Digriet tal-Qorti tal-Ġustizzja (Is-Seba’ Awla) tat-18 ta’ Settembru 2012 — Omnicare vs UASI

(Kawża C-588/11 P)

“Appell — Trade mark Komunitarja — Applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tas-sinjal verbali ‘OMNICARE’ — Oppożizzjoni — Deċiżjoni tal-Bord tal-Appell li tiċħad l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni — Rikors — Sentenza tal-Qorti Ġenerali li tiċħad dan ir-rikors — Irtirar tal-oppożizzjoni — Appell — Ma hemmx lok li tingħata deċiżjoni”

Trade mark Komunitarja — Proċedura għat-tressiq ta’ kawża — Ma hemmx lok li tingħata deċiżjoni — Appell mill-applikant għal trade mark Komunitarja kontra sentenza tal-Qorti Ġenerali li tikkonferma d-deċiżjoni ta’ Bord tal-Appell li ċaħdet ir-reġistrazzjoni — Irtirar tal-oppożizzjoni ppreżentata kontra l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni — Tmiem tal-kawża (Regolament tal-Kunsill Nru 40/94, Artikolu 63) (ara l-punti 11, 12)

Suġġett

Appell mis-sentenza tal-Qorti Ġenerali (L-Ewwel Awla) tad-9 ta’ Settembru 2011, Omnicare vs UASI — Astellas Pharma (OMNICARE) (T-290/09), li permezz tagħha l-Qorti Ġenerali ċaħdet ir-rikors għal annullament ippreżentat mill-applikant għat-trade mark verbali “OMNICARE”, għal servizzi fil-klassi 42, kontra d-Deċiżjoni R 402/2008-4 tar-Raba’ Bord tal-Appell tal-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (UASI), tal-14 ta’ Mejju 2009, li tannulla d-deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni li tiċħad l-oppożizzjoni mill-proprjetarju tat-trade mark nazzjonali “OMNICARE”, għal servizzi fil-klassijiet 35, 41 u 42 — Interpretazzjoni u applikazzjoni tal-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009 — Kunċett ta’ użu ġenwin mit-trade mark preċedenti — Trade mark użata għal servizzi pprovduti bla ħlas.

Dispożittiv

1)

Ma hemmx lok li tingħata deċiżjoni dwar l-appell ippreżentat minn Omnicare Inc.

2)

Omnicare Inc. hija kkundannata tbati l-ispejjeż tal-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI), fil-kuntest tal-istanza preżenti kif ukoll tal-proċeduri għal miżuri provviżorji.

3)

Omnicare Inc. u Astellas Pharma GmbH għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom.