10.3.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 73/16


Rikors ippreżentat fit-13 ta’ Diċembru 2011 — Il-Kummissjoni Ewropea vs Ir-Repubblika tal-Polonja

(Kawża C-639/11)

2012/C 73/29

Lingwa tal-kawża: il-Pollakk

Partijiet

Rikorrenti: Il-Kummissjoni Ewropea (rappreżentanti: G. Wilms, G. Zavvos u K. Herrmann, aġenti)

Konvenuta: Ir-Repubblika tal-Polonja

Talbiet

tikkonstata li r-Repubblika tal-Polonja naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 2a tad-Direttiva 70/311/KEE dwar l-approvazzjoni ta’ sistemi ta’ steering (1), taħt l-Artikolu 4(3) tad-Direttiva 2007/46/KE dwar l-approvazzjoni ta’ vetturi bil-mutur (2), kif ukoll taħt l-Artikolu 34 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, sa fejn, fir-rigward ta’ vetturi ġodda jew li qabel kienu rreġistrati fi Stati Membri oħra li jkollhom l-isteering fuq il-lemin, tissuġġetta r-reġistrazzjoni tagħhom għall-kundizzjoni li l-isteering jitqiegħed fuq in-naħa tax-xellug;

tikkundanna lir-Repubblika tal-Polonja għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Il-Kummissjoni tallega li r-Repubblika tal-Polonja kisret l-Artikolu 2 tad-Direttiva 70/311/KEE, l-Artikolu 4(3) tad-Direttiva 2007/46/KE, kif ukoll l-Artikolu 34 TFUE.

Fir-Repubblika tal-Polonja t-traffiku jsuq fuq il-lemin. Skont il-leġiżlazzjoni Pollakka, sabiex vettura tiġi rreġistrata, huwa meħtieġ ċertifikat li l-vettura għaddiet mill-ispezzjonijiet tekniċi. F’dan il-kuntest, fuq il-bażi tar-regolamenti tal-Ministru tal-Infrastruttura (3), il-vetturi li l-isteering tagħhom jinsab fuq il-lemin jitqiesu a priori bħala li ma għaddewx mill-ispezzjonijiet tekniċi (jiġifieri, il-kundizzjoni teknika titqies li ma hijiex konformi mar-rekwiżiti tekniċi obbligatorji). Konsegwentement, vetturi bl-isteering fuq il-lemin, li l-użu tagħhom huwa awtorizzat fi Stati Membri fejn it-traffiku jsuq fuq ix-xellug, bħall-Gran Brittanja, l-Irlanda, Malta u Ċipru, ma jistgħux jiġu rreġistrati fil-Polonja. L-awtoritajiet Pollakki ma jieħdux inkunsiderazzjoni l-fatt li tali vetturi kienu diġà rreġistrati fi Stati Membri oħra fejn it-traffiku jsuq fuq il-lemin.

Il-fatt li, fil-Polonja, ma huwiex possibbli li jiġu rreġistrati vetturi (ġodda u użati) importati, minn Stati Membri fejn it-traffiku jsuq fuq il-lemin, lejn il-Polonja prinċipalment minn ċittadini Pollakki li jeżerċitaw id-dritt tagħhom ta’ moviment liberu fl-Unjoni, ma jistax ikun ġustifikat, skont il-Kummissjoni, mir-raġuni imperattiva ta’ interess pubbliku li tiġi żgurata s-sigurtà fit-toroq.

Sa fejn vetturi mhux irreġistrati li l-isteering tagħhom ikun jinsab fuq il-lemin jistgħu jintużaw fil-Polonja mingħajr limitazzjoni, il-projbizzjoni ta’ reġistrazzjoni tagħhom ma hijiex miżura xierqa u ċertament ma hijiex proporzjonata sabiex jintlaħaq l-għan iddikjarat.

Fil-fatt, huwa bl-użu fit-tul ta’ tali vetturi f’toroq fejn it-traffiku jsuq fuq il-lemin li tista’ tinkiseb ċerta kunfidenza fis-sewqan u dan l-użu, mill-perspettiva tas-sigurtà fit-toroq, ma jikkostitwixxix theddida ikbar mill-moviment okkażjonali/temporanju ta’ tali vettura. Barra minn hekk, hemm miżuri oħra inqas restrittivi li huma disponibbli, bħal pereżempju l-installazzjoni ta’ mirja addizzjonali, li jiffaċilitaw il-qbiż minn vetturi bi steering fuq il-lemin fi traffiku li jsuq fuq il-lemin.


(1)  Direttiva tal-Kunsill 70/311/KEE, tat-8 ta’ Ġunju 1970, dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri li għandhom x’jaqsmu mat-tagħmir għall-kontroll tad-direzzjoni ta’vetturi bil-mutur u l-karrijiet tagħhom (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 1, p. 90).

(2)  Direttiva 2007/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-5 ta’ Settembru 2007, li tistabbilixxi kwadru għall-approvazzjoni ta’ vetturi bil-mutur u l-karrijiet tagħhom, u ta’ sistemi, komponenti u unitajiet tekniċi separati maħsuba għal tali vetturi (ĠU L 263, p 1).

(3)  Artikolu 9(2) tad-Digriet tal-31 ta’ Diċembru 2012; Paragrafu 5.1 tal-Anness I tar-Regolament tal-Ministru tal-Infrastruttura tas-16 ta’ Diċembru 2003; Paragrafu 6.1 talAnness I tar-Regolament tal-Ministru tal-Infrastruttura tat-18 ta’ Settembru 2009, li jissostitwixxi u jħassar ir-Regolament tas-16 ta’ Diċembru 2003.