26.11.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 347/11


Appell ippreżentat fit-2 ta’ Settembru 2011 minn Solvay SA mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (Is-Sitt Awla Estiża) fis-16 ta’ Ġunju 2011 fil-Kawża T-186/06, Solvay SA vs Il-Kummissjoni Ewropea

(Kawża C-455/11 P)

2011/C 347/16

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Appellanti: Solvay SA (rappreżentanti: O. W. Brouwer, avukat, M. O’Regan, solicitor)

Parti oħra fil-proċedura: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet tal-appellanti

L-appellanti titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja joġgħbha:

tannulla l-punti 121sa 170 tas-sentenza,

tannulla l-punti 394, 395 u 402 sa 427 tas-sentenza,

tagħti sentenza finali hija stess u tannulla d-deċiżjoni kkontestata sa fejn jiġi kkonstatat li (a) l-appellanti kisret l-Artikolu 81(1) KE bejn Mejju 1995 u Awwissu 1997 u li (b) l-appellanti kienet it-tielet impriża li tissodisfa r-rekwiżiti ta’ punt 21 tal-Avviż ta’ Klemenza tal-2002, u għalhekk tnaqqas il-multa imposta fuq l-appellanti, jew, sussidjarjament, tirrinvija l-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali, u

tordna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż tal-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali u l-Qorti tal-Ġustizzja.

Aggravji u argumenti prinċipali

L-appellanti tressaq żewġ aggravji. Fis-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali parzjalment ċaħdet ir-rikors ippreżentat mill-appellanti għall-annullament parzjali tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2006) 1766 finali, tat-3 ta’ Mejju 2006, dwar proċedura skont l-Artikolu 81 KE u l-Artikolu 53 tal-Ftehim taż-ŻEE (COMP/F/38.620 każ — Perossidu tal-idroġenu u perborat).

Permezz tal-ewwel aggravju, l-appellanti tikkontesta l-konklużjoni tal-Qorti Ġenerali li tipprovdi li l-appellanti pparteċipat fi ksur tal-Artikolu 81(1) KE u l-Artikolu 53(1) ŻEE bejn Mejju 1995 u Awwissu 1997. Il-Qorti Ġenerali eċċediet il-poteri ta’ stħarriġ tagħha u wettqet żball ta’ liġi meta kkonkludiet li l-appellanti ddiskutiet u/jew skambjat informazzjoni dwar il-prezzijiet u dwar l-istrateġija kummerċjali tagħha ma’ impriżi oħra: tali konklużjonijiet ma setgħux isiru abbażi tat-test tad-deċiżjoni kkontestata. Il-Qorti Ġenerali wetqet żbalji ta’ liġi billi kkonfermat il-konklużjoni tad-deċiżjoni kkontestata li, billi kien hemm intenzjoni komuni li tiġi ristretta l-kompetizzjoni, id-diskussjonijiet, in-negozjati u l-iskambju ta’ informazzjoni bejn il-manifatturi tal-perossidu tal-idroġenu (inkluża l-appellanti) f’tentattiv mingħajr suċċess li jsir arranġamenti għat-tqassim tas-suq (li ma wasslux għall-konklużjoni ta’ ftehim bejniethom) ikkostitwixxew ksur tal-Artikoli 81(1) KE u 53(1) taż-ŻEE minħabba li huma kienu, alternattivament, jew negozjati preparatorji u li kienu jagħmlu parti mill-istess arranġament kollużiv bħal akkordju ammess dwar l-iffissar tal-prezzijiet konkluż f’Awissu 1997 jew prattika miftiehma għat-“tħejijja ta’ bażi” għal dak li iktar tard sar l-akkordju u/jew li tikkostitwixxi skambju ta’ informazzjoni projbit bejn impriżi.

Permezz tat-tieni aggravju tagħha, l-appellanti tikkontesta l-konklużjoni tal-Qorti Ġenerali li l-Kummissjoni ma eċċedietx il-marġini ta’ diskrezzjoni fil-konstatazzjoni tagħha, fid-deċiżjoni kkontestata, li impriża oħra, Arkema, kienet issodisfatt ir-rekwiżiti tal-punt 21 tal-Avviż tal-Klemenza tal-2002 tal-Kummissjoni, fit-3 ta’ April 2003. Il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi fid-definizzjoni u l-applikazzjoni tal-kunċett ta’ “valur miżjud sinifikanti” u ħolqot żnaturament tal-provi u wettqet żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni ta’ dawn il-provi, meta ddeċidiet li d-dokumenti mibgħuta bil-faks minn Arkema fit-3 ta’ April 2003 mingħajr ebda spjegazzjoni mehmuza kienu jirrapreżentaw valur miżjud sinifikanti skont il-punt 21 tal-Avviż ta’ Klemenza tal-2002. Hija wkoll wetqet żbalji manifesti ta’ liġi u ta’ proċedura u żnaturat il-provi meta kkonkludiet li l-Kummissjoni kienet intitolata fid-deċiżjoni kkontestata li tasal għal konklużjoni differenti minn dik milħuqa bid-Deċiżjoni C(2006) 2098 tal-31 ta’ Mejju 2006 dwar proċedura skont l-Artikolu 81 KE u l-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE (Każ COMP/F.38.645 — methacrylate), li fiha hija kkonstatat li l-istess faks tat-3 ta’ April 2003 ta’ Arkema (li kienet tikkonċerna l-investigazzjonijiet mill-Kummissjoni ta’ diversi allegati akkordji inklużi dawk ta’ HP u Methacrylates) ma tissodisfax ir-rekwiżiti tal-punt 21 tal-Avviż ta’ Klemenza tal-2002 sakemm susegwentement ġew provduti spjegazzjonijiet minn Arkema.