SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (It-Tielet Awla)

15 ta’ Jannar 2013 ( *1 )

“FEŻR — Tnaqqis ta’ għajnuna finanzjarja — Għajnuna għall-programm operattiv tal-objettiv Nru 1 (2000-2006), li jirrigwarda r-reġjun ta’ Andalucía (Spanja) — Artikolu 39(3)(b) tar-Regolament (KE) Nru 1260/1999 — Terminu ta’ tliet xhur — Direttiva 93/36/KEE — Proċedura nnegozjata mingħajr il-pubblikazzjoni minn qabel ta’ avviż ta’ kuntratt”

Fil-Kawża T-54/11,

Ir-Renju ta’ Spanja, inizjalment irrappreżentat minn M. Muñoz Pérez, sussegwentement minn S. Martínez-Lage Sobredo, u finalment minn A. Rubio González u N. Díaz Abad, abogados del Estado,

rikorrent,

vs

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn A. Steiblytė u J. Baquero Cruz, bħala aġenti,

konvenuta,

li għandha bħala suġġett talba għall-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2010) 7700 finali, tas-16 ta’ Novembru 2010, li tnaqqas l-għajnuna tal-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (FEŻR) mogħtija favur il-programm operattiv integrali tal-objettiv Nru 1 ta’ Andalucía (2000-2006), sa fejn din timponi korrezzjoni finanzjarja ta’ 100 % tal-ispejjeż finanzjarji mill-FEŻR għall-kuntratti Nru 2075/2003 u 2120/2005,

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tielet Awla),

komposta minn O. Czúcz, President, I. Labucka (Relatur) u D. Gratsias, Imħallfin,

Reġistratur: J. Palacio González, Amministratur Prinċipali,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas-26 ta’ Ġunju 2012,

tagħti l-preżenti

Sentenza

Il-fatti li wasslu għall-kawża

1

Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1260/1999, tal-21 ta’ Ġunju 1999, li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-Fondi Strutturali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 14, Vol. 1, p. 31), adottat fil-kuntest ta’ politika ta’ koeżjoni ekonomika u soċjali tal-Unjoni Ewropea, huwa intiż li jnaqqas id-differenzi fl-iżvilupp ta’ diversi reġjuni tal-Unjoni u sabiex jippromwovi din il-koeżjoni ekonomika u soċjali. Maħsub sabiex itejjeb l-effettività tal-għajnuna strutturali Komunitarja, dan jissimplifika l-funzjonament tal-fondi, b’mod partikolari billi jitnaqqsu n-numru ta’ objettivi prioritarji ta’ għajnuna minn sebgħa, matul il-perijodu 1994-1999, għal tlieta, għall-perijodu 2000-2006, u jiddetermina b’mod iktar preċiż ir-responsabbiltajiet tal-Istati Membri u tal-Unjoni matul it-tfassil, tal-implementazzjoni, tat-tmexxija, tal-evalwazzjoni u tal-kontroll.

2

Permezz tad-Deċiżjoni C (2000) 3965, tad-29 ta’ Diċembru 2000, il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej approvat il-programm operattiv integrat tal-objettiv Nru 1 ta’ Andalucía (Spanja) (2000-2006) u ffissat il-kontribuzzjoni massima tal-fondi strutturali għal EUR 6 152 700 000. Din id-deċiżjoni kienet suġġetta għal numru ta’ modifikazzjonijiet, fl-aħħar lok permezz tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2007) 1782, tas-16 ta’ Frar 2007, li tiffissa l-kontribuzzjoni massima tal-Fondi Ewropej għall-Iżvilupp Reġjonali (FEŻR) għal EUR 6 427 411 070.

3

Wieħed mill-proġetti inklużi f’din l-għajnuna kien jikkonsisti fit-tnedija ta’ karta tas-saħħa għas-servizz tas-saħħa ta’ Andalucía (proġett Tarjeta sanitaria del Servicio Andaluz de Salud), li kellu bħala skop aħħari l-iżvilupp u l-operat ta’ fajl mediku uniku online għal kull ċittadin tal-Komunità awtonoma ta’ Andalucía, li jippermetti wkoll l-aċċess lill-professjonisti tas-saħħa pubblika ta’ din il-komunità.

4

Il-proġett beda bi ftehim ta’ kooperazzjoni tal-24 ta’ Lulju 1995 iffirmat bejn l-amministrazzjoni ġenerali tal-Istat (Ministeru tax-Xogħol) u l-gvern reġjonali (Junta de Andalucía) għall-użu ta’ karta tas-saħħa individwali komuni għall-kura tas-saħħa — iġġestita mill-gvern reġjonali ta’ Andalucía — u għas-sigurtà soċjali — iġġestita mill-amministrazzjoni ġenerali tal-Istat. L-eżekuzzjoni ta’ dan il-kuntratt kienet timplika l-assenjazzjoni ta’ sistema ta’ informazzjoni lil Centros de Salud (ċentri tas-saħħa) (l-ewwel għajnuna) ta’ diversi provinċji ta’ Andalucía (Almería, Córdoba, Jaén, Málaga, Cádiz).

5

Ulterjorment, is-servizz tas-saħħa ta’ Andalucía (iktar ’il quddiem is-“SAS”) lesta l-kompjuterizzazzjoni tal-provinċji l-oħra bit-twettiq tal-proġett imsejjaħ Diraya, imfassal għall-ħolqien ta’ fajl mediku elettroniku, il-“Historia de Salud Digital del Ciudadano” (fajl mediku diġitali tas-saħħa taċ-ċittadin). Għal dan il-għan, is-SAS żviluppat u installat matul fażijiet suċċessivi sistema tal-informatika li toħroġ mill-proġett inizjali tal-karta tas-saħħa.

6

Billi l-fażi III tal-proġett ippreżentat ċerti nuqqasijiet u riskji, is-SAS kienet imġiegħla li timplementa l-fażijiet IV-1, IV-2 u V. Il-fażi IV-1, li għaliha ġie ffirmat il-kuntratt ta’ provvista Nru 2075/2003, kienet tikkonsisti fit-twettiq ta’ proġett pilota fl-isptarijiet f’Cordoba (Spanja) u f’Sevilla (Spanja) ibbażat fuq it-trasferiment tad-data klinika lokali lejn database ċentralizzata (database ta’ utenti uniċi) sabiex tiġi ċċentralizzata l-informazzjoni fi ħdan ċentru għall-ipproċessar tad-data, li tippermetti l-interoperat bejn iċ-ċentri tal-kura tas-saħħa. Is-SAS nediet proġett ewlieni, billi forniet l-apparat neċessarju għall-operat taċ-ċentralizzazzjoni tad-database u tassigura t-tqegħid fis-servizz tagħha. Min-naħa tiegħu, il-kuntratt ta’ provvista Nru 2120/2005 kellu l-għan li jiffinalizza l-kuntratt, billi jforni servers lokali liċ-ċentri tas-saħħa sabiex jirrisolvu l-problemi ta’ spazju msemmja fil-proġett. Dan kien neċessarju sabiex jintlaħqu l-għanijiet stabbiliti għall-fażi IV-1 tal-proġett. Dawn iż-żewġ kuntratti ta’ provvista kienu ġew mogħtija lill-impriża offerenti fil-kuntest ta’ proċedura nnegozjata mingħajr ma kien ippubblikat l-avviż tal-kuntratt minn qabel.

7

Fil-kuntest ta’ verifika li saret fl-Istati Membri kollha, sabiex jiġi vverifikat l-operat tas-sistemi ta’ amministrazzjoni u ta’ kontroll tal-FEŻR għall-perijodu 2000-2006, il-Kummissjoni analizzat il-proċeduri ta’ verifika li saru mill-organi intermedjarji, il-Junta de Andalucía, b’konformità mal-Artikolu 4 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 438/2001, tat-2 ta’ Marzu 2001, li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-implementazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1260/1999 fir-rigward tas-sistemi ta’ ġestjoni u ta’ kontroll għal għajnuna mogħtija taħt il-Fondi Strutturali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 14, Vol. 1, p. 132).

8

Wara din l-evalwazzjoni, il-konklużjonijiet preliminari tal-verifika kienu ġew ikkomunikati, fil-25 ta’ April 2007, f’forma ta’ rapport lill-awtoritajiet Spanjoli, li kkomunikaw informazzjoni supplimentari fit-30 ta’ Ottubru 2009.

9

B’konformità mal-Artikolu 39(2) tar-Regolament Nru 1260/1999, ġiet organizzata seduta fi Brussell (il-Belġju), fil-25 ta’ Frar 2010, li matulha l-awtoritajiet Spanjoli ntrabtu li jipprovdu informazzjoni supplimentari, li ħaġa huma għamlu fis-17 ta’ Marzu 2010.

10

Permezz ta’ ittra tal-15 ta’ April 2010, il-Kummissjoni kkomunikat il-proċess verbali provviżorju tas-seduta lill-awtoritajiet Spanjoli, li dwar dan huma kkomunikaw l-osservazzjonijiet tagħhom b’posta elettronika tad-29 ta’ April 2010.

11

Il-verżjoni finali tal-proċess verbali tas-seduta ntbagħtet mill-Kummissjoni lill-awtoritajiet Spanjoli permezz ta’ ittra tat-30 ta’ Ġunju 2010.

12

Permezz tad-Deċiżjoni C (2010) 7700 finali, tas-16 ta’ Novembru 2010, li tnaqqas l-għajnuna tal-FEŻR għall-programm operattiv integrat tal-objettiv Nru 1 tal-Andalucía (2000-2006) (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”), il-Kummissjoni naqqset l-ammont tal-għajnuna mogħtija lill-programm imsemmi b’EUR 3 836 360, 40. Hija wettqet din il-korrezzjoni finanzjarja, innotifikata lill-awtoritajiet Spanjoli fis-17 ta’ Novembru 2010, għar-raġuni li l-kuntratti Nru 2075/2003 u Nru 2120/2005 (iktar ’il quddiem, meħuda flimkien, il-“kuntratti kkontestati”), ippreżentati għall-kofinanzjament, kienu ġew mogħtija skont il-proċedura nnegozjata mingħajr ma kien ippubblikat l-avviż ta’ sejħa għall-offerti minn qabel, bi ksur tad-dritt tal-Unjoni fil-qasam ta’ kuntratti pubbliċi.

