SENTENZA TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU TAL-UNJONI EWROPEA (Seduta Plenarja)

11 ta’ Diċembru 2013 (*)

“Servizz pubbliku — Uffiċjali — Pensjonijiet — Trasferiment tad-drittijiet għall-pensjoni miksuba taħt skema ta’ pensjoni nazzjonali — Regolament li jadatta r-rata tal-kontribuzzjoni għall-iskema ta’ pensjoni tal-Unjoni — Adattament tal-valuri attwarjali — Ħtieġa li jiġu adottati dispożizzjonijiet ġenerali ta’ implementazzjoni — Applikazzjoni ratione temporis tad-dispożizzjonijiet ġenerali ta’ implementazzjoni ġodda — Irtirar ta’ proposta ta’ akkreditazzjoni tas-snin ta’ servizz — Legalità — Kundizzjonijiet”

Fil-Kawża F‑130/11,

li għandha bħala suġġett rikors ippreżentat skont l-Artikolu 270 TFUE, applikabbli għat-Trattat KEEA skont l-Artikolu 106a tiegħu,

Marco Verile, uffiċjal tal-Kummissjoni Ewropea, residenti f’Cadrezzate (l-Italja),

Anduela Gjergji, membru tal-persunal bil-kuntratt tal-Aġenzija Eżekuttiva tan-Netwerk tat-Trasport Trans-Ewropew, residenti fi Brussell (il-Belġju),

irrappreżentati minn D. Abreu Caldas, A. Coolen, J.-N. Louis, É. Marchal u S. Orlandi, avukati,

rikorrenti,

vs

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn D. Martin u J. Baquero Cruz, bħala aġenti,

konvenuta,

IT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU
(Seduta Plenarja),

kompost minn S. Van Raepenbusch, President, M. I. Rofes i Pujol, President ta’ Awla, E. Perillo (Relatur), R. Barents u K. Bradley, Imħallfin,

Reġistratur: J. Tomac, Amministratur,

wara li ra l-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-24 ta’ April 2013,

jagħti l-preżenti

Sentenza

1        Permezz ta’ att li wasal fir-Reġistru tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku fit-2 ta’ Diċembru 2001, M. Verile u A. Gjergji ppreżentaw dan ir-rikors intiż, b’mod partikolari, għall-annullament tad-deċiżjonijiet tal-20 u tad-19 ta’ Mejju 2011 rispettivament, li permezz tagħhom il-Kummissjoni Ewropea rtirat l-ewwel proposta li kienet tistabilixxi, fuq talba tagħhom, in-numru tas-snin ta’ servizz għall-akkreditazzjoni fl-iskema ta’ pensjoni tal-Unjoni u nnotifikat lil kull wieħed minnhom b’akkreditazzjoni tas-snin ta’ servizz ġdida li tirriżulta mit-trasferiment tad-drittijiet għall-pensjoni li huma kienu kisbu fi ħdan l-iskemi nazzjonali ta’ pensjoni qabel ma daħlu fis-servizz tal-Kummissjoni.

 Il-kuntest ġuridiku

2        L-Artikolu 83a tar-Regolamenti tal-Persunal tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem ir-“Regolamenti tal-Persunal”), jipprovdi:

“1. L-iskema għandha tinżamm ibbilanċata skond ir-regoli dettaljati ppreżentati fl-Anness XII [tar-Regolamenti tal-Persunal].

[…]

3. Fl-okkażjoni ta’ l-istima attwarjali ta’ kull ħames snin, skond l-Anness XII [tar-Regolamenti tal-Persunal] u sabiex jiżgura l-bilanċ ta’ l-iskema [tal-pensjoni], il-Kunsill [tal-Unjoni Ewropea] għandu jiddeċiedi fuq ir-rata tal-kontribuzzjoni u kull bidla fl-età tal-pensjoni.

4. Kull sena l-Kummissjoni għandha tippreżenta lill-Kummissjoni [Kunsill] verżjoni aġġornata ta’ l-istima attwarjali, skond l-Artikolu 1(2) ta’ l-Anness XII [tar-Regolamenti tal-Persunal]. Fejn jintwera li hemm qabża ta’ mill-anqas 0.25 punti bejn ir-rata tal-kontribuzzjoni applikata bħalissa u r-rata meħtieġa biex jinżamm il-bilanċ attwarjali, il-Kunsill għandu jikkunsidra jekk ir-rata għandhiex tkun applikata, skond l-arranġamenti mniżżla fl-Anness XII [tar-Regolamenti tal-Persunal].

[…]”.

3        L-Artikolu 84 tar-Regolamenti tal-Persunal jipprovdi:

“Regoli dettaljati li jirregolaw l-iskema t’hawn fuq tal-pensjoni qegħdin fl-Anness VIII [tar-Regolamenti tal-Persunal].”

4        L-Artikolu 110(1) tar-Regolamenti tal-Persunal jipprovdi:

“Id-disposizzjonijiet ġenerali biex idaħħlu fis-seħħ dawn ir-Regolamenti tal-Persunal, għandhom ikunu adottati minn kull istituzzjoni, wara li jkunu kkonsultati l-Kumitat tal-Persunal u l-Kumitat tar-Regolamenti tal-Persunal tagħhom. […]”

5        L-Artikolu 8 tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal, qabel id-dħul fis-seħħ tar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1324/2008, tat-18 ta’ Diċembru 2008, li jaġġusta mill-1 ta’ Lulju 2008 r-rata tal-kontribuzzjoni għall-iskema tal-pensjonijiet tal-uffiċjali u ta’ ħaddiema oħra tal-Komunitajiet Ewropej (ĠU L 345, p. 17), kien jipprovdi dan li ġej:

“Ekwivalenza attwarjali tal-pensjoni ta’ l-irtirar tfisser il-valur kapitali tal-benefiċċji dovuti lill-uffiċjal b’riferenza għat-tabella tal-mortalità, riferuta fl-Artikolu 9 ta’ l-Anness XII [tar-Regolamenti tal-Persunal] u suġġett għal imgħax ta’ 3.5 % fis-sena, liema rata tista’ tkun riveduta skont ir-regoli mniżżla fl-Artikolu 10 ta’ l-Anness XII [tar-Regolamenti tal-Persunal].”

6        L-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 1324/2008 f’dan ir-rigward jistabbilixxi:

“Mill-1 ta’ Jannar 2009, ir-rata fl-Artikoli 4(1) u 8 ta’ Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal [...] għandha tkun 3.1 %.”

7        Skont l-Artikolu 11(1) tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal:

“Uffiċjal li jitlaq mis-servizz tal-Unjoni biex:

–        jidħol fis-servizz ta’ amministrazzjoni tal-gvern jew organizzazzjoni nazzjonali jew internazzjonali li kkonkludiet ftehim mal-Unjoni;

[…]

għandu jkun intitolat li jkollu l-ekwivalenza attwarjali tad-drittijiet għall-pensjoni ta’ l-irtirar aġġornati sad-data attwali tat-trasferiment tiegħu fl-Unjoni ttrasferiti għal ġol-fond tal-pensjoni ta’ dik [l-amministrazzjoni jew dik] l-organizzazzjoni […].”

8        Minn naħa l-oħra, skont l-Artikolu 11(2) tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal:

“Uffiċjal li jidħol fis-servizz tal-Unjoni wara:

–        li jitlaq mis-servizz ta’ amministrazzjoni tal-gvern jew ta’ organizzazzjoni nazzjonali jew internazzjonali; [...]

[…]

għandu jkun intitolat, wara li jkun stabbilit iżda qabel ma jsir eliġibbli għall-pagament ta’ pensjoni ta’ l-irtirar […] li [j]ħallas lill-Unjoni l-valur kapitali, aġġornat sad-data tat-trasferimenti attwali, tad-drittijiet għall-pensjoni miksuba bis-saħħa tat-tali servizzi jew attivitajiet.

Fit-tali każ l-istituzzjoni li l-uffiċjal iservi fiha, wara li tikkunsidra s-salarju bażiku ta’ l-uffiċjal, l-età, u r-rata tal-kambju fid-data ta’ l-applikazzjoni tat-trasferiment, għandha tistabbilixxi permezz tad-disposizzjonijiet ġenerali ta’ l-implimentazzjoni n-numru ta’ snin tas-servizz pensjonabbli li bih huwa jkun ikkreditat taħt l-iskema tal-pensjoni tal-Unjoni dwar il-perjodu ta’ qabel tas-servizz, fuq il-bażi tal-kapital ittrasferit, wara li jitnaqqas ammont li jirrappreżenta l-apprezzament tal-kapital bejn id-data ta’ l-applikazzjoni għat-trasferiment u d-data attwali tat-trasferiment.

L-uffiċjali jistgħu jagħmlu użu minn dan l-arranġament darba biss għal kull Stat Membru u fond tal-pensjoni kkonċernati.”

9        Permezz tad-Deċiżjoni C(2004) 1588, tat-28 ta’ April 2004, ippubblikata fl-Informazzjoni amministrattiva Nru 60 tad-9 ta’ Ġunju 2004, il-Kummissjoni adottat id-dispożizzjonijiet ġenerali ta’ implementazzjoni tal-Artikoli 11 u 12 tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal, dwar it-trasferiment tad-drittijiet għall-pensjoni (iktar ’il quddiem id-“DĠI 2004”). Id-DĠI 2004 jirreferu għal żewġ tabelli ta’ valuri attwarjali li jinsabu f’żewġ annessi, l-Anness 1, li jikkonċerna l-valuri attwarjali (V1) ikkalkolati abbażi tal-parametri stipulati fl-Anness XII tar-Regolamenti tal-Persunal għall-kalkolu tal-ammont tal-ekwivalenza attwarjali trasferibbli bis-saħħa tal-Artikoli 11(1) u 12 tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal, u l-Anness 2, li jikkonċerna l-valuri attwarjali (V2) ikkalkolati abbażi tal-parametri stipulati fl-Anness XII tar-Regolamenti tal-Persunal għall-kalkolu tan-numru ta’ snin ta’ servizz li għandhom jiġu akkreditati bis-saħħa tal-Artikolu 11(2) u (3) tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal.

10      Il-valuri attwarjali V1 u V2, ikkalkolati skont l-età fid-data tat-talba u abbażi tal-parametri stipulati fl-Anness XII tar-Regolamenti tal-Persunal, huma identiċi.

11      Permezz tad-Deċiżjoni C(2011) 1278, tat-3 ta’ Marzu 2011, dwar id-dispożizzjonijiet ġenerali ta’ implementazzjoni tal-Artikoli 11 u 12 tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal dwar it-trasferiment ta’ drittijiet għall-pensjoni, ippubblikata fl-Informazzjoni amministrattiva Nru 17 tat-28 ta’ Marzu 2011, il-Kummissjoni ħassret id-DĠI 2004 u adottat dispożizzjonijiet ġenerali ta’ implementazzjoni tal-Artikoli 11 u 12 tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal ġodda (iktar ’il quddiem id-“DĠI 2011”).

12      Id-DĠI 2011 daħlu fis-seħħ fl-1 ta’ April 2011 u fl-Artikolu 9 tagħhom jipprovdu:

“Dawn id-dispożizzjonijiet ġenerali ta’ implementazzjoni [...] jidħlu fis-seħħ fl-ewwel jum tax-xahar wara d-data li fiha jiġu ppubblikati fl-[Informazzjoni amministrattiva].

Huma jħassru u jissostitwixxu [id-DĠI 2004].

