OPINJONI TAL-AVUKAT ĠENERALI MAZÁK

ippreżentata fis-26 ta’ Ottubru 2011 (1)

Kawża C‑329/11

Alexandre Achughbabian

vs

Préfet du Val-de-Marne

[talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-cour d’appel de Paris (Franza)]

“Direttiva 2008/115/KE – Ritorn ta’ ċittadini ta’ pajjiż terz li jkunu qegħdin fil-pajjiż illegalment – Leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi piena ta’ priġunerija biss minħabba l-illegalità tad-dħul u tar-residenza fit-territorju nazzjonali – Kompatibbiltà”





1.        Bħall-kawża li tat lok għas-sentenza El Dridi (2), id-domanda preliminari magħmula mill-cour d’appel de Paris (Franza) tiġbed l-attenzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja lejn id-Direttiva 2008/115/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-16 ta’ Diċembru 2008, dwar standards u proċeduri komuni fl-Istati Membri għar-ritorn ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu qegħdin fil-pajjiż illegalment (3), fil-kuntest tad-dritt kriminali nazzjonali.

2.        Fil-kawża inkwistjoni, ir-risposta tal-Qorti tal-Ġustizzja għad-domanda preliminari hija utli għall-qorti tar-rinviju sabiex tevalwa l-legalità tat-tiċħid tal-libertà individwali ta’ A. Achughbabian, ċittadin ta’ pajjiż terz, minħabba li rrisjeda illegalment fi Franza.

3.        Abbażi tal-informazzjoni inkluża fid-deċiżjoni tar-rinviju kif ukoll fil-proċess li ġie trażmess lill-Qorti tal-Ġustizzja mill-qorti tar-rinviju, is-sitwazzjoni ta’ A. Achughbabian tista’ tiġi deskritta fi ftit kliem kif ġej:

–        fid-9 ta’ April 2008, huwa daħal fi Franza;

–        fit-28 ta’ Novembru 2008, l-Office français de protection des réfugiés et apatrides (Uffiċċju għall-protezzjoni tar-refuġjati u ta’ persuni mingħajr stat) ċaħad l-applikazzjoni tiegħu għal permess ta’ residenza fil-forma ta’ ażil;

–        fis-27 ta’ Jannar 2009, il-Prefett ta’ Val-d’Oise ddeċieda li jiċħad l-applikazzjoni tiegħu għal permess ta’ residenza kif ukoll obbligah jitlaq mit-territorju Franċiż fi żmien xahar min-notifika tad-deċiżjoni inkwistjoni;

–        fl-24 ta’ Ġunju 2011, ġie investigat u tqiegħed taħt kustodja preventiva minħabba suspett ta’ ksur tar-residenza illegali prevista fl-Artikolu L. 621-1 tal-kodiċi tad-dħul u tar-residenza tal-barranin u tad-dritt għal ażil (iktar ’il quddiem iċ-“Ceseda”);

–        fil-25 ta’ Ġunju 2011, ġie suġġett għal ordnijiet ta’ deportazzjoni u ta’ detenzjoni maħruġa mill-Prefett ta’ Val-de-Marne u, konsegwentement, tqiegħed taħt detenzjoni f’ċentru ta’ detenzjoni;

–        fis-27 ta’ Ġunju 2011, il-juge des libertés et de la détention (Imħallef tal-libertà u tal-kustodja) tat-tribunal de grande instance de Créteil awtorizza l-proroga tad-detenzjoni tiegħu, wara li ċaħad l-eċċezzjonijiet ta’ nullità tal-proċedura mqajma in limine litis mill-avukat tiegħu, fosthom motiv ibbażat fuq in-nullità tal-kustodja fid-dawl tas-sentenza El Dridi (4);

–        fit-28 ta’ Ġunju 2011, l-avukat tiegħu ppreżenta appell quddiem il-cour d’appel de Paris kontra d-digriet tat-tribunal de grande instance de Créteil għal diversi raġunijiet, fosthom, għal darba oħra, motiv ibbażat fuq in-nullità tal-kustodja fid-dawl tas-sentenza El Dridi (5).