13

Fil-25 ta’ Jannar 2011, l-awtoritajiet Spanjoli bagħtu t-talba tagħhom lill-Kummissjoni għall-ħlas finali.

Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

14

Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-reġistru tal-Qorti Ġenerali fis-27 ta’ Jannar 2011, ir-Renju ta’ Spanja ressaq il-proċedura preżenti.

15

Ir-Renju ta’ Spanja jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tannulla d-deċiżjoni kkontestata, sa fejn din timponi korrezzjoni finanzjarja ta’ 100 % tal-ispejjeż iffinanzjati mill-FEŻR għall-kuntratti kkontestati;

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

16

Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tiċħad ir-rikors fl-intier tiegħu;

tikkundanna lir-Renju ta’ Spanja għall-ispejjeż.

Id-dritt

17

Insostenn tar-rikors għall-annullament tiegħu, ir-Renju ta’ Spanja invoka żewġ motivi, ibbażati rispettivament, fuq in-nuqqas ta’ osservanza tat-terminu ta’ tliet xhur previst fl-Artikolu 39(3)(b) tar-Regolament Nru 1260/1999 kif ukoll l-applikazzjoni mhux f’lokha tal-Artikolu 39(3)(b) tal-istess regolament u tal-leġiżlazzjoni dwar il-kuntratti pubbliċi tal-Unjoni.

Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq in-nuqqas ta’ osservanza tat-terminu ta’ tliet xhur imsemmi fl-Artikolu 39(3)(b) tar-Regolament Nru 1260/1999

18

Ir-Renju ta’ Spanja jsostni li d-deċiżjoni kkontestata ġiet adottata wara t-terminu previst fl-Artikolu 39(3)(b) tar-Regolament Nru 1260/1999 u li konsegwentement, din hija vvizzjata b’illegalità.

19

In-nuqqas ta’ qbil ewlieni bejn il-partijiet jibbaża fuq il-kwistjoni jekk it-terminu previst fl-Artikolu 39(3)(b) tar-Regolament Nru 1260/1999 huwiex perentorju jew jekk huwiex biss indikattiv. Din il-kwistjoni effettivament taffettwa l-validità tad-deċiżjoni kkontestata.

20

Ir-Renju ta’ Spanja jqis li, fl-ipoteżi fejn ebda ftehim ma jkun ġie ffirmat matul il-laqgħa bilaterali prevista fl-Artikolu 39(2) tar-Regolament Nru 1260/1999, il-Kummissjoni tiddisponi minn terminu ta’ tliet xhur sabiex tadotta deċiżjoni għal tnaqqis ta’ somom jew ta’ korrezzjonijiet finanzjarji. Mal-iskadenza ta’ dan it-terminu, hija ma tkunx tista’ iktar tieħu tali deċiżjoni. Huwa jafferma li din l-interpretazzjoni tal-Artikolu 39(3) tar-Regolament Nru 1260/1999 hija l-unika li tagħtih effett utli. Huwa jżid li dan it-terminu huwa “limitu ta’ żmien”, intiż li jiggarantixxi l-prinċipju taċ-ċertezza legali li tipproteġi lill-Istati Membri. Fil-fatt, dan huwa terminu raġonevoli għall-Istati Membri sabiex isiru jafu jekk l-ispejjeż esposti jkunux ser jiġu iffinanzjati jew le mill-Unjoni fil-kuntest tal-FEŻR.

21

Min-naħa l-oħra, il-Kummissjoni tikkunsidra li dan it-terminu huwa purament indikattiv u li n-nuqqas ta’ osservanza tat-tali terminu ma joħloqx limitu għall-fajl. F’dan ir-rigward, hija tibbaża fuq il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li tirrigwarda l-Fond Agrikolu Ewropew dwar Gwida u Garanzija (FAEGG), li turi li t-termini kif stabbiliti fl-Artikolu 39(3) tar-Regolament Nru 1260/1999 huma indikattivi minħabba li l-ebda sanzjoni ma hija prevista f’każ ta’ nuqqas ta’ osservanza mill-Kummissjoni. B’hekk, dawn huma assoċjati ma’ terminu indikattiv. Hija tiġġustifika dan il-karattru indikattiv bin-natura tal-korrezzjonijiet finanzjarji, li huma essenzjalment intiżi li jassiguraw li l-ispejjeż sostnuti mill-awtoritajiet nazzjonali kienu konformi mad-dritt tal-Unjoni.

22

Skont il-formulazzjoni nnifisha tal-Artikolu 39(3)(b) tar-Regolament Nru 1260/1999, “[fi] tmiem il-perjodu stabbilit mill-Kummissjoni, il-Kummissjoni tista’, jekk ma jkunx intlaħaq ftehim u l-Istat Membru ma jkunx għamel il-korrezzjonijiet u waqt li tagħti kas tal-kummenti magħmula mill-Istat Membru, tiddeċiedi fi żmien tliet xhur li tagħmel il-korrezzjonijiet finanzjarji meħtieġa billi tikkanċella l-kontribuzzjoni tal-Fondi kollha jew parti minnha lill-għajnuna konċernata”.

23

Skont l-Artikolu 5(3) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 448/2001, tat-2 ta’ Marzu 2001, li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-implementazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1260/1999 dwar il-proċedura sabiex isiru korrezzjonijiet finanzjarji għal għajnuna mogħtija taħt il-Fondi Strutturali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 14, Vol. 1, p. 155) “[k]ull meta l-Istat Membru joġġezzjona għall-osservazzjonijiet magħmula mill-Kummissjoni u ssir seduta taħt it-tieni subparagrafu ta’ l-Artikolu 39(2) tar-Regolament […] Nru 1260/1999, il-perjodu ta’ tliet xhur li matulu l-Kummissjoni tista’ tieħu deċiżjoni taħt l-Artikolu 39(3) ta’ dak ir-Regolament għandu jibda mid-data tas-seduta”.

24

Mill-formulazzjoni ta’ dawn l-artikoli ma jirriżultax li n-nuqqas ta’ osservazzjoni ta’ dan it-terminu ta’ tliet xhur jipprekludi lill-Kummissjoni milli tieħu, wara l-iskadenza ta’ dan it-terminu, deċiżjoni li tagħmel jew ma tagħmilx korrezzjonijiet finanzjarji. Konsegwentement, in-nuqqas ta’ osservanza ta’ tali terminu ma joħloqx deċiżjoni impliċita ta’ ħlas mill-FEŻR tal-ispejjeż sostnuti mill-awtoritajiet nazzjonali.

25

Qabel xejn, din il-konklużjoni hija kkorroborata b’mod sħiħ minn interpretazzjoni teleoloġika tal-Artikolu 39 tar-Regolament Nru 1260/1999. F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li skont il-ġurisprudenza, l-ivverifikar tal-kontijiet għandu bħala għan essenzjali li jiżgura li l-ispejjeż tal-awtoritajiet nazzjonali saru skont ir-regoli tal-Unjoni (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-27 ta’ Jannar 1988, Id-Danimarka vs Il-Kummissjoni, 349/85, Ġabra p. 169, punt 19).

26

Għal din ir-raġuni, l-Artikoli 38 u 39 tar-Regolament Nru 1260/1999 jipprovdu għal proċedura ta’ kooperazzjoni bejn l-Istati Membri u l-Kummissjoni, li tagħti lill-Istati Membri kkonċernati l-garanziji kollha neċessarji għalihom sabiex jippreżentaw il-pożizzjoni tagħhom (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-29 ta’ Jannar 1998, Il-Greċja vs Il-Kummissjoni C-61/95, Ġabra p. I-207, punt 39). Skont din il-proċedura, il-Kummissjoni u l-Istati Membri għandhom jimmiraw li jidentifikaw u janalizzaw, fi spirtu ta’ kooperazzjoni bbażata fuq sħubija, id-data rilevanti kollha, sabiex jiġi evitat il-ħlas mill-FEŻR tal-ispejjeż irregolari u bil-għan li jiġu applikati l-korrezzjonijiet finanzjarji neċessarji.

27

Għalhekk, għandu jiġi enfasizzat li l-Kummissjoni hija obbligata li tirrifjuta l-ħlas mill-FEŻR tal-ispejjeż li ma sarux b’konformità mar-regoli tal-Unjoni. Dan l-obbligu ma jispiċċax mill-uniku fatt li d-deċiżjoni tal-Kummissjoni kienet ittieħdet wara l-iskadenza tat-terminu ta’ tliet xhur li jibdew mid-data tas-seduta, prevista fl-Artikolu 39(3) tar-Regolament Nru 1260/1999 moqri flimkien mal-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 448/2001. Fin-nuqqas ta’ kull sanzjoni marbuta man-nuqqas ta’ osservanza ta’ dan it-terminu mill-Kummissjoni, dan jista’ jiġi kkunsidrat biss, fid-dawl tan-natura tal-proċedura prevista fl-Artikoli 38 u 39 tar-Regolament Nru 1260/1999 li l-għan ewlieni tagħhom huwa li jiżguraw li l-ispejjeż sostnuti mill-awtoritajiet nazzjonali kienu tħallsu skont ir-regoli tal-Unjoni, bħala terminu indikattiv, suġġett għall-akkwist ta’ interessi ta’ Stat Membru (ara, b’analoġija, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-22 ta’ Mejju 2012, Il-Portugall vs Il-Kummissjoni, T-345/10, li ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 32). Il-Kummissjoni għandha tiżgura li tosserva dan it-terminu, iżda, minħabba l-kumplessità li tista’ tkun relatata mal-kontroll tal-imsemmija spejjeż, jista’ jkun neċessarju għaliha li jkollha żmien itwal sabiex tipproċedi għall-analiżi fil-fond tas-sitwazzjoni sabiex tevita l-ħlas tal-ispejjeż irregolari.

28

Għalhekk, għandu jiġi konkluż li, fin-nuqqas ta’ intenzjoni kuntrarja tal-leġiżlatur li tirriżulta b’mod ċar mill-Artikolu 39(3)(b) tar-Regolament Nru 1260/1999 u mill-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 448/2001, l-imsemmi terminu jirrappreżenta biss, fil-prinċipju, karattru indikattiv u n-nuqqas ta’ konformità ma jaffettwax il-legalità tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni. Din l-interpretazzjoni ma ċċaħħadx lill-Artikolu 39(3) tar-Regolament Nru 1260/1999 mill-effett utli tiegħu, kif jafferma r-Renju ta’ Spanja f’dan il-każ, peress li jirriżulta b’mod ċar mill-aħħar linja tal-paragrafu 3 tal-imsemmi Artikolu li “[fin-] nuqqas ta’ deċiżjoni li taġixxi skond [dispożizzjonijiet previsti taħt] (a) jew (b) is-sospensjoni tal-ħlas proviżorju għandha tintemm immedjatament”. Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li r-Renju ta’ Spanja la invoka u lanqas stabbilixxa li l-interessi tiegħu ġew milquta minħabba l-iskadenza tat-terminu kkontestat.