Minkejja dan, [id-DĠI 2004] jibqgħu applikabbli għat-trasferimenti bis-saħħa tal-Artikoli 11(1) u 12 tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal fil-każ fejn il-waqfien mis-servizz ikun seħħ qabel [l-1 ta’ Jannar] 2009. Huma jibqgħu applikabbli wkoll għall-fajls tal-membri tal-persunal li t-talba tat-trasferiment tagħhom taħt l-Artikolu 11(2) u (3) tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal tkun ġiet irreġistrata qabel [l-1 ta’ Jannar] 2009.

Il-koeffiċjenti ta’ konverżjoni [...] stipulati fl-Anness 1 japplikaw bl-effett [mill-1 ta’ Jannar] 2009. Dawn il-koeffiċjenti ta’ konverżjoni jiġu awtomatikament emendati meta jidħol fis-seħħ adattament tar-rata ta’ interessi indikata fl-Artikolu 8 tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

13      B’differenza mid-DĠI 2004, l-Anness 1 tad-DĠI 2011 fih biss tabella waħda li fiha jidhru valuri attwarjali, issa msejħa “koeffiċjenti ta’ konverżjoni”, li huma validi kemm għall-kalkolu tal-ammont ta’ ekwivalenza attwarjali trasferibbli kif ukoll għall-kalkolu tas-snin ta’ servizz li għandhom jiġu akkreditati. Dawn il-koeffiċjenti ta’ konverżjoni, ikkalkolati wkoll skont l-età fid-data tat-talba u abbażi tal-parametri stipulati fl-Anness XII tar-Regolamenti tal-Persunal, huma ogħla mill-valuri attwarjali V1 u V2 li jinsabu fl-Annessi 1 u 2 tad-DĠI 2004.

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

 F’dak li jirrigwarda lil M. Verile

14      Fis-17 ta’ Novembru 2009, M. Verile, uffiċjal assenjat maċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka tal-Kummissjoni f’Ispra (l-Italja), talab it-trasferiment tad-drittijiet għall-pensjoni li huwa kien kiseb fil-Lussemburgu qabel ma daħal fis-servizz tal-Kummissjoni u li kienu jikkorrispondu għall-kontribuzzjonijiet nazzjonali mħallsa bejn l-1 ta’ Lulju 1999 u l-31 ta’ Marzu 2007.

15      Permezz ta’ nota tal-5 ta’ Mejju 2010, is-servizz kompetenti tal-Kummissjoni, f’dan il-każ id-dipartiment “Trasferimenti” tal-Unità “Pensjonijiet” tal-“Uffiċċju ta’ Ġestjoni u Likwidazzjoni tad-drittijiet individwali” (PMO) (iktar ’il quddiem il-“PMO 4”), bagħat lil M. Verile proposta ta’ akkreditazzjoni tas-snin ta’ servizz li kienet tistabbilixxi bħala seba’ snin u disa’ xhur in-numru tas-snin ta’ servizz għall-finijiet tal-pensjoni taħt ir-Regolamenti tal-Persunal li jirriżultaw mit-trasferiment tad-drittijiet tiegħu għal pensjoni miksuba fil-Lussemburgu. L-eċċess tal-kapital, li kien jirrappreżenta s-somma ta’ EUR 58 557.18, li ma setax jiġi kkonvertit fi snin ta’ servizz għall-finijiet tal-pensjoni taħt ir-Regolamenti tal-Persunal, kellu jitħallas lil M. Verile fil-każ tat-trasferiment definittiv tad-drittijiet tiegħu għall-pensjoni.

16      Fis-7 ta’ Mejju 2010, M. Verile aċċetta, billi ffirmaha, il-proposta ta’ akkreditazzjoni tas-snin ta’ servizz tal-5 ta’ Mejju ta’ qabel. Il-PMO 4 rċieva l-proposta ffirmata fit-18 ta’ Mejju 2010.

17      Fl-20 ta’ Mejju 2011, wara d-dħul fis-seħħ tad-DĠI 2011, il-PMO 4 bagħat lil M. Verile proposta ġdida ta’ akkreditazzjoni tas-snin ta’ servizz, akkumpanjata min-nota spjegattiva li l-proposta l-ġdida kienet “tannulla u tissostitwixxi” il-proposta preċedenti ta’ akkreditazzjoni tas-snin ta’ servizz. Skont din il-proposta ġdida ta’ akkreditazzjoni tas-snin ta’ servizz, il-koeffiċjenti ta’ konverżjoni applikati fl-ewwel proposta ta’ akkreditazzjoni tas-snin ta’ servizz kienu “skaduti” u “ma kellhomx bażi legali mill-1 ta’ Jannar 2009” minħabba d-dħul fis-seħħ, f’din l-istess data, tar-rata ta’ interessi kif iddefinita fir-Regolament Nru 1324/2008. Din ir-rata ta’ interessi kienet, fil-fatt, wieħed mill-elementi li jidħlu fil-kalkolu tal-koeffiċjenti ta’ konverżjoni li għandhom jintużaw għall-konverżjoni tad-drittijiet għall-pensjoni miksuba preċedentement f’numru ta’ snin ta’ servizz li għandhom jiġu akkreditati skont ir-Regolamenti tal-Persunal. Konsegwentement, l-ewwel proposta ta’ akkreditazzjoni tas-snin ta’ servizz kellha “tiġi kkunsidrata bħala nulla u qisu qatt ma seħħet”. Bl-applikazzjoni tal-koeffiċjenti ta’ konverżjoni stabbiliti bid-DĠI 2011, in-numru tas-snin ta’ servizz li għandhom jiġu akkreditati ma nbidilx, iżda l-eċċess tal-kapital li kellu jiġi rrimborsat inbidel minn EUR 58 557.19 għal EUR 9 200.77.

18      Fis-17 ta’ Ġunju 2011, M. Verile aċċetta, billi ffirmaha, it-tieni proposta ta’ akkreditazzjoni tas-snin ta’ servizz. Il-PMO 4 rċieva t-tieni proposta ffirmata fl-24 ta’ Ġunju 2011.

19      Madankollu, fis-26 ta’ Lulju 2011, M. Verile ppreżenta lment, bis-saħħa tal-Artikolu 90(2) tar-Regolamenti tal-Persunal, li permezz tiegħu talab lill-Awtorità tal-Ħatra sabiex tirtira t-tieni proposta ta’ akkreditazzjoni tas-snin ta’ servizz u sabiex tipproċedi bit-trasferiment tad-drittijiet għall-pensjoni tiegħu mhux abbażi tad-DĠI 2011, iżda abbażi tad-dispożizzjonijiet ġenerali ta’ implementazzjoni applikabbli fid-data tat-talba tiegħu tat-trasferiment, jiġifieri d-DĠI 2004.

20      Permezz ta’ deċiżjoni tad-19 ta’ Awwissu 2011, li M. Verile rċieva fid-29 ta’ Awwissu ta’ wara, l-Awtorità tal-Ħatra ċaħdet l-imsemmi lment.

 F’dak li jirrigwarda lil A. Gjergji

21      A. Gjergji hija membru tal-persunal bil-kuntratt tal-Aġenzija Eżekuttiva tan-Netwerk tat-Trasport Trans-Ewropew, li s-sede tagħha tinsab fi Brussell (il-Belġju). Fl-1 ta’ Lulju 2009, hija talbet it-trasferiment tad-drittijiet għall-pensjoni li hija kienet kisbet fil-Belġju qabel ma daħlet fis-servizz tal-imsemmija aġenzija u li kienu jikkorrispondu għal kontribuzzjonijiet nazzjonali mħallsa bejn l-1998 u l-2004.

22      Permezz ta’ nota tat-30 ta’ Lulju 2010, is-servizz kompetenti tal-Kummissjoni, f’dan il-każ il-PMO 4, bagħat lil A. Gjergji proposta ta’ akkreditazzjoni tas-snin ta’ servizz li kienet tistabbilixxi bħala ħames snin, ħames xhur u jumejn is-snin ta’ servizz għall-finijiet tal-pensjoni taħt ir-Regolamenti tal-Persunal li jirriżultaw mit-trasferiment tad-drittijiet tagħha għal pensjoni miksuba fil-Belġju. L-eċċess tal-kapital, li kien jirrappreżenta l-ammont ta’ EUR 13 143.08, li ma setax jiġi kkonvertit fi snin ta’ servizz għall-finijiet tal-pensjoni taħt ir-Regolamenti tal-Persunal, kellu jitħallas lil A. Gjergji fil-każ tat-trasferiment definittiv tad-drittijiet tagħha għall-pensjoni.

23      Fis-7 ta’ Settembru 2010, A. Gjergji aċċettat, billi ffirmatha, il-proposta ta’ akkreditazzjoni tas-snin ta’ servizz tat-30 ta’ Lulju 2010. Il-PMO 4 rċieva l-proposta ffirmata fis-16 ta’ Settembru ta’ wara.

24      Fid-19 ta’ Mejju 2011, wara d-dħul fis-seħħ tad-DĠI 2011, il-PMO 4 bagħat lil A. Gjergji proposta ġdida ta’ akkreditazzjoni tas-snin ta’ servizz, akkumpanjata min-nota redatta bl-istess mod bħan-nota mibgħuta lil M. Verile, li naqset in-numru ta’ snin ta’ servizz għall-finijiet tal-pensjoni taħt ir-Regolamenti tal-Persunal li għandhom jiġu akkreditati minn ħames snin, ħames xhur u jumejn għal erba’ snin, għaxar xhur u sbatax-il jum u mingħajr eċċess tal-kapital li għandu jiġi rimborsat.

25      Fit-23 ta’ Settembru 2011, A. Gjergji aċċettat, billi ffirmatha, din it-tieni proposta ta’ akkreditazzjoni tas-snin ta’ servizz.

26      Sadattant, A. Gjergji xorta ppreżentat ilment kontra t-tieni proposta ta’ akkreditazzjoni tas-snin ta’ servizz, bis-saħħa tal-Artikolu 90(2) tar-Regolamenti tal-Persunal u datata 27 ta’ Lulju 2011. L-ilment ta’ A. Gjergji kien jinkludi wkoll, abbażi tal-Artikolu 90(1) tar-Regolamenti tal-Persunal, talba sabiex isir it-trasferiment tad-drittijiet għall-pensjoni tagħha miksuba fil-Belġju abbażi tal-ewwel proposta ta’ akkreditazzjoni tas-snin ta’ servizz, li kienet tapplika l-parametri stipulati fid-DĠI 2004.

27      Permezz ta’ deċiżjoni tat-22 ta’ Awwissu 2011, l-Awtorità tal-Ħatra ċaħdet l-ilment ta’ A. Gjergji kif ukoll it-talba tagħha bbażata fuq l-Artikolu 90(1) tar-Regolamenti tal-Persunal.

 It-talbiet tal-partijiet u l-proċedura

28      Ir-rikorrenti jitolbu, kull wieħed f’dak li jirrigwarda lilu, li t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jogħġbu:

–        jannulla t-tieni proposta ta’ akkreditazzjoni tas-snin ta’ servizz;

–        jannulla d-deċiżjoni li tiċħad l-ilment;

–        jikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

29      Il-Kummissjoni titlob li t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jogħġbu:

–        jiddikjara r-rikors inammissibbli u f’kull każ infondat;

–        jikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

30      Permezz ta’ ittra tat-28 ta’ Jannar 2013, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku talab lill-partijiet, fil-kuntest tal-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura, sabiex jispjegaw xi punti fis-sottomissjonijiet tagħhom u sabiex jipproduċu diversi dokumenti. Il-partijiet ottempraw ruħhom ma’ dawn il-miżuri skont l-istruzzjonijiet tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku.