4.        Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi li, fid-29 ta’ Ġunju 2011, il-cour d’appel de Paris temmet id-detenzjoni ta’ A. Achughbabian, wara li ddeċidiet li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari segwenti:

“Fid-dawl tal-kamp ta’ applikazzjoni tagħha, id-Direttiva 2008/115/KE[...] tipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali, bħall-Artikolu L.621-1 taċ-[Ceseda], li tipprevedi l-impożizzjoni ta’ piena ta’ ħabs għal ċittadin ta’ pajjiż terz biss minħabba l-irregolarità tad-dħul tiegħu jew tar-residenza tiegħu fit-territorju nazzjonali?”

5.        Billi kkunsidrat li kien essenzjali li l-qrati Franċiżi jkollhom fl-inqas żmien possibbli r-risposta għad-domanda magħmula peress li l-imsemmi risposta tista’ tevita l-possibbiltà ta’ tiċħid illegali tal-libertà jew tnaqqas it-tul tiegħu, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li tilqa’ t-talba tal-qorti tar-rinviju li tissottometti l-kawża għal proċedura mħaffa prevista fl-Artikolu 23a tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea u tal-Artikolu 104a tar-Regoli ta’ Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja.

6.        Osservazzjonijiet bil-miktub ġew ippreżentati quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja minn A. Achughbabian, mill-Gvernijiet tal-Ġermanja, tal-Estonja u ta’ Franza, kif ukoll mill-Kummissjoni Ewropea.

7.        A. Achughbabian, il-Gvernijiet tad-Danimarka, tal-Estonja u ta’ Franza kif ukoll il-Kummissjoni ġew irrappreżentati fis-seduta li nżammet fil-25 ta’ Ottubru 2011.

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-Direttiva 2008/115

8.        Id-Direttiva 2008/115 għandha l-għan, kif jirriżulta mill-premessi 2 u 20 kif ukoll mill-Artikolu 1 tagħha, li tistabbilixxi regoli komuni applikabbli għar-ritorn, għat-tneħħija, għall-użu ta’ miżuri restrittivi u għall-projbizzjoni tad-dħul fir-rigward ta’ ċittadini ta’ pajjiż terz li jirrisjedu illegalment fit-territorju ta’ Stat Membru, regoli li għandhom iservu bħala bażi għal politika ta’ ritorn effiċjenti u li għandhom jirrispettaw id-drittijiet fundamentali.

9.        Il-premessi 5 u 17 jipprevedu:

“(5)      Din id-Direttiva għandha tistabbilixxi sett ta’ regoli orizzontali, applikabbli għaċ-ċittadini kollha ta’ pajjiżi terzi li ma jissodisfawx jew li m’għadhomx jissodisfaw il-kondizzjonijiet ta’ dħul, soġġorn jew residenza fi Stat Membru.

[…]

(17)      Ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu detenuti għandhom jiġu trattati b’mod uman u dinjituż fir-rispett tad-drittijiet fundamentali tagħhom u f’konformità mal-liġi internazzjonali u nazzjonali. Mingħajr preġudizzju għall-arrest inizjali mill-awtoritajiet ta’ l-infurzar tal-liġi, irregolat mil-leġislazzjoni nazzjonali, id-detenzjoni għandha bħala regola tkun f’faċilitajiet speċjalizzati għad-detenzjoni.”

10.      L-Artikolu 2(1) tal-imsemmija direttiva jiddefinixxi l-kamp tal-applikazzjoni tagħha kif ġej:

“Din id-Direttiva tapplika għal ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu qegħdin illegalment fit-territorju ta’ Stat Membru.”

11.      Skont l-Artikolu 6(1) tal-istess direttiva, “[l]-Istati Membri għandhom joħorġu deċiżjoni ta’ ritorn għal ċittadin ta’ pajjiż terz li qed jissoġġorna illegalment fit-territorju tagħhom, bla ħsara għall-eċċezzjonijiet imsemmijin fil-paragrafi 2 sa 5.”

12.      Skont il-premessa 10 tad-Direttiva 2008/115, li tipprevedi li għandha tingħata preferenza għar-ritorn volontarju ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi meta mqabbel mar-ritorn bil-forza, l-Artikolu 7 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Tluq volontarju”, jipprevedi kif ġej:

1.     Id-deċiżjoni ta’ ritorn għandha tipprevedi perijodu adegwat għat-tluq volontarju ta’ bejn sebat ijiem u tletin jum, mingħajr preġudizzju għall-eċċezzjonijiet imsemmijin fil-paragrafi 2 u 4. […]

[…]

4.     Jekk ikun hemm riskju ta’ ħarba, jew jekk applikazzjoni għal soġġorn legali tkun ġiet miċħuda għax kienet bla bażi jew ibbażata fuq frodi jew jekk il-persuna konċernata tippreżenta riskju għall-ordni pubbliku, is-sigurtà pubblika jew is-sigurtà nazzjonali, l-Istati Membri jistgħu ma jagħtux perijodu ta’ żmien għat-tluq volontarju, jew jistgħu jagħtu perijodu iqsar minn sebat ijiem.”

