10.12.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 362/11


Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Bundesgerichtshof (il-Ġermanja) fil-5 ta’ Settembru 2011 — Verwertungsgesellschaft Wort (VG Wort) vs Canon Deutschland GmbH

(Kawża C-458/11)

2011/C 362/16

Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż

Qorti tar-rinviju

Bundesgerichtshof

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: Verwertungsgesellschaft Wort (VG Wort)

Konvenuta: Canon Deutschland GmbH

Domandi preliminari

Il-Qorti tal-Ġustizzja qegħdin isirulha d-domandi segwenti dwar l-interpretazzjoni tad-Direttiva 2001/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-22 ta’ Mejju 2001, dwar l-armonizzazzjoni ta’ ċerti aspetti ta’ drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati fis-soċjetà tal-informazzjoni (1):

(1)

Id-Direttiva 2001/29 għandha tittieħed inkunsiderazzjoni fl-interpretazzjoni tad-dritt nazzjonali fir-rigward ta’ każijiet li seħħew wara d-data tad-dħul fis-seħħ tagħha, jiġifieri t-22 ta’ Ġunju 2011, iżda qabel id-data sa meta kellha tiġi implementata, jiġifieri t-22 ta’ Diċembru 2002?

(2)

Riproduzzjonijiet permezz ta’ stampaturi jistgħu jiġu kkunsidrati bħala riproduzzjonijiet imwettqa bl-użu ta’ kull xorta ta’ teknika fotografika jew b’xi proċess ieħor li jkollu l-istess effetti, fis-sens tal-Artikolu 5(2)(a) tad-Direttiva 2001/29?

(3)

Fil-każ li t-tieni domanda tingħata risposta fl-affermattiv: fid-dawl tad-dritt fundamentali għal trattament ugwali skont l-Artikolu 20 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE, ir-rekwiżiti tad-Direttiva 2001/29 dwar kumpens ġust fil-każ ta’ eċċezzjonijiet jew limitazzjoni għad-dritt ta’ riproduzzjoni taħt l-Artikolu 5(2) u (3) tad-Direttiva 2001/29 jkunu sodisfatti meta l-persuna responsabbli għall-ħlas ta’ kumpens xieraq ma tkunx il-manifattur, l-importatur jew il-bejjiegħ tal-istampatur iżda l-manifattur, l-importatur jew il-bejjiegħ ta’ apparat ieħor jew ta’ diversi apparati oħra li jifformaw unità li wkoll kapaċi twettaq riproduzzjonijiet?

(4)

Il-possibbiltà li jiġu applikati miżuri teknoloġiċi skont l-Artikolu 6 tad-Direttiva 2001/29 tfisser li l-kundizzjoni ta’ kumpens ġust fis-sens tal-Artikolu 5(2)(b) tad-Direttiva tista’ ma tiġix applikata?

(5)

Il-kundizzjoni [Artikolu 5(2)(a) u (b) tad-Direttiva 2001/29] u l-possibbiltà (ara l-premessa 36 tad-Direttiva) ta’ kumpens ġust tista’ ma tiġix applikata meta d-detentur tad-dritt ikun ta l-kunsens tiegħu, b’mod espliċitu jew impliċitu, għar-riproduzzjoni tax-xogħol tiegħu?


(1)  ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 230.