21.4.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 118/8


Appell ippreżentat fit-8 ta’ Diċembru 2011 mir-Regione autonoma della Sardegna mis-sentenza tal-Qorti Ġenerali (Ir-Raba’ Awla) mogħtija fl-20 ta’ Settembru 2011 fil-Kawżi magħquda T-394/08, T-408/08, T-453/08 u T-454/08, Regione autonoma della Sardegna et vs Il-Kummissjoni

(Kawża C-631/11 P)

2012/C 118/13

Lingwa tal-kawża: it-Taljan

Partijiet

Appellanti: Regione autonoma della Sardegna (rappreżentant: A. Fantozzi, avukat)

Partijiet oħra fil-proċedura: Il-Kummissjoni Ewropea, Selene di Alessandra Cannas Sas et

Talbiet tal-appellanti

tannulla u/jew tibdel is-sentenza tal-Qorti Ġenerali, mogħtija fl-20 ta’ Settembru 2011, fil-kawżi magħquda T-394/08, T-408/08, T-453/08 u T-454/08;

tannulla d-deċiżjoni tal-Kummissjoni KE tat-3 ta’ Lulju 2008 (għajnuna mill-Istat C1/2004 L-Italja — SG-Greffe (2008) D/204339), dwar skema ta’ għajnuna “Liġi Regjunali Nru 9 tal-1998 — Applikazzjoni abbużiva tal-għajnuna Nru 272/98”.

Aggravji u argumenti prinċipali

Insostenn tal-appell tagħha, ir-rikorrenti tinvoka żewġ aggravji.

L-ewwel aggravju huwa bbażat fuq ksur tal-Artikolu 107(3) TFUE. B’mod partikolari, l-appellanti ssostni l-ksur u l-applikazzjoni ħażina tal-prinċipju ta’ neċessità u tal-prinċipju tal-effett ta’ inċentiv li jirriżulta minn approċċ eċċessivament formalistiku, li jmur kontra l-prinċipju tal-prevalenza tas-sustanza fuq il-forma, u ssostni wkoll in-nuqqas ta’ teħid inkunsiderazzjoni tal-ispeċifiċità fir-rigward tal-aspetti intertemporali tad-dritt li jikkaraterizzaw kawża partikolari.

It-tieni aggravju jirrigwarda l-ksur tal-prinċipji ta’ ċertezza legali u tal-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi kif ukoll il-ksur tal-Artikolu 14 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) 659/1999 (1). Il-konstatazzjonijiet huma ispirati mill-pekuljarità intertemporali tal-kawża, li ma ngħatatx importanza fis-sentenza appellata. Il-Qorti Ġenerali marret lil hinn minn dak stabbilit mill-ġurisprudenza f’dan il-qasam, billi talbet mill-operatur ekonomiku livell ta’ diliġenza li ma jistax jintlaħaq konkretament, peress li r-rekwiżit li t-talba ssir qabel ma jinbdew ix-xogħlijiet huwa element Komunitarju li l-introduzzjoni tiegħu kienet kontemporanja mal-avvenimenti inkwistjoni fil-kawża u għaldaqstant ma kienx possibbli li jkun magħruf fil-mument meta ġiet ifformata d-determinazzjoni tal-volontà tal-impriża.


(1)  GU L Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 1, p. 339.