13.      Skont l-Artikolu 8(1) tad-Direttiva 2008/115, intitolat “Tneħħija”, “[l]-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa biex jinfurzaw id-deċiżjoni ta’ ritorn jekk ma jkun ingħata l-ebda perijodu għal tluq volontarju skond l-Artikolu 7(4) jew jekk l-obbligu ta’ ritorn ma jkunx ġie rispettat f’dan il-perijodu għat-tluq volontarju mogħti skond l-Artikolu 7”.

14.      Skont l-Artikolu 20 tad-Direttiva 2008/115, l-Istati Membri huma marbuta jimplementaw il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi neċessarji sabiex jikkonformaw ruħhom magħha, bla ħsara għall-Artikolu 13(4) mhux iktar mill-24 ta’ Diċembru 2010.

 Il-leġiżlazzjoni nazzjonali

15.      L-Artikolu L. 621-1 taċ-Ceseda jipprovdu:

“Persuna barranija li tkun daħlet u għexet fi Franza mingħajr ma tikkonforma ruħha mad-dispożizzjonijiet tal-Artikoli L. 211-1 u L. 311-1 jew li baqgħet fi Franza lil hinn mit-terminu awtorizzat mill-viża tagħha teħel sena priġunerija u multa ta’ EUR 3 750.

Barra minn hekk, il-qorti tar-rinviju tista’ tipprojbixxi lill-persuna barranija kkundannata, matul perijodu ta’ mhux iktar minn tliet snin, milli tidħol jew tirrisjedi fi Franza. Il-projbizzjoni mit-territorju tinkludi ipso iure deportazzjoni tal-persuna kkundannata, skont il-każ fl-iskadenza tal-piena ta’ priġunerija.”

16.      L-Artikoli tal-kodiċi ta’ proċedura kriminali dwar il-kustodja preventiva ġew emendati bil-Liġi Nru 2011-392, tal-14 ta’ April 2011, li daħlet fis-seħħ fl-1 ta’ Ġunju 2011. Konsegwentement, l-Artikolu 62 tal-kodiċi tal-proċedura kriminali fil-verżjoni applikabbli għall-fatti tal-kawża jipprevedi kif ġej:

“Il-persuni li fir-rigward tagħhom ma teżisti ebda raġuni plawżibbli li jiġi ssuspettat li huma wettqu jew ippruvaw iwettqu reat jistgħu biss jinżammu matul dak iż-żmien neċessarju għall-investigazzjoni tagħhom, li ma jistax jeċċedi erba’ sigħat.

Jekk matul l-investigazzjoni ta’ din il-persuna jirriżulta li hemm raġunijiet plawżibbli li jiġi ssuspettat li hija wettqet jew ippruvat twettaq reat ikkundannat b’piena ta’ priġunerija, hija tista’ tinżamm għad-dispożizzjoni tal-investigaturi taħt is-sistema ta’ kustodja preventiva biss. Il-kustodja preventiva tagħha għandha tiġi nnotifikata lilha taħt il-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 63.”

17.      Skont l-Artikolu 62-2 tal-kodiċi tal-proċedura kriminali fil-verżjoni applikabbli għall-fatti tal-kawża, [i]l-kustodja preventiva hija miżura restrittiva deċiża minn uffiċjal tal-pulizija, taħt il-kontroll ta’ awtorità ġudizzjarja, li permezz tagħha persuna li fir-rigward tagħha hemm raġuni jew raġunijiet plawżibbli li jiġi ssuspettat li hija wettqet jew ippruvat twettaq reat ikkundannat b’piena ta’ priġunerija tinżamm għad-dispożizzjoni tal-investigaturi. […]”.