29

Madankollu, fin-nuqqas ta’ test li jimponi terminu perentorju fir-Regolament Nru 1260/1999, ir-rekwiżit fundamentali taċ-ċertezza legali jipprekludi lill-Kummissjoni milli ddewwem indefinittivament l-eżerċizzju tas-setgħat tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-24 ta’ Settembru 2002, Falck u Acciaierie di Bolzano vs Il-Kummissjoni, C-74/00 P u C-75/00 P, Ġabra p. I-7869, punt 140).

30

F’dan ir-rigward, u sa fejn l-argument tar-Renju ta’ Spanja jista’ jkun ukoll interpretat bħala intiż sabiex jilmenta kontra l-Kummissjoni l-fatt li t-terminu meħud għall-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata ma kienx raġonevoli, għandu jiġi rrilevat li l-eżami tal-iżvolġiment tal-proċedura ma weriex l-eżistenza ta’ dewmien li jimmina r-rekwiżiti fundamentali taċ-ċertezza legali u ta’ terminu raġonevoli. B’mod partikolari, b’konformità mal-Artikolu 39(2) tar-Regolament Nru 1260/1999, ġiet organizzata laqgħa fi Brussell fil-25 ta’ Frar 2010 bejn il-Kummissjoni u r-Renju ta’ Spanja sabiex jintlaħaq ftehim dwar l-osservazzjonijiet miġjuba mill-Kummissjoni u li jikkonċernaw in-nuqqas ta’ ġustifikazzjoni tal-parteċipazzjoni tal-FEŻR għaż-żewġ kuntratti kkontestati, fil-kuntest tal-proġett tal-karta tas-saħħa. Matul din il-laqgħa, il-partijiet irrikonoxxew li r-Renju ta’ Spanja wiegħed li jforni lill-Kummissjoni b’informazzjoni supplimentari, kif din għamlet fis-17 ta’ Marzu 2010. Il-verżjoni finali tal-proċess verbali tas-seduta ġie mibgħut mill-Kummissjoni lill-awtoritajiet Spanjola b’ittra tat-30 ta’ Ġunju 2010. F’dan il-każ, huwa sabbilit li l-informazzjoni trażmessa kienet tinkludi elementi ġodda li l-Kummissjoni bbażat ruħha fuqhom sabiex tadotta d-deċiżjoni kkontestata fis-16 ta’ Novembru 2010.

31

Minn dak kollu li ntqal iktar ’il fuq jirriżulta li l-ewwel motiv għandu jiġi miċħud bħala infondat.

Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq l-applikazzjoni mhux f’lokha tal-Artikolu 39(3)(b) tar-Regolament Nru 1260/1999 u tal-leġiżlazzjoni fuq il-kuntratti pubbliċi tal-Unjoni.

32

Ir-Renju ta’ Spanja jikkritika lill-Kummissjoni talli kienet ikkoreġiet il-parti tal-finanzjament tal-proġett mill-FEŻR, abbażi tal-fatt li l-kuntratti kkontestati ma ġewx iffirmati b’konformità mal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni dwar il-kuntratti pubbliċi. Kuntrarjament, huwa jqis li l-kuntratti kienu saru b’mod regolari.

33

Essenzjalment, dan il-motiv huwa maqsum f’żewġ partijiet, li jiġġustifikaw, kull waħda, skont ir-Renju ta’ Spanja, l-użu tal-proċedura nnegozjata mingħajr il-pubblikazzjoni tal-avviż ta’ sejħa għall-offerti minn qabel. L-ewwel parti tistrieħ fuq l-affermazzjoni li tgħid li l-finalità tal-kuntratti kkontestati, li tinvolvi l-provvista ta’ prodott immanifatturat għall-finijiet ta’ riċerka, esperimentazzjoni, studju jew żvilupp, tiġġustifika l-użu tal-proċedura nnegozjata, skont l-Artikolu 6(3)(b) tad-Direttiva tal-Kunsill 93/36/KEE, tal-14 ta’ Ġunju 1993, li tikkoordina l-proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti pubbliċi ta’ provvista (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 2, p. 110). It-tieni parti tistrieħ fuq l-affermazzjoni li tgħid li l-kuntratti kkontestati kienu jippreżentaw speċifikazzjonijiet tekniċi, li jilleġittimaw l-applikazzjoni ta’ din il-proċedura eċċezzjonali, skont l-Artikolu 6(3)(c) ta’ din l-istess direttiva.

34

Qabel kollox, għandu jiġi mfakkar li l-proċedura nnegozjata hija ta’ natura eċċezzjonali, peress li l-Artikolu 6(2) u (3) tad-Direttiva 93/36 jelenka b’mod eżawrjenti u espressament l-uniċi eċċezzjonijiet li għalihom huwa permess l-użu tal-proċedura nnegozjata (ara s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-8 ta’ April 2008, Il-Kummissjoni vs L-Italja, C-337/05, Ġabra p. I-2173, punt 56, u l-ġurisprudenza ċċitata).

35

Bl-istess mod, għandu jiġi mfakkar li hija ġurisprudenza stabbilita li dawn id-dispożizzjonijiet, inkwantu derogi għar-regoli li għandhom l-għan li jiggarantixxu l-effettività tad-drittijiet rikonoxxuti mid-dritt tal-Unjoni fis-settur tal-kuntratti pubbliċi, għandhom jingħataw interpretazzjoni restrittiva (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-15 ta’ Ottubru 2009, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja, C-275/08, li ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 55, u l-ġurisprudenza ċċitata).

36

Barra minn hekk, għandu jiġi mfakkar li l-oneru tal-prova li effettivament jeżistu ċirkustanzi eċċezzjonali li jiġġustifikawhom taqa’ fuq min jirrileva l-imsemmija derogi (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Il-Kummissjoni vs L-Italja, punt 34 iktar ’il fuq, punt 58, u Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja, punt 35 iktar ’il fuq, punt 56).

37

F’dan il-każ, għandu għalhekk jiġi vverifikat jekk ir-Renju ta’ Spanja ressaqx il-prova li l-kuntratti kkontestati setgħux, b’applikazzjoni tal-Artikolu 6(3)(b) jew (c) tad-Direttiva 93/36, ikunu suġġetti għal proċedura nnegozjata mingħajr il-pubblikazzjoni tal-avviż tal-kuntratt minn qabel.

Fuq l-ewwel parti tat-tieni motiv, li jirrigwarda l-Artikolu 6(3)(b) tad-Direttiva 93/36.

38

Ir-Renju ta’ Spanja jargumenta li l-fażi III tal-proġett kienet tippreżenta sensiela ta’ nuqqasijiet u ta’ riskji, inerenti għan-natura lokali tal-proġett, li kienet tirrendi impossibbli ċ-ċentralizzazzjoni u l-iskambju tad-data bejn id-diversi ċentri tas-saħħa tas-SAS. Fil-kuntest tal-proġett u tal-pjan ta’ azzjoni tal-Kummissjoni favur Żona Ewropea ta’ Saħħa online, is-SAS ipproponiet għan mingħajr preċedent, li jippermetti l-interoperabbiltà bejn iċ-ċentri tal-kura tas-saħħa, filwaqt li tiġi ggarantita l-mobbiltà ġeografika tal-pazjenti. Huwa jenfasizza li dan l-għan ġdid kien jippreżenta natura estremament delikata, u li kien jidher ġudizzjuż li jitwettaq fl-ewwel lok permezz ta’ proġett pilota, li jibbaża fuq żona ta’ kura tas-saħħa ta’ natura rurali u sptar ġenerali ta’ natura urbana.

39

Ir-Renju ta’ Spanja jsostni li dan il-proġett pilota kien jikkonsisti fl-istudju u fl-esperimentazzjoni tal-modalitajiet li permezz tagħhom kellu jsir it-trasferiment sigur tad-data lokali lejn database tal-utenti, u, f’dan is-sens, l-iskop kien li jiġi implementat prodott tal-informatika ġdid intiż għall-eżekuzzjoni ta’ dan it-trasferiment b’sigurtà sħiħa, sabiex jippermetti, ġaladarba tiġi vverifikata l-affidabbiltà tas-sistema, li jsir it-trasferiment tad-data taċ-ċentri l-oħra tas-SAS li ma humiex inklużi fil-proġett pilota. L-għan ta’ dan il-proġett huwa li jsiru testijiet sabiex jinstabu modalitajiet adegwati għal dan it-trasferiment. Dan jiġġustifika l-kwalifika ta’ “prodott immanifatturat biss għall-finijiet ta’ riċerka, esperimentazzjoni, studju jew żvilupp”.

40

Għandu jiġi mfakkar li, skont l-Artikolu 6(3)(b) tad-Direttiva 93/36, l-awtoritajiet kontraenti jistgħu jgħaddu l-kuntratti ta’ provvista tagħhom skont il-proċedura nnegozjata mingħajr ma jkun ippubblikat l-avviż tal-kuntratt minn qabel, meta l-prodotti kkonċernati jkunu mmanifatturati biss għall-finijiet ta’ riċerka, esperimentazzjoni, studju jew żvilupp. Din id-dispożizzjoni ma tinkludix produzzjoni fi kwantità sabiex tistabbilixxi l-vijabbiltà kummerċjali tal-prodott jew sabiex jitnaqqsu l-ispejjeż ta’ riċerka u ta’ żvilupp.

41

Mill-informazzjoni fil-fajl jirriżulta li l-awtoritajiet Spanjoli kellhom konoxxenza tajba tal-materjal neċessarju sabiex jilħqu l-għan tagħhom. L-ebda element mill-ispeċifikazzjonijiet tekniċi taż-żewġ kuntratti ma kien jindika li l-impriża li ngħatat il-kuntratt kellha toħloq prodott ġdid intiż għar-riċerka, għall-esperimentazzjoni, għall-istudju jew għall-iżvilupp. Fil-fatt, dan kien jikkonċerna l-installazzjoni ta’ materjal tal-informatika u dak li ma huwiex, identifikat sew, deskritt b’mod dettaljat ħafna mill-awtoritajiet Spanjoli, u diġà preżenti fis-suq, li fornitur medju fis-settur kien ikun f’pożizzjoni li jagħmlu.

