG hija suġġetta għall-obbligu li tamministra l-ammonti finanzjarji, miksuba b’applikazzjoni tal-miżura inkwistjoni, fuq kont speċifiku, li jaqa’ taħt il-kontroll ta’ awtoritajiet Statali, kif jirriżulta, b’mod partikolari, mill-Artikoli 15, 21 u 23 tal-ÖSG emendata. Dan jikkostitwixxi indikazzjoni addizzjonali, meta jiġi analizzat flimkien mal-kompetenzi u mal-obbligi speċifiċi attribwiti lill-ÖMAG, li ma humiex fondi li jikkorrispondu għal riżorsi tal-Istat normali li jagħmlu parti mis-settur privat u li huma fid-dispożizzjoni sħiħa tal-impriża li tamministrahom, iżda riżorsi tal-Istat partikolari, li l-użu tagħhom għal finijiet strettament speċifiċi ġie previst minn qabel mil-leġiżlatur Awstrijak (ara, b’mod analogu, is-sentenza tas-27 ta’ Jannar 1998, Ladbrook Racing vs Il-Kummissjoni, T‑67/94, Ġabra, EU:T:1998:7, b’mod partikolari l-punti 105 et seq).

72

B’mod iktar partikolari, fir-rigward tal-kontroll tal-ÖMAG minn awtoritajiet Statali, imfakkar fil-punti 70 u 71 hawn fuq, dan jiġi eżerċitat fuq diversi livelli. L-ewwel nett, isir kontroll mill-Ministru federali Awstrijak kompetenti, li għandu, skont l-aħħar parti tal-Artikolu 21 tal-ÖSG emendata, fil-kuntest tal-funzjonijiet tiegħu ta’ sorveljanza, jikkontrolla l-ispejjeż tal-ÖMAG u jiddeċiedi, b’avviż, dwar ir-rikonoxximent tagħhom, kif ukoll, skont l-Artikolu 23 tal-imsemmija liġi, moqri flimkien mal-Artikolu 15(2) ta’ din il-liġi, jingħata, f’kull mument, l-aċċess għad-dokumenti kollha marbuta mal-kontijiet speċifiċi tal-ÖMAG u mar-riżorsi tal-Istat inkwistjoni. Minbarra dan, kif jirriżulta mill-Artikolu 24 tal-liġi inkwistjoni, l-imsemmi Ministru federali Awstrijak kompetenti għandu wkoll jiġi informat immedjatament bi żviluppi li jmorru kontra t-twettiq ta’ ċerti għanijiet previsti mil-liġi inkwistjoni, u dan isir mir-regolatur Awstrijak tal-enerġija, inkarigat li jissorvelja t-twettiq tal-imsemmija għanijiet.

73

It-tieni nett, skont l-Artikolu 23 tal-ÖSG emendata, l-awtorità regolatorja Awstrijaka kompetenti fil-qasam tal-elettriku tingħata mill-ÖMAG, kull sena, rapport iddettaljat.

74

It-tielet nett, skont l-Artikolu 15(5) tal-ÖSG emendata, u kif enfasizzat ġustament il-Kummissjoni fil-premessa 72 tad-deċiżjoni kkontestata, minkejja l-istruttura ta’ proprjetà tal-ÖMAG, il-Qorti tal-Awdituri tal-Awstrija għandha, ukoll, twettaq kontrolli a posteriori fuq din tal-aħħar.

75

L-eżistenza ta’ tali kontroll strett tal-konkordanza tal-azzjonijiet tal-ÖMAG mal-kuntest leġiżlattiv previst, anki jekk titwettaq a posteriori, mingħajr ma hija deċiżiva inkwantu tali, tidħol fil-loġika ġenerali tal-istruttura globali prevista mill-ÖSG emendata u tikkorrobora b’dan il-mod il-konklużjoni, dedotta mill-kompetenzi eżerċitati minn dan il-korp u adottata fid-dawl tal-obbligi tiegħu, li l-ÖMAG ma taġixxix f’isimha stess u liberament, iżda fil-fatt inkwantu amministratur, li jeżegwixxi konċessjoni, ta’ għajnuna mogħtija permezz ta’ fondi Statali. Hija ineffettiva, f’dan ir-rigward, l-allegazzjoni tar-Repubblika tal-Awstrija ppreżentata waqt is-seduta fis-sens li l-kontroll mill-Qorti tal-Awdituri tal-Awstrija ma għandu l-ebda influwenza fuq il-mod li bih l-ÖMAG tuża dawn il-fondi. Fil-fatt, anki jekk jingħad li l-kontroll imsemmi hawn fuq ma għandux effett dirett fuq l-amministrazzjoni ta’ kuljum tal-finanzjamenti inkwistjoni mill-ÖMAG, jibqa’ l-fatt li huwa effettivament element addizzjonali intiż sabiex jiġi żgurat li l-azzjoni tal-ÖMAG tibqa’ limitata sew fil-kuntest previst mill-ÖSG emendata.

76

F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni kellha raġun tafferma, fil-premessi 61 u 62 tad-deċiżjoni kkontestata, moqrija flimkien mal-premessi 82 sa 86 tal-imsemmija deċiżjoni, li l-vantaġġ previst mid-dispożizzjoni tal-Artikolu 22c tal-ÖSG emendata favur l-impriżi li jikkonsmaw livell għoli ta’ enerġija jixbah, f’dan il-każ, oneru supplimentari għall-Istat, sa fejn kull tnaqqis tal-ammont tat-taxxa, li huma responsabbli għall-ħlas tagħha, jista’ jitqies li jwassal għal telf fid-dħul tal-Istat, li madankollu jista’ jiġi rkuprat, sussegwentement, minn impriżi oħra, u b’hekk jiġi kkumpensat it-telf inkors b’dan il-mod. Fil-fatt, b’korrispettiv għal “stabbiliment ta’ limitu” tal-kontribuzzjoni tal-impriżi li jikkonsmaw livell għoli ta’ enerġija, distributur tal-elettriku huwa meħlus, skont l-Artikolu 15(1a) tal-ÖSG emendata, milli jixtri l-elettriku aħdar mill-ÖMAG għall-kwantità ta’ elettriku li huwa jbigħ lill-konsumatur finali eżentat mill-obbligu ta’ xiri ta’ elettriku aħdar.

77

Dawn il-konklużjonijiet ma humiex invalidati permezz tal-allegazzjonijiet l-oħra tar-Repubblika tal-Awstrija u tar-Renju Unit.

78

Qabel kollox, hija ineffettiva l-allegazzjoni fis-sens li l-Istat ma jipprevedix li jkopri kwalunkwe telf permezz ta’ riżorsi tal-Istat baġitarji, kif ukoll dik fis-sens li r-riskji kollha ta’ insolvenza li jistgħu, eventwalment, jirriżultaw mill-fatt li l-ÖMAG taġixxi bi ksur tad-dispożizzjonijiet tal-ÖSG emendata huma sostnuti minnha nnifisha u mhux mill-Istat.

79

Fil-fatt, għandu jiġi osservat li hija biss is-sitwazzjoni li tirriżulta minn applikazzjoni tal-miżura inkwistjoni, kif innotifikata, li hija rilevanti f’dan il-każ, u mhux eventwali attività tal-ÖMAG li ma tkunx konformi mal-kuntest leġiżlattiv previst. Il-partijiet jaqblu fuq il-fatt li, billi aġixxiet b’konformità stretta u fil-limiti tal-imsemmija miżura, l-ÖMAG ma kellhiex bżonn, fil-prinċipju, tiġi sostnuta mill-Istat, sa fejn, skont l-Artikoli 21 et seq tal-ÖSG emendata, b’mod partikolari l-prezz ta’ trasferiment, flimkien mal-kontribuzzjoni annwali dovuta minn kull konsumatur finali konness man-netwerk pubbliku, kellhom ukoll ikopru l-ispejjeż tal-ÖMAG. Kif indikat ir-Repubblika tal-Awstrija, b’risposta għal domanda tal-Qorti Ġenerali fil-kuntest tal-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura, dan kien jinkludi l-fatt li jiġi kopert eventwali lucrum cessans tal-ÖMAG f’sena preċedenti, dovut, pereżempju, għal stabbiliment ta’ limitu tal-kontribuzzjoni ta’ ċerti impriżi li jikkonsmaw livell għoli ta’ enerġija. Għaldaqstant, kif tindika ġustament ir-Repubblika tal-Awstrija, jew l-ÖMAG fl-ebda mument ma sostniet lucrum cessans, jew, mill-iktar, tali lucrum cessans kien biss temporanju, b’kumpens għalih is-sena ta’ wara. Minbarra dan, kif issostni l-Kummissjoni fir-risposta tagħha għad-domandi tal-Qorti Ġenerali fil-kuntest tal-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura, b’riferiment għall-Artikolu 22(b) tal-ÖSG emendata u għar-rapport ta’ attività tal-ÖMAG għas-sena 2006, anness mar-risposta, adattamenti tal-prezz ta’ trasferiment kienu awtorizzati matul is-sena. F’dan ir-rigward, għandu jsir riferiment, ukoll, għall-ispjegazzjonijiet mogħtija mir-Repubblika tal-Awstrija fir-risposti għad-domandi tal-Qorti Ġenerali dwar il-fatt li l-Ministru federali Awstrijak kompetenti kien saħansitra awtorizzat, skont l-Artikolu 22c tal-ÖSG emendata, jibdel l-ammont kumpensatorju li kellu jitħallas lill-ÖMAG, u dan wara bbilanċjar ta’ diversi elementi ta’ data ekonomika rilevanti. F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu wkoll jiġi kkonstatat li huwa b’mod kontradittorju li r-Repubblika tal-Awstrija sostniet, waqt is-seduta, li l-ÖMAG kellha tassumi riskji marbuta mal-attività tagħha, u dan, b’mod partikolari, fir-rigward ta’ problemi ta’ insolvenza jew ta’ assenza ta’ likwidità.

80

F’kull każ, mill-analiżi tal-ÖSG emendata jirriżulta li, fil-prinċipju, il-miżura inkwistjoni tipprevedi aċċess mhux interrott tal-ÖMAG għall-finanzjamenti neċessarji sabiex teżegwixxi l-kompiti ta’ interess pubbliku li kienu ġew allokati lilha fil-kuntest tal-konċessjoni għall-eżekuzzjoni tal-missjonijiet imposti fuq iċ-ċentru tal-ħlas tal-elettriku aħdar, u b’hekk tnaqqas l-imsemmija riskji ta’ likwidità, jew insolvenza, li għandhom jiġu sostnuti f’dan il-kuntest. Dan isaħħaħ biss il-konklużjoni, imsemmija fil-punti 70, 71 u 75 hawn fuq, li l-ÖMAG ma kinitx taġixxi bħala impriża tipika fuq is-suq, li ssostni r-riskji u l-kontinġenzi tas-soltu kollha, li jinkludu riskji finanzjarji, iżda bħala entità partikolari li r-rwol tagħha kien delimitat b’mod strett mil-leġiżlazzjoni inkwistjoni. Fid-dawl ta’ dak li ntqal hawn fuq, ma huwiex neċessarju li tiġi evalwata, minbarra dan, ir-rilevanza tal-affermazzjoni tal-Kummissjoni, b’risposta għad-domandi tal-Qorti Ġenerali magħmula fil-kuntest tal-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura, fis-sens li “il-punt 5 tal-Artikolu 23(2) tal-ÖSG emendata kien jipprevedi l-possibbiltà ta’ ċerti ‘allokazzjonijiet oħra’, mingħajr iktar preċiżazzjoni, u mingħajr ma l-bażi legali għal tali allokazzjonijiet, anki barra mill-ÖSG emendata, ġiet ippreċiżata mir-Repubblika tal-Awstrija matul il-proċedura amminisrattiva”, jew ir-rilevanza tar-riferiment, magħmul mill-Kummissjoni fl-istess kuntest, għall-fatt li huwa eventwalment prevedibbli li l-ÖMAG tinvoka r-responsabbiltà tar-Repubblika tal-Awstrija fil-każ li l-Ministru federali Awstrijak kompetenti ma jiffissax il-prezz ta’ trasferiment b’tali mod li l-ispejjeż supplimentari kollha tal-ÖMAG, rimborsabbli fis-sens tal-liġi inkwistjoni, jiġu kkumpensati. Fil-fatt, ir-Repubblika tal-Awstrija ma tikkontestax il-fatt li, fil-prinċipju, jekk il-kuntest leġiżlattiv jiġi osservat, huwa jipprevedi mekkaniżmu ta’ kumpens sħiħ tal-ispejjeż addizzjonali imposti fuq l-ÖMAG minħabba l-obbligu ta’ xiri tal-elettriku aħdar tal-produtturi fl-Awstrija bi prezz ogħla minn dak tas-suq.

81

Imbagħad, huma wkoll ineffettivi l-allegazzjonijiet tar-Repubblika tal-Awstrija li jgħidu li, l-ewwel nett, il-miżura inkwistjoni ma kinitx tipprevedi pagamenti “baġitarji” diretti tal-Istat lill-ÖMAG, it-tieni nett, il-fondi inkwistjoni qatt ma kienu joħorġu mis-settur privat, it-tielet nett, l-imsemmija fondi ma kinux “fid-dispożizzjoni tal-Istat”, ir-raba’ nett, l-ÖMAG ma “kellhiex prerogattivi ta’ awtorità pubblika” u eventwali rikorsi kontriha kienu jsegwu, skont il-miżura inkwistjoni, il-proċedura ġudizzjarja normali ċivili, u mhux amministrattiva, kif ukoll, fl-aħħar nett, dik li l-ÖMAG kienet “newtrali u indipendenti” fir-rigward tad-diversi atturi tas-suq.

82

Fil-fatt, diġà ġie kkonstatat, minn naħa, li l-fondi inkwistjoni kellhom jiġu kklassifikati, mill-bidu, bħala finanzjamenti Statali, b’mod partikolari minħabba n-natura obbligatorja tal-pagamenti previsti għal finijiet ta’ interess pubbliku u, min-naħa l-oħra, li l-ÖMAG kienet taġixxi, f’dak li kien jirrigwarda l-konċessjoni għall-eżekuzzjoni tal-missjonijiet imposti fuq iċ-ċentru ta’ ħlas tal-elettriku aħdar, f’kuntest delimitat b’mod ċar mil-leġiżlatur Awstrijak, li jsegwi dawn l-istess għanijiet, u kienet, barra minn hekk, ikkontrollata b’mod strett mill-awtoritajiet Awstrijaċi kompetenti. F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja reċentement ikkonfermat li l-fondi li jinġabru permezz ta’ kontribuzzjonijiet obbligatorji imposti permezz tal-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru, amministrati u mqassma skont din il-leġiżlazzjoni, setgħu jitqiesu li huma riżorsi tal-Istat fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE, anki jekk kienu amministrati minn entitajiet distinti mill-awtorità pubblika (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Vent De colère, punt 58 iktar ’il fuq, EU:C:2013:851, punt 25 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll, b’analoġija, punt 26). Fil-fehma tagħha, mekkaniżmu ta’ kumpens sħiħ tal-ispejjeż addizzjonali imposti fuq impriżi minħabba obbligu ta’ xiri ta’ enerġija elettrika li ġejja mir-riħ, bi prezz ogħla minn dak tas-suq li l-finanzjament tiegħu kien sostnut mill-konsumaturi finali kollha tal-elettriku fit-territorju nazzjonali, kif kien previst mil-leġiżlazzjoni Franċiża analizzata, kien jikkostitwixxi intervent permezz ta’ riżorsi tal-Istat.

83

Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal hawn fuq, għandu jitqies li l-Kummissjoni ma wettqitx żball meta qieset li l-miżura inkwistjoni timplika l-użu ta’ riżorsi tal-Istat.

84

Għaldaqstant, l-ewwel parti tal-ewwel motiv għandha tiġi miċħuda.

– Fuq it-tieni parti tal-ewwel motiv

85

Ir-Repubblika tal-Awstrija ssostni li l-miżura inkwistjoni ma hijiex, f’dan il-każ, għajnuna imputabbli lill-Istat. F’dan ir-rigward, hija tirreferi għall-ġurisprudenza Franza vs Il-Kummissjoni (punt 54 iktar ’il fuq, EU:C:2002:294, punti 55 et seq), kif ukoll PreussenElektra (punt 42 iktar ’il fuq, EU:C:2001:160, punt 20), u ssostni li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni sett ta’ indikazzjonijiet bħalma huma l-integrazzjoni tal-korp li jadotta l-miżura fl-istrutturi tal-amministrazzjoni pubblika, in-natura tal-attivitajiet tiegħu u l-eżerċizzju ta’ dawn fuq is-suq, l-istatus ġuridiku tal-korp, l-intensità tas-superviżjoni eżerċitata mill-awtoritajiet pubbliċi fuq l-amministrazzjoni tal-korp, u oħrajn. Fil-fehma tagħha, l-ewwel nett, il-persuna li, permezz ta’ konċessjoni, teżegwixxi l-missjonijiet ta’ ċentru ta’ ħlas tal-enerġija ħadra stabbilit mill-ÖSG emendata hija impriża privata. Hija tirreferi a contrario għas-sentenza tat-12 ta’ Diċembru 1996, Air France vs Il-Kummissjoni (T‑358/94, Ġabra, EU:T:1996:194, punt 38). It-tieni nett, l-ebda korp tal-persuna ġuridika msemmija hawn fuq ma għandu jiġi approvat jew innominat mill-Istat, u dan tal-aħħar lanqas ma huwa rrappreżentat fil-korpi tagħha. It-tielet nett, la l-forma tal-persuna ġuridika msemmija hawn fuq u lanqas l-azzjonisti tagħha ma huma rregolati mil-liġi. Ir-raba’ nett, l-Istat ma għandux drittijiet ta’ kunsens fuq l-attivitajiet tagħha. Il-ħames nett, il-persuna ġuridika msemmija hawn fuq ma hijiex irregolata b’regolament suġġett għall-approvazzjoni tal-Istat u lanqas ma hija suġġetta għal awtorizzazzjonijiet jew sanzjonijiet speċifiċi. Is-sitt nett, it-tilwimiet bejn il-persuna ġuridika msemmija hawn fuq u d-distributuri ta’ elettriku għandhom jitressqu quddiem il-qrati ordinarji.

86

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont il-ġurisprudenza stabbilita, f’dak li għandu x’jaqsam mal-kundizzjoni dwar l-imputabbiltà tal-miżura, għandu jiġi eżaminat jekk l-awtoritajiet pubbliċi għandhomx jitqiesu li huma implikati fl-adozzjoni tal-imsemmija miżura (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Vent De colère, punt 58 iktar ’il fuq, EU:C:2013:851, punt 17 u l-ġurisprudenza ċċitata).

87

F’dan il-każ, għandu jiġi kkonstatat li l-mekkaniżmu ta’ għajnuna għall-enerġija ħadra, kif ukoll dak tal-eżenzjoni favur l-impriżi li jikkonsmaw livell għoli ta’ enerġija, ġie stabbilit permezz tal-liġi, f’dan il-każ l-ÖSG emendata, u għandu għaldaqstant jitqies li huwa imputabbli lill-Istat. F’tali ċirkustanzi, bil-kontra ta’ dak li ssostni r-Repubblika tal-Awstrija, ma huwiex neċessarju li ssir analiżi iktar avvanzata tal-eventwali integrazzjoni tal-ÖMAG fl-istrutturi tal-amministrazzjoni pubblika, tan-natura tal-attivitajiet tagħha u tal-eżerċizzju ta’ dawn fuq is-suq, tal-istatus ġuridiku tal-korp jew tal-intensità tas-superviżjoni eżerċitata mill-awtoritajiet pubbliċi fuq l-amministrazzjoni tagħha. F’kull każ, diġà ġie kkonstatat, fil-kuntest tal-eżami tal-ewwel parti tal-ewwel motiv, li l-ÖMAG kienet integrata fi struttura rregolata mil-leġiżlatur Awstrijak li tipprevedi mhux biss in-natura tal-attivitajiet tagħha u l-eżerċizzju konkret ta’ dawn, iżda wkoll superviżjoni mwettqa, a posteriori, mill-korpi Statali kompetenti u, minbarra dan, li tiddetermina minn qabel b’mod iddettaljat l-marġni ta’ manuvra tal-ÖMAG fl-eżekuzzjoni tal-konċessjoni tagħha, b’tali mod li din l-entità ma tistax titqies li hija operatur privat li jaġixxi liberament, bi skop ta’ lukru, fuq suq li jiffunzjona b’mod kompetittiv.

88

Għaldaqstant, għandha tiġi miċħuda wkoll it-tieni parti tal-ewwel motiv u, konsegwentement, l-imsemmi motiv fl-intier tiegħu.

Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 107(1) TFUE, minħabba l-iżball ta’ liġi mwettaq mill-Kummissjoni meta kkonkludiet li l-miżura inkwistjoni kienet selettiva

89

Ir-Repubblika tal-Awstrija ssostni li l-kriterju ta’ selettività jiddistingwi l-miżuri ġenerali ta’ politika ekonomika mill-għajnuna mill-Istat. Dawn tal-aħħar huma kkaratterizzati meta miżura nazzjonali tkun tali li tiffavorixxi ċerti impriżi jew ċerti produtturi meta mqabbla ma’ oħrajn, li jinsabu, fid-dawl tal-għan segwit mill-imsemmija skema, f’sitwazzjoni fattwali u ġuridika komparabbli (sentenza tad-29 ta’ April 2004, GIL Insurance et, C‑308/01, Ġabra, EU:C:2004:252, punt 68). Skont ir-Repubblika tal-Awstrija, l-eżami tas-selettività ta’ miżura li tista’ tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat isir f’diversi stadji. Għandha, qabel kollox, tiġi identifikata sistema ta’ referenza, imbagħad għandha tiġi kkonstatata diverġenza ma’ din is-sistema u, fl-aħħar nett, għandha tiġi eżaminata l-possibbiltà li tiġi ġġustifikata din id-diverġenza minħabba n-natura u l-loġika tas-sistema.

90

Għalhekk, fl-ewwel lok, għandu jiġi mistoqsi, skont ir-Repubblika tal-Awstrija, jekk l-Artikolu 22c tal-ÖSG emendata jistax effettivament jitqies li huwa “eċċezzjoni” meta mqabbel mas-“sistema ta’ referenza”. Hija tibbaża ruħha fl-argument tagħha, b’mod partikolari, fuq is-sentenza tal-10 ta’ April 2008, Il-Pajjiżi l-Baxxi vs Il-Kummissjoni (T‑233/04, Ġabra, EU:T:2008:102).

91

Fit-tieni lok, skont ir-Repubblika tal-Awstrija, anki jekk il-Qorti Ġenerali kellha tqis li l-iskema stabbilita permezz tal-Artikolu 22c tal-ÖSG emendata twassal għal diverġenza mis-sistema ta’ referenza, din tkun iġġustifikata minħabba l-loġika u d-diżinn intern tas-sistema. Fil-fatt, din hija intiża sabiex tqassam b’mod ibbilanċjat il-piż tal-finanzjament tal-elettriku aħdar bejn il-gruppi ta’ konsumaturi, filwaqt li tittieħed inkunsiderazzjoni l-loġika li tirriżulta mid-Direttiva tal-Kunsill 2003/96/KE, tas-27 ta’ Ottubru 2003, li tirriforma l-istruttura tal-Komunità dwar tassazzjoni fuq prodotti ta’ enerġija u elettriku (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 9, Vol. 1, p. 405, iktar ’il quddiem, ukoll, id-“Direttiva dwar tassazzjoni tal-enerġija”). Ir-Repubblika tal-Awstrija tirreferi, b’mod partikolari, għal proċeduri preċedenti komparabbli quddiem il-Kummissjoni (N 271/2006, dwar it-“Tax Relief for Supply of surplus Heating” fid-Danimarka u N 820/2006 dwar “tnaqqis fiskali għal proċessi ta’ konsumaturi kbar ta’ enerġija” fil-Ġermanja).

92

Fit-tielet lok, ir-Repubblika tal-Awstrija ssostni li l-Artikolu 22c tal-ÖSG emendata ma huwiex selettiv “fil-liġi”, għaliex l-iskema ta’ kumpens hija applikabbli għall-impriżi kollha, indipendentement mid-daqs tagħhom jew mis-settur ta’ attività tagħhom. Lanqas ma teżisti selettività “fil-fatt”. Hija ssostni li, fl-assenza ta’ selettività, il-miżura inkwistjoni ma tikkostitwixxix għajnuna mill-Istat (hija tirreferi għas-sentenza tat-8 ta’ Novembru 2001, Adria-Wien Pipeline u Wietersdorfer & Peggauer Zementwerke, C‑143/99, Ġabra, EU:C:2001:598, punt 36).

93

B’mod preliminari, għandu jiġi osservat li, filwaqt li ċerti argumenti tar-Repubblika tal-Awstrija jistgħu jinftiehmu fis-sens li jirreferu għall-kwistjoni tal-eżistenza nnifisha ta’ vantaġġ li huwa dovut għall-applikazzjoni tal-eżenzjoni prevista fl-Artikolu 22c tal-ÖSG emendata, il-bażi prinċipali tat-tieni motiv tagħha tirrigwarda, essenzjalment, l-assenza ta’ selettività ta’ tali vantaġġ. F’kull każ, il-Qorti Ġenerali tqis xieraq li teżamina dawn iż-żewġ kwistjonijiet flimkien.

94

Fl-ewwel lok, fir-rigward tal-eżistenza ta’ vantaġġ, ġie rrikonoxxut minn ġurisprudenza stabbilita li l-kunċett ta’ għajnuna huwa iktar ġenerali minn dak ta’ sussidju, peress li jinkludi mhux biss għotjiet pożittivi, bħalma huma s-sussidji stess, iżda wkoll interventi tal-Istat li, taħt forom diversi, itaffu l-piżijiet li normalment huma inklużi fil-baġit ta’ impriża u li, mingħajr ma huma sussidji fil-veru sens tal-kelma, huma tal-istess natura u għandhom effetti identiċi. Minbarra dan, fir-rigward tal-qasam fiskali, il-Qorti tal-Ġustizzja speċifikat li miżura li permezz tagħha l-awtoritajiet pubbliċi jagħtu lil ċerti impriżi eżenzjoni fiskali li tqiegħed lill-benefiċjarji f’sitwazzjoni finanzjarja iktar vantaġġata mill-kontribwenti l-oħrajn tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 107(1) tat-TFUE. Bl-istess mod, tista’ tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat miżura li tagħti lil ċerti impriżi tnaqqis ta’ taxxa jew posponiment tal-pagament tat-taxxa normalment dovuta (ara, f’dan is-sens, is-sentenza British Aggregates vs Il-Kummissjoni, punt 68 iktar ’il fuq, EU:T:2012:110, punt 46 u l-ġurisprudenza ċċitata).

95

Fit-tieni lok, fir-rigward tan-natura selettiva tal-vantaġġ, għandu jiġi eżaminat jekk, fil-kuntest ta’ sistema legali partikolari, miżura tal-Istat hijiex tali li tiffavorixxi lil “ċerti impriżi jew ċerti produtturi” fis-sens tal-Artikolu 1077(1) TFUE meta mqabbla ma’ impriżi oħrajn li jinsabu, fid-dawl tal-għan segwit mill-miżura kkonċernata, f’sitwazzjoni fattwali u ġuridika komparabbli (ara, f’dan is-sens, is-sentenza British Aggregates vs Il-Kummissjoni, punt 68 iktar ’il fuq, EU:T:2012:110, punt 47 u l-ġurisprudenza ċċitata).

96

Skont ġurisprudenza stabbilita, il-kunċett ta’ għajnuna mill-Istat ma jirreferix għall-miżuri tal-Istat li jintroduċu differenzazzjoni bejn l-impriżi u, għaldaqstant, a priori selettivi, meta din id-differenzazzjoni tirriżulta min-natura jew mill-istruttura ġenerali tas-sistema li jagħmlu parti minnha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-22 ta’ Diċembru 2008, British Aggregates vs Il-Kummissjoni, C‑487/06 P, Ġabra, EU:C:2008:757, punt 83 u l-ġurisprudenza ċċitata). Il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li l-Istat Membru kkonċernat seta’ juri li miżura kienet tirriżulta direttament mill-prinċipji bażiċi jew ta’ gwida tas-sistema fiskali tiegħu u li, f’dak ir-rigward, kellha ssir distinzjoni bejn, minn naħa, l-għanijiet assenjati lil sistema fiskali partikolari u li kienu estranji għaliha u, min-naħa l-oħra, il-mekkaniżmi inerenti fis-sistema fiskali nnifisha li kienu neċessarji sabiex jinkisbu tali għanijiet. Fil-fatt, eżenzjonijiet fiskali li jirriżultaw minn għan barrani għas-sistema ta’ tassazzjoni li huma jagħmlu parti minnha ma jistgħux jevitaw ir-rekwiżiti li jirriżultaw mill-Artikolu 107(1) TFUE (ara, f’dan is-sens, is-sentenza British Aggregates vs Il-Kummissjoni, punt 68 iktar ’il fuq, EU:T:2012:110, punt 48 u l-ġurisprudenza ċċitata).

97

Barra minn hekk, skont il-ġurisprudenza, sabiex tiġi evalwata n-natura selettiva tal-vantaġġ mogħti permezz ta’ miżura fiskali, id-determinazzjoni tal-kuntest ta’ referenza għandha importanza ikbar għaliex l-eżistenza nnifisha ta’ vantaġġ tista’ tiġi stabbilita biss bi tqabbil ma’ tassazzjoni msejħa “normali”. Għalhekk, il-klassifikazzjoni ta’ miżura fiskali nazzjonali bħala “selettiva” tippreżumi, qabel kollox, l-identifikazzjoni u l-eżami minn qabel tas-sistema fiskali komuni jew “normali” applikabbli fl-Istat Membru kkonċernat. Huwa bi tqabbil ma’ din is-sistema fiskali komuni jew “normali” li mbagħad għandha tiġi evalwata u stabbilita n-natura eventwalment selettiva tal-vantaġġ mogħti permezz tal-miżura fiskali inkwistjoni, u dan billi jintwera li din il-miżura tidderoga mis-sistema komuni msemmija, sa fejn tintroduċi differenzazzjonijiet bejn operaturi li, fid-dawl tal-għan assenjat lis-sistema fiskali ta’ dan l-Istat Membru, ikunu jinsabu f’sitwazzjoni fattwali u ġuridika komparabbli (ara, f’dan is-sens, is-sentenza British Aggregates vs Il-Kummissjoni, punt 68 iktar ’il fuq, EU:T:2012:110, punt 49 u l-ġurisprudenza ċċitata).

98

Għandu jiġi osservat ukoll li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet diversi drabi li l-għan tal-interventi tal-Istat ma huwiex biżżejjed sabiex dawn l-interventi jaħarbu awtomatikament mill-klassifikazzjoni bħala “għajnuna” fis-sens tal-Artikolu 107 TFUE (ara, f’dan is-sens, is-sentenza British Aggregates vs Il-Kummissjoni, punt 96 iktar ’il fuq, EU:C:2008:757, punt 84 u l-ġurisprudenza ċċitata). Fil-fatt, l-Artikolu 107(1) KE ma jagħmilx distinzjoni skont il-kawżi jew l-għanijiet tal-interventi tal-Istat, iżda jiddefinixxihom skont l-effetti tagħhom (ara, f’dan is-sens, is-sentenza British Aggregates vs Il-Kummissjoni, punt 96 iktar ’il fuq, EU:C:2008:757, punt 85 u l-ġurisprudenza ċċitata). B’dan il-mod, id-dispożizzjoni msemmija hawn fuq tiddefinixxi l-interventi tal-Istat indipendentement mit-tekniċi użati mill-Istati Membri tal-Unjoni sabiex jimplementawhom (ara, f’dan is-sens, is-sentenza British Aggregates vs Il-Kummissjoni, punt 96 iktar ’il fuq, EU:C:2008:757, punt 89 u l-ġurisprudenza ċċitata).

99

Fl-aħħar nett jirriżulta wkoll minn ġurisprudenza stabbilita li l-fatt li n-numru ta’ impriżi li jistgħu jitolbu li jibbenefikaw minn miżura jkun kbir ħafna, jew li dawn l-impriżi jagħmlu parti minn setturi ta’ attività diversi, ma jistax ikun biżżejjed sabiex jikkontesta n-natura selettiva ta’ din il-miżura u, għaldaqstant, sabiex tiġi eskluża l-klassifikazzjoni tagħha bħala għajnuna mill-Istat (ara s-sentenza Adria-Wien Pipeline u Wietersdorfer & Peggauer Zementwerke, punt 92 iktar ’il fuq, EU:C:2001:598, punt 48 u l-ġurisprudenza ċċitata). Fil-każijiet fejn il-miżura inkwistjoni tkun irregolata b’kriterji oġġettivi ta’ applikazzjoni orizzontali, dan il-fatt lanqas ma jikkontesta n-natura selettiva tagħha, għaliex dan huwa biss ta’ natura li jistabbilixxi li l-għajnuna kontenzjuża taqa’ taħt skema ta’ għajnuna, u mhux għajnuna individwali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-13 ta’ Frar 2003, Spanja vs Il-Kummissjoni, C‑409/00, Ġabra, EU:C:2003:92, punt 49).

100

F’dan il-każ, wara li titfakkar il-parti rilevanti tad-deċiżjoni kkontestata, għandhom jiġu identifikati l-kriterji li jiddeterminaw is-sistema “normali” prevista mill-ÖSG emendata.

101

F’dan ir-rigward, kif jirriżulta mill-parti tad-deċiżjoni kkontestata dwar “il-vantaġġ”, iżda wkoll minn dik il-parti li tanalizza r-“riżorsi tal-Istat u l-imputabbiltà lill-Istat”, il-Kummissjoni tipproċedi billi tassimila l-ÖSG emendata kollha, kif innotifikata, ma’ sistema fiskali, li fil-kuntest tagħha l-vantaġġ jirriżulta, essenzjalment, minn eżenzjoni kompleta jew parzjali minn taxxa regolatorja (ara, f’dan is-sens, b’mod partikolari, il-premessi 55, 64 u 68 sa 70 tad-deċiżjoni kkontestata).

102

Imbagħad, fil-parti dwar is-selettività tal-vantaġġ, jiġifieri fil-premessi 88 sa 103 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni tafferma, essenzjalment, li l-miżura inkwistjoni, sa fejn tirrigwarda l-vantaġġ previst fl-Artikolu 22c tal-ÖSG emendata, hija selettiva għaliex, filwaqt li l-imsemmija miżura hija miftuħa għal kull impriża li, wara l-kontribuzzjoni tagħha għall-promozzjoni tal-elettriku aħdar tassumi spejjeż ogħla mil-limitu ta’ 0.5 % mill-valur nett tal-produzzjoni tagħha, hija tibqa’, de facto, irriżervata biss għal ċerta kategorija ta’ impriżi, jiġifieri l-impriżi li jikkonsmaw livell għoli ta’ enerġija, li joperaw bi prijorità fis-settur tal-produzzjoni ta’ oġġetti. Minħabba f’hekk, din il-miżura tipprekludi lil ċerti impriżi oħra li jinsabu fit-territorju Awstrijak milli jibbenefikaw minnha.

103

B’mod partikolari, fir-rigward tal-fatt li l-vantaġġ li jirriżulta mill-miżura inkwistjoni huwa ffokat fuq ċerti impriżi, il-Kummissjoni tindika, fil-premessa 101 tad-deċiżjoni kkontestata, dan li ġej:

“Fl-investigazzjoni tagħha l-Kummissjoni sabet li l-iskema notifikata kienet tiffoka primarjament fuq ftit impriżi, li l-biċċa l-kbira tagħhom kienu involuti fil-produzzjoni ta’ oġġetti. Fid-9 ta’ Settembru 2010 [ir-Repubblika tal-Awstrija] ssottomettiet tagħrif li nġabar abbażi tal-iskema applikata fil-preżent, jiġifieri b’intensitajiet tal-għajnuna taħt il-livelli minimi tan-notifikazzjoni. Minn approssimattivament 300000 impriża fl-Awstrija, skont din l-informazzjoni, l-għadd ta’ dawk li applikaw għall-benefiċċji taħt l-iskema kien biss ta’ madwar 2000, jew anqas minn 1 % tal-impriżi Awstrijaċi kollha. Meta kienet qiegħda tiġi applikata l-iskema, approssimattivament 66 % tal-benefiċċji marru għand impriżi li jispeċjalizzaw fil-‘produzzjoni ta’ oġġetti’ [issir referenza għall-fatt li f’dan is-settur hemm ċerta konċentrazzjoni fuq setturi sekondarji bħalma huma l-produzzjoni tal-injam, tal-karta, tal-ikel, tal-ħġieġ, taċ-ċeramika, tal-metalli u tal-kimiki]. Il-Kummissjoni tosserva li, li kieku [r-Repubblika tal-Awstrija] kellha żżid l-intensitajiet tal-għajnuna fuq il-livelli de minimis li taħthom l-iskema tkun qiegħda titħaddem provviżjorjament, il-miżura x’iktarx tiffoka saħansitra iktar fuq impriżi attivi fil-produzzjoni ta’ oġġetti. Dan jidher mill-fatt li, abbażi tal-informazzjoni li pprovdiet [ir-Repubblika tal-Awstrija], 12-il impriża biss jibbenefikaw minn intensitajiet tal-għajnuna ogħla minn dawk stipolati fil-verżjoni tal-iskema li qiegħda tiġi applikata fil-preżent, u li minn dawn tnejn biss joperaw fis-settur tat-trasport, filwaqt li 10 huma involuti fil-produzzjoni ta’ oġġetti [issir referenza għall-fatt li l-preżentazzjoni tar-Repubblika tal-Awstrija tad-9 ta’ Settembru 2010 (p. 17 u t-Tabella 5 f’p. 17), bi tweġiba għat-talba għall-informazzjoni mill-Kummissjoni fid-19 ta’ Lulju 2010]”.

104

Fil-premessa 102 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni tikkonkludi li l-iskema nnotifikata ser tipprovdi ftit benefiċċji, jew xejn, lil ċerti setturi tal-ekonomija tal-Awstrija, filwaqt li tiffavorixxi prinċipalment impriżi li jagħmlu parti minn wieħed minn dawn is-setturi, jiġifieri dak tal-produzzjoni tal-oġġetti.

105

F’dan ir-rigward, għandhom qabel kollox jiġu eżaminati l-allegazzjonijiet tar-Repubblika tal-Awstrija, fis-sens li, essenzjalment, l-Artikolu 22c tal-ÖSG emendata ma jistax jitqies li huwa “eċċezzjoni” meta mqabbel mas-“sistema ta’ referenza” kkostitwita mill-bqija tal-imsemmija liġi jew, f’kull każ, huwa eċċezzjoni ġġustifikata minħabba n-natura tas-sistema.

106

Madankollu għandu jitqies, bħalma tagħmel il-Kummissjoni, li ma hemmx unità ta’ skop u ta’ għan bejn is-sistema ġenerali prevista mill-ÖSG emendata analizzata b’mod ġenerali u d-dispożizzjoni partikolari tal-Artikolu 22c ta’ din il-liġi, b’tali mod li din id-dispożizzjoni tkun tista’ titqies li tikkostitwixxi parti integrali mis-sistema ġenerali u mhux eżenzjoni partikolari prevista fil-kuntest ta’ tali sistema.

107

Fil-fatt, kif TFakkar fil-punt 32 hawn fuq, ir-Repubblika tal-Awstrija kien beħsiebha, permezz tal-ÖSG emendata, tilħaq il-mira nazzjonali vinkolanti tagħha rigward il-parti ta’ enerġija prodotta minn sorsi li jiġġeddu fil-konsum finali gross, kif prevista permezz tad-Direttiva dwar is-sorsi ta’ enerġija li jiġġeddu. Għal dan l-għan, ġie previst mekkaniżmu sabiex tinbiegħ l-enerġija ħadra kollha prodotta fl-Awstrija, li jikkonsisti fl-obbligu, stabbilit fl-Artikoli 19 sa 22b tal-ÖSG emendata, għad-distributuri kollha tal-elettriku li jixtru mill-ÖMAG it-totalità ta’ elettriku aħdar bi prezz ta’ trasferiment ogħla mill-prezz tas-suq. L-imsemmi obbligu jwassal, imbagħad, biex dawn id-distributuri jeżiġu, sabiex jgħaddu l-ispejjeż addizzjonali kkawżati, li jikkorrispondu għad-differenza bejn il-prezz ta’ trasferiment u l-prezz tal-elettriku fuq is-suq, mill-impriżi kollha li jikkonsmaw l-enerġija fl-Awstrija, u li ma humiex eżentati, li jħallsu suppliment fuq il-prezz tal-elettriku, jiġifieri “spiża addizzjonali marbuta mal-elettriku aħdar” (ara, ukoll, il-premessa 107 tad-deċiżjoni kkontestata).

108

Għandu jiġi kkonstatat li din l-iskema ġenerali prevista mill-ÖSG emendata, li, barra minn hekk, ma hijiex is-suġġett inkwantu tali ta’ din il-proċedura sa fejn il-Kummissjoni ma qisitx li l-għajnuna lill-produtturi tal-elettriku aħdar hija inkompatibbli mas-suq intern (ara l-punti 6, 14 u 15 hawn fuq), hija differenti, fir-rigward tal-għan ekoloġiku inerenti tagħha, minn dik imressqa mir-Repubblika tal-Awstrija sabiex tiġġustifika l-eżenzjoni prevista fl-Artikolu 22c tal-ÖSG emendata.