 Evalwazzjoni

18.      Id-domanda preliminari magħmula mill-qorti tar-rinviju tirrifletti s-sitwazzjoni fi Franza wara li ngħatat is-sentenza El Dridi (6), li fiha l-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat li d-Direttiva 2008/115 ma tipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi l-impożizzjoni ta’ piena ta’ priġunerija fuq ċittadin ta’ pajjiż terz li jkun qiegħed fil-pajjiż illegalment għar-raġuni biss li, bi ksur ta’ ordni għat-tluq mit-territorju f’dan l-Istat Membru fi żmien determinat, jibqa’ fl-imsemmi territorju mingħajr raġuni ġġustifikata. Fi ħdan il-qrati Franċiżi, jeżistu diverġenzi fir-rigward tal-punt li jsir magħruf jekk dan il-prinċipju japplikax ukoll fir-rigward tal-piena ta’ priġunerija prevista fl-Artikolu L. 621-1 taċ-Ceseda minħabba d-dħul jew ir-residenza illegali ta’ barrani fi Franza. Jekk dan kien il-każ, il-kustodja preventiva fis-sens tal-Artikolu 62-2 tal-kodiċi tal-proċedura kriminali, li tipprevedi suspett tal-ksur ikkundannat b’piena ta’ priġunerija bħala kundizzjoni tal-użu ta’ tali miżura restrittiva, tkun eskluża abbażi tal-Artikolu L. 621-1 taċ-Ceseda.

19.      Minkejja li din id-domanda ġiet magħmula fil-kuntest tal-istħarriġ ġudizzjarju tat-tiċħid tal-libertà individwali ta’ A. Achughbabian, b’mod partikolari minħabba l-fatt li tqiegħed taħt kustodja preventiva (7), għandu jiġi ppreċiżat li kustodja preventiva fiha nfisha, bħala miżura tad-dritt kriminali tat-tiċħid tal-libertà individwali, u l-kundizzjonijiet tal-użu tagħha ma humiex is-suġġett tad-domanda preliminari preżenti. Madankollu, għandu jingħad li r-risposta tal-Qorti tal-Ġustizzja jista’ jkollha effett fuq il-possibbiltà li l-persuni li huma ssuspettati li wettqu il-ksur previst fl-Artikolu L. 621-1 taċ-Ceseda jitqiegħdu taħt kustodja preventiva.

20.      L-Artikolu L. 621-1 taċ-Ceseda u d-Direttiva 2008/115 għandhom punt komuni, jiġifieri r-residenza illegali ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz fit-territorju ta’ Stat Membru. Madankollu, dawn il-liġijiet jisiltu konsegwenzi differenti minn dan il-fatt. Filwaqt li l-Artikolu L. 621-1 taċ-Ceseda jikkwalifika l-imsemmi fatt bħala ksur ikkundannat b’piena ta’ priġunerija ta’ sena u b’multa ta’ EUR 3 750, id-Direttiva 2008/115 tipprevedi l-bidu ta’ proċedura amministrattiva ta’ ritorn fil-kuntest li fih għandu jiġi ggarantit li l-limitazzjoni tal-libertà individwali ta’ persuna kkonċernata tkun biss possibbli sabiex jiġi ppreparat ir-ritorn ta’ persuna kkonċernata u/jew li titwettaq it-tneħħija tagħha bil-kundizzjoni li miżuri suffiċjenti oħra, iżda inqas restrittivi, ma jkunux effettivament applikati.

21.      Ċertament, il-leġiżlazzjoni Franċiża tipprevedi wkoll, fis-sitwazzjoni ta’ residenza illegali ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz, minbarra sanzjoni kriminali, proċedura amministrattiva ta’ ritorn. Il-prova ta’ dan hija li A. Achughbabian innifsu jinsab preżentament f’waħda mill-fażijiet ta’ tali proċedura, irregolata miċ-Ceseda.