42

Fir-rigward tal-ispeċifikazzjonijiet tekniċi tal-kuntratt Nru 2075/2003, għandu jiġi kkonstatat li, skont it-titolu u s-suġġett tiegħu, kien “kuntratt ta’ provvista ta’ cables, mezzi ta’ komunikazzjoni, servers u partijiet neċessarji għall-adattament tal-fajl mediku nnumerat taċ-ċittadin fis-setturi tas-saħħa, konsultazzjonijiet esterni u urġenzi tal-isptar bħala fażi IV-1 tal-proġett Tarjeta Sanitaria (Diraya) du Servicio Andaluz de Salud”. Dan it-test huwa meħud mid-deskrizzjoni tas-suġġett fit-tieni paġna tad-dokument. Sussegwentement, il-kapitoli 3 sa 6 tal-ispeċifikazzjonijiet tekniċi jippreżentaw b’mod iddettaljat il-materjal kollu tal-informatika u dak li ma huwiex li kien jifforma s-suġġett tal-kuntratt. Is-sitwazzjoni hija identika għall-baġit, fejn jidhru l-prodotti u wkoll il-marki tal-prodotti li jiġu forniti.

43

F’dak li jirrigwarda l-installazzjoni tal-materjal, il-kapitoli 3.7.1 u 4.8.1 tal-ispeċifikazzjonijiet tekniċi kienu jindikaw sensiela sħiħa ta’ servizzi sempliċi ta’ installazzjoni li fornitur medju fis-settur kien ikun f’pożizzjoni li jagħmilha għan-nom tal-awtorità kontraenti.

44

Il-kapitoli 5.1 u 5.2 tal-ispeċifikazzjonijiet tekniċi isegwu l-istess skema f’dak li jirrigwarda ċ-ċentru tal-ipproċessar tal-informazzjoni.

45

Minn dak li ntqal iktar ’il fuq jirriżulta li d-dettalji kollha li jikkonċernaw il-materjal, is-superviżjoni, il-kwalità tas-servizz, is-sigurtà u s-servizzi kienu deskritti bi preċiżjoni fl-ispeċifikazzjonijiet tekniċi. F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi konkluż li l-kuntratt Nru 2075/2003 ma huwiex kuntratt intiż għall-provvista ta’ prodotti mmanifatturati unikament għall-finijiet ta’ riċerka, esperimentazzjoni, studju jew żvilupp, skont l-Artikolu 6(3)(b) tad-Direttiva 93/36.

46

Fir-rigward tal-ispeċifikazzjonijiet tekniċi tal-kuntratt Nru 2120/2005, għandu jiġi kkonstatat li, skont it-titolu u s-suġġett tiegħu, dan kien “kuntratt ta’ apparat u għajnuna supplimentari għall-fażi tal-proġett Tarjeta Sanitaria (Diraya) du Servicio Andaluz de Salud”.

47

Il-punt 1 tal-ispeċifikazzjonijiet tekniċi jiddisponi li l-fajl CC-2075/03 (jiġifieri l-kuntratt Nru 2075/2003) kien jikkostitwixxi l-bażi għat-twettiq tal-fajl Diraya għall-Andalucía fiż-żona tas-saħħa fit-Tramuntana ta’ Cordoba u fi sptar f’Sevilla. L-azzjonijiet futuri għat-tqegħid fis-seħħ ta’ Diraya fil-kumplament tas-sistema tas-saħħa kienu jiddependu mit-tqegħid għall-prova, mill-verifika u mill-evalwazzjoni tagħhom.

48

Il-kapitoli 3 sa 12 tal-ispeċifikazzjonijiet tekniċi jindikaw b’mod ċar u preċiż il-materjal meħtieġ tal-informatika u dak li ma huwiex, kif ukoll il-marki u l-mudelli. Il-baġit huwa wkoll iddettaljat. Fl-aħħar nett, il-kapitolu 13 tal-ispeċifikazzjonijiet tekniċi jiddeskrivi s-servizzi li għandhom jiġu pprovduti, jiġifieri l-installazzjoni u l-implementazzjoni tal-provvisti deskritti fil-kapitoli preċedenti tal-ispeċifikazzjonijiet. F’dan il-kuntratt ukoll, l-awtorità kontraenti kienet taf perfettament il-ħtiġijiet tagħha u l-apparat u s-servizzi neċessarji li jinħtieġu.

49

Minn dak li ntqal iktar ’il fuq jirriżulta li lanqas il-kuntratt Nru 2120/2005 ma jista’ jitqies li huwa intiż għall-provvista ta’ prodotti mmanifatturati għall-finijiet ta’ riċerka, esperimentazzjoni, studju jew żvilupp, skont l-Artikolu 6(3)(b) tad-Direttiva 93/36.

50

Minn dak li ntqal iktar ’il fuq jirriżulta, u mingħajr il-ħtieġa li tiġi eżaminata l-ammissibbiltà ta’ din il-parti tat-tieni motiv li hija kkontestata mill-Kummissjoni, li l-imsemmija parti għandha tiġi miċħuda bħala infondata, peress li l-awtoritajiet Spanjoli ma wrewx li l-kuntratti kkontestati setgħu, b’applikazzjoni tal-Artikolu 6(3)(b) tad-Direttiva 93/36, ikunu s-suġġett ta’ proċedura nnegozjata mingħajr il-pubblikazzjoni ta’ avviż tal-kuntratt.

Fuq it-tieni parti tat-tieni motiv, li tirrigwarda l-Artikolu 6(3)(c) tad-Direttiva 93/36

51

Ir-Renju ta’ Spanja josserva li l-proġett pilota għandu speċifikazzjoni teknika marbuta mal-implementazzjoni ta’ sistema u mat-trasferiment tad-data. Dan iqis li kien indispensabbli li jiġu applikati ċerti proċeduri ta’ trasferiment speċifiċi u siguri, li neċessarjament kellhom jiġu bbażati fuq għarfien profond tal-mudelli u tad-data, tal-iskemi, tat-tabelli u ta’ relazzjonijiet bejn entitajiet ta’ database lokali eżistenti għall-fażi III tal-proġett. Issa, l-impriża magħżula kienet, skont ir-Renju ta’ Spanja, l-unika impriża li kellha dan l-għarfien, peress li ġġestiet u wettqet dawn l-installazzjonijiet lokali fil-mument tal-għoti tal-kuntratt, bħala l-impriża li ngħatat il-kuntratt fil-fażijiet preċedenti tal-proġett tal-karta tas-saħħa.

52

Għandu jiġi mfakkar li, skont l-Artikolu 6(3)(c) tad-Direttiva 93/36, l-awtoritajiet kontraenti jistgħu jagħtu kuntratti ta’ provvista tagħhom bl-applikazzjoni tal-proċedura nnegozjata mingħajr ma kien ippubblikat l-avviż tal-kuntratt minn qabel, meta, minħabba l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi u artistiċi tagħhom jew għal raġunijiet konnessi mal-protezzjoni ta’ drittijiet ta’ esklużività, il-manifatturar jew il-provvista ta’ prodotti jista’ jingħata lil fornitur partikolari biss.

53

Għandu jiġi kkonstatat li mid-dokumentazzjoni miġbura fil-fajl mill-partijiet, ma jirriżultax li r-Renju ta’ Spanja kien irriċerka jekk jeżistux impriżi li kienu f’pożizzjoni li jirrispondu għas-sejħa għall-offerti fl-istess kundizzjonijiet, jew anki aħjar mill-impriża magħżula. Ma jsemmi xejn dwar xi inizjattiva f’dan is-sens kemm fit-territorju Spanjol jew b’mod iktar wiesa’ fl-Unjoni. Ir-Renju ta’ Spanja jirrileva biss li l-impriża magħżula kienet partikolarment ippożizzjonata tajjeb għas-sejħa għall-offerti, abbażi tal-ispeċifikazzjonijiet tekniċi tal-kuntratti kkontestati marbuta mal-implementazzjoni tas-sistema u tat-trasferiment tad-data, peress li kienet ingħatat kuntratti fil-fażijiet preċedenti għall-fażi IV-1 u li, għalhekk, kellha diġà għarfien sħiħ tad-database lokali eżistenti.

54

F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li dan ma jurix li din l-impriża kienet l-unika waħda f’pożizzjoni li jkollha dan l-għarfien u li impriża oħra ma setgħetx tkun f’pożizzjoni li takkwistah. Fil-fatt, ma jistax jiġi eskluż li, li kieku kellha ssir riċerka serja fl-Unjoni, kienu jiġu identifikati impriżi f’pożizzjoni li jfornu servizz adattat (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja, punt 35 iktar ’il fuq, punti 62 u 63). Barra minn hekk, ir-Renju ta’ Spanja lanqas ma stabbilixxa kif dawn il-kuntratti kkontestati kienu jippreżentaw speċifikazzjoni teknika li kienet tiġġustifika l-applikazzjoni ta’ proċedura nnegozjata mingħajr ma kien ippubblikat l-avviż ta’ sejħa għall-offerti minn qabel. F’dan il-każ, jirriżultaw kuntratti ta’ provvista ta’ prodotti standard (ara l-punti 45 sa 47, 50 u 51 iktar ’il fuq).

55

Minn dan isegwi li l-Artikolu 6(3)(c) tad-Direttiva 93/36 ma jistax jiġi invokat b’mod utli mir-Renju ta’ Spanja sabiex jiġġustifika, f’dak li jikkonċerna l-kuntratti kkontestati, l-applikazzjoni tal-proċedura nnegozjata mingħajr il-pubblikazzjoni tal-avviż tal-kuntratt minn qabel.

56

Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li t-tieni parti ta’ dan il-motiv għandha tiġi miċħuda bħala infondata.

57

Konsegwentement, it-tieni motiv għandu jiġi miċħud fl-intier tiegħu u, għaldaqstant, ir-rikors fl-intier tiegħu.

Fuq l-ispejjeż

58

Skont l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Peress li r-Renju ta’ Spanja tilef, hemm lok li jiġi kkundannat għall-ispejjeż skont it-talbiet tal-Kummissjoni.