109

Fil-fatt, fir-rigward ta’ dan, ir-Repubblika tal-Awstrija sostniet diversi drabi, kemm fil-proċedura amministrattiva kif ukoll quddiem il-Qorti Ġenerali, li l-miżura li tipprevedi stabbiliment ta’ limitu tal-kontribuzzjoni tal-impriżi li jikkonsmaw livell għoli ta’ enerġija kienet intiża sabiex “l-oneri li [kienet] timplika [s-sistema ta’ għajnuna għall-elettriku aħdar] ikunu jistgħu jinfelħu mill-perspettiva […] ekonomika u industrijali” u sabiex tipproteġi impriżi partikolarment affettwati mis-sistema stabbilita. B’mod iktar partikolari, hija kienet tqis li l-impriżi li jikkonsmaw livell għoli ta’ enerġija kienu partikolarment esposti għall-kompetizzjoni internazzjonali u li s-suppliment ta’ oneri ta’ elettriku aħdar kien iwassal għal żvantaġġ kompetittiv meta mqabbla mal-Istati terzi jew mal-Istati Membri l-oħra tal-Unjoni li ma kinux jimponu kontribuzzjonijiet finanzjarji fuq il-konsumaturi tal-elettriku sabiex jiġi ffinanzjat l-elettriku aħdar jew li kienu, ukoll, ipprevedew stabbiliment ta’ limitu tal-kontribuzzjoni tal-impriżi li jikkonsmaw livell għoli ta’ enerġija. Hija kienet tirreferi, barra minn hekk, għall-iskemi eżistenti fil-Ġermanja, fl-Isvizzera u fi Franza. Għaldaqstant, fil-fehma tagħha, filwaqt li l-iskema ġenerali prevista permezz tal-ÖSG emendata kienet twassal għal żvantaġġ kompetittiv li kien jaffettwa l-impriżi Awstrijaċi kollha, uħud minnhom kienu iktar affettwati minn oħrajn. Huwa biex jindirizza dan il-fatt li l-istabbiliment ta’ limitu għall-kontribuzzjonijiet previst fl-Artikolu 22c tal-ÖSG emendata jipprova jnaqqas l-iżvantaġġ kompetittiv “sproporzjonat” li jbatu l-impriżi li jikkonsmaw livell għoli ta’ enerġija. Fl-aħħar mill-aħħar, ma huwiex, skont ir-Repubblika tal-Awstrija, vantaġġ kompetittiv għal dawn, iżda biss kumpens jew tnaqqis ta’ żvantaġġ kompetittiv eżistenti (ara, ukoll, il-premessi 106 u 107, in fine, tad-deċiżjoni kkontestata). Fid-dawl ta’ dak li ntqal hawn fuq, għandu jitqies li l-eżenzjoni inkwistjoni kellha għan differenti minn dak tal-ÖSG emendata inkwantu tali, u dan minkejja l-fatt li l-“ammont kumpensatorju”, previst fl-imsemmija eżenzjoni favur l-impriżi li jikkonsmaw livell għoli ta’ enerġija u li huwa intiż għall-kofinanzjament tal-għajnuna għall-elettriku aħdar, jista’ jkollu ċerti effetti indiretti pożittivi fuq l-ambjent.

110

B’dan il-mod, il-kuntest ta’ referenza li jikkostitwixxi t-tassazzjoni normali, li fid-dawl tiegħu għandu tiġi ddeterminata l-eżistenza ta’ eventwali vantaġġi selettivi favur ċerti operaturi, skont il-ġurisprudenza British Aggregates vs Il-Kummissjoni (punt 68 iktar ’il fuq, EU:T:2012:110, u b’mod partikolari l-punt 49 tagħha), huwa fformat mill-ÖSG emendata inkwantu tali, li stabbiliet skema ta’ għajnuna għall-produzzjoni tal-elettriku aħdar, u li tipprevedi obbligi applikabbli għad-distributuri tal-elettriku u għall-impriżi li jikkonsmaw l-elettriku fl-Awstrija u li fir-rigward tagħha l-Artikolu 22c tal-ÖSG emendata jikkostitwixxi eċċezzjoni.

111

Fir-rigward ta’ din l-eċċezzjoni, għandhom, fl-ewwel lok, jiġu esklużi l-allegazzjonijiet ġenerali tar-Repubblika tal-Awstrija fis-sens li din ma tikkostitwixxix vantaġġ, iżda sempliċement tnaqqas “vantaġġ kompetittiv” li għandhom l-impriżi Awstrijaċi u, b’mod jerġa’ iktar partikolari, l-impriżi Awstrijaċi li jikkonsmaw livell għoli ta’ enerġija.

112

Fil-fatt, l-ewwel nett, sa fejn huwa stabbilit li l-ÖSG emendata tikkostitwixxi leġiżlazzjoni li tipproduċi effetti tali li joħolqu oneru li normalment huwa ta’ piż fuq il-baġit ta’ impriża li tikkonsma l-enerġija fl-Awstrija, għandu jiġi kkonstatat li, għar-Repubblika tal-Awstrija, il-fatt li tirrinunzja milli teżiġi parti mill-ispejjeż addizzjonali marbuta max-xiri tal-elettriku aħdar, billi tistabbilixxi limitu fiss għall-kontribuzzjoni tal-impriżi Awstrijaċi li jikkonsmaw livell għoli ta’ enerġija fl-iskema prevista, għandu jitqies li jtaffihom minn oneru li normalment ikun ta’ piż fuq il-baġit tagħhom. Għaldaqstant, huwa tabilħaqq vantaġġ li huma jibbenefikaw minnhom, meta mqabbla mal-impriżi l-oħra li jikkonsmaw l-elettriku fl-Awstrija (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-3 ta’ Marzu 2005, Heiser, C‑172/03, Ġabra, EU:C:2005:130, punt 38).

113

Minbarra dan, f’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li, filwaqt li r-Repubblika tal-Awstrija enfasizzat, b’risposta għad-domandi tal-Qorti Ġenerali fil-kuntest tal-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura, li l-istabbiliment ta’ limitu fiss imsemmi fil-punt 112 hawn fuq jew, fi kliem ieħor, l-ammont kumpensatorju li jħallsu l-impriżi li jikkonsmaw livell għoli ta’ enerġija, seta’ jvarja sa fejn il-Ministru federali Awstrijak kompetenti kien awtorizzat, taħt ċerti kundizzjonijiet, iżid l-imsemmi ammont kumpensatorju għal iktar minn 0.5 % mill-valur nett tal-produzzjoni tagħhom tas-sena preċedenti, hija madankollu ma sostnietx li tali bdil inaqqas il-vantaġġ mogħti favur l-imsemmija impriżi, b’tali mod li jħassru kompletament, b’mod partikolari billi jirrendi nulla jew minima d-differenza bejn l-imsemmi ammont kumpensatorju u l-pagamenti li huma responsabbli jagħmlu l-imsemmija impriżi skont l-ÖSG emendata fl-assenza ta’ kwalunkwe eżenzjoni bħal dik prevista mill-Artikolu 22c ta’ din il-liġi. Barra minn hekk, lanqas ma huwa irrilevanti li jingħad ukoll f’dan il-kuntest li, kif jirriżulta kemm mid-dispożizzjoni msemmija hawn fuq kif ukoll mir-risposti tar-Repubblika tal-Awstrija għad-domandi tal-Qorti Ġenerali, l-eżenzjoni favur l-impriżi li jikkonsmaw livell għoli ta’ enerġija jista’ jkollha saħansitra konsegwenzi negattivi għall-gruppi ta’ kontributuri għall-promozzjoni tal-enerġija ħadra li huma konsumaturi tal-enerġija li ma jistgħux jibbenefikaw mill-imsemmija eżenzjoni, u dan minħabba l-oneru finanzjarju ikbar li jkollhom isostnu. Dan isaħħaħ l-effett ta’ vantaġġ mogħti lill-impriżi li jikkonsmaw livell għoli ta’ enerġija.

114

It-tieni nett, għandu jiġi kkonstatat li, anki jekk jingħad li l-miżura ta’ stabbiliment ta’ limitu tal-kontribuzzjoni inkwistjoni għandha bħala għan li tikkumpensa l-iżvantaġġ li rreferiet għalih ir-Repubblika tal-Awstrija fl-ispjegazzjonijiet tagħha, tali miżura ma tistax, f’kull każ, tkun iġġustifikata bil-fatt li hija intiża sabiex tikkoreġi distorsjonijiet fil-kompetizzjoni li jeżistu fis-suq Komunitarja tal-elettriku.

115

F’dan ir-rigward, biżżejjed jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilta sew, il-fatt li Stat Membru tal-Unjoni jipprova japprossima, permezz ta’ miżuri unilaterali, il-kundizzjonijiet ta’ kompetizzjoni eżistenti f’ċertu settur ekonomiku ma’ dawk li jipprevalu fi Stati Membri oħra tal-Unjoni ma jistax ineħħi minn dawn il-miżuri n-natura ta’ għajnuna (ara s-sentenza Heiser, punt 112 iktar ’il fuq, EU:C:2005:130, punt 54 u l-ġurisprudenza ċċitata).

116

F’dan l-istess sens, għandha tiġi eskluża bħala mhux ipprovata l-allegazzjoni tar-Repubblika tal-Awstrija li tgħid li l-eżenzjoni inkwistjoni kienet indispensabbli sabiex tinħoloq skema bbilanċjata bejn id-diversi impriżi parteċipanti, u dan b’obbligi “li jistgħu jinfelħu” minnhom, b’mod partikolari fir-rigward tal-piż ekonomiku u industrijali tagħhom. Fil-fatt, ir-Repubblika tal-Awstrija ma ppreżentatx elementi suffiċjentement konkreti sabiex turi li l-applikazzjoni ġeneralizzata, għall-impriżi kollha li jikkonsmaw l-elettriku, ta’ rata ekwivalenti ta’ spiża addizzjonali għall-elettriku aħdar, fi proporzjon mal-volumi kkonsmati, għandha titqies li hija inġusta, jew inkella impossibbli li tiġi sostnuta mill-entitajiet ikkonċernati. F’dan ir-rigward, minkejja li jirriżulta minn xi wħud mill-ittri tar-Repubblika tal-Awstrija indirizzati lill-Kummissjoni matul il-proċedura amministrattiva, bħal dawk tat-8 ta’ Ottubru u tat-22 ta’ Diċembru 2009 kif ukoll dawk tat-22 ta’ April, tat-13 ta’ Settembru jew tat-30 ta’ Diċembru 2010, li hija kienet tqis li l-għanijiet tal-ÖSG emendata setgħu jintlaħqu biss jekk l-ispejjeż jitqassmu b’mod li jkunu aċċettabbli soċjalment, ekonomikament u fid-dawl tal-politika industrijali tagħha, għandu jiġi kkonstatat li huma allegazzjonijiet dikjaratorji li ma jistgħux, minnhom innifishom, jirrendu struttura leġiżlattiva, li tqiegħed fi żvantaġġ parti kbira mill-impriżi attivi fl-Awstrija, kompatibbli mad-dritt tal-Unjoni. Ikun l-istess jekk ċerti allegazzjonijiet tar-Repubblika tal-Awstrija kellhom jinftiehmu fis-sens li jirreferu għall-possibbiltà li tiġi ffaċilitata l-adozzjoni tal-ÖSG emendata fil-kuntest tal-proċedura leġiżlattiva interna minħabba l-eżistenza tal-eżenzjoni prevista fl-Artikolu 22c tagħha inkwistjoni f’dan il-każ.

117

B’dan il-mod, din ma tistax tkun sitwazzjoni bħal dik imsemmija fil-punt 48 tas-sentenza British Aggregates vs Il-Kummissjoni, punt 68 iktar ’il fuq (EU:T:2012:110) skont liema ma tissodisfax il-kundizzjoni ta’ selettività miżura li, minkejja li tikkostitwixxi vantaġġ għall-benefiċjarju tagħha, hija ġġustifikata minħabba n-natura jew l-istruttura ġenerali tas-sistema fiskali li hija parti minnha. B’mod partikolari, ma huwiex ipprovat li l-miżura ta’ eżenzjoni inkwistjoni tirriżulta direttament mill-prinċipji bażiċi jew ta’ gwida tas-sistema fiskali tal-Awstrija jew li hija indispensabbli sabiex jiġi ggarantit li din tkun ġusta. F’dan ir-rigward, hija ġurisprudenza stabbilita li huwa l-Istat Membru li jkun introduċa differenzazzjoni bejn l-impriżi fil-qasam tal-oneri li għandu juri li din hija effettivament iġġustifikata minħabba n-natura u l-istruttura tas-sistema inkwistjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-8 ta’ Settembru 2011, Il-Kummissjoni vs Il-Pajjiżi l-Baxxi, C‑279/08 P, Ġabra, EU:C:2011:551, b’mod partikolari l-punt 62 u l-ġurisprudenza ċċitata). F’dan il-kuntest, il-Qorti Ġenerali lanqas ma tista’ tqis bħala suffiċjenti d-diversi allegazzjonijiet tar-Repubblika tal-Awstrija magħmula fis-seduta, ta’ natura ġenerali, li, b’riferiment għall-proċess amministrattiv u għad-dokumenti tal-istanza, isostnu l-fatt li l-eżenzjoni inkwistjoni kienet tagħmel parti minn pakkett leġiżlattiv, neċessarju għall-finijiet tar-riforma leġiżlattiva li seħħet fl-2008 fl-Awstrija.

118

Fl-aħħar nett, għandu jiġi enfasizzat ukoll li, skont is-sentenza British Aggregates vs Il-Kummissjoni, punt 96 iktar ’il fuq (EU:C:2008:757, punt 86), ikun imur kontra l-Artikolu 107(1) TFUE jekk jiġi deċiż li l-Istati Membri tal-Unjoni huma liberi, fl-ibbilanċjar tad-diversi interessi preżenti, li jiddefinixxu l-prijoritajiet tagħhom fil-qasam tal-protezzjoni tal-ambjent u li jiddeterminaw konsegwentement l-oġġetti jew is-servizzi li huma jiddeċiedu li jissuġġettaw għal ekotaxxa, b’mod li l-fatt li tali taxxa ma tkunx applikabbli għall-attivitajiet kollha simili li jeżerċitaw impatt komparabbli fuq l-ambjent ma jippermettix li jitqies li dawk fost dawn l-attivitajiet li ma humiex suġġetti għall-ekotaxxa jibbenefikaw minn vantaġġ selettiv.

119

Fit-tieni lok, għandhom jiġu esklużi bħala infondati l-allegazzjonijiet tar-Repubblika tal-Awstrija, sostnuti b’ċerti fatti, ippreżentati biex jipprovaw l-assenza ta’ selettività de facto tal-miżura inkwistjoni. Qabel kollox, kif TFakkar, fil-punt 99 hawn fuq, il-fatt li n-numru ta’ impriżi li jistgħu jitolbu li jibbenefikaw minn miżura ikun kbir ħafna jew dak li dawn l-impriżi jagħmlu parti minn setturi ta’ attivitajiet diversi ma jistgħux ikunu suffiċjenti sabiex jikkontestaw in-natura selettiva ta’ din il-miżura u, għaldaqstant, sabiex tiġi eskluża l-klassifikazzjoni tagħha bħala għajnuna mill-Istat. Bl-istess mod, il-fatt li l-miżura inkwistjoni hija rregolata permezz ta’ kriterji “oġġettivi” ta’ applikazzjoni orizzontali lanqas ma’ jista’ jkun deċiżiv f’dan ir-rigward.

120

Imbagħad, għandu jiġi kkonstatat li l-fatti ppreżentati mir-Repubblika tal-Awstrija matul il-proċedura amministrattiva quddiem il-Kummissjoni u, sussegwentement, quddiem il-Qorti Ġenerali, sempliċement jikkonfermaw in-natura selettiva tal-miżura inkwistjoni. Fil-fatt, anki jekk, bħalma tagħmel ir-Repubblika tal-Awstrija, ikun possibbli li jiġi ammess li, fil-prinċipju, kull impriża mingħajr eċċezzjoni, indipendentement mid-daqs jew mill-attività tagħha, tkun tista’, ipotetikament, issir impriża li tikkonsma livell għoli ta’ enerġija fis-sens tal-Artikolu 22c tal-ÖSG emendata, mid-data ppreżentata fil-forma ta’ tabelli jirriżulta li, fir-realtà, hija biss parti żgħira mill-impriżi attivi fl-Awstrija li jidhru li jistgħu effettivament jibbenefikaw mill-eżenzjoni inkwistjoni, minkejja li jagħmlu parti minn setturi ta’ attivitajiet differenti.

121

B’dan il-mod, il-Qorti Ġenerali tikkonstata li, filwaqt li jirriżulta effettivament mit-tabelli ppreżentati mir-Repubblika tal-Awstrija li iktar minn 19-il settur kienu kkonċernati, huwa wkoll possibbli li jiġi dedott mill-imsemmija tabelli li, prinċipalment, l-impriżi li jikkonsmaw livell għoli ta’ enerġija jiffokaw ruħhom f’ċerti setturi bħall-attivitajiet ta’ manifattura, il-kummerċ u t-tiswija ta’ karozzi, il-lukandi u r-ristoranti jew is-settur tal-ilma, tal-purifikazzjoni u tat-trattament tal-iskart. Imbagħad, anki fil-kuntest tas-settur ta’ attivitajiet ta’ manifattura, jista’ jiġi ddelimitati ċerti sub-setturi li jiġbru b’mod iktar partikolari l-imsemmija impriżi li jikkonsmaw livell għoli ta’ enerġija.

122

Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal hawn fuq, il-Kummissjoni kellha raġun tqis li l-miżura inkwistjoni kienet selettiva, sa fejn l-imsemmija miżura kienet tintroduċi differenzazzjonijiet bejn impriżi li jinsabu, fid-dawl tal-għan intiż, f’sitwazzjoni fattwali u ġuridika komparabbli, mingħajr ma din id-differenzazzjoni tirriżulta min-natura u mill-istruttura tas-sistema ta’ oneri inkwistjoni. Fil-fatt, huma biss l-impriżi Awstrijaċi li jikkonsmaw livell għoli ta’ enerġija li jibbenefikaw minn vantaġġ li jikkonsisti fil-fatt li jistgħu jillimitaw l-oneri tagħhom marbuta max-xiri tal-elettriku aħdar għal 0.5 % mill-valur nett tal-produzzjoni tagħhom, filwaqt li l-impriżi Awstrijaċi l-oħra li jikkonsmaw l-elettriku ma għandhomx dawn il-possibbiltajiet.

123

Din il-konklużjoni ma tistax, barra minn hekk, tiġi invalidata permezz tad-diversi riferimenti magħmula mir-Repubblika tal-Awstrija għall-prassi deċiżjonali preċedenti tal-Kummissjoni.

124

F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat, fl-ewwel lok, li, b’dawn l-allegazzjonijiet, ir-Repubblika tal-Awstrija tirreferi, essenzjalment, għall-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament. Skont ġurisprudenza stabbilita, l-osservanza tal-imsemmi prinċipju titlob li sitwazzjonijiet komparabbli ma jiġux ittrattati b’mod differenti u li sitwazzjonijiet differenti ma jiġux ittrattati b’mod ugwali sakemm tali trattament ma jkunx oġġettivament iġġustifikat (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-18 ta’ Jannar 2012, Djebel — SGPS vs Il-Kummissjoni, T‑422/07, Ġabra, EU:T:2012:11, punt 202).

125

Minbarra dan, b’mod iktar ġenerali, għandu jitfakkar li l-kunċett ta’ għajnuna mill-Istat jirrispondi għal sitwazzjoni oġġettiva li tiġi evalwata fid-data li fiha l-Kummissjoni tadotta d-deċiżjoni tagħha. B’dan il-mod, ir-raġunijiet li għalihom il-Kummissjoni kienet wettqet evalwazzjoni differenti tas-sitwazzjoni f’deċiżjoni preċedenti għandhom jibqgħu mingħajr effett fuq l-evalwazzjoni tal-legalità tad-deċiżjoni kkontestata (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-20 ta’ Mejju 2010, Todaro Nunziatina & C., C‑138/09, Ġabra, EU:C:2010:291, punt 21, u Djebel — SGPS vs Il-Kummissjoni, punt 124 iktar ’il fuq, EU:T:2012:11, punt 199). Għandu, ukoll, jiġi osservat li l-Kummissjoni ma tistax tiġi mċaħħda mill-possibbiltà li tistabbilixxi kundizzjonijiet ta’ kompatibbiltà iktar stretti jekk l-iżvilupp tas-suq intern u l-għan ta’ kompetizzjoni mhux distorta f’dan is-suq jeżiġuh (ara s-sentenza Djebel, punt 124 iktar ’il fuq, EU:T:2012:11, punt 200 u l-ġurisprudenza ċċitata).

126

F’dan il-każ, għandu jiġi kkonstatat, qabel kollox, li ż-żewġ deċiżjonijiet tal-Kummissjoni, iċċitati mir-Repubblika tal-Awstrija, jiġifieri dik dwar l-iskema Daniża, inkwistjoni fil-Kawża N 271/2006, adottata fl-20 ta’ Diċembru 2006, u dik dwar l-iskema Ġermaniża, inkwistjoni fil-Kawża N 820/2006, adottata fis-7 ta’ Frar 2007, kienu ġew adottati qabel ma l-Qorti tal-Ġustizzja tat is-sentenza British Aggregates vs Il-Kummissjoni, punt 96 iktar ’il fuq (EU:C:2008:757), li introduċiet elementi importanti ta’ interpretazzjoni fil-qasam tal-fiskalità marbuta mas-settur tal-ambjent. B’dan il-mod, iż-żewġ deċiżjonijiet imsemmija hawn fuq tal-Kummissjoni ma jistgħux jaffettwaw il-validità tad-deċiżjoni kkontestata, sa fejn din tapplika l-elementi ta’ interpretazzjoni adottati mill-Qorti tal-Ġustizzja fuq il-punti kontenzjużi.

