OPINJONI TAL-AVUKAT ĠENERALI MENGOZZI

ippreżentata fid-29 ta’ Settembru 2011(1)

Kawża C‑256/11

Murat Dereci

Vishaka Heiml

Alban Kokollari

Izunna Emmanuel Maduike

Dragica Stevic

[talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Verwaltungsgerichtshof (l-Awstrija)]

“Ċittadinanza tal-Unjoni – Dritt taċ-ċittadini tal-Unjoni u tal-membri tal-familji tagħhom li jirrisjedu liberament fit-territorju ta’ Stat Membru – Sitwazzjoni li fiha ċ-ċittadin tal-Unjoni jirrisjedi fl-Istat Membru li huwa ċittadin tiegħu – Kundizzjonijiet għall-għoti ta’ permess ta’ residenza lil membri tal-familja li huma ċittadini ta’ pajjiż terz – Tiċħid mit-tgawdija effettiva tal-essenzjal tad-drittijiet marbuta mal-istatus ta’ ċittadin tal-Unjoni – Ftehim ta’ Assoċjazzjoni KEE-Turkija – Klawżoli ‘standstill’ – Artikolu 41 tal-protokoll addizzjonali – Artikolu 13 tad-Deċiżjoni Nru 1/80 tal-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni”






I –    Introduzzjoni

1.        It-talba għal deċiżjoni preliminari preżenti, imressqa mill-Verwaltungsgerichtshof (l-Awstrija) essenzjalment tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 20 TFUE u l-portata ta’ din id-dispożizzjoni fid-dawl tas-sentenzi Ruiz Zambrano (2) u McCarthy (3).

2.        Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ ħames proċeduri li tressqu quddiem il-qorti tar-rinviju li lkoll huma intiżi għal-annullament ta’ deċiżjonijiet ta’ appell li jikkonfermaw ir-rifjut tal-Bundesministerium für Inneres (Ministeru tal-Intern) li jingħata permess ta’ residenza lir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, flimkien, f’ċerti każijiet, ma’ ordni ta’ tkeċċija jew ta’ ripatrijazzjoni mit-territorju Awstrijak.

3.        Fattur komuni bejn dawn il-ħames proċeduri huwa l-fatt li r-rikorrenti fil-kawżi prinċipali huma ċittadini ta’ pajjiżi terzi u membri tal-familja ta’ ċittadini tal-Unjoni li jirrisjedu fl-Awstrija, u li jixtiequ joqgħodu magħhom hemmhekk.

4.        Fattur komuni ieħor bejn dawn il-proċeduri huwa l-fatt li ċ-ċittadini tal-Unjoni kkonċernati qatt ma eżerċitaw id-dritt ta’ moviment liberu tagħhom u li ma jiddependux mir-rikorrenti fil-kawża prinċipali għall-għajxien tagħhom, li huma membri tal-familja tagħhom.

5.        Madankollu, il-ħames kawżi prinċipali għandhom numru ta’ differenzi bejniethom li jirrigwardaw essenzjalment a) in-natura legali (kawżi Heiml, Kokollari) jew illegali (kawżi Dereci u Maduike) tad-dħul fl-Awstrija; b) in-natura legali jew illegali tar-residenza (bl-eċċezzjoni tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali fil-ħames kawża, Dragica Stevic, ir-rikorrenti l-oħra fil-kawżi prinċipali kollha kienu jirrisjedu illegalment fl-Awstrija); ċ) ir-rabta familjari li torbothom maċ-ċittadin jew ċittadini tal-Unjoni kkonċernati (konjuġi u missier ta’ wlied minuri fil-kawża Dereci; konjuġi fil-kawżi Heiml u Maduike; wild maġġorenni fil-kawżi Kokollari u Stevic), kif ukoll d) il-possibbiltà ta’ dipendenza ekonomika tagħhom fir-rigward tal-imsemmija ċittadini tal-Unjoni (livell differenti ta’ dipendenza taċ-ċittadin tal-pajjiż terz fil-kawżi kollha, minbarra fil-kawża Maduike).

6.        B’mod iktar preċiż, fl-ewwel kawża prinċipali, Murat Dereci, ċittadin Tork, daħal l-Awstrija illegalment f’ Novembru 2001, iżżewweġ ċittadina Awstrijaka f’Lulju 2003, u li magħha kellu tliet ulied minuri fl-2006, fl-2007 u fl-2008, kollha ta’ ċittadinanza Awstrijaka. It-talba għal permess ta’ residenza tiegħu, ippreżentata f’Ġunju 2004, ġiet eżaminata u miċħuda wara d-dħul fis-seħħ, fl-1 ta’ Jannar 2006, tal-Liġi Awstrijaka dwar l-istabbiliment u r-residenza (Niederlassungs- und Aufenthaltsgesetz, iktar ’il quddiem in-“NAG”), li tipprovdi b’mod partikolari li applikanti ta’ pajjiżi terzi li jixtiequ jiksbu permess ta’ residenza fl-Awstrija għandhom jibqgħu barra mit-territorju ta’ dan l-Istat Membru sakemm tingħata risposta għat-talbiet tagħhom. Għalhekk, l-awtoritajiet Awstrijaċi kkunsidraw li, b’effett mill-1 ta’ Jannar 2006, u anki sakemm ingħatat deċiżjoni dwar it-talba tiegħu ta’ permess ta’ residenza, M. Dereci baqa’ jirrisjedi illegalment fl-Awstrija. Huma ħarġu wkoll ordni ta’ tkeċċija kontrih, li fir-rigward tagħha ġie ppreżentat appell li madankollu ma bbenefikax mill-effett sospensiv mitlub. Skont il-qorti tar-rinviju, minkejja li M. Dereci indika li jiġi impjegat bħala barbier, jew anki jwettaq dan ix-xogħol indipendentement, f’każ li jingħatalu permess ta’ residenza, l-awtoritajiet Awstrijaċi jiddubitaw dwar jekk ikollux riżorsi suffiċjenti għar-riunifikazzjoni tal-familji, peress li d-dħul tal-familja ma kienx jilħaq l-ammont legali meħtieġ mid-dispożizzjonijiet tan-NAG. L-awtoritajiet Awstrijaċi kkunsidraw ukoll li la d-dritt tal-Unjoni u lanqas l-Artikolu 8 tal-Konvenzjoni Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, iffirmata f’Ruma fl-4 ta’ Novembru 1950 (iktar ’il quddiem il-“KEDB”), ma kienu jawtorizzaw li jingħata permess ta’ residenza lil M. Dereci.

7.        Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali fit-tieni kawża, V. Heiml, hija ċittadina tas-Sri Lanka u żżewġet ċittadin Awstrijak f’ Mejju 2006. Peress li bbenefikat minn ħruġ ta’ viża f’ Jannar 2007, hija daħlet legalment fl-Awstrija fi Frar tal-istess sena. F’April 2007, hija talbet permess ta’ residenza bħala membru tal-familja ta’ ċittadin Awstrijak. Filwaqt li r-raġel tagħha għandu xogħol stabbli fi Vjenna, V. Heiml indikat li tixtieq tkompli bl-istudji tagħha fi stabbiliment universitarju ta’ din il-belt li kien diġà aċċettataha. Madankollu, it-talba tagħha għal permess ta’ residenza ġiet miċħuda peress li, ladarba skadiet il-viża tagħha, V. Heiml kellha tibqa’ tgħix barra sakemm tingħata deċiżjoni dwar it-talba tagħha. Barra minn hekk, l-awtoritajiet Awstrijaċi kkunsidraw, bħal fil-kawża Dereci, li V. Heiml la setgħet tinvoka d-dritt tal-Unjoni u lanqas l-Artikolu 8 tal-KEDB.

8.        Fit-tielet kawża, A. Kokollari, oriġinarjament mill-Kosovo, daħal legalment fl-Awstrija fl-1984 mal-ġenituri tiegħu, li dak iż-żmien kienu ta’ ċittadinzna Jugoslava, minkejja li kellu biss sentejn. Huwa kellu permess ta’ residenza sal-2006 u f’din l-istess sena talab l-ewwel tiġdid ta’ tali permess. Peress li naqas milli jipproduċi ċerti dokumenti, din it-talba ġiet miċħuda. F’Lulju 2007, A. Kokollari ppreżenta talba ġdida għal permess ta’ residenza, abbażi tal-fatt, b’mod partikolari, li ommu, li issa kellha ċittadinanza Awstrijaka u kienet impjegata fis-servizz tat-tindif, kienet tiżgura l-għajxien tiegħu, filwaqt li missieru kien jirċievi allowances tal-qgħad. It-talba ta’ M. Kokollari ġiet miċħuda peress li, b’effett miċ-ċaħda tal-ewwel talba għal tiġdid tiegħu fl-2006, huwa kellu jitlaq mit-territorju Awstrijak u jibqa’ jirrisjedi barra mill-Awstrija sakemm tingħata deċiżjoni dwar it-talba tiegħu li ġiet ippreżentata f’Lulju 2007. Barra minn hekk, l-awtoritajiet Awstrijaċi qiesu li M. Kokollari ma setax jinvoka d-dritt tal-Unjoni u ma kien invoka ebda motiv ieħor partikolari li kien jeżiġi li jingħatalu permess ta’ residenza. Ordni ta’ ripatrijazzjoni kienet diġà ngħatat.

9.        Fir-raba’ kawża, I. E. Maduike, ċittadin Niġerjan, daħal illegalment fl-Awstrija, bħal M. Dereci, fl-2003. Huwa ppreżenta talba għall-ażil abbażi ta’ dikjarazzjonijiet foloz, li ċ-ċaħda tagħha saret irrevokabbli f’Diċembru 2005. Fil-frattemp, I. E. Maduike żżewweġ ċittadina Awstrijaka u f’Diċembru 2005 ippreżenta talba għal permess ta’ residenza. It-talba tiegħu ġiet miċħuda peress li, b’mod partikolari, huwa kien irrisjeda illegalment fl-Awstrija sakemm ingħatat deċiżjoni fir-rigward tat-talba tiegħu u li, peress li wettaq ksur tar-regoli dwar l-ażil, huwa kien jikkostitwixxi theddia għall-ordni pubbliku li kienet toħloq ostakolu għall-ħruġ ta’ tali permess.