31      Il-kawża, inizjalment assenjata lit-Tielet Awla tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, intbagħtet quddiem is-Seduta Plenarja tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, u dwar dan il-partijiet ġew informati permezz ta’ ittra tar-Reġistru tat-8 ta’ Frar 2013 li sejħitilhom għas-seduta u li bagħtitilhom ir-rapport preparatorju tas-seduta.

 Id-dritt

 Fuq is-suġġett tar-rikors

32      Għandu jitfakkar li talbiet għal annullament formalment diretti kontra d-deċiżjoni li ċaħdet ilment għandhom, fil-każ fejn din id-deċiżjoni tkun nieqsa minn kontenut awtonomu, l-effett li t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jiġi adit bl-att li fir-rigward tiegħu jkun sar l-ilment (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-17 ta’ Jannar 1989, Vainker vs Il‑Parlament, 293/87, punt 8).

33      F’din il-kawża, id-deċiżjonijiet li ċaħdu l-ilmenti jikkonfermaw it-tieni proposti ta’ akkreditazzjoni tas-snin ta’ servizz tal-20 ta’ Mejju 2011 fir-rigward ta’ M. Verile, u tad-19 ta’ Mejju 2011 fir-rigward ta’ A. Gjergji (iktar ’il quddiem it-“tieni proposti ta’ akkreditazzjoni tas-snin ta’ servizz”). Ir-rikors għalhekk għandu jitqies bħala indirizzat biss kontra dawn il-proposti ta’ akkreditazzjoni tas-snin ta’ servizz.

 Fuq l-ammissibbiltà tar-rikors

 L-argumenti tal-partijiet

34      Il-Kummissjoni ssostni li r-rikors huwa inammissibbli għaliex huwa indirizzat kontra t-tieni proposti ta’ akkreditazzjoni tas-snin ta’ servizz, li ma humiex atti li jikkawżaw preġudizzju.

35      Skont il-Kummissjoni, il-proċedura amministrattiva li tikkonċerna t-trattament tat-talbiet għat-trasferiment tad-drittijiet għall-pensjoni miksuba taħt skema ta’ pensjoni nazzjonali fiha ħames stadji: l-ewwel nett, it-talba għat-trasferiment tal-uffiċjal jew tal-membru tal-persunal ikkonċernat; it-tieni nett, il-proposta ta’ akkreditazzjoni tas-snin ta’ servizz li tistabbilixxi n-numru ta’ snin ta’ servizz li jistgħu jiġu rrikonoxxuti fl-iskema tal-pensjoni tal-Unjoni, mibgħuta mill-Kummissjoni lill-persuna kkonċernata; it-tielet nett, l-aċċettazzjoni jew ir-rifjut tal-imsemmija proposta mill-persuna kkonċernata; ir-raba’ nett, fil-każ li l-proposta tiġi aċċettata mill-persuna kkonċernata, it-talba għat-trasferiment tal-kapital korrispondenti għad-drittijiet għall-pensjoni miksuba taħt l-iskema tal-pensjoni nazzjonali, indirizzata mill-Kummissjoni lill-awtorità nazzjonali kompetenti; il-ħames nett, l-adozzjoni tad-deċiżjoni li tistabbilixxi definittivament in-numru ta’ snin ta’ servizz għall-finijiet tal-pensjoni taħt ir-Regolamenti tal-Persunal irrikonoxxuti fil-konfront tal-uffiċjal jew tal-membru tal-persunal, li tiġi kkomunikata lilu wara li l-Kummissjoni tkun effettivament irċeviet mill-fondi tal-pensjoni nazzjonali jew internazzjonali kkonċernati l-kapital korrispondenti għad-drittijiet għall-pensjoni miksuba preċedentement.

36      Fid-dawl tal-deskrizzjoni hawn fuq imsemmija tal-proċedura amministrattiva tat-trattament tat-talbiet għat-trasferiment tad-drittijiet għall-pensjoni, li r-rikorrenti ma humiex jikkontestaw, l-akkreditazzjoni tas-snin ta’ servizz li tinsab fil-proposta mibgħuta lill-persuna kkonċernata ma ssirx definittiva, skont il-Kummissjoni, ħlief wara li l-ammonti li jikkorrispondu mal-kapital aġġornat tad-drittijiet għall-pensjoni miksuba preċedentement jiġu effettivament imħallsa fil-kont bankarju tal-Kummissjoni mill-fondi tal-pensjoni nazzjonali jew internazzjonali kkonċernati. Id-deċiżjoni fil-ħames stadju tal-proċedura amministrattiva hawn fuq imsemmija għalhekk hija l-uniku att li jikkawża preġudizzju lill-uffiċjal jew lill-membru tal-persunal li għamel talba għat-trasferiment tad-drittijiet għall-pensjoni tiegħu miksuba qabel id-dħul fis-servizz tiegħu fi ħdan l-Unjoni. Minn dan il-Kummissjoni tiddeduċi li l-proposta ta’ akkreditazzjoni tas-snin ta’ servizz, li hija t-tieni fażi tal-proċedura amministrattiva inkwistjoni, hija att preparatorju, li l-għan tagħha huwa biss li tipprepara għad-deċiżjoni finali tal-akkreditazzjoni tas-snin ta’ servizz. Dan japplika, f’din il-kawża, għat-tieni proposti ta’ akkreditazzjoni tas-snin ta’ servizz, li huma s-suġġett ta’ din il-kawża.

 Il-kunsiderazzjonijiet tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku

37      L-ewwel nett għandu jitfakkar li s-sistema ta’ trasferiment tad-drittijiet għall-pensjoni, kif prevista fl-Artikolu 11(2) tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal, billi tippermetti koordinazzjoni bejn l-iskemi nazzjonali u l-iskema tal-pensjoni tal-Unjoni, hija intiża sabiex tiffaċilita ċ-ċaqliq minn impjiegi nazzjonali, fis-settur pubbliku jew privat, u anki internazzjonali, għall-amministrazzjoni tal-Unjoni u sabiex b’hekk tiggarantixxi lill-Unjoni l-aħjar possibbiltajiet ta’ għażla ta’ persunal ikkwalifikat li diġà jkollu esperjenza professjonali xierqa (digriet tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-9 ta’ Lulju 2010, Ricci, C‑286/09 u C‑287/09, punt 28, u l-ġurisprudenza ċċitata).

38      F’dan il-kuntest, il-Qorti tal-Prim’Istanza tal-Komunitajiet Ewropej b’mod partikolari waslet sabiex tikkunsidra li l-proposti ta’ akkreditazzjoni tas-snin ta’ servizz mibgħuta lill-uffiċjal sabiex jaqbel magħhom huma “deċiżjonijiet” li għandhom effett doppju: minn naħa, l-effett li jikkonservaw għall-benefiċċju tal-uffiċjal ikkonċernat u fl-ordinament ġuridiku tal-oriġini l-ammont tad-drittijiet għall-pensjoni li huwa jkun kiseb taħt l-iskema tal-pensjoni nazzjonali u, min-naħa l-oħra, l-effett li jiġi żgurat, fl-ordinament ġuridiku tal-Unjoni, u mingħajr preġudizzju li jiġu ssodisfatti ċerti kundizzjonijiet supplimentari, li dawn id-drittijiet jittieħdu inkunsiderazzjoni fl-iskema tal-pensjoni tal-Unjoni (sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-18 ta’ Diċembru 2008, Il-Belġju u Il-Kummissjoni vs Genette, T‑90/07 P u T‑99/07 P, punt 91, u l-ġurisprudenza ċċitata).

39      It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, min-naħa tiegħu, diġà ddeċieda li l-proposti ta’ akkreditazzjoni tas-snin ta’ servizz jikkostitwixxu atti ta’ natura unilaterali, li ma jeħtieġu l-ebda miżura oħra min-naħa tal-istituzzjoni kompetenti u li jikkawżaw preġudizzju lill-uffiċjal ikkonċernat. F’każ kuntrarju, tali atti ma jkunux jistgħu, bħala tali, jiġu kkontestati jew, tallinqas, ma jkunux jistgħu jkunu s-suġġett ta’ lment jew ta’ rikors ħlief wara l-adozzjoni ta’ deċiżjoni sussegwenti, f’data mhux determinata u li tingħata minn awtorità li ma hijiex l-Awtorità tal-Ħatra. Din l-analiżi ma tirrispettax id-dritt tal-uffiċjali għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva u lanqas ir-rekwiżiti ta’ ċertezza legali inerenti fir-regoli dwar it-termini stipulati fir-Regolamenti tal-Persunal (digriet tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tal-10 ta’ Ottubru 2007, Pouzol vs Il-Qorti tal-Awdituri, F‑17/07, punti 52 u 53).

40      Finalment, din il-linja ġurisprudenzjali ġiet ikkonfermata wkoll bis-sentenza tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tal-11 ta’ Diċembru 2012, Cocchi u Falcione vs Il-Kummissjoni (F‑122/10, li hija s-suġġett ta’ appell bħalissa pendenti quddiem il-Qorti Ġenerali, Kawża T‑103/13 P, punti 37 sa 39), li fiha t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku ddeċieda li l-proposta ta’ akkreditazzjoni tas-snin ta’ servizz hija att li jikkawża preġudizzju lill-uffiċjal ikkonċernat.

41      Mill-ġurisprudenza ċċitata fil-punti 38 sa 40 ta’ din is-sentenza jirriżulta b’mod ċar li l-proposta ta’ akkreditazzjoni tas-snin ta’ servizz li s-servizzi kompetenti tal-Kummissjoni jipproponu lill-uffiċjal sabiex dan jaqbel magħha, fil-kuntest tal-proċedura amministrattiva f’diversi stadji deskritta fil-punt 35 ta’ din is-sentenza, hija att unilaterali li jista’ jiġi sseparat mill-qafas proċedurali li fih jaqa’ u li jiġi adottat bis-saħħa ta’ kompetenza limitata, attribwita ex lege lill-istituzzjoni, għaliex tirriżulta direttament mid-dritt individwali li l-Artikolu 11(2) tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal jagħti espressament lill-uffiċjali u lil membri tal-persunal meta jidħlu fis-servizz fi ħdan l-Unjoni.

42      Fir-realtà, l-eżerċizzju ta’ din il-kompetenza limitata tobbliga lill-Kummissjoni sabiex tistabbilixxi proposta ta’ akkreditazzjoni li tkun ibbażata fuq l-informazzjoni rilevanti kollha li hija obbligata tikseb, mingħand l-awtoritajiet nazzjonali jew internazzjonali kkonċernati, preċiżament fil-kuntest ta’ koordinazzjoni mill-qrib u ta’ kooperazzjoni leali bejn dawn tal-aħħar u s-servizzi tagħha. Tali proposta ta’ akkreditazzjoni tas-snin ta’ servizz, konsegwentement, ma għandhiex tkun ikkunsidrata bħala manifestazzjoni ta’ “sempliċi intenzjoni” tas-servizzi tal-istituzzjoni li jinformaw lill-uffiċjal ikkonċernat, sakemm jistennew li effettivament jirċievu l-aċċettazzjoni tiegħu kif ukoll, sussegwentement, li jirċievu l-kapital li jippermettilhom jipproċedu bl-akkreditazzjoni. Għall-kuntrarju, tali proposta tikkostitwixxi l-impenn meħtieġ mill-istituzzjoni li tipproċedi b’mod korrett għall-implementazzjoni effettiva tad-dritt għat-trasferiment tad-drittijiet għall-pensjoni tal-uffiċjal li huwa jkun eżerċita meta ssottometta t-talba tiegħu għat-trasferiment. It-trasferiment tal-kapital aġġornat fl-iskema ta’ pensjoni tal-Unjoni jikkostitwixxi, minn naħa tiegħu, l-eżekuzzjoni ta’ obbligu distint li jaqa’ fuq l-awtoritajiet nazzjonali jew internazzjonali u li huwa meħtieġ sabiex tiġi kkompletata l-proċedura kollha ta’ trasferiment tad-drittijiet għall-pensjoni lejn l-iskema ta’ pensjoni tal-Unjoni.

