10.3.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 73/15


Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-High Court of Ireland (l-Irlanda) fid-9 ta’ Diċembru 2011 — Anglo Irish Bank Corporation Ltd vs Quinn Investments Sweden AB et

(Kawża C-634/11)

2012/C 73/28

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Qorti tar-rinviju

High Court of Ireland

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: Anglo Irish Bank Corporation Ltd

Konvenuti: Quinn Investments Sweden AB, Sean Quinn, Ciara Quinn, Collette Quinn, Sean Quinn Junior, Brenda Quinn, Aoife Quinn, Stephen Kelly, Peter Darragh Quinn u Niall McPartland Indian Trust

Domandi preliminari

(1)

Din it-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-Artikolu 28 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 44/2001, tat-22 ta’ Diċembru 2000, dwar ġurisdizzjoni u rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali (1) (iktar ’il quddiem ir-“Regolament Nru 44/2001” u l-“Artikolu 28”) u l-proċedura li għandha tiġi adottata minn qorti nazzjonali (iktar ’il quddiem il-qorti tal-“Istat A”) meta hija tiddeċiedi fuq eċċezzjoni ta’ nuqqas ta’ ġurisdizzjoni mqajma kontra din il-qorti, skont l-Artikolu 28, fir-rigward ta’ talba ġdida (iktar ’il quddiem it-“tielet proċedura”), fiċ-ċirkustanzi fejn il-qorti tal-Istat A hija:

a)

adita fl-ewwel lok b’talba (iktar ’il quddiem l-“ewwel proċedura”) li hija potenzjalment konnessa ma’ talba (iktar ’il quddiem it-“tieni proċedura”) imressqa quddiem qorti ta’ Stat Membru ieħor (iktar ’il quddiem il-qorti tal-“Istat B”); u

b)

adita wkoll b’talba (iktar ’il quddiem it-“tielet proċedura”) li hija potenzjalment konnessa mat-tieni proċedura; u

c)

ikkonfrontata b’eċċezzjoni ta’ nuqqas ta’ ġurisdizzjoni skont l-Artikolu 28 tar-Regolament Nru 44/2001 imqajma kontra l-ġurisdizzjoni tal-Istat A biex ma tiddeċidix fil-kuntest tat-tielet proċedura, għaliex it-tieni proċedura (miftuħa quddiem il-qorti tal-Istat B) u t-tielet proċedura (miftuħa quddiem il-qorti tal-Istat A) huma konnessi fis-sens tal-imsemmi Artikolu 28.

(2)

Il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Qorti tal-Ġustizzja”) hija speċifikament mitluba tiddeċiedi fuq id-domandi segwenti:

(1)

Għandha l-qorti tal-Istat A tistenna l-eżitu ta’ talba mressqa quddiem il-qorti tal-Istat B imsejħa sabiex tiddeċiedi fuq il-kwistjoni dwar jekk din il-qorti tal-Istat B għandhiex tissospendi jew tirrinunzja għat-tieni proċedura, skont l-Artikolu 28 tar-Regolament Nru 44/2001, qabel ma tiddeċiedi fuq il-kwistjoni dwar jekk hija, il-qorti tal-Istat A, għandhiex tissospendi jew tirrinunzja għat-tielet proċedura ?

(2)

Fil-każ li l-qorti tal-Istat A ma għandhiex għalfejn tistenna l-eżitu tat-talba mressqa quddiem il-qorti tal-Istat B imsejħa tiddeċiedi fuq il-kwistjoni dwar jekk din il-qorti tal-Istat B għandhiex tissospendi jew tirrinunzja għat-tieni proċedura, skont l-Artikolu 28 tar-Regolament Nru 44/2001, qabel ma tiddeċiedi fuq il-kwistjoni dwar jekk hija, il-qorti tal-Istat A, għandhiex tissospendi jew tirrinunzja għat-tielet proċedura, għandha l-qorti tal-Istat A tieħu inkunsiderazzjoni l-eżistenza tal-ewwel proċedura meta hija tiddeċiedi fuq il-kwistjoni dwar jekk hija għandhiex tissospendi jew tirrinunzja għat-tielet proċedura ?

(3)

Fil-każ li l-qorti tal-Istat B tikkonferma l-ġurisdizzjoni tagħha fir-rigward tat-tieni proċedura, għandha l-qorti tal-Istat A tieħu inkunsiderazzjoni l-eżistenza tal-ewwel proċedura meta hija tiddeċiedi fuq il-kwistjoni dwar jekk hija għandhiex tissospendi jew tirrinunzja għat-tielet proċedura, skont l-Artikolu 28 tar-Regolament Nru 44/2001 ?

(4)

Il-fatt li t-tielet proċedura setgħet tinżamm bħala kontrotalba (iżda ma sarx hekk) fil-kuntest tal-ewwel proċedura mill-persuna li tilmenta fit-tielet proċedura huwa fattur sinjifikattiv, u, jekk iva, x’kunsiderazzjonijiet xierqa għandha l-qorti tal-Istat A tattribbwixxi lil dan il-fattur meta hija tiddeċiedi fuq il-kwistjoni dwar jekk hija għandhiex tirrinunzja jew jissospendi t-tielet proċedura, skont l-Artikolu 28 tar-Regolament Nru 44/2001.


(1)  ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 4, p. 42