10.      D. Stevic, ċittadina Serba, li toqgħod is-Serbja flimkien mar-raġel tagħha u t-tfal maġġurenni tagħhom, hija r-rikorrenti fil-ħames kawża. Fil-5 ta’ Settembru 2007, hija talbet permess ta’ residenza fl-Awstrija sabiex tingħaqad ma missierha, li ilu jgħix fl-Awstrija mill-1972, u li kiseb iċ-ċittadinanza Awstrijaka fl-4 ta’ Settembru 2007. Skont D. Stevic u missierha, dan tal-aħħar kien jagħtiha somma ta’ EUR 200 fix-xahar bħala sostenn finanzjarju u, ladarba tkun tgħix fl-Awstrija, ikun jista’ jiżgura l-għajxien tagħha. L-awtoritajiet Awstrijaċi ċaħdu t-talba ta’ D. Stevic peress li l-għajnuna fix-xahar li kienet tibbenefika minnha ma setgħetx tiġi kklassifikata bħala għajnuna għall-għajxien u li, fid-dawl tal-ammonti stabbiliti min-NAG, ir-riżorsi ta’ missierha r-raġel tagħha huma insuffiċjenti sabiex jippermettu lil D. Stevic tiżgura l-għajxien tagħha. Barra minn hekk, la d-dritt tal-Unjoni u lanqas l-Artikolu 8 tal-KEDB ma jeżiġu li tintlaqa’ t-talba għal riunifikazzjoni tal-familji ppreżentata minn D. Stevic.

11.      Peress li tressqu dawn il-kawżi quddiemha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, fid-dawl tas-sentenza Ruiz Zambrano ċċitata iktar ’il fuq, dwar il-kundizzjonijiet li fihom iċ-ċittadini tal-Unjoni jkunu obbligati, fis-sens ta’ din is-sentenza, jitilqu mit-territorju tal-Unjoni sabiex jakkumpanjaw il-membri tal-familja tagħhom, ċittadinin ta’ pajjiżi terzi u, għalhekk, jiċċaħħdu mill-tgawdija effettiva ta’ dawn id-drittijiet mogħtija miċ-ċittadinanza tal-Unjoni. Barra minn hekk, filwaqt li tirrikonoxxi li d-Direttiva 2004/38/KE (4) ma tapplikax fil-ħames kawżi prinċipali, peress li ċ-ċittadini tal-Unjoni kkonċernati ma eżerċitawx id-dritt tagħhom għall-moviment liberu, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk din id-direttiva, sa fejn tiffavorixxi ż-żamma tal-unità familjari, għandhiex tittieħed inkunsiderazzjoni b’mod li jiġi kkunsidrat li l-unika impossibbiltà li tiġi stabbilita ħajja familjari fi Stat Membru jista’ jkolla bħala effett li ċċaħħad liċ-ċittadini tal-Unjoni milli jeżerċitaw id-drittijiet essenzjali tagħhom li huma jisiltu mill-istatus tagħhom. Barra minn hekk, fir-rigward esklużivament tal-kawża Dereci, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, fid-dawl taċ-ċittadinanza tar-rikorrenti f’din il-kawża, jekk, sussidjarjament, waħda mid-dispożizzjonijiet tal-ftehim li toħloq assoċjazzjoni bejn il-Komunità Ewropea u t-Turkija, iffirmata f’Ankara fit-12 ta’ Settembru 1963, konkluża f’isem il-Komunità bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 64/732/KEE, tat-23 ta’ Diċembru 1693 (5), tostakolax l-applikazzjoni, b’effett mill-1 ta’ Jannar 2006, tal-kundizzjonijiet tal-kisba ta’ permess ta’ residenza fl-Awstrija, imposti min-NAG liċ-ċittadini Torok, u li huma iktar stretti minn qabel.

12.      Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi li l-Bundesgerichtshof ddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tressaq quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)      L-Artikolu 20 TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi Stat Membru milli jirrifjuta lil ċittadin ta’ pajjiż terz, li l-konjuġi u t-tfal minuri tiegħu huma ċittadini tal-Unjoni, residenza fl-Istat Membru ta’ residenza tal-konjuġi u tat-tfal, li huma ċittadini ta’ dan l-Istat Membru, anki jekk dawn iċ-ċittadini tal-Unjoni ma humiex dipendenti fuq iċ-ċittadin tal-pajjiż terz għall-għajxien tagħhom? (Kawża Dereci)

b)      L-Artikolu 20 TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi Stat Membru milli jirrifjuta lil ċittadin ta’ pajjiż terz, li l-konjuġi tiegħu huwa ċittadin tal-Unjoni, residenza fl-Istat Membru ta’ residenza tal-konjuġi, li huwa ċittadin ta’ dan l-Istat Membru, anki fejn dan iċ-ċittadin tal-Unjoni ma huwiex dipendenti fuq iċ-ċittadin tal-pajjiż terz għall-għajxien tiegħu? (Kawżi Heiml u Maduike)

c)      L-Artikolu 20 TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi Stat Membru milli jirrifjuta lil ċittadin ta’ pajjiż terz, li huwa maġġurenni, u li ommu hija ċittadina tal-Unjoni, residenza fl-Istat Membru ta’ residenza tal-omm, li hija ċittadina ta’ dan l-Istat Membru, anki jekk ma hijiex iċ-ċittadina tal-Unjoni li tiddependi fuq iċ-ċittadin tal-pajjiż terz għall-għajxien tagħha iżda huwa ċ-ċittadin tal-pajjiż terz li jiddependi fuq iċ-ċittadina tal-Unjoni għall-għajxien tiegħu? (Kawża Kokollari)

d)      L-Artikolu 20 TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li jeskludi Stat Membru milli jirrifjuta lil ċittadin ta’ pajjiż terz, li huwa maġġurenni, u li missieru huwa ċittadin tal-Unjoni, residenza fl-Istat Membru ta’ residenza tal-missier, li huwa ċittadin ta’ dan l-Istat Membru, anki jekk iċ-ċittadin tal-Unjoni ma jiddependix fuq iċ-ċittadin tal-pajjiż terz għall-għajxien tiegħu iżda ċ-ċittadin tal-pajjiż terz jirċievi sostenn għall-għajxien miċ-ċittadin tal-Unjoni? (Kawża Stevic)

2)      Jekk ir-risposta għall-waħda mid-domandi taħt (1) tkun fl-affermattiv:

L-obbligu tal-Istati Membri li jagħtu residenza lil ċittadin ta’ pajjiż terz skont l-Artikolu 20 TFUE jagħti lok għal dritt ta’ residenza li jirriżulta direttament mid-dritt tal-Unjoni jew huwa suffiċjenti li l-Istat Membru jirrikonoxxi lil ċittadin ta’ pajjiż terz id-dritt ta’ residenza f’att li jistabbilixxi tali dritt?

3) a) Jekk, skont ir-risposta għat-tieni domanda, ikun hemm dritt ta’ residenza abbażi tad-dritt tal-Unjoni:

F’liema kundizzjonijiet, b’mod eċċezzjonali, id-dritt ta’ residenza skont id-dritt tal-Unjoni ma jkunx jeżisti, jew f’liema kundizzjonijiet iċ-ċittadin ta’ pajjiż terz jista’ jiċċaħħad mid-dritt ta’ residenza?

b)      Jekk, skont ir-risposta għat-tieni domanda, ikun suffiċjenti li ċ-ċittadin ta’ pajjiż terz jingħata dritt ta’ residenza skont att li jistabbilixxi tali dritt:

F’liema kundizzjonijiet jista’ jiġi rrifjutat id-dritt ta’ residenza lil ċittadin ta’ pajjiż terz minkejja l-obbligu tal-Istat Membru li jippermetti lil tali ċittadin jikseb residenza?

4)      Fil-każ fejn l-Artikolu 20 TFUE ma jipprekludix li tiġi rrifjutata r-residenza fl-Istat Membru lil ċittadin li jinsab fis-sitwazzjoni ta’ M. Dereci:

L-Artikolu 13 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill Nru 1/80 tal-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni, implementata bil-ftehim li joħloq assoċjazzjoni bejn il-Komunità Ekonomika Ewropea u t-Turkija, dwar l-iżvilupp tal-assoċjazzjoni, tad-19 ta’ Settembru 1980, jew l-Artikolu 41 tal-protokoll addizzjonali(6) konkluż, approvat u kkonfermat f’isem il-Komunità bir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2760/72, tad-19 ta’ Diċembru 1972(7), li, skont l-Artikolu 62 tiegħu, jagħmel parti sħiħa mill-ftehim li joħloq assoċjazzjoni bejn il-Komunità Ekonomika Ewropea u t-Turkija, jipprekludi li, f’każ bħal dak ta’ M. Dereci, id-daħla inizjali ta’ ċittadini Torok tkun suġġetta għal regoli nazzjonali iktar stretti minn dawk li qabel kienu jirregolaw id-daħla inizjali ta’ ċittadini Torok minkejja li dawn tal-aħħar, li ffaċilitaw is-sistema tad-daħla inizjali, daħlu fis-seħħ biss wara li d-dispożizzjonijiet iċċitati iktar ’il fuq dwar l-assoċjazzjoni mat-Turkija kienu daħlu fis-seħħ fl-Istat Membru inkwistjoni?

13.      B’digriet tad-9 ta’ Settembru 2011, il-President tal-Qorti tal-Ġustizzja laqa’ t-talba mressqa mill-qorti tar-rinviju li l-kawża preżenti tiġi suġġetta għal proċedura mħaffa.

14.      Il-Gvernijiet tal-Ġermanja, tal-Awstrija, tad-Danimarka, tal-Greċja, tal-Olanda, tal-Polonja u tar-Renju Unit, l-Irlanda, kif ukoll il-Kummissjoni Ewropea ppreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub. Dawn il-partijiet ikkonċernati kif ukoll M. Dereci nstemgħu fis-seduta tas-27 ta’ Settembru 2011, minbarra l-Gvernijiet tal-Polonja u tal-Olanda li ma kinux irrappreżentati waqt is-seduta.