43      Barra minn hekk, l-eżerċizzju tal-kompetenza limitata għall-finijiet tal-implementazzjoni tal-Artikolu 11(2) tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal jobbliga lill-Kummissjoni sabiex tuża d-diliġenza kollha meħtieġa sabiex tippermetti lill-uffiċjal li jkun għamel talba għall-implementazzjoni tal-Artikolu 11(2) tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal jaċċetta l-proposta ta’ akkreditazzjoni tas-snin ta’ servizz b’għarfien sħin tal-kawża, kemm f’dak li jirrigwarda l-elementi meħtieġa għall-kalkolu li jirrigwarda d-determinazzjoni tan-numru ta’ snin ta’ servizz għall-finijiet tal-pensjoni taħt ir-Regolamenti tal-Persunal li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni kif ukoll f’dak li jirrigwarda r-regoli li jirregolaw, “fid-data tat-talba tat-trasferiment”, il-modalitajiet ta’ dan il-kalkolu, kif jispeċifika l-kliem tal-Artikolu 11(2) tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal meta jipprovdi li l-istituzzjoni li l-uffiċjal iservi fiha għandha “tistabbilixxi”, permezz ta’ dispożizzjonijiet ġenerali ta’ implementazzjoni, fid-dawl tas-salarju bażiku, tal-età u tar-rata ta’ kambju fid-data tat-talba tat-trasferiment, “in-numru ta’ snin tas-servizz” li hija għandha tikkunsidra.

44      Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li proposta ta’ akkreditazzjoni tas-snin ta’ servizz hija att li jikkawża preġudizzju lill-uffiċjal li jkun għamel talba għat-trasferiment tad-drittijiet għall-pensjoni tiegħu.

45      Din il-konklużjoni hija kkonfermata wkoll mill-kunsiderazzjonijiet spjegati hawn taħt.

46      Fl-ewwel lok, filwaqt li jikkonfermaw prassi preċedenti li kienet espressa fi klawżoli li kienu jinsabu fil-proposti ta’ akkreditazzjoni tas-snin ta’ servizz, id-DĠI 2011 issa jistipulaw espressament, fl-Artikolu 8 tagħhom, li l-aċċettazzjoni li l-uffiċjal huwa mistieden li jagħti għall-proposta ta’ akkreditazzjoni tas-snin ta’ servizz, meta tingħata, tkun “irrevokabbli”. Issa, in-natura irrevokabbli tal-aċċettazzjoni tal-uffiċjal, meta tingħata, hija ġġustifikata biss jekk il-Kummissjoni, min-naħa tagħha, tkun tat lill-persuna kkonċernata proposta li l-kontenut tagħha jkun ġie kkalkolat u ppreżentat bid-diliġenza kollha meħtieġa u li torbot lill-Kummissjoni, fis-sens li hija tkun obbligata li tkompli, fuq din il-bażi, il-proċedura ta’ trasferiment f’każ ta’ aċċettazzjoni tal-persuna kkonċernata.

47      Fit-tieni lok, il-proposta ta’ akkreditazzjoni tas-snin ta’ servizz hija magħmula, fil-prinċipju, abbażi ta’ metodu ta’ kalkolu li huwa l-istess bħal dak applikat fil-mument meta l-iskema ta’ pensjoni tal-Unjoni tirċievi l-kapital kollha definittivament ittrasferit mill-fondi nazzjonali jew internazzjonali ta’ oriġini.

48      L-iktar l-iktar, dak li jista’ jinbidel, jekk ikun il-każ, bejn id-data tal-proposta ta’ akkreditazzjoni tas-snin ta’ servizz u dik tal-ġbir tal-kapital definittivament ittrasferit huwa l-ammont tas-somma kkonċernata, peress li l-ammont tal-kapital trasferibbli aġġornat fid-data tat-talba tat-trasferiment jista’ jkun differenti mill-ammont tal-kapital fid-data meta effettivament jiġi ttrasferit minħabba xi varjazzjonijiet, pereżempju, fir-rati ta’ kambju. Anki f’dan l-aħħar każ, li barra minn hekk jista’ jikkonċerna biss it-trasferimenti ta’ kapital espressi f’muniti oħra minbarra l-euro, il-metodu tal-kalkolu applikat għal dawn iż-żewġ valuri huwa l-istess.

49      Fit-tielet lok, l-argument tal-Kummissjoni, li hija biss id-deċiżjoni tal-akkreditazzjoni adottata wara l-ġbir tal-kapital ittrasferit li tikkawża preġudizzju lill-uffiċjal ikkonċernat, b’mod ċar imur kontra l-għan tal-proċedura amministrattiva ta’ trasferiment tad-drittijiet għall-pensjoni. Din il-proċedura għandha l-għan speċifiku li tippermetti lill-uffiċjal ikkonċernat jiddeċiedi, b’għarfien sħiħ tal-kawża u qabel ma l-kapital korrispondenti għall-kontribuzzjonijiet kollha tiegħu ma jiġi definittivament ittrasferit għall-iskema ta’ pensjoni tal-Unjoni, jekk għalih huwiex aħjar li jakkumula d-drittijiet għall-pensjoni tiegħu preċedenti ma’ dawk li huwa jakkwista bħala uffiċjal tal-Unjoni jew, għall-kuntrarju, li jħalli dawk id-drittijiet fl-ordinament ġuridiku nazzjonali (ara s-sentenza Il-Belġju u Il-Kummissjoni vs Genette, iċċitata iktar ’il fuq, punt 91). Fil-fatt, l-argument tal-Kummissjoni jobbliga lill-uffiċjal ikkonċernat li jikkontesta l-metodu li permezz tiegħu s-servizzi tal-Kummissjoni kkalkolaw in-numru tas-snin ta’ servizz li għandhom jiġu akkreditati li għalihom huwa għandu dritt biss wara li l-fondi ta’ pensjoni nazzjonali jew internazzjonali ta’ oriġini jkunu definittivament ittrasferew il-kapital lill-Kummissjoni, xi ħaġa li teqred fil-prattika s-sustanza stess tad-dritt mogħti lill-uffiċjal permezz tal-Artikolu 11(2) tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal li jagħżel li jipproċedi bit-trasferiment tad-drittijiet għall-pensjoni tiegħu jew li jżommhom fil-fondi ta’ pensjoni nazzjonali jew internazzjonali ta’ oriġini.

50      Fl-aħħar, fir-raba’ lok, ma jistax jiġi sostnut, kif tagħmel il-Kummissjoni, li l-proposti ta’ akkreditazzjoni tas-snin ta’ servizz huma biss atti preparatorji minħabba l-fatt li l-Artikolu 11(2) tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal jimponi li n-numru tas-snin ta’ servizz għandu jiġi kkalkolat “fuq il-bażi tal-kapital ittrasferit”.

51      F’dan ir-rigward, l-ewwel nett għandu jitfakkar li mill-kliem tal-Artikolu 11(2) tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal jirriżulta li l-istituzzjoni kkonċernata “tistabbilixxi” in-numru tas-snin ta’ servizz l-ewwel nett “permezz tad-disposizzjonijiet ġenerali ta’ l-implimentazzjoni […] wara li tikkunsidra s-salarju bażiku ta’ l-uffiċjal, l-età, u r-rata tal-kambju fid-data ta’ l-applikazzjoni tat-trasferiment”, u li wara hija tikkunsidra n-numru ta’ snin tas-servizz pensjonabbli, stabbilit b’dan il-mod, fi ħdan l-iskema ta’ pensjoni tal-Unjoni “fuq il-bażi tal-kapital ittrasferit.”

52      Dan il-kliem huwa kkonfermat minn dak tal-Artikolu 7 tad-DĠI 2004 u tal-Artikolu 7 tad-DĠI 2011. Il-kliem ta’ dawn l-artikoli fil-fatt jipprovdi, fil-każ tat-tnejn li huma, fil-paragrafu 1 tagħhom, li n-numru ta’ snin ta’ servizz li għandhom jiġu kkunsidrati huwa kkalkolat “abbażi tal-ammont trasferibbli li jirrappreżenta d-drittijiet miksuba […] wara li jitnaqqas l-ammont li jirrappreżenta r-rivalutazzjoni tal-kapital bejn id-data li fiha tiġi rreġistrata t-talba tat-trasferiment u d-data tat-trasferiment effettiv” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

53      L-Artikolu 7(2) tad-DĠI 2004 kif ukoll tad-DĠI 2011 jispeċifika li n-numru ta’ snin ta’ servizz li għandu jiġi kkunsidrat “huwa kkalkolat […] abbażi tal-ammont ittrasferit” [traduzzjoni mhux uffiċjali], skont il-formula matematika li tinsab fl-ewwel inċiż tal-istess paragrafu.

54      Mid-dispożizzjonijiet hawn fuq imsemmija għalhekk jirriżulta li l-proposti ta’ akkreditazzjoni tas-snin ta’ servizz huma kkalkolati abbażi tal-ammont trasferibbli fid-data meta tiġi rreġistrata t-talba, kif ikkomunikat mill-awtoritajiet nazzjonali jew internazzjonali kompetenti lis-servizzi tal-Kummissjoni, wara li jitnaqqas, jekk ikun il-każ, l-ammont li jirrappreżenta r-rivalutazzjoni tal-kapital bejn id-data tar-reġistrazzjoni tat-talba u dik tat-trasferiment effettiv, liema differenza pekunjarja ma għandhiex, fil-fatt, tiġi sostnuta mill-iskema ta’ pensjoni tal-Unjoni.

55      Mill-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti jirriżulta li t-tieni proposti ta’ akkreditazzjoni tas-snin ta’ servizz huma att li jikkawża preġudizzju u li t-talbiet għall-annullament tagħhom huma għalhekk ammissibbli.

 Fuq il-mertu

56      Insostenn tat-talbiet tagħhom indirizzati kontra t-tieni proposti ta’ akkreditazzjoni tas-snin ta’ servizz (iktar ’il quddiem id-“deċiżjonijiet kontenzjużi), ir-rikorrenti jissollevaw tliet motivi:

–        l-ewwel wieħed, ibbażat fuq żball ta’ liġi u fuq ksur tal-Artikolu 11(2) tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal, kif ukoll, fil-mertu, tar-rispett tad-drittijiet miksuba;

–        it-tieni wieħed, ibbażat fuq ksur ta’ terminu raġonevoli, tal-prinċipji ta’ ċertezza legali u ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi;

–        it-tielet wieħed, ibbażat fuq ksur tal-prinċipji ta’ ugwaljanza fit-trattament, ta’ nondiskriminazzjoni u ta’ proporzjonalità.