 

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tielet Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

Ir-rikors huwa miċħud.

 

2)

Ir-Renju ta’ Spanja huwa kkundannat għall-ispejjeż.

 

Czúcz

Labucka

Gratsias

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fil-15 ta’ Jannar 2013.

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol


Partijiet
Motivi tas-sentenza
Parti operattiva

Partijiet

Fil-Kawża T-54/11,

Ir-Renju ta’ Spanja, inizjalment irrappreżentat minn M. Muñoz Pérez, sussegwentement minn S. Martínez-Lage Sobredo, u finalment minn A. Rubio González u N. Díaz Abad, abogados del Estado,

rikorrent,

vs

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn A. Steiblytė u J. Baquero Cruz, bħala aġenti,

konvenuta,

li għandha bħala suġġett talba għall-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2010) 7700 finali, tas-16 ta’ Novembru 2010, li tnaqqas l-għajnuna tal-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (FEŻR) mogħtija favur il-programm operattiv integrali tal-objettiv Nru 1 ta’ Andalucía (2000-2006), sa fejn din timponi korrezzjoni finanzjarja ta’ 100 % tal-ispejjeż finanzjarji mill-FEŻR għall-kuntratti Nru 2075/2003 u 2120/2005,

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tielet Awla),

komposta minn O. Czúcz, President, I. Labucka (Relatur) u D. Gratsias, Imħallfin,

Reġistratur: J. Palacio González, Amministratur Prinċipali,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas-26 ta’ Ġunju 2012,

tagħti l-preżenti

Sentenza

Motivi tas-sentenza

Il-fatti li wasslu għall-kawża

1. Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1260/1999, tal-21 ta’ Ġunju 1999, li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-Fondi Strutturali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 14, Vol. 1, p. 31), adottat fil-kuntest ta’ politika ta’ koeżjoni ekonomika u soċjali tal-Unjoni Ewropea, huwa intiż li jnaqqas id-differenzi fl-iżvilupp ta’ diversi reġjuni tal-Unjoni u sabiex jippromwovi din il-koeżjoni ekonomika u soċjali. Maħsub sabiex itejjeb l-effettività tal-għajnuna strutturali Komunitarja, dan jissimplifika l-funzjonament tal-fondi, b’mod partikolari billi jitnaqqsu n-numru ta’ objettivi prioritarji ta’ għajnuna minn sebgħa, matul il-perijodu 1994-1999, għal tlieta, għall-perijodu 2000-2006, u jiddetermina b’mod iktar preċiż ir-responsabbiltajiet tal-Istati Membri u tal-Unjoni matul it-tfassil, tal-implementazzjoni, tat-tmexxija, tal-evalwazzjoni u tal-kontroll.

2. Permezz tad-Deċiżjoni C (2000) 3965, tad-29 ta’ Diċembru 2000, il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej approvat il-programm operattiv integrat tal-objettiv Nru 1 ta’ Andalucía (Spanja) (2000-2006) u ffissat il-kontribuzzjoni massima tal-fondi strutturali għal EUR 6 152 700 000. Din id-deċiżjoni kienet suġġetta għal numru ta’ modifikazzjonijiet, fl-aħħar lok permezz tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2007) 1782, tas-16 ta’ Frar 2007, li tiffissa l-kontribuzzjoni massima tal-Fondi Ewropej għall-Iżvilupp Reġjonali (FEŻR) għal EUR 6 427 411 070.

3. Wieħed mill-proġetti inklużi f’din l-għajnuna kien jikkonsisti fit-tnedija ta’ karta tas-saħħa għas-servizz tas-saħħa ta’ Andalucía (proġett Tarjeta sanitaria del Servicio Andaluz de Salud), li kellu bħala skop aħħari l-iżvilupp u l-operat ta’ fajl mediku uniku online għal kull ċittadin tal-Komunità awtonoma ta’ Andalucía, li jippermetti wkoll l-aċċess lill-professjonisti tas-saħħa pubblika ta’ din il-komunità.

4. Il-proġett beda bi ftehim ta’ kooperazzjoni tal-24 ta’ Lulju 1995 iffirmat bejn l-amministrazzjoni ġenerali tal-Istat (Ministeru tax-Xogħol) u l-gvern reġjonali (Junta de Andalucía) għall-użu ta’ karta tas-saħħa individwali komuni għall-kura tas-saħħa — iġġestita mill-gvern reġjonali ta’ Andalucía — u għas-sigurtà soċjali — iġġestita mill-amministrazzjoni ġenerali tal-Istat. L-eżekuzzjoni ta’ dan il-kuntratt kienet timplika l-assenjazzjoni ta’ sistema ta’ informazzjoni lil Centros de Salud (ċentri tas-saħħa) (l-ewwel għajnuna) ta’ diversi provinċji ta’ Andalucía (Almería, Córdoba, Jaén, Málaga, Cádiz).

5. Ulterjorment, is-servizz tas-saħħa ta’ Andalucía (iktar ’il quddiem is-“SAS”) lesta l-kompjuterizzazzjoni tal-provinċji l-oħra bit-twettiq tal-proġett imsejjaħ Diraya, imfassal għall-ħolqien ta’ fajl mediku elettroniku, il-“Historia de Salud Digital del Ciudadano” (fajl mediku diġitali tas-saħħa taċ-ċittadin). Għal dan il-għan, is-SAS żviluppat u installat matul fażijiet suċċessivi sistema tal-informatika li toħroġ mill-proġett inizjali tal-karta tas-saħħa.

6. Billi l-fażi III tal-proġett ippreżentat ċerti nuqqasijiet u riskji, is-SAS kienet imġiegħla li timplementa l-fażijiet IV-1, IV-2 u V. Il-fażi IV-1, li għaliha ġie ffirmat il-kuntratt ta’ provvista Nru 2075/2003, kienet tikkonsisti fit-twettiq ta’ proġett pilota fl-isptarijiet f’Cordoba (Spanja) u f’Sevilla (Spanja) ibbażat fuq it-trasferiment tad-data klinika lokali lejn database ċentralizzata (database ta’ utenti uniċi) sabiex tiġi ċċentralizzata l-informazzjoni fi ħdan ċentru għall-ipproċessar tad-data, li tippermetti l-interoperat bejn iċ-ċentri tal-kura tas-saħħa. Is-SAS nediet proġett ewlieni, billi forniet l-apparat neċessarju għall-operat taċ-ċentralizzazzjoni tad-database u tassigura t-tqegħid fis-servizz tagħha. Min-naħa tiegħu, il-kuntratt ta’ provvista Nru 2120/2005 kellu l-għan li jiffinalizza l-kuntratt, billi jforni servers lokali liċ-ċentri tas-saħħa sabiex jirrisolvu l-problemi ta’ spazju msemmja fil-proġett. Dan kien neċessarju sabiex jintlaħqu l-għanijiet stabbiliti għall-fażi IV-1 tal-proġett. Dawn iż-żewġ kuntratti ta’ provvista kienu ġew mogħtija lill-impriża offerenti fil-kuntest ta’ proċedura nnegozjata mingħajr ma kien ippubblikat l-avviż tal-kuntratt minn qabel.

7. Fil-kuntest ta’ verifika li saret fl-Istati Membri kollha, sabiex jiġi vverifikat l-operat tas-sistemi ta’ amministrazzjoni u ta’ kontroll tal-FEŻR għall-perijodu 2000-2006, il-Kummissjoni analizzat il-proċeduri ta’ verifika li saru mill-organi intermedjarji, il-Junta de Andalucía, b’konformità mal-Artikolu 4 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 438/2001, tat-2 ta’ Marzu 2001, li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-implementazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1260/1999 fir-rigward tas-sistemi ta’ ġestjoni u ta’ kontroll għal għajnuna mogħtija taħt il-Fondi Strutturali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 14, Vol. 1, p. 132).

8. Wara din l-evalwazzjoni, il-konklużjonijiet preliminari tal-verifika kienu ġew ikkomunikati, fil-25 ta’ April 2007, f’forma ta’ rapport lill-awtoritajiet Spanjoli, li kkomunikaw informazzjoni supplimentari fit-30 ta’ Ottubru 2009.

9. B’konformità mal-Artikolu 39(2) tar-Regolament Nru 1260/1999, ġiet organizzata seduta fi Brussell (il-Belġju), fil-25 ta’ Frar 2010, li matulha l-awtoritajiet Spanjoli ntrabtu li jipprovdu informazzjoni supplimentari, li ħaġa huma għamlu fis-17 ta’ Marzu 2010.

10. Permezz ta’ ittra tal-15 ta’ April 2010, il-Kummissjoni kkomunikat il-proċess verbali provviżorju tas-seduta lill-awtoritajiet Spanjoli, li dwar dan huma kkomunikaw l-osservazzjonijiet tagħhom b’posta elettronika tad-29 ta’ April 2010.

11. Il-verżjoni finali tal-proċess verbali tas-seduta ntbagħtet mill-Kummissjoni lill-awtoritajiet Spanjoli permezz ta’ ittra tat-30 ta’ Ġunju 2010.

12. Permezz tad-Deċiżjoni C (2010) 7700 finali, tas-16 ta’ Novembru 2010, li tnaqqas l-għajnuna tal-FEŻR għall-programm operattiv integrat tal-objettiv Nru 1 tal-Andalucía (2000-2006) (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”), il-Kummissjoni naqqset l-ammont tal-għajnuna mogħtija lill-programm imsemmi b’EUR 3 836 360, 40. Hija wettqet din il-korrezzjoni finanzjarja, innotifikata lill-awtoritajiet Spanjoli fis-17 ta’ Novembru 2010, għar-raġuni li l-kuntratti Nru 2075/2003 u Nru 2120/2005 (iktar ’il quddiem, meħuda flimkien, il-“kuntratti kkontestati”), ippreżentati għall-kofinanzjament, kienu ġew mogħtija skont il-proċedura nnegozjata mingħajr ma kien ippubblikat l-avviż ta’ sejħa għall-offerti minn qabel, bi ksur tad-dritt tal-Unjoni fil-qasam ta’ kuntratti pubbliċi.

13. Fil-25 ta’ Jannar 2011, l-awtoritajiet Spanjoli bagħtu t-talba tagħhom lill-Kummissjoni għall-ħlas finali.

Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

14. Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-reġistru tal-Qorti Ġenerali fis-27 ta’ Jannar 2011, ir-Renju ta’ Spanja ressaq il-proċedura preżenti.