II – Analiżi

15.      Kif diġà ġie enfasizzat, ir-raba’ domandi preliminari li tressqu quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja għandhom portata differenti. L-ewwel tlieta jirrigwardaw l-interpretazzjoni tal-Artikolu 20 TFUE u jikkonċernaw is-sitwazzjonijiet fil-ħames kawżi prinċipali, ir-risposti għat-tieni u għat-tielet domandi huma madankollu suġġetti għal risposta pożittiva, anki parzjali, għall-ewwel domanda. Ir-raba’ domanda, li hija eslużivament marbuta mas-sitwazzjoni ta’ M. Dereci, issir fl-eventwalità li l-Qorti tal-Ġustizzja twieġeb fin-negattiv għall-ewwel domanda u din tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-klawżoli “standstill” li japplikaw fil-kuntest tal-Ftehim li joħloq assoċjazzjoni bejn l-Unjoni u r-Repubblika tat-Turkija.

A –    Fuq l-ewwel tliet domandi preliminari (interpretazzjoni tal-Artikolu 20 TFUE)

16.      Permezz tal-ewwel tliet domandi tagħha, il-qorti tar-rinviju tixtieq essenzjalment tkun taf jekk, u skont il-każ f’liema kundizzjonijiet, id-dispożizzjonijiet tat-TFUE dwar iċ-ċittadinanza tal-Unjoni jimplikaw dritt ta’ residenza derivat għal ċittadin ta’ pajjiż terz li huwa l-konjuġi, wieħed mill-ġenituri jew il-wild ta’ ċittadin tal-Unjoni fis-sitwazzjoni fejn dan iċ-ċittadin dejjem għex fl-Istat Membru li huwa ċittadin tiegħu mingħajr ma qatt eżerċita d-dritt tiegħu għall-moviment liberu.

17.      Ir-raġunijiet li għalihom il-qorti tar-rinviju toħloq dubji fir-rigward tal-interpretazzjoni tal-Artikolu 20 TFUE huma ċari: huwa neċessarju li jinftiehmu aħjar l-implikazzjonijiet tas-sentenza Ruiz Zambrano ċċitata iktar ’il fuq, mogħtija mill-Prim’Awla fit-8 ta’ Marzu 2011.

18.      Biex inkun preċiż, infakkar li, f’din il-kawża, il-punt essenzjalment kien dwar jekk id-dispożizzjonijiet tat-TFUE dwar iċ-ċittadinanza tal-Unjoni setgħux jagħtu lil ċittadin ta’ pajjiż terz (f’dan il-każ ċittadin Kolumbjan, flimkien mal-konjuġi tiegħu tal-istess ċittadinanza), li kien responsabbli għaż-żewġ ulied minuri, ċittadini tal-Unjoni, dritt ta’ residenza jew permess ta’ xogħol fl-Istat Membru li tiegħu kienu ċittadini ż-żewġ ulied (f’dan il-każ ir-Renju tal-Belġju), u li kienu twieldu u għexu fih mingħajr ma qatt eżerċitaw id-dritt tagħhom għall-moviment liberu.

19.      Fir-rigward tan-nuqqas ta’ spostament tal-ulied ta’ G. Ruiz Zambrano fi Stat Membru minbarra r-Renju tal-Belġju, kien jidher ċar, kif irrilevat barra minn hekk il-Qorti tal-Ġustizzja fil-punt 39 tas-sentenza G. Ruiz Zambrano ċċitata iktar ’il fuq, li d-Direttiva 2004/38 ma kinitx applikabbli għas-sitwazzjoni f’din il-kawża.

20.      Dan il-fatt wassal ukoll sabiex il-gvernijiet li ssottomettew osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja kif ukoll il-Kummissjoni jikkonkludu li l-fatti li taw lok għall-kawża Ruiz Zambrano kienu jikkostitwixxu sitwazzjoni kompletament interna, li ma tistax tattiva d-dispożizzjonijiet tat-TFUE dwar iċ-ċittadinanza tal-Unjoni invokati mill-qorti nazzjonali (8).

21.      Il-Qorti tal-Ġustizzja ma segwitx dan ir-raġunament u ddeċidiet li r-rifjut tad-dritt għal residenza u ta’ permess ta’ xogħol invokati minn G. Ruiz Zambrano kienu jiksru l-Artikolu 20 TFUE, “sa fejn tali deċiżjonijiet iċaħħdu lill-imsemmija wlied mit-tgawdija effettiva tal-essenzjal tad-drittijiet marbuta mal-istatus ta’ ċittadin tal-Unjoni” (9).

22.      Fil-fatt, skont il-Qorti tal-Ġustizzja, rifjut ta’ residenza kien ikollu l-konsegwenza li l-imsemmija wlied, ċittadini tal-Unjoni, kienu jkunu obbligati jitilqu mit-territorju tal-Unjoni sabiex jakkumpanjaw lill-ġenituri tagħhom. Bl-istess mod, kieku ma ngħatax permess ta’ xogħol lil G. Ruiz Zambrano, huwa kien jirriskja li ma jkollux riżorsi neċessarji għall-għajxien tiegħu u tal-familja tiegħu, li kien ikollu wkoll il-konsegwenza li wliedu, ċittadini tal-Unjoni, ikunu obbligati li jitilqu mit-territorju tal-Unjoni. F’tali kundizzjonijiet, il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li fil-fatt, l-imsemmija ċittadini tal-Unjoni kienu f’pożizzjoni li jkun impossibli għalihom li jeżerċitaw l-essenzjal tad-drittijiet mogħtija mill-istatus tagħhom bħala ċittadini tal-Unjoni.(10)

23.      Billi għamlet hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja tidher li tiċħad il-klassifikazzjoni ta’ “sitwazzjoni kompletament interna” ta’ Stat Membru fil-każ ta’ miżura nazzjonali li għandha l-effett li ċċaħħad ċittadin tal-Unjoni mit-tgawdija effettiva tal-essenjal tad-drittijiet marbuta mal-istatus tiegħu, minkejja l-fatt li huwa għadu ma eżerċitax id-dritt għal moviment liberu tiegħu.

24.      Barra minn hekk, din l-interpretazzjoni ġiet adottata mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza McCarthy (11), li wkoll isir riferiment għaliha fit-talba għal deċiżjoni preliminari preżenti.

25.      Din il-kawża kienet tikkonċerna ċittadina tar-Renju Unit, li kienet tirċievi allowances soċjali f’dan l-Istat Membru, li kellha wkoll ċittadinanza Irlandiża, iżda li qatt ma kienet għexet barra mir-Renju Unit. Peress li żżewġet ċittadin Ġamajkan, S. McCarthy u l-konjuġi tagħha talbu lill-awtoritajiet tar-Renju Unit permess ta’ residenza skont id-dritt tal-Unjoni bħala ċittadina tal-Unjoni u konjuġi ta’ tali ċittadina, rispettivament. Dawn it-talbiet ġew miċħuda. Peress li tressaq appell quddiemha dwar id-deċiżjoni ta’ S. McCarthy, is-Supreme Court of the United Kingdom staqsiet lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2004/38.

26.      Peress li fformulat id-domandi magħmula b’mod li tinkludi l-Artikolu 21 TFUE (12), il-Qorti tal-Ġustizzja qabelxejn, loġikament, eskludiet l-applikazzjoni tad-Direttiva 2004/38 għal ċittadina tal-Unjoni, bħal S. McCarthy, li qatt ma eżerċitat id-dritt għall-moviment liberu tagħha u dejjem għexet fit-territorju tal-Istat Membru li kienet ċittadina tiegħu (13).

27.      Rigward sussegwentement l-eżami tal-applikabbiltà tad-Artikolu 21 TFUE, u wara li osservat li s-sempliċi fatt li ċittadin tal-Unjoni ma eżerċitax id-dritt għall-moviment liberu tiegħu ma jistax jiġi pparagunat ma’ sitwazzjoni kompletament interna, il-Qorti tal-Ġustizzja vverifikat jekk, minn naħa, skont il-kriterju msemmi fil-punt 42 tas-sentenza Ruiz Zambrano ċċitata iktar ’il fuq, il-miżura nazzjonali inkwistjoni kellhiex bħala effett li ċċaħħad lil S. McCarthy mit-tgawdija effettiva tagħha tal-essenzjal tad-drittijiet marbuta mal-istatus tagħha ta’ ċittadinanza tal-Unjoni, jew, min-naħa l-oħra, skont il-kriterju li jirriżulta mis-sentenzi Garcia Avello (14) u Grunkin u Paul (15) din il-miżura setax ikollha l-effett li tostakola d-dritt tagħha għall-moviment liberu u għar-residenza libera fit-territorju tal-Istati Membri, skont l-Artikolu 21 TFUE (16).

28.      Il-Qorti tal-Ġustizzja ċaħdet il-possibbiltà li r-rifjut li tittieħed inkunsiderazzjoni ċ-ċittadinanza Irlandiża ta’ S. McCarthy fir-Renju Unit sabiex tikseb definittivament hemmhekk dritt għal residenza derivat għal konjuġi tagħha, ċittadin ta’ pajjiż terz (17), jista’ jkollu bħala effett li jaffettwa lil S. McCarthy fid-“dritt tagħha ta’ moviment liberu u ta’ residenza libera fit-territorju tal-Istati Membri [jew] [...] dritt ieħor li hija tgawdi minħabba l-istatus tagħha ta’ ċittadina tal-Unjoni”. (18).

29.      B’mod partikolari, kif irrilevat il-Qorti tal-Ġustizzja, kuntrarjament għas-sitwazzjoni li tikkaratterizza l-kawża Ruiz Zambrano, l-applikazzjoni tal-miżura nazzjonali inkwistjoni ma kinitx twassal sabiex S. McCarthy titlaq mit-territorju tal-Unjoni, peress li skont id-dritt internazzjonali, din tal-aħħar kienet tibbenefika minn dritt ta’ residenza mingħajr kundizzjoni fir-Renju Unit minħabba l-pussess taċ-ċittadinanza tal-imsemmi Stat Membru (19).