57      L-ewwel u t-tieni motiv għandhom jiġu eżaminati flimkien.

 L-argumenti tal-partijiet

58      Fl-ewwel lok, ir-rikorrenti jsostnu li l-Artikolu 11(2) tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal jimponi fuq il-Kummissjoni, jekk hija tkun tixtieq tibdel il-valuri attwarjali applikabbli għat-talbiet ta’ trasferiment ta’ drittijiet għall-pensjoni miksuba fi ħdan Stat Membru lejn l-iskema ta’ pensjoni tal-Unjoni (iktar ’il quddiem it-“trasferiment ‘in’”), l-obbligu li tadotta dispożizzjonijiet ġenerali ta’ implementazzjoni ġodda. Issa, il-Kummissjoni adottat biss dispożizzjonijiet ġenerali ta’ implementazzjoni ġodda fit-3 ta’ Marzu 2011. Id-DĠI 2004, fis-seħħ qabel din id-data, għalhekk huma l-uniċi applikabbli għat-talba ta’ trasferiment rispettiva tagħhom.

59      Fi kwalunkwe każ, id-dħul fis-seħħ, fl-1 ta’ Jannar 2009, tar-Regolament Nru 1324/2008 kien mingħajr effett fuq ir-rati li kellhom jiġu applikati għall-kalkolu tan-numru tas-snin ta’ servizz li kellhom jiġu akkreditati. Fil-fatt, dan ir-regolament bidel ir-rata ta’ interessi stipulata fl-Artikolu 8 tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal, li hija esklużivament użata f’każ ta’ trasferiment lejn skema nazzjonali ta’ pensjoni tal-ekwivalenza attwarjali taħt ir-Regolamenti tal-Persunal, jiġifieri l-kapital tad-drittijiet għall-pensjoni miksuba minn uffiċjal fi ħdan l-Unjoni (iktar ’il quddiem it-“trasferiment ‘out’”) u li għalhekk ma hijiex applikabbli fil-każ ta’ trasferiment “in”.

60      Barra minn hekk, anki jekk jiġi preżunt li r-Regolament Nru 1324/2008 bidel “b’analoġija” ir-rata ta’ interessi li fuqhom huma bbażati l-koeffiċjenti ta’ konverżjoni applikabbli fil-każ ta’ trasferiment “in”, id-dispożizzjonijiet ġenerali ta’ implementazzjoni tal-Artikolu 11(2) tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal jipprevalu, skont ir-rikorrenti, bħala lex specialis, fuq l-imsemmi regolament. B’mod definittiv, bis-saħħa tal-prinċipju ta’ preżunzjoni ta’ legalità tal-atti tal-amministrazzjoni, regolament tal-Unjoni ma jistax jippriva mill-bażi legali tagħhom dispożizzjonijiet ġenerali ta’ implementazzjoni li ġew adottati speċifikament, abbażi tar-Regolamenti tal-Persunal, minn kull istituzzjoni kkonċernata. Peress li d-DĠI 2004 tħassru mid-DĠI 2011 fit-3 ta’ Marzu 2011, huma għalhekk kienu applikabbli fil-mument tal-adozzjoni tal-ewwel proposti ta’ akkreditazzjoni tas-snin ta’ servizz li kienu mibgħuta lilhom u li ġew aċċettati minnhom rispettivament.

61      Konsegwentement, u meta jiġi kkunsidrat li, minn naħa, wieħed mill-parametri ta’ kalkolu applikabbli fil-każ ta’ trasferiment “in” seta’ jinbidel b’mod “impliċitu u inċidentali” bir-Regolament Nru 1324/2008, il-Kummissjoni kienet kisret l-Artikolu 11(2) tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal. Min-naħa l-oħra, meta jiġi kkunsidrat li r-Regolament Nru 1324/2008 kien jorbotha sabiex tapplika d-DĠI 2011 fid-data tad-dħul fis-seħħ tar-rata ta’ interessi l-ġdida u, konsegwentement, li tapplikaha b’mod retroattiv mill-1 ta’ Jannar 2009, il-Kummissjoni kkommettiet żball ta’ liġi.

62      Barra minn hekk, ir-rikorrenti jenfasizzaw li, kuntrarjament għal dak li ssostni l-Kummissjoni, it-trasferiment tad-drittijiet għall-pensjoni miksuba qabel id-dħul fis-servizz fi ħdan l-Unjoni jkun definittiv meta l-uffiċjal ikkonċernat juri l-aċċettazzjoni tiegħu tal-proposta ta’ akkreditazzjoni tas-snin ta’ servizz. Huwa biss in-nuqqas totali ta’ ħlas tal-kapital mill-awtorità nazzjonali li jwassal sabiex il-ftehim milħuq bejn l-uffiċjal u l-istituzzjoni kkonċernata jitlef kull valur. F’din il-kawża, l-ewwel proposti ta’ akkreditazzjoni tas-snin ta’ servizz ikunu għalhekk saru definittivi meta jiġu aċċettati, anki jekk il-ħlas tal-kapital ikun għadu ma sarx.

63      Fit-tieni lok, ir-rikorrenti jsostnu li l-ewwel proposti ta’ akkreditazzjoni tas-snin ta’ servizz ma kinux ivvizzjati b’xi illegalità. Bl-irtirar ta’ dawn il-proposti, il-Kummissjoni għalhekk ma rrispettatx id-drittijiet miksuba tagħhom u kisret il-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi. Barra minn hekk, huma kienu rċevew diversi drabi l-assigurazzjoni li d-DĠI 2004 kienu ser jiġu applikati għat-talbiet għal trasferiment tagħhom.

64      Fit-tielet lok, ir-rikorrenti jindikaw li l-Kummissjoni rtirat l-ewwel proposta ta’ akkreditazzjoni tas-snin ta’ servizz indirizzata lil M. Verile sena wara li hu kien aċċettaha u fir-rigward ta’ dik indirizzata lil A. Gjergji, iktar minn sitt xhur wara li hija kienet aċċettatha, bi ksur tal-prinċipji ta’ terminu raġonevoli u ta’ ċertezza legali.

65      Barra minn hekk, fir-risposta tagħhom għall-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura, ir-rikorrenti jenfasizzaw li l-Kummissjoni stenniet sas-17 ta’ Settembru 2010 sabiex tiġbed l-attenzjoni tal-persunal dwar dan il-punt, permezz ta’ nota ċċirkolata fuq is-sit intranet tagħha u li sussegwentement reġgħet stenniet sat-3 ta’ Marzu 2011 sabiex tadotta d-dispożizzjonijiet ġenerali ta’ implementazzjoni l-ġodda, minkejja li, skont id-deċiżjonijiet kontenzjużi, hija kkunsidrat li d-dħul fis-seħħ, fl-1 ta’ Jannar 2009, tar-rata ta’ interessi ġdida stipulata bir-Regolament Nru 1324/2008 kien neħħa l-“bażi legali” tad-DĠI 2004.

66      Fil-konfront tal-ewwel motiv, il-Kummissjoni ssostni li l-premessa tar-raġunament tar-rikorrenti, jiġifieri li r-rata ta’ interessi stabbilita mill-Artikolu 8 tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal kienet tikkonċerna esklużivament il-metodu tal-kalkolu tal-ekwivalenza attwarjali fil-każ ta’ trasferiment “out” u mhux dak tal-kapital aġġornat jew tan-numru ta’ snin ta’ servizz fil-każ ta’ trasferiment “in“, hija żbaljata. L-ewwel motiv issollevat mir-rikorrenti huwa, konsegwentement, mingħajr bażi.

67      Fir-risposta tagħha għall-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura, il-Kummissjoni indikat li, peress li l-koeffiċjenti ta’ konverżjoni stipulati fid-dispożizzjonijiet ġenerali ta’ implementazzjoni tal-Artikolu 11(2) tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal huma “direttament relatati” mar-rata ta’ interessi stipulata fl-Artikolu 8 tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal, il-bidla ta’ din ir-rata, stabbilita fl-1 ta’ Jannar 2009 bid-dħul fis-seħħ tar-Regolament Nru 1324/2008, kienet ġabet magħha “neċessarjament”, fl-istess data, il-bidla tal-imsemmija koeffiċjenti ta’ konverżjoni. Il-koeffiċjenti ta’ konverżjoni stipulati fid-DĠI 2004 kienu għalhekk “skaduti” u “mingħajr bażi legali” fl-1 ta’ Jannar 2009, u dan indipendentement mit-tħassir komplet u formali tad-DĠI 2004.

68      Fit-tieni lok, il-Kummissjoni ssostni li r-rikorrenti ma ssollevawx formalment il-motiv ibbażat fuq ir-regoli tal-irtirar tal-atti amministrattivi u li fi kwalunkwe każ l-ewwel proposti ta’ akkreditazzjoni tas-snin ta’ servizz kienu, mid-dħul fis-seħħ tar-Regolament Nru 1324/2008, mingħajr bażi legali u għalhekk ma setgħux jagħtu lok għal drittijiet miksuba mir-rikorrenti jew għal aspettattivi leġittimi.

69      Barra minn hekk, il-Kummissjoni tindika li l-komunikazzjoni tas-17 ta’ Settembru 2010 ċċirkulata fuq is-sit intranet tagħha ġibdet l-attenzjoni tal-persunal dwar id-dħul tal-valuri attwarjali l-ġodda u li l-organizzazzjonijiet sindikali professjonali kellhom konoxxenza tar-rata ta’ interessi futura sa mill-2008 u tal-koeffiċjenti ta’ konverżjoni futuri sa minn Novembru 2009. Komunikazzjoni individwali lill-uffiċjali u lill-membri tal-persunal li t-talba tat-trasferiment tagħhom kienet irreġistrata wara l-1 ta’ Jannar 2009, kienet, barra minn hekk, impossibli li ssir materjalment f’terminu raġonevoli, minħabba n-numru sinjifikattiv ferm (iktar minn 10,000) ta’ uffiċjali u membri tal-persunal ikkonċernati.

70      Finalment, anki jekk il-koeffiċjenti ta’ konverżjoni stipulati fid-DĠI 2011 kienu applikati retrospettivament, tali applikazzjoni kienet iġġustifikata minħabba “interess fundamentali”. Fil-fatt, l-ispiża tal-applikazzjoni tal-valuri attwarjali stipulati mid-DĠI 2004 sad-dħul fis-seħħ tad-DĠI 2011 tpoġġi fil-perikolu, minħabba n-numru ta’ fajls ikkonċernati, l-ekwilibriju tal-iskema ta’ pensjoni tal-Unjoni.

71      Fit-tielet lok, il-Kummissjoni tqis li l-motiv ibbażat fuq il-ksur ta’ terminu raġonevoli ma huwiex fondat biżżejjed u li, anki jekk jitqies bħala fondat, tali motiv ma jistax iwassal għall-annullament tad-deċiżjonijiet kontenzjużi. Fi kwalunkwe każ, l-ewwel proposti ta’ akkreditazzjoni tas-snin ta’ servizz kienu ġew irtirati f’terminu raġonevoli, fid-dawl taċ-ċirkustanzi tal-kawża.