127

F’dawn iċ-ċirkustanzi, huwa biss għal raġunijiet ta’ kompletezza li l-Qorti Ġenerali tikkonstata li l-imsemmija skemi, dik Daniża u dik Ġermaniża, ma kinux komparabbli, fl-aspetti kollha rilevanti, għas-sitwazzjoni inkwistjoni f’dan il-każ.

128

B’mod iktar partikolari, fir-rigward tal-iskema Daniża li kienet is-suġġett tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni fil-Kawża N 271/2006, għandu jiġi osservat li din kienet intiża, bħalma tenfasizza l-Kummissjoni b’mod partikolari fil-premessa 109 tad-deċiżjoni kkontestata, sabiex tinnewtralizza vantaġġ li kien jirriżulta, għal impriżi li jikkonsmaw livell għoli ta’ enerġija fid-Danimarka, mill-fatt li huma kienu jħallsu inqas taxxi fuq is-sorsi ta’ enerġija b’mod li tiġi żgurata l-koerenza tas-sistema fiskali. B’dan il-mod, permezz tat-tassazzjoni tas-sħana eċċessiva ġġenerata mill-impriżi industrijali, id-Danimarka kien beħsiebha tiggarantixxi li dawn tal-aħħar ma jkunux jistgħu jipproponu s-sħana prodotta bi prezz inqas minn dak offrut mill-impjanti effiċjenti ta’ koġenerazzjoni. Minbarra dan, fir-replika, ir-Repubblika tal-Awstrija ma ppreżentatx argumenti li jinvalidaw il-pożizzjoni tal-Kummissjoni li sostniet li differenza addizzjonali kienet tikkonsisti fil-fatt li l-iskema Daniża, bil-kontra ta’ dan il-każ, kienet tirrigwarda, mingħajr eċċezzjoni, l-impriżi industrijali kollha li jipproduċu u jbigħu tip speċifiku ta’ enerġija, jiġifieri l-enerġija marbuta mal-użu tas-sħana eċċessiva ġġenerata. Il-Kummissjoni enfasizzat, b’mod partikolari, f’dan ir-rigward, li kien possibbli għall-impriżi kollha li jagħżlu li jew iħallsu taxxa fissa, jew iħallsu perċentwali fiskali, skont il-prezz ta’ bejgħ.

129

Fir-rigward tal-iskema Ġermaniża, li kienet is-suġġett tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni fil-Kawża N 820/2006, għandu jiġi osservat li r-Repubblika tal-Awstrija ma rreaġixxietx għall-allegazzjoni tal-Kummissjoni li t-“tnaqqis fiskali” inkwistjoni f’din il-kawża, li jirreferi għall-prodotti tal-enerġija b’użu doppju u użati b’mod differenti minn kombustibbli jew karburanti, kif ukoll għal proċessi mineraloġiċi, kien jirrigwarda deroga fiskali bbażata direttament fuq l-Artikolu 2(4) tad-Direttiva dwar tassazzjoni tal-enerġija, li kien jeskludi l-prodotti tal-enerġija ċċitati hawn fuq mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva (ara, f’dan is-sens, il-premessa 109 tad-deċiżjoni kkontestata). Barra minn hekk, il-Kummissjoni enfasizzat, ġustament, li l-kuntest ta’ referenza, jiġifieri t-traspożizzjoni tad-direttiva msemmija hawn fuq, kien isegwi l-għan li jintaxxa l-prodotti tal-enerġija li kienu jintużaw bħala kombustibbli jew karburanti. Il-Kummissjoni kellha wkoll raġun tindika, inkwantu differenza minn din il-kawża, li kien billi mxiet mal-premessa 22 tal-imsemmija direttiva li hija kienet wettqet l-eżenzjonijiet inkwistjoni, iġġustifikati bil-loġika inerenti u bin-natura nnifisha tas-sistema fiskali inkwistjoni.

130

Għaldaqstant, u f’kull każ, l-ebda waħda mill-Kawżi N 271/2006 u N 820/2006 tal-Kummissjoni ma tista’ titqies li hija komparabbli ma’ din il-kawża. Għalhekk il-Kummissjoni ma tistax tiġi kkritikata li ma ttrattatx dawn il-kawżi b’mod ugwali.

131

Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal hawn fuq, it-tieni motiv għandu jiġi miċħud bħala infondat.

Fuq it-tielet motiv, ibbażat fuq applikazzjoni żbaljata tal-Artikolu 107(3) TFUE u fuq eċċess ta’ poter

132

Skont ir-Repubblika tal-Awstrija, anki jekk jitqies li l-miżura inkwistjoni tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat, ikun għad irid jiġi evalwat jekk hijiex konformi mad-dritt tal-Unjoni inkwantu eċċezzjoni diskrezzjonali skont l-Artikolu 107(3) TFUE. F’dan il-kuntest, ikollu jiġi evalwat b’mod partikolari jekk l-imsemmija miżura taqax taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ waħda jew iktar mil-Linji gwida jew komunikazzjonijiet tal-Kummissjoni.

– Fuq l-ewwel parti tat-tielet motiv

133

Ir-Repubblika tal-Awstrija ssostni li, jekk il-miżura inkwistjoni kellha titqies li hija għajnuna mill-Istat, hija tkun taqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Linji gwida, ikkunsidrati flimkien mal-Artikolu 107(3) TFUE.

134

Ir-Repubblika tal-Awstrija ssostni li dan jirriżulta mill-applikazzjoni tal-paragrafi 151 et seq tal-Linji gwida, sa fejn l-Artikolu 22c tal-ÖSG emendata jissodisfa l-kundizzjoni ta’ titjib “indirett” tal-protezzjoni tal-ambjent. Fil-fatt, minn naħa, l-ammont kumpensatorju previst, li jirrappreżenta mill-inqas 0.5 % mill-valur nett tal-produzzjoni tas-sena kalendarja preċedenti, jiżgura saħansitra kontribuzzjoni diretta għall-promozzjoni tal-elettriku aħdar. Min-naħa l-oħra, rigward il-limitazzjoni tal-oneri fis-sens tal-imsemmija dispożizzjoni, hija sempliċement tillimita żvantaġġi kompetittivi, sproporzjonati għal ċerti impriżi, ikkawżati permezz tal-ÖSG emendata. Minbarra dan, din id-dispożizzjoni hija element neċessarju minn sett ta’ miżuri u ma tistax titqies individwalment.

135

Ir-Repubblika tal-Awstrija ssostni li, imbagħad, għandu jiġi evalwat jekk l-Artikolu 22c tal-ÖSG emendata għandux jiġi analizzat b’mod analogu mal-punt 4 tal-Linji gwida, u b’mod iktar partikolari, il-paragrafi 152 u 153 tagħhom. Iż-żewġ kundizzjonijiet essenzjali f’dan ir-rigward, jiġifieri, l-ewwel nett, li d-dispożizzjonijiet applikabbli f’dan il-każ ikunu sostanzjalment komparabbli ma’ dawk li l-applikazzjoni b’analoġija magħhom hija mitluba u, it-tieni nett, li teżisti ommissjoni inkompatibbli mad-dritt tal-Unjoni, huma ssodisfatti. Fir-rigward tan-natura komparabbli tad-dispożizzjonijiet inkwistjoni, ir-Repubblika tal-Awstrija ssostni, fost l-oħrajn, li l-mekkaniżmu inkwistjoni għandu jitqies li huwa analogu għas-sistemi baġitarji, b’mod partikolari għaliex il-Kummissjoni kkunsidrat l-użu ta’ “riżorsi tal-Istat” fil-kuntest tiegħu u li din kienet, qabel, issuġġeritilha, bħala soluzzjoni alternattiva, li tuża taxxa jew imposta fuq l-enerġija biex jiġi ffinanzjat l-elettriku aħdar, flimkien, eventwalment, ma’ tnaqqis tal-imsemmija imposta jew tal-imsemmija taxxa mogħti lill-impriżi li jikkonsmaw livell għoli ta’ enerġija, li huwa aċċettat skont l-Artikolu 17 tad-Direttiva dwar tassazzjoni tal-enerġija.

136

Ir-Repubblika tal-Awstrija ssostni li l-Kummissjoni taqbeż il-limiti tas-setgħa diskrezzjonali tagħha meta tapplika għal sistema ta’ finanzjament extrabaġitarju kriterji iktar stretti minn dawk għal sistema ta’ finanzjament b’imposta li jsegwu l-istess għanijiet u li jipproduċu l-istess effetti ekonomiċi u kompetittivi, peress li l-istituzzjoni tintervjeni b’dan il-mod fl-għażla tas-sistemi ta’ finanzjament u tikkontradixxi l-intenzjonijiet li jirriżultaw mill-komunikazzjoni tagħha tal-31 ta’ Jannar 2011. Skont ir-Repubblika tal-Awstrija, indipendentement minn jekk teżistix rata minima ffissata mid-dritt tal-Unjoni, l-effett tal-prezz ta’ trasferiment, li għalih jirreferi l-Artikolu 22c tal-ÖSG emendata, huwa komparabbli għas-sistema ta’ taxxi fuq l-enerġija. Iż-żewġ sistemi jipprevedu ġbir li jiddependi fuq il-konsum u b’dan il-mod għandhom l-istess effetti mill-perspettiva tal-oneru li huma jimponu fuq il-konsum tal-elettriku. Huma jaqblu fl-għanijiet, li jikkonsistu fil-previżjoni ta’ rata minima applikata fl-Ewropa kollha għall-istess prodotti, u fl-effetti kompetittivi u ekonomiċi tagħhom.

137

B’mod preliminari, għandu jiġi osservat li mid-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li, wara li kkonstatat li l-miżura inkwistjoni kienet tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat, fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE, għaliex l-imsemmija miżura kienet twassal għal telf ta’ riżorsi tal-Istat li kien joħloq vantaġġ selettiv għall-impriżi li jikkonsmaw livell għoli ta’ enerġija u, konsegwentement, li din il-miżura seta’ jkollha impatt negattiv fuq il-kummerċ bejn l-Istati Membri tal-Unjoni u setgħet toħloq distorsjoni fil-kompetizzjoni fis-suq intern (premessa 113), il-Kummissjoni wettqet l-evalwazzjoni tal-kompatibbiltà tal-miżura inkwistjoni mal-imsemmi suq, skont l-Artikolu 107(3) TFUE (premessi 115 et seq).

138

F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni kkonstatat, fil-premessa 116 tad-deċiżjoni kkontestata, li, f’dak li kien jirrigwarda għajnuna mill-Istat li taqa’ taħt l-Artikolu 107(3) TFUE, hija kellha setgħa diskrezzjonali wiesgħa. F’dan ir-rigward, hija rreferiet mill-ġdid għas-sentenzi tal-21 ta’ Marzu 1990, Il-Belġju vs Il-Kummissjoni (C‑142/87, Ġabra, EU:C:1990:125, punt 56) u tal-11 ta’ Lulju 1996, SFEI et (C‑39/94, Ġabra, EU:C:1996:285, punt 36). Hija affermat li, fil-kuntest tal-eżerċizzju ta’ din is-setgħa, hija kienet ippubblikat il-Linji gwida u komunikazzjonijiet li kienu jiffissaw il-kriterji li skonthom ċerta għajnuna mill-Istat setgħet tiġi ddikjarata kompatibbli mas-suq intern abbażi tal-imsemmija dispożizzjoni tat-TFUE. Fil-fehma tagħha, b’mod konformi mal-ġurisprudenza stabbilita, hija kienet marbuta tirrispetta l-Linji gwida u l-komunikazzjonijiet li hija kienet ippubblikat fil-kuntest tas-sorveljanza tal-għajnuna mill-Istat sa fejn dawn ma jidderogawx mid-dispożizzjonijiet tat-TFUE u sa fejn huma aċċettati mill-Istati Membri. F’dan ir-rigward, hija tirreferi għas-sentenzi tal-24 ta’ Marzu 1993, CIFRS et vs Il-Kummissjoni (C‑313/90, Ġabra, EU:C:1993:111, punt 36), tal-15 ta’ Ottubru 1996, IJssel-Vliet (C‑311/94, Ġabra, EU:C:1996:383, punt 43), u tas-26 ta’ Settembru 2002, Spanja vs Il-Kummissjoni (C‑351/98, Ġabra, EU:C:2002:530, punt 53).

139

F’dan il-każ, il-Kummissjoni eżaminat, l-ewwel nett, jekk l-għajnuna inkwistjoni kinitx taqa’ taħt il-Linji gwida u b’mod partikolari taħt il-punt 4 tagħhom, it-tieni nett, jekk l-imsemmija għajnuna kinitx taqa’ taħt ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 800/2008, tas-6 ta’ Awwissu 2008, li jiddikjara ċerti kategoriji ta’ għajnuna bħala kompatibbli mas-suq komuni (Regolament għal Eżenzjoni Ġenerali Sħiħa) skond l-Artikoli 87 u 88 tat-Trattat (ĠU L 214, p. 3), u, it-tielet nett, jekk din l-għajnuna setgħetx titqies li hija kompatibbli mas-suq intern abbażi tal-Artikolu 107(3) TFUE.

140

Fl-ewwel lok, fir-rigward tal-Linji gwida, il-Kummissjoni, qabel kollox, ikkonkludiet li l-mekkaniżmu inkwistjoni ma kienx jaqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tagħhom.

141

Essenzjalment, il-Kummissjoni qieset li, filwaqt li kien jirriżulta mill-paragrafu 151 tal-Linji gwida li l-kamp ta’ applikazzjoni tagħhom kien ikopri wkoll miżuri li kienu jikkontribwixxu mill-inqas “indirettament” biex jittejjeb il-livell ta’ protezzjoni tal-ambjent, l-ebda wieħed mill-argumenti ppreżentati mir-Repubblika tal-Awstrija ma juri li dan kien il-każ hawnhekk.

142

Fil-fatt, minn naħa, il-Kummissjoni qieset li ma kienx fondat l-argument tar-Repubblika tal-Awstrija fis-sens li l-eżenzjoni inkwistjoni kienet tikkostitwixxi kundizzjoni essenzjali li tippermetti li jiġi ggarantit l-appoġġ politiku għal żieda fil-prezz ta’ trasferiment li, min-naħa tiegħu, huwa indispensabbli sabiex jiġi ffinanzjat l-iżvilupp tal-produzzjoni tal-elettriku minn sorsi li jiġġeddu. Fil-fehma tagħha, ma kienet teżisti l-ebda rabta “neċessarja” bejn il-prezz ta’ trasferiment u ż-żieda fil-produzzjoni tal-elettriku minn sorsi ta’ enerġija li jiġġeddu. F’dan ir-rigward, hija enfasizzat, fost l-oħrajn, il-libertà li kellha r-Repubblika tal-Awstrija sabiex tiddeċiedi dwar il-mod li bih xtaqet tiffinanzja ż-żieda fil-produzzjoni tagħha tal-elettriku minn sorsi li jiġġeddu, pereżempju, permezz ta’ dħul fiskali (ara l-premessi 122 u 123 tad-deċiżjoni kkontestata).

143

Min-naħa l-oħra, il-Kummissjoni kkunsidrat li lanqas ma kien fondat l-argument tar-Repubblika tal-Awstrija fis-sens li l-eżenzjoni inkwistjoni kienet twassal għal prezzijiet ogħla għall-konsum tal-elettriku, li jwasslu għal azzjonijiet iktar effikaċi fuq il-livell enerġetiku. Fil-fehma tagħha, il-mekkaniżmu inkwistjoni kien jiffunzjona, bil-kontra, bħala stabbiliment ta’ limitu, b’mod li l-prezz medju tal-elettriku mħallas mill-impriżi li jikkonsmaw livell għoli ta’ enerġija kien jonqos b’kull kWh supplimentari kkonsmata lil hinn mil-limitu ffissat (premessa 124 tad-deċiżjoni kkontestata).

144

Fit-tieni lok, il-Kummissjoni qieset, fil-premessi 126 et seq tad-deċiżjoni kkontestata li, anki jekk il-miżura ta’ eżenzjoni inkwistjoni kienet taqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Linji gwida, quod non, hija ma tistax tiġi ddikjarata li hija kompatibbli mas-suq intern, peress li hija ma kinitx tissodisfa l-kundizzjonijiet imsemmija fil-punt 4 tal-imsemmija Linji gwida.

145

L-ewwel nett, il-Kummissjoni enfasizzat li l-Linji gwida kienu jagħmlu distinzjoni, fil-kuntest tal-evalwazzjoni ta’ għajnuna, bejn it-taxxi armonizzati u dawk li ma kinux armonizzati. “It-taxxa parafiskali” taħt il-forma tal-prezz ta’ trasferiment ma tikkostitwixxix taxxa ambjentali “armonizzata” fuq il-livell tal-Unjoni (premessa 127 tad-deċiżjoni kkontestata). B’dan il-mod, il-mekkaniżmu inkwistjoni għandu jiġi evalwat, skont il-Kummissjoni, abbażi tar-regoli fis-seħħ għat-taxxi ambjentali “mhux armonizzati”, fil-kuntest tal-punt 4 tal-imsemmija Linji gwida.

146

It-tieni nett, il-Kummissjoni affermat li, f’dan il-kuntest, kien l-Istat Membru kkonċernat li kellu jipprovdi informazzjoni preċiża dwar id-diversi setturi jew kategoriji ta’ benefiċjarji kkonċernati mill-eżenzjonijiet jew mit-tnaqqis, kif ukoll fuq is-sitwazzjoni tal-benefiċjarji prinċipali ta’ kull settur inkwistjoni u l-mod li bih il-fiskalità tista’ tikkontribwixxi għall-protezzjoni tal-ambjent (premessa 129 tad-deċiżjoni kkontestata). Fil-fehma tagħha, din l-informazzjoni kellha tippermettilha tevalwa jekk it-tnaqqis jew l-eżenzjonijiet inkwistjoni kinux neċessarji u proporzjonati, fis-sens tad-definizzjoni ta’ dawn it-termini mogħtija mil-Linji gwida. Hija affermat, fil-premessa 130 tad-deċiżjoni kkontestata, li, minkejja diversi talbiet min-naħa tagħha, ir-Repubblika tal-Awstrija ma kinitx bagħtitilha l-informazzjoni msemmija hawn fuq. Hija rreferiet b’mod partikolari għall-ittri tagħha tal-21 ta’ Ġunju u tad-19 ta’ Lulju 2010. Għaldaqstant, hija ma setgħetx teżamina jekk l-għajnuna kinitx neċessarja u proporzjonata u b’liema mod kienet tikkontribwixxi għall-protezzjoni tal-ambjent.

147

Fit-tielet lok, skont il-Kummissjoni, peress li l-mekkaniżmu inkwistjoni ma kienx jikkontribwixxi għall-protezzjoni tal-ambjent, lanqas b’mod indirett, hija għaldaqstant analizzat jekk kienx madankollu possibbli li jiġi awtorizzat b’mod analogu għall-punt 4 tal-Linji gwida (premessi 131 sa 142 tad-deċiżjoni kkontestata).

148

F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni fakkret li l-punt 4 tal-Linji gwida kien jipprevedi, għat-tnaqqis tat-taxxi ambjentali, żewġ tipi ta’ eżamijiet. Minn naħa, għal tnaqqis fit-taxxi “armonizzati” fil-kuntest tad-Direttiva dwar tassazzjoni tal-enerġija, hija affermat li l-imsemmi tnaqqis seta’ jiġi ddikjarat kompatibbli mas-suq intern mingħajr l-ebda eżami ieħor, sakemm il-livell minimu Komunitarju ta’ taxxa ffissat mill-imsemmija direttiva jkun ġie rrispettat. Min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-eżami tat-tnaqqis ta’ taxxi ambjentali “mhux armonizzati” u ta’ taxxi “armonizzati” fuq l-enerġija li jwasslu għal livell ta’ tassazzjoni iktar baxx mill-minimu ffissat permezz ta’ din id-direttiva, hija indikat li regoli iktar preċiżi kienu ġew iffissati fil-kuntest tal-imsemmi punt (premessa 132 tad-deċiżjoni kkontestata).

149

Il-Kummissjoni żiedet, b’risposta għall-argument tar-Repubblika tal-Awstrija fis-sens li hija tista’ tawtorizza l-mekkaniżmu inkwistjoni għaliex l-impriżi benefiċjarji jħallsu mill-inqas l-ammont minimu tat-taxxa Awstrijaka fuq l-enerġija, li ma kien jeżisti l-ebda preċedent li fih ir-regoli ta’ eżami previsti għat-taxxi fuq l-enerġija armonizzati fil-punt 4 tal-Linji gwida kienu ġew applikati b’mod analogu għal taxxi parafiskali.

150

Imbagħad, wara li rreferiet għall-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-applikazzjoni ta’ regoli ġuridiċi b’mod analogu, il-Kummissjoni sostniet, minn naħa, li l-iskemi inkwistjoni ma kinux komparabbli (premessi 135 u 136 tad-deċiżjoni kkontestata) u, min-naħa l-oħra, li ma kien hemm l-ebda lakuna inkompatibbli mad-dritt tal-Unjoni (premessi 137 sa 141 tad-deċiżjoni kkontestata).

151

Dwar l-ewwel parti, il-Kummissjoni affermat, essenzjalment, li l-miżura inkwistjoni kienet differenti mill-iskema prevista għat-taxxi ambjentali sa fejn, filwaqt li l-ebda dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni ma kienet tipprevedi dispożizzjonijiet speċifiċi għat-taxxi parafiskali, l-imsemmija skema kienet tipprevedi tali dispożizzjonijiet għall-ġbir tat-taxxi ambjentali, b’mod partikolari fir-rigward tal-ammonti minimi ta’ tassazzjoni ffissati fid-Direttiva dwar tassazzjoni tal-enerġija, u fir-rigward tal-eżenzjonijiet b’mod konformi mal-punt 4 tal-Linji gwida u mal-Artikolu 25 tar-Regolament Nru 800/2008.

152

Fir-rigward tat-tieni parti, il-Kummissjoni affermat, essenzjalment, li l-ebda lakuna inkompatibbli mad-dritt tal-Unjoni ma kienet teżisti għaliex il-miżuri kollha li ma kinux jaqgħu taħt il-Linji gwida setgħu jkunu s-suġġett ta’ eżami skont l-Artikolu 107(3) TFUE. Barra minn hekk, fil-fehma tagħha, l-applikazzjoni b’mod analogu tad-dispożizzjonijiet fis-seħħ skont id-dritt tal-Unjoni għat-tnaqqis tat-taxxi fuq l-enerġija ma setgħetx tirrimedja għall-assenza ta’ regoli fil-qasam tal-eżenzjoni mit-taxxi parafiskali. L-approċċ li jikkonsisti fil-kunsiderazzjoni li l-livell minimu ta’ tassazzjoni previst għat-taxxi armonizzati huwa wkoll applikabbli għat-taxxi parafiskali jwassal għall-użu tal-imsemmi kriterju ta’ referenza barra mill-kuntest previst. Huwa manifest li r-rati minimi ma ġewx iffissati biex jiddefinixxi l-oneru totali li l-impriżi li jikkonsmaw livell għoli ta’ enerġija kellhom isostnu minħabba miżuri regolatorji fil-qasam tal-protezzjoni tal-ambjent, bħal dawk li kienu jirriżultaw b’mod partikolari mill-mekkaniżmi ta’ finanzjament għat-tariffi ta’ xiri mill-ġdid (premessi 138 u 139 tad-deċiżjoni kkontestata).

153

Għaldaqstant, skont il-Kummissjoni, ma kienx possibbli li jiġu stabbiliti analoġiji bejn il-mekkaniżmu inkwistjoni u r-regoli dwar l-eżami tat-tnaqqis tat-taxxi ambjentali, li kienu ġew armonizzati.

154

Qabel kollox, għandu jiġi osservat li l-Kummissjoni sostniet, fil-kontroreplika, li r-Repubblika tal-Awstrija kienet biss ikkontestat, fir-rikors, l-assenza ta’ applikazzjoni b’mod analogu tal-eżenzjonijiet previsti mil-Linji gwida. F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li, filwaqt li l-allegazzjoni ġenerali tar-Repubblika tal-Awstrija, dwar il-fatt li l-miżura inkwistjoni taqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Linji gwida u hija “konsegwentement, kompatibbli mas-suq komuni”, tista’ tinftiehem bħala talba għal applikazzjoni diretta tal-imsemmija Linji gwida, bil-kontra, l-allegazzjonijiet konkreti tar-Repubblika tal-Awstrija dwar l-applikazzjoni tal-paragrafi 152 u 153 tal-imsemmija Linji gwida huma redatti b’riferiment, effettivament, biss għal applikazzjoni b’mod analogu tal-eżenzjonijiet previsti minn dawn il-Linji gwida. Madankollu, fiċ-ċirkustanzi f’dan il-każ, mingħajr ma huwa neċessarju li tittieħed deċiżjoni dwar l-ammissibbiltà tal-argument tar-Repubblika tal-Awstrija sa fejn huwa jirrigwarda l-applikazzjoni diretta tal-Linji gwida, ippreżentat fir-replika, dan għandu jiġi eskluż għar-raġunijiet imsemmija iktar ’il quddiem, li jibqgħu validi kemm għal applikazzjoni diretta kif ukoll għal applikazzjoni b’mod analogu.

155

F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li, filwaqt li, fil-kuntest tal-evalwazzjoni tagħha tal-kwistjoni dwar jekk il-miżura inkwistjoni kinitx imputabbli lill-Istat, tal-kwistjoni dwar jekk riżorsi tal-Istat kinux ġew implementati u tal-kwistjoni dwar jekk il-vantaġġ mogħti mill-imsemmija miżura kienx selettiv, il-Kummissjoni kienet ħadet inkunsiderazzjoni, ġustament, qabel kollox, l-ÖSG emendata fl-intier tagħha u, imbagħad, inkwantu eżenzjoni mill-kuntest normali ta’ referenza, l-Artikolu 22c ta’ din il-liġi (ara l-ewwel u t-tieni motivi, u b’mod partikolari l-punti 97 et seq hawn fuq), bil-kontra, fl-evalwazzjoni tagħha tal-applikabbiltà tal-Linji gwida, il-Kummissjoni eżaminat biss l-eżenzjoni prevista permezz tal-imsemmija dispożizzjoni. Għandu jiġi kkonstatat li huwa fil-fatt fir-rigward tal-istruttura kollha prevista permezz tal-ÖSG emendata għall-għajnuna għall-produzzjoni għall-elettriku aħdar li kellha tiġi evalwata l-applikabbiltà tal-Linji gwida (ara, f’dan ir-rigward, il-punti 156 sa 165 iktar ’il quddiem) u biss, sussegwentement, fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv, li kien neċessarju li jiġi evalwat jekk l-eżenzjoni inkwistjoni, li hija kkostitwita minn din id-dispożizzjoni, kinitx tissodisfa l-kundizzjonijiet li kienu previsti sabiex titqies kompatibbli mas-suq intern. Madankollu, fid-dawl tal-iżviluppi fil-punti 166 et seq iktar ’il quddiem, għandu jiġi kkonstatat li l-iżball imsemmi hawn fuq tal-Kummissjoni, fir-rigward tal-kamp ta’ applikazzjoni tal-Linji gwida, ma għandux effett fuq il-legalità tad-deċiżjoni kkontestata.

156

L-ewwel nett, għandu jiġi osservat li l-kamp ta’ applikazzjoni tal-Linji gwida huwa ddefinit, fil-paragrafi 58 u 59 tagħhom, kif ġej:

“Dawn il-Linji gwida japplikaw għall-għajnuna mill-Istat għall-ħarsien ambjentali. Dawn għandhom jiġu applikati skond linji oħra ta’ politika Komunitarja dwar l-għajnuna mill-Istat, dispożizzjonijiet oħra tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea u t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u leġiżlazzjoni adotta skond dawk it-Trattati.

Dawn il-Linji gwida japplikaw għal għajnuna [dawn il-Linji gwida ma jittrattawx il-kunċett ta’ għajnuna mill-Istat li jirriżulta mill-Artikolu 87(1) tat-Trattat KE u mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Komunitajiet Ewropej] sabiex ikun appoġġjat il-ħarsien ambjentali fis-setturi kollha regolati mit-Trattat ta’ KE. Japplikaw ukoll għal dawk is-setturi li huma soġġetti għal regoli Komunitarji speċifiċi dwar l-għajnuna mill-Istat (ipproċessar ta’ azzar, bini ta’ bastimenti, vetturi bil-mutur, fibri sintetiċi, trasport, faħam, agrikoltura u sajd) sakemm tali regoli speċifiċi ma jipprovdux mod ieħor.”

157

It-tieni nett, skont l-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 70 tal-Linji gwida, iċċitat fil-premessa 121 tad-deċiżjoni kkontestata, l-espressjoni “ħarsien ambjentali” tirreferi għal “kwalunkwe azzjoni mfassla sabiex tirrimedja jew twaqqaf ħsara lil ambjenti fiżiċi jew riżorsi naturali mwettqa bl-attivitajiet proprji ta’ benefiċjarju, sabiex tnaqqas ir-riskju ta’ tali ħsara jew twassal għal użu aktar effiċjenti ta’ riżorsi naturali, inklużi miżuri ta’ li jiffrankaw l-enerġija u l-użu ta’ għejun ta’ enerġija li jiġġeddu”.

158

It-tielet nett, skont it-tieni subparagrafu tal-paragrafu 70 tal-Linji gwida, l-espressjoni “miżuri ta’ konservazzjoni ta’ l-enerġija” TFisser “azzjoni li tippermetti lil impriżi li jnaqqsu l-ammont ta’ enerġija użata b’mod partikolari fiċ-ċiklu ta’ produzzjoni tagħhom”.

159

Ir-raba’ nett, il-paragrafu 151 tal-Linji gwida, li jinsab fil-punt 4 tagħhom, ifformulat “Għajnuna f’forma ta’ tnaqqis jew eżenzjonijiet mit-taxxi ambjentali”, jgħid li ġej:

“L-għajnuna f’forma ta’ tnaqqis jew ta’ eżenzjonijiet minn taxxi ambjentali mogħtija lil impriżi f’kategoriji partikolari għandha tkun kompatibbli mas-suq komuni skond it-tifsira ta’ l-Artikolu 87(3)(c) tat-Trattat tal-KE kemm-il darba l-għajnuna mill-Istat f’forma ta’ miżura tat-taxxa ġġib titjib sinifikanti fil-ħarsien ambjentali u t-tnaqqis jew eżenzjonijiet mit-taxxa ma jimminawx l-għan ġenerali mfittex.”

160

Fid-dawl tal-punti 155 sa 158 hawn fuq, għandu jitqies li l-miżura inkwistjoni taqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Linji gwida, għaliex dawn jirrigwardaw, fost l-oħrajn, miżuri ta’ għajnuna mill-Istat bħall-ÖSG emendata li, meħuda fl-intier tagħha, kienet intiża biċ-ċar sabiex tissodisfa għan ta’ protezzjoni tal-ambjent fis-sens tad-definizzjoni mogħtija fl-imsemmija Linji gwida. Fil-fatt, ir-Repubblika tal-Awstrija kien beħsiebha, permezz tal-ÖSG emendata, tilħaq il-mira nazzjonali vinkolanti tagħha rigward il-parti tal-enerġija prodotta minn sorsi li jiġġeddu fil-konsum finali gross ta’ enerġija, kif previst permezz tad-Direttiva dwar is-sorsi ta’ enerġija li jiġġeddu (ara, b’mod partikolari, il-punt 32 hawn fuq). Jirriżulta, barra minn hekk, mill-qari tal-premessi 4 u 171 tad-deċiżjoni kkontestata, moqrija flimkien mal-intimazzjoni, li l-Kummissjoni kienet tqis l-ÖSG emendata, meħuda fl-intier tagħha, bħala miżura ta’ għajnuna stabbilita favur l-ambjent, u, minbarra dan, approvat il-parti ta’ din il-miżura li tipprevedi finanzjamenti favur produtturi ta’ elettriku aħdar, u dan għaliex kienu kompatibbli ma’ dawn il-Linji gwida (ara l-punt 6 hawn fuq).

161

Huwa f’dan il-kuntest li għandha tiġi analizzata l-eżenzjoni prevista permezz tal-Artikolu 22c tal-ÖSG emendata, li, minkejja li kellha bħala għan prinċipali li tipprevedi stabbiliment ta’ limitu għall-kontribuzzjoni tal-impriżi li jikkonsmaw livell għoli ta’ enerġija b’tali mod li jkunu jistgħu jinfelħu, mill-perspettiva ekonomika u industrijali, l-oneri li kienet timplika s-sistema ta’ għajnuna għall-elettriku aħdar u sabiex tipproteġi impriżi li jkunu partikolarment affettwati mis-sistema stabbilita (ara l-punt 109 hawn fuq, kif ukoll il-premessa 124 tad-deċiżjoni kkontestata), setgħet ukoll tikkontribwixxi, ċertament b’mod indirett u biss sa ċertu punt, sabiex jittejjeb il-livell ta’ protezzjoni tal-ambjent, u dan mingħajr ma tippreġudika l-għan ġenerali segwit permezz tal-ÖSG emendata.

162

Din il-konstatazzjoni msemmija l-aħħar tirriżulta, l-ewwel nett, mill-fatt li l-mekkaniżmu inkwistjoni kien jipprevdi “ammont kumpensatorju” li, filwaqt li jiffunzjona bħala stabbiliment ta’ limitu tal-kontribuzzjoni tal-impriżi li jikkonsmaw livell għoli ta’ enerġija, kien, madankollu, intiż biċ-ċar biex jgħin biex jippromwovi l-fabbrikazzjoni tal-elettriku aħdar billi jikkontribwixxi għall-finanzjament tiegħu. Fil-fatt, kif jirriżulta mill-Artikolu 22c tal-ÖSG emendata, huwa previst li l-imsemmi “ammont kumpensatorju”, li l-ħlas tiegħu huwa impost mir-regolatur tal-enerġija Awstrijak fuq l-impriżi li jikkonsmaw livell għoli ta’ enerġija li jibbenefikaw mill-eżenzjoni, ser jitħallas direttament liċ-ċentru ta’ ħlas tal-enerġija ħadra. Għaldaqstant, huwa effettivament element rilevanti fil-kuntest tas-sistema ġenerali intiża sabiex tappoġġja l-produzzjoni tal-elettriku li jiġġedded, sabiex jittejjeb il-livell ta’ protezzjoni tal-ambjent. Minbarra dan, tali konstatazzjoni hija biss ikkonfermata permezz tar-risposti tal-Kummissjoni għad-domandi tal-Qorti Ġenerali magħmula fil-kuntest tal-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura, għaliex din affermat, minn naħa, li, “l-ammont kumpensatorju previst […] kellu bħala konsegwenza li l-ÖMAG kienet tirċievi, minbarra dħul mhux mibdul li ġej mill-prezzijiet ta’ trasferiment, dħul ieħor li ġej mill-ammonti kumpensatorji, li hija ma kinitx tirċievi kieku ma daħalx fis-seħħ l-Artikolu 22c tal-ÖSG emendata” u, min-naħa l-oħra, li, “skont l-[Artikolu 22b,] tal-ÖSG emendata, din ir-riżorsa supplimentari kellha tippermetti li jitbaxxa l-prezz ta’ trasferiment matul is-snin segwenti, jew li jiżdied mill-inqas possibbli, bil-kontra ta’ kif ikun il-każ fl-assenza tad-dħul li ġej mill-ammont kumpensatorju”.

163

Minbarra dan, bil-kontra ta’ dak li tħalli x’tifhem il-Kummissjoni bl-ispjegazzjonijiet tagħha, ippreżentati fil-premessa 123 tad-deċiżjoni kkontestata, fis-sens li l-mekkaniżmu inkwistjoni ma kienx “indispensabbli” sabiex tiżdied il-produzzjoni tal-elettriku minn sorsi li jiġġeddu, peress li r-Repubblika tal-Awstrija kienet, fil-fehma tagħha, libera li tiddeċiedi dwar il-mod li bih kienet tiffinanzja tali żieda, għandu jiġi osservat li, skont il-Linji gwida, ma kien bl-ebda mod neċessarju li jiġi pprovat li miżura konkreta kienet “indispensabbli”, jew inkella l-unika possibbiltà sabiex jintlaħaq l-għan imsemmi, iżda biss li l-kundizzjonijiet ġenerali, imfakkra fil-punti 156 sa 159 hawn fuq, u dawk speċifiċi, li huma s-suġġett tal-iżviluppi fil-punti 165 et seq iktar ’il quddiem, kienu effettivament issodisfatti. Din l-istess konstatazzjoni tapplika, b’mod analogu, għall-kwistjoni dwar jekk l-eżenzjoni inkwistjoni kinitx tikkostitwixxi “kundizzjoni essenzjali” li tippermetti li jiġi ggarantit appoġġ politiku għal żieda fil-prezz ta’ trasferiment fl-Awstrija u dik dwar jekk kinitx teżisti “rabta neċessarja” bejn il-prezz ta’ trasferiment u ż-żieda fil-produzzjoni tal-elettriku minn sorsi ta’ enerġija li jiġġeddu (ara, f’dan is-sens, il-premessi 122 u 123 tad-deċiżjoni kkontestata).

164

It-tieni nett, ma jistax jitqies, bħalma tagħmel il-Kummissjoni, li l-eżistenza nnifisha tal-Artikolu 22c tal-ÖSG emendata u tal-istabbiliment ta’ limitu tal-kontribuzzjonijiet tal-impriżi li jikkonsmaw livell għoli ta’ enerġija, li jirriżulta minnu, kellha neċessarjament bħala konsegwenza li tippreġudika, b’mod globali, l-għan ġenerali segwit mill-ÖSG emendata. Il-konstatazzjoni tal-Kummissjoni, magħmula fil-premessa 124 tad-deċiżjoni kkontestata, fis-sens li l-mekkaniżmu inkwistjoni, minflok iwassal għal użu iktar effikaċi tal-enerġija, iwassal, min-naħa l-oħra, għal tnaqqis ta’ din l-effikaċja minħabba li l-prezz medju tal-elettriku mħallas mill-impriżi li jikkonsmaw livell għoli ta’ enerġija kien jonqos ma’ kull kWh supplimentari kkonsmata lil hinn mil-limitu ffissat ma tinvalidax, minnha nnifisha, il-kunsiderazzjonijiet li jipprovdu li kien jeżisti, mill-inqas, ċertu effett pożittiv indirett tal-miżura inkwistjoni fuq il-protezzjoni tal-ambjent, minħabba l-użu li għalih huwa intiż l-“ammont kumpensatorju”.

165

F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-applikabbiltà tal-Linji gwida ma tistax tiġi eskluża direttament abbażi tal-konstatazzjoni li l-miżura inkwistjoni ma kinitx tidħol fil-kamp ta’ applikazzjoni tagħhom u ma kinitx tissodisfa r-rekwiżiti previsti fil-paragrafi 58 u 59 tagħhom, moqrija flimkien mal-paragrafu 70 tagħhom, jew sempliċement abbażi ta’ applikazzjoni diretta tal-paragrafu 151 tagħhom.

166

Imbagħad, għandu jiġi evalwat jekk il-Kummissjoni kellhiex raġun tikkonkludi, fil-premessi 126 et seq tad-deċiżjoni kkontestata, dwar il-każ fejn ikollu jitqies li l-miżura inkwistjoni kienet taqa’, fil-fatt, taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Linji gwida, li l-eżenzjoni inkwistjoni, prevista fl-Artikolu 22c tal-ÖSG emendata, ma kinitx taqa’ taħt il-punt 4 tal-imsemmija Linji gwida u ma kinitx, għaldaqstant, f’kull każ, kompatibbli mas-suq intern fuq din il-bażi.

167

F’dan ir-rigward, qabel kollox, għandu jiġi osservat li l-Kummissjoni kellha raġun tafferma li mill-paragrafi 152 et seq tal-Linji gwida kien jirriżulta li dawn tal-aħħar kienu jipprevedu żewġ sitwazzjonijiet differenti, b’mod partikolari skont jekk humiex armonizzati jew le t-taxxi inkwistjoni u skont ir-rispett tal-livell minimu Komunitarju ta’ tassazzjoni (ara l-punt 148 hawn fuq).

168

F’dan ir-rigward, anki jekk jitqies li s-sistema prevista mill-ÖSG emendata tista’, fl-intier tagħha, tiġi assimilata għal sistema fiskali, u l-Artikolu 22c ta’ din il-liġi għal dispożizzjoni li tipprevedi tnaqqis jew eżenzjoni fil-kuntest tagħha, kif issostni r-Repubblika tal-Awstrija billi tirreferi, b’mod partikolari, għall-evalwazzjonijiet tal-Kummissjoni magħmula fil-parti tad-deċiżjoni kkontestata li tirrigwarda l-vantaġġ, kif ukoll f’dik il-parti li tirrigwarda l-preżenza ta’ finanzjamenti mill-Istat fil-miżura inkwistjoni [ara, b’mod partikolari, il-premessi 55, 58, u l-premessa 64(a) tad-deċiżjoni kkontestata, moqrija flimkien mal-premessi 68, 69 u 82 tal-imsemmija deċiżjoni], hawnhekk ma tistax, f’kull każ, tkun assimilazzjoni ta’ taxxa “armonizzata” fuq il-livell tal-Unjoni.