30.      F’dawn il-kundizzjonijiet, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li s-sitwazzjoni personali ta’ S. McCarthy ma kellha ebda rabta ma’ ebda waħda mis-sitwazzjonijiet previsti mid-dritt tal-Unjoni, b’mod li l-Artikolu 21 TFUE ma kienx japplika fir-rigward tagħha (20).

31.      F’dan l-istadju, u indipendentement minn ċerti mistoqsijiet li jistgħu jirriżultaw mill-artikolazzjoni tas-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Ruiz Zambrano u McCarthy (21), huwa diġà possibbli li tinsilet informazzjoni utli minn tali sentenzi għall-finijiet tar-risposta għall-ewwel tliet domandi preliminari.

32.      L-ewwel nett, bħal fil-kawżi Ruiz Zambrano u McCarthy iċċitati iktar ’il fuq, id-Direttiva 2004/38 ma tapplikax għall-ħames sitwazzjonijiet fattwali li taw lok għat-talba għal deċiżjoni prelimiinari, peress li ebda wieħed miċ-ċittadini tal-Unjoni kkonċernati ma eżerċita d-dritt tiegħu għall-moviment liberu. Barra minn hekk, il-qorti tar-rinviju hija tal-istess fehma (22).

33.      It-tieni nett, u kif sostnew il-gvernijiet li ssottomettew osservazzjonijiet quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja kif ukoll il-Kummissjoni, ebda waħda mill-ħames kawżi ma tidher li hija kkaratterizzata mir-riskju ta’ tiċħid mit-tgawdija effettiva tal-essenzjal tad-drittijiet marbuta maċ-ċittadinanza tal-Unjoni jew ma’ ostakolu għall-eżerċizzju tad-dritt taċ-ċittadini tal-Unjoni kkonċernati li jiċċaqilqu u jirrisjedu liberament fit-territorju tal-Istati Membri.

34.      Fil-fatt, l-ewwel nett, fir-rigward tas-sitwazzjoni tal-familja Dereci, ma hemm ebda riskju li r-rifjut li jingħata permess ta’ residenza lil M. Dereci mill-awtoritajiet Awstrijaċi jista’ jwassal lill-konjuġi u t-tliet itfal ta’ età żgħira tiegħu, l-erba’ li huma ċittadini tal-Unjoni, li jiċċaħdu mit-tgawdija tad-drittijiet elenkati fl-Artikolu 20(2) TFUE. B’mod partikolari, fir-rigward tad-dritt ta’ moviment u ta’ residenza libera fit-territorju tal-Istati Membri, imsemmi fl-Artikolu 20(2)(a) TFUE, M. Dereci, bħala ċittadina Awstrijaka, tista’ tkompli tibbenefika mid-dritt ta’ residenza fl-Awstrija u tista’ possibbilment tinvoka d-dritt għall-moviment liberu bejn l-Istati Membri. Dan japplika wkoll għat-tfal tagħha, li minħabba l-età tagħhom, ma jistgħux jeżerċitaw dan id-dritt indipendentement minn ommhom. Barra minn hekk, u kuntarjament għas-sitwazzjoni li tat lok għall-kawża Ruiz Zambrano ċċitata iktar ’il fuq, mit-talba għal deċiżjoni preliminari jirriżulta li ebda wieħed minn dawn l-erba’ ċittadini tal-Unjoni ma huma dipendenti fuq M. Dereci, ċittadin ta’ pajjiż terz (23). Għalhekk, jekk M. Dereci ma jiksibx permess ta’ residenza u/jew jitkeċċa lejn it-Turkija, la l-konjuġi u lanqas l-ulied tiegħu, kuntrarjament għall-ulied ta’ G, Ruiz Zambrano, ma jkollhom r-riskju li jkunu mġiegħla jitilqu mit-territorju tal-Unjoni.

35.      It-tieni nett, is-sitwazzjonijiet ta’ V. Heiml, ċittadina tas-Sri Lanka u I.E. Maduike, ċittadin Niġerjan, it-tnejn li huma konjuġi ta’ ċittadini tal-Unjoni, jixbhu xi ftit jew wisq is-sitwazzjoni tal-konjuġi ta’ S. McCarthy. L-istess bħal fil-kawża li tat lok għas-sentenza McCarthy iċċitata iktar ’il fuq, la r-raġel ta’ V. Heiml u lanqas il-konjuġi ta’ I.E Maduike, li, skont l-indikazzjonijiet tal-qorti tar-rinviju, jibbenefikaw it-tnejn li huma minn impjieg stabbili fi Vjenna, ma jinsabu f’sitwazzjoni li jridu jitilqu mit-territorju tal-Unjoni jekk l-awtoritajiet Awstrijaċi jirrifjutaw lill-konjuġi rispettivi tagħhom dritt ta’ residenza fl-Awstrija. Barra minn hekk, dawn iċ-ċittadini tal-Unjoni bl-ebda mod ma huma mċaħħda mit-tgawdija tad-drittijiet li jirriżultaw miċ-ċittadinanza tal-Unjoni, b’mod partikolari, dak tal-moviment liberu u ta’ residenza fit-territorju tal-Istati Membri.

36.      It-tielet nett, għandu jkun hemm approċċ identiku fir-rigward ta’ A. Kokollari u D. Stevic, it-tnejn li huma ulied maġġurenni ta’ ċittadini tal-Unjoni. B’mod partikolari, la omm A. Kokollari u lanqas missier D. Stevic ma huma obbligati jħallu t-territorju tal-Unjoni jekk it-tfal maġġurenni tagħhom ma jkunux jistgħu jibqgħu jew jidħlu fl-Awstrija, peress li, minn perspettiva ekonomika u/jew ġuridika, dawn iċ-ċittadini tal-Unjoni ma humiex dipendenti fuq it-tfal maġġurenni tagħhom, ċittadini ta’ pajjiżi terzi.

37.      L-iżviluppi preċedenti fl-aħħar mill-aħħar jidhru li huma applikazzjoni sempliċi tal-kriterji stabbiliti fis-sentenzi ċċitati Ruiz Zambrano u McCarthy. Huma bbażati fuq il-konstatazzjoni li “l-essenzjal tad-drittijiet marbuta mal-istatus ta’ ċittadin tal-Unjoni”, fis-sens tas-sentenza Ruiz Zambrano ċċitata iktar ’il fuq, ma jinkludix id-dritt għar-rispett tal-ħajja tal-familja stabbilit fl-Artikolu 7 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea kif ukoll fl-Artikolu 8(1) tal-KEDB.

38.      Fil-fatt, mill-pożizzjoni meħuda mill-Qorti tal-Ġustizzja fiż-żewġ sentenzi ċċitati iktar ’il fuq, u b’mod partikolari mir-raġunament li sar fis-sentenza McCarthy, jirriżulta li d-dritt għar-rispett tal-ħajja tal-familja huwa insuffiċjenti, fih innifsu, sabiex jinkludi fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, is-sitwazzjoni ta’ ċittadin tal-Unjoni li ma eżerċitax id-dritt tiegħu għall-moviment liberu u/jew, skont il-każ, li ma ċċaħħadx mit-tgawdija effettiva ta’ wieħed mid-drittijiet elenkati fl-Artikolu 20(2)(b) sa (d) TFUE. (24).

39.      Din il-pożizzjoni hija spjegata inqas bl-osservanza tal-kliem tal-Artikolu 20(2) TFUE, li l-lista inkluża fih tad-drittijiet li għandhom iċ-ċittadini tal-Unjoni ċertament ma hijiex eżawrjenti (25), milli bil-ħsieb li l-kompetenzi tal-Unjoni kif ukoll dawk tal-istituzzjonijiet ma għandhomx jikkoinċidu ma’ dawk tal-Istati Membri fil-qasam tal-immigrazzjoni jew ma’ dawk tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem fil-qasam tal-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali, skont l-Artikolu 6(1) TUE u l-Artikolu 51(2) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali. (26).

40.      Fir-rigward, b’mod partikolari, tal-ħajja tal-familja, il-protezzjoni mogħtija minn dawn it-tliet sistemi legali – nazzjonali, tal-Unjoni u konvenzjonali – tirriżulta li hija kumplimentari. Għalhekk, fis-sitwazzjoni li ċittadin tal-Unjoni li eżerċita waħda mil-libertajiet previsti fit-TFUE, id-dritt għar-rispett tal-ħajja tal-familja huwa, fl-istat attwali, protett fuq livell nazzjonali u fuq livell tal-Unjoni. (27). Fir-rigward ta’ ċittadin tal-Unjoni li ma eżerċitax waħda minn dawn il-libertajiet, din il-protezzjoni hija żgurata fuq livelli nazzjonali u konvenzjonali(28)

41.      Għalhekk, ma jistax jiġi eskluż li, fil-kawżi prinċipali, ir-rifjut li jingħata permess ta’ residenza u/jew ordni ta’ ripatrijazzjoni indirizzati lil wieħed mir-rikorrenti fil-kawżi prinċipali, ġenitur, wild jew konjuġi ta’ ċittadin ta’ Stat Membru, jista’ jikkostitwixxi preġudizzju għar-rispett tal-ħajja tal-familja stabbilit fl-Artikolu 8(1) tal-KEDB.

42.      Madankollu, tali ksur jirriżulta mill-obbligi imposti fuq ir-Repubblika tal-Awstrija bis-saħħa tal-KEDB u mhux bħala Stat Membru tal-Unjoni. Huma l-qrati nazzjonali u, skont il-każ, il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem li jkollhom ġurisdizzjoni jistħarrġu tali ksur (29).

43.      Minkejja dak li għadu kif intqal, ma nistax ninjora l-fatt li l-konsegwenzi tal-applikazzjoni sempliċi tal-ġurisprudenza Ruiz Zambrano u McCarthy fil-kawżi prinċipali jissollevaw ċerti dubji li jistgħu joħolqu ostakoli jew minn tal-inqas kontradizzjonijiet.