22.      Madankollu, id-domanda preliminari ma tirrigwardax din il-proċedura nfisha u, konsegwentement, ma hijiex ser tiġi eżaminata, fil-kuntest tal-opinjoni preżenti, il-kwistjoni dwar jekk il-proċedura amministrattiva ta’ ritorn li huwa suġġett għaliha A. Achughbabian skont il-leġiżlazzjoni Franċiża tissodisfax ir-rekwiżiti li jirriżultaw mid-Direttiva 2008/115. Madankollu, għandu jiġi rrilevat li, meta seħħew il-fatti fil-kawża prinċipali, Franza ma kinitx għadha ssodisfat l-obbligu, previst fl-Artikolu 20 tad-Direttiva 2008/115, li timplementa l-liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi neċessarji sabiex tikkonforma ruħha mal-imsemmija direttiva. Kif jirriżulta mill-osservazzjonijiet bil-miktub tal-Gvern Franċiż, hija biss il-Liġi Nru 2011-672, tas-16 ta’ Ġunju 2011, dwar l-immigrazzjoni, l-integrazzjoni u ċ-ċittadinanza li daħlet fis-seħħ fit-18 ta’ Lulju 2011, li ppermettiet it-traspożizzjoni kompleta fid-dritt Franċiż tad-Direttiva 2008/115. Il-bidliet li saru mill-imsemmija liġi madankollu ma kellhomx effett fuq il-kliem tal-Artikolu L. 621-1 taċ-Ceseda li huwa inkwistjoni f’din il-kawża.

23.      Fid-dawl tal-prinċipju stabbilit mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-kawża li tat lok għas-sentenza El Dridi, li, “minkejja l-fatt li la l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 63(3)(b) KE, tad-dispożizzjoni li ġiet riprodotta fl-Artikolu 79(2)(c) TFUE, u lanqas id-Direttiva 2008/115, adottata b’mod partikolari abbażi ta’ din id-dispożizzjoni tat-Trattat KE, ma jeskludu l-kompetenza kriminali tal-Istati Membri fil-qasam tal-immigrazzjoni klandestina u ta’ residenza illegali, dawn tal-aħħar għandhom jadattaw il-leġiżlazzjoni tagħhom f’dan il-qasam sabiex jiżguraw l-osservanza tad-dritt tal-Unjoni u b’mod partikolari, l-imsemmija Stati ma jistgħux japplikaw leġiżlazzjoni anki jekk fil-qasam kriminali, suxxettibbli li tipperikola t-twettiq tal-għanijiet intiżi minn direttiva u jipprivawha mill-effettività tagħha” (8), jiena tal-fehma li r-risposta għad-domanda magħmula timplika investigazzjoni dwar jekk il-kundanna ta’ residenza illegali ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz fit-territorju ta’ Stat Membru b’piena ta’ priġunerija tistax tipperikola t-twettiq tal-għanijiet mixtieqa mid-Direttiva 2008/115.

24.      Fir-rigward tal-kliem tal-premessi 2 u 20 kif ukoll tal-Artikolu 1 tad-Direttiva 2008/115, l-għan ta’ din tal-aħħar huwa faċilment identifikat. Dan jikkonsisti fl-iffissar ta’ regoli komuni applikabbli għar-ritorn, għat-tneħħija, għall-użu ta’ miżuri restrittivi u għall-projbizzjoni tad-dħul fir-rigward ta’ ċittadini ta’ pajjiż terz li jirrisjedu illegalment fit-territorju ta’ Stat Membru, regoli li għandhom iservu bħala bażi għal politika ta’ ritorn effiċjenti u li għandhom jirrispettaw id-drittijiet fundamentali.

25.      Qabel jiġi eżaminat jekk dispożizzjoni bħal dik tal-Artikolu L. 621‑1 taċ-Ceseda, tistax tipperikola t-twettiq tal-għan hekk definit, għandu jiġi eskluż qabelxejn l-argument tal-Gvernijiet tal-Estonja u ta’ Franza li d-Direttiva 2008/115 tapplika biss mill-mument li fih tkun ittieħdet deċiżjoni ta’ ritorn.

26.      Kieku jintlaqa’ dan l-argument, dan ikun ifisser li d-Direttiva 2008/115 tagħti l-possibbiltà lill-Istat Membri li jiddeċiedu jekk, u meta, huma beħsiebhom jadottaw deċiżjoni ta’ ritorn u, għalhekk, li jibdew il-proċedura ta’ ritorn fir-rigward ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz li jirrisjedi illegalment fit-territorju tagħhom.

27.      Madankollu, l-imsemmija direttiva ma tirrikonoxxix tali marġni ta’ diskrezzjoni lill-Istati Membri. Kuntrarjament, diversi dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2008/115 jindikaw li din tal-aħħar għandha l-intenzjoni li tikkostitwixxi l-obbligu tal-Istati Membri li jagħtu bidu għall-proċedura tar-ritorn fil-każ ta’ kwanlunkwe ċittadin ta’ pajjiż terz li jkun qiegħed fit-territorju tagħhom illegalment. Fuq kollox, l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2008/115 jipprevedi li l-Istati Membri għandhom jieħdu deċiżjoni ta’ ritorn kontra “ċittadin ta’ pajjiż terz” (9) li jirrisjedi fit-territorju tagħhom illegalment. L-eċċezzjonjiet tal-imsemmi obbligu huma espliċitament previsti fil-paragrafi 2 sa 5 tal-imsemmi artikolu tad-Direttiva 2008/115.