15. Ir-Renju ta’ Spanja jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

– tannulla d-deċiżjoni kkontestata, sa fejn din timponi korrezzjoni finanzjarja ta’ 100 % tal-ispejjeż iffinanzjati mill-FEŻR għall-kuntratti kkontestati;

– tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

16. Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

– tiċħad ir-rikors fl-intier tiegħu;

– tikkundanna lir-Renju ta’ Spanja għall-ispejjeż.

Id-dritt

17. Insostenn tar-rikors għall-annullament tiegħu, ir-Renju ta’ Spanja invoka żewġ motivi, ibbażati rispettivament, fuq in-nuqqas ta’ osservanza tat-terminu ta’ tliet xhur previst fl-Artikolu 39(3)(b) tar-Regolament Nru 1260/1999 kif ukoll l-applikazzjoni mhux f’lokha tal-Artikolu 39(3)(b) tal-istess regolament u tal-leġiżlazzjoni dwar il-kuntratti pubbliċi tal-Unjoni.

Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq in-nuqqas ta’ osservanza tat-terminu ta’ tliet xhur imsemmi fl-Artikolu 39(3)(b) tar-Regolament Nru 1260/1999

18. Ir-Renju ta’ Spanja jsostni li d-deċiżjoni kkontestata ġiet adottata wara t-terminu previst fl-Artikolu 39(3)(b) tar-Regolament Nru 1260/1999 u li konsegwentement, din hija vvizzjata b’illegalità.

19. In-nuqqas ta’ qbil ewlieni bejn il-partijiet jibbaża fuq il-kwistjoni jekk it-terminu previst fl-Artikolu 39(3)(b) tar-Regolament Nru 1260/1999 huwiex perentorju jew jekk huwiex biss indikattiv. Din il-kwistjoni effettivament taffettwa l-validità tad-deċiżjoni kkontestata.

20. Ir-Renju ta’ Spanja jqis li, fl-ipoteżi fejn ebda ftehim ma jkun ġie ffirmat matul il-laqgħa bilaterali prevista fl-Artikolu 39(2) tar-Regolament Nru 1260/1999, il-Kummissjoni tiddisponi minn terminu ta’ tliet xhur sabiex tadotta deċiżjoni għal tnaqqis ta’ somom jew ta’ korrezzjonijiet finanzjarji. Mal-iskadenza ta’ dan it-terminu, hija ma tkunx tista’ iktar tieħu tali deċiżjoni. Huwa jafferma li din l-interpretazzjoni tal-Artikolu 39(3) tar-Regolament Nru 1260/1999 hija l-unika li tagħtih effett utli. Huwa jżid li dan it-terminu huwa “limitu ta’ żmien”, intiż li jiggarantixxi l-prinċipju taċ-ċertezza legali li tipproteġi lill-Istati Membri. Fil-fatt, dan huwa terminu raġonevoli għall-Istati Membri sabiex isiru jafu jekk l-ispejjeż esposti jkunux ser jiġu iffinanzjati jew le mill-Unjoni fil-kuntest tal-FEŻR.

21. Min-naħa l-oħra, il-Kummissjoni tikkunsidra li dan it-terminu huwa purament indikattiv u li n-nuqqas ta’ osservanza tat-tali terminu ma joħloqx limitu għall-fajl. F’dan ir-rigward, hija tibbaża fuq il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li tirrigwarda l-Fond Agrikolu Ewropew dwar Gwida u Garanzija (FAEGG), li turi li t-termini kif stabbiliti fl-Artikolu 39(3) tar-Regolament Nru 1260/1999 huma indikattivi minħabba li l-ebda sanzjoni ma hija prevista f’każ ta’ nuqqas ta’ osservanza mill-Kummissjoni. B’hekk, dawn huma assoċjati ma’ terminu indikattiv. Hija tiġġustifika dan il-karattru indikattiv bin-natura tal-korrezzjonijiet finanzjarji, li huma essenzjalment intiżi li jassiguraw li l-ispejjeż sostnuti mill-awtoritajiet nazzjonali kienu konformi mad-dritt tal-Unjoni.

22. Skont il-formulazzjoni nnifisha tal-Artikolu 39(3)(b) tar-Regolament Nru 1260/1999, “[fi] tmiem il-perjodu stabbilit mill-Kummissjoni, il-Kummissjoni tista’, jekk ma jkunx intlaħaq ftehim u l-Istat Membru ma jkunx għamel il-korrezzjonijiet u waqt li tagħti kas tal-kummenti magħmula mill-Istat Membru, tiddeċiedi fi żmien tliet xhur li tagħmel il-korrezzjonijiet finanzjarji meħtieġa billi tikkanċella l-kontribuzzjoni tal-Fondi kollha jew parti minnha lill-għajnuna konċernata”.

23. Skont l-Artikolu 5(3) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 448/2001, tat-2 ta’ Marzu 2001, li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-implementazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1260/1999 dwar il-proċedura sabiex isiru korrezzjonijiet finanzjarji għal għajnuna mogħtija taħt il-Fondi Strutturali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 14, Vol. 1, p. 155) “[k]ull meta l-Istat Membru joġġezzjona għall-osservazzjonijiet magħmula mill-Kummissjoni u ssir seduta taħt it-tieni subparagrafu ta’ l-Artikolu 39(2) tar-Regolament […] Nru 1260/1999, il-perjodu ta’ tliet xhur li matulu l-Kummissjoni tista’ tieħu deċiżjoni taħt l-Artikolu 39(3) ta’ dak ir-Regolament għandu jibda mid-data tas-seduta”.

24. Mill-formulazzjoni ta’ dawn l-artikoli ma jirriżultax li n-nuqqas ta’ osservazzjoni ta’ dan it-terminu ta’ tliet xhur jipprekludi lill-Kummissjoni milli tieħu, wara l-iskadenza ta’ dan it-terminu, deċiżjoni li tagħmel jew ma tagħmilx korrezzjonijiet finanzjarji. Konsegwentement, in-nuqqas ta’ osservanza ta’ tali terminu ma joħloqx deċiżjoni impliċita ta’ ħlas mill-FEŻR tal-ispejjeż sostnuti mill-awtoritajiet nazzjonali.

25. Qabel xejn, din il-konklużjoni hija kkorroborata b’mod sħiħ minn interpretazzjoni teleoloġika tal-Artikolu 39 tar-Regolament Nru 1260/1999. F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li skont il-ġurisprudenza, l-ivverifikar tal-kontijiet għandu bħala għan essenzjali li jiżgura li l-ispejjeż tal-awtoritajiet nazzjonali saru skont ir-regoli tal-Unjoni (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-27 ta’ Jannar 1988, Id-Danimarka vs Il-Kummissjoni, 349/85, Ġabra p. 169, punt 19).

26. Għal din ir-raġuni, l-Artikoli 38 u 39 tar-Regolament Nru 1260/1999 jipprovdu għal proċedura ta’ kooperazzjoni bejn l-Istati Membri u l-Kummissjoni, li tagħti lill-Istati Membri kkonċernati l-garanziji kollha neċessarji għalihom sabiex jippreżentaw il-pożizzjoni tagħhom (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-29 ta’ Jannar 1998, Il-Greċja vs Il-Kummissjoni C-61/95, Ġabra p. I-207, punt 39). Skont din il-proċedura, il-Kummissjoni u l-Istati Membri għandhom jimmiraw li jidentifikaw u janalizzaw, fi spirtu ta’ kooperazzjoni bbażata fuq sħubija, id-data rilevanti kollha, sabiex jiġi evitat il-ħlas mill-FEŻR tal-ispejjeż irregolari u bil-għan li jiġu applikati l-korrezzjonijiet finanzjarji neċessarji.

27. Għalhekk, għandu jiġi enfasizzat li l-Kummissjoni hija obbligata li tirrifjuta l-ħlas mill-FEŻR tal-ispejjeż li ma sarux b’konformità mar-regoli tal-Unjoni. Dan l-obbligu ma jispiċċax mill-uniku fatt li d-deċiżjoni tal-Kummissjoni kienet ittieħdet wara l-iskadenza tat-terminu ta’ tliet xhur li jibdew mid-data tas-seduta, prevista fl-Artikolu 39(3) tar-Regolament Nru 1260/1999 moqri flimkien mal-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 448/2001. Fin-nuqqas ta’ kull sanzjoni marbuta man-nuqqas ta’ osservanza ta’ dan it-terminu mill-Kummissjoni, dan jista’ jiġi kkunsidrat biss, fid-dawl tan-natura tal-proċedura prevista fl-Artikoli 38 u 39 tar-Regolament Nru 1260/1999 li l-għan ewlieni tagħhom huwa li jiżguraw li l-ispejjeż sostnuti mill-awtoritajiet nazzjonali kienu tħallsu skont ir-regoli tal-Unjoni, bħala terminu indikattiv, suġġett għall-akkwist ta’ interessi ta’ Stat Membru (ara, b’analoġija, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-22 ta’ Mejju 2012, Il-Portugall vs Il-Kummissjoni, T-345/10, li ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 32). Il-Kummissjoni għandha tiżgura li tosserva dan it-terminu, iżda, minħabba l-kumplessità li tista’ tkun relatata mal-kontroll tal-imsemmija spejjeż, jista’ jkun neċessarju għaliha li jkollha żmien itwal sabiex tipproċedi għall-analiżi fil-fond tas-sitwazzjoni sabiex tevita l-ħlas tal-ispejjeż irregolari.

28. Għalhekk, għandu jiġi konkluż li, fin-nuqqas ta’ intenzjoni kuntrarja tal-leġiżlatur li tirriżulta b’mod ċar mill-Artikolu 39(3)(b) tar-Regolament Nru 1260/1999 u mill-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 448/2001, l-imsemmi terminu jirrappreżenta biss, fil-prinċipju, karattru indikattiv u n-nuqqas ta’ konformità ma jaffettwax il-legalità tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni. Din l-interpretazzjoni ma ċċaħħadx lill-Artikolu 39(3) tar-Regolament Nru 1260/1999 mill-effett utli tiegħu, kif jafferma r-Renju ta’ Spanja f’dan il-każ, peress li jirriżulta b’mod ċar mill-aħħar linja tal-paragrafu 3 tal-imsemmi Artikolu li “[fin-] nuqqas ta’ deċiżjoni li taġixxi skond [dispożizzjonijiet previsti taħt] (a) jew (b) is-sospensjoni tal-ħlas proviżorju għandha tintemm immedjatament”. Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li r-Renju ta’ Spanja la invoka u lanqas stabbilixxa li l-interessi tiegħu ġew milquta minħabba l-iskadenza tat-terminu kkontestat.