169

Fil-fatt, fl-ewwel lok, għandu jiġi kkonstatat li l-ebda element li jirriżulta mid-Direttiva dwar tassazzjoni tal-enerġija ma jippermetti lill-Qorti Ġenerali tiddeċiedi li l-leġiżlatur tal-Unjoni kellu l-intenzjoni, diretta jew indiretta, meta adottaha, li jirregola kemm billi jipprova jsaħħaħhom, jiddefinhom jew jillimitahom, sistemi extrabaġitarji, strutturati bħal dik inkwistjoni f’dan il-każ, jiġifieri b’għanijiet ta’ allokazzjoni partikolari jew, fi kliem ieħor, b’għan speċifiku dirett u predeterminat. Għandu għaldaqstant jitqies li l-Kummissjoni ma wettqitx żball meta indikat li, filwaqt li l-għan tal-ÖSG emendata kien li tgħaddi l-ispejjeż addizzjonali kkawżati minħabba l-promozzjoni tas-sorsi ta’ enerġija li jiġġeddu fuq il-konsumaturi finali tal-elettriku, barra mill-baġit, l-għan tad-Direttiva dwar tassazzjoni tal-enerġija kien bil-kontra l-armonizzazzjoni tat-tassazzjoni ġenerali tal-prodotti indikati, inkluż l-elettriku, bi profitt għall-baġit ġenerali u mingħajr allokazzjoni speċifika (ara wkoll, b’mod analogu, is-sentenza tas-27 ta’ Frar 2014, Transportes Jordi Besora, C‑82/12, EU:C:2014:108, b’mod partikolari l-punti 23 u 27 sa 32 u l-ġurisprudenza ċċitata). Kif diġà ġie kkonstatat, mill-ÖSG emendata jirriżulta li hija kienet intiża, minnha nnifisha, sabiex tiżgura l-finanzjament tal-elettriku prodott minn sorsi ta’ enerġija li jiġġeddu, u d-dħul mit-taxxa parafiskali inkwistjoni, li jikkonsisti fi spejjeż addizzjonali għall-elettriku aħdar u li jiddependi mill-volumi ta’ konsum ta’ dan l-elettriku li fuqhom hija imposta t-taxxa parafiskali, għandu, b’mod obbligatorju jintuża b’mod speċifiku sabiex isostni l-iżvilupp tal-imsemmija sorsi ta’ enerġija, b’tali mod li kienet teżisti rabta diretta bejn l-użu tad-dħul u l-għan tal-istruttura extrabaġitarja inkwistjoni.

170

B’mod partikolari, għandu jiġi osservat ukoll, minn naħa, li d-Direttiva dwar tassazzjoni tal-enerġija tirreferi għal sistemi “fiskali” ta’ tassazzjoni, fatt li jirrifletti rabta baġitarja, u mhux skemi ad hoc, b’għan speċifiku, bħal dawk imsemmija fil-punt 169 hawn fuq. Min-naħa l-oħra, l-imsemmija direttiva tipprevedi, fost l-oħrajn, kif issostni ġustament il-Kummissjoni (ara l-punt 151 hawn fuq), liema kienu l-ammonti minimi ta’ tassazzjoni fil-qasam tal-enerġija, kif ukoll l-eżenzjonijiet li setgħu jiġu adottati f’dan il-kuntest. Bil-kontra tas-sistema prevista mill-ÖSG emendata, din id-direttiva ma kinitx tipprevedi stabbiliment ta’ limitu tal-kontribuzzjonijiet addizzjonali stabbiliti sabiex tiġi sostnuta l-enerġija li tiġġedded, iżda pjuttost rati mnaqqsa ta’ tassazzjoni, applikabbli, madankollu, fil-prinċipju, fi prorata mal-volumi ta’ elettriku effettivament ikkunsinnati, b’mod partikolari sabiex tiġi ggarantita, sa fejn huwa possibbli, ugwaljanza fit-trattament. Minbarra dan, kif tafferma l-Kummissjoni fil-premessa 139 tad-deċiżjoni kkontestata, jekk kellu jitqies li kellhom jiġu applikati, b’mod analogu, id-dispożizzjonijiet tad-direttiva msemmija hawn fuq, dwar it-taxxi armonizzati, għal regoli strutturati inkwantu “spejjeż addizjonali ta’ finanzjament” intiżi għall-għajnuna għall-enerġija li tiġġedded, ikun possibbli li jiġu rrispettati l-livelli minimi armonizzati ta’ tassazzjoni li huma previsti fihom billi jitħallsu biss l-ammonti msejħa “spejjeż addizzjonali”, u dan, barra minn hekk, anki jekk kienu ġew limitati għal ċerti impriżi, minkejja eventwali distorsjonijiet fil-kompetizzjoni li dan joħloq. Mid-direttiva inkwistjoni ma jirriżultax li din kienet eventwalità prevista, jew saħansitra mixtieqa, mil-leġiżlatur tal-Unjoni.

171

Barra minn hekk, għandu jingħad ukoll li, kif ir-Repubblika tal-Awstrija kkonfermat fis-seduta fuq talba tal-Qorti Ġenerali, id-Direttiva dwar tassazzjoni tal-enerġija kienet ġiet trasposta fid-dritt Awstrijak permezz tal-Energieabgabenvergütungsgesetz (liġi dwar ir-rimbors tat-taxxi fuq l-enerġija), jiġifieri permezz ta’ att leġiżlattiv differenti mill-ÖSG emendata. Dan l-element jikkostitwixxi indikazzjoni addizzjonali li l-leġiżlazzjoni li tarmonizza, fuq il-livell tal-Unjoni, it-tassazzjoni tal-enerġija kienet diġà ġiet trasposta fid-dritt Awstrijak saħansitra qabel l-adozzjoni tal-ÖSG emendata, u din tal-aħħar għandha, b’dan il-mod, titqies li tikkostitwixxi sett ta’ normi addizzjonali, mhux previsti fuq il-livell Ewropew. Huwa fil-fatt, barra minn hekk, dak li jirriżulta indirettament mill-allegazzjonijiet tar-Repubblika tal-Awstrija ppreżentati quddiem il-Qorti Ġenerali, fis-sens li, fl-Awstrija, għandha titħallas “darbtejn taxxa minima” prevista mid-direttiva msemmija hawn fuq, minn naħa għall-konsum normali tal-elettriku u, min-naħa l-oħra, b’mod addizzjonali, fil-kuntest tal-istabbiliment ta’ limitu tal-kontribuzzjoni tal-impriżi li jikkonsmaw livell għoli ta’ enerġija għall-finanzjament tal-elettriku aħdar. F’dan l-istess sens, waqt is-seduta, il-Kummissjoni sostniet, ġustament, li f’dan il-każ it-taxxa kienet tinġabar mir-Repubblika tal-Awstrija minn rajha u mhux sabiex tissodisfa obbligu li jaqa’ taħt id-dritt Ewropew dwar tassazzjoni minima tal-enerġija u li jipprevedi eżenzjonijiet f’dan ir-rigward.

172

F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandhom jiġu miċħuda wkoll l-allegazzjonijiet tar-Repubblika tal-Awstrija, fis-sens li s-sistema prevista permezz tal-ÖSG emendata hija konformi mad-Direttiva dwar tassazzjoni tal-enerġija, sa fejn, bħat-taxxa fuq l-enerġija fis-sens tal-imsemmija direttiva, l-ammont tal-ġbir jiddependi mill-konsum. Fil-fatt, dan ma huwiex preċiżament il-każ għall-impriżi li jibbenefikaw mill-eżenzjoni prevista fl-Artikolu 22c tal-ÖSG emendata, għaliex dawn jistgħu, lil hinn mil-limitu previst, jixtru elettriku bla ebda spiża addizzjonali (ara, f’dan is-sens, il-premessa 124 tad-deċiżjoni kkontestata). F’dan is-sens, lanqas ma jista’ jitqies li l-effetti kompetittivi u ekonomiċi tal-iskema nnotifikata huma komparabbli ma’ dawk li jirriżultaw mis-sistema li timplementa din id-direttiva. Bil-kontra, id-differenza bejn il-prezz imħallas għal kull kWh mill-impriżi li jikkonsmaw livell għoli ta’ enerġija, li jistgħu jibbenefikaw mill-eżenzjoni inkwistjoni u mill-impriżi l-oħra, li ma jaqgħux taħt din il-kategorija, tiżdied skont il-konsum totali tal-kWh mill-impriżi msemmija l-ewwel.

173

Fit-tieni lok, fir-rigward tad-Direttiva dwar is-sorsi ta’ enerġija li jiġġeddu, il-Kummissjoni kellha wkoll raġun tikkonstata, b’mod partikolari fil-premessa 127 tad-deċiżjoni kkontestata, kif ukoll fin-noti tagħha quddiem il-Qorti Ġenerali, li l-imsemmija direttiva kienet tiffissa għall-Istati Membri tal-Unjoni biss miri nazzjonali vinkolanti dwar il-parti tal-enerġija prodotta minn sorsi li jiġġeddu fil-konsum finali gross ta’ enerġija, filwaqt li tħallilhom, madankollu, l-għażla li jiddeċiedu kif jilħquhom. Għaldaqstant, ir-Repubblika tal-Awstrija lanqas ma tista’ tibbaża ruħha fuq din id-direttiva sabiex tqis li l-miżura inkwistjoni, b’mod partikolari l-Artikolu 22c tal-ÖSG emendata, kienet tirrifletti armonizzazzjoni fuq il-livell Ewropew rigward it-tassazzjoni fil-qasam tal-enerġija li tiġġedded.

174

Fit-tielet lok, il-kunsiderazzjonijiet imsemmija fil-punti 168 et seq hawn fuq lanqas ma jistgħu jiġu invalidati permezz tar-riferimenti tar-Repubblika tal-Awstrija għal ċerti rakkomandazzjonijiet li huma kisbu mill-Kummissjoni, f’diversi laqgħat, kif ukoll fl-ittra ta’ din tal-21 ta’ Ġunju 2010, bi tħejjija għal laqgħa li kellha tinżamm fid-9 ta’ Lulju 2010, b’mod partikolari dwar il-possibbiltà li jsir użu, inkwantu soluzzjoni alternattiva għall-ÖSG emendata, minn taxxa jew imposta fuq l-enerġija sabiex jiġi ffinanzjat l-elettriku aħdar flimkien, eventwalment, ma’ tnaqqis tal-imsemmija imposta jew tal-imsemmija taxxa mogħti lill-impriżi li jikkonsmaw livell għoli ta’ enerġija, li huwa ammess taħt l-Artikolu 17 tad-Direttiva dwar tassazzjoni tal-enerġija.

175

Fil-fatt, f’dan ir-rigward, biżżejjed jiġi kkonstatat li, b’tali proposta, il-Kummissjoni ma kinitx esprimiet ruħha b’mod pożittiv fuq in-natura komparabbli tal-miżura inkwistjoni mas-sistemi fiskali rregolati permezz tad-Direttiva dwar tassazzjoni tal-enerġija. Bil-kontra, il-Kummissjoni kienet affermat b’mod espliċitu, fl-ittra tagħha tal-21 ta’ Ġunju 2010 ċċitata mir-Repubblika tal-Awstrija, li ma kienx jidhrilha li l-obbligu ta’ xiri, previst mill-ÖSG emendata, kien taxxa fuq l-enerġija fis-sens tad-direttiva msemmija hawn fuq. Hija kienet talbet, sussegwentement, lir-Repubblika tal-Awstrija tesprimi ruħha dwar il-fattibbiltà ta’ sistema fiskali “alternattiva” kif hija kienet għadha kif ipproponiet, u talbet lir-Repubblika tal-Awstrija tipprovdi l-eventwali struttura tagħha. B’dan il-mod, l-imsemmija ittra ma tistax tiġi interpretata la bħala waħda li tikkonstata analoġija bejn l-iskema Awstrijaka nnotifikata u s-sistemi fiskali “armonizzati” previsti mid-direttiva inkwistjoni, u lanqas bħala espressjoni definittiva tal-opinjoni tal-Kummissjoni fis-sens li sistema fiskali Awstrijaka alternattiva hija neċessarjament kompatibbli mal-istess direttiva. Barra minn hekk, kif jirriżulta b’mod partikolari mill-punt 1.7 tal-ittra tagħha tat-13 ta’ Settembru 2010, indirizzata lill-Kummissjoni, ir-Repubblika tal-Awstrija ma qisitx li kien neċessarju li tinbidel l-istruttura tal-għajnuna, għaliex qieset li, fil-verżjoni nnotifikata tagħha, din kienet tissodisfa l-kriterji sabiex tiġi eżentata u meqjusa kompatibbli mas-suq intern.

176

Fir-raba’ lok, lanqas ma jista’ jintlaqa’ r-riferiment mir-Repubblika tal-Awstrija għall-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-31 ta’ Jannar 2011, li minnha jirriżulta li, minħabba d-diffikultajiet baġitarji dejjem jikbru tal-Istati Membri tal-Unjoni, il-finanzjament tal-enerġiji li jiġġeddu kellu, qabel kollox, isir b’mod extrabaġitarju.

177

Fil-fatt, għandu jiġi enfasizzat li l-Kummissjoni ma tirreferix ruħha, fil-komunikazzjoni tagħha tal-31 ta’ Jannar 2011, għal mudell partikolari ta’ struttura “extrabaġitarja” li hija kienet tippreferi u, a fortiori, din ma tinkludi l-ebda eżempju ta’ mudell ta’ finanzjament tal-elettriku li jiġġedded li jinkludi eżenzjoni assimilabbli għal dik prevista permezz tal-Artikolu 22c tal-ÖSG emendata. F’kull każ, l-imsemmija komunikazzjoni la tista’ tiġi interpretata, minħabba l-pożizzjoni tagħha fil-ġerarkija tan-normi u l-kontenut innifsu tagħha, fis-sens li tirrigwarda “armonizzazzjoni” tad-dritt tal-Unjoni fil-qasam tas-sistemi “extrabaġitarji” ta’ għajnuna għall-finanzjament tal-elettriku prodott minn sorsi li jiġġeddu, u lanqas tista’ tiġi meqjusa li timla “lakuna” f’dan ir-rigward, b’mod partikolari fir-rigward tad-Direttiva dwar tassazzjoni tal-enerġija. Għaldaqstant, din il-komunikazzjoni ma hijiex deċiżiva fl-evalwazzjoni tal-kompatibbiltà tal-miżura inkwistjoni mas-suq intern. Minbarra dan, għandu jitfakkar li, f’dan il-każ, il-Kummissjoni ma qisitx li l-istruttura “extrabaġitarja” ta’ għajnuna għall-produtturi prevista mill-ÖSG emendata kienet, inkwantu tali, inkompatibbli mal-imsemmi suq. Il-Kummissjoni ħadet biss id-deċiżjoni li kienet is-sistema ta’ eżenzjonijiet, koperta mill-Artikolu 22c ta’ din il-liġi, li kienet inkompatibbli mal-imsemmi suq.

178

Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal hawn fuq, tqum, biss, il-kwistjoni tal-possibbiltà li l-istruttura inkwistjoni titqies li hija analoga għal struttura li taqa’ taħt il-fiskalità “mhux armonizzata”, li hija s-suġġett tal-paragrafi 154 et seq tal-Linji gwida. L-ewwel wieħed fost dawn il-paragrafi jirreferi, fost l-oħrajn, għat-tnaqqis jew eżenzjonijiet mit-taxxi li ma jaqgħux taħt il-leġiżlazzjoni Komunitarja jew li huma inferjuri għal-livell Komunitarju ta’ tassazzjoni. Huwa, barra minn hekk, f’dan l-istess sens li r-Repubblika tal-Awstrija sostniet, waqt is-seduta, li ma kienx ikkontestat li l-eżenzjoni, prevista fl-Artikolu 22c tal-ÖSG emendata, ma kinitx taxxa armonizzata, iżda li l-liġi msemmija hawn fuq kienet tistabbilixxi sistema ta’ taxxi parafiskali.

179

F’dan ir-rigward, kif jirriżulta mill-paragrafi 154 sa 159 tal-Linji gwida, il-Kummissjoni tibbaża ruħha fuq l-informazzjoni ppreżentata mill-Istati Membri tal-Unjoni sabiex tevalwa s-sistemi fiskali li jinkludu elementi ta’ għajnuna mill-Istat taħt il-forma ta’ tnaqqis jew eżenzjonijiet minn tali taxxi bħal dawk imsemmija hawn fuq, sabiex tanalizza, b’mod partikolari, in-“neċessità” u l-“proporzjonalità” tal-għajnuna u l-effetti tagħha fuq il-livell tas-setturi ekonomiċi kkonċernati.

180

F’dan il-każ, għandu jiġi osservat li r-Repubblika tal-Awstrija ma ppreżentatx, quddiem il-Qorti Ġenerali, minkejja li saret talba lilha f’dan is-sens fil-kuntest tal-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura, referenzi eżatti jew elementi oħra konkreti suffiċjentement preċiżi li jippermettu li tiġi invalidata l-konklużjoni tal-Kummissjoni magħmula fil-premessi 129, 130 u 167 tad-deċiżjoni kkontestata, li, fl-assenza ta’ informazzjoni mibgħuta mir-Repubblika tal-Awstrija wara talbiet mill-Kummissjoni f’dan ir-rigward matul il-proċedura amministrattiva, din tal-aħħar ma setgħetx teżamina jekk l-eżenzjoni inkwistjoni kinitx “neċessarja” u “proporzjonata” jew b’liema mod hija tikkontribwixxi għall-protezzjoni tal-ambjent. Barra minn hekk, waqt is-seduta, wara li rreferiet ruħha għall-premessa 129 tal-imsemmija deċiżjoni, il-Kummissjoni enfasizzat, fost l-elementi deċiżivi li hija ma kinitx mgħarrfa bihom, b’mod partikolari, l-ammonti tal-ispejjeż ta’ produzzjoni għal kull kategorija ta’ destinatarji tal-għajnuna, l-informazzjoni dwar il-fatt li l-ispejjeż addizzjonali ma kinux mgħoddija fuq il-konsumaturi u, konsegwentement, l-effetti fuq eventwali tnaqqis fil-bejgħ. Imbagħad, il-Kummissjoni fakkret, ġustament, li kien l-Istat Membru kkonċernat li kellu l-oneru li jipprova li l-għajnuna inkwistjoni kellha tiġi eżentata. Fil-fatt, ma hijiex il-Kummissjoni li għandha tiġbor, f’tali ċirkustanzi, elementi addizzjonali li jipprovaw in-neċessità u l-proporzjonalità tal-għajnuna inkwistjoni. Sabiex jiġi stabbilit li l-Kummissjoni wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni fl-eżami tal-fatti li huwa ta’ natura tali li jiġġustifika l‑annullament tad-deċiżjoni kkontestata, il‑provi miġjuba mir-Repubblika tal-Awstrija għandhom ikunu suffiċjenti sabiex iwaqqgħu l-kredibbiltà tal-evalwazzjonijiet tal-fatti adottati fid‑deċiżjoni inkwistjoni (ara s-sentenza tas-6 ta’ Ottubru 2009, FAB vs Il-Kummissjoni, T‑8/06, EU:T:2009:386, punt 78 u l-ġurisprudenza ċċitata). Kif jirriżulta mill-iżviluppi preċedenti, ir-Repubblika tal-Awstrija ma pprovatx li l-Kummissjoni kienet naqset milli tieħu inkunsiderazzjoni elementi rilevanti sabiex tibbaża l-konklużjoni tagħha fis-sens li hija ma setgħetx tikkonkludi li l-għajnuna inkwistjoni kienet ta’ natura neċessarja u proporzjonata fis-sens tal-paragrafi 158 u 159 tal-Linji gwida.

181

Barra minn hekk, l-allegazzjoni tar-Repubblika tal-Awstrija, imqajma waqt is-seduta, fis-sens li l-Kummissjoni kienet adottat, matul il-proċedura amministrattiva, linja iebsa ħafna meta talbet dejjem informazzjoni supplimentari li hija ma setgħetx iġġib u li ma kellhiex, barra minn hekk, tintalab minn Stat Membru tal-Unjoni, meta l-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni ta’ eċċezzjoni prevista mid-dritt tal-Unjoni kienu ssodisfatti, tista’ tinftiehem, essenzjalment, bħala waħda bbażata fuq ksur tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba mill-Kummissjoni (ara, fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat, is-sentenzi tal-11 ta’ Diċembru 1973, Lorenz, 120/73, Ġabra, EU:C:1973:152, punti 4 u 5, u tal-24 ta’ Novembru 1987, RSV vs Il-Kummissjoni, 223/85, Ġabra, EU:C:1987:502, punti 12 sa 17). Madankollu, sa fejn l-imsemmija allegazzjoni ġiet ippreżentata għall-ewwel darba waqt is-seduta, mingħajr ma tista’ titqies li tikkostitwixxi żvilupp ta’ motiv imsemmi preċedentement, direttament jew b’mod impliċitu, fir-rikors promotur u li għandha rabta mill-qrib miegħu, jew sa fejn ma ġiex sostnut li din l-allegazzjoni kienet ibbażata fuq fatti jew punti ta’ liġi ġodda, hija għandha titqies bħala inammissibbli (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Djebel — SGPS vs Il-Kummissjoni, punt 124 iktar ’il fuq, EU:T:2012:11, punti 142 u 143 u l-ġurisprudenza ċċitata).