28.      Għall-obbligu msemmi, jiġifieri l-obbligu li tittieħed deċiżjoni ta’ ritorn, jikkorrispondi dritt korrelattiv ta’ ċittadin terz li jirrisjedi illegalment fi Stat Membru, għal tali aġir mill-Istat. Minn dan isegwi li d-Direttiva 2008/115 tirrikonoxxi lil kull ċittadin ta’ pajjiż terz li jirrisjedi illegalment fit-territorju ta’ Stat Membru d-dritt li l-Istat Membru kkonċernat jieħu deċiżjoni ta’ ritorn li permezz tagħha tinbeda l-proċedura ta’ ritorn li għandha bħala għan li ttemm ir-residenza illegali u li fil-kuntest tagħha l-libertà individwali tal-persuna kkonċernata tista’ tiġi llimitata biss sabiex jiġi ppreparat ir-ritorn tagħha u/jew li titwettaq it-tneħħija tagħha bil-kundizzjoni li miżuri suffiċjenti oħra, iżda inqas restrittivi, ma jkunux effettivament applikati.

29.      Sabiex indur għall-problema essenzjali, li tikkonsisti fl-evalwazzjoni dwar jekk il-kundanna ta’ residenza illegali ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz fit-territorju ta’ Stat Membru b’piena ta’ priġunerija tistax tipperikola t-twettiq tal-għanijiet mixtieqa mid-Direttiva 2008/115, għandha tinġibed l-attenzjoni fuq il-proċedura ta’ ritorn prevista mid-Direttiva 2008/115 (10).

30.      L-imsemmija direttiva tipprevedi l-użu ta’ miżuri restrittivi sabiex tiżgura t-twettiq tal-għan tagħha, jiġifieri l-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni tar-ritorn. Kif diġà kelli l-opportunità nsostni fl-opinjoni li ġiet ippreżentata fil-kawża li tat lok għas-sentenza El Dridi (11), l-imsemmija miżuri ma humiex enumerati b’mod eżawrjenti fid-Direttiva 2008/115. Fid-dawl tal-individwalità (singolarità) ta’ kull waħda mill-proċeduri ta’ ritorn, dan lanqas ma jkun biss possibbli.

31.      Huwa inkontestabbli li piena ta’ priġunerija tirrappreżenta miżura restrittiva. Madankollu, huwa ċar ukoll li ma hemmx inkwistjoni miżura li tikkontribwixxi għall-eżekuzzjoni ta’ deċiżjoni ta’ ritorn u, konsegwentement, għat-twettiq tal-għan tad-Direttiva 2008/115. Kuntrarjament, il-piena ta’ priġunerija prevista fil-każ ta’ residenza illegali ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz (kif diġà ġie indikat fil-punt 25 ta’ din l-opinjoni hemm inkwistjoni l-fatt li d-Direttiva 2008/115 torbot l-obbligu li tinbeda l-proċedura ta’ ritorn) tipprekludi, oġġettivament, anki jekk temporanjament, l-eżekuzzjoni ta’ deċiżjoni ta’ ritorn.

32.      F’dan ir-rigward, il-Gvern ta’ Franza jiġbed l-attenzjoni fuq il-fatt li ċ-ċirkularijiet tal-Ministru tal-Ġustizzja tal-21 ta’ Frar 2006 u tat-12 ta’ Mejju 2011, li jirrakkomandaw lill-prosekuturi jressqu azzjoni legali minħabba dħul u residenza illegali biss kontra l-barranin li wettqu ksur ieħor kundannabbli jew kriminali u li jtemmu proċeduri oħra sabiex b’mod partikolari, jawtorizzaw, skont il-każ, il-proċedura amministrattiva ta’ tneħħija mit-territorju, li x’aktarx ser tkun implementata. Madankollu, mill-istatistika, li ġiet ipprovduta mill-Gvern Franċiż jirriżulta li, minkejja dawn l-istruzzjonijiet, jeżistu każijiet ta’ kundanna kriminali li huma bbażati biss fuq l-Artikolu L . 621-1 taċ-Ceseda.