 Il-kunsiderazzjonijiet tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku

72      Permezz tal-ewwel u tat-tieni motivi tagħhom, ir-rikorrenti jissollevaw, essenzjalment, l-eċċezzjoni ta’ illegalità tal-aħħar sentenza tat-tielet paragrafu tal-Artikolu 9 kif ukoll tal-ewwel sentenza tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 9 tad-DĠI 2011. Skont ir-rikorrenti, dawn id-dispożizzjonijiet tad-DĠI 2011 jipprovdu li l-koeffiċjenti ta’ konverżjoni li jinsabu fl-Anness 1 tad-DĠI 2011, stabbiliti skont ir-Regolament Nru 1324/2008, japplikaw mill-1 ta’ Jannar 2009, id-data tad-dħul fis-seħħ tal-imsemmi regolament, minkejja li f’din id-data l-Anness 2 tad-DĠI 2004, li kien jistipula koeffiċjenti tal-konverżjoni differenti u applikabbli mill-1 ta’ Mejju 2004, ma kien is-suġġett ta’ ebda bidla formali. Ir-rikorrenti jsostnu li tali bidla formali kienet meħtieġa, skont l-Artikolu 11(2) tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal, u li l-applikazzjoni b’effett retroattiv mill-1 ta’ Jannar 2009 tal-koeffiċjenti ta’ konverżjoni ġodda stipulati fl-Anness 1 tad-DĠI 2011, inklużi l-fajls tal-uffiċjali u tal-membri tal-persunal li t-talba tat-trasferiment “in” tagħhom kienet ġiet introdotta qabel din id-data, kienet tikser il-prinċipji ta’ ċertezza legali u ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi.

73      Sabiex tiġġustifika fid-dritt it-tielet u r-raba’ paragrafi tal-Artikolu 9 tad-DĠI 2011, il-Kummissjoni ssostni, essenzjalment, li l-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 1324/2008 kien irrenda nulli u awtomatikament mingħajr bażi legali d-DĠI 2004 f’dak li jirrigwarda l‑metodu tal-kalkolu tan-numru tas-snin ta’ servizz li għandhom jiġu kkunsidrati.

–       Fuq l-effett tar-Regolament Nru 1324/2008 fuq id-DĠI 2004

74      Mill-kliem tal-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 1324/2008 jirriżulta li dan, fir-rigward tal-uffiċjali u tal-membri tal-persunal l-oħra tal-Unjoni, ma għandux ħlief żewġ għanijiet.

75      L-ewwel wieħed jirrigwarda d-determinazzjoni, skont l-Artikolu 4(1) tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal, tar-rata applikabbli għall-kalkolu tad-drittijiet għall-pensjoni ta’ uffiċjal li jerġa’ jidħol fis-servizz tal-Unjoni wara li jkun għamel diġà perijodu preċedenti magħha. Dan il-għan mill-ewwel jidher li ma huwiex rilevanti f’din il-kawża.

76      It-tieni jirrigwarda l-iffissar ta’ rata sabiex tintuża għad-definizzjoni tal‑“ekwivalenza attwarjali” tal-pensjoni tal-irtirar. Għandu jiġi kkonstatat li dan il-kunċett huwa użat fl-Artikolu 11(1) tal-Anness VIII tar-Regolamenti għat‑trasferimenti “out” u mhux fl-Artikolu 11(2) tal-istess anness għat‑trasferimenti “in”.

77      Fil-fatt, għandu jitfakkar li l-Artikolu 11 tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal‑Persunal jistabbilixxi distinzjoni ċara bejn, minn naħa, fil-paragrafu 1 tiegħu, it-trasferiment “out” u, min-naħa l-oħra, fil-paragrafu 2 tiegħu, it‑trasferiment “in”.

78      Fil-każ ta’ trasferiment “out”, l-Artikolu 11(1) tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal jipprovdi li l-uffiċjal ikkonċernat għandu d-dritt li jittrasferixxi “l‑ekwivalenza attwarjali tad-drittijiet għall-pensjoni ta’ l-irtirar aġġornati sad‑data attwali tat-trasferiment tiegħu fl-Unjoni”. Min-naħa l-oħra, fil-każ ta’ trasferiment “in”, l-Artikolu 11(2) jistipula li l-uffiċjal ikkonċernat għandu l‑għażla li jittrasferixxi fl-Unjoni, “il-valur kapitali, aġġornat sad-data tat-trasferimenti attwali, tad-drittijiet għall-pensjoni miksuba [fi ħdan l-iskema nazzjonali jew internazzjonali li magħha huwa kien affiljat] bis-saħħa tat-tali servizzi jew attivitajiet”. Fil-każ ta’ trasferiment “out”, is-somma flus ittrasferita hija l-“ekwivalenza attwarjali” tad-drittijiet miksuba fi ħdan l-Unjoni; fil-każ ta’ trasferiment “in”, is-somma flus ittrasferita hija l-“kapital aġġornat”, jiġifieri somma flus li materjalment tirrappreżenta d-drittijiet għall-pensjoni miksuba bis‑saħħa ta’ attivitajiet preċedenti tal-uffiċjal ikkonċernat fi ħdan l-iskema nazzjonali jew internazzjonali ta’ pensjoni kkonċernata, kif aġġornata bis-saħħa tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 11(2) tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal‑Persunal, fid-data tat-trasferiment effettiv (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑Qorti tal-Ġustizzja tal-5 ta’ Diċembru 2013, Časta, C‑166/12, punt 26).

79      L-“ekwivalenza attwarjali” msemmija fl-Artikolu 11(1) tal-Anness VIII tar‑Regolamenti tal-Persunal u l-“kapital aġġornat” imsemmi fl-Artikolu 11(2) huma żewġ kunċetti ġuridikament distinti, li kull wieħed minnhom jappartjeni għal skemi li huma indipendenti waħda mill-oħra.

80      L-“ekwivalenza attwarjali” fil-fatt hija ppreżentata, fir-Regolamenti tal-Persunal, bħala kunċett awtonomu, partikolari għas-sistema tal-iskema ta’ pensjoni tal‑Unjoni. Hija ddefinita, fl-Artikolu 8 tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal‑Persunal, bħala “il-valur kapitali tal-benefiċċji [tal-pensjoni tal-irtirar] dovuti lill‑uffiċjal b’riferenza għat-tabella tal-mortalità, riferuta fl-Artikolu 9 ta’ l-Anness XII [tar-Regolamenti tal-Persunal] u suġġett għal imgħax ta’ 3.1 % fis-sena, liema rata tista’ tkun riveduta skond ir-regoli mniżżla fl-Artikolu 10 ta’ l-Anness XII [tar-Regolamenti tal-Persunal]”. L-aħħar reviżjoni tar-rata ta’ interessi msemmija fl-Artikolu 8 tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal ġiet applikata, bis‑saħħa tal-Artikolu 10 tal-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal, preċiżament permezz tar-Regolament Nru 1324/2008, li baxxa r-rata ta’ interessi ta’ 3.5 % għal 3.1 %.

81      Il-“kapital aġġornat”“, għall-kuntrarju, ma huwiex iddefinit mir-Regolamenti tal-Persunal, li lanqas jindikaw il-metodu tal-kalkolu tiegħu, u dan minħabba l-fatt li l-kalkolu tiegħu u l-modalitajiet tal-istħarriġ ta’ dan il-kalkolu jaqgħu, kif issostni b’mod stabbilit il-ġurisprudenza, esklużivament fil-kompetenza tal-awtoritajiet nazzjonali jew internazzjonali kkonċernati (sentenza Il-Belġju u Il-Kummissjoni vs Genette, iċċitata iktar ’il fuq, punti 56 u 57, u l-ġurisprudenza ċċitata).

82      Madankollu, il-Kummissjoni ssostni li l-ekwivalenza attwarjali hija wkoll “metodu” ta’ kalkolu li, bħala tali, għandu jintuża mhux biss fil-każ ta’ trasferiment “out”, meta ammonti joħorġu mill-fondi tal-iskema ta’ pensjoni tal‑Unjoni sabiex jidħlu f’dawk ta’ skema ta’ pensjoni ta’ Stat Membru jew ta’ organizzazzjoni internazzjonali, iżda wkoll fil-każ ta’ trasferiment “in”, meta, għall-kuntrarju, ammonti ta’ flus jidħlu fil-fondi tal-iskema ta’ pensjoni tal‑Unjoni.

83      Bħala metodu ta’ kalkolu, l-ekwivalenza attwarjali tapplika għalhekk, skont il‑Kummissjoni, għaż-żewġ każijiet ta’ trasferiment tad-drittijiet għall-pensjoni tal-irtirar. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni tenfasizza li l-Artikolu 11(2) tal‑Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal jistipula, wara r-riforma tar-Regolamenti tal-Persunal tal-2004, kundizzjoni ġdida imposta fuq l-awtoritajiet nazzjonali kkonċernati, jiġifieri li l‑kapital korrispondenti għall-kontribuzzjonijiet kollha mħallsa mill-uffiċjal li jkun għadu kif daħal fis-servizz tal-Unjoni jiġi “aġġornat sad-data tat-trasferimenti attwali”. Skont il-Kummissjoni, din il-kundizzjoni ġdida, sakemm tidher fir‑Regolamenti tal-Persunal, toħloq l-obbligu fuq l-awtoritajiet nazzjonali kkonċernati li jaġġornaw il-kapital skont il-parametri indikati fir-Regolamenti tal‑Persunal, fosthom ir-rata tal-interessi, kif emendata fl-aħħar lok bir‑Regolament Nru 1324/2008.

84      Madankollu, l-argument tal-Kummissjoni ma jistax jintlaqa’.

85      Fil-fatt, mill-ġurisprudenza jirriżulta li s-sistema tat-trasferiment “in” tinkludi żewġ fażijiet amministrattivi distinti. L-ewwel fażi tikkonsisti f’li jiġi stabbilit il‑kapital aġġornat mill-awtoritajiet nazzjonali jew internazzjonali li jamministraw l-iskema ta’ pensjoni li magħha l-persuna kkonċernata kienet affiljata sa meta tidħol fis-servizz tal-Unjoni. L-integralità ta’ din il-fażi taqa’ fil-kompetenza esklużiva tal-awtoritajiet nazzjonali jew internazzjonali kompetenti. It-tieni fażi, għall-kuntrarju, tikkonsisti fil-konverżjoni, mill-istituzzjoni tal-Unjoni kkonċernata, tal-kapital aġġornat, hekk stabbilit mill-awtoritajiet nazzjonali jew internazzjonali ta’ oriġini, fi snin ta’ servizz li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni fl-iskema ta’ pensjoni tal-Unjoni, u dan abbażi ta’ regoli applikabbli għall-iskema ta’ pensjoni tal-Unjoni, inklużi r-regoli li jinsabu fid‑dispożizzjonijiet ġenerali ta’ implementazzjoni li kull istituzzjoni għandha tadotta għat-trasferimenti “in” (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Il-Belġju u Il‑Kummissjoni vs Genette, iċċitata iktar ’il fuq, punti 56 u 57).

86      Iż-żewġ deċiżjonijiet relatati, l-ewwel waħda, mal-iffissar tal-kapital aġġornat u, it-tieni waħda, mal-konverżjoni ta’ dan il-kapital aġġornat fi snin ta’ servizz ta’ pensjoni jinsabu konsegwentement f’żewġ ordinamenti ġuridiċi distinti u jaqgħu kull waħda fi stħarriġ ġudizzjarju proprju għal kull wieħed minn dawn iż-żewġ ordinamenti ġuridiċi.

