18.2.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 49/15


Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Korkein hallinto-oikeus (il-Finlandja) fil-25 ta’ Novembru 2011 — Anssi Ketelä

(Kawża C-592/11)

2012/C 49/25

Lingwa tal-kawża: il-Finlandiż

Qorti tar-rinviju

Korkein hallinto-oikeus

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrent: Anssi Ketelä

Konvenuta: Etelä-Pohjanmaan elinkeino-, liikenne- ja ympäristökeskus

Domandi preliminari

(1)

Kif għandu jiġi interpretat l-Artikolu 22(1)(a) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1698/2005 (1) (“għall-ewwel darba qegħdin jistabbilixxu [ruħhom f’] azjenda agrikola bħala kapijiet tal-azjenda”) kif ukoll id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 13(4) u (6) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1974/2006 (2) f’sitwazzjoni fejn l-agrikoltura tikkostitwixxi parti mill-attività ta’ kumpannija? Fil-kuntest tal-eżami dwar jekk persuna stabbilietx ruħha għall-ewwel darba f’azjenda bħala kap tal-azjenda, il-kriterju determinanti sabiex tiġi evalwata l-attività preċedenti jinsab fis-setgħa deċiżjonali li l-persuna għandha fil-kumpannija minħabba azzjonijiet li hija l-proprjetarja tagħhom jew fl-ammont ta’ dħul li hija tikseb mill-agrikoltura; jew fil-kwistjoni dwar jekk l-attività tagħha fil-kumpannija tistax titqies bħala li tifforma unità ta’ produzzjoni distinta, funzjonalment u ekonomikament indipedenti? Jew inkella, l-istabbiliment bħala kap tal-azjenda għandu jiġu evalwat globalment billi jittieħdu inkunsiderazzjoni, flimkien mal-fatturi ċċitati iktar ’il fuq, il-pożizzjoni tal-persuna fil-kumpannija u jekk hija fil-fatt tassumix riskju tal-impriża?

(2)

Fil-kuntest tal-applikazzjoni tal-importanza tal-attività preċedenti għall-għoti ta’ għajnuna abbażi ta’ attività oħra, il-kunċett ta’ stabbiliment bħala kap tal-azjenda agrikola għandu jiġi interpretat bl-istess mod għal attività li tifforma l-bażi tat-talba għal għajnuna? Sabiex tinċaħad, abbażi ta’ attività preċedenti, talba għal għajnuna għall-installazzjoni ta’ bdiewa żgħażagħ ippreżentata skont l-Artikolu 22 tar-Regolament tal-Kunsill, huwa meħtieġ li din l-attività preċedenti kienet fil-prinċipju, fuq il-bażi tad-dispożizzjonijiet fis-seħħ, attività eliġibbli għall-għajnuna?

(3)

L-Artikolu 13(4) tar-Regolament tal-Kummissjoni għandu jiġi interpretat fis-sens li jippermetti lil-leġiżlazzjoni nazzjonali li tippreċiża jew li tispeċifika l-kriterji msemmija fl-ewwel domanda, li abbażi tagħhom persuna titqies bħala li bdiet attività ta’ kap tal-azjenda, jew din id-dispożizzjoni tippermettilha biss li tiffissa d-data tal-istabbiliment?


(1)  Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1698/2005, tal-20 ta’ Settembru 2005, dwar appoġġ għall-iżvilupp rurali mill-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR) (ĠU L 286M, p. 26).

(2)  Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru°1974/2006, tal-15 ta’ Diċembru 2006, li jistabbilixxi regoli ddettaljati għall-applikazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1698/2005 dwar l-appoġġ għall-iżvilupp rurali mill-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR) (ĠU L 322M, p. 305).