|
28.1.2012 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 25/36 |
Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mis-Symvoulio tis Epikrateias (il-Greċja) fis-16 ta’ Novembru 2011 — Eleftherios-Themistoklis Nasiopoulos vs Ypourgos Ygeia kai Pronoias
(Kawża C-575/11)
(2012/C 25/70)
Lingwa tal-kawża: il-Grieg
Qorti tar-rinviju
Symvoulio tis Epikrateias.
Partijiet fil-kawża prinċipali
Rikorrent: Eleftherios-Themistoklis Nasiopoulos.
Konvenut: Ypourgos Ygeia kai Pronoias.
Domanda preliminari
Għall-finijiet tal-Artikolu 43 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, l-għan li tiġi ggarantita l-provvista ta’ servizzi tas-saħħa ta’ kwalità huwa suffiċjenti, fid-dawl ukoll tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, sabiex jiġġustifika restrizzjoni għal-libertà ta’ stabbiliment li tirriżulta mis-sistema tad-dispożizzjonijiet fis-seħħ fi Stat Membru (Stat Membru ospitanti) li: a) jippermettu l-eżerċizzju ta’ ċerti attivitajiet professjonali biss għall-persuni li għandhom id-dritt li jeżerċitaw f’dan l-Istat Membru l-professjoni rregolata tal-fiżjoterapija; b) jeskludu l-possibbiltà ta’ aċċess parzjali għal din il-professjoni; u c) jimplikaw, konsegwentement, għal ċittadin tal-Istat Membru ospitanti, li jkun kiseb fi Stat Membru ieħor (Stat Membru ta’ oriġini) titolu li jippermettilu li jeżerċita professjoni marbuta mal-provvista ta’ servizzi tas-saħħa li hija regolata f’dan l-aħħar Stat [li iżda ma jippermettilux li jeżerċita l-professjoni ta’ fiżjoterapista fl-Istat Membru ospitanti, għaliex il-kundizzjonijiet stabbiliti bid-Direttiva tal-Kunsill 92/51/KEE “dwar it-tieni sistema ġenerali għar-rikonoxximent tal-edukazzjoni u t-taħriġ professjonali sabiex tiġi ssupplimenta [ssupplimentata] d-Direttiva 89/48/KEE” (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 2, p. 47) ma humiex sodisfatti], l-impossibbiltà totali li jeżerċita fl-Istat Membru ospitanti — permezz ta’ aċċess parzjali għall-professjoni ta’ fiżjoterapista — parti biss mill-attivitajiet koperti minn din il-professjoni, jiġifieri dawk li l-parti kkonċernata għandha d-dritt li teżerċita fl-Istat Membru ta’ oriġini?