87      Il-fatt li l-Artikolu 11(2) tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal jipprovdi, wara r-riforma tar-Regolamenti tal-Persunal tal-2004, li l-awtoritajiet nazzjonali jew internazzjonali għandhom jaġġornaw, sad-data tat-trasferiment effettiv, il-kapital li jikkorrispondi għall‑kontribuzzjonijiet kollha mħallsa mill-uffiċjal jew mill-membru tal-persunal li jkun għadu kif daħal fis-servizz tal-Unjoni jġib miegħu, ċertament, obbligu fuq l-imsemmija awtoritajiet, imma xorta ma jfissirx, fin-nuqqas ta’ dispożizzjoni espressa f’dan is-sens, li dan l-aġġornament għandu jsir skont sistema stabbilita għat-trasferimenti “out”. Għall-kuntrarju, kif il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet fis‑sentenza Časta, iċċitata iktar ’il fuq, punti 25 u 26, l-Istati Membri huma liberi li japplikaw jew il-metodu msejjaħ “tal-ekwivalenza attwarjali”, jew il‑metodu msejjaħ “il-valur tar-rimbors” jew inkella metodi oħra.

88      Konsegwentement, fir-rigward, fl-ewwel lok, tal-kalkolu mill-awtoritajiet nazzjonali jew internazzjonali kompetenti, fid-dawl tat-trasferiment “in” tal‑kapital aġġornat, dan il-kapital huwa ddeterminat abbażi tad-dritt nazzjonali applikabbli u skont il-modalitajiet iddefiniti minn dan id-dritt jew, fir-rigward ta’ organizzazzjoni internazzjonali, mir-regoli tagħha stess, u mhux abbażi tal‑Artikolu 8 tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal u skont ir-rata ta’ interessi stabbilita minn din id-dispożizzjoni. Barra minn hekk, dan huwa dak li l‑Qorti tal-Prim’Istanza spjegat, fil-punt 57 tas-sentenza Il-Belġju u Il-Kummissjoni vs Genette, iċċitata iktar ’il fuq, meta ddikjarat li f’każ ta’ trasferiment “in”, id‑deċiżjoni dwar il-kalkolu tal-ammont tad-drittijiet għall-pensjoni li għandhom jiġu ttrasferiti tinsab fl-ordinament ġuridiku nazzjonali kompetenti u taqa’ fl‑istħarriġ biss tal-qorti nazzjonali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Časta, iċċitata iktar ’il fuq, punt 24).

89      Minn dan isegwi li l-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 1324/2008 ma għandux jiġi kkunsidrat bħala metodu ta’ kalkolu tal-kapital li jikkorrispondi mad-drittijiet għall-pensjoni miksuba mill-uffiċjal jew mill-membru tal-persunal qabel ma jidħol fis-servizz tal-Unjoni u ma għandux bil-fors jiġi kkunsidrat mill-awtoritajiet nazzjonali jew internazzjonali kkonċernati meta huma jipproċedu għall‑aġġornament tal-imsemmi kapital li huma obbligati jittrasferixxu.

90      Fit-tieni lok, fir-rigward tal-kalkolu tan-numru tas-snin ta’ servizz akkreditati li għandhom jiġu kkunsidrati fl-iskema ta’ pensjoni tal-Unjoni, li huwa kalkolu distint minn dak tal-kapital aġġornat, kif jirriżulta mill-punti 85 sa 87 ta’ din is‑sentenza, għandu jiġi kkonstatat li la l-Artikolu 11(2) tal-Anness VIII tar‑Regolamenti tal-Persunal dwar it-trasferimenti “in” u lanqas xi dispożizzjoni oħra tar-Regolamenti tal-Persunal ma jipprovdu espressament l-obbligu li fil‑kalkolu tan-numru tas-snin ta’ servizz li għandhom jiġu akkreditati għandha tiġi applikata r-rata ta’ interessi msemmija fl-Artikolu 8 ta’ dan l-istess anness. Minn dan jirriżulta li d-dikjarazzjoni tal-Kummissjoni li l-koeffiċjenti ta’ konverżjoni, fil-każ ta’ trasferiment “in”, huma “direttament skont” ir-rata ta’ interessi li tinsab fl-Artikolu 8 tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal ma hija sostnuta minn ebda dispożizzjoni tar-Regolamenti tal-Persunal.

91      Barra minn hekk, il-Kunsill ma jistax, permezz ta’ regolament ta’ implementazzjoni adottat abbażi tal-Artikolu 83a tar-Regolamenti tal-Persunal, inaqqas il-portata tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 11(2) tal-Anness VIII tar‑Regolamenti tal-Persunal billi jikkontesta l-awtonomija li l-leġiżlatur tal‑Unjoni rrikonoxxa, f’din id-dispożizzjoni, lill-istituzzjonijiet billi tahom is‑setgħa li jistabbilixxu, permezz ta’ dispożizzjonijiet ġenerali ta’ implementazzjoni, in-numru tas-snin ta’ servizz li għandhom jiġu akkreditati fil‑każ ta’ trasferiment “in”.

92      Ċertament, l-Artikolu 7(2) tad-DĠI 2004 jirreferi, għall-finijiet tal-kalkolu tan‑numru tas-snin ta’ servizz li għandhom jiġu kkunsidrati abbażi tal-kapital korrispondenti għall-kontribuzzjonijiet effettivament ittrasferiti għall-iskema ta’ pensjoni tal-Unjoni, għall-valuri attwarjali V2 stipulati fit-tabella tal-Anness 2 tad‑DĠI 2004, li min-naħa tagħhom, skont l-imsemmi Anness 2, huma “ikkalkolati abbażi tal-parametri stipulati fl-Anness XII tar-Regolamenti tal-Persunal”. Fost dawn il-parametri tinsab ir-rata stabbilita fl-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal.

93      Madankollu, l-Anness 2 tad-DĠI 2004 jistipula l-valuri attwarjali kif ikkalkolati abbażi, b’mod partikolari, tar-rata ta’ 3.5 % stipulata fl-Artikolu 8 tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal qabel l-emenda tiegħu bir-Regolament Nru 1324/2008. Huma preċiżament dawn il-valuri li ġew ikkunsidrati mill-Kummissjoni meta saru l-ewwel proposti ta’ akkreditazzjoni tas-snin ta’ servizz sottomessi lir-rikorrenti, minkejja li l-Artikolu 8 tal-Anness VIII kien sadattant ġie emendat permezz tar-Regolament Nru 1324/2008.

94      F’dawn iċ-ċirkustanzi, fil-kuntest tal-implementazzjoni tal-Artikolu 11(2) tal‑Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal u, b’mod partikolari, għall-finijiet tal-aġġornament tal-koeffiċjenti ta’ konverżjoni f’każ ta’ trasferiment “in”, fid‑dawl tar-rata ġdida ta’ 3.1 % stipulata fl-Artikolu 8 tal-Anness VIII tar‑Regolamenti tal-Persunal, wara d-dħul fis-seħħ tar-Regolament Nru 1324/2008, kien l-obbligu tal-Kummissjoni, skont l-imsemmi Artikolu 11(2), li jirreferi għal dispożizzjonijiet ġenerali ta’ implementazzjoni sabiex dan jiġi implementat, u skont il-prinċipju ta’ ċertezza legali, li timmodifika d-DĠI 2004 u li tistabbilixxi tabella ġdida ta’ valuri attwarjali. Barra minn hekk, huwa preċiżament dak li għamlet il-Kummissjoni meta adottat id-DĠI 2011 li, fl-anness tagħhom, jinkludu valuri attwarjali ġodda, imsejħa f’dawn l-aħħar dispożizzjonijiet ġenerali ta’ implementazzjoni “koeffiċjenti ta’ konverżjoni” għall-finijiet tal‑kalkolu tas-snin ta’ servizz li għandhom jiġu akkreditati.

95      Għandu jingħad ukoll li l-Artikolu 8 tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal, kif emendat wara d-dħul fis-seħħ tar-Regolament Nru 1324/2008, ma jistax isir applikabbli għat-trasferimenti “in” ħlief permezz ta’ dispożizzjonijiet ġenerali ta’ implementazzjoni li l-istituzzjonijiet għandhom jadottaw skont l‑Artikolu 11(2) tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal. L-applikabbiltà tal‑imsemmi Artikolu 8, f’dan il-każ, tirriżulta mir-riferiment għal “parametri stipulati fl-Anness XII”, li jinsabu fit-titolu tal-Anness 2 tad-DĠI 2004, u dan inkwantu l‑imsemmi Anness XII jirreferi huwa stess, fl-Artikoli 1(2), 10(2) u 12 tiegħu, għar-rata msemmija fl-Artikolu 8 tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal. It-titolu tal-Anness 2 tad-DĠI 2004 għandu valur spjegattiv tal-metodu tal-kalkolu użat mill-Kummissjoni bis-saħħa tal-kompetenzi ta’ implementazzjoni tagħha, mogħtija lilha permezz tal-Artikolu 11(2) tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal‑Persunal, li jistgħu biss iservu għall-interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni li tinsab fit-tabella tal-valuri attwarjali (ara, fir-rigward tal-valur legali tat-titolu ta’ artikolu ta’ direttiva, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-3 ta’ April 2003, Hoffman, C‑144/00, punti 37 sa 40). Barra minn hekk, tali riferimenti wara xulxin, fuq kollox mhux dejjem ċari, ma jistgħux jipprevalu fuq l-informazzjoni espliċita li tinsab fit-tabella tal-valuri attwarjali inkwistjoni mingħajr ma jinkiser il-prinċipju ta’ ċertezza legali.

96      Bħala konklużjoni, l-argument tal-Kummissjoni li tikkunsidra li l-metodu ta’ kalkolu tal-ekwivalenza attwarjali, stipulat fl-Artikolu 8 tal-Anness VIII tar‑Regolamenti tal-Persunal, għandu neċessarjament jintuża wkoll meta jiġi stabbilit il-kapital aġġornat, jiġifieri n-numru tas-snin ta’ servizz li għandhom jiġu akkreditati, stipulat fl-Artikolu 11(2) tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal, imur kontra l-kliem ta’ din l-aħħar dispożizzjoni kif ukoll kontra l-volontà tal‑leġiżlatur tal-Unjoni li, fil-fatt, ried iżomm, fir-Regolamenti tal-Persunal, distinzjoni netta bejn iż-żewġ każijiet ta’ trasferimenti tad-drittijiet għall-pensjoni “in” u “out” u konsegwentement ukoll bejn il-kunċetti ta’ kapital aġġornat u ta’ ekwivalenza attwarjali.

97      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, l-argument tal-Kummissjoni li r‑Regolament Nru 1324/2008 wassal sabiex irrenda null u mingħajr bażi legali d-DĠI 2004 f’dak li jikkonċerna l-metodu ta’ kalkolu tan-numru tas-snin ta’ servizz li għandhom jiġu akkreditati huwa żbaljat fil-liġi, peress li l-ġustifikazzjoni ta’ tali argument tinterpreta b’mod żbaljat kemm il-portata tal-imsemmi regolament kif ukoll tal‑Artikolu 11(2) tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal.

98      Għalhekk, għandha tiġi eżaminata l-kwistjoni dwar jekk il-Kummissjoni kinitx korretta meta applikat il-koeffiċjenti ta’ konverżjoni ġodda li jinsabu fl-Anness 1 tad-DĠI 2011 għat-talbiet għal trasferiment li saru qabel id-dħul fis-seħħ, fl-1 ta’ April 2011, tad-DĠI 2011.