44.      Waħda minnhom hija dovuta għall-fatt li, sabiex igawdu effettivament ħajja tal-familja fit-territorju tal-Unjoni, iċ-ċittadini tal-Unjoni kkonċernati jkunu obbligati jeżerċitaw waħda mil-libertajiet ta’ moviment prevista mit-TFUE. Huwa għalhekk li, jekk M. Dereci u l-ulied tagħha, ir-raġel ta’ V. Heiml jew il-konjuġi ta’ I.E Maduike jistabbilixxu ruħhom, pereżempju, fil-Ġermanja, jew jipprovdu servizzi lil Stat Membru ieħor, is-sitwazzjoni tagħhom tkun taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni u, għalhekk, kif tiddikjara l-Kummissjoni, huma jkunu jistgħu, probabbilment, jibbenefikaw minn riunifikazzjoni tal-familji mal-konjuġi rispettivi tagħhom (30). Dawn iċ-ċittadini tal-Unjoni jistgħu wkoll sussegwentement jirritornaw fl-Istat Membru tal-oriġini tagħhom, flimkien mal-qraba tagħhom, indipendentement mill-eżerċizzju ta’ attività ekonomika f’dan l-Istat Membru, peress li tali sitwazzjoni ma tistax titqies li hija sitwazzjoni purament nazzjonali. (31).

45.      Jekk jiġi kkunsidrat biss il-każ tal-familja Dereci, li bħas-sitwazzjoni li tat lok għall-kawża Ruiz Zambrano, tinvolvi tfal ta’ età żgħira, ċittadini tal-Unjoni, iċ-ċittadinanza ta’ M. Dereci tista’, paradossalment, tiġi interpretata bħala ċirkustanza li twaqqaf u/jew ittawwal ir-riunifikazzjoni tal-familji. Fil-fatt, filwaqt li, fid-dawl tas-sentenza Ruiz Zambrano, l-ulied, ċittadini tal-Unjoni, tal-konjuġi Zambrano, it-tnejn li huma ċittadini ta’ pajjiż terz, jistgħu immedjatament jissoktaw bir-relazzjonijiet tagħhom maż-żewġ ġenituri fl-Istat Membru li għandhom iċ-ċittadinanza tiegħu u li joqgħodu fit-territorju tiegħu, il-ħajja tal-familja tat-tliet ulied ta’ età żgħira tal-konjuġi Dereci hija, min-naħa l-oħra, fil-prattika, suġġetta għall-eżerċizzju minn ommhom ta’ wieħed mill-movimenti liberi previsti fit-TFUE u għalhekk, probabbilment, għall-moviment ta’ din tal-aħħar fi Stat Membru għajr l-Awstrija.

46.      Dan ċertament ma jfissirx, fil-fehma tiegħi, li l-portata tas-sentenza Ruiz Zambrano hija limitata għal każijiet ta’ ċittadini tal-Unjoni minuri li huma dipendenti fuq wieħed mill-ġenituri tagħhom, it-tnejn li huma ċittadini ta’ Stati terzi, kif issuġġerixxa l-Gvern Awstrijak waqt is-seduta.

47.      Għalhekk, fil-każ tal-familja Dereci, ma huwiex ċar, fil-fehma tiegħi, li r-risposta li għandha tingħata għall-ewwel domanda preliminari tkun identika jekk ċerti ċirkustanzi fattwali kienu differenti. Pereżempju, jekk, għal xi raġuni, M. Dereci ma setgħetx taħdem u għalhekk tmantni t-tfal tagħha, ikun hemm riskju għoli, fil-fehma tiegħi, li r-rifjut li jingħata permess ta’ residenza lir-raġel tagħha u a fortiori, l-espulsjoni tiegħu lejn it-Turkija ċċaħħad lit-tfal tal-koppja mit-tgawdija effettiva tad-drittijiet essenzjali marbuta maċ-ċittadinanza tal-Unjoni u tobbligahom, de facto, jitilqu mit-territorju tal-Unjoni. Fil-fatt, kif tista’ omm ta’ tliet itfal ta’ età żgħira, mingħajr riżorsi proprji, minkejja d-dritt ta’ residenza fl-Awstrija li hija tgawdi minħabba ċ-ċittadinanza tagħha, tmantni l-ulied tagħha jekk hija ma tistax taħdem, u għalhekk, ma tistax tistabbilixxi ruħha sostenibbilment fi Stat Membru ieħor flimkien mal-membri tal-familja tagħha?

48.      Bl-istess mod, fil-fehma tiegħi, ir-rifjut li jingħata permess ta’ residenza lil ċittadin ta’ pajiż terz li huwa ekonomikament u/jew ġuridikament, amministrattivament u emozzjonalment responsabbli għal wieħed mill-ġenituri tiegħu, ċittadin tal-Unjoni, jista’ jwassal sabiex jesponi lil dan iċ-ċittadin għall-istess riskju li ma jkunx jista’ jinvoka l-istatus tiegħu u li jkollu jitlaq mit-territorju tal-Unjoni.

49.      Huma għalhekk tali sitwazzjonijiet speċifiċi differenti li jitressqu quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja permezz ta’ domandi għal deċiżjoni preliminari li ser jiddeterminaw il-portata eżatta tas-sentenza Ruiz Zambrano. Nistqarr li din is-sitwazzjoni ma tantx hija sodisfaċenti mill-perspettiva taċ-ċertezza legali. Il-kawżi preżenti, introdotti inqas minn tliet xhur wara li ngħatat l-imsemmija sentenza, għandhom il-mertu li jimpenjaw rapidament lill-Qorti tal-Ġustizzja tippreċiża l-limiti tal-ġurisprudenza inizjali tagħha (32). Ir-risposta għall-ewwel domanda, kif essenzjalment proposta fil-punti 33 sa 36 tal-opinjoni preżenti, tnaqqas ukoll l-inċertezza legali mnissla mis-sentenza Ruiz Zambrano. Madankollu, hija ma hijiex ser tipprovdi soluzzjoni għall-inċertezzi tal-konsegwenzi ta’ din is-sentenza fir-rigward tal-applikazzjoni tal-kriterju tat-tiċħid mit-tgawdija effettiva minn ċittadin tal-Unjoni tad-drittijiet essenzjali marbuta mal-istatus tiegħu f’ċertu numru ta’ sitwazzjonijiet, bħal dawk previsti fiż-żewġ punti preċedenti tal-opinjoni preżenti.

50.      Fir-rigward ta’ dawn l-osservazzjonijiet, u fl-istadju attwali tal-iżvilupp tad-dritt tal-Unjoni, nissuġġerixxi lill-Qorti tal-Ġustizzja twieġeb għall-ewwel domanda preliminari b’dan il-mod: l-Artikolu 20 TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li ma japplikax għal ċittadin tal-Unjoni li huwa l-konjuġi, il-ġenitur jew il-wild minuri ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz, fil-każ fejn dan iċ-ċittadin tal-Unjoni qatt ma jkun eżerċita d-dritt tiegħu għall-moviment liberu bejn l-Istati Membri u jkun dejjem għex fl-Istat Membru li għandu ċ-ċittadinanza tiegħu, sa fejn is-sitwazzjoni tal-imsemmi ċittadin tal-Unjoni ma tkunx marbuta ma’ miżuri nazzjonali li għandhom bħala effett li jċaħħduh mit-tgawdija effettiva tal-essenzjal tad-drittijiet marbuta mal-istatus tiegħu ta’ ċittadin tal-Unjoni jew li jostakolaw l-eżerċizzju tad-dritt tiegħu ta’ moviment liberu u ta’ residenza libera fuq it-territorju tal-Istati Membri.

51.      F’dawn il-kundizzjonijiet, ma hemmx lok li tiġi proposta risposta għat-tieni u għat-tielet domandi magħmula mill-qorti tar-rinviju.

B –    Fuq ir-raba’ domanda preliminari (interpretazzjoni tal-klawżoli “standstill”fil-kuntest tal-Ftehim li jistabbilixxi assoċjazzjoni bejn l-Unjoni u r-Repubblika tat-Turkija)

52.      Permezz tar-raba’ domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf jekk, fil-każ ta’ risposta negattiva għall-ewwel domanda, il-klawżoli “standstill”, previsti fl-Artikolu 13 tad-Deċiżjoni Nru 1/80 tal-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni, dwar il-moviment ta’ ħaddiema Torok, u l-Artikolu 14 tal-protokoll addizzjonali, dwar il-libertà ta’ stabbiliment rispettivament, jipprekludux li Stat Membru jissuġġetta d-dħul inizjali ta’ ċittadini Torok għal regoli nazzjonali iktar stretti minn dawk li qabel kienu jirregolaw tali dħul, minkejja li dawn tal-aħħar, li kienu ffaċilitaw id-dħul inizjali, daħlu fis-seħħ wara li l-artikoli ċċitati iktar ’il fuq daħlu fis-seħħ fl-Istat Membru kkonċernat.

53.      Kif diġà enfasizzajt, din il-kwistjoni hija biss rilevanti għas-sitwazzjoni ta’ M. Dereci, li huwa ċittadin Tork u li, skont informazzjoni trażmessa mill-qorti tar-rinviju, jista’ jeżerċita attività professjonali bħala impjegat jew indipendentement, jekk jingħatalu permess ta’ xogħol mill-awtoritajiet Awstrijaċi.

54.      Huwa paċifiku li t-talba għal permess ta’ residenza ta’ M. Dereci fit-territorju Awstrijak ġiet ippreżentata skont il-Liġi Awstrijaka tal-1997 li kienet tagħti liċ-ċittadini tal-Istati terzi d-dritt li jirrisjedu fuq l-imsemmi territorju sakemm tingħata deċiżjoni fuq l-ewwel talba għal permess ta’ residenza. Din il-liġi tikkostitwixxi laxkar tal-Liġi tal-1 ta’ Lulju 1993 fis-seħħ meta l-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni mar-Repubblika tat-Turkija beda jkollu effett fl-Awstrija.