182

Barra minn hekk, ir-riferiment tar-Repubblika tal-Awstrija, magħmul waqt is-seduta, għal dokumenti ppreżentati mill-Bundesarbeitskammer u li juru kif id-diversi miżuri jaffettwaw impriżi f’diversi setturi, ma jistax jitqies li huwa suffiċjenti sabiex jissodisfa r-rekwiżiti tal-paragrafi 158 u 159 tal-Linji gwida. Minn naħa, minbarra l-fatt li r-Repubblika tal-Awstrija ma ppreżentatx l-imsemmija dokumenti lill-Qorti Ġenerali, sabiex tippreċiża l-argumenti fattwali mressqa, għandu jitfakkar li l-Bundesarbeitskammer hija l-parti li kienet għamlet l-ilment quddiem il-Kummissjoni (ara l-punt 5 hawn fuq) u li l-allegazzjonijiet tagħha ma kinux intiżi sabiex jiġi kkonstatat li l-miżura inkwistjoni kienet tikkostitwixxi għajnuna li setgħet tiġi eżentata mill-Kummissjoni bħala konformi mal-Linji gwida (ara, b’mod partikolari, il-premessi 47 sa 51 tad-deċiżjoni kkontestata). Min-naħa l-oħra, kif jirriżulta mill-affermazzjonijiet tar-Repubblika tal-Awstrija mressqa waqt is-seduta, filwaqt li ċertu numru ta’ dokumenti ġie pprovdut lill-Kummissjoni, kien għad hemm il-kwistjoni dwar liema kien il-livell ta’ dettall mitlub għall-informazzjoni li kellha tiġi ppreżentata. Minkejja li r-Repubblika tal-Awstrija sostniet, waqt is-seduta, li t-talbiet tal-Kummissjoni f’dan ir-rigward kienu “sproporzjonati”, dawn l-allegazzjonijiet huma inammissibbli (ara l-punt 181 hawn fuq). Għandu, ukoll, isir riferiment għall-punt 180 hawn fuq, fejn ġie kkonstatat li, anki fl-istadju tar-risposta għall-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura tal-Qorti Ġenerali, u minkejja li din kienet għamlet talba konkreta f’dan ir-rigward, ir-Repubblika tal-Awstrija ma sostnietx li bagħtet lill-Kummissjoni l-elementi neċessarji għall-analiżi tal-miżura inkwistjoni fid-dawl tal-paragrafi 158 u 159 tal-Linji gwida u lanqas ma kkritikat assenza ta’ proporzjonalità tat-talbiet tal-Kummissjoni f’dan ir-rigward.

183

F’dawn iċ-ċirkustanzi, ma hemmx lok li jitqies li l-Kummissjoni wettqet żball ta’ evalwazzjoni meta qieset li l-eżenzjoni inkwistjoni lanqas ma kienet tissodisfa l-kundizzjonijiet previsti mill-paragrafi 154 sa 159 tal-Linji gwida.

184

Fl-aħħar nett, mingħajr lanqas ma huwa neċessarju li tittieħed deċiżjoni dwar in-natura tardiva tal-argument tar-Repubblika tal-Awstrija, ippreżentat għall-ewwel darba fir-replika (ara, b’mod analogu, is-sentenza Djebel — SGPS vs Il-Kummissjoni, punt 124 iktar ’il fuq, EU:T:2012:11, punti 142 sa 144 u l-ġurisprudenza ċċitata) u li jipprovdi li l-Kummissjoni toħloq distorsjoni fil-kompetizzjoni bil-fatt li tivverifika biss is-sistema Awstrijaka ta’ promozzjoni tal-elettriku minn sorsi li jiġġeddu, minkejja li, jeżistu fi Stati Membri oħra tal-Unjoni sistemi “extrabaġitarji” ekwivalenti, biżżejjed jiġi kkonstatat, bħalma tagħmel il-Kummissjoni, li din l-allegazzjoni hija ineffettiva fl-evalwazzjoni tal-legalità tal-istruttura stabbilita mir-Repubblika tal-Awstrija u nnotifikata f’dan il-każ. Barra minn hekk, għandu jiġi osservat li r-Repubblika tal-Awstrija kellha mezzi proċedurali oħra sabiex tinkoraġġixxi lill-Kummissjoni taġixxi kontra Stati Membri tal-Unjoni li jipprevedu strutturi komparabbli, jekk din kienet l-intenzjoni tagħha.

185

F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi kkonstatat ukoll li l-ebda waħda mill-allegazzjonijiet tar-Repubblika tal-Awstrija ma tippermetti li jiġi konkluż li l-Kummissjoni abbużat mill-poter tagħha li tirrifjuta li tapplika b’analoġija l-Linji gwida. B’mod partikolari għandu jitfakkar, f’dan ir-rigward, minn naħa, li l-Kummissjoni wettqet analiżi, b’mod sussidjarju, fir-rigward tal-imsemmija Linji gwida (premessi 127 et seq tad-deċiżjoni kkontestata), diretta b’mod iktar speċifiku għat-taxxi mhux armonizzati. Min-naħa l-oħra, ir-Repubblika tal-Awstrija ma tippreżenta, quddiem il-Qorti Ġenerali, l-ebda prova li tirrigwarda direttament dan l-allegat “abbuż ta’ poter”.

186

Għaldaqstant, għandha tiġi miċħuda wkoll l-allegazzjoni tar-Repubblika tal-Awstrija li tgħid li l-effetti ekonomiċi u kompetittivi tal-miżura nnotifikata kienu komparabbli għas-sistemi fiskali rregolati permezz tad-Direttiva dwar tassazzjoni tal-enerġija, kif ukoll dik li tgħid li l-Kummissjoni kienet qed taqbeż il-limiti tas-setgħa diskrezzjonali tagħha meta applikat għal sistema ta’ finanzjament extrabaġitarju kriterji iktar stretti minn dawk għal sistema ta’ finanzjament b’imposti, u b’hekk interveniet fl-għażla tas-sistemi ta’ finanzjament.

187

Għaldaqstant, l-ewwel parti ta’ dan il-motiv għandha tiġi miċħuda.

– Fuq it-tieni parti tat-tielet motiv

188

Ir-Repubblika tal-Awstrija ssostni li, minbarra l-applikazzjoni b’analoġija tal-Linji gwida, setgħet tiġi prevista dik tal-Artikolu 25 tar-Regolament Nru 800/2008. Hija ssostni, b’riferimenti għall-verżjonijiet Ġermaniża, Ingliża u Franċiża tal-imsemmi regolament, li huwa fformulat b’mod usa’ mill-imsemmija Linji gwida, sa fejn, bil-kontra tal-paragrafu 152 tagħhom li jgħid li tnaqqis ta’ taxxi ambjentali jippresupponi li jkunu taxxi fuq l-enerġija “armonizzati”, l-imsemmi artikolu jindika biss li l-imsemmi tnaqqis huwa eżenti mill-obbligu ta’ notifikazzjoni meta jissodisfa l-kundizzjonijiet stabbiliti permezz tad-Direttiva dwar tassazzjoni tal-enerġija. Ir-Repubblika tal-Awstrija ssostni wkoll li mid-dokument intitolat “Joint paper on the revision of the Community guidelines on State aid for environmental protection and Energy Tax Directive, (Dokument konġunt dwar ir-reviżjoni tal-Linji gwida Komunitarji dwar l-għajnuna mill-Istat għall-protezzjoni tal-ambjent u dwar id-Direttiva dwar tassazzjoni tal-enerġija)”, tas-7 ta’ Diċembru 2006, jirriżulta li l-Istati Membri tal-Unjoni għandhom bżonn flessibbiltà sabiex ikunu jistgħu jwettqu distinzjonijiet sensibbli, li jinkludu, fil-loġika tat-taxxi ambjentali, eżenzjonijiet u rati ddifferenzjati. B’dan il-mod, l-iskema ta’ kumpens kellha tkun awtorizzata wkoll taħt ir-regolament imsemmi hawn fuq.

189

Fir-replika, ir-Repubblika tal-Awstrija ssostni fost l-oħrajn li l-Artikolu 25 tar-Regolament Nru 800/2008 jikkostitwixxi dispożizzjoni adottata iktar tard mil-Linji gwida u li l-formulazzjoni tiegħu hija manifestament usa’ minn dik tal-paragrafu 152 tal-imsemmija Linji gwida, li tipprevedi li t-tnaqqis ta’ taxxi ambjentali jissuponi l-armonizzazzjoni totali tat-taxxi fuq l-enerġija. Jekk, kif tallega l-Kummissjoni, l-imsemmi artikolu kien applikabbli biss għad-Direttiva dwar tassazzjoni tal-enerġija, ikun superfluwu, sa fejn il-possibbiltà li jiġi ammess tnaqqis ta’ imposta tirriżulta direttament mill-imsemmija direttiva.

190

Skont ir-Repubblika tal-Awstrija, ma huwiex biżżejjed li jsir riferiment għall-fatt li s-sistema Awstrijaka ta’ promozzjoni tal-elettriku aħdar ma hijiex taxxa fuq l-enerġija fis-sens tad-Direttiva dwar tassazzjoni tal-enerġija. Sa fejn l-effett tal-imsemmija sistema jmur fis-sens tal-Artikolu 17(1)(a) tal-imsemmija direttiva, huwa jaqa’, fil-fehma tagħha, taħt l-Artikolu 25 tar-Regolament Nru 800/2008. Hija tenfasizza wkoll li d-definizzjoni tal-benefiċjarji u tal-kundizzjonijiet li għandhom jiġu ssodisfatti sabiex wieħed jibbenefika mill-Artikolu 22c tal-ÖSG emendata tirriproduċi r-rekwiżiti tad-direttiva msemmija hawn fuq.

191

Minbarra dan, ir-Repubblika tal-Awstrija tqis li, filwaqt li r-Regolament Nru 800/2008 jistabbilixxi, fil-kuntest tal-Artikolu 25 tiegħu, regoli preċiżi dwar it-tnaqqis ta’ taxxi fil-qasam tal-ambjent, tali regoli ma jeżistux dwar tnaqqis fil-kuntest ta’ finanzjament “barra mill-baġit” komparabbli, li jsegwi eżattament l-istess għanijiet bħat-taxxi ambjentali jew it-taxxi fuq l-enerġija u li għandhom l-istess effetti ekonomiċi u kompetittivi. L-inugwaljanza fit-trattament mhux ġustifikata u inkompatibbli mad-dritt tal-Unjoni hija jerġa’ ikbar għaliex il-Kummissjoni tqis li dan il-każ jirrigwarda riżorsi tal-Istat taħt il-forma ta’ taxxa parafiskali. Hija tafferma li tali taxxa parafiskali ma hijiex differenti, essenzjalment, mill-mekkaniżmi ta’ finanzjament baġitarji. L-Artikolu 22c tal-ÖSG emendata jissodisfa l-kundizzjonijiet ta’ titjib dirett u, f’kull każ, indirett, tal-protezzjoni tal-ambjent, b’mod partikolari sa fejn huwa jipprevedi b’mod espliċitu li ammont kumpensatorju li jirrappreżenta mill-inqas 0.5 % mill-valur nett tal-produzzjoni tas-sena kalendarja preċedenti għandu jitħallas lill-Uffiċċju responsabbli għall-ħlasijiet għall-elettriku aħdar. Fl-aħħar nett, hija ssostni li l-marġni ta’ diskrezzjoni wiesa’ li għandha l-Kummissjoni jippermettilha tapplika direttament jew b’analoġija l-imsemmi regolament sabiex jiġi eskluż li żewġ sitwazzjonijiet komparabbli jiġu ttrattati b’mod differenti.

192

Għandu jitfakkar, qabel kollox, li l-premessa 46 tar-Regolament Nru 800/2008 tgħid li ġej:

“Fid-dawl ta’ l-esperjenza suffiċjenti miġbura waqt l-applikazzjoni tal-linji gwida tal-Komunità dwar għajnuna mill-Istat għall-ħarsien ta’ l-ambjent, għajnuna għal investiment biex tgħin lill-impriżi ħalli jmorru lil hinn mill-istandards Komunitarji għall-ħarsien ta’ l-ambjent b’titjib fuq l-istandards tal-Komunità jew fin-nuqqas ta’ standards tal-Komunità, […] għajnuna ambjentali għal investiment fl-iffrankar ta’ l-enerġija, għajnuna ambjentali għal investiment f’koġenerazzjoni b’effiċjenza għolja, għajnuna ambjentali għal investimenti biex jiġu promossi sorsi ta’ enerġija li tiġġedded [inkluża għajnuna għal investiment marbuta ma’ bijokarburanti rinnovabbli, għajnuna għal studji ambjentali] u xi għajnuna ambjentali fil-forma ta’ tnaqqis fit-taxxi ambjentali għandhom ikunu eżentati mir-rekwiżit tan-notifika.”

193

Imbagħad, għandu jiġi osservat li l-Artikolu 25 tar-Regolament Nru 800/2008, intitolat “Għajnuna fil-forma ta’ tnaqqis fit-taxxi ambjentali”, huwa fformulat kif ġej:

“1.   Skemi ta’ għajnuna ambjentali fil-forma ta’ tnaqqis mit-taxxi ambjentali li jissodisfaw il-kundizzjonijiet tad-[Direttiva dwar tassazzjoni tal-enerġija] għandhom ikunu kompatibbli mas-suq komuni skond it-tifsira ta’ l-Artikolu 87(3) tat-Trattat u għandhom ikunu eżenti mir-rekwiżit tan-notifika ta’ l-Artikolu 88(3) tat-Trattat, sakemm il-kundizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafi 2 u 3 ta’ dan l-Artikolu jiġu sodisfatti.

2.   Il-benefiċjarji tat-tnaqqis għandhom ta’ l-anqas l-livell minimu tat-taxxa tal-Komunità stipulat fid-[Direttiva dwar tassazzjoni tal-enerġija].

3.   It-tnaqqis fit-taxxa għandu jingħata għal perjodi massimi ta’ għaxar snin. Wara dan il-perjodu ta’ għaxar snin, l-Istati Membri għandhom jerġgħu jivvalutaw kemm hu xieraq it-tnaqqis fit-taxxa kkonċernat.”

194

Għandu wkoll jiġi osservat li l-Artikolu 26 tad-Direttiva dwar tassazzjoni tal-enerġija u tal-elettriku jgħid li ġej:

“1.   Stati Membri għandhom javżaw lil Kummissjoni b’miżuri meħuda skond l-Artikoli 5, 14(2), 15 u 17.

2.   Miżuri bħal eżenzjonijiet ta’ taxxa, tnaqqis fit-taxxa, differenzi fit-taxxa u rifużjoni ta’ taxxa fis-sens ta’ din id-Direttiva tista’ tikkonstitwixi għajnuna mill-Istat u f’dawk il-każijiet dawn għandhom jiġu notifikati lil Kummissjoni skond l-Artikolu 88(3) tat-Trattat.

L-informazzjoni provduta lil Kummissjoni buq il-bażi ta’ din id-Direttiva ma tħollx lil Stati Membri mill-obligi ta’ notifikazzjoni skond l-Artikolu 88(3) tat-Trattat.

3.   L-obligu li tinforma lil Kummissjoni skond paragrafu 1 ta’ miżuri meħuda skond l-Artikolu 5 ma tħollx lil Stati Membri mill-obligi ta’ notifikazzjoni skond Direttiva 83/189/KEE.”

195

Fil-premessi 143 sa 148 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni affermat, essenzjalment, li, f’dan il-każ, ma kien jeżisti l-ebda marġni ta’ manuvra sabiex jiġi applikat, b’mod analogu, l-Artikolu 25 tar-Regolament Nru 800/2008. Minn naħa, l-iskemi applikabbli ma kinux, fil-fehma tagħha, komparabbli, b’mod partikolari fid-dawl tal-fatt li l-imsemmi artikolu kien japplika biss għat-taxxi ambjentali rregolati mid-Direttiva dwar tassazzjoni tal-enerġija. F’dan is-sens, il-klassifikazzjoni ta’ “taxxa fuq l-enerġija” tikkostitwixxi konsegwentement kundizzjoni għall-applikazzjoni ta’ dan l-artikolu. Din l-interpretazzjoni hija kkorroborata mil-loġika tas-sistema ta’ dan ir-regolament, li minnha jirriżulta li l-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu ma jistax jaqbeż il-Linji gwida li għalihom jirreferi. Id-dispożizzjoni msemmija hawn fuq tapplika, b’dan il-mod, biss għat-taxxi fuq l-enerġija rregolati permezz tad-Direttiva dwar tassazzjoni tal-enerġija.

196

Il-Kummissjoni affermat li l-kontribuzzjonijiet li jitħallsu fil-kuntest tal-liġi ÖSG ma kinux taxxi ambjentali, b’tali mod li ma kinux jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva dwar tassazzjoni tal-enerġija. Għaldaqstant ir-regoli rigward it-taxxi fuq l-enerġija ma humiex strettament komparabbli għar-regoli dwar it-tariffi Awstrijaċi ta’ xiri mill-ġdid.

197

Fit-tieni lok, il-Kummissjoni enfasizzat li l-iskema applikabbli f’dan il-każ ma kienet tinvolvi l-ebda ommissjoni inkompatibbli mad-dritt tal-Unjoni u li tista’ tiġi rrimedjata b’applikazzjoni b’analoġija. Fil-fatt, fil-fehma tagħha, it-tnaqqis ta’ taxxi jew miżuri simili li ma kinux koperti mir-Regolament Nru 800/2008 ma humiex, minnhom innifishom, inkompatibbli mad-dritt tal-Unjoni, iżda jeżiġu biss notifika taħt l-Artikolu 108 TFUE, flimkien ma’, sussegwentement, analiżi fid-dawl tal-Linji gwida jew, jekk dawn ma jkunux applikabbli, abbażi tal-Artikolu 107(3)(c) TFUE.

198

Minn dan il-Kummissjoni kkonkludiet li hija ma setgħetx tistabbilixxi analoġija bejn l-iskema nnotifikata u t-taxxi fuq l-enerġija armonizzati koperti mill-Artikolu 25 tar-Regolament Nru 800/2008 u lanqas ma setgħet, għaldaqstant, tawtorizza l-mekkaniżmu inkwistjoni abbażi ta’ tali analoġija (premessa 147 tad-deċiżjoni kkontestata).

199

Għandu jiġi osservat, qabel kollox, li l-Kummissjoni ssostni li l-allegazzjoni tar-Repubblika tal-Awstrija dwar l-applikabbiltà diretta tal-Artikolu 25 tar-Regolament Nru 800/2008 kienet inammissibbli minħabba n-natura tardiva tagħha, għaliex l-imsemmija allegazzjoni ġiet ippreżentata, għall-ewwel darba, biss fir-replika. F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li effettivament jirriżulta mir-rikors, u b’mod partikolari mill-punt 64 tiegħu, moqri flimkien mal-punti 63 u 59 tiegħu, li r-Repubblika tal-Awstrija kellha l-intenzjoni tistabbilixxi applikabbiltà b’mod analogu tad-dispożizzjoni msemmija hawn fuq, fir-rigward tal-Artikolu 22c tal-ÖSG emendata. Fiċ-ċirkustanzi ta’ dan il-każ, mingħajr ma huwa neċessarju li jiġi eżaminat iktar il-punt tal-ammissibbiltà tal-allegazzjoni tar-Repubblika tal-Awstrija dwar l-applikabbiltà “diretta” tal-Artikolu 25 tar-regolament imsemmi hawn fuq, u dan b’mod partikolari inkwantu estensjoni tal-argumenti bbażati fuq il-konformità tal-għajnuna nnotifikata mal-imsemmija dispożizzjoni minħabba analoġija, għandha tiġi eskluża għal raġunijiet identiċi.

200

F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li, kif ġie deċiż fil-punti 168 sa 178 hawn fuq, anki jekk kellha tiġi analizzata l-ÖSG emendata bħala assimilabbli għal miżura fiskali u l-Artikolu 22c tagħha bħala eżenzjoni fil-kuntest ta’ din, jibqa’ l-fatt li, mill-iktar, din hija taxxa li għandha tiġi ttrattata b’mod analogu għal sistemi fiskali mhux armonizzati fuq il-livell Ewropew. Fil-fatt, l-ÖSG emendata ma ġietx adottata fil-kuntest speċifiku ta’ traspożizzjoni tad-Direttiva dwar tassazzjoni tal-enerġija u ma kinitx prevista, inkwantu tali, minn din.

201

Imbagħad, fir-rigward, b’mod speċifiku, tal-eventwali applikazzjoni tar-Regolament Nru 800/2008, kemm jekk direttament jew b’mod analogu, għandu jiġi kkonstatat li dan jipprevedi, b’mod partikolari, fil-kuntest tal-eżenzjonijiet fiskali fil-qasam tal-ambjent, ċirkustanzi preċiżi li fihom ma huwiex neċessarju li ssir in-notifika ta’ eżenzjoni lill-Kummissjoni (ara l-premessa 46 u l-Artikolu 25 tal-imsemmi regolament).