–       Fuq l-applikazzjoni retroattiva tal-koeffiċjenti ta’ konverżjoni li jinsabu fl-Anness 1 tad-DĠI 2011

99      Preliminarjament, għandu jitfakkar li, skont prinċipju ġeneralment rikonoxxut, u sakemm ma jkunx hemm deroga, regola ġdida tapplika immedjatament għas‑sitwazzjonijiet li jkunu għad iridu jimmaterjalizzaw kif ukoll għall-effetti futuri ta’ sitwazzjonijiet li diġà jkunu mmaterjalizzaw, mingħajr ma jkunu madankollu kompletament ikkostitwiti, taħt ir-regola l-qadima (sentenza tat‑Tribunal għas-Servizz Pubbliku tat-13 ta’ Ġunju 2012, Guittet vs Il‑Kummissjoni, F‑31/10, punt 47, u l-ġurisprudenza ċċitata).

100    Konsegwentement, għandu jiġi vverifikat jekk, fil-mument li fih il-koeffiċjenti ta’ konverżjoni l-ġodda stipulati fid-DĠI 2011 saru applikabbli, jiġifieri fl-1 ta’ April 2011, ir-rikorrenti kinux jinsabu f’sitwazzjoni li diġà mmaterjalizzat u li kienet kompletament ikkostitwita taħt id-DĠI 2004. Huwa biss f’dan il-każ li jista’ jiġi effettivament rikonoxxut li l-koeffiċjenti ta’ konverżjoni stipulati mid-DĠI 2011 ġew applikati b’mod retroattiv fil-konfront tar-rikorrenti. F’dan il-każ, ikun hemm lok li tiġi eżaminata l-eċċezzjoni ta’ illegalità mqajma mir-rikorrenti u, b’mod iktar partikolari, il-legalità tal-applikazzjoni retroattiva tal-koeffiċjenti ta’ konverżjoni stipulati fid-DĠI 2011 fid-dawl tal-prinċipji ta’ ċertezza legali u ta’ osservanza tal-aspettattivi leġittimi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Guittet vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 48).

101    F’din il-kawża, sabiex is-sitwazzjoni ta’ uffiċjal jew ta’ membru tal-persunal li jkun għamel talba għal trasferiment “in” tkun kompletament ikkostitwita taħt il‑valuri attwarjali V2 annessi mad-DĠI 2004, għandu jiġi stabbilit li, sa mhux aktar tard mit-tmiem tal-ġurnata preċedenti għad-dħul fis-seħħ tal-koeffiċjenti ta’ konverżjoni l-ġodda stipulati fid-DĠI 2011, jiġifieri l-31 ta’ Marzu 2011, il‑persuna kkonċernata kienet aċċettat il-proposta ta’ akkreditazzjoni tas-snin ta’ servizz li kienet saritilha taħt id-DĠI 2004.

102    F’dan il-każ, ir-rikorrenti kienu aċċettaw, kull wieħed f’dak li jirrigwarda lilu, l‑ewwel proposta ta’ akkreditazzjoni tas-snin ta’ servizz. Is-sitwazzjoni tagħhom fir-rigward tad-dritt tagħhom għat-trasferiment “in”, imnissel taħt id-DĠI 2004, kienet għalhekk kompletament ikkostitwita fil-mument tad-dħul fis-seħħ tad-DĠI 2011 u għalhekk kienu applikabbli fil-konfront tagħhom d-DĠI 2004.

103    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, jidher li l-Artikolu 9 tad-DĠI 2011, inkwantu jipprovdi, fl-ewwel sentenza tar-raba’ paragrafu, li l-koeffiċjenti ta’ korrezzjoni stipulati fl-Anness 1 tad-DĠI 2011 japplikaw b’effett mill-1 ta’ Jannar 2009, jirreferi, fir-rigward ta’ uffiċjali jew ta’ membri tal-persunal li jkunu aċċettaw proposta ta’ akkreditazzjoni tas-snin ta’ servizz qabel il-31 ta’ Marzu 2011, għal sitwazzjonijiet kompletament ikkostitwiti taħt id-DĠI 2004. L‑Artikolu 9 tad-DĠI 2011 għalhekk jagħti portata retroattiva għall-applikazzjoni tal-imsemmija koeffiċjenti.

104    Issa, kif tfakkar fil-punti 99 u 100 ta’ din is-sentenza, il-prinċipju ta’ ċertezza tas‑sitwazzjonijiet legali jipprekludi li l-portata ratione temporis ta’ att tal-Unjoni tibda tapplika f’data preċedenti għad-dħul fis-seħħ tiegħu. Dan jista’ ma jkunx il‑każ, b’mod eċċezzjonali, meta l-għan li jkun irid jintlaħaq jeżiġi hekk u meta l‑aspettattivi leġittimi tal-persuni kkonċernati jkunu debitament imħarsa (sentenza Guittet vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punti 63 u 64, u l-ġurisprudenza ċċitata).

105    F’din il-kawża, il-Kummissjoni ma ppruvatx li l-għan li kellu jintlaħaq kien jeżiġi applikazzjoni retroattiva tad-DĠI 2011. Fil-fatt, minkejja li l-Kummissjoni sostniet li d-dħul fis-seħħ tal-koeffiċjenti ta’ konverżjoni fl-1 ta’ Jannar 2009 kien meħtieġ skont ir-Regolament Nru 1324/2008, mill-punti 91 sa 97 ta’ din is-sentenza jirriżulta, għall-kuntrarju, li r-Regolament Nru 1324/2008 la rrenda null u lanqas ma neħħa awtomatikament l-bażi legali tad-DĠI 2004 f’dak li jikkonċerna l-metodu tal-kalkolu tan-numru tas-snin ta’ servizz li għandhom jiġu akkreditati.

106    Barra minn hekk, għandu jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni ma wrietx li kien hemm interess superjuri u fundamentali li kien jobbligaha tapplika d-DĠI 2011 sa mid‑data tad-dħul fis-seħħ tar-Regolament Nru 1324/2008. Fil-fatt, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 83a tar-Regolamenti tal-Persunal, ir-responsabbiltà għaż-żamma tal-bilanċ tal-iskema ta’ pensjoni tal-Unjoni taqa’ fil-kompetenza tal-Kunsill li, abbażi tal-evalwazzjoni attwarjali sottomessa lilu kull sena mill-Kummissjoni u fuq proposta ta’ din tal-aħħar, għandu jadotta b’maġġoranza kkwalifikata r-regolament korrispondenti, li, kif barra minn hekk kien il-każ għar-Regolament Nru 1324/2008, huwa applikabbli għall-istituzzjonijiet, l-organi u l-korpi kollha tal-Unjoni. Għaldaqstant, ma hijiex il-Kummissjoni biss li għandha tiżgura ż‑żamma tal-bilanċ tal-iskema ta’ pensjoni tal-Unjoni u inqas u inqas li tagħmel dan permezz tad-dispożizzjonijiet ġenerali ta’ implementazzjoni tagħha.

107    Finalment, l-applikazzjoni tal-koeffiċjenti ta’ konverżjoni previsti fl-Anness 1 tad‑DĠI 2011, qabel id-dħul fis-seħħ tal-imsemmija dispożizzjonijiet ġenerali ta’ implementazzjoni fl-1 ta’ April 2011, għal uffiċjali jew membri tal-persunal li kienu aċċettaw proposta ta’ akkreditazzjoni tas-snin ta’ servizz qabel l-1 ta’ April 2011 neċessarjament ippreġudikat l-aspettattivi leġittimi ta’ dawn l-uffiċjali jew ta’ dawn il-membri tal-persunal (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Guittet vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 66).

108    Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li d-dispożizzjonijiet tal-aħħar sentenza tat-tielet paragrafu tal-Artikolu 9 u tal-ewwel sentenza tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 9 tad-DĠI 2011 għandhom jiġu ddikjarati illegali inkwantu jistipulaw l-applikazzjoni ta’ koeffiċjenti ta’ konverżjoni msemmija fl-Anness 1 tad-DĠI 2011 għall-uffiċjali u għall-membri tal-persunal li jkunu aċċettaw proposta ta’ akkreditazzjoni tas-snin ta’ servizz qabel id-dħul fis-seħħ tad-DĠI 2011.

109    L-ewwel proposti ta’ akkreditazzjoni tas-snin ta’ servizz, li kienu japplikaw id-DĠI 2004, ma kinux, f’dan ir-rigward, ivvizzjati b’xi illegalità u għalhekk ma setgħux jiġu rtirati (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-12 ta’ Mejju 2010, Bui Van vs Il-Kummissjoni, T‑491/08 P, punt 37, u l-ġurisprudenza ċċitata).

110    Fi kwalunkwe każ, id-dispożizzjonijiet ġenerali ta’ implementazzjoni applikabbli fid-dati tar-reġistrazzjoni tat-talbiet għal trasferiment “in” tar-rikorrenti, tas-17 ta’ Novembru u tal-1 ta’ Lulju 2009 rispettivament, kienu d-DĠI 2004 u mhux id‑DĠI 2011. Peress li d-deċiżjonijiet kontenzjużi kienu jirreferu għall‑koeffiċjenti ta’ konverżjoni stipulati fl-Anness 1 tad-DĠI 2011, l-ewwel u t‑tieni motivi eżaminati flimkien għandhom jintlaqgħu u, mingħajr ma jkun meħtieġ li tingħata deċiżjoni dwar it-tielet motiv tar-rikors, id-deċiżjonijiet kontenzjużi għandhom jiġu annullati.

 Fuq l-ispejjeż

111    Skont l-Artikolu 87(1) tar-Regoli tal-Proċedura, bla ħsara għad-dispożizzjonijiet l‑oħra tat-Tmien Kapitolu tat-Tieni Titolu ta’ dawn ir-regoli, il-parti li titlef il‑kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Skont l‑Artikolu 87(2) it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jista’ jiddeċiedi, jekk ikun meħtieġ għal raġunijiet ta’ ekwità, li parti telliefa għandha tiġi kkundannata tbati biss parti mill-ispejjeż, jew saħansitra li hija ma għandhiex tiġi kkundannata f’dan ir-rigward.

112    Mill‑motivi mogħtija f’din is-sentenza jirriżulta li l‑Kummissjoni hija l‑parti telliefa. Barra minn hekk, fit-talbiet tagħhom, ir-rikorrenti talbu espressament li l‑Kummissjoni tiġi kkundannata għall-ispejjeż. Peress li ċ-ċirkustanzi ta’ din il‑kawża ma jiġġustifikawx l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-Kummissjoni għandha tbati l-ispejjeż tagħha u hija kkundannata għall-ispejjeż sostnuti mir-rikorrenti.

Għal dawn il-motivi,

IT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU
(Seduta Plenarja)

jaqta’ u jiddeċiedi:

1)      Id-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni Ewropea tal-20 ta’ Mejju 2011 u tad‑19 ta’ Mejju 2011 indirizzati rispettivament lil M. Verile u lil A. Gjergji huma annullati.

2)      Il-Kummissjoni Ewropea għandha tbati l-ispejjeż tagħha u hija kkundannata tbati l-ispejjeż sostnuti minn M. Verile u minn A. Gjergji.

Van Raepenbusch

Rofes i Pujol

Perillo

Barents

 

       Bradley

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fil-11 ta’ Diċembru 2013.

W. Hakenberg

 

      S. Van Raepenbusch

Reġistratur

 

      President


* Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.