55.      Huwa paċifiku wkoll li d-dispożizzjonijiet tan-NAG, li daħlu fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 2006, irtiraw id-dritt mogħti lil ċittadini ta’ pajjiżi terzi, bħal M. Dereci, stabbilit taħt is-sistema tal-Liġi Awstrijaka tal-1997, li jirrisjedi fit-territorju Awstrijak sakemm tiġi deċiża l-ewwel talba tiegħu għal permess ta’ residenza.

56.      Mill-elementi tal-proċess jirriżulta wkoll li r-residenza ta’ M. Dereci saret illegali b’effett mill-1 ta’ Jannar 2006 preċiżament peress li t-talba għal permess ta’ residenza tiegħu, ippreżentata fl-24 ta’ Ġunju 2004 skont il-Liġi Awstrijaka tal-1997, kienet għadha ma kinitx is-suġġett ta’ deċiżjoni tal-31 ta’ Diċembru 2005.

57.      Il-qofol tal-kwistjoni huwa għalhekk li jsir magħruf jekk, sa fejn huwa applikabbli għad-dħul inizjali ta’ ċittadin Tork fit-territorju ta’ Stat Membru, il-klawżoli “standstill” previsti fl-Artikolu 13 tad-Deċiżjoni Nru 1/80 u l-Artikolu 41(1) tal-protokoll addizzjonali jippermettux lil qorti tar-rinviju tirrifjuta l-obbligu, li issa huwa impost min-NAG, li tali ċittadin jibqa’ jirrisjedi barra jew jitlaq mit-territorju Awstrijak matul l-evalwazzjoni tat-talba tiegħu għal permess ta’ residenza fl-Awstrija (33).

58.      F’dan ir-rigward, infakkar li, skont l-Artikolu 13 tad-Deċiżjoni Nru 1/80, l-Istati Membri u r-Repubblika tat-Turkija ma jistgħux jintroduċu restrizzjonijiet ġodda fuq il-kundizzjonijiet ta’ aċċess għall-impjieg applikabbli għal ħaddiema u membri tal-familji tagħhom legalment residenti u impjegati fit-territorji rispettivi tagħhom.

59.      Skont l-Artikolu 41(1) tal-protokoll addizzjonali, il-partijiet kontraenti għandhom jastjenu milli jintroduċu, bejniethom, restrizzjonijiet ġodda għal-libertà ta’ stabbiliment u għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi.

60.      Ma hemm ebda dubju li d-dispożizzjonijiet inkwistjoni tan-NAG jikkostitwixxu restrizzjonijiet ġodda fis-sens tal-Artikolu 13 tad-Deċiżjoni Nru 1/80, sa fejn jaffettwaw is-sitwazzjoni ta’ ħaddiema Torok, u fis-sens tal-Artikolu 41(1) tal-protokoll addizzjonali, sa fejn jikkonċernaw lil ċittadini Torok li jixtiequ jeżerċitaw il-libertà ta’ stabbiliment jew il-libertà li jiġu pprovduti servizzi taħt il-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni, peress li ġew adottati wara d-dħul fis-seħħ tal-imsemmija artikoli.

61.      Din l-evalwazzjoni ma hijiex ikkonfutata bil-fatt, enfasizzat mill-qorti tar-rinviju, li d-dispożizzjonijiet tan-NAG aggravaw il-kundizzjonijiet applikabbli għaċ-ċittadini Torok mhux fir-rigward tad-dispożizzjonijiet applikabbli fl-Awstrija fil-mument tad-dħul fis-seħħ tal-Artikolu 13 tad-Deċiżjoni Nru 1/80 u tal-Artikolu 41(1) tal-protokoll addizzjonali (jiġifieri dawk tal-Liġi tal-1 ta’ Lulju 1993), iżda fir-rigward tad-dispożizzjonijiet, iktar vantaġġjużi, adottati sa mid-dħul fis-seħħ ta’ dawn l-istrumenti fl-Awstrija (jiġifieri dawk tal-Liġi tal-1997).

62.      Fil-fatt, tali soluzzjoni diġà ġiet deċiża mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tagħha Toprak u Oguz (34) u hija kompletament iġġustifikata, fil-fehma tiegħi, mir-rekwiżit li l-Istati Membri, wara d-dħul fis-seħħ ta’ dawn l-istrumenti fit-territorju tagħhom, ma jitilqux mill-għan li ma jagħmlux iktar diffiċli l-implementazzjoni gradwali tal-libertajiet ekonomiċi mogħtija liċ-ċittadini Torok fl-Unjoni, inkluż li jbiddlu dispożizzjonijiet li adottaw favur l-imsemmija ċittadini. (35).

63.      Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet diversi drabi, fir-rigward tal-Artikolu 41(1) tal-protokoll addizzjonali, li l-projbizzjoni prevista f’dan l-artikolu tinkludi restrizzjonijiet ġodda dwar il-kundizzjonijiet sostanzjali u/jew proċedurali fil-qasam tal-ewwel ammissjoni fuq it-territorju tal-Istat Membru kkonċernat ta’ ċittadini Torok li jixtiequ jerżerċitaw il-libertà ta’ stabbiliment tagħhom (36).

64.      Għaldaqstant, din id-dispożizzjoni ma toħloqx interferenza mal-kompetenza tal-Istati Membri li jirregolaw id-dritt ta’ stabbiliment (37). Skont il-Qorti tal-Ġustizzja, hija topera sempliċement bħala regola kważi proċedurali li tippreskrivi, ratione temporis, liema huma d-dispożizzjonijeit tal-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li fir-rigward tagħhom għandha tiġi evalwata s-sitwazzjoni ta’ ċittadin Tork li jixtieq jeżerċita l-libertà ta’ stabbiliment fi Stat Membru (38), indipendentement minn jekk għandux jew le residenza legali f’dan l-Istat Membru (39).

65.      Dwar dan l-aħħar punt, għandu jitfakkar li, fil-kawża li tat lok għas-sentenza Savas (40), il-persuna kkonċernata kienet invokat il-klawżola “standstill” prevista fl-Artikolu 41(1) tal-protokoll addizzjonali wara li kienet kisret id-dispożizzjonijiet nazzjonali fil-qasam tal-immigrazzjoni billi għexet illegalment fit-territorju ta’ Stat Membru matul iktar minn għaxar snin. Madankollu, dan il-fatt ma wassalx lill-Qorti tal-Ġustizzja tirrifjuta li tinvoka r-regola proċedura stabbilita f’din id-dispożizzjoni.

66.      Bl-istess mod, fil-kawża Tum u Dari ċċitata iktar ’il fuq, il-klawżola “standstill” prevista fl-Artikolu 41(1) tal-protokoll addizzjonali kienet invokata minn żewġ ċittadini Torok li kienu għexu fi Stat Membru bi ksur ta’ digriet ta’ espulsjoni mogħti wara li ġiet miċħuda t-talba għal ażil tagħhom. Fis-sentenza tagħha, il-Qorti tal-Ġustizzja espressament ċaħdet l-argument li jipprovdi li ċittadin Tork ma jistax jinvoka klawżola “standstill” biss jekk daħal legalment fl-Istat Membru (41).

67.      Għaldaqstant, jidhirli li M. Dereci, li s-sitwazzjoni tiegħu tixbah ftit lil dik li tat lok għall-kawża Tum u Dari, tista’ tibbenefika mill-applikazzjoni tal-Artikolu 41(1) tal-protokoll addizzjonali.

68.      F’dawn il-kundizzjonijiet, ma huwiex strettament neċessarju li tingħata risposta għall-parti tar-raba’ domanda li tikkonċerna l-interpretazzjoni tal-Artikolu 13 fid-Deċiżjoni Nru 1/80, peress li l-applikazzjoni simultanja ta’ din id-dispożizzjoni mal-Artikolu 41(1) tal-protokoll addizzjonali hija eskluża (42).

69.      Madankollu, f’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, fl-osservazzjonijiet tagħhom quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, diversi gvernijiet inistew fuq il-fatt li l-klawżola “standstill” prevista fl-Artikolu 13 tad-Deċiżjoni Nru 1/80 ma tibbenefikax ċittadini Torok li jinsabu f’sitwazzjoni illegali fir-rigward ta’ residenza. Din l-interpretazzjoni tirriżulta mill-kliem stess ta’ din id-dispożizzjoni, kif ukoll mill-punt 84 tas-sentenza Abatay et., iċċitata iktar ’il fuq.

70.      Jekk jiġi aċċettat dan ir-raġunament, isegwi li din il-klawżola jkollha portata differenti minn dik stabbilita fl-Artikolu 41(1) tal-protokoll addizzjonali.

71.      Tali interpretazjzoni tkun tmur kontra linja ta’ ġurisprudenza li tassimila l-portata ta’ dawn iż-żewġ klawżoli “standstill” (43) u li bis-saħħa tagħhom il-Qorti ddeċidiet ukoll li l-Artikolu 13 tad-Deċiżjoni Nru 1/80 jipprojbixxi restrizzjonijiet ġodda għall-eżerċizzju tal-libertà ta’ moviment tal-ħaddiema, inkluż dawk dwar il-kundizzjonijiet sostanzjali u/jew proċedurali fil-qasam tal-ewwel ammissjoni fit-territorju ta’ Stat Membru (44), bħal kif ġie deċiż fir-rigward tal-Artikolu 41(1) tal-protokoll addizzjonali.

