22.10.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 311/29


Appell ippreżentat fit-31 ta’ Awwissu 2011 minn SNIA SpA kontra s-sentenza tal-Qorti Ġenerali (Is-Sitt Awla Estiża) tas-16 ta’ Ġunju 2011, fil-Kawża T-194/06, SNIA vs Il-Kummissjoni

(Kawża C-448/11 P)

2011/C 311/47

Lingwa tal-kawża: it-Taljan

Partijiet

Appellanti: SNIA SpA (rappreżentanti: A. Santa Maria, B. Biscaretti di Ruffia u E. Gambaro, avukati)

Parti oħra fil-proċedura: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet tal-appellanti

tannulla s-sentenza li ċaħdet ir-rikors ippreżentat minn SNIA S.p.A u, b’konsegwenza, tannulla d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2006) 1766 finali, tat-3 ta’ Mejju 2006, sa fejn tinkludi SNIA SpA fost id-destinatarji tad-deċiżjoni, filwaqt li timponi, in solidum ma’ Caffaro Srl, multa ta’ EUR 1 078 miljun;

sussidjarjament, tirrinvija l-kawża lill-Qorti Ġenerali għall-eżami mill-ġdid skont l-indikazzjonijiet u l-kriterji li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha tistabilixxi f’din il-proċedura tal-appell;

fi kwalunkwe każ, tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż taż-żewġ istanzi.

Aggravji u argumenti prinċipali

Fl-ewwel aggravju, SNIA tilmenta dwar l-iżball ta’ liġi li wettqet il-Qorti Ġenerali meta ddeduċiet awtomatikament li SNIA hija responsabbli minħabba li din tal-aħħar ngħaqdet ma’ Caffaro SpA, u li applikat ħażin il-prinċipji dwar l-allokazzjoni tar-responsabbiltà fil-qasam tal-kompetizzjoni, partikolarment fir-rigward l-hekk imsejjaħ kriterju ta’ “vijabbiltà ekonomika”, u dawk dwar l-oneru tal-prova. Skont l-appellanti, il-qorti tal-ewwel istanza ikklassifikat il-każ b’mod żbaljat u żnaturat uħud mill-provi.

Fit-tieni aggravju tagħha, l-appellanti tilmenta li d-deċiżjoni naqset milli tistabbilixxi d-diskrepanza bejn id-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet u d-deċiżjoni rigward l-element tal-amalgamazzjoni bejn SNIA u Caffaro SpA B’mod partikolari, l-appellanti tallega l-ksur u l-applikazzjoni żbaljata mill-Qorti Ġenerali tal-Artikolu 27 tar-Regolament (KE) 1/2003 (1), il-ksur tad-drittijiet tad-difiża tagħha, il-klassifikazzjoni ġuridika żbaljata u ż-żnaturament tal-fatti u tal-provi.

It-tielet motiv, l-appellanti tallega l-applikazzjoni żbaljata tal-Artikolu 296 TFUE u l-evalwazzjoni żbaljata tal-provi tali li joħolqu żnaturament tal-kontenut u l-ambitu u l-ksur tad-drittijiet ta’ difiża. B’mod partikolari, l-appellanti tilmenta li s-sentenza naqset milli tistabbilixxi li l-motivazzjoni tad-deċiżjoni kienet insuffiċjenti u kontradittorja, sa fejn tidentifika r-responsabbiltà in solidum ta’ SNIA. Barra minn hekk, l-appellanti tallega “distorsjoni” tal-kontenut tas-sentenza u ksur tad-drittijiet tad-difiża tagħha peress li l-Qorti Ġenerali stabbilixxiet ir-responsabbiltà tagħha fuq elementi li fuqhom SNIA la kellha l-opportunità li tesprimi lilha infisha matul il-proċedura amministrattiva u lanqas waqt il-proċedura tal-ewwel istanza.


(1)  ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8 Vol. 2 p. 205