29. Madankollu, fin-nuqqas ta’ test li jimponi terminu perentorju fir-Regolament Nru 1260/1999, ir-rekwiżit fundamentali taċ-ċertezza legali jipprekludi lill-Kummissjoni milli ddewwem indefinittivament l-eżerċizzju tas-setgħat tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-24 ta’ Settembru 2002, Falck u Acciaierie di Bolzano vs Il-Kummissjoni, C-74/00 P u C-75/00 P, Ġabra p. I-7869, punt 140).

30. F’dan ir-rigward, u sa fejn l-argument tar-Renju ta’ Spanja jista’ jkun ukoll interpretat bħala intiż sabiex jilmenta kontra l-Kummissjoni l-fatt li t-terminu meħud għall-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata ma kienx raġonevoli, għandu jiġi rrilevat li l-eżami tal-iżvolġiment tal-proċedura ma weriex l-eżistenza ta’ dewmien li jimmina r-rekwiżiti fundamentali taċ-ċertezza legali u ta’ terminu raġonevoli. B’mod partikolari, b’konformità mal-Artikolu 39(2) tar-Regolament Nru 1260/1999, ġiet organizzata laqgħa fi Brussell fil-25 ta’ Frar 2010 bejn il-Kummissjoni u r-Renju ta’ Spanja sabiex jintlaħaq ftehim dwar l-osservazzjonijiet miġjuba mill-Kummissjoni u li jikkonċernaw in-nuqqas ta’ ġustifikazzjoni tal-parteċipazzjoni tal-FEŻR għaż-żewġ kuntratti kkontestati, fil-kuntest tal-proġett tal-karta tas-saħħa. Matul din il-laqgħa, il-partijiet irrikonoxxew li r-Renju ta’ Spanja wiegħed li jforni lill-Kummissjoni b’informazzjoni supplimentari, kif din għamlet fis-17 ta’ Marzu 2010. Il-verżjoni finali tal-proċess verbali tas-seduta ġie mibgħut mill-Kummissjoni lill-awtoritajiet Spanjola b’ittra tat-30 ta’ Ġunju 2010. F’dan il-każ, huwa sabbilit li l-informazzjoni trażmessa kienet tinkludi elementi ġodda li l-Kummissjoni bbażat ruħha fuqhom sabiex tadotta d-deċiżjoni kkontestata fis-16 ta’ Novembru 2010.

31. Minn dak kollu li ntqal iktar ’il fuq jirriżulta li l-ewwel motiv għandu jiġi miċħud bħala infondat.

Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq l-applikazzjoni mhux f’lokha tal-Artikolu 39(3)(b) tar-Regolament Nru 1260/1999 u tal-leġiżlazzjoni fuq il-kuntratti pubbliċi tal-Unjoni.

32. Ir-Renju ta’ Spanja jikkritika lill-Kummissjoni talli kienet ikkoreġiet il-parti tal-finanzjament tal-proġett mill-FEŻR, abbażi tal-fatt li l-kuntratti kkontestati ma ġewx iffirmati b’konformità mal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni dwar il-kuntratti pubbliċi. Kuntrarjament, huwa jqis li l-kuntratti kienu saru b’mod regolari.

33. Essenzjalment, dan il-motiv huwa maqsum f’żewġ partijiet, li jiġġustifikaw, kull waħda, skont ir-Renju ta’ Spanja, l-użu tal-proċedura nnegozjata mingħajr il-pubblikazzjoni tal-avviż ta’ sejħa għall-offerti minn qabel. L-ewwel parti tistrieħ fuq l-affermazzjoni li tgħid li l-finalità tal-kuntratti kkontestati, li tinvolvi l-provvista ta’ prodott immanifatturat għall-finijiet ta’ riċerka, esperimentazzjoni, studju jew żvilupp, tiġġustifika l-użu tal-proċedura nnegozjata, skont l-Artikolu 6(3)(b) tad-Direttiva tal-Kunsill 93/36/KEE, tal-14 ta’ Ġunju 1993, li tikkoordina l-proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti pubbliċi ta’ provvista (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 2, p. 110). It-tieni parti tistrieħ fuq l-affermazzjoni li tgħid li l-kuntratti kkontestati kienu jippreżentaw speċifikazzjonijiet tekniċi, li jilleġittimaw l-applikazzjoni ta’ din il-proċedura eċċezzjonali, skont l-Artikolu 6(3)(c) ta’ din l-istess direttiva.

34. Qabel kollox, għandu jiġi mfakkar li l-proċedura nnegozjata hija ta’ natura eċċezzjonali, peress li l-Artikolu 6(2) u (3) tad-Direttiva 93/36 jelenka b’mod eżawrjenti u espressament l-uniċi eċċezzjonijiet li għalihom huwa permess l-użu tal-proċedura nnegozjata (ara s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-8 ta’ April 2008, Il-Kummissjoni vs L-Italja, C-337/05, Ġabra p. I-2173, punt 56, u l-ġurisprudenza ċċitata).

35. Bl-istess mod, għandu jiġi mfakkar li hija ġurisprudenza stabbilita li dawn id-dispożizzjonijiet, inkwantu derogi għar-regoli li għandhom l-għan li jiggarantixxu l-effettività tad-drittijiet rikonoxxuti mid-dritt tal-Unjoni fis-settur tal-kuntratti pubbliċi, għandhom jingħataw interpretazzjoni restrittiva (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-15 ta’ Ottubru 2009, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja, C-275/08, li ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 55, u l-ġurisprudenza ċċitata).

36. Barra minn hekk, għandu jiġi mfakkar li l-oneru tal-prova li effettivament jeżistu ċirkustanzi eċċezzjonali li jiġġustifikawhom taqa’ fuq min jirrileva l-imsemmija derogi (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Il-Kummissjoni vs L-Italja, punt 34 iktar ’il fuq, punt 58, u Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja, punt 35 iktar ’il fuq, punt 56).

37. F’dan il-każ, għandu għalhekk jiġi vverifikat jekk ir-Renju ta’ Spanja ressaqx il-prova li l-kuntratti kkontestati setgħux, b’applikazzjoni tal-Artikolu 6(3)(b) jew (c) tad-Direttiva 93/36, ikunu suġġetti għal proċedura nnegozjata mingħajr il-pubblikazzjoni tal-avviż tal-kuntratt minn qabel.

Fuq l-ewwel parti tat-tieni motiv, li jirrigwarda l-Artikolu 6(3)(b) tad-Direttiva 93/36.

38. Ir-Renju ta’ Spanja jargumenta li l-fażi III tal-proġett kienet tippreżenta sensiela ta’ nuqqasijiet u ta’ riskji, inerenti għan-natura lokali tal-proġett, li kienet tirrendi impossibbli ċ-ċentralizzazzjoni u l-iskambju tad-data bejn id-diversi ċentri tas-saħħa tas-SAS. Fil-kuntest tal-proġett u tal-pjan ta’ azzjoni tal-Kummissjoni favur Żona Ewropea ta’ Saħħa online, is-SAS ipproponiet għan mingħajr preċedent, li jippermetti l-interoperabbiltà bejn iċ-ċentri tal-kura tas-saħħa, filwaqt li tiġi ggarantita l-mobbiltà ġeografika tal-pazjenti. Huwa jenfasizza li dan l-għan ġdid kien jippreżenta natura estremament delikata, u li kien jidher ġudizzjuż li jitwettaq fl-ewwel lok permezz ta’ proġett pilota, li jibbaża fuq żona ta’ kura tas-saħħa ta’ natura rurali u sptar ġenerali ta’ natura urbana.

39. Ir-Renju ta’ Spanja jsostni li dan il-proġett pilota kien jikkonsisti fl-istudju u fl-esperimentazzjoni tal-modalitajiet li permezz tagħhom kellu jsir it-trasferiment sigur tad-data lokali lejn database tal-utenti, u, f’dan is-sens, l-iskop kien li jiġi implementat prodott tal-informatika ġdid intiż għall-eżekuzzjoni ta’ dan it-trasferiment b’sigurtà sħiħa, sabiex jippermetti, ġaladarba tiġi vverifikata l-affidabbiltà tas-sistema, li jsir it-trasferiment tad-data taċ-ċentri l-oħra tas-SAS li ma humiex inklużi fil-proġett pilota. L-għan ta’ dan il-proġett huwa li jsiru testijiet sabiex jinstabu modalitajiet adegwati għal dan it-trasferiment. Dan jiġġustifika l-kwalifika ta’ “prodott immanifatturat biss għall-finijiet ta’ riċerka, esperimentazzjoni, studju jew żvilupp”.

40. Għandu jiġi mfakkar li, skont l-Artikolu 6(3)(b) tad-Direttiva 93/36, l-awtoritajiet kontraenti jistgħu jgħaddu l-kuntratti ta’ provvista tagħhom skont il-proċedura nnegozjata mingħajr ma jkun ippubblikat l-avviż tal-kuntratt minn qabel, meta l-prodotti kkonċernati jkunu mmanifatturati biss għall-finijiet ta’ riċerka, esperimentazzjoni, studju jew żvilupp. Din id-dispożizzjoni ma tinkludix produzzjoni fi kwantità sabiex tistabbilixxi l-vijabbiltà kummerċjali tal-prodott jew sabiex jitnaqqsu l-ispejjeż ta’ riċerka u ta’ żvilupp.

41. Mill-informazzjoni fil-fajl jirriżulta li l-awtoritajiet Spanjoli kellhom konoxxenza tajba tal-materjal neċessarju sabiex jilħqu l-għan tagħhom. L-ebda element mill-ispeċifikazzjonijiet tekniċi taż-żewġ kuntratti ma kien jindika li l-impriża li ngħatat il-kuntratt kellha toħloq prodott ġdid intiż għar-riċerka, għall-esperimentazzjoni, għall-istudju jew għall-iżvilupp. Fil-fatt, dan kien jikkonċerna l-installazzjoni ta’ materjal tal-informatika u dak li ma huwiex, identifikat sew, deskritt b’mod dettaljat ħafna mill-awtoritajiet Spanjoli, u diġà preżenti fis-suq, li fornitur medju fis-settur kien ikun f’pożizzjoni li jagħmlu.