72.      Madankollu, mingħajr ma huwa neċessarju li tiġi deċiża din id-domanda, huwa biżżejjed li jitfakkar, kif jirriżulta mid-deċiżjoni tar-rinviju u kif sostnew M. Dereci u l-Kummissjoni matul is-seduta, li M. Dereci għex legalment fit-territorju Awstrijak sal-31 ta’ Diċembru 2005 u li huwa biss b’effett tal-1 ta’ Jananr 2006 li r-residenza tiegħu saret illegali minħabba li, bi ksur tad-dispożizzjonijiet inkwistjoni tan-NAG, huwa baqa’ jgħix f’dan it-territorju sakemm ġiet deċiża t-talba tiegħu għal riunifikazzjoni tal-familji. Madankollu, ma tistax, fil-fehma tiegħi, fir-rigward ta’ ċittadin Tork, li jixtieq jinvoka l-Artikolu 13 tad-Deċiżjoni Nru 1/80, tiġi invokata l-allegata irregolarità tar-residenza tiegħu fit-territorju ta’ Stat Membru peress li din l-irregolarità tirriżulta mill-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet leġiżlattivi tal-imsemmi Stat Membru li l-kompatibbiltà tagħhom mal-projbizzjoni ta’ dan l-Istat Membru li jadotta restrizzjonjiet ġodda fis-sens tal-Artikolu 13 tad-Deċiżjoni Nru 1/80 hija preċiżament imqajma minn qorti nazzjonali. Fil-każ li jiġi konkluż mod ieħor, dan iċaħħad din id-dispożizzjoni mill-effett utli tagħha.

73.      Għal dawn ir-raġunijiet, nipproponi li tingħata risposta kif ġej għar-raba’ domanda magħmula mill-qorti tar-rinviju: l-Artikolu 41(1) tal-protokoll addizzjonali u l-Artikolu 13 tad-Deċiżjoni Nru 1/80 għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu, f’każ ta’ ċittadin Tork bħal M. Dereci, l-issuġġettar tad-dħul inizjali ta’ tali ċittadin għal dispożizzjonijiet nazzjonali iktar stretti minn dawk li qabel kienu japplikaw għal tali dħul, minkejja li dawn tal-aħħar, li kienu llaxkaw s-sistema preċedenti tad-dħul inizjali, daħlu fis-seħħ biss wara li l-artikoli ċċitati dwar l-assoċjazzjoni mar-Repubblika tat-Turkija daħlu fis-seħħ fl-Istati Membru kkonċernat.

III – Konklużjoni

74.      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi kif ġej għad-domandi magħmula mill-Verwaltungsgerichtshof:

“1)      L-Artikolu 20 TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li ma japplikax għal ċittadin tal-Unjoni li huwa l-konjuġi, il-ġenitur jew il-wild minuri ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz, fil-każ fejn dan iċ-ċittadin tal-Unjoni qatt ma jkun eżerċita d-dritt tiegħu għall-moviment liberu bejn l-Istati Membri u jkun dejjem għex fl-Istat Membru li għandu ċ-ċittadinanza tiegħu, sa fejn is-sitwazzjoni tal-imsemmi ċittadin tal-Unjoni ma tkunx marbuta ma’ miżuri nazzjonali li għandhom bħala effett li jċaħħduh mit-tgawdija effettiva tal-essenzjal tad-drittijiet marbuta mal-istatus tiegħu ta’ ċittadin tal-Unjoni jew li jostakolaw l-eżerċizzju tad-dritt tiegħu ta’ moviment liberu u ta’ residenza libera fuq it-territorju tal-Istati Membri.

2)      L-Artikolu 41(1) tal-protokoll addizzjonali, iffirmat fit-23 ta’ Novembru 1970, anness mal-Ftehim li jistbabilixxi assoċjazzjoni bejn il-Komunità Ekonomika Ewropea u t-Turkija, iffirmat f’Ankara fit-12 ta’ Settembru 1963, u l-Artikolu 13 tad-Deċiżjoni Nru 1/80, tad-19 ta’ Settembru 1980, tal-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni implementata bil-ftehim li joħloq assoċjazzjoni bejn il-Komunità Ekonomika Ewropea u t-Turkija, dwar l-iżvilupp tal-assoċjazzjoni, għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu, f’każ ta’ ċittadin Tork bħal M. Dereci, l-issuġġettar tad-dħul inizjali ta’ tali ċittadin għal dispożizzjonijiet nazzjonali iktar stretti minn dawk li qabel kienu japplikaw għal tali dħul, minkejja li dawn tal-aħħar, li kienu llaxkaw is-sistema preċedenti tad-dħul inizjali, daħlu fis-seħħ biss wara li l-artikoli ċċitati dwar l-assoċjazzjoni mar-Repubblika tat-Turkija daħlu fis-seħħ fl-Istati Membru kkonċernat.


1 Lingwa tal-kawża : il-Ġermaniż


2 – Sentenza tat-8 ta’ Marzu 2011 (C‑34/09, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra).


3 – Sentenza tal-5 ta’ Mejju 2011 (C‑434/09, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra).


4 – Direttiva 2004/38/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tad-29 ta’ April 2004, dwar id-drittijiet taċ-ċittadini tal-Unjoni u tal-membri tal-familja tagħhom biex jiċċaqilqu u jgħixu liberament fit-territorju tal-Istati Membri u li temenda r-Regolament (KEE) Nru 1612/68 u li tħassar id-Direttivi 64/221/KEE, 68/360/KEE, 72/194/KEE, 73/148/KEE, 75/34/KEE, 75/35/KEE, 90/364/KEE, 90/365/KEE u 93/96/KEE (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 5, p. 46, u –rettifikattivi - ĠU 2004, L 229, p. 35, u ĠU 2005, L 197, p. 34).


5 – ĠU 1964, 217, p. 3685.


6 –            Protokoll addizzjonali u protokoll finanzjarju, iffirmati fit-23 ta’ Novembru 1970, annessi mal-Ftehim li jistabbilixxi Assoċjazzjoni bejn il-Komunità Ekonomika Ewropea u t-Turkija dwar il-miżuri li għandhom jiġu adottati għad-dħul fis-seħħ tiegħu – Att Finali – ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 11, Vol. 11, p. 43


7 –            ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 11, Vol. 11, p. 41


8 – Skont il-ġurisprudenza, ir-regoli tat-TFUE dwar il-moviment liberu tal-persuni u l-atti adottati b’eżekuzzjoni tagħhom ma jistgħux japplikaw għal sitwazzjonijiet li ma għandhom ebda rabta ma’ waħda mis-sitwazzjonijiet kwalunkwe previsti mid-dritt tal-Unjoni u li l-elementi kollha rilevanti tagħha huma limitati għat-territorju ta’ Stat Membru wieħed (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal-1 ta’ April 2008, Gouvernement de la Communauté française u gouvernement wallon, C‑212/06, Ġabra p. I‑1683, punt 33; tal-25 ta’ Lulju 2008, Metock et., C‑127/08, Ġabra p. I‑6241, punt 77, u McCarthy, iċċitata iktar ’il fuq, punt 45).


9 – Diżpożittiv tas-sentenza Ruiz Zambrano, iċċitata iktar ’il fuq (korsiv miżjud minni). Ara, wkoll, punt 42 tal-imsemmija sentenza, li jirreferi huwa stess għall-punt 42 tas-sentenza tat-2 ta’ Marzu 2010, Rottman (C‑135/08, Ġabra p. I‑1449), li skontha l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li kien ċar li s-sitwazzjoni ta’ ċittadin tal-Unjoni li, bħal M. Rottman, kien ikkonfrontat b’deċiżjoni ta’ rtirar tan-naturalizzazzjoni adottata mill-awtoritajiet ta’ Stat Membru u li, wara li tilef iċ-ċittadinanza ta’ Stat Membru ieħor li kellu oriġinarjament, poġġietu f’sitwazzjoni li tista’ timplika t-telf tal-istatus mogħti mill-Artikolu 17 KE (li sar l-Artikolu 20 TFUE) u tad-drittijiet marbuta miegħu, kienet, min-natura u l-konsegwenzi tagħha, taqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni.


10–        Sentenza Ruiz Zambrano, iċċitata iktar ’il fuq (punt 44).


11 – Sentenza ċċitata iktar ’il fuq (punti 46, 47 u 55).


12 – Idem (punt 26).


13 – Idem (punti 39 u 43).


14 – Sentenza tat-2 ta’ Ottubru 2003 (C‑148/02, Ġabra p. I‑11613).


15 – Sentenza tal-14 ta’ Ottubru 2008 (C‑353/06, Ġabra p. I‑7639).


16 – Sentenza McCarthy, iċċitata iktar ’il fuq (punti 49 sa 53).


17–        Ara, f’dan ir-rigward, il-klassifikazzjoni mill-ġdid tat-talba ta’ S, McCarthy fil-punti 22 u 23 tas-sentenza McCarthy, iċċitata iktar ’il fuq.


18 – Idem (punt 49).


19 – Idem (punt 50). Kif tfakkar fil-punt 29 tas-sentenza McCarthy, il-prinċipju tad-dritt internazzjonali inkwistjoni, ikkonfermat fl-Artikolu 3 tal-Protokoll Nru 4 tal-KEDB, jimplika li Stat Membru ma jistax ikeċċi liċ-ċittadini tiegħu stess jew jirrifjuta li jidħlu jew li jirrisjedu fit-territorju tiegħu.


20 – Idem (punti 55 u 56).


