11.2.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 39/7


Rikors ippreżentat fit-18 ta’ Ottubru 2011 — Il-Kummissjoni Ewropea vs Ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq

(Kawża C-530/11)

(2012/C 39/11)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Rikorrenti: Il-Kummissjoni Ewropea (rappreżentanti: P. Oliver, aġent, L. Armati, aġent)

Konvenut: Ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq

Talbiet

tikkonstata li, billi naqas milli jittrasponi b’mod sħiħ u japplika korrettament l-Artikoli 3(7) u 4(4) tad-Direttiva 2003/35/KE (1) tal-Palament Ewropew u tal-Kunsill, tas-26 ta’ Mejju 2003, li tipprovdi għall-parteċipazzjoni pubblika rigward it-tfassil ta’ ċerti pjani u programmi li għandhom x’jaqsmu mal-ambjent u li temenda d-Direttivi tal-Kunsill 85/337/KEE (2) u 96/61/KE (3) rigward il-parteċipazzjoni pubblika u l-aċċess għall-ġustizzja, ir-Renju Unit naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu taħt din id-direttiva;

tikkundanna lir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Skont l-Artikoli 3(4) u 4(4) tad-Direttiva 2003/35/KE tal-Palament Ewropew u tal-Kunsill, il-proċeduri ġudizzjarji li jirrigwardaw kwistjonijiet ambjentali ma għandhomx ikunu jiswew tant li jkunu projbittivi. Dan jimplementa l-Artikolu 9(4) tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus dwar l-aċċess għat-tagħrif, il-parteċipazzjoni pubblika fit-tiswir tad-deċiżjonijiet u l-aċċess għall-ġustizzja f’materji ambjentali li ġiet konkluża mill-Unjoni u minn ħafna mill-Istati Membri.

Il-Kummissjoni ssostni li r-Renju Unit naqas milli jittrasponi dawn id-dispożizzjonijiet fit-tliet ġurisdizzjonijiet kollha tiegħu (l-Ingilterra u Wales, l-Iskozja u l-Irlanda ta’ Fuq).

Wara analiżi tar-regoli u tal-prattiki applikabbli f’dawn il-ġurisdizzjonijiet u eżami tal-kunċett ta’ proċeduri “[li jiswew] tant li [j]kun[u] projbittiv[i]”, il-Kummissjoni ssostni wkoll li r-Renju Unit naqas milli japplika korrettament dawn id-dispożizzjonijiet.


(1)  Direttiva 2003/35/KE tal-Palament Ewropew u tal-Kunsill, tas-26 ta’ Mejju 2003, li tipprovdi għall-parteċipazzjoni pubblika rigward it-tfassil ta’ ċerti pjani u programmi li għandhom x’jaqsmu mal-ambjent u li temenda d-Direttivi tal-Kunsill 85/337/KEE u 96/61/KE rigward il-parteċipazzjoni pubblika u l-aċċess għall-ġustizzja — Dikjarazzjoni mill-Kummissjoni (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15 Vol. 7 p. 466)

(2)  Direttiva tal-Kunsill, 85/337/KEE, tas-27 ta’ Ġunju 1985, dwar l-istima tal-effetti ta’ ċerti proġetti pubbliċi u privati fuq l-ambjent (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 1, p. 248)

(3)  Direttiva tal-Kunsill 96/61/KE tal-24 ta’ Settembru 1996, dwar il-prevenzjoni u l-kontroll integrat tat-tniġġis (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 3, p. 80)