33.      Għandu madankollu jiġi enfasizzat li dan ma jfissirx li ser tiġi eskluża, b’mod ġenerali, kwalunkwe limitazzjoni tal-libertà individwali ta’ persuna kkonċernata matul it-tul li huwa neċessarju sabiex jiġi vverifikat jekk il-kundizzjonijiet sabiex tittieħed id-deċiżjoni ta’ ritorn fis-sens tal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2008/115 humiex sodisfatti. Dwar dan il-punt, jiena tal-istess fehma bħall-Gvern ta’ Franza li jsostni li tali limitazzjoni tista’ tkun neċessarja f’diversi każijiet (12) u, skont il-premessa 17 tad-Direttiva 2008/115, hija taqa’ taħt il-leġiżlazzjoni nazzjonali tal-Istati Membri. Madankollu, tali limitazzjoni tal-libertà individwali ma tistax tiġi bbażata fuq tali dispożizzjoni bħall-Artikolu L. 621-1 taċ-Ceseda.

34.      Skont dak li ntqal, jiena tal-fehma li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha tirrispondi għad-domanda preliminari magħmula mill-qorti tar-rinviju li d-Direttiva 2008/115 għandha tiġi interpretata fis-sens li tipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi l-impożizzjoni ta’ piena ta’ priġunerija għar-raġuni biss tal-illegalità tad-dħul jew tar-residenza illegali ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz fit-territorju tal-Istat Membru kkonċernat.

 Konklużjoni

35.      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi kif ġej għad-domanda preliminari magħmula mill-cour d’appel de Paris:

“Id-Direttiva 2008/115 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-16 ta’ Diċembru 2008, dwar standards u proċeduri komuni fl-Istati Membri għar-ritorn ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu qegħdin fil-pajjiż illegalment, għandha tiġi interpretata fis-sens li tipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprvedi l-impożizzjoni ta’ piena ta’ priġunerija għar-raġuni biss tal-illegalità tad-dħul jew tar-residenza ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz fit-territorju tal-Istat Membru kkonċernat.”


1 – Lingwa oriġinali: il-Franċiż.


2 – Sentenza tat-28 ta’ April 2011 (C-61/11 PPU, Ġabra p. I‑3015).


3 – ĠU L 348, p. 98.


4 – Iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 2.


5 – Iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 2.


6 – Iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 2.


7 – Fir-risposta tagħha għat-talba li tingħata kjarifika li ġiet indirizzata lilha mill-Qorti tal-Ġustizzja, il-qorti tar-rinviju spjegat li l-qorti ġudizzjarja, jiġifieri l-qorti tar-rinvju, tirrappreżenta l-gwardjan tal-libertà individwali. Għal din ir-raġuni, hija għandha tistħarreġ, eċċezzjonalment, il-katina tat-tiċħid tal-libertà kif ukoll ir-regolarità tal-investigazzjoni segwita minn kustodja preventiva meta din tal-aħħar tippreċedi immedjatament detenzjoni amministrattiva. Min-naħa l-oħra, il-kontezjuż relatat mad-deċiżjonijiet amministrattivi (ordni ta’ deportazzjoni jew ordni ta’ detenzjoni) jaqa’ taħt il-kompetenza tal-qorti amministrattiva.


8 – Iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 2, (punti 54 u 55). Il-Qorti tal-Ġustizzja għamlet riferiment għal dan il-prinċipju l-iktar reċenti fis-sentenza tal-21 ta’ Lulju 2011, Kelly (C‑104/10, Ġabra p. I‑0000, punt 35).


9 – Enfasi miżjuda minni.


10 – L-istadji differenti tal-proċedura ta’ ritorn kif ukoll l-ordni tal-iżvolġiment tagħhom huma deskritti fid-dettall fil-punti 34 sa 40 tas-sentenza El Dridi (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 2).


11 – Ippreżentata fl-1 ta’ April 2011 (punt 32).


12 – Għandi dubji dwar tali neċessità fil-każ ta’ A. Achughbabian. Fil-fatt, dan tal-aħħar diġà kien suġġett għal ordni mill-Prefett tas-27 ta’ Jannar 2009 li, fil-fehma tiegħi, tista’ tiġi kkunsidrata bħala deċiżjoni ta’ ritorn fis-sens tal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2008/115.