21 – Għandhom jissemmew żewġ punti. Minn naħa, ir-raġuni li għaliha l-Qorti tal-Ġustizzja tagħżel eżami tas-sitwazzjonijet li taw lok għal dawn iż-żewġ kawżi fid-dawl tal-Artikolu 20 TFUE jew inkella fid-dawl tal-Artikolu 21 TFUE ma hijiex ċara. F’dan ir-rigward, l-Artikolu 20(2) TFUE jidher li huwa elenk tad-drittijiet rikonoxxuti liċ-ċittadini tal-Unjoni, li l-modalitajiet tagħhom huma ppreċiżati fl-Artikoli 21 TFUE sa 24 TFUE u, għalhekk, għandhom portata iktar estiża mid-dritt ta’ residenza u ta’ moviment imsemmi fl-Artikolu 21(1) TFUE. Madankollu, ma tingħatax informazzjoni dwar liema dritt, fost id-drittijiet elenkati fl-Artikolu 20(2)(a), minbarra naturalment dak dwar il-moviment u r-residenza taċ-ċittadini tal-Unjoni fit-territorju tal-Istati Membri, seta’ kien inkwistjoni fil-kawżi Ruiz Zambrano u McCarthy. Min-naħa l-oħra, iż-żieda fil-motivazzjoni tas-sentenza McCarthy tal-kriterju tal-“ostakolu għall-eżerċizzju tad-dritt ta’ moviment u ta’ residenza libera fit-territorju tal-Istati Membri” li jippermetti li ssir rabta bejn sitwazzjoni interna u d-dritt tal-Unjoni, u parallelment għal dan, kif jirriżulta mis-sentenza Ruiz Zambrano, it-tiċħid mit-tgawdija effettiva tal-essenzjal tad-drittijiet marbuta mal-istatus taċ-ċittadin tal-Unjoni, tidher, fl-aħħar mill-aħħar, għal dak li jikkonċerna l-uniku dritt li jistgħu jiċċaħdu minnu l-ulied ta’ Ruiz Zambrano, li ddgħajjef dan il-kriterju. Għalhekk, jekk tiġi applikata s-sentenza McCarthy f’sitwazzjoni partikolari, ċittadin tal-Unjoni li għadu ma eżerċitax id-dritt tiegħu għall-moviment liberu jista’ jaqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni mhux billi jipproduċi prova ta’ tiċħid mit-tgawdija effettiva tad-dritt għall-moviment liberu u għal residenza libera fit-territorju tal-Istati Membri, iżda sempliċement tal-eżistenza ta’ ostakolu għall-eżerċizzju ta’ tali libertà. Għalhekk, minn dan il-lat, is-sentenza McCarthy tidher li ddgħajjef l-oneru tal-prova meħtieġ fis-sentenza Ruiz Zambrano sabiex sitwazzjoni nazzjonali tista’ taqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni.


22 – Sa fejn huwa rilevanti, id-Direttiva tal-Kunsill 2003/86/KE dwar id-dritt għal riunifikazzjoni tal-familja (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 6, p. 224) lanqas ma hija applikabbli għas-sitwazzjonijiet li taw lok għall-kawżi prinċipali, li għalkemm huwa minnu li tikkonċerna r-riunifikazzjoni tal-familji li jgawdu ċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi, madankollu hija biss applikabbli għall-kundizzjoni li dawn jirrisjedu illegalment fit-territorju tal-Istati Membri u, kif sostniet il-Kummissjoni fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, tibbenefika biss lill-membri tal-familja tal-imsemmija ċittadini li ma għandhomx iċ-ċittadinanza tal-Unjoni sabiex ikunu jistgħu jidħlu fl-imsemmi territorju.


23 – Fis-seduta tal-Qorti tal-Ġustizzja, ir-rappreżentant ta’ M. Dereci sostna li dan tal-aħħar kellu l-obbligu li jmantni lill-uliedu. Madankollu, din iċ-ċirkustanza ma tirriżultax mill-konstatazzjonijiet fattwali li saru mill-qorti tar-rinviju.


24 – Jiġifieri, rispettivament, id-dritt ta’ vot u ta’ eliġibbiltà fl-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew kif ukoll fl-elezzjonijiet muniċipali fl-Istat Membru fejn jirrisjedi ċ-ċittadin tal-Unjoni, bl-istess kundizzjonijiet bħaċ-ċittadini tal-imsemmi Stat Membru, id-dritt li jibbenefikaw, fit-territorju ta’ pajjiż terz jew l-Istat Membru li fih l-Istat Membru li għandu ċittadinanza tiegħu ċ-ċittadin tal-Unjoni huwa ċittadin ma huwiex irrappreżentat, mill-protezzjoni tal-awtoritajiet diplomatiċi u konsulari ta’ kull Stat Membru bl-istess kundizzjonijiet taċ-ċittadini ta’ dan l-Istat kif ukoll id-dritt li jindirizza petizzjonijiet lill-Parlament Ewropew, li jirrikorri għall-Medjatur Ewropew, kif ukoll id-dritt li jindirizza ruħu lill-istituzzjonijiet u lill-korpi konsultattivi tal-Unjoni f’waħda mill-lingwi tat-Trattat u li jirċievi risposta fl-istess lingwa.


25 – It-tieni sentenza tal-Artikolu 20(2) TFUE issemmi fil-fatt li ċ-ċittadini tal-Unjoni jgawdu “fost l-oħrajn” id-drittijiet elenkati fil-punti (a) sa (d) ta’ din l-istess dispożizzjoni. Madankollu, ser nirrilevaw li, bis-saħħa tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 25 TFUE, huwa biss il-Kunsill, li jadotta b’unanimità, wara approvazzjoni tal-Parlament Ewropew, li għandu l-possibbiltà jadotta dispożizzjonijiet “sabiex isaħħu jew iżidu mad-drittijiet elenkati” fl-Artikolu 20(2) TFUE.


26 – Skont dawn id-dispożizzjonijiet, il-Karta ma testendix l-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni lil hinn mill-kompetenzi tal-Unjoni. Hija lanqas ma toħloq kompetenza jew kompitu ġdid għall-Unjoni u la temenda l-kompetenzi u lanqas il-kompiti ddefiniti fit-Trattati.


27 – Ara, b’mod partikolari, f’dan ir-rigward, is-sentenzi tal-11 ta’ Lulju 2002, Carpenter (C‑60/00, Ġabra p. I‑6279), u Metock et., iċċitata iktar ’il fuq (punt 56), kif ukoll id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2004/38.


28–        Ara sentenza Metock et., iċċitata iktar ’il fuq (punti 77 sa 79).


29 – Ara wkoll, f’dan is-sens, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Kokott ippreżentati fil-kawża li tat lok għas-sentenza McCarthy, iċċitati iktar ’il fuq (punt 60). F’dan ir-rigward, nirrileva li, għalkemm id-dritt Awstrijak jeżiġi li l-awtoritajiet nazzjonali jiżnu l-motivi tar-rifjut li jingħata permess ta’ residenza lil ċittadin ta’ pajjiż terz u n-neċessità li tiġi rrispettata l-ħajja privata u tal-familja, fis-sens tal-Artikolu 8 tal-KEDB, mill-elementi pprovduti mill-qorti tar-rinviju ma jirriżultax b’mod ċar li sar tali bbilanċjar tal-interessi fir-rigward tal-każijiet ta’ A. Kokollari u ta’ I.E. Maduike. Fil-każ tal-familja Dereci, lanqas ma huwa madankollu ċert li l-awtoritajiet nazzjonali vverfikaw li r-rifjut ta’ permess ta’ residenza mmotivat, parzjalment, bin-nuqqas ta’ osservanza tal-kriterju strett, stabbilit mil-leġiżlazzjoni Awstrijaka, dwar il-livell ta’ dħul meħtieġ għal tali familja, huwa proporzjonat meta mqabbel mar-rekwiżit ta’ protezzjoni tal-ħajja tal-familja. Fi kwalunkwe każ, kif diġà ġie indikat, hija l-qorti nazzjonali li għandha twettaq dan l-eżami, taħt l-istħarriġ, skont il-każ, tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem.


30 – Ara l-implikazzjonijiet tas-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Carpenter u Metock et., kif ukoll tad-Direttiva 2004/38.


31 – Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-11 ta’ Diċembru 2007, Eind (C‑291/05, Ġabra p. I‑10719, punti 35 sa 37).


32 – Hemm kawżi oħra dwar l-interpretazzjoni tal-Artikolu 20 TFUE, wara s-sentenza Ruiz Zambrano, iċċitata iktar ’il fuq, li huma attwalment pendenti quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja: ara każijiet O u S (C-356/11) u L (C-357/11), ippreżentati fis-7 ta’ Lulju 2011.


33 – Għalkemm dan ma huwiex ikkontestat, infakkar li l-Artikolu 13 tad-Deċiżjoni Nru 1/80 u l-Artikolu 41(1) tal-protokoll addizzjonali jistgħu jiġu direttament invokati miċ-ċittadini Torok quddiem il-qrati nazzjonali sabiex jiċħdu l-applikazzjoni ta’ regoli tad-dritt nazzjonali kuntrarji għall-klawżoli inekwivoċi “standstill” li jinkludu dawn id-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni: ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal-21 ta’ Ottubru 2003, Abatay et (C‑ 317/01 u C‑369/01, Ġabra p. I‑12301, punti 58 u 117).


34 – Sentenza tad-9 ta’ Diċembru 2010 (C‑300/09 u C‑301/09, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punti 54 u 60).


35 – Idem (punti 52 u 55).


36 – Ara, f’dan is-sens, b’mod partikolari, is-sentenzi tal-20 ta’ Settembru 2007, Tum u Dari (C‑16/05, Ġabra p. I‑7415, punt 69); tas-17 ta’ Settembru 2009, Sahin (C‑242/06, Ġabra p. I‑8465, punt 64), u tad-29 ta’ April 2010, Il-Kummissjoni vs Il-Pajjiżi l-Baxxi (C‑92/07, Ġabra p. I‑3683, punt 47)


37 – Ara, f’dan is-sens, sentenzi tad-19 ta’ Frar 2009, Soysal u Savatli (C‑228/06, Ġabra p. I‑1031, punt 47), u tal-21 ta’ Lulju 2011, Oguz (C‑186/10, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 26).


38 – Sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Tum u Dari (punt 55) u Oguz (punt 28).


39 – Sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Tum u Dari (punt 59) u Oguz (punt 33).


40 – Sentenza tal-11 ta’ Mejju 2000 (C‑37/98, Ġabra p. I‑2927).


41 – Sentenza ċċitata iktar ’il fuq (punti 59 u 64 sa 67).


42 – Ara sentenza Abatay et., iċċitata iktar ’il fuq (punt 86).


43 – Ara, b’mod partikolari, sentenza Toprak u Oguz, iċċitati iktar ’il fuq (punt 54).


44 – Ara sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Pajjiżi l-Baxxi, iċċitata iktar ’il fuq (punt 49). Ara wkoll, f’dan is-sens, sentenza Toprak u Oguz, iċċitata iktar ’il fuq (punt 45).