42. Fir-rigward tal-ispeċifikazzjonijiet tekniċi tal-kuntratt Nru 2075/2003, għandu jiġi kkonstatat li, skont it-titolu u s-suġġett tiegħu, kien “kuntratt ta’ provvista ta’ cables, mezzi ta’ komunikazzjoni, servers u partijiet neċessarji għall-adattament tal-fajl mediku nnumerat taċ-ċittadin fis-setturi tas-saħħa, konsultazzjonijiet esterni u urġenzi tal-isptar bħala fażi IV-1 tal-proġett Tarjeta Sanitaria (Diraya) du Servicio Andaluz de Salud”. Dan it-test huwa meħud mid-deskrizzjoni tas-suġġett fit-tieni paġna tad-dokument. Sussegwentement, il-kapitoli 3 sa 6 tal-ispeċifikazzjonijiet tekniċi jippreżentaw b’mod iddettaljat il-materjal kollu tal-informatika u dak li ma huwiex li kien jifforma s-suġġett tal-kuntratt. Is-sitwazzjoni hija identika għall-baġit, fejn jidhru l-prodotti u wkoll il-marki tal-prodotti li jiġu forniti.

43. F’dak li jirrigwarda l-installazzjoni tal-materjal, il-kapitoli 3.7.1 u 4.8.1 tal-ispeċifikazzjonijiet tekniċi kienu jindikaw sensiela sħiħa ta’ servizzi sempliċi ta’ installazzjoni li fornitur medju fis-settur kien ikun f’pożizzjoni li jagħmilha għan-nom tal-awtorità kontraenti.

44. Il-kapitoli 5.1 u 5.2 tal-ispeċifikazzjonijiet tekniċi isegwu l-istess skema f’dak li jirrigwarda ċ-ċentru tal-ipproċessar tal-informazzjoni.

45. Minn dak li ntqal iktar ’il fuq jirriżulta li d-dettalji kollha li jikkonċernaw il-materjal, is-superviżjoni, il-kwalità tas-servizz, is-sigurtà u s-servizzi kienu deskritti bi preċiżjoni fl-ispeċifikazzjonijiet tekniċi. F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi konkluż li l-kuntratt Nru 2075/2003 ma huwiex kuntratt intiż għall-provvista ta’ prodotti mmanifatturati unikament għall-finijiet ta’ riċerka, esperimentazzjoni, studju jew żvilupp, skont l-Artikolu 6(3)(b) tad-Direttiva 93/36.

46. Fir-rigward tal-ispeċifikazzjonijiet tekniċi tal-kuntratt Nru 2120/2005, għandu jiġi kkonstatat li, skont it-titolu u s-suġġett tiegħu, dan kien “kuntratt ta’ apparat u għajnuna supplimentari għall-fażi tal-proġett Tarjeta Sanitaria (Diraya) du Servicio Andaluz de Salud”.

47. Il-punt 1 tal-ispeċifikazzjonijiet tekniċi jiddisponi li l-fajl CC-2075/03 (jiġifieri l-kuntratt Nru 2075/2003) kien jikkostitwixxi l-bażi għat-twettiq tal-fajl Diraya għall-Andalucía fiż-żona tas-saħħa fit-Tramuntana ta’ Cordoba u fi sptar f’Sevilla. L-azzjonijiet futuri għat-tqegħid fis-seħħ ta’ Diraya fil-kumplament tas-sistema tas-saħħa kienu jiddependu mit-tqegħid għall-prova, mill-verifika u mill-evalwazzjoni tagħhom.

48. Il-kapitoli 3 sa 12 tal-ispeċifikazzjonijiet tekniċi jindikaw b’mod ċar u preċiż il-materjal meħtieġ tal-informatika u dak li ma huwiex, kif ukoll il-marki u l-mudelli. Il-baġit huwa wkoll iddettaljat. Fl-aħħar nett, il-kapitolu 13 tal-ispeċifikazzjonijiet tekniċi jiddeskrivi s-servizzi li għandhom jiġu pprovduti, jiġifieri l-installazzjoni u l-implementazzjoni tal-provvisti deskritti fil-kapitoli preċedenti tal-ispeċifikazzjonijiet. F’dan il-kuntratt ukoll, l-awtorità kontraenti kienet taf perfettament il-ħtiġijiet tagħha u l-apparat u s-servizzi neċessarji li jinħtieġu.

49. Minn dak li ntqal iktar ’il fuq jirriżulta li lanqas il-kuntratt Nru 2120/2005 ma jista’ jitqies li huwa intiż għall-provvista ta’ prodotti mmanifatturati għall-finijiet ta’ riċerka, esperimentazzjoni, studju jew żvilupp, skont l-Artikolu 6(3)(b) tad-Direttiva 93/36.

50. Minn dak li ntqal iktar ’il fuq jirriżulta, u mingħajr il-ħtieġa li tiġi eżaminata l-ammissibbiltà ta’ din il-parti tat-tieni motiv li hija kkontestata mill-Kummissjoni, li l-imsemmija parti għandha tiġi miċħuda bħala infondata, peress li l-awtoritajiet Spanjoli ma wrewx li l-kuntratti kkontestati setgħu, b’applikazzjoni tal-Artikolu 6(3)(b) tad-Direttiva 93/36, ikunu s-suġġett ta’ proċedura nnegozjata mingħajr il-pubblikazzjoni ta’ avviż tal-kuntratt.

Fuq it-tieni parti tat-tieni motiv, li tirrigwarda l-Artikolu 6(3)(c) tad-Direttiva 93/36

51. Ir-Renju ta’ Spanja josserva li l-proġett pilota għandu speċifikazzjoni teknika marbuta mal-implementazzjoni ta’ sistema u mat-trasferiment tad-data. Dan iqis li kien indispensabbli li jiġu applikati ċerti proċeduri ta’ trasferiment speċifiċi u siguri, li neċessarjament kellhom jiġu bbażati fuq għarfien profond tal-mudelli u tad-data, tal-iskemi, tat-tabelli u ta’ relazzjonijiet bejn entitajiet ta’ database lokali eżistenti għall-fażi III tal-proġett. Issa, l-impriża magħżula kienet, skont ir-Renju ta’ Spanja, l-unika impriża li kellha dan l-għarfien, peress li ġġestiet u wettqet dawn l-installazzjonijiet lokali fil-mument tal-għoti tal-kuntratt, bħala l-impriża li ngħatat il-kuntratt fil-fażijiet preċedenti tal-proġett tal-karta tas-saħħa.

52. Għandu jiġi mfakkar li, skont l-Artikolu 6(3)(c) tad-Direttiva 93/36, l-awtoritajiet kontraenti jistgħu jagħtu kuntratti ta’ provvista tagħhom bl-applikazzjoni tal-proċedura nnegozjata mingħajr ma kien ippubblikat l-avviż tal-kuntratt minn qabel, meta, minħabba l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi u artistiċi tagħhom jew għal raġunijiet konnessi mal-protezzjoni ta’ drittijiet ta’ esklużività, il-manifatturar jew il-provvista ta’ prodotti jista’ jingħata lil fornitur partikolari biss.

53. Għandu jiġi kkonstatat li mid-dokumentazzjoni miġbura fil-fajl mill-partijiet, ma jirriżultax li r-Renju ta’ Spanja kien irriċerka jekk jeżistux impriżi li kienu f’pożizzjoni li jirrispondu għas-sejħa għall-offerti fl-istess kundizzjonijiet, jew anki aħjar mill-impriża magħżula. Ma jsemmi xejn dwar xi inizjattiva f’dan is-sens kemm fit-territorju Spanjol jew b’mod iktar wiesa’ fl-Unjoni. Ir-Renju ta’ Spanja jirrileva biss li l-impriża magħżula kienet partikolarment ippożizzjonata tajjeb għas-sejħa għall-offerti, abbażi tal-ispeċifikazzjonijiet tekniċi tal-kuntratti kkontestati marbuta mal-implementazzjoni tas-sistema u tat-trasferiment tad-data, peress li kienet ingħatat kuntratti fil-fażijiet preċedenti għall-fażi IV-1 u li, għalhekk, kellha diġà għarfien sħiħ tad-database lokali eżistenti.

54. F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li dan ma jurix li din l-impriża kienet l-unika waħda f’pożizzjoni li jkollha dan l-għarfien u li impriża oħra ma setgħetx tkun f’pożizzjoni li takkwistah. Fil-fatt, ma jistax jiġi eskluż li, li kieku kellha ssir riċerka serja fl-Unjoni, kienu jiġu identifikati impriżi f’pożizzjoni li jfornu servizz adattat (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja, punt 35 iktar ’il fuq, punti 62 u 63). Barra minn hekk, ir-Renju ta’ Spanja lanqas ma stabbilixxa kif dawn il-kuntratti kkontestati kienu jippreżentaw speċifikazzjoni teknika li kienet tiġġustifika l-applikazzjoni ta’ proċedura nnegozjata mingħajr ma kien ippubblikat l-avviż ta’ sejħa għall-offerti minn qabel. F’dan il-każ, jirriżultaw kuntratti ta’ provvista ta’ prodotti standard (ara l-punti 45 sa 47, 50 u 51 iktar ’il fuq).

55. Minn dan isegwi li l-Artikolu 6(3)(c) tad-Direttiva 93/36 ma jistax jiġi invokat b’mod utli mir-Renju ta’ Spanja sabiex jiġġustifika, f’dak li jikkonċerna l-kuntratti kkontestati, l-applikazzjoni tal-proċedura nnegozjata mingħajr il-pubblikazzjoni tal-avviż tal-kuntratt minn qabel.

56. Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li t-tieni parti ta’ dan il-motiv għandha tiġi miċħuda bħala infondata.

57. Konsegwentement, it-tieni motiv għandu jiġi miċħud fl-intier tiegħu u, għaldaqstant, ir-rikors fl-intier tiegħu.

Fuq l-ispejjeż

58. Skont l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Peress li r-Renju ta’ Spanja tilef, hemm lok li jiġi kkundannat għall-ispejjeż skont it-talbiet tal-Kummissjoni.

Parti operattiva

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tielet Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

1) Ir-rikors huwa miċħud.

2) Ir-Renju ta’ Spanja huwa kkundannat għall-ispejjeż.