202

Bil-kontra ta’ dak li ssostni r-Repubblika tal-Awstrija, ma huwiex possibbli, fl-interpretazzjoni tal-Artikolu 25 tar-Regolament Nru 800/2008, li jiġi sseparat il-kriterju ta’ “li jissodisfaw il-kundizzjonijiet tad-[Direttiva dwar tassazzjoni tal-enerġija]” mill-kriterju skont liema għandhom ikunu taxxi ambjentali bħal dawk previsti mill-imsemmija direttiva, jiġifieri taxxi armonizzati fuq il-livell Ewropew. Fil-fatt, l-għan tal-imsemmi regolament huwa li jeżenta mill-obbligu ta’ notifika ċerti kategoriji ta’ eżenzjonijiet fiskali, kif kienu rregolati mid-direttiva msemmija hawn fuq, meħuda fl-intier tagħha. F’dan il-kuntest, lanqas ma jista’ jitqies bħala unikament dokument miżjud għal raġunijiet ta’ kompletezza fir-rigward tal-Linji gwida, għaliex, b’mod partikolari, huwa jippermetti f’ċerti każijiet preċiżi li ma ssirx notifika minn qabel ta’ skema ta’ għajnuna għall-ambjent.

203

F’dawn iċ-ċirkustanzi, minħabba d-differenza bejn is-sitwazzjonijiet imsemmija u, konsegwentement, minħabba n-natura mhux komparabbli tas-sitwazzjoni prevista fl-Artikolu 25 tar-Regolament Nru 800/2008 u tal-miżura nnotifikata (ara, ukoll, il-punt 172 hawn fuq), din id-dispożizzjoni ma tistax tiġi applikata għal dan il-każ, kemm jekk direttament jew b’mod analogu. F’dan ir-rigward, għandu wkoll jiġi kkonstatat li, kif issostni l-Kummissjoni, il-fatt li sistema konkreta ta’ tassazzjoni jew sistema assimilabbli ma taqax taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tar-regolament imsemmi hawn fuq lanqas ma għandu bħala konsegwenza awtomatika li din tkun f’“lakuna” ġuridika jew li jkun hemm ommissjoni inkompatibbli mal-prinċipji li jirregolaw id-dritt tal-Unjoni. Fil-fatt, sistema bħal dik imsemmija hawn fuq taqa’, f’dan il-każ, jew taħt il-Linji gwida u, eventwalment, b’mod partikolari taħt id-dispożizzjonijiet tagħhom dwar it-taxxi “mhux armonizzati” jew hija direttament is-suġġett ta’ analiżi tal-kompatibbiltà ta’ għajnuna mas-suq intern fis-sens tal-Artikolu 107(3) TFUE.

204

Fid-dawl ta’ dak li ntqal hawn fuq, ma huwiex neċessarju li ssir dikjarazzjoni iktar fid-dettall dwar il-kundizzjonijiet konkreti għall-applikazzjoni tal-Artikolu 25(2) u (3) ta-Regolament Nru 800/2008. Għaldaqstant, huwa biss għal raġunijiet ta’ kompletezza li għad għandu jiġi osservat il-fatt li ma ġiex sostnut mir-Repubblika tal-Awstrija u ma jirriżultax, barra minn hekk, lanqas mis-sistema nnotifikata, li din tal-aħħar ipprevediet limitazzjoni tat-tul ta’ żmien ta’ applikazzjoni tal-eżenzjoni prevista fl-Artikolu 22c tal-ÖSG emendata għal perijodu massimu ta’ għaxar snin.

205

Minbarra dan, għandu jiġi osservat li l-konklużjonijiet dwar in-nuqqas ta’ applikabbiltà tar-Regolament Nru 800/2008 għal dan il-każ ma jistgħux jiġu invalidati bl-allegazzjonijiet tar-Repubblika tal-Awstrija bbażati fuq ir-riferiment għad-“Dokument konġunt dwar ir-reviżjoni tal-Linji gwida Komunitarji dwar l-għajnuna mill-Istat għall-protezzjoni tal-ambjent u dwar id-Direttiva dwar tassazzjoni tal-enerġija” (ara l-punt 188 hawn fuq). Fil-fatt, kif issostni l-Kummissjoni, dan huwa biss dokument ta’ tħejjija, iffirmat, barra minn hekk, biss ċerti Stati Membri tal-Unjoni, b’mod partikolari r-Renju tad-Danimarka, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi, ir-Repubblika tal-Awstrija, ir-Repubblika tal-Finlandja u r-Renju tal-Isvezja, li ma jistax għalhekk jipprevali fl-interpretazzjoni tal-verżjoni finali tar-regolament inkwistjoni kif adottat mill-Kummissjoni, imwettqa b’teħid inkunsiderazzjoni tal-formulazzjoni preċiża tad-dispożizzjonijiet ta’ dan tal-aħħar imsemmija mill-allegazzjonijiet tar-Repubblika tal-Awstrija u tal-kuntest li fih jinsab l-imsemmi regolament. Minbarra dan, din l-interpretazzjoni msemmija l-aħħar tieħu inkunsiderazzjoni l-istorja tal-adozzjoni tal-Artikolu 25 ta’ dan ir-regolament, f’rabta mal-Linji gwida, u b’mod partikolari tal-fatt li din id-dispożizzjoni kienet intiża sabiex tuża l-esperjenza akkumulata mill-Kummissjoni fl-applikazzjoni minnha tal-imsemmija Linji gwida (ara, b’mod partikolari, punt 192 hawn fuq). F’tali kuntest, b’mod partikolari, il-Kummissjoni kellha raġun tenfasizza, waqt is-seduta, li r-regolament inkwistjoni kellu jiġi interpretat b’mod strett, għaliex huwa ma kienx ikopri s-sitwazzjonijiet, li fir-rigward tagħhom hija kellha ħafna esperjenza u li fir-rigward tagħhom hija setgħet, b’dan il-mod, tadotta eżenzjoni ta’ prinċipju.

206

Fl-aħħar nett, anki fil-kuntest ta’ din il-parti tat-tielet motiv, għandu jiġi kkonstatat li l-allegazzjonijiet tar-Repubblika tal-Awstrija ma jippermettux li jiġi konkluż li l-Kummissjoni abbużat mill-poter tagħha meta rrifjutat li tapplika direttament jew b’analoġija r-Regolament Nru 800/2008, u b’mod partikolari l-Artikolu 25 tiegħu. Għandu, barra minn hekk, jitfakkar li, fil-premessi 143 sa 148 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni wettqet analiżi konkreta tal-allegazzjonijiet tar-Repubblika tal-Awstrija ppreżentati matul il-proċedura amministrattiva f’dak li jirrigwarda l-imsemmi regolament u qieset, mingħajr ma wettqet żball ta’ liġi, li d-dispożizzjoni msemmija hawn fuq kienet tirreferi għat-taxxi fuq l-enerġija kif irregolati permezz tad-Direttiva dwar tassazzjoni tal-enerġija.

207

Għaldaqstant, it-tieni parti tat-tielet motiv għandha tiġi miċħuda.

208

Sa fejn, l-ewwel nett, minkejja t-titolu tal-motiv tagħha, li jirreferi għal “applikazzjoni żbaljata tal-Artikolu 107(3) TFUE u abbuż ta’ poter”, ir-Repubblika tal-Awstrija ma ppreżentatx argumenti konkreti oħra li l-Qorti Ġenerali għandha tanalizza fil-preżent u li jirrigwardaw direttament l-applikazzjoni ta’ dan l-artikolu, jiġifieri, b’mod partikolari, fl-assenza ta’ allegazzjonijiet tar-Repubblika tal-Awstrija li huma intiżi sabiex jikkritikaw l-iżviluppi magħmula mill-Kummissjoni fil-premessi 149 et seq tad-deċiżjoni kkontestata fejn din evalwat il-kompatibbiltà tal-miżura inkwistjoni direttament fid-dawl ta’ din id-dispożizzjoni billi eżaminat, b’mod partikolari, il-kwistjoni dwar jekk l-għajnuna inkwistjoni kellhiex għan ta’ interess komuni, kellha effett ta’ inċitament, kinitx neċessarja u proporzjonata u, it-tieni nett, sa fejn, f’kull każ, l-affermazzjonijiet tal-Kummissjoni ppreżentati fil-premessi 165 sa 167 tad-deċiżjoni kkontestata ma jistgħux jiġu kkontestati, għandu miċħud it-tielet motiv kollu kemm hu.

Fuq ir-raba’ motiv, ibbażat fuq trattamenti inugwali mill-Kummissjoni ta’ sitwazzjonijiet komparabbli fir-rigward tal-effetti ekonomiċi u kompetittivi tagħhom

209

Ir-Repubblika tal-Awstrija ssostni li, matul il-proċedura ta’ eżami, hija semmiet diversi drabi, u b’mod partikolari fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha tat-8 ta’ Ottubru 2009, l-analoġija tas-sistema Ġermaniża, b’mod partikolari dwar il-punti tal-finanzjament permezz ta’ “prezz ta’ fatturazzjoni” (rifatturazzjoni tal-ispejjeż supplimentari ta’ elettriku aħdar) u tal-istabbiliment ta’ limitu tal-kontribuzzjoni tal-impriżi li jikkonsmaw livell għoli ta’ enerġija. Mill-2004, il-liġi Ġermaniża dwar l-enerġiji li jiġġeddu tipprevedi wkoll stabbiliment ta’ limitu komparabbli. Għaldaqstant, minħabba r-rabta mill-qrib tas-swieq Ġermaniż u Awstrijak tal-elettriku wara l-liberalizzazzjoni tagħhom, u fid-dawl tas-similitudni taż-żewġ sistemi, ir-Repubblika tal-Awstrija ssostni li huma qrib ta’ xulxin fir-rigward tal-effetti ekonomiċi u kompetittivi tagħhom.

210

F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-Repubblika tal-Awstrija ssostni li l-Kummissjoni ma setgħetx tirrifjuta li tevalwa l-eventwali analoġiji bejn is-sistema Awstrijaka u dik Ġermaniża u sempliċement tindika li kienet għadha ma wettqitx evalwazzjoni fuq din is-sistema msemmija l-aħħar. Bl-istess mod, fil-fehma tagħha, ir-raġuni għalfejn il-Kummissjoni adottat deċiżjoni differenti fil-proċedura N 271/2006 (dwar it-“Tax Relief for Supply of surplus Heating” fid-Danimarka), meta l-każ kien jirrigwarda sistema komparabbli għal dik inkwistjoni f’din il-kawża f’dak li għandu x’jaqsam mal-effetti ekonomiċi u kompetittivi, ma hijiex ċara. Għaldaqstant, peress li sitwazzjonijiet komparabbli ġew ittrattati b’mod inugwali, il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament ġie miksur (b’riferiment għas-sentenza tat-30 ta’ April 1998, Vlaamse Gewest vs Il-Kummissjoni, T‑214/95, Ġabra, EU:T:1998:77, punt 89).

211

Fir-replika, b’risposta għall-argument tal-Kummissjoni skont liema hija ma kinitx analizzat l-EEG, li ma kinitx ġiet innotifikata lilha, ir-Repubblika tal-Awstrija tgħid li l-klassifikazzjoni ta’ skema inkwantu għajnuna mill-Istat ma tistax tkun suġġetta għal tali notifika, għaliex il-Kummissjoni għandha tissekwestra l-għajnuna mill-Istat li tista’ tkun illegali. Bl-istess mod, hija tikkontesta l-argument tal-Kummissjoni skont liema s-sentenza Vlaamse Gewest vs Il-Kummissjoni, punt 210 iktar ’il fuq (EU:T:1998:77) ma hijiex rilevanti f’dan il-każ u tenfasizza li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li jirriżulta li din tal-aħħar kienet impenjat ruħha li tirrispetta l-gwidi imposti fil-Linji gwida. L-istess għandu jgħodd fir-rigward tar-Regolament Nru 800/2008. Għaldaqstant, jekk sitwazzjoni taqa’ taħt l-imsemmija Linji gwida jew l-imsemmi regolament, huma għandhom jiġu applikati u għandha tiġi awtorizzata l-miżura nnotifikata, mingħajr ma jkun hemm ħabi wara argumenti formalistiċi.

212

Fl-aħħar nett, ir-Repubblika tal-Awstrija tqis mhux komprensibbli l-osservazzjonijiet tal-Kummissjoni dwar is-sentenza Vlaamse Gewest vs Il-Kummissjoni, punt 210 iktar ’il fuq (EU:T:1998:77), b’mod partikolari dawk, skont liema l-imsemmija sentenza ma timplika, bl-ebda mod, li din hija marbuta tittratta b’mod identiku sitwazzjonijiet komparabbli. Fil-fehma tagħha, minkejja li l-Kummissjoni tirrifjuta, għal raġunijiet formalistiċi, li tapplika b’analoġija l-Linji gwida jew ir-Regolament Nru 800/2008, din tafferma issa li sitwazzjonijiet komparabbli fir-rigward tal-effetti kompetittivi tagħhom “jistgħu jkunu suġġetti għall-iskema tad-dritt tal-Unjoni” f’ċerti każijiet mingħajr ma jkunu hekk suġġetti f’każijiet oħra. Hija tirreferi b’mod partikolari għall-eżempji tal-Kummissjoni li juru li sitwazzjonijiet komparabbli fir-rigward tal-effetti kompetittivi tagħhom jistgħu jinħolqu b’għoti jew mingħajr għoti ta’ għajnuna mill-Istat.

213

B’mod preliminari, għandu jiġi kkonstatat li ċerti allegazzjonijiet tar-Repubblika tal-Awstrija dwar l-ugwaljanza fit-trattament kienu ġew inklużi fil-kuntest tat-tieni motiv u kienu ġew ittrattati f’dan il-kuntest (ara l-punti 124 et seq hawn fuq).

214

Kif TFakkar fil-punt 124 hawn fuq, b’riferiment għal ġurisprudenza stabbilita, ir-rispett tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament jeżiġi li sitwazzjonijiet komparabbli ma jiġux ittrattati b’mod differenti u li sitwazzjonijiet differenti ma jiġux ittrattati b’mod ugwali, ħlief jekk tali trattament ikun oġġettivament iġġustifikat.

215

Fil-kuntest tal-evalwazzjoni tad-dispożizzjoni tal-Artikolu 107(1) TFUE, TFakkar ukoll li l-kunċett ta’ għajnuna mill-Istat jirrispondi għal sitwazzjoni oġġettiva li tiġi evalwata fid-data li fiha l-Kummissjoni tieħu d-deċiżjoni tagħha. B’dan il-mod, ir-raġunijiet li għalihom il-Kummissjoni kienet wettqet evalwazzjoni differenti tas-sitwazzjoni f’deċiżjoni preċedenti għandhom jibqgħu mingħajr effett fuq l-evalwazzjoni tal-legalità tad-deċiżjoni kkontestata (ara l-punt 125 hawn fuq).

216

Imbagħad, għandu jiġi osservat li, skont ġurisprudenza stabbilita, huwa biss fil-kuntest tal-Artikolu 107(3)(c) TFUE li għandha tiġi evalwata l-legalità ta’ deċiżjoni tal-Kummissjoni li tikkonstata li għajnuna ġdida ma tissodisfax il-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni ta’ din id-deroga, u mhux fid-dawl ta’ prassi deċiżjonali preċedenti tal-Kummissjoni, jekk jingħad li din hija stabbilita (sentenza tat-8 ta’ Lulju 2010, Freistaat Sachsen u Land Sachsen-Anhalt vs Il-Kummissjoni, T‑396/08, EU:T:2010:297, punt 54). Din il-ġurisprudenza hija applikabbli, b’analoġija, f’dak li jirrigwarda l-evalwazzjoni tal-iskemi ta’ għajnuna.

217

Barra minn hekk, diġà ġie deċiż li l-Kummissjoni ma tistax tiġi mċaħħda mill-possibbiltà li tiffissa kundizzjonijiet ta’ kompatibbiltà iktar stretti jekk l-iżvilupp tas-suq intern u l-għan ta’ kompetizzjoni mhux distorta f’dan is-suq jeżiġuh (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Freistaat Sachsen u Land Sachsen-Anhalt vs Il-Kummissjoni, punt 210 iktar ’il fuq, EU:T:2010:297, punt 53 u l-ġurisprudenza ċċitata).

218

Għall-bqija, kif TFakkar fil-punti 126 et seq hawn fuq, id-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni, li għalihom tirreferi r-Repubblika tal-Awstrija f’dan il-każ, ma humiex rilevanti għas-soluzzjoni ta’ din it-tilwima, minn naħa, minħabba l-evoluzzjoni fil-ġurisprudenza u, min-naħa l-oħra, minħabba l-assenza ta’ natura komparabbli diretta mas-sitwazzjoni inkwistjoni f’dan il-każ. Għaldaqstant, l-allegazzjonijiet tagħha dwar id-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni N 271/2006 jew saħansitra N 820/2006 ma jistgħux jitqiesu li huma fondati. L-istess jgħodd, għal raġunijiet analizzati fil-kuntest tal-ewwel u tat-tieni motiv, għal eventwali analoġiji mas-sistema “antika” Ġermaniżi li kienet tirregola l-promozzjoni tal-elettriku minn sorsi ta’ enerġija li jiġġeddu li tat lok għas-sentenza PreussenElektra, punt 42 iktar ’il fuq (EU:C:2001:160).

219

Fir-rigward tar-riferiment għall-EEG (ara, b’mod partikolari, l-punti 211 iktar ’il quddiem et seq), kellha raġun, l-ewwel nett, il-Kummissjoni ssostni li, sa fejn is-sistema Ġermaniża msemmija hawn fuq ma kinitx is-suġġett ta’ notifika u, għaldaqstant, lanqas ta’ analiżi min-naħa tal-Kummissjoni, a fortiori ta’ analiżi li warajha ġiet adottata deċiżjoni dwar il-kompatibbiltà tagħha mas-suq komuni, huwa ma jistax jipprevali fuq l-analiżi tal-legalità tas-sistema Awstrijaka magħmula fid-dawl taċ-ċirkustanzi partikolari previsti mill-ÖSG emendata. It-tieni nett, il-Kummissjoni kellha wkoll raġun issostni, quddiem il-Qorti Ġenerali, li r-Repubblika tal-Awstrija kellha mezzi proċedurali oħra sabiex tinkoraġġixxi lill-Kummissjoni, eventwalment, tipproċedi għal evalwazzjonijiet ta’ sistemi oħra fi Stati Membri oħra.

220

Fl-aħħar nett, għandu jiġi kkonstatat, bħalma għamlet il-Kummissjoni, li, fl-ebda wieħed mill-erba’ motivi, ma ġie muri mir-Repubblika tal-Awstrija li l-Kummissjoni, bl-azzjoni tagħha, wettqet kwalunkwe “abbuż tas-setgħa diskrezzjonali”.

221

Għalhekk, għandu jiġi miċħud ir-raba’ motiv, kif ukoll ir-rikors kollu kemm hu.

Fuq l-ispejjeż

222

Skont l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Barra minn hekk, skont id-diċitura tal-paragrafu 4 ta’ dan l-artikolu, l-Istati Membri u l-istituzzjonijiet intervenjenti fil-kawża, għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom.

223

Peress li r-Repubblika tal-Awstrija tilfet, hemm lok li tiġi kkundannata għall-ispejjeż, kif mitlub mill-Kummissjoni.

224

Ir-Renju Unit għandu jbati l-ispejjeż rispettivi tiegħu.

 

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (Il-Ħames Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

Ir-rikors huwa miċħud.

 

2)

Ir-Repubblika tal-Awstrija hija kkundannata għall-ispejjeż.

 

3)

Ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq għandu jbati l-ispejjeż rispettivi tiegħu.

 

Dittrich

Schwarcz

Tomljenović

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fil-11 ta’ Diċembru 2014.

Werrej

 

Il-fatti li wasslu għall-kawża

 

Il-proċedura u t-talbiet

 

Id-dritt

 

Fuq l-ammissibbiltà tal-ewwel u t-tieni motivi

 

Fuq il-mertu

 

Preżentazzjoni preliminari ta’ ċerti punti prinċipali tal-miżura inkwistjoni u tal-pożizzjoni adottata mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata

 

Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 107(1) TFUE, minħabba żball ta’ liġi mwettaq mill-Kummissjoni meta kkonkludiet li l-iskema prevista fl-Artikolu 22c tal-ÖSG emendata kienet tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat

 

– Fuq l-ewwel parti tal-ewwel motiv

 

– Fuq it-tieni parti tal-ewwel motiv

 

Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 107(1) TFUE, minħabba l-iżball ta’ liġi mwettaq mill-Kummissjoni meta kkonkludiet li l-miżura inkwistjoni kienet selettiva

 

Fuq it-tielet motiv, ibbażat fuq applikazzjoni żbaljata tal-Artikolu 107(3) TFUE u fuq eċċess ta’ poter

 

– Fuq l-ewwel parti tat-tielet motiv

 

– Fuq it-tieni parti tat-tielet motiv

 

Fuq ir-raba’ motiv, ibbażat fuq trattamenti inugwali mill-Kummissjoni ta’ sitwazzjonijiet komparabbli fir-rigward tal-effetti ekonomiċi u kompetittivi tagħhom

 

Fuq l-ispejjeż


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.